Kawża C-2/08

Amministrazione dell’Economia e delle Finanze u Agenzia delle Entrate

vs

Fallimento Olimpiclub Srl

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione)

“VAT — Supremazija tad-dritt Komunitarju — Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fl-24 ta’ Marzu 2009   I ‐ 7503

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-3 ta’ Settembru 2009   I ‐ 7520

Sommarju tas-sentenza

Dritt Komunitarju – Effett dirett – Supremazija – Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata

Id-dritt Komunitarju ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli interni tal-proċedura li jikkonferixxu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk li kieku jsir hekk, dan jippermetti li jiġi rimedjat ksur tad-dritt Komunitarju mid-deċiżjoni inkwistjoni. Ir-regoli dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata, li jaqgħu fi ħdan is-sistema legali interna tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom jiġu applikati b’mod li fil-prattika jrendi l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività).

F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata li, fil-kawżi ta’ natura fiskali, ir-res judicata f’kawża partikolari, sakemm tirrigwarda punt fundamentali komuni għal kawżi oħrajn, għandha, fuq dan il-punt, karattru vinkolanti, anki jekk il-konstatazzjonijiet li jkunu saru f’din il-kawża jirrigwardaw perijodu ta’ tassazzjoni differenti, mhijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività. Tali interpretazzjoni mhux biss tipprekludi lil deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret res judicata milli tiġi kkontestata, anki jekk din id-deċiżjoni tirriżulta fi ksur tad-dritt Komunitarju, iżda tipprekludi wkoll milli tiġi kkontestata, fil-każ ta’ stħarriġ ġudizzjarju dwar deċiżjoni oħra tal-awtorità fiskali kompetenti dwar l-istess persuna suġġetta għat-taxxa jew taxxabbli, iżda fir-rigward ta’ sena oħra fiskali, kull konstatazzjoni li tirrigwarda punt fundamentali komuni li jinsab f’sentenza ġudizzjarja li akkwistat il-forza ta’ res judicata. Tali applikazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata għalhekk tfisser li, fil-każ fejn id-deċiżjoni ġudizzjarja li saret definittiva hija bbażata fuq interpretazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-prattiki abbużivi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud li tmur kontra d-dritt Komunitarju, l-applikazzjoni inkorretta ta’ dawn ir-regoli tirriżulta għal kull sena finanzjarja ġdida, mingħajr ma jkun possibbli li tiġi kkorreġuta tali interpretazzjoni żbaljata. Ostakoli daqstant wiesgħa għall-applikazzjoni effettiva tar-regoli Komunitarji dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud ma jistgħux jiġu ġġustifikati b’mod raġonevoli bil-prinċipju ta’ ċertezza legali u għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jmorru kontra l-prinċipju ta’ effettività.

Konsegwentement, id-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni, f’tali ċirkustanzi, ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali intiża sabiex tistabbilixxi l-prinċipju tar-res judicata, f’kawża dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud li tirrigwarda sena ta’ tassazzjoni li għaliha tkun għadha ma ngħatat l-ebda sentenza ġudizzjarja definittiva inkwantu timpedixxi lill-qorti nazzjonali adita b’din il-kawża milli tikkunsidra regoli tad-dritt Komunitarju dwar il-prattiki abbużivi marbuta mal-imsemmija taxxa.

(ara l-punti 23, 24, 26, 29-32 u d-dispożittiv)