KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2009 1(1)

Kawża C-325/08

Olympique Lyonnais

vs

Olivier Bernard u Newcastle United

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de Cassation (Franza))

“Moviment liberu tal-ħaddiema – Regola nazzjonali li tobbliga lil plejer tal-futbol jikkumpensa lill-klabb li jkun ħarrġu jekk, fi tmiem tal-perijodu ta’ taħriġ tiegħu, huwa jiffirma kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb fi Stat Membru ieħor – Ostakolu għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni minħabba l-ħtieġa li jiġu inkoraġġuti r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ plejers żgħażagħ professjonali”





1.        Għal dawk li jsegwu din il-logħba sabiħa, din hija passjoni – jew, saħansitra, reliġjon (2). Armati ta’ ammiraturi ddedikati jivvjaġġaw minn naħa għall-oħra tal-Unjoni Ewropea biex isostnu lit-tim tal-futbol tagħhom f’kull partita; u l-possibbiltà li jilagħbu rekluti potenzjali ġodda (plejers bi probabbiltà ta’ trasferiment u plejers ta’ talent lokali) hija kwistjoni ta’ importanza kbira. Għal żgħażagħ mogħnija b’talent, il-fatt li tkun identifikat minn wieħed li xogħlu hu li jfittex in-nies b’talent, u li tingħata apprendistat (jiġifieri kuntratt ta’ taħriġ) ma’ klabb tajjeb, huwa ċ-ċavetta maġika li tiftaħ il-bieb għall-karriera professjonali. Madankollu, illum jew għada, il-ħolma tal-glorja fil-futbol neċessarjament tispiċċa flimkien mar-realtà iebsa li wieħed ikollu l-ogħla dħul possibbli fuq perijodu ta’ żmien limitat bħala plejer professjonali mal-klabb li jkun lest joffri l-aħjar pagi. Fl-istess waqt, wieħed jifhem li l-klabbs isibuha bi tqila jaraw l-aħjar plejers promettenti “tagħhom”, li jkun sar investiment kbir fit-taħriġ tagħhom, jittieħdu minn klabbs oħra. Meta l-klabb li joffri l-apprendistat ikun żgħir u relattivament fqir, u l-klabb li jieħu l-plejer ikun kbir u ferm iktar sinjur, dawn il-manuvri jirrappreżentaw theddida reali għas-sopravivenza (kemm ekonomika u sportiva) tal-klabb iż-żgħir.

2.        Il-fatti li wasslu għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari jistgħu jitfissru fil-qosor. Plejer tal-futbol żagħżugħ ġie offrut kuntratt professjonali mill-klabb Franċiż li kien ħarrġu għal tliet snin. Huwa rrifjuta din l-offerta, iżda aċċetta offerta oħra biex jilgħab b’mod professjonali ma’ klabb Ingliż. F’dak iż-żmien, ir-regoli li jirregolaw il-futbol professjonali fi Franza jrrendewh responsabbli għad-danni dovuti lill-klabb Franċiż. Dan il-klabb fittex kemm lilu kif ukoll lill-klabb Ingliż fil-qrati Franċiżi għal somma bbażata fuq ir-remunerazzjoni annwali li huwa kien jirċievi kieku ffirma mal-klabb Franċiż.

3.        F’dan il-kuntest, il-Cour de Cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tistaqsi jekk ir-regoli deskritti humiex inkompatibbli mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 39 KE u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk l-istess regoli jistgħux jiġu ġġustifikati minħabba l-ħtieġa li jiġu inkoraġġuti r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ plejers żgħażagħ professjonali.

 Id-dispożizzjonijiet rilevanti

 Id-dritt Komunitarju

4.        L-Artiklu 39 KE jiżgura l-moviment liberu tal-ħaddiema fil-Komunità. Din il-libertà timplika b’mod partikolari d-dritt, bla ħsara għal-limitazzjonijiet gustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurta’ pubblika u saħħa pubblika, (a) li jaċċetta offerti ta’ impjieg li jkunu saru, (b) li jispostja ruħu liberament għal dan l-iskop fit-territorju tal-Istati Membri u (ċ) li joqgħod f’kull Stat Membru sabiex jaħdem f’impjieg.

 Id-dispożizzjonijiet nazzjonali

5.        Fiż-żmien meta seħħew il-fatti (3), l-Artikolu L. 120‑2 tal-Code du Travail Franċiż (Kodiċi tax-Xogħol) kien jipprovdi li: “Ħadd ma jista’ jillimita d-drittijiet personali jew il-libertajiet individwali jew kollettivi bi kwalunkwe restrizzjoni li mhix iġġustifikata minħabba n-natura tax-xogħol li għandu jitwettaq u li tkun proporzjonata mal-għan tagħha”.

6.        L-Artikolu L. 122‑3‑8 tal-istess kodiċi kien jipprovdi li kuntratt ta’ impjieg għal terminu fiss seta’ jiġi tterminat qabel iż-żmien bi ftehim bejn il-partijiet biss jew f’każijiet ta’ aġir ħażin serju jew minħabba forza maġġuri. Jekk min iħaddem iwaqqaf il-kuntratt qabel iż-żmien f’ċirkustanzi oħra, l-impjegat ikun intitolat għad-danni li jammontaw għall-inqas daqs is-salarju li huwa kien jirċievi sat-terminu tal-kuntratt tiegħu. Jekk ikun l-impjegat li jwaqqaf il-kuntratt, min iħaddem ikun intitolat għad-danni li jikkorrispondu għat-telf li huwa jkun sofra.

7.        F’dak iż-żmien, il-Code du Sport (Kodiċi tal-Isport) ma kien fih ebda dispożizzjoni dwar it-taħriġ ta’ sportivi professjonali, għalkemm l-Artikolu L. 211‑5 illum jipprovdi li kuntratti ta’ taħriġ professjonali jistgħu jeżiġu li min jitħarreġ, fi tmiem it-taħriġ, jiffirma kuntratt ta’ impjieg mal-klabb li jħarrġu għal perijodu ta’ mhux iktar minn tliet snin.

8.        Barra minn hekk, l-impjieg ta’ plejers tal-futbol kien irregolat fi Franza mill-Charte du Football Professionnel (Karta tal-Futbol Professjonali), li għandha status ta’ ftehim kollettiv għas-settur. It-Titolu III, Kapitolu IV, tal-Karta (verżjoni 1997-1998) kien jikkonċerna kategorija magħrufa bħala “joueurs espoir” – plejers promettenti bejn l-etajiet ta’ 16 u 22 sena li jkunu jixtiequ jsegwu karriera professjonali, li jkunu impjegati biex jitħarrġu minn klabb professjonali, b’kuntratt għal terminu fiss. L-Artikolu 23 ta’ dan il-kapitolu (4) kien jipprovdi, inter alia, li:

“[…]

Meta jiskadi l-kuntratt b’mod normali, il-klabb huwa mbagħad intitolat li jitlob lill-parti l-oħra tiffirma kuntratt bħala plejer professjonali.

[…]

1.      Jekk il-klabb ma jeżerċitax dan id-dritt, il-plejer jista’ jiddeċiedi l-pożizzjoni tiegħu kif ġej:

(a)      billi jiffirma kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb tal-għażla tiegħu, mingħajr ma’ jkun dovut ebda kumpens lill-klabb preċedenti;

[…]

2.      Jekk il-plejer jirrifjuta li jiffirma kuntratt bħala plejer professjonali, huwa ma jistax jiffirma ma’ klabb ieħor fil-[kampjonat nazzjonali tal-futbol Franċiż] fi kwalunkwe kapaċita, għall-perjodu ta’ tliet snin, mingħajr il-ftehim bil-miktub tal-klabb li miegħu kien ‘joueur espoir’[…]

[…]”

9.        Fiż-żmien li seħħew il-fatti, din il-Karta – li kienet tapplika u għadha tapplika biss fi Franza – ma kinitx tirregola l-kumpens bejn il-klabbs f’dawk il-każijiet meta l-plejer li jkun tħarreġ minn klabb wieħed jiffirma kuntratt ma’ klabb ieħor; madankollu llum il-ġurnata, il-karta msemmija tapplika. Skont l-aġent tal-Gvern Franċiż waqt is-seduta, ir-regoli li japplikaw illum fi Franza jikkorrispondu mill-qrib mar-regoli preżenti tal-FIFA stabbiliti iktar ’il quddiem.

 Ir-regoli internazzjonali

10.      Fir-rigward ta’ trasferimenti bejn klabbs tal-futbol f’pajjiżi differenti, ir-Regoli tal-FIFA dwar l-iStatus u t-Trasferiment ta’ Plejers issa jinkludu regoli dwar kumpens għat-taħriġ meta plejer jiffirma l-ewwel kuntratt tiegħu bħala plejer professjonali jew meta huwa jiġi ttrasferit qabel it-tmiem tal-istaġun li matulu jagħlaq 23 sena. Dawn ir-regoli ġew żviluppati b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, wara s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Bosman (5).

11.      Skont l-Artikolu 20 tar-regoli tal-FIFA u l-Anness 4 tagħhom, il-kumpens għat-taħriġ jitħallas lill-klabb jew klabbs li jkunu ħarrġu lill-plejer meta huwa jiffirma l-ewwel kuntratt tiegħu bħala plejer professjonali u, imbagħad, kull darba li huwa jiġi ttrasferit bħala plejer professjonali sat-tmiem tal-istaġun li matulu jagħlaq 23 sena.

12.      Fl-ewwel reġistrazzjoni bħala plejer professjonali, il-klabb li miegħu jkun irreġistrat, iħallas lil kull klabb li kkontribbwixxa għat-taħriġ tiegħu, kumpens pro rata għat-taħriġ skont il-perijodu li jkun qatta’ ma’ kull klabb. Għat-trasferimenti sussegwenti, ikun dovut kumpens għat-taħriġ lill-klabb preċedenti tiegħu, għaż-żmien biss li fih huwa kien effettivament tħarreġ minn dan il-klabb.

13.      Il-klabbs jinqasmu f’kategoriji skont l-investiment finanzjarju li huma jagħmlu biex iħarrġu lill-plejers. L-ispejjeż għat-taħriġ stabbiliti għal kull kategorija jikkorrispondu għall-ammont meħtieġ biex jitħarreġ plejer wieħed għal sena waħda mmultiplikat b’“fattur plejer” medju – il-proporzjon ta’ plejers li għandhom bżonn jitħarrġu biex isir plejer professjonali wieħed.

14.      Il-kalkolu jieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż li kienu jsiru mill-klabb il-ġdid li kieku ħarreġ il-plejer huwa stess. B’mod ġenerali, l-ewwel darba li plejer jirreġistra bħala plejer professjonali, il-kumpens jiġi kkalkolat billi jiġu mmultiplikati l-ispejjeż għat-taħriġ tal-klabb il-ġdid bin-numru ta’ snin ta’ taħriġ. Għat-trasferimenti sussegwenti, il-kalkolu jiġi bbażat fuq l-ispejjeż tat-taħriġ tal-klabb il-ġdid immultiplikati bin-numru ta’ snin ta’ taħriġ mal-klabb preċedenti.

15.      Madankollu, għal plejers ittrasferiti fl-Unjoni Ewropea jew fiż-ŻEE, jekk il-plejer jiġi ttrasferit minn klabb f’kategorija baxxa għal wieħed f’kategorija ogħla, il-kalkolu huwa bbażat fuq il-medja tal-ispejjeż għat-taħriġ taż-żewġ klabbs; jekk il-plejer jiġi ttrasferit minn kategorija ogħla għal waħda iktar baxxa, il-kalkolu huwa bbażat fuq l-ispejjez għat-taħriġ tal-klabb fil-kategorija iktar baxxa.

16.      Hemm ukoll “mekkaniżmu ta’ solidarjetà” li huwa rregolat mill-Artikolu 21 u l-Anness 5. Jekk professjonista jiġi ttrasferit qabel l-iskadenza tal-kuntratt tiegħu, kwalunkwe klabb li jkun ikkontribwixxa għall-edukazzjoni u t-taħriġ tiegħu bejn it-12 u t-23 sena tiegħu jirċievi proporzjon mill-kumpens imħallas lill-klabb preċedenti tiegħu. Il-kontribuzzjoni ta’ solidarjetà globali tikkorrispondi għal massimu ta’ 5 % tal-kumpens totali, maqsuma skont l-istaġuni u bejn il-klabbs ikkonċernati.

17.      L-istess bħas-sitwazzjoni fi Franza, l-ebda waħda minn dawn ir-regoli internazzjonali ma kienu jeżistu fiż-żmien li seħħew il-fatti.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

18.      Fl-1997, Olivier Bernard iffirma kuntratt ta’ “joueur espoir” mal-klabb tal-futbol Franċiż Olympique Lyonnais, għal tliet staġuni b’effett mill-1 ta’ Lulju ta’ dik is-sena. Qabel l-iskadenza ta’ dan il-kuntratt, l-Olympique Lyonnais offrewlu kuntratt bħala plejer professjonali għal sena mill-1 ta’ Lulju 2000. Bernard (li mid-dehra ma kienx sodisfatt bis-salarju propost) ma aċċettax l-offerta iżda, f’Awwissu 2000, huwa ffirma kuntratt bħala plejer professjonali mal-klabb Ingliż Newcastle United. (6).

19.      Kif saru jafu b’dan il-kuntratt, l-Olympique Lyonnais fittxew lil Bernard quddiem il-Conseil de Prud’hommes (Tribunal tax-Xogħol) f’Lyon, u talbu ħlas ta’ danni kontrih u kontra Newcastle United ukoll. L-ammont mitlub kien ta’ EUR 53 357.16 – ekwivalenti, skont id-digriet tar-rinviju, għar-remunerazzjoni li Bernard kien jirċievi f’sena waħda kieku huwa ffirma l-kuntratt offrut mill- Olympique Lyonnais.

20.      Il-Conseil de Prud’hommes ikkunsidra li Bernard kien ittermina l-kuntratt unilateralment u ordna lilu u lil Newcastle United biex flimkien iħallsu lil Olympique Lyonnais danni tal-ammont ta’ EUR 22 867.35 skont l-Artikolu L. 122‑3‑8 tal-Kodiċi tax-Xogħol. Id-deċiżjoni ma tatx raġunijiet għaliex l-ammont ta’ danni mitluba u l-ammont mogħti fid-deċiżjoni kienu differenti.

21.      Il-konvenuti appellaw quddiem il-Cour d’Appel (Qorti tal-Appell) f’Lyon, li kkunsidrat li l-Artikolu 23 tal-Karta tal-Futbol kien illegali. Ir-restrizzjoni imposta kienet inkompatibbli mal-prinċipju fundamentali tal-libertà li wieħed jeżerċita attività professjonali u mal-Artikolu L. 120‑2 tal-Kodiċi tax-Xogħol. B’mod partikolari, ma kien hemm ebda dispożizzjoni li tispeċifika l-kumpens li għandu jitħallas fir-rigward ta’ taħriġ fil-każ ta’ terminazzjoni qabel iż-żmien. Il-fatt li plejer ikun obbligat ikompli jaħdem għall-klabb li jkun ħarrġu kien restrizzjoni fuq il-libertà li huwa jikkonkludi kuntratt, li kienet sproporzjonata mal-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-klabb, u dan irrispettivament mill-ispiża għat-taħriġ.

22.      L-ebda waħda minn dawn il-qrati ma qieset li kien meħtieġ li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari, minkejja li ntalbu jagħmlu dan minn Newcastle United. Madankollu, il-Cour d’Appel, filwaqt li d-deċiżjoni tagħha kienet ibbażata fuq il-liġi Franċiża, effettivament qieset li l-obbligu impost mill-Artikolu 23 tal-Karta tal-Futbol kien imur kontra l-prinċipju tal-Artikolu 39 KE ukoll.

23.      L-Olympique Lyonnais issa appella lill-Cour de Cassation. Din il-qorti tenfasizza li t-talba tal-Olympique Lyonnais hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ O. Bernard li josserva l-obbligu li jiffirma kuntratt mal-klabb li jkun ħarrġu, u mhux fuq il-projbizzjoni li jikkonkludi kuntratt ma’ klabb ieħor fil-kampjonat Franċiż. L-obbligu inkwistjoni ma jipprojbixxix lil plejer milli jiffirma kuntratt ma’ klabb barrani, iżda jiskoraġġih milli jagħmel hekk peress li probabbilment huwa jkun responsabbli għal danni. Min-naħa l-oħra, din ir-responsabbiltà tista’ tiġi ġġustifikata mill-interess leġittimu tal-klabb li jżomm plejer novizz li huwa jkun għadu kemm ħarreġ.

24.      Il-Cour de Cassation tirreferi għas-sentenza Bosman, li tipprovdi li l-Artikolu 39 KE “jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi, li jgħidu li futboler professjonista ċittadin ta’ Stat membru wieħed ma jistax, ma’ l-iskadenza tal-kuntratt tiegħu ma’ klabb, jiġi impjegat minn klabb ta’ Stat membru ieħor, ħlief jekk dan il-klabb ikun ħallas lill-klabb preċedenti kumpens għat-trasferiment, għat-taħriġ u għall-promozzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u tqis li l-każ iqajjem diffikultà serja ta’ interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu.

25.      Għaldaqstant hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq id-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Il‑prinċipju tal‑moviment liberu tal‑ħaddiema stabbilit fl‑[Artikolu 39 KE] jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha plejer promettenti żgħir li jiffirma, wara l‑perijodu tiegħu ta’ taħriġ, kuntratt ta’ plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor ta’ l‑Unjoni Ewropea, jista’ jiġi mġiegħel iħallas kumpens għal danni?

2.      Fil‑każ ta’ risposta fl‑affermattiv, il‑ħtieġa li jiġu mħeġġa r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers professjonali li jkunu għadhom żgħar tikkostitwixxi għan leġittimu jew raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ta’ natura li tiġġustifika restrizzjoni bħal din?”

26.      Osservazzjonjiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Olympique Lyonnais u Newcastle United, mill-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni. Fis-seduta tal-5 ta’ Mejju 2009, Olympique Lyonnais, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet

 Osservazzjonijiet preliminari

 L-implikazzjonijiet tad-domandi

27.      Jidhirli li huwa importanti li jitfakkar li l-attività sportiva taqa’ taħt l-għan tad-dritt Komunitarju biss u preċiżament minħabba u sa fejn hija sseħħ fl-isfera tal-attivitajiet u tal-libertajiet ekonomiċi u individwali intiżi minn dan id-dritt. Fil-fatt, din hija waħda mill-premessi bażiċi tas-sentenza Bosman (7).

28.      Jekk, konsegwentement, il-prinċipji u r-regoli tad-dritt Komunitarju japplikaw għas-sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ din il-kawża, bl-istess mod, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża għandha, potenzjalment, implikazzjonijiet iktar wiesgħa għall-impjegati u għal min iħaddem fis-setturi kollha kkonċernati minn dawn il-prinċipji u regoli.

29.      Il-Gvern Olandiż għalhekk għandu raġun jippreċiża li l-kawża tolqot il-kwistjoni ġenerali li tirrigwarda lil dak li jħaddem li huwa lest jinvesti fit-taħriġ ta’ impjegat iżda li ma jixtieqx jara lill-impjegat jitlaq immedjatament bil-ħiliet ta’ valur li huwa jkun kiseb u jużahom għas-servizz ta’ kompetitur tiegħu. Din il-kwistjoni tikkonċerna d-dritt Komunitarju sa fejn kull restrizzjoni fuq il-libertà ta’ impjegat biex ifittex jew jaċċetta impjieg ieħor tista’ tirrestrinġi l-libertà ta’ moviment tiegħu fil-Komunità.

30.      Il-karatteristiċi speċifiċi tal-isport b’mod ġenerali, u tal-futbol b’mod partikolari, ma jidhirlix li huma ta’ importanza kbira ħafna meta wieħed ikun qed janalizza jekk hemmx restrizzjoni pprojbita fuq il-moviment liberu. Madankollu, huma għandhom jitqiesu bir-reqqa meta jkunu qed jiġu eżaminati l-ġustifikazzjonijiet potenzjali għal tali restrizzjoni – l-istess bħalma l-karatteristiċi specifiċi ta’ kwalunkwe settur ieħor ikollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tiġi eżaminata l-ġustifikazzjoni għar-restrizzjonijiet li japplikaw f’dan is-settur.

31.      Madankollu, minkejja dan, jiena ma nħossx li l-Qorti tal-Ġustizzja semgħet osservazzjonijiet biżżejjed biex tkun tista’ tittratta adegwatament din il-kwistjoni iktar wiesgħa. Il-Gvern Olandiż, li qajjem il-kwistjoni iktar ġenerali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ma kienx preżenti waqt is-seduta u l-ebda waħda mill-partijiet li kienu preżenti ma elaboraw fuq il-kwistjoni, u dan anki wara li kienu ntalbu jagħmlu dan mill-Qorti tal-Ġustizzja stess. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena ma nipproponix li jiġu eżaminati l-implikazzjonijiet iktar wiesgħa tal-kawża fid-dettall; u jiena nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita d-deċiżjoni tagħha għall-kuntest speċifiku tal-kawża prinċipali.

 Il-portata tar-regola kkontestata

32.      Kif ippreċiżaw kemm Newcastle United kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit, l-Artikolu 23 tal-Karta tal-Futbol ma fih ebda rekwiżit espliċitu għall-ħlas ta’ kumpens minn plejer li jiffirma kuntratt ma’ klabb fi Stat Membru ieħor wara li jispiċċa t-taħriġ tiegħu ma’ klabb Franċiż.

33.      Madankollu, id-domandi preliminari li saru jikkonċernaw il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju mhux ta’ xi dispożizzjoni speċifika iżda ta’ regola li tipprovdi “li ‘joueur espoir’ li, fi tmiem tal-perijodu ta’ taħriġ tiegħu, jiffirma kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun ordnat iħallas danni”. Din hija l-interpretazzjoni li l-Conseil de Prud’hommes ta lill-Artikolu 23 tal-Karta tal-Futbol u lill-Artikolu L. 122‑3‑8 tal-Kodiċi tax-Xogħol, u la l-Cour d’Appel u lanqas il-Cour de Cassation ma qiesu li l-interpretazzjoni tiegħu kienet żbaljata – iżda sempliċiment li l-interpretazzjoni inkwistjoni hija, jew tista’ tkun, inkompatibbli ma’ regola superjuri tad-dritt.

34.      Konsegwentement, il-preokkupazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrigwarda l-interpretazzjoni inkwistjoni, u dan irrispettivament mid-dispożizzjonijiet li fihom tinsab l-istess interpretazzjoni.

 Domanda 1: kompatibbiltà mal-Artikolu 39 KE

35.      L-ewwel domanda tista’ tingħatalha risposta fil-qosor u b’mod sempliċi: regola li tipproduċi l-effett deskritt fl-interpretazzjoni hawn fuq hija, fil-prinċipju, prekluża mill-Artikolu 39 KE. Ir-raġunament li jwassal għal din il-konklużjoni ġie mfisser, f’dettal ikbar jew iżgħar, f’ħafna mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja.

36.      L-isport huwa suġġett għad-dritt Komunitarju inkwantu jikkostitwixxi attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 2 KE. L-impjieg ta’ plejers professjonali jew semiprofessjonali b’remunerazzjoni huwa eżempju ta’ attività ekonomika (8).

37.      L-Artikolu 39 KE ma japplikax biss għall-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi iżda wkoll għar-regoli ta’ kwalunkwe natura oħra li huma intiżi li jirregolaw, b’mod kollettiv, l-impjieg bi qligħ, inklużi r-regoli tal-assoċjazzjoni tal-futbol (9). Id-dispożizzjonijiet kollha msemmija f’din il-kawża jaqgħu taħt waħda jew oħra minn dawn il-kategoriji.

38.      Is-sitwazzjoni ta’ plejer Franċiż, residenti fi Franza, li jikkonkludi kuntratt ta’ impjieg ma’ klabb tal-futbol fi Stat Membru ieħor, ma hijiex sitwazzjoni totalment interna li taqa’ barra mill-portata tad-dritt Komunitarju. L-Artikolu 39 KE japplika b’mod speċifiku għall-aċċettazzjoni ta’ offerta għal impjieg li tkun effettivament saret.

39.      Ċerti regoli jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-ħaddiema jekk huma jxekklu jew jiskoraġġixxu ċittadin ta’ Stat membru ieħor milli jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu, anki jekk dawn ir-regoli jkunu applikabbli indipendentement miċ-ċittadinanza tal-ħaddiema kkonċernati (10), sakemm l-impediment potenzjali fuq l-eżerċizzju tal-moviment liberu ma jkunx inċert u indirett wisq (11).

40.      Ir-regoli li jimponu ħlas ta’ kumpens għal trasferiment, taħriġ jew żvilupp bejn klabbs meta jsir it-trasferiment ta’ plejer professjonali tal-futbol huma, fil-prinċipju, ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema. Anki meta r-regoli japplikaw ukoll għal trasferimenti bejn klabbs fl-istess Stat Membru, tali regoli jistgħu jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ plejers tal-futbol li jixtiequ jwettqu l-attività tagħhom fi Stat membru ieħor (12). Ir-regoli li jipprovdu li plejer professjonali tal-futbol ma jistax iwettaq l-attività tiegħu ma’ klabb ġdid stabbilit fi Stat Membru ieħor jekk dan il-klabb ġdid ma jkunx ħallas lill-klabb preċedenti s-somma miftiehma, jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema (13).

41.      Jekk regola li timponi fuq il-persuna l-ġdida li tħaddem biex din tħallas somma ta’ flus lil min kien iħaddem hija għalhekk, fil-prinċipju, ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, dan għandu japplika wkoll jew japplika iktar jekk l-impjegat għandu xi obbligu kwalsiasi f’dan ir-rigward. Huwa jista’ jew jikkonvinċi lill-persuna l-ġdida li qed tħaddmu biex tagħmel tajjeb għall-ħlas jew inkella huwa jkollu jħallas mir-riżorsi tiegħu stess, li wisq probabbli jkunu inqas minn dawk ta’ min iħaddem. Lanqas ma jista’ jingħad li l-impediment potenzjali fuq l-eżerċizzju tal-moviment liberu huwa b’xi mod inċert jew indirett. L-obbligu li titħallas somma ta’ flus hija kunsiderazzjoni immedjata u importanti għal kull ħaddiem li jkun qed jaħsibha jekk jirrifjutax offerta ta’ impjieg biex jaċċetta offerta oħra (14).

42.      Fl-opinjoni tiegħi, din l-analiżi ma hijiex affettwata mill-affermazzjonijiet ta’ Olympique Lyonnais li sitwazzjoni bħal din inkwistjoni ma hijiex milquta bl-Artikolu 39 KE minħabba li dan l-artikolu kien intiż li jkopri diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza u mhux restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jikkonkludi kuntratt fil-kuntest ta’ obbligi onerużi u reċiproki, u/jew minħabba li l-kwistjoni fil-fatt taqa’ fl-ambitu tad-dritt tal-kompetizzjoni, bħal fil-każ ta’ (allegata) kompetizzjoni żleali.

43.      Fir-rigward tal-ewwel punt, huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 39 KE jkopri verament ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jikkonkludi kuntratt jekk l-istess restrizzjonijiet ikunu tali li jipprekludu jew jiskoraġġixxu lil ċittadin ta’ Stat membru wieħed milli jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu fi Stat membru ieħor, għall-inqas sakemm dawn jirriżultaw mill-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi jew regoli intiżi biex jirregolaw, b’mod kollettiv, l-impjieg bi qligħ. Fir-rigward tat-tieni punt, filwaqt li l-kwistjoni bejn Olympique Lyonnais u Newcastle United tista’ tikkonċerna kwistjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni, dawn il-kwistjonijiet ma tqajmux mill-qorti tar-rinviju u għalhekk l-Istati Membri u l-Kummissjoni ma kellhomx l-opportunità li jikkummentaw dwarhom. Barra minn hekk, anki jekk il-kawża ma qajmitx kwistjonijiet ta’ dritt tal-kompetizzjoni, dan minnu nnifsu ma jipprekludix li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu (15).

 Domanda 2: ġustifikazzjoni possibbli

44.      Miżuri nazzjonali li jistgħu jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu, madankollu, jiġu esklużi mill-projbizzjoni jekk huma jkollhom għan leġittimu li jkun kompatibbli mat-Trattat. Madankollu, biex dan ikun il-każ, l-istess miżuri għandhom jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet oħra: huma għandhom japplikaw b’mod nondiskriminatorju; għandhom ikunu ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku; għandhom ikunu xierqa biex jiġi żgurat il-ksib tal-għan tagħhom; u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq dan il-għan (16).

45.      Huwa diffiċli li wieħed jikkontesta li r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ plejers tal-futbol żgħażagħ professjonali huwa għan leġittimu li huwa kompatibbli mat-Trattat. Mhux talli dawk kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet jaqblu dwar dan il-punt, iżda anki l-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet ruħha f’dan is-sens (17). Lanqas ma ġie ssuġġerit f’din il-kawża li r-regoli inkwistjoni huma applikati b’mod diskriminatorju.

46.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fis-sentenza Bosman (18), huwa impossibbli li jiġi mbassar b’ċertezza l-futur sportiv ta’ plejers żgħażagħ. Huwa numru limitat biss ta’ futbolers minn fosthom li jkomplu jilagħbu fuq livell professjonali, u għalhekk ma jista’ jkun hemm ebda garanzija li l-plejer li jitħarreġ jirriżulta effettivament li huwa ta’ valur għall-klabb li jkun ħarrġu jew għal kwalunkwe klabb ieħor. Għaldaqstant, ir-regoli bħalma huma dawk inkwistjoni f’din il-kawża ma jikkostitwixxux, forsi, element deċiżiv biex jinkoraġġixxu lill-klabbs biex jirreklutaw u jħarrġu plejers żgħażagħ. Madankollu, dawn ir-regoli jiżguraw li l-klabbs ma jiġux skoraġġuti milli jirreklutaw u jħarrġu minħabba l-possibbiltà li jaraw l-investiment tagħhom fit-taħriġ jiġi użat għall-benefiċċju ta’ xi klabb ieħor, mingħajr ebda kumpens għalihom. Għaldaqstant, l-argument li r-regoli li għandhom dan l-effett huma ġġustifikati mill-interess pubbliku, jidher li huwa plawsibbli.

47.      Min-naħa l-oħra, il-futbol professjonali ma huwiex biss attività ekonomika iżda wkoll kwistjoni ta’ importanza soċjali kunsiderevoli fl-Ewropa. Peress li l-futbol huwa ġeneralment meqjus li huwa marbut ma’ sport tad-dilettanti, u bħala li jaqsam ħafna mill-virtujiet ta’ dan tal-aħħar, jeżisti kunsens wiesa’ li t-taħriġ u r-reklutaġġ ta’ plejers żgħażagħ għandu jiġi inkoraġġut minflok skoraġġut. B’mod iktar speċifiku, fis-sena 2000, il-Kunsill Ewropew f’Nizza rrikonoxxa li “il-Komunità għandha […] tqis il-funzjonijiet soċjali, edukattivi, u kulturali inerenti fl-isport u li jagħmluh speċjali, sabiex il-kodiċi ta’ l-etika u s-solidarjetà essenzjali għall-preservazzjoni tar-rwol soċjali tiegħu jkun irrispettat u mrawwem” (19) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, il-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport (20) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwarha (21), enfasizzaw kunsiderevolment fuq l-importanza tat-taħriġ.

48.      Min-naħa l-oħra, b’mod iktar ġenerali, kif ippreċiża l-Gvern Olandiż, l-Istrateġija ta’ Lisbona adottata mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2000 u d-diversi deċiżjonijiet u linji gwida adottati minn dak iż-żmien bil-għan li din tiġi imlementata fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja, jagħtu importanza primordjali lit-taħriġ professjonali fis-setturi kollha. Jekk min iħaddem jista’ jkun ċert li huwa jkun jista’ jgawdi għal perijodu raġonevoli mis-servizzi tal-impjegati li huwa jkun ħarreġ, dan huwa inċentiv biex jingħata taħriġ li huwa wkoll fl-interess tal-impjegati stess.

49.      Madankollu, huwa pjuttost iktar diffiċli li jiġi aċċettat li regola bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża hija xierqa biex tiżgura li jintlaħaq dan l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex dan jintlaħaq.

50.      Dawk kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet – inkluż l-Olympique Lyonnais – jaqblu li hija biss miżura li tikkumpensa lill-klabbs b’mod proporzjonat fir-rigward tal-ispejjeż attwali tagħhom għat-taħriġ, li hija xierqa u proporzjonata f’dak is-sens. Konsegwentement, il-kumpens ibbażat fuq il-qligħ futur tal-plejer jew fuq il-(it-telf ta’) profitti futuri tal-klabb ma jkunx aċċettabbli.

51.      Fil-fehma tiegħi, din tidher li hija analiżi korretta. Fir-rigward tal-aħħar żewġ kriterji, l-ewwel kriterju jista’ jiġi mmanipulat mill-klabb u t-tieni huwa wisq inċert. L-ebda wieħed minnhom ma jidher li għandu rilevanza partikolari fir-rigward tal-kwistjoni essenzjali ta’ inkoraġġiment (jew għall-inqas, ta’ nuqqas ta’ skoraġġiment) għar-reklutaġġ u għat-taħriġ ta’ plejers żgħażagħ. Il-kumpens marbut mal-ispejjeż attwali għat-taħriġ jidher li huwa kunsiderevolment iktar rilevanti. Madankollu, ġew espressi numru ta’ twissijiet oħra.

52.      L-ewwel nett, peress li hija biss minoranza ta’ plejers minn dawk li jitħarrġu li ser tirriżulta eventwalment li għandhom valur fis-suq tal-futbol professjonali, filwaqt li numru kunsiderevolment ikbar ta’ plejers għandu jitħarreġ biex tiġi skoperta din il-minoranza, l-investiment fit-taħriġ ikun skoraġġut jekk tkun biss l-ispiża għat-taħriġ ta’ plejer individwali li tittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi stabbilit il-kumpens xieraq. Huwa għalhekk xieraq għall-klabb li jimpjega plejer li jkun ġie mħarreġ minn klabb ieħor li jħallas kumpens li jirrappreżenta proporzjon rilevanti tal-ispejjeż kollha għat-taħriġ ta’ dak il-klabb l-ieħor.

53.      It-tieni nett, jista’ jirriżulta li t-taħriġ ta’ plejer partikolari jkun ġie pprovdut minn iktar minn klabb wieħed, għalhekk kwalunkwe kumpens dovut għandu, permezz ta’ mekkaniżmu xieraq, jinqasam pro rata fost il-klabbs inkwistjoni.

54.      Dawn iż-żewġ punti jidhru li huma rilevanti meta jkun qed jiġi stabbilit jekk skema partikolari ta’ kumpens tkunx xierqa u proporzjonata għall-għan li jiġu inkoraġġuti r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ futbolers żgħażagħ professjonali.

55.      Jiena m’iniex daqshekk konvinta mit-tielet kwistjoni li tqajmet, jiġifieri li l-obbligu li jitħallas il-kumpens għandu jkun biss tal-persuna l-ġdida li timpjega u mhux ta’ dak li kien tħarreġ qabel.

56.      Fil-fehma tiegħi, jidhirli li din mhix proposta li tista’ tintlaqa’ bla ebda kundizzjoni. B’mod ġenerali, il-ħiliet u l-konoxxenzi li jagħtu lill-individwu ċertu valur fis-suq tax-xogħol jistgħu jiġu akkwistati a spejjeż tiegħu, a spejjeż pubbliċi jew a spejjeż ta’ min jimpjega li jħarrġu bi skambju għas-servizzi tiegħu. Jekk fi tmiem il-perijodu ta’ taħriġ f’dan il-każ tal-aħħar, il-“bilanċ tal-kont” bejn l-ispejjeż għat-taħriġ u s-servizzi mogħtija, jindikaw li l-ispiża għat-taħriġ tkun għadha ma ġietx ikkumpensata kompletament, f’dak il-każ ma jidhirx li ma huwiex raġonevoli li min jitħarreġ għandu jkun obbligat “jibbilanċja l-kont”, kemm billi jipprovdi iktar servizzi bħala impjegat jew (jekk ma jridx jagħmel hekk) billi jħallas kumpens ekwivalenti. Filwaqt li l-ħtieġa li jitħallas kumpens għat-taħriġ tista’ tiskoraġġixxi impjegat milli jaċċetta kuntratt ma’ persuna ġdida li timpjegah, fl-istess Stat Membru jew fi Stat Membru ieħor, ma jidher li hemm ebda raġuni partikolari għalfejn hu għandu jitpoġġa, a spejjeż ta’ min iħarrġu, f’pożizzjoni aħjar li jaċċetta tali kuntratt minn dik ta’ kandidat ieħor li jkun ħa taħriġ a spejjeż tiegħu.

57.      Madankollu dawn il-kunsiderazzjonijiet ivarjaw skont il-mod kif it-taħriġ jiġi ġeneralment organizzat f’settur partikolari. Jekk, kif jidher li huwa l-każ, it-taħriġ ta’ plejers professjonali tal-futbol jsir normalment a spejjeż tal-klabb, allura jidher li l-fatt li jkun hemm sistema ta’ kumpens bejn il-klabbs li ma tinvolvix lill-plejers infushom, hija xierqa. Jiena nixtieq nippreċiża wkoll li jekk il-plejer innifsu kellu jkun responsabbli li jħallas il-kumpens għat-taħriġ, l-ammont għandu jkun ikkalkolat abbażi biss tal-ispiża individwali għat-taħriġ tiegħu, irrispettivament mill-ispiża totali għat-taħriġ. Jekk ikun meħtieġ li jitħarrġu n plejers biex isir wieħed li jagħmel suċċess professjonalment, allura l-ispiża għall-klabb li jħarrġu (u t-tfaddil għall-klabb il-ġdid) hija l-ispiża involuta biex jitħarrġu dawk l-n plejers. Jidher xieraq u proporzjonat li l-kumpens bejn il-klabbs ikun ibbażat fuq din l-ispiża. Madankollu, għall-plejer individwali, hija l-ispiża individwali li tidher rilevanti.

58.      Fil-qosor, il-ħtieġa li jiġu inkoraġġuti r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ plejers tal-futbol żgħażagħ professjonali tista’ tiġġustifika li min jitħarreġ ikun obbligat iħallas kumpens għat-taħriġ meta huwa ma josservax l-obbligu tiegħu li jibqa’ mal-klabb li jkun ħarrġu għal perijodu speċifiku (22) (li mhux twil iżżejjed) wara t-tmiem tat-taħriġ. Madankollu, dan japplika biss jekk l-ammont ikkonċernat ikun ibbażat fuq l-ispejjeż attwali tat-taħriġ inkorsi mill-klabb li jħarreġ u/jew iffrankati mill-klabb il-ġdid u, sa fejn il-kumpens għandu jitħallas mill-plejer innifsu, dan għandu jkun limitat għall-kumplament tal-bilanċ dovut tal-ispiża għat-taħriġ individwali.

 Ir-regoli preżenti Franċiżi u tal-FIFA

59.      Ħafna mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet ġibdu l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għar-regoli mniżżla fl-Artikolu 20 u 21 u l-Annessi 4 u 5 tar-Regolamenti tal-FIFA fuq l-iStatus u t-Trasferiment tal-Plejers. Dawn ir-regoli issa jirregolaw sitwazzjonijiet bħal dik ta’ O. Bernard iżda l-istess regoli ma kinux fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti f’din il-kawża. Huma ġew adottati bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni fl-2001 u huma intiżi biex jiżguraw il-konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenza Bosman. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż jenfasizza li l-Karta Franċiża tal-Futbol Professjonal segwiet dan l-eżempju u issa tinkludi regoli simili għas-sitwazzjonijiet domestiċi.

60.      Il-Gvern tar-Renju Unit jenfasizza b’mod partikolari li skont ir-regoli preżenti tal-FIFA, il-klabb, u mhux il-plejer, iħallas il-kumpens; il-kumpens jiġi kkalkolat abbażi tal-ispiża għat-taħriġ ta’ plejer, aġġustat bil-proporzjon tan-numru ta’ persuni li jkun meħtieġ li jitħarrġu biex isir plejer professjonali wieħed; diversi garanziji u limiti jagħmlu l-kumpens proporzjonat mal-għan li jkun irid jintlaħaq; u l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà jqassam il-kumpens bejn il-klabbs meta diversi klabbs ikunu kkontribwixxew għat-taħriġ.

61.      Il-partijiet jitolbu wkoll, b’mod espliċitu jew impliċitu, li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti l-approvazzjoni tagħha għar-regoli li huma fis-seħħ bħalissa.

62.      Madankollu, jidhirli li l-approvazzjoni speċifika ma tkunx adattata fil-kuntest ta’ din il-kawża, li tikkonċerna sitwazzjoni li għaliha ma kinux japplikaw dawn ir-regoli. Fl-isfond ta’ dan, uħud mir-raġunamenti esposti minni iktar ’il fuq u wħud mir-raġunamenti li ser jintużaw mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha, jistgħu effettivament ikunu rilevanti jekk u meta jkun meħtieġ li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli mad-dritt Komunitarju.

 Konklużjoni

63.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi, ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-Cour de Cassation għandhom ikunu kif ġej:

(1)      Il-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit fl-Artikolu 39 KE, jipprekludi, fil-prinċipju, regola tad-dritt nazzjonali li permezz tagħha plejer ‘espoir’ li jiffirma, fi tmiem tal-perijodu ta’ taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor jista’ jiġi ordnat iħallas danni.

(2)      Madankollu tali regola tista’ tkun iġġustifikata mill-ħtieġa li jiġu inkoraġġuti r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ futbolers żgħażagħ professjonali, u dan sakemm l-ammont ikkonċernat ikun ibbażat fuq l-ispejjeż attwali għat-taħriġ inkorsi mill-klabb tat-taħriġ u/jew iffrankati mill-klabb il-ġdid u, meta l-kumpens ikollu jitħallas mill-plejer innifsu, dan għandu jkun limitat għall-kumplament tal-bilanċ dovut tal-ispiża għat-taħriġ individwali.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Kif spjega Bill Shankly (forsi b’mod apokrifu) fil-ħsibijiet tiegħu dwar ir-relazzjoni bejn l-ammiraturi tal-Liverpool u tal-Everton, “Ċerti persuni jemmnu li l-futbol huwa kwistjoni ta’ ħajja u mewt. Jiena ddiżappuntat ħafna b’din l-attitudni. Nista’ niżgurakom li l-kwistjoni hija ħafna iktar importanti minn hekk”. Għal verżjonijiet oħra ta’ dak li seta’ (jew ma’ setax) ingħad, ara http://www.shankly.com/Webs/billshankly/default.aspx?aid=2517.


3 – Kodiċi ġdid daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2008. Is-sustanza tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni baqgħet l-istess, iżda n-numerazzjoni u l-preżentazzjoni m’għadhomx l-istess.


4 – Għalkemm mill-kopja tal-karta ppreżentata mill-Gvern Franċiż, jidher li d-dispożizzjoni inkwistjoni hija l-Artikolu 23 tat-Titolu III, Kapitolu IV, tal-Karta, il-partijiet u l-qrati nazzjonali rreferew għaliha b’mod uniformi bħala l-Artikolu 23 tal-Karta. Bl-għan li tiġi evitata inkonsistenza, jiena ser nagħmel l-istess u nirreferi għaliha bħala l-“Artikolu 23 tal-Karta tal-Futbol”. Din l-istess dispożizzjoni hija bħalissa l-Artikolu 456 tal-verżjoni 2008-2009 tal-Karta.


5 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1995 (C‑415/93, Ġabra I‑4921).


6 – Għaldaqstant il-fatti ta’ dan ir-rinviju jikkonċernaw żewġ klabbs magħrufa u ffinanzjati sew. Madankollu, il-prinċipji inkwistjoni japplikaw għall-klabbs kollha tal-futbol professjonali, irrispettaviment minn kemm huwa sinjur il-klabb li jirċievi jew kemm tilef il-klabb li jħarreġ.


7 – Ara, b’mod partikolari, il-punti 73 sa 87 ta’ din is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk; ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (C‑519/04 P, Ġabra I‑6991, punti 22 et seq).


8 – Ara wkoll Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 23, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk.


9 – Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walraveu Koch (36/74, Ġabra 1405, punt 17); Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82; u tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, Ġabra p. I‑2681, punt 35).


10 – Ara s-sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 96; tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C-190/08, Ġabra I‑493, punti 18 u 23); u Lehtonen u Castors Braine, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 sa 50.


11 – Ara s-sentenza Graf, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 sa 25.


12 – Ara s-sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punti 98 u 99.


13 – Ara s-sentenza Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 100.


14 – Kuntrarjament għas-sitwazzjoni fis-sentenza Graf iċċitata iktar ’il fuq, (ara, b’mod partikolari, il-punti 13 u 24 ta’ din is-sentenza).


15 ­­– Ara, pereżempju, is-sentenza Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28.


16 – Ara s-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993 Kraus (C-19/92, Ġabra I‑1663, punt 32); tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra 1‑4165, punt 37); u Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104. Il-frażi “raisons impérieuses d’intérêt général”, użata sistematikament mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-verżjoni Franċiża, ġiet tradotta għall-Ingliż b’diversi modi; l-iktar traduzzjoni riċenti u l-iktar waħda li tirrifletti s-sens tagħha hija “overriding reasons in the public interest”.


17 – Ara s-sentenza Bosman, punt 106.


18 – Punt 109.


19 – L-Anness IV għall-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Nizza (7, 8 u 9 ta’ Diċembru 2000).


20 – COM(2007) 391 finali.


21 – Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tat-8 ta’ Mejju 2008 [dokument P6_TA(2008)0198].


22 – B’hekk, fil-kuntest ta’ karriera sħiħa ta’ logħob professjonali li hija neċessarjament limitata fiż-żmien, l-obbligu li wieħed iqatta’ (pereżempju) l-ewwel 10 snin mid-data tal-iffirmar tal-ewwel kuntratt bħala plejer professjonali mal-klabb tat-taħriġ, ikun evidentement inaċċettabbli.