KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-20 ta’ Ottubru 2009 ( 1 )

Kawża C-480/08

Maria Teixeira

vs

London Borough of Lambeth

u

Secretary of State for the Home Department

“Moviment liberu tal-persuni — Dritt ta’ residenza — Ċittadina ta’ Stat Membru li ħadmet fi Stat Membru ieħor u li baqgħet hemm wara t-tmiem tal-attività professjonali tagħha — Tifel li jsegwi taħriġ professjonali fl-Istat Membru ospitanti — Nuqqas ta’ mezzi ta’ għajxien — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 12 — Direttiva 2004/38/KE”

I — Introduzzjoni

1.

Ċittadina tal-Unjoni, li ma jkollhiex attività professjonali u li lanqas ma jkollha riżorsi personali suffiċjenti, tista’ tinvoka l-kwalità tagħha bħala persuna li għandha l-kura ta’ bintha sabiex tingħata d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru fejn it-tifla tkun qed tirrisjedi bħala t-tifla ta’ ex ħaddiem immigrant għall-finijiet ta’ edukazzjoni?

2.

Din hija d-domanda li l-Court of Appeal of England and Wales (Civil Division) ( 2 ) ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża. Din tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirfina l-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1212/68 ( 3 ) — b’mod partikolari s-sentenza Baumbast u R ( 4 ) — u biex tikkjarifika r-relazzjonijiet bejn din id-dispożizzjoni u d-direttiva l-ġdida dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li ġiet adottata fl-2004 (Direttiva 2004/38/KE ( 5 )). Din il-kwistjoni hija ta’ ċerta importanza, li ma tistax tiġi sottovalutata, mhux biss għal numru kbir ta’ ċittadini tal-Unjoni li telqu minn pajjiżhom u li jgħixu fi Stati Membri oħrajn, iżda wkoll għall-Istati li jospitawhom.

3.

Din il-kawża għandha ċertu xebh mal-kawża Ibrahim (C-310/08 ( 6 )), li attwalment tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li wkoll ġiet imressqa permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal. Fiż-żewġ kawżi, persuni mingħajr attività personali u mingħajr riżorsi personali suffiċjenti ppreżentaw applikazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali fl-Ingilterra. It-tnejn li huma jinvokaw insostenn tat-talba tagħhom dritt ta’ residenza fir-Renju Unit li huma jsostnu li huma intitolati għalih minħabba l-fatt li huma għandhom il-kura tat-tfal minorenni tagħhom li jistudjaw hemmhekk. Madankollu, diversament mill-kawża Ibrahim, fil-kawża Teixeira, it-talba għal benefiċċji soċjali ġiet ippreżentata mhux minn ċittadina ta’ Stat terz, iżda minn ċittadina tal-Unjoni, li hija stess kienet fil-passat teżerċita attività professjonali fir-Renju Unit u li għadha tgħix hemmhekk.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

4.

Il-kuntest ġuridiku Komunitarju li fih tinsab din il-kawża jikkonsisti fid-Direttiva 2004/38, minn naħa, u fir-Regolament Nru 1612/68, min-naħa l-oħra.

1. Id-Direttiva 2004/38

5.

Id-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali fil-Kapitolu I tagħha (Artikoli 1 sa 3), regoli dwar id-dritt ta’ residenza fil-Kapitolu III tagħha (Artikoli 6 sa 15) u regoli dwar id-dritt ta’ residenza permanenti fil-Kapitolu IV tagħha (Artikoli 16 sa 21).

6.

B’mod konformi mad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2)(ċ) tagħha, għall-finijiet tad-Direttiva 2004/38 “membru tal-familja” tfisser

“id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b)”.

7.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, bit-titolu “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”, huwa fformulat skont kif ġej (siltiet):

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta‘ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)

għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta‘ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta‘ residenza u għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti; jew,

ċ)

miktuba f‘istitut privat jew pubbliku, akkreditat jew finanzjat mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni jew tal-prattika amministrattiva tiegħu, għall-iskop prinċipali li jiġi segwit kors ta’ studju, inkluż taħriġ professjonali; u

għandhom assigurazzjoni ta’ mard komprensiva fl-Istat Membru ospitanti u jassiguraw lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew b’mezzi oħrajn ekwivalenti li jagħżlu huma, li għandhom riżorsi suffiċjenti għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza; jew

d)

membri tal-familja li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu ma’ ċittadin ta‘ l-Unjoni li jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) jew (ċ).

2.   Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta‘ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta‘ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta‘ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta‘ l-Unjoni li m‘għadux jaħdem jew li m‘għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta‘ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

a)

il-persuna kkonċernata ma tistax taħdem għal żmien temporanju minħabba mard jew inċident;

b)

il-persuna kkonċernata, wara li tkun spiċċat involontarjament bla xogħol wara li ħadmet għal aktar minn sena, tirreġistra bħala persuna li qed tfittex xogħol ma‘ l-uffiċċju ta‘ l-impjieg rilevanti;

ċ)

il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta‘ xogħol għal żmien fiss ta‘ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma‘ l-uffiċċju ta‘ l-impjieg rilevanti. F‘dan il-każ, l-istatus ta‘ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

d)

il-persuna kkonċernata tibda taħriġ professjonali. Sakemm ma tispiċċax involontarjament bla xogħol, iż-żamma ta‘ l-istatus ta‘ ħaddiem teħtieġ li t-taħriġ ikun jirrelata max-xogħol preċedenti.

4.   […]”

8.

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi r-regola li ġejja f’dak li jirrigwarda ż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja f’każ ta’ mewt jew tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni:

“It-tluq taċ-ċittadin ta‘ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti jew il-mewt tiegħu m‘għandux iwassal għal telf tad-dritt ta‘ residenza tat-tfal tiegħu jew tal-ġenitur li għandu l-kustodja preżenti tat-tfal, irrispettivament miċ-ċittadinanza, jekk it-tfal jgħixu fl-Istat Membru ospitanti u huma miktuba f‘istituzzjoni edukattiv, għal skop ta‘ studju, sat-tlestija ta‘ l-istudji tagħhom.”

9.

Għall-finijiet ta’ kompletezza, nikkwota wkoll l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-dritt ta’ residenza permanenti taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom:

“1.   Iċ-ċittadin ta‘ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta‘ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta‘ residenza permanenti hemmhekk. Dan id-dritt m‘għandux ikun suġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-Kapitolu III.

2.   […]

3.   Il-kontinwità tar-residenza m‘għandhiex tintlaqat minn assenzi temporanji li ma jaqbżux is-sitt xhur f‘sena, jew minn assenzi ta‘ dewma itwal għal servizz militari obbligatorju, jew minn assenza waħda ta‘ massimu ta‘ 12-il xahar konsekuttivi għal raġunijiet importanti bħal tqala u maternità, mard serju, studju jew taħriġ professjonali, jew kariga fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz.

4.   Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta‘ sentejn konsekuttivi.”

10.

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 40(1) tagħha, l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva 2004/38 qabel it-30 ta’ April 2006.

2. Ir-Regolament Nru 1612/68

11.

Ir-Regolament Nru 1612/68 huwa wieħed mit-testi li ġew qabel id-Direttiva 2004/38. Dan ġie parzjalment imħassar minnha ( 7 ).

12.

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, li ġie mħassar mid-Direttiva 2004/38, kien jipprovdi b’dan il-mod sat-30 ta’ April 2006:

“1.   Dawn li ġejjin għandhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ikollhom id-dritt li jinstallaw ruħhom ma‘ ħaddiem li hu ċittadin ta‘ Stat Membru wieħed u li hu mpjegat fit-territorju ta‘ Stat Membru ieħor:

a)

il-mara [konjuġi] tiegħu u d-dixxendenti tagħhom li huma taħt l-età ta‘ 21 sena jew huma dipendenti;

b)

qraba dipendenti fil-linja axxendenti tal-ħaddiem u l-mara [konjuġi] tiegħu.

2.   Stati Membri għandhom jiffaċilitaw id-dħul ta‘ kwalunkwe membru tal-familja li ma jaqax taħt il-paragrafu 1 jekk ikun dipendenti fuq il-ħaddiem li saret referenza għalih hawn fuq jew ikun qed jgħix taħt is-saqaf tiegħu fil-pajjiż mnejn ġie.

3.   Għall-iskopijiet ta‘ paragrafi 1 u 2, il-ħaddiem għandu jkollu disponibbli għall-familja tiegħu dar għall-abitazzjoni meqjusa bħala normali għall-ħaddiema ċittadini ta‘ dak l-Istat fir-reġjun fejn hu jkun impjegat; din id-dispożizzjoni, madanakollu m‘għandux joħloq diskriminazzjoni bejn ħaddiema ċittadini u ħaddiema mill-Istati Membri l-oħra.”

13.

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li ma ġiex imħassar bid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38, jistabbilixxi dawn ir-regoli:

“It-tfal ta‘ ċittadin ta‘ Stat Membru li hu jew kien impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikunu ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta‘ apprendistat u professjonali ta‘ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta‘ dak l-Istat, jekk dawn it-tfal ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju tiegħu.

Stati Membri għandhom jinkoraġġixu l-isforzi kollha biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jattendu għal dawn il-korsijiet taħt l-aħjar kondizzjonijiet possibbli.”

B — Id-dritt nazzjonali

14.

Id-digriet tar-rinviju jikkwalifika d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli bħala “kumplessi” u jagħti biss sinteżi tagħhom. Is-sitwazzjoni fid-dritt nazzjonali hija ppreżentata skont kif ġej.

15.

Skont il-liġi dwar l-akkomodazzjoni adottata fl-1996 ( 8 ), l-akkomodazzjoni soċjali tingħata lill-“persuni eliġibbli” li m’għandhomx dar u li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet.

16.

Mill-Artikolu 185 ta’ din il-liġi ( 9 ) jirriżulta li persuna ma tistax tingħata akkomodazzjoni soċjali jekk “tkun persuna minn pajjiż barrani li ma tkunx eliġibbli għall-għajnuna”. Fl-Ingilterra, din id-dispożizzjoni ġiet ippreċiżata permezz ta’ digriet ministerjali, imsejjaħ ir-“Regolament dwar il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà” ( 10 ).

17.

Ir-regola 6(1) tar-Regolament dwar il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà tipprovdi b’mod partikolari li persuna mhux suġġetta għall-kontroll fir-rigward tal-immigrazzjoni tista’ tingħata akkomodazzjoni soċjali biss jekk tkun residenti abitwalment fir-Renju Unit u jkollha wkoll dritt ta’ residenza hemmhekk ( 11 ).

18.

F’dan il-kuntest, għandhom jitqiesu bħala titolari għal dritt ta’ residenza, minbarra ċ-ċittadini Britanniċi, b’mod partikolari ċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom, mogħti mid-dritt Komunitarju, li jidħlu fit-territorju tar-Renju Unit u li jirrisjedu hemmhekk għal żmien twil ( 12 ). Iċ-ċittadini tal-Unjoni ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà meta huma jeżerċitaw id-dritt ta’ residenza tagħhom biss bl-iskop li jfittxu xogħol jew bħala membri tal-familja ta’ persuna li tkun qed tfittex xogħol jew jekk ikunu qed jeżerċitaw id-dritt inizjali tagħhom li jirrisjedu fir-Renju Unit għal perjodu ta’ mhux iktar minn tliet xhur ( 13 ).

19.

Skont ir-regola 6(2) tar-Regolament dwar il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà, il-kriterju ta’ residenza abitwali mhuwiex applikat fir-rigward, inter alia, taċ-ċittadini tal-Unjoni segwenti: l-impjegati, dawk li jaħdmu għal rashom, il-membri tal-familja ta’ impjegati jew ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, kif ukoll il-persuni li għandhom dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit.

20.

Finalment, għandu jiġi ppreċiżat li d-Direttiva 2004/38 ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz tar-Regolament tal-2006 dwar l-immigrazzjoni miż-Żona Ekonomika Ewropea ( 14 ), li daħal fis-seħħ fit- 30 ta’ April 2006.

III — Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

21.

M. Teixeira twieldet fis-7 ta’ Marzu 1971 u għandha nazzjonalità Portugiża. Hija emigrat lejn l-Ingilterra fl-1989, fejn ħadmet bħala persuna inkarigata mit-tindif bejn l-1989 u l-1991. Hija kienet akkumpanjata minn żewġha, li wkoll huwa ċittadin Portugiż. Fit-2 ta’ Ġunju 1991, it-tifla tagħhom Patricia twieldet fir-Renju Unit. Patricia daħlet l-iskola fi żmien meta M. Teixeira ma kinitx taħdem ( 15 ).

22.

Sussegwentement M. Teixeira u żewġha ddivorzjaw, u r-raġel għadu jgħix l-Ingilterra. Fit-13 ta’ Ġunju 2006, deċiżjoni ġudizzjarja ordnat li Patricia tgħix ma’ missierha, iżda li hija seta’ jkollha kuntatt ma’ ommha daqs kemm tkun tixtieq. F’Novembru 2006, Patricia bdiet taħriġ dwar il-kura tat-tfal fil-Vauxhall Learning Centre ( 16 ) f’Lambeth, kwartier ta’ Londra. F’Marzu 2007, Patricia, li sa dak iż-żmien kellha 15-il sena, marret tgħix għand ommha.

23.

Wara l-1991, M. Teixeira ħadmet b’mod intermittenti fir-Renju Unit; l-aħħar impjieg tagħha jmur lura għall-bidu tas-sena 2005.

24.

Fil-11 ta’ April 2007, M. Teixeira ppreżentat applikazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali għall-persuni li m’għandhomx dar lill-London Borough of Lambeth ( 17 ). Din it-talba ġiet miċħuda, fuq il-bażi li M. Teixeira ma kinitx tifforma parti mill-persuni eliġibbli. Wara l-oġġezzjoni mressqa minn M. Teixeira, ir-rifjut tat-talba tagħha ġie kkonfermat.

25.

M. Teixeira kkontestat id-deċiżjoni li tiġi miċħuda lilha l-akkomodazzjoni soċjali fl-ewwel istanza quddiem il-London Lambeth County Court ( 18 ), iżda mingħajr suċċess ( 19 ). Fil-preżent, hija l-Court of Appeal of England and Wales (Civil Division), il-qorti tar-rinviju, li għandha l-appell quddiemha.

26.

Skont id-digriet tar-rinviju, M. Teixeira tirrikonoxxi fil-kuntest tal-kawża prinċipali

li hija m’għandhiex l-istatus ta’ ħaddiema, li hija m’għandhiex riżorsi suffiċjenti u li hija m’għandhiex dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/38,

li hija ma żammitx l-istatus ta’ impjegata, peress li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2004/38, u

li hija m’għandhiex dritt ta’ residenza permanenti taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38.

27.

M. Teixeira tibbaża d-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit li hija tinvoka fil-kuntest tal-kawża prinċipali fuq is-sempliċi fatt li, sa mill-2007, hija għandha, b’mod prinċipali, il-kustodja ta’ bintha Patricia, li min-naħa tagħha, tistudja fir-Renju Unit u għandha d-dritt li tirrisjedi fir-Renju Unit skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ( 20 ).

IV — It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.

B’digriet tal-10 ta’ Ottubru 2008, il-Court of Appeal issospendiet il-proċeduri quddiemha u ressqet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet ta’ deċiżjoni preliminari:

“F’ċirkustanzi fejn (i) ċittadina tal-Unjoni Ewropea waslet fir-Renju Unit, (ii) iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea ħadmet matul ċerti perijodi fir-Renju Unit, (iii) iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea waqfet milli taħdem, iżda ma telqitx mir-Renju Unit, (iv) iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea ma żammitx l-istatus tagħha bħala ħaddiem u m’għandha l-ebda dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 u lanqas id-dritt li tirrisjedi b’mod permanenti taħt l-Artikolu 16 ta’ din l-istess direttiva, (v) it-tifel taċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea beda l-edukazzjoni fi żmien meta din iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea ma kinitx taħdem, iżda segwa l-istudji tiegħu fir-Renju Unit matul perijodi li fihom iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea ħadmet fir-Renju Unit, (vi) iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea hija l-persuna li tassigura, prinċipalment, il-manteniment tat-tifel tagħha u (vii) iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea u t-tifel tagħha mhumiex fil-pożizzjoni li jmantnu lilhom infushom:

1)

iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea tibbenefika [biss] minn dritt ta’ residenza fir-Renju Unit jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mid-Direttiva 2004/38?

jew

2)

a)

iċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea tibbenefika minn dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma jkollha tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mid-Direttiva 2004/38?

u

b)

jekk iva, hija għandu jkollha riżorsi suffiċjenti sabiex ma ssirx piż fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu ta’ residenza maħsub u assigurazzjoni kontra l-mard kompluta fl-Istat Membru ospitanti?

ċ)

jekk iva, it-tifel għandu jkun beda l-istudji f’mument meta ċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea kienet taħdem, sabiex [tkun tista’] tibbenefika minn dritt ta’ residenza li jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jew huwa suffiċjenti li ċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea tkun ħadmet f’ċerti mumenti wara li t-tifel beda l-istudji tiegħu?

d)

id-dritt ta’ residenza li ċ-ċittadina tal-Unjoni Ewropea tibbenefika minnu minħabba l-fatt li hija tassigura, prinċipalment, il-manteniment tat-tifel li jsegwi l-istudji, jispiċċa meta t-tifel jilħaq l-età ta’ tmintax-il-sena?

3)

jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija pożittiva, is-sitwazzjoni hija differenti f’ċirkustanzi bħal dawk fil-każ preżenti fejn it-tifel beda l-istudji qabel id-data li fiha d-Direttiva 2004/38 kellha tiġi trasposta mill-Istati Membri, iżda li l-omm ma saritx il-persuna li tassigura, prinċipalment, il-manteniment tat-tifel u ma talbitx id-dritt ta’ residenza minħabba li hija kienet il-persuna li tassigura, prinċipalment, il-manteniment tat-tifel sa Marzu 2007, jiġifieri wara d-data li fiha d-direttiva kellha tiġi trasposta?”

29.

Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub u orali, minbarra minn M. Teixeira u l-London Borough of Lambeth, anki mill-Gvernijiet tad- Danimarka, tal-Portugall u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ( 21 ). Barra minn hekk, ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.

V — Evalwazzjoni

30.

Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk ċittadina tal-Unjoni mingħajr attività professjonali fis-sitwazzjoni ta’ M. Teixeira għandhiex dritt ta’ residenza taħt id-dritt Komunitarju meta hija ma tinsabx f’pożizzjoni li tipprovdi hija stess għall-bżonnijiet tagħha. Skont id-dritt nazzjonali, l-eżistenza ta’ tali dritt ta’ residenza hija effettivament kundizzjoni sabiex M. Teixeira tkun tista’ tibbenefika mill-akkomodazzjoni soċjali mitluba.

31.

L-opinjonijiet tal-partijiet u tal-intervenjenti fil-kawża huma diverġenti fuq dan il-punt.

32.

M. Teixeira tqis li hija intitolata, fil-kwalità tagħha bħala persuna li tieħu ħsieb it-tifla tagħha li qed issegwi studji, għal dritt ta’ residenza fir-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mingħajr mhu meħtieġ li hija stess ikollha riżorsi suffiċjenti jew assigurazzjoni kontra l-mard. Il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jaqblu ma’ din l-opinjoni. Barra minn hekk, il-Gvern Taljan esprima ruħu bl-istess mod fil-kawża Ibrahim (C-310/08). Il-Gvern Portugiż ukoll jasal għal din il-konklużjoni ( 22 ). Il-London Borough of Lambeth u l-Gvernijiet tad-Danimarka u tar-Renju Unit jiddefendu pożizzjoni dijametrikament opposta, kif tagħmel ukoll l-Irlanda fil-kuntest tal-kawża Ibrahim.

33.

Qabel kollox ser neżamina jekk ċittadina tal-Unjoni fis-sitwazzjoni ta’ M. Teixeira tistax tinvoka, unikament fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, dritt ta’ residenza fil-kwalità ta’ persuna li tieħu ħsieb it-tifla tagħha (ara iktar ’il quddiem taħt A). Sussegwentement ser neżamina, fit-tieni stadju, il-kwistjoni jekk tali dritt ta’ residenza jeħtieġx li l-persuna kkonċernata jkollha riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni kontra l-mard kompluta (ara, iktar ’il quddiem, taħt B). Finalment, ser nindirizza t-tliet aspetti temporali msemmija mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tad-drittijiet eventwalment mogħtija lil M. Teixeira mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 (ara, iktar ’il quddiem, taħt Ċ).

A — Mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, jirriżulta dritt ta’ residenza għall-ġenitur li jieħu ħsieb it-tfal tiegħu?

34.

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha ( 23 ), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jirriżultax dritt ta’ residenza favur persuna li, fil-kwalità tagħha ta’ ġenitur, tieħu ħsieb tifla ta’ ħaddiem immigrant fl-Istat Membru ospitanti fejn dik it-tifla tkun qed issegwi l-istudji tagħha.

35.

M’huwiex ikkontestat li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jagħti dritt ta’ aċċess għat-tagħlim: it-tfal ta’ ħaddiem immigrant, li jkunu residenti fl-Istat Membru fejn dak il-ħaddiem jeżerċita jew kien jeżerċita l-attività professjonali tiegħu, għandhom dritt li jkunu “ammessi għall-korsijiet edukattivi ġenerali, ta’ apprendistat u professjonali”. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk dan id-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim jimplikax ukoll dritt tat-tifla u tal-ġenitur li jieħu ħsiebha li jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti hija kontroversa.

36.

L-eventwali dritt ta’ residenza tal-ġenitur bħala l-persuna li għandha l-kura tat-tifla huwa aċċessorju għad-dritt ta’ residenza tat-tifla; b’hekk, dan jippresupponi li t-tifla stess tgawdi minn dritt ta’ residenza. Din hija r-raġuni għalfejn iktar ’il quddiem ser jiġi eżaminat fl-ewwel lok id-dritt ta’ residenza tat-tifla sabiex issegwi l-istudji tagħha (iktar ’il quddiem taħt 1), u huwa biss sussegwentement li ser jiġi eżaminat id-dritt ta’ residenza tal-persuna li tieħu ħsiebha (iktar ’il quddiem taħt 2).

1. Id-dritt ta’ residenza tat-tifla għall-finijiet ta’ edukazzjoni

37.

Il-London Borough of Lambeth u l-Gvernijiet tad-Danimarka u tar-Renju Unit huma lkoll tal-fehma li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jagħti esklużivament dritt ta’ aċċess għat-tagħlim. Min-naħa l-oħra, huma tal-fehma li d-dritt ta’ residenza korrelattiv tat-tifla ma jirriżultax minn dik id-dispożizzjoni. Huma jfakkru li dan id-dritt kien inizjalment stabbilit fl-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament; wara li tħassret din l-aħħar dispożizzjoni, huwa b’applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 li għandha tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza ( 24 ).

38.

Huwa minnu li l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma jagħtix lit-tfal id-dritt li jistabbilixxu r-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. Kif jirriżulta mit-test tal-imsemmi Artikolu 12, it-tfal jistgħu biss jinvokaw id-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim “jekk ikunu qegħdin jgħixu fit-territorju [ta’ dak l-Istat Membru]”. Dawn b’hekk għandhom ikunu tfal li jkunu diġà stabbilixxew ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti bil-għan li jgħixu fid-dar ta’ ħaddiem immigrant ( 25 ). Id-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim stabbilit fl-imsemmi Artikolu 12 huwa effettivament konsegwenza tal-fatt li t-tifla tkun segwiet lil ommha jew lil missierha fil-kwalità tagħhom bħala ħaddiem immigrant fl-Istat Membru ospitanti ( 26 ).

39.

Min-naħa l-oħra, meta t-tifla tkun stabbilixxiet ir-residenza tagħha fl-Istat Membru ospitanti fil-kwalità tagħha ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem immigrant jew anki jekk — bħal fil-każ tat-tifla ta’ M. Teixeira — tkun twieldet hemmhekk, hija tikseb status awtonomu bis-saħħa tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Għaldaqstant, id-dritt tagħha ta’ aċċess għat-tagħlim ma jibqax jiddependi fuq il-fatt jekk missierha jew ommha jżommux il-kwalità ta’ ħaddiem immigrant fl-Istat Membru ospitanti ( 27 ). Anki jekk kien biss fil-passat li l-ġenitur tagħha “kien impjegat” bħala ħaddiem immigrant fl-Istat Membru ospitanti, it-tifla xorta għandha dritt ta’ aċċess għat-tagħlim.

40.

B’hekk, b’mod kuntrarju mill-opinjoni ta’ diversi partijiet u intervenjenti fil-kawża, l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim ma jistax b’mod partikolari jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni li t-tfal iżommu, matul il-perjodu sħiħ tal-istudji tagħhom, id-dritt ta’ residenza speċifiku tagħhom taħt l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 1612/68 ( 28 ), jiġifieri, għalhekk, li huma dejjem ikollhom dritt li jirrisjedu fid-dar ta’ ġenitur li jkollu l-kwalità ta’ ħaddiem immigrant ( 29 ). Inkella, id-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim mogħti mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 lit-tfal ta’ ex ħaddiem immigrant jitlef il-biċċa l-kbira mis-sustanza tiegħu. Il-ġenitur li “kien impjegat” fl-Istat Membru ospitanti jkun spiss effettivament telaq minn dan l-Istat wara li jkun intemm l-impjieg tiegħu u, konsegwentement, ma jkunx iktar possibbli li t-tfal jgħixu hemmhekk flimkien mal-ġenitur ( 30 ).

41.

Barra minn hekk, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma jagħmel ebda referenza għal dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ residenza, iżda jikkunsidra biss li t-tfal ta’ ħaddiem immigrant, li jkunu jixtiequ jsegwu studji fl-Istat Membru ospitanti, ikunu diġà “jgħixu” hemmhekk.

42.

Id-dritt, korrelattiv, tat-tfal ta’ ħaddiem immigrant li jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti biex jibqgħu jgħixu hemmhekk għall-finijiet ta’ studju jirriżulta direttament mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ( 31 ). Fil-fatt, fid-dawl tal-kuntest li tidħol fih din id-dispożizzjoni u tal-għan imfittex, din ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv u m’għandhiex tiġi miċħuda mill-effett utli tagħha ( 32 ).

43.

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jifforma parti minn għadd ta’ dispożizzjonijiet intiżi sabiex joħolqu kundizzjonijiet ottimali ta’ integrazzjoni tal-familja tal-ħaddiem immigrant fi ħdan il-pajjiż ospitanti ( 33 ). Kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tali integrazzjoni tkun tista’ timmaterjalizza, huwa indispensabbli li t-tfal tal-ħaddiem immigrant ikollhom il-possibbiltà li jattendu l-iskola u jkomplu l-istudji tagħhom fl-Istat Membru ospitanti, sabiex ikunu jistgħu jispiċċaw dawn l-istudji b’suċċess ( 34 ).

44.

Għal ħaddiem immigrant, ikun ferm inqas attraenti li jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu jekk ma jkollu ebda ċertezza li t-tfal tiegħu ser ikunu awtorizzati jsegwu studji kif ukoll li jispiċċawhom ( 35 ). Issa, jekk kull interruzzjoni jew waqfien fl-attività tal-ħaddiem immigrant fl-Istat Membru ospitanti tkun tinvolvi b’mod awtomatiku t-telf, għat-tfal tiegħu, tad-dritt tagħhom li jirrisjedu f’dak il-pajjiż, u konsegwentement ikollhom jabbandunaw l-istudji tagħhom, ikun hemm riskju ta’ riperkussjonijiet negattivi fuq il-karriera edukattiva u professjonali tagħhom. B’hekk, dawn it-tfal ikunu fir-riskju li jiġu mġiegħla jsegwu l-istudji tagħhom f’pajjiż ieħor, liema ħaġa tista’ toħloq diffikultajiet kunsiderevoli, meta wieħed iqis id-diversità bejn is-sistemi edukattivi nazzjonali u l-lingwi li fihom jiġu mgħallma l-korsijiet. Dawn it-tipi ta’ żvantaġġi jistgħu jiġu evitati biss jekk it-tfal tal-ħaddiem immigrant jitħallew — inkluż u b’mod speċjali permezz tal-leġiżlazzjoni dwar id-dritt ta’ residenza — isegwu l-istudji u t-taħriġ professjonali tagħhom fl-Istat Membru ospitanti sakemm jintemmu, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-ġenitur tagħhom ikunx jeżerċita attività professjonali hemmhekk bħala ħaddiem immigrant matul il-perjodu kollu tal-istudji tagħhom. Barra minn hekk, dan huwa l-aħjar mod kif tista’ tiġi żgurata l-integrazzjoni sħiħa u totali tat-tfal ta’ ħaddiema immigranti fi ħdan l-Istat Membru.

45.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, imur kontra l-kuntest u l-għanijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jekk id-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim ikun jiddependi fuq l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza distint tat-tfal taħt dispożizzjonijiet oħra ( 36 ). B’mod kuntrarju, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jagħti dritt awtonomu ta’ residenza lit-tfal li jkunu qed isegwu studji ( 37 ).

46.

Kuntrarjament għall-opinjoni ta’ ċerti partijiet u intervenjenti fil-kawża, id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38 ma kellu ebda effett fuq dan il-punt. Xejn ma jagħti f’jinftiehem li, meta adotta d-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-ħsieb li jemenda l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 hekk kif kien ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 38 ) u li jirrestrinġi minn hemm ’il quddiem il-kontenut regolatorju għal sempliċi dritt ta’ aċċess għat-tagħlim.

47.

Fil-fatt, id-Direttiva 2004/38 emendat biss ir-Regolament Nru 1612/68 inkwantu tħassar l-Artikoli 10 u 11 tiegħu. Iżda d-dritt tat-tfal ta’ ħaddiema immigranti li jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti sabiex isegwu studji mhuwa bbażat fuq ebda waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Kif għadu kif ġie spjegajt ( 39 ), dan id-dritt ta’ residenza jirriżulta, b’mod kuntrarju, direttament mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li l-kontenut regolatorju tiegħu ma ġiex mibdul mid-Direttiva 2004/38.

48.

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi oġġezzjonat li issa d-Direttiva 2004/38 tiġbor fiha d-drittijiet ta’ residenza kollha taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom u li, għaldaqstant, ebda dritt ta’ residenza awtonomu ma jista’ jiġi dderivat mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Huwa ċertament minnu li d-Direttiva 2004/38 ikkodifikat l-istrumenti Komunitarji eżistenti, li sa dak iż-żmien kienu jirregolaw is-sitwazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni ( 40 ). Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li din tapplika għal kull ċittadin tal-Unjoni u għall-membri tal-familja tiegħu ( 41 ). Iżda xorta jibqa’ l-fatt li d-direttiva ma tistabbilixxix regolamentazzjoni kompluta u eżawrjenti tad-drittijiet ta’ residenza kollha konċepibbli ta’ dawn iċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom.

49.

B’hekk, bħat-testi li ġew qabilha, id-Direttiva 2004/38 ma tirregolax, pereżempju, b’mod espress u komplut id-dritt ta’ residenza tal-ġenituri li ma jkunux jeżerċitaw attività professjonali huma stess, iżda li jkollhom il-kustodja ta’ ċittadini minorenni tal-Unjoni ( 42 ). Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/38 ma tinkludi ebda dispożizzjoni espressa dwar id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ma jkunux huma stess ċittadini tal-Unjoni, fl-Istat ta’ oriġini tal-imsemmi ċittadin fil-każ fejn dan imur lura f’dan l-Istat ( 43 ).

50.

Bl-istess mod, id-Direttiva 2004/38 ma tirregolax għalkollox il-kwistjonijiet dwar id-dritt ta’ residenza derivanti mill-istudji ta’ tfal ta’ ċittadini tal-Unjoni u li huma s-suġġett ta’ din il-kawża.

51.

It-tfal ta’ ċittadin tal-Unjoni li jsegwu studji jistgħu ċertament ikollhom dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti b’applikazzjoni tar-regoli ġenerali stabbiliti mid-direttiva ( 44 ). Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 2004/38 ma tipprovdi ebda dritt ta’ residenza speċifiku favur it-tfal li jkunu qed isegwu studji li huwa paragunabbli ma’ dak tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. B’mod partikolari, l-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva ma joħloqx dritt ta’ residenza awtonomu biex jiġu segwiti l-istudji; b’mod kuntrarju, dik id-dispożizzjoni tippresupponi l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza tat-tfal u tipprovdi sempliċement għaż-żamma ta’ dak id-dritt f’każ ta’ mewt jew tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni, sakemm it-tfal ikunu temmew l-istudji tagħhom ( 45 ).

52.

L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 u l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 ma jikkorrispondux perfettament. Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tagħhom, l-Artikolu 12(3) tad-direttiva huwa iktar wiesa’ mill-Artikolu 12 tar-regolament, inkwantu jinkludi wkoll lit-tfal ta’ ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività ekonomika. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tagħhom, l-Artikolu 12(3) tad-direttiva huwa kunsiderevolment iktar restrittiv mill-Artikolu 12 tar-regolament, peress li jistabbilixxi regoli biss fil-każ tal-mewt jew tat-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni.

53.

In-nuqqas, fid-Direttiva 2004/38, ta’ dritt ta’ residenza awtonomu u sħiħ sabiex jiġu segwiti studji juri b’mod ċar li, anki wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, għadu possibbli li drittijiet ta’ residenza jiġu bbażati fuq l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

54.

Dan jgħodd ukoll, min-naħa waħda, fir-rigward tat-tfal ta’ ħaddiema immigranti li jkunu qed isegwu studji, li jkunu diġà laħqu l-età ta’ 21 sena u li ma jkunux għadhom dipendenti fuq il-ġenituri tagħhom. Dawn it-tfal ma jistgħux ikomplu jinvokaw dritt ta’ residenza ġenerali abbażi tal-Artikolu 7(1)(d) tad-Direttiva 2004/38, peress li dawn ma jitqisux iktar bħala membri tal-familja tal-ħaddiem immigrant ( 46 ). Min-naħa l-oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma jinkludi fih ebda limitu ta’ età, u lanqas ma jiddependi fuq jekk il-persuna li tkun qed issegwi l-istudji tkunx persuna dipendenti ( 47 ).

55.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 żamm l-importanza kollha tiegħu fir-rigward tad-dritt ta’ residenza tat-tfal ta’ ex ħaddiema immigranti li jsegwu studji. Kif għadu kif ġie spjegat, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 jirregola dan ix-xenarju biss b’mod inkomplet, peress li r-regola li jistabbilixxi tapplika biss f’każ ta’ mewt jew ta’ tluq tal-ħaddiem immigrant, iżda ma tkoprix lit-tfal tal-ex ħaddiem immigrant li jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti wara li jkun temm kull attività professjonali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ikopri wkoll dan l-aħħar każ ( 48 ).

56.

M’hemmx lok li wieħed jaħseb li, meta adotta d-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jibqa’ lura meta mqabbel mal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 fir-rigward tad-dritt ta’ residenza tat-tfal li jsegwu studji u li jagħti drittijiet ta’ residenza speċifiċi biss lill-persuni msemmija fl-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tielet Premessa tagħha, id-Direttiva 2004/38 għandha l-għan li tissimplifika u ssaħħaħ id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Ikun inkompatibbli ma’ dan l-għan jekk iċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom inqas drittijiet taħt din id-direttiva milli taħt l-atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja li hija temenda jew tħassar ( 49 ).

57.

B’hekk l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għadu jikkostitwixxi, anki wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38, bażi ġuridika awtonoma, li tagħti dritt ta’ residenza lill-persuni li jirrisjedu, għall-finijiet ta’ edukazzjoni, fl-Istat Membru fejn missierhom jew ommhom huma jew kienu impjegati bħala ħaddiema immigranti.

2. Id-dritt ta’ residenza derivat tal-ġenitur bħala persuna li effettivament ikollha l-kustodja tat-tfal

58.

Meta t-tfal ikollhom dritt li jistudjaw fl-Istat Membru ospitanti bis-saħħa tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi wkoll lill-ġenitur li jkollu l-kustodja effettiva ta’ dawk it-tfal dritt ta’ residenza f’dak l-Istat Membru, ibbażat fuq dik l-istess dispożizzjoni ( 50 ).

59.

Dan id-dritt ta’ residenza derivat tal-persuna li jkollha d-dritt għall-kustodja huwa spiss neċessarju sabiex jiġi ggarantit id-dritt għat-tagħlim tat-tfal taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Fil-fatt, ikun hemm riskju li d-dritt tat-tfal ta’ ħaddiema immigranti li jkollhom aċċess għat-tagħlim jitlef is-sustanza kollha tiegħu jekk il-ġenituri tagħhom ma jkollhomx il-possibbiltà li jieħdu ħsiebhom personalment matul l-istudji tagħhom u li jgħixu magħhom għal dan il-għan fl-Istat Membru ospitanti ( 51 ). Min-naħa l-oħra, dritt ta’ residenza tal-ġenitur li jkollu l-kustodja effettiva tat-tfal jiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għat-tagħlim ( 52 ).

60.

Barra minn hekk, ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza derivat lill-ġenitur li jkollu l-kustodja effettiva jieħu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq id-dritt tat-tfal u tal-ġenituri tagħhom għar-rispett tal-ħajja familjari tagħhom ( 53 ), stabbilit fl-Artikolu 8(1) tal-KEDB ( 54 ) u li, sussegwentement, ġie adottat fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 55 ).

61.

Barra minn hekk, b’dan il-mod ikun iggarantit li t-tfal ta’ ħaddiema immigranti jkunu jistgħu jsegwu l-korsijiet fl-Istat Membru ospitanti “taħt l-aħjar kundizzjonijiet” (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68) u “taħt l-istess kondizzjonijiet bħal ċittadini ta’ dak l-Istat” (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament) ( 56 ). Waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, u mhux l-inqas waħda, hija li t-tfal u l-adolexxenti jkunu jistgħu jkomplu jikbru fl-ambjent tal-familja tagħhom, liema ħaġa normalment timplika li huma jgħixu mal-ġenituri tagħhom jew mal-ġenitur li jkollu l-kustodja effettiva tagħhom.

62.

Fl-aħħar nett, ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza derivat lill-ġenitur li jkollu d-dritt ta’ kustodja huwa wkoll kundizzjoni għal integrazzjoni ottimali tat-tfal ta’ ħaddiema immigranti fil-ħajja soċjali tal-Istat Membru ospitanti ( 57 ).

3. Konklużjoni interim

63.

Bħala sinteżi, jista’ jiġi kkonstatat li:

 

Meta t-tfal ta’ ċittadin tal-Unjoni jkunu qed isegwu studji fl-Istat Membru fejn dak iċ-ċittadin tal-Unjoni huwa jew kien impjegat bħala ħaddiem immigrant, il-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja ta’ dawk it-tfal jista’ jgawdi minn dritt ta’ residenza derivat fl-Istat Membru ospitanti taħt l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

B — Dan id-dritt ta’ residenza jeżisti biss jekk il-persuna li tinvokah ikollha riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni kontra l-mard kompluta?

64.

Permezz tal-ewwel domanda u tat-tieni parti tat-tieni domanda ( 58 ) tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt ta’ residenza ta’ persuna li, fl-Istat Membru ospitanti, tieħu ħsieb, fil-kwalità tagħha ta’ ġenitur, tat-tfal ta’ ħaddiem immigrant li jkunu qed isegwu studji, mingħajr ma tkun teżerċita attività professjonali hija stess, hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li dik il-persuna jkollha riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni kontra l-mard kompluta, jiġifieri li tkun “f’pożizzjoni li tipprovdi hija stess għall-bżonnijiet tagħha”  ( 59 ).

65.

B’mod kuntrarju għall-partijiet u għall-intervenjenti l-oħra fil-kawża, il-London Borough of Lambeth u l-Gvernijiet tad-Danimarka u tar-Renju Unit iqisu li huwa neċessarju li d-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jiġu limitati għall-persuni li huma f’pożizzjoni li jipprovdu huma stess għall-bżonnijiet tagħhom.

66.

Il-konsegwenza tkun li persuna fis-sitwazzjoni ta’ M. Teixeira ma tkunx tista’ tgawdi minn dritt li jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, peress li hija attwalment m’għandhiex riżorsi suffiċjenti u lanqas m’għandha assigurazzjoni kontra l-mard kompluta fir-Renju Unit.

67.

Madankollu, ebda kundizzjoni ta’ indipendenza ekonomika ta’ dan it-tip ma tirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv ( 60 ).

68.

Il-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 lanqas ma tissuġġetta d-drittijiet ta’ residenza tat-tfal u tal-ġenituri li jieħdu ħsiebhom għal xi kundizzjoni ta’ indipendenza ekonomika. Is-sentenza Echternach u Moritz kif ukoll is-sentenza Baumbast u R huma partikolarment rilevanti f’dan il-kuntest:

is-sentenza Echternach u Moritz m’għamlet ebda verifika tal-eżistenza ta’ riżorsi suffiċjenti. Il-possibbiltà li jiġi invokat l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma ġietx miċħuda liż-żewġ studenti kkonċernati, minkejja li huma kienu sostnew, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li minbarra d-dritt ta’ residenza kellhom ukoll dritt għal benefiċċji ta’ finanzjament għall-istudji intiżi sabiex ikopru, inter alia, l-ispejjeż tal-manteniment tagħhom u tal-persuni dipendenti fuqhom kif ukoll l-ispejjeż ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u li mill-inqas parzjalment kellhom in-natura ta’ għajnuna soċjali ( 61 ).

is-sentenza Baumbast u R semmiet il-fatt li Baumbast kellu riżorsi suffiċjenti biss fir-rigward tad-dritt ta’ residenza li kien intitolat għalih taħt l-Artikolu 18 KE, bħala ċittadin tal-Unjoni mingħajr attività ekonomika ( 62 ). Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ riżorsi suffiċjenti ma kellha ebda rwol fil-partijiet tas-sentenza li huma rilevanti għal din il-kawża, li jirrigwardaw id-drittijiet ta’ residenza tal-konjuġi u tal-bniet ta’ Baumbast abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ( 63 ).

69.

Mingħajr dubju, il-leġiżlatur ibbaża ruhu fuq il-prinċipju li bħala regola ġenerali, il-membri tal-familja ta’ ħaddiem immigrant, li jkunu jgħixu miegħu fl-Istat Membru ospitanti jkollhom riżorsi suffiċjenti minħabba l-fatt li jew huma stess ikunu jeżerċitaw attività professjonali fl-Istat Membru ospitanti (Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1612/68), jew inkella l-manteniment tagħhom ikun ipprovdut mill-ħaddiem immigrant li jkopri l-ispejjeż tagħhom bid-dħul tiegħu u jipprovdilhom post fejn jgħixu (Artikolu 10(1) u (3) tar-Regolament Nru 1612/68).

70.

Madankollu, fir-Regolament Nru 1612/68, il-leġiżlatur ma stabbiliex l-eżistenza ta’ riżorsi suffiċjenti bħala kundizzjoni sabiex wieħed ikun awtorizzat jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti. B’mod kuntrarju, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, il-ħaddiema immigranti għandhom dritt għall-istess benefiċċji soċjali bħall-ħaddiema nazzjonali ( 64 ); fil-kuntest tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, dan id-dritt huwa estiż għat-tfal tagħhom safejn ikunu qed isegwu studji fl-Istat Membru ospitanti ( 65 ).

71.

In-nuqqas, fir-Regolament Nru 1612/68, ta’ kundizzjoni ta’ indipendenza ekonomika jikkostitwixxi differenza essenzjali bejn dan ir-regolament u ċertu numru ta’ direttivi adottati sussegwentement, li ssuġġettaw id-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali għall-kundizzjoni espressa li jagħtu prova ta’ riżorsi suffiċjenti u ta’ assigurazzjoni kontra l-mard kompluta ( 66 ). Dan il-punt ġie ssollevat ġustament mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.

72.

Madankollu, il-London Borough of Lambeth u l-Gvernijiet tad-Danimarka u tar-Renju Unit huma tal-fehma li, illum il-ġurnata, anki l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għandu jiġi ssuġġettat għal kundizzjoni ta’ indipendenza ekonomika. Dawn jadottaw din il-pożizzjoni abbażi tad-Direttiva 2004/38, li daħlet fis-seħħ sadanittant, u li fid-dawl tagħha, skonthom, issa għandu jiġi interpretat u applikat l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

73.

Dan l-argument mhuwiex konvinċenti.

74.

Kif diġà ntqal ( 67 ), imur kontra l-għan tad-Direttiva 2004/38 jekk, minħabba fiha, jiġu imposti restrizzjonijiet fuq il-kontenut regolatorju tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Kif huwa magħruf, l-għan tad-Direttiva 2004/38 huwa li tissimplifika u ssaħħaħ id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni ( 68 ). Ikun inkompatibbli ma’ dan l-għan jekk iċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom inqas drittijiet abbażi ta’ din id-direttiva milli abbażi tal-atti ta’ leġiżlazzjoni sekondarja li hija temenda jew tħassar ( 69 ).

75.

Minbarra dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali, l-evalwazzjonijiet tal-leġiżlatur li jirriżultaw b’mod ċar fid-Direttiva 2004/38 jimmilitaw ukoll kontra restrizzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 biss għall-persuni li jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu huma stess għall-bżonnijiet tagħhom.

76.

Id-Direttiva 2004/38 b’ebda mod ma tissuġġetta d-drittijiet kollha ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal kundizzjoni ġenerali ta’ indipendenza ekonomika tal-persuni interessati. B’mod kuntrarju, id-direttiva żżomm id-distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ drittijiet ta’ residenza li kienet diġà ssir qabel ( 70 ): bħala prinċipju, id-drittijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni mingħajr attività professjonali u tal-membri tal-familja tagħhom jeħtieġu prova ta’ riżorsi suffiċjenti u ta’ assigurazzjoni kontra l-mard kompluta [id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) minn naħa, u l-Artikolu 7(1)(d) tad-Direttiva min-naħa l-oħra], filwaqt li d-drittijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw attività professjonali u tal-membri tal-familja tagħhom mhuma suġġetti għal ebda restrizzjoni ta’ dan it-tip [id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 7(1)(a) (d) tad-Direttiva].

77.

Id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 għandhom jiġu kklassifikati taħt din l-aħħar kategorija; dawn jistgħu jiġu invokati mill-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw jew li kienu jeżerċitaw attività professjonali bħala ħaddiem immigrant fl-Istat Membru ospitanti. Minħabba dan il-fatt — anki meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjonijiet li hija bbażata fuqhom id-Direttiva 2004/38 — ma jkunx xieraq li dawn id-drittijiet jiġu ssuġġettati għal kundizzjoni ta’ indipendenza ekonomika tal-persuni interessati.

78.

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 jikkonferma din il-konklużjoni. Dik id-dispożizzjoni tipprovdi li, f’każ ta’ mewt jew tluq ta’ ċittadin tal-Unjoni, id-dritt ta’ residenza tat-tfal tiegħu li jkunu qed isegwu studji kif ukoll id-dritt ta’ residenza tal-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja ta’ dawk it-tfal għandhom jinżammu sa meta t-tfal jispiċċaw l-istudji tagħhom. B’mod kuntrarju għal ċerti dispożizzjonijiet relatati dwar iż-żamma tad-dritt ta’ residenza ( 71 ), l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 ma jinkludix kundizzjoni ta’ indipendenza ekonomika tat-tfal u tal-ġenitur tagħhom: il-prova ta’ riżorsi suffiċjenti u ta’ assigurazzjoni kontra l-mard kompluta mhijiex stabbilita bħala kundizzjoni sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu fl-Istat Membru ospitanti.

79.

Huwa ċertament minnu li dan il-każ ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38, peress li ebda wieħed mill-ġenituri tat-tifla li qed issegwi studji, Patricia, ma miet jew telaq mir-Renju Unit. Madankollu, din id-dispożizzjoni turi l-importanza partikolari li d-Direttiva 2004/38 tagħti lis-sitwazzjoni tat-tfal li jsegwu studji u tal-ġenituri li jieħdu ħsiebhom, u t-trattament favorevoli li jibbenefikaw minnu, meta mqabbla ma’ membri oħra tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni.

80.

B’hekk, l-evalwazzjonijiet attwali tal-leġiżlatur li jirriżultaw mid-Direttiva 2004/38 ukoll jimmilitaw kontra l-fatt li d-drittijiet ta’ residenza li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 minn issa ’l quddiem għandhom ikunu suġġetti għall-kundizzjoni tal-indipendenza ekonomika tat-tfal li jkunu qed isegwu studji jew tal-ġenitur li jieħu ħsiebhom.

81.

Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, kif diġà tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata, tista’ mingħajr dubju jkollha l-konsegwenza li persuni bħal M. Teixeira u t-tifla tagħha, li mhumiex f’pożizzjoni li jipprovdu huma stess għall-bżonnijiet tagħhom, jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Madankollu, dan normalment m’għandux joħloq piż inaċċettabbli fuq il-finanzi pubbliċi u fuq is-sistemi ta’ għajnuna soċjali ta’ dak l-Istat. Effettivament, il-missier jew l-omm tat-tfal li jkunu qed isegwu studji kkontribwew fil-kuntest tal-attività tagħhom — fil-preżent jew fil-passat — bħala ħaddiem immigrant għal dawk il-finanzi pubbliċi u sistemi ta’ għajnuna soċjali bil-ħlas tat-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali. Bl-istess mod, meta jitqiesu bħala grupp, il-ħaddiema immigranti li jeżerċitaw attività professjonali fl-Istat Membru ospitanti jikkontribwixxu sew għal dak il-finanzjament.

82.

Barra minn hekk, ċerta solidarjetà finanzjarja tal-Istat Membru ospitanti maċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra s’issa kienet inerenti fl-istrumenti Komunitarji kollha li jirrigwardaw id-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza, inkluż f’dak li jirrigwarda l-persuni mingħajr attività professjonali ( 72 ). Fil-preżent, din l-idea hija espressa mill-ġdid fil-Premessi tad-Direttiva 2004/38. Anki għall-ewwel perjodu ta’ residenza ta’ persuna fl-Istat Membru ospitanti, mhuwiex kategorikament eskluż li hija tista’ tirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali; huwa sempliċement indikat li hija m’għandhiex issir piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali tal-Istat Membru ospitanti ( 73 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li meta ċittadin tal-Unjoni jew membru tal-familja tiegħu jirrikorru għas-sistema ta’ għajnuna soċjali, dan m’għandux iwassal awtomatikament għal miżura ta’ tkeċċija.

83.

Ċertament, il-prinċipju ta’ solidarjetà finanzjarja maċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ma jobbligax lill-Istat Membru ospitanti li jittollera abbużi. Fil-fatt, skont prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja ma tistax tasal sal-punt li tkopri prattiċi abbużivi ( 74 ). L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38 huwa wkoll espressjoni ta’ dan il-prinċipju ( 75 ). B’hekk, l-Istati Membri dejjem għandhom il-possibbiltà li jwaqqfu kull użu abbużiv tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Madankollu l-eżistenza ta’ abbuż għandha tiġi vverifikata b’mod oġġettiv billi ssir evalwazzjoni sħiħa taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, u ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li l-persuna interessata tinvoka drittijiet mogħtija mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ( 76 ).

84.

F’din il-kawża, ma jidher li hemm ebda indikazzjoni li M. Teixeira jew it-tifla tagħha jistgħu jinvokaw l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 b’mod abbużiv, jew jirrikorru b’mod eċċessiv għas-solidarjetà mill-Istat Membru ospitanti.

85.

Fil-mument meta ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal akkomodazzjoni soċjali, M. Teixeira kienet tgħix fir-Renju Unit mingħajr interruzzjoni ( 77 ) għal madwar 18-il sena. It-tifla tagħha Patricia, min-naħa tagħha, hija ċittadina tal-Unjoni li twieldet fl-Istat Membru ospitanti u — hemm lok li wieħed jissupponi — li segwiet l-edukazzjoni kollha tagħha hemmhekk. Suġġett għal konstatazzjonijiet ta’ fatt oħra min-naħa tal-qorti tar-rinviju, jista’ b’hekk jitqies li s-sitwazzjoni ta’ M. Teixeira u tat-tifla tagħha hija kkaratterizzata minn livell relattivament għoli ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ċerta solidarjetà finanzjarja mill-Istat Membru ospitanti fil-konfront tagħhom tidher li hija ġġustifikata.

86.

Għaldaqstant, bħala sinteżi, għandu jiġi kkonstatat li:

 

Id-dritt ta’ residenza, li jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, tal-ġenitur li jkollu l-kustodja effettiva tat-tfal ta’ ħaddiem immigrant li jkunu qed isegwu studji, mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li dak il-ġenitur ikollu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni kontra l-mard kompluta.

Ċ — Aspetti temporali

87.

Finalment, għandu jiġi eżaminat l-effett tal-aspetti temporali invokati mill-qorti tar-rinviju fuq id-dritt ta’ residenza ta’ persuna fis-sitwazzjoni ta’ M. Teixeira.

1. F’liema mument għandha l-persuna li tkun qed issegwi studji tkun it-tifla ta’ ħaddiem immigrant?

88.

Permezz tat-tielet parti tat-tieni domanda tagħha ( 78 ), il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf f’liema mument għandha l-persuna li tkun qed issegwi studji tkun it-tifla ta’ ħaddiem immigrant sabiex ikun jista’ japplika l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk dik id-dispożizzjoni tapplikax biss jekk il-ġenitur li jkollu l-kura tat-tifla li tkun qed issegwi studji kien jeżerċita attività professjonali huwa stess fl-Istat Membru ospitanti meta t-tifla bdiet l-istudji tagħha.

89.

Din id-domanda ssir fir-rigward tal-fatt li M. Teixeira ma kinitx teżerċita attività professjonali fir-Renju Unit meta t-tifla tagħha Patricia bdiet l-istudji tagħha, u kienet taħdem biss qabel mat-tifla tagħha daħlet l-iskola, kif ukoll, b’mod temporanju, matul il-ħajja skolastika tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tiddubita jekk Patricia — u għaldaqstant, finalment, anki ommha bħala l-persuna li tieħu ħsiebha — tistax illum tinvoka l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68.

90.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 mhuwiex limitat għall-każijiet fejn il-ġenitur ta’ tfal li jkunu qegħdin isegwu studji kellu l-istatus ta’ ħaddiem immigrant preċiżament fil-mument meta t-tfal ikunu bdew l-istudji tagħhom.

91.

Mill-formulazzjoni tagħha stess, din id-dispożizzjoni tapplika kemm għat-tfal li l-ġenitur tagħhom “ikun impjegat” fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll għal dawk li l-ġenitur tagħhom “kien impjegat” hemmhekk. B’hekk, it-tfal ta’ ex ħaddiema immigranti jistgħu jinvokaw l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 bl-istess mod bħat-tfal ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom l-istatus ta’ ħaddiema immigranti attivi. M’hemm ebda indikazzjoni fl-imsemmi Artikolu 12 li t-tfal ta’ ex ħaddiema immigranti għandhom biss dritt limitat ta’ aċċess għat-tagħlim fl-Istat Membru ospitanti.

92.

Kif diġà ntqal, l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv ( 79 ). Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex toħloq kundizzjonijiet ottimali ta’ integrazzjoni għall-familja tal-ħaddiem immigrant fi ħdan il-pajjiż ospitanti, u sabiex tipproteġihom kontra riperkussjonijiet negattivi fuq il-karriera edukattiva u professjonali tagħhom ( 80 ).

93.

Ma jkunx kompatibbli ma’ dan l-għan jekk id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jiġu ssuġġettati għal regola riġida fir-rigward tad-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni. B’mod kuntrarju, din id-dispożizzjoni tagħti lit-tfal — u, bħala konsegwenza, anki lil min ikollu l-kustodja bħala l-persuna li għandha l-kura tagħhom — dritt ta’ residenza sabiex isegwu studji ladarba jkunu stabbilixxew ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti meta ġenitur kien qiegħed jeżerċita drittijiet ta’ residenza bħala ħaddiem immigrant ( 81 ). Huwa irrilevanti jekk dak il-ġenitur kienx jeżerċita attività professjonali bħala ħaddiem immigrant fl-Istat Membru ospitanti preċiżament fil-mument meta t-tfal ikunu bdew l-istudji tagħhom. Il-Gvern tar-Renju Unit ikkonċeda dan il-punt fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

94.

Għalkemm M. Teixeira ma kinitx teżerċita attività professjonali fil-mument meta t-tifla tagħha bdiet l-iskola fir-Renju Unit, madankollu hija ħadmet hemmhekk b’mod intermittenti matul iż-żmien meta Patricia kienet l-iskola. Fin-nuqqas ta’ konstatazzjonijiet ta’ fatt oħra, nassumi li dawn ma kinux attivitajiet purament marġinali u aċċessorji, iżda attività reali u effettiva, f’relazzjoni ta’ impjieg, li għalihom M. Teixeira kienet tirċievi ħlas. B’hekk, M. Teixeira kellha, matul ċerti perjodi meta t-tifla tagħha kienet tmur l-iskola, l-istatus ta’ ħaddiem immigrant fir-Renju Unit ( 82 ).

95.

B’hekk, anki jekk wieħed jassumi li Patricia ma bdietx l-istudji tagħha fir-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, iżda biss fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali, l-attività professjonali eżerċitata sussegwentement minn M. Teixeira tikkostitwixxi fi kwalunkwe każ punt ta’ konnessjoni suffiċjenti għall-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

96.

F’kull każ, dan illum jippermetti lil Patricia sabiex issegwi u tispiċċa l-istudji tagħha fir-Renju Unit fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68. Konsegwentement, ommha, M. Teixeira, issa wkoll tista’ tinvoka dik id-dispożizzjoni fil-kwalità tagħha bħala l-persuna li għandha l-kura ta’ Patricia ( 83 ).

97.

B’hekk, bħala sinteżi, jista’ jitqies li:

 

Id-dritt ta’ residenza, li jirriżulta mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, tal-ġenitur li jkollu l-kustodja effettiva tat-tfal ta’ ħaddiem immigrant li jkunu qed isegwu studji mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li dak il-ġenitur kien jeżerċita attività professjonali bħala ħaddiem immigrant fl-Istat Membru ospitanti meta t-tfal ikunu bdew l-istudji tagħhom. Huwa biżżejjed li t-tfal ikunu stabbilixxew ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti meta ġenitur kien jeżerċita hemmhekk drittijiet ta’ residenza bħala ħaddiem immigrant.

2. X’inhuma l-konsegwenzi meta t-tfal isiru maġġorenni fuq id-dritt ta’ residenza li għandu l-ġenitur tagħhom fil-kwalità ta’ persuna li għandha l-kura tagħhom?

98.

Permezz tar-raba’ parti tat-tieni domanda tagħha ( 84 ), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li persuna tkun tibbenefika minnu fil-kwalità tagħha bħala ġenitur sabiex tkun tista’ tieħu ħsieb it-tifla ta’ ħaddiem immigrant li tkun qed issegwi studji, jintemmx awtomatikament malli dik it-tifla ssir maġġorenni.

99.

Din id-domanda hija motivata mill-fatt li Patricia, it-tifla ta’ M. Teixeira, diġà kellha 15-il sena meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni soċjali u llum il-ġurnata għandha 18-il sena, jiġifieri hija maġġorenni skont il-leġiżlazzjoni Britannika.

100.

Peress li nikkunsidra li d-dispożizzjoni applikabbli f’din il-kawża hija l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, li minnu jirriżultaw drittijiet ta’ residenza kemm favur M. Teixeira kif ukoll favur it-tifla tagħha, ser neżamina d-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet segwenti jistgħu jiġu trasposti għall-eventwali drittijiet ta’ residenza li ġenitur jista’ jkollu, fil-kwalità tiegħu bħala l-persuna li għandha l-kura tat-tifla, taħt id-Direttiva 2004/38, pereżempju taħt l-Artikolu 12(3) tagħha.

101.

Biex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li nibdew mill-kunsiderazzjoni li d-drittijiet tat-tfal u tal-persuna li tieħu ħsiebhom, li jirriżultaw mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68, mhux neċessarjament ikollhom l-istess perjodu ta’ validità.

102.

Meta t-tfal jilħqu l-età maġġorenni, dan m’għandux effett dirett fuq id-drittijiet oriġinali tagħhom ( 85 ). Fir-rigward tal-għan u tal-iskop tagħhom ( 86 ), kemm id-dritt ta’ aċċess għat-tagħlim stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 kif ukoll id-dritt ta’ residenza korrelattiv ikomplu jeżistu sakemm it-tfal ikunu spiċċaw l-istudji tagħhom. Illum il-ġurnata, fil-maġġoranza tal-każijiet, dik id-data tkun wara li t-tfal isiru maġġorenni, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 jinkludi wkoll l-istudji superjuri ( 87 ).

103.

Madankollu, il-pożizzjoni tista’ tkun differenti fir-rigward tad-dritt ta’ residenza derivat tal-ġenitur li jkollu l-kustodja effettiva tat-tfal. Huwa minnu li l-preżenza personali stabbli ta’ dan il-ġenitur tippermetti lit-tfal li jkomplu l-istudji tagħhom f’kundizzjonijiet ottimali ( 88 ). Iżda dan huwa biss il-każ safejn ikun neċessarju li ġenitur jieħu ħsieb it-tfal personalment sabiex id-dritt tagħhom ta’ aċċess għat-tagħlim ma jitlifx l-effettività tiegħu ( 89 ).

104.

B’mod kuntrarju għar-Renju Unit, fil-fehma tiegħi mhuwiex opportun li jiġi introdott limitu ta’ età riġidu, li jikkoinċidi mal-età meta t-tfal jilħqu l-età maġġorenni. Fil-fatt, l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 1612/68 u l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 juru biċ-ċar li l-leġiżlatur Komunitarju wkoll jirrikonoxxi li jista’ jkun neċessarju li t-tfal ikomplu jgħixu għal xi żmien mal-ġenituri jew ma’ ġenitur tagħhom anki wara li jkunu saru maġġorenni ( 90 ). Skont iċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, jista’ jkun ġustament neċessarju li l-ġenitur u t-tfal jgħixu taħt l-istess saqaf sabiex it-tfal ikunu jistgħu ikomplu u jispiċċaw l-istudji tagħhom.

105.

F’dan il-kuntest, jista’ jkun il-każ, min-naħa waħda, ta’ tfal li jsiru maġġorenni ftit żmien qabel eżami importanti, pereżempju l-bakkalawrjat taħt is-sistema Franċiża; bħala regola ġenerali, huma jkun għad għandhom bżonn li l-ġenituri jew ġenitur tagħhom jieħdu ħsiebhom personalment sakemm ikunu għaddew minn dak l-eżami. Min-naħa l-oħra, għandhom jissemmew it-tfal li jsofru minn diżabilità fiżika jew mentali li, biex ikunu jistgħu jsegwu l-istudji tagħhom, ikunu jeħtieġu attenzjoni u appoġġ partikolari fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum anki wara li jsiru maġġorenni.

106.

Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ dan it-tip ta’ ċirkustanzi partikolari, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju li, malli jilħqu l-età maġġorenni, it-tfal ta’ ħaddiem immigrant ma jibqgħux jeħtieġu li l-ġenituri tagħhom jieħdu ħsiebhom personalment. Dawn it-tfal ikunu saru adulti żgħażagħ. Huma ma jibqgħux suġġetti għad-dritt tal-kustodja tal-ġenituri tagħhom u, fil-prattika, l-iktar li jkollhom bżonn ikun appoġġ finanzjarju, iżda mhux, min-naħa l-oħra, il-preżenza regolari u personali ta’ ġenitur u li jgħixu fl-istess dar miegħu.

107.

Naturalment, dan m’għandux effett fuq id-dritt ta’ residenza permanenti li dak il-ġenitur jista’ jkun kiseb fl-Istat Membru ospitanti waqt li jkun qed jirrisjedi hemmhekk legalment sabiex jieħu ħsieb personalment lit-tfal tiegħu (Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38).

108.

Bħala sinteżi, għandu jiġi kkonstatat li:

 

Id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li persuna tkun tibbenefika minnu fil-kwalità tagħha ta’ ġenitur sabiex tkun tista’ tieħu ħsieb tifla ta’ ħaddiem immigrant li tkun qed issegwi studji, jintemm malli dik it-tifla tilħaq l-età maġġorenni, sakemm iċ-ċirkustanzi tal-każ ma jkunux jeħtieġu li l-persuna tieħu ħsieb it-tifla personalment lil hinn minn dik id-data, sabiex hija tkun tista’ tkompli u tispiċċa l-istudji tagħha.

3. Il-kwistjoni jekk it-tifla bdietx l-istudji tagħha qabel jew wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/38 hija rilevanti? (it-tielet domanda preliminari)

109.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi t-tielet domanda biss fil-każ fejn l-ewwel domanda tingħata risposta pożittiva, jiġifieri fl-ipoteżi fejn persuna fis-sitwazzjoni ta’ M. Teixeira tkun tista’ tgawdi minn dritt ta’ residenza biss b’applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38. Peress li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeduċi dritt ta’ residenza mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1612/68 u, konsegwentement, biex tagħti risposta negattiva għall-ewwel domanda ( 91 ), huwa biss fuq bażi sussidjarja li ser neżamina t-tielet domanda.

110.

Permezz ta’ din it-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk id-dritt ta’ residenza ta’ persuna li, sa minn Marzu 2007, ħadet ħsieb, fil-kwalità ta’ ġenitur, tifla ta’ ħaddiem immigrant li kienet qed issegwi studji, huwiex suġġett għar-restrizzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mid-Direttiva 2004/38, minkejja li din it-tifla bdiet l-istudji tagħha qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, jiġifieri qabel it-30 ta’ April 2006.

111.

Peress li M. Teixeira kellha l-kustodja effettiva ta’ bintha biss minn Marzu 2007, huwa l-iktar kmieni minn din id-data li hija tista’ tibbenefika minn dritt ta’ residenza bħala l-ġenitur ta’ tifla li kienet qed issegwi studji, irrispettivament mid-data minn meta dik it-tifla effettivament bdiet l-istudji tagħha. B’hekk, fir-rigward ta’ dan id-dritt ta’ residenza bħala l-persuna li għandha l-kura tat-tifla, M. Teixeira ma tistax tibbenefika minn xi protezzjoni tad-drittijiet miksuba sabiex taħrab mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati għat-traspożizzjoni tagħha. Lanqas m’hemm applikazzjoni retroattiva. B’mod kuntrarju, huwa l-prinċipju li jistabbilixxi li regola ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun inħolqot taħt regola qadima, li għandu japplika f’dan il-każ ( 92 ).

112.

Għaldaqstant, għandha tingħata risposta fin-negattiv għat-tielet domanda fl-ipoteżi li qed issir fiha.

113.

Tista’ titħalla miftuħa l-kwistjoni jekk il-pożizzjoni tkunx differenti fir-rigward tad-dritt għat-tagħlim u ta’ residenza oriġinali tat-tifla ta’ M. Teixeira, Patricia, peress li hija bdiet l-istudji tagħha ħafna qabel ma skada t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38. Effettivament, skont id-digriet tar-rinviju, il-kawża prinċipali tirrigwarda unikament il-possibbiltà ta’ eventwali dritt ta’ residenza ta’ M. Teixeira nfisha, bħala kundizzjoni neċessarja sabiex tkun tista’ tibbenefika minn akkomodazzjoni soċjali taħt id-dritt nazzjonali.

114.

F’kull każ, mis-soluzzjoni li qed nipproponi ( 93 ) jsegwi li d-Direttiva 2004/38 b’ebda mod ma tirrestrinġi d-dritt ta’ residenza ta’ M. Teixeira jew tat-tifla tagħha.

D — Osservazzjonijiet finali

115.

Bħala konklużjoni, ser nagħmel żewġ osservazzjonijiet qosra oħra dwar il-possibbiltà ta’ dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit ta’ M. Teixeira u dwar id-dritt tagħha għal trattament ugwali bħala ċittadina tal-Unjoni.

1. Fuq il-possibbiltà ta’ dritt ta’ residenza permanenti

116.

Skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu għexu legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti f’dak it-territorju.

117.

Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, M. Teixeira għexet fir-Renju Unit b’mod kontinwu sa mill-1989, jiġifieri, b’mod ċar, għal iktar minn ħames snin ( 94 ).

118.

Id-digriet tar-rinviju ma jagħti ebda indikazzjoni li r-residenza ta’ M. Teixeira bħala ħaddiem immigrant bejn l-1989 u l-1991 kienet irregolari, u lanqas li r-residenza tagħha saret irregolari sussegwentement. F’kull każ, is-sempliċi fatt li M. Teixeira ma eżerċitatx attività professjonali b’mod kontinwu fir-Renju Unit mhuwiex suffiċjenti sabiex ikun jista’ jitqies li hija għexet hemmhekk illegalment. B’mod kuntrarju, huwa possibbli li f’ċerti perijodi, hija bbenefikat, skont id-dritt Komunitarju, minn dritt ta’ residenza fir-Renju Unit bħala ċittadina tal-Unjoni mingħajr impjieg ( 95 ) jew — qabel id-divorzju tagħha — bħala l-konjuġi ta’ ħaddiem immigrant ( 96 ).

119.

Barra minn hekk, għandu jiġi vverifikat jekk, f’din il-kawża, id-dritt nazzjonali jawtorizzax, huwa wkoll, indipendentement mid-dritt Komunitarju, lil M. Teixeira sabiex tirrisjedi għal ċerti perjodi fir-Renju Unit. Fil-fatt, skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38, l-uniku element determinanti sabiex jinkiseb id-dritt ta’ residenza permanenti huwa li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun irrisjeda legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Ċertament, dan huwa primarjament il-każ taċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu għexu hemmhekk għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin “skond il-kondizzjonijiet stabbiliti [fl-imsemmija] Direttiva”  ( 97 ). Madankollu, l-Artikolu 37 tagħha jiddikjara b’mod espress li d-Direttiva 2004/38 m’għandhiex tolqot lil-liġijiet, regoli jew disposizzjonijiet amministrattivi stabbiliti minn Stat Membru li jistgħu jkunu iktar favorevoli.

120.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas mhuwa eskluż li M. Teixeira kisbet, sadanittant, dritt ta’ residenza permanenti fir-Renju Unit skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, liema ħaġa teżentaha fil-ġejjieni milli jkollha għalfejn iġġib prova ta’ riżorsi suffiċjenti u ta’ assigurazzjoni kontra l-mard kompluta ( 98 ). Għal din ir-raġuni huwa sorprendenti li M. Teixeira ammettiet, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, li mhijiex intitolata għal dritt ta’ residenza permanenti. F’kull każ, is-sempliċi fatt li M. Teixeira forsi ma kellhiex dokument li jipprova l-permanenza tar-residenza tagħha ma jaffettwax l-eżistenza tad-dritt ta’ residenza permanenti li jista’ jkollha; fil-fatt, dan it-tip ta’ dokument huwa biss ta’ natura dikjaratorja ( 99 ).

121.

Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju tindika espressament li d-dritt ta’ residenza permanenti m’għadux suġġett tal-kawża prinċipali, mhuwiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina din il-kwistjoni f’iktar dettall ( 100 ). Min-naħa l-oħra, dan ma jeżentax lill-awtoritajiet nazzjonali mill-obbligu li jeżaminaw għal darba oħra, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ M. Teixeira, jekk il-kundizzjonijiet ta’ dritt ta’ residenza permanenti kinux sodisfatti jew, għall-inqas, jekk humiex sodisfatti fil-preżent.

2. Fuq id-dritt ta’ trattament ugwali

122.

Jekk M. Teixeira hija residenti legalment fir-Renju Unit — irrispettivament minn jekk id-dritt ta’ residenza tagħha jirriżultax mid- dritt Komunitarju jew mid-dritt nazzjonali biss —, hija għandha, bħala ċittadina tal-Unjoni, dritt ta’ trattament ugwali taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 KE flimkien mal-Artikolu 12 KE ( 101 ). Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Trojani, iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jibbażaw ruħhom fuq dan id-dritt sabiex jitolbu, għal perijodu limitat, benefiċċji ta’ għajnuna soċjali fl-Istat Membru ospitanti ( 102 ). Dan il-punt ġie rrilevat ġustament mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

VI — Konklużjoni

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ippreżentati iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi skont kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal:

“1)

Meta t-tfal ta’ ċittadin tal-Unjoni jkunu qegħdin isegwu studji fl-Istat Membru fejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni huwa jew kien impjegat bħala ħaddiem immigrant, il-ġenitur li effettivament ikollu l-kustodja ta’ dawk it-tfal jista’ jgawdi fl-Istat Membru ospitanti minn dritt ta’ residenza derivat mill-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68;

2)

id-dritt ta’ residenza ta’ dan il-ġenitur mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li jkollu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni kontra l-mard kompluta;

3)

id-dritt ta’ residenza ta’ dan il-ġenitur mhuwiex suġġett għall-kundizzjoni li kien jeżerċita attività professjonali bħala ħaddiem immigrant fl-Istat Membru ospitanti meta t-tfal ikunu bdew l-istudji tagħhom. Huwa biżżejjed li t-tfal ikunu stabbilixxew ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti waqt li ġenitur ikun qed jeżerċita drittijiet ta’ residenza hemmhekk bħala ħaddiem immigrant;

4)

id-dritt ta’ residenza ta’ dan il-ġenitur jintemm meta t-tfal jilħqu l-età maġġorenni, sakemm iċ-ċirkustanzi tal-każ ma jkunux jeħtieġu li dan il-ġenitur jieħu ħsieb it-tfal personalment lil hinn minn din id-data sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu u jispiċċaw l-istudji tagħhom.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u ta’ Wales (Sezzjoni Ċivili), iktar ’il quddiem il-“Court of Appeal”.

( 3 ) Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2, u — rettifika — ĠU L 295, p. 12).

( 4 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002 (C-413/99, Ġabra p. I-7091).

( 5 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 229, p. 35, u — rettifikaĠU 2005, L 197, p. 34).

( 6 ) Fir-rigward ta’ dik il-kawża, ara l-konklużjonijiet ippreżentati llum mill-Avukat Ġenerali Mazák.

( 7 ) Ara l-Artikolu 38(1) tad-Direttiva 2004/38, li jistabbilixxi li l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1612/68 huma mħassra b’effett mit-30 ta’ April 2006.

( 8 ) Housing Act 1996 (Kapitolu 52).

( 9 ) Din id-dispożizzjoni tinsab fis-seba’ parti tal-liġi dwar l-akkomodazzjoni, taħt it-titolu “homelessness” (stat ta’ persuna bla dar).

( 10 ) Allocation of Housing and Homelessness (Eligibility) (England) Regulations 2006 (S.I. 2006, Nru 1294) [Regolament tal-2006 dwar l-allokazzjoni ta’ djar u l-persuni li m’għandhomx dar (Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà) (L-Ingilterra)].

( 11 ) Iċ-ċittadini barranin suġġetti għall-kontroll tal-immigrazzjoni bħala prinċipju ma jistgħux jitolbu akkomodazzjoni soċjali (Artikolu 185(2) tal-liġi dwar l-akkomodazzjoni soċjali), sakemm ma jkunux jappartjenu għal waħda mill-kategoriji ta’ persuni ddefiniti fir-regola 5 tar-Regolament dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Eliġibbiltà.

( 12 ) Id-digriet tar-rinviju jsemmi wkoll liċ-ċittadini tal-Commonwealth li għandhom id-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit.

( 13 ) Regola 6(1)(b) tar-Regolament dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Eliġibbiltà.

( 14 ) Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 (S.I. 2006, Nru 1003).

( 15 ) Id-digriet tar-rinviju ma jippreċiżax jekk ir-raġel ta’ M. Teixeira kienx jaħdem fir-Renju Unit dak iż-żmien.

( 16 ) Ċentru ta’ taħriġ Vauxhall.

( 17 ) Komun ta’ Lambeth. Dan il-Komun huwa l-awtorità lokali kompetenti fil-qasam tal-akkomodazzjoni.

( 18 ) Qorti tad-distrett ta’ Lambeth f’Londra.

( 19 ) Il-County Court ċaħdet ir-rikors ta’ M. Teixeira b’sentenza tas-16 ta’ Novembru 2007.

( 20 ) M. Teixeira tinvoka f’dan il-kuntest is-sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).

( 21 ) Is-seduta saret fit-2 ta’ Settembru 2009 wara dik fil-kawża Ibrahim (C-310/08).

( 22 ) Madankollu, il-Gvern Portugiż jibbaża ruhu fuq il-prinċipju li M.Teixeira għandha dritt ta’ residenza permanenti taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, u jibbaża l-argument tiegħu fuq din it-teżi.

( 23 ) It-tieni domanda, punt (a).

( 24 ) Din hija wkoll il-pożizzjoni tal-Irlanda fil-kawża Ibrahim (C-310/08).

( 25 ) Qabel, dan l-istabbiliment ta’ residenza seta’ b’mod partikolari jkun ibbażat fuq l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 1612/68. Dan ġie ssostitwit bid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 7(1)(d) u (a), u l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38.

( 26 ) Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1988, Brown (197/86, Ġabra p. 3205, punt 30), u tal-4 ta’ Mejju 1995, Gaal (C-7/94, Ġabra p. I-1031, punt 27).

( 27 ) Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz (389/87 u 390/87, Ġabra p. 723, punt 23), u Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 63 u 69).

( 28 ) Sadanittant, l-imsemmi Artikolu ġie ssostitwit bid-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 7(1)(d) u l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38.

( 29 ) Sentenza Gaal (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 20 sa 23); ara wkoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Laurin Effing (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, C-302/02, Ġabra p. I-553, punt 58).

( 30 ) Ara, pereżempju, il-fatti li wasslu għas-sentenza Echternach u Moritz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, f’dak li jirrigwarda l-kawża Moritz).

( 31 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 63); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża msemmija (punti 84 u 85), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Laurin Effing (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 55).

( 32 ) Sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 74); fl-istess sens, ara s-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, Eind (C-291/05, Ġabra p. I-10719, punt 43).

( 33 ) Il-ħames Premessa tar-Regolament Nru 1612/68; f’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1974, Casagrande (9/74, Ġabra p. 773, punt 3); Echternach u Moritz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 20 u 21); tat-13 ta’ Novembru 1990, di Leo (C-308/89, Ġabra p. I-4185, punt 13), u Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 50). Fl-istess sens, ara l-Premessa 5 tad-Direttiva 2004/38.

( 34 ) Sentenzi Echternach u Moritz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 21) u Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 51).

( 35 ) Sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 52 u 53); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża msemmija (punt 90).

( 36 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza Gaal (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 21 sa 23 u 25).

( 37 ) F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari s-sentenzi Echternach u Moritz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27), Gaal (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26) u Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).

( 38 ) Ara, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37.

( 39 ) Punti 38 sa 45 iktar ’il fuq.

( 40 ) It-tielet u r-raba’ Premessi tad-Direttiva 2004/38.

( 41 ) L-Artikolu 3(1), flimkien mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38.

( 42 ) Dwar dan il-punt, ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C-200/02, Ġabra p. I-9925).

( 43 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C-370/90, Ġabra p. I-4265), u Eind (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32).

( 44 ) It-tfal ta’ ċittadin tal-Unjoni jistgħu jinvokaw fl-ewwel lok dritt ta’ residenza fil-kwalità tagħhom bħala membri tal-familja, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7(1)(d), flimkien mal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38. Dawn it-tfal jistgħu barra minn hekk jiksbu dritt ta’ residenza permanenti taħt l-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva.

( 45 ) Din id-dispożizzjoni kienet intiża li tikkodifika parti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; ara, min-naħa waħda, il-proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, ippreżentata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Mejju 2001 [COM(2001) 257 finali, ĠU C 270E, p. 150], u, min-naħa l-oħra, il-proposta emendata ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, ippreżentata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ April 2003 [COM(2003) 199 finali].

( 46 ) Ara l-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38.

( 47 ) Sentenza Gaal (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 20 sa 23 u 25).

( 48 ) Sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 63 u 75).

( 49 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C-127/08, Ġabra p. I-6241, punt 59).

( 50 ) Sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 75).

( 51 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 71); b’mod simili — għalkemm dwar id-dritt ta’ residenza taħt l-Artikolu 18(1) KE — ara s-sentenza Zhu u Chen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 45).

( 52 ) Sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 75).

( 53 ) Sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 68 u 72); b’mod simili — għalkemm f’kuntest kemmxejn differenti — ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, Ġabra p. I-6279, punti 38, 41 u 42); tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX (C-459/99, Ġabra p. I-6591, punti 53 u 61); Eind (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 44) u Metock et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punti 56 u 62).

( 54 ) Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950). Għalkemm din il-konvenzjoni ma tiggarantixxi ebda dritt bħala tali għal barrani biex jidħol jew jirrisjedi fit-territorju ta’ pajjiż partikolari, l-esklużjoni ta’ persuna minn pajjiż fejn jgħixu l-qraba tiegħu tista’ tikkostitwixxi interferenza mad-dritt ta’ rispett għall-ħajja fil-familja kif protett mill-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni; f’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Moustaquim vs Il-Belġju tat-18 ta’ Frar 1991 (Serje A Nru 193, § 36), Boultif vs L-Iżvizzera tat-2 ta’ Awwissu 2001 (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2001-IX, § 39) u Radovanovic vs L-Awstrija tat-22 ta’ April 2004 (rikors 42703/98, § 30). Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej irrikonoxxiet f’dak li jirrigwarda l-Unjoni Ewropea, li d-dritt li wieħed igħix mal-qraba tiegħu joħloq obbligi fuq l-Istati Membri; dawn l-obbligi jistgħu jkunu negattivi, meta Stat Membru jkun marbut li ma jkeċċix persuna, jew pożittivi, meta jkun obbligat li jħalli lil persuna tidħol jew tirrisjedi fit-territorju tiegħu (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, imsejħa “Riunjoni tal-familja”, C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 52).

( 55 ) Il-karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġiet ipproklamata solennement għall-ewwel darba fis-7 ta’ Diċembru f’Nizza (ĠU 2000, C 364, p. 1), u sussegwentement, għat-tieni darba, fit-12 ta’ Diċembru 2007 fi Strasburgu (ĠU 2007, C 303, p. 1). Għalkemm din ma tipproduċix effetti vinkolanati paragunabbli mad-dritt primarju, din xorta tipprovdi, bħala sors ta’ referenza ġuridika, indikazzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali ggarantiti mis-sistema ġuridika Komunitarja; ara s-sentenza Riunjoni tal-familja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, punt 38), u l-konklużjonijiet tiegħi f’dik l-istess kawża (punt 108), kif ukoll is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37). Il-Premessa 31 tad-Direttiva 2004/38 tirreferi għall-karta tad-drittijiet fundamentali.

( 56 ) Sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 68 u 73); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fl-imsemmija kawża (punti 91 u 92).

( 57 ) Sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 68 flimkien mal-punti 50 sa 52).

( 58 ) Id-domanda 2(b).

( 59 ) “Self-sufficient” bl-Ingliż.

( 60 ) Sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 74).

( 61 ) Sentenza Echternach u Moritz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 2, 32 u 35, kif ukoll it-Taqsima I.1. tal-verbal); fl-istess sens, ara s-sentenzi di Leo (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 9) u Gaal (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 19 u 25).

( 62 ) Sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 19 u 87 sa 94); fl-istess sens, ara s-sentenza Zhu u Chen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punti 13 u 27 sa 33).

( 63 ) Ara s-sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 47 sa 53 u 68 sa 75).

( 64 ) Dawn il-benefiċċji soċjali jinkludu wkoll, pereżempju, allowances tal-anzjani għall-axxendenti tagħhom; f’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Castelli (261/83, Ġabra p. 3199, punt 12); tas-6 ta’ Ġunju 1985, Frascogna (157/84, Ġabra p. 1739, punti 21 sa 25), u tad-9 ta’ Lulju 1987, Frascogna (256/86, Ġabra p. 3431, punti 6 sa 9).

( 65 ) Ara s-sentenzi Echternach u Moritz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 34), di Leo (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punti 14 u 15) u Gaal (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 30).

( 66 ) Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU L 180, p. 26), l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/365/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza għall-impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività tax-xogħol tagħhom (ĠU L 180, p. 28), kif ukoll l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1993 dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti (ĠU L 317, p. 59).

( 67 ) F’dan ir-rigward, ara l-punt 56 iktar ’il fuq.

( 68 ) Il-Premessa 3 tad-Direttiva 2004/38.

( 69 ) Sentenza Metock et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 59).

( 70 ) F’dan ir-rigward, ara l-punt 71 iktar ’il fuq.

( 71 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2004/38. L-istess japplika fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) meta jiġu applikati flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) jew (ċ) tad-Direttiva 2004/38.

( 72 ) Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 44); ara wkoll is-sentenzi Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 91 sa 93) u tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C-456/02, Ġabra p. I-7573, punti 34 u 45).

( 73 ) Il-Premessa 10 tad-Direttiva 2004/38.

( 74 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C-212/97, Ġabra p. I-1459, punt 24 flimkien ma’ referenzi oħra); ara, barra minn hekk, is-sentenzi Singh (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 24); tal-21 ta’ Ġunju 1988, Lair (39/86, Ġabra p. 3161, punt 43), u tas-6 ta’ Novembru 2003, Ninni-Orasche (C-413/01, Ġabra p. I-13187, punt 36).

( 75 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza Metock et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49, punt 75).

( 76 ) F’dan is-sens, ara s-sentenzi Lair (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 74, punt 43) u tat-23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C-109/01, Ġabra p. I-9607, punt 55); bl-istess mod — fil-qasam fiskali — ara s-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-478/98, Ġabra p. I-7587, punt 45), u tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, Ġabra p. I-7995, punti 36 u 37).

( 77 ) Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li darba M. Teixeira kienet interrompiet ir-residenza tagħha għal bosta xhur; madankollu, id-digriet tar-rinviju ma jipprovdi ebda indikazzjoni ta’ dan. F’kull każ, interruzzjoni daqstant minuri ma tistax tpoġġi indiskussjoni l-integrazzjoni fit-tul ta’ M. Teixeira fis-soċjetà Britannika; f’dan ir-rigward, ara l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur, li tinsab fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2004/38.

( 78 ) Id-domanda 2(ċ).

( 79 ) Sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 74).

( 80 ) Ara l-punti 43 u 44 iktar ’il fuq.

( 81 ) Sentenza Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 63); bl-istess mod, ara wkoll is-sentenza Brown (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 30).

( 82 ) Dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem”, ara l-ġurisprudenza kostanti, b’mod partikolari s-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins (C-138/02, Ġabra p. I-2703, punt 26); Trojani (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 72, punt 15); tat-18 ta’ Lulju 2007, Geven (C-213/05, Ġabra p. I-6347, punt 16), u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatanze (C-22/08 u C-23/08, Ġabra p. I-4585, punt 26).

( 83 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 58 sa 62 iktar ’il fuq.

( 84 ) Id-domanda 2(d).

( 85 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza Gaal (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 25); ara wkoll is-sentenza Echternach u Moritz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27; mill-verbal tal-imsemmija kawża jirriżulta li ż-żewġ studenti kkonċernati diġà kellhom iktar minn 18-il sena).

( 86 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 43 u 44 iktar ’il fuq.

( 87 ) Sentenza Gaal (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 24); il-kawża di Leo wkoll kienet tirrigwarda studji universitarji (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 4).

( 88 ) Ara l-punt 61 iktar ’il fuq.

( 89 ) Ara l-punt 59 iktar ’il fuq; bl-istess mod, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Baumbast u R (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 94, l-aħħar sentenza).

( 90 ) Huwa minnu li din il-kawża ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 1612/68 jew tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 peress li mhuwiex id-dritt ta’ residenza tat-tfal li joqogħdu mal-ġenitur tagħhom li jinsab indiskussjoni, iżda d-dritt ta’ residenza derivat tal-ġenitur li joqgħod mat-tfal tiegħu. Iżda xorta jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjonijiet li jinsabu f’dawk id-dispożizzjonijiet ma jippermettux li jiġi konkluż li kemm fl-1968 kif ukoll fl-2004, il-leġiżlatur Komunitarju ma kellu l-intenzjoni li jiffissa limitu ta’ età riġidu għall-finijiet tad-dritt ta’ residenza li jikkoinċidi neċessarjament ma’ meta t-tfal jilħqu l-età maġġorenni.

( 91 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 34 sa 63 u 64 sa 86 iktar ’il fuq.

( 92 ) Sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1973, SOPAD (143/73, Ġabra p. 1433, punt 8); tad-29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C-162/00, Ġabra p. I-1049, punt 50), u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C-334/07 P, Ġabra p. I-9465, punt 43).

( 93 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 63 sa 86 iktar ’il fuq.

( 94 ) Anki l-unika interruzzjoni fir-residenza ta’ M. Teixeira għal perjodu ta’ ftit xhur, li l-Gvern tar-Renju Unit invoka fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jekk nassumu li hija stabbilita, xorta tkun irrilevanti, skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2004/38.

( 95 ) L-Artikolu 1 tad-Direttiva 90/364 u l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38.

( 96 ) L-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 1612/68 u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(d) u (a) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38.

( 97 ) Il-Premessa 17 tad-Direttiva 2004/38.

( 98 ) It-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2004/38 tipprovdi li d-dritt ta’ residenza permanenti mhuwiex suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dik id-direttiva. L-Artikolu 16(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi wkoll li, ladarba jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti jintilef biss b’assenzi ta’ iktar minn sentejn konsekuttivi mill-Istat Membru ospitanti.

( 99 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg (C-123/08, Ġabra p. I-9621, punti 49 sa 51, b’mod partikolari l-punt 51); ara wkoll l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/38.

( 100 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1988, Alsatel (247/86, Ġabra p. 5987, punti 7 u 8).

( 101 ) Jekk M. Teixeira għandha dritt ta’ residenza taħt id-dritt Komunitarju, hija tista’ tinvoka wkoll l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38 insostenn tad-dritt tagħha għal trattament ugwali.

( 102 ) Sentenza Trojani (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 72, punti 39 sa 45).