KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fis-6 ta’ Lulju 2010 1(1)

Kawża C-137/08

VB Pénzügyi Lízing Zrt.

vs


Ferenc Schneider

[talba għal deċżjoni preliminari mressqa mill-Budapesti II. és III. Kerületi Bíróság (l-Ungerija)]

“Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi – Ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja – Setgħa u obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Prinċipji tad-dritt Komunitarju ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Prinċipju ta’ awtonomija tal-partijiet fil-proċeduri ċivili nazzjonali – Prinċipji ta’ proċedura preliminari”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tittratta talba għal deċiżjoni preliminari mressqa, skont l‑Artikolu 234 KE (2), mill-Budapesti II. és III. Kerületi Bíróság (organu ġuridiku tad-distretti II u III ta’ Budapest; magħruf iktar ’il quddiem bħala l-“qorti tar‑rinviju”), li permezz tagħha tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwistjonijiet varji li jirrigwardaw l-interpretazjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti fil-kuntratti stipulati mal‑konsumaturi (3).

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tmur lura għal kawża għal rimbors ta’ self bejn VB Pénzügyi Lízing Zrt. (iktar ’il quddiem magħrufa bħala: ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u F. Schneider (iktar ’il quddiem magħruf bħala l-“konvenut fil-kawża prinċipali”). Fil-kuntest ta’ din il-kawża qamet, inter alia, il-kwistjoni li tittratta r-rwol li jrid jiġi attribwit lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea jirrispettaw id-drittijiet tal-konsumaturi b’mod uniformi, hekk kif tistabbilixxi d-Direttiva 93/13. Din il-kwistjoni għandha tiġi solvuta fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif żviluppata sa llum u, fuq kollox, fid-dawl tas-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Kawża C‑243/08, Pannon GSM (4).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      L-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja

3.        L-Artikolu 23 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li:

“Fil-każijiet previsti mill-Artikolu 35(1) tat-Trattat ta’ l-UE, mill-Artikolu 234 tat‑Trattat tal-KE u mill-Artikolu 150 tat-Trattat tal-KEEA, id-deċiżjoni tal-qorti jew tribunal ta’ l-Istat Membru li jissospendi l-proċedimenti u jirreferi l-każ lill‑Qorti għandha tiġi notifikata lill-Qorti mill-qorti jew tribunal konċernat. Din id-deċiżjoni għandha tiġi mbagħad notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti lill‑partijiet, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Kunsill jew lill‑Bank Ċentrali Ewropew jekk l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun kontestata ikun ġie emanat minn wieħed minnhom, u lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jekk l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun kontestata jkun ġie emanat b’mod konġjunt minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet.

Fi żmien xahrejn minn din in-notifika, il-partijiet, l-Istati Membri, l-Kummisjoni u meta jkun il-każ, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Bank Ċentrali Ewropew, ikollhom id-dritt li jissottomettu noti jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti.

F’każijiet kontemplati fl-Artikolu 234 tat-Trattat tal-KE, id-deċiżjoni tal-qorti jew tribunal nazzjonali għandha tiġi notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti ukoll lill-Istati li ffirmaw il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, barra mill-Istati Membri, kif ukoll lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA prevista f'dak il-ftehim, li fi żmien xahrejn min-notifika, meta jkollu x’ jaqsam wieħed mill-oqsma ta' l-applikazzjoni tal-Ftehim, ikunu jistgħu jissottomettu lill-Qorti, noti jew osservazzjonijiet bil‑miktub.

[...]”

4.         Bid-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat ta’ Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, anki l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ġie emendat (5). Dawn tal-aħħar, fir-realtà, għamlu biss xi preċiżazzjonijiet b’riferiment għall-proċeduri għal deċiżjoni preliminari li issa hija rregolata mill-Artikolu 267 TFUE.

2.      Id-Direttiva 93/13

5.        Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri relatati mal-klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

6.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jipprovdi s-segwenti:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment, għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa tal-bwona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinjifikanti tad‑drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall‑konsumatur.”

7.        L-Artikolu 6(1), tal-istess direttiva jiddisponi hekk:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

8.        L-Artikolu 7(1), tad-Direttiva huwa fformulat skont it-termini segwenti:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

B –    Il-liġi nazzjonali

9.        Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur Ungeriż ittraspona f’fażijiet varji d-Direttiva 93/13/KEE. Id-dispożizzjonijiet illum fis-seħħ huma l-eżitu tal‑emendi magħmula lil-Liġi III tal-2006, li introduċiet, inter alia, l‑Artikoli 205/A, 205/B u mill-209 sal-209/B tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż (magħruf aktar ’il quddiem bħala: il-“kodiċi ċivili”).

10.      Skont l-Artikolu 205/A(1), tal-kodiċi ċivili, għandhom jiġu kkunsidrati kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt il-klawżoli kuntrattwali li parti minnhom tkun stabbiliet minn qabel, unilateralment u mingħajr il-parteċipazzjoni tal-parti l-oħra, in vista tal-istipulazzjoni ta’ ħafna kuntratti, u li dawn ma kinux ġew negozjati individwalment bejn il-partijiet.

11.      Skont it-termini tal-Artikolu 205/A(2), tal-kodiċi ċivili, il-parti li tinvoka kundizzjonijiet ġenerali determinati ta’ kuntratt għandha l-oneru tal-prova li l‑klawżoli kuntrattwali kienu ġew speċifikament trattati bejn il-partijiet. Din ir‑regola għandha tiġi applikata anki jekk ma jkunx hemm qbil bejn il-partijiet dwar jekk huma nnegozjawx individwalment il-klawżoli kuntrattwali ppreparati unilateralment u preventivament mill-parti li stipulat il-kuntratt mal-konsumatur.

12.      Skont it-termini tal-Artikolu 205/A(3) tal-kodiċi ċivili, għall-finijiet tal‑kwalifikazzjoni bħala kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt jirriżultaw irrilevanti l-portata u l-forma tal-klawżoli, il-kontenut tagħhom kif ukoll iċ-ċirkustanza li jirriżultaw inklużi minn qabel fid-dokument kuntrattwali jew f’dokument separat.

13.      Skont l-Artikolu 205/B(1), tal-kodiċi ċivili, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt isiru parti integrali ta’ kuntratt biss meta parti li tibbaża ruħha fuqhom tkun għamlet possibbli lill-parti l-oħra biex issir taf il-kontenut u biss meta l-parti l-oħra tkun aċċettathom espressament u impliċitament..

14.      Skont l-Artikolu 205/B(2) tal-kodiċi ċivili, il-parti l-oħra għandha tkun informata espressament dwar il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt jekk dawn jiddevjaw b’mod sostanzjali mill-prassi kuntrattwali abitwali jew mir-regoli applikabbli għall-kuntratti u, kif ukoll, minn kull ftehim preċedentement stabbilit bejn il-partijiet. Klawżoli ta’ dan it-tip isiru parti integrali tal-kuntratt biss meta l‑parti l-oħra taċċettahom espressament abbażi ta’ informazzjoni speċifika, intiża biex tiġbed l-attenzjoni lejn dan.

15.      Skont l-Artikolu 205/C tal-kodiċi ċivili, jekk tkun teżisti inkompatibbiltà bejn il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt u l-klawżoli l-oħrajn tal-kuntratt, huma dawn tal-aħħar biss li jikkostitwixxu parti integrali tal-kuntratt.

16.      Skont l-Artikolu 209(1) tal-kodiċi ċivili, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt, hekk kif il-klawżoli ta’ kuntratt stipulat ma’ konsumatur li ma kinux oġġett ta’ trattativi speċifiċi, għandhom ikunu kkunsidrati inġusti fil-każ li, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ bona fide u ta’ lealtà, jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi tal‑partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, b’mod unilaterali u mingħajr ġustifikazzjoni, bi ħsara għall-parti kontraenti li ma tkunx fasslet il-kundizzjonijiet kuntrattwali inkwistjoni.

17.      Skont l-Artikolu 209(2), tal-kodiċi ċivili, waqt il-verifika tan-natura inġusta ta’ klawżola għandhom jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi kollha, eżistenti fiż-żmien tal‑istipulazzjoni tal-kuntratt, li taw lok għall-iffirmar tiegħu, kif ukoll in-natura tal-prestazzjoni konvenuta u r-relazzjoni tal-klawżola inkwistjoni mal-klawżoli l‑oħrajn tal-kuntratt u ma’ kuntratti oħrajn.

18.      Skont l-Artikolu 209(5) tal-kodiċi ċivili, klawżola kuntrattwali ma tistax tiġi kkunsidrata inġusta jekk tiġi imposta min-norma ġuridika jew jekk tkun ġiet imħejjija konformement ma’dak li tiddisponi norma ġuridika.

19.      Skont l-Artikolu 209/A(1) tal-kodiċi ċivili, il-klawżoli inġusti li jiffurmaw parti integrali tal-kuntratt fejn jirrigwarda kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt, jistgħu jiġu kkontestati mill-parti leża.

20.      Skont l-Artikolu 209/A(2) tal-kodiċi ċivili, fil-kuntratti stipulati mal-konsumaturi, huma nulli l-klawżoli inġusti li jiffurmaw parti integrali tal-kuntratt fejn għandu x’jaqsam ma’ kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt, bħal dawk li jkunu ġew stabbiliti unilateralment u mingħajr negozjati speċifiċi mill-parti li tistipula l-kuntratt mal-konsumatur. In-nullità tista’ tiġi invokata biss fl-interess tal-konsumatur.

21.      Rigward il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-leġiżlatur Ungeriż emenda l-kodiċi tal-proċedura ċivili permezz tal-Liġi XXX tal-2003. Permezz ta’ din l-emenda, l-Artikolu 155/A(2), tal-kodiċi tal-proċedura ċivili jipprovdi li l-qrati Ungeriżi għandhom l-obbligu li jibagħtu d-digrieti tar-rinviju tagħhom, għal raġunijiet ta’ informazzjoni, ukoll lill-Ministru tal-Ġustizzja, flimkien mal-preżentata tal-istess digrieti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

III – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22.      Il-proċess prinċipali jittratta kawża dwar ir-rimbors ta’ self magħmul mill-konvenut fil-kawża prinċipali bl-iskop li jiffinanzja x-xiri ta’ vettura. Is-self ġie stipulat mir-rikorrenti fl-ambitu tal-attività professjonali tagħha, filwaqt li l-konvenut ikkonkluda l-kuntratt, fl-14 ta’ April 2006, fil-kwalità tiegħu ta’ konsumatur. Meta l-konvenut waqaf milli jissodisfa l-obbligi tiegħu tal-pagamenti fid-dawl tal-kuntratt ta’ self, ir-rikorrenti xoljiet il-kuntratt u talbet lill-konvenut il-ħlas tal-bilanċ dovut.

23.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet illi tinħareġ ordni għall-ħlas, iżda ma ressqitx it-talba tagħha quddiem ir-Ráckevei Városi Bíróság (it-tribunal miniċipali ta’ Ráckeve) – il-qorti ġenerali fid-domiċilju tal-konvenut –, u minflok għamlet riferiment għal klawżola kuntrattwali li tattribwixxi lill-qorti tar-rinviju l-ġurisdizzjoni esklużiva li tiddeċiedi l-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt. Is-sede tar-rikorrenti, għalkemm qrib ħafna kemm ġeografikament kif ukoll permezz ta’ konnessjonijiet, ma tidħolx fid-distrett ġudizzjarju tal-qorti tar-rinviju.

24.      Il-qorti hawn imsemmija ħarġet l-ordni għall-ħlas, kontra liema l-konvenut għamel oppożizzjoni li tikkontesta t-talba tar-rikorrenti, iżda mingħajr ma ddeduċa argumenti dwar il-mertu u mingħajr ma indika, fl-oppożizzjoni tiegħu, sa fejn u għal-liema raġunijiet ikkunsidra bħala infondata t-talba tar-rikorrenti.

25.      Qabel ma ffissat is-seduta, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li d-domiċilju tal-konvenut ma kienx jinsab fid-distrett ġusidzzjarju tagħha u li r-rikorrenti kienet ippreżentat it-talba tagħha għal ordni għal ħlas quddiem il-qorti li tinsab qrib tas-sede tagħha skont il-kundizzjonijiet ġenerali. Din l-invokazzjoni tal-kundizzjonijiet kuntrattwali qajmet, lill-qorti tar-rinviju, dubji dwar il-klawżola inkwistjoni.

26.      Fid-dawl ta’ dan kollu, il-qorti ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)         L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika jeskludi l-possibbiltà lill-qrati nazzjonali li jinformaw lill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Istat Membru tagħhom li saret talba għal deċiżjoni preliminari fl-istess ħin li tkun saret dik it-talba?

2)         Il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 234 KE, għandha l-ġurisdizzjoni wkoll biex tinterpreta l-kunċett ta’ “klawżola kuntrattwali inġusta” msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill tal-5 ta’ April 1993, 93/13/KEE, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi, kif ukoll il-klawżoli elenkati fl-anness tal-istess direttiva?

3)         F’każ ta’ risposta pożittiva, it-talba għal deċiżjoni preliminari li biha tiġi mitluba tali interpretazzjoni tista’ tikkonċerna, fl-interess ta’ applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri tal-livell ta’ ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi garantit mid-Direttiva 93/13, il-kwistjoni ta’ liema huma l-aspetti li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta l-kriterji ġenerali stabbiliti mid-direttiva għandhom jiġu applikati għal klawżola waħda speċifika u individwali?

4)         Jekk il-qorti nazzjonali, filwaqt li l-partijiet fil-kawża ma jkunu fformulaw ebda talba għal dan il-għan, tirrikonoxxi b’mod awtonomu s-sussistenza possibli ta’ klawżola kuntrattwali inġusta, tista’ ex officio, twettaq stħarriġ ex officio bl-iskop li tistabbilixxi liema huma l-elementi tad-dritt u ta’ fatt neċessarji sabiex issir tali evalwazzjoni, fejn id-dritt proċedurali nazzjonali jammetti biss eżami ta’ dan it-tip fuq talba tal-partijiet u din it-talba ma tkunx ġiet imressqa?

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27.      Id-digriet tar-rinviju tas-27 ta’ Marzu 2008 u li fih it-tliet domandi oriġinarjament magħmula wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2008.

28.      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Settembru 2008, li wasal fit-22 ta’ Settembru 2008, il-qorti tar-rinviju inkludiet fid-digriet tar-rinviju tagħha r-raba’ domanda, li iżda ġiet imbagħad irtirata permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Jannar 2009.

29.      Permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Lulju 2009, li wasal fit-3 ta’ Lulju 2009, il-qorti tar-rinviju kkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, peress li qieset mhux neċessarju, fid-dawl tas-sentenza Pannon GSM, li jiġu risposti d-domandi numri (1) u (2) magħmula permezz tad-digriet tas-27 ta’ Marzu 2008, hija kienet qed tirtira dawn id-domandi. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju talbet li tiġi risposta t-tielet domanda oriġinarjament magħmula fid-domanda preliminari, u żiedet ma’ din id-domanda tliet domandi ulterjuri.

30.      Il-verżjoni definittiva tad-domandi preliminari hija riprodotta iktar ’il fuq.

31.      Il-gvernijiet tar-Repubblika tal-Ungerija, tal-Irlanda, tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, bħal ma għamlet il-Kummissjoni, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub skont it-termini stipulati fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32.      Peress li l-ebda waħda mill-partijiet interessati ma talbet il-ftuħ tal-fażi orali tal-proċeduri, wara l-laqgħa ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Marzu 2010, setgħu għalhekk jiġu predisposti dawn il-konklużjonijiet.

V –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

A –    L-ewwel domanda preliminari

33.      Il-Gvern Ungeriż josserva li d-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali inkwistjoni jistgħu jqajmu problemi biss fejn jikkawżaw limitazzjonijiet lill-proċedura preliminari rregolata mill-Artikolu 234 KE.

34.      Dan jenfasizza li għandu interess sostanzjali li jkun informat malajr kemm huwa possibbli bir-rinviji preliminari kollha u dwar is-suġġetti tagħhom, peress li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-qrati nazzjonali jistgħu jinfluwenzaw kemm l-applikazzjoni tad-dritt Ungeriż kif ukoll l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Mis-silenzju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jirregolaw b’mod ġenerali l-proċedura preliminari ma jistax jiġi dedott li għall-Istati Membri hija prekluża l-possibilità li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jippermettilhom li jiksbu għarfien l-iktar malajr possibbli tad-digrieti tar-rinviji, b’mod partikolari peress li dawn xorta waħda jiġu notifikati lilhom mir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja.

35.      Il-Gvern Ungeriż jeskludi li huwa kompatibbli mad-dritt Komunitarju l-fatt li Stat Membru jiġi informat bit-talbiet għal deċiżjoni preliminari qabel il-partijiet ikkonċernati l-oħrajn.

36.      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprojbixxix lill-qorti nazzjonali inkwistjoni milli tinforma bit-talba għal deċiżjoni preliminari lill-awtoritajiet oħrajn, bħal pereżempju l-Ministru kompetenti għall-affarijiet ta’ ġustizzja. Projbizzjoni simili l-anqas ma tista’ tirriżulta mid-dispożizzjoni li tistabbilixxi li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li tinnotifika lill-Istati Membri bid-deċiżjoni tar-rinviju tal-qrati nazzjonali.

37.      It-trażmissjoni tad-digriet tar-rinviju – li permezz tagħha tiġi stabbilita l-proċedura preliminari skont l-Artikolu 234 KE – lill-Ministru tal-Ġustizzja la tagħmel impossibbli u lanqas eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mid-dritt Komunitarju. Fil-kuntest tal-proċedura preliminari ma huwiex apparenti xi prinċipju tad-dritt li jipprojbixxi li wieħed jagħti informazzjoni dwar proċeduri ġudizzjarji jew dwar xi fażi proċedurali lil xi ħadd li potenzjalment jista’ jkun parti fil-proċeduri.

38.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-riskju li l-qrati nazzjonali, b’dan il-mod, jiġu potenzjalment influwenzati jista’ jqum biss fejn ikun hemm bħala kundizzjoni għat-tressiq tad-domanda preliminari l-għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kawża prinċipali, l-obbligu previst fil-liġi nazzjonali, jekk ipparagunat mad-dritt Komunitarju, ma jintroduċi madankollu l-ebda element ġdid li jista’ jinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, raġuni għaliex jidher li ma hemm ebda limitazzjoni tad-dritt li jingħata bidu għal proċeduri preliminari.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

39.      Il-Gvern Ungeriż josserva li, sabiex issir evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, huwa neċessarju li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari kollha dwar is-suġġett tal-kuntratt u l-konklużjoni tiegħu. Il-qorti nazzjonali għandha teżamina l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni u tagħti deċiżjoni dwar jekk din il-klawżola tippreżentax il-karatteristiċi li jagħmluha inġusta skont l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 93/13.

40.      Il-Kummissjoni ssostni li l-ġurisdizzjoni interpretattiva li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja hija estiża anki għall-kunċett ta’ “klawżola inġusta” skont id-Direttiva 93/13. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex madankollu l-ġurisdizzjoni biex tistabbilixxi jekk, fil-każ konkret, klawżola kuntrattwali għandhiex tiġi kkunsidrata bħala inġusta jew le, peress li din hija prerogattiva tal-qorti nazzjonali li quddiemha tressqet il-kawża.

C –    Fuq it-tielet domanda preliminari

41.      Skont l-opinjoni tal-Gvern Ungeriż, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ klawżola inġusta u tat-tipi ta’ klawżoli partikolari elenkati fl-anness tad-Direttiva 93/13, tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali kriterji li jistgħu jservu ta’ indikazzjonijiet fl-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari.

42.      Skont il-Kummissjoni li jiġi kkunsidrat li jingħataw indikazzjonijiet lill-awtoritajiet ġudizzjali nazzjonali dwar kif japplikaw id-dritt Komunitarju jirrappreżenta parti essenzjali mill-interpretazzjoni tar-regoli Komunitarji min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar, għalhekk, għandha din il-ġurisdizzjoni wkoll fejn jikkonċerna kwistjonijiet konnessi mal-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.

D –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari

43.      Il-Gvern Irlandiż isostni li jekk, fis-sentenza Pannon, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li timponi b’mod riġidu lill-qrati nazzjonali l-kompitu li jeżaminaw ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, l-impożizzjoni ta’ dan il-kompitu kienet tkun spjegata espliċitament f’termini mhux ekwivoċi. Hija kienet minnflok iċċarat li l-kompitu tal-qorti nazzjonali hekk kif iddefinit mill-punti 32 u 35 tas-sentenza Pannon jissussisti “meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan”. Il-Gvern Irlandiż għalhekk iqis li fis-sentenza Pannon il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet eżerċizzju ta’ bilanċ bejn l-interessi tal-konsumaturi u l-osservanza tal-prinċipji fundamentali li fuqhom huma bbażati l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali.

44.      Għall-Gvern Irlandiż, is-soluzzjoni affermattiva għal din id-domanda preliminari timplika għall-qrati nazzjonali l-kompitu li ex officio jaċċertaw l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji sabiex jistabbilixxu jekk klawżola kuntrattwali hijiex potenzjalment inġusta. Approċċ simili jimponi fuq il-qrati nazzjonali l-kompitu li jeżegwixxu dawn l-aċċertamenti, anki fejn dan imur kontra r-regoli proċedurali nazzjonali. Il-Gvern Irlandiż iżda jenfasizza kif is-sentenza Pannon kienet osservat ir-“rwol passiv” li l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom fil-kawżi ta’ natura ċivili li jinvolvu individwi privati.

45.      Il-Gvern Ungeriż isostni li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jirrappreżenta norma imperattiva ta’ ordni pubbliku. Minn dan joħroġ li, biex tevalwa n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali, il-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-prinċipju Komunitarju tal-ekwivalenza, għandha tapplika l-istess regoli proċedurali applikabbli fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ ordni pubbliku. Fejn id-dritt nazzjonali jipprovdi s-setgħa jew l-obbligu biex tipproċedi biex tinvestiga ex officio fil-każ ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku, dan għandu jeżisti bl-istess mod fejn jikkonċerna l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu f’kuntratt stipulat ma’ konsumaturi.

46.      Id-Direttiva 93/13 ma timponi fuq il-qrati nazzjonali ebda obbligu sabiex jipproċedu biex jagħmlu aċċertament taċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri biex ex officio jevalwaw in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali. Skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, huma r-regoli nazzjonali li jiddefinixxu l-portata tal-obbligu biex jipproċedu għal istruttorja ex officio.

47.      Il-Gvern Ungeriż jirrileva wkoll li, fejn id-dritt nazzjonali jippermetti istruttorja ex officio fl-ambitu tad-dritt kuntrattwali, din il-karatteristika tal-proċess għandha ssib l-applikazzjoni tagħha anki fil-każ ta’ klawżoli inġusti skont id-Direttiva 93/13. Iżda fejn id-dritt nazzjonali jpoġġi fuq quddiem id-drittijiet tal-partijiet, u jissuġġetta l-eżami tal-qorti nazzjonali għal azzjoni min-naħa tal-partijiet, din id-dixxiplina għandha tapplika wkoll għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali skont id-direttiva. Fil-każ li l-qorti nazzjonali tikkunsidra li huma neċessarji elementi evidenzjarji ulterjuri sabiex tevalwa l-klawżola kuntrattwali, hija għandha l-obbligu li tikkomunika lill-partijiet il-fatti li jinħtieġu eżami b’mod li l-partijiet ikunu jistgħu jagħmlu d-deduzzjonijiet opportuni.

48.      Il-Gvern Olandiż josserva li r-raba’ domanda preliminari probabbilment tirrigwarda każ li fih il-parti konvenuta ma tkunx dehret quddiem il-qorti u l-qorti nazzjonali tkun iddeċidiet sentenza fil-kontumaċja tal-konvenut. Dan huwa tal-opinjoni li l-fatt li qorti tiġi obbligata teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali jkun ifisser li jiġi impost fuq il-qorti stess, minbarra s-sistema ġudizzjarja nazzjonali kollha, oneru eċċessiv. Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali jkollha tfittex li tikseb ex officio l-klawżoli kuntrattwali u li ex officio teżamina l-kuntratt in toto, bil-kundizzjonijiet ġenerali inklużi, anki fejn il-konsumatur jibqa’ kompletament inattiv. Fl-istess ħin ikollha tiġi rikonoxxuta lill-kontroparti l-possibilità li tieħu pożizzjoni dwar l-eventwalità li klawżola kuntrattwali tiġi dikkjarata nulla jew in-nullità tal-kuntratt kollu.

49.      Il-fatt li d-dritt proċedurali nazzjonali jillimita l-possibilità għal qorti nazzjonali sabiex tiftaħ istruttorja ex officio ma jfissirx li din l-istruttorja ma tista’ qatt isseħħ. Fejn klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni tiġi meqjusa bħala inġusta, il-qorti nazzjonali għandha tipproċedi għal analiżi tal-istess bl-iskop li tiggarantixxi l-ħarsien legali effettiv tal-konsumatur.

50.      Il-qorti nazzjonali wkoll għandha l-obbligu li teżamina ex officio jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab f’kuntratt tistax tiġi meqjusa bħala inġusta fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, u dan anki fi proċeduri fil-kontumaċja. Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li potenzjalment tagħmel impossibbli jew diffiċli l-kontestazzjoni ta’ talba ġudizzjarja min-naħa tal-konsumatur tippreġudika l-effettività tal-ħarsien ġuridiku mixtieq mid-Direttiva. Minn dan joħroġ li l-qorti għandha dejjem ex officio tevalwa l-klawżola inkwistjoni.

51.      Skont il-Gvern tar-Renju Unit, interpretazzjoni tal-punt 35 tas-sentenza Pannon GSM fis-sens li jeżisti obbligu ġenerali ta’ investigazzjoni għall-qorti nazzjonali toħloq konsegwenzi gravi, tali li anki jikkompromettu l-awtonomija proċedurali tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri. Fejn lill-qorti ma jitressqux l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali jew fejn il-konsumatur ikun irrinunzja milli jallega n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, l-attribuzzjoni lill-qorti nazzjonali ta’ obbligu ġenerali ta’ investigazzjoni hija f’kontradizzjoni mas-sistema ta’ garanziji introdotta permezz tad-Direttiva 93/13.

52.      Fil-każ li klawżola inġusta (jew potenzjalment inġusta) tiġi rrikonoxxuta bħala tali minn waħda mill-partijiet jew mill-qorti u meta hi, f’konnessjoni ma’ norma proċedurali nazzjonali, tagħmel mezz li l-konsumatur jiġi dissważ milli jsegwi l-kawża, din il-klawżola għandha tiġi diżapplikata mill-qorti nazzjonali b’mod obbligatorju, pereżempju billi tiġi mqajma l-kwistjoni ex officio, qabel ma l-effett deterrenti jiġi fis-seħħ. Obbligu ġenerali ta’ investigazzjoni jippreġudika d-dritt ta’ aċċess tal-konsumatur għall-ġustizzja, peress li dan jiddetermina żieda tal-ispejjeż proċedurali u l-piżijiet u jeskludi l-possibilità li wieħed jikseb provvedimenti eżekuttivi sempliċi, li ma jiswewx ħafna u li huma rapidi.

53.      Skont il-Gvern tar-Renju Unit, ma jkunx immaġinabbli li l-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri tkun tista’ tikkunsidra kull azzjoni li hija intiża sabiex tagħti valur lil kreditu pekunjarju bħallikieku huwa kreditu kkontestat. F’dan il-każ ikun neċessarju li tiġi identifikata qorti li teżamina d-dokumenti kuntrattwali u l-elementi ta’ fatt li fuqhom tiġi bbażata kull azzjoni. Minbarra dan, iż-żewġ partijiet għandhom ikunu mitluba sabiex jippreżentaw lill-qorti t-test tal-kuntratt u d-dokumenti kollha konnessi miegħu, b’mod li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha ta’ natura fattwali li għandhom x’jaqsmu mal-konklużjoni tal-kuntratt.

54.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tasal għall-konklużjoni li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex tkun iggarantita d-disponibilità tal-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, dan jista’ jmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropew (6).

55.      Il-Kummissjoni tagħti importanza lill-fatt li d-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 tiġi applikata għall-ipoteżi li fiha klawżola kuntrattwali determinata hija inġusta u tiddetermina, bħala konsegwenza ġuridika tal-inġustizzja, in-nuqqas ta’ setgħa vinkolanti tal-klawżola stess. It-talba preliminari, però, ma tagħmilx riferiment għal ipoteżi kkaratterizzata mill-inġustizzja tal-klawżola, iżda għall-ipoteżi li fiha l-qorti nazzjonali tillimita ruħha li tippreżupponi li l-klawżola kuntrattwali għandha natura inġusta, iżda ma tistax tivverifika dan. Id-direttiva, però, ma tagħti ebda ħjiel dwar dan.

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ċċaratx jekk il-qorti nazzjonali għandhiex l-obbligu li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, meta hija ma għandhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji għal dan il-għan. Fil-fatt, id-dritt Komunitarju ma fih ebda dispożizzjoni li tilleġittima lill-qorti nazzjonali sabiex tindividwa ex officio l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt, fejn ma humiex disponibbli, u li għandhom l-iskop li jħalluha tistabbilixxi n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.

57.      Skont il-Kummissjoni, id-dritt Komunitarju jagħti lill-qorti nazzjonali kompiti analogi għal dawk spettanti għall-imħallef inkwirenti, jekk jiġi obbligat iwettaq istruttorja ex officio malli jkun hemm suspett tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari. Intervent simili jeħtieġ il-promulgazzjoni minn qabel, fuq livell nazzjonali, ta’ dispożizzjonijiet dettaljati ta’ natura proċedurali. Għandhom, pereżempju, ikunu kkjarifikati liema huma l-każijiet u liema huwa l-livell ta’ suspett li jirrikjedu li l-qorti nazzjonali tipproċedi biex tagħmel din l-istruttorja. Għandhom, ukoll, jiġu ddefiniti l-istrumenti proċedurali li, jekk ikun il-każ, il-qorti tiddisponi minnhom. Espansjoni tali tal-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali tista’ tiddetermina bidla sinjifikattiva tal-istruttura tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri.

58.      Minkejja dan il-qorti nazzjonali, fil-verifika ex officio tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha l-obbligu li tapprofondixxi l-kwistjoni tal-inġustizzja ta’ klawżola, fil-limiti li fihom għandha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji, u sabiex tinvalida l-klawżola inġusta, dejjem jekk il-konsumatur ma jopponix ruħu għal dan.

VI – Evalwazzjoni ġuridika

A –    Kunsiderazzjonijiet introduttorji

59.      Din il-kawża toffri mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni biex tapprofondixxi l-ġurisprudenza tagħha dwar klawżoli inġusti fil-kuntratti stipulati mal-konsumaturi skont id-Direttiva 93/13. In limine, għandu jitfakkar li hawnhekk ma huwiex il-lok li fih jiġu evalwati jew differenzjati l-elementi li tipikament jikkarratterizzaw klawżola tali, iżda sabiex jiġu kkjarifikati xi aspetti marbutin mat-tqassim tal-ġurisidizzjoni u tal-istrutturi istituzzjonali relatati ma’ dik ir-relazzjoni ta’ kooperazzjoni kumplessa li torbot il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali u li, sa fejn għandu x’jaqsam mal-ħarsien tal-konsumaturi, huwa partikolarment evokattiv b’diviżjoni riġida tar-rwoli (7). Għandhom jiġu ppreċiżati fuq kollox is-setgħat tal-qorti nazzjonali, li, bħala qorti Komunitarja taħt profil funzjonali, għandha l-obbligu li tapplika d-dritt Komunitarju fil-kawża prinċipali, u li ssegwi l-elementi ta’ interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

60.      L-ewwel tliet domandi preliminari essenzjalment għandhom x’jaqsmu mal-proċedura preliminari, hekk kif irregolata mill-Artikolu 234 KE u issa – mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona – mill-Artikolu 267 TFUE (8), hekk kif b’mod iktar preċiż ikkonfigurat mid-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-ambitu ta’ kwistjonijiet tali attenzjoni partikolari hija ddedikata għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli postulata fid-Direttiva 93/13. Taħt il-profil ta’ kontenut ir-raba’ domanda preliminari li tikkonċerna s-setgħat li għandha l-qorti nazzjonali għandha tiġi kkunsiderata separatament. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, id-domandi preliminari se jiġu eżaminati f’dan l-istess ordni.

B –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.      Osservazzjonijiet ġenerali

61.      Ir-regoli fundamentali dwar il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni jinsabu fit-Trattat KE jew fit-Trattat KEEA, kif ukoll, fuq skala iżgħar fit-Trattat UE. Il-protokoll anness mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja fih ukoll qafas regolatorju, li l-qrati tal-Unjoni huma obbligati jikkonformaw ruħhom miegħu permezz tar-regoli ta’ proċedura tagħhom. L-Istatut tal-Qorti, li tiegħu l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni permezz tal-ewwel domanda preliminari, huwa, kif juru l-Artikoli 245 u 311 KE, parti integrali tad-dritt primarju. Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeduċi l-ġurisdizzjoni interpretattiva tagħha dwar ir-regoli tal-Istatut, inkluż l-Artikolu 23, direttament mill-Artikolu 234(1)(a) KE (9).

62.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 23 tal-Istatut ma’ regola bħall-Artikolu 155/A(2) tal-kodiċi tal-proċedura ċivili Ungeriż, hemm bżonn li jiġi rrilevat li, bħal kull regola ġuridika Komunitarja, ir-relazzjoni bejn l-Istatut u d-dritt tal-Istati Membri hija kkaratterizzata mis-supremazija tad-dritt Komunitarju, li hija raġuni għalfejn regola proċedurali nazzjonali li tobbliga lill-qrati nazzjonali jibagħtu, għal skop ta’ informazzjoni, anki lill-Ministru tal-Ġustizzja, it-talba għal deċiżjoni preliminari meta tiġi trażmessa lill-Qorti tal-Ġustizzja, tista’ tiġi meqjusa konformi mad-dritt Komunitarju biss jekk la mill-Artikolu 23 tal-Istatut u lanqas minn dispożizzjonijiet oħrajn tad-dritt Komunitarju jistgħu jkunu dedotti indikazzjonijiet ġuridiċi ta’ natura kuntrarja.

2.      Limitazzjonijiet imposti mid-dritt Komunitarju

a)      L-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja

63.      Mill-Artikolu 23 tal-Istatut ċertament ma tistax tiġi dedotta l-projbizzjoni tal-adozzjoni ta’ regolament partikolari. La l-kliem u lanqas is-suġġett u l-għan wara regola tali – li għandha l-iskop li tagħmel possibbli li, permezz tan-notifika tad-digriet tar-rinviju, il-gvernijiet tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn jippreżentaw osservazzjonijiet dwar id-domandi preliminari (10), ma jipprevjenu trażmissjoni diretta tad-digriet tar-rinviju lill-gvern tal-Istat Membru inkwistjoni, peress li kemm l-Artikolu 23 tal-Istatut kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk mhux preċiżament identiċi, huma maħsubin biex jinformaw Stat Membru u definittivament jissodisfaw funzjoni proċedurali identika.

64.      Madankollu, hemm bżonn li jiġi ċċarat jekk hemmx regoli oħrajn li jipprekludu tali leġiżlazzjoni nazzjonali.

b)      Prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività

65.      Dwar dan l-ewwel nett hemm bżonn jitfakkar li d-dritt proċedurali tal-Istati Membri ma huwiex, b’mod ġenerali, suġġett ta’ armonizzazzjoni u li, f’ambitu tali ma tissussisti lanqas kompetenza leġiżlattiva ġenerali tal-Komunitajiet. Jirriżulta li l-Komunità tirrikonoxxi anki l-awtonomija tas-sistemi proċedurali nazzjonali (11). Dan il-prinċipju japplika wkoll b’riferiment għall-proċeduri preliminari msemmija fl-Artikolu 234 KE; pereżempju, huwa l-kompitu esklużiv tal-qorti nazzjonali li tissospendi, jekk ikun il-każ, il-proċeduri rilevanti u tadixxi l-Qorti tal-Ġustizzja. L-Artikolu 234 KE jattribwixxi lill-qorti nazzjonali s-setgħa li tevalwa jekk hija teħtieġx deċiżjoni dwar kwistjoni ta’ dritt Komunitarju. Għalhekk jirriżulta li l-proċeduri preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jiġu sospiżi jekk mhux fil-każ ta’ revoka jew ta’ annullament tal-att li permezz tiegħu l-qorti nazzjonali tagħmel ir-rinviju (12). Huwa esklużivament fid-dawl tad-dritt nazzjonali li għandu jiġi evalwat jekk, skont liema qies u fid-dawl ta’ liema suppożizzjonijiet tista’ tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ rinviju ta’ qorti nazzjonali (13). Għall-qorti nazzjonali, għaldaqstant, tibqa’ definittiva l-ġurisdizzjoni dwar l-aspetti fattwali u ġuridiċi kollha tal-proċeduri nazzjonali. Hija għandha tistabilixxi jekk id-digriet tar-rinviju huwiex konformi mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni ġudizzjali u ta’ proċedura (14).

66.      Mid-dritt proċedurali miktub tal-Unjoni Ewropea u mill-ġurisprudenza (15) huwa biss rarament li jistgħu jiġu dedotti indikazzjonijiet speċifiċi dwar liema huma l-kundizzjonijiet u r-regoli ddettaljati sabiex titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari.

67.      Limitazzjoni rilevanti għall-prinċipju ta’ awtonomija amministrattiva tal-Istati Membri toħroġ, l-ewwel nett, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li jistgħu, pereżempju, jkunu rilevanti fil-kuntest ta’ applikazzjoni ta’ drittijiet suġġettivi mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi li, fin-nuqqas ta’ dixxiplina Komunitarja dwar is-suġġett, imiss lill-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi r-regoli proċedurali tar-rikorsi ġuridiċi maħsuba biex jiggarantixxu l-ħarsien tad-drittijiet spettanti lill-individwi skont ir-regoli tad-dritt Komunitarju, li jfakkruna wkoll li dawn ir-regoli ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw ir-rikorsi analogi ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza), u lanqas irendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività) (16).

68.      Il-qosor relattiv tal-osservazzjonijiet li l-qorti tar-rinviju teffettwa skont il-kunsiderazzjonijiet li jiġu posti sottostanti għal din il-kwistjoni preliminari ma jikkonsentux li wieħed jifhem b’liema mod dixxiplina bħal dik li tinsab fl-Artikolu 155/A(2), tal-kodiċi tal-proċedura ċivili Ungeriża tista’ tkun kunfliġġenti mal-Artikolu 23 tal-Istatut. A fortiori ma jinftiehemx kif dixxiplina kunfliġġenti tista’ tippreġudika l-funzjoni ta’ ħarsien individwali mogħti permezz tal-proċeduri preliminari (17). Dan ma jeskludix il-fatt li l-qorti tar-rinviju, pależement, ma teskludix għal kollox din l-ipoteżi. Inkunsiderazzjoni tal-ħtieġa li tiġi misjuba soluzzjoni effettiva għall-kwistjoni mqajjma mill-qorti tar-rinviju (18) iktar ’il quddiem se tiġi verifikata l-konformità ta’ dixxiplina tali mal-prinċipji msemmijin iktar ’il fuq.

69.      Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Ungeriż (19) ir-regola kunfliġġenti hija ta’ natura proċedurali u timponi fuq il-qorti tar-rinviju obbligu ta’ informazzjoni. Dan il-gvern jirrikonoxxi r-raġuni ta’ dixxiplina tali, fin-neċessità li l-qrati jiġu informati bit-talbiet għal deċiżjoni preliminari malajr kemm jista’ jkun, fuq kollox inkunsiderazzjoni tal-fatt li tali talbiet jistgħu jkollhom influwenza kemm fuq id-dritt nazzjonali kif ukoll fuq l-evalwazzjoni tad-dritt Komunitarju min-naħa ta’ dawk il-qrati. Skont il-Gvern Ungeriż l-Istat inkwistjoni għandu “interess prijoritarju”, fuq il-livell ġuridiku, għal notifika tempestiva. Inkunsiderazzjoni tal-fatt li dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1), tal-Istatut u tal-Artikolu 104(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jistabbilixxu li huwa r-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandu jinnotifika d-deċiżjoni tar-rinviju tal-qorti nazzjonali, inter alia, lill-Istati Membri – inkluż l-Istat Membru fejn għandha s-sede tagħha l-qorti tar-rinviju –, il-vantaġġ ta’ tali dixxiplina proċedurali huwa oġġettivament biss iż-żmien miksub mill-Istat Membru inkwistjoni fil-preparazzjoni tan-noti u l-osservazzjonijiet bil-miktub skont l-Artikolu 23(2), tal-Istatut, fid-dawl ta’ parteċipazzjoni eventwali fil-fażi bil-miktub tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

70.      Minkejja li ma hemmx ħjiel dwar l-eżistenza ta’ dixxiplini simili f’ordinamenti ġuridiċi proċedurali analogi – li jrendi iktar diffiċli eżami ġuridiku mwettaq abbażi tal-prinċipju ta’ ekwivalenza – fl-opinjoni tiegħi jidher minnu nnifsu dubjuż li tali dixxiplina tista’ tiġi meqjusa “inqas favorevoli” minn suġġett li għandu l-intenzjoni li jasserixxi fil-qorti drittijiet suġġettivi li d-dritt Komunitarju jirrikonoxxi lilu. Jekk fl-evalwazzjoni tal-eżistenza tar-rekwiżit ta’ ekwivalenza ma jkunx irid jiġi adottat aproċċ li huwa biss formalistiku, wieħed irid bl-iktar mod li jagħmel sens jistaqsi liema huma l-effetti konkreti tar-regoli nazzjonali inkwistjoni.

71.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni tal-konformità tar-regola inkwistjoni mal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi rrilevat li r-regola inkwistjoni, mil-lat prattiku, ċertament ma hijiex tali li tagħmel impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-proposta ta’ rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, tant li, kif diġà ngħad, l-effetti tagħha jieqfu bi dmir informattiv. L-osservanza tar-regola, għalhekk, ċertament ma tistax tiġi meqjusa kundizzjoni tar-rinviju. Ir-regola inkwistjoni, ukoll, ma tgħid xejn dwar il-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ osservanza eventwali tal-obbligu ta’ informazzjoni. Jekk dan l-obbligu ma jipproduċi ebda effett lanqas lis-suġġett li lilu d-dritt Komunitarju b’mod ipotetiku jirrikonoxxi d-drittijiet suġġettivi, iżda jikkonċerna biss ir-relazzjoni bejn il-qorti nazzjonali u l-gvern, irid jiġi meqjus li dan ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ effettività.

72.      Ir-regola kontrarja, ukoll, tirriżulta konformi mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

c)      Il-prinċipju ta’ lealtà Komunitarja skont l-Artikolu 10 KE

73.      Huwa wkoll ipotizzabbli ksur tal-prinċipju ta’ lealtà Komunitarja skont l-Artikolu 10 KE. Dan il-prinċipju jattribwixxi lill-qrati nazzjonali determinati obbligi ta’ kooperazzjoni lejn l-Unjoni iżda fuq kollox jintroduċi obbligu ta’ assistenza u djalettika ġudizzjarja fil-konfont tal-Qorti tal-Ġustizzja (20). Dawn l-obbligi partikolarment jiswew fl-ambitu tal-proċeduri preliminari li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis bħala strument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, tant li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li n-nuqqas ta’ osservanza min-naħa tal-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza tal-obbligu tar-rinviju stabbilit fl-Artikolu 234(3)KE jikkostitwixxi ksur tad-dritt Komunitarju (21). Nuqqas li jsir rinviju li jirriżulta oġġettivament arbitrarju jikkostitwixxi ksur kemm ta’ dak li hemm stabbilit fl-Artikolu 10 KE kif ukoll fl-Artikolu 234 KE u jista’ jiġi sanzjonat, minn naħa, permezz ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-Kummissjoni jew minn Stati Membri oħrajn skont l-Artikolu 226 KE (22), jew aħjar skont l-Artikolu 258 TFUE, min-naħa l-oħra però anki permezz ta’ azzjoni mressqa minn individwu biex jagħti valur lir-responsabbilta tal-Istat, li tirriżulta mid-dritt Komunitarju, quddiem il-qorti nazzjonali (23).

74.      Fejn ma jeżistix obbligu ta’ rinviju – ċirkustanza li trid tiġi preżunta fil-kawża prinċipali minħabba n-nuqqas ta’ indikazzjonijiet kuntrarji min-naħa tal-qorti inkwistjoni – inqis li ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 10 KE u tal-Artikolu 234 KE jkun iktar ipotizzabbli jekk id-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali jipproduċu l-effett li jiskoraġġixxu lill-qrati nazzjonali milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari. Ksur ikun possibbli fejn ir-relazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali tkun ġiet kompromessa u, preċiżament, tippreġudika interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri kollha (24).

75.      Il-possibbiltà ta’ konsultazzjoni direttament mal-Qorti tal-Ġustijzzja li għandu kull organu ġurisdizzjonali ta’ grad inferjuri tal-Istati Membri hija essenzjali għall-iskop ta’ interpretazzjoni uniformi u l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju u tirrappreżenta mezz li jagħmel lill-qrati nazzjonali kollha qrati ta’ dritt Komunitarju. Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti nazzjonali ssir parti minn diskussjoni ta’ dritt Komunitarju mingħajr ma tiddependi minn setgħat oħrajn jew awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali oħrajn. Minn dan isegwi li trid tkun espressament imħaddna t-teżi sostnuta mill-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-Kawża C‑210/06, Cartesio, skont liema konklużjonijiet id-dritt Komunitarju jattribwixxi lil kull qorti ta’ kull Stat Membru s-setgħa li tipproponi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u din is-setgħa ma tistax tiġi limitata mid-dritt nazzjonali (25). Il-Qorti tal-Ġustizzja, diġà fis-sentenza Rheinmühlen (26), għalhekk korrettament iddeċidiet li dispożizzjoni nazzjonali li tostakola l-proċeduri previsti fl-Artikolu 234 KE għandha tiġi miċħuda.

76.      Kif diġà esponejt, ir-regola nazzjonali kuntrarja, però, ma hijiex affattu kundizzjoni li għaliha huwa suġġett rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja (27), iżda sempliċement tobbliga lill-qrati nazzjonali jinformaw lill-organi governattivi kompetenti. Din ir-regola proċedurali, lanqas ma tissuġġetta għad-diskrezzjoni tal-eżekuttiv id-deċiżjoni li l-qrati nazzjonali jkunu ħadu li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari. Minħabba f’hekk, jirriżulta diffiċli li wieħed jifhem kif l-obbligu li wieħed isegwi dan l-iter jista’ jaffettwa negattivament id-dispożizzjoni tal-qrati nazzjonali li jagħmlu rinviju preliminari.

77.      La d-dritt li għandhom il-qrati nazzjonali li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari ma huwiex ristrett, ma huwiex possibbli li jinstab ksur tal-prinċipju ta’ lealtà Komunitarja.

d)      Il-prinċipju ta’ ekwità proċedurali

78.      Regola nazzjonali bħal dik inkwistjoni hawnhekk tista’ wkoll tiġi evalwata fid-dawl tal-konformità tagħha mal-prinċipju ta’ ekwità proċedurali, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-Gvern Ungeriż, li jsir jaf minn qabel id-domandi preliminari mressqa mill-qrati nazzjonali, jiġi mqiegħed f’pożizzjoni iktar vantaġġuża meta pparagunat ma’ suġġetti oħrajn li jipparteċipaw fil-proċeduri, peress li għandu iktar ħin disponibbli biex jipprepara n-noti u l-osservazzjonijiet bil-miktub li jissemmew fl-Artikolu 23(2), tal-Istatut.

79.      Il-prinċipju ta’ ekwità proċedurali huwa rrikonoxxut mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala garanzija proċedurali (28). Taħt il-profil dogmatiku huwa rikonduċibbli għall-prinċipju ġenerali ta’ proċess ġust (29), li jorbot lill-qrati tal-Unjoni u li jikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju tal-istat tad-dritt, bħall-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza. Dan jiżgura l-ugwaljanza formali tal-pożizzjonijiet proċedurali tal-partijiet kif ukoll l-ugwaljanza materjali tagħhom, li trid tiġi materjalizzata mill-qorti billi tattribwixxi lilhom possibilitajiet indaqs mil-lat proċedurali. Dan il-prinċipju proċedurali essenzjalment jattribwixxi lill-partijiet id-dritt li jiddeduċu l-elementi rilevanti kollha għall-iskop tad-deċiżjoni ġudizzjarja u d-dritt li jużaw b’mod awtonomu l-mezzi proċedurali ta’ difiża kollha kontra t-talbiet tal-parti opposta.

80.      Trid madankollu tittieħed inkunsiderazzjoni l-interrelazzjoni mill-qrib bejn dan il-prinċipju u l-prinċipju ta’ kontradittorju (30). Dan l-aħħar prinċipju jwieġeb għall-ħtieġa li l-partijiet, fid-dawl tal-interessi diverġenti li jirrapreżentaw, għandhom drittijiet u obbligi ugwali, kif ukoll possibilitajiet proċedurali indaqs. Il-proċeduri li għandhom natura kontradittorja, bħall-proċeduri ta’ ksur u r-rikorsi għal annullament jew minħabba nuqqas li ttieħed azzjoni, huma kkaratterizzati mill-fatt li r-rikorrenti tagħmel domanda bbażata fuq id-dritt komunitarju waqt li taġixxi kontra konvenut li, min-naħa tiegħu, jiddefendi ruħu. Ir-rikorrenti u l-konvenut huma parti mill-kawża. Il-proċeduri ta’ natura mhux kontradittorja, kuntrarjament, oġġettivament iwettqu funzjoni ta’ “ħarsien ġuridiku” u kontroll. Fl-ambitu ta’ dawn il-proċeduri ma hemmx partijiet imma esklużivament partijiet ikkonċernati (31). Eżempju rilevanti ta’ proċeduri ta’ natura mhux kontradittorja huwa mogħti mill-proċeduri preliminari skont l-Artikolu 234 KE li għandu l-iskop li jiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju (32). B’differenza mir-rikorsi diretti hawn fuq imsemmijin u mill-proċeduri ta’ opinjoni skont l-Artikolu 300(6) KE, jew l-Artikolu 218(11) TFUE, il-proċedura preliminari ma hijiex proċedura awtonoma iżda proċedura inċidentali fl-ambitu ta’ kawża pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru. F’din il-proċedura jiġu deċiżi biss kwistjonijiet individwali dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt Komunitarju u li huma rilevanti għad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali. L-argumenti li l-Istati Membri parteċipi fil-proċess qegħdin iressqu fin-noti u l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, għalhekk ma jiġux ikkunsidrati bħala argumenti ta’ partijiet. Dawn, iżda, huma paragunabbli, kif korrettament irrilevat mill-Kummissjoni, ma’ argumenti ġuridiċi ta’ amicus curiae, inkwantu esklużivament maħsuba biex jgħinu l-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizju tas-setgħa deċiżjonali tagħha (33).

81.      L-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq jippermettu li wieħed jifhem aħjar ir-ratio tal-Artikolu 23(2) tal-Istatut. L-iffissar ta’ terminu ta’ xahrejn ma għandux l-iskop li jipproteġi proċedura ġusta, iżda huwa intiż għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Permezz ta’ dan it-terminu jiġi żgurat, minn naħa, li s-suġġetti li jipparteċipaw fil-proċeduri jistgħu jiddisponu minn żmien twil biżżejjed għall-predispożizzjoni u l-preżentazzjoni tan-noti, min-naħa l-oħra li l-proċeduri jiġu mwettqa fi żmien qasir.

82.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-prinċipju ta’ proċedura ġusta ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ. L-ebda suġġett li jipparteċipa fil-proċeduri, għalhekk, ma jista’ jsostni li qiegħed f’pożizzjoni proċedurali li tpoġġieh f’pożizzjoni ta’ żvantaġġ fir-rigward tal-Gvern Ungeriż minħabba l-fatt biss li dixxiplina nazzjonali ppermettiet lill-Gvern Ungeriż biex ikun informat minn qabel dwar id-domanda preliminari mressqa minn qorti ta’ dan l-Istat.

e)      Paragun sistematiku mad-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

83.      Kif indikat ukoll fid-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura li jikkonċernaw il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, l-eżistenza ta’ raġunijiet ta’ urġenza tista’ wkoll toħloq il-ħtieġa li Stat Mambru partikolari jiġi informat minn qabel. L-Artikolu 104b(2), tar-Regoli tal-Proċedura, pereżempju, jistipula li – meta l-qorti nazzjonali titlob l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza jew meta l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jitlob lill-Awla magħżula teżamina l-bżonn li r-rinviju jinstema’ skont din il-proċedura – ir-rinviju preliminari li jqajjem kwistjoni jew kwistjonijiet dwar l-oqsma msemmija fit-Titolu VI tat-Trattat tal-Unjoni u mit-Titolu IV tat-tielet parti tat-Trattat KE huwa immedjatament innotifikat mir-Reġistratur lill-Istat Membru minn fejn toriġina din il-qorti (34). F’din il-fażi l-ħtieġa ta’ tqassir tal-proċeduri tagħmel mod li, minħabba l-ħtieġa tat-traduzzjoni tad-dokumenti rilevanti, ir-rinviju ma jiġix innotifikat lis-suġġetti l-oħrajn imsemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut. Din id-dispożizzjoni trid tiġi mifhuma bħala rikonoxximent impliċitu, min-naħa tal-leġiżlatur Komunitarju, tal-ħtieġa li jiġi informat minn qabel l-Istat Membru kkonċernat. Inkunsiderazzjoni tal-evalwazzjoni mwettqa mil-leġiżlatur Komunitarju, ir-Repubblika tal-Ungerija ma tistax tiġi akkużata li introduċiet regoli li jiżguraw li l-Gvern Ungeriż jiġi informat bl-iktar mod malajr possibbli bir-rinviju preliminari mressaq minn waħda mill-qrati tagħha.

3.      Konklużjoni

84.      Minn dan kollu li ntqal jirriżulta li la fl-Artikolu 23 tal-Istatut u lanqas fid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju ma jistgħu jinsabu rekwiżiti regolatorji tali li jipprekludu dixxiplina proċedurali nazzjonali li tobbliga lill-qrati nazzjonali biex jibagħtu bi skop ta’ informazzjoni anki lill-Ministru tal-Ġustizzja r-rinviju preliminari filwaqt li huwa jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja.

C –    Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari

1.      Osservazzjonijiet ġenerali

85.      It-tieni domanda preliminari tirrigwarda essenzjalment l-interpretazzjoni tal-Artikolu 234 KE. Permezz tagħha l-qorti tar-rinviju titlob biex il-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tiġi estiża wkoll għall-kunċett ta’ “klawżola inġusta” li nsibu fl-Artikolu 3(1), tad-Direttiva 93/13, kif ukoll għall-klawżoli elenkati fl-anness ta’ din id-direttiva. It-tielet domanda preliminari, li permezz tagħha qed jiġi mistoqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex is-setgħa li tipprovdi kjarifiki dwar l-interpretazzjoni, hija espressament suġġetta għall-fatt li t-tieni domanda preliminari tiġi solvuta affermattivament u hija strettament relatata magħha. Huwa għalhekk xieraq li ż-żewġ domandi jiġu solvuti flimkien.

86.      Il-mod li bih id-domandi ġew ifformulati juru ċerti inċertezzi min-naħa tal-qorti nazzjonali f’dak li jikkonċerna r-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-qrati nazzjonali fl-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13. Fid-dawl ta’ dan inqis li, għal ftehim aħjar tar-relazzjoni ta’ kooperazzjoni li torbothom, huwa essenzjali li tiġi deskritta fil-qosor il-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja imbagħad nittrattaw il-kwistjonijiet ġuridiċi mressqa mill-qorti tar-rinviju.

2.      Portata tal-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja

87.      Taħt l-ewwel profil irid jiġi enfasizzat li, fil-prinċipju, tista’ tiġi mitluba l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt Komunitarju kollha. Dan l-aspett jiġi kkonfermat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 220(1) KE, li jassennja lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-ġuridsizzjoni tagħha li tinterpreta dan it-Trattat, il-kompitu li tiżgura r-rispett tad-“dritt” inġenerali. L-ewwel paragrafu (b) tal-Artikolu 234(1)(b) KE, jikkjarifika, min-naħa tiegħu, li l-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja testendi ruħha, inter alia, għall-atti magħmulin mill-istituzzjonijiet tal-Komunità u, għalhekk, għad-dritt Komunitarju sekondarju kollu, inklużi l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 249 KE. Minn dan joħroġ li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta att leġiżlattiv bħad-Direttiva 93/13. Din il-possibbiltà testendi ruħha għall-kunċetti legali li jinsabu ġewwa dawn l-atti, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iridu bħala prinċipju jkunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma tad-dritt Komunitarju, peress li ma jeżistix riferiment għal-liġijiet tal-Istati Membri (35).

88.      Għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “klawżola inġusta” li jissemma fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, huwa minnu li ma huwiex ammess riferiment għall-kategoriji tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri; madankollu, kif korrettament rilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja, din ir-regola, li tirreferi għall-kunċetti ta’ bona fide u ta’ nuqqas ta’ ekwilibriju sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, tiddefinixxi biss b’mod astratt l-elementi li jikkonferixxu natura inġusta lil klawżola kuntrattwali li ma tkunx oġġett ta’ negozjati individwali (36). Għalkemm il-leġiżlatur Komunitarju, fl-Artikolu 3(3) jagħmel riferiment għall-elenku ta’ klawżoli li jinsabu fl-anness għad-Direttiva, ipprova jwettaq konkretizzazzjoni, wieħed ma jridx jinsa li l-inġustizzja hija espressa biss permezz ta’ użu ta’ klawżoli ġenerali (37). Il-kunċett ta’ “klawżola inġusta” għalhekk huwa kunċett ġuridiku indeterminat li jqajjem il-ħtieġa li jiġi ppreċiżat il-kontenut normattiv tagħha.

89.      Kif affermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SENA (38) rigward il-kunċett ta’ “ħlas ekwu” skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva (39) u kif, fl-aħħar, kellha mod biex tesponi b’mod dettaljat fil-kuntest tal-konklużjonijiet ippreżentati minni fil-11 ta’ Mejju 2010 fil-Kawża SGAE (C‑467/08, li għadha pendenti), dwar il-kunċett legali ta’ “kumpens ekwu” permezz ta’ kopja privata fl-Artikolu 5(2)(b), tad-Direttiva 2001/29 (40), il-fatt li kunċett ġuridiku għandu neċessarjament jiġi konkretizzat ma jeskludix fih innifsu li huwa jista’ jiġi kklassifikat fost il-kunċetti ta’ dritt Komunitarju, li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Dak li jrid jingħata attenzjoni lilu huwa, iżda, ir-ratio tad-dixxiplina li warajha tinsab il-volontà tal-leġiżlatur. Għal dan il-għan irid jitfakkar li l-iskop tal-approssimazzjoni tal-liġiijiet, li għal dan il-għan hija maħsuba anki d-Direttiva 93/13 (41), jippreżupponi neċessarjament l-iżvilupp ta’ kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju, inkluża terminoloġija uniformi, bl-għan li jintlaħaq l-iskop imsemmi. L-iskop tal-konkretizzazzjoni speċifika tal-kunċett Komunitarju ta’ “klawżola inġusta” permezz ta’ interpretazzjoni vinkolanti għall-qrati kollha tal-Unjoni Ewropea jidħol fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għal dan il-għan għandha s-setgħa li tagħti deċiżjoni fl-aħħar istanza (42).

90.      Il-kwistjoni ulterjuri dwar jekk il-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja testendix anki għall-klawżoli elenkati fl-anness ta’ din id-direttiva tiġi solvuta, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, b’mod ċertament affermattiv. Il-korrettezza ta’ din it-teżi hija attestata mis-sentenza Océano Grupo (43), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-punt 1(q) tal-anness tad-direttiva bl-iskop li tinterpreta l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva (44), iżda dan joħroġ ukoll mis-sentenza Pannon GSM (45), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja espressament iddikjarat dak li kienet interpretat fis-sentenza Océano Grupo, fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 234 KE, il-“kriterji ġenerali” użati mil-leġiżlatur Komunitarju biex jiddefinixxi l-kunċett ta’ klawżola inġusta, b’riferiment partikolari għat-tip ta’ klawżola li tissemma fil-punt 1(q) tal-istess anness.

3.      Tqassim ta’ ġurisdizzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali għal dak li għandu x’jaqsam mal-kontroll tal-klawżoli inġusti.

a)      Differenza bejn l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju

91.      Din il-konstatazzjoni tintroduċi aspett problematiku ulterjuri li jistħoqlu jiġi trattat iktar fil-fond. Jekk it-tieni domanda preliminari ma tiġix mifhuma biss f’sens litterali, iżda tiġi meqjusa li hija intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tapprofondixxi t-tema tat-tqassim tal-kompiti bejnha u l-qrati nazzjonali għal dak li għandu x’jaqsam il-kontroll tal-klawżoli inġusti, ikun opportun li fl-ewwel lok tinġibed l-attenzjoni tal-qrati tar-rinviju għar-regola ġenerali (46) li tipprovdi li fi proċedura bbażata fuq l-Artikolu 234 KE, it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali hija tali li tattribwixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u lill-qrati nazzjonali l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt. Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tapplika r-regoli tad-dritt Komunitarju għal każ speċifiku u, konsegwentement, biex topera kwalifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali f’relazzjoni ma’ dawn ir-regoli. Din għandha però, id-dritt li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha tal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjonijiet tali.

92.      Kif osservajt fil-konklużjonijiet ippreżentati minni fid-29 ta’ Ottubru fil-Kawża C‑484/08, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, inqis li t-tqassim tal-ġurisdizzjoni fil-kuntest tal-kontroll tal-klawżoli inġusti, intrinsika għall-proċess imsemmi fl-Artikolu 234 KE, jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu pożizzjoni direttament dwar il-verifikabbiltà (47) u, għal raġuni ikbar, lanqas dwar il-kompatibbiltà ta’ klawżola mad-Direttiva 93/13, iżda pjuttost trid tillimita ruħha biex tiddeċiedi kif din l-aħħar direttiva għandha tiġi interpretata f’relazzjoni ma’ klawżola determinata (48). Huwa mbagħad obbligu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk, abbażi tad-Direttiva 93/13 u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni, fid-dawl tal-indikazzjonijiet interpretattivi pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżola inkwistjoni tkunx tista’ tiġi kkwalifikata bħala inġusta skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva.

b)      Il-gurisprudenza wara s-sentenza Freiburger Kommunalbauten

93.      Il-karatteristiċi essenzjali ta’ dan it-tqassim ta’ ġurisdizzjoni, kif joħroġ mir-regola ġenerali relatata mal-ġurisdizzjoni interpretattiva tad-dritt Komunitarju, diġà ilhom żmien twil li ġew iddefiniti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk wieħed jibda biss mis-sentenza Freiburger Kommunalbauten (49), madankollu, jista’ jingħad li seħħet l-affermazzjoni tagħhom dwar il-kontroll tal-klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi skont id-Direttiva 93/13 (50). Jeħtieġ madankollu li jiġu eżaminati fil-qosor il-punti essenzjali ta’ din is-sentenza.

94.      Fis-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni interpretattiva tad-dritt Komunitarju lilha mogħtija mill-Artikolu 234 KE, hija tista’ ċertament tinterpreta l-kriterji ġenerali użati mil-leġiżlatur Komunitarju biex jiddefinixxi l-kunċett ta’ klawżola inġusta, iżda ma tistax tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ġenerali għal klawżola partikolari, peress li hija trid tiġi eżaminata fil-kuntest taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari (51).

95.      F’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rwol partikolari li l-qrati nazzjonali għandhom li jikkumbattu l-klawżoli inġusti u li għalhekk fdat lilhom il-kompitu li jistabbilixxu jekk klawżola kuntrattwali għandhiex il-kriterji neċessarji biex tikkwalifika bħala inġusta skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (52). Il-Qorti tal-Ġustizzja – li għal dan il-għan fakkret l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 – hija tal-parir li fost iċ-ċirkustanzi tal-każ konkret li l-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kontroll tal-klawżola huma inklużi n-natura tal-beni jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u ċ-ċirkustanzi li jakkumpanjaw il-waqt tal-konklużjoni tal-kuntratt, li jimplika eżami tal-ordinament ġuridiku nazzjonali (53).

96.      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’dan il-mod segwiet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed, li, għalkemm afferma l-monopolju interpretattiv tal-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment esprima ruħu favur kontroll deċentralizzat tal-klawżoli inġusti fil-livell tal-Istati Membri. Fil-konklużjonijiet tiegħu l-Avukat Ġenerali kien, minn naħa, enfasizza n-neċessità ta’ delimitazzjoni ta’ ġurisdizzjoni preċiża bejn il-Komunità u l-Istati Membri, waqt li min-naħa l-oħra ssolleċita l-użu ekonomiku ta’ rimedji ġuridiċi. B’riferiment għal dan l-aħħar profil, l-Avukat Ġenerali kien wissa li, jekk kellu jiġi inkluż fost il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja l-kompitu li tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola speċifika, ikun hemm ir-riskju tal-eċċess ta’ tagħbija fuq il-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE. F’dan ir-rigward, l-Avukat Ġenerali beża’ li dawn il-klawżoli setgħu kontinwament joffru spunti ġodda biex jiġu mressqa domandi preliminari, inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-kunċett ta’ “klawżola inġusta” għandu natura ġenerali u li l-klawżoli jidhru fil-kuntratti mal-konsumaturi f’varjetà kbira ta’ forma u ta’ kontenut. Dawn l-argumenti għandhom ikunu mħaddna, peress li ma jistax jispetta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompitu li tevalwa hija stess in-natura inġusta ta’ kull klawżola li tiġi mressqa quddiemha. Fid-dawl tal-pluralità tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt nazzjonali li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ konkret (54), il-prossimità tal-qorti inkwistjoni għas-suġġett tal-kawża turi ruħha bħala vantaġġ li għandu jsir profitt minnu fid-dawl tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-konsumatur fl-Unjoni Ewropea (55).

97.      L-Avukat Ġenerali jinvoka, bħala argument ulterjuri, ir-rilevanza tad-dritt nazzjonali fil-ġlieda kontra l-klawżoli inġusti. Dawn il-klawżoli huma preżenti l-iktar f’relazzjonijiet ta’ dritt privat, fil-parti l-kbira huma rregolati mid-dritt nazzjonali, u għalhekk jista’ saħansitra jiġri li l-istess tip ta’ klawżola jkollha konsegwenzi ġuridiċi differenti fl-ordinamenti ġuridiċi varji. Peress li l-evalwazzjoni b’mod konkret tan-natura inġusta ta’ klawżola tiddependi fl-ewwel lok mid-dritt nazzjonali (56) u li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali jispettaw esklużivament lill-qorti nazzjonali, anki dan l-argument jistħoqqlu li jiġi milqugħ.

98.      Il-prinċipji hawn fuq deskritti huma kkonfermati kemm fis-sentenza Mostaza Claro (57) u kif ukoll fis-sentenza reċenti Pannon GSM (58), fejn jiġi ċċarat ukoll kif huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali abbażi tal-kunsiderazzjonijiet astratti li jinsabu fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (59). Dan ifisser li, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ kontroll, il-qorti nazzjonali trid iqis l-indikazzjonijiet interpretattivi pprovduti mill-qorti Komunitarja (60).

99.      Għal dan il-għan irid madankollu jiġi enfasizzat kif il-kriterji interpretattivi misjuba f’dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux jitqiesu eżawrjenti. Kuntrarjament, huma jirrapreżentaw biss uħud minn dawk il-“kriterji ġenerali” li, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħmel disponibbli lill-qrati nazzjonali minħabba l-monopolju tagħha tal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Fuq livell Komunitarju, il-konkretizzazzjoni tal-kunċett tal-inġustizzja skont l-Artikolu 3(1), tad-Direttiva jrid jinfthiem bħala proċess kontinwu li l-Qorti tal-Ġustizzja hija maħtura li twassal. Hija għandu jkollha bħala kompiti tagħha li tippreċiża b’mod gradwali l-kriterji astratti ta’ kontroll tal-inġustizzja u li telabora, b’esperjenza li dejjem tikber, il-limiti ta’ kontroll imwettaq fid-dawl tad-dritt Komunitarju. Il-proċeduri preliminari, bħala espressjoni tas-suddiviżjoni tax-xogħol bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali jikkostitwixxu l-mod ideali biex jinkisbu riżultati adegwati u effiċjenti taħt il-profil tal-ekonomija proċedurali (61).

4.      Konklużjoni

100. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 234 KE, għandha ġurisdizzjoni anki biex tinterpreta l-kunċett ta’ “klawżola kuntrattwali inġusta” msemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll il-klawżoli elenkati fl-anness tal-istess direttiva.

101. Ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun fis-sens li t-talba għal deċiżjoni preliminari li titlob tali interpretazzjoni tista’ – fl-interess ta’ applikazzjoni uniformi għall-Istati Membri kollha tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi ggarantit mid-Direttiva 93/13 – tistaqsi dwar liema aspetti l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ applikazzjoni għal klawżola individwali partikolari tal-kriterji ġenerali ffissati fid-direttiva.

D –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari

1.      Is-suġġett tad-domanda

102. Permezz tar-raba’ domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob kjarifika dwar il-punti 34 u 35 tas-Sentenza Pannon GSM (62), fl-ambitu ta’ liema sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet is-segwenti:

“F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura ġurisdizzjonali, li sseħħ fl-ambitu tad-dritt nazzjonali bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, ma jistgħux jikkostitwixxu element li jista’ jaffettwa l-protezzjoni ġuridika li minnha għandu jibbenifika l-konsumatur skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-qorti nazzjonali hija marbuta teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan. Meta tikkunsidra tali klawżola inġusta, hija ma għandhiex tapplikaha, ħlief meta l-konsumatur jopponi dan. Dan l-obbligu huwa impost ukoll fuq il-qorti nazzjonali meta din tkun qed tistħarreġ il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha.”

103. Fid-digriet tar-rinviju tagħha l-qorti inkwistjoni tosserva (63) li mis-sentenza ma jidhirx liema huwa l-ordni kronoloġiku li għandu jiġi segwit. Il-qorti nazzjonali tista’ teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali biss meta jkollha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan, imma – skont interpretazzjoni differenti – fl-eżami tan-natura inġusta tal-klawżola, jista’ jkollha wkoll il-kompitu li tistabbilixxi u taġġorna ex officio l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan.

2.      Ir-rilevanza tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pannon GSM fid-dawl tal-ġurisprudenza relattiva għall-obbligu tal-qorti nazzjonali li tipproċiedi għal eżami ex officio

104. Qabel ma tintlaħaq deċiżjoni dwar id-domanda preliminari stess hemm bżonn, bil-għan li jiġi kkjarifikat is-suġġett tad-domanda, li jiġu rikapitolati fil-qosor id-dispożizzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pannon GSM li huma rilevanti għall-każ li qed jiġi eżaminat, fil-kuntest tal-ġurisprudenza eżistenti.

105. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tmur lura għas-sentenza Océano Grupo (64) “il-protezzjoni li d-direttiva tiżgura lill-konsumaturi timplika li l-qorti nazzjonali tista’ tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt li jtressaq quddiemha” u dan anki meta “teżamina l-ammissibbiltà ta’ domanda magħmula quddiem il-qrati nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madakollu, din id-diċitura, kienet ħalliet miftuħa l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kinitx stabbilixxiet l-obbligu jew sempliċement il-fakultà li ssir verifika ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli. Is-sentenza Pannon GSM ikkontribwixxiet sabiex iddaħħal kjarifika rilevanti f’dan is-suġġett, inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li r-rwol tal-qorti nazzjonali “ma huwiex limitat għas-sempliċi fakultà li tiddeċiedi dwar in-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali” iżda għandu obbligu f’dan is-sens (65). Dan l-obbligu jirrigwarda l-klawżoli inġusti kollha, inklużi l-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja mxiet mill-assunzjoni tal-eżistenza ta’ obbligu ta’ verifika sa mis-sentenza Cofidis (66) u, b’mod iktar ċar, mis-sentenza Mostaza Claro (67). Fis sentenza Pannon GSM il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-obbligu ta’ eżami ex officio neċessarjament jimplika li l-inopponibilità tal-klawżola msemmija fl-Artikolu 6(1), tad-Direttiva 93/13 topera ipso iure, mingħajr ma l-konsumatur ikollu jeċċepiha (68).

106. Innovazzjoni ulterjuri miġjuba mis-sentenza Pannon GSM tikkonsisti fil-kjarifika li l-qorti nazzjonali tista’ tagħti applikazzjoni lill-klawżola inkwistjoni jekk il-konsumatur, wara li jkun ġie debitament informat mill-qorti msemmija, ma jkollux l-intenzjoni li jinvoka n-natura inġusta tagħha (69). Dan l-approċċ għandu l-vantaġġ li jevita li l-konsumatur jkun suġġett għal protezzjoni sfurzata u jirrispondi aħjar għall-idea ta’ protezzjoni tal-konsumatur ibbażata fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni (70).

3.      Evalwazzjoni ġuridika

107. Kif tinnota korrettament il-Kummissjoni, id-domanda preliminari ma tikkonċernax każ ta’ inġustizzja effettiva tal-klawżola, iżda sempliċement sitwazzjoni fejn il-qorti nazzjonali tinduna bl-inġustizzja potenzjali ta’ klawżola kuntrattwali, li tassumiha iżda li ma tistax tistabbilixxi b’ċertezza. Peress li d-Direttiva 93/13 ma tgħid xejn dwar dan, fid-dawl tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (71), fil-prinċipju jsir rilevanti d-dritt proċedurali nazzjonali.

108. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ma jistax iwassal li tiġi prekluża l-protezzjoni tal-konsumatur, hekk kif jipprovdu għaliha, skont il-ġurisprudenza, l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13 (72). F’dan is-sens irid jiġi mifhum ukoll dak stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza Pannon GSM, fis-sens li “il-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura ġurisdizzjonali, li sseħħ fl-ambitu tad-dritt nazzjonali bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, ma jistgħux jikkostitwixxu element li jista’ jaffettwa l-protezzjoni ġuridika li minnha għandu jibbenifika l-konsumatur skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva”. F’ċerti każijiet, għalhekk il-kisba tal-iskopijiet tad-Direttiva toħloq il-ħtieġa ta’ limitazzjonijiet speċifiċi għall-awtonomija normattiva fil-materja proċedurali tal-Istati Membri (73). Wieħed irid jistaqsi jekk is-sentenza Pannon tistabilixxix li d-dritt Komunitarju jopera tali restrizzjoni fuq l-awtonomija normattiva f’materja proċedurali tal-Istati Membri u, f’każ negattiv, jekk din ir-restrizzjoni hijiex meħtieġa.

109. Fil-punt 35 tas-sentenza Pannon GSM, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-qorti nazzjonali għandha teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali “meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan”. Din l-espressjoni ġiet ripetuta reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Asturcom (74). Fl-opinjoni tiegħi, din trid tiġi mifhuma fis-sens li l-obbligu li tiġi eżaminata l-klawżola jsir rilevanti biss meta mill-allegazzjonijiet tal-partijiet jew minn ċirkustanzi oħrajn joħorġu ħjiel tal-inġustizzja possibbli tagħha (75). Huwa f’dan il-każ biss li l-qorti għandha d-dmir li tapprofondixxi ex officio d-dubji tagħħa dwar l-effettività tal-klawżola, mingħajr ma tkun meħtieġa eċċezzjoni konkreta ta’ waħda mill-partijiet f’dan is-sens (76). Mis-sentenza, bil-kontra, ma huwiex ċar jekk fuq il-qorti nazzjonali hemmx l-istess obbligu wkoll fl-ipoteżi li hija ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha dawn l-elementi.

110. Fi kliem ieħor, mid-dritt Komunitarju ma toħroġ l-ebda dispożizzjoni li tobbliga lill-qorti nazzjonali li tibda, fuq inizjattiva tagħha stess, investigazzjonijiet sabiex tikseb l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, meta dawn l-elementi ma humiex disponibbli. Għal dan il-għan għandu jiġi enfasizzat kif il-proċeduri ċivili fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri huma karatterizzati mill-prinċipju dispożittiv, li fid-dawl tiegħu jaqa’ fuq il-partijiet l-oneru li jallegaw il-fatti rilevanti li fuqhom il-qorti sussegwentement għandha tagħti deċiżjoni fis-sentenza tagħha. Dan il-prinċipju japplika bla ebda dubju anki fid-dritt proċedurali ċivili Ungeriż, peress li għallinqas mir-raba’ domanda preliminari għandu jiġi dedott li l-kumpilazzjoni tal-provi tista’ tiġi mwettqa biss permezz ta’ rikors ta’ waħda mill-partijiet. Il-kodiċi tal-proċedura ċivili Ungeriż, għalhekk, jiddisponi bħala prinċipju li jridu jkunu l-partijiet fil-kawża li jipproduċu l-provi (77).

111. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza van Schijndel u van Veen (78), bla ebda dubju rrikonoxxiet il-limitazzjonijiet li din il-karatteristika speċifika tal-proċeduri ċivili nazzjonali timponi fuq il-eżami li l-qorti nazzjonali tista’ jwettaq ex officio. F’tali deċiżjoni hija stabbilixxiet li “id-dritt Komunitarju ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali li jqajmu ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobblighom jirrinunzjaw il-prinċipju dispożittiv li huma obbligati josservaw, billi joħorġu lil hinn mil-limiti tal-kawża hekk kif ġiet limitata mill-partijiet u billi jibbażaw ruħhom fuq fatti u ċirkustanzi differenti minn dawk li l-parti li għandha l-interess għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tkun qiegħdet bħala l-bażi tad-domanda tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan isegwi li d-dritt Komunitarju għandu jieħu konjizzjoni tal-limiti li l-prinċipju dispożittiv iqiegħed fuq is-setgħat ta’ eżami tal-qorti nazzjonali (79).

112. Irrispettivament minn tali kunsiderazzjoni, inqis li huwa diġà minnu nnifsu dubjuż jekk huwiex neċessarju li l-qorti nazzjonali tiġi obbligata tapprofondixxi l-istħarriġ biex tilħaq l-iskop tal-kontroll tal-inġustizzja tal-klawżoli inkwistjoni permezz tad-Direttiva 93/13. Il-qorti nazzjonali, fil-fatt, tista’ teżamina, ex officio skont il-ġurisdizzjoni tagħha u mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ argumenti ddettaljati mill-partijiet, klawżola kuntrattwali li għandha tiġi kklassifikata bħala inġusta peress li tattribwixxi ġurisdizzjoni, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li joħorġu mill-kuntratt, lill-qorti li fis-sede tagħha jinsab id-domiċilju tal-bejjiegħ jew fornitur (80). Dan ġie ċċertifikat ukoll mis-sitwazzjoni proċedurali tal-kawża prinċipali. Mill-proċess jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, sa minn qabel l-iffissar tal-udjenza, ikkonstatat li d-domiċilju tal-konvenut ma kienx jinsab fid-distrett ġudizzjarju tagħha u li r-rikorrenti kienet ippreżentat ir-rikors tagħha dwar ordni għal ħlas quddiem il-qorti li tinsab qrib is-sede tagħha skont il-kundizzjonijiet ġenerali. Dan ir-riferiment għall-kundizzjonijiet kuntrattwali qajjem fil-qorti tar-rinviju dubji dwar il-klawżola inkwistjoni.

113. Madankollu, anki f’każijiet li ma jikkonċernawx klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni, iżda li jikkonċernaw obbligi kuntrattwali ta’ natura sostanzjali, wieħed għandu jistenna li tiġi mqieghdha għad-dispożizzjoni tal-qorti nazzjonali għallinqas kopja tal-kuntratt, jew, l-iktar prova importanti tat-talbiet imressqa. Kieku dan kien hekk, jeżistu diġà minnhom infushom dawk “l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġa” sabiex tiġi eżaminata n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali skont is-sentenza Pannon GSM. Il-qorti nazzjonali b’dan il-mod tkun tista’ twettaq l-obbligu tagħha li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. F’ħafna każijiet, għalhekk, il-qorti nazzjonali ma għandhiex tiltaqa’ ma’ diffikultajiet partikolari ta’ natura prattika. Dan, madankollu, ma jeskludix li fil-prassi jistgħu jeżistu klawżoli li tagħhom huwa possibbli l-aċċertament tan-natura inġusta biss wara stħarriġ iddettaljat. Dan l-istħarriġ madankollu, kif diġà ntqal, huwa possibbli biss jekk huwa possibbli skont in-normi proċedurali nazzjonali, peress li d-dritt Komunitarju ma jistabbilixxix obbligu ġuridiku f’dan is-sens.

114. Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività (81) li diġà ssemmew ma jeżiġux li jiġi rrikonoxxut obbligu ta’ stħarriġ mill-qorti nazzjonali. Għal dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza fil-każ li qed jiġi eżaminat, ma jidhirx li l-qorti nazzjonali, fl-ambitu tal-proċeduri li jirrigwardaw biss id-dritt nazzjonali, ikollha setgħat ikbar milli dawk li għandha fl-ambitu ta’ proċeduri intiżi biex jiġi ggarantit il-ħarsien tad-drittijiet konferiti liċ-ċittadin mid-Direttiva 93/13. Għalhekk, ma jidhirx li hemm ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Bl-istess mod, ma jidhirx b’liema mod l-eżerċizzju tad-drittijiet attribwiti mid-Direttiva 93/13 jiġi magħmul, minn lat prattiku, impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Propju l-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq (82) juru kif il-fatt li fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali ma jeżistix fuq l-awtorità ġudizzjarja obbligu ta’ stħarriġ ma jostakolax inevitabbilment li l-qorti nazzjonali, filwaqt li twettaq verifiki ex officio skont il-ġurisdizzjoni tagħha jew permezz tal-allegazzjonijiet tal-partijiet, tagħraf l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għall-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Dan il-fatt, ukoll, ma jostakolax lill-qorti nazzjonali, meta tmexxi l-proċeduri, li tkun tista’, fejn dan ikun meħtieġ f’punt tad-dritt u ta’ fatt, tiddiskuti mal-partijiet il-fatti u r-rapport dedotti fil-ġudizzju u tista’ jifformula mistoqsijiet (83). Sa fejn id-dritt nazzjonali jpoġġi fuq il-qorti obbligu speċifiku, hija, fit-tmexxija tal-proċeduri, jkollha l-kompitu li tadopera ruħha sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fil-ħin u b’mod eżawrjenti dwar il-fatti kollha rilevanti, b’mod partikolari billi jiġu integrati d-deduzzjonijiet insuffiċjenti dwar il-fatti allegati, billi jiġu identifikati l-provi u billi jressqu talbiet rilevanti (84). Inkunsiderazzjoni ta’ dan, għandu jiġi kkonstatat li ebda ksur tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma jirriżulta min-nuqqas ta’ obbligu ta’ stħarriġ għall-qorti nazzjonali.

115. B’mod ġenerali l-prinċipju Komunitarju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jistabbilixxi li l-Istati Membri jipprovdu lill-konsumaturi mezzi ġuridiċi permezz ta’ liema setgħat isostnu d-drittijiet li d-dritt Komunitarju jiggarantilhom. Il-possibilità li jasserixxu fil-ġudizzju d-drittijiet tagħhom hija ta’ importanza fundamentali għas-suġġetti li għandhom drittijiet għalihom, peress li tiddefinixxi l-portata prattika tad-drittijiet ġuridiċi lilhom spettanti. Minn dan, però, ma jirriżultax li d-dritt Komunitarju jirrikjedi l-abbandun tal-prinċipju dispożittiv u sostituzzjoni tiegħu mal-prinċipju inkwiżitorjali. Rekwiżit tali jeċċedi bil-kbir l-għan ta’ effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja u għalhekk jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju Komunitarju ta’ proporzjonalità (85). Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jirrikjedi sempliċement li l-Istati Membri jadottaw dispożizzjonijiet intiżi sabiex iħarsu adegwatament l-individwu mir-riskju li jitlef id-drittijiet mogħtija lilu mid-dritt Komunitarju talli injora mezzi proċedurali meħtieġa u t-termini tal-proċedura li trid tiġi segwita. L-Istati Membri fid-diskrezzjoni tagħhom jistgħu jagħżlu l-mezz għal dan il-għan. Mezzi xierqa u fl-istess ħin inqas restrittivi fuq l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri huma, pereżempju, il-fakultà u, għall-proċeduri ġudizzjarji importanti u kumplessi, l-obbligu li jsir rikors għall-assistenza ta’ avukat (flimkien mal-patroċinju bl-ispejjeż għall-Istat), l-obbligu tal-qorti li titlob indikazzjonijiet jew kjarifiki u li tagħmel mistoqsijiet fl-ambitu tal-proċess, kif ukoll l-imsemmi obbligu tal-qorti li torganizza l-proċedura (86).

4.      Konklużjoni

116. Għaldaqstant ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tingħata permezz tal-affermazzjoni li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali, li tara l-possibilità tal-eżistenza ta’ klawżola kuntrattwali inġusta, ma hijiex obbligata teżegwixxi, ex officio, stħarriġ bl-iskop li tiżgura l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa biex tiġi magħmula din l-evalwazzjoni fejn id-dritt proċedurali nazzjonali jammetti dan l-eżami biss fuq istanza tal-partijiet u din l-istanza ma tkunx ġiet imressqa mill-partijiet infushom.

VII – Konklużjoni

117. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mill-Budapesti II. és III. Kerületi Bíróság kif ġej:

1)      La fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lanqas fid-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju ma jistgħu jinsabu rekwiżiti regolatorji tali li jipprekludu dixxiplina proċedurali nazzjonali li tobbliga lill-qrati nazzjonali biex jibagħtu bi skop ta’ informazzjoni anki lill-Ministru tal-Ġustizzja r-rinviju preliminari filwaqt li huwa jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja.

2)      Il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 234 KE, għandha ġurisdizzjoni anki biex tinterpreta l-kunċett ta’ “klawżola kuntrattwali inġusta” msemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif ukoll il-klawżoli elenkati fl-anness tal-istess direttiva.

3)      It-talba għal deċiżjoni preliminari li titlob tali interpretazzjoni tista’ – fl-interess ta’ applikazzjoni uniformi għall-Istati Membri kollha tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi ggarantit mid-Direttiva 93/13 – tistaqsi dwar liema aspetti l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-każ ta’ applikazzjoni għal klawżola individwali partikolari tal-kriterji ġenerali ffissati fid-Direttiva.

4)      Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali, li tara l-possibilità tal-eżistenza ta’ klawżola kuntrattwali inġusta, ma hijiex obbligata teżegwixxi, ex officio, stħarriġ bl-iskop li tiżgura l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa biex tiġi magħmula din l-evalwazzjoni fejn id-dritt proċedurali nazzjonali jammetti dan l-eżami biss fuq istanza tal-partijiet u din l-istanza ma tkunx ġiet imressqa mill-partijiet infushom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Il-proċedura preliminari issa hija rregolata inkonformità ma’ kemm previst fit-Trattat ta’ Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iffirmat f’Lisbona fit-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 306, p. 1), mill-Artikolu 267 tat‑Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288


4 – Ġabra p. I‑4713.


5 – ĠU 2008, C 115, p. 210.


6 – ĠU L 399, p. 1.


7 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (244/80, Ġabra p 3045, punt 14), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 234 KE huwa bbażat fuq kooperazzjoni li timplika diviżjoni tal-ġurisprudenza bejn il-qorti nazzjonali u Qorti Komunitarja, fl-interess tal-applikazzjoni korretta u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju meħudin flimkien tal-Istati Membri. F’dan is-sens insibu wkoll U. Everling., Das Vorabentscheidungsverfahren vor dem Gerichtshof der Europäischen Gemeinschaften, Baden‑Baden 1986, p. 21, kif ukoll B. Wägenbaur, “Art. 23 Satzung EuGH”, fil-Kommentar zur Satzung und Verfahrensordnungen EuGH/EuG, München, 2008, punt 2, p. 27.


8 – Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jemenda ma jaffetwax minimament l-evalwazzjoni ġuridika tal-kawża li qed tiġi eżaminata. Fid-dawl tal-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet imressqa qabel l-1 ta’ Diċembru 2009, iktar ’il quddiem għandu jsir riferiment għall-enumerazzjoni antika li tirriżulta mit-Trattat ta’ Nice.


9 – Ara f’dan is-sens K. Lenaerts/A. Arts, A./I. Maselis, Procedural Law of the European Union, 2. ed., p. 188, punt 6‑003, p. 175, li jenfasizzaw kif l-annessi u l-protokolli annessi mat-Trattati jkollhom l-istess effetti ġuridiċi tat-Trattati nfushom.


10 – Ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional (C‑42/07, ĠU p. I-7633, punt 40), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li l-informazzjoni li lilha trid tiġi pprovduta fl-ambitu ta’ deċiżjoni tar-rinviju ma sservix biss biex hija tkun tista’ tagħti soluzzjonijiet utili, iżda għandha wkoll tipprovdi lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħrajn, il-possibilità li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.


11 – Ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, ĠU p. I-7501, punt 24). Il-Qorti tal-Ġustizzja kultant tuża fil-ġurisprudenza tagħha l-espressjoni “prinċipju ta’ awtonomija proċedurali”.


12 – Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1974, BRT (127/73, Ġabra p. 51, punti 7 sa 9).


13 – Digriet tas-16 ta’ Ġunju 1970, Chanel vs Cepeha (31/68, Ġabra p. 404).


14 – Sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1982, Reina (65/81, Ġabra p. 33, punt 7); tal-20 ta’ Ottubru 1993, Balocchi (C‑10/92, Ġabra p. I‑5105, punt 16); tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C-39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 248), kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C-143/99, Ġabra p. I‑8365, punt 19).


15 – Ara s-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 40), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, li huwa meħtieġ li l-qorti nazzjonali tiddefinixxi l-kuntest ta’ fatt u ta’ dritt li fih jidlħlu l-kwistjonijiet imressqa jew li tispjega għallinqas l-ipoteżijiet ta’ fatt li fuqhom tali kwistjonijiet huma fondati. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali biex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u biex tqis neċessarja l-formulazzjoni ta’ talbiet preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-kuntest huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tipprovdi minimu ta’ spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom tistaqsi l-interpretazzjoni u dwar ir-rabta li tidentifika bejn dawk id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.


16 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen (C-430/93 u C-431/93, Ġabra p. I‑4705, punt 17); tal-15 ta’ Settembru 1998, Ansaldo Energia et (C-379/96 sa C-281/96, Ġabra p. I‑5025, punti 16 u 27); tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C-326/96, Ġabra p. I‑7835, punt 18); tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et. (C-79/98, Ġabra p. I‑3201, punt 31); tas-6 ta’ Diċembru 2001, Clean Car Autoservice (C-472/99, Ġabra p. I‑9687, punt 28); tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-129/00, Ġabra p. I‑14637, punt 25); tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor (C-392/04 u C-422/04, Ġabra I‑8559, punt 57); tas-26 ta’ Ottobru 2006, Mostaza Claro (C-168/05, Ġabra p. I‑10421, punt 24); tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et (C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I‑4233, punt 28), u tas-6 ta’ Ottubru 2009 (C‑40/08, Ġabra p. I-9579).


17 – Dwar dan wieħed għandu, fil-fatt, jikkunsidra li l-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, minbarra li huma oġġettivament maħsuba biex jiżguraw applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju, huma importanti anki għall-ħarsien ġuridiku tal-individwi. Dan għaliex il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, li lilhom l-Artikolu 230(4) KE jagħti biss fuq skala ridotta s-setgħa ta’ kontestazzjoni tal-atti tal-Komunità, għandhom il-possibilità, bħala partijiet ta’ proċess ġudizzjarju pendenti fi Stat Membru, li jressqu quddiem il-qorti nazzjonali l-invalidità tal-atti tal-Komunità deċiżivi, jiġifieri għandhom il-possibilità li jiksbu, permezz ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li għalihom hija iktar favorevoli [ara fir-rigward Schwarze, J., “Art. 234 EG”, f’EU‑Kommentar, editur di von Jürgen Schwarze, 2. ed., Baden Baden, 2009, punt 4, p. 1810].


18 – Fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1979, Union Laitière Normande (244/78, Ġabra p. 2663, punt 5), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li għalkemm l-Artikolu 234 KE ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja stess li tevalwa r-raġunijiet tat-talba għal deċiżjoni preliminari, minkejja din in-neċessità li tasal għal interpretazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju tista’ teżiġi li jiġi ddefinit il-kuntest ġuridiku li fih trid tiġi kkollokata l-interpretazzjoni mitluba. Skont K. Lenaerts/A. Arts/I. Maselis, op. cit. fin-nota 9, p. 188, punti 6‑021, xejn ma jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tibbaża ruħha fuq il-komprensjoni tagħha tal-fatti tal-proċedura prinċipali u ta’ uħud mill-aspetti tan-normattiva nazzjonali biex tintlaħaq interpretazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji tad-dritt Komunitarju applikabbli.


19 – Ara l-punt 55 tan-nota tal-Gvern Ungeriż.


20 – F’dan is-sens W. Kahl, “Art. 10”, ġo EUV/EGV‑Kommentar, ta’ von Christian Calliess/Matthias Ruffert, 3. ed., München, 2007, punt 47, p. 450.


21 – Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, Ġabra p. I‑10239).


22 – Ara s-sentenza Kummisjoni v L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 33 u 34.) għalkemm ma tirreferix għall-Artikolu 10 KE.


23 – Ara s-sentenza Köbler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21). Dwar il-possibbiltà ta’ proċedura ta’ ksur, bħala responsabbiltà tal-Istat għall-ksur tad-dritt Komunitarju, ara K. Lenaerts,/D. Art/I. Maselis., iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 2‑053 et seq, p. 77 et seq.


24 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament affermat li s-sistema introdotta mill-Artikolu 234 KE biex tiżgura l-uniformità tal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri tistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali permezz ta’ proċeduri mhux relatati mal-inizjattiva tal-partijiet (sentenzi tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C-2/06, Ġabra p. I‑411, punt 41, u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, Ġabra p. I‑9641, punt 90). Kif osserva U. Everling, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, p. 16, huwa għal kollox evidenti li l-awtoritajiet u l-korpi ġuridiċi tal-Istati Membri varji jiddeċiedu b’mod differenti, kieku ma jiġix ipprovdut biex id-dritt Komunitarju jiġi interpretat b’mod uniformi. Kompitu tali huwa mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ambitu tal-proċeduri preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat sa mill-bidu li l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tal-ordinament ġuridiku Komunitarja li ma jistgħu bl-ebda mod jiġu kkkontestati minn dispożizzjoni nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għal dan il-għan fakkret is- sentenza Rheinmühlen.


25 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poaires Maduro ppreżentati fit-22 ta’ Mejju 2008 fil-kawża Cartesio (C-210/066, Ġabra p. I‑9641, punt 21). F’sens analogu anki C.D. Classen., Europarecht, ta’ von Reiner Schulze/Manfred Zuleeg, punt 76, p. 204, li fl-opinjoni tagħhom id-dritt li titressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-proċeduri preliminari ma jistax ikun limitat mir-regoli proċedurali nazzjonali.


26 – Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen (166/73, Ġabra p. 33, punti 2 u 3) u van Schijndel u van Veen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 18).


27 – Ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28 – Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 1999, Petrides vs Il-Kummissjoni (C-64/68 P, Ġabra p. I‑5187, punt 31) u tal-15 ta’ Ġunju 2000, TEAM vs Il-Kummissjoni (C-13/99 P, Ġabra p. I‑4671, punti 35 u 36). Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il-Kummissjoni (T-36/91, Ġabra p. II‑1847, punt 93).


29 – F’dan is-sens B. Sachs, Die Ex‑Officio‑Prüfung durch die Gemeinschaftsgerichte, Tübingen, 2008, p. 208. Il-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel darba rrikonoxxiet li l-qrati tal-Unjoni huma marbutin bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proċess ġust fis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 21).


30 – F’dan is-sens anki B. Sachs, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29. Ara s-sentenza Petrides (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 31).


31 – Ara C. Koenig, /M. Pechstein /C. Sander, EU‑/EG‑Prozessrecht, 2. ed., Tübingen, 2002, punt 123, p. 65.


32 – F’dan is-sens anki C. Koenig, /M. Pechstein,./C. Sander, ibidem, p. 65; Wägenbaur, B., “Art. 23 Satzung EuGH”, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 2, p. 27, kif ukoll u. Everling, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, p. 56. Il-Qorti tal-Ġutsizzja tiddeskrivi l-proċedura preliminari, fil-ġurisprudenza proprja, bħala “proċedura mhux kontenzjuża” li għandha n-natura ta’ kwistjoni mqajjma waqt kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, li hija barranija għal kull inizjattiva tal-partijiet u li fiha dawn tal-aħħar huma biss mistiedna biex jesponu l-opinjoni tagħhom fil-limitazzjonijiet stabbiliti mill-istess qorti nazzjonali [ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ottubru 2001, Dory, C-186/01 R, (Ġabra p. I‑7823) u l-ġurisprudenza hemm iċċitata]. Hija tagħmel distinzjoni b’dan il-mod bejn il-proċeduri preliminari mill-“proċeduri kontenzjużi” quddiem l-qorti tar-rinviju. Minħabba r-raġuni tad-diversità essenzjali bejn il proċeduri kontenzjużi u l-proċeduri inċidentali skont l-Artikolu 234 KE, hija tiċħad, pereżempju, l-applikabilità tad-dispożizzjonijiet li jiddixxiplinaw il-proċeduri kontenzjużi.


33 –      Li tali opinjoni hija kondiviża anki mill-Avukat Ġenerali Geelhoed jidher a contrariis b’mod manifest mill-konklużjonijiet li huwa ppreżenta fit-28 ta’ Novembru 2002 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑20/01 u C‑28/01, Ġabra p. I‑3609, punt 42). L-Avukat Ġenerali jirrileva li l-intervent ma jservix biex jagħmel li l-persuna li tintervjeni tippreżenta noti u osservazzjonijiet miktubin jew orali fil-kwalità ta’ amicus curiae, u jassisti l-qorti Komunitarja, skont l-Artikolu 20(2) tal-Istatut u l-Artikolu 104(4), tar-Regoli tal-Proċedura. Ir-riferiment għall-Artikolu 104(4) tar-Regoli tal-Proċedura jwassal għall-konklużjoni li suġġett li jipparteċipa fil-proċess billi jippreżenta noti jew osservazzjonijiet jaġixxi fil-kwalità ta’ amicuscuriae. F’termini simili jesprimi ruħu b’mod ċar anki U. Everling, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), p. 57, li juri l-funzjoni ta’ assistenza li l-Kummissjoni tiżvolġi fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa juri wkoll kif l-Istati Membri jkunu għamlu użu mill-possibilità li jifformulaw osservazzjonijiet fuq kollox meta l-proċedura kienet tikkonċerna l-interessi konkreti tagħhom, pereżempju l-validità tar-regoli nazzjonali jew l-interessi taċ-ċittadini tagħhom, jew b’mod ġenerali l-pożizzjoni tal-Istati Membri ġewwa s-sistema Komunitarja.


34 – Skont B. Wägenbaur, “Art. 104b Verf EuGH”, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 9, p. 245, il-fatt li tinnotifika immedjatament rinviju preliminari minn qabel lill-partijiet ikkonċernati u biss wara lill-partijiet l-oħrajn imsemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut, jiġifieri qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet li tressaq il-kawża ineżami għall-proċedura b’urġenza, jirrispondi għal rekwiżit ta’ urġenza. Tali rekwiżit jirrigwarda anki d-deċiżjoni dwar it-tressiq tal-kawża għal proċedura b’urġenza.


35 – Sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro (327/82, Ġabra 1984 p. 107, punt 11); tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98, Ġabra p. I‑6917, punt 43); tad-9 ta’ Novembru 2000, Yiadom (C-357/98, Ġabra p. I‑9265, punt 26); tas-6 ta’ Frar 2003, SENA (C-245/00, Ġabra p. I‑1251, punt 23); tat-12 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-55/02, Ġabra p. I‑9387, punt 45); tas-27 ta’ Jannar 2005, Junk (C-188/03, Ġabra 2005 p. I‑885, punti 27 sa 30), u tas-7 ta’ Diċembru 2006,SGAE (C-306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 31).


36 – Sentenzi tas-7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja (Ġabra p. I‑4147, punt 17), kif ukoll l-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten (C-237/02, Ġabra 2004 p. I‑3403, punt 20).


37 – F’dan is-sens anki Pfeiffer, “Kommentierung zur Richtlinie 93/13, Vorbemerkungen, A5” ġo Das Recht der Europäischen Union, ta’ von Grabitz/Hilf, Vol. IV, punt 28, p. 14, kif ukoll Basedow, J., “Der Europäische Gerichtshof und die Klauselrichtlinie 93/13: Der verweigerte Dialog”, in Festschrift für Günter Hirsch zum 65. Geburtstag, 2008, p. 58.


38 – Sentenza SENA (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35).


39 – Fil-kawża SENA l-Qorti tal-Ġustizzja kienet intalbet tinterpreta l-kunċett ta’ “ħlas ekwu” li jinsab fl-Artikolu 8(2), tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal- proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120). Fis-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja minn qabel fakkret il-ġurisprudenza hawn fuq imfakkra dwar l-interpretazzjoni awtonoma tal-kunċetti ta’ dritt Komunitarju u ġibdet l-attenzjoni għal kif id-Direttiva 92/100 ma tiddefinixxi bl-ebda mod il-kunċett stess. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ipotizzat b’mod ċar li l-leġiżlatur kien konsapevolment irrinunzja milli jistabbilixxi b’mod dettaljat u imperattiv il-metodi tal-kalkolu ta’ ħlas tali. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet espressament irrikonoxxiet lill-Istati Membri s-setgħa li jirregolaw b’mod iddettaljat il-karatteristiċi ta’ dan il-“ħlas ekwu” permezz tad-determinazzjoni “fl-ambitu tat-territorju tagħhom, tal-kriterji l-iktar rilevanti biex tiġi żgurata fil-limiti imposti mid-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari mid-direttiva, l-osservanza ta’ tali kunċett Komunitarju”, u li jillimita ruħu billi jistieden l-Istati Membri biex japplikaw, fit-territorju Komunitarju, il-kunċett ta’ “ħlas ekwu” bl-iktar mod uniformi possibbli. Għandu jiġi enfasizzat li n-neċessità li tali kunċett jiġi konkretizzat abbażi tal-kriterji ġuridiċi nazzjonali ma pprekluda bl-ebda mod lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tafferma li l-kunċett ta’ “ħlas ekwu” skont l-Artikolu 8(2), tad-Direttiva 92/100 għandu jiġi interpretat u implementat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, anki fiċ-ċirkustanzi partikolari li kkaratterizzaw tali kawża, setgħet inkonklużjoni tafferma n-natura Komunitarja tal-kunċett u n-neċessità ta’ interpretazzjoni mmexxija b’mod awtonomu fid-dawl tad-dritt Komunitarju.


40 – Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju, dwar l-armonizzazjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


41 – Ara l-bażi normattiva li dwarha l-Artikolu 95 KE, kif ukoll, pereżempju, l-ewwel, it-tieni, it-tielet u l-għaxar premessi tad-Direttiva 93/13.


42 – F’dan is-sens A. Röthel, “Missbrauchlichkeitskontrolle nach der Klauselrichtlinie: Aufgabenteilung im supranationalen Konkretisierungskatalog”, in Zeitschrift für Europäisches Privatrecht, 2005, p. 422, li tenfasizza kif fid-duttrina ġuridika hija nettament prevalenti l-opinjoni li tgħid li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa tiddeċiedi fl-aħħar istanza anki fejn tikkonkretizza l-klawżoli ġenerali u l-kunċetti normattivi li jeħtieġu l-integrazzjoni. Skont l-awtriċi l-Qorti tal-Ġustizzja, peress li għandha s-setgħa li topera l-konkretizzazzjoni definittiva, għandha prerogattiva f’dan is-sens. Bħala prova ta’ dan l-awtriċi tinvoka l-iskop tal-proċeduri preliminari u l-għan tant imfittex tal-approssimazzjoni tal-liġijiet, li d-dritt Komunitarju ma jistax iwettaq jekk jagħżel rikostruzzjoni oħra. S. Leible ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, p. 426, jenfasizza bl-istess mod kif, skond l-opinjoni nettament prevalenti fid-duttrina, il-kunċett ta’ inġustizzja skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jkun suġġett ta’ interpretazzjoni awtonoma tad-dritt Komunitarju. Li wieħed isostni teżi differenti jkun ifisser iċ-ċaħda tal-“effettività” tad-dritt sekondarju u l-funzjoni ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet segwita permezz tad-direttiva. F’sens analogu wkoll P.C. Müller‑Graff, “Gemeinsames Privatrecht in der Europäischen Gemeinschaft”, f’Gemeinsames Privatrecht in der Europäischen Gemeinschaft, 2. ed., Baden Baden 1999, p. 56, li skontu l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ linji gwida ta’ natura privata, twettaq il-funzjoni ta’ qorti ċivili. Waqt il-ħidma ta’ rikostruzzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ġenerali hija msejħa biex topera, fil-qafas tal-iskop imfittex mid-dispożizzjoni partikolari tad-direttiva, konkretizzazzjoni, u għalhekk żvilupp, tad-dritt Komunitarju li jibda minn kunċetti indefiniti u għalhekk li jeħtieġu interpretazzjoni. L-awtur jiċċita, bħala eżempju, il-kunċett tal-inġustizzja kif misjub fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13.


43 – Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C-240/98 sa C‑244/98, Ġabra p. I‑4941; iktar ’il quddiem is-sentenza “Océano Grupo”).


44 – Ara s-sentenzi Océano Grupo (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 22). Jesprimi ruħu b’mod ċar favur ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja anki S. Leible, “Gerichtsstandsklauseln und EG‑Klauselrichtlinie”, f’Recht der Internationalen Wirtschaft, 6/2001, p. 425.


45 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 42.


46 – Sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et (28/62 sa 30/62, Ġabra p. 59), kif ukoll tat-12 ta’ Frar 1998, Cordelle (C-366/96, Ġabra p. I‑583, punt 9). F’dan is-sens anki P. Craig/G. De Búrca, EU Law, 4. ed., Oxford 2008, p. 493, fuq parir ta’ liema l-Artikolu 234 KE jattribwixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-setgħa li tinterpreta t-Trattat, iżda ma jirrikonoxxix lilha s-setgħa li tapplikah għall-kawża prinċipali. Id-delimitazzjoni bejn l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tikkaratterizza t-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali; il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta t-Trattat u l-qrati nazzjonali japplikaw din l-interpretazzjoni fil-każ konkret. Skont B. Schima, “Art. 234 EGV”, f’Kommentar zu EU‑und EG‑Vertrag, ta’ H. Mayer, 12. faxxiklu, V, 2003, punt 40, p. 12, taqa’ fuq il-qrati nazzjonali l-applikazzjoni ta’ norma Komunitarja għal kawża konkreta. L-awtur, madankollu, jammetti li ma huwiex dejjem faċli li tinfired l-applikazzjoni mill-interpretazzjoni ta’ regola. F’sens analogu anki H. Aubry./E. Poillot./N. Sauphanor‑Brouillard “Panorama Droit de la consommation”, f’Recueil Dalloz, 13/2010, p. 798, li jfakkru kif il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-ambitu tal-proċedura li nsibu fl-Artikolu 267 TFUE tinkludi biss l-interpretazzjoni u mhux l-applikazzjoni, iżda anki bħal fil-prassi mhux dejjem ikun faċli li tiġi osservata din ir-regola.


47 – Hekk anki W. Nassall “Die Anwendung der EU‑Richtlinie über missbräuchliche Klauseln in Verbraucherverträgen”, f’Juristenzeitung, 14/1995, p. 690.


48 – Ara l-konklużjonijiet minni ppreżentati fid-29 ta’ Ottubru 2008, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, C‑484/08, Ġabra p. I-4785, punt 69). F’dan is-sens P. Schlosser, “Einleitung zum AGBG”, f’J. von Staudingers Kommentar zum Bürgerlichen Gesetzbuch, 13. ed., Berlin, 1998, punt 33, p. 18, skont liema għandhom jiġu esklużi r-rinviji preliminari intiżi sabiex jiġi vverifikat jekk ċerti klawżoli li jinsabu f’tipi ta’ kuntratti speċifiċi humiex inġusti. F’sens analogu anki S. Whittaker, “Clauses abusives et garanties des consommateurs: la proposition de directive relative aux droits des consommateurs et la portée de l’harmonisation complète”, f’Recueil Dalloz, 17/2009, p. 1153, li tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, fl-ewwel lok, is-sentenzi Freiburger Kommunalbauten u Pannon GSM.


49 – Sentenza Freiburger Kommunalbauten (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36).


50 – A. Röthel, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, p. 424 jirrileva kif il-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas-sentenza Freiburger Kommunalbauten wettqet inversjoni tar-rotta u issa titkellem dwar tqassim pragmatiku ta’ ġurisdizzjoni bejnha u l-qorti nazzjonali fl-ambitu tal-ġlieda kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi. T. Pfeiffer “Prüfung missbräuchlicher Klauseln von Amts wegen (Gerichtsstand) – Günstigkeitsprinzip nach Wahl des Verbrauchers”, in Neue Juristische Wochenschrift, 32/2009, p. 2369, iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza Freiburger Kommunalbauten, riedet tistabbilizza l-ġurisprudenza instabbli tagħha dwar il-ġurisdizzjoni bejnha u bejn il-qrati nazzjonali għal dak li għandu x’jaqsam mal-kontroll tal-klawżoli. H. Aubry/E. Poillot/N. Sauphanor‑Brouillard, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, p. 98, jaraw fis-sentenza Freiburger Kommunalbauten konferma tat-tqassim tal-kompiti msemmi iktar ’il fuq fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.


51 – Sentenza Freiburger Kommunalbauten (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36).


52Ibidem, punt 25.


53Ibidem, punt 21.


54 – Sakemm fl-Ewropa ma jkunx hawn dritt ċivili uniformi, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ inġustizzja li jinsab fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 f’relazzjoni ma’ klawżola partikolari se tkompli tiddependi mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qrati nazzjonali fil-mertu tal-profili ta’ dritt nazzjonali tal-kawża prinċipali. Madankollu, huwa ipotizzabbli bħala prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja, biex issolvi b’mod effettiv il-kwistjonijiet ta’ natura ċivili, jkollha tirrikorri, b’mod sussidjarju, għall-mudelli kodiċistiċi – bħad-Draft Common Frame of Reference (DCFR) – elaborati minn akkademiċi Ewropej. Ara, f’dan is-sens, J. Heinig, “Die AGB-Kontrolle von Gerichtsstandsklauseln – zum Urteil Pannon des EuGH”, f’Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 24/2009, p. 886 et seq., li jenfasizza l-iżvilupp progressiv tad-dritt privat Ewropew u l-formulazzjoni tar-regoli komuni ta’ dritt kuntrattwali Ewropew operati mid-DCFR, jew aħjar f’dak il-qafas komuni ta’ riferiment tal-futur li jista’ jipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kriterji li jistgħu jsaħħu l-kontroll tal-klawżoli inġusti fuq livell Ewropew. Jesprimi ruħu b’mod xettiku, R. Freitag, “Anmerkung zum Urteil Freiburger Kommunalbauten”, f’Entscheidungen zum Wirtschaftsrecht, 2004, p. 398, li jirritjeni li huwa ipotizzabbli bl-istess mod bħala prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, każ b’każ, testrapola mill-acquis communautaire eżistenti fl-ambitu ċivilistiku u mill-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri “common European legal denominator” li jkollu natura awtonomament Komunitarja. Skont dan l-awtur, id-Direttiva 93/13 tirrigwarda ontoloġikament id-dritt ċivili fl-intier tiegħu, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun imġiegħla biex tissostitwixxi l-leġiżlatur u dan jirriżulta problematiku taħt il-profil tat-tqassim orizzontali tal-ġurisdizzjoni fil-Komunità u taħt il-profil taċ-ċertezza legali.


55 – J. Basedow, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, p. 61, jenfasizza korrettament kif spiss id-diskors irid iseħħ dwar kunsiderazzjonijiet ta’ politika ta’ ġustizzja. L-awtur isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu pożizzjoni dwar l-inġustizzja tal-klawżola ta’ kull każ individwali. Hija, bil-kontra, għandu jkollha l-possibilità li tiddeċiedi billi tindika x’irid jiġi segwit anki fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13. Skont J. Heinig, J., iċċitata iktar ’il fuq fin-nota 54, p. 886, l-inġustizzja ta’ klawżola tista’ tiddependi minn pluralità ta’ ċirkustanzi tal-każ li jkun qed jiġi eżaminat, li l-evalwazzjoni tagħhom, fl-istat attwali tad-dritt privat Ewropew, tista’ tiġi attribwita, għal raġunijiet ta’ effiċjenza lill-qorti nazzjonali. R. Freitag, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, p. 398, jenfasizza kif l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali preparati minn qabel tista’ tiġi kkompletata biss abbażi ta’ parametru ġuridiku. Skont dan l-awtur, sakemm ma jkunx hemm kodifikazzjoni unitarja Ewropea tad-dritt ċivili, tali kuntatt legali se jkun id-dritt nazzjonali individwali, li jirriżulta madankollu li ma jaqax taħt il-kapaċità evalwattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja. S. Whittaker, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, p. 1154, jikkunsidra lill-qorti nazzjonali bħala l-iktar waħda idonea biex tistabbilixxi n-natura inġusta tal-klawżoli, inkwantu ssib ruħha fl-aħjar pożizzjoni biex tevalwa l-kuntest nazzjonali li fih jiġu applikati.


56 – F’dan is-sens E. Bernadskaya, “L’office du juge et les clauses abusives: faculté ou obligation?”, f’Revue Lamy droit d’affaires, 42/2009, p. 71, li jenfasizza kif l-evalwazzjoni b’mod konkret tal-klawżoli kuntrattwali f’kuntratt mal-konsumaturi tiġi effettwata mill-qrati nazzjonali abbażi ta’ regoli ta’ dritt intern.


57 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 22 u 23.


58 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 42.


59Ibidem, punt 43.


60 – Is-sentenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja ssir res judicata formali u materjali u torbot lill-qorti tar-rinviju, kif ukoll lill-qrati nazzjonali kolla involuti fil-kawża prinċipali (inklużi istanzi ulterjuri). Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 1969, Milch-, Fett- und Eierkontor (29/68, Ġabra p. 165, punt 3). F’dan is-sens ukoll J. Schwarze, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 63, p. 1826.


61 – F’dan is-sens A. Röthel, iċċitata iktar ’il fuq, p. 427. Skont l-awtriċi d-dritt ċivili Komunitaju in fieri jeħtieġ, iktar minn kull ambitu ġuridiku, l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, il-proċeduri preliminari jipprovdu garanziji essenzjali dwar il-fatt li huwa possibbli li wieħed jippjana ordinament ġuridiku privat sovranazzjonali u jitkompla jiġi rregolat il-proċess ta’ integrazzjoni. L-awtriċi tqis is-sentenza deċiża mill-Qorti fis-sentenza Freiburger Kommunalbauten bħala sinjal fid-direzzjoni t-tajba. It-tqassim tal-kompiti bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali ġo fiha delinjata tiggarantixxi l-kisba ta’ riżultati adegwati u effiċjenti taħt il-profil tal-ekonomija proċedurali, ukoll suxxettibbli għal aċċettazzjoni għolja.


62 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


63 – Ara p. 2 tad-digriet tar-rinviju tat-2 ta’ Lulju 2009.


64 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 28 u 29. Ara wkoll is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C-473/00, Ġabra p. I‑10875 punti 32 u 33) u Mostaza Claro (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 27 u 28).


65 – Sentenza Pannon GSM (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


66 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64.


67 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


68 – Sentenza Pannon GSM (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 24).


69Ibidem, punt 33.


70 – F’dan is-sens anki J. Heinig, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54), p. 886. A. Osztovits./Z. Nemessányi., “Missbräuchliche Zuständigkeitsklauseln in der Ungarischen Rechtsprechung im Licht der Urteile des EuGH”, f’Zeitschrift für Europarecht, internationales Privatrecht & Rechtsvergleichung, 2010, p. 25, jenfasizzaw kif il-Qorti tal-Ġustizzja b’dan il-mod solviet il-kwistjoni, li sa dak il-waqt ma kinitx għadha ġiet iċċarata, li tikkonċerna l-possibilità li l-qorti nazzjonali tiddikjara klawżola nulla anki fejn il-konsumatur informat dwar dan għandu l-intenzjoni li jżomm ruħu ma’ din il-klawżola. L-awturi jirritjenu li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat il-prevalenza tal-prinċipju “pacta sunt servanda” fuq in-“nonvinkolatività” tal-klawżoli inġusti, anki jekk is-sentenza Mostaza Claro tafferma li d-dispożizzjonijiet tad-direttiva għandhom karatteristiċi ta’ ordni pubbliku.


71 – Ara l-punt 65 ta’dawn il-konklużjonijiet.


72 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-setgħa tal-qorti li teżamina ex officio l-illegalità ta’ klawżola tikkostitwixxi mezz idoneu kemm għall-kisba tal-għan iffissat mill-Artikolu 6 tad-direttiva, li hu dak li jimpedixxi li l-konsumatur ikun marbut minn klawżola inġusta, kif ukoll tal-iskop tal-Artikolu 7, peress li dan l-eżami jista’ jkollu effett dissważiv u, għaldaqstant jikkontribbwixxi biex iwaqqaf id-dħul ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u l-konsumaturi [sentenzi Océano Grupo (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 28), Cofidis (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64, punt 32) u Mostaza Claro (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 27)].


73 – Li l-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ma huwiex intanġibbli u li l-limitazzjonijiet jistgħu jkunu ġustifikati huwa kkonfermat minn H. Heinig, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 54, p. 885, li fuq parir tiegħu d-dmir li jiġu eżaminati l-klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni li jinsabu f’kundizzjonijiet ġenerali ta’ kuntratt ma jikkostitwixxix limitazzjoni illegali tal-awtonomija normattiva proċedurali tal-Istati Membri. Kif ippreċitat korrettament mill-awtur, il-kompetenzi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tad-dritt tal-konsum ma humiex limitati għall-aspetti sostanzjali, iżda jistgħu jikkonċernaw anki l-aspetti proċedurali. Min-naħa l-oħra, kif juru l-kawżi Océano Grupo u Pannon GSM, proprju l-prorogi tal-ġurisdizzjoni jistgħu jimpedixxu li d-drittijiet li l-konsumaturi għandhom fuq livell sostanzjali jiġu applikati. Li d-Direttiva 93/13 tirrigwarda anki l-aspetti proċedurali huwa attestat mill-punt 1(q) tal-anness fis-sens ta’ dik li tista’ tiġi dikjarata inġusta klawżola li tista’ ttellef l-attwazzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi.


74 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 53.


75 – Mill-konfront ta’ varji verżjonijiet lingwistiċi joħroġ li l-propożizzjoni subordinata tippreżupponi sekwenza kronoloġika jew eżami kondizzjonat. Jekk jiddiverġu leġġerment, il-verżjonijiet kollha jindikaw li l-inġustizzja trid tiġi eżaminata biss wara li jiġu miksuba l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan. Daniż: “så snart den råder over de oplysninger om de retlige eller faktiske omstændigheder, som denne prøvelse kræver”; Ġermaniż: “sobald es über die hierzu erforderlichen rechtlichen und tatsächlichen Grundlagen verfügt”; Franċiż: “dès qu’il dispose des éléments de droit et de fait nécessaires à cet effet”; Ingliż: “where it has available to it the legal and factual elements necessary for that task”; Taljan: “a partire dal momento in cui dispone degli elementi di diritto e di fatto necessari a tal fine”; Portugiż: “desde que disponha dos elementos de direito e de facto necessários para o efeito”; Slovakk: “če razpolaga s potrebnimi dejanskimi in pravnimi elementi”; Spanjol: “tan pronto como disponga de los elementos de hecho y de Derecho necesarios para ello”; Olandiż: “zodra hij over de daartoe noodzakelijke gegevens, feitelijk en rechtens, beschikt”; Ungeriż: “amennyiben rendelkezésére állnak az e tekintetben szükséges ténybeli és jogi elemek”.


76 – F’dan is-sens anki C. Mayer, C “Missbräuchliche Gerichtsstandsvereinbarungen in Verbraucherverträgen: Anmerkung zu EuGH, Urteil vom 4.6.2009, C‑243/08 – Pannon GSM Zrt../Erzsébet Sustikné Györfi”, f’Zeitschrift für Gemeinschaftsprivatrecht, 2009, p. 221. Minn din il-premessa jidher evidentement li mexa anki G. Poissonnier., “La CJCE franchit une nouvelle étape vers une réelle protection du consommateur”, f’Recueil Dalloz, 34/2009, pag. 2314, meta jikteb li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Pannon GSM issuġġettat l-obbligu ta’ eżami ex officio tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għall-kundizzjoni li l-qorti jkollha elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan. Anki jekk b’xi ambigwità, din tidher li hija t-teżi anki ta’ H. Aubry./E. Poillot/N. Sauphanor‑Brouillard, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, p. 798, li jikkunsidraw id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja “loġiċi taħt il-profil proċedurali”.


77 – F’dan is-sens anki A. Osztovits/Z. Nemessányi, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 70, p. 25, li jfakkru l-Artikolu 164 tal-kodiċi tal-proċedura ċivili Ungeriż.


78 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


79 – F’dan is-sens G. Poissonnier, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 76, p. 2314, li fil-prinċipju dispożittiv li jikkaratterizza l-proċeduri ċivili jiġi ravvisat limitu għall-obbligi tal-eżami li jaqa’ fuq il-qorti nazzjonali.


80 – Ara s-sentenza Océano Grupo (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 21 sa 24). F’din id-deċiżjoni l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li klawżola li tattribbwixxi ġurisdizzjoni, imdaħħla f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u fornitur jew bejjiegħ mingħajr ma ġiet innegozzjata individwalment tista’ tattribbwixxi l-ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti li fid-distrett ġudizzjarju tagħha jinsab is-sede tal-fornitur jew bejjiegħ, għandha tiġi kkunsidrata inġusta skont l-Artikolu 3 tad-direttiva, jekk, kuntrarjament għar-rekwiżit ta’ bona fide, toħloq ħsara lill-konsumatur f’nuqqas ta’ ugwaljanza bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet quddiem il-kuntratt. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, klawżola simili timponi fuq il-konsumatur l-obbligu li jissoġġetta ruħu għall-ġurisdizzjoni esklużiva ta’ qorti li tista’ tkun ’il bogħod mid-domiċilju tiegħu, u dan jagħmel iktar diffiċli għalih li jidher quddiem il-qorti. Fil-każ ta’ kawżi ta’ valur limitat, l-ispejjeż tal-komparizzjoni tal-konsumatur jistgħu jirriżultaw dissważivi u jwassluh biex jirrinunzja għal kull azzjoni jew difiża. Fl-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja din il-klawżola tidħol fil-kategorija ta’ dawk li jkollhom bħala skop jew effett li jissoprimu jew jillimitaw l-eżerċizzju ta’ azzjoni legali min-naħa tal-konsumatur, kategorija kkontemplata fil-punt 1(q), tal-anness għad-direttiva. Kuntrarjament għal dan, klawżola tali tippermetti lill-fornitur jew bejjiegħ sabiex jikkonċentra l-kontenzjuż kollu marbut mal-attività professjonali tiegħu quddiem il-qorti fejn tinsab is-sede ta’ din l-attività, li jaġevola l-komparizzjoni tiegħu fil-qorti u, fl-istess ħin, din issir inqas oneruża. F’dan is-sens ara G. Poissonnier, iċċitat iktar ’il fuq fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 76, p. 2313. Skont A. Osztovits, Z. Nemessányi, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 70, p. 23, tali ġurisprudenza għal ħafna snin ma sabitx konferma fil-prassi applikattiva Ungeriża. Bil-kontra qed jiġri anki issa frekwentement li l-fornitur jew bejjiegħ idaħħal il-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu fil-kuntratt, klawżola li biha l-partijiet jiftiehmu dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti fejn tkun fis-sede tal-fornitur jew bejjiegħ jew – kif jiġri iktar frekwentement – tal-qorti li tkun l-iktar qrib is-sede mill-aspett territorjali.


81 – Ara l-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


82 – Ara l-punt 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


83 – A. Herb, Europäisches Gemeinschaftsrecht und nationaler Zivilprozess, Tübingen, 2007, p. 232, iqis li d-dmir tat-tmexxija tal-proċeduri fuq il-livell sostantiv jikkostitwixxi mezz li permezz tiegħu jinżamm kont adegwat tal-interessi tal-ħarsien ġuridiku tal-konsumatur.


84 – Bħal ma G. Poissonnier, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 76, p. 2315, korrettament jirrileva, il-qorti ċivili attwalment ma tistax tillimita ruħha “biex tiżvolġi rwol ta’ arbitru li jgħodd id-daqqiet mogħtija, u jċedi lill-parti s-supremazija fuq il-proċeduri”. Il-qorti ċivili għandha rwol attiv fil-proċedura inkwantu tamministraha u tirregolaha. F’relazzjoni mad-dixxiplina tal-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi l-qorti għandha tirrapreżenta kontrapiż, li r-rwol tagħha għandha tkun li taċċerta ruħha li r-regoli jiġu osservati. Dan ma jfissirx li l-qorti għandha tkun favur waħda mill-partijiet, iżda pjuttost li tpoġġi ruħha fis-servizz tal-liġi. Il-funzjoni doppja tad-dixxiplina tal-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumaturi tispjega ruħha fil-protezzjoni tal-konsumaturi u permezz tal-inċentivazzjoni ta’ aġir etiku fis-suq. L-għan doppju emenda u żdied mar-rwol tal-qorti, li għandha l-obbligu li tiggarantixxi li l-liġi tiġi osservata fl-għan tagħha u li tiġi applikata.


85 – F’dan is-sens A. Herb, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 83, p. 231 et seq.


86 – Ara l-punt 114 ta’ dawn il-konklużjonijiet.