Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

1. Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86 (2) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri. Rekwiżit wieħed li jista’ jiġi impost minn Stat Membru meta membru tal-familja japplika għal awtorizzazzjoni sabiex jingħaqad ma’ tali resident huwa li dan tal-aħħar għandu jkollu riżorsi stabbli u regolari li jkunu suffiċjenti għall-manteniment tal-familja, “mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat”.

2. Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-applikazzjoni ppreżentata minn ċittadina Marokkina biex tingħaqad ma’ żewġha, ukoll ta’ ċittadinanza Marokkina, li ilu residenti legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi sa mill-1970, u li hija żżewġet fl-1972. Ir-raġel għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iħallas l-ispejjeż tal-għajxien ġenerali iżda mhux biex jagħmluh ineliġibbli għal ċerti tipi ta’ assistenza speċjali. F’dan il-kuntest, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) ifittex spjegazjoni iktar iddettaljata dwar il-kriterju ta’ “mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali” u jsaqsi jekk id-Direttiva tippermettix li ssir distinzjoni skont jekk ir-relazzjonijiet familjari kinux jeżistu qabel jew wara d-dħul tar-resident fl-Istat Membru.

Il-kuntest ġuridiku

Direttiva 2003/86

3. Fil-preambolu tad-Direttiva, inter alia :

– il-premessa 2 tenfasizza dwar l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u r-rispett għall-ħajja tal-familja, stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

– il-premessa 3 tirreferi għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f’Tampere f’Ottubru 1999 u f’Laeken f’Diċembru 2001, li ddikjaraw li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura trattament ġust għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri u għandha jkollha l-għan li tagħtihom id-drittijiet u l-obbligi paragunabbli ma’ dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;

– il-premessa 5 tiddikjara li l-Istati Membri għandhom jimplementaw id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew opinjonijiet oħra, sħubija f’minoranza nazzjonali, ġid, twelid, diżabbiltajiet, età jew orjentazzjoni sesswali;

– il-premessa 6 tirreferi għall-protezzjoni tal-familja u l-istabbiliment jew il-preservazzjoni tal-ħajja tal-familja, fuq il-bażi ta’ kriterji komuni li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar- riunifikazzjoni tal-familja;

– il-premessa 8 tipprovdi li l-kundizzjonijiet iktar favorevoli għandhom jiġu stabbiliti għall-eżerċiżju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati, minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu minn pajjiżhom u li jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemmhekk;

– il-premessa 11 tiddikjara li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandu jkun eżerċitat b’konformità xierqa mal-valuri u l-prinċipji rrikonoxxuti fl-Istati Membri.

4. Skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva, “riunifikazzjoni tal-familja” tfisser “id-dħul ġewwa u residenza fi Stat Membru minn membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li joqogħdu legalment f’dak l-Istat Membru biex tkun ippreżervata l-għaqda tal-familja, kemm jekk ir-relazzjoni mal-familja kien ikkawżat [kienet teżisti] qabel kemm [jekk kienet teżisti] wara d-dħul tar-resident”. F’dan il-każ, taħt l-Artikolu 2(ċ), ir-resident jissejjaħ “sponsor”.

5. L-Artikolu 3(5) jistabbilixxi li d-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-possibbiltà għall-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli.

6. L-Artikolu 4(1) jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a) il-konjugi ta’ l-isponsor;

[…]”

7. Il-Kapitolu IV jikkonsisti fl-Artikoli 6 sa 8. L-Artikolu 6, li ma huwiex direttament inkwistjoni f’din il-kawża, jippermetti lill-Istati Membri biex jirrifjutaw, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika, wara li jitqiesu l-fatturi elenkati fl-Artikolu 17 u s-severità jew tip ta’ offiża mwettqa jew il-periklu ppreżentat.

8. L-Artikolu 7(1) jipprovdi li, meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jeżiġi evidenza li l-isponsor għandu (a) akkomodazzjoni normali għall-familja, li tissodisfa l-istandards ġenerali ta’ saħħa u sigurtà, (b) assigurazzjoni kontra l-mard għall-familja kollha u

“(ċ) riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex iżomm [imantni] lilu nnifsu/lilha nnifisha u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha, mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Stati Membri għandhom jistmaw dawn ir-riżorsi b’riferiment għan-natura u r-regolarita tagħhom u jistgħu jqisu il-livell ta’ pagi minimi nazzjonali u pen[s]jonijiet kif ukoll in-numru ta’ membri tal-familja”.

9. L-Artikolu 7(2) jippermetti lill-Istati Membri biex jeżiġu l-konformità mal- miżuri ta’ integrazzjoni, u l-Artikolu 8 jippermettilhom li jimponu perijodu minimu ta’ residenza għall-isponsor. Dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma huma inkwistjoni hawnhekk.

10. Il-Kapitolu V tad-Direttiva jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi u iktar favorevoli, dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-riunifikazzjoni tal-familja tar- refuġjati rrikonoxxuti mill-Istati Membri, li huma indirettament rilevanti għal din il-kawża. Skont l-Artikolu 9(1), l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu għar-refuġjati li r-relazzjonijiet familjari tagħhom ikunu jeżistu qabel id-data tad-dħul tagħhom. Skont l-Artikolu 12(1), l-Istati Membri ma jistgħux jitolbu evidenza li r-refuġjat jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7, għalkemm jistgħu jeżiġu li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 7(1) jekk l-applikazzjoni ma tkunx ippreżentata fi żmien tliet xhur minn meta jingħata l-istatus ta’ refuġjat.

11. L-Artikolu 16, fil-Kapitolu VII (li jirrigwarda penali u rimedji), jippermetti lil Stat Membru biex jirrifjuta, jirtira jew jirrifjuta li jġedded il-permess ta’ residenza għal membru tal-familja abbażi ta’ għadd ta’ raġunijiet, essenzjalment meta r-relazzjoni familjari ma tkunx ġenwina jew meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva ma jkunux jew ma jkunux għadhom sodisfatti. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, it-tieni inċiż tal-Artikolu 16(1)(a) jipprovdi:

“Meta jġedded il-permess ta’ residenza, fejn l-isponsor m’għandux riżorsi suffiċjenti mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru, kif jirreferi l-Artikolu 7(1)(ċ), l-Istat Membru għandu jqis il-kontribuzzjonijiet tal-membri tal-familja għall-introjtu tad-dar.”

12. L-Artikolu 17, fl-istess Kapitolu, jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

Il-leġiżlazzjoni Olandiża

13. Id-drittijiet ta’ residenza għall-barranin fil-Pajjiżi l-Baxxi huma rregolati, b’mod partikolari, bil-Vreemdelingenwet (Liġi dwar il-Barranin) 2000 (iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”) u bid-digriet li jimplementaha, il-Vreemdelingenbesluit (Digriet dwar il-Barranin) 2000 (iktar ’il quddiem il-“Vb 2000”). B’differenza mil-leġiżlazzjoni tal-Komunità, il-leġiżlazzjoni Olandiża tiddistingwi bejn ir-riunifikazzjoni tal-familja u l-formazzjoni ta’ familja.

14. Il-Kapitolu 3 tal-Vw 2000 jirrigwarda l-permessi ta’ residenza. Jinħarġu varji tipi ta’ permessi, b’mod partikolari, għal perijodu fiss jew indefinit, jew għal dawk li jfittxu ażil u oħrajn. L-Artikolu 14(2) jispeċifika li l-permess ta’ residenza ta’ perijodu fiss għandu jkun suġġett għar-restrizzjonijiet relatati mal-iskop li għalih jingħata, kif irregolat minn dispożizzjonijiet amministrattivi. Skopijiet rilevanti, skont l-Artikolu 15, jinkludu r-riunifikazzjoni tal-familja u l-formazzjoni ta’ familja. Skont l-Artikolu 16(1)(c), applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal perijodu fiss tista’ tiġi miċħuda jekk il-persuna barranija, jew il-persuna li magħha hija tkun tixtieq tgħix, ma jkollhiex mezzi ta’ għajxien indipendenti, li jservu u li jkunu suffiċjenti.

15. Skont kif ġiet emendata b’effett mit-3 ta’ Ottubru 2005, bil-għan li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva, il-Vb 2000 tinkludi dawn id-dispożizzjonijiet rilevanti.

16. Skont l-Artikolu 1.1(r), “formazzjoni ta’ familja” tfisser “riunifikazzjoni tal-familja tal-konjuġi, sieħeb/sieħba rreġistrat/a jew mhux irreġistrat/a, sa fejn ir-relazzjoni konjugali tkun inħolqot fi żmien meta l-post ta’ residenza prinċipali tal-persuna prinċipali [(3) ] kienu l-Pajjiżi l-Baxxi”. “Riunifikazzjoni tal-familja” ma hijiex iddefinita.

17. L-Artikolu 3.13 u l-Artikolu 3.14, jipprovdu li permess ta’ residenza għal perijodu fiss għall-iskop ta’ formazzjoni jew riunifikazzjoni tal-familja jista’ jingħata, suġġett għal restrizzjonijiet relatati ma’ dan l-iskop, lil ċerti membri speċifikati tal-familja tal-persuna prinċipali (b’mod partikolari l-konjuġi tagħha) jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3.16 sa l-Artikolu 3.22 ikunu sodisfatti. F’din il-kawża huwa l-Artikolu 3.22 li jinsab inkwistjoni.

18. Taħt l-Artikolu 3.22(1), il-permess ta’ residenza jingħata biss jekk il-persuna prinċipali jkollha dħul nett permanenti u awtonomu kif iddefinit fl-Artikolu 3.74(a). Madankollu, skont l-Artikolu 3.22(2), fil-każ ta’ formazzjoni ta’ familja, “b’deroga mill-paragrafu 1”, dan id-dħul għandu jkun għall-inqas ugwali għal 120 % tal-paga minima statutorja, inkluża l-allowance għall-vaganzi.

19. Għalkemm ma huwiex direttament rilevanti għall-fatti kif kienu fiż-żmien tal-kawża prinċipali, jista’ jiġi osservat li, b’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-Artikolu 3.22(3) jipprovdi li permess ta’ residenza għandu jingħata wkoll meta l-persuna prinċipali jkollha iktar minn 65 sena, jew tkun issofri minn inkapaċità totali jew permanenti għax-xogħol, u b’hekk hemm eżenzjoni mir-rekwiżiti tar-riżorsi f’tali ċirkustanzi (4) . Skont l-Artikolu 3.22(4), hemm eżenzjoni minn dan ir-rekwiżit ukoll meta applikazzjoni għal membri tal-familja biex jingħaqdu ma’ refuġjat tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

20. Skont l-Artikolu 3.74, li jiddefinixxi r-rekwiżit ta’ dħul fl-Artikolu 3.22(1)(a), il-mezzi ta’ għajxien imsemmija fl-Artikolu 16(1)(c) tal-Vw 2000 ikunu suffiċjenti jekk id-dħul nett ikun ugwali għal, inter alia, (a) il-kriterju statutorju ta’ għajnuna, inkluża l-paga matul il-vaganzi, għall-kategorija rilevanti (persuni mhux miżżewġin, ġenituri weħidhom jew koppji miżżewġin) jew (d), fil-każ ta’ formazzjoni ta’ familja, 120 % tal-paga minima, inkluża l-allowance għall-vaganzi.

21. Il-kriterju ta’ assistenza msemmi fl-Artikolu 3.74(a) huwa dak li jinsab fl-Artikolu 21 tal-Wet werk en bijstand (Liġi dwar ix-xogħol u l-assistenza), (iktar ’il quddiem il-“Wwb”), fil-Kapitolu 3 ta’ din il-Liġi, li jirregola l-“assistenza ġenerali”. L-Artikolu 21 huwa wieħed mid-dispożizzjonijiet li jiffissaw il-“kriterji ta’ assistenza” – livelli ta’ dħul li taħthom persuna tkun intitolata għal assistenza ġenerali. Barra minn hekk, il-Kapitolu 4 tal-Wwb, b’mod partikolari l-Artikolu 35(1), jipprovdi li għandha tingħata “assistenza speċjali” mill-awtoritajiet lokali lill-applikanti li ma għandhomx riżorsi suffiċjenti biex ikopru “l-ispejjeż tal-għajxien essenzjali li jirriżultaw minn ċirkustanzi eċċezzjonali”.

22. Id-digriet tar-rinviju jiddikjara li l-kriterju rilevanti ta’ assistenza statutorja fiż-żmien tal-fatti kien ta’ EUR 1 207.91 fix-xahar, u ċ-ċifra għall-formazzjoni ta’ familja (120 % tal-paga minima) kienet ta’ EUR 1 441.44 (5) .

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi

23. R. Chakroun, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, twieldet fl-1948 u għandha ċittadinanza Marokkina. Fl-1972, hija żżewġet lis-Sur Chakroun, li twieled fl-1 ta’ Lulju 1944 u li huwa wkoll ta’ ċittadinanza Marokkina.

24. Is-Sur Chakroun ilu jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi sa mill-21 ta’ Diċembru 1970 u ilu fil-pussess ta’ permess ta’ residenza għal żmien indefinit sa mill-1975. Sa minn Lulju 2005 huwa rċieva l-benefiċċju tal-qgħad li, jekk iċ-ċirkustanzi jibqgħu l-istess, huwa ser ikompli jirċevih sa Lulju 2010. Ma huwiex ikkontestat li l-benefiċċju inkwistjoni, imħallas minħabba li s-Sur Chakroun ikkontribwixxa għall-assigurazzjoni tal-qgħad waqt li huwa kien impjegat, ma kienx “assistenza soċjali” li tista’ twaqqaf lil martu milli tingħaqad miegħu skont il-leġiżlaz zjoni Olandiża li timplementa d-Direttiva.

25. Wara ż-żwieġ, R.Chakroun kompliet tgħix fil-Marokk iżda, fl-10 ta’ Marzu 2006, hija applikat, fl-Ambaxxata Olandiża f’Rabat, għal permess provviżorju ta’ residenza (6) sabiex tkun tista’ tgħix ma’ żewġha.

26. B’deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2006 (li l-ilment kontriha ġie miċħud fil-21 ta’ Frar 2007), il-Ministru Olandiż għall-Affarijiet Barranin ċaħad din l-applikazzjoni fuq il-bażi li, fiż-żmien rilevanti, il-benefiċċju tal-qgħad tar-raġel kien biss ta’ EUR 1 322.73 nett fix-xahar, inkluża l-allowance għall-vaganzi, waqt li d-dħul standard applikabbli fil-kaz ta’ formazzjoni ta’ familja kien ta’ EUR 1 441.44 nett fix-xahar, inkluża l-allowance għall-vaganzi.

27. Id-deċizjoni għal dan ir-rifjut tirreferi għal ċirkulari amministrattiva li tipprovdi li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva ma jobbligax lill-Istati Membri jagħżlu test fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ assistenza, il-paga minima jew perċentwali tal-paga minima. Id-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri ntużat fl-Artikoli 3.22 u 3.74(d) tal-Vb 2000. Barra minn hekk, filwaqt li d-Direttiva kienet ukoll applikabbli kemm għar-riunifikazzjoni tal-familja kif ukoll għall-formazzjoni ta’ familja, il-kriterju ta’ “post prinċipali ta’ residenza” kien jelimina r-“riunifikazzjoni tal-familja” meta ż-żwieġ ikun sar matul vaganza f’pajjiż barrani minn resident fil-Pajjiżi l-Baxxi.

28. L-appell ta’ R. Chakroun kontra d-deċiżjonijiet tal-Ministru ġie miċħud mir-Rechtbank ‘s-Gravenhage (Qorti Distrettwali ta’ Den Haag), ikkostitwita f’Zutphen, fil-15 ta’ Ottubru 2007. L-appell minn din is-sentenza huwa attwalment pendenti quddiem ir-Raad van State.

29. Waħda mill-kwistjonijiet imqajma f’dawn il-proċeduri tirrigwarda l-mod kif il-kriterju ta’ dħul applikabbli huwa ddefinit. R. Chakroun ma tikkontestax li l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva jippermetti tali kriterju iżda targumenta, essenzjalment, li ma jippermettix li jiġi stabbilit livell minimu ogħla minn dak li jintuża biex jiġi ddeterminat x’inhu neċessarju sabiex wieħed ilaħħaq mal-ispejjeż essenzjali tal-għajxien – jiġifieri, fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-paga minima statutorja għall-kategorija rilevanti tal-persuna u s-sitwazzjoni tal-familja, taħt liema dħul il-persuna tkun intitolata għall-assistenza ġenerali. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tispjega li diversi tipi ta’ assistenza speċjali (u l-eżenzjoni mit-taxxi lokali) jistgħu jingħataw ukoll mill-awtoritajiet lokali, mhux biss lil dawk li d-dħul tagħhom ikun inqas mill-paga minima, iżda wkoll lil dawk li, waqt li jkollhom riżorsi daqs jew iktar minn dik il-paga, ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-ispejjeż essenzjali minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali. Tali għajnuna soċjali tingħata fuq skala mobbli u ma tibqax disponibbli malli d-dħul jilħaq il-120 % sal-130 % tal-paga minima. Il-kwistjoni b’hekk hija jekk l-Artikolu 7(1)(ċ) jippermettix lil Stat Membru li jiffissa livell ta’ dħul minimu f’livell li jelimina kwalunkwe possibbiltà li wieħed jirrikorri għal għajnuna soċjali ta’ dak it-tip.

30. Kwistjoni oħra tikkonċerna d-distinzjoni li ssir fil-Pajjiżi l-Baxxi bejn ir-riunifikazzjoni tal-familja u l-formazzjoni ta’ familja. Il-livell ta’ 120 % tal-paga minima japplika biss f’dan l-aħħar każ. Skont R. Chakroun, l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva jelimina kwalunkwe distinzjoni abbażi ta’ jekk ir-relazzjoni konjugali kinitx teżisti qabel jew wara d-dħul ta’ sponsor fl-Istat Membru kkonċernat. Il-Ministru, min-naħa l-oħra, jargumenta li tali distinzjoni tista’ ssir fil-każ tar- refuġjati (l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva) u ssir ukoll fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul fil-Komunità u li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal residenza fi Stat Membru ieħor (7) .

31. Ir-Raad van State b’hekk għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

(1) Il-frażi “jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali” li tinsab fl-ewwel sentenza tal-[Artikolu 7(1) u fl-]Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja li tirrifjuta r-riunifikazzjoni lil sponsor li jkun ipprova li għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu stess u dawk tal-membri tal-familja tiegħu, iżda li, minħabba l-livell tad-dħul tiegħu, jista’ xorta jitlob assistenza speċjali fil-każ ta’ spejjeż partikolari u stabbiliti b’mod individwali bħala neċessarji għall-għajxien tiegħu, tnaqqis mit-taxxa mingħand l-awtoritajiet lokali skont id-dħul, jew miżuri ta’ appoġġ għad-dħul fil-kuntest tal-politika minima komunali (minimabeleid)?

(2) Id-Direttiva [...], u partikolarment l-Artikolu 2(d) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-dħul tal-ewwel sentenza tal-[Artikolu 7(1) u l-]Artikolu 7(1)(ċ), tagħmel distinzjoni skont jekk ir-rabtiet familjari kinux jeżistu qabel jew wara d-dħul fit-territorju tal-persuna li tirrisjedi fl-Istat Membru?

32. R. Chakroun, il-Gvernijiet tal-Greċja u tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub. Matul is-seduta tal-21 ta’ Ottubru 2009, ġew ippreżentati t-trattazzjonijiet f’isem R. Chakroun, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni.

Evalwazzjoni

Osservazzjonijiet preliminari

33. Ninnota li, mid-data li kien ingħata d-digriet tar-rinviju, is-Sur Chakroun għalaq 65 sena, biex b’hekk ebda limitu ta’ dħul ma għandu japplika issa, meta tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja (8) . Madankollu, il-kawża prinċipali tirrigwarda deċiżjoni li ttieħdet meta kien japplika limitu, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ġiet informata (anki wara domanda matul is-seduta) li dawn il-proċeduri kienu affettwati bil-bidla tas-sitwazzjoni. B’hekk ser nipproċedi fuq il-bażi li l-applikabbiltà tal-limitu għadha rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża quddiem ir-Raad van State.

34. Iż-żewġ domandi ta’ din il-qorti huma separati imma interdipendenti. Għalkemm jidher li ma hemm l-ebda raġuni imperattiva biex jiġu indirizzati f’xi ordni partikolari, jidhirli li jkun iktar utli jekk l-ewwel nikkunsidra jekk jistax jiġi impost rekwiżit ta’ dħul iddifferenzjat, qabel ma neżamina liema livell ta’ riżorsi jista’ jkun meħtieġ. B’hekk ser nibda bit-tieni domanda.

It-tieni domanda

35. Il-qorti nazzjonali ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva – li jistabbilixxi li “riunifikazzjoni tal-familja” tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn membru tal-familja jingħaqad mal-isponsor, kemm jekk ir-relazzjoni konjugali kinitx teżisti qabel jew wara li l-isponsor sar residenti fl-Istat Membru kkonċernat (9) – jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi rekwiżit ta’ livell ogħla ta’ dħul f’dan l-aħħar każ.

36. Il-frażi “kemm jekk ir-relazzjoni familjari [konjugali] kinitx teżisti qabel jew wara d-dħul fit-territorju tal-persuna residenti” ma tikkontemplax espliċitament li ssir distinzjoni skont meta bdew jeżistu r-relazzjonijiet familjari. Fil-fatt, l-iktar interpretazzjoni ovvja aktarx hi, kif essenzjalment jissottomettu R. Chakroun, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni, li din toħroġ kontra kwalunkwe distinzjoni sistematika fuq dik il-bażi li ma tkunx awtorizzata minn xi dispożizzjoni iktar speċifika (bħall-Artikolu 9(2), fir-rigward tar-refuġjati).

37. Madankollu, il-Gvern Olandiż jargumenta li l-Artikolu 2(d) ma jipprekludix espliċitament tali distinzjoni. Huwa sempliċement jiddefinixxi kunċett ġenerali, mingħajr ma jelimina l-possibbiltà ta’ distinzjonijiet oħra fi ħdan dan il-kunċett.

38. Mhinix konvint b’dan l-argument.

39. B’riferiment speċifiku għad-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tal- prinċipji ġenerali rrikonoxxuti fis-sistema legali tal-Komunità, li jinkludu d-drittijiet fundamentali, huma vinkolanti wkoll għall-Istati Membri meta jimplementaw ir-regoli Komunitarji, u għaldaqstant huma marbuta, sa fejn ikun possibbli, biex japplikaw ir-regoli skont dawn ir-rekwiżiti (10) .

40. Wieħed minn dawn il-prinċipji ġenerali huwa l-prinċipju ta’ trattament ugwali jew nondiskriminazzjoni, li ġie ddefinit b’mod konsistenti bħala li jeħtieġ li “sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament” (11) .

41. F’dan il-kuntest, jista’ jidher temerarju li jiġi allegat li d-differenza bejn relazzjoni familjari li bdiet teżisti qabel id-dħul tal-isponsor fl-Istat Membru u waħda li bdiet teżisti wara, qatt ma’ tista’ tiġġustifika trattament differenti f’xi rigward.

42. Madankollu, kif osservat il-Kummissjoni, ma jidher li hemm ebda bażi li tiġġustifika l-iffissar ta’ rekwiżit ta’ dħul iktar ogħli f’każ wieħed u mhux fl-ieħor. L-ammont neċessarju għall-manteniment tal-isponsor u tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorru għall-għajnuna soċjali – li huwa dak li l-Artikolu 7(1)(ċ) jawtorizza lill-Istati Membri li jeżiġu – jista’, naturalment, ikun affettwat minn diversi fatturi, bħan-numru u l-etajiet tal-membri tal-familja, il-ħtieġa tagħhom għal kura jew il-kapaċità tagħhom għax-xogħol. Iżda, ikun xi jkun dan l-ammont, normalment ma jistax jiġi affettwat minn jekk ir-relazzjoni konjugali bdietx teżisti qabel jew wara li l-isponsor sar residenti legalment fl-Istat ospitanti.

43. Għaldaqstant, jekk il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew nondiskriminazzjoni jiġi osservat fl-implementazzjoni tad-Direttiva, distinzjoni bħal dik li saret mil-leġiżlazzjoni Olandiża hija prekluża.

44. Il-Gvern Olandiż, madankollu, ħareġ b’argument ulterjuri. Huwa jgħid li r-rekwiżit ta’ dħul iktar ogħli, fil-fatt huwa n-norma. 120 % tal-paga minima huwa dak li attwalment huwa meħtieġ sabiex wieħed imantni familja mingħajr ma wieħed jirrikorri għall-għajnuna soċjali. Ir-rekwiżit iktar baxx huwa eċċezzjoni għal dik in-norma. Din hija dispożizzjoni iktar favorevoli, awtorizzata espressament mill-Artikolu 3(5) tad-Direttiva, li hija intiża li tinkiseb konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod partikolari d-dritt ta’ rispett għall-ħajja tal-familja stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – u l-Gvern jikkunsidra li l-familji, li diġà jkunu ġew ikkostitwiti meta l-isponsor jidħol fl-Istat Membru, iktar jistħoqqilhom dan ir-rispett minn dawk li jkunu għadhom ma ġewx ikkostitwiti.

45. Lanqas ma jien konvinta b’dan l-argument.

46. Fl-ewwel lok – għalkemm din hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li b’hekk hija kwistjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Olandiżi – tidher li hija kkontradetta bit-test tal-leġiżlazzjoni stess. L-Artikolu 3.22(1) tal-Vb 2000 jiffissa livell minimu ta’ dħul. Il-livell ogħla fl-Artikolu 3.22(2), għall- każijiet rigward formazzjoni ta’ familja biss, huwa ddikjarat espliċitament li huwa “b’deroga mill-paragrafu 1”. Insibha diffiċli biex naqra dawn id-dispożizzjonijiet fis-sens li dawn jistabbilixxu livell ġenerali fil-paragrafu 2 filwaqt li jipprovdu għal eċċezzjoni fil-paragrafu 1.

47. Jekk, madankollu, b’xi interpretazzjoni stramba, dan jirriżulta li huwa l-każ, xorta waħda ma naċċettax l-argument tal-Gvern. L-Istati Membri jistgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk meħtieġa jew awtorizzati mid-Direttiva (12), iżda meta jagħmlu dan xorta waħda jridu jikkonformaw mal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew nondiskriminazzjoni. Peress li l-kwistjoni, jekk ir-relazzjoni konjugali bdietx teżisti qabel jew wara li l-isponsor sar legalment residenti fl-Istat ospitanti, ma tistax tipprovdi bażi oġġettiva għall-applikazzjoni ta’ livelli ta’ dħul differenti f’sitwazzjonijiet li barra minn hekk huma paragunabbli, huwa irrilevanti jekk il-livell ogħla huwiex l-eċċezzjoni jew ir-regola.

48. Din l-opinjoni ma taffettwax id-derogi l-oħrajn (13) li bihom il-Gvern Olandiż jipprova jsaħħaħ l-argument tiegħu. Kemm l-età kif ukoll l-inkapaċità għax-xogħol huma fatturi li huma partikolarment ta’ natura li jaffettwaw ir-riżorsi ta’ persuna, u b’hekk jistgħu jiġġustifikaw it-tnaqqis jew l-eżenzjoni mil-livell ta’ dħul. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ kwalunkwe livell meta membri tal-familja japplikaw biex jingħaqdu ma’ refuġjat fi żmien tliet xhur mill-għoti tal-istatus ta’ refuġjat mhux biss huwa bbażat fuq ġustifikazzjoni oġġettiva (il-biża’ fondata ta’ persekuzzjoni li tiddefinixxi l-istatus ta’ refuġjat (14) aktarx li testendi b’mod speċjali għall-familja immedjata u b’hekk toħroġ favur ir-riunifikazzjoni qabel ma r-refuġjat ikun jista’ jiġi żgurat riżorsi stabbli u regolari fil-pajjiż ospitanti) iżda huwa meħtieġ espliċitament mill-Artikolu 12(1) tad-Direttiva.

49. Din l-opinjoni lanqas ma taffettwa xi adattament tal-livell li jista’ jiġi deċiż, għar-raġunijiet oġġettivi, f’każijiet individwali. Fil-fatt, meta jiġi applikat rekwiżit ta’ riżorsi, l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva jeħtieġ li l-Istati Membri jevalwaw ir-riżorsi tal-isponsor b’riferiment għan-natura u r-regolarità tagħhom, u jippermetti li jiġi kkunsidrat in-numru ta’ membri tal-familja. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17 jeħtieġ li jiġu kkunsidrati diversi ċirkustanzi individwali meta tittieħed xi deċiżjoni negattiva fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja. Id-Direttiva b’hekk teħtieġ evalwazzjoni individwali ta’ kull applikazzjoni, b’hekk tipprekludi l-applikazzjoni ġenerika ta’ livell astratt mingħajr ma jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-każ (15) .

50. Punt ieħor li għandu jissemma jirrigwarda d-dikjarazzjoni fid-deċiżjoni fejn ġiet miċħuda l-applikazzjoni ta’ R. Chakroun, li tidher li tipprova tiġġustifika d-distinzjoni bejn ir-riunifikazzjoni tal-familja u l-formazzjoni ta’ familja fuq il-bażi li trattament inqas favorevoli huwa meħtieġ meta resident fil-Pajjiżi l-Baxxi jiżżewweġ, waqt li jkun fuq vaganza, f’pajjiż barrani. Anki jekk nassumu li din hija premessa valida (fuq il-bażi, eventwalment, li hija tippermetti li telimina ż-żwiġijiet ta’ konvenjenza), xorta waħda hija meħtieġa evalwazzjoni individwali.

51. Ma jidhirlix li tista’ ssir xi distinzjoni sistematika bejn żewġ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jixtiequ jgħixu fi Stat Membru sabiex jaħdmu u jibdew familja hemmhekk, li wieħed minnhom jiżżewweġ qabel jemigra waqt li l-ieħor iġemma’ sabiex jiżżewweġ waqt żjara fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Id-differenza bejn it-tnejn tista’ tiddependi biss, pereżempju, fuq ir-rieda tal-ġenituri tal-għarusa li jaċċettaw li binthom tiżżewweġ raġel li jkun għadu ma huwiex finanzjarjament indipendenti.

52. Barra minn hekk, il-Gvern Olandiż jiddikjara espliċitament fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li, anki jekk ir-relazzjoni konjugali bdiet teżisti wara l-wasla tal-isponsor u l-kriterju tad-dħul ma kienx sodisfatt, il-membri tal-familja jingħataw il-permess ta’ residenza jekk dan ikun meħtieġ mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – li jimplika li fil-fatt isiru l-evalwazzjonijiet individwali.

53. Jidher li dawn l-evalwazzjonijiet huma kapaċi jissalvagwardjaw b’mod adegwat kontra l-immigrazzjoni abużiva permezz ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza.

54. Madankollu, iż-żwieġ tal-konjugi Chakroun għal kważi 34 sena (fiż-żmien rilevanti) jista’, diffiċilment, jiġi mqabbel ma’ żwieġ ta’ konvenjenza jew dak li jista’ jissejjaħ “li wieħed iġib lura għarusa minn vaganza”. Riferiment għal din is-sitwazzjoni pjuttost differenti fid-deċiżjoni tar-rifjut tal-applikazzjoni ta’ R. Chakroun jidher li jindika li ma kinitx saret l-evalwazzjoni individwali meħtieġa kemm mid-Direttiva kif ukoll mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

55. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li d-Direttiva tipprekludi li ssir distinzjoni bħal din inkwistjoni, inkwantu din ma hijiex ibbażata fuq ebda fattur oġġettiv relatat mal-livell ta’ riżorsi meħtieġa għall-manteniment tal-isponsor u l-familja tiegħu u tapplika mingħajr ma jitqiesu ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.

L-ewwel domanda

56. Fid-dawl tar-risposta li jien nipproponi li għandha tingħata għat-tieni domanda, l-eżami tal-ewwel domanda għandu jkun ibbażat fuq l-ipoteżi li l-Istat Membru japplika livell wieħed li “jirrifjuta r-riunifikazzjoni tal-familja lil sponsor li jkun ipprova li għandu riżorsi stabbli u regolari li huma suffiċjenti biex jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu stess u dawk tal-membri tal-familja tiegħu, iżda li, minħabba l-livell tad-dħul tiegħu, jista’ xorta jitlob assistenza speċjali fil-każ ta’ spejjeż partikolari u stabbiliti b’mod individwali bħala neċessarji għall-għajxien tiegħu, tnaqqis mit-taxxa mogħtija mill-awtoritajiet lokali skont id-dħul, jew miżuri ta’ appoġġ għad-dħul fil-kuntest tal-politika minima komunali (minimabeleid)”.

57. Fl-ewwel lok, jidhirli li l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva ma jipprekludix lil Stat Membru milli jispeċifika livell partikolari ta’ dħul, kemm-il darba jista’ jiġi applikat b’tali mod li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi partikolari f’kull każ.

58. Fit-tieni lok, l-Artikolu 7(1)(ċ) jgħid li l-Istati Membri “jistgħu jqisu il-livell ta’ pagi minimi nazzjonali u pensjonijiet”. B’mod ċar, dan ma jeżiġix li kwalunkwe livell speċifikat ikun iffissat għal 100 % (jew xi perċentwali ieħor) tal-paga minima nazzjonali – u lanqas ma jista’, peress li seba’ Stati Membri ma għandhomx leġiżlazzjoni nazzjonali li tiffissa paga minima statutorja (16) .

59. Barra minn hekk, il-kriterju li jista’ jintuża huwa dak ta’ riżorsi suffiċjenti għall-manteniment tal-familja riunita mingħajr ma wieħed jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali. Għalkemm, fejn teżisti, paga minima nazzjonali tista’ tidher li hija punt ta’ riferiment utli f’dan ir-rigward (peress li funzjoni waħda ta’ tali paga tista’ tkun li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tal-għajxien tal-ħaddiema jiġu pprovduti minn min iħaddem u mhux mill-Istat), wieħed ma jistax jassumi li din tikkoinċidi mal-livell ta’ dħul fejn l-għajnuna soċjali ma tibqax disponibbli. Għal diversi raġunijiet ta’ politika jew ekonomija, id-dritt għall-għajnuna soċjali jista’ jintemm taħt il-livell tal-paga minima jew ikompli ’l fuq minnha (17) . Li huwa ċar, madankollu, huwa li l-Artikolu 7(1)(ċ) ma jawtorizzax lill-Istati Membri biex jeżiġu riżorsi ikbar minn dawk li huma meħtieġa għall-manteniment tal-familja kollha mingħajr ma wieħed jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali.

60. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, R. Chakroun u l-Gvern Olandiż issuġġerew li “is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru kkonċernat” għandha tiġi ddefinita b’mod iktar preċiż.

61. R. Chakroun issostni li, peress li l-Artikolu 7(1)(ċ) jirreferi għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal- Istat Membru, u l-livell ta’ pagi minimi nazzjonali u l-pensjonijiet (18), dan ma jippermettix l-użu ta’ kriterju bbażat fuq l-assistenza li tvarja minn lokalità għall-oħra, bħal ma huwa l-każ bit-tipi kollha ta’ assistenza speċjali inkwistjoni hawnhekk.

62. Minix għalkollox konvinta b’din is-sottomissjoni.

63. Minn naħa, waqt li l-kunċett tas-sistema ta’ għajnuna soċjali “ta’ Stat Membru” mingħajr dubju ma jinkludix inizjattivi purament lokali, għadd ta’ Stati Membri huma organizzati f’sistemi federali jew kważi federali ta’ gvernijiet fejn ir-responsabbiltà għal oqsma bħall-għajnuna soċjali tista’ tiġi ddelegata lill- awtoritajiet reġjonali jew ekwivalenti. Barra minn hekk, f’din il-kawża, it-tipi ta’ għajnuna li dwarhom tittratta d-domanda tar-Raad van State huma previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għalkemm l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom hija kwistjoni f’idejn l-awtoritajiet lokali.

64. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Olandiż sostna, matul is-seduta, li l-livell ta’ 120 % kien intgħażel bħala medja nazzjonali li meta tinqabeż ma jibqax iktar possibbli li tintalab assistenza soċjali speċjali, iżda li dan id-dritt jista’ fil-fatt jintemm, skont il-muniċipalità responsabbli, fil-livell ta’ 110 % jew 130 % tal-paga minima. Għaldaqstant, jidher li livell uniformi ta’ 120 % jipprekludi r-riunifikazzjoni għal ċerti familji fejn ma jkun hemm ebda dritt għall-assistenza soċjali speċjali u jippermetti tali riunifikazzjoni għal ċerti familji fejn ikun hemm tali dritt. Dan ma jidhirx li huwa konsistenti mal-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva jew mal-ħtieġa għal evalwazzjoni individwali.

65. Il-Gvern Olandiż, min-naħa tiegħu, jikkunsidra li d-Direttiva tosserva l-varjetà tat-tipi u r-rati tas-sistemi ta’ għajnuna soċjali fid-diversi Stati Membri iżda li, madankollu, tista’ tinkiseb gwida mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-distinzjoni bejn “benefiċċju” soċjali u “assistenza” soċjali fil-kuntest tar-Regolament Nru 1408/71 (19) .

66. Dan is-suġġeriment jidher li huwa prima facie raġonevoli, għalkemm kif osservat il-Kummissjoni matul is-seduta, ir-raġuni għad-distinzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 1408/71 (li jirrigwarda l-esportabbiltà tal-benefiċċji) ma jistax jiġi traspost fil-kuntesti l-oħra. Madankollu, fil-fehma tiegħi ma huwiex neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tieħu pożizzjoni definittiva, peress li ma huwiex ikkontestat – u lanqas ma jidher li huwa kontestabbli – li l-miżuri msemmija fid-domanda tar-Raad van State fil-fatt jikkostitwixxu għajnuna soċjali fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva.

67. Fil-fehma tiegħi, jidher li huwa ferm iktar sinjifikattiv il-fatt li t-tipi ta’ għajnuna kkonċernati huma disponibbli biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Għalkemm huwa paċifiku li dawn jistgħu jkunu disponibbli għal dawk il-persuni li r-riżorsi tagħhom huma bejn 100 % u 120 % tal-paga minima, huwa wkoll ċar li ma humiex disponibbli għal dawn it-tipi kollha ta’ persuni. Fil-fatt, l-użu tal-kelma “eċċezzjonali” fil-leġiżlazzjoni neċessarjament timplika li huma disponibbli biss għal minoranza tal-popolazzjoni kkonċernata, u dan biss b’mod temporanju.

68. Matul is-seduta, il-Gvern Olandiż ddikjara li t-total tal-ammonti mħallsa bħala assistenza soċjali speċjali fl-2007 ammonta għal EUR 243 miljun, bi ħlasijiet medji ta’ EUR 150 fir-rigward ta’ kull ħlas. Jekk kull ħlas sar lil persuna differenti, dan jirrappreżenta madwar għaxra fil-mija tal-popolazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, għalkemm huwa ċar li ħlas annwali ta’ EUR 150 b’ebda mod ma huwa rrelatat mad-differenza fid-dħul nett annwali ta’ bejn 100 % u 120 % tal-paga minima, li, fuq iċ-ċifri mogħtija mill-qorti nazzjonali, ikun ftit iktar minn EUR 2 800 fiż-żmien rilevanti. Naturalment, huwa impossibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja biex tasal għal xi konklużjoni soda minn tali ċifri, iżda jista’ jidher plawżibbli li fil-fatt il-biċċa l-kbira tal-ħlasijiet ingħataw lil numru ferm iżgħar ta’ persuni, li minnhom proporzjon sinjifikattiv aktarx li jaqalgħu inqas mill-paga minima nazzjonali.

69. Iżda hi x’inhi l-verità, jidhirli li ċ-ċifri tal-Gvern ma jissostanzjawx b’mod kredibbli l-allegazzjoni tiegħu li livell uniformi ta’ dħul ta’ 120 % tal-paga minima nazzjonali huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li r-riunifikazzjoni tal- familja ma twassalx biex wieħed “jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali” – allegazzjoni li lanqas ma hija konsistenti mid-dikjarazzjoni tal-Gvern stess, ukoll matul is-seduta, li t-talbiet għal assistenza soċjali speċjali jiġu evalwati każ b’każ.

70. Fid-dawl tal-ħtieġa għal evalwazzjoni każ b’każ li hija fattur predominanti tad-Direttiva, jidhirli li s-sempliċi possibbiltà li jkunu jistgħu jintalbu ċerti sistemi ta’ għajnuna soċjali f’ċirkustanzi eċċezzjonali (li wkoll jiġu evalwati każ każ) ma tistax tintuża bħala bażi għar-rifjut sistematiku ta’ applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja. Dan huwa b’kuntrast ma’ livell ta’ riżorsi li jfisser li individwu jew familja, awtomatikament, jirċievu l-għajnuna soċjali – sitwazzjoni li b’mod ċar taqa’ taħt il-kundizzjoni awtorizzata mill-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva.

71. Għaldaqstant, nikkunsidra li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fis-sens li d-Direttiva ma tawtorizzax li rekwiżit ta’ riżorsi jiġi ddefinit b’mod bħal dan inkwistjoni.

Konklużjoni

72. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha hawn fuq imsemmija, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti dawn ir-risposti għad-domandi magħmula mir-Raad van State:

(1) L-Artikoli 2(d) u 7(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, moqrija flimkien, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, fl-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ riżorsi taħt l-Artikolu 7(1)(ċ), tagħmel distinzjoni skont jekk ir-relazzjonijiet familjari bdewx jeżistu qabel jew wara d-dħul ta’ resident fl-Istat Membru, inkwantu tali distinzjoni ma hijiex ibbażata fuq xi fattur oġġettiv relatat mal-livell ta’ riżorsi meħtieġa għall-manteniment tal- isponsor u tal-familja tiegħu jew tagħha u tapplika mingħajr ma jitqiesu ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ;

(2) L-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE ma jippermettix li Stat Membru jiffissa rekwiżit ta’ riżorsi li jwassal għar-rifjut sistematiku ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja f’każijiet fejn il-familja riunita ma jkollha ebda dritt awtomatiku għall-għajnuna soċjali, iżda biss dritt potenzjali f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

(1) .

(2)  – Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224, iktar ’il quddiem “id-Direttiva”). Din ma tapplikax għad-Danimarka, għall-Irlanda jew għar-Renju Unit (ara l-premessi 17 u 18 fil-preambolu).

(3) – Jiġifieri, il-“persuna li magħha tkun tixtieq tgħix il-persuna barranija”, skont l-Artikolu 16(1)(c) tal-Vw 2000. Taħt l-Artikolu 3.15 tal-Vb 2000, hija tista’ tkun persuna b’ċittadinanza Olandiża jew persuna barranija bid-dritt ta’ residenza regolari. Din tal-aħħar tikkorrispondi għal “sponsor” skont it-tifsira tad-Direttiva.

(4) – Ara wkoll l-Artikolu 3.28(4), li jistabbilixxi li applikazzjoni ma għandhiex tkun irrifjutata fuq il-bażi tal-Artikolu 16(1)(c) tal-Vw 2000 jekk il-persuna li magħha tkun tixtieq tgħix il-persuna barranija jkollha 65 sena jew iktar, jew ma tkunx kapaċi taħdem.

(5) – Jidher, minn paragun mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Pajjiżi l-Baxxi, li dawn iċ-ċifri huma għal dħul nett, u li l-kriterju għal għajnuna statutorja jikkorrispondi għall-paga minima netta, li hija speċifikata bħala ammont gross fil-Wet minimumloon en minimumvakantiebijslag (Liġi dwar il-paga minima u l-allowance minima għall-vaganzi).

(6) – Il-pussess ta’ tali permess huwa, bħala regola ġenerali, prerekwiżit sabiex wieħed japplika għal permess ta’ residenza regolari (għal perijodu fiss) (ara Family reunification and family formation in the Netherlands during the period 2002–2006 , European Migration Network, 2007, p. 7 u 22).

(7) – Artikolu 16(1) u (5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003, dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptitolu 19, Vol. 6, p. 272) jippermetti li tali persuna tkun akkumpanjata mill-familja tagħha biss jekk il-familja kienet diġà kkostitwita fl-ewwel Stat Membru.

(8) – Ara l-punt 19 iktar ’il fuq.

(9) – Jista’ jiġi osservat li d-definizzjoni fl-Artikolu 2(d) tkopri biss sitwazzjonijiet fejn ir-relazzjoni konjugali kienet teżisti qabel ma l-membru tal-familja talab li jingħaqad mal-isponsor, u d-definizzjoni Olandiża ta’ “formazzjoni ta’ familja” hija limitata bl-istess mod. L-ebda waħda minnhom ma tkopri s-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jixtieq jivjaġġa lejn Stat Membru sabiex jiżżewweġ lill-isponsor hemmhekk. Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għad-Direttiva (COM(1999) 638 finali) kienet fil-fatt tkopri tali sitwazzjoni (Artikolu 2(e), p. 12 u 25). Madankollu, f’Jannar 2001, il-kliem “jifforma jew” ġew imħassra mill-frażi “sabiex jifforma jew jippreżerva l-unità tal-familja” [Traduzzjoni mhux uffiċjali] (Dokument tal-Kunsill 5682/01, tal-31 ta’ Jannar 2001).

(10) – Kawża C‑540/03 Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, tas-27 ta’Ġunju 2006, C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 105.

(11) – Ara, iktar reċentement, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M . et , C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 74. Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jissemma wkoll fil-premessa 5 tal-preambolu tad-Direttiva, u jifforma parti mill-valuri u l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Istati Membri, imsemmija fil-premessa 11.

(12) – Artikolu 3(5); ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet

(13) – Ara l-punt 19 iktar ’il fuq.

(14) – Ara l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli minimi stabbiliti għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

(15) – Ara wkoll l-Artikolu 6 tad-Direttiva (punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u l-Artikolu 16 (punt 11), fejn dan tal-aħħar jeħtieġ li d-dħul tal-membri tal-familja jitqies meta tiġi kkunsidrata applikazzjoni għat-tiġdid ta’ permess ta’ residenza. Barra minn hekk, nosserva li l-partijiet kollha, inkluż il-Gvern Olandiż, jaċċettaw li l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jeħtieġ evalwazzjoni każ b’każ.

(16) – L-Awstrija, Ċipru, id-Danimarka (li ma hijiex marbuta bid-Direttiva), il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Italja u l-Isvezja ma għandhom ebda paga minima statutorja: ara Minimum wages in January 2009 , Eurostat, Data in focus, 29/2009, p. 1.

(17) – Fil-fatt, matul is-seduta, il-Gvern Olandiż iddikjara li l-paga minima nazzjonali tiegħu kienet biżżejjed biex tkopri biss l-ispejjeż l-iktar bażiċi għal ħajja ta’ kuljum, u li assistenza soċjali speċjali hija kumpliment neċessarju sabiex jiġi żgurat livell ta’ għajxien minimu – dikjarazzjoni li tista’ tidher sorprendenti fid-dawl tal-għażla tiegħu ta’ paga minima netta bħala livell minimu ta’ dħul f’każijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, u dan b’mod speċjali meta jitqies li fil-Pajjiżi l-Baxxi l-paga minima hija t-tieni l-ogħla fl-Unjoni Ewropea f’termini ta’ standards ta’ saħħa u ta’ xiri (ara Minimum wages in January 2009 , iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, p. 3).

(18) – Bl-istess mod, fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) u, preċedentement, l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta' residenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1,p. 3).

(19) – Regolament (KEE) Nru 1408/71 tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), kif emendat. Ara, b’mod partikolari, il-Kawża C‑78/91, tas-16 ta’ Lulju 1992, Hughes, Ġabra p. I‑4839, punti 17 u 18.