KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fis-16 ta’ Settembru 2010 (1)

Kawża C‑120/08

Bayerischer Brauerbund eV

vs

Bavaria NV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) u tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 u tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 – Kunflitt bejn indikazzjoni ġeografika protetta u rreġistrata skont il-proċedura simplifikata taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 u trade mark internazzjonali”





I –    Introduzzjoni

1.        B’digriet tal-14 ta’ Frar 2008, li wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2008, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti tal-Ġustizzja Federali) (il-Ġermanja) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 234 KE, talba għal deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 510/2006”).

2.        Ir-rinviju sar fil-kuntest ta’ proċeduri bejn Bayerischer Brauerbund eV (iktar ’il quddiem “Bayerischer Brauerbund”) u Bavaria NV (iktar ’il quddiem “Bavaria”) dwar id-dritt ta’ Bavaria għall-protezzjoni u użu kontinwu fil-Ġermanja ta’ trade mark Komunitarja li fiha l-kelma “Bavaria” fid-dawl tal-fatt li l-isem “Bayerisches Bier” ġie rreġistrat, b’effett mill-5 ta’ Lulju 2001, bħala indikazzjoni ġeografika protetta (“IĠP”) bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2001, tat-28 ta’ Ġunju 2001, li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1347/2001”).

3.        Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar kif, f’każ ta’ kunflitt bejn l-IĠP u t-trade mark, għandu jiġi stabbilit jekk l-IĠP “Bayerisches Bier” għandhiex jedd għall-prijorità fiż-żmien fuq it-trade mark Bavaria bil-konsegwenza li l-protezzjoni ta’ din it-trade mark tista’ titneħħa.

4.        Għal dan il-għan, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema huma d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jirregolaw il-każijiet ta’ kunflitt bejn trade mark u IĠP, bħalma hija l-“Bayerisches Bier”, li ġiet irreġistrata taħt il-proċedura “simplifikata” stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (4) (ir-“Regolament Nru 2081/92”) u b’mod iktar speċifiku, il-mument li huwa rilevanti għall-preċedenza fiż-żmien ta’ dik l-IĠP.

5.        Dan il-każ huwa marbut mill-qrib u jissovrapponi parzjalment il-Kawża C‑343/07, Bavaria u Bavaria Italia, li fiha jien ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fit-18 ta’ Diċembru 2008 (5) u l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fit-2 ta’ Lulju 2009.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-Regolament Nru 2081/92

6.        Ir-Regolament Nru 2081/92 huwa intiż li jistabbilixxi struttura ta’ regoli Komunitarji għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini rreġistrati u indikazzjonijiet ġeografiċi għal ċerti prodotti agrikoli u prodotti tal-ikel meta jkun hemm rabta bejn il-karatteristiċi tal-prodott jew prodott tal-ikel u l-oriġini ġeografika tiegħu. Dak ir-regolament jipprovdi għal sistema ta’ reġistrazzjoni fuq livell Komunitarju ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini li jagħtu protezzjoni f’kull Stat Membru.

7.        Ir-Regolament Nru 2081/92 jipprovdi kemm proċedura normali u kif ukoll proċedura simplifikata għar-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta (“DOP”) jew ta’ IĠP.

8.        Il-proċedura tar-reġistrazzjoni normali ta’ DOP jew ta’ IĠP hija rregolata mill-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 2081/92. L-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Jekk, wara li tikkunsidra l-paragrafu 1, il-Kummissjoni tikkonkludi illi l-isem jikkwalifika għall-protezzjoni, hija għandha tippublika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-[Unjoni] Ewropej[a], l-isem u l-indirizz ta’ l-applikant, l-isem tal-prodott, il-punti prinċipali ta’ l-applikazzjoni, r-riferenzi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-preparazzjoni, il-produzzjoni jew il-manufattura tal-prodott u, fejn ikun hemm bżonn, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha”.

9.        Il-proċedura simplifikata għar-reġistrazzjoni ta’ IĠP jew DOP, li tapplika għal ismijiet li jkunu jeżistu diġà fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2081/92, hija stabbilita fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi kif ġej:

“1. Fi żmien sitt xhur mill-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-Istati membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar liema mill-ismijiet tagħhom protetti legalment jew, f’dawk l-Istati Membri fejn m’hemmx sistema ta’ protezzjoni, liema mill-ismijiet stabbiliti permezz ta’ l-użu huma jixtiequ jirreġistraw skond dan ir-Regolament.

2. B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-ismijiet li għalihom issir referenza fil-paragrafu 1 li huma konformi ma’ l-Artikoli 2 u 4. L-Artikolu 7 m’għandux japplika. Madankollu m’għandhomx jiġu miżjuda ismijiet ġeneriċi.

3. L-Istati Membri jistgħu iżommu sistema ta’ protezzjoni nazzjonali ta’ l-ismijiet komunikati skond il-paragrafu 1 saż-żmien meta tittieħed deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni”.

10.      L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2081/92 jistabbilixxi l-portata tal-protezzjoni mogħtija lill-ismijiet irreġistrati.

11.      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92 jirregola r-relazzjoni bejn id-DOP u l-IĠP, minn banda, u t-trade marks, mill-banda l-oħra. Fil-verżjoni oriġinali tiegħu, dan jipprovdi li:

“1. Meta d-deskrizzjoni ta’ l-oriġini jew l-indikazzjoni ġeografika jkunu rreġistrati skond dan ir-Regolament, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ marka li tikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 u li għandha x’taqsam ma’ l-istess tip ta’ prodott għandha tiġi rrifjutata, sakemm dik l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-marka kienet sottomessa wara d-data tal-publikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2).

Trade marks reġistrati bi ksur ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu dikjarati bħala invalidi.

Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal trade mark tkun ġiet sottomessa qabel id-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), sakemm dik il-publikazzjoni tkun saret qabel ma ġiet irreġistrata t-trade mark.

2. B’rispett għal-liġijiet tal-Komunità, l-użu ta’ trade mark illi tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 li kienet ġiet irreġistrata in buona fede qabel id-data meta saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ deskrizzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika jista’ jissokta minkejja r-reġistrazzjoni ta’ deskrizzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika, meta ma jkunx hemm raġuni għall-invalidità jew ir-revoka tal-marka kif stabbilit rispettivament permezz ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ) u (g) u l-Artikolu 12(2)(b) ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 sabiex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks [...]

3. Deskrizzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika m’għandhomx jiġu rregistrati meta, fid-dawl tar-reputazzjoni u l-fama tat-trade mark u t-tul ta’ żmien li ilha tintuża, ir-reġistrazzjoni tista’ tqarraq lill-konsumatur dwar l-identità vera tal-prodott”.

B –    Ir-Regolament Nru 692/2003

12.      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92 ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 692/2003 (6) b’effett mill-24 ta’ April 2003.

13.      Il-premessa 11 fil-preambolu tar-Regolament Nru 692/2003 tistipula f’dan ir-rigward:

“L-Artikolu 24(5) tal-[Ftehim dwar l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali] jgħodd mhux biss għat-trademarks irreġistrati jew li għalihom saret applikazzjoni iżda wkoll għal dawk li għalihom ġew akkwistati d-drittijiet permezz ta’ l-użu qabel data speċifikata, notevolment dak tal-protezzjoni ta’ l-isem fil-pajiż ta’ l-oriġini. L-Artikolu 14(2) tar-Regolament [...] Nru 2081/92 għandu għalhekk jiġi emendat: id-data ta’ riferenza speċifikata issa għandha tinbidel għad-data tal-protezzjoni fil-pajjiż ta’ l-oriġini jew tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ l-indikazzjoni ġeografika jew id-denominazzjoni ta’ l-Oriġini, skond jekk l-isem jaqax taħt l-Artikolu 17 jew l-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament; ukoll, Fl-Artikolu 14(1) tiegħu, id-data ta’ riferenza għandha ssir id-data ta’ l-applikazzjoni minflok id-data ta’ l-ewwel pubblikazzjoni”.

14.      L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, kif emendat bir-Regolament Nru 692/2003, jaqra kif ġej:

“Fejn denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika hija rreġistrata taħt dan ir-Regolament, kwalunkwe applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark li huwa għal prodott ta’ l-istess tip u li l-użu tiegħu jinvolvi waħda mis-sitwazzjonijiet indikati fl-Artikolu 13 għandha tiġi miċħuda wara d-data tas-sottomissjoni lill-Kummissjoni ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika.

Trademarks irreġistrati bi vjolazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu invalidati”.

15.      Barra minn hekk, il-proċedura simplifikata prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 ġiet imħassra bir-Regolament Nru 692/2003. F’dan ir-rigward, il-premessa 13 tal-preambolu ta’ dak ir-regolament tipprovdi li:

“Il-proċedura simplifikata prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament [...] Nru 2081/92 għar-reġistrazzjoni ta’ ismijiet diġa’ protetti jew stabbiliti bl-użu fl-Istati Membri ma tipprovdix għal xi dritt ta’ oġġezzjoni. Għal raġunijiet ta’ sigurta’ legal u trasparenza għandha titħassar. Għal raġunijiet ta’ konsistenza il-perjodu transitorju ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 13(2) fil-każ ta’ ismijiet irreġistrati taħt l-Artikolu 17 għandu jitħassar ukoll iżda mingħajr preġudizzju għal l-ispurgar ta’ dak il-perjodu rigward ismijiet diġa’ rreġistrati”.

16.      Il-punt 15 tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 692/2003 jipprovdi li:

“L-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 17 [tar-Regolament Nru 2081/92] għandhom jiġu mħassra. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Artikolu għandhom jibqgħu jgħoddu għal ismijiet irreġistrati jew għal ismijiet li għalihom tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bil-proċedura prevista fl-Artikolu 17 qabel ma daħa fis-seħħ dan ir-Regolament”.

C –    Ir-Regolament Nru 510/2006

17.      Ir-Regolament Nru 2081/92, kif ġie emendat reċentement bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003, tal-14 ta’ April 2003 (7), ġie finalment sostitwit bir-Regolament Nru 510/2006, li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Marzu 2006.

18.      Il-premessa 19 fil-preambolu tar-Regolament Nru 510/2006 tipprovdi li:

“L-ismijiet li jkunu diġà reġistrati taħt ir-Regolament tal-Kunsill [...] Nru 2081/92 [...] fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament għandhom jibqgħu jiġu protetti taħt dan ir-Regolament u jiġu inklużi awtomatikament fir-reġistru. Għandha ssir ukoll dispożizzjoni għal miżuri transitorji applikabbli għal applikazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni rċevuti mill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament”.

19.      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 510/2006, bit-titolu “Relazzjonijiet bejn trademarks, denominazzjonijiet ta’ l-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi”, jipprovdi li:

“1. Fejn denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika hija reġistrata skond dan ir-Regolament, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark li tikkorrispondi għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 13 u li hija relatata ma’ l-istess klassi ta’ prodott għandha tiġi rifjutata jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trademark tiġi ppreżentata wara d-data tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni reġistrata lill-Kummissjoni.

Trademarks reġistrati bi ksur ta’ l-ewwel subparagrafu għandhom jiġu invalidati.

[...]”

III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

20.      Bayerischer Brauerbund hija assoċjazzjoni Ġermaniża li l-għan tagħha huwa li tipproteġi l-interessi komuni tal-produtturi tal-birra Bavariża. Skont dikjarazzjoni tal-Amtsgericht München (Qorti lokali, München), l-istatuti tagħha jmorru lura għas-7 ta’ Diċembru 1917. Bayerischer Brauerbund hija l-proprjetarja tat-trade marks kollettivi rreġistrati “Genuine Bavarian Beer” (mill-1958), “Bayrisch Bier” u “Bayerisches Bier” (mill-1968), kif ukoll ta’ “Reinheitsgebot seit 1516 Bayrisches Bier” (mill-1985).

21.      Bavaria hija kumpannija Olandiża li tipproduċi l-birra u li topera fis-suq internazzjonali. Magħrufa qabel bħala “Firma Gebroeders Swinkels”, din il-kumpannija bdiet tuża l-kelma “Bavaria” mill-1925 u inkludietha f’isimha fl-1930. Bavaria hija l-proprjetarja ta’ diversi trade marks u elementi figurattivi li jinkludu l-kelma “Bavaria”. Id-dati ta’ reġistrazzjoni jinkludu s-snin 1947, 1971, 1982, 1991, 1992 u 1995. Il-protezzjoni ta’ xi wħud minn dawn it-trade marks ġiet irrifjutata fil-Ġermanja fl-1973, fl-1992 u fl-1993.

22.      L-isem “Bayerisches Bier” kien is-suġġett ta’ ftehim bilaterali dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ta’ provenjenza, tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u denominazzjonijiet ġeografiċi oħra bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fuq naħa, u r-Repubblika Franċiża (1961), ir-Repubblika Taljana (1963), ir-Repubblika Ellenika (1964), il-Konfederazzjoni Svizzera (1967) u r-Renju ta’ Spanja (1970), fuq in-naħa l-oħra.

23.      Fit-28 ta’ Settembru 1993, Bayerischer Brauerbund, bi ftehim mal-assoċjazzjonijiet Münchener Brauereien eV u Verband Bayerischer Ausfuhrbrauereien eV, ippreżentaw applikazzjoni lill-Gvern Ġermaniż għar-reġistrazzjoni ta’ IĠP skont il-proċedura “simplifikata” taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 2081/92.

24.      Fl-20 ta’ Jannar 1994, il-Gvern Ġermaniż informa lill-Kummissjoni bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala IĠP taħt il-proċedura simplifikata.

25.      Ġiet skambjata ħafna informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex il-fajl jiġi kkompletat u kien fl-20 ta’ Mejju 1997 li dan ġie kkunsidrat komplut. Il-verżjoni finali tal-ispeċifikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Marzu 2000.

26.      Żewġ abbozzi ta’ regolamenti ppreżentati mill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala IĠP ġew diskussi f’numru ta’ okkażjonijiet fi ħdan il-Kumitat Regolatorju tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”). Dawn id-diskussjonijiet kienu inter alia dwar il-fatt li jeżistu trade marks li fihom ukoll it-terminu “Bayerisches Bier” jew traduzzjonijiet tiegħu.

27.      Madankollu, peress li ma kienx hemm il-maġġoranza meħtieġa taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2081/92, il-Kumitat ma setax jagħti l-opinjoni tiegħu fit-terminu stabbilit. Għaldaqstant, il-Kummissjoni biddlet l-abbozz tagħha fi proposta ta’ regolament tal-Kunsill, li mbagħad adotta r-Regolament Nru 1347/2001 li jirreġistra “Bayerisches Bier” bħala IĠP.

28.      Wara proċeduri simili fi Stati Membri oħra minħabba r-reġistrazzjoni msemmija, Bayerischer Brauerbund fetħet kawża quddiem il-Landgericht München (Qorti reġjonali, München) fejn talbet li Bavaria tiġi ordnata tagħti l-kunsens tagħha għat-tneħħija ta’ waħda mit-trade marks internazzjonali tagħha, senjatament, it-trade mark internazzjonali Nru 645 349 (“it-trade mark ta’ Bavaria”) li hija protetta fil-Ġermanja permezz tal-prijorità b’effett mit-28 ta’ April 1995.

29.      Il-Landgericht München laqgħet din it-talba. Bavaria appellat minn din id-deċiżjoni iżda l-appell ġie miċħud mill-Oberlandesgericht München.

30.      Hija l-Bundesgerichtshof li għandha tiddeċiedi l-appell li Bavaria ppreżentat fuq punt ta’ dritt fir-rigward ta’ dik id-deċiżjoni u li bih talbet li tiġi miċħuda l-azzjoni għall-kunsens għat-tneħħija tal-protezzjoni tat-trade mark tagħha sa fejn l-imsemmija trade mark hija rreġistrata għall-birra.

31.      Skont il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni f’din il-kawża tiddependi fuq il-validità tar-Regolament Nru 1347/2001, li diġà ġie eżaminat fis-sentenza Bavaria u Bavaria Italia (8); fuq jekk għall-finijiet tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006, l-IĠP “Bayerisches Bier” għandhiex prijorità fiż-żmien fuq it-trade mark ta’ Bavaria; u wkoll fuq jekk din it-trade mark għandhiex dritt tikkoeżisti mal-IĠP taħt l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 510/2006.

32.      F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, il-kwistjoni tal-prijorità tal-IĠP, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006 tinsab sodisfatta peress li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ “Bayerisches Bier” bħala IĠP waslet għand il-Kummissjoni fl-20 ta’ Jannar 1994, mentri t-trade mark ta’ Bavaria għandha prijorità b’effett mit-28 ta’ April 1995 biss. L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 kif emendat mir-Regolament Nru 692/2003 iwassal għall-istess riżultat.

33.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-applikabbiltà ta’ din ir-regola inkwantu, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-prijorità fiż-żmien, l-Artikolu 14(1) tal-verżjoni oriġinali tar-Regolament Nru 2081/92 ma kienx jirreferi għad-data tal-preżentata tal-applikazzjoni, imma għad-data tal-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2) tal-istess regolament li, madankollu, ma tirriżultax fil-proċedura simplifikata taħt l-Artikolu 17. Tqum allura l-mistoqsija dwar liema dispożizzjoni tirregola l-preċedenza fiż-żmien ta’ IĠP irreġistrata skont il-proċedura simplifikata taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 u, b’mod partikolari, dwar liema mument għandu jkun rilevanti għall-imsemmija preċedenza.

34.      F’dan il-kuntest, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari fir-rigward tas-segwenti domandi:

“(1)      L-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 huwa applikabbli, meta l-indikazzjoni protetta tkun ġiet irreġistrata b’mod validu skont il-proċedura ssemplifikata msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, ta’ l-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel?

(2)      (a) Fil-każ ta’ risposta fl-affermativ għall-ewwel domanda: liema huwa l-mument li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-anzjanità [preċedenza fiż-żmien] tal-indikazzjoni ġeografika fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006?

      (b) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: fuq il-bażi ta’ liema dispożizzjoni għandu jiġi evalwat il-kunflitt bejn indikazzjoni ġeografika validament irreġistrata skont il-proċedura ssemplifikata tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 u trade mark, u skont liema kriterji hija evalwata l-anzjanità tal-indikazzjoni ġeografika?

(3)      Jistgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-protezzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi, jekk l-indikazzjoni “Bayerisches Bier” (birra tal-Bavarja) tissodisfa l-kundizzjonijiet għal reġistrazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 u tar-Regolament (KE) Nru 510/06, iżda r-Regolament (KE) Nru 1347/01 mhuwiex validu?”

IV – Analiżi ġuridika

A –    Rimarki preliminari

35.      Għandu jiġi nnotat mill-ewwel li, kif jirriżulta ċar minn kliem it-tielet domanda u mid-digriet tar-rinviju, id-domanda msemmija saret f’każ li r-Regolament Nru 1347/2001 – li bis-saħħa tiegħu l-isem “Bayerisches Bier” ġie rreġistrat bħala IĠP – jitqies li hu invalidu minħabba d-deċiżjoni preliminari mogħtija fil-kawża Bavaria u Bavaria Italia (9), li kienet għadha pendenti fiż-żmien li fih sar dan ir-rinviju mill-Bundesgerichtshof.

36.      Peress li fid-deċiżjoni tagħha f’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet fil-frattemp ikkonfermat il-validità tar-Regolament Nru 1347/2001 (10) u peress li l-qorti tar-rinviju ma semmiet ebda fattur ieħor li jista’ jaffettwa l-validità ta’ dan ir-regolament, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għat-tielet domanda.

37.      Iż-żewġ domandi li fadal, flimkien mas-subparagrafi tagħhom huma intiżi essenzjalment biex jiġi stabbilit jekk l-IĠP “Bayerisches Bier” tgawdix mill-prijorità fiż-żmien fuq it-trade mark ta’ Bavaria bil-konsegwenza li, f’każ ta’ kunflitt bejn dawn id-drittijiet, it-trade mark tkun tista’ tiġi ddikjarata invalida.

38.      Ser inkompli issa biex neżamina ż-żewġ kwistjonijiet li jqumu f’dan ir-rigward.

39.      L-ewwel u qabelxejn, jeħtieġ li tiġi identifikata r-regola jew regoli tal-Komunità li taħthom trid tiġi evalwata l-prijorità ta’ IĠP, irreġistrata skont il-proċedura simplifikata taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 (il-“proċedura simplifikata”), fuq trade mark. Dan ifisser li jrid jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ hijiex l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 jew inkella l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006.

40.      It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi identifikat il-mument li huwa rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk IĠP irreġistrata taħt il-proċedura simplifikata tipprekludix ir-reġistrazzjoni ta’ xi trade mark partikolari.

B –    Il-pożizzjonijiet prinċipali tal-partijiet

41.      F’dawn il-proċeduri, Bayerischer Brauerbund, Bavaria, il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Greċja, tal-Italja u tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijet bil-miktub. L-imsemmija partijiet, ħlief għall-Gvern Taljan, kienu wkoll irrappreżentati waqt is-seduta fl-10 ta’ Ġunju 2010.

42.      Jien ma jiniex ser nirriproduċi fid-dettal id-diversi argumenti mressqa mill-partijiet, li – anki jekk iwasslu għal riżultati simili – ikopru firxa wiesgħa ta’ interpretazzjonijiet legali tal-kwistjonijiet diskussi. Minflok ser nindika fil-qosor is-soluzzjonijiet proposti mill-partijiet għad-domandi preliminari.

43.      F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar liema dispożizzjoni Komunitarja tirregola r-relazzjoni bejn l-IĠP u t-trade mark ta’ Bavaria, Bavaria, il-Gvern Ġermaniż u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jaqblu essenzjalment li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006 ma japplikax għal IĠP li tkun ġiet irreġistrata skont il-proċedura simplifikata. Fil-fehma ta’ ħafna minn dawn il-partijiet, ir-relazzjoni bejn l-IĠP u t-trade mark ta’ Bavaria għadha rregolata bl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 fil-verżjoni oriġinali tiegħu. Mill-banda l-oħra, għall-Kummissjoni d-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-kuntest hija l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 510/2006, flimkien mal-Artikolu 14(2) tal-istess regolament.

44.      Mill-banda l-oħra, skont Bayerisches Brauerbund u l-Gvernijiet tal-Italja u tal-Greċja, il-preċedenza fiż-żmien ta’ din l-IĠP għandha tiġi stabbilita b’riferiment għall-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006.

45.      F’dak li jirrigwarda l-punt dwar liema mument huwa rilevanti biex tiġi stabbilita l-preċedenza fiż-żmien ta’ isem irreġistrat taħt il-proċedura simplifikata, il-partijiet ipproponew diversi dati: (i) id-data li fiha l-isem ikkonċernat jibda jkun protett taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-oriġini (il-Kummissjoni u l-Gvern Grieg); (ii) id-data li fiha l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta lill-Kummissjoni l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (Bayerischer Brauerbund u l-Gvern Taljan); (iii) id-data li fiha jintbagħtu d-dokumenti kollha li suppost ikollha magħha l-applikazzjoni (f’dan il-każ, fil-fehma ta’ Bavaria, mhux qabel is-sajf tal-1998); (iv) id-data li fiha l-operaturi ekonomiċi kkonċernati setgħu kienu jafu bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni tal-Istat Membru fil-proċedura simplifikata (il-Gvern Ġermaniż); u fl-aħħar nett (v) id-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni (Bavaria u l-Gvern Olandiż).

C –    Evalwazzjoni

1.      Il-leġiżlazzjoni applikabbli

46.      Għandu jitfakkar mill-ewwel li wieħed mill-prinċipji bażiċi tad-dritt tat-trade marks u, b’mod aktar ġenerali tad-dritt kollu dwar il-proprjetà intellettwali huwa l-prinċipju tas-supremazija tat-titolu preċedenti ta’ esklużività, jew b’mod aktar ġenerali, il-prinċipju ta’ “min hu l-ewwel fiż-żmien għandu l-prijorità fid-dritt”, li bih il-proprjetarju ta’ dritt preċedenti ta’ proprjetà intellettwali jista’, f’każ ta’ kunflitt, jitlob protezzjoni kontra dritt sussegwenti ta’ proprjetà intellettwali (11).

47.      F’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn id-DOP u l-IĠP, mill-banda l-waħda, u t-trade marks, mill-banda l-oħra, dan il-prinċipju huwa rifless fir-regoli speċifiċi stabbiliti kemm mir-Regolament Nru 2081/92 (12) u kif ukoll mir-Regolament Nru 510/2006 fir-rigward tal-imsemmija sitwazzjonijiet varji ta’ kunflitt. Kull regola minn dawn għandha għanijiet u funzjonijiet distinti u huma kollha suġġetti għal kundizzjonijiet differenti (13).

48.      L-ewwel każ huwa dak li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92 – li, fir-Regolament Nru 510/2006, jidher bħala l-Artikolu 3(4) – li huwa sitwazzjoni ta’ kunflitt bejn DOP jew IĠP u trade mark preeżistenti meta, fid-dawl tar-reputazzjoni, tal-fama u taż-żmien li matulu t-trade marks ikun ilhom jintużaw, ir-reġistrazzjoni tal-isem inkwistjoni tkun ta’ natura li twassal lill-konsumatur għal żball fir-rigward tal-identità vera tal-prodott. F’dan il-każ, it-trade mark preeżistenti tiġi protetta billi r-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni jew id-denominazzjoni tiġi rrifjutata.

49.      It-tieni każ huwa rregolat kemm bl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2081/92 kif ukoll bl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 510/2006. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw is-sitwazzjoni fejn l-użu ta’ trade mark preeżistenti tiddisturba l-protezzjoni mogħtija lil DPO jew IĠP taħt l-Artikolu 13 ta’ dawk ir-regolamenti. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-prinċipju tal-koeżistenza fis-sens li jippermettu, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-użu kontinwat ta’ trade mark preċedenti minkejja r-reġistrazzjoni ta’ isem kunfliġġenti.

50.      It-tielet sitwazzjoni ta’ kunflitt, li hija s-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ u li hija rregolata bl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 u bl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006, hija dik bejn DOP jew IĠP preċedenti u trade mark sussegwenti, fejn l-użu ta’ dik it-trade mark iwassal għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 ta’ dawk ir-regolamenti. Taħt dawn id-dispożizzjonijiet, il-protezzjoni jew il-prijorità tingħata lid-denominazzjoni jew indikazzjoni preċedenti, fejn ir-reġistrazzjoni tat-trade mark kunfliġġenti tkun trid tiġi rrifjutata jew, jekk ikun il-każ, iddikjarata invalida. Għaldaqstant l-eżistenza ta’ DOP jew IĠP preċedenti – kif prevista f’dawk id-dispożizzjoniijiet – tammonta, fil-fatt, għal raġuni ta’ rifjut tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark kunfliġġenti taħt id-dritt tat-trade mark nazzjonali jew Komunitarju/tal-Unjoni Ewropea (14).

51.      F’dan ir-rigward, il-prijorità fiż-żmien ta’ DOP jew IĠP fil-konfront ta’ marka partikolari jew, fi kliem ieħor, il-mument fil-proċedura tar-reġistrazzjoni li minnu, f’każ ta’ kunflitt, isem ikun jista’ jimpedixxi trade mark milli tiġi rreġistrata, huwa stabbilit taħt l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, b’riferiment għad-data tal-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), jiġifieri d-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u tal-informazzjoni relatata min-naħa tal-Kummissjoni. Mill-banda l-oħra, kemm l-Artikolu 14(1) tar-regolament imsemmi, kif emendat permezz tar-Regolament Nru 692/2003 kif ukoll l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006 jagħmlu essenzjalment riferiment f’dan ir-rigward għad-data (preċedenti) tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni quddiem il-Kummissjoni.

52.      Il-punt kruċjali tal-problema li għandna quddiemna f’dan il-każ huwa l-fatt li fejn l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, jirreferi għad-“data tal-publikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2)” jonqos – għal xi raġuni – milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura simplifikata, tali pubblikazzjoni ma tissemmiex, mentri l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, kif emendat bir-Regolament Nru 692/2003, u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006 jidher li huma kompatibbli ratione materiae mal-proċedura simplifikata u dan minħabba li jistrieħu fuq id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni quddiem il-Kummissjoni.

53.      Madankollu, dan ma jistax jevita l-fatt li la l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, kif emendat bir-Regolament Nru 692/2003, u lanqas l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006, li jissemma fl-ewwel domanda, ma japplikaw ratione temporis għar-relazzjoni bejn l-IĠP u t-trade mark inkwistjoni.

54.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeżiġi li, bħala regola ġenerali, kull sitwazzjoni ta’ fatt tiġi, salv għal indikazzjoni espressa bil-kontra, evalwata fid-dawl tar-regoli ta’ dritt li huma kontemporanji għas-sitwazzjoni inkwistjoni (15).

55.      Is-sitwazzjoni ta’ kunflitt f’dan il-każ quddiem il-qorti tar-rinviju qamet fir-rigward tal-estensjoni tal-protezzjoni tat-trade mark ta’ Bavaria għall-Ġermanja fl-1995. Hija fir-rigward ta’ dik l-estensjoni tal-protezzjoni li trid tingħata risposta għad-domanda dwar jekk l-indikazzjoni “Bayerisches Bier” – li r-reġistrazzjoni tagħha bħala IĠP kienet diġà saret applikazzjoni għaliha taħt il-proċedura simplifikata iżda kienet għadha ma ġietx konkluża – kinitx tgawdi protezzjoni diġà jew, b’mod aktar speċifiku, kinitx tgawdi mill-prijorità fuq it-trade mark ta’ Bavaria, bil-konsegwenza li l-protezzjoni legali ta’ dik il-trade mark fil-Ġermanja ma kinitx permessa u, għaldaqstant, għandha tiġi rtirata.

56.      Ovvjament, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni, kien ir-Regolament Nru 2081/92 kif promulgat oriġinarjament, li kien jirregola r-reġistrazzjoni u l-protezzjoni tal-isem “Bayerisches Bier”, inkluża r-relazzjoni tiegħu mat-trade marks. Għaldaqstant, huwa fid-dawl ta’ dik il-leġiżlazzjoni li s-sitwazzjoni inkwistjoni trid tiġi eżaminata.

57.      Inżid ngħid li hawnhekk ma aħniex nittrattaw l-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li qamet taħt ir-Regolament Nru 2081/92 kif ippromulgat oriġinarjament u li, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja f’numru ta’ każijiet, tista’ tiġi applikata għaliha regola ġdida bħalma hija dik tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006 (16).

58.      Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni hawnhekk hija dwar jekk, f’mument partikolari, isem speċifiku għandux jitqies li kien jeżisti l-ewwel – u, għaldaqstant, fid-dritt jiġi qabel – meta mqabbel ma’ trade mark potenzjalment kunfliġġenti, bil-konsegwenza li s-sitwazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi sitwazzjoni li titqies li seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 510/2006. Konsegwentement, dan ir-regolament ikun jista’ japplika b’mod retroattiv għal dik is-sitwazzjoni, jew għal drittijiet miksuba qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għanijiet u mill-istruttura ġenerali tiegħu li tali effett għandu jiġi assenjat lilu (17).

59.      Madankollu, ma hemm xejn fir-Regolament Nru 510/2006 li jissuġġerixxi dan; f’dan ir-rigward ma huwiex biżżejjed li l-ismijiet li jkunu diġà rreġistrati taħt ir-Regolament Nru 2081/92 jibqgħu jiġu protetti taħt ir-Regolament Nru 510/2006, skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-regolament u l-premessa 19 tiegħu.

60.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li fil-fatt huwa diffiċli li wieħed jargumenta li kwistjoni daqshekk marbuta mal-proċedura simplifikata bħalma hija dik tal-protezzjoni li għandha tingħata matul dik il-proċedura lill-isem fil-konfront ta’ trade mark għandha tkun irregolata bir-Regolament Nru 510/2006, meta l-proċedura simplifikata stess ġiet imħassra bir-Regolament Nru 692/2003.

61.      Minn dan isegwi li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 510/2006 ma japplikax għal dan il-każ, fejn l-IĠP ġiet irreġistrata taħt il-proċedura simplifikata, kif ipprovdut fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92 kif oriġinarjament ippromulgat.

62.      Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar il-mument fil-proċedura tar-reġistrazzjoni li minnu l-IĠP tkun tista’ tibda timpedixxi trade mark partikolari milli tiġi rreġistrata b’mod validu għandha tiġi stabbilita b’riferiment għar-Regolament Nru 2081/92 u, b’mod partikolari, għall-Artikoli 14 u 17 tiegħu, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni – fejn it-tweġiba ma tirriżultax direttament mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet – il-kuntest, l-għan u l-istruttura ġenerali tar-regolament li minnu d-dispożizzjonijiet ikunu jifformaw parti (18).

2.      Il-mument li minnu l-IĠP suġġetta għall-proċedura simplifikata tkun tista’ tibda timpedixxi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li allegatament tikkunfliġġi magħha

63.      Kif ġie nnotat iktar ’il fuq, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, li jkopri ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, inkwantu jirregola r-reġistrazzjoni ta’ trade mark fid-dawl tal-protezzjoni mogħtija lid-denominazzjonijiet jew indikazzjonijiet taħt ir-regolament imsemmi, jidentifika – fi kwalunkwe każ, f’dak li jirrigwarda l-ismijiet irreġistrati taħt il-proċedura normali – id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem bħala l-mument li minnu ma tkunx għadha tista’ tiġi rreġistrata trade mark kunfliġġenti (19).

64.      Peress li din id-data ma tapplikax fir-rigward ta’ ismijiet li ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom taħt il-proċedura simplifikata, li ma tinvolvix il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 2081/92 (20), il-mistoqsija li trid tingħata tweġiba għaliha hija: liema mument fil-proċedura tar-reġistrazzjoni simplifikata jista’ jitqies bħala li għandu skop ekwivalenti għal din id-data għall-finijiet tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92?

65.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-ewwel lok, kemm l-Artikolu 14(1) u kif ukoll l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92 huma intiżi li jaħdmu ta’ ostaklu għar-reġistrazzjoni (21), l-ewwel wieħed f’dak li jirrigwarda r-reġistrazzjoni ta’ trade marks u l-aħħar wieħed f’dak li jirrigwarda r-reġistrazzjoni ta’ denominazzjonijiet jew indikazzjonijiet, mentri l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2081/92 għandu loġika xi ftit differenti inkwantu jippermetti li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont il-prinċipju tal-koeżistenza, trade mark preeżistenti tibqa’ tintuża minkejja – u wara – ir-reġistrazzjoni ta’ DOP jew IĠP li magħha dak l-użu jkun kunfliġġenti.

66.      Fit-tieni lok, riżultat ta’ dan, filwaqt li l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 2081/92 jimplika l-bżonn ta’ analiżi wara r-reġistrazzjoni, li hija intiża inter alia għall-awtoritajiet u qrati li jkunu mitluba japplikaw id-dispożizzjonijiet inkwistjoni, il-kwistjoni dwar jekk ikunux sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 14(3) ta’ dan ir-regolament trid tiġi eżaminata, mill-awtoritajiet kompetenti Komunitarji u nazzjonali li jkunu mitluba japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade mark, jew tad-DOP jew l-IĠP rispettivament (22).

67.      Fit-tielet lok, għandu jiġi nnotat f’dan il-kuntest li l-mument li jagħmel riferiment għalih l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 fir-rigward tal-proċedura tar-reġistrazzjoni normali – partikolarment, il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni – huwa l-ewwel punt, f’dik il-proċedura, fejn ir-reġistrazzjoni pendenti tad-denominazzjoni jew indikazzjoni tinġieb għall-konjizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kollha responsabbli mir-reġistrazzjoni ta’ trade marks, kif ukoll ta’ terzi persuni interessati u operaturi ekonomiċi, b’dana li jkun jista’ jittieħed kont ta’ dan il-fatt fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jistgħu jkunu kunfliġġenti ma’ dawk id-DOP jew l-IĠP.

68.      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda ismijiet irreġistrati taħt il-proċedura simplifikata, għandu jiġi nnotat li l-ewwel mument, f’dik il-proċedura, li fih l-awtoritajiet Komunitarji u l-operaturi ekonomiċi jistgħu jsiru jafu bir-reġistrazzjoni ta’ isem suġġett għal dik il-proċedura huwa l-pubblikazzjoni ta’ dik ir-reġistrazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, liema reġistrazzjoni ssir taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2081/92, flimkien mal-Artikolu 15 tal-istess regolament.

69.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-istruttura u l-ispirtu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, dik id-data – jiġifieri, id-data li fiha l-protezzjoni li tingħata lill-ismijiet irreġistrati taħt il-proċedura simplifikata tiġi ppubblikata, għall-ewwel darba, fuq livell Komunitarju – hija d-data li għanda titqies rilevanti biex tiġi stabbilita l-preċedenza tal-istess ismijiet għall-finijiet tal-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament.

70.      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, fl-ewwel lok, bil-kunsiderazzjonijiet dwar il-mod kif għandha taħdem dik ir-regola fil-prattika.

71.      Għaldaqstant, għandu jitfakkar li kif jirriżulta ċar mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, dan jipprovdi qabelxejn raġuni għal rifjut fir-rigward ta’ trade mark li tagħha tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni u huwa biss b’mod sekondarju, kif jirriżulta ċar mit-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, li huwa jipprovdi raġuni għar-revoka ta’ trade mark f’każ li din tkun ġiet irreġistrata bi ksur ta’ dan l-ostaklu għar-reġistrazzjoni.

72.      Madankollu, l-awtoritajiet responsabbli mir-reġistrazzjoni tat-trade marks ma jkunux jistgħu, naturalment, jieħdu inkunsiderazzjoni l-protezzjoni mogħtija lil isem li għalih tkun saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, b’mod partikolari, ir-raġuni relattiva għal rifjut, ħlief jekk l-isem ikkonċernat jinġieb għall-attenzjoni tagħhom qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li tista’ tikkunfliġġi mal-isem.

73.      Fit-tieni lok, fil-fehma tiegħi, jirriżulta wkoll mill-prinċipju taċ-ċertezza legali li l-fatt li r-reġistrazzjoni ta’ isem tintalab taħt il-proċedura simplifikata ma jistax jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark qabel il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ dik l-IĠP jew id-DOP.

74.      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali jeżiġi li r-regoli Komunitarji/tal-Unjoni għandhom jippermettu lill-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom (23).

75.      Għaldaqstant, fis-sentenza Prosciutto di Parma, li kienet tikkonċerna DOP irreġistrata taħt il-proċedura simplifikata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont il-prinċipju taċ-ċertezza legali, kundizzjoni partikolari bħalma hija dik li l-operazzjonijiet ta’ tqattigħ u ta’ ppakkjar ta’ prodott iridu jsiru fir-reġjun ta’ produzzjoni timplika obbligu negattiv għal terzi u, għaldaqstant, peress li ma ġietx mgħarrfa lil terzi permezz ta’ pubbliċità adegwata fil-leġiżlazzjoni Komunitarja bħalma hija r-regola tar-reġistrazzjoni kkonċernata f’dan il-każ, hija ma setgħetx tiġi invokata kontrihom fil-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali (24).

76.      F’dak li jirrigwarda dan il-każ, għandu jiġi nnotat li dan jikkonċerna l-pass jew il-miżura proċedurali meħuda fil-kuntest tar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni jew denominazzjoni taħt il-proċedura simplifikata li jista’ jkollha l-effett li tipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks bħal dawn.

77.      Għaldaqstant, l-avveniment rilevanti f’dan il-każ jimplika b’mod ċar l-obbligu negattiv fuq terzi persuni li japplikaw għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark sa fejn dik it-trade mark tista’ tkun f’kunflitt mal-isem ikkonċernat. Barra minn hekk, huwa jimponi l-obbligu fuq l-awtoritajiet kompetenti għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks inkwantu dawn huma obbligati jirrifjutaw dawn it-trade marks.

78.      Għaldaqstant, peress li fil-kuntest tal-proċedura simplifikata, hija biss ir-reġistrazzjoni ta’ DOP jew IĠP li tiġi mgħarrfa lil terzi persuni interessati jew lill-awtoritajiet ikkonċernati permezz ta’ pubbliċità adegwata, l-effett ostakolanti tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92 ma jistax, minħabba l-prinċipju taċ-ċertezza legali, jiġi ddefinit ħlief b’riferiment għal dik il-miżura, u mhux b’riferiment għal miżura preċedenti bħalma hija l-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni quddiem il-Kummissjoni.

79.      B’mod iktar speċifiku, sa fejn jirrigwarda l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni taħt il-proċedura simplifikata, huwa ċar li dak in-nuqqas ta’ pubbliċità ma jistax jiġi nnewtralizzat bil-fatt – sostanzjalment mhux relatat – li, kif ġustament osservaw xi uħud mill-partijiet, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qrati nazzjonali għandhom, skont ir-rekwiżit tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar il-legalità ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem taħt il-proċedura simplifikata (25).

80.      Għall-istess raġuni, fil-fehma tiegħi, ma jistax jiġi argumentat li – sa fejn jikkonċerna lill-operaturi ekonomiċi jew, tal-inqas, xi wħud minnhom – għall-finijiet tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, ma kinitx meħtieġa l-pubblikazzjoni speċifika tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni taħt il-proċedura simplifikata peress li, kif jinsab provdut fl-Artikolu 17(1) tal-istess regolament, dik l-applikazzjoni kienet fi kwalunkwe każ ibbażata fuq isem li kien diġà jgawdi protezzjoni legali fuq livell nazzjonali u li l-operaturi ekonomiċi kienu ta’ bilfors diġà familjari miegħu.

81.      Għalkemm huwa minnu li l-applikazzjoni tal-proċedura simplifikata tippreżumi, inter alia, li l-isem li jkun irid jirreġistra l-Istat Membru irid jiġi protett legalment f’dak l-Istat Membru jew, f’dawk l-Istati Membri fejn m’hemmx sistema ta’ protezzjoni li tkun ġiet validata permezz tal-użu (26), għandu jiġi enfasizzat li r-reġistrazzjoni taħt dik il-proċedura ma tammontax biss għall-estensjoni fuq livell Komunitarju/tal-Unjoni tal-protezzjoni li kienet diġà teżisti fuq livell nazzjonali (27).

82.      Għaldaqstant, apparti d-differenza fil-portata territorjali, il-portata tal-protezzjoni mogħtija lil denominazzjoni jew indikazzjoni ġeografika taħt id-dritt nazzjonali tista’ tkun sostanzjalment differenti minn u iktar ristretta – kif inhu l-każ hawnhekk – mill-portata tal-protezzjoni mogħtija lill-IĠP jew lid-DOP irreġistrati taħt ir-Regolament Nru 2081/92.

83.      Għaldaqstant, għall-finijiet tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2081/92, l-eżistenza jew, b’mod iktar speċifiku, il-pubblikazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini taħt is-sistema ta’ protezzjoni nazzjonali ma tistax tiġi invokata biex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ pubbliċità u ċertezza legali marbuta mal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ dak l-isem taħt il-proċedura simplifikata.

84.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-Regolament Nru 2081/92 għandu bħala għan li jiżgura protezzjoni uniformi, fil-Komunità/fl-Unjoni, tal-ismijiet ġeografiċi li huwa jkopri (28).

85.      Apparti mill-kwistjonijiet ta’ ċertezza legali li jqajjem dan l-approċċ, fil-fehma tiegħi, ikun kontra l-protezzjoni uniformi li s-sistema stabbilità taħt ir-Regolament Nru 2081/92 hija b’hekk intiża li tipprovdi li kieku l-prijorità fiż-żmien ta’ denominazzjoni jew indikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-regolament imsemmi kellha tiġi stabbilita fil-kuntest tal-proċedura simplifikata – kif xi wħud mill-partijiet ipproponew – b’riferiment għall-mument li fih beda jiġi protett l-istess isem taħt id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-oriġini jew, fin-nuqqas ta’ sistema ta’ protezzjoni nazzjonali, il-mument li fih l-isem ġie stabbilit permezz tal-użu.

86.      Barra minn hekk, dan l-approċċ jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni b’mod adegwat id-differenza, imsemmija iktar ’il fuq (29), bejn id-denominazzjonijiet u l-indikazzjonijiet fis-sens tar-Regolament Nru 2081/92 u l-ismijiet protetti fuq livell nazzjonali li fuqhom dawn jistgħu jkunu bbażati.

87.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li għat-tieni domanda tingħata risposta fis-sens li r-Regolament Nru 2081/92 għandu jiġi interpretat li jfisser li, għall-finijiet tal-Artikolu 14(1) tar-regolament imsemmi, hija d-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni li hija d-data rilevanti biex tiġi stabbilita l-preċedenza fiż-żmien ta’ indikazzjoni ġeografika protetta li hija rreġistrata skont il-proċedura simplifikata taħt l-Artikolu 17 tal-istess regolament.

V –    Konklużjoni

88.      Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula bil-mod li ġej:

1.      L-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006, tal-20 ta’ Marzu 2006, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel ma japplikax f’każ fejn l-indikazzjoni tal-oriġini protetta tkun ġiet irreġistrata b’mod validu skont il-proċedura simplifikata pprovduta fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92, tal-14 ta’ Lulju 1992, dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel;

2.      Ir-Regolament Nru 2081/92 għandu jiġi interpretat li jfisser li, għall-finijiet tal-Artikolu 14(1) tar-regolament imsemmi, hija d-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni li hija d-data rilevanti biex tiġi stabbilita l-preċedenza fiż-żmien ta’ indikazzjoni ġeografika protetta li hija rreġistrata skont il-proċedura simplifikata taħt l-Artikolu 17 tal-istess regolament.


1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU 2008 L 335M, p. 213.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 97.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 13, p. 4.


5 – Ġabra p. I-5491.


6 – Regolament tat-8 ta’ April 2003, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini għall-Prodotti tal-Agrikoltura u l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 38, p. 454).


7 – Regolament li jaddatta għad-Deċiżjoni 1999/468/KE id-disposizzjonijiet rigward il-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skond il-proċedura ta’ konsultazzjoni (maġġoranza kwalifikata) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 301).


8 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


9 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


10 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 115.


11 – F’dan is-sens, ara s-sentenza Anheuser-Busch (C‑245/02, Ġabra I‑10989, punt 98).


12 – Il-punti segwenti japplikaw kemm għall-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92 kif ukoll għall-istess dispożizzjoni kif emendata bir-Regolament Nru 692/2003.


13 – F’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 2081/92, ara s-sentenza Bavaria u Bavaria Italia, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 117 sa 123.


14 – Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(1)(k) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 422/2004, tad-19 ta’ Frar 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 3) u l-Artikolu 7(1)(k) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009 L 78, p. 1).


15 – F’dan is-sens, ara pereżempju, is-sentenza J. J. Kersbergen-Lap u D. Dams-Schipper (C‑154/05, Ġabra I‑6249, punt 42) u s-sentenza Belbouab (10/78, Ġabra 1915, punt 7).


16 – F’dan il-kuntest, ara pereżempju, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C-334/07 P, Ġabra I‑9465, punt 43) u s-sentenza Butterfly Music (C‑60/98, Ġabra I‑3939, punt 24).


17 – F’dan is-sens, ara pereżempju, is-sentenza Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, Ġabra I‑1049, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tal-prinċipji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-effett temporali tad-dispożizzjonijiet legali, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-10 ta’ Novembru 2009 fil-kawża PPU Kadzoev (C‑357/09, Ġabra p. I-11189, punti 56 sa 59).


18 – F’dan il-kuntest, ara wkoll is-sentenza Firma E. Merck (292/82, Ġabra 3781, punt 12) u s-sentenza Federutility et (C‑265/08, Ġabra p. I-3377, punt 18).


19 – Ara b’mod partikolari l-punt 50 iktar ’il fuq.


20 – Għandu jiġi nnotat li ma hemm xejn fil-kliem użat fir-Regolament Nru 2081/92 li jeskludi, a priori, li l-Artikolu 14(1) tar-regolament imsemmi japplika għal ismijiet irreġistrati taħt il-proċedura simplifikata; barra minn hekk, dan ikun inkonsistenti mal-fatt li l-Artikolu 14(2) u (3) tar-regolament imsemmi ġie meqjus konsistentement bħala li japplika fil-kuntest tal-proċedura simplifikata (ara biss, pereżempju, Bavaria u Bavaria Italia, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 111 et seq).


21 – F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 2081/92, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bavaria u Bavaria Italia, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 128, 129 u 152.


22 – F’dan il-kuntest, ara s-sentenza Bavaria u Bavaria Italia, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 118 u 119.


23 – Ara s-sentenzi Ravil (C‑469/00, Ġabra I‑5053, punt 93); Prosciutto di Parma (C‑108/01, Ġabra I‑5121, punt 89); u s-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (C‑209/96, Ġabra I‑5655, punt 35).


24 – Sentenza Prosciutto di Parma, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 91 sa 96.


25 – F’dan is-sens, ara b’mod partikolari, is-sentenzi Carl Kühne et (C‑269/99, Ġabra I‑9517, punti 57 u 58) u Bavaria u Bavaria Italia, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 57.


26 – Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza Bigi (C‑66/00, Ġabra I‑5917, punt 28).


27 – F’dan is-sens, ara s-sentenza Prosciutto di Parma, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punti 97 u 98.


28 – F’dan is-sens, ara inter alia s-sentenza Budějovický Budvar (C‑478/07, Ġabra I‑7721, punt 107) u s-sentenza Warsteiner Brauerei (C‑312/98, Ġabra I‑9187, punt 50).


29 – Punti 80 sa 82 iktar ’il fuq.