KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-12 ta’ Marzu 2009 ( 1 )

Kawża C-168/08

Laszlo Hadadi (Hadady)

vs

Csilla Marta Mesko, miżżewġa Hadadi (Hadady)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Artikolu 64 — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Applikazzjoni għal sentenza mogħtija fi Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-2004 — Artikolu 3(1) — Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju — Elementi ta’ rabta rilevanti — Residenza abitwali — Ċittadinanza — Konjuġi residenti fi Franza u li għandhom, it-tnejn li huma, ċittadinanza Franċiża u Ungeriża”

I — Introduzzjoni

1.

B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Cour de Cassation Franċiża qed tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja xi domandi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 ( 2 ).

2.

Id-domandi għandhom l-għan li jiċċaraw jekk hija qorti Ungeriża jew qorti Franċiża li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar divorzju meta ż-żewġ konjuġi għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Franza u għandhom kemm ċittadinanza Ungeriża kif ukoll dik Franċiża.

3.

Id-domandi jaqgħu fil-kuntest tar-rikonoxximent fi Franza ta’ sentenza ta’ divorzju mogħtija minn qorti Ungeriża. Is-sentenza ngħatat qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament u wara proċeduri li tressqu qabel l-adeżjoni tal-Ungerija mal-UE. F’każ bħal dan, l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji rilevanti tiegħu stess, tiddependi fuq jekk il-qrati tal-Istat tal-oriġini tas-sentenza kellhomx ġurisdizzjoni skont ir-regolament.

II — Il-kuntest ġuridiku

4.

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 (il-“ġurisdizzjoni ġenerali”) jistabbilixxi dan li ġej:

“1.   Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru,

(a)

f’liema territorju:

il-konjuġi huma abitwalment residenti, jew

il-konjuġi kienu joqgħodu hemm l-aħħar, peress illi xi ħadd minnhom għadu/għadha residenti hemm, jew

il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew

fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, wieħed jew waħda mill-konjuġi huwa abitwalment residenti, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu joqgħodu hemm mill-inqas sena mmedjatament qabel ma’ saret l-applikazzjoni, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu residenti hemm mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni u jekk wieħed jew waħda minnhom huwa ċittadin ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ hemmhekk;

(b)

dwar in-nazzjonalità taż-żewg konjuġi jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, dwar ‘id-domiċilju’ taz-żewġ konjuġi”

5.

L-Artikolu 19(1) u (3) jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li ġejjin għal-lis pendens fi kwistjonijiet matrimonjali:

“1.   Fejn il-proċedimenti dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg bejn l-istess partijiet jinġiebu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti li tkun ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni proprja żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel tigi stabbilita..

[…]

3.   Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti […]”

6.

L-Artikolu 21 jirregola r-rikonoxximent tas-sentenzi barranin u jipprovdi, fil-parti li tinteressana:

“1.   Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.

[…]

3.   Mingħajr preġudizzju għal Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu, kwalsijasi parti nteressata tista’, skond il-proċedimenti imsemmija f’Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, tapplika għal deċizjoni li s-sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta..

[…]

4.   Fejn ir-rikonoxximent ta’ xi sentenza titressaq bħala kwistjoni nċidentali f’qorti ta’ xi Stat Membru, dik il-qorti tista’ tiddetermina dik il-kwistjoni.”

7.

L-Artikolu 22 jipprovdi, inter alia, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenza ta’ divorzju li ġejjin:

“(a)

jekk jidher ċar li l-imsemmi rikonoxximent huwa kuntrarju għall-politika pubblika ta’ l-Istat Membru fejn ir-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub;

(b)

Fejn ġie mogħti b’kontumaċja, jekk il-konvenut ma ġiex/tx notifikat bid-dokument li stitwixxa l-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’mod li jħallu l-konvenut jirranġaw għad-difiża tagħhom ħlief jekk huwa ddeterminat li l-konvenut aċċetta s-sentenza inekwivokabilment; […]”

8.

Madankollu, skont l-Artikolu 24, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-prova tal-ordni pubblika msemmija fl-Artikoli 22(a) u 23(a) ma tistax ssir fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 14.

9.

L-Artikolu 64(1), (3) u (4) jinkludi d-dispożizzjonijiet tranżitorji li ġejjin:

“1.   Id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għall-proċedimenti ġudizzjarji stitwiti, għad-dokumenti li ġew formalment miktuba jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi u għall-kuntratti konklużi bejn il-partijiet wara d-data ta’ l-applikazzjoni tagħha skond l-Artikolu 72.

[…]

3.   Is-sentenzi mogħtija qabel dik id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-proċedimenti stitwiti wara d-dħul tas-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandhom jiġu rikonoxxuti u nfurzati skond id-disposizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament kemm-il darba dawn jirrigwardaw id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg jew ir-responsabbilità tal-ġenituri għall-minuri konjugi t-tnejn fl-okkażjoni ta’ dawn il-proċedimenti matrimonjali.

4.   Is-sentenzi mogħtija qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imma wara d-data tad-dħul tas-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1347/2000 fil-proċedimenti stitwiti qabel id-data tad-dħul tas-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandhom jiġu rikonoxxuti u nfurzati skond id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament kemm-il darba dawn jirrigwardaw id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg jew ir-responsabbilità tal-ġenituri għall-minuri taż-żewġ konjuġi fl-okkażjoni ta’ dawn il-proċedimenti matrimonjali u dik il-ġurisdizzjoni kienet ibbażata dwar regoli li jaqblu ma’ dawk imsemmija jew fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament jew fil- Regolament (KE) Nru 1347/2000 jew inkella f’konvenzjoni konkluża bejn l-Istat Membru ta’ l-oriġini u l-Istat Membru ndirizzat li kienet fis-seħħ meta l-proċedimenti ġew istitwiti.”

10.

Skont kif inhu stabbilit fl-Artikolu 72, dan ir-regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Awissu tal-2004 u għandu japplika mill-1 ta’ Marzu tal-2005, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 67, 68, 69 u 70, li għandhom japplikaw mill-1 ta’ Awissu tal-2004.

11.

Ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa marbut ( 3 ), fir-rigward tal-kontenut, mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi ( 4 ). L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1347/2000 huwa kelma b’kelma l-istess bħall-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003. Skont l-Artikolu 46, ir-Regolament Nru 1347/2000 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2001.

12.

Ir-Regolament Nru 1347/2000, min-naħa tiegħu, irkupra ħafna mis-sistema tal-Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali tat-28 ta’ Mejju 1998 ( 5 ) (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell II”). Madankollu, il-Konvenzjoni ma daħlitx fis-seħħ. Meta ġie adottat ir-Regolament Nru 1347/2000, il-Kunsill ( 6 ) irrikonoxxa r-rapport ta’ spjegazzjoni li ħejjiet A. Borrás (iktar ’il quddiem, ir-“Rapport Borrás”) ( 7 ) dwar il-Konvenzjoni.

III — Il-fatti u d-domandi preliminari

13.

I. Hadadi u C. M. Mesko, li għandhom ċittadinanza Ungeriża, iżżewġu fl-Ungerija fl-1979 u emigraw lejn Franza fl-1980 fejn, fl-1985, kisbu ċ-ċittadinanza Franċiża permezz tan-naturalizzazzjoni. Skont dak li ddikjarat C. M. Mesko, bejn l-2000 u l-2004, hija kemm-il darba kienet il-vittma ta’ vjolenza min-naħa tar-raġel tagħha. Fit-23 ta’ Frar 2002, I. Hadadi ressaq talba għal divorzju quddiem il-qorti ta’ Pest (l-Ungerija). C. M. Mesko, skont kif affermat, saret taf b’din il-proċedura biss sitt xhur wara. L-imsemmija qorti tat is-sentenza definittiva ta’ divorzju fl-4 ta’ Mejju 2004.

14.

Fid-19 ta’ Frar 2003, C. M. Mesko min-naħa tagħha talbet id-divorzju quddiem il-qorti li kellha ġurisdizzjoni dwar kwistjonijiet familjari tat-Tribunal de grande istance de Meaux (il-Qorti ta’ Meaux, Franza) minħabba nuqqas ta’ waħda mill-partijiet. B’digriet tat-8 ta’ Novembru 2005, din tal-aħħar iddeċidiet li t-talba kienet inammissibbli. C. M. Mesko ppreżentat appell quddiem il-Cour d’appel Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), li annullat id-digriet tal-qorti tal-Prim’Istanza. Biex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha, il-Cour d’Appel qalet li fi Franza ma setgħetx tiġi rikonoxxuta s-sentenza ta’ divorzju li tat il-qorti Ungeriża, u konsegwentement, iddikjarat li t-talba għad-divorzju taż-żwieġ ta’ C. M. Mesko kienet ammissibbli.

15.

I. Hadadi kkontesta din l-aħħar sentenza quddiem il-Cour de Cassation (Qorti Suprema tal-Kassazzjoni Franċiża) li, b’deċiżjoni tas-16 ta’ April 2008, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari li ġejjin skont l-Artikoli 234 KE u 68 KE:

“1)

Għandu l-Artikolu 3(1)(b) [tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003] jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-miżżewġin ikollhom kemm in-nazzjonalità tal-Istat tal-qorti adita u n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, għandha tingħata preċedenza lin-nazzjonalità tal-qorti adita?

2.

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, għandu għalhekk dan it-test jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi, fil-każ fejn il-miżżewġin it-tnejn li huma jkollhom żewġ nazzjonalitajiet tal-istess żewġ Stati Membri, liema nazzjonalità hija l-iktar effettiva, fost iż-żewġ nazzjonalitajiet preżenti?

3.

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li dan it-test jagħti lill-miżżewġin għażla addizzjonali, peress li dawn jistgħu jagħżlu quddiem liema mill-qrati taż-żewġ Stati, li tagħhom huma għandhom in-nazzjonalità, iressqu l-kawża?”

16.

Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom I. Hadadi, C. M. Mesko, il-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Ġermanja, tal-Finlandja, tal-Polonja, tas-Slovakkja u tar-Repubblika Ċeka, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

IV — Kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

A — Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji

17.

Il-kawża prinċipali tikkonċerna t-talba għal divorzju mressqa minn C. M. Mesko. F’dan ir-rigward, il-premessa għall-ammissibbiltà tar-rikors tagħha tidher li hija li ż-żwieġ ma ġiex xolt diġà b’sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, li l-qrati Franċiżi għandhom l-obbligu li jirrikonoxxu. Ir-rikonoxximent tas-sentenza ta’ divorzju Ungeriża tal-4 ta’ Mejju 2004, għaldaqstant, hija kwistjoni preliminari fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tat-talba għal divorzju li tressqet quddiem il-qrati Franċiżi.

18.

F’dan ir-rigward, nixtieq niċċara li l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jibda mill-prinċipju tar-rikonoxximent. Skont l-Artikolu 24 tal-istess regolament, in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat tal-oriġini tas-sentenza, ġeneralment, ma jippermettix li r-rikonoxximent jiġi miċħud.

19.

Id-divorzju, madankollu, intalab u ġie deċiż fl-Ungerija meta r-Regolament Nru 2201/2003 ma kienx għadu japplika. Rikonoxximent tas-sentenza ta’ divorzju bbażata fuq ir-regolament, għalhekk, jiġi kkunsidrat biss skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji. Il-qorti nazzjonali, f’dan ir-rigward, ikkunsidrat ġustament li l-Artikolu 64(4) tar-regolament kien rilevanti fir-rigward tas-sentenzi ta’ divorzju

li ġew deċiżi qabel ma beda jiġi applikat ir-Regolament Nru 2201/2003, iżda wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1347/2000,

rigward kawżi mressqa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1347/2000.

20.

Skont l-Artikolu 72, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu applikati mill-1 ta’ Marzu 2005. Ir-Regolament Nru 1347/2000 daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2001. Madankollu id-data rilevanti għall-Ungerija, hija l-1 ta’ Mejju 2004 peress li, skont l-Artikolu 2 tal-Att ta’ Adeżjoni ( 8 ), fl-Istati l-ġodda l-liġi tal-acquis komuni tidħol fis-seħħ u tkun applikabbli biss minn din id-data. I. Hadadi ressaq talba għal divorzju fit-23 ta’ Frar 2002, jiġifieri qabel ma beda jiġi applikat ir-Regolament Nru 1347/2000 fl-Ungerija. Is-sentenza ta’ divorzju sussegwentement ingħatat fl-4 ta’ Mejju 2004, jiġifieri wara li r-Regolament Nru 1347/2000 beda jkollu effett fl-Ungerija u qabel ma r-Regolament Nru 2201/2003 kien applikabbli.

21.

Huwa minnu li C. M. Mesko, skont dak li sostniet hija stess, saret taf li tressqet il-kawża biss sitt xhur wara; madankollu, hija ma sostnietx li I. Hadadi kien naqas milli jieħu l-miżuri kollha li kellu jieħu sabiex tiġi nnotifikata bil-kawża, b’tali mod li, f’dak il-waqt, il-qorti ma setgħetx titqies bħala li kienet fil-pussess skont l-Artikolu 16 tar-regolament. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li pparteċipat bħala parti għall-proċedura quddiem il-qorti ta’ Pest.

22.

B’hekk it-tressiq tal-kawża u l-għoti tas-sentenza huma konformi mat-termini tal-Artikolu 64(4). Għalhekk, is-sentenza għandha tiġi rikonoxxuta skont ir-Regolament Nru 2201/2003, sa fejn jiġu applikati regoli dwar il-ġurisdizzjoni konformi ma’ dawk inklużi fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, jew fir-Regolament Nru 1347/2000, jiġifieri f’konvenzjoni fis-seħħ bejn l-Ungerija u Franza fil-perijodu li tressqet il-kawża.

23.

Mill-proċess ma jirriżultax minn liema regoli l-qorti ta’ Pest iddeduċiet il-ġurisdizzjoni tagħha, u lanqas x’kienu jgħidu. Madankollu, biex inkunu nistgħu nippreżumu l-konformità tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni applikati fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003, għar-regola stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1347/2000, jiġifieri għad-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ konvenzjoni, huwa suffiċjenti li minn dawn ir-regoli tirriżulta anke l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi. Ma hemmx għalfejn isir paragun wiesgħa tal-liġijiet rispettivi tagħhom, peress li l-Artikolu 64(4) huwa intiż li jiggarantixxi li r-regoli dwar ir-rikonoxximent tar-regolament jiġu estiżi għas-sentenzi tal-qrati kollha li wkoll kellhom ġurisdizzjoni permezz tar-regoli armonizzati jew tar-regoli stipulati f’konvenzjoni.

24.

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu l-għan li jiċċara jekk din hix is-sitwazzjoni, jiġifieri jekk il-qorti ta’ Pest kellhiex ġurisdizzjoni anke skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003.

B — Fuq id-domandi preliminari

25.

Skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, il-ġurisdizzjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-qrati tal-Istat Membru li tiegħu ż-żewg konjuġi huma ċittadini jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, fejn iż-żewġ konjuġi għandhom id-“domiċilju”. Id-dispożizzjoni ma tipprovdi għall-ebda regola speċjali fil-każ li ż-żewġ konjuġi għandhom ċittadinanza doppja tal-istess Stati ( 9 ). It-tliet domandi preliminari jikkunsidraw diversi possibbiltajiet fejn għandhom x’jaqsmu l-mezzi biex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) f’ipoteżi bħal dik.

26.

F’każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, għandha ssir referenza għaċ-ċittadinanza prevalenti. F’dan ir-rigward, għandna nikkunsidraw bħala prevalenti ċ-ċittadinanza li, abbażi tal-kriterji addizzjonali, bħal pereżempju r-residenza abitwali, għandha l-iktar rabta mill-qrib mal-qrati ta’ wieħed mill-Istati Membri, li l-konjuġi jkunu ċittadini tiegħu. Konsegwentement, skont l-Artikolu 3(1)(b), il-qorti tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza prevalenti biss ikollha ġurisdizzjoni. B’regola bħal din, il-qrati tal-Istati Membri li ċ-ċittadinanza tagħhom ma tkunx prevalenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li għandhom ġurisdizzjoni.

27.

Is-soluzzjoni alternattiva tikonsisti fil-possibbiltà deskritta fit-tielet domanda, jiġifieri li ż-żewġ ċittadinanzi komuni jagħtu lok għal qrati li jkollhom ġurisdizzjoni tal-istess grad, li jistgħu jintgħażlu bil-libertà kollha mir-rikorrent. Konsegwentement, ikollha ġurisdizzjoni l-qorti tal-Istat Membru li tkun l-ewwel waħda li quddiemha titressaq il-kawża, filwaqt li t-tieni qorti li tieħu konjizzjoni tal-kawża fl-Istat Membru l-ieħor ikollha tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 19(3) tar-regolament.

28.

Il-Cour de Cassation l-ewwel nett qajmet il-kwistjoni jekk, f’każ ta’ persuni li jkollhom ċittadinanza doppja, qorti nazzjonali għandhiex tikkunsidra ċ-ċittadinanza interna bħala l-iktar waħda importanti, irrispettivament mill-kriterju tal-prevalenza.

1. Fuq l-ewwel domanda preliminari

29.

Biex nagħtu risposta għall-ewwel domanda preliminari għandna nqisu li l-qrati Franċiżi qed jintalbu jittrattaw sitwazzjoni atipika, peress li, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, iridu jiddeċiedu mhux jekk huma għandhomx ġurisdizzjoni, iżda jekk għandhomx ġurisdizzjoni l-qrati ta’ Stat Membru ieħor.

30.

Ġeneralment, kull qorti li quddiemha titressaq il-kawża tivverifika esklużivament il-ġurisdizzjoni tagħha u, eventwalment, tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni skont it-termini tal-Artikolu 17 tar-regolament. Jekk tafferma li hija għandha ġurisdizzjoni u tagħti deċiżjoni, ħlief għall-motivi ta’ rifjut irregolati mill-Artikolu 22 tar-regolament, is-sentenza għandha tiġi rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor. Skont l-Artikolu 24 tar-regolament, fl-Istat tar-rikonoxximent ma tistax titqajjem iktar il-kwistjoni tal-eżistenza effettiva tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini.

31.

L-imsemmi prinċipju nsibuh anke fil-lis pendens, kif ipprovduta fl-Artikolu 19(1) tar-regolament. Skont din ir-regola, il-qorti li sussegwentement għall-ewwel qorti, titressaq l-istess kawża quddiemha, għandha żżomm il-proċedimenti sakemm l-ewwel qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża ta’ Stat Membru ieħor tiġi ddikjarata bħala li għandha ġurisdizzjoni. Il-qorti li sussegwentement għall-ewwel qorti, titressaq il-kawża quddiemha ma tistax tkompli bil-proċeduri quddiemha peress, ngħidu aħna, tikkunsidra li l-ewwel qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża ma għandhiex ġurisdizzjoni. L-imsemmija regola, però, ma tistax tiġi applikata direttament f’dan il-każ, peress li il-proċedimenti tressqu qabel id-data tal-applikazzjoni tar-regolament (Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 2201/2003).

32.

Għaldaqstant, għandna nistaqsu, kif għandha ġġib ruħha qorti tal-Istat tar-rikonoxximent, li għandha tivverfika b’mod eċċezzjonali, skont l-Artikolu 64(4), jekk il-qorti tal-Istat tal-oriġini kellhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b), peress li l-konjuġi, minbarra ċ-ċittadinanza tal-Istat tal-oriġini, kellhom anke ċ-ċittadinanza tal-Istat tar-rikonoxximent.

33.

Il-Cour d’appel evidentement sostniet l-argument li ġej: għandu jiġi evalwat esklużivament abbażi tad-dritt nazzjonali liema ċittadinanza (komuni) għandhom iż-żewġ konjuġi skont l-Artikolu 3(1)(b). Skont il-leġiżlazzjoni Franċiża, il-persuni li jkollhom iktar minn ċittadinanza waħda, fosthom dik Franċiża, għandhom jiġu kkunsidrati esklużivament bħala ċittadini Franċiżi, mingħajr ma jitqies il-fatt li dawn għandhom, ukoll, ċittadinanza oħra jew ċittadinanzi oħrajn. Konsegwentement, il-qrati ma jitqisux li għandhom ġurisdizzjoni biex jagħtu deċiżjoni dwar id-divorzju tal-konjuġi Hadadi skont l-Artikolu 3(1)(b), peress li dawn tal-aħħar — skont il-qrati Franċiżi — huma Franċiżi u mhux Ungeriżi.

34.

Madankollu, ma nistax naqbel ma’ din l-opinjoni.

35.

Kif sostnew il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(b), ma jistax jiġi deċiż esklużivament abbażi tad-dritt nazzjonali liema ċittadinanza jkollha persuna li għandha żewġ ċittadinanzi, jiġifieri, liema, bejn id-diversi ċittadinanzi, għandha tiġi kkunsidrata. Anzi, f’dan il-kuntest tkun meħtieġa intepretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ ċittadinanza. Din l-interpretazzjoni awtonoma fil-fatt hija l-unika li tista’ tiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tar-regolament fl-Istati Membri kollha ( 10 ).

36.

Huwa minnu li fir-rapport Borrás jingħad li l-Konvenzjoni ma tikkontemplax il-konsegwenzi li jirriżultaw miċ-ċittadinanza doppja, li fir-rigward tagħhom il-qrati ta’ kull Stat b’hekk japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fil-qafas tal-leġiżlazzjoni Komunitarja ġenerali fis-seħħ f’dak il-qasam ( 11 ).

37.

Anke jekk nammettu li l-imsemmija affermazzjoni hija korretta fejn tikkonċerna l-Konvenzjoni, madankollu din ma tistax tiġi trasposta bil-għama għar-Regolament Nru 2201/2003, peress li huwa possibbli li f’konvenzjoni bejn l-Istati Membri bbażata fuq it-Trattat KE — b’differenza minn regolament tal-Komunità Ewropea — il-kwistjonijiet li ma jiġux espressament irregolati għandhom jiġu solvuti permezz ta’ referenza għad-dritt nazzjonali. Rigward l-atti Komunitarji, fl-imsemmija każijiet jeħtieġ li, l-ewwel nett, tingħata interpretazzjoni awtonoma, ibbażata fuq ir-ratio tar-regoli, iktar u iktar għaliex l-istess rapport jgħid li d-dritt nazzjonali għandu jkun konformi mal-qafas tal-leġiżlazzjoni Komunitarja ġenerali.

38.

F’dan il-kuntest, ċerti partijiet irreferew għas-sentenzi Micheletti u Garcia Avello ( 12 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ir-rilevanza tal-libertaijiet fundamentali u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ġenerali f’każijiet ta’ ċittadinanza doppja. Madankollu, f’dan il-każ, il-kwistjoni tal-portata tal-libertajiet fundamentali ma titqajjimx, peress li diġà mir-regolament nistgħu niddeduċu parametri suffiċjenti biex nirreferu għaċ-ċittadinanza.

39.

B’hekk, l-Artikolu 3(1)(b) tar-regolament ma jippermettix li persuni li jkollhom ċittadinanza doppja jiġu ttrattati bħala ċittadini proprji, peress li tali trattament jimpedixxi li tali persuni jinvokaw, quddiem il-qorti ta’ Stat Membru — f’dan il-każ il-qorti Franċiża — l-Artikolu 3(1)(b) biex jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor — f’dan il-każ l-Ungerija — minkejja li jkollhom iċ-ċittadinanza tal-Istat tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża.

40.

Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor, però, għandhom jiddikjaraw li huma għandhom ġurisdizzjoni biex jagħtu sentenza ta’ divorzju ta’ żewġ ċittadini ta’ dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 3(1)(b) jekk — kif isir is-soltu — għandhom jivverifikaw ex officio l-ġurisdizzjoni tagħhom ( 13 ). Jekk, b’mod eċċezzjonali, qorti tal-Istat tar-rikonoxximent ikollha tivverifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti fl-Istat tal-oriġini tas-sentenza, din ikollha tikkunsidra l-fatt li l-konjuġi għandhom anke ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-oriġini u, għaldaqstant, il-qrati ta’ dan tal-aħħar għandhom ukoll jitqiesu bħala li għandhom ġurisdizzjoni abbażi taċ-ċittadinanza. Dan huwa konformi anke mal-prinċipji tal-aspettativi reċiproċi u tar-rikonoxximent reċiproku li jispiraw lir-regolament.

41.

L-interpretazzjoni li qed nissuġġerixxi hawnhekk ma tipprekludix l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-Aja tat-12 ta’ April 1930 dwar ċerti kwistjonijiet marbuta mal-kunflitti tal-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza ( 14 ). Din id-dispożizzjoni tikkodifika r-regola tad-dritt konswetudinarju, jiġifieri li persuna li jkollha ċittadinanza doppja jew għadd ta’ ċittadinanzi tista’ tiġi kkunsidrata minn kull Stat li jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu bħala ċittadina tiegħu. Madankollu din ir-regola ma timponix li jiġi injorat, f’każ bħal dan, li Stat ieħor li persuna jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu wkoll jista’ jittratta lil din il-persuna bħala ċittadina tiegħu ( 15 ).

42.

Għaldaqstant, l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi risposta kif ġej:

“Il-qorti ta’ Stat Membru, jekk ikollha taċċerta, skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, jekk il-qorti tal-Istat tal-oriġini ta’ sentenza kellhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi regolament, ma tistax tikkunsidra esklużivament bħala ċittadini ta’ dak l-Istat Membru konjuġi li t-tnejn ikollhom iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża kif ukoll tal-Istat Membru tal-oriġini. L-imsemmija qorti anzi trid tikkunsidra l-fatt li l-konjuġi għandhom ukoll iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-oriġini u li, għaldaqstant, il-qorti tal-imsemmi Stat seta’ kellha l-ġurisdizzjoni.”.

2. Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari

43.

It-tieni u t-tielet domandi preliminari juru żewġ aspetti alternattivi għal xulxin: jew meta tiġi deċiża l-ġurisdizzjoni biex jingħata d-divorzju ta’ persuni li għandhom ċittadinanza doppja għandha tiġi kkunsidrata biss iċ-ċittadinanza prevalenti, biex b’hekk ikun hemm qorti waħda biss li għandha ġurisdizzjoni abbażi taċ-ċittadinanza, jew inkella għandhom jiġu kkunsidrati ż-żewġ ċittadinanzi biex b’hekk fuqhom jistgħu jiġu bbażati l-ġurisdizzjonijiet taż-żewġ Stati Membri. Biex ikunu evalwati l-punti tajba u l-punti dgħajfa taż-żewġ soluzzjonijiet possibbli, iż-żewġ domandi preliminari għandhom jiġu diskussi flimkien.

44.

C. M. Mesko u l-Gvern Pollakk qed isostnu li għandha tiġi kkunsidrata ċ-ċittadinanza prevalenti li C. M. Mesko tqis li hija dik Franċiża minħabba residenza ta’ iktar minn għoxrin sena fi Franza. Hija tenfasizza li jekk iż-żewġ ċittadinanzi jitqiegħdu fuq l-istess livell, dan se jwassal għal tellieqa bejn min iressaq il-kawża l-ewwel u b’hekk jista’ jkun hemm abbużi minħabba dak li jissejjaħ “forum shopping”.

45.

Il-partijiet l-oħra ma jaqblux ma’ dan l-argument, u jenfasizzaw li l-Artikolu 3(1)(b) jirreferi biss għaċ-ċittadinanza komuni tal-konjuġi. Il-ġurisdizzjoni ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni ulterjuri li din tkun ċittadinanza prevalenti. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-Artikolu 3(1)(a) xorta jammetti qrati oħrajn li għandhom rabta mar-residenza abitwali u li jitqiegħdu fuq l-istess livell tal-qorti li jkollha ġurisdizzjoni li tiġi stabbilita minħabba ċ-ċittadinanza komuni.

46.

L-ewwel nett, għandu jingħad li r-Regolament Nru 2201/2003 jirregola esklużivament il-ġurisdizzjoni, iżda mhux ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li jistabbilixxu liema dritt sostantiv ikun applikabbli rigward id-divorzju. Il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni abbażi tar-Regolament Nru 2201/2003 għaldaqstant trid tiddeċiedi l-liġi applikabbli abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Jekk ir-regoli nazzjonali ta’ kunflitt — kif manifestament huma anke dawk Ungeriżi — jiddikjaraw li tkun applikabbli b’mod prevalenti l-liġi tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża (lex fori), l-għażla tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni tista’ madankollu timplika deċiżjoni preliminari dwar il-liġi applikabbli.

47.

Iċ-“ċaħda tal-kunflitti tal-liġijiet” (négation des conflits de lois) ( 16 ) tar-regolament, ikkritikata fid-duttrina, għaldaqstant tista’ effettivament tinkoraġġixxi lill-konjuġi biex iħaffu ħalli jkunu l-ewwel li jippreżentaw rikors quddiem qorti. Minflok ma joqogħdu jaħsbuha bil-kalma jekk iressqux proċeduri għal divorzju, il-konjuġi miġġielda ma’ xulxin jistgħu jiġu mġiegħla jiftħu kawża ta’ malajr quddiem waħda mill-qrati li jkollha ġurisdizzjoni biex jiżguraw irwieħhom mill-vantaġġi tad-dritt sostantiv dwar id-divorzju li jkun applikabbli skont id-dritt privat internazzjonali ta’ dak il-pajjiż. Fil-fatt, jekk titressaq kawża quddiem żewġ qrati, abbażi tal-prinċipju ta’ prijorità stabbilit fl-Artikolu 19, hija l-ewwel qorti li tieħu konjizzjoni tal-kawża.

48.

Anke l-Kummissjoni indunat b’dawn ir-riperkussjonijiet negattivi li ġejjin mill-fatt li kulma jagħmel ir-regolament huwa li jirregola l-ġurisdizzjoni u, għaldaqstant, diġà pproponiet l-introduzzjoni ta’ regolamentazzjoni komuni sabiex tiġi deċiża l-liġi applikabbli ( 17 ).

49.

Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jikkonċernaw biss id-divorzju per se, iżda mhux il-konsegwenzi tiegħu bħal, b’mod partikolari, id-drittijiet għall-manteniment. Id-dispożizzjoni rilevanti dwar il-ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ( 18 ) tabilħaqq ġiet sostitwita minn regolament speċjali ( 19 ), li barra minn hekk jirreferi għall-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi tal-Manteniment. Lanqas il-ġurisdizzjoni għas-sentenzi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri mhi awtomatikament marbuta mal-ġurisdizzjoni dwar id-divorzju skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003. Fl-aħħar nett, ma hemm l-ebda liġi Komunitarja li tikkonċerna l-konsegwenzi patrimonjali tad-divorzju.

50.

Huwa minnu li C. M. Mesko qed tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Pest. Fil-verità, madankollu, jidher li hija tqis li huwa żbaljat speċjalment il-fatt li fir-rigward tad-divorzju ġie applikat id-dritt Ungeriż u mhux dak Franċiż. Hija tibda mill-premessa li r-raġel tagħha intenzjonalment talab id-divorzju fl-Ungerija biex jaħrab mill-konsegwenzi ta’ divorzju minħabba n-nuqqasijiet fl-aġir tiegħu, abbażi tad-dritt Franċiż, minkejja li l-koppja prattikament ma kellha l-ebda rabta mal-Ungerija.

51.

F’dan il-kuntest, għandna nivverifikaw jekk l-Artikolu 3(1)(b) għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ persuni li għandhom iktar minn ċittadinanza waħda, il-ġurisdizzjoni għandhiex tkun deċiża biss abbażi taċ-ċittadinanza komuni prevalenti.

52.

Il-prinċipju tas-supremazija taċ-ċittadinanza prevalenti ilu rikonoxxut fid-dritt internazzjonali ( 20 ) u għandu konsegwenzi, pereżempju, fuq id-dritt tal-Istati biex tiġi ggarantita l-protezzjoni diplomatika ( 21 ). F’dan ir-rigward, titqies bħala prevalenti fuq kollox iċ-ċittadinanza tal-Istat fejn il-persuna jkollha r-residenza abitwali tagħha ( 22 ).

53.

F’dan il-każ, mhuwiex neċessarju li jiġi vverifikat sa fejn il-libertajiet fundamentali qed jillimitaw it-traspożizzjoni ta’ dan il-mudell ( 23 ), jekk ir-regolament diġà jipprekludi li ċ-ċittadinanza prevalenti tiġi kkunsidrata bi prijorità. F’dan ir-rigward, għandna neżaminaw jekk il-kunċett ta’ ċittadinanza stabbilit fl-Artikolu 3(1)(b) jistax jiġi interpretat b’mod li, fil-każ ta’ persuni li jkollhom iktar minn ċittadinanza waħda, għandhiex tintuża bħala kriterju ta’ konnessjoni ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru li miegħu effettivament hemm l-iktar rabta mill-qrib.

54.

L-ewwel nett, tali intepretazzjoni mhi sostnuta bl-ebda mod mid-diċitura tal-Artikolu 3(1)(b). Kif isostni korrettament il-Gvern Ġermaniż, f’għadd ta’ punti oħrajn ir-regolament jirreferi għaċ-ċittadinanza mingħajr l-intenzjoni li jkun hemm referenza esklużivament għaċ-ċittadinanza prevalenti. Li kieku fl-Artikolu 3(1)(b) il-leġiżlatur xtaq jagħmel referenza esklużiva għaċ-ċittadinanza prevalenti, kienet tkun mistennija dispożizzjoni espliċita li tgħid hekk.

55.

Madankollu, id-diċitura per se mhix deċiżiva. Anzi, għandna nikkunsidraw anke r-ratio tad-dispożizzjoni, l-oriġini tagħha u l-kuntest fejn tiġi introdotta.

56.

Abbażi tal-ewwel premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 jagħti l-kontribut tiegħu biex tiġi stabbilita żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fejn jiġi ggarantit il-moviment liberu tal-persuni. Rigward ir-regolamentazzjoni tal-kwistjonijiet matrimonjali, huwa jippromwovi l-għanijiet li diġà kienu jispiraw lir-Regolament Nru 1347/2000 u lill-Konvenzjoni ta’ Brussell II ( 24 ).

57.

Kif ġie spjegat fir-rapport Borrás, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell II kienu bbażati fuq l-idea li jitqiesu l-interessi tal-partijiet u kienu msejsa fuq prinċipji ta’ flessibbiltà marbuta mal-mobbiltà tal-persuni, biex b’hekk ikunu ffavoriti mingħajr ma tiġi kompromessa ċ-ċertezza legali ( 25 ). Il-kriterji magħżula biex tiġi deċiża l-ġurisdizzjoni għaldaqstant huma oġġettivi, alternattivi u esklużivi ( 26 ).

58.

Dawn l-għanijiet jippermettu li l-persuni li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu jagħżlu l-qorti b’mod flessibbli. B’hekk, għal dawn il-persuni jista’ jkun iktar sempliċi li jressqu kawża quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn fih ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom. Jista’ jkun ukoll li jippreferu jressqu kawża quddiem il-qrati tat-twelid u għejxien, fejn jafu aħjar il-lingwa u fejn jafu iktar is-sistema legali u ġuridika. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2201/2003 isemmi għadd ta’ qrati li, b’differenza għall-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummercjali (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), ma ġewx elenkati intenzjonalment f’ordni ġerarkika ( 27 ).

59.

Jekk, fil-każ ta’ persuni li jkollhom ċittadinanza doppja, titqies, fil-kuntest tal-Artikolu 3(1)(b) biss iċ-ċittadinanza prevalenti, dan iwassal biex jiġu limitati l-possibbiltajiet tal-għażla. Peress li, sabiex ċittadinanza tiġi meqjusa bħala prevalenti, ir-residenza abitwali għandha importanza fundamentali, il-qrati stabbiliti fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) ta’ spiss jikkoinċidu. Fil-fatt, fil-każ ta’ persuni li jkollhom ċittadinanza doppja dan jispiċċa biex joħloq ġerarkija tal-qrati fl-Artikolu 3(1)(a) u (b), li bl-ebda mod mhi mixtieqa. Bil-kontra, koppja li jkollha biss ċittadinanza komuni xorta tista’ tressaq kawża quddiem il-qrati ta’ art twelidha anke jekk ilu ma jkollha r-residenza abitwali tagħha f’dak l-Istat u żżomm biss ftit kuntatti reali miegħu.

60.

Il-kriterji dwar il-ġurisdizzjoni huma intiżi li jiggarantixxu rabta reali mal-Istat ikkonċernat, kif tenfasizza t-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 1347/2000 ( 28 ). Din ir-rabta titwettaq permezz tar-residenza abitwali fl-Istat tal-qorti jew permezz taċ-ċittadinanza komuni. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur jitlaq mis-suppożizzjoni, skont argument ibbażat fuq każijiet tipiċi, li ċ-ċittadinanza twassal anke għal rabta reali u, b’hekk, hija marbuta ma’ kriterju faċilment użat u li jippermetti li tiġi deċiża b’ċertezza l-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

61.

Fl-Artikolu 3(1)(b) ma jintlaqgħux kriterji kwalitattivi oħrajn bħal, pereżempju, il-prevalenza taċ-ċittadinanza. L-identifikazzjoni tal-prevalenza ta’ ċittadinanza, fil-fatt, minn naħa tikkumplika iktar il-verifika tal-ġurisdizzjoni u min-naħa l-oħra, tmur kontra l-għan tar-regolament, jiġifieri li tiġi garantita ċ-ċertezza legali b’referenza għall-ġurisdizzjoni.

62.

L-identifikazzjoni taċ-ċittadinanza l-iktar prevalenti tkun affettwata minn għadd ta’ inċertezzi diġà minħabba l-fatt biss li ma teżistix definizzjoni ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, probabbilment ikollhom jiġu kkunsidrati għadd ta’ cirkustanzi ta’ fatt li mhux dejjem iwasslu għal riżultat ċar. Fl-agħar ipoteżi, jista’ jinħoloq anke kunflitt negattiv ta’ ġurisdizzjoni, meta żewġ qrati jqisu rispettivament prevalenti ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru l-ieħor. Ir-regolament ma fih l-ebda dispożizzjoni għal tali kunflitti ta’ ġurisdizzjoni li abbażi tagħha l-qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrinvija, b’effett vinkolanti, il-proċedura quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ieħor ( 29 ).

63.

Skont l-Artikolu 3(1)(b), dan ir-riżultat ma jipprekludix li fil-każ tar-Renju Unit u tal-Irlanda, ikun determinanti d-“domiċilju” tal-konjuġi minflok iċ-ċittadinanza tagħhom. Huwa wkoll minnu li d-“domiċilju” jista’ jkollu xi xebh ma’ ċittadinanza prevalenti; b’mod partikolari, kull persuna jista’ jkollha biss “domiċilju” wieħed, abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ( 30 ). Minn din ir-regola speċjali, li hija valida għal żewġ Stati Membri u li tippermetti li jkunu konformi ma’ kriterji li tradizzjonalment jintużaw biex tiġi identifikata l-ġurisdizzjoni, madankollu ma nistgħux niġbdu konklużjonijiet ġenerali sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ ċittadinanza.

64.

Barra minn hekk, kif enfasizza ġustament il-Gvern Slovakk, fil-każ li fl-istess ħin jeżistu “domiċilju” komuni fi Stat Membru u ċittadinanza komuni fi Stat Membru ieħor, jistgħu jinqalgħu l-istess problemi bħal fil-każ ta’ ċittadinanza doppja. Mir-regolament ma jistgħux jiġu dedotti elementi li permezz tagħhom id-“domiċilju” komuni, f’dan il-każ, jiġġustifika qorti unika u tiġi eskluża l-preżentazzjoni ta’ rikors quddiem il-qrati taċ-ċittadinanza komuni.

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fi ftit kliem, jista’ jiġi affermat li l-limitu tal-kunċett ta’ ċittadinanza stabbilit fl-Artikolu 3(1)(b) għaċ-ċittadinanza prevalenti ma jikkorrispondix la mad-diċitura u lanqas mal-għanijiet tar-Regolament Nru 2201/2003. Is-sistema tal-ġurisdizzjoni tar-regolament dwar id-divorzju mhix ibbażata, b’mod ġenerali, fuq il-prinċipju tal-esklużjoni ta’ diversi qrati. Anzi, hija prevista espressament il-koeżistenza ta’ iktar minn qorti waħda tal-istess grad.

66.

Għaldaqstant, jirriżulta dritt ta’ għażla għar-rikorrent. Il-fatt li persuni li jkollhom ċittadinanza doppja jistgħu, f’dan ir-rigward, jagħmlu għażla bejn il-qrati ta’ żewġ Stati Membri, li għandhom ġurisdizzjoni esklużivament abbażi taċ-ċittadinanza ma jmurx kontra r-regolament. Peress li l-Artikolu 3(1)(b) jippreżumi li ż-żewġ konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza tal-qorti, l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tiggarantixxi li ż-żewġ konjuġi jkollhom l-istess rabta ma’ din il-qorti u li ma tistax titressaq kawża quddiem qorti li l-ġurisdizzjoni tagħha tkun għalkollox imprevedibbli jew imbiegħda għal parti waħda mill-konjuġi.

67.

Il-possibbiltà ta’ għażla tar-rikorrent lanqas ma tfisser inqas ċertezza legali. Mill-prinċipju taċ-ċertezza legali jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Komunitarja għandha tkun ċerta u l-applikazzjoni għandha tkun prevedibbli għal dawk li huma suġġetti għaliha ( 31 ). L-Artikolu 3(1)(b), fl-interpretazzjoni li qed tiġi suġġerita hawnhekk, jissodisfa dawn ir-rekwiżiti peress li l-ġurisdizzjoni żgur li tista’ tkun deċiża abbażi taċ-ċittadinanza komuni. Jekk huwa minnu li, fil-każ ta’ persuni li jkollhom iktar minn ċittadinanza waħda, il-qrati ta’ diversi Stati Membri jistgħu jkunu l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, huwa wkoll minnu li, jekk għal din ir-raġuni titressaq kawża quddiem il-qrati ta’ iktar minn Stat Membru wieħed, l-Artikolu 19 jsolvi b’mod ċar il-kunflitt ta’ ġurisdizzjoni.

68.

Kif juri dan il-każ, il-konsegwenzi negattivi, bħat-tellieqa biex titressaq kawża, mhumiex per se daqstant problematiċi rigward il-ġurisdizzjoni. Anke jekk C. M. Mesko ilha tgħix bosta snin fi Franza u tonfoq iktar flus biex tkun parti fi proċeduri fl-Ungerija milli kieku tkun parti fi proċedura quddiem qorti fil-post ta’ residenza tagħha, l-ewwel nett hija mhux qed toġġezzjona għall-qorti bħala tali, iżda pjuttost qed tilmenta għaliex ġiet applikata l-liġi Ungeriża dwar id-divorzju minflok dik Franċiża. Madankollu, dan mhux konsegwenza diretta tar-Regolament Nru 2201/2003, iżda tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat Ungeriż. Ma jkunx korrett jekk in-nuqqas ta’ regoli ta’ kunflitt uniformi jitpatta permezz ta’ interpretazzjoni li tmur kontra l-għanijiet u s-sistematiċità tar-regoli fis-seħħ dwar il-ġurisdizzjoni.

69.

Fl-aħħar nett, ir-rikors ippreżentat quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) lanqas ma għandu jitqies bħala abbużiv, kif sostna r-rappreżentant ta’ C. M. Mesko waqt is-seduta. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li persuni ma jistgħux b’mod frawdolenti jew abbużiv jibbażaw fuq in-normi Komunitarji ( 32 ), prattika abbużiva tippreżumi li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet ipprovduti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, l-evokazzjoni tal-leġiżlazzjoni tmur kontra l-għanijiet tagħha stess ( 33 ).

70.

Madankollu, l-użu ta’ qrati ta’ Stat Membru fejn iż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini, ma jmurx kontra l-għanijiet tal-Artikolu 3(1)(b), kif diġà ġie spjegajt, lanqas meta jkun hemm rabta ma’ ċittadinanza mhux prevalenti.

71.

Madankollu, għandna nenfasizzaw li, fil-każ ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni, iċ-ċertezza legali għandha rwol importanti li jimponi li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja tkun prevedibbli għal dawk li jkunu suġġetti għaliha ( 34 ). Il-kunċett ta’ abbuż tad-dritt, għalhekk, xorta jista’ jwassal f’każijiet eċċezzjonali biss li kawża li titressaq quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għandha titqies li hija abbużiva.

V — Konklużjoni

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Cour de Cassation fit-termini li ġejjin:

“1.

Il-qorti ta’ Stat Membru, jekk ikollha taċċerta, skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, jekk il-qorti tal-Istat tal-oriġini ta’ sentenza kellhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi regolament, ma tistax tikkunsidra esklużivament bħala ċittadini ta’ dak l-Istat Membru konjuġi li t-tnejn ikollhom iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża kif ukoll tal-Istat Membru tal-oriġini. L-imsemmija qorti anzi trid tikkunsidra l-fatt li l-konjuġi għandhom ukoll iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-oriġini u li, għaldaqstant, il-qorti tal-imsemmi Stat seta’ kellha l-ġurisdizzjoni.

2.

Jekk il-konjuġi jkollhom iktar minn ċittadinanza komuni, sabiex tiġi deċiża liema hija l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, ma għandhiex tiġi kkunsidrata esklużivament iċ-ċittadinanza prevalenti, iżda, skont l-imsemmija dispożizzjoni, għandhom ġurisdizzjoni l-qrati tal-Istati Membri kollha li ż-żewġ konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza tagħhom.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, fil-verżjoni emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2116/2004 tat-2 ta’ Diċembru 2004 (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 253 ) — magħruf anki bħala r-“Regolament ta’ Brussell IIa”, iktar ’il quddiem ir-“regolament”.

( 3 ) Ara s-sitt premessa tar-Regolament Nru 1347/2000 u t-tielet premessa tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209.

( 5 ) ĠU C 221, p. 2.

( 6 ) Ara s-sitt premessa tar-Regolament Nru 1347/2000 u t-tielet premessa tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 7 ) ĠU C 221, p. 27.

( 8 ) Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 206, p. 33).

( 9 ) Ara r-rapport Borrás, punt 33 in fine.

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1993, Mulox IBC (C-125/92, Ġabra p. I-4075, punt 11); u tal-10 ta’ April 2003, Pugliese (C-437/00, Ġabra p. I-3573, punt 16).

( 11 ) Rapport Borrás punt 33 in fine.

( 12 ) Sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C-369/90, Ġabra p. I-4239, punt 10); u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C-148/02, Ġabra p. I-11613, punt 28). Rigward l-invokazzjoni taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, ara wkoll is-sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS (C-122/96, Ġabra p. I-5325, punt 15); tal-11 ta’ Novembru 1999, Mesbah (C-179/98, Ġabra p. I-7955, punti 31 et seq); tal-20 ta’ Frar 2001, Kaur (C-192/99, Ġabra p. I-1237, punt 19); u tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C-200/02, Ġabra p. I-9925, punt 37).

( 13 ) Dan xorta japplika, ħlief għar-riposta għat-tieni domanda rigward it-tifsira taċ-ċittadinanza prevalenti.

( 14 ) League of Nations Treaty Series, Vol. 179, p. 89. It-test tar-regola huwa dan li ġej: “Subject to the provisions of the present Convention, a person having two or more nationalities may be regarded as it’s national by each of the States whose nationality he possesses”.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Garcia Avello (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 28).

( 16 ) Ara C. Kohler, Status als Ware: Bemerkungen zur europäischen Verordnung über das internationale Verfahrensrecht für Ehescheidungen, f’P. Mansel (ed.) Vergemeinschaftung des europäischen Kollisionsrechts, 2001, p. 41, 42. [verżjoni Franċiża: C. Kohler, Libre circulation du divorce? Observations sur le règlement communautaire concernant les procédures en matière matrimoniale, f’R. M. de Moura Ramos et (ed.) Estudos em homenagem à Professora Doutora Isabel de Magalhães Collaço. Vol. I, 2002, p. 231, 233].

( 17 ) Proposta tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Lulju 2006, għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 fir-rigward ta’ ġurisidizzjoni u l-introduzzjoni ta’ regoli dwar liġi applikabbli fi kwistjonijiet matrimonjali, COM/2006/399 finali. Ara wkoll, il-Green Paper, tal-14 ta’ Marzu 2005, dwar il-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni f’kwistjonijiet tad-divorzju (ippreżentata mill-Kummissjoni), COM/2005/82 finali. Peress li sa issa għadu ma ntlaħaqx ftehim dwar il-proposta ta’ dak li jissejjaħ ir-Regolament Roma III, qed jiġi evalwat biss jekk għandux ikun hemm kooperazzjoni msaħħa (ara l-istqarrija għall-istampa tal-2887 sessjoni tal-Kumitat għall-Ġustizzja u Affarijiet Interni, tal-24 u tal-25 ta’ Lulju 2008, li tinstab fuq: http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=PRES/08/205&format=PDF&aged=0&language=MT&guiLanguage=en). Għal iktar dettalji dwar il-proposta, ara C. Kohler, Zur Gestaltung des europäischen Kollisionsrechts für Ehesachen: Der steinige Weg zu einheitlichen Regeln über das anwendbare Recht für Scheidung u Trennung, Zeitschrift für das Gesamte Familienrecht, (FamRZ), 2008, 1673.

( 18 ) Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42 ).

( 19 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU L 7, p. 1).

( 20 ) Ara l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tal-Aja, tat-12 ta’ April 1930, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 [referenza żbaljata fl-oriġinal]), li jipprovdi dan li ġej: “Within a third State, a person having more than one nationality shall be treated as if he had only one. Without prejudice to the application of its law in matters of personal status and of any conventions in force, a third State shall, of the nationalities which any such person possesses, recognise exclusively in its territory either the nationality of the country in which he is habitually and principally resident, or the country with which in the circumstances her appears to be in fact most closely connected”.

( 21 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, tas-6 ta’ April 1955, Nottebohm, I.C.J. Reports 1955, p. 4, 22 et seq.

( 22 ) Ara l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tal-Aja, tat-12 ta’ April 1930 (riprodott iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20).

( 23 ) F’dan ir-rigward, ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, fejn ċerti partijiet qed jiddeduċu li referenza għaċ-ċittadinanza prevalenti tmur kontra l-libertaijiet fundamentali.

( 24 ) Ara t-tieni premessa tar-Regolament Nru 2201/2003.

( 25 ) Ara r-rapport Borrás, punt 27.

( 26 ) Ara r-rapport Borrás, punt 28.

( 27 ) Ara r-rapport Borrás, punt 28.

( 28 ) It-test huwa kif ġej: “Il-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni aċċettati f’dan ir-Regolament huma msejsa fuq ir-regola li għandu jkun hemm rabta vera bejn il-parti konċernata u l-Istat Membru li jeżerċita l-ġurisdizzjoni; id-deċiżjoni li tinkludi ċerti raġunijiet tikkorrespondi mal-fatt li dawn jeżistu f’sistemi legali nazzjonali differenti u li huma aċċettati mill-Istati Membri l-oħra.”

( 29 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi, ippreżentati, fid-29 ta’ Jannar 2009, fil-Kawża “A” (C-523/07, li għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punti 76 u 80).

( 30 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tar-Renju Unit u tal-Irlanda msemmija fir-Rapport Borrás (punt 34).

( 31 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2001, L-Olanda vs Il-Kunsill (C-301/97, Ġabra p. I-8853, punt 43); tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 72); u tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et, (C-288/07, Ġabra p. I-7203, punt 47).

( 32 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C-110/99, Ġabra p. I-11569, punti 51 et seq); u Halifax et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Emsland-Stärke (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 [ċitazzjoni żbaljata fl-oriġinal], punt 52); u Halifax et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 74).

( 34 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31.