KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2009 ( 1 )

Kawża C-358/08

Aventis Pasteur SA

vs

OB

Werrej

 

I — Introduzzjoni

 

II — Il-kuntest ġuridiku

 

A — Id-dritt Komunitarju

 

B — Il-leġizlazzjoni nazzjonali

 

III — Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

 

A — Il-fatti

 

B — L-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari u s-sentenza O’Byrne

 

C — Talba għal deċiżjoni preliminari mill-House of Lords

 

IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V — L-argumenti tal-partijiet

 

VI — Evalwazzjoni legali

 

A — L-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari u s-sentenza O’Byrne

 

1. L-ewwel domanda: il-mument meta prodott jitqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni

 

2. Analiżi tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda

 

a) Il-kunċett ta’ produttur fuq diversi livelli skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374

 

b) Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 fid-dawl tal-interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ produttur

 

3. It-tieni u t-tielet domandi: sostituzzjoni ta’ produttur bħala konvenut matul kawża

 

4. Analiżi tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni u għat-tielet domandi

 

B — It-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-House of Lords

 

1. Rimarki introduttivi

 

2. Impossibbiltà li jiġi ssostitwit produttur bħala konvenut wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374

 

3. Analiżi tal-premessi tad-domanda preliminari tal-House of Lords u l-konsegwenzi tagħhom għall-applikazzjoni tad-Direttiva 85/374

 

a) Preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 u sostituzzjoni ta’ konvenuti qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ preskrizzjoni

 

i) Dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali

 

ii) Possibbiltà ta’ sostituzzjoni ta’ produttur bħala parti fil-kawża qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374

 

b) Konsegwenzi tal-klassifikazzjoni ta’ fornitur bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374

 

i) Il-klassifikazzjoni ta’ fornitur bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374

 

ii) Konsegwenzi tal-klassifikazzjoni ta’ fornitur bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374

 

4. Sommarju

 

VII — Konklużjoni

“Direttiva 85/374/KEE — Responsabbiltà għal prodotti difettużi — Artikoli 3 u 11 — Żball dwar il-klassifikazzjoni ta’ ‘produttur’ — Proċedura ġudizzjarja — Talba għas-sostituzzjoni tal-produttur mal-konvenut inizjali — Skadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni”

I — Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-House of Lords tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi ( 2 ). Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkjarifika b’mod partikolari jekk u taħt liema kundizzjonijiet il-produttur ta’ prodott jistax, permezz ta’ sostituzzjoni tal-partijiet, isir konvenut f’kawża fejn il-parti ppreġudikata tkun invokat bi żball id-drittijiet tagħha taħt din id-direttva kontra fornitur tal-prodott, jekk il-kawża tkun tressqet qabel ma jkun skada t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin stipulat fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 iżda r-rikors għas-sostituzzjoni tal-konvenut ikun sar biss wara li jkun iddekorra dan il-perijodu ta’ għaxar snin.

2.

Fattur speċjali dwar din it-talba għal deċiżjoni preliminari huwa li d-domanda diġà ġiet rinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja — għalkemm b’formulazzjoni differenti — mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, bħala qorti ta’ istanza inferjuri fl-istess proċedimenti, u ngħatat risposta permezz tas-sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, O’Byrne ( 3 ). Peress li l-House of Lords, bħala qorti tal-appell fl-istess kawża, hija inċerta dwar l-effett preċiż tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija rrinvjat id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari oħra.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

3.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/374 jistipula li “[il-]produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu”.

4.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374 jipprovdi:

“1.   ‘Produttur’ tfisser manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ kull materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu.

[…]

3.   Fejn il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, kull fornitur tal-prodott għandu jitqies bħala l-produttur tiegħu kemm-il darba huwa ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara [ippreġudikata], fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietu bil-prodott. L-istess għandu jgħodd, fil-każ ta’ prodott importat, jekk dan il-prodott ma jindikax l-identità tal-importatur imsemmi fil-paragrafu 2, anke jekk l-isem tal-produttur huwa indikat.”

5.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-leġislazzjoni tagħhom li d-drittijiet mogħtija lil persuna li saritilha l-ħsara [ippreġudikata] skond din id-Direttiva jispiċċaw ma’ l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 10 snin mid-data li fiha l-produttur ikun poġġa fiċ-ċirkulazzjoni l-prodott attwali li kkawża d-dannu, kemm-il darba l-persuna korruta [ippreġudikata] tkun fil-frattemp tat bidu għal proċedimenti kontra l-produttur.”

B — Il-leġizlazzjoni nazzjonali

6.

Ir-Renju Unit ittraspona d-Direttiva 85/374 permezz tal-parti I tal-Consumer Protection Act 1987, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 1988.

7.

Din il-liġi daħħlet Artikolu 11A ġdid fil-Limitation Act 1980, fejn is-subartikolu 3 ta’ dan jipprovdi:

“Azzjoni li għaliha japplika dan l-artikolu ma tistax titressaq wara li jiskadi t-terminu ta’ għaxar snin mid-data rilevanti […]; u dan is-subartikolu għandu bħala effett li jtemm id-dritt għat-tressieq ta’ azzjoni u dan jiġri sew jekk id-dritt għat-tressieq ta’ azzjoni jkun akkumula u sew jekk le, jew jekk ikun beda jiddekorri ż-żmien skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att fi tmiem l-imsemmi perijodu ta’ għaxar snin.”

8.

Skont l-Artikolu 35 tal-Limitation Act 1980, is-sostituzzjoni ta’ konvenut matul kawża bħala prinċipju hija pprojbita wara li jkun skada t-terminu ta’ preskrizzjoni. Madankollu, b’mod eċċezzjonali, ir-regoli ta’ proċedura jistgħu jagħtu lill-qrati l-poter li jippermettu li ssir it-tali bidla fil-partijiet wara li jkun iddekorra t-terminu ta’ preskrizzjoni.

9.

Ir-Regola 19.5(3)(a) tas-Civil Procedure Rules tipprovdi għal din il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni ta’ parti wara li jkun skada t-terminu ta’ preskrizzjoni meta azzjoni tkun tressqet bi żball kontra l-persuna żbaljata. Il-qrati nazzjonali għandhom diskrezzjoni wiesgħa meta japplikaw din id-dispożizzjoni. Meta jagħmlu hekk huma jieħdu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konvenut jitlef l-effett liberatorju tal-preskrizzjoni, sabiex b’hekk rikors intiż għas-sostituzzjoni ta’ konvenut, anki fejn il-kundizzjonijiet kollha stipulati jiġu sodisfatti, jintlaqa’ biss jekk dan ikun ġust skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

III — Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

A — Il-fatti

10.

L-appellat fil-kawża prinċipali, meta kien tarbija, ġie mlaqqam fi klinika medika ġewwa r-Renju Unit bit-tilqima HIB, li l-produttur tagħha kienet il-kumpannija Franċiża Pasteur Mérieux Sérums et Vaccins SA, li wara biddlet isimha għal Aventis Pasteur SA (iktar ‘il quddiem “APSA”). It-tilqima tqassmet fir-Renju Unit mill-kumpannija Ingliża Mérieux UK Limited, kumpannija sussidjarja 100% proprjetà ta’ APSA. Fl-1994 APSA waqfet kumpannija bi sħab ma’ Merck Inc. Mérieux UK Limited ġiet ikkonvertita f’kumpannija sussidjarja tal-kumpannija bi sħab, u sussegwentement biddlet isimha għal Aventis Pasteur MSD (iktar ’il quddiem “APMSD”).

11.

It-tilqima li ġiet amministrata lill-appellat kienet parti minn kunsinna ta’ numru ta’ unitajiet tat-tilqima HIB mibgħuta minn APSA lil APMSD fit-18 ta’ Settembru 1992. Fit-22 ta’ Settembru 1992 il-kunsinna waslet għand APMSD, li minnufih ħallset il-fattura għall-kunsinna lil APSA.

12.

F’data mhux magħrufa — probabbilment lejn l-aħħar ta’ Settembru jew il-bidu ta’ Ottubru 1992 — parti mill-kunsinna, inkluża t-tilqima mogħtija lill-appellat, inbiegħet minn APMSD lid-Department of Health (il-Ministeru tas-Saħħa) u ġiet ikkunsinnata lil sptar indikat mid-dipartiment, li sussegwentement forna t-tilqima lill-klinika tat-tabib fejn l-appellat ingħata t-tilqima fit-3 ta’ Novembru 1992.

13.

Sussegwentement l-appellat sofra minn ħsara serja fil-moħħ. Fil-fehma tiegħu, il-ħsara ġiet ikkawżata mit-tilqima, li jingħad li kienet difettuża.

14.

Fit-2 ta’ Novembru 2000 l-appellat ippreżenta rikors kontra APMSD. Fit-talba nnotifikata fl-1 ta’ Awwissu 2001, huwa allega li t-tilqima kienet ġiet prodotta minn APMSD u li kienet difettuża. APMSD wieġbet fir-risposta tagħha, innotifikata fid-29 ta’ Novembru 2001, li hija kienet sempliċement id-distributur tat-tilqima amministrata lill-appellat. Fis-17 ta’ April 2002, b’riposta għal talba f’dan is-sens, APMSD identifikat lil Pasteur Merieux Serums et Vaccins SA bħala l-produttur.

15.

Fis-16 ta’ Ottubru 2002 l-appellat ippreżenta rikors separat kontra APSA, fejn talab id-danni fuq il-bażi li APSA kienet il-produttur tat-tilqima. F’din it-tieni kawża, APSA ammettiet li kienet il-produttur tat-tilqima iżda sostniet li r-rikors imressaq kontriha kien preskritt. Hija sostniet li l-prodott kien tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni meta ntbagħat fit-18 ta’ Settembru 1992 lil APMSD, li rċevietha fit-22 ta’ Settembru 1992. Il-preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst mill-Artikolu 11A(3) tal-Limitation Act 1980 kien għaldaqstant skada l-iktar tard fit-22 ta’ Settembru 2002.

16.

Minbarra l-kawża ġdida kontra APSA, l-appellat ippreżenta rikors fil-kuntest tal-ewwel kawża kontra APMSD sabiex APMSD tiġi ssostitwita minn APSA bħala konvenuta. Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-appellat sostna li meta ressaq l-ewwel kawża f’Novembru 2000 huwa żbaljatament ħaseb li APMSD kienet il-produttur tat-tilqima. B’kontestazzjoni għal dan ir-rikors, APSA sostniet li, sa fejn il-liġi nazzjonali kienet tippermetti tali sostituzzjoni tal-partijiet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, dan kien inkompatibbli mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374. L-appellat jiċħad dan.

B — L-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari u s-sentenza O’Byrne

17.

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, issospendiet il-proċeduri fl-ewwel kawża, li kienet pendenti quddiemha, u rrinvijat tliet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari. Il-High Court talbet kjarifika b’mod partikolari meta, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, il-prodott kellu jitqies bħala li tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 (l-ewwel domanda), jekk azzjoni mressqa bi żball kontra impriża li ma kinitx il-produttur għandhiex titqies bħala “proċedimenti kontra l-produttur” fis-sens tal-Artikolu 11 (it-tieni domanda), u jekk f’dawn iċ-ċirkustanzi l-Artikolu 11 kienx jippermetti li l-produttur jiġi ssostitwit bħala konvenut, bil-permess tal-qorti, jekk ikun ingħata bidu għall-kawża kkonċernata qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin iżda rikors għas-sostituzzjoni tal-konvenuti jkun ġie ppreżentat biss wara l-iskadenza tat-terminu (it-tielet domanda).

18.

B’risposta għal dawn id-domandi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza O’Byrne li:

“1.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott huwa mqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni meta huwa ħareġ mill-proċess ta’ produzzjoni implementat mill-produttur u meta jidħol fi proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni fejn jinsab fi stat li jkun offrut lill-pubbliku sabiex jiġi użat jew ikkunsmat.

2.

Meta azzjoni hija mressqa kontra kumpannija kkunsidrata b’mod żbaljat bħala li hija l-produttur ta’ prodott meta, fil-fatt, dan il-prodott ikun ġie mmanufatturat minn kumpannija oħra, hija bħala prinċipju l-liġi nazzjonali li għandha tiffissa l-kundizzjonijiet meta s-sosituzzjoni ta’ parti b’oħra tista’ ssir fil-kuntest ta’ azzjoni bħal din. Qorti nazzjonali li teżamina l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta din is-sostituzzjoni għandha madankollu tirrispetta l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 85/374, kif iddeterminat mill-Artikoli 1 u 3 tagħha.”

C — Talba għal deċiżjoni preliminari mill-House of Lords

19.

Wara s-sentenza O’Byrne, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, fl-20 ta’ Ottubru 2006 laqgħet ir-rikors tar-rikorrent fl-ewwel istanza għas-sostituzzjoni tal-partijiet, abbażi tal-fatt li APMSD bi żball kienet ġiet indikata bħala konvenuta minflok APSA. APSA appellat quddiem il-Court of Appeal, li ċaħdet l-appell fid-9 ta’ Ottubru 2007. Il-House of Lords tat il-kunsens tagħha lil APSA sabiex tappella.

20.

F’dawn il-proċeduri ta’ appell il-House of Lords għandha tiddeċiedi jekk huwiex konsistenti mad-Direttiva 85/374 li l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu li ssir is-sostituzzjoni tal-vera produttur bħala konvenut f’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali. Din id-domanda kienet diġà tressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-tieni u fit-tielet domandi fl-ewwel digriet tar-rinviju, u ngħatat risposta għaliha fis-sentenza O’Byrne. Madankollu, sabiex tiddetermina l-portata preċiża tar-risposta mogħtija, il-House of Lords kellha tiffaċċja diffikultajiet serji ta’ interpretazzjoni.

21.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-House of Lords iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tirrinvija d-domanda li ġejja għal deċiżjoni preliminari ulterjuri lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Huwa konformi mad-Direttiva Ewropea dwar ir-responsabbiltà tal-prodott li l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu s-sostituzzjoni minn konvenut ġdid f’talba mressqa taħt id-direttiva wara li l-perijodu ta’ 10 snin għall-infurzar tad-drittijiet taħt l-Artikolu 11 tad-direttiva jkun skada f’ċirkustanzi fejn l-unika persuna li tkun magħżula bħala konvenut fil-kawża matul il-perijodu ta’ 10 snin kienet xi ħadd li ma taqax taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva?”

IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

Id-digriet tar-rinviju tal-11 ta’ Ġunju 2008 wasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2008. L-appellat u l-appellanta fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub. Ir-rappreżentati tal-appellat u tal-appellanta fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Kummissjoni għamlu t-trattazzjonijiet tagħhom matul is-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2009.

V — L-argumenti tal-partijiet

23.

APSA tosserva li d-Direttiva 85/374 hija bbażata fuq bilanċ kumpless ta’ interessi. Sabiex tikkumpensa għar-responsabbiltà assoluta tal-produttur, id-direttiva tipprovdi għal ċerti difiżi u mekkaniżmu ieħor ta’ protezzjoni għall-produttur. F’dan ir-rigward l-Artikolu 11 jipprovdi li d-drittijiet tal-konsumatur taħt id-direttiva f’kull każ jispiċċaw mal-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin mid-data li fiha l-produttur ikun qiegħed il-prodott fiċ-ċirkulazzjoni. L-unika possibbiltà li jiġi interrott id-dekorrenza ta’ dan it-terminu hija t-tressiq ta’ kawża kontra l-produttur fis-sens tal-Artikolu 3. Peress li d-Direttiva 85/374 għandha l-għan li tarmonizza kompletament il-materji li tirregola, it-tifsira ta’ produttur fl-Artikolu 3 hija eżawrjenti. Fid-dawl tal-fatt li APMSD ma hijiex produttur fis-sens tal-Artikolu 3, il-kawża li tressqet kontra APMSD ma waqfitx id-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. Id-drittijiet tal-persuna li saritilha ħsara għalhekk ġew estinti mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, biex b’hekk din ma setgħetx titlob iktar dawn id-drittijiet fi proċeduri kontra APMSD bħala l-konvenuta oriġinali jew kontra APSA bħala l-konvenuta l-ġdida.

24.

Skont l-appellat fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 85/374 ma tipprekludix regola nazzjonali ta’ proċedura li tipprovdi li fornitur ta’ prodott li fil-konfront tiegħu tkun tressqet kawża qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin stipulat fl-Artikolu 11 jista’ f’ċirkustanzi eċċezzjonali jiġi ssostitwit bħala konvenut mill-produttur tal-prodott, anki jekk ir-rikors għal sostituzzjoni tal-partijiet ikun sar biss wara li jkun skada t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. Din ir-regola għandha titqies li hi konsistenti mad-direttiva b’mod partikolari meta s-sostituzzjoni tal-partijiet tippresupponi li r-rikorrent kellu l-intenzjoni ab initio li jasserixxi d-drittijiet tiegħu kontra produttur, u l-qrati nazzjonali jistgħu jiċħdu r-rikors għal sostituzzjoni ta’ konvenuti jekk il-konvenut il-ġdid ma kellux għarfien, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin, dwar l-intenzjoni tar-rikorrent li jasserixxi d-drittijiet tiegħu kontra produttur.

25.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed titlob gwida dwar jekk, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, sostituzzjoni ta’ konvenuti li hija permessa taħt il-liġi nazzjonali hijiex konsistenti mad-Direttiva 85/374 jekk il-persuna ppreġudikata, qabel l-iskadenza tat-terminu tal-preskrizzjoni ta’ għaxar snin, bi żball tressaq it-talba tagħha mhux kontra l-produttur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva iżda minflok kontra fornitur li għandu jiġi klassifikat bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3(3), u jippreżenta rikors għas-sostituzzjoni ta’ konvenuti biss wara li jkun skada t-terminu ta’ għaxar snin. Hija ssostni li r-risposta għandha tkun fl-affermattiv.

VI — Evalwazzjoni legali

26.

Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għal domanda li kienet diġà saret fl-istess kawża mill-qorti inferjuri, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division, u li ngħatat risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza O’Byrne ( 4 ).

27.

Għalkemm l-ewwel sentenza O’Byrne hija deċiżjoni definittiva tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-effett tagħha jestendi mhux biss għal qorti tar-rinviju iżda għall-qrati kollha li għandhom jagħtu deċiżjoni fl-istess kawża, rinviju ulterjuri tal-istess domanda fl-istess kawża huwa ammissibbli ( 5 ). Skont il-ġurisprudenza stabbilita, dan it-tieni rinviju jista’ jkun ġġustifikat b’mod partikolari meta l-qorti nazzjonali tiltaqa’ ma’ diffikultajiet biex tifhem jew tapplika s-sentenza, meta tirreferi punt ta’ dritt ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja, jew meta tissottometti kunsiderazzjonijiet ġodda li jistgħu jwasslu l-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħti risposta differenti għal domanda li diġà tkun tat deċiżjoni dwarha ( 6 ). Bħala prinċipju hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk id-deċiżjoni preliminari li diġà tkun ingħatat tipprovdix risposta adegwata sabiex tiddeċiedi l-kawża, jew jekk tikkunsidrax li jkun meħtieġ rinviju ulterjuri ( 7 ).

28.

F’dan il-kuntest, qabel kollox hawn taħt għandha ssir analiżi tas-sentenza O’Byrne. Sussegwentement din l-analiżi għandha tittieħed bħala punt tat-tluq biex tiġi pprovduta proposta ta’ risposta għad-domanda għal deċiżjoni preliminari ġdida.

A — L-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari u s-sentenza O’Byrne

1. L-ewwel domanda: il-mument meta prodott jitqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni

29.

Fis-sentenza O’Byrne, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha qabel kollox tiddeċiedi dwar jekk, meta prodott jinbiegħ minn kumpannija produttriċi lil kumpannija sussidjarja ta’ distribuzzjoni li sussegwentement tbigħu lil terzi, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prodott jitqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni meta jiġi ttrasferit mill-kumpannija produttriċi lill-kumpannija sussidjarja jew meta dan il-prodott jiġi ttrasferit minn din tal-aħħar lil terzi.

30.

Fir-risposta għal din id-domanda l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-dispożizzjoni fl-Artikolu 11 li tistabbilixxi terminu għad-drittijiet tal-persuna ppreġudikata, hija ta’ natura newtrali. Il-konstatazzjoni tat-termini ta’ żmien li matulhom għandha titressaq il-kawża tal-persuna ppreġudikata għaldaqstant għandha tissodisfa kriterji oġġettivi ( 8 ).

31.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat il-prinċipju li prodott għandu jitqies li tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva, meta joħroġ mill-proċess ta’ produzzjoni min-naħa tal-produttur u jidħol fil-proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-forma li fiha jiġi offert lill-pubbliku sabiex jintuża jew jiġi kkonsmat. Ġeneralment ma huwiex importanti f’dan ir-rigward il-fatt li l-prodott jinbiegħ direttament mill-produttur lill-utent jew lill-konsumatur jew li dan il-bejgħ isir fil-kuntest ta’ proċess ta’ distribuzzjoni li jinkludi wieħed jew iktar fornituri ( 9 ).

32.

Madankollu, meta r-rabtiet bejn produttur u fornitur ikunu daqstant viċini li dan tal-aħħar fil-verità jkun involut fil-proċess ta’ produzzjoni, il-kunċett ta’ produttur fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva jinkludi wkoll dan il-fornitur, u l-prodott ma jitqiesx li tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni sempliċement għaliex ġie ttrasferit lill-fornitur. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk din ir-rabta mill-viċin teżistix jew le ( 10 ).

2. Analiżi tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda

33.

Fir-risposta għall-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ikkonstatat li prodott jitqies li tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni mill-mument meta l-produttur jittrasferixxih lil fornitur. Jekk, madankollu, il-produttur u l-fornitur huma daqstant konnessi mill-viċin li l-fornitur verament jifforma parti mill-proċess tal-produzzjoni, il-fornitur għandu wkoll jiġi klassifikat bħala produttur fis-sens tal-Artikoli 7 u 11 tad-Direttiva 85/374. F’dan il-każ il-prodott ma jitqiesx li tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni sal-mument meta l-fornitur li għandu jiġi klassifikat bħala produttur jittrasferixxieh lil terzi.

34.

Peress li l-kunċett ta’ produttur użat fl-Artikoli 7 u 11 tad-Direttiva jirreferi għad-definizzjoni statutorja ta’ produttur fl-Artikolu 3, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza O’Byrne bażikament għażlet li tagħti interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ produttur fis-sens tal-Artikolu 3. Biex tiġi kkonstatata l-portata u t-tifsira preċiża ta’ din l-interpretazzjoni funzjonali qabel kollox se niddeskrivi d-diversi kategoriji ta’ produtturi taħt l-Artikolu 3 biex imbagħad nispjega liema kategorija ta’ produttur kienet qed tirreferi għalih il-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement se nuri kif din l-interpretazzjoni funzjonali tidħol fir-regola tal-preskrizzjoni li tinsab fid-Direttiva 85/374.

a) Il-kunċett ta’ produttur fuq diversi livelli skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374

35.

Sabiex tistabbilixxi l-portata personali tad-Direttiva 85/374, il-leġiżlatura pproċediet minn kunċett ta’ produttur kumpless, fuq diversi livelli kif spjegat fl-Artikolu 3 u jinkludi erba’ kategoriji differenti ta’ produtturi:

(1)

il-produttur stricto sensu li jipproduċi l-prodott lest, il-materja prima jew parti komponenti (l-Artikolu 3(1) l-ewwel parti tas-sentenza);

(2)

il-kważi-produttur li jippreżenta lilu nnifsu bħala l-produttur billi jqiegħed ismu, it-trade mark tan-negozju tiegħu jew xi sinjal distintiv ieħor fuq il-prodott, (l-Artikolu 3(1) it-tieni parti tas-sentenza);

(3)

l-importatur li jimporta l-prodott fil-Komunità għad-distribuzzjoni fil-kors tan-negozju tiegħu (l-Artikolu 3(2));

(4)

il-fornitur li jiddistribwixxi l-prodott, jekk il-produttur (jew fil-każ ta’ prodott importat, l-importatur) ma jistax jiġi identifikat u l-fornitur ma jiddikjarax fi żmien raġjonevoli l-identità tal-produttur jew tal-importatur jew tal-persuna li fornietlu l-prodott (l-Artikolu 3(3)).

36.

Billi fis-sentenza O’Byrne, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li entità li hija formalment parti mill-katina tad-distribuzzjoni tista’, b’riżultat tal-involviment tagħha fil-proċess tal-manifattura tal-prodott għandha titqies bħala produttur mill-aspett funzjonali, b’mod impliċitu iżda mingħajr ebda ekwivoku hija għamlet referenza għall-kategorija ta’ produtturi stricto sensu fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1). Huwa biss il-produttur stricto sensu li jopera proċess għall-manifattura ta’ prodott u għaldaqstant jinsab f’pożizzjoni li jorganizza l-proċess b’tali mod li jinvolvi entitajiet oħra.

37.

Għaldaqstant l-interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ produttur fis-sentenza O’Byrne hija relatata mal-kategorija ta’ produttur stricto sensu fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374. Il-kategoriji l-oħra ta’ produtturi, b’kuntrast ma’ dan, ma għandhomx x’jaqsmu ma’ din l-interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ produttur.

38.

Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk fornitur ta’ prodott għandux jiġi klassifikat mill-aspett funzjonali fil-każ partikolari bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374. Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat fis-sentenza O’Byrne ( 11 ) li, meta ssir l-evalwazzjoni dwar jekk produttur u fornitur humiex daqshekk relatati mill-viċin li l-fornitur fil-verità jkun parti mill-proċess ta’ produzzjoni, bħala prinċipju ma huwiex rilevanti jekk il-produttur u l-fornitur ikunux persuni ġuridiċi distinti. Bl-istess mod ma hijiex rilevanti l-kwistjoni dwar jekk il-produttur stricto sensu jkunx bagħat fattura tal-prodotti lill-entità kkonċernata u jekk din tal-aħħar tkunx ħallset il-prezz tal-bejgħ bħal kwalunkwe xerrej ieħor. Il-kwistjoni dwar min kellu d-drittijiet ta’ proprjetà fuq il-prodotti f’dak iż-żmien hija wkoll irrilevanti. Min-naħa l-oħra, hija rilevanti l-kwistjoni dwar jekk l-impriżi jwettqux attivitajiet differenti ta’ manifattura, jew jekk waħda minnhom, il-kumpannija sussidjarja, taġixxix biss bħala distributur jew bħala pussessur tal-prodott immanifatturat mill-kumpannija parent.

39.

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, sabiex fornitur jiġi kklassifikat bħala produttur — funzjonali — ta’ prodott fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374, tirriżulta li hi deċiżiva r-risposta għad-domanda dwar jekk il-produttur, wara li jittrasferixxi l-prodott lill-fornitur li formalment jagħmel parti mill-katina ta’ distribuzzjoni, iżommx de facto kontroll fuq il-prodott ittrasferit ( 12 ). Dan ikun il-każ b’mod partikolari fejn il-fornitur ma jiddeterminax l-imġiba tiegħu fis-suq b’mod awtonomu iżda jsegwi l-istruzzjonijiet tal-produttur li minnu huwa kkontrollat.

40.

Ir-risposta għad-domanda dwar il-kontroll fattwali fuq prodott għandha tingħata mill-qrati nazzjonali fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-każ individwali u billi tingħata attenzjoni partikolari għall-proċessi ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni operati mill-produttur. Madankollu, ma għandux jiġi ttraskurat il-punt li fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet fi ħdan grupp, it-trasferiment ta’ prodott normalment ma jinvolvix telf ta’ kontroll, b’mod partikolari meta — bħal fil-kawża prinċipali — id-distribuzzjoni ssir mill-produttur lill-kumpannija sussidjarja li tkun 100% proprjetà tiegħu.

41.

Meta prodott jiġi ttrasferit minn produttur lil kumpannija sussidjarja li tkun 100% proprjetà tiegħu u li tifforma parti mill-katina ta’ distribuzzjoni, jista’ jiġi preżunt li l-produttur iżomm kontroll fuq il-prodott sakemm il-kumpannija sussidjarja tkun biegħet il-prodott lil persuna jew entità barra mill-grupp. Din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata. Ir-realtà ekonomika hija wisq kumplessa sabiex ikun possibbli, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi, li jiġi kkonfermat li produttur ma jitlifx il-kontroll de facto fuq prodott meta jittrasferrixxieh lil entità fi ħdan il-grupp. Il-prova kuntrarja li l-kontroll ikun intilef, kif ukoll il-prova dwar il-mument eżatt meta sar it-trasferiment tal-prodott fi ħdan il-grupp, madankollu, għandhom jiġu ppreżentati mill-produttur, li għandu l-oneru tal-prova u r-riskju assoċjat tal-konsegwenzi għan-nuqqas li jingħataw il-provi. Biex tiġi evitata l-possibbiltà li l-produttur ikun jista’ jikseb vantaġġ proċedurali minn dawk ir-relazzjonijiet fi ħdan il-grupp li ma humiex trasparenti għall-konsumatur, l-obbligi li jridu jiġu sodisfatti b’din il-prova kuntrarja għandhom barra minn hekk ikunu għoljin.

42.

Jekk ma tingħatax prova kuntrarja dwar it-telf ta’ kontroll fil-kuntest ta’ trasferiment fi ħdan il-grupp, fornitur li jkun kumpannija sussidjarja li tkun 100% proprjetà tal-produttur u li jkun irċieva prodott mill-produttur għandu jiġi klassifikat, flimkien mal-kumpannija parent, bħala produttur ta’ dak il-prodott fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374.

b) Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 fid-dawl tal-interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ produttur

43.

Interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 tieħu debitament inkunsiderazzjoni l-kompromess milħuq mid-direttiva bejn l-interessi tal-konsumaturi u dawk tal-produtturi. Dan huwa l-ewwel nett evidenti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-mument minn meta t-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-direttiva jibda jiddekorri, li magħha hija relatata l-ewwel domanda tal-High Court.

44.

Fir-rigward tar-regoli dwar preskrizzjoni, id-Direttiva 85/374 tipprovvdi għal żewġ limitazzjonijiet ratione temporis fuq ir-responsabbiltà tal-produttur fir-rigward tal-prodotti.

45.

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 10(1) jinkludi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, li jibda jiddekorri mid-data li fiha l-persuna li ssofri ħsara tkun saret taf, jew kellha ssir taf, bil-ħsara, bid-difett u bl-identità tal-produttur. Għalkemm it-terminu ta’ preskrizzjoni huwa relattivament qasir, il-fatt li dan jibda jiddekorri biss mill-jum li fih il-persuna kkonċernata saret konsapevoli —, jew minn meta kellha raġonevolment issir konsapevoli — mill-fatti kruċjali li jagħtu lok għat-talba, jinkludi miegħu l-possibbiltà li t-terminu ma jibdix jiddekorri qabel ħafna snin wara l-ewwel użu tal-prodotti. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(2), il-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni huma applikabbli għal dan il-perijodu.

46.

Minbarra dan it-terminu ‘varjabbli’ ta’ preskrizzjoni, l-Artikolu 11 tad-direttiva jipprovvdi għal terminu ‘fiss’ ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin li jibda jiddekorri mid-data li fiha l-prodott ikun tqiegħed għaċ-ċirkulazzjoni, li jista’ jiġi interrott biss meta titressaq kawża kontra l-produttur, u twassal għall-estinzjoni tad-drittijiet tal-persuna li tkun saritilha l-ħsara taħt id-direttiva ( 13 ).

47.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fis-sentenza O’Byrne, b’riferiment għall-premessa 10 fil-Preambolu għad-Direttiva 85/374, li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin joħloq ċertezza legali fl-interess ta’ dawk kollha konċernati, u f’dan is-sens huwa newtrali, fil-fehma tiegħi ma jistax jiġi injorat ukoll li fil-kuntest globali tad-Direttiva l-Artikolu 11 għandu barra minn hekk u fuq kollox, effett newtralizzanti favur il-produttur.

48.

Kif qal korrettement l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tiegħu tat-2 ta’ Ġunju 2005 fil-kawża O’Byrne ( 14 ), id-Direttiva 85/374 għandha l-għan li tipproteġi l-konsumatur billi tipprovvdi għal responsabbiltà assoluta tal-produttur — iżda bil-possibbiltà ta’ difiżi — għal każijiet fejn il-ħsara tkun ikkawżata minn difett fil-prodott tiegħu. Din il-klassifikazzjoni tar-responsabbiltà tal-produttur bħala responsabbiltà assoluta hija immedjatament evidenti mill-premessa 2 fil-Preambolu għad-Direttiva 85/374, li tikkonstata li responsabbiltà assoluta hija l-uniku mezz li permezz tagħha tissolva l-problema b’mod adegwat ta’ distribuzzjoni ġusta tar-riskji intrinsiċi fil-produzzjoni teknoloġika moderna ( 15 ). Il-klassifikazzjoni bħala responsabbiltà assoluta hija kkonfermata minn analiżi tal-formulazzjoni u l-iskema tad-direttiva. Għaldaqstant il-ħsara li għandha tiġi kkumpensata tiġi deskritta konsistentement bħala waħda kkawżata minn difett fil-prodott, mingħajr ebda riferiment għal imġiba b’negliġenza jew ksur ta’ obbligi min-naħa tal-produttur ( 16 ). F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/374, l-aspettattiva leġittima tal-konsumatur, pjuttost milli obbligu ta’ premura li miegħu għandhom jikkonformaw rwieħhom il-produtturi, tapplika bħala l-kriterju deċiżiv dwar jekk prodott huwiex difettuż ( 17 ).

49.

Ir-responsabbiltà assoluta tal-produttur hija limitata ratione temporis u tiġi estinta, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/74, mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ għaxar snin minn meta l-prodott ikun tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni. Dan it-terminu “fiss” ta’ għaxar snin huwa ġġustifikat qabel kollox peress li responsabbiltà assoluta tirrappreżenta oneru ikbar fuq il-produttur meta mqabbla mar-responsabbiltà taħt ir-regoli komuni ta’ responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali. Sabiex ma jkunx hemm restrizzjonijiet fuq il-progress tekniku ( 18 ), biex l-oneru addizzjonali fuq il-produttur jinżamm f’ċerti limiti, u biex ikun possibbli li tinħareġ assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ responsabbiltà ( 19 ), il-leġiżlatura kkonkludiet li kien meħtieġ li tiġi stabbilita skadenza għar-responsabbiltà assoluta u li tiġi ggarantita għall-produtturi data fissa bħala terminu li tkun uniformi f’kull parti tal-Komunità.

50.

Fl-iskema globali tad-Direttiva 85/374, il-limitu massimu ta’ għaxar snin għar-responsabbiltà tal-produttur fl-Artikolu 11 għaldaqstant għandu jitqies bħala kontro bilanċ għan-natura mhux ibbażata fuq ħsara għal din it-tip ta’ responsabbiltà għall-prodott. B’hekk ċaqlieq fid-data ta’ meta jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni neċessarjament għandu effett fuq il-bilanċ bejn l-interessi tal-produtturi u tal-konsumaturi. Jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri iktar ’il quddiem, hija mhux biss il-protezzjoni tal-konsumatur li tiżdied iżda wkoll ir-riskju ta’ responsabbiltà tal-produttur. Jekk, min-naħa l-oħra, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri iktar kmieni, il-protezzjoni tal-konsumatur tonqos u — bl-istess mod — l-istess jgħodd għar-riskju ta’ responsabbiltà tal-produttur.

51.

Biex timpedixxi tnaqqis mhux iġġustifikat tal-perijodu ta’ preskrizzjoni b’detriment tal-konsumatur, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza OByrne, meta interpretat l-espressjoni “impoġġi fiċ-ċirkulazzjoni” bħala l-avveniment li jibda d-dekorrenza tal-perijodu ta’ preskrizzjoni, iffokat qabel kollox mhux fuq it-trasferiment fiżiku tal-prodott mill-produttur lil entità oħra iżda pjuttost fuq il-proċess ta’ produzzjoni operat mill-produttur u l-kontroll eżerċitat f’dan il-kuntest. It-trasferiment tal-prodott lil kumpannija sussidjarja li formalment tifforma parti mill-katina ta’ distribuzzjoni ma tgħoddx bħala tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni jekk it-trasferiment ikun tranżazzjoni purament interna fi ħdan il-grupp u l-produttur ma jitlifx kontroll fuq il-prodott.

52.

B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja użat interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 biex tiġi evitata l-possibbiltà li l-perijodu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri bħala riżultat ta’ tranżazzjonijiet interni fi ħdan il-grupp, anki jekk il-prodott ma jkunx għadu telaq mill-isfera ta’ kontroll tal-produttur. Interpretazzjoni kuntrarja kien ikollha l-konsegwenza li l-produtturi kienu jingħataw mezz sabiex iqassru b’mod sinjifikattiv it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin billi jaħżnu u jżommu prodotti fi ħdan il-grupp ( 20 ), li kien iwassal biex ixekkel il-bilanċ milħuq mid-direttiva bejn l-interessi tal-produtturi u tal-konsumaturi.

3. It-tieni u t-tielet domandi: sostituzzjoni ta’ produttur bħala konvenut matul kawża

53.

Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti deċiżjoni preliminari fil-kawża O’Byrne, il-qorti nazzjonali essenzjalment staqsiet għal gwida dwar jekk liġi nazzjonali tistax tagħti diskrezzjoni lill-qrati sabiex jitrattaw kawża mressqa bi żball kontra persuna li ma hijiex il-produttur “bħala proċedimenti kontra l-produttur” fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 (it-tieni domanda), u jekk l-Artikolu 11 jippermettix f’dan ir-rigward li jkun hemm regola nazzjonali li tipprovdi li l-produttur jista’, permezz ta’ sostituzzjoni tal-partijiet, jissejjaħ bħala konvenut fi proċedimenti li jkunu nbdew bi żball kontra impriża oħra qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin, anki jekk ir-rikors għas-sostituzzjoni kien ġie ppreżentat wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu u ma jkunu tressqu ebda proċedimenti oħra kontra l-produttur fir-rigward tal-prodott ikkonċernat qabel ma jkun skada t-terminu (it-tielet domanda).

54.

Fir-risposta tagħha għal dawn id-domandi (li hija eżaminat flimkien) il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi osservat li d-direttiva ma tispeċifikax ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu applikati meta persuna li ssirilha l-ħsara tressaq kawża dwar responsabbiltà għal prodotti difettużi u tagħmel żball fir-rigward tal-identità tal-produttur. Għaldaqstant hija l-liġi proċedurali nazzjonali li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet li jipprovdu meta għandha ssir is-sostituzzjoni ta’ parti b’oħra fil-kuntest ta’ kawża bħal din ( 21 ).

55.

Sussegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-għan tad-direttiva hu li tinkiseb armonizzazzjoni kompleta fil-materji rregolati minnha, filwaqt li d-determinazzjoni fl-Artikoli 1 u 3 tal-klassi ta’ persuni responsabbli għandha titqies bħala waħda eżawrjenti. F’dan il-kuntest, persuni oħra jistgħu jitqiesu bħala produtturi biss fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3 ( 22 ).

56.

Fid-dawl ta’ dawk il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li f’każ bħal dak fil-proċedimenti nazzjonali, ir-risposti għat-tieni u għat-tielet domandi għandha tkun fis-sens li, bħala regola hija l-liġi nazzjonali li għandha tiffissa l-kundizzjonijiet meta parti tista’ tiġi ssostitwita b’oħra. Qorti nazzjonali li teżamina l-kundizzjonijiet li jirregolaw din is-sostituzzjoni għandha madankollu tiżgura li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-portata ratione personae ta’ din id-direttiva, skont l-Artikoli 1 u 3 tagħha ( 23 )

4. Analiżi tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni u għat-tielet domandi

57.

Analiżi bir-reqqa tas-sentenza O’Byrne twassalni għall-konklużjoni li r-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni u għat-tielet domandi, b’mod partikolari l-ħtieġa li meta jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet għas-sostituzzjoni tal-partijiet il-qorti nazzjonali għandha tiżgura li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-portata ratione personae tad-Direttiva 85/374, hi miftuħa għal żewġ interpretazzjonijiet pjuttost differenti.

58.

Minn naħa, is-sentenza tista’ tiġi interpretata fis-sens li sostituzzjoni tal-partijiet — valida taħt il-liġi nazzjonali — tista’ tissodisfa l-ħtiġiet tad-Direttiva 85/374 jekk il-konvenut “issostitwit” jaqa’ fi ħdan il-portata ratione personae tad-Direttiva 85/374 u l-kawża kienet tressqet bi żball — u għaldaqstant in buona fede — iżda fil-ħin kontra impriża li ma hijiex il-produttur, anki jekk ir-rikors għas-sostituzzjoni tal-partijiet kien ġie ppreżentat biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. Evidentement il-High Court ħadet din l-interpretazzjoni bħala l-bażi għad-deċiżjoni tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2006 li laqgħet ir-rikors tar-rikorrent fl-ewwel istanza għas-sostituzzjoni tal-partijiet. Il-maġġoranza tal-House of Lords ukoll tidher li hi favur din l-interpretazzjoni.

59.

Għalkemm din l-ewwel interpretazzjoni tista’ taqbel mal-kliem tad-dispożittiv, fil-fehma tiegħi is-sentenza O’Byrne tinkludi diversi indikazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni opposta.

60.

Din it-tieni interpretazzjoni hija sostnuta minn analiżi globali tas-sentenza O’Byrne b’attenzjoni partikolari għall-formulazzjoni mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja tat-tieni u tat-tielet domandi. Il-Qorti tal-Ġustizzja amalgamat iż-żewġ domandi f’waħda, u weġbitha fis-sens li l-kundizzjonijiet għas-sostituzzjoni ta’ partijiet bħala regola għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi nazzjonali, iżda l-qrati nazzjonali ma jistgħux jestendu l-portata ratione personae tad-direttiva meta jeżaminaw dawn il-kundizzjonijiet.

61.

Dan ir-riferiment għall-obbligu li l-portata ratione personae tad-Direttiva 85/374 għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni, b’risposta għat-tieni domanda, eskludiet li kawża mressqa bi żball kontra impriża li ma tkunx il-produttur tiġi kkunsidrata bħala “proċedimenti kontra l-produttur” fis-sens tal-Artikolu 11, peress li dan ikun jimplika li impriża li ma taqax taħt il-kunċett ta’ produttur fis-sens tal-Artikolu 3 tiġi kklassifikata bħala produttur, b’esklużjoni tal-portata ratione personae tad-Direttiva 85/374.

62.

Din ir-risposta fin-negattiv għat-tieni domanda timplika, għall-istess raġunijiet, li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun fin-negattiv. Peress li kawża mressqa bi żball kontra impriża li ma tkunx il-produttur ma tistax tiġi kklassifikata bħala “proċedimenti kontra l-produttur”, din ma tinterrompix il-perijodu ta’ preskrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374, u l-pretensjonijiet kontra l-produttur reali — jekk ma titressaqx kawża separata kontra tiegħu — jiġu estinti mal-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. F’dan il-kuntest, hija eskluża l-possibbiltà li l-produttur sussegwentement jiġi ssostitwit bħala konvenut f’kawża li diġà nfetħet u li fiha t-talbiet li issa huma estinti jkunu tressqu kontra impriża oħra. Inkella rikors kontra impriża li ma hijiex il-produttur jiġi ttrattat de facto bħala kawża kontra l-produttur reali, iżda dan ġie eskluż mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-risposta tagħha għat-tieni domanda.

B — It-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-House of Lords

1. Rimarki introduttivi

63.

Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari tal-11 ta’ Ġunju 2008, il-House of Lords titlob essenzjalment eżami mill-ġdid dwar jekk is-sostituzzjoni ta’ konvenuti hijiex kompatibbli mad-Direttiva 85/374 fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Fil-formulazzjoni tad-domanda, il-House of Lords assumiet li l-fornitur APMSD li ġie mħarrek oriġinarjament fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kklassifikat bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374 kif ukoll li r-rikors għas-sostituzzjoni tal-partijiet ġie ppreżentat wara li skada t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin stipulat fl-Artikolu 11 tad-direttiva.

64.

Madankollu, APSA sostniet li fil-kawża prinċipali għadu ma ġiex ikkjarifikat b’mod definittiv jekk APMSD tistax tiġi kklassifikata bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374. Lanqas ma għadu ġie deċiż jekk il-kawża li tressqet kontra APSA fis-16 ta’ Ottubru 2002 saritx qabel jew wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin skont l-Artikolu 11 tad-direttiva. Abbażi tad-dokumenti li tressqu fil-kawża, il-Kummissjoni b’mod partikolari ssostni f’dan ir-rigward li APMSD ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3 tad-direttiva u li b’konsegwenza ta’ dan id-domanda għandha tiġi fformulata mill-ġdid.

65.

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex imsejħa tevalwa l-fatti tal-kawża prinċipali, madankollu xorta waħda tista’ tagħti parir lill-qorti nazzjonali li jista’ jkun ta’ għajnuna għaliha sabiex issolvi l-kawża prinċipali b’kunsiderazzjoni għall-fatti partikolari tal-każ.

66.

F’dan il-kuntest, se tiġi qabel kollox analizzata d-domanda skont kif ġiet ifformulata mill-House of Lords. Sussegwentement għandha ssir eżami tal-premessi li fuqhom ibbażat ruħha l-House of Lords kif ukoll il-konsegwenzi possibbli tagħhom fir-rigward tar-risposta għad-domanda.

2. Impossibbiltà li jiġi ssostitwit produttur bħala konvenut wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374

67.

Il-kwistjoni ċentrali li għandha tiġi ttrattata fir-risposta għat-talba tal-House of Lords hija jekk u taħt liema kundizzjonijiet liġi nazzjonali tista’ tagħti lil persuna li sofriet ħsara l-possibbiltà, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni mfisser fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374, li produttur isir konvenut f’kawża li tkun tressqet bi żball kontra fornitur qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, u b’dan il-mod jitressqu talbiet taħt id-direttiva kontra l-produttur.

68.

Fil-fehma tiegħi, tali sostituzzjoni tal-produttur bħala konvenut meta jkun ġie liberat bl-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin hija inkompatibbli mad-Direttiva 85/374.

69.

Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li skont ġurisprudenza stabbilita d-Direttiva 85/374 għandha l-għan li tikseb armonizzazzjoni kompleta tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri. Il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom sabiex jirregolaw ir-responsabbiltà għall-prodotti difettużi hija ddeterminata kollha kemm hi mid-Direttiva 85/374 stess u dan għandu jiġi dedott mill-kliem, mill-għan u mill-istruttura tagħha ( 24 ).

70.

F’dan ir-rigward, huwa wkoll minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 85/374, li jipprovdi li din id-direttiva ma taffettwax id-drittijiet li l-persuna li ssirilha ħsara jista’ jkollha skont ir-regoli tal-liġi tar-responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali jew skont sistema ta’ responsabbiltà speċjali eżistenti meta din id-direttiva tiġi nnotifikata, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jżommu fis-seħħ sistema ġenerali ta’ responsabbiltà għall-prodotti difettużi differenti minn dik prevista mill-imsemmija direttiva ( 25 ).

71.

Id-Direttiva 85/374 għaldaqstant tistabbilixxi mhux biss il-limitu minimu iżda wkoll il-limitu massimu tar-responsabbiltà assoluta tal-produttur ( 26 ), filwaqt li r-regola tal-preskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 11 għandha mingħajr dubju tiġi kklassifikata bħala tifsira tal-limitu ta’ żmien massimu tar-responsabbiltà.

72.

Interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 li tkun konformi mal-kliem, mal-għan u mal-istruttura tagħha turi mingħajr dubju hawnhekk li d-drittijiet kontra l-produttur li l-persuna ppreġudikata tikseb mid-direttiva kienu maħsuba li jisparixxu għal kollox mal-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin stipulat f’din id-dispożizzjoni. Fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-dispożizzjoni, l-estinzjoni tad-drittijiet hija espressa inter alia bil-kliem “prenehajo”, “erlöschen”, “shall be extinguished”, “s’éteignent”, “se extinguirán”, “si estinguono”, u “komen te vervallen”. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għaldaqstant ma tagħti ebda lok sabiex jiġi dedott li d-drittijiet li jitnisslu mid-direttiva jistgħu jitqajmu mill-ġdid għal kwalunkwe raġuni wara li jkunu ġew estinti.

73.

L-interpretazzjoni fis-sens li l-wasla fit-tmiem tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 iwassal għall-estinzjoni irrevokabbli tad-drittijiet li l-persuna ppreġudikata tikseb mid-direttiva fir-rigward tal-produttur liberat barra minn hekk taqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għanijiet segwiti mid-direttiva.

74.

B’referenza għall-Premessa 1 fil-Preambolu tad-Direttiva 85/374, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod konsistenti kkonstatat li l-għan tad-direttiva huwa mhux biss li jiġu evitati differenzi fil-livelli ta’ protezzjoni tal-konsumatur iżda wkoll li tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn operaturi ekonomiċi u biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-merkanzija ( 27 ).

75.

Peress li dawn it-tliet għanijiet leġiżlattivi jikkoeżistu maġenb xulxin, il-protezzjoni tal-konsumaturi ma tgawdix prijorità fil-kuntest tad-Direttiva 85/374 fuq iż-żewġ għanijiet l-oħra ( 28 ), b’kuntrast ma kif inhu l-każ fir-rigward ta’ ħafna direttivi oħra relatati mal-konsumatur ( 29 ). L-għan tad-Direttiva 85/374 hu li t-tqassim ġust tar-riskji bejn il-persuna ppreġudikata u l-produttur, hekk kif inhu kkonfermat espressament fil-premessa 7 fil-Preambolu ( 30 ).

76.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat b’mod konsistenti li r-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li jmorru lilhinn mill-ħtiġiet tad-Direttiva 85/373, fid-dawl tal-għan ta’ armonizzazzjoni kompleta, imorru kontra d-direttiva ( 31 ).

77.

Kif diġà ntwera iktar ’il fuq, l-għan tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 f’dan ir-rigward huwa li l-produtturi jiġu ggarantiti data fissa li fiha tintemm ir-responsabbiltà assoluta tagħhom. Il-piż addizzjonali fuq il-produttur b’riżultat ta’ dan mhux biss jinżamm f’ċerti limiti, iżda jkun ukoll iktar faċli li tinħareġ assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ responsabbiltà ( 32 ).

78.

Dawk iż-żewġ għanijiet jistgħu jintlaħqu biss jekk il-bidu u t-tmiem tat-terminu ta’ għaxar snin jiġu ttrattati bl-istess mod fil-Komunità kollha. Id-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi ddeterminat fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 abbażi ta’ kriterji li jistgħu jiġu oġġettivament ikkonstatati: it-terminu jibda jiddekorri mill-mument meta l-produttur qiegħed l-prodott fiċ-ċirkulazzjoni, u jibqa’ għaddej għal għaxar snin. Sabiex il-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tas-sospensjoni jew l-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni ma jwasslux għal forom nazzjonali differenti tat-terminu ta’ għaxar snin, il-leġiżlatura stipulat barra minn hekk lista eżawrjenti ta’ raġunijiet għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fl-Artikolu 11, sabiex b’hekk hija biss it-tressiq ta’ kawża kontra l-produttur li tista’ twassal għal interruzzjoni ta’ dan it-terminu. B’hekk meta titressaq kawża kontra persuna li ma tkunx il-produttur din ma twassalx għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ għaxar snin ( 33 ).

79.

Minn perspettiva sistematika, dan ir-regolament eżawrjenti tar-raġunijiet għall-interuzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 hija indikazzjoni ċara ħafna li d-drittijiet li jitnisslu mid-direttiva li ġew estinti skont l-Artikolu 11 ma jistgħux jiġu iktar invokati fi proċedimenti legali, lanqas permezz ta’ sostituzzjoni tal-partijiet — effettiva taħt id-dritt nazzjonali — matul proċedimenti li jkunu diġà fis-seħħ kontra fornitur. Jekk persuna ppreġudikata li d-drittijiet tagħha fir-rigward tal-produttur ikunu diġà ġew estinti tista’ tqiegħed lil dak il-produttur f’pożizzjoni ta’ konvenut f’kawża oħra li fiha l-istess drittijiet qed jiġu invokati kontra fornitur, effettivament ikun qed jinħoloq motiv ġdid għall-interuzzjoni tat-terminu tal-preskrizzjoni: f’dan il-każ it-tressiq ta’ kawża kontra impriża li bi żball ġiet ikkunsidrata bħala produttur de facto tkun kapaċi wkoll tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward ta’ produtturi. Il-limitu massimu ratione temporis ta’ responsabbiltà għal produtturi fl-Artikolu 11 b’hekk jinqabeż, u dan jiġi eskluż fid-dawl tal-armonizzazzjoni kompleta tas-suġġett li hu l-għan tad-Direttiva 85/374.

80.

Il-konklużjoni tiegħi hi li regola nazzjonali li taħtha persuna li ssirilha ħsara tista’, permezz ta’ sostituzzjoni tal-partijiet, tpoġġi lil produttur, li minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374, jiġi lliberat mir-responsabbiltà skont din id-direttiva, f’pożizzjoni ta’ konvenut f’kawża fejn ikunu tressqu talbiet taħt id-direttiva bi żball iżda fil-ħin kontra impriża oħra, ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 85/374.

3. Analiżi tal-premessi tad-domanda preliminari tal-House of Lords u l-konsegwenzi tagħhom għall-applikazzjoni tad-Direttiva 85/374

81.

Kif diġà kkonstatajt, APSA ssostni li l-ipoteżi li fuqhom hija bbażata t-talba għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari li APMSD ma hijiex produttur fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374 u li APSA ġiet imħarrka għall-ewwel darba biss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, għadhom ma ġewx deċiżi fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija b’mod ċar inklinata favur il-pożizzjoni li tgħid li APMSD għandha tiġi kklassifikata bħala produttur skont l-Artikolu 3(3), sabiex b’hekk hija tissuġġerixxi li d-domanda preliminari għandha tiġi fformulata mill-ġdid biex din iċ-ċirkustanza tittieħed inkunsiderazzjoni.

82.

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovvdi lill-qorti ta’ rinviju bi kwalunkwe informazzjoni li tista’ tkun utli għaliha biex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, se nissuġġetta ż-żewġ ipoteżi bażiċi tal-House of Lords għal eżami iktar iddettaljat u b’dan il-mod nuri kif id-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 għandha bħala regola tiġi ddeterminata f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, u kif is-sostituzzjoni ta’ produttur bħala konvenut għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-direttiva jekk ir-rikors għas-sostituzzjoni jiġi ppreżentat qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni. Sussegwentement se niddiskuti l-konsegwenzi li jkollha l-klassifikazzjoni ta’ fornitur bħal APMSD bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374 f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali.

a) Preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 u sostituzzjoni ta’ konvenuti qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ preskrizzjoni

i) Dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali

83.

Taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 id-drittijiet tal-persuna li saritilha ħsara li jitnisslu minn din id-direttiva jiġu estinti mal-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin mid-data li fiha l-produttur iqiegħed il-prodott fiċ-ċirkulazzjoni.

84.

Il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-mument preċiż meta prodott jitqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni kienet diġà tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court of Justice, li ġiet imwieġba b’mod ċar permezz tas-sentenza O’Byrne.

85.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li prodott jitqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni biss meta jinħareġ mill-proċess ta’ produzzjoni operat mill-produttur u jidħol fi proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni fl-istat li fih jiġi offert lill-pubbliku sabiex jintuża jew jiġi kkunsmat ( 34 ). F’dan il-kuntest, it-trasferiment tal-prodott lil kumpannija sussidjarja li hi formalment parti mill-katina ta’ distribuzzjoni ma huwiex ekwivalenti għal tqegħid tal-prodott fiċ-ċirkulazzjoni jekk in-natura tat-trasferiment tkun tranżazzjoni purament interna fi ħdan il-grupp u l-produttur b’hekk ma jitlifx il-kontroll fuq il-prodott ( 35 ).

86.

Jekk fl-aħħar nett il-qrati nazzjonali ikkonfermaw fil-kawża prinċipali li APSA u APMSD kienu daqshekk konnessi mill-viċin li APMSD ma setgħetx tiddetermina l-imġiba tagħha b’mod awtonomu fir-rigward tat-tilqima inkwistjoni, it-tilqima pprovvduta lil APMSD ma kinitx titqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni sal-mument meta APMSD biegħetha lil terz.

87.

F’dan ir-rigward jidher mid-digriet tar-rinviju li d-data li fiha APSA bagħtet it-tilqima lil APMSD ġiet iddeterminata b’mod preċiż ħafna fil-kawża prinċipali. It-tilqima ntbagħtet fit-18 ta’ Settembru 1992 u waslet għand APMSD fit-22 ta’ Settembru 1992. Id-data preċiża li fiha APMSD biegħet it-tilqima lill-Ministeru tas-Saħħa min-naħa l-oħra ma hijiex ċerta. Skont il-qorti tar-rinviju, il-bejgħ sar f’data “li x’aktarx kienet lejn l-aħħar ta’ Settembru 1992 jew kmieni f’Ottubru 1992”. Fl-aħħar nett, l-appellant ġie mlaqqam bit-tilqima fit-3 ta’ Novembru 1992.

88.

Fis-16 ta’ Ottubru 2002 l-appellant ressaq kawża kontra APSA, fejn invoka d-drittijiet tiegħu mnissla mid-Direttiva 85/374.

89.

Jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għal APSA beda jiddekorri biss minn meta t-tilqima ġiet trasferita lill-Ministeru tas-Saħħa, id-data preċiża tal-bejgħ tat-tilqima minn APMSD lill-Ministeru tas-Saħħa jkollha tiġi aċċertata, sabiex tiġi ddeterminata d-data li fiha beda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni. Jekk titwarrab il-kwistjoni dwar jekk f’dan il-każ it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin fir-rigward ta’ APSA kienx diġà ġie interrott meta infetħet il-kawża kontra APMSD ( 36 ), il-kawża li tressqet kontra APSA fis-16 ta’ Ottubru 2002 f’kull każ inbdiet qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin jekk it-tilqima ma kinitx tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni sakemm sar bejgħ lill-Ministeru tas-Saħħa fi jew wara s-16 ta’ Ottubru 1992 ( 37 ).

90.

Anki jekk il-mument preċiż tal-bejgħ tat-tilqima lill-Ministeru tas-Saħħa li ta lok għall-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ma setax jiġi iktar ivverifikat, iżda seta’ biss jiġi kkonfinat għall-perijodu bejn it-22 ta’ Settembru 1992 — id-data li fiha APMSD irċeviet it-tilqima — u t-3 ta’ Novembru 1992 — meta l-appellat ġie mlaqqam — il-ftuħ tal-kawża kontra APSA fis-16 ta’ Ottubru 2002 f’kull każ kienet tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni fil-ħin. Li kieku APSA kellha ssostni difiża bbażata fuq preskrizzjoni, hija jkollha tipprova d-data li fiha t-tilqima tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni ( 38 ). Jekk APSA bħala produttur setgħet biss tikkonfina din id-data għal ċertu terminu li beda jiddekorri iktar minn għaxar snin qabel id-data li fiha tressqet il-kawża iżda li jispiċċa inqas minn għaxar snin qabel dik id-data, APSA bħala produttur ikollha ġġorr l-oneru tal-prova tar-riskju assoċjat li man-nuqqas ta’ għoti ta’ prova tal-punt preċiż li fih beda jiddekorri ż-żmien ( 39 ). Fin-nuqqas ta’ determinazzjoni preċiża tal-mument ta’ tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, fit-tali każ, il-kawża tas-16 ta’ Ottubru 2002 ukoll tkun tressqet fil-ħin kontra APSA, fejn b’hekk jiġi interrott it-terminu ta’ preskrizzjoni kontra APSA.

ii) Possibbiltà ta’ sostituzzjoni ta’ produttur bħala parti fil-kawża qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374

91.

Id-Direttiva 85/374 hija siekta fir-rigward ta’ liema regoli proċedurali għandhom jiġu applikati meta persuna ppreġudikata tixtieq tressaq talbiet kontra produttur taħt din id-direttiva. Jekk il-liġi proċedurali nazzjonali tipprovvdi għall-possibbiltà li ssir sostituzzjoni tal-konvenut f’kawża li tkun diġà pendenti b’konvenut ieħor, fejn b’hekk jiġu invokati d-drittijiet mitluba kontra l-konvenut il-ġdid, tali sostituzzjoni ta’ konvenuti fil-prinċipju għandha titqies bħala forma permissibbli ta’ tressiq ta’ kawża kontra l-produttur.

92.

Sakemm it-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 ma jkunx għadu skada, il-produttur jista’ għalhekk, permezz ta’ sostituzzjoni ta’ konvenuti — li tkun valida skont il-liġi proċedurali nazzjonali — jiġi mħarrek f’kawża oħra li fiha talbiet għad-danni bbażati fuq ir-responsabbiltà għall-prodott ikunu tressqu bi żball kontra impriża oħra.

93.

L-istess għandu japplika meta l-persuna ppreġudikata tkun interrompiet it-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 billi ressqet kawża separata kontra l-produttur. Peress li l-effett ta’ din l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni jmur lilhinn mill-kawża speċifika, ikun kompatibbli mad-Direttiva 85/374 jekk il-produttur, wara l-ewwel kawża, permezz ta’ sostituzzjoni tal-partijiet — valida taħt il-liġi proċedurali nazzjonali — ikun jista’ jiġi mħarrek bħala konvenut f’kawża oħra fejn ikunu tressqu bi żball l-istess talbiet kontra impriża oħra.

b) Konsegwenzi tal-klassifikazzjoni ta’ fornitur bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374

94.

Huwa evidenti mit-trattazzjoni tal-partijiet u mill-informazzjoni li tinsab fil-proċess li l-qrati nazzjonali għadhom ma tawx deċiżjoni fil-kawża prinċipali dwar il-klassifikazzjoni ta’ APMSD bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374. F’dan l-isfond, se nindirizza l-kundizzjonijiet għal u l-konsegwenzi tal-klassifikazzjoni ta’ fornitur bħal ma huwa APMSD bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 3(3) tad-direttiva.

i) Il-klassifikazzjoni ta’ fornitur bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374

95.

Skont l-interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ produttur li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat is-sentenza O’Byrne, entità li tiddistribwixxi prodott taqa’ fi ħdan il-kunċett ta’ produttur strictu sensu fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 jekk il-produttur u l-fornitur ikunu daqstant konnessi mill-viċin li l-produttur, wara li jittrasferixxi l-prodott lill-fornitur, iżomm kontroll de facto fuq il-prodott li ġie ttrasferit ( 40 ). Jekk fl-aħħar mill-aħħar il-qrati nazzjonali kellhom jiddeċiedu fil-kawża prinċipali li kien hemm rabta daqstant mill-qrib, APMSD ikollha b’konsegwenza ta’ dan tiġi meqjusa, flimkien ma’ APSA, bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374.

96.

Barra minn hekk, taħt l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, kull fornitur ta’ prodott jiġi ttrattat bħala produttur tiegħu jekk il-produttur ma jistax jiġi identifikat u l-fornitur ma jinformax lill-persuna li saritilha ħsara, fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew tal-persuna li fornietlu l-prodott.

97.

Il-klassifikazzjoni ta’ fornitur bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 għaldaqstant hija possibbiltà f’każijiet fejn il-persuna ppreġudikata ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-identità tal-produttur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-direttiva. Skont il-formulazzjoni ċara ta’ din id-dispożizzjoni, madankollu, is-sempliċi nuqqas ta’ għarfien dwar l-identità tal-produttur ma huwiex biżżejjed. Barra minn hekk il-persuna ppreġudikata għandha turi li ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonstata l-identità tal-produttur ( 41 ). Id-direttiva tħalli miftuħa r-raġuni għalfejn il-produttur ma jkunx magħruf mill-persuna ppreġudikata, sabiex b’hekk huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċiedu jekk il-produttur tal-prodott seta’ jew ma setax jiġi identifikat fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ( 42 ).

98.

Applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 tassumi li l-fornitur ma informax lill-persuna li saritilha ħsara fi żmien raġjonevoli bl-identità tal-produttur jew tal-fornitur tiegħu. Għalkemm id-direttiva ma tgħid xejn iktar dwar kif għandu jiġi kkalkolat il-perijodu li matulu l-fornitur għandu jwieġeb, jista’ jiġi dedott li l-perijodu jibda jiddekorri mill-mument meta l-persuna ppreġudikata tressaq it-talbiet tagħha skont id-direttiva kontra l-fornitur. Biex jiġi evitat li fornitur jagħmilha iktar diffiċli jew saħansitra — minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin — kompletament impossibbli għall-persuna li saritilha ħsara li tressaq kawża kontra l-produttur, billi ttawwal l-identifikazzjoni tal-produttur, għandu jiġi dedott li t-terminu li fih il-fornitur irid jidentifika l-produttur jew il-fornitur tiegħu stess jibda jiddekorri mhux iktar tard minn meta l-persuna li saritilha ħsara formalment titlob kumpens mill-fornitur skont ir-regoli dwar responsabbiltà għall-prodott, kemm permezz ta’ talba formali jew permezz ta’ proċedimenti ġudizzjarji. It-terminu jibda jiddekorri biss jekk it-talba tkun speċifika biżżejjed fir-rigward tal-prodott.

99.

Fornitur jista’ jevita li jiġi kklassifikat bħala produttur taħt l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 biss billi jidentifika l-produttur bħala l-fornitur tiegħu. Jekk il-fornitur ikun jaf bl-identità tal-produttur jew tal-fornitur tiegħu, l-affermazzjoni li huwa nnifsu ma huwiex il-produttur ma hijiex biżżejjed biex teħilsu mir-responsabbiltà. Il-fornitur huwa meħtieġ pjuttost, anki mingħajr ma jiġi mitlub li jagħmel dan mill-persuna li saritilha ħsara, li jikkommunika l-informazzjoni kollha meħtieġa fi żmien raġonevoli ( 43 ).

ii) Konsegwenzi tal-klassifikazzjoni ta’ fornitur bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374

100.

Jekk fil-kawża prinċipali l-qrati nazzjonali kellhom finalment jaslu għall-konklużjoni li APMSD għandha tiġi klassifikata bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, APMSD tkun responsabbli bħala produttur għad-danni kkawżati minn difett fit-tilqima.

101.

Minħabba l-fatt li l-persuna ppreġudikata ressqet kawża kontra APMSD fit-2 ta’ Novembru 2000 abbażi ta’ responsabbiltà għall-prodott u nnotifkat id-dettalji tat-talba fl-1 ta’ Awwissu 2001, it-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 kien jiġi interrott fil-ħin, fir-rigward ta’ APMSD.

102.

Barra minn hekk, din il-klassifikazzjoni ta’ APMSD bħala produttur ma teskludix li titressaq kawża kontra APSA. Fl-eventwalità li jitressqu talbiet taħt id-direttiva kontra diversi produtturi, l-Artikolu 5 tad-direttiva jipprovdi espressament li huma responsabbli in solidum fir-rigward tal-persuna li saritilha ħsara, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jikkonċernaw drittijiet ta’ kontribuzzjoni jew ta’ rimedju.

103.

Madankollu għandu jitfakkar li t-tressiq ta’ kawża kontra wieħed minn diversi produtturi fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374 jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni biss fil-konfront tal-produttur li kontrih tkun tressqet il-kawża. Madankollu, anki f’dan il-kuntest ta’ preskrizzjoni, il-konsegwenzi tal-interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 ma jistgħux jiġu injorati ( 44 ).

104.

Għalkemm skont l-istruttura tad-Direttiva 85/374 il-produtturi kollha li huma involuti fil-proċess tal-produzzjoni huma responsabbli in solidum fir-rigward tal-konsumatur jekk il-prodott lest ikun difettuż, it-terminu ta’ preskrizzjoni fl-Artikolu 11 tad-direttiva bħala prinċipju għandu jiġi kkonstatat b’mod separat għal kull produttur involut.

105.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tipproponi interpretazzjoni differenti, li skontha t-tressiq ta’ kawża kontra fornitur li għandu jiġi kklassifikat bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/37/374 jista’ jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 fir-rigward ta’ produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1). Madankollu, interpretazzjoni bħal din ikollha l-effett li t-tressiq ta’ kawża kontra produttur fis-sens tal-Artikolu 3 jinterrompi d-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin kontra l-produtturi l-oħrajn kollha fis-sens tal-Artikolu 3. Dan l-approċċ imur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 85/374, jinjora l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ġie kkwalifikat mill-Kummissjoni waqt is-seduta.

106.

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li fis-sentenza O’Byrne il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni tagħha dwar it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni li tagħti lok għall-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, iffokat fuq il-proċess ta’ produzzjoni operat minn produttur speċifiku għal prodott speċifiku. F’dan ir-rigward produttur ta’ parti komponenti jew fornitur li għandu jiġi kklassifikat bħala produttur (ta’ parti komponenti) li jbigħ il-parti komponenti tiegħu lil produttur ieħor ta’ parti komponenti jew tal-prodott lest bħala regola jqegħdu fiċ-ċirkulazzjoni, biex b’hekk it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri minn dak il-mument ( 45 ). Jekk diversi produtturi jew fornituri li għandhom jiġu kklassifikati bħala produtturi (ta’ parti komponenti) jifformaw parti minn katina ta’ ħolqien ta’ ġid, il-mument meta t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri għandu jiġi kkonstatat b’mod separat għal kull produttur. Jekk, imbagħad, kawża mressqa kontra produttur jew fornitur wieħed ikun interrompa t-terminu ta’ preskrizzjoni fil-konfront tal-produtturi u fornituri l-oħra kollha li għandhom jiġu kklassifikati bħala produtturi involuti, indipendentement minn jekk dawn kinux partijiet fil-kawża jew jekk saħansitra sarux jafu biha, dan qajla seta’ jiġi rikonċiljat mal-approċċ segwit fis-sentenza O’Byrne li jiġi eżaminat kull każ individwali partikolari.

107.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 huwa bażikament intiż sabiex tiġi ggarantita lill-produtturi skadenza fissa għar-responsabbiltà assoluta tagħhom ( 46 ). Il-preskrizzjoni temporali tar-responsabbiltà hija bbażata wkoll fuq kunsiderazzjonijiet ta’ prova, peress li d-difiżi tal-prodottur tal-komponent jew tal-prodott lest imsemmija fl-Artikolu 7(e) (riskju ta’ żvilupp) u (f) (komponent mhux difettuż) jeħtieġu relatata mal-istat tal-prodott fil-mument li jitqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni. Peress li l-produtturi jġorru l-oneru tal-prova u r-riskju ta’ nuqqas li jagħtu l-prova, filwaqt li jsir dejjem iżjed diffiċli li tiġi pprovata d-difiża mal-mgħodija taż-żmien, ikun kontra l-bilanċ ta’ interessi stabbilit mid-Direttiva 85/374 li kieku t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għall-produtturi kollha involuti fil-katina ta’ ħolqien tal-ġid seta’ jiġi interrott billi titressaq kawża kontra produttur jew fornitur ieħor li għandu jiġi kklassifikat bħala produttur, u b’hekk mingħajr ma jkunu jafu dwar dan, partikolarment minħabba l-fatt li dawn il-proċedimenti jistgħu jkunu partikolarment twal.

108.

Fil-fehma tiegħi, it-tressiq ta’ kawża fil-ħin kontra fornitur ma jistax għalhekk ikollu l-effett li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward ta’ produttur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-direttiva, anki li kieku l-qrati nazzjonali kellhom jieħdu l-pożizzjoni li l-fornitur għandu jiġi kklassifikat bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-direttiva.

109.

Jekk, b’kuntrast ma’ dan, il-qrati nazzjonali kellhom jaslu għall-konklużjoni fil-kawża prinċipali li fornitur bħal ma huwa APMSD kellu, minħabba l-involviment tiegħu fil-proċess ta’ produzzjoni operat minn APSA, jitqies flimkien ma’ APSA bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374, it-tressiq ta’ kawża fil-ħin kontra APMSD ikollha tabilħaqq l-effett li tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward ta’ APSA.

110.

Il-punt deċiżiv hawnhekk huwa li fornitur li jinsab involut biżżejjed mill-viċin fil-proċess ta’ produzzjoni operat mill-produttur għandu jiġi kklassifikat flimkien mal-produttur bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-direttiva. Peress li dawn iż-żewġ entitajiet għandhom jiġu kkunsidrati, fid-dawl tal-interpretazzjoni funzjonali tal-kunċett ta’ produttur, bħala produttur wieħed fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1), it-terminu ta’ preskrizzjoni għandu wkoll jiddekorri bl-istess mod għaż-żewġ entitajiet.

111.

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza O’Byrne, wara li qieset bir-reqqa l-interessi tal-konsumaturi u tal-produtturi, issinkronizzat il-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 għall-produttur stricto sensu u l-fornitur li jifforma parti mill-proċess ta’ produzzjoni billi għamlet referenza għad-data li fiha l-fornitur iqiegħed il-prodott fiċ-ċirkulazzjoni. Fil-kuntest tal-bilanċ ta’ interessi nnifsu, id-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni wkoll għandu jkun uniformi.

112.

Peress li d-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-direttiva jiġi interrott biss bit-tressiq ta’ kawża, terminu uniformi ta’ preskrizzjoni għall-produttur u l-fornitur li flimkien għandhom jitqiesu bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) jippresupponi li t-tressiq ta’ kawża kontra l-fornitur jinterrompi d-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin mhux biss fir-rigward ta’ dak il-fornitur iżda wkoll fir-rigward tal-produttur li fil-proċess ta’ produzzjoni tiegħu l-fornitur huwa involut.

113.

Għalhekk, il-konklużjoni tiegħi hija li l-klassifikazzjoni — li għandha tiġi evalwata mill-qrati nazzjonali — tal-fornitur ta’ prodott bħala l-produttur tiegħu għandha l-konsegwenza li l-fornitur huwa responsabbli taħt l-Artikolu 1 tad-direttiva għad-danni kkawżati minħabba difett fil-prodott, indipendentement minn jekk jiġix ikklassifikat bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3(1) jew bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-direttiva. Il-klassifikazzjoni ta’ fornitur bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-direttiva għandha l-konsegwenza ulterjuri li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għall-produttur li fil-proċess ta’ produzzjoni tiegħu l-fornitur huwa involut jibda jiddekorri biss ladarba l-fornitur iqiegħed l-prodott fiċ-ċirkulazzjoni. Fl-istess waqt, kawża li titressaq kontra dak il-fornitur f’dan il-każ tinterrompi d-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-direttiva anki fir-rigward tal-produttur li fil-proċess tal-manifattura tiegħu l-fornitur huwa involut.

4. Sommarju

114.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq nikkonkludi li s-sostituzzjoni ta’ partijiet, li tkun valida taħt il-liġi proċedurali nazzjonali, li permezz tagħha produttur jiġi ssostitwit bħala konvenut f’proċedimenti li jikkonċernaw talbiet taħt id-Direttiva 85/374 tikkostitwixxi forma ta’ tressiq ta’ kawża kontra dak il-produttur li hija kompatibbli ma’ din id-direttiva, sakemm, meta sar ir-rikors għas-sostituzzjoni tal-partijiet, il-produttur ma ġiex illiberat mir-responsabbiltà b’konsegwenza tal-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-direttiva.

115.

Li kieku l-qrati nazzjonli kellhom barraminhekk jaslu għall-konklużjoni fil-kawża prinċipali li APMSD għandha tiġi kklassifikata bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, APMSD tkun responsabbli wkoll, taħt l-Artikolu 1 tad-direttiva, għad-danni kkawżati minħabba difett fil-prodott. Il-klassifikazzjoni ta’ APMSD bħala prodottur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) jkollha wkoll il-konsegwenza li t-tressiq ta’ kawża kontra APMSD tinterrompi d-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-direttiva anki fir-rigward ta’ APSA, li fil-proċess ta’ produzzjoni tagħha kienet involuta APMSD.

VII — Konklużjoni

116.

Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħi r-risposta li ġejja lill-House of Lords:

Regola nazzjonali li, fil-kuntest ta’ rikors li jikkonċerna talbiet imressqa taħt id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi, tippermetti li l-fornitur konvenut jiġi ssostitwit mill-produttur permezz ta’ sostituzzjoni ta’ partijiet hija kompatibbli ma’ din id-direttiva, sa fejn il-produttur ma kienx, meta ġie ppreżentat ir-rikors għas-sostituzzjoni tal-partijiet, ġie lliberat mir-responsabbiltà tiegħu b’konsegwenza tal-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374.

Jekk fornitur għandu jiġi kklassifikat bħala produttur fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374, huwa jinsab responsabbli taħt l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għad-danni kkawżati minħabba difett fil-prodott. Il-klassifikazzjoni tal-fornitur bħala produttur fis-sens tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374 għandha l-konsegwenza ulterjuri li t-tressiq ta’ kawża kontra dak il-fornitur tinterrompi d-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taħt l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva anki fir-rigward tal-produttur li fil-proċess tal-manifattura tiegħu il-fornitur huwa involut.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257.

( 3 ) Sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, O’Byrne (C-127/04, Ġabra I-1313).

( 4 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 5 ) Rengeling, H.-W.,Middeke, A. u Gellermann, M., Handbuch des Rechtsschutzes in der Europäischen Union, Münich 2003, paragrafu 10, punt 87.

( 6 ) Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1987, Pretura di Salò (14/86, Ġabra p. 2545, punt 12) u d-digriet tal-5 ta’ Marzu 1986, Wünsche (69/85, Ġabra p. 947, punt 15).

( 7 ) Ara Dauses, A., “‘P — Gerichtsbarkeit der EU”‘, f’Handbuch des EU-Wirtschaftsrechts (ed Dauses, M.), P. II, paragrafu 224 (EL 23).

( 8 ) Sentenza O’Byrne (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 26).

( 9 ) Ibid, punti 27 u 28.

( 10 ) Ibid, punt 29 et seq.

( 11 ) Ibid, punti 30 u 31.

( 12 ) F’dan is-sens, ara wkoll l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tiegħu għas-sentenza O’Byrne (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 43), li fil-fehma tiegħu l-kriterju għandu jkun il-kontroll jew l-abbandun tal-kontroll fuq il-prodott. Ara wkoll Viney, G., u Jourdain, P., Les conditions de la responsabilité, it-Tielet edizzjoni, Pariġi 2006, p. 881; Jourdain, P., “Responsabilité civile. Responsabilités spéciales. Produits défectueux”, RTD civ. 2006, p. 331, 333.

( 13 ) Peress li d-drittijiet mogħtija mid-direttiva jiġu estinti mal-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin skont l-Artikolu 11, dan it-terminu ġeneralment jiġi kklassifikat fil-kitba legali mhux bħala terminu ta’ preskrizzjoni iżda bħala terminu ta’ “estinzjoni” li, b’referenza għal kunċetti ta’ liġi nazzjonali, huwa deskritt inter alia bħala “von Amtwegen zu beachtende Ausschlussfrist” (Graf von Westphalen, F., Produkthaftungshandbuch, Vol. 2, it-tieni edizzjoni, Münich 1999, § 79 paragrafu 15), “vervaltermijn” (Dommering-van Rongen, L., Productaansprakelijkheid, Amsterdam 2000, p. 92 u 93), jew “délai d’extinction” (le Tourneau, Ph., Droit de la responsabilité et des contrats, is-sitt edizzjoni, Pariġi 2006, paragrafu 8461). Madankollu t-tali użu ta’ kunċetti żviluppati għall-iskopijiet ta’ liġi nazzjonali jġib miegħu r-riskju li l-prinċipji ta’ dritt proċedurali li huma permanentement preżenti f’dawn il-kunċetti jistgħu jidħlu indirettament fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-direttiva. Barra minn hekk, il-premessa 10 fil-Preambolu għad-direttiva ssemmi espressament “perjodu uniformi ta’ limitu biex tittieħed azzjoni għall-kumpens”. F’dan il-kuntest, kemm il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza O’Byrne (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3) kif ukoll l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tiegħu għal din il-kawża ddeskrivew b’mod korrett it-terminu ta’ għaxar snin taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 bħala terminu ta’ preskrizzjoni, b’dak it-terminu jinftiehem mill-aspett tad-dritt Komunitarju.

( 14 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fis-sentenza O’Byrne (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 29).

( 15 ) Ara, fir-rigward ta’ dan il-punt Borghetti, J.-S., La responsabilité du fait des produits. Etude de droit comparé, Paris 2004, paragrafu 434, p. 432 u 433.

( 16 ) Ara Taschner, H.C., “Product liability: basic problems in comparative law perspective”, fi Product Liability in Comparative Perspective, ed. Fairgrieve, D., Cambridge 2005, p. 155, 161, li jenfasizza li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/374 jippresupponi bħala elementi dannu, difett u rabta kawżali biss, fejn l-imġiba tal-produttur tkun irrelevanti. Għaldaqstant ir-responsabbiltà tal-produttur ma hijiex “ibbażata fuq ħsara” iżda hija “ibbażata fuq difett”.

( 17 ) Madankollu l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni fit-teorija legali tar-responsabbiltà tal-produttur wasslet għal dibattitu partikolarment imqanqal bejn awturi legali, speċjalment fil-kitba legali Ġermaniża, fejn ġew issuġġeriti mhux biss klassifikazzjoni bħala responsabbiltà assoluta iżda wkoll klassifikazzjonijiet bħala responsabbiltà bbażata fuq ir-riskju, bħala taħlita ta’ diversi elementi ta’ responsabbiltà għall-prodotti difettużi bbażata fuq ħsara u responsabbiltà assoluta, skont it-tip ta’ difett, jew bħala taħlita ta’ responsabbiltà bbażata fuq ir-riskju u responsabbiltà bbażata fuq nuqqas ta’ ħsara fir-rigward ta’ prodotti difettużi (ara Oechsler, J., f’Staudinger, Kommentar zum Bürgerlichen Gesetzbuch, Buch 2, Berlin 2002, Einl zum ProdHaftG, paragrafu 27). F’sistemi legali oħra wkoll, il-kwistjoni tan-natura legali tar-responsabbiltà tal-prodottur ġiet imwiġba bl-iktar modi diversi fil-kuntest tas-sistemi legali nazzjonali, inter alia bl-użu tal-kliem “responsabilité quasi objective”, “responsabilité mixte” (le Tourneau, Ph., a. a. O., Fn. 13, paragrafu 8350) jew “responsabilité de plein droit” fil-kitba bil-Franċiż, “risicoaansprakelijkheid” (van Empel, M., u Ritsema, H.A., Aansprakelijkheid voor producten, it-tieni edizzjoni, Deventer 1992, p. 53) u “risicoaansprakelijkheid met schuldelementen” (Dommering-van Rongen, L., iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 36) fil-kitba bl-Olandiż, “objectieve aansprakelijkheid met eerbiedigend karakter” fil-kitba bil-Belġjan (Wuyts, D., “Productaansprakelijkheid: een Richtlijn voor (n)iets?”, TBBR 2008, p. 3, 7). Madankollu, f’dan id-dibattitu jiġi, ġeneralment injorat li d-Direttiva 85/374 introduċiet regola tad-dritt Komunitarju dwar ir-responsabbiltà li għaliha l-kunċetti ta’ responsabbiltà żviluppati għad-dritt nazzjonali ma jistgħux jiġu sempliċement applikati. Peress li skont il-formulazzjoni, l-għan u l-istruttura tad-Direttiva 85/374 il-ħsara preċiżament ma hijiex kundizzjoni għar-responsabbiltà, ir-responsabbiltà stipulata f’din id-direttiva għandha tiġi kklassifikata fid-dritt Komunitarju bħala responsabbiltà assoluta (kif intqal korrettement f’Taschner, H.C. u Frietsch, E., Produkthaftungsgesetz und EG-Produkthaftungsrichtlinie, Munich 1990, it-tieni edizzjoni, Art. 1 Richtl., Nru. 2. Ara wkoll v. Bar, C., Gemeineuropäisches Deliktsrecht, Vol. II, Munich 1999, paragrafu 391, li jiddeskrivi r-responsabbiltà b’mod sottili ħafna bħala waħda li hija bbażata fuq sistema ta’ attribuzzjoni stretta).

( 18 ) Għalkemm skont l-Artikolu 7(e) tad-direttiva l-produttur ma huwiex responsabbli jekk jipprova li l-qagħda tal-għarfien xjentifiku u tekniku fiż-żmien meta huwa qiegħed l-prodott fiċ-ċirkulazzjoni ma kinitx tali li tippermetti li tinstab l-eżistenza tad-difett, il-produttur iġorr l-oneru tal-prova u b’konsegwenza ta’ dan iġorr ukoll ir-riskju tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ provi fir-rigward tad-difiża tiegħu. Għaldaqstant id-difiża tista’ biss parzjalment tneħħi r-riskju li tinżamm lura l-innovazzjoni li hija inerenti fir-responsabbiltà assoluta għal prodotti. F’dan il-kuntest, il-premessa 11 fil-Preambolu għad-Direttiva 85/374 korrettement tindika li l-prodotti jiqdiemu maż-żmien, jiġu żviluppati standards ta’ sigurtà ogħla u s-sitwazzjoni tax-xjenza u tat-teknoloġija tavvanza, sabiex b’hekk ma jkunx raġjonevoli li l-produttur jinżamm responsabbli għal perjodu ta’ żmien illimitat minħabba difett fil-prodott tiegħu.

( 19 ) Fil-letteratura legali relevanti, issir referenza b’mod partikolari għall-possibbiltà li ssir assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ responsabbiltà għal prodotti bħala r-raġuni prinċipali għall-introduzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374: ara Borghetti, J.-S., iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 491 u 492; van Wassenaer van Catwijck, A, Productenaansprakelijkheid in Europees verband, it-tieni edizzjoni, Zwolle 1991, p. 104; Kullmann, H.J., Produkthaftungsgesetz, it-tieni edizzjoni, Berlin 1997, p. 149.

( 20 ) Bl-istess mod, l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża O’Byrne, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 48 et seq.

( 21 ) Sentenza O’Byrne, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 34.

( 22 ) Ibid., punt 35 u 37.

( 23 ) Ibid., punt 39.

( 24 ) Sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Moteurs Leroy Somer (C-258/08, Ġabra p. I-4733, punti 20 u 21), tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka (C-402/03, Ġabra p. I-199, punti 22 u 23), tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C-52/00, Ġabra p. I-3827, punti 16 u 24), tal-25 ta’ April 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-154/00, Ġabra I-3879, punti 12 u 20), u tal-25 ta’ April 2002, González Sánchez (C-183/00, Ġabra I-3901, punt 25).

( 25 ) Sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24: Moteurs Leroy Somer (punt 22), Skov Æg (punt 39), Il-Kummissjoni vs Franza (punt 21), Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punt 17), u González Sánchez (punt 30).

( 26 ) Id-Direttiva 85/374, madankollu, ma teskludix l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali differenti ta’ responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali ladarba dawn ikunu bbażati fuq raġunijiet oħra. Ara Magnus, U., ‘Die Produkthaftung des Zwischenhändlers vor dem EuGH’, GPR 2006, p. 121, 123, li korrettement jenfasizza f’dan ir-rigward li d-direttiva ma għandhiex titqies bħala waħda li tirregola l-kumpless sħiħ tar-resposnabbiltà tal-prodott u għandha tikkostitwixxi biss regolamentazzjoni parzjali — minkejja li topera armonizzazzjoni sħiħa f’dan ir-rigward — ta’ dik il-problema permezz tar-responsabbiltà assoluta.

( 27 ) Ara s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24: Moteurs Leroy Somer (punt 29), Il-Kummissjoni vs Franza (punt 17), Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punt 13), u González Sánchez (punt 26).

( 28 ) Ara Schaub, R., “Abschied vom nationalen Produkthaftungsrecht? Anspruch und Wirklichkeit der EG-Produkthaftung”, ZEuP 2003, p. 562, 570; Schroeter, U., “Zur historischen Auslegung sekundären Gemeinschaftsrechts und deren Grenzen am Beispiel der Produkthaftungsrichtlinie”, ELR 2006, p. 296, 297; Whittaker, S., “Form and Substance in the Harmonisation of Product Liability in Europe”, ZEuP 2007, p. 858, 866; Bacache, M., “La loi no 98-389 du 19 mai 1998, 10 ans après”, Resp. civ. et assur. 2008, étude 7, p. 2.

( 29 ) Fis-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24: Il-Kummissjoni vs Franza (punt 18), Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punt 14), u González Sánchez (punt 27), il-Qorti tal-Ġustizzja korrettement enfasizzat li diversi direttivi li jikkonċernaw il-konsumaturi espressament jipprovdu li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar stretti għall-protezzjoni tal-konsumatur fil-qasam kopert mid-direttiva, u b’hekk jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Ipparaguna l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE, tat-13 ta’ Ġunju 1990, dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU 1990 L 158, p. 59), l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 1321993 L 95, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319), u l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223).

( 30 ) Skont il-premessa 7 fil-Preambolu għad-Direttiva 85/374, distribuzzjoni imparzjali tar-riskju bejn il-persuna ppreġudikata u l-produttur timplika li l-produttur għandu jkun jista’ jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà jekk huwa jagħti prova tal-eżistenza ta’ ċerti ċirkustanzi li jeżonorawh mir-responsabbiltà.

( 31 ) Is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, jitqiesu bħala sentenzi ewlenin. F’dawn is-sentenzi ġie ikkonstatat li dawn li ġejjin imorru kontra d-direttiva: l-estensjoni tal-kunċett ta’ danni bħala riżultat tan-nuqqas li jiġi applikat il-limitu iktar baxx ta’ EUR 500 fl-Artikolu 9(b) (sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, punt 26 et seq. u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 34), l-applikazzjoni mingħajr restrizzjonijiet tar-responsabbiltà tal-produttur lejn il-fornitur fir-rigward tal-konsumatur (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, punt 36 et seq.) u l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet addizzjonali għall-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà taħt l-Artikolu 7(d) u (e) (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, punt 42 et seq.). Fil-ġurisprudenza sussegwenti ġie kkonstatat li dawn li ġejjin imorru kontra d-direttiva: dispożizzjoni li tipprovdi li fornitur għandu jieħu r-responsabbiltà tal-produttur fir-rigward tal-konsumatur (sentenza Skov Æg, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24; ikkonfermata bis-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-327/05, Ġabra p. I-93) u r-restrizzjoni tal-possibbiltà li l-produttur jiġi liberat mir-responsabbiltà taħt l-Artikolu 3(3) f’każijiet fejn il-produttur jibqa’ mhux identifikat (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-177/04, Ġabra p. I-2461).

( 32 ) Ara punt 47 et seq. iktar ’il fuq.

( 33 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża O’Byrne (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 58) l-Avukat Ġenerali Geelhoed enfasizza korrettement li t-terminu ta’ għaxar snin ma jiġix interrott jekk il-persuna ppreġudikata bi żball tressaq kawża kontra persuna li ma hijiex il-produttur fis-sens tal-Artikolu 3. Ipparaguna wkoll Taschner, H.C. u Frietsch, E. (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17), l-Artikolu 11,Richtl. paragrafu 8, li josservaw li jekk matul il-kawża jirriżulta li din tkun tressqet kontra l-persuna żbaljata, il-pretensjoni kontra l-avversarju reali tiġi estinta; ara wkoll Kullmann, H.J. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 152).

( 34 ) Sentenza O’Byrne (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 32).

( 35 ) Ara l-punti 39 et seq. iktar ’il fuq.

( 36 ) Ara l-punti 109 et seq. iktar ’il quddiem

( 37 ) Għalkemm id-Direttiva 85/374 ma tistipulax espressament il-metodu għall-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, dan ukoll — fid-dawl tal-armonizzazzjoni sħiħa segwita — irid isir b’mod uniformi f’kull parti tal-Komunità. Jidher li jkun xieraq fid-dawl tal-għanijiet segwiti minn din id-direttiva, li jiġi adottat il-metodu ta’ kalkolu li hu l-bażi ta’ numru ta’ atti Komunitarji, li taħthom il-jum li fih iseħħ l-avveniment li jagħti lok għad-dekorrenza tat-terminu ma huwiex inkluż, skont il-prinċipju dies a quo non computatur in termino (ara sempliċement l-Artikoli 80 u 81 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja). Dan jiggarantixxi b’mod partikolari li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mit-terminu mogħti lilhom (ara sentenza tal-15 ta’ Jannar 1987, Misset, 152/85, Ġabra p. 223, dwar l-Artikoli 80 u 81 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja). Għalhekk bħala prinċipju t-terminu skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 jagħlaq fi tmiem il-ġurnata fl-għaxar sena u li jkollha l-istess numru bħall-ġurnata li fiha l-prodott kien tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni.

( 38 ) Ara Taschner, H.C., u Frietsch, E. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17), Artikolu 11 Richtl., paragrafu 4; Dommering-van Rongen, L. (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13), p. 173.

( 39 ) Ara Schmidt-Salzer, J., Kommentar EG-Richtlinie Produkthaftung, Vol. 1, Heidelberg 1986, Artikolu 11, paragrafu 14; Borghetti, J.-S. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, paragrafu 492, speċjalment in-nota ta’ qiegħ il-paġna 271); Graf von Westphalen, F. (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, § 79, paragrafu 17).

( 40 ) Ara l-punti 39 et seq. iktar ’il fuq.

( 41 ) Ara sempliċement: Dommering-van Rongen, L. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 92 u 93).

( 42 ) Normalment dan ikun każ ta’ prodotti mingħajr tikketta jew prodotti mingħajr informazzjoni fir-rigward l-ippakkeġġjar jew fl-istruzzjonijiet dwar l-użu: ara Taschner, H.C. u Frietsch, E. (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, Artikolu 3 Richtl., paragrafu 24).

( 43 ) Ara Taschner, H.C. u Frietsch, E. (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, Artikolu 3 Richtl., paragrafu 28); Dommering-van Rongen, L. (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, p. 93). F’dan il-kuntest huma problematiċi dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni li jeħtieġu li talba sabiex jiġi identifikat il-produttur jew il-fornitur tal-fornitur stess, bħall-Artikolu 4(3) tal-Produkthaftungsgesetzes Ġermaniża (tweġiba fi żmien xahar mit-talba għall-identifikazzjoni), l-Artikolu 2(3) tal-Consumer Protection Act 1987 Ingliż (żmien raġjonevoli mit-talba għall-identifikazzjoni), jew l-Artikolu 2(3) tal-Liability For Defective Products Act 1991 Irlandiż (żmien raġjonevoli mit-talba għall-identifikazzjoni). Ara Hodges, C., “Product liability of suppliers: the notification trap”, ELRev 2002, 27(6), p. 758, 764.

( 44 ) Ara punt 109 et seq. iktar ’il quddiem.

( 45 ) Ara, dwar dan il-punt Graf von Westphalen, F. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, § 79, paragrafu 18); Kullmann, H.J. (iċċitatat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 151); Wuyts, D. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, paragrafu 41); Dommering-van Rongen, L. (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 173 u 174); u van Empel, M., u Ritsema, H.A. (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, p. 83).

( 46 ) Ara l-punt 47 et seq. iktar ’il fuq.