KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-3 ta’ Marzu 2010 1(1)

Kawża C‑46/08

Carmen Media Group Ltd

vs

Land Schleswig-Holstein

vs

Innenminister des Landes Schleswig-Holstein

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-Ġermanja)]

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Logħob tal-ażżard – Rikonoxximent reċiproku – Liċenzji offshore – Koerenza tal-politika nazzjonali fil-qasam tal-logħob – Attività ta’ organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi suġġetta għal awtorizzazzjoni – Dispożizzjonijiet tranżitorji”





I –    Introduzzjoni

1.        F’settur mhux armonizzat bħal dak tal-logħob, fejn kull wieħed mill-Istati Membri għandu leġiżlazzjoni differenti u l-uniku element komuni hija l-eżistenza ta’ miżuri li għandhom l-għan li jikkontrollaw l-iżvilupp tal-attività, l-isfida prinċipali li għandha quddiemha l-qorti Komunitarja hija dik li ssib bażi komuni li tippermetti ċertu osservanza tal-libertajiet stabbiliti mit-Trattat.

2.        L-impatt tat-teknoloġiji l-ġodda jagħmel din il-problema ġuridika ferm iktar kumplessa. Minħabba mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni, id-dilettanti tal-logħob ma għandhomx għalfejn imorru iktar f’xi każinò jew f’imkien ieħor fejn isir il-logħob peress li huma għandhom il-possibbiltà li jilagħbu mid-domiċilju tagħhom stess, permezz tal-internet, jew anki permezz tat-telefon ċellulari tagħhom. Barra minn hekk, dan it-tip ta’ logħob online ma jagħrafx fruntieri. Il-persuni li jilagħbu ma għadhomx iktar limitati għall-offerta tal-logħob tal-ażżard disponibbli fl-Istat Membru tagħhom peress li għandhom aċċess għal operaturi barranin, b’uħud minnhom stabbiliti fl-Unjoni Ewropea u oħrajn jinsabu barra minnha. Il-problema tal-logħob transkonfinali hija ferm attwali, u l-operaturi li joffru s-servizzi tagħhom permezz tal-internet għandhom xi dubji dwar jekk l-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandux jew le d-dritt li jipprojbixxi l-attivitajiet tagħhom.

3.        Madankollu, il-problemi ma humiex limitati għall-qasam tal-logħob online. L-eżistenza ta’ monopolju tal-Istat għal ċertu logħob tal-ażżard jew ir-restrizzjonijiet sabiex jinkisbu l-liċenzji wkoll jistgħu jippreġudikaw il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Konsegwentement, għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni għal darb’oħra hija dik tal-ġustifikazzjoni eventwali ta’ tali sistemi restrittivi.

4.        Ix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (il-qorti amministrattiva ta’ Schleswig-Holstein) qed tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja uħud minn dawn id-domandi b’riżultat tal-liġi l-ġdida adottata mil-Länder dwar il-lotteriji u l-imħatri sportivi wara s-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża) tat-28 ta’ Marzu 2006 (2).

5.        Dan il-każ għandu rabta evidenti mal-kawżi maqgħuda Stoß et (3), għalkemm dawn tal-aħħar jaqgħu fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti għas-sentenza msemmija iktar ’il fuq. Ix-xebh bejn id-domandi mqajma f’dawn iż-żewġ kawżi u r-raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali li dejjem għandhom jiggwidawna jwassluni, għaldaqstant, biex rigward numru kunsiderevoli ta’ punti f’din il-kawża, nirreferi għall-ispjegazzjoni iktar dettaljata li għamilt fil-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawżi maqgħuda Stoß et.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

6.        Is-settur tal-logħob tal-ażżard ma kienx is-suġġett, sa issa, ta’ armonizzazzjoni fid-dritt Komunitarju. Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (4) teskludih espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Skont l-Artikolu 2(2)(h) ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[…]

(h)       attivitajiet ta’ logħob tal-flus li jinvolvu mħatri ta’ flus f’logħob ta’ fortuna, inklużi l-lotteriji, logħob tal-flus fil-casinos u mħatri”.

7.        Dan in-nuqqas ta’ dritt sekondarju jimplika l-obbligu li jsir użu mid-dritt primarju u, b’mod partikolari, fejn għandu x’jaqsam dan il-każ, l-Artikolu 49 KE li jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fil-Komunità għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi”.

B –    Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

8.        Fil-Ġermanja, il-kompetenzi fil-qasam tal-logħob huma maqsuma bejn l-Istat Federali u l-Länder. Fil-parti l-kbira tal-Länder, hemm monopolju reġjonali għall-organizzazzjoni ta’ imħatri sportivi u ta’ lotteriji, filwaqt li l-operat ta’ magni tal-logħob u ta’ każinò hija fdata f’idejn operaturi privati debitament awtorizzati.

1.      Id-dritt federali

9.        L-Artikolu 284 tal-Kodiċi Penali (Strafgesetzbuch, iktar ’il quddiem is-“StGB”) jistabbilixxi:

“(1)      Kull persuna li, mingħajr awtorizzazzjoni amministrattiva, torganizza xi logħob tal-ażżard għall-pubbliku jew tipprovdi l-istruttura meħtieġa għal dan il-għan għandha teħel piena ta’ ħabs ta’ mhux iktar minn sentejn jew multa.

[...]

(3)      Kull persuna li taġixxi fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1

1. b’mod professjonali [...]

[...] tista’ teħel piena ta’ ħabs ta’ bejn tliet xhur u ħames snin.

[...]”

10.      Il-kompetenza biex ikunu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jingħataw l-awtorizzazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 284 tas-StGB hija tal-Länder, ħlief fir-rigward tal-imħatri relatati mat-tiġrijiet taż-żwiemel uffiċjali u tal-magni tal-logħob. L-organizzazzjoni tal-ewwel tista’ tiġi awtorizzata abbażi tal-liġi dwar l-imħatri fuq it-tiġrijiet u dwar il-lotteriji (Rennwett und Lotteriegesetz, iktar ’il quddiem ir-“RWLG”), u l-istabbiliment u l-operat tat-tieni abbażi tal-kodiċi dwar l-eżerċizzju tal-professjonijiet artiġġjanali, kummerċjali u industrijali (Gewerbeordnung, iktar ’il quddiem il-“GewO”).

11.      Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, l-Artikolu 1 tar-RWLG jipprovdi:

“1.      L-assoċjazzjoni li trid topera impriża tal-imħatri reċiproċi inkonnessjoni ma’ tiġrijiet pubbliċi taż-żwiemel jew ma’ tiġrijiet pubbliċi oħrajn relatati maż-żwiemel għandha tkun kisbet l-awtorizzazzjoni għalihom mingħand l-awtoritajiet kompetenti skont id-dritt tal-Land.

[…]

3.      L-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss lill-assoċjazzjonijiet li jiggarantixxu li d-dħul tagħhom ser imur esklużivament għall-iżvilupp tat-trobbija taż-żwiemel fil-Land”.

12.      U l-Artikolu 2(1) tar-RWLG jipprovdi:

“Min, għal finijiet kummerċjali, irid jikkonkludi imħatri fuq tiġrijiet pubbliċi taż-żwiemel jew irid jisserva b’intermedjarju għal tali imħatri (bookmakers) għandu jkun kiseb l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti skont id-dritt tal-Land biex jagħmel dan”.

2.      Is-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht tat-28 ta’ Marzu 2006

13.      Fit-28 ta’ Marzu 2006, il-Bundesverfassungsgericht tat sentenza (5), li permezz tagħha ddikjarat inkompatibbli mad-dritt fundamentali għal-libertà imprenditorjali stabbilit fl-Artikolu 12 tal-Liġi Fundamentali, il-monopolju fuq l-imħatri sportivi li kien hemm fil-Land Bayern, sa fejn l-istruttura ġuridika, il-modalitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ dan il-monopolju ma jkollhomx l-għan li jagħtu kontribut sinjifikattiv u attiv għall-għan li titnaqqas il-passjoni għal-logħob u għall-ġlieda kontra d-dipendenza.

14.      L-imsemmija sentenza, li kienet tikkonċerna l-Land Bayern, madankollu tista’ tiġi estiża wkoll għall-monopolji rigward l-imħatri sportivi, li, mgħammra bl-istess karatteristiċi, jeżistu f’Länder oħrajn. Il-Qorti Kostituzzjonali tat lil-leġiżlaturi kompetenti, perijodu tranżitorju, li skada fil-31 ta’ Diċembru 2007, biex jieħdu passi ħalli l-monopolju inkwistjoni jkun ristrutturat, u b’hekk ikun introdott livell minimu ta’ koerenza mal-għan li tkun miġġielda d-dipendenza mil-logħob (6).

3.      Id-dritt tal-Länder

a)      Il-GlüStV

15.      It-Trattat tal-Istat dwar il-logħob tal-ażżard fil-Ġermanja (Staatsvertrag zum Glücksspielwesen in Deutschland, iktar ’il quddiem il-“GlüStV”), applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2008, huwa l-kuntest uniformi l-ġdid maħluq mil-Länder biex ikun irregolat is-settur wara s-sentenza tal-Bundesverfassungsgericht, iċċitata iktar ’il fuq (7).

16.      L-Artikolu 1 tal-GlüStV jistipula l-għanijiet ta’ dan il-ftehim konkluż mil-Länder:

“1.      tkun ipprevenuta d-dipendenza mil-logħob tal-ażżard u mill-imħatri u jinħolqu l-kundizzjonijiet biex ikun hemm ġlieda effettiva kontra d-dipendenza,

2.      tkun limitata l-offerta tal-logħob tal-ażżard u l-istint tal-logħob tal-popolazzjoni jkun dirett b’mod organizzat u kkontrollat, biex ma jitħalliex li n-nies jersqu lejn logħob tal-ażżard mhux awtorizzat,

3.      tkun iggarantita l-protezzjoni tal-minuri u tal-persuni li jilagħbu,

4.      ikunu żgurati l-iżvolġiment tajjeb tal-logħob tal-ażżard, il-protezzjoni tal-persuni li jilagħbu mill-manuvri frawdolenti u tkun ipprevenuta l-kriminalità marbuta ma’ u li tirriżulta mil-logħob tal-ażżard.”

17.      Skont l-Artikolu 10 tal-GlüStV, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, “il-Länder għandhom l-obbligu leġiżlattiv li jiggarantixxu offerta ta’ logħob tal-ażżard suffiċjenti” [Artikolu 10(1)] u jistgħu jassumu dan il-kompitu “kemm huma stess, kif ukoll permezz ta’ persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku jew ta’ kumpanniji rregolati mid-dritt privat fejn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom sehem dirett jew indirett determinanti” [Artikolu 10(2)].

18.      L-Artikolu 4 tal-GlüStV jipprovdi li l-organizzazzjoni jew l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard pubbliku tista’ ssir biss bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Land rispettiv [Artikolu 4(1)]. L-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk l-organizzazzjoni jew l-intermedjazzjoni tmur kontra l-għanijiet tal-Artikolu 4(1) u, ikun xi jkun il-każ, jekk l-applikant ma jkollux id-dritt li jikseb l-awtorizzazzjoni [Artikolu 4(2)].

19.      Dan l-istess artikolu jipprojbixxi kull organizzazzjoni jew intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard pubbliku fuq l-internet [Artikolu 4(4)]. Madankollu, l-Artikolu 25 tal-GlüStV, li jinkludi numru ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, jipprevedi li l-Länder jistgħu jawtorizzaw, tul perijodu massimu ta’ sena li jibda jiddekorri mid-dħul fis-seħħ tal-GlüStV, l-organizzazzjoni jew l-intermedjazzjoni tal-lotteriji fuq l-internet jekk ma jkunx hemm raġunijiet biex din tkun irrifjutata u jekk ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet addizzjonali (prinċipalment, l-esklużjoni definittiva tal-minuri u tal-persuni li huma pprojbit li jilagħbu, il-limitazzjoni tal-imħatri għal EUR 1 000 fix-xahar, il-projbizzjoni tal-kreditu u tal-parteċipazzjoni interattiva bil-pubblikazzjoni tar-riżultati li jirriflettu dak li jkun għaddej f’dak il-mument).

b)      Il-leġiżlazzjoni tal-Land ta’ Schleswig-Holstein

20.      Il-liġi tal-Land ta’ Schleswig-Holstein dwar l-implementazzjoni tal-GlüStV (Gesetz des Landes Schleswig-Holstein zur Ausführung des Staatsvertrages zum Glücksspielwesen in Deutschland, iktar ’il quddiem il-“GlüStV AG”), tat-13 ta’ Diċembru 2007 hija applikabbli għall-organizzazzjoni, għall-operat jew għall-intermedjazzjoni tal-lotteriji u tal-imħatri sportivi, imma mhux għall-operat jew għall-intermedjazzjoni tal-imħatri li jsiru waqt it-tiġrijiet taż-żwiemel pubbliċi (Artikolu 3). Skont l-Artikolu 4(2) tal-GlüStV AG, il-Land għandu jwettaq dan il-kompitu permezz ta’ NordwestLotto Schleswig Holstein GmbH & Co. KG.

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21.      Carmen Media Group Ltd (iktar ’il quddiem “Carmen Media”) kisbet mingħand il-Gvern ta’ Ġibiltà, fejn hija stabbilita, liċenzja għal logħob extraterritorjali, limitata għal “remote gambling / fixed-odds bets for offshore bookmaking”, li, għaldaqstant, tawtorizzaha torganizza l-imħatri biss barra mit-territorju ta’ Ġibiltà.

22.      Carmen Media kien biħsiebha toffri imħatri sportivi fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja permezz tal-internet u għalhekk, fl-10 ta’ Frar 2006, ippreżentat applikazzjoni quddiem il-Land ta’ Schleswig-Holstein sabiex dan jikkonstata n-natura legali ta’ din l-attività fir-rigward tal-liċenzja li tagħha kienet id-detentriċi f’Ġibiltà jew, sussidjarament, sabiex jagħtiha awtorizzazzjoni skont id-dritt nazzjonali.

23.      Meta Carmen Media rat li l-applikazzjoni tagħha ġiet miċħuda, fit-30 ta’ Ġunju 2006 ressqet rikors quddiem ix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht, fejn sostniet li l-monopolju tal-Istat fir-rigward tal-imħatri sportivi jmur kontra d-dritt Komunitarju peress li ma kienx kompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 49 KE.

24.      Ix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht, fid-digriet tar-rinviju, issemmi li kellha għadd ta’ dubji rigward il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-logħob mad-dritt Komunitarju u qed tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 234 KE, id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-invokazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tirrikjedi li fornitur ta’ servizz ikun jista’, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istat Membru li fih huwa stabbilit, jipprovdi s-servizz hemmhekk ukoll — fil-każ preżenti, restrizzjoni tal-liċenzja ta’ logħob ta’ l-ażżard ta’ Ġibiltà għal “offshore bookmaking”)?

2)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li monopolju nazzjonali ta’ l-Istat fuq l-organizzazzjoni ta’ imħatri dwar l-isports u l-lotteriji (b’potenzjal mhux baxx li jsir vizzju), immotivat prinċipalment mil-ġlieda kontra r-riskju tal-vizzju tal-logħob ta’ l-ażżard, filwaqt li logħob ieħor ta’ l-ażżard, b’riskju potenzjali kunsiderevoli ta’ vizzju, jista’ jiġi pprovdut f’dak l-Istat Membru minn fornituri ta’ servizz privat, u d-diversi regoli legali għall-imħatri dwar l-isports u l-lotteriji, minn naħa, u l-logħob ta’ l-ażżard min-naħa l-oħra, huma bbażati fuq is-setgħat leġiżlattivi differenti tal-Bund u tal-Länder?

Jekk ir-risposta għad-domanda (2) hija fl-affermattiv:

3)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li jissuġġettaw l-għoti ta’ liċenzja għall-organizzazzjoni u għall-intermedjazzjoni tal-logħob ta’ l-ażżard għad-diskrezzjoni ta’ l-awtorità ta’ liċenzjar kompetenti, anki meta l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzja kif stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ġew sodisfatti?

4)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li jipprojbixxu l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni ta’ logħob ta’ l-ażżard pubbliku fuq l-Internet, b’mod partikolari meta, fl-istess żmien, għalkemm għal perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ sena, l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni fuq l-Internet huma permessi, suġġett għal-leġiżlazzjoni li tħares il-minuri u dawk li jilagħbu, għall-għanijiet tal-prinċipju ta’ proprozjonalità u sabiex żewġ intermedjarji kummerċjali tal-logħob tal-ażżard li qabel kienu joperaw esklużivament fuq l-Internet ikunu jistgħu jaqilbu għal dawk il-mezzi ta’ distribuzzjoni permessi mill-Istaatsvertrag?” 

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

25.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2008.

26.      Ir-rikorrenti (Carmen Media) u l-konvenut (il-Land ta’ Schleswig Holstein) fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Awstrija, tal-Belġju, ta’ Spanja, tal-Greċja, tal-Olanda u tan-Norveġja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

27.      Waqt is-seduta, li saret fit-8 ta’ Diċembru 2009, ir-rappreżentanti ta’ Carmen Media, tal-Land ta’ Schleswig-Holstein u tal-Innenminister des Landes Schleswig-Holstein, tal-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Belġju, tal-Greċja, tal-Italja, tal-Portugall u tan-Norveġja, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V –    Analiżi tal-ewwel domanda preliminari

28.      Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 49 KE jeħtieġx, biex ikun jista’ jiġi invokat id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li l-fornitur ikun ukoll jista’ jeżerċità l-attività tiegħu fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat.

29.      Id-dubju tqajjem minħabba l-fatt li l-impriża Carmen Media kisbet mingħand l-awtoritajiet ta’ Ġibiltà, fejn hija għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, liċenzja għal-logħob tal-ażżard limitata għall-“offshore bookmaking”, jiġifieri liċenzja extraterritorjali, li ma tippermettilhiex torganizza imħatri fit-territorju ta’ Ġibiltà, imma biss – almenu teoretikament – barra minn Ġibiltà.

30.      Meta waqt is-seduta sarulu xi domandi fuq dan il-punt, ir-rappreżentant ta’ Carmen Media ċaħad li l-kumpannija kienet suġġetta, fiż-żmien meta seħħew il-fatti kkunsidrati, għall-projbizzjoni li torganizza logħob tal-ażżard f’Ġibiltà. Issa mill-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu jirriżulta b’mod ċar li tabilħaqq kienet teżisti tali restrizzjoni, jekk mhux fil-forma ta’ projbizzjoni fis-sens strett tat-terminu, tabilħaqq fil-forma ta’ limitu għall-kamp ta’ azzjoni tagħha (8).

31.      F’din l-istess nota, Carmen Media tippreċiża li dan il-limitu (9) kien dovut esklużivament għal raġunijiet fiskali, jiġifieri minħabba li hija kienet għażlet sistema fiskali partikolarment vantaġġjuża (dak li jissejjaħ “status ta’ kumpannija eżenti”), bil-kundizzjoni li “ma jkollha l-ebda relazzjoni kummerċjali ma’ persuni stabbiliti f’Ġibiltà” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (10). Hija ssostni wkoll li din ir-restrizzjoni ma kellhiex l-għan li tipproteġi liċ-ċittadini ta’ Ġibiltà mill-offerta tal-operaturi tal-logħob tal-ażżard u li l-eliminazzjoni tagħha kienet tkun possibbli mingħajr ma kien ikun hemm għalfejn li hija tiġi suġġetta għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġdida, anki jekk, biex tiksibha, Carmen Media kellha tirrinunzja għall-istatus fiskali partikolari tagħha.

32.      Il-qorti tar-rinviju qed tipprova tiddetermina jekk, skont l-Artikolu 49 KE, awtorizzazzjoni ta’ din ix-xorta tagħtix il-possibbiltà lil Carmen Media li twettaq l-attività tagħha fit-territorju Ġermaniż mingħajr ma jkollha għalfejn tikseb liċenzja ġdida mingħand l-awtoritajiet tal-Land rispettiv, jew jekk il-fatt li ma tistax torganizza logħob fil-post ta’ oriġini tagħha stess jipprekludix l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

33.      Ir-rikonoxximent reċiproku huwa strument li għandu l-għan li jiggarantixxi lill-operaturi l-aċċess għas-suq fl-Istati Membri kollha, anki f’setturi fejn hemm differenzi sinjifikattivi fil-leġiżlazzjonijiet (11). Skont il-ġurisprudenza, sabiex jintlaħaq dan il-għan, għandu jinstab bilanċ bejn ir-rekwiżiti tal-Istati Membri differenti kkonċernati, b’tali mod li l-Istat Membru fejn jingħata s-servizz ma jkunx jista’ jirdoppja l-kontrolli u l-kundizzjonijiet diġà imposti fl-Istat Membru ta’ oriġini tal-fornitur.

34.      Dan huwa dak li jirriżulta mis-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1981, Webb (12), (279/80), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 17, li “[i]l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħala prinċipju fundamentali tat-Trattat, tista’ tiġi llimitata biss minn regoli ġġustifikati minn raġunijiet mandatorji ta’ interess ġenerali […] sa fejn dak l-interess ma jkunx issalvagwardat minn regoli li l-fornitur huwa suġġett għalihom fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (13).

35.      Fil-kuntest tar-rikonoxximent reċiproku, din l-affermazzjoni tippreżumi li l-Istat Membru ta’ destinazzjoni jista’ jimponi, fir-rigward ta’ interess ġenerali partikolari (14), il-kisba ta’ awtorizzazzjoni biex jiġu pprovduti servizzi, imma għandu jikkunsidra bħala xierqa l-liċenzja mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor meta din tiggarantixxi li jiġu sodisfatti kundizzjonijiet oġġettivament meħtieġa biex jintlaħaq l-istess għan ta’ interess ġenerali. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel huwa legali mill-perspettiva Komunitarja (sa fejn jista’ jkun iġġustifikat, skont il-ġurisprudenza, b’raġuni ta’ interess ġenerali), dan ir-rekwiżit huwa wkoll legali fir-rigward ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, sakemm din ma tkunx diġà konformi mal-imsemmija kundizzjonijiet rigward l-istess għan f’dak l-Istat Membru ta’ stabbiliment.

36.      Liċenzja extraterritorjali, bħal dik li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, diffiċilment tista’ tissodisfa tali kundizzjonijiet. Sa fejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini ma jippermettux huma stess l-eżerċizzju ta’ din l-attività fit-territorju ta’ dak l-Istat, l-idea li, bl-intervent tagħhom, l-interess ġenerali li jħasseb Stat Membru ieħor jiġi suffiċjentement protett ma treġix. Ir-rikonoxximent reċiproku huwa possibbli biss jekk l-Istat Membru ta’ oriġini jkun għamel kontrolli simili għal dawk meħtieġa fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

37.      Minn dan jirriżulta li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tista’ tiġi invokata biss meta l-attività inkwistjoni tista’ tiġi pprovduta legalment fl-Istat Membru ta’ stabbiliment.

38.      Din l-idea ntlaqgħet espressament mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li ppreċiżat li jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-Artikolu 49 KE mhux biss dawk li jinvolvu diskriminazzjonijiet ibbażati fuq iċ-ċittadinanza imma anki dawk li, anki jekk ma jkunux diskriminatorji, ikunu ta’ natura tali li “jipprojbixxu, ifixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn dan jipprovdi servizzi simili legalment “[traduzzjoni mhux uffiċjali] (15).

39.      Kontra dan l-argument, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art Ltd (16), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li kumpannija ma teżerċita l-ebda attività fl-Istat Membru fejn għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha u teżerċita l-attivitajiet tagħha biss jew prinċipalment fl-Istat Membru li fih hija stabbilita l-fergħa tagħha ma huwiexx suffiċjenti biex l-imsemmija kumpannija tiġi miċħuda mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar id-dritt ta’ stabbiliment (17).

40.      Fil-fehma tiegħi, ma huwiex rilevanti li tiġi invokata din is-sentenza, peress li l-kriterji huma differenti għaliex hija l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi li hija involuta. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni ċara f’dan ir-rigward bejn iż-żewġ libertaijiet u hija ferm iktar stretta fejn għandha x’taqsam il-libertà ta’ stabbiliment. Fis-sentenza Säger, iċċitata iktar ’il fuq, hija stipulat ukoll li “Stat Membru ma jistax jissuġġetta l-għotja tas-servizzi fit-territorju tiegħu għall-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għal stabbiliment” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 13), filwaqt li r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tikkonsisti f’awtorizzazzjoni amministrattiva nazzjonali tista’ tiġi ġġustifikata b’raġunijiet ta’ interess ġenerali (punti 14 u 15).

41.      Konsegwentement, impriża tista’ tistabbilixxi ruħa fi Stat Membru A li jkollu dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kumpanniji li jkunu inqas rigorużi u twettaq l-attività kollha tagħha fi Stat Membru B ieħor skont id-dritt ta’ stabbiliment stabbilit mit-Trattat (Artikolu 43 KE). Mill-perspettiva tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti, u fl-ebda każ mis-sentenza Inspire Art, iċċitata iktar ’il fuq ma jista’ jiġi dedott li l-impriża inkwistjoni tista’ topera mingħajr awtorizzazzjoni fis-suq tal-Istat Membru B għall-unika raġuni li hija stabbilita fl-Istat Membru A u minkejja l-fatt li l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat tal-aħħar ma jippermettulhiex li tipprovdi dan l-istess servizz fit-territorju tiegħu.

42.      Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni lanqas ma tista’ tiġi invalidata billi tiġi invokata s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, VT4 Ltd (18), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 22, li “it-Trattat ma jipprojbixxix lil impriża li teżerċità l-libertà li jiġu pprovduti servizzi meta hija ma toffrix servizzi fl-Istat Membru fejn hija stabbilita” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (19). F’dan il-każ, il-punt importanti mhux il-fatt li Carmen Media ma toffrix is-servizz ta’ organizzazzjoni ta’ mħatri fit-territorju tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħha (li, per se, ma jikkostitwixxix impediment għall-invokazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq), imma l-fatt li hija ma tistax tagħmel dan, sempliċiment minħabba li hija għandha liċenzja ta’ natura extraterritorjali jew “offshore” biss.

43.      Il-fatt li din ir-restrizzjoni kienet tirriżulta mill-għażla volontarja li għamlet Carmen Media biex tibbenefika minn sistema fiskali iktar vantaġġjuża ma jbiddel xejn mill-fatt li, meta hija talbet li tiġi rrikonoxxuta bħala operatriċi legali tal-logħob fil-Ġermanja, kulma kellha kienet awtorizzazzjoni li ma kinitx tippermettilha tagħti dan l-istess servizz fil-post ta’ oriġini tagħha. Barra minn hekk, minkejja li l-impriża setgħet tikseb dik l-awtorizzazzjoni biex topera f’Ġibiltà sempliċiment billi tirrinunzja għall-vantaġġi fiskali li kienet tgawdi minnhom, jibqa’ l-fatt li hija għażlet li żżomm dawn il-vantaġġi u, konsegwentement, li tkun suġġetta għar-restrizzjonijiet marbuta magħhom.

44.      Indipendentement mir-raġunijiet – fiskali jew ta’ xort’oħra – li jwasslu lil Stat Membru biex jaġixxi b’dan il-mod, għal liema raġuni dan l-Istat Membru li jagħti liċenzji extraterritorjali għandu jassumi l-obbligu li jikkontrolla suffiċjentement l-għotja tas-servizz inkwistjoni? Għaliex l-Istati Membri għandhom jaċċettaw awtorizzazzjoni li l-anqas ma hija valida għal dawk li kienu tawha?

45.      Fir-rigward ta’ dawn il-fatti, jidhirli li huwa leġittimu li wieħed jaħseb li forsi l-awtoritajiet ta’ Ġibiltà ma ggarantewx kontroll u kundizzjonijiet li jistgħu jagħmlu inutli l-intervent tal-awtoritajiet Ġermaniżi. Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jimplika li jkun hemm fiduċja fil-kontroll li l-Istat ta’ stabbiliment jeżerċita fuq impriża stabbilita fit-territorju tiegħu. Madankollu, jekk Stat Membru jkun ta biss liċenzja offshore, wieħed jista’ jistaqsi jekk għandux ikun hemm fiduċja fil-kontroll tiegħu. Il-kontroll min-naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi għalhekk mhux żejjed u r-rikonoxximent reċiproku li għandu l-għan li jevita kontroll doppju ma japplikax.

46.      Soluzzjoni oħra tista’, tal-anqas teoretikament, tiffavorixxi abbuż mhux mixtieq fis-suq intern, kif osserva ġustament il-Gvern Belġjan fin-nota ta’ intervent tiegħu. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis dan it-tip ta’ abbuż b’mod strett (20), imma huwa diffiċli li awtorizzazzjonijiet extraterritorjali ta’ din ix-xorta jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu aġir li jista’ jagħti lok għal fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri.

47.      Għal dawn ir-raġunijiet, nikkunsidra li, biex ikun jista’ jiġi invokat id-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa indispensabbli li l-liċenzja mogħtija mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tawtorizza lill-fornitur biex jagħti s-servizz inkwistjoni f’dak l-Istat Membru fejn ikun stabbilit.

48.      Madankollu, il-problema ma tinqalax eżattament b’dan il-mod fis-settur tal-logħob tal-ażżard, peress li, kif diġà spjegajt b’mod dettaljat fil-konklużjonijiet li ppreżentant fil-kawżi maqgħuda Markus Stoß et (21), jirriżulta li r-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji fil-qasam tal-logħob, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, huwa impossibbli li jiġi applikat. Tliet fatti jwassluni għal din il-konklużjoni.

49.      L-ewwel nett, jirriżulta li l-funzjonament omoġenu ta’ sistema ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji fil-qasam tal-logħob ma jistax jiġi rrikonċiljat mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li taċċetta b’mod ċar u deċiż il-monopolji u restrizzjonijiet oħrajn fost l-operaturi fis-settur tal-logħob tal-ażżard, sakemm ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet (22). Jekk Stat Membru fejn ġie stabbilit monopolju fil-qasam tal-logħob, li josservaw ir-rekwiżiti tat-Trattat, isib ruħu obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri l-oħra, l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tkun inapplikabbli u tisfa kompletament nieqsa mis-sens tagħha.

50.      It-tieni nett, ir-rikonoxximent reċiproku jidher impossibbli fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tas-settur tal-logħob, li ma tidhirx imminenti. Mingħajr armonizzazzjoni, l-applikazzjoni tal-moviment liberu tkompli tkun limitata, u l-kompitu tal-qorti jikkonsisti preċiżament fid-delimitazzjoni tar-restrizzjonijiet li, f’dan is-settur mhux armonizzat, huma konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

51.      It-tielet nett, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni amministrattiva suffiċjentement organizzata, jagħmel diffiċli l-istabbiliment ta’ sistema ta’ rikonoxximent reċiproku fis-settur.

52.      Konsegwentement, l-ewwel domanda li għamlet il-qorti amministrattiva ta’ Schleswig-Holstein hija bbażata fuq premessa żbaljata, u r-risposta li għandha tingħata għaliha hija li billi tkun miċħuda l-premessa prinċipali, peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma humiex obbligati, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li jirrikonoxxu liċenzja tal-logħob mogħtija mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor, ikunu x’ikunu l-kundizzjonijiet marbuta magħha.

VI – Analiżi tat-tieni domanda preliminari

A –    Analiżi individwalizzata tar-restrizzjonijiet fil-qasam tal-logħob: riferiment għall-konklużjonijiet fil-kawżi maqgħuda Stoß et

53.      Bit-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 49 KE jipprekludix monopolju ta’ Stat fil-qasam tal-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi u ta’ lotteriji stabbiliti essenzjalment biex ikun miġġieled ir-riskju tad-dipendenza mil-logħob, meta fl-istess Stat Membru, jeżisti logħob tal-ażżard ieħor li għandu potenzjal sinjifikattiv ta’ riskju ta’ dipendenza, li jista’ jkun ipprovdut minn fornituri ta’ servizzi privati.

54.      Din id-domanda saret f’termini identiċi fil-kawżi maqgħuda Stoß et., iċċitati iktar ’il fuq. Għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, għaldaqstant, ser nirreferi essenzjalment, għall-analiżi tal-imsemmija kawżi li għamilt fil-konklużjonijiet tiegħi (23). Fihom, nikkunsidra li, fid-dawl tal-ġurisprudenza abbundanti li teżisti f’dan il-qasam, l-eżami tas-sistemi legali li jirregolaw il-logħob fl-Istati Membri għandu jsir mill-perspettiva settorjali, billi kull restrizzjoni u kull logħba tiġi analizzata separatament. Konsegwentement, in-natura leġittima jew illeġittima b’relazzjoni għad-dritt Komunitarju tal-għażla monopolistika li saret fir-rigward ta’ ċertu logħob ser tiġi ddeterminata mill-koerenza jew mill-inkoerenza tagħha fir-rigward tal-għan tagħha, kif ukoll min-natura diskriminatorja jew indiskriminatorja u mill-proporzjonalità tagħha, imma, fl-ebda każ, ma hemm lok li tiġi evalwata b’relazzjoni għall-għażla leġiżlattiva li saret fir-rigward ta’ logħob ieħor tal-ażżard f’dan l-istess Stat Membru.

55.      Huwa x’inhuwa l-każ, u indipendentement minn din id-diskussjoni, nikkunsidra li d-deċiżjoni leġiżlattiva li jkun stabbilit monopolju rigward ċertu logħob u li l-logħob l-ieħor jitħalla f’idejn is-settur privat la tirriżulta a priori inkoerenti mal-għan tal-ġlieda kontra l-frodi u lanqas ma’ dak li jkunu limitati l-okkażjonijiet għal-logħob fi Stat Membru, sakemm l-awtoritajiet pubbliċi jiggarantixxu ċertu kontroll fuq l-operaturi, u sakemm l-offerta tal-logħob li tkun is-suġġett ta’ monopolju tkun inferjuri għal dik li jista’ jkun hemm b’fornitur privat (24). Jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, il-fatti msemmija ma jipprekludux politika tal-logħob koerenti u sistematika fis-sens tal-ġurisprudenza. Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika jekk l-imsemmija kundizzjonijiet jiġux sodisfatti.

B –    L-istruttura territorjali tal-Istat ma għandha l-ebda rilevanza għal dik l-evalwazzjoni

56.      Id-domanda preliminari tax-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht, madankollu, hija differenti meta mqabbla ma’ dik li għamlu l-Verwaltungsgericht Gießen u Stuttgart peress li l-ewwel waħda minn dan il-qrati tirreferi anki għall-effett li jista’ jkollu fuq il-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq il-fatt li l-liġijiet differenti dwar l-imħatri sportivi u l-lotteriji, minn naħa, u dwar logħob ieħor tal-ażżard, min-naħa l-oħra, huma dovuti għad-diversi kompetenzi leġiżlattivi tal-Länder u tal-Istat Federali.

57.      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux jeċċepixxu dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tas-sistema legali interna tagħhom biex jiġġustifikaw, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ksur tad-dritt tal-Unjoni (25), u lanqas, fil-każ ta’ danni kkawżati lil individwi min-nuqqas ta’ rispett tad-dritt tal-Unjoni, ma huma eżenti mir-responsabbiltà tagħhom billi jinvokaw it-tqassim tal-kompetenzi u tar-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet li jeżistu fis-sistema legali interna tagħhom (26). L-Istat, bħala entità unitarja, huwa responsabbli, indipendentment mill-organu li ta lok għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu, anki jekk din tkun “istituzzjoni kostituzzjonalment indipendenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (27).

58.      Fil-fehma tiegħi, jirriżulta wkoll li din il-ġurisprudenza hija applikabbli għal każ bħal dak tal-kawża prinċipali, fejn il-kwistjoni eżaminata hija dwar jekk politika nazzjonali u l-leġiżlazzjoni korrispondenti tagħha jiksrux id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet. Konsegwentement, nikkunsidra li t-tqassim territorjali tal-kompetenzi fi ħdan Stat ma għandu jkollu l-ebda rilevanza għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

59.      Il-kumplessità tal-istruttura territorjali interna ta’ Stat Membru u, b’mod partikolari, it-tqassim tal-kompetenzi rigward l-istess materja bejn żewġ entitajiet territorjalment differenti (f’dan il-każ, l-Istat Federali u l-Länder) per se ma tipperikolax il-koerenza tal-politika nazzjonali li qed tiġi analizzata (li għandha tiġi eżaminata fuq il-livell nazzjonali) imma ma tistax, min-naħa l-oħra, isservi ta’ skuża għal inkoerenzi eventwali jew għal diskriminazzjoni eventwali (28).

VII – Analiżi tat-tielet domanda preliminari

60.      Bit-tielet domanda tagħha, l-awtriċi tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 49 KE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tħalli għad-diskrezzjoni tal-awtorità inkarigata mill-għoti tal-awtorizzazzjonijiet l-għotja ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni u għall-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard, anki jekk il-kundizzjonijiet tal-għotja previsti mil-liġi jiġu sodisfatti.

61.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li din id-domanda hija rilevanti biss f’każ li s-sistema Ġermaniża ta’ monopolju tiġi kkunsidrata kuntrarja għat-Trattat. Fil-fehma tiegħi, għalhekk, id-domanda hija rilevanti anki jekk il-qorti nazzjonali, skont il-kriterji indikati mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiddikjara li l-koeżistenza ta’ monopolju għal ċertu logħob u tal-esplojtazzjoni min-naħa ta’ operaturi privati ta’ logħob ieħor ma tmurx kontra t-Trattat. F’dan il-każ, il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tkun applikabbli fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

62.      Is-sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni għal-libertajiet ta’ moviment, li tista’ tiġi ġġustifikata sakemm ma tkunx diskriminatorja, intiża li tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan ta’ interess ġenerali u hija xierqa li dan jintlaħaq, u proporzjonat għaliha (29).

63.      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, ma’ dawn il-kriterji għandhom jiġu miżjuda oħrajn li għandhom l-għan li dik l-awtorizzazzjoni, sa fejn tista’ timplika li l-libertà inkwistjoni hija suġġetta għad-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni, ma tagħmilhiex illużorja (30).

64.      F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, biex ikun iġġustifikat li sistema ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel tidderoga mil-libertaijiet fundamentali, din għandha, minn naħa, tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u magħrufa bil-quddiem, b’tali mod li l-limiti jkunu ristretti għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex din ma tintużax b’mod arbitrarju, u min-naħa l-oħra tkun ibbażata fuq sistema proċedurali faċilment aċċessibbli u adattata biex tiggarantixxi lill-interessati li l-applikazzjoni tagħhom ser tiġi meqjusa f’terminu raġonevoli kif ukoll b’oġġettività u imparzjalità, peress li ċaħda eventwali tal-awtorizzazzjoni għandha tkun tista’ tiġi kkontestata fi proċeduri ġudizzjarji (31).

65.      Għaldaqstant, is-setgħat tal-amministrazzjoni għandhom ikunu suġġetti għal ċerti limiti li jevitaw li dawn jintużaw b’mod abbużiv, imma l-qorti Komunitarja għandha teżiġi biss li s-setgħa ta’ awtorizzazzjoni tkun irregolata b’mod sħiħ. Inkella, ma jkunx hemm lok għar-restrizzjoni ta’ numru ta’ operaturi, li hija permessa ċerti drabi mill-ġurisprudenza (32), u t-twettiq tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw din ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jista’ jkun anki mfixkel (33).

66.      Konsegwentement, sakemm il-proċedura stabbilità tkun oġġettiva, trasparenti u mhux diskriminatorja, u li d-deċiżjoni adottata tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors, l-amministrazzjoni tista’ tirriżerva għaliha nfisha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex issib is-soluzzjoni l-iktar idonea għal kull sitwazzjoni. Din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 4(2) tal-GlüStV jippreċiża li ma hemmx dritt minn qabel għall-kisba tal-awtorizzazzjoni.

VIII – Analiżi tar-raba’ domanda preliminari

67.      Bir-raba’ u l-aħħar domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk projbizzjoni assoluta tal-organizzazzjoni u tal-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet hijiex konformi mal-Artikolu 49 KE, meta, fl-istess ħin, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li ċerti operaturi jkomplu jipproponu dan il-logħob fuq l-internet matul perijodu tranżitorju ta’ sena.

68.      B’din id-domanda, ix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu4(4) tal-GlüStV, li jipprojbixxi kull organizzazzjoni jew intermedjazzjoni permezz tal-internet tal-logħob pubbliku tal-ażżard huwiex kompatibbli mat-Trattat (34).

69.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma kompatibbli mat-Trattat projbizzjonijiet ġenerali oħrajn, bħal dawk li huma bbażati fuq modalità partikolari ta’ logħob (35). Jirriżulta li ma hemm xejn li jipprekludi l-legalità eventwali tal-projbizzjoni bbażata fuq mezz ta’ logħob partikolari, bħall-internet. Il-miżura mhijiex diskriminatorja peress li hija tikkonċerna kemm lill-operaturi Ġermaniżi kif ukoll lil dawk barranin (36) u tista’ tkun adattata biex tipproteġi lill-persuni li jilagħbu u biex tnaqqas il-manija għal-logħob, fir-rigward tal-karatteristiċi partikolari speċifiċi tal-logħob fuq l-internet (periklu speċifiku mil-lat tad-dipendenza, billi l-logħob isir fil-privat, li huwa suġġett għal offerta prattikament bla limiti – fl-istess ħin jistgħu jinfetħu diversi “twieqi” ta’ logħob – u li huwa disponibbli 24 siegħa kuljum u 365 jum fis-sena).

70.      Konsegwentement, projbizzjoni ta’ din ix-xorta tista’, l-istess bħal projbizzjonijiet oħrajn li jaffetwaw b’mod inqas evidenti l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tiġi ġġustifikata b’raġunijiet ta’ interess ġenerali u jista’ jirriżulta li hija konformi mat-Trattat, sakemm ma tkunx diskriminatorja u tirrispetta l-kriterji ta’ koerenza u ta’ proporzjonalità. Huwa minnu li ċerti elementi jistgħu jqajmu dubji rigward il-proporzjonalità tagħha peress li, b’paragun ma’ miżuri inqas restrittivi oħrajn (bħall-monopolju stess), projbizzjoni totali jista’ jkollha bħala effett li d-domanda għal-logħob tkun diretta lejn paġni illegali tal-internet. Bl-istess mod, jista’ jirriżulta li d-deċiżjoni tidħol f’kunflitt maż-żamma fl-istess ħin ta’ monopolju għal dan l-istess logħob (anki jekk dawn ma jkunux ipprovduti fuq l-internet), abbażi tal-ħtieġa li x-xewqat għal-logħob jingħataw direzzjoni. Però, għandha tkun il-qorti nazzjonali li tevalwa dawn il-kwistjonijiet kollha.

71.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma tikkontestax il-projbizzjoni tal-logħob minn fuq l-internet f’termini astratti u ġenerali, imma relattivament għad-dispożizzjoni tranżitorja li tippermetti li l-Länder iżommu l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-lotteriji fuq l-internet matul perijodu ta’ sena li beda jiddekorri mid-dħul fis-seħħ tal-GlüStV, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi biex dawn ikunu rrifjutati u li kundizzjonijiet addizzjonali oħrajn jiġu sodisfatti.

72.      Skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-GlüStV, din il-miżura tranżitorja kellha l-għan li tippermetti li l-operaturi tal-logħob tal-ażżard li jwettqu l-attività tagħhom kważi esklużivament permezz tal-internet jadattaw irwieħhom għall-qafas legali ġdid, filwaqt li jorjentaw irwieħhom lejn mezzi ta’ kummerċjalizzazzjoni ġodda permessi minnu (37). Konsegwentement, din hija deċiżjoni li għandha l-għan li tiproteġi ċ-ċertezza legali tal-operaturi, li, sad-data tal-projbizzjoni, kienu jaġixxu fil-kuntest ta’ sistema mhux ristrettiva.

73.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi l-importanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali li jagħmel parti mis-sistema legali Komunitarja u li għandu jiġu rrispettat kemm mill-istituzzjonijiet Komunitarji kif ukoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħat li jagħtihom id-dritt Komunitarju (38).

74.      Fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan il-prinċipju, id-direttivi Komunitarji normalment jipprevedu terminu raġonevoli, li jibda jiddekorri mid-dħul fis-seħħ tagħhom, biex ikunu trasposti u implementati, u l-ġurisprudenza tikkunsidra li l-posponiment temporanju min-naħa tal-Istati Membri tal-adattament ta’ diversi sitwazzjonijiet – fattwali u ġuridiċi – għad-dritt Komunitarju, jista’ jkun iġġustifikat.

75.      Pereżempju, fis-sentenza ASM Brescia (39), il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet, abbażi tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li l-perijodu ta’ validità ta’ konċessjoni għat-tqassim tal-gass li tmur kontra l-Artikoli 49 KE u 86 KE jiġi pprorogat. Hemm ukoll għadd ta’ sentenzi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, billi tinvoka l-prinċipju taċ-ċertezza legali, teżerċita s-setgħa li jagħtiha t-tieni paragrafu tal-Artikolu 231 KE, li jindika liema mill-effetti tar-regolamenti annullati għandhom jitqiesu li jibqgħu fis-seħħ (40).

76.      Issa, sa fejn wieħed jikkunsidra li l-prinċipju taċ-ċertezza legali huwa wieħed mir-raġunijiet mandatorji ta’ interess ġenerali li jista’ jiġi invokat mill-Istati Membri biex regola jew sitwazzjoni li tmur kontra l-libertajiet tat-Trattat tinżamm provviżorjament, iktar u iktar għandha tiġi sostnuta l-leġittimità ta’ deċiżjoni li twassal għar-restrizzjoni ta’ waħda mill-imsemmija libertajiet, billi l-partijiet ikkonċernati jingħataw terminu biex jadattaw irwieħhom għar-rekwiżiti l-ġodda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

77.      Bl-istess mod, nikkunsidra li d-deċiżjoni li jkun pospost id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni tal-logħob fuq l-internet ma tippreġudikax il-koerenza ta’ din il-miżura restrittiva u lanqas ma tqiegħed fil-periklu t-twettiq tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li għandha.

78.      L-ewwel nett, anki jekk il-projbizzjoni tal-logħob tal-ażżard fuq l-internet tista’ tiġi ġġustifikata minħabba r-riskju kbir ta’ dipendenza li l-logħob jinvolvi, ma jidhirlix li l-ħtieġa li jiġi eliminat hija daqstant urġenti li għandha tipprevali fuq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju taċ-ċertezza legali.

79.      Insegwitu, wieħed ma għandux jinsa li l-perijodu tranżitorju stabbilit fl-Artikolu 25(6) tal-GlüStV huwa suġġett għal kundizzjonijiet u għal rekwiżiti importanti. L-ewwel nett, huwa applikabbli biss għal-lotteriji u mhux għall-imħatri sportivi, li l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tagħhom fuq l-internet huma pprojbiti minn meta daħal fis-seħħ il-GlüStV minħabba l-periklu speċifiku tagħhom. It-tieni nett, l-awtorizzazzjoni tranżitorja tal-lotteriji fuq l-internet hija suġġetta għal diversi rekwiżiti u restrizzjonijiet li għandhom l-għan li jevitaw ir-riskji li dan it-tip ta’ logħob jista’ jinvolvi. B’hekk, din id-dispożizzjoni timponi garanzija li jkunu esklużi l-minuri u l-persuni li huma pprojbiti li jilagħbu, tillimita l-ammont tal-imħatri għal EUR 1 000 fix-xahar, u tipprojbixxi l-kreditu u l-parteċipazzjoni interattiva bil-pubblikazzjoni tar-riżultati li jirriflettu dak li jkun għaddej f’dak il-mument, pereżempju.

80.      Fl-aħħar nett, kif jippreċiża d-digriet tar-rinviju tad-domandi preliminari, id-dispożizzjoni tranżitorja introdotta mill-GlüStV tikkostitwixxi kumpens għal finijiet ta’ ekwità li jirrispetta d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ u tal-persuni li jilagħbu. Huwa għal din ir-raġuni, li nikkunsidra li l-fatt li ġiet prevista tali dispożizzjoni mhuwiex inkoerenti mal-projbizzjoni tal-logħob fuq l-internet, peress li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni għall-qafas legali l-ġdid bl-iktar mod possibbli li jirrispetta l-għanijiet ta’ interess ġenerali mixtieqa u l-prinċipju taċ-ċertezza legali.

IX – Konklużjonijiet

81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mix-Schleswig Holsteinisches Verwaltungsgericht, fit-termini li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-invokazzjoni tal-libertà li jiġu pprovuti servizzi tippreżumi li l-liċenzja mogħtija mill-Istat Membru ta’ stabbiliment tawtorizza lill-fornitur biex jagħti s-servizz inkwistjoni f’l-Istat Membru fejn huwa stabbilit. Madankollu, ir-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet fil-qasam tal-logħob mhuwiex vijabbli fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni.

2)      L-Artikolu 49 KE huwa kompatibbli ma’ monopolju tal-Istat fil-qasam tal-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi u ta’ lotteriji, essenzjalment immotivat mill-ġlieda kontra r-riskju tad-dipendenza mil-logħob, anki meta f’dan l-istess Stat Membru, fornituri ta’ servizzi privati jistgħu jipprovdu logħob ieħor tal-ażżard li għandu potenzjal ta’ riskju ta’ dipendenza sinjifikattiv, sakemm l-awtoritajiet pubbliċi jissolverjaw sabiex jiżguraw ċertu kontroll fuq l-operaturi privati u li l-offerta tal-logħob li tkun is-suġġett tal-monopolju tkun inferjuri għal dik li jista’ jkun hemm b’fornitur privat. Jekk dawn il-kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, il-fatti indikati ma jipprekludux politika tal-logħob koerenti u sistematika fis-sens tal-ġurisprudenza. Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika jekk l-imsemmija kundizzjonijiet mhumiex sodisfatti.

It-tqassim tal-kompetenzi leġiżlattivi fil-qasam tal-logħob bejn l-Istat Federali u l-Länder per se ma jipperikolax il-koerenza tal-politika nazzjonali li qed tiġi analizzata (li għandha tiġi eżaminata b’mod globali fuq il-livell nazzjonali), imma ma jistax, min-naħa l-oħra, iservi ta’ skuża għal inkoerenzi eventwali.

3)      L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tħalli għad-diskrezzjoni tal-awtorità inkarigata mill-għoti tal-awtorizzazzjonijiet l-għotja ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni u għall-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard, sakemm il-proċedura stabbilita tkun oġġettiva, trasparenti u mhux diskriminatorja u li d-deċiżjoni adottata tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors.

4)      L-Artikolu 49 KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard pubbliku fuq l-internet, sakemm il-miżura tkun koerenti meta mqabbla mal-għan ta’ interess ġenerali invokat bħala ġustifikazzjoni u tkun proporzjonata għall-imsemmi għan, u minkejja l-fatt li, fl-istess ħin, l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni fuq l-internet ikunu, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ u tal-persuni li jilagħbu, permessi għal finijiet ta’ ekwità, indirizzati speċifikatament għas-suġġetti li joperaw sa dik id-data esklużivament permezz tal-internet.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 BverfG, 1 BvR 1054/01


3 – Kawżi C-316/07, C-358/07, C-359/07, C-360/07, C-409/07 u C-410/07, p. I‑0000, li fihom jiena ppreżentajt il-konklużjonijiet f’din l-istess ġurnata


4 – ĠU L 200M, 1.8.2007, p. 729; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-servizzi”.


5 – Iċċitata iktar ’il fuq.


6 – BVerfG, 1 BvR 1054/01, punti 148 et seq, fejn din il-qorti tippreċiża l-kundizzjonijet meħtieġa sabiex il-monopolju fuq l-imħatri jsir konsistenti – mil-lat leġiżlattiv u organizzattiv – mal-Liġi Fundamentali.


7 – Il-GlüStV jissostitwixxi t-Trattat tal-Istat dwar il-lotteriji fil-Ġermanja (Staatsvertrag zum Lotteriewesen in Deutschland, iktar ’il quddiem il-“LottStV”), li kien daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2004.


8 – “Il-liċenzja mogħtija lil Ġibiltà għall-organizzazzjoni tal-imħatri sportivi permezz tal-internet għall-ewwel kienet limitata […] għal offerti proposti barra minn Ġibiltà” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (nota ta’ intervent ta’ Carmen Media, punt 11).


9 – Liema sistema, f’kull każ, intemmet fl-2006.


10 – Artikolu 3(c) tad-Digriet dwar l-Impriżi (Tassazzjoni u Konċessjonijiet) tal-1983.


11 – K.A. Amstrong, “Mutual Recognition” f’The Law of the single European Market Unpacking premises, taħt id-direzzjoni ta’ C. Barnard u J. Scott, Hart Publishing, 2002, p. 230.


12 279/80, Ġabra p. 3305


13 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger (C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 15); tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C-43/93, Ġabra p. I-3803, punt 16); tat-28 ta’ Marzu 1996, Guiot (C-272/94, Ġabra p. I-1905, punt 11); tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et (C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, punt 34); u tal-15 ta’ Marzu 2001, Mazzoleni u ISA (C-165/98, Ġabra p. I-2189, punt 25).


14 – Pereżempju, il-protezzjoni tal-konsumaturi, jew il-ġlieda kontra l-kriminalità f’settur partikolari.


15 – Enfasi miżjuda minni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Säger, iċċitata iktar ’il fuq (punt 12); Guiot, iċċitata iktar ’il fuq (punt 10), u tat-12 ta’ Diċembru 1996, Reisebüro Broede (C-3/95, Ġabra p. I-6511, punt 25).


16 – C-167/01, Ġabra p. I-10155.


17 – Punt 139.


18 – C-56/96, Ġabra p. I-3143.


19 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C-212/97, Ġabra p. I-1459, punt 27).


20 – Pereżempju, is-sentenza Inspire Art, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-libertà ta’ stabbiliment (punt 139).


21 – Punti 90 sa 105.


22 – Sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä (C‑124/97, Ġabra p. I‑6067); tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C-6/01, Ġabra p. I-8621), kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International (C-42/07, Ġabra p. I‑7633).


23 – Punti 61 sa 76.


24 – Punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi maqgħuda Markus Stoß et, (iċċitati iktar ’il fuq).


25 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (160/82, Ġabra p. 4637, punt 4); tal-5 ta’ Ġunju 1984, Il-Kummissjoni vs L-Italja (280/83, Ġabra p. 2361, punt 4); tat-28 ta’ Marzu 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (215/83, Ġabra p. 1039, punt 25); tal-15 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-326/97, Ġabra p. 6107, punt 7); u tat-28 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-298/97, Ġabra p. I-3301, punt 14).


26 – Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999, Konle (C-302/97, Ġabra p. I-3099, punt 62).


27 – Sentenza tal-5 ta’ Mejju 1970, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (77/69, Ġabra p. 237, punt 15).


28 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Horvath (C-428/07, Ġabra p. I‑6355, punti 47 sa 58).


29 – Sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C-243/01, Ġabra p. I-13031, punt 65); tat-13 ta’ Novembru 2003, Lindman (C-42/02, Ġabra p. I-13519, punt 29); tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica (C‑338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punt 49), kif ukoll Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 60).


30 – Ara s-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, Ġabra p. 377, punt 34); tat-23 ta’ Frar 1995, Bordessa et (C-358/93 u C-416/93, Ġabra p. I-361, punt 25); tal-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et (C-163/94, C-165/94 u C‑250/94, Ġabra p. I-4821, punti 23 sa 28); tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et (C-205/99, Ġabra p. I‑1271, punt 37); kif ukoll tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet (C-385/99, Ġabra p. I-4509, punt 84).


31 – Sentenzi Müller-Fauré u van Riet, iċċitata iktar ’il fuq (punt 85); Analir et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 38), kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C-157/99, Ġabra p. I-5473, punt 90).


32 – Sentenza Placanica, iċċitata iktar ’il fuq (punti 53 sa 58).


33 – Il-ġurisprudenza fil-qasam tal-logħob tirreferi ta’ spiss għall-ħtieġa, min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, li jkollhom “setgħa diskrezzjonali biżżejjed” biex jiddeterminaw ir-rekwiżiti li jinvolvi l-għan ta’ interess ġenerali fejn jipprevalu (sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C-275/92, Ġabra p. I-1039, punt 61, u tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti C-67/98, Ġabra p. I-7289, punt 15, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Läärä et, punt 14; Gabelli et, punt 63; Placanica et, punt 47 u Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, punt 57).


34 – Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ippreċiża li l-projbizzjoni tal-logħob minn fuq l-internet hija applikabbli kemm għall-imħatri sportivi u għal-lotteriji kif ukoll għall-każinò u għall-magni tal-logħob. Il-paġni tal-internet ta’ din ix-xorta li jistgħu jeżistu fil-Ġermanja (li wħud minnhom jissemmew fil-proċess), għaldaqstant, ma humiex legali.


35 – Pereżempju, is-sentenza Schindler, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-projbizzjoni tal-lotteriji li tipprevedi l-leġiżlazzjoni Brittanika.


36 – Bla ħsara għall-preċiżazzjoni msemmija fil-punt 31 ta’dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, mill-fatt li l-operaturi barranin ikunu “dipendenti” fuq l-internet ma jidhirx li, kif issostni Carmen Media, jirriżulta li hemm “diskriminazzjoni moħbija” [traduzzjoni mhux uffiċjali], billi dawn għandhom l-istess dritt li jwettqu l-attività tagħhom fil-Ġermanja bħall-impriżi Ġermaniżi.


37 – Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan huwa “kumpens għal finijiet ta’ ekwita għal żewġ operaturi tal-logħob kummerċjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li kienu indikati b’isimhom fl-espożizzjoni tal-motivi tal-GlüStV. Madankollu, il-Gvern Ġermaniż ċaħad dan l-argument fin-nota ta’ intervent tiegħu, billi sostna li l-applikazzjoni tal-Artikolu 25(6) tal-GlüStV ma hijiex limitata għal dawk iż-żewġ operaturi imma tapplika wkoll “għal operaturi tal-logħob barranin li jorganizzaw lotteriji awtorizzati fir-rispett tal-kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-pajjiż tagħhom”. Għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika kemm hija minnha din l-affermazzjoni, peress li, jekk din hija dispożizzjoni ad nominem, jiġifieri applikabbli esklużivament fir-rigward ta’ ċerti impriżi, hemm diskriminazzjoni li tmur kontra t-Trattat.


38 – Sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 1998, Belgocodex (C-381/97, Ġabra p. I-8153, punt 26); tad-29 ta’ April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep (C-487/01 u C-7/02, Ġabra p. I-5337, punt 57); u tas-26 ta’ April 2005, “Goed Wonen” (C-376/02, Ġabra p. I-3445, punt 32).


39 – Sentenza tal-24 ta’ April 2008 (C-347/06, Ġabra p. I-5641).


40 – Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-402/05 P u C-415/05 P, Ġabra p. I-6351, punti 373 et seq). Il-Qorti tal-Ġustizzja tapplika din id-dispożizzjoni, b’analoġija, fil-kuntest tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari u għall-atti kollha tad-dritt sekondarju. Ara wkoll is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1980, Providence agricole de Champagne (4/79, Ġabra p. 2823, punti 45 u 46); u tal-5 ta’ Lulju 1995, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑21/94, Ġabra p. I-1827, punti 29 sa 32). Għad trid tingħata riposta għad-domanda jekk din il-possibbiltà tistax tiġi applikata anki fir-rigward tar-regoli tad-dritt intern li jmorru kontra norma tad-dritt Komunitarju direttament applikabbli, li saret lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Winner Wetten GmbH (C-409/06) p. I‑0000). L-Avukat Ġenerali Bot, fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fis-26 ta’ Jannar 2010, diġà ta risposta negattiva għal dik id-domanda.