SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ April 2009 ( *1 )

“Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent — Obbligu li ssir pubblika l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni ta’ proġett”

Fil-Kawża C-75/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Frar 2008, fil-proċedura

The Queen, fuq talba ta’:

Christopher Mellor

vs

Secretary of State for Communities and Local Government,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C.W.A. Timmermans, President ta’ Awla, J.-C. Bonichot (Relatur), K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C. Mellor, minn R. Harwood, barrister u R. Buxton, solicitor,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. Oliver u J.-B. Laignelot, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Jannar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata mid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”).

2

Din it-talba kienet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn C. Mellor u s-Secretary of State for Communities and Local Government, li kienet tikkonċerna l-ħtieġa jew inqas li tiġi motivata d-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali kompetenti li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem l-“EEA”) meta jsir l-eżami tat-talba għall-approvazzjoni tal-bini ta’ sptar, liema proġett jaqa’ taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

4

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

a)

eżami każ b’każ,

jew

b)

l-għetiebi [il-limiti] meħtieġa jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru,

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).

3.   Meta jiġi mwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi [limiti] jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 2 għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.”

5

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-awtoritajiet li x’aktarx ikunu sejrin ikollhom x’jaqsmu mal-proġett minħabba r-responsabbilitajiet speċifiċi tagħhom jiġu mogħtija l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar it-tagħrif fornit mill-iżviluppatur u fuq it-talba ta’ kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet li għandhom jiġu kkonsultati, jew f’termini ġenerali jew fuq il-bażi ta’ każ b’każ. It-tagħrif miġbur skond l-Artikolu 5 għandu jintbagħat lil dawn l-awtoritajiet. Għandhom jiġu preskritti arranġamenti dettaljati mill-Istati.

2.   Il-pubbliku għandu jiġi mgħarraf, jew b’avviżi pubbliċi jew b’mezzi oħra approprjati bħalma hija l-medja elettronika meta disponibbli, dwar il-materji li ġejjin kmieni fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2) u, l-iktar tard, hekk kif ittagħrif ikun jista’ jiġi pprovvdut b’mod raġjonevoli:

a)

fuq it-talba għall-kunsens dwar l-iżvilupp;

b)

il-fatt illi l-proġett huwa bla ħsara għal proċedura ta’ l-istima ta’ l-impatt ambjentali […];

[…]

d)

in-natura tad-deċiżjonijiet possibbli jew, meta jkun hemm wieħed, l-abbozz tad-deċiżjoni;

[…]

f)

indikazzjoni dwar iż-żmenijiet jew il-posijiet meta u li permezz tagħhom it-tagħrif irid jiġi magħmul disponibbli;

g)

id-dettalji ta’ l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku magħmula skond il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, fi kwadri raġjonevoli taż-żmien, dan li ġej għandu jintgħamel disponibbli lill-pubbliku interesat:

a)

kull tagħrif miġbur skond l-Artikolu 5;

b)

skond il-leġislazzjoni nazzjonali, ir-rapporti prinċipali u l-pariri mogħtija lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien meta jiġi mgħarraf il-pubbliku interessat skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

c)

skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 2002/4/KE tal-Parlamewnt Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif dwar l-ambjent […], it-tagħrif għajr dak riferit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jkun rilevanti għad-deċiżjoni skond l-Artikolu 8 u li jintgħamel disponibbli biss wara ż-żmien li lpubbliku interessat ikun ġie mgħarraf skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-pubbliku interessat għandu jingħata opportunitajiet minn kmienu u effettivi għalbiex jipparteċipa fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet riferiti fl-Artikolu 2(2) u għandu, għal dan il-għan, ikun intitolat li jesprimi kummenti u opinjonijiet meta l-għażliet kollha jkunu miftuħa lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunsens fl-iżvilupp.

5.   L-arranġamenti ddettaljati sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf (per eżempju bit-twaħħil tal-kartelluni f’ċertu raġġ jew bil-pubblikazzjoni fil-gazzetti lokali) u sabiex il-pubbliku interessat jiġi kkonsultat (per eżempju b’sottomissjonijiet bil-miktub jew permezz ta’ inkjesta pubblika) għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

6.   Għandhom jiġu pprovvduti kwdari raġjonevoli taż-żmien għall-fażijiet differenti, billi jiġi permess żmien biżżejjed sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf u sabiex il-pubbliku interessat iħejji ruħu u jipparteċipa b’mod effettiv fit-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.”

6

Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 85/337:

Meta tittieħed deċiżjoni sabiex jiġu konċessi jew irrifjutati kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-pubbliku bihom skond il-proċeduri xierqa u għandhom jagħmlu disponibbli lill-pubbliku t-tagħrif li ġej:

il-kontenut tad-deċiżjoni u kull kondizzjoni mehmuża magħha,

wara li jkunu eżaminaw it-tħassib u l-opinjonijiet espressi mill-publiku interesst, ir-raġunijiet ewliena u l-konsiderazzjonijiet lifuqhom tkun imsejsa d-deċiżjoni, inkluż it-tagħrif dwar il-proċess tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku,

deskrizzjoni, fejn meħtieġa, tal-miżuri ewliena sabiex jiġu evitati, imnaqqsa u, jekk possibbli, ikkontrobilanċjati l-effetti negattivi maġġuri.

2.   L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lil kull Stat Membru li jkun ġie kkonsultat skond l-Artikolu 7, billi jibagħtulu t-tagħrif riferit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

L-Istati Membri kkonsultati għandhom jiżguraw illi dan it-tagħrif jiġi magħmul disponibbli f’manjiera approprjata lill-pubbliku interessat fit-territorju tagħhom.”

7

L-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat:

a)

li jkollhom interess biżżejjed, jew alternattivament,

b)

li jżommu l-indebboliment ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal rivista quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu rrikużati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-EEA, ipprovduti mid-Direttiva 85/337, ġew inizjalment trasposti mir-Regolamenti dwar l-Urbaniżmu u l-Iżvilupp Rurali tal-1988 [The Town and Country Planning (Assessment of Environmental Effects) Regulations 1988 (S. I. 1988/1199)].

9

Wara li d-Direttiva 85/337 ġiet emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151), dawn ir-regolamenti ġew issostitwiti mir-Regolamenti dwar l-Urbaniżmu u l-Iżvilupp Rurali (l-Ingilterra u Wales) tal-1999 [The Town and Country Planning (Environmental Impact Assessment) (England and Wales) Regulations 1999 (S. I. 1999/293)], kif emendat bir-Regolament dwar l-Urbaniżmu u l-Iżvilupp Rurali (l-Ingilterra u Wales) tal-2006 [The Town and Country Planning (Environmental Impact Assessment) (England and Wales) Regulations 2006 (S. I. 2006/3295), iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti EEA”].

10

L-Annessi 1 sa 3 tar-Regolamenti EEA jikkorrispondu rispettivament għall-Annessi I sa III tad-Direttiva 85/337.

11

L-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti EEA jipprovdi li “talba EEA” tfisser “talba għal permess ta’ bini għal żvilupp EEA”, jiġifieri żvilupp li għalih hija neċessarja EEA.

12

Skont din l-istess dispożizzjoni “żvilupp EEA” jfisser:

“a)

żvilupp li jaqa’ taħt l-Anness 1;

jew

b)

żvilupp li jaqa’ taħt l-Anness 2 li jista’ jkollu effetti notevoli fuq l-ambjent minħabba fatturi bħan-natura tiegħu, id-dimensjoni jew il-lok tiegħu.”

13

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti EEA jirriżulta li żvilupp jikkostitwixxi “żvilupp li jaqa’ taħt l-Anness 2 tar-regolamenti” meta:

“[…] jikkorrispondi għal deskrizzjoni msemmija fil-kolonna 1 tat-tabella ta’ dan l-anness, li ma jkunx suġġett għal eżenzjoni u meta:

(a)

parti kwalunkwe ta’ dan l-iżvilupp għandha ssir f’żona sensibbli;

jew

(b)

limitu applikabbli jew kriterju li jidher fil-parti korrispondenti tal-kolonna 2 tat-tabella, rispettivament, jiddekorri jew jiġi sodisfatt fir-rigward ta’ dan l-iżvilupp”.

14

Fl-Anness 2 tar-Regolamenti EEA, il-paragrafu 10(b) jikkonċerna “proġetti ta’ żvilupp urban” (kolonna 1) li l-wiċċ taż-żona għal żvilupp tkun ogħla minn nofs ettaru (kolonna 2).

15

Skont l-Artikolu 2(1)(h) tar-Regolamenti EEA, iż-żoni b’pajżaġġ eċċezzjonali (area of outstanding natural beauty) jikkostitwixxu “żoni sensibbli”.

16

Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolamenti EEA jirriżulta li żvilupp tat-tip li jinsab fl-Anness 2 jitqies bħala żvilupp EEA, jiġifieri żvilupp li għalih hija meħtieġa EEA, meta applikant b’mod volontari jissottometti “dikjarazzjoni ambjentali” skont ir-Regolamenti EEA jew meta dipartiment ta’ urbaniżmu lokali, fuq talba jew ex officio, jadotta opinjoni ta’ eżami preliminari li tindika li l-iżvilupp huwa żvilupp EEA.

17

Meta talba għal permess ta’ bini tat-tip li jinsab fl-Anness 2 ma tinkludix dikjarazzjoni ambjentali, id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-ħtieġa li tiġi pprovduta EEA jittieħdu mid-dipartimenti lokali tal-urbaniżmu taħt forma ta’ opinjoni ta’ eżami preliminari u mis-Secretary of State taħt forma ta’istruzzjonijiet ta’ eżami preliminari.

18

Skont l-Artikolu 2(1) tar-regolamenti EEA:

opinjoni ta’ eżami preliminari (“screening opinion”) hija “opinjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-urbaniżmu, bil-miktub u li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk l-iżvilupp li għandu jsir huwiex żvilupp EEA”, u

l-istruzzjonijiet ta’ eżami preliminari (“screening direction”) huma “l-istruzzjonijiet mogħtija mis-Secretary of State li jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk l-iżvilupp huwiex żvilupp EEA”.

19

Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolamenti EEA, l-istruzzjonijiet ta’ eżami preliminari maħruġa mis-Secretary of State għandhom preċedenza fuq id-dikjarazzjonijiet ambjentali kif ukoll fuq l-opinjonijiet ta’ eżami preliminari adottati mid-dipartimenti tal-urbaniżmu lokali.

20

Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolamenti EEA, l-opinjoni ta’ eżami preliminari għandha tiġi adottata f’terminu ta’ tliet ġimgħat, jew f’kull terminu itwal kif mifthiem mal-persuna li qed tippromwovi l-proġett.

21

Skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolamenti EEA, jekk l-awtoritajiet ma jagħtux opinjoni ta’ eżami preliminari fit-termini legalment mogħtija, jew jekk jirriżulta mill-opinjoni li l-iżvilupp ikkonċernat huwa żvilupp EEA, il-persuna li talbet l-opinjoni, jew il-persuna li ppreżentat it-talba għal permess tal-bini, tista’ titlob lis-Secretary of State sabiex jagħti istruzzjonijiet ta’ eżami preliminari.

22

Skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolamenti EEA, meta tiġi adottata opinjoni ta’ eżami preliminari jew jingħataw istruzzjonijiet ta’ eżami preliminari li jikkwalifikaw żvilupp bħala żvilupp EEA “din l-opinjoni jew dawn l-istruzzjonijiet jinkludu dikjarazzjoni bil-miktub li timmotiva debitament din il-konklużjoni, b’mod ċar u preċiż”.

23

Skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolamenti EEA, id-deċiżjonijiet ta’ eżami preliminari għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji ta’ eżami elenkati fl-Anness 3 tar-Regolamenti EEA.

24

Fost il-kriterji msemmija fl-Anness 3 tar-Regolamenti EEA hemm:

“Il-karatteristiċi tal-proġetti ta’ żvilupp”;

“Il-post tal-proġetti ta’ żvilupp”, u

“Il-karatteristiċi tal-impatt potenzjali”.

25

Madankollu r-regolamenti ma jipprovdux għall-komunikazzjoni tar-raġunijiet ta’ opinjoni ta’ eżami preliminari jew ta’ istruzzjoni ta’ opinjoni preliminari li ma tikkwalifikax l-iżvilupp inkwistjoni bħala żvilupp EEA.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fix-xahar ta’ Ottubru 2004, Partnerships in Care (iktar ’il quddiem “PiC”) iddepożita fi ħdan l-awtorità lokali kompetenti fil-qasam tal-urbaniżmu, il-Harrogate Borough Council (iktar ’il quddiem il-“Council”), talba għal permess għall-bini ta’ sptar ta’ sigurtà medja f’HMS Forest Moor fuq art li tinsab f’post rurali fiż-żona b’pajżaġġ eċċezzjonali ta’ Nidderdale (“Nidderdale Area of Outstanding Natural Beauty”, iktar ’il quddiem “Nidderdale AONB”), li fiha kien hemm bażi navali qadima. Il-permess tal-bini ngħata matul ix-xahar ta’ Awwissu 2005.

27

Wara rikors ippreżentat minn resident lokali, il-permess tal-bini ġie annullat, permezz ta’ deċiżjoni tal-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, fil-5 ta’ April 2006, minħabba, b’mod partikolari, li l-Council ma kienx adotta opinjoni ta’ eżami preliminari fir-rigward tal-EEA.

28

Fis-7 ta’ Lulju 2006, il-konsulent dwar l-urbaniżmu ta’ PiC talab lill-Council sabiex jagħti opinjoni ta’ eżami preliminari skont l-Artikolu 5 tar-Regolamenti EEA.

29

Għalhekk fl-24 ta’ Lulju 2006, l-Għaqda tar-Residenti għall-Protezzjoni ta’ Nidderdale (Residents for the Protection of Nidderdale) kitbu lill-Council sabiex jindika li kienet meħtieġa EEA tal-proġett.

30

Fil-25 ta’ Awwissu 2006, il-Council tal-opinjoni ta’ eżami preliminari tiegħu billi kkonkluda li l-proġett ippreżentat ma kellux effett ambjentali notevoli u li, b’hekk, ma kinitx meħtieġa EEA.

31

Fl-4 ta’ Settembru 2006, Mellor kiteb lill-Council f’isem l-Għaqda tar-Residenti għall-Protezzjoni ta’ Nidderdale fejn indika li l-opinjoni ta’ eżami preliminari jmissha imponiet EEA.

32

Fit-3 ta’ Ottubru 2006, PiC, li straħet fuq l-opinjoni tal-Council tal-25 ta’ Awwissu 2006, ressqet it-talba għall-permess tal-bini inkwistjoni.

33

Fl-20 ta’ Ottubru 2006, il-konsulenti dwar l-urbaniżmu ta’ PiC, li ġew informati dwar il-fatt li l-Council kellu jbiddel il-pożizzjoni tiegħu dwar in-neċessità li twettaq EEA, kitbu lill-Government Office for Yorkshire and the Humber sabiex jitolbu lis-Secretary of State sabiex joħroġ istruzzjonijiet ta’ eżami preliminari.

34

Fit-23 ta’ Ottubru 2006, il-Council effettivament biddel il-pożizzjoni tiegħu f’opinjoni ġdida fejn iddeċieda, abbażi tal-informazzjoni mogħtija minn Mellor, u wara li wettaq konsultazzjonijiet ġodda, li kienet meħtieġa EEA.

35

Wara li PiC marret quddiem is-Secretary of State, dan, fl-4 ta’ Diċembru 2006, ħareġ istruzzjonijiet ta’ eżami preliminari li kienu jmorru fis-sens oppost tal-aħħar opinjoni mogħtija mill-Council.

36

Wara li kkonstata li l-proġett inkwistjoni kien “proġett tat-tip li jinsab fl-Anness 2” tar-Regolamenti EEA, is-Secretary of State adotta d-deċiżjoni li ġejja:

“[…] wara li kkunsidra l-kriterji ta’ selezzjoni elenkati fl-Anness 3 tar-Regolamenti EEA u l-protesti magħmula minn C. Mellor f’isem l-Għaqda tar-Residenti għall-Protezzjoni ta’ Nidderdale, is-Secretary of State iqis li l-proġett m’għandux ikollu effetti notevoli fuq l-ambjent minħabba fatturi bħan-natura tiegħu, id-daqs tiegħu jew il-lok tiegħu.

B’hekk, bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lilu permezz tal-Artikolu 6(4) tar-Regolamenti EEA, is-Secretary of State jordna li l-proġett deskritt fit-talba tagħkom u fid-dokumenti annessi magħha mhuwiex ‘proġett EEA’ fis-sens tar-Regolamenti EEA. B’hekk, l-ebda wieħed mid-drittijiet ta’ bini approvati li minnhom jista’ jibbenefika l-proġett tagħkom skont it-Town and Country Planning (General Permitted Developement) Order 1995 ma hu affettwat.

Fir-rigward tal-istruzzjonijiet imsemmija hawn fuq, it-talba għal permess tal-bini msemmi iktar ’il fuq jista’ jkompli mingħajr ma jiġi ppreżentat rapport ambjentali.”

37

Fl-20 ta’ Frar 2007, C. Mellor ippreżenta rikors quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, kontra d-deċiżjoni tas-Secretary of State sabiex jikseb l-annullament ta’ dawn l-istruzzjonijiet ta’ eżami preliminari.

38

Peress li l-High Court of Justice, qieset li l-ġurisprudenza ġiet stabbilita mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) wara s-sentenza R v Secretary of State for the Environment, Transport and the Regions ex p. Marson (1998), fis-sens li, minn naħa, mhuwiex meħtieġ li tingħata raġuni għal rifjut li tiġi ordnata EEA u li, min-naħa l-oħra, meta hemm l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal istruzzjonijiet, il-motivazzjoni normalment mogħtija mis-Secretary of State hija biżżejjed, hija ċaħdet ir-rikors mingħajr ma tat deċiżjoni fuq il-mertu.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division), adita bil-kawża fuq il-mertu, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha sabiex tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Skont l-Artikolu 4 tad-[Direttiva85/337/KEE], l-Istati Membri għandhom iqegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tgħid li proġett elenkat fl-Anness II [ta’ din id-direttiva] ma għandux ikun suġġett għal stima skont l-Artikoli 5 sa 10 [ta’ din i]d-direttiva?

2)

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-kontenut tal-ittra tal-4 ta’ Diċembru 2006 tas-Secretary of State jissodisfa dan ir-rekwiżit?

3)

Jekk tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda, x’inhi l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan il-kuntest?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

40

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membri għandhom l-obbligu li jikkomunikaw lill-pubbliku l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li proġett li jaqa’ taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva ma jkunx suġġett għal EEA.

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

41

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa tal-fehma li deċiżjoni li tindika li EEA mhijiex neċessarja għandha ta’ bilfors tkun motivata b’mod adegwat, sabiex tiġi ggarantita protezzjoni legali effettiva tal-ambjent u tad-drittijiet taċ-ċittadini.

42

Huwa jsostni li din id-deċiżjoni diġà ġiet eżaminata f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-87/02, Ġabra p. I-5975, punt 49), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonkludiet li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha minħabba n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet li eskluda l-operazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża mill-proċedura ta’ EEA.

43

Barra minn hekk, huwa jenfasizza li l-fondatezza tal-opinjoni tiegħu hija msaħħa mill-emendi magħmula għad-Direttiva 85/337 matul is-sena 1997. Fil-fatt, minn meta saru dawn l-emendi, din id-direttiva timponi fuq l-awtorità kompetenti, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 4(3) tagħha, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni kriterji ta’ għażla rilevanti msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva meta jkun meħtieġ li jiġi evalwat jekk proġett li jaqa’ taħt l-Anness II tal-istess direttiva għandux ikun ssuġġett għal EEA u teżiġi, skont l-Artikolu 4(4) li d-deċiżjoni dwar jekk għandhiex issir EEA jew le titqiegħedx għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Għandu jingħad ukoll li l-pubbliku ma jistax jevalwa l-legalità tat-tali deċiżjoni jekk il-motivazzjonijiet warajha ma jkunux ġew ikkomunikati lilu.

44

Il-Gvern tar-Renju Unit josserva, fl-ewwel lok, li, bil-kontra ta’ dispożizzjonjiet oħra tad-dritt Komunitarju derivat fil-qasam tal-ambjent, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337 ma jipprovdi l-ebda obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni fuq il-punt dwar jekk għandhiex issir EEA. Huwa jikkonkludi minn dan li l-leġiżlatur Komunitarju ma kellhux l-intenzjoni li jipprovdi għall-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

45

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq isostni, fit-tieni lok, li l-argument ibbażat fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jiġi milqugħ fil-kawża prinċipali peress li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kull indikazzjoni li tippermetti li tiżgura ruħha li l-awtorità kompetenti kienet wettqet l-eżami bbażat fuq il-ħtieġa li l-proġett inkwistjoni jkun suġġett għal EEA jew le, liema eżami huwa previst mid-dritt nazzjonali skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonċernat ma kienx ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li l-proġett ma jkunx suġġett għat-tali evalwazzjoni.

46

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkontesta l-interpretazzjoni li jagħti r-Renju Unit tal-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, li tosserva, b’mod partikolari, li minkejja n-nuqqas tal-kelma “motivazzjoni” fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, jirriżulta kjarament minn dan il-punt li l-awtorità kompetenti għandha tirreferi b’mod jew ieħor għall-informazzjoni kollha li turi li hija applikat l-elementi korretti u ħadet inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti. Din il-ħtieġa hija ekwivalenti għal obbligu ta’ motivazzjoni.

47

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-emendi li ħarġu mid-Direttiva 97/11, b’mod partikolari l-obbligu għall-Istati Membri li jippubblikaw id-deċiżjonijiet dwar jekk għandhiex issir jew le EEA skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 85/337, li trendi ferm iktar neċessarju l-obbligu tal-motivazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet. Għall-Kummissjoni, dan l-obbligu huwa nieqes minn sens fin-nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata tad-deċiżjonijiet ikkonċernati.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Id-Direttiva 85/337 għandha b’mod partikolari bħala suġġett, hekk kif tindika l-ħames premessa tagħha, li tintroduċi prinċipji ġenerali ta’ EEA tal-proġetti pubbliċi u privati li jista’ jkollhom effett importanti fuq l-ambjent, bil-għan li jiġu kkompletati u kkoordinati l-proċedimenti ta’ approvazzjoni ta’ dawn il-proġetti.

49

Id-Direttiva 85/337 tipprovdi li ċerti proġetti, li l-lista tagħhom tinsab fl-Anness I tagħha, jkunu suġġetti għal evalwazzjoni b’mod obbligatorju.

50

Min-naħa l-oħra, il-proġetti li jinsabu fl-Anness II tagħha għandhom jiġu suġġetti għal din l-evalwazzjoni biss meta jista’ jkollhom effetti notevoli fuq l-ambjent u d-Direttiva 85/337 tħalli, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Madankollu, din il-marġni ta’ diskrezzjoni ssib il-limiti tagħha fl-obbligu ta’ dawn l-Istati, msemmi fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, li jissottometti għal din l-evalwazzjoni l-proġetti li jista’ jkollhom effetti notevoli fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura tagħhom, id-dimensjoni tagħhom jew il-lok tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 50, u tat-23 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-486/04, Ġabra p. I-11025, punt 53).

51

Jirriżulta għaldaqstant neċessarjament mill-għanijiet tad-Direttiva 85/337 li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, aditi b’talba għall-approvazzjoni ta’ proġett li jaqa’ taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva, għandhom jissuġġettaw irwieħhom għal eżami partikolari tal-punt dwar jekk, fid-dawl tal-kriterji li jinsabu fl-Anness III ta’ din id-direttiva, għandhiex issir.

52

B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, permezz tas-sentenza tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, li r-Repubblika Taljana kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 85/337, meta kien jirriżulta mill-elementi kollha sottomessi lilha li l-awtoritajiet kompetenti ma kinux wettqu “eżami preliminari” tan-neċessità ta’ evalwazzjoni, previst mil-leġiżlazzjoni Taljana sabiex tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 85/337.

53

F’din is-sentenza, kien, fil-fatt, inkwistjoni l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, li jiġi żgurat li proġett ma jeħtieġx evalwazzjoni, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni li din l-evalwazzjoni ma ssirx.

54

L-ebda elementi mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi pprovat li dan l-eżami sar matul il-proċedura amministrattiva ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett ta’ by-pass tat-traffiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ġie stabbilit in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 85/337, allegat mill-Kummissjoni.

55

Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 49 tal-istess sentenza, li d-deċiżjoni li biha awtorità kompetenti tqis li l-karatteristiċi ta’ proġett ma jirrikjedux li jkun suġġett għal għandha tinkludi jew tkun akkumpanjata mill-elementi kollha li jippermettu li jiġi mistħarreġ jekk hijiex ibbażata fuq eżami preliminari adegwat, magħmul skont l-eżiġenzi tad-Direttiva 85/337.

56

Madankollu ma jirriżultax mid-Direttiva 85/337 u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u, b’mod partikolari, minn din is-sentenza, li d-deċiżjoni li proġett ma jkunx suġġett għal għandha tinkludi hija stess ir-raġunijiet li għalihom l-awtorità kompetenti ddeċidiet li evalwazzjoni ma kinitx neċessarja.

57

Madankollu minn dan jirriżulta li t-terzi, bħal wara kollox l-awtoritajiet amministrattivi interessati, għandhom ikollhom il-possibbiltà li jiżguraw rwieħhom li l-awtorità kompetenti eżaminat sew, skont id-dispożizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali, li EEA kienet jew ma kinitx neċessarja.

58

Barra minn hekk, il-persuni interessati, bħal wara kollox l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kkonċernati, għandhom ikollhom is-setgħa li jiżguraw l-osservanza ta’ dan l-obbligu fil-qasam tal-eżami li għandha tagħmel l-awtorità kompetenti, jekk ikun il-każ b’mod ġudizzjarju. Din l-eżiġenza tista’ tikkomporta, bħal fil-kawża prinċipali, il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors direttament kontra d-deċiżjoni li ma ssirx EEA.

59

F’dan ir-rigward, l-effiċjenza tal-istħarriġ ġudizzjarju, li għandu jkun jista’ jikkonċerna l-legalità tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, timplika, b’mod ġenerali, li l-qorti adita bil-kawża tista’ teżiġi mill-awtorità kompetenti l-komunikazzjoni ta’ dawn il-motivi. Iżda, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-każ fejn tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva ta’ dritt mogħti mid-dritt Komunitarju, jeħtieġ ukoll li l-persuni interessati jistgħu jiddefendu dan id-dritt fl-aqwa kundizzjonijiet possibbli u jingħataw il-possibbiltà li jiddeċiedu, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk huwiex utli għalihom li jmorru quddiem il-qorti. Minn dan jirriżulta li, fl-istess ipoteżi, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha l-obbligu li tagħtihom il-motivi li fuqhom huwa bbażat ir-rifjut jew fid-deċiżjoni nnifisha jew f’komunikazzjoni ulterjuri magħmula fuq talba tagħhom (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 15).

60

Din il-komunikazzjoni ulterjuri tista’ tieħu l-forma, mhux biss ta’ dikjarazzjoni espliċita tal-motivi, iżda wkoll tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti rilevanti bħala tweġiba għat-talba ppreżentata.

61

Fir-rigward ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li d-deċiżjoni, li tikkonkludi li mhuwiex neċessarju li proġett li jaqa’ taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva jkun suġġett għal EEA, tinkludi hija stess ir-raġunijiet li għalihom l-awtorità kompetenti ddeċidiet li din ma kinitx neċessarja. Madankollu, jekk issir talba min-naħa tal-persuna interessata, l-awtorità amministrattiva kompetenti għandha l-obbligu li tikkomunikalha l-motivi li għalihom din id-deċiżjoni ttieħdet jew l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti bi tweġiba għat-talba ġiet ippreżentata.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari

62

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi l-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk, fl-ipoteżi ta’ risposta fl-affermattiv tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda, il-kontenut ta’ deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex tali li jissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni li miegħu huma marbutin l-awtoritajiet kompetenti u, min-naħa l-oħra, jekk ikun il-każ, li tiddefinixxi l-forma li għandha tieħu din il-motivazzjoni.

63

Jekk, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, il-motivi ma għandhomx neċessarjament jiġu inklużi fid-deċiżjoni nnifisha li ma ssirx EEA, l-awtorità amministrattiva kompetenti tista’, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli jew minn rajha, tindika fid-deċiżjoni, il-motivi li fuqhom din hija bbażata.

64

F’din l-ipoteżi, din id-deċiżjoni għandha tkun tali li tippermetti lill-persuni interessati sabiex iqisu l-opportunità li jippreżentaw rikors kontra tagħha, fid-dawl, eventwalment, tal-elementi li jistgħu ulterjorment isiru jafu.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li fil-kawża prinċipali, il-motivazzjoni kkunsidrata mis-Secretary of State titqies bħala suffiċjenti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi li diġà ġew informati lill-persuni interessati, bil-kundizzjoni li dawn tal-aħħar jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti u jiksbu mingħandhom, suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, l-informazzjoni supplimentari neċessarja li tkun tali li tikkompletaha.

66

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li, fl-ipoteżi fejn id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li ma jissuġġettax proġett li jaqa’ taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337 għal EEA skont l-Artikoli 5 sa 10 ta’ din id-direttiva tindika l-motivi li fuqhom hija bbażata, din id-deċiżjoni hija mmotivata biżżejjed ladarba l-motivi li hija tinkludi, flimkien mal-elementi li diġà ġew informati lill-persuni interessati, u eventwalment ikkompletati mill-informazzjoni supplimentari neċessarja li l-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti hija marbuta li tipprovdilhom fuq talba tagħhom, ikunu tali li jippermettulhom li jikkunsidraw l-opportunità li jippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata mid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma teħtieġx li d-deċiżjoni, li tikkonkludi li mhuwiex neċessarju li proġett li jaqa’ taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, tinkludi hija stess ir-raġunijiet li għalihom l-awtorità kompetenti ddeċidiet li din ma kinitx neċessarja. Madankollu, jekk issir talba min-naħa tal-persuna interessata, l-awtorità amministrattiva kompetenti għandha l-obbligu li tikkomunikalha l-motivi li għalihom din id-deċiżjoni ttieħdet jew l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti bi tweġiba għat-talba ppreżentata.

 

2)

Fl-ipoteżi fejn id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li ma jissuġġettax proġett li jaqa’ taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337, kif emendata mid-Direttiva 2003/35, għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikoli 5 sa 10 ta’ din id-direttiva tindika l-motivi li fuqhom hija bbażata, din id-deċiżjoni hija mmotivata biżżejjed ladarba l-motivi li hija tinkludi, flimkien mal-elementi li diġà ġew informati lill-persuni interessati, u eventwalment ikkompletati mill-informazzjoni supplimentari neċessarja li l-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti hija marbuta li tipprovdilhom fuq talba tagħhom, ikunu tali li jippermettulhom li jikkunsidraw l-opportunità li jippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.