Kawża C-50/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Franċiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 43 KE — Libertà ta’ stabbiliment — Nutara — Kundizzjoni ta’ ċittadinanza — Artikolu 45 KE — Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika”

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Derogi — Attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika — Attivitajiet ta’ nutar — Esklużjoni — Kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar — Inammissibbiltà

(Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE)

Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu timponi kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 43 KE, peress li l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku ta’ dan l-Istat Membru ma jagħmlux parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE jikkostitwixxi deroga mir-regola fundamentali tal-libertà ta’ stabbiliment li għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, din id-deroga għandha tkun ristretta biss għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

Sabiex jiġi evalwat jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubbliku, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attivitajiet eżerċitati min-nutara. F’dan ir-rigward, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE ma taqax taħt id-diversi attivitajiet eżerċitati min-nutara, minkejja l-effetti legali sinjifikattivi mogħtija lill-atti tagħhom, sa fejn kemm il-volontà tal-partijiet, kif ukoll is-sorveljanza jew id-deċiżjoni tal-qorti jkollhom importanza partikolari.

Fil-fatt, minn naħa, f’dak li jikkonċerna l-atti awtentiċi, huma suġġetti għal awtentifikazzjoni biss l-atti jew il-ftehim li l-partijiet ikunu liberament ikkonkludew filwaqt li n-nutar ma jistax jemenda unilateralment il-ftehim li huwa mitlub jawtentika mingħajr ma jikseb minn qabel il-kunsens tal-partijiet. Barra minn hekk, għalkemm l-obbligu ta’ verifika li għandhom in-nutura għandu, ċertament, għan ta’ interess ġenerali, madankollu, is-sempliċi fatt li jintlaħaq dan l-għan ma jistax jiġġustifika li l-prerogattivi neċessarji għal dan l-għan ikunu rriżervati biss għan-nutara li huma ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat u lanqas ma jkun biżżejjed sabiex attività tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti direttament u speċifikament mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna s-saħħa eżekuttiva, għalkemm iż-żieda, min-nutar, tal-formula tal-eżekuzzjoni fuq l-att awtentiku tagħtih is-saħħa eżekuttiva, din hija bbażata fuq il-volontà tal-partijiet li jagħmlu att jew ftehim, wara verifika tal-konformità tagħhom mal-liġi min-nutar, u li jagħtuhom din is-saħħa eżekuttiva. Bl-istess mod, is-saħħa probatorja li jgawdi minnha att nutarili taqa’ taħt ir-regoli tal-provi u għalhekk ma għandhiex effett dirett fuq il-kwistjoni jekk l-attività li tinkludi r-redazzjoni ta’ dan l-att, fiha nnifisha, tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, u dan huwa iktar il-każ jekk l-iskrittura privata għandha, skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, l-istess saħħa legali bħall-att awtentiku.

Dan japplika wkoll għal atti, bħalma huma d-dispożizzjonijiet ta’ tqassim, il-kuntratti taż-żwieġ, il-kostituzzjonijiet ta’ ipoteki, il-bejgħ fuq il-pjanta u l-kuntratti ta’ qbiela trasferibbli, li għandhom ikunu konklużi permezz ta’ att nutarili taħt piena ta’ nullità, atti li fihom il-volontà tal-partijiet hija predominanti u t-tfittxija ta’ interess ġenerali ma tistax tkun biżżejjed sabiex dawn l-attivitajiet jiġu kkunsidrati bħala parteċipanti direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. F’dak li jikkonċerna l-ħidmiet ta’ ġbir tat-taxxa, li tagħhom huwa inkarigat in-nutar, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati minnhom infushom bħala li jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Dan il-ġbir iseħħ min-nutar f’isem id-debitur, segwit minn remissjoni tas-somom korrispondenti lid-dipartiment kompetenti tal-Istat u li, għalhekk, dan ma huwiex fundamentalment differenti minn dak relatat mat-taxxa fuq il-valur miżjud.

Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-istatus speċifiku tan-nutara, l-ewwel nett, mill-fatt li l-kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati, jirriżulta li, fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, ħaġa li ma hijiex karatteristika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. It-tieni nett, in-nutara huma direttament u personalment responsabbli, fir-rigward tal-klijenti tagħhom, għad-danni li jirriżultaw minn kull nuqqas imwettaq fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom.

(ara l-punti 72, 74, 75, 77-82, 84-86, 90-100, 106, 109)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Mejju 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 43 KE – Libertà ta’ stabbiliment – Nutara – Kundizzjoni ta’ ċittadinanza – Artikolu 45 KE – Parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika”

Fil-Kawża C‑50/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, imressaq fit-12 ta’ Frar 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-P. Keppenne u H. Støvlbæk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u S. Ossowski, bħala aġenti,

intervjenent,

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard kif ukoll minn G. de Bergues u B. Messmer, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn T. Ivanov u E. Petranova, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata minn L. Ostrovska, K. Drēviņa u J. Barbale, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas u E. Matulionytė, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Ungerija, irrappreżentata minn R. Somssich, u K. Veres, kif ukoll minn M. Fehér, bħala aġenti,

Ir-Rumanija, irrappreżentata minn C. Osman, A. Gheorghiu u A. Stoia, kif ukoll minn A. Popescu, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn J. Čorba u B. Ricziová, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), u J.-J. Kasel, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis, M. Ilešič, C. Toader u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ April 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑14 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi imponiet kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 45 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 L-organizzazzjoni ġenerali tal-professjoni ta’ nutar fi Franza

2        In-nutara jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, fl-ordinament ġuridiku Franċiż, fil-kuntest ta’ professjoni libera. L-istatus ta’ din il‑professjoni huwa rregolat bid-Digriet Nru 45‑2590, tat-2 ta’ Novembru 1945, dwar l-istatus tan-notarjat (JORF tat-3 ta’ Novembru 1945, p. 7160), kif emendat bil-Liġi Nru 2004‑130, tal-11 ta’ Frar 2004 (JORF tat-12 ta’ Frar 2004, p. 2847).

3        Skont l-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet, in-nutara huma “uffiċjali pubbliċi, maħtura sabiex jirċievu dawk l-atti u l-kuntratti li l-partijiet għandhom jew jixtiequ jagħtuhom karattru ta’ awtentiċità marbuta mal-atti tal-awtorità pubblika, u sabiex jiżguraw id-data tagħhom, il-kustodja tagħhom, u li jagħtu kopji eżekuttivi u awtentiċi tagħhom”.

4        Skont l-Artikolu 1a ta’ dan id-digriet, in-nutar jista’ jeżerċita l-professjoni tiegħu kemm għal rasu, kemm fil-kuntest ta’ soċjetà ċivili professjonali jew f’soċjetà fejn tiġi eżerċitata professjoni libera, kif ukoll bħala impjegat ta’ persuna fiżika jew ġuridika proprjetarja ta’ uffiċċju nutarili.

5        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6-1 tal-istess digriet, ir-responsabbiltà ċivili professjonali nutarili hija ggarantita minn kuntratt ta’ assigurazzjoni sottoskritt mill-Kunsill Nutarili Superjuri.

6        Il-kompetenza territorjali tan-nutara, in-numru tagħhom u l-lokalizzazzjoni tal-uffiċċji tagħhom huma stabbiliti b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Nru 71-942, tas-26 ta’ Novembru 1971, dwar il-ħolqien, it-trasferimenti u t-tmiem ta’ uffiċċju ta’ nutar, il-kompetenza sabiex jipprattikaw u r-residenza tan-nutara, il-kustodja u t-trażmissjoni tal-minutarji u tar-reġistri professjonali tan-nutara (JORF tat-3 ta’ Diċembru 1971, p. 11796), kif emendat bid-Digriet Nru 2005-311, tal-25 ta’ Marzu 2005 (JORF tat-3 ta’ April 2005, p. 6062).

7        Skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 78-262 tat-8 ta’ Marzu 1978 li jistabbilixxi t-tariffi tan-nutara (JORF tal-10 ta’ Marzu 1978, p. 995), kif emendat bid-Digriet Nru 2006‑558, tas-16 ta’ Mejju 2006 (JORF tat-18 ta’ Mejju 2006, p. 7327), is-somom dovuti lil dawn tal-aħħar għas-servizzi tagħhom huma stabbiliti b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet. L-Artikolu 4 tal-imsemmi digriet jipprovdi li, għas-servizzi mogħtija fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li ma humiex previsti fit-Titolu II tal-istess digriet u li huma kompatibbli mal-professjoni nutarili, in-nutara jitħallsu permezz ta’ drittijiet stabbiliti bi qbil komuni bejn il-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-qorti responsabbli għall-valutazzjoni tal-ħlasijiet.

8        L-Artikolu 4 tar-regolament nazzjonali tan-nutara stabbilit mill-Kunsill Superjuri tan-Notarjat skont l-Artikolu 26 tad-Digriet 71-942 u approvat b’deċiżjoni tal-Għassies tas-Siġilli, Ministru tal-Ġustizzja, tal-24 ta’ Diċembru 1979 (JORF tat-3 ta’ Jannar 1980, N.C., p. 45), jipprovdi li kull persuna ġuridika jew fiżika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandha għażla libera għan-nutar tagħha. Din l-istess dispożizzjoni tippreċiża li l-klijentela ta’ nutar hija kkostitwita mill-“persuni li, volontarjament, jitolbu l-pariri tiegħu, l-opinijonijiet tiegħu, is-servizzi tiegħu jew jafdawh bl-istabbiliment tal-ftehim tagħhom.”

9        Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-funzjonijiet ta’ nutar, l-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 73‑609 tal-5 ta’ Lulju 1973, dwar it-taħriġ professjonali fin-notarjat u għall-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-funzjonijiet ta’ nutar (JORF tas-7 ta’ Lulju 1973, p. 7341), kif emendat bid-Digriet Nru 2006-1299, tal-24 ta’ Ottubru 2006, dwar in-nutara impjegati (JORF tal-25 ta’ Ottubru 2006, p. 15781), jipprovdi li ma jistax ikun nutar min, b’mod partikolari, ma huwiex Franċiż.

 L-attivitajiet nutarili fi Franza

10      Fir-rigward tal-attivitajiet differenti tan-nutar fl-ordinament ġuridiku Franċiż, huwa paċifiku li l-missjoni prinċipali tiegħu tikkonsisti fir-redazzjoni tal-atti awtentiċi. L-intervent tan-nutar jista’ għalhekk ikun obbligatorju jew fakultattiv, skont l-att li huwa msejjaħ jawtentika. B’dan l-intervent, in-nutar jikkonstata l-preżenza tal-kundizzjonijiet kollha li huma imposti legalment għat-twettiq tal-att, kif ukoll il-kapaċità ġuridika u ta’ azzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

11      L-att awtentiku huwa ddefinit fl-Artikolu 1317 tal-Kodiċi Ċivili, li jidher fil-Kapitolu VI, intitolat “Dwar il-prova tal-obbligi u dik tal-ħlas”, tat-Titolu III tal-Ktieb III ta’ dan il-kodiċi. Tali att huwa, skont dan l-artikolu, “dak li jirċievu l-uffiċjali pubblikċi li għandhom id-dritt li jipprattikaw fil-post fejn l-att ġie kkompilat, u bil-formalitajiet meħtieġa”.

12      Skont l-Artikolu 19 tal-liġi 25 ventosa tas-sena XI li jinkludi l-organizzazzjoni tan-notarjat, l-atti nutarili “ikunu legalment awtentiċi quddiem il-qrati u huma eżekuttivi fit-territorju kollu tar-Repubblika Franċiża”.

13      Fl-Artikolu 1319 tal-Kodiċi Ċivili, huwa ppreċiżat li “[l-]att awtentiku jagħti saħħa ġuridika lill-ftehim bejn il-partijiet kontraenti u l-werrieta tagħhom jew l-aventi kawża”.

14      L-Artikolu 1322 tal-istess kodiċi jipprovdi li “[l]-iskrittura privata, rikonoxxuta fir-rigward ta’ persuna, jew legalment meqjusa bħala rikonoxxuta, għandha, fost dawk li jkunu ssottoskrivewha u fost il-werrieta tagħhom u l-aventi kawża, l-istess saħħa legali bħall-att awtentiku.”

15      B’konformità mal-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 45‑2592, tat-2 ta’ Novembru 1945, dwar l-istatus tal-uffiċjali eżekuttivi tal-Qorti (JORF tat-3 ta’ Novembru 1945, p. 7163), kif emendat bil-liġi Nru 73‑546, tal-25 ta’ Ġunju 1973, dwar id-dixxiplina u l-istatus tan-nutara u ta’ ċerti uffiċjali Ministerjali (JORF tas-26 ta’ Ġunju 1973, p. 6731), l-uffiċjali eżekuttivi tal-qorti biss għandhom il-kwalità, b’mod partikolari, li jwettqu d-deċiżjonijiet tal-qorti, kif ukoll l-atti jew titoli eżekuttivi. L-Artikolu 18 tal-Liġi Nru 91‑650, tad-9 ta’ Lulju 1991, dwar ir-riforma ta’ proċeduri ċivili ta’ eżekuzzjoni (JORF tal-14 ta’ Lulju 1991, p. 9228), jipprovdi li huma biss l-uffiċjali eżekuttivi tal-qorti inkarigati bl-eżekuzzjoni li jistgħu jipproċedu bl-eżekuzzjoni imposta u b’mandati ta’ qbid.

16      Skont l-Artikolu L. 213‑6 tal-Kodiċi tal-Organizzazzjoni Ġudizzjarja, il-qorti tal-eżekuzzjoni tirċievi, b’mod esklużiv, id-diffikultajiet li jirrigwadaw it-titoli eżekuttivi u l-kontestazzjonijiet li jqumu meta jkun hemm eżekuzzjoni imposta, anki jekk huma jirrigwardaw il-mertu tad-dritt, sakemm ma jaħarbux mill-ġurisdizzjonijiet tal-ordni ġudizzjarja. Taħt l-istess kundizzjonijiet, hija tawtorizza l-miżuri protettivi u tirċievi kontestazzjonijiet dwar l-implementazzjoni tagħhom.

 Il-proċedura prekontenzjuża

17      Quddiem il-Kummissjoni tressaq ilment rigward il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar fi Franza. Wara li eżaminat dan l-ilment, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika ta’ Franza sabiex tippreżentalha, f’terminu ta’ xahrejn, l-osservazzjonijiet tagħha rigward il-konformità ta’ din il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

18      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Marzu 2001, ir-Repubblika Franċiża rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni.

19      Fit-12 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni bagħtet ittra addizzjonali ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru, fejn akkużatu li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

20      L-imsemmi Stat Membru rrisponda għal din l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali b’ittra tal-11 ta’ Ottubru 2002.

21      Peress li ma kinitx konvinta mill-argumenti invokati mir-Repubblika Franċiża, fit-18 ta’ Ottubru 2006 l-Kummissjoni bagħtet lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata li fiha kkonkludiet li dan kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Din l-istituzzjoni stiednet lil dan l‑Istat Membru sabiex jieħu l‑miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l‑opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min‑notifika tagħha.

22      B’ittra tat-12 ta’ Diċembru 2006, ir-Repubblika Franċiża esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni kienet infondata.

23      Huwa għalhekk li l‑Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir‑rikors.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà tal-intervent tar-Renju Unit

24      Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li n-nota ta’ intervent tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq hija inammissibbli peress li din ma tinkludix, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(5) tar-Regoli ta’ Proċedura ta’ din tal-aħħar, talbiet insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Sussidjarjament, ir-Repubblika Franċiża teċepixxi l-inammissibbiltà parzjali tal-imsemmi intervent għar-raġuni li t-talbiet tar-Renju Unit kienu jmorru lil hinn minn dawk imressqa mill-Kummissjoni peress li dan l-Istat Membru jitlob, minn naħa, l-applikabbiltà tad-Direttiva 20005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22), għall-professjoni nutarili u, min-naħa l-oħra, in-natura separabbli tal-professjoni ta’ nutar mill-attivitajiet nutarili ma taqax taħt l-ewwel paragrafu tal-artikolu 45 KE.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-rikors intervjenenti jista’ jkollhom biss bħala suġġett is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet.

26      Bl-istess mod, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 93(5) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdu, b’mod partikolari, li n-nota ta’ intervent tinkludi t-talbiet tal-intervenjent intiżi sabiex isostnu jew sabiex jiċħdu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet, kif ukoll ir-raġunijiet u l-argumenti mressqa mill-intervjenent.

27      Il-konklużjoni li għaliha wasal ir-Renju Unit fin-nota ta’ intervent tiegħu hija fformulata kif ġej:

“[I]l-professjoni ta’ nutar taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2005/36]. Ċerti attivitajiet eżerċitati min-nutara jistgħu biss jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ [din id-] direttiva kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li dawn l-attivitajiet huma koperti mill-eċċezzjoni msemmija fil-wieħed u erbgħin premessa ta’ [l-imsemmija] direttiva, skont l-Artikolu 39(4) u/jew l-Artikolu 45 KE.”

28      Għandu jiġi osservat li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ma hijiex qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2005/36. Bħala konsegwenza, sa fejn ir-Renju Unit jitlob l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva għall-professjoni ta’ nutar, l-intervent tiegħu huwa ammissibbli.

29      Fir-rigward tal-bqija, anki jekk, litteralment, l-għan tal-intervent tal-imsemmi Stat Membru hekk deskritt jidher li huwa differenti minn dak li jista’ validament ikollha nota ta’ intervent, minn qari globali tan-nota ta’ intervent inkwistjoni u mill-kuntest tagħha jirriżulta li l-argumenti mressqa mir-Renju Unit huma intiżi sabiex juru, bħal fil-każ tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, li l-professjoni nutarili ma tinkludix l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

30      F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-oġġezzjoni magħmula mir-Repubblika Franċiża kontra l-argument, imressaq mir-Renju Unit, li l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE ma tistax tiġi estiża għall-attivitajiet nutarili kollha, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Kummissjoni fir-rikors tagħha, għandu jiġi osservat li l-imsemmi Stat Membru ma jistax jiġi akkużat li żied xi talbiet oħra ma’ dawk ippreżentati mill-Kummissjoni. Fil-fatt, l-imsemmi argument jikkostitwixxi biss riferiment għall-punt 47 tas-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners, (2/74, Ġabra p. 631), u r-Renju Unit ma ħax pożizzjoni dwar l-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza għall-attivitajiet konkreti eżerċitati min-nutara fi Franza.

31      Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li n-nota ta’ intervent tar-Renju Unit hija ammissibbli biss sa fejn huwa jitlob li d-Direttiva 2005/36 tapplika għall-professjoni ta’ nutar.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

32      Preliminarjament, il-Kummissjoni tenfasizza li f’ċerti Stati Membri, l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni ta’ ċittadinanza u li din il-kundizzjoni tneħħiet minn Stati Membri oħra, bħalma huma r-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Portugiża.

33      Il-Kummissjoni tfakkar, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 43 KE jikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li hija intiża sabiex tiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu, anki bħala post sekondarju, fi Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha, u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza.

34      Din l-istituzzjoni kif ukoll ir-Renju Unit isostnu li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi (sentenza tal-15 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 147/86, Ġabra p. 1637, punt 8). Fir-rigward tal-eċċezzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment għall-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, dan l-artikolu għandu, minbarra hekk, jiġi interpretat b’mod strett (sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

35      L-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għalhekk għandha tiġi ristretta għall-attivitajiet li, fihom infushom, jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 45). Skont il-Kummissjoni, il-kunċett ta’ awtorità pubblika jimplika l-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali li teċċedi d-dritt komuni li tissarraf fil-kapaċità li tittieħed azzjoni indipendentement mill-volontà ta’ suġġetti oħra jew anki tmur kontra din l-istess volontà. B’mod partikolari, l-awtorità pubblika timmanifesta ruħha, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-eżerċizzju tas-setgħat vinkolanti (sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1998, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑114/97, Ġabra p. I‑ 6717, punt 37).

36      Fil-fehma tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit, għandha ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u dawk eżerċitati fl-interess ġenerali. Fil-fatt, diversi professjonijiet jiġu attribwiti kompetenzi partikolari fl-interess ġenerali, mingħajr madankollu ma jkunu parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

37      Huma wkoll esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE l-attivitajiet li jikkostitwixxu assistenza jew kollaborazzjoni għall-funzjonament tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1993, Thijssen, C‑42/92, Ġabra p. I‑4047, punt 22).

38      Minbarra dan, il-Kummissjoni u r-Renju Unit ifakkru li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE huwa intiż prinċipalment għal attivitajiet partikolari u mhux professjoni sħiħa, sakemm l-attivitajiet ikkonċernati ma jkunux separabbli minn dawk kollha eżerċitati mill-imsemmija professjoni.

39      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tagħmel eżami tal-attivitajiet differenti eżerċitati min-nutar fl-ordinament ġuridiku Franċiż.

40      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-awtentikazzjoni tal-atti u tal-ftehim, il-Kummissjoni ssostni li n-nutar jillimita ruħu sabiex ikun xhud tal-volontà tal-partijiet, wara li jkun tahom parir, u sabiex jagħti effetti legali lil din il-volontà. Fl-eżerċizzju ta’ din l-attività, in-nutar ma għandu ebda setgħa deċiżjonali fir-rigward tal-partijiet. Għalhekk, l-awtentikazzjoni hija biss il-konferma ta’ ftehim minn qabel bejn dawn il-partijiet. Il-fatt li ċerti atti għandhom ikunu b’mod obbligatorju awtentikati huwa irrilevanti, peress li diversi proċeduri għandhom natura obbligatorja mingħajr madankollu ma huma l-manifestazzjoni tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

41      Il-fatt li n-nutar japplika r-responsabbiltà tiegħu waqt ir-redazzjoni tal-atti nutarili jressqu lejn il-biċċa l-kbira tal-professjonisti indipendenti, bħalma huma l-avukati, il-periti jew it-tobba, li r-responsabbiltà tagħhom hija wkoll applikata fil-kuntest tal-attivitajiet li huma jeżerċitaw.

42      Fir-rigward tas-saħħa eżekuttiva tal-atti awtentiċi, il-Kummissjoni tikkunsidra li ż-żieda tal-formula tal-eżekuzzjoni tippreċedi l-eżekuzzjoni hekk imsejħa mingħajr ma tagħmel parti minnha. Għalhekk, din is-saħħa eżekuttiva ma tagħti ebda setgħa vinkolanti lin-nutara. Barra minn hekk, kull kontestazzjoni eventwali hija deċiża mhux min-nutar iżda mill-qorti.

43      It-tieni nett, ir-rwol tan-nutar fil-qasam tal-ġbir ta’ taxxi ma jikkostitwixxix parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, peress li individwi privati spiss ikollhom jeżerċitaw din it-tip ta’ responsabbiltà fil-qasam fiskali. Barra minn hekk, impriżi privati jaġixxu f’isem terzi meta huma jżommu l-withholding tax tal-impjegati tagħhom. L-istess japplika għal stabbiliment ta’ kreditu li jżommu l-withholding tax għal klijenti tagħhom benefiċjarji ta’ dħulijiet mill-kapital.

44      It-tielet nett, l-istatus partikolari ta’ nutar fid-dritt Franċiż ma huwiex direttament rilevanti għall-għanijiet tal-evalwazzjoni tan-natura tal-attivitajiet inkwistjoni.

45      Il-Kummissjoni tikkunsidra, fit-tielet lok, bħal fil-każ tar-Renju Unit, li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li fihom riferimenti għall-attività nutarili ma jippreġudikawx l-applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għal din l-attività.

46      Fil-fatt, kemm l-Artikolu 1(5)(d) tad-Direttiva 2000/31 KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399) kif ukoll il-premessa 41 tad-Direttiva 2005/36 ma jeskludux mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom l-attivitajiet nutarili ħlief sa fejn dawn jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Għalhekk din hija sempliċi riżerva li ma għandha ebda effett fuq l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Fir-rigward tal-Artikolu 2(2)(l) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36), li jeskludi l-attivitajiet nutarili mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni tenfasizza li l-fatt li l-leġiżlatur kien għażel li jeskludi attività partikolari mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jfissirx li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE huwa applikabbli għal din l-attività.

47      Fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), kif ukoll tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn ir-regolamenti jipprovdu biss għall-obbligu tal-Istati Membri li jirrikonoxxu u li jagħmlu eżegwibbli atti li ġew formalment riċevuti u li huma eżegwibbli fi Stat Membru ieħor.

48      Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ottubru 2001, dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251), kif ukoll id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar mergers transkonfinali ta’ kumpanniji ta’ responsabbiltà limitata (ĠU L 310, p. 1), ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ soluzzjoni ta’ din il-kawża, peress li dawn jillimitaw ruħhom li jagħtu lin-nutara, kif ukoll lil awtoritajiet kompetenti oħra maħtura mill-Istat, ir-rwol li jiżguraw it-twettiq ta’ ċerti atti u formalitajiet qabel trasferiment tas-sede, il-formazzjoni u l-amalgamazzjoni ta’ kumpanniji.

49      Fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar il-professjonijiet legali u l-interess ġenerali fil-funzjonament tas-sistema legali (ĠU C 292E, p. 105, iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal-2006”), din hija att purament politiku, fejn il-kontenut tagħha huwa ambigwu, peress li, minn naħa, fil-punt 17 ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament Ewropew kien sostna li l-Artikolu 45 KE għandu japplika għall-professjoni ta’ nutar, filwaqt li, min-naħa l-oħra, fil-punt 2 tagħha, huwa kkonferma l-pożizzjoni fformulata fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Jannar 1994 dwar is-sitwazzjoni u l-organizzazzjoni tal-professjoni nutarili fit-tnax-il Stat Membru tal-Komunità (ĠU C 44, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni tal-1994”), li fiha huwa esprima x-xewqa tiegħu li titneħħa l-kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar prevista fil-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri.

50      Il-Kummissjoni u r-Renju Unit iżidu li l-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española (C‑405/01, Ġabra p. I‑10391), li għaliha jagħmlu riferiment diversi Stati Membri fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, kienet tikkonċerna l-eżerċizzju mill-kapitani u l-uffiċjali sekondi ta’ bastimenti tal-merkanzija ta’ sensiela wiesgħa ta’ funzjonijiet taż-żamma tas-sigurtà, ta’ dmirijiet marbuta mal-ordni pubbliku kif ukoll kompetenzi fil-qasam nutarili u ta’ status ċivili. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-okkażżjoni li teżamina fid-dettall l-attivitajiet differenti eżerċitati min-nutara, fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Konsegwentement, din is-sentenza ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni tapplika għan-nutara.

51      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tiddistingwi n-nutara mill-awtoritajiet pubbliċi billi tirrikonoxxi li att awtentiku jista’ jkun stabbilit minn awtorità pubblika jew minn kwalunkwe awtorità awtorizzata (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Unibank, C‑260/97, Ġabra p. I‑3715, punti 15 u 21).

52      Ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka ssostni, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni tinjora l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza ma tillimitax l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE biss għall-attivitajiet li jimplikaw setgħa vinkolanti, peress li tali setgħa tikkostitwixxi biss waħda mill-komponenti tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

53      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, iċċitata iktar ’il fuq, irrikonoxxiet li l-attivitajiet nutarili jikkostitwixxu parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ saħħa pubblika.

54      Il-parteċipazzjoni tan-nutara fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika hija, fit-tieni lok, murija permezz tar-rwoli li huma awtorizzati jwettqu fil-qasam tal-ġbir ta’ taxxi. Dawn ir-rwoli ma humiex limitati biss għaż-żamma ta’ fondi pubbliċi iżda jinkludu wkoll l-istabbiliment ta’ bażijiet tat-taxxa fuq id-dħul fil-qasam tal-qligħ fuq l-immobbli, kif ukoll il-ġbir ta’ boll għar-reġistrazzjoni u t-taxxa fuq id-dħul fil-qasam tas-suċċessjoni, bin-nutara li jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dawn il-boll għar-reġistrazzjoni. Billi jwettqu dawn ir-rwoli, in-nutara jikkalkolaw it-taxxa f’isem terzi, jiġifieri l-klijenti tagħhom.

55      Ir-Repubblika Franċiża tenfasizza, fit-tielet lok, bħalma għamlu r-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka, li l-attivitajiet eżerċitati min-nutara jinkludu t-twettiq ta’ atti awtentiċi li għandhom saħħa probatorja u saħħa eżekuttiva, li tikkostitwixxi manifestazzjoni konkreta tal-awtorità pubblika. Għal ċerti atti, bħalma huma d-dispożizzjonijiet ta’ tqassim, il-kuntratti taż-żwieġ, il-kostituzzjonijiet ta’ ipoteki, il-bejgħ fuq il-pjanta u l-kuntratti ta’ qbiela trasferibbli, l-intervent ta’ nutar huwa kundizzjoni għall-validità tagħhom.

56      Fl-eżerċizzju tal-attività tiegħu, in-nutar huwa inkarigat li jispjega lill-partijiet il-portata tal-att tagħhom, li jiżgura ruħu mill-volontà libera tagħhom u li jagħmel mistoqsijiet utli sabiex jikseb l-elementi meħtieġa għall-osservanza tad-dispożizzjonijiet legali. In-nutar huwa wkoll marbut li, skont il-każ, jagħmel kull verifika xierqa sabiex jiggarantixxi l-validità legali tal-att. Barra minn hekk, in-nutar għandu jirrifjuta li jirċievi kwalunkwe att li jmur kontra l-ordni pubbliku jew li jkun illegali.

57      Barra minn hekk, l-att nutarili għandu s-saħħa probatorja l-iktar elevata fil-ġerarkija tal-metodi ta’ prova fid-dritt Franċiż. L-imsemmija saħħa probatorja tirriżulta mid-data tal-att, mill-firem li jkun hemm fuqu u mill-fatti li jkunu kkonfermati min-nutar bħala li jkunu saru minnu nnifsu jew li jkunu seħħew fil-preżenza tiegħu. L-awtentiċità ta’ dawn l-elementi tista’ tiġi kkontestata biss bil-proċedura ta’ kontestazzjoni ta’ awtentiċità fir-rigward ta’ frodi, prevista mill-Artikoli 303 sa 316 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

58      Barra minn hekk, mis-sentenza Unibank, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li sabiex att partikolari tingħatalu l-kwalità ta’ att awtentiku, huwa meħtieġ intervent ta’ awtorità pubblika jew ta’ kwalunkwe awtorità awtorizzata mill-Istat.

59      L-atti nutarili għandhom ukoll saħħa eżekuttiva mingħajr ma huwa neċessarju li tinkiseb deċiżjoni minn qabel. Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għall attivitajiet li jinkludu setgħa vinkolanti biss, il-professjoni ta’ nutar taqa’ taħt din id-dispożizzjoni minħabba l-fatt li l-att nutarili għandu saħħa eżekuttiva.

60      Ir-Repubblika Franċiża ssostni, fir-raba’ lok, li l-istatus ta’ nutar fl-ordinament ġuridiku Franċiż jirriżulta mill-parteċipazzjoni diretta tan-nutar fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Għalhekk, in-nutara huma maħtura mill-Ministru tal-Ġustizzja u huma suġġetti għall-kontroll tal-prosekuturi pubbliċi. Barra minn hekk, huma jieħdu ġurament u huma suġġetti għal sistema stretta ta’ inkompattibilitajiet.

61      Fil-ħames lok, l-imsemmi Stat Membru josserva li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkonferma li n-nutara jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. F’dan ir-rigward, huwa jirreferi għall-atti tal-Unjoni msemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, liema atti jew jeskludu l-attivitajiet tan-nutara mill-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom minħabba l-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, jew jirrikonoxxu li l-atti awtentiċi huma stabbiliti minn awtorità pubblika jew minn kwalunkwe awtorità oħra li awtorizzata mill-Istat sabiex tagħmel dan. Barra minn hekk, mill-atti msemmija fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-atti nutarili huma assimilati mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

62      Barra minn hekk, il-Parlament, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1994 u tal-2006, stqarr li l-professjoni ta’ nutar tagħmel parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Kunsiderazzjonijiet preliminari

63      Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Franċiża li tostakola l-istabbiliment, fid-dawl tal-eżerċizzju tal-professjoni ta’ nutar, taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra fit-territorju tagħha, billi tirriżerva l-aċċess għal din il-professjoni, bi ksur tal-Artikolu 45 KE, għaċ-ċittadini tagħha stess.

64      Għalhekk, dan ir-rikors jikkonċerna biss il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni għall-aċċess għal din il-professjoni fid-dawl tal-Artikolu 43 KE.

65      Konsegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li dan ir-rikors la jirrigwarda l-istatus u l-organizzazzjoni tan-notarjat fl-ordinament ġuridiku Franċiż u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ aċċess, barra dik relatata maċ-ċittadinanza, għall-professjoni nutarili f’dan l-Istat Membru.

66      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, li r-rikors tagħha lanqas ma jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Bl-istess mod, l-imsemmi rikors ma jikkonċernax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-ħaddiema.

–       Fuq in-nuqqas allegat

67      Għandu jitfakkar qabelxejn li l-Artikolu 43 KE jikkostitwixxi waħda mid-dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

68      Il-kunċett ta’ stabbiliment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huwa kunċett wiesa’ ħafna, li jimplika l-possibbiltà għal ċittadin tal-Unjoni li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, u li jikseb profitt minn dan, u jiffavorixxi għaldaqstant l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-attivitajiet imwettqa minn persuna li taħdem għal rasha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑161/07, Ġabra p. I‑10671, punt 24).

69      Il-libertà ta’ stabbiliment irrikonoxxuta liċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tinkludi b’mod partikolari l-aċċess għall-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u l-eżerċizzju tagħhom taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ stabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il‑Kummissjoni vs Franza, 270/83, Ġabra p. 273, punt 13, u, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 43 KE jipprojbixxi lil kull Stat Membru milli jipprovdi fil-leġiżlazzjoni tiegħu, għall-persuni kollha li jagħmlu użu mil-libertà li jistabbilixxu ruħhom hemm, kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom li huma differenti minn dawk iddefiniti għaċ-ċittadini tiegħu stess (sentenza Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

70      L-Artikolu 43 KE huwa għaldaqstant intiż sabiex jiżgura l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali lil kull ċittadin ta’ Stat Membru li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċita hemmhekk attività bħala persuna li taħdem għal rasha u jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza li tirriżulta mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali inkwantu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

71      Issa, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirriżerva l-aċċess għall-professjoni ta’ nutar għaċ-ċittadini Franċiżi, u għalhekk toħloq differenza fit-trattament ibbażata fuq iċ-ċittadinanza, li hija pprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 43 KE.

72      Ir-Repubblika Franċiża madankollu ssostni li l-attivitajiet nutarili ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE peress li huma jaqgħu fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Għalhekk, fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-portata tal-kunċett ta’ eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u, fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Franċiż jaqgħux taħt dan il-kunċett.

73      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE, għandu jiġi enfasizzat li l-evalwazzjoni tiegħu għandha tieħu inkunsiderazzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura stess fid-dritt tal-Unjoni tal-limiti imposti minn din id-dispożizzjoni għall-eċċezzjonijiet permessi għall-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment, sabiex jiġi evitat li l-effettività tat-Trattat fil-qasam ta’ libertà ta’ stabbiliment tiġi ostakolata minn dispożizzjonjiet unilaterali meħuda mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8, u tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑438/08, Ġabra p. I‑10219, punt 35).

74      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE jikkostitwixxi deroga mir-regola fundamentali tal‑libertà ta’ stabbiliment. Bħala tali, din id-deroga għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jitħarsu l-interessi li l-Istati Membri jistgħu jipproteġu abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7; Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34; tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 45; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑393/05, Ġabra p. I‑10195, punt 35 u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑404/05, Ġabra p. I‑10239, punti 37 u 46, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

75      Minbarra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ripetutament li d-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għandha tkun ristretta biss għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Reyners, punt 45; Thijssen, punt 8; Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 35' Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 47; Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 38, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, punt 36).

76      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tikkunsidra li mid-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE huma esklużi ċerti attivitajiet anċillari jew preparatorji relattivi għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 22; Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 38; Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 47; Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 38, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, punt 36), jew ċerti attivitajiet li l-eżerċizzju tagħhom, minkejja li jinkludi kuntatti, anki regolari u bejn korpi, mal-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, jew għajnuna, anki obbligatorja, għall-funzjonament tagħhom, iħalli intatti s-setgħat diskrezzjonali u deċiżjonali tal-imsemmija awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 53), jew ukoll ċerti attivitajiet li ma jinkludux l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punti 21 u 22; tad-29 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, punti 36 u 42, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punti 38 u 44, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, punti 36 u 41), ta’ setgħat vinkolanti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37), jew setgħat ta’ impożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Anker et, C‑47/02, Ġabra p. I‑10447, punt 61, kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

77      Għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk l-attivitajiet fdati lin-nutara fl-ordinament ġuridiku Franċiż jinkludux parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

78      Għal dan il-għan, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attivitajiet eżerċitati mill-membri tal-professjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Thijssen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).

79      Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni jaqblu fuq il-fatt li l-attività prinċipali tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Franċiż tikkonsisti fir-redazzjoni, bil-formalitajiet meħtieġa, ta’ atti awtentiċi. Sabiex jagħmel dan, in-nutar għandu jivverifika, b’mod partikolari, li l-kundizzjonijiet kollha legalment meħtieġa għat-twettiq tal-att ikunu ssodisfatti. L-att awtentiku jgawdi, minbarra dan, minn saħħa probatorja u minn saħħa eżekuttiva.

80      Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, l-ewwel nett, li huma suġġetti għal awtentikazzjoni, skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, l-atti jew il-ftehim li l-partijiet ikunu liberament ikkonkludew. Fil-fatt, dawn jiddeċiedu huma stess, fil-limiti mogħtija mil-liġi, dwar il-portata tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jagħżlu liberament l-istipulazzjonijiet li huma jridu jdaħħlu fid-dokument meta huma jippreżentaw att jew ftehim lin-nutar għal awtentikazzjoni. L-intervent ta’ dan tal-aħħar jippreżupponi, għalhekk, l-eżistenza minn qabel ta’ kunsens jew ta’ qbil tal-volontà tal-partijiet.

81      Minbarra dan, in-nutar ma jistax jemenda unilateralment il-ftehim li huwa mitlub jawtentika mingħajr ma jikseb minn qabel il-kunsens tal-partijiet.

82      L-attività ta’ awtentikazzjoni fdata lin-nutara għalhekk ma tinkludix, bħala tali, parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

83      Il-fatt li ċerti atti jew ċerti ftehim għandhom bilfors jiġu suġġetti għal awtentikazzjoni taħt piena ta’ nullità ma jistax ipoġġi f’dubju din il-konklużjoni. Fil-fatt, hija prassi li l-validità ta’ atti diversi tkun suġġetta, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u skont ir-regoli previsti, għal rekwiżiti ta’ forma jew ukoll għal proċeduri obbligatorji ta’ validazzjoni. Din iċ-ċirkustanza ma tistax, għalhekk, tkun biżżejjed sabiex issostni l-argument difiż mir-Repubblika Franċiża.

84      Lanqas l-obbligu tan-nutara li jivverifikaw, qabel ma jipproċedu bl-awtentikazzjoni ta’ att jew ta’ ftehim, li l-kundizzjonijiet kollha legalment meħtieġa għat-twettiq ta’ dan l-att jew ta’ dan il-ftehim ikunu ssodisfatti u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jirrifjutaw li jwettqu din l-awtentikazzjoni, ma jista’ jikkontesta l-konklużjoni ta’ qabel din.

85      Ċertament, hekk kif issostni r-Repubblika Franċiża, in-nutar jeżerċita din il-verifika b’għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri li tiġi ggarantita l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi. Madankollu, is-sempliċi tfittxija ta’ dan l-għan ma tistax tiġġustifika li l-prerogattivi neċessarji għal dan l-għan ikunu rriżervati biss għan-nutara li huma ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat.

86      Il-fatt li wieħed jaġixxi b’għan ta’ interess ġenerali ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex attività partikolari tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti direttament u speċifikament mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest ta’ diversi professjonijiet regolamentati ta’ spiss jimplikaw, fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, l-obbligu fuq il-persuni li jeżerċitawhom sabiex jeżerċitawhom b’tali għan, mingħajr ma dawn l-attivitajiet ikunu għaldaqstant jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ din l-awtorità.

87      Madankollu, il-fatt li l-attivitajiet nutarili għandhom għanijiet ta’ interess ġenerali, li huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiggarantixxu l-legalità u ċ-ċertezza legali tal-atti konklużi bejn individwi, jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tippermetti li jiġu ġġustifikati restrizzjonijiet eventwali għall-Artikolu 43 KE li jirriżultaw mill-aspetti speċifiċi tal-attività nutarili, bħalma huma l-kontroll li huma suġġetti għalih in-nutara permezz tal-proċeduri ta’ reklutaġġ applikabbli għalihom, il-limitazzjoni tan-numru tagħhom u l-kompetenzi territorjali tagħhom jew ukoll is-sistema ta’ remunerazzjoni tagħhom, ta’ indipendenza, ta’ inkompatibbiltajiet u ta’ sigurtà ta’ pożizzjoni, dejjem jekk kemm-il darba dawn ir-restrizzjonijiet jippermettu li jintlaħqu l-imsemmija oġġettivi u huma neċessarji għal dan il-għan.

88      Huwa wkoll minnu li n-nutar għandu jirrifjuta li jawtentika att jew ftehim li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet legalment meħtieġa, u dan indipendentement mill-volontà tal-partijiet. Madankollu, sussegwentement għal tali rifjut, dawn tal-aħħar jibqgħu liberi kemm li jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata, kemm li jemendaw l-istipulazzjonijiet tal-att jew tal-ftehim inkwistjoni, kif ukoll li jirrinunzjaw għal dan l-att jew għal dan il-ftehim.

89      Barra minn hekk, il-konsultazzjoni u l-assistenza ġuridika mogħtija min-nutar matul l-awtentikazzjoni tal-imsemmija atti jew ftehim ma jistgħux jitqiesu bħala parteċipazzjoni fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, anki meta jeżisti obbligu legali fuq in-nutar sabiex jiżgura tali konsultazzjoni jew assistenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

90      Fir-rigward tas-saħħa probatorja u tas-saħħa eżekuttiva li minnhom jibbenefika l-att nutarili, ma jistax jiġi kkontestat li dawn jagħtu lil dawn l-atti effetti legali sinjifikattivi. Madankollu, il-fatt li attività partikolari tinkludi r-redazzjoni ta’ atti li għandhom tali effetti ma jistax ikun biżżejjed sabiex din l-attività tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

91      Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, is-saħħa probatorja li jgawdi minnha att nutarili, għandu jiġi ppreċiżat li din taqa’ taħt ir-regoli tal-provi stabbiliti mil-liġi fl-ordinament ġuridiku inkwistjoni. Għalhekk, l-Artikolu 1319 tal-Kodiċi Ċivili, li jiddetermina s-saħħa probatorja tal-att awtentiku, jagħmel parti mill-Kapitolu VI tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Dwar il-prova tal-obbligi u dik tal-ħlas”. Is-saħħa probatorja mogħtija mil-liġi għal att partikolari għalhekk ma għandhiex effett dirett fuq il-kwistjoni jekk l-attività li tinkludi r-redazzjoni ta’ dan l-att, fiha nnifisha, tikkostitwixxix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, hekk kif teħtieġ il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Thijssen, punt 8, u Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 35).

92      Minbarra dan, skont l-Artikolu 1322 tal-Kodiċi Ċivili, “[l]-iskrittura privata, irrikonoxxuta mill-persuna li din l-iskrittura tkun tirrigwarda, jew legalment meqjusa bħala rrikonoxxuta, għandha, fost dawk li jkunu ffirmawha u fost il-werrieta tagħhom u l-aventi kawża, l-istess saħħa legali bħall-att awtentiku”.

93      Fir-rigward tas-saħħa eżekuttiva tal-att awtentiku, għandu jiġi indikat, hekk kif issostni r-Repubblika Franċiża, li din tippermetti l-eżekuzzjoni tal-obbligu li dan l-att jinkludi, mingħajr l-intervent minn qabel tal-qorti.

94      Is-saħħa ekeżuttiva tal-att awtentiku ma tirriflettix madankollu, fil-każ tan-nutar, xi setgħat li jinkludu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Fil-fatt, minkejja li ż-żieda, min-nutar, tal-formula tal-eżekuzzjoni fuq l-att awtentiku tagħtih s-saħħa eżekuttiva, din hija bbażata fuq il-volontà tal-partijiet li jagħmlu att jew ftehim, wara verifika tal-konformità tagħhom mal-liġi min-nutar, u li jagħtuhom din is-saħħa eżekuttiva.

95      Konsegwentement, it-twettiq ta’ atti awtentiċi li għandhom effetti ġuridiċi, bħal dawk deskritti fil-punti 90 sa 94 ta’ din is-sentenza, ma jinkludix parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

96      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ħidmiet ta’ ġbir tat-taxxa, li tagħhom huwa inkarigat in-nutar, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati minnhom infushom bħala li jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li dan il-ġbir iseħħ min-nutar f’isem id-debitur, segwit minn remissjoni tas-somom korrispondenti lid-dipartiment kompetenti tal-Istat u li, għalhekk, dan ma huwiex fundamentalment differenti minn dak relatat mat-taxxa fuq il-valur miżjud.

97      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-atti, bħalma huma dispożizzjonijiet ta’ tqassim, kuntratti taż-żwieġ, il-kostituzzjonijiet ta’ ipoteki, il-bejgħ fuq il-pjanta u l-kuntratti ta’ qbiela trasferibbli, li għandhom ikunu konklużi permezz ta’ att nutarili taħt piena ta’ nullità, isir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet imniżżla fil-punti 80 sa 95 ta’ din is-sentenza.

98      Fir-raba’ lok, f’dak li jikkonċerna l-istatus speċifiku tan-nutara fl-ordinament ġuridiku Franċiż, huwa biżżejjed li jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punti 75 u 78 ta’ din is-sentenza, li huwa fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet inkwistjoni, meħuda waħedhom, u mhux fid-dawl ta’ dan l-istatus bħala tali, li għandu jiġi vverifikat jekk dawn l-attivitajiet jaqgħux taħt id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

99      Madankollu, f’dan ir-rigward, huma meħtieġa żewġ preċiżazzjonijiet. L-ewwel nett, huwa paċifiku li, barra mill-każijiet fejn il-ħatra ta’ nutar hija prevista permezz ta’ proċeduri ġudizzjarji, kull parti għandha l-għażla libera ta’ nutar, skont l-Artikolu 4 tal-leġiżlazzjoni nutarili nazzjonali msemmija fil-punt 8 ta’ din is-sentenza. Minkejja li huwa minnu li parti mid-drittijiet tan-nutara huma ffissati mil-liġi, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwalità tas-servizzi pprovduti tista’ tvarja minn nutar għal ieħor skont, b’mod partikolari, il-kapaċitajiet professjonali tal-persuni kkonċernati. Isegwi li, fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom, in-nutara jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tiegħu, taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, ħaġa li ma hijiex karatteristika tal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

100    Għandu jiġi rrilevat, it-tieni nett, hekk kif issostni l-Kummissjoni mingħajr ma tkun ikkontestata fuq dan il-punt mir-Repubblika Franċiża, li n-nutara huma direttament u personalment responsabbli, fir-rigward tal-klijenti tagħhom, għad-danni li jirriżultaw minn kull nuqqas imwettaq fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom.

101    Barra minn hekk, l-argument li fuqu tibbaża r-Repubblika Franċiża dwar ċerti atti tal-Unjoni lanqas ma huwa konvinċenti. Fir-rigward tal-atti msemmija fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi ppreċiżat li l-fatt li l-leġiżlatur kien għażel li jeskludi l-attivitajiet nutarili mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att partikolari ma jfissirx li dawn tal-aħħar neċessarjament jaqgħu taħt id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2005/36, mill-kliem stess tal-premessa 41 ta’ din id-direttiva jirriżulta, skont liema din “hija bla ħsara għall-applikazzjoni [...] ta’ l-Artikolu 45 tat-Trattat li jikkonċernaw b’mod partikolari in-nutara”, li l-leġiżlatur tal-Unjoni mhux eżattament ħa pożizzjoni fuq l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE għall-professjoni ta’ nutar.

102    L-argumentazzjoni bbażata fuq l-atti tal-Unjoni msemmija fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija rilevanti. Fir-rigward tar-regolamenti msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, dawn jirrigwardaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ atti awtentiċi formalment imħejjija u rreġistrati fi Stat Membru u konsegwentement ma jaffettwawx l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-atti tal-Unjoni msemmija fil-punt 48 tal-imsemmija sentenza inkwantu jillimitaw ruħhom, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, sabiex jafdaw lin-nutara, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra maħtura mill-Istat, l-obbligu li jiċċertifikaw it-twettiq ta’ ċerti atti u formalitajiet qabel it-trasferiment tas-sede, il-formazzjoni u l-amalgamazzjoni tal-kumpanniji.

103    Fir-rigward tar-riżoluzzjonijiet tal-1994 u tal-2006, imsemmija fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li dawn huma mingħajr effetti ġuridiċi, peress li tali riżoluzzjonijiet ma jikkostitwixxux, min-natura tagħhom, atti vinkolanti. Min-naħa l-oħra, minkejja li huma jindikaw li l-professjoni nutarili taqa’ taħt l-Artikolu 45 KE, il-Parlament espliċitament esprima x-xewqa tiegħu, fl-ewwel minn dawn ir-riżoluzzjonijiet, li jittieħdu miżuri sabiex il-kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni nutarili titneħħa, u din il-pożizzjoni kienet mill-ġdid ikkonfermata impliċitament fir-riżoluzzjoni tal-2006.

104    F’dak li jirrigwarda l-argument li r-Repubblika Franċiża tibbaża fuq is-sentenza Colegio de Oficiales de la Marina Mercante Española, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi ppreċiżat li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 39(4) KE, u mhux fuq dik tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE. Minbarra dan, mill-punt 42 tal-imsemmija sentenza jirriżulta li, meta hija ddeċidiet li l-funzjonijiet fdati lill-kaptani u lill-uffiċjali sekondi jikkostitwixxu parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tirreferi għall-funzjonijiet kollha eżerċitati minnhom. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx biss l-attribuzzjoni fil-qasam nutarili fdata lill-kaptani u lill-uffiċjali sekondi, jiġifieri li jirċievu, iżommu u jgħaddu testmenti, separatament mill-kompetenzi l-oħra tagħhom, bħal, b’mod partikolari, is-setgħat ta’ impożizzjoni jew ta’ sanzjoni li huma għandhom.

105    F’dak li jirrigwarda s-sentenza Unibank, iċċitata iktar ’il fuq, li għaliha ukoll tagħmel riferiment ir-Repubblika Franċiża, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża li wasslet għal din is-sentenza ma kinitx tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45(1) KE. Barra minn hekk, il-Qorti ddeċidiet, fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li, sabiex att jikkwalifika bħala att awtentiku fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p.32), huwa neċessarju l-intervent jew ta’ awtorità pubblika, jew ta’ kwalunkwe awtorità oħra awtorizzata mill-Istat ta’ oriġini.

106    F’dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi konkluż li l-attivitajiet nutarili, bħalma huma dawk stabbiliti fl-istat attwali tal-ordinament ġuridiku Franċiżi ma jagħmlux parti mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 45 KE.

107    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni ta’ ċittadinanza meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Franċiża għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza pprojbita mill-Artikolu 43 KE.

108    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jitqies bħala li huwa fondat.

109    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi imponiet kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE.

 Fuq l-ispejjeż

110    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

111    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) ta’ dawn l-istess regoli, l-Istati Membri intervjenenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit għandhom għalhekk ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi imponiet kundizzjoni ta’ ċittadinanza għall-aċċess għall-professjoni ta’ nutar, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal‑Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir‑Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.