Kawża C-28/08 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

The Bavarian Lager Co. Ltd

“Appell — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Dokument li jirrigwarda laqgħa li saret fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Protezzjoni tad-data personali — Regolament (KE) Nru 45/2001 — Regolament (KE) Nru 1049/2001”

Sommarju tas-sentenza

1.        Komunitajiet Ewropej — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001

(Artikolu 6 UE, Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001 u Nru 1049/2001, Artikolu 4(1)(b))

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali — Ipproċessar ta’ din id-data mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità — Regolament Nru 45/2001

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001, Artikoli 2(a) u 8(b), u Nru 1049/2001)

1.        L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, li jipprevedi eċċezzjoni għall aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar dokument jista’ jdgħajjef il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-individwu, b’mod partikolari skont il-legiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali, jistabbilixxi sistema speċifika u rrinforzata tal-protezzjoni ta’ persuna li d-data personali tagħha tista’, jekk ikun il-każ, tiġi kkomunikata lill-pubbliku. Din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi separata u teżiġi li l-ħsara eventwali għall-ħajja privata u għall-integrità tal-invididwu għandha dejjem tiġi eżaminata u evalwata skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, u dan b’mod partikolari mar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data.

Għalkemm, skont l-Artikolu (1) tar-Regolament Nru 45/2001, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni fiżiċi, u b’mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, din id-dispożizzjoni ma tippermettix separazzjoni fil-każ ta’ proċessar ta’ data personali f’żewġ kategoriji, jiġifieri kategorija li fiha dan l-iproċessar jiġi eżaminat biss abbażi tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fuq dan l-artikolu u kategorija oħra li fiha l-imsemmi proċessar ikun suġġett għad dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001. F’dan ir-rigward, jekk mill-ewwel sentenza tal-premessa 15 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni semma’ n-neċessità tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6 UE u, permezz ta’ dan, l-Artikolu 8 tal-KEDB fejn dak l-ipproċessar isir mill-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari dawk stipulati fit-Titoli V u VI tat-Trattat UE, fil-verżjoni li tippreċedi t-Trattat ta’ Lisbona, min-naħa l-oħra, tali rinviju ma jistax jirriżulta neċessarju għal proċessar li jsir fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jinsabu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, peress li, f’tali każijiet, huwa, b’mod manifest, ir-Regolament Nru 45/2001 stess li japplika.

Minn dan isegwi li, meta applikazzjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 hija intiża sabiex jinkiseb aċċess għal dokumenti li fihom data personali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 isiru kompletament applikabbli, inklużi l-Artikoli 8 u 18 tiegħu, li jikkostitwixxu dispożizzjonijiet essenzjali tas-sistema stabbilita minn dan ir-regolament.

(ara l‑punti 57, 59, 64)

2.        Il-lista ta’ parteċipanti f’laqgħa li tinżamm fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu msemmija fil-minuti tal-imsemmija laqgħa tinkludi data ta’ natura personali skont l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data, minħabba li minnha jistgħu jiġu identifikati l-persuni li pparteċipaw għal din il-laqgħa.

Billi teżiġi li, għall-persuni li ma tawx il-kunsens espress tagħhom għax-xandir tad-data personali li jirrigwardawhom li jinsabu f’dawn il-minuti, tiġi stabbilita l-ħtieġa tat-trasferiment ta’ dan id-data personali, il-Kummissjoni tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(b), tal-imsemmi regolament.

Fil-fatt, meta, fil-kuntest ta’ talba għall-aċċess għall-imsemmija minuti skont ir-Regolament Nru 1049/2001, ma tingħata la xi ġustifikazzjoni espliċita u leġittima u lanqas xi argument konvinċenti sabiex tintwera n-neċessità tat-trasferiment ta’ din id-data personali, il-Kummissjoni ma tistax tibbilianċja l-interessi differenti tal-partijiet inkwistjoni. Hija lanqas ma tista’ tivverifika jekk hemmx raġunijiet sabiex jiġi kkunsidrat li dan it-trasferiment jista’ jikkawża ħsara għall-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati, kif previst mill-Artikolu 8(b) tar‑Regolament Nru 45/2001.

(ara l‑punti 70, 77 ,78)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Ġunju 2010 (*)

“Appell – Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet – Dokument li jirrigwarda laqgħa li saret fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (KE) Nru 45/2001 – Regolament (KE) Nru 1049/2001”

Fil-Kawża C‑28/08 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-23 ta’ Jannar 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Docksey u P. Aalto, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u V. Jackson, bħala aġenti, assistiti minn J. Coppel, barrister,

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u C. Fekete, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

The Bavarian Lager Co. Ltd, stabbilita fi Clitheroe (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn J. Webber u M. Readings, solicitors,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn B. Weis Fogh, bħala aġent,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn K. Petkovska, bħala aġent,

intervenjenti fl-appell,

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, irrappreżentat minn H. Hijmans, A. Scirocco u H. Kranenborg, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, R. Silva de Lapuerta u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C.W.A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann, E. Juhász (Relatur), G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill‑Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tat-8 ta’ Novembru 2007, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni (T‑194/04, Ġabra p. II-4523, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) sa fejn din tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Marzu 2004, li tiċħad talba mressqa minn The Bavarian Lager Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Bavarian Lager”) intiża sabiex tikseb aċċess komplet għall-minuti li ttieħdu waqt laqgħa fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) tobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw il‑protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fondamentali ta’ persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ data personali fil‑Komunità Ewropea.

3        Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102) ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 286 KE.

4        Il-premessi 1, 2, 5, 7, 8, 12, 14, 15 tar-Regolament Nru 45/2001 jew ċerti partijiet minnhom jipprovdu:

“(1)      L-Artikolu 286 [KE] jeħtieġ l-applikazzjoni ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità u tal-korpi tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ l-individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ dak id-data.

(2)      Sistema sħiħa għall-protezzjoni tad-data personali mhux biss teħtieġ l-istabbliment tad-drittijiet għas-suġġetti tad-data u l-obbligazzjonijiet għal dawk li jipproċessaw id-data personali, iżda wkoll sanzjonijiet adattati għal dawk li jiksru l-liġi u s-sorveljanza minn korp indipendenti ta’ superviżjoni.

[…]

(5)      Regolament huwa meħtieġ biex jipprovdi lill-individwu bi drittijiet legali li jistgħu jiġu nfurzati […]

[…]

(7)      Il-persuni li għandhom jiġu protetti huma dawk li d-data personali tagħhom hija pproċessata mill-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità fi kwalunque kuntest […]

(8)      Il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data għandhom japplikaw għal kull informazzjoni li tikkonċerna persuna identifikata jew identifikabbli. […]

[…]

(12) L-applikazzjoni konsistenti u omoġenja tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali għandha tiġi żgurata mal-Komunità kollha.

[…]

(14) Għal dan il-għan miżuri għandhom jiġu adottati li jkunu jorbtu lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità. Dawn il-miżuri għandhom japplikaw għall-ipproċessar kollu ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Komunità sal-limitu li dak l-ipproċessar isir fl-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet li kollha jew parti minnhom jaqgħu fil-qasam ta’ l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità.

(15) Fejn dak l-ipproċessar isir mill-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu barra l-iskop ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk stipulati fit-Titoli V u VI tat-Trattat [UE, fil-verżjoni li tippreċedi t-Trattat ta’ Lisbona], il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ l-individwi għandha tiġi żgurata billi jingħata kont debitu ta’ l-Artikolu 6 [ta’ dan it-Trattat UE]. L-aċċess għad-dokumenti, inklużi l-kondizzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti li jkun fihom data personali, huwa regolati bir-regoli adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 255 [...] KE li l-iskop tiegħu jinkludi t-Titoli V u VI [tal-imsemmi Trattat UE].

5        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi:

“1.      Skond dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet u l-korpi stabbiliti minn, jew fuq il-bażi ta’, t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej, hawnhekk iżjed ’l quddiem imsejjħa “istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità”, għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni naturali, u b’mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u m’għandhomx la jirrestrinġu u lanqas jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ data personali bejniethom jew lil xi reċipjenti bla ħsara għall-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri li timplimenta d-Direttiva 95/46 […]

2. L-awtorità indipendenti ta’ superviżjoni stabbilita b’dan ir-Regolament, hawnhekk iżjed ’l quddiem imsejjħa l-[K]ontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data, għandha tissorvelja l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar l-operazzjonijiet kollha ta’ ipproċessar imwettqa minn istituzzjoni jew korp tal-Komunità.”

6        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

a) “data personali” għandha tfisser kull informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli hawnhekk iżjed ’l quddiem imsejjħa “suġġett tad-data”; persuna identifikabbli hija waħda li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għall-numru ta’identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità tiegħu jew tagħha fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali;

b)      “proċessar ta’ data personali” [...] għandha tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li hija mwettqa fuq data personali, sew jekk b’mezzi awtomatiċi sew jekk le, bħal ġbir, rekordjar, organizzazzjoni, ħażna, adattazzjoni jew bdil, ksib lura, konsultazzjoni, użu, kxif permezz ta’ trasmissjoni, disseminazzjoni jew li tintgħamel disponibbli b’mod ieħor, allinjament jew kombinazzjoni, ibblukkar, tħassir jew distruzzjoni;

[…]”

7        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet kollha jew il-korpi tal-Komunità sal-limitu li dak l-ipproċessar isir fl-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet kollha jew parti minnhom li jaqgħu fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità.

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kollha kemm hi jew in parti b’mezzi awtomatiċi, u għal ipproċessar ħlief dak b’mezzi awtomatiċi ta’ data personali li jifforma parti minn sistema ta’ filing jew li hu maħsub li jifforma parti minn sistema ta’ filing.”

8        Skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament:

“1.      Id-data personali għandha tkun:

a)      ipproċessata b’mod ġust u legali;

b)      miġbura għal għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux aktar ipproċessata b’mod inkompatibbli ma’ dawk l-għanijiet. [...]

[...]”

9        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001 jiddisponi:

“Id-data personali tista’ tiġi pproċessata biss jekk:

a)      l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-eżerċizzju ta’ xogħol magħmul fl-interess pubbliku jew fuq il-bażi tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej jew strumenti oħra legali adottati fuq il-bażi tagħhom jew fl-eżerċizzju leġittimu ta’ awtorità uffiċjali vestita fl-istituzzjoni jew korp tal-Komunità jew f’part terza li lilha tingħata l-informazzjoni, jew

b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligazzjoni legali li għaliha l-kontrollur huwa suġġett, jew

[...]

d)      is-suġġett tad-data ikun [ta] l-kunsens kategoriku tiegħu jew tagħha, jew

[…]”

10      L-Artikolu 8 ta’dan ir-regolament, intitolat “It-trasferiment ta’ data personali lill‑reċipjenti, ħlief għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità huwa suġġett għad-Direttiva 95/46 […]” jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4, 5, 6 u 10, id-data personali għandha tiġi trasferita biss lill-reċipjenti bla ħsara għall-liġi nazzjonali adottata għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46 […]

a)      jekk ir-reċipjent jistabbilixxi li d-data hija meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew suġġett għall-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, jew

b)      jekk ir-reċipjent jistabbilixxi l-ħtieġa li jkollu dik id-data trasferita u ma jkun hemm ebda raġuni li jiġi assunt li l-interessi leġittimi tas-suġġett tat-data jistgħu jiġu preġudikati”

[…]

11      L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, intitolat “Id-dritt tas-suġġett tad-data li joġġezzjoni”, jippreċiża:

“Is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt:

a)      li joġġezzjona f’kull żmien, fuq bażi leġittimu li jġiegħel [għal raġunijiet leġittimi imperattivi] fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu jew tagħha, għall-ipproċessar ta’ data li tirrelata miegħu jew magħha, ħlief fil-każi koperti bl-Artikolu 5(b), (ċ) u (d). Fejn ikun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar in kwistjoni m’għandux aktar jinvolvi dik id-data;

b)      li jkun infurmat qabel ma data personali tinkixef għall-ewwel darba lill-partijiet terzi jew qabel ma tintuża għan-nom tagħhom għall-għanijiet ta’ marketing dirett, u li jkun espressament offrut id-dritt li joġġezzjoni mingħajr ħlas għal dak il-kxif jew l-użu.”

12      Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt tal‑aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previst fl‑Artikolu 255 KE. Dan ir-Regolament huwa applikabbli sa mit-3 ta’ Diċembru 2001.

13      Skont il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1049/2001.

“It-tieni sottoparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tat-Trattat [UE, fil-verżjoni tiegħu li tippreċedi t-Trattat ta’ Lisbona] jħaddan fih il-kunċett ta’ trasparenza, billi jgħid li t-Trattat huwa stadju ġdid fil-proċess tal-ħluq ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta’ l-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod miftuħ, u l-eqreb liċ-ċittadin, possibbli.”

14      Skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001.

“It-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib, u jiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u kontabbli liċ-ċittadin f’sistema demokratika. It-trasparenza ssaħħaħ il-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Trattat [UE, fil-verżjoni tiegħu li tippreċedi t-Trattat ta’ Lisbona] u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [iktar ‘il quddiem il-“Karta”].

15      Il-premessi 4 u 11 tal-imsemmi regolament jipprovdu:

“(4)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-pinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skond l-Artikolu 255(2) […] KE.

[...]

(11) Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom jkunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. Meta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.”

16      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 intitolat “Benefiċjarji u skop”:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

2.      L-istituzzjonijiet jistgħu, soġġetti għall-istess prinċipji, kondizzjonijiet u limiti, jagħtu aċċess għad-dokumenti lil kull persuna naturali jew legali li m’hijiex residenti jew li m’għandhiex l-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru.

3.      Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil [għal] kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

4.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 9, dokumenti għandhom isiru aċċessibbli għall-pubbliku jew wara applikazzjoni bil-miktub jew direttament f’forma elettronika jew permezz ta’ reġistru. B’mod partikolari, dokumenti miktuba jew irċevuti waqt proċedura legislattiva għandhom isiru direttament aċċessibbli skond l-Artikolu 12.

5.      Dokumenti sensittivi mfissra fl-Artikolu 9(1) għandhom ikunu soġġetti għal trattament speċjali skond dak l-Artikolu.

[…]”

17      Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-eċċezzjonijiet tad-dritt għall-aċċess:

“1.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[...]

b)      il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali.

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[...]

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, invesitgazzjoni u verifiki,

jekk ma’ jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[...]”

18      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li “[l]-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

19      Il-fatti li waslu għal din il-kawża huma esposti fil-punti 15 sa 28 u 34 sa 37 tas‑sentenza appellata kif ġej:

“15      [Bavarian Lager] ġiet stabbilita fit-28 ta’ Mejju 1992 sabiex timporta birra Ġermaniża f’bars fir-Renju Unit li jinsabu prinċipalment fin-naħa ta’ fuq ta’ l-Ingilterra.

16      Madankollu, [Bavarian Lager] ma setgħetx tbigħ il-prodott tagħha, peress li numru kbir ta’ operaturi ta’ bars fir-Renju Unit kienu marbuta b’kuntratti ta’ xiri esklużiv li kienu jobbligawhom li jiġu fornuti birra mingħand ċerti birreriji.

17      Bis-saħħa tas-Supply of Beer (Tied Estate) Order 1989 SI 1989/2390 (Regolament tar-Renju Unit dwar il-provvista ta’ birra), il-birreriji Britanniċi li għandhom drittijiet f’iktar minn 2 000 bar huma marbuta li jagħtu lill-operaturi ta’ dawn l-istabbilimenti, il-possibbiltà li jixtru birra li ġejja minn birrerija oħra, bil-kundizzjoni, skond l-Artikolu 7(2)(a) ta’ l-imsemmi Regolament, li l-birra hija bbottiljata f’bittija u li għandha kontenut ta’ alkoħol li ma jaqbiżx il-volum ta’ 1.2 %. Din id-dispożizzjoni hija normalment imsemmija l-“Guest Beer Provision” (iktar ’il quddiem il-“GBP”).

18      Issa, il-biċċa l-kbira tal-birer prodotti barra mir-Renju Unit ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “birer ibbottiljati f’bittija”, fis-sens tal-GBP, u għalhekk ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar.

19      Billi hija tal-fehma li l-GBP tikkostitwixxi miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet u, għaldaqstant, inkompatibbli ma’ l-Artikolu 30 tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 28 KE), ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-3 ta’ April 1993, irreġistrata bir-referenza P/93/4490/UK.

20      Wara li tressaq l-ilment, il-Kummissjoni ddeċidiet, fit-12 ta’ April 1995, li tiftaħ proċedura kontra r-Renju Unit skond l-Artikolu 169 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 226 KE). Fit-28 ta’ Settembru 1995, hija informat lir-rikorrenti bl-eżistenza ta’ dan l-ilment u bl-intimazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Settembru 1995. Fis-26 ta’ Ġunju 1996, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lir-Renju Unit u fil-5 ta’ Awwissu 1996, ippubblikat din id-deċiżjoni fi stqarrija ta’ l-istampa.

21       Fil-11 ta’ Ottubru 1996, inżammet [...] [laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996] li għaliha pparteċipaw rappreżentanti tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Suq intern u servizzi finanzjarji” tal-Kummissjoni, tal-Ministeru tal-Kummerċ u ta’ l-Industrija tar-Renju Unit u rappreżentanti tal-Konfederazzjoni tal-Birreriji tas-Suq Komuni (iktar’il quddiem il-“CBMC”). [Bavarian Lager] kienet talbet sabiex tipparteċipa permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Awwissu 1996, iżda l-Kummissjoni rrifjutat it-talba tagħha.iktar ’il quddiem

22      Fil-15 ta’ Marzu 1997, il-Ministeru ta’ l-Industrija tar-Renju Unit ħabbar proġett għal modifika tal-GBP li permezz tiegħu birra bbottiljata tista’ terġa’ tinbiegħ bħala birra barranija, l-istess bħal dik ibbottiljata f’bittija. Wara li l-Kummissjoni, f’żewġ okkażjonijiet, fid-19 ta’ Marzu 1997 u fis-26 ta’ Ġunju 1997, issospendiet id-deċiżjoni tagħha li tibgħat opinjoni motivata lir-Renju Unit, il-kap ta’ l-unità 2 “Applikazzjoni ta’ l-Artikoli 30 sa 36 tat-Trattat KE (notifiki, ilmenti, ksur, eċċ.) u l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet għall-kummerċ” tad-direttorat B “Moviment liberu tal-merkanzija u ta’ kuntratti pubbliċi” tad-DĠ “Suq intern u servizzi finanzjarji” informa lil [Bavarian Lager], permezz ta’ ittra tal-21 ta’ April 1997, fid-dawl tal-proġett tar-reviżjoni tal-GBP, li l-proċedura ta’ l-Artikolu 169 tat-Trattat [...] kienet ġiet sospiża u li l-opinjoni motivata ma kinitx ġiet innotifikata lill-Gvern tar-Renju Unit. Huwa indika li din il-proċedura tingħalaq ladarba l-GBP emendata tidħol fis-seħħ. Il-verżjoni l-ġdida tal-GBP saret applikabbli mit-22 ta’ Awwissu 1997. Konsegwentement, l-opinjoni motivata qatt ma ntbagħtet lir-Renju Unit u l-Kummissjoni finalment iddeċidiet, fl-10 ta’ Diċembru 1997, li twaqqaf il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

23      [Bavarian Lager] talbet lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Suq intern u servizzi finanzjarji”, permezz ta’ faks mibgħut fil-21 ta’ Marzu 1997, kopja ta’ l-opinjoni motivata, b’mod konformi mal-kodiċi ta’ kondotta [dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (JO 1993, L 340, p. 41)]. Din it-talba ġiet miċħuda, kif ukoll dik li saret sussegwentement.

24      Permezz ta’ [deċiżjoni] tat-18 ta’ Settembru 1997 [...], is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni kkonferma r-rifjut tat-talba indirizzata lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Suq intern u servizzi finanzjarji”.

25      [Bavarian Lager] ressqet appell, irreġistrat bir-referenza T-309/97, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza [il-Qorti Ġenerali] mid-deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 1997. Permezz tas-sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni (T-309/97, Ġabra. p. II-3217), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-appell billi kkunsidrat li l-preservazzjoni ta’ l-għan in kwistjoni, jiġifieri li Stat Membru jitħalla jikkonforma ruħu volontarjament ma’ l-eżiġenzi tat-Trattat, jew jekk ikun xieraq, li dan jingħata l-okkażjoni li jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu, kienet tiġġustifika, abbażi tal-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku, ir-rifjut għall-aċċess ta’ dokument ta’ tħejjija relatat mal-fażi ta’ l-inkjesta tal-proċedura ta’ l-Artikolu 169 tat-Trattat […].

26      Fl-4 ta’ Mejju 1998, [Bavarian Lager] ressqet quddiem il-Kummissjoni applikazzjoni għall-aċċess għad-dokumenti kollha annessi mal-fajl P/93/4490/UK minn ħdax-il kumpannija u organizzazzjoni indikati u minn tliet kategoriji definiti ta’ persuni jew ta’ kumpanniji, b’applikazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta[dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni]. Il-Kummissjoni ċaħdet it-talba inizjali għar-raġuni li l-[imsemmi] kodiċi ta’ kondotta japplika biss għad-dokumenti li l-awtriċi tagħhom kienet il-Kummissjoni. L-applikazzjoni konfermatorja ġiet irrifjutata għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kinitx l-awtriċi tad-dokumenti in kwistjoni u li kull applikazzjoni kellha ssir lill-awtur.

27      Fit-8 ta’ Lulju 1998, [Bavarian Lager] ressqet ilment, irreġistrat bir-referenza 713/98/IJH, quddiem l-Ombudsman Ewropew billi ppreċiżat, permezz ta’ ittra datata t-2 ta’ Frar 1999, li hija kellha l-ħsieb li tikseb l-ismijiet tar-rappreżentanti tal-KBSK li kienu pparteċipaw fil-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996 u dawk tal-kumpanniji u tal-persuni li jaqgħu taħt l-erbatax-il kategorija identifikati [minn Bavarian Lager] fl-applikazzjoni inizjali għal aċċess għad-dokumenti li jinkludu kummenti mibgħuta lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-fajl P/93/4490/UK.

28      Wara skambju ta’ ittri bejn l-Ombudsman Ewropew u l-Kummissjoni, f’Ottubru u Novembru 1999 din ta’ l-aħħar indikatlu li, mill-45 ittra li hija kienet bagħtet lill-persuni kkonċernati fejn talbithom l-awtorizzazzjoni sabiex tiżvela l-identità tagħhom [lil Bavarian Lager], din irċeviet 20 risposta, li minnhom erbatax kienu pożittivi u sitta negattivi. Il-Kummissjoni bagħtet l-isem u l-indirizz tal-persuni li kienu aċċettaw li isimhom jiġi kkomunikat. [Bavarian Lager] indikat lill-Ombudsman Ewropew li l-informazzjoni kkomunikata mill-Kummissjoni kienet għadha mhijiex kompleta.

      […]

34      Permezz ta’ posta elettronika tal-5 ta’ Diċembru 2003, [Bavarian Lager] ressqet applikazzjoni quddiem il-Kummissjoni għall-aċċess għad-dokumenti msemmija fil-punt 27 iktar’il fuq abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001.

35       Il-Kummissjoni wieġbet għal din l-applikazzjoni permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2004 billi sostniet li ċerti dokumenti relatati mal-laqgħa [tal-11 ta’ Ottubru 1996] setgħu jiġu żvelati, iżda ġibdet l-attenzjoni [ta’ Bavarian Lager] għall-fatt li ħames ismijiet inżammu sigrieti fil-minuti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, peress li żewġ persuni kienu opponew ruħhom espliċitament kontra l-iżvelar ta’ l-identità tagħhom u peress li l-Kummissjoni ma rrnexxiliex tikkuntattja lit-tlieta l-oħra.

36      Permezz ta’ posta elettronika tad-9 ta’ Frar 2004, [Bavarian Lager] ressqet applikazzjoni konfermatorja fis-sens ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 intiża sabiex tikseb il-minuti kompleti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, li jinkludu l-ismijiet tal-parteċipanti kollha.

37      Permezz [tad-deċiżjoni kkontestata], il-Kummissjoni rrifjutat l-applikazzjoni konfermatorja [ta’ Bavarian Lager]. Hija kkonfermat li r-Regolament Nru 45/2001 japplika fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għall-iżvelar ta’ l-ismijiet tal-parteċipanti l-oħra. Peress li [Bavarian Lager] ma stabbilixxiet ebda għan speċifiku u leġittimu u lanqas in-neċessità ta’ l-iżvelar, l-eżiġenzi previsti fl-Artikolu 8 ta’ l-imsemmi Regolament ma kinux sodisfatti u l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet applikabbli. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, anki jekk ir-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali ma japplikawx, din setgħet tirrifjuta li tiżvela l-ismijiet l-oħra bis-saħħa tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1047/2001, sabiex ma tikkompromettix il-kapaċita’ tagħha li tagħmel stħarriġ.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

20      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annulat id-deċiżjoni kkontestata.

21      Dwar l-aċċess komplet għall-minuti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 90 sa 95 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni ta’ Bavarian Lager hija bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001. Filwaqt li tfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-persuna li titlob aċċess ma hijiex obbligata tiġġustifika t-talba tagħha u għalhekk ma għandhiex għalfejn turi interess sabiex ikollha aċċess għad-dokumenti mitluba, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-eċċezzjoni ta’ kommunikazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal‑imsemmi regolament fil-każ fejn l-iżvelar ta’ tali dokument jippreġudika l‑protezzjoni għall-ħajja privata u l-integrità tal-persuna.

22      Fil-punti 96 sa 119 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat ir-rabta bejn ir-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 45/2001. Filwaqt li rrilevat li l-premessa 15 tar-Regolament Nru 45/2001 tindika li l-aċċess għal dokumenti, fosthom il‑kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-dokumenti li jinkludu data personali, jaqa’ taħt l-Artikolu 255 KE, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li, skont il-premessa 11 tar‑Regolament Nru 1049/2001, fl-evalwazzjoni tal-applikabbiltà ta’ eċċezzjoni, l‑istituzzjonijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji stabbiliti mil‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam tal-attivitajiet tal-Unjoni, u għaldaqstant ukoll il-prinċipji stabbiliti fir-Regolament Nru 45/2001.

23      Billi rreferiet għad-definizzjonijiet ta’ “data personali” u “proċessar ta’ data personali” imsemmija fl-Artikolu 2(a) u (b) tar-Regolament Nru 45/2001, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, iddeduċiet li l-komunikazzjoni ta’ data, permezz ta’ trażmissjoni, diffużjoni jew kull forma oħra li biha ssir disponibbli, tidħol fid-definizzjoni ta’ “proċessar” u, b’dan il-mod, dan ir‑Regolament jipprovdi huwa nnifsu, indipendentement mir-Regolament Nru 1049/2001, għall-possibbilità li ċerta data personali ssir pubblika.

24      Fil-punt 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-Artikolu 5(a) jew (b) tar-Regolament Nru 45/2001 jimponi li l-ipproċessar ta’ data personali għandu jkun leġittimu, li huwa meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ xogħol magħmul fl‑interess pubbliku jew għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa suġġett. Imbagħad il-Qorti Ġenerali tirreleva li d-dritt ta’ aċċess għad‑dokumenti tal-istituzzjonijiet mogħti liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u lil kull persuna fiżika jew morali li tirrisjedi jew li hija stabbilita fi Stat Membru, previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, jikkostitwixxi obbligu legali fis-sens tal-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Għaldaqstant, jekk ir‑Regolament Nru 1049/2001 jeżiġi l-komunikazzjoni tad-data, li tikkostitwixxi “proċessar” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 45/2001, l-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament irendi din il-komunikazzjoni legali f’dan ir-rigward.

25      Billi ddeċidiet fuq il-kwistjoni tal-prova tan-neċessità ta’ trasferiment prevista fl‑Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, u tad-dritt ta’ oppożizzjoni tal‑persuna kkonċernata previst fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari, fil-punti 107 sa 109 tas-sentenza appellata, dan li ġej:

“107      Fir-rigward ta’ l-obbligu li tiġi stabbilita l-ħtieġa ta’ trasferiment, prevista fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, għandu jiġi mfakkar li l-aċċess għad-dokumenti li jinkludu data personali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, skond l-Artikolu 6(1) ta’ dan, l-applikant mhuwiex obbligat li jimmotiva l-applikazzjoni u għalhekk m’għandux bżonn juri interess sabiex jikseb aċċess għad-dokumenti mitluba [...]. Għaldaqstant, fil-każ fejn din id-data personali tiġi ttrasferita sabiex jingħata effett lill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jipprovdi għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni, is-sitwazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u b’dan il-mod, l-applikant m’għandux bżonn jipprova n-neċessità ta’ l-iżvelar fis-sens ta’ l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Fil-fatt, jekk l-applikant ikun meħtieġ li jipprova n-neċessità tat-trasferiment, inkwantu kundizzjoni supplementari imposta fir-Regolament Nru 45/2001, din l-eżiġenza tkun waħda li tmur kontra l-għan ta’ l-Artikolu [tar-Regolament] Nru 1409/2001, jiġifieri l-ikbar aċċess possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet.

108      Barra minn hekk, peress li, skond l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għal dokument huwa rrifjutat, fil-każ li l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-protezzjoni għall-ħajja privata u l-integrità ta’ l-individwu, trasferiment li ma jaqax taħt din l-eċċezzjoni, bħala regola ġenerali, ma jippreġudikax l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001.

109      Fir-rigward tad-dritt ta’ oppożizzjoni mill-persuna kkonċernata, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 45/2001 jipprovdi li din tista’ topponi ruħha f’kull żmien, għal raġunijiet urġenti u leġittimi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħha, kontra l-ipproċessar ta’ data li tikkonċernaha, ħlief fil-każijiet li jaqgħu, b’mod partikolari, taħt l-Artikolu 5(b) tar-Regolament imsemmi. Għalhekk, peress li l-ipproċessar imsemmi fir-Regolament Nru 1049/2001 jikkostitwixxi obbligu legali fis-sens ta’ l-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 45/2001, bħala regola ġenerali, il-persuna kkonċernata ma tibbenefikax mid-dritt ta’ oppożizzjoni. Madankollu, peress li l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi għal eċċezzjoni għal dan l-obbligu legali, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni, abbażi ta’ dan, l-effett ta’ l-iżvelar ta’ data dwar il-persuna kkonċernata.”

26      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-eċċezzjoni prevista fl‑Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tiġi interpretata b’mod strett u tikkonċerna biss id-data personali li tista’ tippreġudika b’mod konkret u effettiv ir-rispett tal-ħajja privata u tal-integrità tal-persuna. L-eżami ta’ dawn il‑preġudizzji għandu jsir fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u tal‑ġurisprudenza żviluppata fuq din il-bażi.

27      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod ġenerali, fil-punt 133 u speċifikament fil‑punt 139 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni wettqet żball fid-dritt meta kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, Bavarian Lager la stabbilixxiet għan espliċitu u leġittimu u lanqas in-neċessità li tikseb l-ismijiet tal-ħames persuni li pparteċipaw fil-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996 u li opponew ruħhom, wara din il‑laqgħa, kontra l-komunikazzjoni tal-identità tagħhom lil Bavarian Lager.

28      Għal dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-attivitajiet relatati ma’ spezzjoni, investigazzjoni jew verifika prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar‑Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali eskludiet l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, hija kkunsidrat li trattament kunfidenzjali ma jistax jingħata bl-eċċezzjoni tal-persuna li tressaq l-ilment u li din il-protezzjoni hija ġġustifikata biss jekk il-proċedura inkwistjoni għadha għaddejja.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2008, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ġew ammessi li jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja ġew ammessi li jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ Bavarian Lager u r-Renju tad-Danimarka insostenn tat-talbiet ta’ Bavarian Lager u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

30      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l‑appell, u

–        tikkundanna lil Bavarian Lager għall-ispejjeż imġarrba minnha fl-ewwel istanza u f’dan l-appell jew, jekk hija titlef, tikkundannha għal nofs l-ispejjeż mġarrba minn Bavarian Lager fl-ewwel istanza.

31      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla s-sentenza appellata, u

–        tikkundanna lil Bavarian Lager għall-ispejjeż.

32      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tilqa’ l-appell mill-Kummissjoni u tilqa’ t-talbiet li hija fformulat.

33      Bavarian Lager titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tiċħad l-appell tal-Kummissjoni kollu kemm hu, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż imġarrba minn Bavarian Lager fl-ewwel istanza u f’dan l-appell jew, fil-każ fejn l-appell jintlaqa’, tikkundanna lil kull waħda mill-partijiet sabiex tbati l-ispejjeż tagħha.

34      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l‑Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tiċħad l-appell kollu kemm hu.

 Fuq it-talba tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

35      Permezz ta’ ittri tal-l-11 u tat-13 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni u l‑Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data talbu l-ftuħ mill-ġdid tal‑proċedura orali.

36      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l‑Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, Ġabra p. I-7633, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fit-talbiet tagħhom, il-Kummissjoni u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data sempliċement isostnu li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq argumenti li la ġew diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li f’din il-kawża hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni li għandha quddiemha u li din ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ argumenti li ma ġewx diskussi quddiemha.

39      Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq l-appell

40      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji:

–        il-Qorti Ġenerali, billi ddikjarat li l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 ma kienx applikabbli f’dan il-każ, interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001;

–        billi tat interpretazzjoni stretta tal-kundizzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tar‑Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi teskludiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali li tinsab f’dokument, u

–        għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2), il‑Qorti Ġenerali llimitat b’mod żbaljat il-protezzjoni tal-konfidenzjalità tal‑investigazzjonijiet għal dawk li jressqu lment biss u, sabiex din il‑konfidenzjalità tinżamm, hija ddeċidiet li l-investigazzjoni trid tkun għadha għaddejja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41      Peress li l-ewwel żewġ aggravji jinġabru f’sens wiesa’, dawn għandhom jiġu kkunsidrati flimkien.

42      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill u mir-Renju Unit, issostni essenzjalment li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fil-konstatazzjonijiet tagħha dwar l‑applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u b’hekk rendiet ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 inoperanti.

43      Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet mingħajr ma rreferiet għat-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, li tippreċiża li l-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-individwu, “b’mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali”. Il-Qorti Ġenerali interpretat l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 biss fid-dawl tal-Artikolu 8 tal-KEDB u tal‑ġurisprudenza żviluppata fuq din il-bażi.

44      Din l-interpretazzjoni żbaljata tal-eċċezzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 4(1)(b) għandha bħala konsegwenza li trendi inoperanti diversi dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 45/2001 u b’mod partikolari l-Artikoli 8(b) u 18(a) ta’ dan ir‑regolament.

45      Preċiżament, skont il-Kummissjoni, billi tagħti preċedenza lill-Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 1049/2001, li jipprevedi li l-applikant ma huwiex obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ applikazzjoni ta’ aċċess tal-pubbliku għal dokumenti, il-Qorti Ġenerali trendi inoperanti l‑Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, li jimponi fuq id-destinatarju tat‑trasferiment tad-data personali l-obbligu li juri n-neċessità tal-iżvelar tagħha.

46      Issa, l-obbligu li tintwera t-tfittxija ta’ għan leġittimu għad-destinatarju ta’ trasferiment ta’ data personali, stabbilita fl-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001, huwa waħda mid-dispożizzjonijiet prinċipali tal-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data. B’hekk, il-komunikazzjoni ta’ data personali li tinsab f’dokument miżmum minn istituzzjoni tikkostitwixxi kemm aċċess tal-pubbliku għal dokument skont ir-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll proċessar ta’ data personali skont ir-Regolament Nru 45/2001, ħaġa li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni.

47      Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti Ġenerali, billi qieset li kull applikazzjoni għal data personali għandha tirrispetta l-obbligu legali li jirriżulta mid-dritt ta’ aċċess pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 45/2001, neħħiet l-effettività tal-Artikolu 18(a) ta’ dan l-istess regolament, li jagħti lill-persuna kkonċernata l-possibbiltà li toġġezzjona f’kull żmien, għal raġunijiet imperattivi u leġittimi li jirrigwardaw is-sitwazzjoni partikolari tagħha, għall-ipproċessar ta’ data li tikkonċernha.

48      Għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali ddedikat parti sinjifikattiva tal‑argumentazzjoni tagħha, b’mod partikolari fil-punti 96 sa 119 tas-sentenza appellata, għall-eżami tar-rabta bejn ir-Regolamenti Nru 45/2001 u Nru 1049/2001 u mbagħad applikat, fil-punti 121 sa 139 ta’ din is-sentenza, il-kriterji li hija ddeduċiet minn dan fil-każ preżenti.

49      Kif enfasizzat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 98 tas-sentenza appellata, waqt l-eżami tar-rabta eżistenti bejn ir-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 45/2001 fid‑dawl tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar‑Regolament Nru 1049/2001 f’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑fatt li huma għandhom għanijiet differenti. L-ewwel wieħed huwa intiż sabiex jiżgura l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal‑awtoritajiet pubbliċi, kif ukoll tal-informazzjoni li fuqha huma bbażati d‑deċiżjonijiet tagħhom. Għalhekk, huwa intiż sabiex jiffaċilita l-eżerċizzju tad‑dritt ta’ aċċess għal dokumenti b’mod sħiħ, kif ukoll li jippromwovi prassi amministrattiva tajba. It-tieni wieħed huwa intiż sabiex jiżgura l-protezzjoni tal‑libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari, tal‑ħajja privata tagħhom, waqt l-ipproċessar tad-data personali.

50      Hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 45/2001, il-leġiżlatur tal‑Unjoni kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi sistema “sħiħa” għall-protezzjoni u kkunsidra, skont il-kliem tal-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, li “[l]‑applikazzjoni konsistenti u omoġenja tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali għandha tiġi żgurata mal-Komunità kollha”.

51      Skont din l-istess premessa 12, id-drittijiet mogħtija lill-persuni kkonċernati għall‑protezzjoni tagħhom fir-rigward tal-iproċessar ta’ data personali jikkostitwixxu regoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali. Fl‑intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iproċessar ta’ data personali sservi sabiex tipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali.

52      Skont il-premessi 7 u 14 tar-Regolament Nru 45/2001, dawn huma dispożizzjonijiet “li [...] jorbtu”, li japplikaw “għall-ipproċessar kollu ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Komunità” u “fi kwalunque kuntest”.

53      Ir-Regolament Nru 1049/2001, hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, jinsab fil-volontà espressa fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 UE, li jistabbilixxi stadju ġdid fil-proċess tal-ħluq ta’ għaqda dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id‑deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod miftuħ, u l-eqreb possibbli taċ-ċittadin.

54      Skont il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, it-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod aktar mill-qrib u tiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u responsabbli fir-rigward taċ-ċittadin f’sistema demokratika.

55      Ir-Regolament Nru 1049/2001 jistabbilixxi bħala regola ġenerali l-aċċess tal‑pubbliku għal dokumenti, iżda jipprevedi eċċezzjonijiet minħabba ċerti interessi pubbliċi u privati. B’mod partikolari, il-premessa 11 ta’ dan ir-regolament tfakkar li “[m]eta jagħmlu stima ta’ l-eċċeżżjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni”.

56      Ir-Regolamenti Nru 45/2001 u Nru 1049/2001 ġew adottati f’dati viċini ħafna. Huma ma fihomx dispożizzjonijiet li jipprevedu espressament is-supremazija ta’ wieħed mir-regolamenti fuq l-ieħor. Bħala prinċipju għandha tiġi żgurata l‑applikazzjoni sħiħa tagħhom.

57      L-unika rabta espliċita bejn dawn iż-żewġ regolamenti hija stabbilita fl‑Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 li jipprevedi eċċezzjoni għall‑aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar dokument jista’ idgħajjef il‑protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-individwu, b’mod partikolari skont il-legiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali.

58      Issa, fil-punti 111 sa 120 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tillimita l‑applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu għas-sitwazzjonijiet fejn il‑ħajja privata jew l-integrità tal-individwu tiġi ppreġudikata fis-sens tal‑ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali, b’mod partikolari r-Regolament Nru 45/2001.

59      Għandu jiġi osservat li, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kliem tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament 1049/2001, li huwa dispożizzjoni li ma tistax tiġi separata u teżiġi li l-ħsara eventwali għall-ħajja privata u għall-integrità tal-invididwu għandha dejjem tiġi eżaminata u evalwata skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali, u dan b’mod partikolari mar-Regolament Nru 45/2001.

60      L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jistabbilixxi sistema speċifika u jirrinforza l-protezzjoni ta’ persuna li d-data personali tagħha tista’, jekk ikun il‑każ, tiġi kkomunikata lill-pubbliku.

61      Skont l-Artikolu (1) tar-Regolament Nru 45/2001, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li tiġi żgurata “[il-protezzjoni tad-]drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni naturali, u b’mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza fir‑rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali”. Din id-dispożizzjoni ma tippermettix separazzjoni fil-każ ta’ proċessar ta’ data personali f’żewġ kategoriji, jiġifieri kategorija li fiha dan l-iproċessar jiġi eżminat biss abbażi tal-Artikolu 8 tal-KEDB u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fuq dan l-artikolu u kategorija oħra li fiha l-imsemmi proċessar ikun suġġett għad‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001.

62      Mill-ewwel sentenza tal-premessa 15 tar-Regolament 45/2001 jirriżulta li l‑leġiżlatur tal-Unjoni semma’ n-neċessità tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6 UE u, premezz ta’ dan, tal-Artikolu 8 tal-KEDB, “[f]ejn dak l-ipproċessar isir mill-istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jaqgħu barra l-iskop ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk stipulati fit-Titoli V u VI tat-Trattat [UE, fil-verżjoni li tippreċedi t-Trattat ta’ Lisbona]”. Min-naħa l-oħra, tali rinviju ma jistax jirriżulta neċessarju għal proċessar li jsir fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li jinsabu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, peress li, f’tali każijiet, huwa, b’mod manifest, ir-Regolament Nru 45/2001 stess li japplika.

63      Minn dan isegwi li, meta applikazzjoni bbażata fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 hija intiża sabiex jinkiseb aċċess għal dokumenti li fihom data personali, id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001 isiru kompletament applikabbli, inklużi l-Artikoli 8 u 18 tiegħu.

64      Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-riferiment tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali u, għaldaqstant, għar-Regolament Nru 45/2001, il-Qorti Ġenerali mill-ewwel eskludiet, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 u, fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament. Issa, l-imsemmija artikoli jikkostitwixxu dispożizzjonijiet essenzjali tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 45/2001.

65      Konsegwentement, l-interpretazzjoni partikolari u limitattiva mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 45/2001 ma tikkorrispondix għall-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jistabbilixxi bejn iż‑żewġ regolamenti inkwistjoni.

66      F’dan il-każ, mill-elementi tal-proċess jirriżulta, u b’mod partikolari mid-deċiżjoni kkontestata li, wara l-applikazzjonijiet ta’ Bavarian Lager tal-4 ta’ Mejju 1998, tal-5 ta’ Diċembru 2003 u tad-9 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni bagħtitilha dokument bil-minuti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, b’ħames ismijiet imħassra. Minn dawn il-ħames ismijiet, tliet persuni ma setgħux jiġu kkuntattjati mill-Kummissjoni sabiex jagħtu l-kunsens tagħhom, u ż-żewġ persuni l-oħra espressament irrifjutaw li l-identità tagħhom tiġi żvelata.

67      Sabiex tirrifjuta l-aċċess komplet għal dan id-dokument, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u fuq l-Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 45/2001.

68      Għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 104 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali, meta eżaminat l-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, jiġifieri d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “data personali”, ġustament ikkonstatat li l-kunjomijiet u l-ismijiet jistgħu jiġu kkunsidrati bħala data personali.

69      Ġie stabbilit ukoll, fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, meta ġie eżaminat l‑Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 45/200l, jiġifieri d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “proċessar ta’ data personali”, li l-komunikazzjoni ta’ tali data tidħol fid‑definizzjoni ta’ “proċessar”, fis-sens ta’ dan l-istess regolament.

70      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament, fil-punt 122 tas-sentenza kkontestata, li l-lista tal-parteċipanti għal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996 li tidher fil-minuti ta’ din il-laqgħa tinkludi għalhekk data personali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 45/2001, minħabba li minnha jistgħu jiġu identifikati l-persuni li pparteċipaw għal din il-laqgħa.

71      Għaldaqstant, il-kwistjoni deċiżiva hija dik dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tagħti aċċess għad-dokument li fih il-ħames ismijiet tal-parteċipanti għal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u r-Regolament Nru 45/2001.

72      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li Bavarian Lager setgħet ikollha aċċess għall‑informazzjoni kollha dwar il-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, inklużi l-opinjonijiet li l-intervenjenti esprimew taħt l-isem professjonali tagħhom.

73      Il-Kummissjoni, waqt l-ewwel applikazzjoni ta’ Bavarian Lager tal-4 ta’ Mejju 1998, talbet il-kunsens tal-parteċipanti għal-laqgħa kkontestata, sabiex ixxandar l-ismijiet tagħhom. Bħalma indikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Marzu 2003, din il-proċedura kienet konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46/KE, fis-seħħ dak iż-żmien.

74      Wara applikazzjoni ġdida ta’ Bavarian Lager lill-Kummissjoni, datata l-5 ta’ Diċembru 2003, sabiex tagħtiha l-minuti kompleti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, il-Kummissjoni għarrfitha, fis-27 ta’ Jannar 2004, li, fid-dawl tad-dħul fis‑seħħ tar-Regolamenti Nru 45/2001 u Nru 1049/2001, hija issa kellha tittratta din l-applikazzjoni taħt is-sistema speċifika ta’ dawn ir-regolamenti, b’mod partikolari l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001.

75      Jekk dan kienx taħt is-sistema preċedenti tad-Direttiva 95/46 jew taħt ir‑Regolamenti Nru 45/2001 u Nru 1049/2001, il-Kummissjoni ġustament ivverifikat jekk kienx hemm il-kunsens tal-persuni kkonċernati sabiex ixxandar id-data personali li jirrigwardhom.

76      Għandu jiġi kkonstatat li, billi xandret il-verżjoni bil-ħames ismijiet imħassra tal‑parteċipanti għal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996 tad-dokument ikkontestat, il‑Kummissjoni ma kisritx id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 u wettqet b’mod suffiċjenti l-obbligu ta’ trasparenza tagħha.

77      Billi eżiġiet li, għall-ħames persuni li ma tawx il-kunsens espliċitu, Bavarian Lager tipprova n-neċessità tat-trasferiment ta’ din id-data personali, il-Kummissjoni kkonformat ruħha mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001.

78      Peress li Bavarian Lager la tat xi ġustifikazzjoni espliċita u leġittima u lanqas xi argument konvinċenti sabiex tintwera n-neċessità tat-trasferiment ta’ din id-data personali, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbilanċja l-interessi differenti tal-partijiet inkwistjoni. Hija lanqas setgħet tivverifika jekk hemmx xi raġuni li jiġi kkunsidrat li dan it-trasferiment jista’ jikkawża ħsara għall-interessi leġittimi tal-persuni kkonċernati, kif previst fit-tieni parti tal-Artikolu 8(b) tar‑Regolament Nru 45/2001.

79      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ċaħdet l‑applikazzjoni ta’ aċċess għall-minuti kompleti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996.

80      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, li l‑Kummissjoni applikat b’mod żbaljat, f’dan il-każ, l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u kkonstatat li Bavarian Lager ma stabbilixxietx la l‑għan espliċitu u leġittimu u lanqas in-neċessità li tikseb id-dokument inkwistjoni fit-totalità tiegħu.

81      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi eżaminati l-argumenti u l-aggravji l-oħra tal-partijiet, li s‑sentenza appellata tiġi annullata, sa fejn din tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza kkontestata

82      B’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

83      Dan huwa l-każ fil-kawża inkwistjoni.

84      Kif diġà ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 69 u 73 ta’ din is‑sentenza, id-deċiżjoni kkontestata ma kisritx id-dispożizzjonijiet tar‑Regolamenti Nru 45/2001 u Nru 1049/2001.

85      Ir-rikors għal annullament ta’ Bavarian Lager kontra l-imsemmija deċiżjoni għandu konsegwentement jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) ta’dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli wkoll għall‑proċeduri ta’ appell taħt l-Artikolu 188 tal-istess regoli, l-Istati Membri u l‑istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjenti tħallas l-ispejjeż tagħha stess.

87      Peress li Bavarian Lager tilfet fil-kuntest tal-appell, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

88      Peress li l-Kummissjoni talbet ukoll li Bavarian Lager tbati l-ispejjeż tal‑proċedura tal-ewwel istanza u peress li r-rikors ippreżentat ġie miċħud, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-ewwel istanza.

89      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir‑Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta’ Novembru 2007, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni (T-194/04), hija annullata, sa fejn tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Marzu 2004, dwar iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni ta’ aċċess komplet għall‑minuti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, li fihom l-ismijiet kollha, u sa fejn tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż ta’ Bavarian Lager.

2)      Ir-rikors ta’ The Bavarian Lager Co. Ltd kontra d-deċiżjoni tal‑Kummissjoni tat-18 ta’ Marzu 2004, dwar iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni ta’ aċċess komplet għall-minuti tal-laqgħa tal-11 ta’ Ottubru 1996, li fihom l-ismijiet kollha, huwa miċħud.

3)      The Bavarian Lager Co. Ltd hija kkundannata tbati l-ispejjeż imġarba mill-Kummissjoni kemm fil-kuntest tal-proċedura tal-appell kif ukoll dik tal-ewwel istanza.

4)      Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal‑Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kontrollur Ewropew għall‑Protezzjoni tad-Data għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.