Kawża C-52/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Portugiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Nutara — Direttiva 2005/36/KE”

Sommarju tas-sentenza

1.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tal-kawża — Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża — Adattament minħabba tibdil fid-dritt tal-Unjoni — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 226 KE)

2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja — Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni — Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata — Sitwazzjoni ta’ inċertezza li tirriżulta minn ċirkustanzi partikolari li jkunu seħħew waqt il-proċess leġiżlattiv — Assenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Artikoli 43 KE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE u Artikolu 226 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/36)

1.        Fl-ambitu ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, minkejja li t-talbiet li jinsabu fir-rikors ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jiġu estiżi lil hinn min-nuqqasijiet allegati fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u fl-ittra ta’ intimazzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jsibu l-oriġini tagħhom fil-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni, sussegwentement emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ att ġdid tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kawża ma jistax jiġi estiż għal obbligi li joħorġu minn dispożizzjonijiet ġodda li ma għandhomx dispożizzjonijiet ekwivalenti fil-verżjoni inizjali tal-att inkwistjoni, bil-konsegwenza li jkunu jikkostitwixxu ksur tal-forom proċedurali sostanzjali tal-proċedura li tikkonstata n-nuqqas.

(ara l-punt 42)

2.        Meta, matul il-proċess leġiżlattiv, ċirkustranzi partikolari, bħalma huwa n-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni ċara mil-leġiżlatur jew in-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jagħtu lok għal sitwazzjoni ta’ inċertezza, ma huwiex possibbli li jiġi kkonstatat li kien hemm, fi tmiem it-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, obbligu suffiċjentement ċar għall-Istati Membri li jittrasponu Direttiva.

(ara l-punti 54-56)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Mejju 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Nutara – Direttiva 2005/36/KE”

Fil-Kawża C-52/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-12 ta’ Frar 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Støvlbæk u P. Andrade, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Ossowski, bħala aġent, assistit minn K. Smith, barrister,

intervenjent,

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes u F. S. Gaspar Rosa, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas u E. Matulionytė, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn V. Klemenc u Ž. Cilenšek Bončina, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn J. Čorba, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J-J. Kasel, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis, M. Ilešič, C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ April 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli timplementa l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22), ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

2        Id-disa’ premessa tad-Direttiva 2005/36 tipprovdi li, “[f]ilwaqt li, għal-libertà ta’ stabbiliment, jinżammu l-prinċipji u s-salvagwardji li jifformaw il-bażi tas-sistemi differenti għar-rikonoxximent li huma fis-seħħ, ir-regoli ta’ dawn is-sistemi għandhom jiġu mtejba fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba”.

3        Skont l-erbatax-il premessa ta’ din id-direttiva, “[i]l-mekkaniżmu għar-rikonoxximent stabbilit “[mid-Direttiva 89/48/KEE tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337)] ma jinbidilx”.

4        Il-wieħed u erbgħin premessa tad-Direttiva 2005/36 tipprovdi li din id-direttiva “hija bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 39(4) KE u 45 [KE] li jikkonċernaw b’mod partikolari in-nutara”.

5        L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2005/36 huwa redatt kif ġej:

“Fejn, għal xi professjoni regolata, arranġamenti speċifiċi oħra direttament relatati mar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali huma stabbiliti fi strument separat tal-liġi Komunitarja, id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw.”

6        Il-professsjoni ta’ nutar ma hija suġġetta għal ebda strument separat tad-dritt tal-Unjoni tat-tip ta’ dak previst fl-istess Artikolu 2(3).

7        Id-Direttiva 2005/36 ħassret, permezz tal-Artikolu 62 tagħha, id-Direttiva 89/48 b’effett mill-20 ta’ Ottubru 2007.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        In-nutara jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, fl-ordinament ġuridiku Portugiż, fl-ambitu ta’ professjoni libera. L-organizzazzjoni ta’ din il-professjoni hija rregolata bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 26/2004, tal-4 ta’ Frar 2004, li jadotta l-istatut nutarili (Diário da República I, Serje-A, Nru 29, tal-4 ta’ Frar 2004, iktar ’il quddiem l-“istatut nutarili”).

9        L-Artikolu 1(1) u (2) tal-istatut nutarili jipprovdi:

“1.      In-nutar huwa l-ġurist li l-atti bil-miktub tiegħu, redatti fl-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu, joħolqu fiduċja pubblika.

2.      In-nutar huwa uffiċjal pubbliku li jagħti awtentiċità lid-dokumenti u jiżgura ż-żamma tagħhom u fl-istess ħin huwa membru tal-professjonijiet liberi li jaġixxi b’mod indipendenti, imparzjali u jintgħażel b’mod liberu mill-persuni kkonċernati.”

10      L-Artikolu 4(1) ta’ dan l-istatut jipprovdi li “b’mod ġenerali, huwa l-kompitu tan-nutar li jabbozza att pubbliku skont ir-rieda tal-partijiet ikkonċernati li tiegħu huwa jiggarantixxi l-validità skont il-liġi permezz tar-riċerki u l-interpretazzjoni tiegħu, filwaqt li jinforma lill-istess partijiet bil-valur u l-portata tiegħu”.

11      L-Artikolu 4(2) tal-istess statut jispeċifika li n-nutar għandu b’mod partikolari l-kompetenza li jabbozza testmenti u atti pubbliċi oħra, jawtentika jew jirrikonoxxi kitbiet jew firem, joħroġ ċertifikati, jiċċertifika traduzzjonijiet, joħroġ estratti jew kopji awtentiċi, jieħu minuti ta’ laqgħat u jikkonserva dokumenti.

12      Skont l-Artikolu 25 tal-istatut nutarili, l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar huwa suġġett għall-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

–        ma jkunx ipprojbit milli jeżerċita funzjonijiet pubbliċi u lanqas ma jkun prekluż milli jeżerċita l-funzjoni nutarili;

–        ikollu lawrja fil-liġi rrikonoxxuta mil-leġiżlazzjoni Portugiża;

–        ikun għamel il-perijodu ta’ prova nutarili, u

–        jgħaddi mill-kompetizzjoni organizzata mill-kunsill nutarili.

13      Id-Digriet-Liġi Nru 27/2004, tal-4 ta’ Frar 2004 (Diário da República I, Serje-A, Nru 29, tal-4 ta’ Frar 2004), ħoloq l-ordni tan-nutara. L-għoti tat-titolu ta’ nutar huwa, min-naħa tiegħu, irregolat bid-Digriet Nru 398/2004 tal-Ministru tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ April 2004.

14      Skont l-Artikolu 38 tad-Digriet-Liġi Nru 76-A/2006, tad-29 ta’ Marzu 2006 (Diário da República I, Serje- A, Nru 63, tad-29 ta’ Marzu 2006), is-setgħat li jawtentikaw, jiċċertifikaw u jirrikonoxxu dokumenti ġew attribwiti wkoll lill-konservaturi u lill-uffiċjali tas-servizzi ta’ reġistrazzjoni, lill-kmamar tal-kummerċ jew tal-industrija rrikonoxxuti u kif ukoll lill-avukati u lis-“solicitadores”. L-awtentikazzjonijiet, iċ-ċertifikazzjonijiet u r-rikonoxximenti hekk imwettqa jagħtu lid-dokument inkwistjoni l-istess saħħa probatorja li dan kien ikollu li kieku dan kien ġie stabbilit quddiem nutar.

15      Hekk kif ir-Repubblika Portugiża spjegat matul is-seduta, il-leġiżlatur Portugiż neħħa progressivament in-neċessità ta’ awtentikazzjoni nutarili fir-rigward ta’ kważi l-atti kollha li fir-rigward tagħhom tali awtentikazzjoni kienet qabel rikjesta.

 Il-proċedura prekontenzjuża

16      Il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni, f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar fil-Portugall, tad-Direttiva 89/48. Wara li għamlet eżami ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni, b’ittra tal-20 ta’ Diċembru 2001, intimat lir-Repubblika Portugiża sabiex jippreżentalha, f’terminu ta’ xahrejn, l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

17      Fir-risposta tagħha tas-17 ta’ Ġunju 2002 għall-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Repubblika Portugiża informat lill-Kummissjoni li kienet qed issir riforma tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-aċċess għall-professjoni ta’ nutar.

18      Fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata li fiha hija kkonkludiet li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva 89/48. Din l-istituzzjoni stiednet lir-Repubblika Portugiża tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn dekorribbli mid-data li hija tirċiviha.

19      B’ittra tal-24 ta’ Jannar 2007, ir-Repubblika Portugiża esponiet ir-raġunijiet għalxiex hija tqis li l-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni ma hijiex fondata.

20      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

21      Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li n-nutara ma jipparteċipawx fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, sa fejn hija tipprevedi eċċezzjoni għal-libertà tal-istabbiliment, din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, C‑2/74, Ġabra p. 631, punt 43).

22      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni għandu, barra minn hekk, ikun ristrett għall-attivitajiet li, fihom infushom, jinvolvu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 45). Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ awtorità pubblika jimplika l-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali li teċċedi d-dritt komuni u li tissarraf fil-kapaċità li tittieħed azzjoni indipendentement mir-rieda ta’ suġġetti oħra jew anki kontra din l-istess rieda. B’mod partikolari, l-awtorità pubblika timmanifesta ruħha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-eżerċizzju ta’ setgħat vinkolanti (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑114/97, Ġabra p. I‑6717, punt 37).

23      Għalhekk, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE l-attivitajiet li jikkostitwixxu assistenza jew kollaborazzjoni għall-funzjonament tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C‑42/92, Ġabra p. I‑4047, punt 22).

24      Fl-opinjoni tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, għandha ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet li jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u dawk eżerċitati fl-interess ġenerali. Fil-fatt, diversi professjonijiet jingħataw diversi kompetenzi partikolari fl-interess ġenerali mingħajr madankollu ma jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

25      Peress li l-leġiżlazzjoni Portugiża ma tagħtix setgħat deċiżjonali lin-nutara, dawn ma jipparteċipawx għalhekk fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

26      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni teżamina, fir-rigward tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2005/36, kundizzjonijiet li għalihom l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar fil-Portugall huwa suġġett.

27      Bħar-Renju Unit, din l-istituzzjoni tikkunsidra li l-wieħed u erbgħin premessa ta’ din id-direttiva ma teskludix il-professjoni ta’ nutar mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Din il-premessa għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE huwa intiż sabiex japplika għall-professjoni ta’ nutar sa fejn din il-professjoni tipparteċipa fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Issa, peress li n-nutar ma jipparteċipax, fl-ordinament ġuridiku Portugiż, fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, id-Direttiva 2005/36 hija applikabbli għalih.

28      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ nutar fil-Portugall hija suġġetta għal ħames kundizzjonijiet. L-ewwel nett, il-kandidati għandu jkollhom lawrja fil-liġi mogħtija minn Università Portugiża jew titolu Universitarju ekwivalenti skont il-leġiżlazzjoni Portugiża. It-tieni nett, il-kandidati għandhom jgħaddu minn kompetizzjoni li tippermettilhom li jiksbu t-titolu ta’ nutar. It-tielet nett, huma għandhom jagħmlu perijodu ta’ prova, li fit-tmiemu n-nutar bit-titolu ta’ nutar jagħti l-opinjoni tiegħu fir-rigward tal-kapaċità tan-nutar bi prova għall-eżerċizzju tal-professjoni. Ir-raba’ nett, wara li jlestu l-imsemmi perijodu ta’ prova, il-kandidati għandhom jgħaddu minn kompetizzjoni oħra li tippermettilhom li jeżerċitaw il-professjoni. Il-ħames nett, il-kandidati jassumu l-funzjoni tagħhom wara li jieħdu l-ġurament quddiem il-Ministru tal-Ġustizzja u l-President tal-ordni tan-nutara.

29      Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ma humiex kompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2005/36. Għalhekk, l-ewwel kundizzjoni tmur kontra l-Artikoli 13(1) u 14(3) ta’ din id-direttiva, peress li din tipprekludi lawrji fil-liġi mogħtija minn universitajiet ta’ Stati Membri oħra jew titoli universitarji li ma humiex ikkunsidrati ekwivalenti għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ nutar fil-Portugall. It-tieni kundizzjoni tmur kontra, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva peress li l-kompetizzjoni li tippermetti l-ksib tat-titolu ta’ nutar tinvolvi medda wiesgħa ta’ suġġetti mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni suġġetti diġà koperti mid-diploma jew mit-titolu tat-taħriġ tal-kandidat. Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, il-perijodu ta’ prova inkwistjoni jikkostitwixxi mhux biss perijodu ta’ adattament, iżda wkoll u fl-istess ħin, test ta’ kapaċità, meta l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2005/36 jipprekludi li jkunu meħtieġa b’mod kumulattiv perijodu ta’ adattament, minn naħa, u test ta’ kapaċità, min-naħa l-oħra.

30      Ir-Repubblika Portugiża, sostnuta mir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka ssostni, fl-ewwel lok, li n-nutar jipparteċipa, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

31      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 2003, Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española (C-405/01, Ġabra p. I-10391, punt 42), li l-attivitajiet tan-nutar marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ testmenti jikkostitwixxu parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

32      Il-Parlament Ewropew talab ukoll l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għall-professjoni ta’ nutar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 1994 dwar is-sitwazzjoni u l-organizzazzjoni tan-notarjat fit-tnax-il membru tal-Komunità (ĠU C 44, p. 36) kif ukoll fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar il-professjonijiet legali u l-interess ġenerali dwar il-funzjonament tas-sistemi legali (ĠU C 292E, p. 105).

33      Bl-istess mod, id-Direttivi 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), u 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36), jeskludu mill-kamp ta’ attivitajiet tagħhom l-attivitajiet ta’ nutar.

34      Ċerti aspetti tal-istatus tan-nutar, jiġifieri, b’mod partikolari, l-istatus tiegħu ta’ uffiċjal pubbliku, ir-regoli tan-numerus clausus li għalihom huwa suġġett, l-għoti tal-ġurament u l-inkompatibbiltajiet previsti mil-liġi, jikkonfermaw ukoll il-parteċipazzjoni tan-nutara fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

35      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/36, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tas-Slovenja jsostnu, fit-tieni lok, li l-wieħed u erbgħin premessa ta’ din id-direttiva tistipula espressament li din id-direttiva “hija bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 39(4) [KE] u 45 [KE] li jikkonċernaw b’mod partikolari in-nutara”. Din ir-riżerva tikkonferma li l-professjoni ta’ nutar hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36. Riżerva simili tidher fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/48.

36      Filwaqt li tirreferi għax-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2005/36 u, b’mod partikolari, għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew fuq il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (ĠU 2004, C 97E, p. 230), stabbilita fl-ewwel lettura fil-11 ta’ Frar 2004, ir-Repubblika Portugiża tikkonkludi li l-leġiżlatur tal-Unjoni neħħa l-professjoni ta’ nutar mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

37      Ir-Repubblika Ċeka tqis li, sa fejn l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ nutar jeżiġi għarfien approfondit tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, ir-rekwiżit ta’ test ta’ kapaċità li jinvolvi domandi marbuta mad-dritt intern ta’ dan l-Istat Membru huwa konformi mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1)(h) tad-Direttiva 2005/36.

38      Ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad ex officio r-rikors preżenti minħabba l-fatt li s-suġġett tal-proċedura prekontenzjuża kien l-allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 89/48, filwaqt li r-rikors preżenti jakkuża lir-Repubblika Portugiża li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2005/36.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

39      Mir-rikors tal-Kummissjoni jirriżulta li din l-azzjoni tipprevedi allegat nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/36. Madankollu, għandu jiġi nnotat li kemm l-ittri ta’ intimazzjoni kif ukoll l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni jinvolvu d-Direttiva 89/48. Konsegwentement, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors preżenti għandha tiġi ttrattata ex officio.

40      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 226 KE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu humiex sodisfatti (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-362/90, Ġabra p. I-2353, punt 8, u tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-417/02, Ġabra p. I-7973, punt 16).

41      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ fi tmiem it-terminu li l-Kummissjoni tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat sabiex dan jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 42; tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-377/03, Ġabra p. I-9733, punt 33, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-416/07, Ġabra p. I‑7883, p. 27). Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2005/36 ħassret id-Direttiva 89/48 b’effett mill-20 ta’ Ottubru 2007, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

42      Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbilixxiet, minkejja li t-talbiet li jinsabu fir-rikors ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jiġu estiżi lil hinn min-nuqqasijiet allegati fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u fl-ittra ta’ intimazzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tista’ tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jsibu l-oriġini tagħhom fil-verżjoni inizjali ta’ att tal-Unjoni, sussegwentement emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ att ġdid tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kawża ma jistax jiġi estiż għal obbligi li joħorġu minn dispożizzjonijiet ġodda li ma għandhomx dispożizzjonijiet ekwivalenti fil-verżjoni inizjali tal-att inkwistjoni, bil-konsegwenza li jkunu jikkostitwixxu ksur tal-forom proċedurali sostanzjali tal-proċedura li tikkonstata n-nuqqas (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑365/97, Ġabra p. I-7773, punt 36; tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissoni vs L-Italja, C‑363/00, Ġabra p. I-5767, punt 22, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

43      Konsegwentement, it-talbiet li jinsabu fir-rikors tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2005/36 huma, bħala regola ġenerali, ammissibbli kemm-il darba l-obbligi li joħorġu minn din id-direttiva huma simili għal dawk li joħorġu mid-Direttiva 89/48 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

44      Issa, kif joħroġ mill-premessa 9 tad-Direttiva 2005/36, filwaqt li tfittex li ttejjeb, torganizza mill-ġdid u tirrazzjonalizza d-dispożizzjonijiet eżistenti bi standardizzazzjoni tal-prinċipji applikabbli, din id-direttiva żżomm, għal-libertà tal-istabbiliment, il-prinċipji u l-garanziji li fuqhom huma bbażati s-sistemi differenti ta’ rikonoxximent fis-seħħ, bħal dik stabbilita permezz tad-Direttiva 89/48.

45      Bl-istess mod, il-premessa 14 tad-Direttiva 2005/36 tipprovdi li l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent stabbilit, b’mod partikolari, permezz tad-Direttiva 89/48 jibqa’ ma jinbidilx.

46      Fil-każ ineżami, l-akkuża li l-Kummissjoni tagħmel lir-Repubblika Portugiża tipprevedi, f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni mhux ta’ dispożizzjoni partikolari tad-Direttiva 2005/36, iżda ta’ din id-direttiva fl-intier tagħha.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-allegat obbligu ta’ traspożizzjoni għall-professjoni ta’ nutar tad-Direttiva 2005/36 huwa simili għal dak li joħroġ mid-Direttiva 89/48 inkwantu, minn naħa, il-prinċipji u l-garanziji li fuqhom huwa bbażat l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent stabbilit minn din id-direttiva tal-aħħar inżammu fl-ewwel waħda u, min-naħa l-oħra, dan il-mekkaniżmu baqa’ ma nbidilx wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/36.

48      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi kkunsidrat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

49      Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Portugiża li ma ttrasponietx id-Direttiva 89/48 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk din id-direttiva għandhiex tiġi applikata għal din il-professjoni.

50      F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest leġiżlattiv li tagħmel parti minnu.

51      Għandu għalhekk jiġi rrilevat li l-leġiżlatur espressament ippreveda, fit-tnax-il premessa tad-Direttiva 89/48, li ppreċediet id-Direttiva 2005/36, li s-sistema ġenerali għar-rikonxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla, stabbilita mill-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, “hija kompletament mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [45 KE]”. Ir-riżerva hekk mogħtija tbiddel il-volontà tal-leġiżlatur li jħalli l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48.

52      Issa, fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 89/48, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx għad kellha l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-attivitajiet nutarili jaqgħux jew le taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

53      Matul is-snin li kienu segwew l-adozzjoni tad-Direttiva 89/48, il-Parlament, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1994 u tal-2006, imsemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, afferma, minn naħa, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE kellu jiġi applikat kollu kemm hu għall-professjoni ta’ nutar bħala tali, filwaqt li, min-naħa l-oħra, huwa rrefera għax-xewqa tiegħu li titneħħa l-kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għal din il-professjoni.

54      Minbarra dan, mal-adozzjoni tad-Direttiva 2005/36, li ssostitwixxiet id-Direttiva 89/48, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb jippreċiża, fil-wieħed u erbgħin premessa tal-ewwel waħda minn dawn id-direttivi, li din hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45 KE “li jikkonċerna [...] b’mod partikolari in-nutara”. Issa, meta għamel din ir-riżerva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma ħax pożizzjoni dwar l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE u, għaldaqstant, tad-Direttiva 2005/36 għall-attivitajiet nutarili.

55      Dan huwa kkonfermat, b’mod partikolari, mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din l-aħħar direttiva. Fil-fatt, il-Parlament kien ippropona, fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li jkun espliċitament indikat fit-test tad-Direttiva 2005/36 li din ma tapplikax għan-nutara. Minkejja li din il-proposta ma nżammitx fil-proposta emendata tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali ppreżentata mill-Kummissjoni fl-20 ta’ April 2004 [COM(2004) 317 finali], u lanqas fil-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 10/2005, tal-21 ta’ Diċembru 2004, stabbilita mill-Kunsill, li aġixxa skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (ĠU 2005, C 58E, p. 1), dan ma huwiex għar-raġuni li d-direttiva msemmija kellha tapplika għall-professjoni ta’ nutar, iżda għar-raġuni b’mod partikolari li “deroga għall-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-attivitajiet li jimplikaw parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-awtorità pubblika [kienet] prevista mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

56      F’dan ir-rigward, fid-dawl taċ-ċirkustranzi partikolari li akkumpanjaw il-proċess leġiżlattiv kif ukoll tas-sitwazzjoni ta’ inċertezza li rriżultat minn dan, kif jirriżulta mill-kuntest leġiżlattiv imfakkar iktar ’il fuq, ma jidhirx possibbli li jiġi kkonstatat li kien jeżisti, fi tmiem it-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, obbligu suffiċjentement ċar għall-Istati Membri li jittrasponu d-Direttiva 2005/36 f’dak li jikkonċerna l-professjoni ta’ nutar.

57      Konsegwentement, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

58      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Portugiża talbet il-kundanna tal-Kummissjoni u din tal-aħħar tilfet il-kawża, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

59      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) ta’ dawn l-istess regoli, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.