Keywords
Summary

Keywords

1. Komunitajiet Ewropej — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001

(Artikolu 6 UE, Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001 u Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b))

2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali — Ipproċessar ta’ din id-data mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità — Regolament Nru 45/2001

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikoli 2(a) u 8(b), u Nru 1049/2001)

Summary

1. L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li jipprevedi eċċezzjoni għall aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar dokument jista’ jdgħajjef il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-individwu, b’mod partikolari skont il-legiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali, jistabbilixxi sistema speċifika u rrinforzata tal-protezzjoni ta’ persuna li d-data personali tagħha tista’, jekk ikun il-każ, tiġi kkomunikata lill-pubbliku. Din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi separata u teżiġi li l-ħsara eventwali għall-ħajja privata u għall-integrità tal-invididwu għandha dejjem tiġi eżaminata u evalwata skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, u dan b’mod partikolari mar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data.

Għalkemm, skont l-Artikolu (1) tar-Regolament Nru 45/2001, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni fiżiċi, u b’mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, din id-dispożizzjoni ma tippermettix separazzjoni fil-każ ta’ proċessar ta’ data personali f’żewġ kategoriji, jiġifieri kategorija li fiha dan l-iproċessar jiġi eżaminat biss abbażi tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fuq dan l-artikolu u kategorija oħra li fiha l-imsemmi proċessar ikun suġġett għad dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001. F’dan ir-rigward, jekk mill-ewwel sentenza tal-premessa 15 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni semma’ n-neċessità tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6 UE u, permezz ta’ dan, l-Artikolu 8 tal-KEDB fejn dak l-ipproċessar isir mill-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari dawk stipulati fit-Titoli V u VI tat-Trattat UE, fil-verżjoni li tippreċedi t-Trattat ta’ Lisbona, min-naħa l-oħra, tali rinviju ma jistax jirriżulta neċessarju għal proċessar li jsir fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jinsabu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, peress li, f’tali każijiet, huwa, b’mod manifest, ir-Regolament Nru 45/2001 stess li japplika.

Minn dan isegwi li, meta applikazzjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 hija intiża sabiex jinkiseb aċċess għal dokumenti li fihom data personali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 isiru kompletament applikabbli, inklużi l-Artikoli 8 u 18 tiegħu, li jikkostitwixxu dispożizzjonijiet essenzjali tas-sistema stabbilita minn dan ir-regolament.

(ara l‑punti 57, 59, 64)

2. Il-lista ta’ parteċipanti f’laqgħa li tinżamm fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu msemmija fil-minuti tal-imsemmija laqgħa tinkludi data ta’ natura personali skont l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data, minħabba li minnha jistgħu jiġu identifikati l-persuni li pparteċipaw għal din il-laqgħa.

Billi teżiġi li, għall-persuni li ma tawx il-kunsens espress tagħhom għax-xandir tad-data personali li jirrigwardawhom li jinsabu f’dawn il-minuti, tiġi stabbilita l-ħtieġa tat-trasferiment ta’ dan id-data personali, il-Kummissjoni tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(b), tal-imsemmi regolament.

Fil-fatt, meta, fil-kuntest ta’ talba għall-aċċess għall-imsemmija minuti skont ir-Regolament Nru 1049/2001, ma tingħata la xi ġustifikazzjoni espliċita u leġittima u lanqas xi argument konvinċenti sabiex tintwera n-neċessità tat-trasferiment ta’ din id-data personali, il-Kummissjoni ma tistax tibbilianċja l-interessi differenti tal-partijiet inkwistjoni. Hija lanqas ma tista’ tivverifika jekk hemmx raġunijiet sabiex jiġi kkunsidrat li dan it-trasferiment jista’ jikkawża ħsara għall-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati, kif previst mill-Artikolu 8(b) tar‑Regolament Nru 45/2001.

(ara l‑punti 70, 77 ,78)