Kawża C-73/08

Nicolas Bressol et

u

Céline Chaverot et

vs

Gouvernement de la Communauté française

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju))

“Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikoli 18 u 21 TFUE — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 24(1) — Libertà ta’ residenza — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Aċċess għall-edukazzjoni ogħla — Studenti ċittadini ta’ Stat Membru li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex isegwu taħriġ — Limitazzjoni tar-reġistrazzjonijiet ta’ studenti mhux residenti għal korsijiet universitarji fil-qasam tas-saħħa pubblika — Ġustifikazzjoni — Proporzjonalità — Riskju għall-kwalità tal-edukazzjoni tas-suġġetti mediċi u paramediċi — Riskju ta’ nuqqas ta’ studenti li jiksbu diploma fis-setturi professjonali tas-saħħa pubblika”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 24(1))

2.        Dritt Komunitarju — Prinċipji — Trattament ugwali — Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza

(Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE)

3.        Dritt Komunitarju — Prinċipji — Trattament ugwali — Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea — Diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza

(Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE; Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, Artikolu 13(2)(ċ))

1.        Is-sitwazzjoni ta’ studenti ċittadini tal-Unjoni, mhux meqjusa bħala residenti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti u li ma jistgħux, għal din ir-raġuni, jirreġistraw ruħhom għal taħriġ tal-edukazzjoni terzjarja ta’ dan l-Istat, tista’ tiġi rregolata mill-Artikolu 24(1), tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li tinkludi kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti skont din id-direttiva.

Il-fatt li, jekk ikun il-każ, dawn l-istudenti ma jeżerċitaw ebda attività ekonomika fl-Istat Membru ospitanti huwa mingħajr rilevanza, billi d-Direttiva 2004/38 tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk iċ-ċittadini jeżerċitawx, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, attività ekonomika mħallsa jew attività ekonomika mhux imħallsa jew jekk huma ma jeżerċitaw ebda attività ekonomika.

(ara l-punti 34-36)

2.        L-Artikoli 18 u 21 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tillimita n-numru ta’ studenti mhux residenti ta’ dan l-Istat li jistgħu jirreġistraw ruħhom għall-ewwel darba fil-korsijiet mediċi u paramediċi ta’ stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla ta’ dan tal-istess Stat, sakemm il-qorti nazzjonali, wara li tkun evalwat l-elementi kollha rilevanti ppreżentati mill-awtoritajiet kompetenti, ma tikkonstatax li din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

Fil-fatt, tali nuqqas ta’ trattament ugwali bejn l-istudenti residenti u l-istudenti li ma humiex residenti jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata indirettament fuq iċ-ċittadinanza sakemm din ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata bl-għan intiż sabiex jinżamm servizz mediku ta’ kwalità, ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd sa fejn dan jikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali tistax tiggarantixxi l-kisba ta’ dan l-għan leġittimu u jekk ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba ta’ dan l-għan, liema evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali.

Għal dan il-għan, hija għandha tivverifika, inizjalment, l-eżistenza ta’ riskji attwali għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, qabel kollox, li r-rabta bejn it-taħriġ tal-professjonisti futuri tas-saħħa u l-għan intiż sabiex jinżamm servizz mediku ta’ kwalità, ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd, hija biss indiretta u inqas kawżali mir-rabta bejn l-għan tas-saħħa pubblika u l-attività ta’ professjonisti tas-saħħa li diġà jinsabu preżenti fis-suq. L-evalwazzjoni tat-tali rabta tiddependi fil-fatt b’mod partikolari minn analiżi prospettiva li għandha tislet minn bosta elementi aleatorji u inċerti u li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni futura tal-qasam tas-saħħa kkonċernat, iżda wkoll l-analiżi tas-sitwazzjoni hekk kif tirriżulta fil-bidu. Sussegwentement, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li meta jirriżultaw inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew l-importanza ta’ riskji għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika fit-territorju tiegħu, l-Istat Membru jista’ jadotta miżuri ta’ protezzjoni mingħajr il-ħtieġa li jistenna li jseħħ in-nuqqas tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa. L-istess għandu jgħodd fir-rigward tar-riskji għall-kwalità tal-edukazzjoni f’dan il-qasam. Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom il-kompetenza li jipprovaw li tali riskji kienu effettivament jeżistu, abbażi ta’ analiżi oġġettiva li tinkludi spjegazzjonijiet u figuri u li tkun tista’ turi, bl-għajnuna ta’ data affidabbli, konverġenti u ta’ natura probatorja, li effettivament jeżistu riskji għas-saħħa pubblika.

It-tieni nett, jekk il-qorti nazzjonali tqis li jeżistu riskji kunsiderevoli għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, din il-qorti għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistax tiġi kkunsidrata bħala tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti. F’dan il-kuntest, hija għandha b’mod partikolari tevalwa jekk limitazzjoni tan-numru ta’ studenti mhux residenti hijiex verament tali li żżid in-numru ta’ gradwati lesti li jiżguraw, iktar ’il quddiem, id-disponibbiltà tas-servizz tas-saħħa fi ħdan il-Komunità kkonċernata.

Finalment, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, it-tielet nett, jekk il-leġiżlazzjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan invokat, u, b’mod partikolari, jekk l-għan ta’ interess ġenerali invokat jistax jinkiseb permezz ta’ miżuri inqas restrittivi intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-istudenti li jtemmu l-istudji tagħhom fil-Komunità kkonċernata sabiex jidħlu jagħmlu parti minnha fi tmiem l-istudji tagħhom jew li huma intiżi sabiex jattiraw il-professjonisti mħarrġa barra minn din il-Komunità sabiex jidħlu jagħmlu parti minn din tal-aħħar. Bl-istess mod, hija għandha teżamina jekk kienx hemm konċiljazzjoni approprjata min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, tat-twettiq ta’ dan l-għan mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, mal-possibbiltà għall-istudenti minn Stati Membri oħra li jkollhom aċċess għall-istudji ta’ edukazzjoni ogħla, liema possibbiltà tikkostitwixxi l-essenza nnifisha tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-istudenti.

(ara l-punti 62-64, 66, 69-71, 75-79, 82, u d-dispożittiv 1)

3.        L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 13(2)(ċ) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, jekk jiġi kkonstatat, minn qorti nazzjonali, li leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tirregola n-numru ta’ studenti f’ċerti korsijiet fl-ewwel sentejn tal-edukazzjoni ogħla ma hijiex kompatibbli mal-Artikoli 18 u 21 TFUE.

Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 13(2)(ċ) tal-Patt jirriżulta li essenzjalment dan isegwi l-istess għan bħall-Artikoli 18 u 21 TFUE, jiġifieri li jiġi ggarantit il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fl-aċċess għall-edukazzjoni ogħla. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 2(2) tal-Patt, li jgħid li l-Istati partijiet fil-Patt jimpenjaw ruħhom sabiex jiggarantixxu li d-drittijiet imsemmija fihom jiġu eżerċitati mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-oriġini nazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13(2)(ċ) tal-Patt ma jirrikjedix u wara kollox lanqas ma jawtorizza li Stat li huwa parti fil-Patt jiggarantixxi aċċess wiesa’ għal edukazzjoni ogħla ta’ kwalità liċ-ċittadini tiegħu biss.

(ara l-punti 86-88, u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ April 2010 (*)

“Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 18 u 21 TFUE – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 24(1) – Libertà ta’ residenza – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Aċċess għall-edukazzjoni ogħla – Studenti ċittadini ta’ Stat Membru li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex isegwu taħriġ – Limitazzjoni tar-reġistrazzjonijiet ta’ studenti mhux residenti għal korsijiet universitarji fil-qasam tas-saħħa pubblika – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità – Riskju għall-kwalità tal-edukazzjoni tas-suġġetti mediċi u paramediċi – Riskju ta’ nuqqas ta’ studenti li jiksbu diploma fis-setturi professjonali tas-saħħa pubblika”

Fil-Kawża C‑73/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-14 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar 2008, fil-proċedura

Nicolas Bressol et,

Céline Chaverot et

vs

Gouvernement de la Communauté française,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot, R. Silva de Lapuerta u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann, J. Malenovský (Relatur), T. von Danwitz, A. Arabadjiev u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M.‑A. Gaudissart, kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal N. Bressol et, minn M. Snoeck u J. Troeder, avukati,

–        għal C. Chaverot et, minn J. Troeder u M. Mareschal, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn M. Nihoul, avukat,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Cattabriga u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE u tal-Artikolu 18(1) KE, moqrija flimkien mal-Artikoli 149(1) u (2), u 150(2) KE.

2        Din it-talba kienet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn N. Bressol et u C. Chaverot et minn naħa, u l-Gouvernement de la Communauté française (Gvern tal-Komunità Franċiża) min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kostituzzjonalità tad-Digriet tal-Komunità Franċiża, tas-16 ta’ Ġunju 2006, li jirregola n-numru ta’ studenti f’ċerti korsijiet fl-ewwel sentejn tal-edukazzjoni ogħla (Moniteur belge tas-6 ta’ Lulju 2006, p. 34055, iktar ’il quddiem id-“Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Skont l-Artikolu 2(2) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-16 ta’ Diċembru 1966 u li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 1976 (iktar ’il quddiem il-“Patt”):

“L-Istati Partijiet għal dan il-Patt jimpenjaw ruħhom jiggarantixxu li d-drittijiet enunzjati f’dan il-Patt ser ikunu eżerċitati mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata fuq [...] oriġini nazzjonali [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        L-Artikolu 13(2)(ċ) tal-Patt jipprovdi:

“L-Istati Partijiet għal dan il-Patt jirrikonoxxu li, bil-għan li jinkiseb it-twettiq sħiħ [tad-dritt ta’ kulħadd għal edukazzjoni]:

[…]

(ċ)      L-edukazzjoni ogħla għandha ssir aċċessibbli bl-istess mod għal kulħadd, abbażi tal-kapaċità, bil-mezzi xierqa kollha, u b’mod partikolari bl-introduzzjoni progressiva ta’ edukazzjoni b’xejn; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

5        Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5 p. 46), li ġiet adottata skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE u l-Artikoli 18(2) KE, 40 KE, 44 KE u 52 KE, tipprovdi fil-tiddisponi fil-premessi 1, 3 u 20:

“(1)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ l-istess.

[…]

(3)      Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tkun l-istatus fondamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri meta huma jeżerċitaw d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza. Hu għalhekk neċessarju li jiġu kkodifikati u riveduti l-istrumenti komunitarji eżistenti li jittrattaw separament lill-ħaddiema, lill-persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll lill-istudenti u lill-persuni oħrajn mhux attivi sabiex jissimplifikaw u jsaħħu d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni.

[…]

(20)      Skond il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni skond iċ-ċittadinanza, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jgħixu fi Stat Membru skond din id-Direttiva għandhom igawdu, f’dak l-Istat Membru, trattament ugwali bħaċ-ċittadini f’oqsma koperti mit-Trattat, bla ħsara għal dawk id-disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b'mod ċar mit-Trattat u mil-liġi sekondarja.”

6        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom […]”

7        Skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38 intitolat “Trattament ugwali”:

“Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.”

 Id-dritt nazzjonali

8        Skont id-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006, l-universitajiet u l-iskejjel tal-edukazzjoni ogħla tal-Komunità Franċiża għandhom l-obbligu li jillimitaw, billi josservaw ċertu proċeduri, in-numru ta’ studenti li ma humiex ikkunsidrati bħala residenti fil-Belġju (iktar ’il quddiem l-“istudenti mhux residenti”) skont dan id-digriet fil-ġurnata ta’ reġistrazzjon tagħhom li jistgħu jirreġistraw ruħhom għall-ewwel darba għal wieħed mid-disa’ korsijiet mediċi u paramediċi msemmija minn dan id-digriet.

9        Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006:

“Student residenti għall-iskopijiet ta’ dan id-digriet huwa student li, fiż-żmien tar-reġistrazzjoni tiegħu f’istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla, jagħti prova li r-residenza prinċipali tiegħu hi fil-Belġju u li huwa jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet segwenti:

1°      huwa għandu d-dritt jibqa’ permanentement fil-Belġju;

2°      huwa kellu r-residenza prinċipali tiegħu fil-Belġju għal tal-inqas sitt xhur qabel ir-reġistrazzjoni tiegħu f’istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla, u fl-istess ħin kien qed iwettaq attività professjonali bi ħlas jew bla ħlas jew kien qed jibbenefika minn dħul supplenti mogħti minn servizz pubbliku Belġjan;

3°      huwa għandu l-permess jibqa’ għal perijodu illimitat [fil-Belġju] abbażi tal-[leġiżlazzjoni Belġjana rilevanti];

4°      huwa għandu l-permess jibqa’ fil-Belġju għaliex igwadi minn status ta’ refuġjat [kif definit mil-leġiżlazzjoni Belġjana] jew ippreżenta talba biex jiġi rikonoxxut bħala refuġjat;

5°      huwa għandu d-dritt jirrisjedi fil-Belġju għaliex jibbenefika minn protezzjoni temporanja abbażi tal-[leġiżlazzjoni Belġjana rilevanti];

6°      huwa għandu omm, missier, kustodju legali, jew konjuġi li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq;

7°      huwa kellu r-residenza prinċipali tiegħu fil-Belġju għal tal-inqas tliet snin fiż-żmien tar-reġistrazzjoni tiegħu f’istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla;

8°      huwa ngħata borża ta’ studju għall-istudji tiegħu fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp għas-sena akkademika u għall-istudji li għalihom saret it-talba għar-reġistrazzjoni.

Id-“dritt [li wieħed] jibqa’ permanentement” skont it-tifsira tal-paragrafu 1°ifisser, għal ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, id-dritt rikonoxxut bis-saħħa tal-Artikoli 16 u 17 tad-[Direttiva 2004/38] […]”

10      Il-Kapitolu II ta’ dan id-digriet, li jiġbor fih l-Artikoli 2 sa 5, jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-universitajiet.

11      Skont l-Artikolu 2 ta’ dan id-digriet:

“L-awtoritajiet akkademiċi jillimitaw in-numru ta’ studenti li jirreġistraw għall-ewwel darba f’università fil-Komunità Franċiża f’kors elenkat fl-Artikolu 3, skont il-metodu stabbilit fl-Artikolu 4.

[…]”

12      L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet tal-[Kapitolu II] japplikaw għall-korsijiet li jwasslu għall-gradi akkademiċi li ġejjin:

1°      Baċellerat fil-fiżjoterapija u fir-riabilitazzjoni;

2°      Baċellerat fil-mediċina veterinarja.”

13      L-Artikolu 4 ta’ dan l-istess digriet jipprovdi kif ġej:

“Għal kull università u għal kull kors imsemmi fl-Artikolu 3, ikun hemm numru totali ‛T’ ta’ studenti li jirreġistraw għall-ewwel darba fil-kors rilevanti u li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet ta’ finanzjament, kif ukoll numru ‛NR’ ta’ studenti li jirreġistraw għall-ewwel darba fil-kors rilevanti li ma humiex ikkunsidrati bħala residenti skont l-Artikolu 1.

Meta l-proporzjoni bejn in-NR, minn naħa, u t-T tas-sena akkademika preċedenti, min-naħa l-oħra, jilħaq perċentwali speċifiku ‛P’, l-awtoritajiet akkademiċi għandhom jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni addizzjonali ta’ studenti li ma jkunux għadhom ġew irreġistrati fil-kors rilevanti u li ma humiex ikkunsidrati bħala residenti skont l-Artikolu 1.

Il-P fil-paragrafu preċedenti huwa stabbilit għal 30 %. Madankollu, fejn, f’sena akkademika partikolari, in-numru ta’ studenti li jistudjaw f’pajjiż li mhuwiex dak fejn ikunu kisbu d-diploma tal-iskola sekondarja tagħhom ikun iktar minn 10 % tal-medja fl-istabbilimenti tal-edukazzjoni ogħla kollha tal-Unjoni Ewropea, il-P ikun ugwali, għas-sena akkademika li jmiss, għal dak il-perċentwali mmultiplikat bi 3.”

14      L-Artikolu 5 tad-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006 jipprovdi:

“[…] studenti li ma humiex ikkunsidrati bħala residenti skont l-Artikolu 1 jistgħu japplikaw għal reġistrazzjoni f’kors elenkat fl-Artikolu 3 fit-tliet ġranet tax-xogħol l-iktar kmieni qabel it-2 ta’ Settembru ta’ qabel is-sena akkademika rilevanti. […]

[…]

B’deroga mill-ewwel paragrafu, fir-rigward ta’ studenti mhux residenti li jippreżentaw lilhom infushom biex jippreżentaw applikazzjoni għal reġistrazzjoni f’xi wieħed mill-korsijiet imsemmija fl-Artikolu 3 l-iktar tard fl-aħħar ġurnata tax-xogħol qabel it-2 ta’ Settembru ta’ qabel is-sena akkademika, jekk in-numru ta’ dawk l-istudenti li jkunu hekk ippreżentaw lilhom infushom jeċċedi n-NR kif imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 4, il-prijorità [għall-iskopijiet ta’ reġistrazzjoni] bejn dawk l-istudenti tiġi deċiża bix-xorti. […]

[…]”

15      Il-Kapitolu III tad-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006, li jiġbor fih l-Artikoli 6 sa 9, jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-iskejjel tal-edukazzjoni ogħla. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6, u l-Artikoli 8 u 9 ta’ dan id-digriet jinkludu dispożizzjonijiet analogi għal dawk tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikoli 4 u 5 ta’ dan id-digriet.

16      Skont l-Artikolu 7 ta’ dan id-digriet, dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli għall-korsijiet li jwasslu għall-gradi akkademiċi li ġejjin:

“1°      Baċellerat fil-professjoni tal-qabla;

2°      Baċellerat fit-terapija okkupazzjonali;

3°      Baċellerat fit-terapija għal pronunzja;

4°      Baċellerat fil-podjatrija-kiropodija;

5°      Baċellerat fil-fiżjoterapija;

6°      Baċellerat fl-awdjoloġija;

7°      Edukatur speċjalizzat fl-għoti ta’ pariri psiko-edukazzjonali.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

17      Is-sistema ta’ edukazzjoni ogħla tal-Komunità Franċiża hija bbażata fuq aċċess liberu għall-edukazzjoni, mingħajr limiti fir-reġistrazzjoni tal-istudenti.

18      Madankollu, sa minn numru ta’ snin, din il-Komunità kkonstatat żieda kunsiderevoli fin-numru ta’ studenti li ġejjin minn Stati Membri oħra barra r-Renju tal-Belġju u li kienu qed jirreġistraw ruħhom fl-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ edukazzjoni ogħla tagħha, u dan b’mod partikolari f’disa’ korsijiet mediċi u paramediċi. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, din iż-żieda kienet dovuta, b’mod partikolari, għall-influss tan-numru ta’ studenti Franċiżi li jgħażlu li jattendu l-Komunità Franċiża, peress li din tipprovdi edukazzjoni ogħla fl-istess lingwa bħal fi Franza anki peress li r-Repubblika Franċiża limitat l-aċċess għall-istudji kkonċernati.

19      Billi n-numru ta’ dawn l-istudenti laħaq livell għoli wisq f’dawn il-korsijiet, il-Komunità Franċiża adottat id-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006.

20      Fid-9 ta’ Awwissu u fit-13 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw rikors għall-annullament ta’ dan id-digriet quddiem il-Cour constitutionnelle.

21      Parti minn dawn ir-rikorrenti hija komposta minn studenti, b’mod partikolari ta’ nazzjonalità Franċiża u li ma jappartjenu għal ebda waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 1 tad-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006, li ppreżentaw, għas-sena akkademika 2006-2007, applikazzjoni għal reġistrazzjoni fi stabbiliment tal-edukazzjoni ogħla tal-Komunità Franċiża, sabiex fi ħdanha jsegwu wieħed mill-korsijiet imsemmija f’dan id-digriet.

22      Peress li n-numru ta’ studenti mhux residenti qabeż il-limitu stabbilit minn dan id-digriet, l-istabbilimenti kkonċernati organizzaw sessjoni ta’ tlugħ bix-xorti għall-għażla ta’ dawn l-istudenti li ma ffavorixxietx lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali. Konsegwentement, l-istabbilimenti kkonċernati rrifjutaw li jilqgħu l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħhom.

23      Parti oħra mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali hija komposta minn għalliema tal-universitajiet u tal-iskejjel ta’ edukazzjoni ogħla msemmija fid-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006, li jqisu li l-applikazzjoni ta’ dan id-digriet jhedded direttament u immedjatament l-impjieg tagħhom peress li maż-żmien, dan se jwassal għal tnaqqis fin-numru ta’ studenti rreġistrati fi ħdan l-istabbilimenti tagħhom ta’ tagħlim.

24      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali sostnew b’mod partikolari li d-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006 jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni peress li d-dispożizzjonijiet tiegħu jitrattaw l-istudenti residenti u dawk mhux residenti b’mod differenti mingħajr ebda ġustifikazzjoni valida. Fil-fatt, filwaqt li l-istudenti residenti jibqgħu jgawdu minn aċċess liberu għall-korsijiet imsemmija f’dan id-digriet, l-aċċess għall-istudenti mhux residenti għal dawn il-korsijiet huwa limitat b’tali mod li n-numru ta’ studenti f’din il-kategorija, irreġistrata f’dawn il-korsijiet, ma jistax jaqbeż il-limitu ta’ 30 %.

25      Il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji fir-rigward tal-leġittimita tad-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006, billi qieset li d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Belġjana, li għandha l-kompetenza tistħarreġ u li qed jiġi allegat li kien hemm ksur tagħha, għandhom jinqraw flimkien mal-ewwwl paragrafu tal-Artikolu 12 KE, l-Artikoli 18(1) KE, 149(1)KE u t-tieni inċiż tal-Artikolu 149(2) KE u t-tielet inċiż tal-Artikolu 150(2) KE.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Cour constitutionnelle iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 [KE] u l-Artikolu 18(1) [KE], moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 149(1), mat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 149(2) [KE] u mat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 150(2) [KE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu kummissjoni awtonoma ta’ Stat Membru li hija responsabbli mill-edukazzjoni terzjarja [ogħla], li tiġi affaċċjata minn influss ta’ studenti minn Stat Membru ġar f’diversi korsijiet ta’ natura medika ffinanzjati prinċipalment minn fondi pubbliċi, bħala konsegwenza ta’ politika restrittiva mħaddna minn dan l-Istat ġar, [milli] tadotta miżuri bħal dawk inklużi fid-[Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006], li jirregolaw in-numru ta’ studenti f’ċerti korsijiet fl-ewwel sentejn ta’ l-edukazzjoni terzjarja [ogħla], fejn din il-Komunità tinvoka motivi validi sabiex issostni li hemm ir-riskju li din is-sitwazzjoni toħloq piż fuq il-fondi pubbliċi u thedded il-kwalità ta’ edukazzjoni pprovduta?

2)      Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk din il-Komunità turi li l-effett ta’ din is-sitwazzjoni huwa li numru ta’ gradwati universitarji li jirrisjedu f’din il-Komunità huwa żgħir wisq sabiex ikun hemm, fuq medda ta’ żmien, numru suffiċjenti ta’ persunal mediku kkwalifikat sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tas-sistema tas-saħħa pubblika f’din il-Komunità?

3)      Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk dik il-Komunità, b’kunsiderazzjoni ta’ l-aħħar parti ta’ l-Artikolu 149(1) [KE] u ta’ l-Artikolu 13(2)(ċ) tal-[Patt], li jinkludi obbligu ta’ standstill, tagħżel li żżomm aċċess wiesa’ u demokratiku għall-edukazzjoni terzjarja [ogħla] għall-populazzjoni ta’ din il-komunità?”

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

27      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawżi prinċipali, li tillimita n-numru ta’ studenti mhux residenti li jistgħu jirreġistraw ruħhom għall-ewwel darba f’korsijiet mediċi u paramediċi fi ħdan stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla, meta dan l-Istat jiffaċċja influss ta’ studenti li ġejjin minn Stat Membru ġar wara politika restrittiva mmexxija minn dan l-aħħar Stat u meta din is-sitwazzjoni jkollha bħala effett li wisq ftit ta’ studenti li jirrisjedu f’dan l-ewwel Stat Membru jiksbu d-diploma tagħhom f’dawn il-korsijiet.

 Fuq il-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni

28      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li minkejja li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tagħhom u tal-formazzjoni vokazzjonali – skont l-Artikoli 165(1) u 166(1) TFUE – xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, dawn l-Istati għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet relatati mal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz, C‑76/05, Ġabra p. I‑6849, punt 70, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher, C‑11/06 u C‑12/06, Ġabra p. I‑9161, punt 24).

29      B’hekk l-Istati Membri għandhom il-libertà li jagħżlu jew sistema ta’ edukazzjoni bbażata fuq aċċess liberu għall-formazzjoni – mingħajr limitazzjoni fir-reġistrazzjoni tan-numru ta’ studenti –, jew sistema bbażata fuq aċċess irregolat li tagħżel l-istudenti. Madankollu, meta jagħżlu waħda minn dawn is-sistemi jew iż-żewġ sistemi magħquda, l-istruttura tas-sistema magħżula għandha tosserva d-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza.

 Fuq l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kawżi prinċipali

30      L-Artikolu 21(1) TFUE jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, b’riżerva għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati u mill-provvedimenti meħuda għall-applikazzjoni tagħhom.

31      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull ċittadin tal-Unjoni jista’ jinvoka l-Artikolu 18 TFUE, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiæ tad-dritt tal-Unjoni, liema sitwazzjonijiet jinkludu l-eżerċizzju tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I‑11613, punt 24; tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punti 32 u 33, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster, C‑158/07, Ġabra p. I‑8507, punti 36 u 37).

32      Barra minn hekk, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li din il-projbizzjoni tkopri wkoll is-sitwazzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-formazzjoni vokazzjonali, fid-dawl tal-fatt li kemm l-edukazzjoni ogħla kif ukoll l-edukazzjoni universitarji jikkostitwixxu formazzjoni vokazzjonali (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑147/03, Ġabra p. I‑5969, punti 32 u 33, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      B’hekk l-istudenti fil-kawżi prinċipali jistgħu jinvokaw id-dritt, stabbilit fl-Artikoli 18 u 21 TFUE, li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju ta’ Stat Membru, bħar-Renju tal-Belġju, mingħajr ma jbatu diskriminazzjonijiet diretti jew indiretti minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom.

34      Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li s-sitwazzjoni ta’ ċerti rikorrenti fil-kawżi prinċipali tista’ tiġi rregolata mill-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, li tinkludi kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti skont din id-direttiva.

35      F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta, l-ewwel nett, li l-istudenti fil-kawżi prinċipali huma ċittadini tal-Unjoni.

36      It-tieni nett, il-fatt li, jekk ikun il-każ, huma ma jeżerċitaw ebda attività ekonomika fil-Belġju huwa mingħajr rilevanza, billi d-Direttiva 2004/38 tapplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk iċ-ċittadini jeżerċitawx, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, attività ekonomika mħallsa jew attività ekonomika mhux imħallsa jew jekk huma ma jeżerċitaw ebda attività ekonomika.

37      It-tielet nett, ma jistax jiġi eskluż li ċerti rikorrenti fil-kawżi prinċipali jkunu diġà rrisjedew fil-Belġju qabel ma jiddeċiedu li jirreġistraw ruħhom f’wieħed mill-korsijiet ikkonċernati.

38      Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2004/38 tapplika ratione temporis għall-kawżi prinċipali. Fil-fatt, l-Istati Membri kellhom l-obbligu, minn naħa, li jittrasponu din id-direttiva qabel it-30 ta’ April 2006. Min-naħa l-oħra, id-digriet fil-kawżi prinċipali ġie adottat fis-16 ta’ Ġunju 2006, jiġifieri wara din id-data. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-istudenti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ppreżentaw applikazzjoni għal reġistrazzjoni fi ħdan l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla kkonċernati għas-sena akkademika 2006-2007, u li din ir-reġistrazzjoni ġiet irrifjutata fil-konfront tagħhom abbażi ta’ dan id-digriet. Ir-rifjut tal-applikazzjoni tagħhom għaldaqstant neċessarjament seħħ wara t-30 ta’ April 2006.

39      Madankollu, billi l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex il-provi kollha li jippermettu li tikkonstata li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali taqa’ wkoll taħt l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk din id-dispożizzjoni hijiex effettivament applikabbli għall-kawżi prinċipali.

 Fuq l-eżistenza ta’ trattament mhux ugwali

40      Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet diretti, ibbażati fuq iċ-ċittadinanza, iżda wkoll il-forom kollha indiretti ta’ diskriminazzjoni li, permezz ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Hartmann, C‑212/05, Ġabra p. I‑6303, punt 29).

41      Sakemm ma tkunx oġġettivament ġustifikata u proporzjonata għall-għan segwit, dispożizzjoni nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata bħala indirettament diskriminatorja, meta min-natura tagħha stess hija tista’ taffettwa kemm liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra kif ukoll liċ-ċittadini nazzjonali filwaqt li b’konsegwenza ta’ dan ikun hemm ir-riskju li tisfavorixxi lil tal-ewwel b’mod iktar partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C-195/98, Ġabra p. I‑10497, punt 40, u Hartmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

42      Fil-kawżi prinċipali, id-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006 jipprovdi li l-aċċess tal-istudenti għall-korsijiet mediċi u paramediċi msemmija minn dan id-digriet huwa biss miftuħ mingħajr restrizzjonijiet għall-istudenti residenti, jiġifieri dawk li jissodisfaw kemm il-kundizzjoni ta’ residenza prinċipali fil-Belġju kif ukoll waħda mit-tmien kundizzjonijiet alternattivi l-oħra elenkati fil-punti 1 sa 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-imsemmi digriet.

43      Min-naħa l-oħra, l-istudenti li ma jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet jibbenefikaw biss minn aċċess limitat għall-dawn l-istabbilimenti, billi n-numru totali ta’ dawn l-istudenti huwa bħala prinċipju limitat, għal kull istituzzjoni universitarja u għal kull kors, għal 30 % tat-total ta’ persuni rreġistrati fis-sena preċedenti. Fil-kuntest ta’ din il-perċentwali mogħtija, l-istudenti mhux residenti jintgħażlu, għar-reġistrazzjoni tagħhom, bix-xorti.

44      B’hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawżi prinċipali toħloq nuqqas ta’ trattament ugwali bejn l-istudenti residenti u l-istudenti mhux residenti.

45      Issa, kundizzjoni ta’ residenza, bħal dik meħtieġa minn din il-leġiżlazzjoni, hija sodisfatta iktar faċilment miċ-ċittadini nazzjonali, li iktar ta’ spiss ikollhom ir-residenza tagħhom fil-Belġju, milli miċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, li r-residenza tagħhom min-naħa l-oħra bħala regola ġenerali tkun tinsab fi Stat Membru ieħor li mhuwiex il-Belġju (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen, C‑337/97, Ġabra p. I-3289, punti 23 u 24, kif ukoll Hartmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

46      B’hekk, anki kif wara kollox jammetti l-Gvern Belġjan, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawżi prinċipali taffettwa, min-natura tagħha stess, kemm iċ-ċittadini tal-Istati Membri minbarra r-Renju tal-Belġju kif ukoll iċ-ċittadini nazzjonali kif ukoll li hija għalhekk tisfavorixxi b’mod iktar partikolari lil tal-ewwel.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tat-trattament mhux ugwali

47      Hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, trattament mhux ugwali, hekk kif stabbilit mid-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006, jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi tan-nazzjonalità li hija pprojbita, sakemm din ma tkunx oġġettivament iġġustifikata.

48      Barra minn hekk, sabiex tkun iġġustifikata, il-miżura kkonċernata għandha tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu li hija ssegwi u ma tistax tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tikseb dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg, C-527/06, Ġabra p. I‑7735, punt 81, kif ukoll tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, Ġabra p. I‑4171, punt 25).

 Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq spejjeż eċċessivi għall-finanzjament tal-edukazzjoni ogħla

49      Il-Gvern Belġjan, sostnut mill-Gvern Awstrijak, isostni qabel kollox li t-trattament mhux ugwali bejn l-istudenti residenti u l-istudenti mhux residenti huwa neċessarju sabiex jiġu evitati spejjeż eċċessivi għall-finanzjament tal-edukazzjoni ogħla, liema spejjeż jirriżultaw mill-fatt li, fin-nuqqas ta’ trattament differenti, in-numru ta’ studenti mhux residenti, irreġistrati fl-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla tal-Komunità Franċiża, jilħaq livell eċċessivament għoli.

50      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ispjegazzjonijiet tal-Komunità Franċiża hekk kif jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-ispiża finanzjarja ma tikkostitwixxix raġuni essenzjali li ġġustifikat l-adozzjoni tad-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006. Fil-fatt, skont l-ispjegazzjonijiet tagħha, il-finanzjament tal-edukazzjoni huwa organizzat abbażi ta’ sistema ta’ “envelopp magħluqa” li fiha l-applikazzjoni globali ma tvarjax skont in-numru totali ta’ studenti.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-biża’ ta’ spiża eċċessiva għall-finanzjament tal-edukazzjoni ogħla ma tistax tiġġustifika t-trattament mhux ugwali bejn l-istudenti residenti u l-istudenti mhux residenti.

 Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq salvagwardja tan-natura sħiħa tas-sistema ta’ edukazzjoni ogħla

52      Il-Gvern Belġjan, sostnut mill-Gvern Awstrijak, isostni li l-preżenza tal-istudenti mhux residenti fil-korsijiet ikkonċernati kiseb livell li jista’ jwassal għal tnaqqis fil-kwalità tal-edukazzjoni ogħla minħabba limiti inerenti għall-kapjenza tal-istudenti fl-istabbilimenti tal-edukazzjoni u għad-disponibbiltà tal-persunal tagħhom. B’hekk, bil-għan li tiġi ssalvagwardjata n-natura sħiħa ta’ din is-sistema u li jiġi żgurat aċċess wiesa’ u demokratiku, għall-popolazzjoni tal-Komunità Franċiża, għal edukazzjoni ta’ kwalità ogħla, jirriżulta neċessarju li jiġi introdott trattament mhux ugwali bejn studenti residenti u studenti mhux residenti, u li jiġi limitat in-numru ta’ dawn tal-aħħar.

53      Ċertament, ma jistax jiġi eskluż minn qabel li l-prevenzjoni ta’ riskju għall-eżistenza ta’ sistema nazzjonali ta’ edukazzjoni u għan-natura sħiħa tagħha tista’ tiġġustifika trattament mhux ugwali bejn ċerti studenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

54      Madankollu, l-elementi ta’ ġustifikazzjoni invokati f’dan ir-rigward jaqblu ma’ dawk marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, fejn il-korsijiet kollha jaqgħu taħt dan l-aħħar qasam. Għaldaqstant, jeħtieġ li dawn jiġu eżaminati biss fil-kuntest ta’ ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

 Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq rekwiżiti marbuta mas-saħħa pubblika

–       Osservazzjonijiet magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

55      Il-Gvern Belġjan, sostnut mill-Gvern Awstrijak, isostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-kwalità u l-kontinwità tal-kura medika u paramedika fi ħdan il-Komunità Franċiża.

56      In-numru għoli ta’ studenti mhux residenti jwassal, l-ewwel nett, għal tnaqqis kunsiderevoli fil-kwalità tal-edukazzjoni fil-korsijiet mediċi u paramediċi, li tirrikjedi, b’mod partikolari, li jkun hemm bosta sigħat ta’ formazzjoni ta’ natura prattika. Issa, irriżulta li t-tali formazzjoni ma tistax tingħata korrettament lil hinn minn ċertu numru ta’ studenti, peress li l-kapjenza tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla, id-disponibbiltà tal-persunal tagħhom kif ukoll il-possibbiltajiet ta’ formazzjoni prattika ma humiex mingħajr limiti.

57      Sabiex jiġu illustrati d-diffikultajiet li wieħed jiltaqa’ magħhom fil-qasam tal-edukazzjoni, il-Gvern Belġjan isemmi, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni fil-qasam tal-istudji fil-mediċina veterinarja. Huwa jsostni li, abbażi tar-regoli ta’ kwalità tal-formazzjoni veterinarja – li jimplikaw b’mod partikolari prattika klinika għal kull student fuq numru suffiċjenti ta’ annimali –, ġie kkonstatat li ma kienx possibbli li jħarreġ iktar minn 200 veterinarju fis-sena fit-tieni ċiklu ta’ studji terzjarji fi ħdan il-Komunità Franċiża. Madankollu, minħabba influss ta’ studenti mhux residenti, in-numru total ta’ studenti mifrux fuq is-sitt snin ta’ studju ogħla minn 1233 għal 2343 bejn is-snin akkademiċi 1995‑1996 u 2002‑2003.

58      Is-sitwazzjoni hija simili għall-korsijiet l-oħra msemmija mid-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006.

59      It-tieni nett, il-Gvern Belġjan isostni li l-preżenza għolja ta’ studenti mhux residenti tista’ twassal, maż-żmien, għal nuqqas ta’ persunal mediku kkwalifikat fit-territorju kollu, li jikkomprometti s-sistema ta’ saħħa pubblika fi ħdan il-Komunità Franċiża. Dan ir-riskju jirriżulta mill-fatt li, wara l-istudji tagħhom, l-istudenti mhux residenti jirritornaw fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom sabiex fihom jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, filwaqt li n-numru ta’ diplomi residenti jibqa’ żgħir wisq f’ċerti speċjalizzazzjonijiet.

60      Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu, b’mod partikolari, li, anki li kieku dawn l-elementi ta’ ġustifikazzjoni kienu ammissibbli, il-Gvern Belġjan ma pprovax ir-realtà taċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq.

61      Il-Kummissjoni ssostni li hija tieħu ħafna bis-serjetà r-riskji invokati mill-Gvern Belġjan. Hija tqis madankollu li attwalment ma għandhiex l-elementi kollha li jippermettulha tiddeċiedi fuq il-mertu tal-ġustifikazzjoni.

–       Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

62      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li trattament mhux ugwali bbażat indirettament fuq iċ-ċittadinanza jista’ jkun ġustifikat bl-għan intiż sabiex jinżamm servizz mediku ta’ kwalità, ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd sa fejn dan jikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      B’hekk, għandu jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni fil-kawżi prinċipali tistax tiggarantixxi l-kisba ta’ dan l-għan leġittimu u jekk ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-kisba ta’ dan l-għan.

64      F’dan ir-rigward, hija finalment il-qorti nazzjonali, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk u kemm din il-leġiżlazzjoni tissodisfa dawn ir-rekwiżiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Rinner-Kühn, 171/88, Ġabra p. 2743, punt 15, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C‑4/02 u C‑5/02, Ġabra p. I‑12575, punt 82).

65      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li qed tintalab tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali, hija kompetenti sabiex tagħtiha indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali li saru quddiemha, li jkunu tali li jippermettu lill-qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni (sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer, C‑187/00, Ġabra p. I‑2741, punt 52, kif ukoll Schönheit u Becker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83).

66      Inizjalment, għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika l-eżistenza ta’ riskji attwali għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

67      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż a priori li tnaqqis eventwali fil-kwalità ta’ formazzjoni ta’ professjonisti tas-saħħa futuri jista’ jippreġudika, iktar ’il quddiem, il-kwalità tal-kura mogħtija fit-territorju kkonċernat ladarba l-kwalità tas-servizz mediku jew paramediku f’territorju partikolari jiddependi mill-kompetenzi tal-professjonisti tas-saħħa li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’dan it-territorju.

68      Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li limitazzjoni eventwali tan-numru totali ta’ studenti fil-korsijiet ikkonċernati – b’mod partikolari bil-għan li tiġi ggarantita l-kwalità tal-formazzjoni – jista’ jnaqqas, b’mod proporzjonali, in-numru ta’ gradwati li huma lesti li jiżguraw, tul iż-żmien, id-disponibbiltà tas-servizz ta’ saħħa fit-territorju kkonċernat, li jista’ sussegwentement ikollu inċidenza fuq il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. Fuq dan il-punt, għandu jiġi rikonoxxut li nuqqas ta’ professjonisti fil-qasam tas-saħħa joħloq problemi serji għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika kif ukoll li l-prevenzjoni ta’ dan ir-riskju jeżiġi li numru suffiċjenti ta’ gradwati jirrisjedu f’dan it-territorju sabiex jeżerċitaw waħda mill-professjonijiet mediċi jew paramediċi kkonċernati mid-digriet fil-kawżi prinċipali.

69      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dawn ir-riskji, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, qabel kollox, li r-rabta bejn it-taħriġ tal-professjonisti futuri tas-saħħa u l-għan intiż sabiex jinżamm servizz mediku ta’ kwalità, ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd, hija biss indiretta u inqas kawżali mir-rabta bejn l-għan tas-saħħa pubblika u l-attività ta’ professjonisti tas-saħħa li diġà jinsabu preżenti fis-suq (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hartlauer, punti 51 sa 53 kif ukoll Apothekerkammer des Saarlandes et, punti 34 sa 40). L-evalwazzjoni tat-tali rabta tiddependi fil-fatt b’mod partikolari minn analiżi prospettiva li għandha tislet minn bosta elementi aleatorji u inċerti u li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni futura tal-qasam tas-saħħa kkonċernat, iżda wkoll l-analiżi tas-sitwazzjoni hekk kif tirriżulta fil-bidu, jiġifieri attwalment.

70      Sussegwentement, matul l-evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li meta jirriżultaw inċertezzi fir-rigward tal-eżistenza jew l-importanza ta’ riskji għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika fit-territorju tiegħu, l-Istat Membru jista’ jadotta miżuri ta’ protezzjoni mingħajr il-ħtieġa li jistenna li jseħħ in-nuqqas tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa (ara, b’analoġija, is-sentenza Apothekerkammer des Saarlandes, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istess għandu jgħodd fir-rigward tar-riskji għall-kwalità tal-edukazzjoni f’dan il-qasam.

71      Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom il-kompetenza li jipprovaw li tali riskji kienu effettivament jeżistu (ara, b’analoġija, is-sentenza Apothekerkammer des Saarlandes et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). Skont ġurisprudenza stabbilita, huma fil-fatt l-imsemmija awtoritajiet, meta jadottaw miżura li tidderoga minn prinċipju stabbilit tal-Unjoni, li għandhom jipprovaw, f’kull każ partikolari, li din il-miżura tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jinkiseb. Ir-raġunijiet ġustifikattivi li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru għandhom għaldaqstant jinkludu analiżi ta’ kemm il-miżura adottata minn dan l-Istat hija adattata u proporzjonali, kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li tissostanzja l-argumenti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2004, Leichtle, C‑8/02, Ġabra p. I‑2641, punt 45, u Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63). Huwa meħtieġ li t-tali analiżi oġġettiva li tinkludi spjegazzjonijiet u figuri u li tkun tista’ turi, bl-għajnuna ta’ data affidabbli, konverġenti u ta’ natura probatorja, li effettivament jeżistu riskji għas-saħħa pubblika.

72      Fil-kawżi prinċipali, din l-analiżi għandha b’mod partikolari tippermetti li jiġi evalwat, b’mod partikolari għal kull wieħed mid-disa’ korsijiet imsemmija mid-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006, in-numru massimu ta’ studenti li jista’ jiġi mħarreġ billi jiġu osservati r-regoli mixtieqa ta’ kwalità ta’ taħriġ. Barra minn hekk, hija għandha tindika n-numru meħtieġ ta’ gradwati li għandhom jidħlu fi ħdan il-Komunità Franċiża sabiex fiha jeżerċitaw professjoni medika jew paramedika sabiex jiżguraw disponibbiltà suffiċjenti tas-servizz ta’ saħħa pubblika.

73      Barra minn hekk, din l-analiżi ma tistax tillimita ruħha sabiex issemmi l-figuri li jikkonċernaw grupp jew ieħor ta’ studenti billi tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq l-estrapolazzjoni li tgħid li, fi tmiem l-istudji tagħhom, l-istudenti kollha mhux residenti jerġgħu lura fl-Istat li fih huma kellhom ir-residenza tagħhom qabel ma bdew l-istudji tagħhom sabiex jeżerċitaw waħda mill-professjonijiet imsemmija fil-kawżi prinċipali. Għaldaqstant, din l-analiżi għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tal-grupp ta’ studenti mhux residenti fuq it-tfittxija tal-għan intiż sabiex tiġi ggarantita disponibbiltà ta’ professjonisti fi ħdan il-Komunità Franċiża. Barra minn hekk, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li studenti residenti jiddeċiedu li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fi Stat li mhuwiex ir-Renju tal-Belġju fi tmiem l-istudji tagħhom. Bl-istess mod, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-persuni li ma studjawx fi ħdan il-Komunità Franċiża eventwalment jidħlu fiha sabiex jeżerċitaw waħda mill-imsemmija professjonijiet.

74      Huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jipprovdu analiżi li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti lill-qorti tar-rinviju.

75      It-tieni nett, jekk il-qorti tar-rinviju tqis li jeżistu riskji kunsiderevoli għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, din il-qorti għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tistax tiġi kkunsidrata bħala tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, fid-dawl tal-elementi pprovduti mill-awtoritajiet kompetenti.

76      F’dan il-kuntest, hija għandha b’mod partikolari tevalwa jekk limitazzjoni tan-numru ta’ studenti mhux residenti hijiex verament tali li żżid in-numru ta’ gradwati lesti li jiżguraw, iktar ’il quddiem, id-disponibbiltà tas-servizz tas-saħħa fi ħdan il-Komunità Franċiża.

77      It-tielet nett, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan invokat, jiġifieri jekk jeżistux miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jinkiseb dan l-għan.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li hija din il-qorti li għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk l-għan ta’ interess ġenerali invokat jistax jinkiseb permezz ta’ miżuri inqas restrittivi intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-istudenti li jtemmu l-istudji tagħhom fil-Komunità Franċiża sabiex jidħlu jagħmlu parti minnha fi tmiem l-istudji tagħhom jew li huma intiżi sabiex iħajru l-professjonisti mħarrġa barra mill-Komunità Franċiża sabiex jidħlu jagħmlu parti minn din tal-aħħar.

79      Bl-istess mod, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk kienx hemm konċiljazzjoni approprjata min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, tat-twettiq ta’ dan l-għan mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, mal-possibbiltà għall-istudenti minn Stati Membri oħra li jkollhom aċċess għall-istudji ta’ edukazzjoni ogħla, liema possibbiltà tikkostitwixxi l-essenza nnifisha tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-istudenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70). Ir-restrizzjonijiet għall-aċċess għal dawn l-istudji, introdotti minn Stat Membru, għandhom għalhekk ikunu limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet segwiti u għandhom jippermettu aċċess suffiċjentement wiesa’ ta’ dawn l-istudenti għall-istudji terzjarji.

80      F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li l-istudenti mhux residenti li huma interessati mill-edukazzjoni ogħla jintgħażlu, bil-għan tar-reġistrazzjoni tagħhom, minn selezzjoni bix-xorti li, fiha nnifisha, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-għarfien u l-esperjenzi tagħhom.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-proċess ta’ għażla tal-istudenti mhux residenti jillimitax ruħu għas-selezzjoni bix-xorti u, jekk dan ikun il-każ, jekk dan il-metodu ta’ selezzjoni li ma jibbażax ruħu fuq il-kapaċitajiet tal-kandidati kkonċernati iżda fuq ix-xorti huwiex neċessarju sabiex jinkisbu l-għanijiet segwiti.

82      Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari għandha tkun li l-Artikoli 18 u 21 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawżi prinċipali, li tillimita n-numru ta’ studenti mhux residenti li jistgħu jirreġistraw ruħhom għall-ewwel darba fil-korsijiet mediċi u paramediċi ta’ stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla, sakemm il-qorti tar-rinviju, wara li tkun evalwat l-elementi kollha rilevanti ppreżentati mill-awtoritajiet kompetenti, ma tikkonstatax li din il-leġiżlazzjoni tirriżulta li hija ġustifikata fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

 Fuq it-tielet domanda

83      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża, essenzjalment, liema hija l-inċidenza fuq is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tar-rekwiżiti li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 13(2)(ċ) tal-Patt.

84      Il-Gvern Belġjan isostni li l-adozzjoni tad-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006 kienet indispensabbli sabiex jiġi osservat id-dritt għall-edukazzjoni tal-popolazzjoni tal-Komunità Franċiża hekk kif dan id-dritt għall-edukazzjoni jirriżulta mill-Artikolu 13(2)(ċ) tal-Patt. Id-dispożizzjoni kkonċernata fil-fatt tinkludi klawżola ta’ waqfien li ġġiegħel lil din il-Komunità sabiex iżżomm aċċess wiesa’ u demokratiku għal edukazzjoni ogħla ta’ kwalità. Issa, fin-nuqqas ta’ dan id-digriet, iż-żamma ta’ dan l-aċċess tiġi kompromessa.

85      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi osservat li ma teżisti ebda inkompatibbiltà bejn il-Patt u r-rekwiżiti li jirriżultaw, jekk ikun il-każ, mill-Artikoli 18 u 21 TFUE.

86      Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 13(2)(ċ) tal-Patt jirriżulta li essenzjalment dan isegwi l-istess għan bħall-Artikoli 18 u 21 TFUE, jiġifieri li jiġi ggarantit il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fl-aċċess għall-edukazzjoni ogħla. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 2(2) tal-Patt, li jgħid li l-Istati partijiet fil-Patt jimpenjaw ruħhom sabiex jiggarantixxu li d-drittijiet imsemmija fihom jiġu eżerċitati mingħajr ebda diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-oriġini nazzjonali.

87      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 13(2)(ċ) tal-Patt ma jirrikjedix u wara kollox lanqas ma jawtorizza li Stat li huwa parti fil-Patt jiggarantixxi aċċess wiesa’ għal edukazzjoni ogħla ta’ kwalità liċ-ċittadini tiegħu biss.

88      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 13(2)(ċ) tal-Patt jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006 ma jkunx kompatibbli mal-Artikoli 18 u 21 TFUE.

 Fuq l-applikazzjoni ratione temporis tas-sentenza

89      Fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, il-Gvern Belġjan jitlob sabiex l-effetti tas-sentenza mogħtija jiġu limitati ratione temporis. Din il-limitazzjoni hija neċessarja peress li n-numru ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide huwa għoli billi bosta studenti mhux residenti ppreżentaw fajl bil-għan ta’ reġistrazzjoni, għas-sena akkademika 2006-2007, f’wieħed mill-korsijiet imsemmija mid-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006. Il-kontestazzjoni ta’ dawn ir-relazzjonijiet ġuridiċi għaldaqstant jista’ jkollha riperkussjonijiet ekonomiċi serji ta’ natura li jiskwilibraw il-baġit tal-Komunità Franċiża fil-qasam tal-edukazzjoni.

90      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika, jekk ikun neċessarju, it-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu qamu u ġew ikkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, jekk barra minn hekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li tiġi mressqa kontroversja dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (ara s-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot et, 24/86, Ġabra p. 379, punt 27, kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 141).

91      Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tillimita l-possibbiltà għal kull persuna interessata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi kkonstatata, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jkunu sodisfatti, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1994, Vroege, C‑57/93, Ġabra p. I‑4541, punt 21; kif ukoll tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C-402/03, Ġabra p. I‑199, punt 51).

92      Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minħabba sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fihom infushom ma jiġġustifikawx il-limitazzjoni ratione temporis ta’ din is-sentenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 52).

93      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi preċiżi ħafna, meta, minn naħa, kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi partikolarment dovuti għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta, min-naħa l-oħra, kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa sabiex jaġixxu b’mod li ma kienx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u kbira fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, inċertezza li għaliha kienu kkontribwixxew l-aġir innifsu ta’ Stati Membri oħra jew tal-Kummissjoni (ara s-sentenza Grzelczyk, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

94      Fil-kawżi prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern Belġjan ma ppreżenta ebda prova konkreta lill-Qorti tal-Ġustizzja li tippermetti li jiġi sostnut li l-awturi tad-Digriet tas-16 ta’ Ġunju 2006 ġew imħajra jadottaw imġiba eventwalment mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u kbira fir-rigward tal-portata ta’ dan id-dritt.

95      Bl-istess mod, dan il-gvern imkien ma ssostanzja permezz ta’ provi konkreti l-argumenti tiegħu li jgħidu li jekk l-effetti ta’ din is-sentenza ma kinux limitati ratione temporis, hija kien ikollha r-riskju li tagħti lok għal konsegwenzi finanzjarji serji.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

 Fuq l-ispejjeż

97      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 18 u 21 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawżi prinċipali, li tillimita n-numru ta’ studenti li ma humiex ikkunsidrati bħala residenti fil-Belġju u li jistgħu jirreġistraw ruħhom għall-ewwel darba fil-korsijiet mediċi u paramediċi ta’ stabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla, sakemm il-qorti tar-rinviju, wara li tkun evalwat l-elementi kollha rilevanti ppreżentati mill-awtoritajiet kompetenti, ma tikkonstatax li din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

2)      L-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 13(2)(ċ) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-16 ta’ Diċembru 1966, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-Digriet tal-Komunità Franċiża, tas-16 ta’ Ġunju 2006, li jirregola n-numru ta’ studenti f’ċerti korsijiet fl-ewwel sentejn tal-edukazzjoni ogħla, ma jkunx kompatibbli mal-Artikoli 18 u 21 TFUE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.