SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

“Politika soċjali — Protezzjoni tal-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu — Direttiva 92/85/KEE — Artikoli 10 u 12 — Projbizzjoni ta’ tkeċċija bejn il-bidu tat-tqala u tmiem il-leave tal-maternità — Protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt Komunitarju — Trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa — Direttiva 76/207/KEE — Subparagrafu 3 tal-Artikolu 2(7) — Trattament inqas favorevoli ta’ mara marbut mat-tqala jew mal-leave tal-maternità — Restrizzjoni tar-rimedji disponibbli għan-nisa mkeċċija matul it-tqala tagħhom”

Fil-Kawża C-63/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal du travail d’Esch-sur-Alzette (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar 2008, fil-proċedura

Virginie Pontin

vs

T-Comalux SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal V. Pontin, minn L. Dupong, avocat,

għal T-Comalux SA, minn A. Kronshagen u V. Tutak, avocats,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn C. Schiltz, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-31 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40), kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, (ĠU L 269, p. 15, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 76/207”).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn V. Pontin u l-persuna li kienet timpjegaha, il-kumpannija T-Comalux SA (iktar ’il quddiem “T-Comalux”), wara t-tkeċċija tagħha mix-xogħol matul ix-xahar ta’ Jannar tas-sena 2007.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

Id-Direttiva 92/85

3

Jirriżulta mid-disa’ premessa tad-Direttiva 92/85 li l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu ma għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għan-nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa.

4

Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, l-imsemmija direttiva għandha l-għan li timplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema nisa tqal u dawk li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu.

5

Ħaddiema tqila hija ddefinita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 92/85 bħala “ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali”.

6

Skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri huma marbuta jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 2 tagħha, ikunu intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas, skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali.

7

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, bit-titolu “Il-Projbizzjoni ta’ Tkeċċija”, huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex jiġi garantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa kif rikonoxxuti taħt dan l-Artikolu, għandu jiġi pprovdut illi:

1)

l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorità kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;

2)

jekk ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, tiġi mkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;

3)

l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1.”

8

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85:

“L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri neċessarji biex jippermettu lill-ħaddiema kollha li jħossuhom aggravati min-nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligi taħt din id-Direttiva li jfittxu l-pretensjonijiet tagħhom permezz ta’ proċess ġudizzjarju (u/jew skond liġijiet jew prattika nazzjonali) billi jirrikorru għal awtoritajiet kompetenti oħra.”

Id-Direttiva 76/207

9

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/207, din għandha l-għan li ddaħħal fis-seħħ, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u t-taħriġ professjonali u għal dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

10

L-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva jipprovdi li dan il-prinċipju “jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali jew tal-familja”.

11

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li din tal-aħħar “għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tan-nisa, b’mod partikolari rigward tqala u maternità” u t-tielet subparagrafu tal-istess dispożizzjoni jipprovdi li “[t]rattament anqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew leave ta’ maternità fis-sens tad-Direttiva [92/85] għandu jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva”.

12

Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 76/207, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jimplika n-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess fis-setturi pubbliċi jew privati, inklużi l-korpi pubbliċi, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u tax-xogħol, inklużi s-sensji. L-Istati Membri huma marbuta, skont l-Artikolu 3(2)(a) tal-istess direttiva, li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw illi kull liġi, regolament u dispożizzjoni amministrattiva kuntrarja għall-prinċipju ta’ trattament ugwali tiġi abolita.

Id-dritt nazzjonali

13

L-Artikolu L. 124-11(1) u (2) tal-Code du travail Lussemburgiż (iktar ’il quddiem il-“Code du travail”) jipprovdi:

“(1)

Hija abbużiva u tikkostitwixxi att soċjalment u ekonomikament mhux normali, it-tkeċċija li tkun kontra l-liġi u li mhijiex ibbażata fuq raġunijiet reali u serji marbuta mal-abbiltà jew l-imġiba tal-impjegat jew ibbażata fuq il-ħtiġijiet tal-funzjonament tal-impriża, tal-istabbiliment jew tas-servizz.

L-istess jgħodd meta t-tkeċċija tkun tmur kontra l-kriterji ġenerali msemmija fl-Artikolu L. 423-1(3).

(2)

L-azzjoni ġudizzjarja ta’ kumpens minħabba x-xoljiment abbużiv tal-kuntratt ta’ xogħol għandha tittressaq quddiem il-qorti industrijali f’terminu perentorju ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika tat-tkeċċija jew tal-motivazzjoni tagħha. Fin-nuqqas ta’ motivazzjoni, it-terminu jibda jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu L. 124-5(2).

Dan it-terminu jiġi interrott b’mod validu f’każ ta’ interpellazzjoni bil-miktub mill-impjegat kontra min iħaddmu. Meta ssir din l-interpellazzjoni jiskatta terminu perentorju ġdid ta’ sena”.

14

L-Artikolu L. 124-12(4) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Fil-każijiet ta’ nullità tat-tkeċċija previsti mil-liġi, il-qorti industrijali għandha tordna li l-impjegat jinżamm jaħdem mal-impriża jekk huwa jkun talab hekk. […]

Huma applikabbli għall-azzjoni ġudizzjarja għal nullità d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 124-11”.

15

Il-Code du travail jinkludi, fit-Titolu III tat-Tielet Ktieb tiegħu, Kapitolu VII, bit-titolu “Projbizzjoni ta’ tkeċċija”, li fih jinsab l-Artikolu L. 337-1 redatt kif ġej:

“(1)

Huwa pprojbit għal min iħaddem li jinnotifika x-xoljiment ta’ relazzjoni ta’ xogħol jew, fejn applikabbli, l-avviż għal intervista preliminari lil impjegata meta din tkun fi stat ta’ tqala medikament stabbilita u matul perijodu ta’ tnax-il ġimgħa wara l-ħlas.

F’każ ta’ notifika tax-xoljiment qabel mat-tqala tkun stabbilita medikament, l-impjegata tista’, f’terminu ta’ tmint ijiem mid-data tan-notifika tax-xoljiment tal-kuntratt, tressaq prova dwar l-istat tagħha billi tippreżenta ċertifikat b’ittra rreġistrata.

Kull tkeċċija nnotifikata bi ksur tal-projbizzjoni ta’ tkeċċija kif imsemmi fiż-żewġ paragrafi preċedenti u, fejn applikabbli, l-avviż għal intervista preliminari huma nulli u mingħajr effett.

Fil-ħmistax-il jum wara x-xoljiment tal-kuntratt, l-impjegata tista’ titlob, b’sempliċi rikors, lill-President tal-qorti industrijali, li għandu jiddeċiedi b’urġenza u b’mod sommarju, wara li jinstemgħu l-partijiet jew wara li dawn ikunu ġew debitament imsejħa, biex jikkonstata n-nullità tat-tkeċċija u biex jordna li hija tinżamm fil-post tax-xogħol tagħha, jew fejn applikabbli, li terġa’ tiddaħħal taħdem b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 124-12(4).

[…]”

16

Skont l-Artikolu L. 337-6 tal-imsemmi kodiċi:

“L-impjegata li tkun ġiet imkeċċija mix-xogħol minħabba ż-żwieġ tagħha tista’ tinvoka n-nullità tat-tkeċċija tagħha u titlob il-kontinwazzjoni tar-relazzjonijiet tax-xogħol b’ittra rreġistrata indirizzata lil min iħaddimha f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tal-imsemmija tkeċċija. F’dan il-każ, il-kuntratt tax-xogħol jibqa’ fis-seħħ u l-impjegata tibqa’ tgawdi d-dritt għall-ħlas sħiħ tas-salarju tagħha.

Fil-każ li l-impjegata ma tkunx invokat in-nullitá tat-tkeċċija tagħha u talbet il-kontinwazzjoni tar-relazzjonijiet tax-xogħol fit-terminu stabbilit hawn fuq, hija jkollha d-dritt għall-ħlasijiet ta’ kumpens [li jibdew minn servizz kontinwu ta’ mill-inqas ħames snin lill-istess persuna li ħaddmitha] previsti fl-Artikolu L. 124-7(1). Barra minn hekk, hija tista’ teżerċita l-azzjoni ġudizzjarja għal kumpens minħabba x-xoljiment abbużiv tal-kuntratt tax-xogħol fuq il-bażi tal-Artikoli L. 124-11 u L. 124-12.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

F’Novembru tas-sena 2005, V. Pontin bdiet taħdem b’kuntratt għal żmien indefinit u full-time ma’ T-Comalux.

18

B’ittra rreġistrata tat-18 ta’ Jannar 2007, innotifikata lil V. Pontin fit-22 ta’ Jannar 2007, din ġiet imkeċċija bi preavviż stabbilit għall-perijodu mill-31 ta’ Jannar sat-30 ta’ Marzu 2007. Ir-raġuni għal din it-tkeċċija bi preavviż ma tirriżultax mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju.

19

Qabel din tal-aħħar, V. Pontin issostni li, fid-19 ta’ Jannar 2007, hija bagħtet ċertifikat mediku permezz ta’ ittra sempliċi lil T-Comalux. Din il-kumpannija tikkontesta quddiem l-imsemmija qorti li rċeviet tali ċertifikat.

20

Fl-24 ta’ Jannar 2007, V. Pontin bagħtet lil T-Comalux posta elettronika, li permezz tagħha indikatilha li “l-istat tas-saħħa tagħha ma kienx mar wisq għall-aħjar”, tant li ma kinitx fi stat li tidħol lura l-uffiċċju l-għada u li kienet ser tibgħatilha ċertifikat mediku mill-iktar fis possibbli.

21

B’ittra rreġistrata tal-25 ta’ Jannar 2007, T-Comalux innotifikat lil V. Pontin li kienet ġiet imkeċċija mix-xogħol b’effett immedjat “minħabba nuqqas serju” peress li kien hemm “assenza mhux iġġustifikata ta’ iktar minn tlett ijiem”.

22

B’ittra rreġistrata tas-26 ta’ Jannar 2007, li T-Comalux irċeviet fit-30 ta’ Jannar 2007, V. Pontin indikat li kienet tqila. Hija sostniet li, minħabba f’hekk, it-tkeċċija mix-xogħol lilha nnotifikata minn T-Comalux kienet nulla.

23

Fin-nuqqas ta’ risposta mingħand T-Comalux għal din l-aħħar ittra, V. Pontin aġixxiet, fil-5 ta’ Frar 2007, quddiem il-qorti tar-rinviju b’talba għall-konstatazzjoni tan-nullità tat-tkeċċija tagħha.

24

B’sentenza mogħtija fit-30 ta’ Marzu 2007, din il-qorti, komposta b’mod differenti minn kif kienet komposta meta għamlet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, iddikjarat ruħha inkompetenti li tieħu konjizzjoni tat-talba ta’ V. Pontin għall-konstatazzjoni tan-nullità tat-tkeċċija mix-xogħol tat-18 ta’ Jannar 2007. Fil-fatt, skont din il-qorti hekk komposta, l-Artikolu L. 337-1 tal-Code du travail jagħti lill-President tal-qorti industrijali, jiġifieri tat-Tribunal du travail, kompetenza speċjali li jannulla b’urġenza, bi skop ta’ protezzjoni, it-tkeċċija mix-xogħol li ssir meta l-ħaddiema mara tkun tqila, b’tali mod li V. Pontin kellha taġixxi quddiem il-president tal-imsemmi tribunal bir-rikors tagħha għall-konstatazzjoni tan-nullità tat-tkeċċija tagħha. Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li V. Pontin, li jidher li ma kinitx, f’dak l-istadju, irrappreżentata minn avukat, indirizzat it-talba tagħha, f’forma ta’ ittra, lit-“Tribunal du travail — Lis-Sur President u lill-assistenti tiegħu”, u bdiet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha bl-indirizz ta’ korteżija “Sur President”.

25

V. Pontin ma appellatx mill-imsemmija sentenza. Fis-seduta tat-trattazzjoni tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija indikat f’dan ir-rigward li hija ppreferiet tevita kemm li tieħu r-riskju marbut ma’ dan l-appell kif ukoll li tħalli t-terminu ta’ tliet xhur, previst għall-azzjoni ġudizzjarja għad-danni tal-impjegat kontra t-tkeċċija abbużiva tiegħu prevista fl-Artikolu L. 124-11(1) u (2) tal-Code du travail (iktar ’il quddiem l-“azzjoni għad-danni”), jiskadi.

26

Permezz tat-tieni rikors ippreżentat fit-18 ta’ April 2007, V. Pontin talbet lill-qorti tar-rinviju tikkundanna lil T-Comalux għall-ħlas tad-danni. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija ssostni b’mod partikolari li kemm it-tkeċċija tagħha bi preavviż tat-18 ta’ Jannar 2007 kif ukoll it-tkeċċija sussegwenti tagħha b’effett immedjat huma kontra l-liġi u għalhekk abbużivi skont l-imsemmi Artikolu L. 124-11.

27

T-Comalux tikkunsidra li l-liġi ordinarja Lussemburgiża dwar l-azzjoni għad-danni mhijiex applikabbli għall-ħaddiema tqila li, skont l-Artikolu L. 337-1 tal-Code du travail, ma għandhiex l-għażla bejn azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ nullità u għal riintegrazzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni (iktar ’il quddiem l-“azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni”) u l-azzjoni għad-danni, iżda għandha, ta’ bilfors, tibgħat lil min iħaddimha ċertifikat mediku li jiċċertifika l-istat ta’ tqala tagħha fit-terminu ta’ tmint ijiem min-notifika tat-tkeċċija mix-xogħol, kif previst fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu (iktar ’il quddiem it-“terminu ta’ tmint ijiem”), u tippreżenta azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni quddiem il-President tat-Tribunal tax-xogħol fit-terminu ta’ ħmistax-il jum mix-xoljiment tal-kuntratt, terminu stipulat fir-raba’ subparagrafu tal-istess paragrafu 1 (iktar ’il quddiem it-“terminu ta’ ħmistax-il jum”).

28

Skont il-qorti tar-rinviju, mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża rilevanti għal dan il-każ jista’ jiġi dedott li impjegata tqila, li, għal xi raġuni, anki jekk mhux marbuta mal-volontà tagħha, tħalli t-termini rispettivi ta’ tmint ijiem u ta’ ħmistax-il jum jiskadu, ma jkollhiex iktar għad-dispożizzjoni tagħha azzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontesta t-tkeċċija mix-xogħol tagħha, b’tali mod li, ladarba dawn it-termini jiskadu, it-tkeċċija ta’ tali impjegata tqila la tkun nulla u lanqas abbużiva, iżda tkun perfettament valida. Id-deċiżjoni tar-rinviju tirreferi wkoll għal ġurisprudenza tal-qrati Lussemburgiżi li skontha t-terminu għal azzjoni għal nullità jibda jiddekorri mhux minn meta l-ittra ta’ tkeċċija tiġi rċevuta, iżda minn meta din l-ittra tintbagħat bil-posta.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li għandu dubju fir-rigward tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, mad-Direttivi 92/85 u 76/207, it-Tribunal du travail d’Esch-sur-Alzette iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux li l-leġiżlatur nazzjonali jissuġġetta l-azzjoni ġudizzjarja ta’ impjegata tqila li tkun ġiet imkeċċija mix-xogħol matul it-tqala tagħha għal termini stabbiliti minn qabel bħal dak ta’ tmint ijiem impost mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 337(1) tal-Code du travail u t-terminu ta’ ħmistax-il jum impost mir-raba’ subparagrafu tal-istess paragrafu 1 rispettivament?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, […] għandhom it-termini ta’ tmint ijiem u ta’ ħmistax-il jum rispettivament jiġu kkunsidrati bħala qosra wisq sabiex jippermettu lil impjegata tqila mkeċċija mix-xogħol matul it-tqala tagħha tinvoka d-drittijiet tagħha b’azzjoni ġudizzjarja?

3)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-leġiżlatur nazzjonali jċaħħad lill-impjegata tqila li tkun ġiet imkeċċija mix-xogħol matul il-tqala tagħha mid-dritt ta’ azzjoni ġudizzjarja għad-danni minħabba tkeċċija mix-xogħol abbużiva kif huwa pprovdut fl-Artikoli L. 124-11(1) u (2) tal-Code du travail fir-rigward ta’ impjegati oħra mkeċċija mix-xogħol?”

Fuq id-domandi preliminari

30

Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, bit-tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk id-Direttivi 92/85 u/jew 76/207 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu L. 337-1 tal-Code du travail, li jillimita, fir-rigward speċifikament tal-projbizzjoni tat-tkeċċija mix-xogħol ta’ ħaddiema nisa tqal, li jkunu welldu reċentement jew li jkunu qed ireddgħu stipulata fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, ir-rimedji ta’ dawn tal-aħħar ta’ azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni, suġġetti għal termini bħal dawk applikabbli fil-kawża prinċipali, bl-esklużjoni, b’mod partikolari, tal-azzjoni għad-danni.

31

F’dan il-kuntest, l-ewwel żewġ domandi jirrigwardaw il-punt preliminari dwar jekk il-modalitajiet proċedurali bħal dawk li jirriżultaw mill-imsemmi Artikolu L. 337-1 josservawx ir-rekwiżiti tal-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85, u, b’mod partikolari, dwar jekk dawn jippermettux lil kull ħaddiema mara, li tħoss li tkun ġiet ippreġudikata min-nuqqas ta’ ħarsien tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 10, li tfittex id-drittijiet tagħha b’azzjoni ġudizzjarja. Ir-risposta għal dawn iż-żewġ domandi hija ta’ natura li jkollha effett fuq ir-risposta għat-tielet domanda, li essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk il-limitazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli fil-każ ta’ tkeċċija mix-xogħol matul it-tqala għall-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni tikkostitwixxix diskriminazzjoni fis-sens tad-Direttiva 76/207.

Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

32

V. Pontin issostni li d-dritt tal-impjegata tqila li tfittex id-drittijiet tagħha, kif ipprovdut mil-liġi Lussemburgiża, ma jissodisfax il-kriterji stabbiliti mid-Direttiva 92/85 sabiex tiġi ggarantita protezzjoni effettiva u effikaċi tad-drittijiet ta’ tali impjegata. Fir-rigward tad-Direttiva 76/207, hija ssostni li differenza fit-trattament fil-qasam tat-tkeċċija mix-xogħol li ċċaħħad lill-impjegata tqila mill-azzjoni għad-danni ma għandha, bħala bażi, ebda ġustifikazzjoni raġonevoli u tikkostitwixxi diskriminazzjoni fil-konfront tal-mara tqila mkeċċija mix-xogħol meta mqabbla ma’ impjegati oħra mkeċċija mix-xogħol.

33

T-Comalux tikkunsidra li d-Direttiva 92/85 ma tipprekludix termini bħalma huma dawk ta’ tmint ijiem u ta’ ħmistax-il jum. Barra minn hekk, skont l-istess kumpannija, id-Direttiva 76/207 ma tipprekludix leġiżlatur nazzjonali milli jċaħħad impjegata tqila mill-azzjoni għad-danni matul l-istat ta’ tqala tagħha. Fil-fatt, impjegata tqila mkeċċija mix-xogħol matul it-tqala tagħha, li għandha miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi għall-istat tagħha, mhijiex iddiskriminata, iżda għall-kuntrarju tibbenefika minn protezzjoni speċifika permezz tal-azzjoni għan-nullità tat-tkeċċija tagħha.

34

Il-Gvern Lussemburgiż isostni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha impjegata li tħalli t-termini ta’ tmint ijiem u ta’ ħmistax-il jum jiskadu ma jkollhiex iktar għad-dispożizzjoni tagħha azzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontesta t-tkeċċija tagħha. Issa, skont dan il-gvern, fil-każ fejn impjegata ma tużax dan id-dritt speċjali jew ma tkunx tista’ tagħmel użu minnu wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti mill-imsemmija leġiżlazzjoni, hija tkun tista’ teżerċita l-azzjoni għad-danni. F’kuntest bħal dan, it-termini marbuta mal-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni ma jkunux qosra wisq.

35

Il-Gvern Taljan jikkunsidra li t-termini bħal dawk ta’ tmint ijiem u ta’ ħmistax-il jum għandhom jiġu kkunsidrati bħala qosra wisq sabiex il-ħaddiema tqila mkeċċija mix-xogħol matul it-tqala tagħha tfittex id-drittijiet tagħha permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji. Barra minn hekk, dan il-gvern isostni li d-Direttiva 76/207 tipprekludi leġiżlatur nazzjonali milli jintroduċi diskriminazzjoni fil-konfront ta’ ħaddiema nisa tqal imkeċċija mix-xogħol matul it-tqala tagħhom, billi jċaħħadhom mill-possibbiltà li jeżerċitaw l-azzjoni għad-danni, u dan anki meta tali azzjoni tkun disponibbli għal ħaddiema oħra mkeċċija mix-xogħol.

36

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkunsidra li l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 ma jipprekludux, fil-prinċipju, li leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ azzjoni bbażata fuq id-dritt Komunitarju għal termini stabbiliti minn qabel, mingħajr ħsara, madankollu, għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività. F’dan ir-rigward, hija ssostni li t-terminu ta’ ħmistax-il jum imur kontra, minħabba l-qosor tiegħu, dawn il-prinċipji u jikser, minħabba f’hekk, l-imsemmija Artikoli 10 u 12. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 76/207 tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali ċċaħħad lill-impjegata tqila mkeċċija mix-xogħol matul l-istat ta’ tqala tagħha mill-azzjoni ġudizzjarja għad-danni minħabba tkeċċija abbużiva meta din tkun disponibbli lil impjegati oħra mkeċċija mix-xogħol.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq l-ewwel żewġ domandi

37

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, b’mod differenti mit-terminu ta’ ħmistax-il jum, ma jidhirx li t-terminu ta’ tmint ijiem jikkostitwixxi terminu proċedurali li jiddetermina l-eżerċizzju ta’ azzjoni quddiem qorti, u dan għandu, jekk meħtieġ, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Issa, l-ewwel żewġ domandi jirrigwardaw essenzjalment il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt Komunitarju, kif rifless fl-Artikoli 10(3) u 12 tad-Direttiva 92/85. Għalhekk, huwa fir-rigward ta’ terminu bħal dak ta’ ħmistax-il jum li għandha tiġi eżaminata l-applikazzjoni, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ dan il-prinċipju. Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li t-terminu ta’ tmint ijiem jikkostitwixxi huwa wkoll terminu li l-iskadenza tiegħu tista’ tippreġudika l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-individwu, ikun il-kompitu tagħha li tapplika, mutatis mutandis, il-konklużjonijiet li jirriżultaw f’din is-sentenza fir-rigward ta’ terminu bħal dak ta’ ħmistax-il jum.

38

Għandu jiġi rrilevat ukoll li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati Komunitarji u dawk nazzjonali, il-kuntest fattwali u regolatorju tad-domandi preliminari, hekk kif definit mid-deċiżjoni tar-rinviju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008, Jobra, C-330/07, Ġabra p. I-9099, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, irrispettivament mill-kritika tal-gvern Lussemburgiż fil-konfront tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-qorti tar-rinviju, l-eżami ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jsir fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt partikolari mogħtija minn din il-qorti tal-aħħar (ara, bħala analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2006, Chateignier, C-346/05, Ġabra p. I-10951, punt 22, u tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C-378/07, Ġabra p. I-3071, punt 51). B’dan il-mod, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi bbażata fuq il-premessa li impjegata mkeċċija mix-xogħol matul it-tqala tagħha ma għandha għad-dispożizzjoni tagħha ebda rimedju, fid-dritt Lussemburgiż, għajr dak tal-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni.

39

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprekludu t-tkeċċija ta’ ħaddiema nisa li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni matul il-perijodu li jibda mill-bidu tat-tqala tagħhom sat-tmiem tal-leave tal-maternità prevista fl-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, ħlief fil-każijiet ta’ eċċezzjoni li ma jkunux marbuta mal-istat tagħhom, aċċettati mil-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali u, fejn applikabbli, sa fejn l-awtorità kompetenti tkun tat l-approvazzjoni tagħha.

40

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri huma wkoll marbuta li jinkludu fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom il-miżuri neċessarji li jippermettu lil kull persuna li tħoss li tkun ġiet ippreġudikata minħabba n-nuqqas ta’ ħarsien tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, inklużi dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 10 tagħha, li tfittex id-drittijiet tagħha permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja. L-Artikolu 10(3) tal-istess direttiva jipprovdi speċifikament li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipproteġu lill-ħaddiema nisa tqal, li jkunu welldu reċentement u li jkunu qed ireddgħu mill-konsegwenzi ta’ tkeċċija li tkun illegali skont l-Artikolu 10(1) tal-istess direttiva (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay, C-460/06, Ġabra p. I-8511, punt 47).

41

Dawn id-dispożizzjonijiet, u b’mod partikolari l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85, jikkostitwixxu espressjoni speċifika, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt Komunitarju.

42

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li minkejja li l-Istati Membri mhumiex marbuta, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85, li jadottaw miżura partikolari, xorta jibqa’ l-fatt li l-miżura magħżula għandha tkun ta’ natura li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva u effikaċi, għandu jkollha effett dissważiv reali fir-rigward ta’ minn iħaddem u fi kwalunkwe każ għandha tkun adegwata għad-dannu subit (ara s-sentenza Paquay, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 49).

43

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-individwi taħt id-dritt Komunitarju, hija ġurisprudenza kostanti li l-modalitajiet proċedurali ta’ azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tal-liġi Komunitarja ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw azzjonijiet simili ta’ dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p.I-2483, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Dawn ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jesprimu l-obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt Komunitarju. Dawn jgħoddu kemm fil-livell tal-istabbiliment tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu kawżi bbażati fuq dan id-dritt kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali (ara s-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il, punti 47 u 48).

45

L-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tippresupponi li r-regola nazzjonali inkwistjoni tapplika mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq il-ksur tad-dritt Komunitarju u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt intern li jkollhom skop u kawżalità simili (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C-326/96, Ġabra p. I-7835, punt 41). Madankollu, dan il-prinċipju ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga Stat Membru li jestendi s-sistema interna l-iktar favorevoli għall-azzjonijiet kollha ppreżentati fil-qasam tad-dritt tax-xogħol (ara s-sentenza Levez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42). Sabiex jiġi vverifikat jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex osservat, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali, inkwantu hija biss għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet fil-qasam tad-dritt intern, li tivverifika jekk il-modalitajiet proċedurali intiżi sabiex jiżguraw, fid-dritt intern, il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt Komunitarju humiex konformi ma’ dan il-prinċipju u li teżamina kemm l-għan kif ukoll l-elementi essenzjali tal-azzjonijiet allegatament simili ta’ natura interna (ara s-sentenzi Levez, iċċitata iktar ’il fuq, punti 39 u 43, kif ukoll tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et, C-78/98, Ġabra p. I-3201, punt 49). Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika s-similarità tal-azzjonijiet ikkonċernati fid-dawl tal-iskop, il-kawżalità u l-karatteristiċi essenzjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Preston et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

46

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tiddeċiedi fuq l-ekwivalenza tar-regoli proċedurali, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika b’mod oġġettiv u astratt is-similarità tar-regoli inkwistjoni fid-dawl tal-kuntest tagħhom fil-proċedura kollha, tal-mod kif din il-proċedura tiżvolġi u tal-karattersitiċi partikolari tar-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, Preston et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 sa 63).

47

Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-każijiet li fihom titqajjem il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mill-ordinament ġuridiku Komunitarju għandhom, ukoll, jiġu analizzati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun meħtieġ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema legali nazzjonali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication, C-426/05, Ġabra p. I-685, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja għarfet il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-iffissar ta’ termini perentorji raġonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi fl-interess taċ-ċertezza legali, liema termini mhumiex ta’ natura li jagħmlu, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana, C-255/00, Ġabra p. I-8003, punt 34, kif ukoll tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C-2/06, Ġabra p. I-411, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tat-termini perentorji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward tal-liġijiet nazzjonali li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jistabbilixxu termini li jkollhom rabta, b’mod partikolari, mal-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, mal-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, man-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u mal-interessi l-oħra pubbliċi jew privati li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C-349/07, Ġabra p. I-10369, punt 40).

49

Fl-aħħar nett, kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhijiex kompetenza ta’ din tal-aħħar li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt intern, peress li din hija kompetenza esklużiva tal-qorti tar-rinviju, li għandha, f’dan il-każ, tiddetermina jekk ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività humiex sodisfatti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti (ara s-sentenza Angelidaki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 163). Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tiddeċiedi fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija tista’, jekk ikun meħtieġ, tipprovdi kjarifiki intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C-53/04, Ġabra p. I-7213, punt 54; Vassallo, C-180/04, Ġabra p. I-7251, punt 39, kif ukoll id-digriet tat-12 ta’ Ġunju 2008, Vassilakis et, C-364/07, punt 143).

50

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata r-risposta għall-ewwel żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

51

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu L. 337-1 tal-Code du travail ġie adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, moqri flimkien mal-Artikolu 12 tagħha.

52

Kif isostnu kemm il-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni u kif jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 ma jipprekludux, fil-prinċipju, li leġiżlatur nazzjonali jipprevedi, għall-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu li jkunu ġew suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija, azzjoni ġudizzjarja speċifika, suġġetta għall-osservanza ta’ termini stabbiliti minn qabel.

53

Madankollu, peress li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-modalitajiet ta’ azzjoni ġudizzjarja bħal din għandhom josservaw ir-rekwiżiti stipulati mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 sa 48 ta’ din is-sentenza.

54

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mdgħajfa mill-argument, invokat minn T-Comalux fis-seduta, li skontu, b’mod differenti mill-azzjoni għad-danni, disponibbli fil-każ ta’ tkeċċija mix-xogħol ikkunsidrata bħala “abbużiva” fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew mill-azzjoni disponibbli fil-każ ta’ tkeċċija “minħabba” żwieġ, stabbilita mill-Artikolu L. 337-6 tal-Code du travail (iktar ’il quddiem l-“azzjoni disponibbli fil-każ ta’ tkeċċija mix-xogħol minħabba żwieġ”), l-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni tapplika b’mod kważi awtomatiku, indipendentement minn imġiba żbaljata min-naħa ta’ min iħaddem. Fil-fatt, b’mod kuntrarju għal dak li jidher li l-imsemmija kumpannija qed issostni, il-fatt biss li Stat Membru, bl-implementazzjoni tal-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 għall-istabbiliment ta’ rimedju speċifiku għall-ħaddiema nisa tqal, jiddeċiedi, skont il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva, li ma jipprevedix eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ tkeċċija mix-xogħol li ma jkunux marbuta mal-istat ta’ mara tqila, li welldet reċentement jew li tkun qed tredda’ ma jistax ikollu bħala konsegwenza li l-modalitajiet proċedurali ta’ dan ir-rimedju ma jibqgħux iktar suġġetti għar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi taħt id-Dritt Komunitarju.

55

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni ta’ jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex f’dan il-każ osservat, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li jidher, prima facie, li ż-żewġ azzjonijiet fil-qasam tad-dritt tax-xogħol invokati mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri, minn naħa, l-azzjoni għad-danni u, min-naħa l-oħra, l-azzjoni disponibbli f’każ ta’ tkeċċija mix-xogħol minħabba żwieġ huma ta’ natura li jiġu kkunsidrati bħala simili għall-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni, u dan għandu, skont kif jirriżulta mill-punt 45 ta’ din is-sentenza, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-iskop, il-kawżalità u l-karatteristiċi essenzjali tagħhom.

56

Fil-każ li jirriżulta li diversi mill-azzjonijiet previsti fid-deċiżjoni tar-rinviju jew waħda minnhom, jew ukoll azzjonijiet nazzjonali oħra li ma ġewx invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huma simili għall-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni, ikun ukoll il-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk dawn l-azzjonijiet jinvolvux modalitajiet proċedurali iktar favorevoli.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitqies il-fatt li jidher li l-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni teżiġi li tiġi adita istanza speċifika, jiġifieri l-“President tal-qorti industrijali”. Mill-punt 24 ta’ din is-sentenza jirriżulta li jidher li dan ir-rekwiżit tal-aħħar jitlob interpretazzjoni litterali u partikolarment stretta. Kif jirriżulta mill-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali, rekwiżit bħal dan jista’ jkollu konsegwenzi sfavorevoli għall-individwi kkonċernati, fid-dawl b’mod partikolari tat-terminu ta’ azzjoni partikolarment qasir, li jrendi diffiċli l-ksib ta’ parir jew l-intervent ta’ konsulent legali li jispeċjalizza f’qasam tad-dritt.

58

Fir-rigward tal-ipoteżi li l-azzjoni għad-danni kif ukoll l-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni huma kkunsidrati simili, għandu jiġi mfakkar li t-terminu perentorju ta’ ħmistax-il jum applikabbli għal din l-azzjoni tal-aħħar huwa sostanzjalment iqsar mit-terminu perentorju ta’ tliet xhur applikabbli għall-azzjoni għad-danni. F’dak li jirrigwarda l-azzjoni disponibbli fil-każ ta’ tkeċċija mix-xogħol minħabba żwieġ, ma jirriżultax mill-proċess it-terminu perentorju rilevanti li fih għandha tiġi adita qorti nazzjonali. Ladarba dan huwa l-każ, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu L. 337-6 tal-Code du travail, l-impjegata għandha għad-dispożizzjoni tagħha xahrejn sabiex titlob lil min iħaddimha l-kontinwazzjoni tar-relazzjonijiet tax-xogħol u, fil-każ li, f’dan it-terminu, hija ma tkunx invokat in-nullità tat-tkeċċija mix-xogħol tagħha u ma tkunx talbet il-kontinwazzjoni tar-relazzjonijiet tax-xogħol, hija jkollha dritt għall-ħlasijiet ta’ kumpens tal-waqfien mix-xogħol u tkun tista’, barra minn hekk, teżerċita l-azzjoni għad-danni.

59

Fid-dawl tal-informazzjoni miġjuba għall-għarfien tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx, prima facie, li l-modalitajiet proċedurali bħal dawk tal-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni, previsti fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu L. 337-1(1) tal-Code du travail, jissodisfaw il-prinċipju ta’ ekwivalenza, u dan għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 44, 46 u 47 ta’ din is-sentenza.

60

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi rrilevat li, kif isostnu, essenzjalment, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, u kif jirriżulta wkoll mill-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, terminu perentorju relattivament qasir għal azzjoni intiża għall-ksib ta’ riintegrazzjoni fi ħdan l-impriża kkonċernata ta’ impjegata mkeċċija mix-xogħol b’mod illeċitu jista’, fil-prinċipju, jiġi kkunsidrat leġittimu. Fil-fatt, kif T-Comalux u l-Gvern Lussemburgiż jirrilevaw, jista’ jkun hemm interess ibbażat fuq iċ-ċertezza legali, kemm għall-ħaddiema nisa tqal imkeċċija mix-xogħol kif ukoll għal min iħaddem, għalxiex il-possibbiltà li qorti tiġi adita b’azzjoni bħal din tkun illimitata fiż-żmien, fid-dawl b’mod partikolari tal-konsegwenzi, għall-persuni kkonċernati kollha, tar-riintegrazzjoni, meta din issir wara tul ta’ żmien twil.

61

Għaldaqstant, fid-dawl b’mod partikolari tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludux, fil-prinċipju, fir-rigward tal-azzjoni intiża għall-ksib tar-riintegrazzjoni fl-impieg ma’ min iħaddem tal-mara tqila li tkun ġiet suġġetta għal miżura ta’ tkeċċija, l-iffissar ta’ terminu perentorju iqsar minn dak previst għal azzjoni għad-danni.

62

Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, it-terminu perentorju ta’ ħmistax-il jum applikabbli għall-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni għandu jiġi kkunsidrat li huwa partikolarment qasir, fid-dawl b’mod partikolari tas-sitwazzjoni li fiha tkun tinsab mara fil-bidu tat-tqala.

63

Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li jista’ jkun il-każ li sakemm il-mara tqila tirċievi l-ittra ta’ tkeċċija mix-xogħol u tkun b’hekk informata bit-tkeċċija tagħha jilħqu jgħaddu diversi jiem mill-imsemmi terminu ta’ ħmistax-il jum. Fil-fatt, skont l-opinjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ ħaddiema tas-settur privat fuq l-abbozz ta’ liġi li introduċa l-Artikolu L. 337-1 fil-Code du travail, opinjoni li t-termini tagħha ġew riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-terminu ta’ ħmistax-il jum jibda jiddekorri, skont il-ġurisprudenza tal-qrati Lussemburgiżi, minn meta tiġi impostata l-ittra ta’ tkeċċija.

64

Ċertament, il-Gvern Lussemburgiż sostna li, skont l-Artikolu 1 tal-Liġi tat-22 ta’ Diċembru 1986 dwar ir-riintegrazzjoni ta’ dritt mitluf bħala riżultat tal-iskadenza ta’ terminu għal preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja (Mémorial A 1986, p. 2745), it-termini perentorji ma jistgħux jiddekorru fil-każ li l-impjegata ma tkunx f’pożizzjoni li taġixxi.

65

Madankollu, anki jekk din id-dispożizzjoni kellha tkun ta’ natura li tillimita l-effetti tal-imsemmija ġurisprudenza dwar l-impostar tal-ittra ta’ tkeċċija, punt li għandu, jekk meħtieġ, jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju, jidher, madankollu, li jkun diffiċli ħafna li, filwaqt li tosserva t-terminu ta’ ħmistax-il jum, ħaddiema mara mkeċċija mix-xogħol matul it-tqala tagħha tkun tista’ b’mod utli tieħu parir u kif ukoll, jekk meħtieġ, tħejji u tressaq azzjoni.

66

Barra minn hekk, filwaqt li jidher li, kif ġie rrilevat fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit li l-azzjoni ssir quddiem il-“Presdient tal-qorti industrijali” jitlob interpretazzjoni partikolarment stretta, ħaddiema mara tqila li, għal xi raġuni jew oħra, ħalliet it-terminu ta’ ħmistax-il jum jiskadi ma għandhiex iktar għad-dispożizzjoni tagħha, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, azzjoni ġudizzjarja sabiex tfittex id-drittijiet tagħha wara t-tkeċċija tagħha.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li modalitajiet bħal dawk previsti fl-Artikolu L. 337-1(1) tal-Code du travail, marbuta mal-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni, inkwantu dawn jinvolvu inkonvenjenzi proċedurali ta’ natura li jirrendu eċċessivament diffiċli l-implementazzjoni tad-drittijiet li n-nisa tqal għandhom taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, ma josservawx ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività, u dan għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

68

Kif jirriżulta mill-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, fil-każ li din il-qorti kellha tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tmur kontra l-prinċipji ta’ ekwivalenza u/jew effettività, din il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata li hija konformi mar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi taħt id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari taħt l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85.

69

Fid-dawl tal-premess, għall-ewwel żewġ domandi għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 92/85 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi rimedju speċifiku fir-rigward tal-projbizzjoni tat-tkeċċija mix-xogħol ta’ ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu stipulata fl-Artikolu 10, eżerċitat skont modalitajiet proċedurali xierqa għal din l-azzjoni, sakemm dawn, madankollu, ma jkunux inqas favorevoli minn dawk marbuta ma’ azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jkunux ifformulati b’mod li jrendu prattikament impossibbli l-eżerċizzju ta’ drittijiet rikonoxxuti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività). Ma jidhirx li terminu perentorju ta’ ħmistax-il jum, bħal dak stabbilit fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu L. 337-1(1) tal-Code du travail, huwa ta’ natura li jissodisfa din il-kundizzjoni, u dan għandu, madankollu, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tielet domanda

70

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik stabbilita mill-Artikolu L. 337-1 tal-Code du travail, li ċċaħħad lill-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu li jkunu ġew suġġetti għal miżura ta’ tkeċċija mix-xogħol matul l-istat ta’ tqala tagħhom minn azzjoni ġudizzjarja għad-danni, meta din hija disponibbli għal kull impjegat ieħor imkeċċi mix-xogħol.

71

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 76/207, inkluż permezz tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/73, kull trattament inqas favorevoli ta’ mara marbut mat-tqala jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ din l-istess direttiva.

72

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma ġiex issuġġerit li l-azzjoni għad-danni mhijiex konformi mal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt Komunitarju.

73

Issa, skont il-qorti tar-rinviju, l-unika azzjoni disponibbli għal mara tqila mkeċċija mix-xogħol matul it-tqala tagħha hija l-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni, bl-esklużjoni ta’ kull azzjoni oħra fil-qasam tad-dritt industrijali, bħalma hija l-azzjoni għad-danni.

74

Għalhekk, fil-każ li jirriżulta, wara verifika mill-qorti tar-rinviju fuq il-bażi tal-elementi pprovduti fir-risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari, li din l-azzjoni għal nullità u għal riintegrazzjoni ma tosservax il-prinċipju ta’ effettività, tali ksur tar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stipulat b’mod partikolari mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/85 jikkostitwixxi “trattament anqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 76/207, u għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-direttiva tal-aħħar.

75

B’dan il-mod, jekk il-qorti tar-rinviju tasal biex tikkonstata tali ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 76/207, hija għandha, sa fejn ikun possibbli, tinterpreta r-regoli interni ta’ kompetenza b’tali mod li dawn jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-għan li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li n-nisa tqal jista’ jkollhom taħt id-dritt Komunitarju (ara, bħala analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 17; tat-22 ta’ Settembru 1998, Coote, C-185/97, Ġabra p. I-5199, punt 18, u Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

76

Fid-dawl tal-premess, għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik stabbilita mill-Artikolu L. 337-1 tal-Code du travail, speċifika għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 fil-każ ta’ tkeċċija mix-xogħol ta’ ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li jkunu qed ireddgħu, li ċċaħħad lill-impjegata tqila li tkun ġiet suġġetta għal miżura ta’ tkeċċija matul l-istat ta’ tqala tagħha minn azzjoni ġudizzjarja għad-danni, filwaqt li din tkun disponibbli għal kull impjegat ieħor imkeċċi mix-xogħol, meta din il-limitazzjoni ta’ rimedji tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli ta’ mara marbut mat-tqala. B’mod partikolari, dan ikun il-każ jekk il-modalitajiet proċedurali marbuta mal-unika azzjoni disponibbli fil-każ ta’ tkeċċija tal-imsemmija ħaddiema nisa ma josservawx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi taħt id-dritt Komunitarju, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

77

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi rimedju speċifiku fir-rigward tal-projbizzjoni tat-tkeċċija mix-xogħol ta’ ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, stipulat fl-imsemmi Artikolu 10, eżerċitat skont modalitajiet proċedurali xierqa għal din l-azzjoni, sakemm madankollu dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk marbuta ma’ azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jkunux ifformulati b’mod li jirrendu prattikament impossibbli l-eżerċizzju ta’ drittijiet rikonoxxuti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività). Ma jidhirx li terminu perentorju ta’ ħmistax-il jum, bħal dak stabbilit fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu L. 337-1(1) tal-Code du travail Lussemburgiż, huwa ta’ natura li jissodisfa din il-kundizzjoni, u dan għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

2)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tal-istess Direttiva 76/207 kif emendata, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik stabbilita mill-Artikolu L. 337-1 tal-Code du travail, speċifika għall-protezzjoni prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 fil-każ ta’ tkeċċija mix-xogħol ta’ ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li jkunu qed ireddgħu, li ċċaħħad lill-impjegata tqila li tkun ġiet suġġetta għal miżura ta’ tkeċċija matul l-istat ta’ tqala tagħha minn azzjoni ġudizzjarja għad-danni, filwaqt li din tkun disponibbli għal kull impjegat ieħor imkeċċi mix-xogħol, meta din il-limitazzjoni ta’ rimedji tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli ta’ mara marbut mat-tqala. B’mod partikolari, dan ikun il-każ jekk il-modalitajiet proċedurali marbuta mal-unika azzjoni disponibbli fil-każ ta’ tkeċċija tal-imsemmija ħaddiema nisa ma josservawx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi taħt id-dritt Komunitarju, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.