KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-29 ta’ Ottubru 2009 ( 1 )

Kawża C-456/08

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Irlanda

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 93/37/KEE — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Notifika lill-kandidati u lill-offerenti tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-kuntratt — Direttiva 89/665/KEE — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Data minn meta jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors”

I — Introduzzjoni

1.

Din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha rigward ir-rimedji legali mogħtija fis-settur tal-kuntratti pubbliċi lill-offerent mhux magħżul.

2.

Min-naħa l-waħda, il-Kummissjoni tikkritika lill-Irlanda li f’każ speċifiku, li jikkonċerna l-għoti ta’ kuntratt ta’ proġett ta’ bini ta’ triq, awtorità Irlandiża ma informatx lill-konsorzju mhux magħżul dwar id-deċiżjoni finali tal-għoti tal-kuntratt.

3.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-Irlanda ma humiex jaqblu dwar il-kwistjoni jekk it-termini pprovduti mid-dritt proċedurali Irlandiż humiex ifformulati b’mod suffiċjentement ċar, definit u prevedibbli biex id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu rriveduti effettivament.

4.

Rigward din l-aħħar problema, il-każ inkwistjoni għandu elementi komuni mal-kawża Uniplex (UK) (C-406/08), li fir-rigward tagħha llum ukoll ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

5.

Il-kuntest ġuridiku Komunitarju rilevanti huwa ddefinit mid-Direttivi 93/37/KEE ( 2 ) u 89/665/KEE ( 3 ).

6.

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37, kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE ( 4 ), jipprovdi dan li ġej:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jinfurmaw minnufih lill-kandidati u lil dawk li għamlu offerta [offerenti] bid-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għoti ta’ kuntratti, inklużi r-raġunijiet li għalihom ikunu ddeċidew li ma jagħtux kuntratt li għalih ikun hemm sejħa għall-offerti jew li jibdew mill-ġdid il-proċedura u, għandhom jagħmlu dan bil-miktub, jekk mitlub. Għandhom ukoll jinfurmaw lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej b’deċiżjonijiet bħal dawn.”

7.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 ( 5 ), kif emendata bid-Direttiva 92/50/KEE ( 6 ), jipprovdi dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt li jaqgħu taħt l-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE, 77/62/KEE u 92/50/KEE […], deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu rriveduti effettivament u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku [tal-kuntratti pubbliċi] jew ir-regoli tan-nazzjon li jimplimentaw dik il-liġi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn intrapriżi li jallegaw ħsara fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt bħala riżultat tad-distinzjoni magħmula b’din id-Direttiva bejn regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi tal-Komunità u regoli nazzjonali oħrajn.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ l-anqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess li takkwista kuntratt partikolari ta’ provvista pubblika jew xogħlijiet publiċi [kuntratt partikolari pubbliku għal provvisti jew għal xogħlijiet] u li tkun sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li persuna li tfittex reviżjoni għandha tkun qabel innotifikat lill-awtorità kuntrattwali [kontraenti] bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni. ( 7 )”

B — Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8.

Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali huma rilevanti, għall-finijiet ta’ din il-kawża, min-naħa l-waħda, il-“European Communities (Award of Public Authorities’ Contracts) Regulations 2006” ( 8 ) Irlandiżi (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti APAC”) u mill-oħra, ir-“Rules of the Superior Courts”  ( 9 ) Irlandiżi (iktar ’il quddiem l-“RSC”).

9.

L-Artikolu 49 tar-Regolamenti APAC, f’dik il-parti li hija rilevanti għal din il-kawża, jipprovdi dan li ġej:

“1.   Wara li tkun ħadet deċiżjoni rigward il-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku jew ta’ ftehim qafas jew dwar l-ammissjoni f’sistema dinamika ta’ akkwisti, l-awtorità kontraenti għandha tinforma malajr kemm jista’ jkun lill-kandidati u lill-offerenti, billi tuża l-mezz ta’ komunikazzjoni l-iktar rapidu (posta elettronika jew faks), bid-deċiżjoni stess […].

[…]

5.   Awtorità kontraenti tista’ tikkonkludi l-kuntratt pubbliku mal-offerent magħżul biss wara li jkunu ddekorrew mill-inqas 14-il jum minn meta l-offerenti ġew informati bid-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt, skont l-Artikolu 49(1).

[…]”

10.

L-Artikolu 84a(4) tal-RSC ( 10 ) jipprovdi kif ġej:

“Il-proċeduri ta’ reviżjoni kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt jew kontra l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għandhom jitressqu malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, fi żmien tliet xhur minn meta r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati l-istess proċeduri saru pubbliċi, ħlief fejn il-qorti tikkunsidra li huwa ġġustifikat li l-imsemmi terminu jiġi estiż.”

III — Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

11.

L-Irish National Roads Authority (iktar ’il quddiem l-“NRA”) hija entità responsabbli għall-bini u għall-manutenzjoni tat-toroq fl-Irlanda.

12.

Fl-10 ta’ Lulju 2001, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, l-NRA ppubblikat sejħa għal espressjoni ta’ interess għall-proġettazzjoni, il-bini, il-finanzjament u l-ġestjoni ta’ bypass bl-isem Dundalk Western Bypass Motorway. Il-kuntrattur kellu jistabbilixxi relazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata mal-NRA ( 11 ) u jiġġestixxi l-imsemmija triq għal perijodu ta’ madwar 30 sena.

13.

F’Diċembru 2001, l-NRA stiednet lil erba’ partijiet interessati għal negozjati. F’April 2003 l-NRA għażlet tnejn minn fosthom sabiex twettaq magħhom negozjati iktar approfonditi: dawn kienu ż-żewġ konsorzji EuroLink u Celtic Roads Group. Fit-8 ta’ Awwissu 2003, l-NRA talbet liż-żewġ konsorzji biex jagħmlu l-offerti finali rispettivi tagħhom (“best and final offer”).

14.

B’ittra li ġġib id-data tal-14 ta’ Ottubru 2003, l-NRA informat lil EuroLink bid-deċiżjoni tagħha li tagħżel lil Celtic Roads Group bħala l-offerent ippreferut minnha. Madankollu, fl-istess ħin l-NRA għamlitha ċara li l-offerta ta’ EuroLink ma ġietx irrifjutata. Fil-fatt, jekk in-negozjati suċċessivi ma’ Celtic Roads Group ma kinux se jwasslu biex jiġi konkluż kuntratt, l-NRA kienet qed tirriżerva d-dritt li tistieden għan-negozjati lil EuroLink minflok lil Celtic Roads Group.

15.

Fid-9 ta’ Diċembru 2003, l-NRA ddeċidiet li tagħti l-kuntratt lil Celtic Roads Group u fil-5 ta’ Frar 2004 ikkonkludiet il-kuntratt ma’ din tal-aħħar. Mid-9 ta’ Frar 2004, fis-sit Internet tal-NRA dehret komunikazzjoni dwar dawn iċ-ċirkustanzi u fit-3 ta’ April 2004 ġie anki ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

16.

Fit-8 ta’ April 2004, SIAC Construction Limited (iktar ’il quddiem “SIAC”), impriża li tagħmel parti mill-konsorzju EuroLink, l-offerent mhux magħżul, ippreżentat rikors għad-danni quddiem il-High Court of Ireland, ibbażat fuq sensiela ta’ allegati żbalji li saru fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt.

17.

Bis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2004 ( 12 ), il-High Court iddikjarat li r-rikors ma kienx ammissibbli għaliex tressaq tard. Filwaqt li ma qablitx mal-argument ta’ SIAC, il-qorti Irlandiża kkunsidrat li din tal-aħħar kellha tkun taf il-motivi li fuqhom huwa bbażat ir-rikors mhux iktar tard mill-14 ta’ Ottubru 2003, id-data meta EuroLink ġie informat mill-NRA rigward l-identità tal-offerent ippreferut minnha. Skont l-Artikolu 84a(4) tal-RSC, SIAC kellha tressaq ir-rikors mhux iktar tard minn tliet xhur wara dik id-data.

18.

Għalhekk, SIAC daret fuq il-Kummissjoni u ressqet ilment quddiemha. Fl-ilment, l-imsemmija impriża sostniet, inter alia, li qatt ma ġiet informata mill-NRA bid-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt tagħha.

19.

Fuq il-bażi tal-imsemmi lment, fil-15 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni qabel xejn bagħtet komunikazzjoni amministrattiva lill-awtoritajiet Irlandiżi fejn talbithom jibagħtulha xi dettalji rigward il-każ inkwistjoni. Peress li l-ittra ta’ risposta tal-Irlanda, li kienet iġġib id-data tal-25 ta’ April 2005, ma rnexxilhiex telimina d-dubji tal-Kummissjoni, din tal-aħħar, fl-10 ta’ April 2006, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda u, fil-15 ta’ Diċembru 2006, bagħtitilha ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, li dan l-Istat Membru rrisponda bil-miktub fit-30 ta’ Mejju 2006 u fil-21 ta’ Frar 2007 rispettivament.

20.

Madankollu, peress li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-kjarifiki mogħtija mill-Irlanda kienu sodisfaċenti, fl-1 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 226 KE, fejn talbet lill-Irlanda biex tieħu l-miżuri meħtieġa fi żmien xahrejn biex tikkonforma ruħha mal-imsemmi artikolu. Fil-25 ta’ Ġunju 2008, l-Irlanda rrispondiet għal din l-opinjoni motivata billi sostniet, inter alia, li kienet qed tiġi evalwata emenda għal-liġijiet u għar-regolamenti fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66. Madankollu, lanqas din l-aħħar risposta ma kienet suffiċjenti għall-Kummissjoni.

IV — It-talbiet tal-partijiet u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21.

B’att tal-14 ta’ Ottubru 2008 u li ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ressqet dan ir-rikors kontra l-Irlanda, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 226 KE.

22.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li l-Irlanda, bid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar it-termini li jikkonċernaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-offerent għal stħarriġ ġudizzjarju fil-proċeduri rigward kuntratti pubbliċi u peress li ma kkomunikatx lir-rikorrent fi proċeduri ta’ reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, l-istess deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u fir-rigward tat-termini applikabbli, taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37, fir-rigward tan-nuqqas ta’ notifika; u

tikkundanna lill-Irlanda għall-ispejjeż.

23.

Min-naħa tagħha, l-Irlanda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24.

Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, sussegwentement, fl-24 ta’ Settembru 2009, it-trattazzjonijiet orali tagħhom ( 13 ).

V — Kunsiderazzjonijiet

25.

Ir-rikors tal-Kummissjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala fondat fejn l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat KE. Fost dawn l-obbligi hemm anki dak li twettaq l-għanijiet tad-direttivi Komunitarji, kif inhu stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE u fl-Artikolu 10 KE.

26.

F’din il-kawża, il-Kummissjoni tibbaża r-rikors tagħha fuq żewġ ilmenti: l-ewwel wieħed għandu x’jaqsam ma’ każ speċifiku u jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt rigward il-proġett tal-bini tat-triq Dundalk Western Bypass Motorway lill-konsorzju offerent mhux magħżul. It-tieni lment imur lil hinn minn dan il-każ speċifiku, peress li jikkonċerna l-ksur tad-dritt Komunitarju mir-regoli Irlandiżi rigward it-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni, kif iddefiniti mill-Artikolu 84a(4) tal-RSC.

A — L-ewwel ilment: nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt

27.

Bl-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Irlanda li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 kif ukoll taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37, nuqqas li jirriżulta mill-fatt li l-NRA ma kkomunikatx kif suppost lill-offerent mhux magħżul id-deċiżjoni tagħha tal-għoti tal-kuntratt tal-proġett tal-bini tat-triq Dundalk Western Bypass Motorway.

28.

Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Irlanda qed jitilqu mill-premessa impliċita li l-proġett tal-bini tat-triq Dundalk Western Bypass Motorway, mogħti mill-NRA, jirrappreżenta kuntratt pubbliku għal xogħlijiet fit-tifsira tad-Direttiva 93/37.

29.

Konsegwentement, l-NRA, bħala awtorità kontraenti fit-tifsira tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37, kellha l-obbligu li tinforma minnufih lill-kandidati u lill-offerenti bid-deċiżjoni tagħha tal-għoti tal-kuntratt stess.

30.

L-istess obbligu jirriżulta wkoll mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, peress li protezzjoni ġudizzjarja effettiva b’riferiment għad-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratt tkun żgurata biss jekk il-kandidati u l-offerenti kollha jiġu informati fil-ħin u b’mod sħiħ b’dawn id-deċiżjonijiet ( 14 ).

31.

Madankollu, huwa paċifiku li f’dan il-każ l-NRA qatt ma kkomunikat formalment lill-konsorzju mhux magħżul Eurolink, li minnu tagħmel parti SIAC, u dwar id-deċiżjoni tagħha li tagħti l-kuntratt tal-proġett tat-triq inkwistjoni lill-konsorzju kompetitur Celtic Roads Group.

32.

La l-avviż li jġib id-data tad-9 ta’ Frar 2004 fuq is-sit Internet tal-NRA, u lanqas il-komunikazzjoni tat-3 ta’ April 2004 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma setgħu validament jirrimedjaw għal dan in-nuqqas, peress li kulma għamlu dawn il-komunikazzjonijiet kien li informaw lill-pubbliku bil-konklużjoni finali tal-kuntratt tal-NRA ma’ Celtic Roads Group. Madankollu, sabiex tkun żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva lill-kandidati u lill-offerenti, dawn tal-aħħar kellhom jiġu informati fil-ħin qabel ma ġie konkluż il-kuntratt — u mhux post facto — bid-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt tal-NRA ( 15 ).

33.

Konsegwentement, l-NRA naqset milli twettaq l-obbligi ta’ informazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37 u taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 rigward il-proġett tal-bini tat-triq Dundalk Western Bypass Motorway.

34.

Skont l-Irlanda, f’dan il-każ, SIAC ma sofriet l-ebda inġustizzja. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, din l-impriża qatt ma kienet inċerta dwar min kien se jingħata l-kuntratt tal-proġett tal-bini tat-triq mill-NRA. F’dan ir-rigward, l-Irlanda tirreferi għall-ittra tal-NRA li ġġib id-data tal-14 ta’ Ottubru 2003, li permezz tagħha l-konsorzju EuroLink ġie informat li Celtic Roads Group intgħażel bħala l-offerent ippreferut mill-NRA. Mhux iktar tard minn dan il-waqt, skont l-Irlanda, SIAC suppost indunat li — ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali ( 16 ) — id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt kienet se tmur favur Celtic Roads Group. Rigward dan il-punt, l-Irlanda qed tadotta espressament l-argument tal-High Court of Ireland fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali ta’ stħarriġ ( 17 ).

35.

Madankollu, din l-oġġezzjoni hija żbaljata. Fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2003, l-NRA ma kkomunikat l-ebda deċiżjoni finali ta’ għoti ta’ kuntratt, imma anzi informat espressament lil EuroLink li l-offerta tagħha ma kinitx ġiet irrifjutata. L-għażla ta’ “offerent ippreferut” min-naħa tal-NRA żgur li diġà setgħet tagħti ħjiel importanti għad-direzzjoni li kienet se tieħu; madankollu din kienet għadha ma timplikax deċiżjoni finali favur offerent partikolari, jekk jiġi kkunsidrat li l-NRA kienet irriżervat espressament id-dritt li eventwalment anki tistieden lil EuroLink għan-negozjati minflok Celtic Roads Group. EuroLink għalhekk kellu kull dritt li jippreżumi, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet kuntrarji sussegwenti, li kien għadu ma ġiex kompletament eskluż mill-proċess tal-għażla.

36.

Irrispettivament minn dak li ngħad iktar ’il fuq, fir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, li għandu natura oġġettiva, mhux rilevanti l-fatt jekk l-aġir tal-persuni pubbliċi ta’ Stat Membru jwassalx jew le għal danni konkreti jew għal effetti negattivi ta’ xort’oħra ( 18 ).

37.

Fl-aħħar nett, l-Irlanda tenfasizza li d-dritt intern tagħha huwa konformi mal-obbligi ta’ informazzjoni li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, peress li dawn ġew trasposti korrettament mill-Artikolu 49(1) tar-Regolamenti APAC. F’dawn iċ-ċirkustanzi, każ wieħed fejn ma ġietx ikkomunikata d-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt ma jistax jiġi ddefinit bħala ksur tad-dritt Komunitarju.

38.

Lanqas dan l-argument tal-Irlanda ma huwa konvinċenti. Min-naħa l-waħda, bl-ebda mod ma ġie pprovat li l-Artikolu 49(1) tar-Regolamenti APAC jittrasponi korrettament l-obbligi ta’ informazzjoni imposti mid-dritt Komunitarju: dan huwa s-suġġett ta’ rikors ieħor għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Irlanda, li għadu pendenti ( 19 ). Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tiġi mistħarrġa mhux biss il-konformità tal-liġijiet u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru mad-dritt Komunitarju, imma anki ksur imwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali f’każ speċifiku u konkret ( 20 ).

39.

Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, nikkonkludi li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.

B — It-tieni lment: ir-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni fid-dritt proċedurali Irlandiż imorru kontra d-dritt Komunitarju

40.

Bit-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Irlanda minħabba ksur tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, li jirriżulta mill-fatt li l-Artikolu 84a(4) tal-RSC jirregola t-terminu ta’ dekadenza biex jitressqu l-proċeduri ta’ reviżjoni b’tali mod li jiġu kontradetti r-rekwiżiti imposti mid-dritt Komunitarju.

41.

Id-Direttiva 89/665 ma tipprovdix gli għal regoli preċiżi dwar it-termini applikabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 1 tagħha ( 21 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, f’ġurisprudenza stabbilita, irrikonoxxiet li l-Istati Membri, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tagħhom, jistgħu jipprovdu għal termini ta’ dekadenza raġonevoli għall-proċeduri ta’ reviżjoni, dejjem jekk jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 22 ). Iż-żewġ prinċipji msemmija huma stabbiliti anki fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665: il-prinċipju ta’ ekwivalenza fl-Artikolu 1(2) u l-prinċipju ta’ effettività fl-Artikolu 1(1) ( 23 ).

42.

F’dan il-każ huwa l-prinċipju ta’ effettività li huwa l-iktar importanti. Huwa paċifiku li l-Irlanda tista’ tipprovdi għal termini ta’ dekadenza sabiex id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti jiġu rriveduti ( 24 ). Id-diskussjoni bejn il-partijiet tikkonċerna biss ċerti aspetti speċifiċi tar-regoli nazzjonali dwar it-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni. Essenzjalment, għandu jiġi mistħarreġ jekk dawn ir-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni humiex suffiċjentement ċari sabiex jiggarantixxu li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu rriveduti effettivament fit-tifsira tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. Il-Kummissjoni tiċħad dan u tallega, min-naħa l-waħda, li hemm dubji rigward id-determinazzjoni tat-tipi ta’ deċiżjonijiet li fil-proċeduri ta’ reviżjoni kontra tagħhom jiġi applikat it-terminu tal-Artikolu 84a(4) tal-RSC, u mill-oħra, li hemm ċerti inċertezzi rigward it-tul tal-imsemmi terminu.

1. Fuq id-determinazzjoni tat-tipi ta’ deċiżjonijiet li fir-rigward tagħhom jeżisti terminu ta’ dekadenza (l-ewwel parti tat-tieni lment)

43.

Fl-ewwel parti tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tinvoka l-eżistenza ta’ inċertezzi legali rigward it-tip ta’ deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li fil-proċeduri ta’ reviżjoni kontra tagħhom jiġi applikat it-terminu stabbilit fl-Artikolu 84a(4) tal-RSC. Fid-dawl tad-diċitura litterali tiegħu, fil-fatt, l-Artikolu 84a(4) tal-RSC għandu jiġi applikat biss għall-proċeduri ta’ reviżjoni “rigward deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt jew rigward l-għoti ta’ kuntratt pubbliku”. Fil-prattika, madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din in-norma jiġi estiż anki għad-deċiżjonijiet intermedji, biex b’hekk r-reviżjoni ta’ dawn tal-aħħar ukoll tista’ tintalab biss fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 84a(4) tal-RSC.

44.

Iċ-ċirkustanzi li qed tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni f’dan ir-rigward huma paċifiċi: kemm l-affermazzjonijiet tal-Irlanda f’dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kif ukoll is-sentenza tal-High Court of Ireland dwar il-proġett tal-bini tat-triq Dundalk Western Bypass Motorway ( 25 ) jikkonfermaw li t-terminu għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni pprovdut mill-Artikolu 84a(4) tal-RSC jiġi applikat mill-entitajiet kompetenti Irlandiżi mhux biss rigward proċeduri ta’ reviżjoni kontra deċiżjonijiet finali (“rigward deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt jew rigward l-għoti ta’ kuntratt pubbliku”), imma anki rigward proċeduri ta’ reviżjoni kontra deċiżjonijiet intermedji meħuda mill-awtoritajiet kontraenti ( 26 ).

45.

Min-naħa l-oħra, il-partijiet bl-ebda mod ma huma qed jaqblu dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 84a(4) tal-RSC, hekk kif ġie interpretat u applikat mill-entitajiet Irlandiżi, hux konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665.

46.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jeżiġi li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu rriveduti “effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun” jekk jiksru d-dritt Komunitarju fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

47.

Biex jintlaħaq dan l-għan tad-direttiva, l-Istati Membri għandhom, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE flimkien mal-Artikolu 10 KE, jieħdu l-miżuri kollha xierqa. Skont ġurisprudenza stabbilita, huma għandhom jistabbilixxu kuntest ġuridiku preċiż fis-settur inkwistjoni ( 27 ) u għandhom jibnu qafas legali intern li jkun suffiċjentement preċiż, ċar u trasparenti biex l-individwi jkunu jistgħu jsiru jafu x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom ( 28 ).

48.

Mill-bqija, l-istess jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, li huwa prinċipju ġenerali tas-sistema legali Komunitarja u li jorbot lill-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li jibbenefikaw minnhom fil-kuntest tal-istess dritt Komunitarju ( 29 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta huma jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi ( 30 ).

49.

Fil-każ ta’ dispożizzjoni dwar it-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni, bħall-Artikolu 84a(4) tal-RSC, ir-rekwiżiti taċ-ċarezza, taċ-ċertezza u tal-prevedibbiltà huma partikolarment rilevanti. In-nuqqas ta’ ċarezza rigward it-termini fis-seħħ jista’, fil-fatt, ikollu konsegwenzi negattivi u ta’ ċerta importanza għall-individwi u għall-impriżi. Jekk offerent jew kandidat ma jirrispettax it-terminu biex jitressqu l-proċeduri ta’ reviżjoni, skont l-Artikolu 84a(4) tal-RSC, huwa ma jkunx jista’ jinvoka ksur eventwali tal-liġi dwar il-kuntratti u jitlef il-possibbiltà li d-deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt inkwistjoni tkun irriveduta. Konsegwentement, huwa ma jkollux iktar id-dritt li jikkontesta quddiem qorti l-kuntratt pubbliku bħala tali, jew għall-inqas, li jitlob kumpens għad-danni li sofra minħabba li ma ngħatax il-kuntratt ( 31 ).

50.

Madankollu, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ dekadenza ma tistax tagħti lok li l-eżerċizzju tad-dritt biex deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt tiġi rriveduta jiġi miċħud mill-effettività prattika tiegħu ( 32 ).

51.

Huwa biss fejn jirriżulta b’mod inekwivokabbli li anki l-attivitajiet preparatorji tal-awtoritajiet kontraenti, jew id-deċiżjonijiet intermedji inkwistjoni, jagħtu lok biex jibda jiddekorri terminu ta’ dekadenza fit-tifsira tal-Artikolu 84a(4) tal-RSC, li l-offerenti u l-kandidati jistgħu jadottaw il-miżuri meħtieġa biex il-ksur eventwali tal-liġi dwar il-kuntratti jiġi rrivedut effettivament, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, ħalli b’hekk id-drittijiet tagħhom ma jiġux preskritti.

52.

F’dan il-kuntest naħseb li l-fatt li fl-Irlanda l-kamp ta’ applikazzjoni tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 84a(4) tal-RSC jiġi estiż għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet intermedji, mingħajr ma dan jirriżulta b’mod ċar mit-test tad-dispożizzjoni, mhux kompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. Fil-fatt, b’dan il-mod, l-offerenti u l-kandidati fil-proċeduri tat-tfigħ tal-offerti ma jistgħux jipprevedu b’ċertezza suffiċjenti l-konsegwenzi tar-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni, b’mod partikolari, sa fejn iwasslu l-preklużjonijiet li huma stess taw lok għalihom. L-għan li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu rriveduti effettivament, kif ġie impost fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, għaldaqstant ma jintlaħaqx.

— Fuq l-oġġezzjoni tal-Irlanda, fejn jingħad li terminu għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni għad-deċiżjonijiet intermedji jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 89/665, b’mod partikolari r-rekwiżit tal-ħeffa

53.

L-ewwel nett, l-Irlanda toġġezzjona li, skont id-Direttiva 89/665 u l-ġurisprudenza relatata, id-deċiżjonijiet kollha tal-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu rriveduti. L-estensjoni tas-sistema dwar it-termini stabbiliti fl-Artikolu 84a(4) tal-RSC għal deċiżjonijiet intermedji hija konformi mar-rekwiżiti Komunitarji. Barra minn hekk, id-Direttiva 89/665 hija bbażata fuq rekwiżit ta’ ħeffa. Għalkemm l-Artikolu 1(1) tagħha jeżiġi li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu rriveduti mhux biss effettivament imma anki malajr kemm jista’ jkun, il-proċeduri ta’ reviżjoni kollha tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu suġġetti għat-terminu stabbilit fl-Artikolu 84a(4) tal-RSC. Jekk offerent mhux magħżul jitħalla jinvoka l-motivi kollha tiegħu biss wara li tiġi adottata deċiżjoni finali ta’ għoti ta’ kuntratt, ikun hemm il-periklu ta’ inċertezza legali għal perijodu twil ta’ żmien u ta’ telf ta’ ħin sinjifikattiv fl-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Barra minn hekk, f’dan il-każ, ma jkunx jista’ jingħata rimedju għall-ksur eventwali tal-liġi dwar il-kuntratti anki waqt li tkun għaddejja proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

54.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Irlanda definittivament għandha l-fakultà li tipprovdi għat-termini ta’ dekadenza anki għall-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam ta’ kuntratti li jikkonċernaw azzjonijiet preparatorji u deċiżjonijiet intermedji tal-awtorità kontraenti, bħal pereżempju r-redazzjoni ta’ “short list” jew id-determinazzjoni ta’ offerent ippreferut. Kif ingħad iktar ’il fuq ( 33 ), li Stat Membru jipprovdi għal termini ta’ dekadenza adegwati huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju sakemm jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. B’mod partikolari termini ta’ dekadenza bħal dawn, fosthom anki termini relattivament qosra, jistgħu jkunu legali u adegwati fejn id-dritt Komunitarju jintroduċi, f’kuntest partikolari, rekwiżit ta’ ħeffa, billi jeżiġi, kif jiġri fil-liġi dwar il-kuntratti, proċedura “malajr kemm jista’ jkun”  ( 34 ) (l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 ( 35 )).

55.

Għaldaqstant, huwa korrett jekk jingħad li l-Irlanda, meta estendiet it-terminu pprovdut mill-Artikolu 84a(4) tal-RSC għad-deċiżjonijiet intermedji, kellha għan leġittimu u konformi mad-direttiva ( 36 ). Madankollu, dan l-iskop għandu jitwettaq, fid-dritt intern, filwaqt li jiġu rrispettati r-rekwiżiti taċ-ċertezza tad-dritt. Ir-regoli dwar it-termini ta’ dekadenza għandhom jiġu fformulati b’mod ċar u preċiż u għandu jkollhom effetti prevedibbli. L-eżistenza ta’ prassi interna li għandha l-istess skopijiet ta’ direttiva ma tfissirx li l-Istat Membru jkun skużat milli jwettaq l-obbligu li jibni qafas legali intern li jkun suffiċjentement preċiż, ċar u trasparenti tant li l-individwi jkunu jistgħu jsiru jafu x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom ( 37 ).

56.

Fil-każ inkwistjoni għandu jiġi kkunsidrat ukoll li d-Direttiva 89/665 timponi fuq l-Istati Membri mhux biss l-iskop li jiggarantixxu li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jiġu rriveduti malajr kemm jista’ jkun, imma anki l-iskop li jiggarantixxu li dawn id-deċiżjonijiet jiġu rriveduti effettivament (ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665). Prassi interna li twettaq wieħed biss minn dawn iż-żewġ skopijiet b’detriment tal-ieħor mhix konformi mad-direttiva. L-estensjoni tat-terminu ta’ dekadenza stabbilit fl-Artikolu 84a(4) tal-RSC għad-deċiżjonijiet intermedji tista’ tabilħaqq tilħaq l-iskop li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jiġu rriveduti malajr kemm jista’ jkun; madankollu, fin-nuqqas ta’ kjarifika kuntestwali fit-test tal-Artikolu 84a(4) tal-RSC, din il-prassi tal-awtoritajiet Irlandiżi tidħol f’kunflitt maċ-ċertezza tad-dritt u għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar, tikkomprometti l-isforz biex jintlaħaq l-iskop li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jiġu rriveduti effettivament ( 38 ).

57.

Barra minn hekk, bejn ir-rekwiżit taċ-ċertezza tad-dritt u dak tal-ħeffa, fil-kuntest tal-liġi dwar il-kuntratti, m’hemm l-ebda kontradizzjoni sostantiva ( 39 ). Anzi, biex tkun żgurata ċ-ċertezza tad-dritt għandu jkun ipprovdut li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jiġu rriveduti malajr kemm jista’ jkun, sakemm il-proċedura li tkun applikabbli għal dan l-għan, flimkien mat-termini ta’ dekadenza relatati, ikunu rregolati mid-dritt intern b’mod kemm jista’ jkun ċar, definit u prevedibbli.

58.

Għaldaqstant, l-ewwel oġġezzjoni mqajma mill-Irlanda għandha tiġi miċħuda.

— Fuq l-oġġezzjoni mqajma mill-Irlanda li d-dritt nazzjonali tagħha huwa kkaratterizzat mill-“common law”

59.

Sussegwentement, l-Irlanda toġġezzjona li d-dritt nazzjonali tagħha huwa kkaratterizzat mill-“common law”. F’sistema ta’ common law, bħal dik Irlandiża, ma humiex rilevanti biss il-liġijiet, imma anki l-ġurisprudenza. Jekk dan ikun meħtieġ, l-offerenti u l-kandidati għandhom jitolbu parir legali.

60.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li direttiva tħalli f’idejn l-entitajiet nazzjonali l-għażla rigward il-forma u l-mezzi biex jinkiseb ir-riżultat mixtieq (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE). It-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt intern, għalhekk, mhux bilfors teżiġi l-adozzjoni ta’ liġijiet espliċiti u speċifiċi, imma eventwalment jista’ jkun suffiċjenti anki qafas legali ġenerali. Madankollu, huwa deċiżiv li, meta tiġi adottata tali proċedura, tiġi żgurata tabilħaqq applikazzjoni sħiħa tad-direttiva b’mod li jkun suffiċjentement ċar u preċiż ( 40 ).

61.

Fejn il-kuntest ġuridiku nazzjonali jkun deċiż mit-taħlita ta’ normi leġiżlattivi u ta’ “dritt ġudizzjarju”, dan ma jistax ikun b’detriminent taċ-ċarezza u tan-natura definita tan-normi u tar-regoli rispettivi. Dan japplika prinċipalment meta direttiva jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi ( 41 ), u meta sitwazzjoni ġuridika li ma tantx tkun ċara jew li tkun ikkumplikata, b’riferiment għal termini ta’ dekadenza eventwali, tista’ twassal biex jintilfu ċerti drittijiet, jiġifieri f’dan il-każ, it-telf tad-dritt biex jitressqu proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti. B’mod speċjali l-offerenti u l-kandidati barranin jistgħu jiġu dissważi milli jieħdu sehem f’sejħiet għal offerti pubbliċi fl-Irlanda minħabba qafas legali kkumplikat u mhux trasparenti.

62.

Il-qrati nazzjonali għandhom jinterpretaw u japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern f’konformità mad-direttivi ( 42 ). B’mod speċjali, b’riferiment għall-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-kuntratti, in-normi nazzjonali li jipprovdu għal terminu ta’ dekadenza għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, b’mod li jiggarantixxi r-rispett tal-prinċipju ta’ effettività li jirriżulta mid-Direttiva 89/665 ( 43 ).

63.

Mhux konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti l-fatt li qorti nazzjonali tapplika t-terminu ta’ dekadenza stabbilit mil-liġi b’riferiment għad-dritt li jitressqu proċeduri ta’ reviżjoni — f’dan il-każ, l-Artikolu 84a(4) tal-RSC — lil hinn mid-diċitura litterali tiegħu u b’analoġija anki għall-proċeduri ta’ reviżjoni tad-deċiżjonijiet li fir-rigward tagħhom il-leġiżlatur ma pprovdix għal tali terminu. B’dan il-mod, il-qafas legali jkun inqas trasparenti. Minħabba l-effett preklużiv tat-terminu ta’ preskrizzjoni, l-offerenti u l-kandidati kkonċernati għandhom ir-riskju li jitilfu d-dritt tagħhom li jressqu proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ deċiżjonijiet partikolari. L-iskop stabbilit mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, b’riferiment għall-fatt li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu rriveduti effettivament, għaldaqstant mhux qed jintlaħaq ( 44 ).

64.

Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, anki t-tieni oġġezzjoni mqajma mill-Irlanda għandha tiġi miċħuda.

— Konklużjoni intermedja

65.

Għar-raġunijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, nikkonkludi li l-ewwel parti tat-tieni lment tal-Kummissjoni għandha tiġi milqugħa.

2. Fuq it-tul tat-terminu ta’ dekadenza (it-tieni parti tat-tieni lment)

66.

Fit-tieni parti tat-tieni lment, il-Kummissjoni tikkontesta d-diċitura tal-Artikolu 84a(4) tal-RSC, fejn jingħad li l-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jitressqu “malajr kemm jista’ jkun u, fi kwalunkwe każ, fi żmien tliet xhur”. Din in-norma tħalli fid-dubju lill-offerenti u lill-kandidati kkonċernati rigward it-tul effettiv tat-terminu ta’ dekadenza u tagħmilha wisq diffiċli li jitressqu proċeduri ta’ reviżjoni. Barra minn hekk, wieħed ma jkunx jista’ jifhem f’liema każijiet il-proċeduri ta’ reviżjoni jistgħu jitressqu fi żmien tliet xhur u f’liema każijiet għandhom jitressqu qabel, jiġifieri qabel ma jiddekorru t-tliet xhur.

67.

L-ewwel nett għandu jiġi osservat li wieħed mhux bilfors ikun iffaċċjat b’żewġ termini ta’ dekadenza awtonomi meta ma’ indikazzjoni ta’ żmien, espressa f’jiem, ġimgħat, xhur jew snin, norma ġuridika tassoċċja l-espressjoni “malajr kemm jista’ jkun” jew diċitura simili. Ċerti normi jagħmlu użu minn espressjonijiet simili biss sabiex jesprimu r-rekwiżit tal-ħeffa u biex ifakkru lil min qed jagħmel it-talba jew lir-rikorrent, fl-interess tiegħu stess, l-oneru biex malajr kemm jista’ jkun jieħu l-passi meħtieġa biex jipproteġi bl-aħjar mod id-drittijiet tiegħu.

68.

F’dan l-aħħar sens, l-istess Qorti tal-Ġustizzja fl-imgħoddi użat l-espressjoni “mill-aktar fis possibli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] b’riferiment għal talbiet eventwali tal-partijiet biex jiġi estiż il-ħin tat-trattazzjonijiet orali waqt seduta ( 45 ). Il-ħaddiema temporanji tal-Komunità li jitilfu xogħolhom iridu jwettqu ċerti formalitajiet “mill-aktar fis possibbli u l-iktar tard fi żmien [termini partikolari]” ( 46 ). Għażla terminoloġika simili ssir anki meta jkun irid jiġi indikat il-fatt li l-entitajiet pubbliċi jkunu suġġetti għal obbligu ta’ ħeffa fit-twettiq ta’ ċerti kompiti jew proċeduri ( 47 ). Anki fil-liġi dwar il-kuntratti huwa magħruf il-kunċett ta’ “obbligu ta’ diliġenza li jikkostitwixxi obbligu ta’ mezzi iktar milli obbligu ta’ riżultat”  ( 48 ).

69.

Fejn għandu x’jaqsam it-terminu li huwa rilevanti f’dan il-każ, irregolat mill-Artikolu 84a(4) tal-RSC, min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkunsidrat b’ċertezza li t-termini “malajr kemm jista’ jkun” iridu jesprimu biss ir-rekwiżit tal-ħeffa. Anzi, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li tat l-Irlanda fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi eskluż li d-diċitura “malajr kemm jista’ jkun”, inkluża fl-Artikolu 84a(4) tal-RSC, għandha sinjifikat iktar ġenerali u trid tinftiehem bħala terminu ta’ dekadenza awtonomu li jista’ jagħti lok għall-inammissibbiltà tal-proċeduri ta’ reviżjoni li jitressqu qabel ma jiddekorri t-terminu ta’ tliet xhur, li jeżisti “fi kwalunkwe każ”.

70.

Fil-fatt, l-Irlanda donnha qed tippreżumi li proċeduri ta’ reviżjoni, ġeneralment, jitressqu f’waqt xieraq meta jiġu ppreżentati “fi kwalunkwe każ, fi żmien tliet xhur minn meta r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati l-istess proċeduri”. Fl-istess ħin, però, b’riferiment għal sentenza tal-Qorti Suprema tagħha ( 49 ), l-Irlanda tenfasizza li l-“obbligu primarju”  ( 50 ) ta’ rikorrent fil-kuntest tal-Artikolu 84a(4) tal-RSC huwa li jressaq il-proċeduri ta’ reviżjoni tiegħu “malajr kemm jista’ jkun”. F’ċirkustanzi partikolari dan jista’ jwassal biex proċeduri ta’ reviżjoni jiġu kkunsidrati inammissibbli anki jekk ikunu tressqu fit-terminu ta’ tliet xhur ( 51 ). Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż, għall-inqas, li t-termini ta’ “malajr kemm jista’ jkun”, inklużi fl-Artikolu 84a(4) tal-RSC, jinftiehmu mill-qrati Irlandiżi bħala li jimplikaw terminu ta’ dekadenza awtonomu ( 52 ).

71.

Jekk id-diċitura “malajr kemm jista’ jkun”, inkluża fl-Artikolu 84a(4) tal-RSC, tabilħaqq tagħti l-fakultà lill-qrati Irlandiżi li jiddikjaraw, b’mod diskrezzjonali, li ċerti proċeduri ta’ reviżjoni jkunu inammissibbli diġà qabel ma jiskadi t-terminu ta’ tliet xhur, dan jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt Komunitarju. Fil-fatt, terminu ta’ preskrizzjoni li t-tul tiegħu jiġi deċiż b’mod diskrezzjonali mill-qorti kompetenti jsir imprevedibbli fl-effetti li jkollu. L-offerenti u l-kandidati kkonċernati jsibu rwieħhom fi stat ta’ inċertezza rigward kemm għandhom żmien għad-dispożizzjoni tagħhom biex jippreparaw b’mod sħiħ għall-proċeduri ta’ reviżjoni u ma jkunux jistgħu jevalwaw korrettament il-marġnijiet ta’ eżitu pożittiv ta’ dan ir-rimedju. L-għan, stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu rriveduti effettivament għaldaqstant ma jintlaħaqx ( 53 ).

72.

Minbarra li ma jistax jiġi eskluż li l-espressjoni “malajr kemm jista’ jkun” inkluża fl-Artikolu 84a(4) tal-RSC tista’ tinftiehem mill-qrati nazzjonali bħala li timplika terminu ta’ dekadenza awtonomu, din in-norma, lanqas ma hija suffiċjentement ċara biex tiżgura applikazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju ( 54 ). Anki għal din ir-raġuni, l-Artikolu 84a(4) tal-RSC ma hux traspożizzjoni adegwata tad-Direttiva 89/665.

— Fuq l-oġġezzjoni tal-Irlanda li l-qrati nazzjonali jistgħu, jekk ikunu meħtieġ, jestendu b’mod diskrezzjonali t-terminu għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni

73.

L-Irlanda toġġezzjona li l-Artikolu 84a(4) tal-RSC jagħti l-possibbiltà li l-qrati nazzjonali jestendu b’mod diskrezzjonali t-terminu għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni u bħala eżempju tiċċita sentenza tal-High Court of Ireland tal-2006 ( 55 ).

74.

Possibbiltà simili ta’ estensjoni tat-terminu tista’ tabilħaqq tiffaċilita l-kompitu tal-qrati li jippronunzjaw irwieħhom b’mod ekwu f’dan il-każ. Madankollu, mhix adattata biex tpatti għan-nuqqasijiet tal-Artikolu 84a(4) tal-RSC li enfasizzajt iktar ’il fuq mil-lat tar-rekwiżiti taċ-ċarezza, tal-preċiżjoni u tal-prevedibbiltà tar-regoli dwar it-termini għall-preżentata ta’ proċeduri ta’ reviżjoni. Għall-offerenti u għall-kandidati kkonċernati, minkejja din il-possibbiltà ta’ estensjoni, iż-żmien li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex jippreparaw b’mod sħiħ għall-proċeduri ta’ reviżjoni jibqa’ imprevedibbli u huma ma jistgħux jevalwaw korrettament il-marġnijiet ta’ eżitu pożittiv ta’ dan ir-rimedju. Għall-kuntrarju, b’dan il-mod jiżdied element ieħor ta’ inċertezza mar-regoli dwar it-termini tal-proċeduri ta’ reviżjoni, li diġà ma tantx huma ċari.

75.

Fid-dawl tal-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, għandu jiġi żgurat lil kull min għandu jew kellu interess fl-għoti ta’ kuntratt pubbliku u li sofra jew jirriskja li jsofri minn dannu minħabba allegat ksur, dritt suġġettiv biex iressaq proċeduri ta’ reviżjoni rigward deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti ( 56 ). Kif diġà spjegajt anki fil-kawża Uniplex (UK), l-eżerċizzju effettiv ta’ dan id-dritt ma jistax ikun suġġett għas-setgħa diskrezzjonali ta’ entità nazzjonali, anki jekk din tkun qorti indipendenti ( 57 ).

76.

Konsegwentement, l-ewwel oġġezzjoni mqajma mill-Irlanda għandha tiġi miċħuda.

— Fuq l-oġġezzjoni tal-Irlanda li s’issa qatt ma ġew iddikjarati preskritti proċeduri ta’ reviżjoni minħabba ksur tal-prinċipju ta’ “malajr kemm jista’ jkun”

77.

L-Irlanda qed issostni wkoll li s’issa l-ebda qorti Irlandiża ma ddikjarat inammissibbli xi proċeduri ta’ reviżjoni li ġew ippreżentati fit-terminu ta’ tliet xhur, imma mhux “malajr kemm jista’ jkun”.

78.

Anki din it-tieni oġġezzjoni hija infondata. Biex jiġi pprovat li t-traspożizzjoni ta’ direttiva mhix suffiċjenti jew mhix adegwata ma hemmx għalfejn jiġu stabbiliti l-effetti reali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, l-insuffiċjenza jew in-nuqqas ta’ adegwatezza tat-traspożizzjoni tkun inerenti fit-test stess ta’ din il-leġiżlazzjoni ( 58 ). Ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu natura oġġettiva u jista’ jitressaq anki jekk ma jkunux għadhom saru danni konkreti jew effetti negattivi ta’ xort’oħra ( 59 ).

— Fuq l-oġġezzjoni tal-Irlanda li l-qafas legali intern dalwaqt se jiġi emendat

79.

Fil-fażi prekontenzjuża, l-Irlanda fl-aħħar iddefendiet ruħha billi sostniet li d-dritt intern dalwaqt kien se jiġi emendat fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66, u dan kien se jwassal għal kjarifika rigward l-Artikolu 84a(4) tal-RSC.

80.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi kkunsidrata b’riferiment għas-sitwazzjoni li tkun teżisti fl-Istat Membru meta jiddekorri t-terminu stipulat fl-opinjoni motivata u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni t-tibdiliet sussegwenti ( 60 ). Inqas u inqas jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emendi għad-dritt intern li għadhom qed jiġu pproġettati jew proposti.

— Konklużjoni intermedja

81.

Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, nikkonkludi li anki t-tieni parti tat-tieni lment hija fondata u li għaldaqstant ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jintlaqa’ fl-intier tiegħu.

VI — Fuq l-ispejjeż

82.

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Irlanda tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

VII — Konklużjonijiet

83.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

L-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat KE peress li:

a)

in-National Roads Authority Irlandiża naqset milli tikkomunika lill-offerent mhux magħżul id-deċiżjoni tagħha tal-għoti tal-kuntratt tal-proġett tal-bini tat-triq Dundalk Western Bypass Motorway, bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 93/37/KEE u fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665/KEE; u

b)

mill-Artikolu 84a(4) tar-Rules of the Superior Courts Irlandiżi ma jistax jiġi dedott b’kjarezza suffiċjenti, bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665/KEE, liema huwa t-tul tat-terminu ta’ dekadenza biex jitressqu proċeduri ta’ reviżjoni rigward deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt u liema deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti huma suġġetti għall-imsemmi terminu.

2)

L-Irlanda għandha tbati l-ispejjeż tal-proċedura.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163). Peress li l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni saret qabel il-31 ta’ Jannar 2006, id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132, rettifikata fil-ĠU L 351, p. 44) mhix rilevanti għal din il-kawża.

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246).

( 4 ) Direttiva 97/52/KE tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, tat-13 ta’ Ottubru 1997, li temenda d-Direttivi 92/50/KEE, 93/36/KEE u 93/37/KEE dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fis-servizz pubbliku, kuntratti ta’ provvisti pubbliċi u kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal servizzi, għal provvisti u għal xogħlijiet] rispettivament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 3).

( 5 ) Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).

( 6 ) L-iktar emendi reċenti li saru fid-Direttiva 89/665 bid-Direttiva 2007/66 ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura peress li t-terminu ta’ traspożizzjoni huwa ffissat għall-20 ta’ Diċembru 2009 (Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2007, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665 u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, ĠU L 335, p. 31, ara b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha).

( 7 ) Ir-riferiment li sar fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 għad-Direttiva 71/305 għandha tinftiehem bħal riferiment għad-Direttiva 93/37 (ara l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 93/37).

( 8 ) Regolament Irlandiż tal-2006 dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (S. I. Nru 329 tal-2006).

( 9 ) Regoli tal-Proċedura tal-Qrati Superjuri.

( 10 ) Din id-dispożizzjoni tmur lura għal emenda fir-Regoli tal-Proċedura tal-High Court of Ireland li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Ottubru 1998 u li ġiet introdotta permezz ta’ dawk li jissejħu r-“Rules of the Superior Courts (No. 4) (Review of the Award of Public Contracts)” (S. I. Nru 374 tal-1998).

( 11 ) “Public-Private Partnership (PPP)”.

( 12 ) Sentenza tal-High Court of Ireland (Imħallef Kelly) fil-kawża SIAC Construction Limited vs National Road Authority, [2004] IEHC 128; iktar ’il quddiem is-“sentenza SIAC vs NRA”.

( 13 ) Is-seduta saret f’kollegament dirett mas-seduta fil-kawża Uniplex (UK) (C-406/08).

( 14 ) Sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-212/02, punt 21); u tat-3 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-444/06, Ġabra p. I-2045, punt 38); fl-istess sens diġà s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1999, Alcatel Austria et (C-81/98, Ġabra p. I-7671, punt 43).

( 15 ) F’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-212/02, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 21).

( 16 ) Fil-lingwa tal-kawża: “except in very exceptional circumstances”.

( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza SIAC vs NRA (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 18 ) Sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-392/96, Ġabra p. I-5901, punt 61); tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C-233/00, Ġabra p. I-6625, punt 62); tal-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C-177/04, Ġabra p. I-2461, punt 52); u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-36/05, Ġabra p. I-10313, punt 38).

( 19 ) Kawża L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C-455/08).

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-503/03, Ġabra p. I-1097); u b’riferiment għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi is-sentenza tal-10 April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-20/01 u C-28/01, Ġabra p. I-3609); tal-14 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-385/02, Ġabra p. I-8121); tal-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-29/04, Ġabra p. I-9705); tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-250/07, Ġabra p. I-4369); u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-275/08).

( 21 ) Ara wkoll il-punt 154 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-13 ta’ Marzu 2008 fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008, C-454/06, Ġabra p. I-4401). Għall-ġejjieni, ikun xi jkun il-każ, l-Artikolu 2c tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, jintroduċi ċerti kriterji fundamentali tad-dritt Komunitarju rigward it-termini nazzjonali biex jitressqu proċeduri ta’ reviżjoni.

( 22 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5); tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C-231/96, Ġabra p. I-4951, punti 20 u 35); tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio — Cash & Carry (C-30/02, Ġabra p. I-6051, punt 18); u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C-40/08, Ġabra p. I-9579, punt 41).

( 23 ) Ara l-punt 155 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Rechtssache Pressetext Nachrichtenagentur (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21).

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C-470/99, Ġabra p. I-11617, b’mod partikolari l-punti 71 u 76); tas-27 ta’ Frar 2003, Santex (C-327/00, Ġabra p. I-1877, punt 52); u tal-11 ta’ Ottubru 2007, Lämmerzahl (C-241/06, Ġabra p. I-8415, punt 50).

( 25 ) Sentenza SIAC vs NRA, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

( 26 ) Is-sinjifikat tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi għandu jiġi evalwat b’riferiment għall-interpretazzjoni li tawhom il-qrati nazzjonali; ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-382/92, Ġabra p. I-2435, punt 36); tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-129/00, Ġabra p. I-14637, punt 30); u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-490/04, Ġabra p. I-6095, punt 49).

( 27 ) Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-339/87, Ġabra p. I-851, punt 25); tat-30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-361/88, Ġabra p. I-2567, punt 24); tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-366/89, Ġabra p. I-4201, punt 17); tat-28 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-410/03, Ġabra p. I-3507, punt 32); u tat-12 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-507/04, Ġabra p. I-5939, punt 298).

( 28 ) Sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-361/88, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 24); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-366/89, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 17); tas-7 ta’ Novembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-221/94, Ġabra p. I-5669, punt 22); tat-13 ta’ Settembru 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-417/99, Ġabra p. I-6015, punt 38); u tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-427/07, Ġabra p. I-6277, punt 55).

( 29 ) Sentenzi tas-26 ta’ April 2005, “Goed Wonen” (C-376/02, Ġabra p. I-3445, punt 32); tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C-288/07, Ġabra p. I-7203, punt 48); u tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol (C-201/08, Ġabra p. I-8343, punt 43).

( 30 ) Sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C-17/03, Ġabra p. I-4983, punt 80); tas-17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia (C-347/06, Ġabra p. I-5641, punt 69); tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster (C-158/07, Ġabra p. I-8507, punt 67); u Plantanol (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 46).

( 31 ) Jekk il-proġett tal-bini tat-triq Dundalk Western Bypass Motorway, li ta bidu għal dan ir-rikors ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġi kkunsidrat bħala eżempju, huma partikolarment ċari l-preklużjonijiet iġġenerati mill-Artikolu 84a(4) tal-RSC: skont l-Irlanda, SIAC diġà kellha tikkontesta d-deċiżjoni intermedja tal-NRA dwar l-għażla tal-offerent ippreferut fit-terminu tal-Artikolu 84a(4) tal-RSC u dak iż-żmien kien missha invokat diġà l-motivi tagħha b’riferiment għall-għażla tal-konsorzju Celtic Roads Group. Bil-proċeduri ta’ reviżjoni sussegwenti kontra d-deċiżjoni finali tal-għoti tal-kuntratt, id-dritt ta’ SIAC li tinvoka dawk l-allegazzjonijiet, kif ġie kkonstatat fis-sentenza SIAC vs NRA tal-High Court of Ireland (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12), diġà kien estint.

( 32 ) F’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, Universale-Bau et, (b’mod partikolari l-punt 72); Santex (punti 51 u 57) u Lämmerzahl (punt 52); b’mod ġenerali dwar ir-regoli tal-proċedura ġudizzjarja, ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C-21/03 u C-34/03, Ġabra p. I-1559, punt 42).

( 33 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, Universale-Bau et (punt 76); Santex (punt 52); u Lämmerzahl (punti 50 u 51); ara, wkoll il-punt 157 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża Pressetext Nachrichtenagentur (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21).

( 35 ) Ara wkoll it-tielet u l-ħames premessi tad-Direttiva 89/665, fejn jissemmew “rimedji effettivi u rapidi” u “l-ksur imsemmi qabel għandu jiġi ttrattat b’mod urġenti”. Għall-ġejjieni, l-Artikolu 2c tad-Direttiva 89/665 (introdott bid-Direttiva 2007/66) jagħmilha wkoll ċara li r-regoli nazzjonali li jipprovdu li “kwalunkwe applikazzjoni għal reviżjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti meħuda fil-kuntest ta’, jew b’konnessjoni ma’, proċedura għall-għoti tal-kuntratti li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE għandha ssir qabel l-iskadenza ta’ perijodu speċifikat” huma legali.

( 36 ) Fl-istess sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Universale-Bau et (punti 75 sa 79); Lämmerzahl (punti 50 u 51) u tat-12 ta’ Frar 2004, Grossmann Air Service (C-230/02, Ġabra p. I-1829, punti 30 u 36 sa 39).

( 37 ) Sentenzi tat-30 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 24); tat-2 ta’ Awwissu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-366/89, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 17); u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 22).

( 38 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 49 u 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Ara għal darb’oħra s-sentenza Universale-Bau et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punti 76 sa 78).

( 40 ) Sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (29/84, Ġabra p. 1661, punt 23); tad-9 ta’ April 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja (363/85, Ġabra p. 1733, punt 7); tal-10 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-144/99, Ġabra p. I-3541, punt 17); tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-6/04, Ġabra p. I-9017, punt 21); tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-32/05, Ġabra p. I-11323, punt 34); u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-427/07, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punti 54 u 55).

( 41 ) Ara għal darb’oħra Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-427/07, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 55).

( 42 ) B’mod ġenerali, dwar il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-direttivi, ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, Von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891, punt 26); tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 113); u tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 98); b’mod partikolari rigward id-Direttiva 89/665 ara anki s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, Santex (punt 63) u Lämmerzahl (punt 62).

( 43 ) Sentenza Santex (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 62).

( 44 ) Ara anki, iktar ’il fuq, il-punti 49 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara t-tieni paragrafu tal-punt 50 tal-Istruzzjonijiet prattiċi dwar rikorsi diretti u appelli [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-verżjoni tal-15 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 361, p. 15): it-talba għal estensjoni tal-ħin għat-trattazzjoni orali fis-seduta kellha “tasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja malajr kemm jista’ jkun” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u setgħet tiġi kkunsidrata biss jekk “tasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja mhux iktar tard minn ġimagħtejn qabel id-data tas-seduta” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 46 ) Artikolu 1(2)(a) u (b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 780/2009 tas-27 ta’ Awwissu 2009 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Artikoli 28 (a) paragrafu 2, subparagrafu 3 u 96 paragrafu 2, subparagrafu 3 tas-sistema applikabbli għall-ħaddiema l-oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej (S.Ħ.O.) (ĠU L 226, p. 3).

( 47 ) Ara wkoll l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 141, p. 26), kif ukoll rigward is-sistema preċedenti, il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fis-27 ta’ Jannar 2005 fil-kawża Housieaux (sentenza tal-21 ta’ April 2005, C-186/04, Ġabra p. I-3299, punt 23).

( 48 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 68). Ara wkoll l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 41(1) u (2) tad-Direttiva 2004/18.

( 49 ) Sentenza tas-Supreme Court of Ireland tal-4 ta’ April 2003 fil-kawża Dekra Éireann Teoranta vs Minister for the Environment and Local Government, [2003] IESC 25, [2003] 2 IR 270 (l-Irlanda tirreferi b’mod partikolari għall-punt 14a tal-osservazzjonijiet tal-Imħallef Denham).

( 50 ) Fil-lingwa tal-kawża: “primary obligation”.

( 51 ) B’riferiment għal obiter dictum fis-sentenza tas-Supreme Court of Ireland fil-kawża Dekra Éireann Teoranta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49), l-Irlanda ssostni li “in certain circumstances a court could refuse an application [under] Order 84A, rule 4, brought within three months where the prejudice to the public or a party could be such that the application should be refused.”

( 52 ) F’dan il-kuntest huma partikolarment illuminanti l-osservazzjonijiet tal-Imħallef Denham fis-sentenza Dekra Éireann Teoranta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49). L-Imħallef jitkellem qabel kollox dwar ir-regoli essenzjalment simili inklużi fl-Artikolu 84(21)(1) tal-RSC: “Whilst there is a discretion in the court to extend this time, there is also a discretion to refuse the application even within the months specified in the Rules of the Superior Courts” ([2003] 2 IR 270 [285]). Iktar ’il quddiem fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-Imħallef Denham janalizza l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni hawnhekk rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 84a(4) tal-RSC u jinterpretaha b’dan il-mod: “[…] in all the circumstances of a case a court may determine in its discretion that the prejudice to the public or a party could be such that […] the application should be refused. Since urgency and rapidity is an underpinning policy of applications regarding public contracts, the test requires that such applications be made rapidly and an applicant must explain reasonably any delay” ([2003] 2 IR 270 [286]).

( 53 ) Ara, f’dan ir-rigward, anki l-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-kawża Uniplex (UK) (C-406/08, punt 69).

( 54 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-129/00, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 33).

( 55 ) Sentenza tal-High Court of Ireland (Imħallef Clarke) tat-2 ta’ Mejju 2006 fil-kawża Veolia Water UK vs Fingal County Council (No. 1); [2006] IEHC 137, [2007] 1 IR 690 (punti 28 sa 54).

( 56 ) F’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2005, Koppensteiner (C-15/04, Ġabra p. I-4855, punt 38); u Lämmerzahl (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, it-tieni sentenza tal-punt 63).

( 57 ) Ara l-punti 48 sa 50 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati llum fil-kawża Uniplex (UK) (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53).

( 58 ) Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 60).

( 59 ) Sentenzi ċċitatai fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, tal-21 ta’ Settembru 1999 Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (punt 61); tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (punt 62); tal-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (punt 52); u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (punt 38).

( 60 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 49); tat-13 ta’ Settembru 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 34); tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 22); u tas-16 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-427/07, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punti 64 u 65). B’mod partikolari, rigward l-argument li jgħid li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/66 hija imminenti, ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Franza (C-327/08, punti 21 sa 26).