Keywords
Summary

Keywords

Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Derogi — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Attivitajiet ta’ nutar — Esklużjoni — Kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar — Inammissibbiltà

(Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE)

Summary

Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu timponi kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 43 KE, peress li l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru ma jagħmlux parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE jikkostitwixxi deroga mir-regola fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment li għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, din id-deroga għandha tkun ristretta biss għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

Sabiex jiġi evalwat jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubbliku, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attivitajiet eżerċitati min-nutara. F’dan ir-rigward, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE ma taqax taħt id-diversi attivitajiet eżerċitati min-nutara, minkejja l-effetti legali sinjifikattivi mogħtija lill-atti tagħhom, sa fejn kemm il-volontà tal-partijiet, kif ukoll is-sorveljanza jew id-deċiżjoni tal-qorti jkollhom importanza partikolari.

Fil-fatt, minn naħa, f’dak li jikkonċerna l-atti awtentiċi, huma suġġetti għal awtentifikazzjoni biss l-atti jew il-ftehim li l-partijiet ikunu liberament ikkonkludew filwaqt li n-nutar ma jistax jemenda unilateralment il-ftehim li huwa mitlub jawtentika mingħajr ma jikseb minn qabel il-kunsens tal-partijiet. Barra minn hekk, għalkemm l-obbligu ta’ verifika li għandhom in-nutura għandu, ċertament, għan ta’ interess ġenerali, madankollu, is-sempliċi fatt li jintlaħaq dan l-għan ma jistax jiġġustifika li l-prerogattivi neċessarji għal dan l-għan ikunu rriżervati biss għan-nutara li huma ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u lanqas ma jkun biżżejjed sabiex attività tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti direttament u speċifikament mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna s-saħħa eżekuttiva, għalkemm iż-żieda, min-nutar, tal-formula tal-eżekuzzjoni fuq l-att awtentiku tagħtih is-saħħa eżekuttiva, din hija bbażata fuq il-volontà tal-partijiet li jagħmlu att jew ftehim, wara verifika tal-konformità tagħhom mal-liġi min-nutar, u li jagħtuhom din is-saħħa eżekuttiva. Bl-istess mod, is-saħħa probatorja li jgawdi minnha att nutarili taqa’ taħt ir-regoli tal-provi u għalhekk ma għandhiex effett dirett fuq il-kwistjoni jekk l-attività li tinkludi r-redazzjoni ta’ dan l-att, fiha nnifisha, tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, u dan huwa iktar il-każ jekk l-iskrittura privata għandha, skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, l-istess saħħa legali bħall-att awtentiku.

Dan japplika wkoll għal atti, bħalma huma d-dispożizzjonijiet ta’ tqassim, il-kuntratti taż-żwieġ, il-kostituzzjonijiet ta’ ipoteki, il-bejgħ fuq il-pjanta u l-kuntratti ta’ qbiela trasferibbli, li għandhom ikunu konklużi permezz ta’ att nutarili taħt piena ta’ nullità, atti li fihom il-volontà tal-partijiet hija predominanti u t-tfittxija ta’ interess ġenerali ma tistax tkun biżżejjed sabiex dawn l-attivitajiet jiġu kkunsidrati bħala parteċipanti direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. F’dak li jikkonċerna l-ħidmiet ta’ ġbir tat-taxxa, li tagħhom huwa inkarigat in-nutar, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati minnhom infushom bħala li jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Dan il-ġbir iseħħ min-nutar f’isem id-debitur, segwit minn remissjoni tas-somom korrispondenti lid-dipartiment kompetenti tal-Istat u li, għalhekk, dan ma huwiex fundamentalment differenti minn dak relatat mat-taxxa fuq il-valur miżjud.

Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-istatus speċifiku tan-nutara, l-ewwel nett, mill-fatt li l-kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati, jirriżulta li, fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, ħaġa li ma hijiex karatteristika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. It-tieni nett, in-nutara huma direttament u personalment responsabbli, fir-rigward tal-klijenti tagħhom, għad-danni li jirriżultaw minn kull nuqqas imwettaq fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom.

(ara l-punti 72, 74, 75, 77-82, 84-86, 90-100, 106, 109)