Kawża C-54/08
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 43 KE — Libertà ta’ stabbiliment — Nutara — Kundizzjoni ta’ ċittadinanza — Artikolu 45 KE — Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Direttivi 89/48/KEE u 2005/36/KE”
Sommarju tas-sentenza
1. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Derogi — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Attivitajiet ta’ nutar — Esklużjoni — Kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar — Inammissibbiltà
(Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE)
2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett — Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża — Adattament minħabba tibdil fid-dritt tal-Unjoni — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet
(Artikolu 226 KE)
3. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja — Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni — Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata — Sitwazzjoni ta’ inċertezza li tirriżulta minn ċirkustanzi partikolari li jkunu seħħew waqt il-proċess leġiżlattiv — Assenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
(Artikolu 43 KE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE u Artikolu 226 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/36)
1. Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu timponi kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 43 KE, peress li l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru ma jagħmlux parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE jikkostitwixxi deroga mir-regola fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment, li għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, din id-deroga għandha tkun ristretta biss għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
Sabiex jiġi evalwat jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attivitajiet eżerċitati min-nutara. F’dan ir-rigward, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE ma taqax taħt id-diversi attivitajiet eżerċitati min-nutara, minkejja l-effetti legali sinjifikattivi mogħtija lill-atti tagħhom, sa fejn kemm il-volontà tal-partijiet, kif ukoll is-sorveljanza jew id-deċiżjoni tal-qorti jkollhom importanza partikolari.
Fil-fatt, minn naħa, f’dak li jikkonċerna l-atti awtentiċi, huma suġġetti għal awtentifikazzjoni biss l-atti jew il-ftehim li l-partijiet ikunu liberament ikkonkludew filwaqt li n-nutar ma jistax jemenda unilateralment il-ftehim li huwa mitlub jawtentika mingħajr ma jikseb minn qabel il-kunsens tal-partijiet. Barra minn hekk, għalkemm l-obbligu ta’ verifika li għandhom in-nutara għandu, ċertament, għan ta’ interess ġenerali, madankollu, is-sempliċi fatt li jintlaħaq dan l-għan ma jistax jiġġustifika li l-prerogattivi neċessarji għal dan l-għan ikunu rriżervati biss għan-nutara li huma ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u lanqas ma jkun biżżejjed sabiex attività tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti direttament u speċifikament mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna s-saħħa eżekuttiva, għalkemm iż-żieda, min-nutar, tal-formula tal-eżekuzzjoni fuq l-att awtentiku tagħtih is-saħħa eżekuttiva, din hija bbażata fuq il-volontà tal-partijiet li jagħmlu att jew ftehim, wara verifika tal-konformità tagħhom mal-liġi min-nutar, u li jagħtuhom din is-saħħa eżekuttiva. Bl-istess mod, is-saħħa probatorja li jgawdi minnha att nutarili taqa’ taħt ir-regoli ta’ provi u għalhekk ma għandhiex effett dirett fuq il-kwistjoni jekk l-attività li tinkludi r-redazzjoni ta’ dan l-att, fiha nnifisha, tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, u dan huwa iktar il-każ peress li l-att nutarili ma jorbotx b’mod inkundizzjonat lill-qorti fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, peress li hija tieħu d-deċiżjoni tagħha skont konvinzjoni interna tagħha.
Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, mutatis mutandis, għall-atti li għandhom jiġu konklużi permezz ta’ att nutarili taħt piena ta’ nullità, bħalma huwa, b’mod partikolari, il-kuntratti li jirrigwardaw ix-xiri u t-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq art jew it-trasferiment ta’ patrimonju attwali, il-wegħdiet ta’ donazzjoni, il-kuntratti ta’ żwieġ, il-ftehim fuq suċċessjoni futura jew kuntratti ta’ rinunzja għas-suċċessjoni jew il-parti mill-wirt kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-intervent tan-nutar fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji.
Stat Membru lanqas ma jista’ jinvoka, f’dan ir-rigward, il-kompetenza, mogħtija lin-nutara f’Land partikolari, sabiex jawtentikaw l-atti li jistabbilixxu sħubija rreġistrata bejn persuni tal-istess sess, peress li, tali unjoni għandha, minbarra dan, sabiex tipproduċi l-effetti tagħha, tkun imniżżla fir-Reġistru tal-istatus ċivili permezz tal-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni ċivili, li barra minn hekk huwa inkarigat mill-amministrazzjoni ta’ dan ir-reġistru.
Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-istatus speċifiku tan-nutara, l-ewwel nett, mill-fatt li l-kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati, jirriżulta li, fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, ħaġa li ma hijiex karatteristika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. It-tieni nett, in-nutar huwa l-uniku responsabbli tal-atti mwettqa fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu.
(ara l-punti 83, 85, 86, 88, 89, 91, 92, 95-97, 99-101, 103, 106-111, 116)
2. Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, minkejja li t-talbiet li jinsabu fir-rikors ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu estiżi lil hinn minn nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu allegati fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u fl-ittra ta’ intimazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni, li sussegwentement ikun ġie emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu mid-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni ġdid Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kawża ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jikkorrispondux għall-verżjoni inizjali tal-att ikkonċernat, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li jirregolaw il-proċeduri li jikkonstataw in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.
(ara l-punt 128)
3. Meta, matul il-proċess leġiżlattiv, ċirkustanzi partikolari, bħalma huwa n-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni ċara mil-leġiżlatur jew in-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jagħtu lok għal sitwazzjoni ta’ inċertezza, ma huwiex possibbli li jiġi kkonstatat li kien hemm, fit-tmiem it-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, obbligu suffiċjentement ċar għall-Istati Membri li jittrasponi direttiva.
(ara l-punti 140-142)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
24 ta’ Mejju 2011 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 43 KE – Libertà ta’ stabbiliment – Nutara – Kundizzjoni ta’ ċittadinanza – Artikolu 45 KE– Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika – Direttivi 89/48/KEE u 2005/36/KE”
Fil-Kawża C-54/08,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226KE, ippreżentat fil-12 ta’ Frar 2008,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Støvlbæk u G. Braun, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
sostnuta minn:
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer, bħala aġent,
intervenjent,
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma, J. Kemper, kif ukoll minn U. Karpenstein u J. Möller, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn T. Ivanov u E. Petranova, bħala aġenti,
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, bħala aġent,
Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn L. Uibo, bħala aġent,
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u B. Messmer, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn L. Ostrovska, K. Drēviņa u J. Barbale, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas u E. Matulionytė, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Ungerija, irrappreżentata minn R. Somssich u K. Veres kif ukoll minn M. Fehér, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Awstrija, irrappreżentata minn E. Riedl, G. Holley u M. Aufner, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn M. Dowgielewicz u C. Herma kif ukoll minn D. Lutostańska, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn V. Klemenc u Ž. Cilenšek Bončina, bħala aġenti,
Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn J. Čorba u B. Ricziová, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J.-J. Kasel, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis, M. Ilešič, C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ April 2010,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta imponiet kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar u billi ma ttrasponietx, għal din il-professjoni, id-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2001/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 138), iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 89/48”), u/jew id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 45 KE kif ukoll taħt dawn id-direttivi.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2 It-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/48 jistabbilixxi li “s-sistema ġenerali għar-rikonxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla hija kompletament mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [45].”
3 L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/48 kien għalhekk miktub kif ġej:
“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq iwettaq professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata.
Din id-Direttiva m’ għandhiex tapplika għal professjonijiet li huma s-suġġett ta’ Direttiva separata li tistabbilixxi arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi mill-Istati Membri.”
4 Il-professjoni ta’ nutar ma kienet suġġetta għal ebda leġiżlazzjoni ta’ tip bħal dik imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2.
5 Id-Direttiva 89/48 kienet tipprovdi terminu ta’ traspożizzjoni li kien jiskadi, skont l-Artikolu 12 tagħha, fl-4 ta’ Jannar 1991.
6 Id-Direttiva 2005/36 ħassret, permezz tal-Artikolu 62 tagħha, id-Direttiva 89/48 b’effett mill-20 ta’ Ottubru 2007.
7 Il-premessa 9 tad-Direttiva 2005/36 hija mitkuba kif ġej :
“Filwaqt li, għal-libertà ta' stabbiliment, jinżammu l-prinċipji u s-salvagwardji li jifformaw il-bażi tas-sistemi differenti għar-rikonoxximent li huma fis-seħħ, ir‑regoli ta’ dawn is-sistemi għandhom jiġu mtejba fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba. Barra minn hekk, id-direttivi in kwistjoni ġew emendati f'diversi okkażjonijiet, u d-dispożizzjonijiet tagħhom għandhom jerġgħu jiġu organizzati u razzjonalizzati permezz ta' l-istandardizzazzjoni tal-prinċipji applikabbli. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu sostitwiti d-Direttivi tal-Kunsill 89/48/KEE [...]”
8 Il-premessa 14 ta’ din id-direttiva tipprovdi:
“Il-mekkaniżmu għar-rikonoxximent stabbilit mid-Direttiv[a] [89/48/KEE ] ma jinbidilx. [...]”
9 Skont il-premessa 41tad-Direttiva 2005/36, din hija “bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 39(4) [KE] u 45 [KE] li jikkonċernaw b’mod partikolari in-nutara”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
L-organizzazzjoni ġenerali tal-professjoni ta’ nutar
10 In-nutara jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom, fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż bl-eċċezzjoni tal-Land ta’ Baden-Württemberg, fil-kuntest ta’ professjoni libera. L‑organizzazzjoni tal-professjoni ta’ nutar hija rregolata bil-Kodiċi Federali tan-notarjat (Bundesnotarordnung), tal-24 ta’ Frar 1961 (BGB1. 1961 I, p. 97), kif emendat bis-sitt liġi ta’ emenda tal-Kodiċi Federali tan-Notarjat (Sechstes Gesetz zur Änderung der Bundesnotarordnung), tal-15 ta’ Lulju 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1531, iktar ’il quddiem il-“BNotO”).
11 In-nutara huma maħtura, skont l-Artikolu 1 tal-BnotO, mil-Länder fil-kwalità ta’ uffiċjali pubbliċi indipendenti inkarigati mill-awtentikazzjoni ta’ atti ġuridiċi u ta’ dmirijiet oħra fil-qasam tal-“amministrazzjoni preventiva tal-ġustizzja”.
12 L-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tal-BNotO tipprovdi li n-numru ta’ nutara li għandhom jinħatru huwa dak li jikkorrispondi għall-bżonnijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.
13 In-nutar qed jiġi attribwit, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 10(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 10(2) tal-BNotO, post partikolari bħala sede tal-attivitajiet tiegħu, fejn huwa kkunsidrat li għandu uffiċċju tiegħu. L-eżerċizzju tal-attivitajiet tiegħu huwa, bħala prinċipju, limitat skont l-Artikoli 10a u 11 tal-BNotO, għal żona territorjali partikolari.
14 Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-BNotO, in-nutar jirċievi għall-attività tiegħu d-drittijiet stabbiliti bil-liġi.
15 Skont l-Artikolu 19(1) tal-BNotO, in-nutar huwa l-uniku responsabbli tal-atti mwettqa fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu, fejn ir-responsabbiltà tal-Istat hija eskluża f’dan ir-rigward.
16 Fil-Land ta’ Baden-Württemberg, skont il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 115(1) tal-BNotO, il-funzjoni nutarili hija eżerċitata, fit-territorju ta’ Baden, permezz tan-“Notare im Landesdienst” (Nutara għas-servizz tal-Land), li huma uffiċjali impjegati mil-Land. Fuq il-bqija tat-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, u skont il-Länder, in-nutar jeżerċita l-professjoni tiegħu, skont l‑Artikolu 3 tal-BNotO, esklużivament jew flimkien mal-professjoni ta’ avukat (“Anwaltsnotare”).
17 Il-kariga ta’ nutar ma tistax tiġi eżerċitata, skont l-Artikolu 5 tal-BNotO, ħlief minn ċittadin ta’ ċittadinanza Ġermaniża.
L-attivitajiet nutarili
18 Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(1) tal-BNotO, in-nutar huwa kompetenti sabiex iwettaq kull tip ta’ awtentikazzjoni kif ukoll sabiex jiċċertifika firem, ċertifikazzjoni bl-idejn u kopji. L-intervent tan-nutar jista’ jkun obbligatorju jew fakultattiv, skont l-att li huwa mitlub jawtentika. B’dan l-intervent, in-nutar jikkonstata l-preżenza tal-kundizzjonijiet kollha li huma imposti legalment għat-twettiq tal-att inkwistjoni, kif ukoll il-kapaċità ġuridika u ta’ azzjoni tal-partijiet ikkonċernati.
19 Skont l-Artikolu 17(1) tal-Liġi dwar l-Awtentikazzjoni tad-Dokumenti (Beurkundungsgesetz), tat-28 ta’ Awwissu 1969 (BGBl. 1969 I, p. 1513), kif emendata bil-Liġi tat-23 ta’ Lulju 2002 (BGBl. 2002 I, p. 2850), in-nutar għandu jistabbilixxi l-volontà tal-partijiet ikkonċernati, jikkjarifika l-fatti, jinforma lil dawn il-partijiet dwar il-portata legali tal-att inkwistjoni u jirriproduċi bil-miktub id-dikjarazzjonijiet tagħhom b’mod ċar u mhux ekwivoku, sabiex jiġu evitati żbalji jew dubji u li parti mingħajr esperjenza ma tiġix żvantaġġata.
20 Skont l-Artikolu 4 ta’ din il-liġi, kif emendata, in-nutar għandu jirrifjuta l‑awtentikazzjoni meta din ma hijiex konċiljabbli mad-dmirijiet tal-funzjoni tiegħu, b’mod partikolari meta huwa mitlub li jipparteċipa fit-twettiq ta’ għan manifestament illegali jew diżonest.
21 L-Artikolu 286 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung), fil-verżjoni tiegħu ippubblikat fil-5 ta’ Diċembru 2005 (BGBl. 2005 I, p. 3202, u rettifiki BGBl. 2006 I, p. 431, u BGBl. 2007 I, p. 1781, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”), jistabbilixxi l-prinċipju tal-evalwazzjoni libera tal-provi mill-qorti.
22 L-Artikolu 415(1) taz-ZPO, li jidher fit-titolu 9, intitolat “Provi dokumentarji”, tal-Kapitolu 1 tal-Ktieb 2 ta’ dan il-kodiċi, jipprovdi li d-dokumenti li jinkitbu fil-forma stabbilita minn awtorità pubblika fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha jew minn persuna li għandha fiduċja pubblika, fl-isfera tal-attivitajiet li huma fdati lilha, jiġifieri l-atti awtentikati, jikkostitwixxu, meta huma stabbiliti fir-rigward ta’ dikjarazzjoni magħmula quddiem l-awtorità jew quddiem il-persuna awtorizzata sabiex tikteb id-dokument, il-prova sħiħa u totali tal-avveniment awtentikat mill-awtorità jew il-persuna inkwistjoni. Skont l-Artikolu 415(2) taz-ZPO, il-prova li dan l-avveniment ġie awtentikat b’mod żbaljat bħala prinċipju hija ammissibbli.
23 Bl-istess mod, l-Artikolu 418(1) taz-ZPO jipprovdi li l-atti awtentiċi li għandhom kontenut differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 415 jikkostitwixxu l-prova sħiħa u totali tal-fatti li huma jikkonfermaw jekk ix-xhieda hija fondata fuq il‑perċezzjoni personali tal-awtorità pubblika jew tal-persuna li tibbenefika mill-fiduċja pubblika. Skont l-Artikolu 418(2) taz-ZPO, il-prova li l-fatti kkonfermati huma żbaljati bħala prinċipju hija ammissibbli.
24 Fid-dritt Ċivili, l-Artikolu 125 tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch), fil-verżjoni tiegħu ippubblikat fit-2 ta’ Jannar 2002 (BGBl. 2002 I, p. 42, u rettifiki BGBl. 2002 I, p. 2909, u BGBl. 2003 I, p. 738), jipprovdi li n-nuqqas ta’osservanza tal-forma stabbilita bil-liġi għal att ġuridiku jwassal għan-nullità tiegħu.
25 F’dan il-kuntest, ċerti tranżazzjonijiet għandhom jiġu konklużi b’att nutarili, taħt piena ta’ nullità. Dawn huma b’mod partikolari kuntratti li jirrigwardaw ix-xiri u t-trasferiment ta’ dritt ta’ proprjetà fuq art jew it-trasferiment ta’ patrimonju attwali, ta’ wegħdiet ta’ donazzjoni, tal-kuntratti ta’ żwieġ, ta’ ftehim fuq suċċessjoni futura jew kuntratti ta’ rinunzja għas-suċċessjoni jew il-parti mill-wirt.
26 Fil-Bayern, in-nutara li għandhom is-sede tagħhom f’dan il-Land jistgħu, skont l‑ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi ta’ Eżekuzzjoni tal-Liġi dwar is-Sħubija rreġistrata (Gesetz zur Ausführung des Lebenspartnerschaftsgesetzes), tas-26 ta’ Ottubru 2001 (Bayerisches GVBl., p. 677), kif emendata bil-Liġi tal-10 ta’ Diċembru 2005 (Bayerisches GVBl., p. 586, iktar ’il quddiem l-“AGLPartG”), jawtentikaw l-atti li jistabbilixxu sħubija ċivili rreġistrata bejn persuni tal-istess sess. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-AGLPartG, in-nutar jikkomunika l-istabbiliment ta’ tali sħubija lill-uffiċċju tal-istatus ċivili kompetenti li huwa għandu l-obbligu li jniżżel fir-Reġistru tal-istatus ċivili li huwa jamministra.
27 Fil-liġi tal-kumpanniji, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1), l-Artikolu 30(1) u l‑ewwel sentenza tal-Artikolu 130(1) tal-Liġi dwar il-Kumpanniji b’Responsabbiltà Limitata (Aktiengesatz), tas-6 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1089), kif emendata bil-Liġi tat-22 ta’ Settembru 2005 (BFB1. 2005 I, p. 2802), jipprovdu li l-awtentikazzjoni nutarili hija meħtieġa għall-istatuti ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, għall-ħatra tal-ewwel kunsill ta’ sorveljanza ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata kkostitwita mill-ġdid u għad-deliberazzjonijiet tal-assemblea ġenerali ta’ tali kumpannija. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 53(2) tal-liġi dwar il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata (Gesetz betreffend die Gesellschaften mit beschränkter Haftung, RGBl. 1898, p. 846), kif emendata bil-liġi tal-4 ta’ Lulju 1980 1980 (BGBl. 1980 I, p. 836) tirrikjedi l-forma nutarili fir-rigward tal-konklużjoni u tal-modifika ta’ kuntratt li joħloq kumpannija b’responsabbiltà limitata. Bl-istess mod, il-bidliet ta’ persuni ġuridiċi jew ta’ entitajiet permezz ta’ amalgamazzjoni, trasferiment tal-attivi jew bidla fil-forma legali għandhom isiru permezz ta’ dokument nutarili, skont l-Artikoli 6, 163(3) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 193(3) tal-Liġi dwar il-Bidliet fil-Kumpanniji (Umwandlungsgesetz), tat-28 ta’ Ottubru 1994 (BGBl, 1994 I p. 3210, u rettifika BGBl. 1995 I, p. 428).
28 Skont il-punt 5 tal-Artikolu 794(1) taz-ZPO, l-eżekuzzjoni forzata sseħħ, taħt ċerti kundizzjonijiet, abbażi ta’ atti awtentiċi li jsiru minn nutar Ġermaniż fil-forma stabbilita fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu jekk, fl-att awtentiku, id-debitur issuġġetta ruħu, fir-rigward tad-dritt inkwistjoni, għal eżekuzzjoni forzata immedjata.
29 Skont l-Artikolu 797(1) taz-ZPO, in-nutar li jikkonserva l-att awtentiku għandu jippreżenta kopji eżekuttivi.
30 Ir-rikors bħala l-għoti ta’ formula tal-eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 7977(3) taz-ZPO jippermetti li jitqajmu lmenti ta’ forma u ta’ mertu kontra l-għoti ta’ din il-formula. Bl-istess mod, l-Artikolu 797(4) taz-ZPO jippermetti li jiġi kkontestat, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni forzata, id-dritt ikkonstatat fl-att awtentiku inkwistjoni.
Il-proċedura prekontenzjuża
31 Tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni rigward il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar fil-Ġermanja. Wara li eżaminat dan l‑ilment, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Novembru 2000, intimat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tippreżentalha, f’terminu ta’ xahrejn, l‑osservazzjonijiet tagħha rigward, b’mod partikolari, minn naħa, il-konformità ta’ din il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE kif ukoll, min-naħa l-oħra, rigward l-assenza ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar.
32 Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2001, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni.
33 Fl-20 ta’ Marzu 2001, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lil dan l-Istat Membru, fejn akkużatu li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l‑Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 kif ukoll tad-Direttiva 89/48.
34 Dan l-Istat Membru rrisponda għal din l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali b’ittra tal-10 ta’ Ottubru 2002.
35 Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti invokati mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni indirizzat lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata li fiha kkonkludiet li dan kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE kif ukoll tad-Direttiva 89/48. Din l-istituzzjoni stiednet lil dan l‑Istat Membru sabiex jieħu l‑miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l‑opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min‑notifika tagħha.
36 B’ittra tat-18 ta’ Diċembru 2006, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja esponiet ir‑raġunijiet li għalihom hija qieset li l-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni kienet infondata.
37 Huwa f’dawn iċ‑ċirkustanzi li l‑Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir‑rikors.
Fuq ir-rikors
Fuq l-ewwel ilment
L-argumenti tal-partijiet
38 Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rriżervat l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar unikament għaċ-ċittadini proprji tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermnaja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.
39 Din l-istituzzjoni ssostni, b’mod preliminari, li l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar ma huwa suġġett għal ebda kundizzjoni ta’ ċittadinanza f’ċerti Stati Membri u li din il-kundizzjoni kienet tneħħiet minn Stati Membri oħra, bħar-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża.
40 Il-Kummissjoni tfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 43 KE jikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li hija intiża sabiex tiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu, anki bħala post sekondarju, fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha, u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza.
41 Din l-istituzzjoni kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq isostnu li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi (sentenza tal-15 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 147/86, Ġabra p. 1637, punt 8). Fir-rigward tal-eċċezzjoni għal libertà ta’ stabbiliment għall-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, dan l-artikolu għandu minbarra dan jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, 2/74, Ġabra p. 631, punt 43).
42 L-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għalhekk għandha tiġi ristretta għall-attivitajiet li, fihom infushom, jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 45). Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ awtorità pubblika jimplika l-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali li teċċedi d-dritt komuni li tissarraf fil-kapaċità li tittieħed azzjoni indipendentement mir-rieda ta’ suġġetti oħra jew anki tmur kontra din l-istess rieda. B’mod partikolari, l-awtorità pubblika timmanifesta ruħha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-eżerċizzju tas-setgħat vinkolanti (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑114/97, Ġabra p. I‑6717, punt 37).
43 Fil-fehma tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit, għandha ssir distinzjoni bejn l‑attivitajiet li huma parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u dawk eżerċitati fl-interess ġenerali. Fil-fatt, diversi professjonijiet jiġu attribwiti kompetenzi partikolari fl-interess ġenerali, mingħajr madankollu ma jkunu parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
44 Huma wkoll esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE l-attivitajiet li jikkostitwixxu assistenza jew kollaborazzjoni għall-funzjonament tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C‑42/92, Ġabra p. I‑4047, punt 22).
45 Minbarra dan, il-Kummissjoni u r-Renju Unit ifakkru li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE huwa intiż prinċipalment għal attivitajiet partikolari u mhux għal professjoni sħiħa, sakemm l-attivitajiet ikkonċernati ma jiġux isseparati minn dawk kollha eżerċitati minn din il-professjoni.
46 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tagħmel eżami tal-attivitajiet differenti eżerċitati min-nutar fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż.
47 Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-awtentikazzjoni tal-atti u tal-ftehim, il-Kummissjoni ssostni li n-nutar jillimita ruħu sabiex ikun xhud tal-volontà tal-partijiet, wara li jkun tahom parir, u sabiex jagħti effetti legali lil din il-volontà. Fl-eżerċizzju ta’ din il-attività, in-nutar ma għandu ebda setgħa deċiżjonali fir-rigward tal-partijiet.
48 Il-fatt li din l-attività hija kkunsidrata fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża bħala li tappartjeni fil-qasam tal-ġustizzja preventiva ma jqajjimx dubju dwar din l-analiżi, peress li n-nutara ma jipparteċipawx fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika peress li huma ma għandhomx is-setgħa li jimponu deċiżjonijiet.
49 Għalhekk, l-awtentikazzjoni hija biss il-konferma ta’ ftehim minn qabel bejn dawn il-partijiet. Il-fatt li ċerti atti għandhom ikunu obbligatorjament awtentikati huwa irrilevanti, peress li diversi proċeduri għandhom natura obbligatorja mingħajr għaldaqstant ma huma l-manifestazzjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
50 L-istess japplika f’dak li jikkonċerna l-aspetti partikolari tar-regoli tal-provi marbuta mal-atti nutarili, peress li saħħa probatorja paragunabbli hija mogħtija wkoll lil atti oħra li ma jaqgħux taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, bħall-proċessi verbali magħmula mill-gwardjani tal-kampeġġi, il-gwardjani forestali, il‑ġwardjani tal-kaċċa u l-gwardjani tas-sajd taħt ġurament. Il-fatt li n-nutar jidħol responsabbli fir-redazzjoni tal-atti nutarili lanqas ma huwa rilevanti. Fil-fatt, dan ikun il-każ f’dak li jikkonċerna l-parti l-kbira tal-professjonisti indipendenti, bħall-avukati, il-periti jew it-tobba.
51 Fir-rigward tas-saħħa eżekuttiva tal-atti awtentikati, il-Kummissjoni tikkunsidra li ż-żieda tal-fromula tal-eżekuzzjoni tippreċedi l-eżekuzzjoni hekk imsejħa mingħajr ma tagħmel parti minnha. Għalhekk, din is-saħħa eżekuttiva ma tagħti ebda setgħa vinkolanti lin-nutara. Barra minn hekk, kull kontestazzjoni eventwali hija deċiża mhux min-nutar iżda mill-qorti.
52 L-attività ta’ konsulenza ġuridika, marbuta bħala regola ġenerali ma’ dik tal-awtentikazzjoni, eżerċitata min-nutar fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż, lanqas ma tikkostitwixxi parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
53 Fil-fehma tal-Kummissjoni, bid-differenza tal-uffiċjali tal-istatus ċivili, in-nutara bħala regola ġenerali huma inkarigati mhux bil-kostituzzjoni u bidla tal-istatus ċivili, iżda li jirregolaw it-tqassim tal-beni bejn is-sħab. Id-dmirijiet fdati fil-Bayern lin-nutara fil-qasam ta’ sħubijiet irreġistrati bejn persuni tal-istess sess ma jippermettu ebda tnaqqis fir-rigward tal-evalwazzjoni, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, tal-parteċipazzjoni kkwalifikata tan-nutara fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
54 Il-Kummissjoni tikkunsidra, fit-tielet lok, bħal fil-każ tar-Renju Unit, li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li fihom riferimenti għall-attività nutarili ma jippreġudikawx l‑applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għal din l-attività.
55 Fil-fatt, fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), il-Kummissjoni tqis li dawn ir-regolamenti jistgħu biss jipprovdu l-obbligu għall-Istati Membri li jirrikonoxxu u li jeżegwixxu atti li ġew formalment imħejjija u rreġistrati fi Stat Membru ieħor.
56 Minbarra dan, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001, tat-8 ta’ Ottubru 2001, dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251), kif ukoll id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/56/KE, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 310, p. 1), ma humiex, fir-rigward tagħhom, rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, peress li dawn huma limitati sabiex jagħtu lin-nutara, kif ukoll lil awtoritajiet kompetenti oħra maħtura mill-Istati Membri, l-obbligu li jiċċertifikaw it-twettiq ta’ ċerti atti u formalitajiet qabel it-trasferiment tas-sede, il-formazzjoni u l-amalgamazzjoni ta’ kumpanniji.
57 Fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar il-professjonijiet legali u l-interess ġenerali dwar il-funzjonament tas-sistemi legali (ĠU C 292E, p. 105, iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tal-2006”), dan huwa att purament politiku, fejn il-kontenut tagħha huwa ambigwu, peress li, minn naħa, fil-punt 17 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew kien sostna li l‑Artikolu 45 KE għandu japplika għall-professjoni ta’ nutar, filwaqt li, min-naħa l-oħra, fil-punt 2 tagħha, huwa kkonferma l-pożizzjoni fformulata fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 1994 dwar is-sitwazzjoni u l-organizzazzjoni tan-notarjat fit-tnax-il membru tal-Komunità (ĠU C 44, p. 36, iktar ’il quddiem ir‑“riżoluzzjoni tal-1994”), li fiha huwa esprima x-xewqa tiegħu li titneħħa l‑kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar prevista fil-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri.
58 Il-Kummissjoni u r-Renju Unit iżidu li l-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española (C‑405/01, Ġabra p. I‑10391), li għaliha jagħmlu riferiment diversi Stati Membri fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, kienet tikkonċerna l-eżerċizzju mill-kapitani u l-uffiċjali sekondi tiegħu ta’ bastimenti tal-merkanzija ta’ sensiela wiesgħa ta’ funzjonijiet ta’ żamma tas-sigurtà, ta’ dmirijiet marbuta mal-ordni pubbliku kif ukoll kompetenzi fil-qasam nutarili u ta’ status ċivili. Għalhekk, il‑Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-okkażjoni li teżamina fid-dettall id-diversi attivitajiet eżerċitati min-nutara, fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Konsegwentement, din is-sentenza ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni tapplika għan-nutara.
59 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn in‑nutara u l-awtoritajiet pubbliċi billi tirrikonoxxi li att awtentiku jista’ jiġi stabbilit minn awtorità pubblika jew kull awtorità awtorizzata oħra (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Unibank, C‑260/97, Ġabra p. I‑3715, punti 15 u 21).
60 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija, ir‑Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża, Ir‑Repubbika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka, isostnu li n-nutara jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.
61 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra, bħal fil-każ tal-Kummissjoni, li l-kunċett ta’ “awtorità pubblika” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u li dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni stretta. Dan l-Istat Membru kif ukoll ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Slovakka jqisu madankollu li l‑eżerċizzju ta’ prerogattivi eċċessivi u setgħat ta’ impożizzjoni kif ukoll l‑eżistenza ta’ relazzjoni ġerarkika maċ-ċittadini ma jikkostitwixxux l-uniċi forom tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Bl-istess mod, ir-Repubblika tal-Latvja tosserva li l-parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika ma hijiex limitata għall-uniċi attivitajiet ta’ teħid ta’ deċiżjoni indipendentement mill-volontà tal-partijiet ikkonċernati.
62 Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, attivitajiet oħra jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-kunċett ta’ eżerċizzju tal-awtorità pubblika, meta dawn huma kkaratterizzati minn attribuzzjonijiet speċjali fir-rigward taċ-ċittadini, meta huma ma humiex sempliċement preparatorji jew ta’ natura teknika, iżda vinkolanti fil-konfront tal-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet, u meta huma ma humiex sempliċement sporadiċi.
63 Dan l-Istat Membru jikkunsidra li l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż jaqgħu taħt l-“amministrazzjoni preventiva tal-ġustizzja”, li għandha funzjoni addizzjonali għal dik tal-ġustizzja kontenzjuża. Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, in-nutara jżommu attitudni daqstant oġġettiva u indipendenti fir-rigward tal-partijiet daqs qorti ordinarja mitluba li tagħti deċiżjoni dwar kawża.
64 L-attivitajiet kollha fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż huma attivitajiet li jipproduċu effetti fir-rigward taċ-ċittadini. Minbarra dan, l-attivitajiet li jagħmlu parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika ma humiex sporadiċi iżda jikkostitwixxu l-parti essenzjali tal-attivitajiet tan-nutara.
65 Il-missjoni ta’ “ġustizzja preventiva” hija għalhekk ittrasferita mill-Istat lin-nutara sabiex jitħaffef il-piż tal-qrati, bl-eċċezzjoni tal-Land ta’ Baden-Württemberg, fejn l-Istat stess ikompli jwettaqha. Meta jwettaq l-awtentikazzjoni ta’ att jew ta’ ftehim, in-nutar jiddeċiedi b’mod definittiv u vinkolanti l-punt jekk l-att ġuridiku suġġett għal kundizzjoni ta’ forma jsirx skont il-kundizzjonijiet mixtieqa mill-partijiet. Qabel ma jwettaq l-awtentikazzjoni, in-nutar jivverifika jekk il‑kundizzjonijiet ġenerali humiex preżenti u jinforma lill-partijiet b’imparzjalità dwar il-konsegwenzi legali tal-att. Huwa jikkontrolla wkoll il-legalità tal-arranġamenti miftiehma mill-partijiet.
66 L-att nutarili għandu, minbarra dan, saħħa probatorja li torbot, skont ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja, lill-qrati fl-evalwazzjoni tagħhom tal-provi.
67 Fir-rigward tat-tfassil tat-titoli eżekuttivi u tal-għoti tal-formula tal-eżekuzzjoni, dan l-Istat Membru jsostni li l-kuntratti nutarili huma, fl-ordinament ġuridiku Ġemraniż, titoli eżekuttivi li l-eżekuzzjoni forzata tagħhom tista’ tinkiseb abbażi ta’ formula tal-eżekuzzjoni li tagħti awtorità għal eżekuzzjoni mogħtija min-nutar mingħajr l-intervent ta’ qorti.
68 Skont dan l-Istat Membru, l-awentikazzjoni ta’ att jew ta’ ftehim jagħti lok għal titolu vinkolanti li, jekk f’dan l-att jew ftehim id-debitur jissuġġetta ruħu għal eżekuzzjoni forzata immedjata, dan ikun ekwivalenti għal deċiżjoni ta’ qorti li jkollha saħħa ta’ res judicata.
69 Minbarra dan, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni forzata applikata abbażi ta’ att nutarili u ta’ formula tal-eżekuzzjoni nutarili, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni hija marbuta mill-konstatazzjonijiet dwar il-kreditu li jinsabu f’dan l-att kif ukoll mill-formula tal-eżekuzzjoni. It-tfassil ta’ titolu eżekuttiv u ż-żieda ta’ formula tal-eżekuzzjoni jinkludu għalhekk l-eżerċizzju ta’ setgħat speċjali fir-rigward taċ-ċittadini, indipendentement mill-volontà tagħhom, fejn il-partijiet jistgħu, madankollu, jitolbu r-revoka tal-eżekuzzjoni u jikkontestaw il-legalità tal-għoti tal-imsemmija awtorità.
70 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, minbarra dan, li, fil-Bayern, in‑nutara huma kompetenti sabiex jikkonkludu sħubijiet irreġistrati bejn persuni tal-istess sess.
71 Barra minn hekk, l-atti tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punti 55 u 56 ta’ din is‑sentenzi jqiegħdu lill-atti nutarili fl-istess livell bħad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.
72 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tas-Slovenja jsostnu wkoll li, fis-sentenza tagħha Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat, għar-rekwiżiti tal-Artikolu 39(4) KE, id-dmirijiet nutarili tal-kapitani tal-bastimenti Spanjoli bħala parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Minbarra dan, mis-sentenza Unibank, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li t‑tfassil ta’ atti awtentiċi minn uffiċjal pubbliku bħal nutar jinkludi parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Kunsiderazzjonijiet preliminari
73 Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tostakola l-istabbiliment, fid-dawl tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ nutar, taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra fit-territorju tagħha, billi tirriżerva l‑aċċess għal din il-professjoni, bi ksur tal-Artikolu 43 KE, għaċ-ċittadini tagħha stess.
74 Għalhekk dan l-ilment jikkonċerna biss il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni għall-aċċess għal din il-professjoni fid-dawl tal-Artikolu 43 KE.
75 Konsegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li dan l-ilment ma jirrigwardax la l‑istatus u l-organizzazzjoni tan-notarjat fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ aċċess, barra dik relatata maċ-ċittadinanza, għall-professjoni ta’ nutar f’dan l-Istat Membru.
76 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif indikat il-Kummissjoni waqt is‑seduta, li l-ewwel ilment lanqas ma jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.
77 Bl-istess mod, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il‑moviment liberu tal-ħaddiema ma hijiex is-suġġett ta’ dan l-ilment, fejn dan ma jikkonċernax il-funzjoni nutarili eżerċitata min-“Notare im Landesdienst” fil-Land ta’ Baden-Württemberg, li huma uffiċjali impjegati mil-Land.
– Fuq il-mertu
78 Għandu jitfakkar l-ewwel nett li l-Artikolu 43 KE jikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
79 Il-kunċett ta’ stabbiliment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin tal-Unjoni li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li mhux l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, u jiffavorixxi għaldaqstant l‑interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-attivitajiet imwettqa minn persuna li taħdem għal rasha (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑161/07, Ġabra p. I‑10671, punt 24).
80 Il-libertà ta’ stabbiliment rikonoxxuta liċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tinkludi b’mod partikolari l-aċċess għall-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u l-eżerċizzju tagħhom taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Il‑Kummissjoni vs Franza, 270/836, Ġabra p. 273, punt 13, u, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi lil kull Stat Membru milli jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, għall-persuni kollha li jagħmlu użu mil-libertà li jistabbilixxu ruħhom hemm, kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom li huma differenti minn dawk iddefiniti għaċ-ċittadini tiegħu stess (sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
81 L-Artikolu 43 KE huwa intiż għalhekk sabiex jiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċita hemmhekk attività bħala persuna li taħdem għal rasha u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwantu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).
82 Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirriżerva l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar liċ-ċittadini Ġermaniżi, u għalhekk toħloq differenza fit-trattament minħabba ċittadinanza li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 43 KE.
83 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja madankollu ssostni li l-attivitajiet nutarili ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE peress li huma jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Għalhekk, fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-portata tal-kunċett ta’ eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u, fit-tieni lok, li jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż jaqgħux taħt dan il-kunċett.
84 Fir-rigward tal-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE, għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tiegħu għandha tieħu inkunsiderazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura stess fid-dritt tal-Unjoni tal-limiti imposti minn din id-dispożizzjoni għall-eċċezzjonijiet permessi għall-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment, sabiex jiġi evitat li l-effettività tat-Trattat fil-qasam ta’ libertà ta’ stabbiliment tiġi ostakolata minn dispożizzjonijiet unilaterali meħuda tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8, u tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C-438/08 Ġabra p. I‑10219, punt 35).
85 Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE jikkostitwixxi deroga mir-regola fundamentali tal‑libertà ta’ stabbiliment. Bħala tali, din id-deroga għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id‑dispożizzjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7, Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 45, tad-29 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑393/05, Ġabra p. I‑10195, punt 35 u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑404/05, Ġabra p. I‑10239, punti 37 u 46, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).
86 Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ripetutament li d-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandha tkun ristretta biss għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal‑awtorità pubblika (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Reyners, punt 45, Thijssen, punt 8, Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 35, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 46, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 38, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, punt 36).
87 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tikkunsidra li huma esklużi mid-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE ċerti attivitajiet anċillari jew preparatorji meta pparagunati mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 22; Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 38, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 47; Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 38, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, punt 36), jew ċerti attivitajiet li l-eżerċizzju tagħhom, minkejja li jinkludi kuntatti, anki regolari u organiċi, ma’ awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, jew għajnuna, anki obbligatorja, għall-funzjonament tagħhom, iħalli intatt is-setgħat diskrezzjonali u deċiżjonali tal-imsemmija awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 53), jew ukoll ċerti attivitajiet li ma jinkludux l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punti 21 u 22; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punti 36 u 42, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punti 38 u 44, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, punti 36 u 41), ta’ setgħat vinkolanti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37), jew setgħat ta’ impożizzjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Anker et, C‑47/02, Ġabra p. I‑10447, punt 61, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).
88 Għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk l‑attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
89 Għal dan il-għan, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attivitajiet eżerċitati mill-membri tal-professjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thijssen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).
90 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Kummissjoni jaqblu fuq il-fatt li l-attività prinċipali tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż, li għandha tiġi kkunsidrata fl-ewwel lok, tikkonsisti fir-redazzjoni, bil-formalitajiet meħtieġa, ta’ atti awtentiċi. Sabiex jagħmel dan, in-nutar għandu jivverifika, b’mod partikolari, li l‑kundizzjonijiet kollha legalment meħtieġa għat-twettiq tal-att ikunu issodisfatti. L-att awtentiku jgawdi, minbarra dan, minn saħħa probatorja u minn saħħa eżekuttiva.
91 Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li huma suġġetti għal awtentikazzjoni, skont il-leġiżlazzjoni Belġjana, l-atti jew il-ftehim li l-partijiet kienu liberament ikkonkludew. Fil-fatt, dawn jiddeċiedu huma stess, fil-limiti mogħtija mil-liġi, dwar il-portata tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jagħżlu liberament l‑istipulazzjonijiet li huma jridu jdaħħlu fid-dokument meta huma jippreżentaw att jew ftehim għal awtentikazzjoni lin-nutar. L-intervent ta’ dan tal-aħħar jippreżupponi, għalhekk, l-eżistenza minn qabel ta’ kunsens jew ta’ qbil tal-volontà tal-partijiet.
92 Minbarra dan, in-nutar ma jistax jemenda unilateralment il-ftehim li huwa mitlub jawtentika mingħajr ma jikseb minn qabel il-kunsens tal-partijiet.
93 L-att ta’ awtentikazzjoni fdat lin-nutara għalhekk ma jinkludix, bħala tali, parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.
94 Il-fatt li ċerti atti jew ċerti ftehim għandhom bilfors jiġu suġġetti għal awtentikazzjoni taħt piena ta’ nullità ma jistax iqiegħed f’dubju din il-konklużjoni. Fil-fatt, hija prassi li l-validità ta’ atti diversi tkun suġġetta, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u skont ir-regoli previsti, għal rekwiżiti ta’ forma jew ukoll għal-proċeduri obbligatorji ta’ validazzjoni. Din iċ-ċirkustanza ma tistax, għalhekk, tkun biżżejjed sabiex issostni l-argument difiż mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
95 Lanqas l-obbligu tan-nutara li jivverifikaw, qabel ma jipproċedu bl-awtentikazzjoni ta’ att jew ta’ ftehim, li l-kundizzjonijiet kollha legalment meħtieġa għat-twettiq ta’ dan l-att jew ta’ dan il-ftehim ikunu ssodisfatti u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jirrifjutaw li jwettqu din l-awtentikazzjoni, ma jista’ jikkontesta l-konklużjoni preċedenti.
96 Għalhekk, hekk kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, in-nutar jeżerċita din il-verifika b’għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri jiggarantixxi l-legalità u ċ‑ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi. Madankollu, is-sempliċi fatt li jintlaħaq dan l-għan ma jistax jiġġustifika li l-prerogattivi neċessarji għal dan l-għan ikunu rriżervati biss għan-nutara ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat.
97 Il-fatt li jaġixxi billi jsegwi għan ta’ interess ġenerali ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex attività partikolari tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti direttament u speċifikament mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, huwa paċifiku li l‑attivitajiet eżerċitati fil-kuntest ta’ diversi professjonijiet regolamentati jimplika ta’ spiss, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, l-obbligu għall-persuni li jeżerċitawhom li jsegwu tali għan, mingħajr ma dawn l-attivitajiet jaqgħu għaldaqstant taħt l-eżerċizzju ta’ din l-awtorità.
98 Madankollu, il-fatt li l-attivitajiet nutarili jsegwu għanijiet ta’ interess ġenerali, li huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li jiġu ġġustifikati eventwali restrizzjonijiet għall-Artikolu 43 KE li jirriżultaw mill-aspetti speċifiċi tal-attività nutarili, bħall-kontroll li huma suġġetti għalih in-nutara permezz tal-proċeduri ta’ reklutaġġ applikati għalihom, il‑limitazzjoni tan-numru tagħhom u l-kompetenzi territorjali tagħhom jew ukoll is-sistema ta’ remunerazzjoni tagħhom, ta’ indipendenza, ta’ inkompatibbiltà u ta’ sigurtà ta’ pożizzjoni, dejjem jekk dawn ir-restrizzjonijiet jippermettu li jintlaħqu dawn l-għanijiet u huma neċessarji għal dan il-għan.
99 Huwa wkoll veru li n-nutar għandu jirrifjuta li jawtentika att jew ftehim li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet legalment meħtieġa, u dan indipendentement mill-volontà tal-partijiet. Madankollu, sussegwentement għal tali rifjut, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi kemm li jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata, kemm li jemendaw l‑istipulazzjonijiet tal-att jew tal-ftehim inkwistjoni, kif ukoll li jirrinunzjaw għal dan l-att jew għal dan il-ftehim.
100 Fir-rigward tas-saħħa probatorja u tas-saħħa eżekuttiva li minnhom jibbenefika l‑att nutarili, ma jistax jiġi kkontestat li dawn jagħtu lil dawn l-atti effetti legali sinjifikattivi. Madankollu, il-fatt li attività partikolari tinkludi r-redazzjoni ta’ atti li għandhom tali effetti ma jistax ikun biżżejjed sabiex din l-attività tiġi kkunsidrata bħala parteċipanti direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.
101 Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, is-saħħa probatorja li jgawdi minnha att nutarili, għandu jiġi ppreċiżat li din taqa’ taħt ir-regoli ta’ provi stabbiliti mil-liġi fl-ordinament ġuridiku inkwistjoni. Għalhekk, l-Artikoli 415 u 418 taz-ZPO, li jiddeterminaw is-saħħa probatorja tal-att awtentiku, jagħmlu parti mit-titolu 9, intitolat “Provi dokumentarji”, tal-kapitolu 1 tal-ktieb 2 ta’ dan il‑kodiċi. Is-saħħa probatorja mogħtija mil-liġi għal att partikolari għalhekk ma għandhiex effett dirett fuq il-kwistjoni jekk l-attività li tinkludi r-redazzjoni ta’ dan l-att, fiha nnifisha, tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 8, u Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 35).
102 Minbarra dan, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 415(2) u 418(2) taz-ZPO, il-prova li l-avveniment li kien is-suġġett tal-awtentikazzjoni ġie awtentikat b’mod żbaljat jew li l-fatti attestati huma żbaljati bħala prinċipju hija ammissibbli.
103 Ma jistax għalhekk jiġi sostnut li l-att nutarili, minħabba s-saħħa probatorja tiegħu, jorbot b’mod inkundizzjonat lill-qorti fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha peress li huwa paċifiku li hija tieħu d-deċiżjoni tagħha skont konvinzjoni intensa tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u l-provi kollha miġbura waqt il-proċedura ġudizzjarja. Il-prinċipju tal-evalwazzjoni libera tal-provi mill-qorti hija barra minn hekk espressament stabbilita fl-Artikolu 286 taz-ZPO.
104 Fir-rigward tas-saħħa eżekuttiva tal-att awtentiku, għandu jiġi indikat, hekk kif isosstni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li din tippermetti l-eżekuzzjoni tal-obbligu li dan l-att jinkludi, mingħajr l-intervent preċedenti tal-qorti.
105 Is-saħħa ekeżuttiva tal-att awtentiku ma tfissirx madankollu, fil-każ tan-nutar, setgħat li jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 5 tal-Artikolu 794(1) taz-ZPO, is‑saħħa eżekuttiva tal-att nutarili hija kondizzjonata, b’mod partikolari, mill-ftehim tad-debitur sabiex ikun suġġett għal eventwali eżekuzzjoni forzata ta’ dan l-att mingħajr ma proċedura preċedenti tiġi applikata. Isegwi li l-att nutarili ma jgawdix minn saħħa eżekuttiva mingħajr il-kunsens tad-debitur. Għalhekk, minkejja li ż-żieda min-nutar tal-formula tal-eżekuzzjoni fl-att awtentiku tagħtih is-saħħa eżekuttiva, din hija bbażata fuq il-volontà tal-partijiet li jagħmlu att jew ftehim, wara verifika tal-konformità tagħhom mal-liġi min-nutar, u li jagħtuhom din is-saħħa eżekuttiva.
106 Il-kunsiderazzjonjiet li jippreċedu japplikaw, mutatis mutandis, għall-atti li għandhom jiġu konklużi permezz ta’ att nutarili taħt piena ta’ nulltà, bħal, b’mod partikolari, il-kuntratti li jirrigwardaw ix-xiri u t-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq art jew it-trasferiment ta’ patrimonju attwali, il-wegħdiet ta’ donazzjoni, il‑kuntratti ta’ żwieġ, il-ftehim fuq suċċessjoni futura jew kuntratti ta’ rinunzja għas-suċċessjoni jew il-parti mill-wirt.
107 Dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw barra minn hekk f’dak li jikkonċerna l-intervent tan-nutar fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji, deskritt fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.
108 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lanqas ma tista’ tibbaża l-argument tagħha fuq il-kompetenza, mogħtija lin-nutara fl-uniku Land ta’ Bayern, sabiex jawtentikaw l-atti li jistabbilixxu sħubija rreġistrata bejn persuni tal-istess sess, peress li, barra dak li ntqal iktar ’il fuq, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-AGLPartG jirriżulta li tali sħubija għandha, minbarra dan, sabiex tipproduċi l‑effetti tagħha, tkun imniżżla fir-Reġistru tal-istatus ċivili permezz tal-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni ċivili, li barra minn hekk huwa inkarigat mill-amministrazzjoni ta’ dan ir-reġistru.
109 F’dak li jikkonċerna l-istatus speċifiku tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż, huwa biżżejjed li jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punti 86 u 89 ta’ din is-sentenza, li huwa fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet inkwistjoni, meħuda waħedhom, u mhux fid-dawl ta’ dan l-istatus bħala tali, li għandu jiġi vverifikat jekk dawn l-attivitajiet jaqgħux taħt id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.
110 Madankollu, f’dan ir-rigward, huma meħtieġa żewġ preċiżazzjonijiet. L-ewwel nett, huwa paċifiku li, kull parti għandha l-għażla libera ta’ nutar. Minkejja li huwa veru li d-drittijiet tan-nutara huma ffissati mil-liġi, xorta jibqa’ l-fatt li l‑kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati. Isegwi li, fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, ħaġa li ma hijiex karatteristika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.
111 Għandu jiġi rrilevat, it-tieni nett, li, skont l-Artikolu 19(1) tal-BNotO, in-nutar huwa l-uniku responsabbli tal-atti mwettqa fil-kuntest tal-attività professjonali tiegħu.
112 Fit-tielet lok, l-argument li fuqu tibbaża r-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar ċerti atti tal-Unjoni lanqas ma huwa konvinċenti. Fil-fatt, fir-rigward tar-regolamenti msemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li dawn jirrigwardaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ atti awtentiċi formalment imħejjija u rreġistrati fi Stat Membru u konsegwentement ma jaffettwawx l‑interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Din il-konstatazzjoni lanqas ma hija kkontestata mill-atti tal-Unjoni msemmija fil-punt 56 ta’din is‑sentenza sa fejn jillimitaw ruħhom, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, sabiex jagħtu lin-nutara, kif ukoll lil awtoritajiet kompetenti oħra maħtura mill-Istati Membri, id-dmir li jiċċertifikaw it-twettiq ta’ ċerti atti u formalitajiet qabel it-trasferiment tas-sede, il-formazzjoni u l-amalgamazzjoni ta’ kumpanniji.
113 Fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-1994 u tal-2006, imsemmija fil-punt 57 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li dawn huma mingħajr effetti legali, peress li tali riżoluzzjonijiet ma jikkostitwixxux, min-natura tagħhom, atti vinkolanti. Min-naħa l-oħra, minkejja li huma jindikaw li l-professjoni ta’ nutar taqa’ taħt l‑Artikolu 45 KE, il-Parlament espliċitament esprima x-xewqa tiegħu, fir-riżoluzzjoni tal-1994, li miżuri jittieħdu sabiex il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar titneħħa, u din il-pożizzjoni kienet mill-ġdid impliċitament ikkonfermata fir-riżoluzzjoni tal-2006.
114 F’dak li jikkonċerna, fir-raba’ lok, l-argument li tibbaża fuqu r-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis-sentenza Oficiales de la Marina Mercante Española, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi ppreċiżat li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39(4) KE, u mhux dik tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Minbarra dan, mill-punt 42 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, meta hija ddeċidiet li l-funzjonijiet fdati lill-kaptani u lill-uffiċjali sekondi jikkostitwixxu parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tirreferi għall-funzjonijiet kollha eżerċitati minnhom. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx biss l-attribuzzjoni fil-qasam nutarili fdata lill-kapitani u lill-uffiċjali sekondi, jiġifieri li jirċievu, iħarsu u jgħaddu testmenti, separatament mill-kompetenzi l-oħra tagħhom, bħal, b’mod partikolari, is-setgħat ta’ impożizzjoni jew ta’ sanzjoni li huma għandhom.
115 Fir-rigward tas-sentenza Unibank, iċċitata iktar ’il fuq, li tirreferi għaliha wkoll ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza bl-ebda mod ma tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li, sabiex att ikun ikklassifikat bħala att awtentiku fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il‑ġurisdizzjoni u l‑eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, l 299, P. 32) huwa neċessarju l-intervent kemm ta’ awtorità pubblika, kif ukoll ta’ kull awtorità oħra awtorizzata mill-Istat ta’ oriġini.
116 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-attivitajiet nutarili, hekk kif huma ddefiniti fl-istat attwali tal-ordinament ġuridiku Ġermaniż, ma humiex parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.
117 Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza pprojbita mill-Artikolu 43 KE.
118 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment huwa fondat.
Fuq it-tieni lment
L-argumenti tal-partijiet
119 Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma ttrasponietx, f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar, id-Direttiva 89/48 mill-perijodu sal-20 ta’ Ottubru 2007 u d-Direttiva 2005/36 sa minn din id-data. Skont din l‑istituzzjoni, il-portata tad-Direttiva 2005/36 ma taqbiżx, f’dak li jikkonċerna n‑nutara, dik tad-Direttiva 89/48.
120 Il-Kummissjoni tqis, bħal fil-każ tar-Renju Unit, li l-professjoni ta’ nutar hija professjoni rregolata fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 89/48 u konsegwentement taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Il-premessa 45 tad-Direttiva 2005/36 ma għandhiex bħala effett li teskludi lil din il-professjoni mill-kamp ta’ applkazzjoni ta’ din id-direttiva sakemm din id-direttiva ma taqax taħt l‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE, ħaġa li l-Kummissjoni tikkontesta f’dan il‑każ. Minbarra dan, jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kien xtaq jeskudi lin-nutara mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, huwa kien jagħmel dan espressament.
121 Il-Kummissjoni tfakkar li d-Direttivi 89/48 u 2005/36 jippermettu lill-Istati Membri li jipprovdu test ta’ kapaċità jew perijodu ta’ adattament, li huma ta’ natura li jiżguraw il-livell għoli ta’ kwalifikazzjoni meħtieġ min-nutara. Minbarra dan, l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma għandhiex l-effett li tipprekludi r‑reklutaġġ ta’ nutara permezz ta’ kompetizzjoni, iżda għandha biss l-effett li tagħti aċċess għal din il-kompetizzjoni liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Tali applikazzjoni lanqas ma għandha effett fuq il-proċedura ta’ ħatra tan-nutara.
122 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra, bħal fil-każ tar-Repubblika tal-Latvja u tar-Repubblika tas-Slovenja, li t-tieni lment tal-Kummissjoni huwa inammissibbli sa fejn jikkonċerna allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni kemm tad-Direttiva 89/48 kif ukoll tad-Direttiva 2005/36.
123 Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni kienet ikkritikat, fl-opinjoni motivata tagħha, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48, filwaqt li, fid-data li ntbagħtet din l-opinjoni motivata, id-Direttiva 2005/36, li ħassret id-Direttiva 89/48, kienet ġiet adottata.
124 Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għad-Direttiva 2005/36, magħmul mill-Kummissjoni għall-ewwel darba fir-rikors tagħha, għandu bħala effett li jestendi s-suġġett tal-kawża hekk kif ġie stabbilit matul il-proċedura kontenzjuża. Fil-fatt, il-portata ta’ din id-direttiva taqbeż sew dik tad-Direttiva 89/48.
125 Fir-rigward tal-mertu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka jsostnu li dawn id-direttivi ma japplikawx għan-nutara minħabba l-fatt li l-attivitajiet eżerċitati minn dawn tal-aħħar jaqgħu taħt l-eżeċizzju tal-awtorità pubblika.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-ammissibbiltà
126 Hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE, għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ meta jiskadi t-terminu li l-Kummissjoni tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑365/97, Ġabra p. I‑7773, punt 32; tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑275/04, Ġabra p. I‑9883, punt 34, u tad-19 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑270/07, Ġabra p. I‑1983, punt 49).
127 F’dan il-każ, dan it-terminu skada fit-18 ta’ Diċembru 2006. Issa, f’din id-data, id‑Direttiva 89/48 kienet għadha fis-seħħ, peress li d-Direttiva 2005/36 ma kinitx ħassret lil din tal-aħħar ħlief mill-20 ta’ Ottubru 2007. Għaldaqstant, sa fejn ir‑rikors huwa bbażat fuq allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48, dan ma huwiex mingħajr suġġett (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑327/08, punt 23).
128 Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment, sa fejn jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/36, għandu jitfakkar li, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li t-talbiet li jinsabu fir-rikors ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu estiżi lil hinn minn nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu allegati fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u fl-ittra ta’ intimazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni, li sussegwentement ikun ġie emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu mid-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni ġdid. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kawża ma jistax jiġi estiż għal obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet ġodda li ma jikkorrispondux għal obbligi li jirriżultaw mill-verżjoni inizjali tal-att ikkonċernat, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li jirregolaw il-proċeduri li jikkonstataw in‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is‑sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑363/00, Ġabra p. I‑5767, punt 22, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C-416/07, Ġabra p. I‑7883, punt 28).
129 Konsegwentement, it-talbiet li jinsabu fir-rikors tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mid-Direttiva 2005/36 bħala priniċipju huma ammissibbli, bil-kundizzjoni li l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva jkunu analogi għal dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 89/48 (ara’ b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).
130 Issa, kif jirriżulta mill-premessa 9 tad-Direttiva 2005/36, filwaqt li hija intiża sabiex ittejjeb, torganizza u tirrazzjonalizza d-dispożizzjonijiet eżistenti permezz tal-istandardizzazzjoni tal-prinċipji applikabbli, din id-direttiva żżomm, għal-libertà ta’ stabbiliment, il-prinċipji u s-salvagwardji li jifformaw il-bażi tas-sistemi differenti għar-rikonoxximent li huma fis-seħħ, bħal fil-każ ta’ dawk stabbiliti mid-Direttiva 89/48.
131 Bl-istess mod, il-premessa 14 tad-Direttiva 2005/36 tipprovdi li l-mekkaniżmu għar-rikonoxximent stabbilit, b’mod partikolari, mid-Direttiva 89/48, ma jinbidilx.
132 F’dan il-każ, l-akkuża li tagħmel il-Kummissjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija intiża, f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar, dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni, mhux ta’ dispożizzjoni partikolari tad-Direttiva 2005/36, iżda ta’ din id-direttiva fl-intier tagħha.
133 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-allegat obbligu ta’ traspożizzjoni għall-professjoni ta’ nutar tad-Direttiva 2005/36 huwa analogu għal dak li jirriżulta mid-Direttiva 89/48 sa fejn, minn naħa, il-prinċipji u s-salvagwardji li jifformaw il-bażi għall-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent stabbilit minn din l-aħħar direttiva jinżammu fl-ewwel u, min-naħa l-oħra, dan il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent ma jinbidilx wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/36.
134 Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.
– Fuq il-mertu
135 Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ma ttrasponitx id‑Direttivi 89/48 u 2005/36 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk dawn id-direttivi għandhomx jiġu applikati għal din il-professjoni.
136 F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv li jagħmlu parti minnu.
137 Għandu għalhekk jġi rrilevat li l-leġiżlatur espressament ippreveda, fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/48, li s-sistema ġenerali għar-rikonxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla, stabbilita minnha “hija kompletament mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu [45 KE]”. Ir-riżerva hekk mogħtija tbiddel il‑volontà tal-leġiżlatur li jħalli l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.
138 Issa, fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx għad kellha l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk l-attivitajiet nutarili jaqgħux jew le taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.
139 Matul is-snin li kienu segwew l-adozzjoni tad-Direttiva 89/48, il-Parlament, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1994 u tal-2006, imsemmija fil-punti 57 u 113 ta’ din is‑sentenza, afferma, minn naħa, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandu jiġi applikat kollu kemm hu għall-professjoni ta’ nutar bħala tali, filwaqt li, min-naħa l-oħra, huwa rrefera għax-xewqa tiegħu li titneħħa l-kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għal din il-professjoni.
140 Minbarra dan, waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/36, li ssostitwiet id‑Direttiva 89/48, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa l-impenn li jippreċiża, fil-premessa 41 tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, li din hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45 KE f’dak “li jikkonċerna[...] b’mod partikolari in‑nutara”. Issa, meta għamel din ir-riżerva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ħax pożizzjoni dwar l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE u, għaldaqstant, tad-Direttiva 2005/36 għall-attivitajiet nutarili.
141 Dan huwa kkonfermat, b’mod partikolari, mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din l‑aħħar direttiva. Fil-fatt, il-Parlament kien ippropona, fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu dwar il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir‑rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (ĠU 2004, C 97 E, p. 230), stabbilita fl-ewwel lettura fil-11 ta’ Frar 2004, li jkun espliċitament indikat fit-test tad-Direttiva 2005/36 li din ma tapplikax għan-nutara. Minkejja li din il-proposta ma nżammitx fil-proposta emendata tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali [COM(2004) 317 finali], u lanqas fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 10/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2004, stabbilita mill-Kunsill, li tiddeċiedi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (ĠU 2005, C 58E, p. 1), dan ma huwiex għar-raġuni li d-direttiva msemmija kellha tapplika għall-professjoni ta’ nutar, iżda għar-raġuni b’mod partikolari li “deroga għall-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-attivitajiet li jimplikaw parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-awtorità pubblika [kienet] prevista mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
142 F’dan ir-rigward, fid-dawl taċ-ċirkustranzi partikolari li akkumpanjaw il-proċess leġiżlattiv kif ukoll tas-sitwazzjoni ta’ inċertezza li rriżultat minn dan, kif jirriżulta mill-kuntest leġiżlattiv imfakkar iktar ’il fuq, ma jidhirx possibbli li jiġi kkonstatat li kien jeżisti, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, obbligu suffiċjentement ċar għall-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar.
143 Konsegwentement, hemm lok li t-tieni lment jiġi miċħud.
144 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, meta imponiet kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, ir‑Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 43 KE , u li għandu jiġi miċħud il-kumplament tar-rikors.
Fuq l-ispejjeż
145 Skont l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Peress li r‑rikors tal-Kummissjoni ntlaqa’ biss parzjalment, hemm lok li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
146 Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) ta’ dawn l-istess regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir‑Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir‑Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit għandhom konsegwentement ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi imponiet kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir‑Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, ir‑Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir‑Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.