KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-8 ta’ Ottubru 2009 1(1)

Kawża C‑28/08 P

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Bavarian Lager Co. Ltd.

“Appell – Aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet Komunitarji – Dokument li jirrigwarda laqgħa li saret fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”






Werrej


I –   Introduzzjoni

II – L-isfond legali

A –   Dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati u strumenti internazzjonali oħra

B –   Id-dritt Komunitarju sekondarju

1.     Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 

2.     Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti

III – Il-fatti tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

V –   Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-aggravji tal-partijiet

VI – Sommarju tal-pożizzjonijiet tal-partijiet u tal-intervenjenti

A –   L-appell

B –   L-osservazzjonijiet ta’ Bavarian Lager u tal-intervenjenti

VII – Analiżi ta’ dan l-appell

A –   Is-soluzzjoni proposta għall-ewwel u t-tieni aggravji

1.     Paragun bejn iż-żewġ regolamenti inkwistjoni

a)     It-travaux préparatoires għar-Regolament Nru 45/2001

b)     Il-ġurisprudenza

c)     Oġġezzjonijiet oħra

2.     Il-konsegwenzi tar-rikonċiljament taż-żewġ regolamenti

a)     Eżami tal-problema f’termini ġenerali

3.     L-eżitu

B –   It-tielet aggravju tal-appell

C –   Soluzzjoni alternattiva għall-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell

VIII – L-ispejjeż

IX – Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        Soċjetà demokratika rregolata mill-istat tad-dritt għandha interess fundamentali kemm li jingħata aċċess kemm jista’ jkun wiesa’ għal dokumenti pubbliċi kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ħajja privata u l-integrità tal-individwi tagħha. Għaldaqstant, l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxi l-aċċess għad-dokumenti pubbliċi u l-protezzjoni tal-ħajja privata bħala drittijiet fundamentali.

2.        L-appell preżenti jirrileva b’mod ċar il-problema tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ drittijiet. Hemm konflitt fis-sustanza u fl-operat bejn id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni sekondarja adottata mill-Unjoni Ewropea, fil-forma tar-regolament, li jikkonċernaw, rispettivament l-aċċess għal dokumenti u l-protezzjoni ta’ data personali? Jew inkella, huwa possibbli li dawn iż-żewġ regolamenti jiġu applikati b’mod armonizzat – u, jekk dan huwa l-każ, kif preċiżament jista’ jintlaħaq dan?

3.        Ifformulata f’dawn it-termini, il-problema għandha ħafna komuni mal-paradoss ifformulat minn Isaac Asimov meta huwa saqsa: ‘X’jiġri jekk forza irreżistibbli tiltaqa’ ma’ oġġett li ma jistax jiġi mċaqlaq?’(2). Ibdel il-frażi “forza irreżistibbli” ma’ “id-dritt għall-aċċess għal dokumenti” u “oġġett li ma jistax jiġi mċaqlaq” ma’ “id-dritt ta’ protezzjoni ta’ data personali” u jkollna illustrazzjoni sinjifikattiva ħafna tal-kumplessità intrinsika tal-appell imressaq mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (3).

4.        Iżda l-akbar sorpriża ma hijiex li domandi simili għal dawk li niltaqgħu magħhom f’oqsma xjentifiċi jistgħu jqumu fid-duttrina legali iżda pjuttost li, kif ser naraw, ir-risposta li għandha tingħata tidher li hija ispirata minn dik ta’ Asimov. Wara li janalizza l-kunċetti ta’ “forza irreżistibbli” u ta’ “oġġett li ma jistax jiġi mċaqlaq”, Asimov jieħu l-pożizzjoni, essenzjalment, li l-ebda univers b’kontradizzjonijiet inerenti bħal dawn ma jista’ jeżisti, biex b’hekk id-domanda hija waħda bla sens u ma għandhiex tingħata risposta għaliha. Is-soluzzjoni li jien qed nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża hija bbażata wkoll fuq il-ħtieġa li tingħata tifsira adegwata tal-kunċetti legali li jinkorporaw id-drittijiet li allegatament huma konfliġġenti. Il-konflitt imbagħad ser jirrileva ruħu bħala iktar apparenti milli reali.

II – L-isfond legali

A –    Dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati u strumenti internazzjonali oħra

5.        Ġaladarba l-kontroversja bejn il-Kummissjoni u Bavarian Lager tikkonċerna drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, huwa xieraq li wieħed jibda bl-Artikolu 6 tat-Trattat UE, li jipprovdi:

“1.      L-Unjoni hi stabbilita fuq il-prinċipji ta’ libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.

2.      L-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali [‘KEDB’] (4) u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

[…]’’

6.        Fir-rigward tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata, l-Artikolu 8 tal-KEDB jistipula:

“1. Kulħadd għandu dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu u ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.

2. M’għandux ikun hemm indħil minn ebda awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skont il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid nazzjonali tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-għemil ta’ delitti għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet jew il-libertajiet ta’ ħaddieħor.”

7.        Biex jiġi kkompletat dan l-artikolu, il-Kunsill tal-Ewropa approva fit-28 ta’ Jannar 1981, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (iktar ’il quddiem “Il-Konvenzjoni Nru 108”), li l-Kummissjoni ċċitat fl-appell tagħha billi indikat li hija influwenzat id-dritt Komunitarju f’dan il-qasam. Fil-fehma tiegħi, għandha tissemma t-tieni premessa għal din il-konvenzjoni li tipprovdi “[…] huwa mixtieq li jiġu estiżi s-salvagwardji għad-drittijiet u libertajiet fundamentali ta’ kulħadd, u b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-privatezza, billi jiġi kkunsidrat il-moviment transkonfinali li dejjem qed jiżdied ta’ data personali li tgħaddi minn ipproċessar awtomatiku”.

8.        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Nru 108 jiddeskrivi l-għan u l-finalità tal-konvenzjoni fit-termini li ġejjin:

“L-għan ta’ din il-konvenzjoni huwa li jiġi żgurat […] għal kull persuna fiżika […], indipendentement min-nazzjonalità u r-residenza tagħha, ir-rispett għad-drittijiet u libertajiet fundamentali tagħha, u b’mod partikolari d-dritt tagħha għall-ħajja privata, fir-rigward ta’ ipproċessar awtomatiku ta’ data personali li tirrigwarda lilha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.        Fil-kuntest tat-Trattat KE, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ġie stabbilit, wara t-Trattat ta’ Amsterdam, fl-Artikolu 255:

“1.      Kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, soġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skont il-paragrafi 2 u 3.

[…]”

10.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dritt tal-protezzjoni ta’ data personali, l-Artikolu 286(1) KE jistipula li l-atti Komunitarji li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar u l-moviment liberu ta’ din id-data huma applikabbli għall-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet Komunitarji  (5).

11.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (6) ukoll tirrikonoxxi l-importanza fundamentali tal-protezzjoni tad-data personali kif ukoll tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Għalhekk, l-Artikolu 8(1) u (2) huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha.

2.      Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt ta’ rettifika tagħha.”

12.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 42 jittratta l-aċċess għal dokumenti fit-termini li ġejjin:

“Kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni, ikun xi jkun il-mezz tagħhom.”

13.      Barra dan, l-Artikolu 7 tal-Karta, taħt it-titolu “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”, jirriproduċi parzjalment l-Artikolu 8 tal-KEDB, billi jistipula li:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha.”

14.      Fl-aħħar nett, id-Dikjarazzjoni Nru 17 annessa mal-Att Finali tat-Trattat ta’ Maastricht affermat li t-trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet issaħħaħ in-natura demokratika tal-istituzzjonijiet u tal-fiduċja tal-pubbliku fl-amministrazzjoni, u ssejjaħ lill-Kummissjoni biex tippreżenta miżuri intiżi biex itejbu l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni miżmuma mill-istituzzjonijiet.

B –    Id-dritt Komunitarju sekondarju

1.      Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (7)

15.      Dan ir-regolament, adottat abbażi tal-Artikolu 268 KE iċċitat iktar ’il fuq, huwa l-istrument prinċipali li jipproteġi d-data personali meta din tiġi pproċessata b’xi mod mill-istituzzjonijiet Komunitarji. Dan huwa wieħed minn totalità ta’ miżuri leġiżlattivi, flimkien mad-Direttivi 95/46/KE (8) u 97/66/KE (9), li jiffurmaw l-acquis communautaire fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali.

16.      Fil-kuntest ta’ din il-kontroversja, huwa utli li wieħed jiffoka fuq ċerti partijiet tal-preambolu tiegħu. B’hekk, fil-premessa 8 tiegħu hemm iddikjarat “[i]l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data għandhom japplikaw għal kull informazzjoni li tikkonċerna persuna identifikata jew identifikabbli”.

17.      Min-naħa tagħha, il-premessa 14 tistipula li d-dispożizzjonijiet Komunitarji għandhom japplikaw “[…] għall-ipproċessar kollu ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha Komunitarji sal-limitu li dak l-ipproċessar isir fl-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet li kollha jew parti minnhom jaqgħu fil-qasam ta’ l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità”.

18.      Imbagħad, il-premessa 15 tistipula b’mod ċar u espliċitu li “[…] [l-]aċċess għal dokumenti, inklużi l-kondizzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti li jkun fihom data personali huwa regolat bir-regoli adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 255[KE] […] li l-iskop tiegħu jinkludi it-Titoli V u VI tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea”.

19.      Fl-aħħar nett, il-premessa 22 tistipula li “[i]d-drittijiet akkordati lis-suġġett tad-data u l-eżerċizzju tagħhom m’għandux jaffettwa l-obbligazzjonijiet imqegħda fuq il-kontrollur”.

20.      L-għan prinċipali tar-Regolament Nru 45/2001 huwa stabbilit fl-Artikolu 1(1), li huwa fformulat kif ġej:

“1.      […] l-istituzzjonijiet u l-korpi stabbiliti minn, jew fuq il-bażi ta’, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjħa “istituzzjonijiet jew korpi tal-Komunità”, għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni naturali, u b’mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali […]”. Dan l-artikolu jenfasizza b’hekk ir-rispett tal-kuntest ġuridiku adottat skont id-Direttiva 95/46/KE.

21.      L-Artikolu 2 jagħti diversi definizzjonijiet (10), li minnhom għandhom jissemmew dawn li ġejjin:

“a)      “data personali”: għandha tfisser kull informazzjoni relatata ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli […]; persuna identifikabbli hija waħda li tkun tista’ tiġi identifikata direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għall-numru ta’ identifikazzjoni jew għall-fattur wieħed jew iktar speċifiku għall-identità tiegħu jew tagħha fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali;

b)      “proċessar ta’ data personali” […] għandha tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li hija mwettqa fuq data personali, sew jekk b’mezzi awtomatiċi, sew jekk le, bħal […] kxif permezz ta’ trasmissjoni, disseminazzjoni, jew li tintgħamel disponibbli b’mod ieħor […];

ċ)      “sistema ta’ filing ta’ data personali” […] għandha tfisser kull sett strutturat ta’ data personali li hu aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, sew jekk, ċentralizzati, diċentralizzati, jew imxerda fuq bażi funzjonali jew ġeografiku;

[…]”

22.      L-Artikolu 3(1) u (2) jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni (11) tar-Regolament Nru 45/2001, u jistipula:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet kollha jew il-korpi [kollha] tal-Komunità, sal-limitu li dak l-ipproċessar ikollu isir fl-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet kollha jew parti minnhom li jaqgħu fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità.

2.      Dan ir-regolament għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kollha kemm hi jew in parti b’mezzi awtomatiċi, u għal ipproċessar ħlief dak b’mezzi awtomatiċi ta’ data personali li jifforma parti minn sistema ta’ filing, jew li hu maħsub li jifforma parti minn sistema ta’ filing.”

23.      Fir-rigward tal-kwalità tad-data, l-Artikolu 4 essenzjalment jistipula li d-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod ġust u legali, tkun miġbura għal għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u ma tiġix sussegwentement ipproċessata b’mod inkompatibbli ma’ dawn l-għanijiet (12).

24.      Billi stabbilixxa l-prinċipji li jirregolaw l-immaniġġjar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet Komunitarji, l-Artikolu 5 jenfasizza l-bżonn li l-ipproċessar ikun legali, biex b’hekk id-data tista’ tiġi pproċessata biss jekk:

“a)      l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-eżerċizzju ta’ xogħol magħmul fl-interess pubbliku […] jew

b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligazzjoni legali li għaliha l-kontrollur huwa suġġett, jew

[…]

d)      is-suġġett tad-data jkun [ta] l-kunsens kategoriku tiegħu jew tagħha,

[…] ”

25.      Ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ data personali lil reċipjenti li mhumiex istituzzjonijiet u korpi Komunitarji, suġġetti għad-Direttiva 95/46/KE, jinsabu – bla preġudizzju għall-Artikoli 4, 5, 6 u 10 – fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 45/2001, li jillimita trasferiment bħal dan fit-termini li ġejjin:

“[…]

a)      jekk ir-reċipjent jistabbilixxi li d-data hija meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew soġġett għall-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, jew

b)      jekk ir-reċipjent jistabbilixxi l-ħtieġa li jkollu dik id-data trasferita u ma jkunx hemm ebda raġuni li jiġi dedott li l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data jistgħu jiġu preġudikati.”

26.      L-Artikolu 18 jistabbilixxi, min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ oġġezzjoni tal-persuna kkonċernata (13), li minnu għandhom jissemmew id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt:

(a)      li joġġezzjona f’kull żmien, fuq bażi leġittima li jġiegħel fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu jew tagħha, għall-ipproċessar ta’ data li tirrelata miegħu jew magħha, ħlief fil-każi koperti bl-Artikolu 5(b), (ċ) u (d). Fejn ikun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar in kwistjoni m’għandux aktar jinvolvi dik id-data;

[…] ”

27.      Fl-aħħar nett, id-Direttiva 95/46 hija importanti għal finijiet ta’ interpretazzjoni, peress li hemm riferiment espressa għaliha fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva Nru 45/2001. Din id-direttiva teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u, b’mod partikolari, id-dritt tagħhom għall-privatezza, fil-kuntest tal-ipproċessar ta’ data personali, sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ data personali fil-Komunità.

2.      Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti

28.      Il-Kodiċi ta’ Kondotta li għandu x’jaqsam mal-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (14) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Kondotta”) fih numru ta’ regoli biex jittratta l-konflitti bejn l-aċċess għal dokumenti u l-protezzjoni tal-ħajja privata. B’mod partikolari, taħt it-titolu “Eċċezzjonijiet”, dan stabbilixxa:

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal kwalunkwe dokument meta l-iżvelar jista’ jdgħajjef:

–        il-protezzjoni tal-interess pubbliku (is-sigurtà pubblika, ir-relazzjonijiet internazzjonali, l-istabbilità monetarja, il-proċedimenti, l-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet ġudizzjarji),

–        il-protezzjoni tal-individwu u tal-ħajja privata,

–        […] ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

29.      F’Mejju 2001, ġie adottat ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (15). Fis-seħħ mit-3 ta’ Diċembru 2001, dan jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ ċerti istituzzjonijiet previsti fl-Artikolu 255 KE.

30.      Permezz tad-Deċiżjoni 2001/937/KE, KEFA, Euratom (16), id-Deċiżjoni 94/90 ġiet imħassra u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 ġew miżjuda bħala anness għar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni (17). B’dan il-mod, il-Kummissjoni daħħlet fil-funzjonament tagħha l-linji gwida tar-Regolament Nru 1049/2001.

31.      Fil-premessi 1, 2 u 3 tar-Regolament Nru 1049/2001, isir riferiment għall-ftuħ u għat-trasparenza, li jirriżultaw direttament mill-Artikolu 1 UE, bil-ħsieb li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jinġieb iktar viċin taċ-ċittadini u tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-proċess bl-iktar mod miftuħ possibbli. L-imsemmi għan huwa b’hekk li jinkisbu leġittimità, effiċjenza u responsabbiltà ikbar min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini, li jiġu msaħħa l-prinċipji tad-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 6 UE u fil-Karta. Ir-Regolament Nru 1049/2001 għaldaqstant huwa maħsub biex jikkonsolida l-inizjattivi li ttieħdu iktar qabel mill-istituzzjonijiet bil-ħsieb li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet isir iktar trasparenti.

32.      Il-premessi 4 u 11 tar-Regolament Nru 1049/2001 jistipulaw kif ġej:

“(4)      L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jagħti l-akbar effett possibbli lid-dritt ta’ l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u li jistipula l-prinċipji ġenerali u l-limiti fuq dan l-aċċess skont l-Artikolu 255(2)... KE.

[…]

(11)      Bħala prinċipju, kull dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, bħala eċċezzjonijiet, xi interessi pubbliċi u privati għandhom jitħarsu. L-istituzzjonijiet għandhom ikollhom id-dritt li jħarsu l-konsultazzjonijiet u d-deliberazzjonijiet interni tagħhom fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardjaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom. Meta jagħmlu stima ta’ l-eċċezzjonijiet, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-liġi Komunitarja dwar il-protezzjoni ta‘ data personali, f’kull qasam ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.”

33.      Taħt it-titolu “Għan”, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1049/2001 jistipula kif ġej:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa:

(a)       li jfisser il-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw l-aċċess pubbliku għad-dokumenti […] tal-Kummissjoni […] sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti;

(b)       li jistabbilixxi regoli li jiżguraw l-aktar faċilità fl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, u

(ċ)      li jippromwovi prattika amministrattiv tajba fl-aċċess għad-dokumenti.”

34.      L-Artikolu 2, taħt it-titolu “Benefiċjarji u skop”, essenzjalment jistipula li ġej:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru, għandu dritt tal-aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall- […] dan ir-Regolament.

2. L-istituzzjonijiet jistgħu […] jagħtu aċċess għad-dokumenti lil kull persuna naturali jew legali li m’hijiex residenti jew li m’għandhiex l-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru.

3. Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil [għal] kull dokument miżmum minn istituzzjoni [ ;] […] dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.”

35.      L-Artikolu 3 jagħti ċerti definizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, li minnhom dawn li ġejjin huma rilevanti:

“Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament:

(a) “dokument” tfisser il-kontenut, ikun liema jkun il-medju tiegħu (miktub fuq karta jew reġistrat f’forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni ta’ ħoss, viżiv jew awdjoviżiv) dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta’ responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni;

[…]”

36.      Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jikkonċerna eċċezzjonijiet għad-dritt tal-aċċess:

“1.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

(b)      il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali.

2.      L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

[…]

–      l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki,

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

3.      Aċċess għal dokument, miktub minn istituzzjoni għall-użu intern […] dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rrifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

[…]

6.      Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub huma koperti minn xi eċċezzjoni, il-biċċiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati.

[…] ”

37.      Bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, applikant mhux obbligat li jagħti raġunijiet għat-talba tiegħu għal dokument (18).

III – Il-fatti tal-kawża quddiem il-Qorti tal‑Prim’Istanza

38.       Bavarian Lager Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Bavarian Lager”) ġiet stabbilita fl-1992 biex timporta birra Ġermaniża bbottiljata għall-pubs u għall-barijiet fir-Renju Unit, prinċipalment fit-tramuntana tal-Ingilterra. Madankollu, ir-rikorrenti ma setgħatx tbiegħ faċilment il-prodotti tagħha, peress li numru kbir minn dawn l-istabbilimenti kienu marbutin b’kuntratti ta’ xiri esklużivi li jobbligawhom jakkwistaw il-provvisti tagħhom ta’ birra minn ċerti birreriji.

39.      Bis-saħħa ta’ digriet ministerjali (19), il-birreriji tal-Renju Unit bi drittijiet f’iktar minn 2 000 pub kellhom jippermettu l-maniġers ta’ dawn l-istabbilimenti li jixtru birra minn birrerija oħra, sakemm din tkun ikkundizzjonata f’bittija u jkollha kontenut ta’ alkoħol li jeċċedi 1.2 % bħala volum (l-Artikolu 7(2)(a) tad-digriet). Din id-dispożizzjoni kienet ġeneralment magħrufa bħala l-“Guest Beer Provision” (iktar ’il-quddiem il-“GBP”).

40.      Madankollu, fir-realtà, il-parti l-kbira tal-birer prodotti barra mir-Renju Unit kienu kkundizzjonati u mibjugħa fi fliexken. Dawn ma setgħux jitqiesu li kienu “birer ikkundizzjonati fil-btieti” fis-sens tal-GBP u għalhekk ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Billi ħadet il-pożizzjoni li l-GBP kienet tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet u għalhekk kienet inkompatibbli mal-Artikolu 28 KE, Bavarian Lager ippreżentat ilment mal-Kummissjoni f’April 1993 (20).

41.      Fil-kuntest tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju Unit li bdiet f’April 1995 taħt l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni kienet ħabbret l-intenzjoni tagħha li toħroġ opinjoni motivata lill-pajjiż ikkonċernat. Matul il-proċedura prekontenzjuża, saret laqgħa fil-11 ta’ Ottubru 1996 (iktar ’il quddiem il-“laqgħa ta’ Ottubru 1996”) bejn rappreżentanti tal-Komunità u l-awtoritajiet amministrattivi tar-Renju Unit u l-Confédération des brasseurs du marché commun (iktar ’il quddiem il-“CBMC”). Bavarian Lager kienet talbet biex tieħu sehem, iżda l-Kummissjoni ma ħallithiex tagħmel dan.

42.      L-awtoritajiet tar-Renju Unit informaw lill-Kummissjoni li l-GBP kellha tiġi emendata, sabiex il-birra kkundizzjonata fi fliexken titħalla tinbiegħ bħala birra minn provenjenza differenti kif ukoll bħala birra kkundizzjonata fil-btieti. Minħabba dan, il-Kummissjoni informat lil Bavarian Lager bis-sospensjoni tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Ġaladarba l-verżjoni emendata tal-GBP daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ Awwissu 1997, il-Kummissjoni arkivjat il-kawża.

43.      Permezz ta’ faks tal-21 ta’ Marzu 1997, Bavarian Lager staqsiet lill-Kummissjoni, b’mod konformi mal-Kodiċi ta’ Kondotta, għal kopja tal-opinjoni motivata (li qatt ma kienet intbagħtet). Kemm dik it-talba u talbiet ulterjuri ġew miċħuda. Ir-rikors sussegwenti lill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ġie miċħud ukoll. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li s-salvagwardja tal-għan inkwistjoni jiġifieri li Stat Membru jitħalla jikkonforma minn jeddu mal-obbligi tat-Trattat jew, jekk ikun xieraq, li jingħata l-opportunità li jiġġustifika l-pożizzjoni tiegħu, kienet tiġġustifika, b’mod konformi mat-titolu tal-protezzjoni tal-interess pubbliku, li jiġi miċħud l-aċċess għal dokument preparatorju li jirrigwarda l-istadju tal-investigazzjoni tal-proċedura taħt l-Artikolu 226 KE (21).

44.      F’Mejju 1998, Bavarian Lager talbet li tingħata aċċess taħt il-Kodiċi ta’ Kondotta għad-dokumenti kollha fil-proċess tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentati minn 11-il kumpannija u organizzazzjonijiet imsemmija u tliet kategoriji speċifikati ta’ persuni jew impriżi. Billi argumentat li hi ma kinitx l-awtur tad-dokumenti inkwistjoni, il-Kummissjoni ċaħdet id-diversi talbiet ta’ Bavarian Lager abbażi tar-regola tal-awtur li tinsab fil-Kodiċi ta’ Kondotta (22).

45.      F’ilment lill-Ombudsman Ewropew, Bavarian Lager iddikjarat li xtaqet tikseb l-ismijiet tad-delegati tal-CBMC li kienu attendew għal-laqgħa ta’ Ottubru 1996 u ta’ dawk il-kumpanniji u persuni inklużi fl-14-il kategorija li hija kienet indikat fit-talba inizjali tagħha għal aċċess għad-dokumenti, li kienu ssottomettew kummenti lill-Kummissjoni rigward in-nuqqas.

46.      B’riżultat tal-intervent tal-Ombudsman Ewropew, u wara korrispondenza estensiva (23) Bavarian Lager inizjalment kisbet mill-Kummissjoni l-ismijiet u l-indirizzi ta’ dawk il-persuni li kienu qablu li isimhom jiġi żvelat. B’konsegwenza tat-talba tagħha għal żvelar komplut, lil Bavarian Lager intbagħtulha l-ismijiet ta’ 25 persuna oħra li ma kinux wieġbu għat-talba tal-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni għar-raġuni li, fl-assenza ta’ tweġiba, l-interessi u d-drittijiet u liberatajiet fundamentali tal-persuni kkonċernati ma kinux jipprevalu u l-ismijiet tagħhom kellhom jiġu żvelati.

47.      F’Novembru 2000, l-Ombudsman ippreżenta r-Rapport Speċjali tiegħu lill-Parlament Ewropew, wara l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni indirizzat lill-Kummissjoni rigward l-ilment ta’ Bavarian Lager (24). Huwa kkonkluda li l-ebda dritt fundamentali ma jippermetti li jiġi prekluż, f’termini assoluti, l-iżvelar ta’ informazzjoni mogħtija lil awtorità amministrattiva u li d-Direttiva 95/46 ma kinitx tobbliga lill-Kummissjoni żżomm sigrieti l-ismijiet ta’ persuni li kienu ppreżentawlha opinjonijiet jew informazzjoni rigward l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha. Abbażi ta’ dan, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar ir-Rapport Speċjali, li sejħet lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-informazzjoni mitluba (25).

48.      L-Ombudsman kiteb ukoll lill-President tal-Kummissjoni, dak iż-żmien R. Prodi, fejn esprima t-tħassib tiegħu li r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data kienu qed jiġu interpretati b’mod żbaljat b’tali mod li jissuġġerixxu l-eżistenza ta’ dritt ġenerali ta’ parteċipazzjoni fl-anonimat f’attivitajiet pubbliċi, li jmur kontra l-prinċipju tat-trasparenza u d-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fl-Istati Membri.

49.       Permezz ta’ posta elettronika tal-5 ta’ Diċembru 2003, Bavarian Lager talbet, din id-darba abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 (li sadanittant kien daħal fis-seħħ) aċċess għad-dokumenti deskritti f’punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Kummissjoni, b’ittra tas-27 ta’ Jannar 2004, qablet li tiżvela ċerti dokumenti dwar il-laqgħa ta’ Ottubru 1996, iżda għattiet ħames ismijiet fil-minuti ta’ din il-laqgħa peress li żewġ persuni kienu oġġezzjonaw espressament għal kwalunkwe żvelar tal-identità tagħhom u l-Kummissjoni ma setgħatx tikkuntattja t-tlieta l-oħra.

50.      Permezz ta’ posta elettronika oħra tad-9 ta’ Frar 2004, Bavarian Lager għamlet applikazzjoni konfermatorja fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, fejn talbet kopja tal-minuti sħaħ tal-laqgħa ta’ Ottubru 1996, inklużi l-ismijiet tal-parteċipanti kollha.

51.      B’ittra tat-18 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni konfermatorja, billi sostniet li kien japplika r-Regolament 45/2001. B’mod partikolari, peress li Bavarian Lager ma kinitx stabbiliet għan jew bżonn espress jew leġittimu għal tali żvelar, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament ma kinux ġew sodisfatti u l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet applikabbli. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li, anki jekk ir-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali ma kinux japplikaw, din setgħet madankollu tirrifjuta li tiżvela l-bqija tal-ismijiet taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex ma tikkompromettix il-kapaċità tagħha li tagħmel investigazzjonijiet.

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

52.      Bavarian Lager ippreżentat rikors fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Mejju 2004 fejn allegat li kien illegali li l-Kummissjoni waqqfet il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju Unit u talbet l-annullament tad-deċiżjoni li rrifjutat li jiġu żvelati l-ismijiet ta’ wħud minn dawk li attendew għal-laqgħa ta’ Ottubru 1996. Dwar dan l-aħħar punt, hija kienet sostnuta mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem il-“KEPD”), li intervjena fil-proċeduri.

53.      Il-Kummissjoni sostniet li r-rikors għandu jiġi miċħud.

54.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett iddikjarat inammissibbli l-affermazzjoni li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tkomplix il-proċeduri kienet illegali, billi rreferiet għall-ġurisprudenza kostanti rigward in-natura diskrezzjonarja ta’ kwalunkwe deċiżjoni li jitressqu proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE (26). Dan il-punt ma huwiex ikkontestat fl-appell.

55.      Imbagħad il-Qorti tal-Prim’Istanza indirizzat il-problema kkumplikata tar-rifjut li jiġu mogħtija l-ismijiet ta’ wħud minn dawk li attendew il-laqgħa ta’ Ottubru 1996, speċifikament dawk li kienu espressament irrifjutaw li jippermettu tali żvelar.

56.      Hija u tagħmel dan, għamlet numru ta’ osservazzjonijiet preliminari fejn iffukat fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001 għal dan il-każ speċifiku, peress li Bavarian Lager kienet talbet aċċess għad-dokument sħiħ. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza irreferiet għall-prinċipji baziċi ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li l-applikanti għall-aċċess għad-dokumenti ma kinux obbligati jiddikjaraw ir-raġunijiet għat-talbiet tagħhom u li bħala prinċipju l-aċċess għandu jkun wiesa’ kemm jista’ jkun, deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess tkun valida biss jekk tkun ibbażata fuq waħda mill-eċċezzjonijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4 tar-regolament. Hija rreferiet ukoll għall-ġurisprudenza stabbilita li abbażi tagħha l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod restrittiv (27).

57.      Imbagħad, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat ir-relazzjoni bejn ir-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 45/2001, billi bdiet mill-premessa li l-eċċezzjoni taħt l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha x’taqsam ma’ każijiet fejn l-iżvelar ta’ data personali jdgħajjef il-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità tal-individwu, b’mod partikolari taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni ta’ data personali.

58.      Wara li rreferiet għall-finalitajiet distinti taż-żewġ regolamenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet mill-premessa 15 għar-Regolament Nru 45/2001 li l-aċċess għal dokumenti li jinkludu data personali huma rregolati bir-Regolament Nru 1049/2001, li skontu l-eċċezzjoni li għandha x’taqsam ma’ żvelar li huwa ta’ ħsara għall-protezzjoni tal-privatezza u tal-integrità tal-individwu, madankollu kienet timplika li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar Data Personali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (28).

59.      Insegwitu, is-sentenza appellata eżaminat l-iktar aspetti importanti tar-Regolament Nru 45/2001, bħal pereżempju l-kunċett ta’ data personali, it-tifsira ta’ pproċessar, il-legalità ta’ pproċessar, li jintwera l-bżonn li tiġi ttrasferita data taħt l-Artikolu 8(b) u d-dritt tas-suġġett tad-data li joġġezzjona taħt l-Artikolu 18, li hija ddikjarat li ma kienx disponibbli fil-każ preżenti, peress li aċċess għal dawn id-dokumenti kien jikkostitwixxi obbligu legali għall-finijiet jew tal-Artikolu 5(a) jew tal-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 u ż-żewġ inċiżi kienu jaqgħu fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet għad-dritt li toġġezzjona (29).

60.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat id-dibattitu għall-kwistjoni dwar jekk l-iżvelar tal-ismijiet ta’ dawk li attendew għal-laqgħa ta’ Ottubru 1996 idgħajjifx il-protezzjoni tal-privatezza u tal-integrità tagħhom, sabiex japplika l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hawnhekk, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-linji gwida ta’ interpretazzjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward id-dritt tal-privatezza, b’mod partikolari il-kunċett ta’ “indħil” li jaffettwa l-privatezza tas-suġġett tad-data fis-sens tal-Artikolu 8 tal-KEDB (30).

61.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza mbagħad eżaminat jekk l-aċċess pubbliku għall-ismijiet tal-parteċipanti f’din il-laqgħa attwalment u speċifikament dgħajjifx il-protezzjoni tal-privatezza u l-integrità tagħhom.

62.      Għalkemm hija stabbiliet li l-lista ta’ parteċipanti f’din il-laqgħa kienet tinkludi data personali fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 45/2001 (peress li identifikat lil dawk preżenti), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-privatezza ta’ dawk il-persuni ma kinitx affettwata ħażin, peress li huma kienu attendew bħala rappreżentanti tal-CBMC u mhux fil-kapaċità personali tagħhom. Hi rrilevat ukoll li l-minuti ma kienu jinkludu ebda opinjoni personali li setgħet tiġi attribwita lil dawk il-persuni, iżda purament pożizzjonijiet attribwibbli għall-korp li kienu jirrappreżentaw.

63.      Għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li s-sempliċi inklużjoni tal-ismijiet ta’ persuni fuq il-lista ta’ parteċipanti f’laqgħa, li kienu qed jaġixxu f’isem il-korpi li kienu qed jirrappreżentaw, ma kinitx taffettwa jew tipperikola il-privatezza jew l-integrità tagħhom. Hija ma qablitx mal-argument li s-sempliċi fatt li tiġi żvelata l-parteċipazzjoni ta’ persuna fiżika, li qed taġixxi f’kapaċità professjonali bħala r-rappreżentant ta’ korp kollettiv f’laqgħa li nżammet ma’ istituzzjoni tal-Komunità, meta l-opinjoni espressa minn dik il-persuna f’dik l-okkażjoni ma setgħetx tiġi identifikata, ma setgħetx titqies bħala indħil fil-ħajja privata ta’ dik il-persuna (31), u b’hekk iddistingwixxiet il-kawża li kellha quddiemha mill-kawża Österreichischer Rundfunk et (32).

64.      Ġaladarba għalhekk ma kien hemm ebda indħil fil-privatezza tal-individwi kkonċernati, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta ddeċidiet li l-eċċezzjoni pprovduta fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 għandha tapplika fil-każ preżenti. Il-fatt li ma kien hemm ebda indħil bl-istess mod dgħajjef kwalunkwe dritt li wieħed joġġezzjona.

65.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat ukoll li l-Kummissjoni ma kienet għamlet ebda impenn biex tiggarantixxi l-anonimità ta’ dawk li attendew għal-laqgħa u li dawn tal-aħħar ma setgħux jippretendu li l-fehmiet li huma esprimew fir-rigward ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jinżammu sigrieti, u dan apparti mill-fatt li r-Regolament Nru 45/2001 ma jobbligax lill-Kummissjoni li żżomm sigriet l-ismijiet tal-persuni li jikkomunikawlha opinjonijiet jew informazzjoni rigward l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha (33).

66.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat ukoll li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet, fid-deċiżjoni li ma tiżvelax l-ismijiet, li Bavarian Lager ma kinitx stabbiliet għan espress u leġittimu jew xi bżonn li tikseb l-ismijiet tal-persuni li pparteċipaw fil-laqgħa li, wara dik il-laqgħa, oġġezzjonaw li tiġi żvelata l-identità tagħhom. Fil-fehma tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-iżvelar ta effett lill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 u ma kienx jaqa’ fl-ambitu tal-eċċezzjoni stipulata fl-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk ir-rikorrenti ma kellha ebda obbligu li tipprova l-bżonn li jsir dan it-trasferiment tad-data fis-sens tal-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 (34). 

67.      Fl-aħħar nett, is-sentenza appellata eżaminat l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tal-għan tal-ispezzjonijiet, investigazzjonijiet jew verifiki, kif stipulat bit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (li bbażat ruħha fuqu sussidjarjament il-Kummissjoni meta rrifjutat l-aċċess għad-data inkwistjoni) (35).

68.      Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tinvoka din l-eċċezzjoni għal tliet raġunijiet. L-ewwel, meta ġiet adottata d-deċiżjoni, ma kienet għaddejja l-ebda investigazzjoni li l-għan tagħha seta’ jiġi ppreġudikat bl-iżvelar tal-minuti sħaħ inklużi l-ismijiet. It-tieni, il-Kummissjoni kienet esprimiet opinjonijiet fl-astratt dwar il-ħsara li l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni seta’ joħloq għall-investigazzjonijiet tagħħa, mingħajr ma pprovat biżżejjed fid-dritt li l-pubblikazzjoni ta’ dan id-dokument tkun taffettwa attwalment u speċifikament l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attività investigattiva. Fl-aħħar nett, proċeduri għal nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu ma jipprovdux għal trattament kunfidenzjali ta’ persuni li jipparteċipaw fl-investigazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ min jagħmel l-ilment.

69.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni li ma jsirx żvelar tal-ismijiet u ordnat il-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.

V –    Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-aggravji tal-partijiet

70.      L-appell ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Jannar 2008. Il-Kummissjoni qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Kawża T-194/04 u biex tordna lil Bavarian Lager tħallas l-ispejjeż kollha.      

71.      Fir-risposta tagħha, li ġiet riċevuta fir-Reġistru tal-Qorti fil-15 ta’ April 2008, Bavarian Lager issostni li l-appell għandu jiġi miċħud u li l-Kummissjoni għandha tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż.

72.      Fil-11 ta’ April 2008, il-KEPD ippreżenta nota ta’ intervent tiegħu insostenn ta’ Bavarian Lager bħalma kien għamel fl-ewwel istanza.

73.      B’digriet tat-13 ta’ Ġunju 2008, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta permess lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni; ir-Renju tal-Isvezja u r-Repubblika tal-Finlandja biex jintervjenu insostenn ta’ Bavarian Lager; u r-Renju tad-Danimarka biex jintervjeni insostenn ta’ Bavarian Lager u l-KEPD.

74.      Ma kien hemm l-ebda replika jew kontroreplika. Madankollu, il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet magħmula minn dawn il-gvernijiet u l-Kunsill permezz ta’ dokument li ġie riċevut fir-Reġistru tal-Qorti fil-31 ta’ Diċembru 2008. Ir-risposta tal-KEPD għall-osservazzjonijiet tal-Kunsill ġew riċevuti fl-istess ġurnata.

75.      Waqt is-smigħ konġunt tal-kawża preżenti mal-Kawża C-139/07 P, Technische Glaswerke Ilmenau u l-Kawżi Maqgħuda C-514/07 P, C-528/07 P u C-532/07 P, L-Isvezja u API vs Il-Kummissjoni, li sar fis-16 ta’ Ġunju 2009, dawk kollha li kienu ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub attendew biex jippreżentaw trattazzjoni verbali u biex iwieġbu għad-domandi mill-Qorti tal-Ġustizzja.

VI – Sommarju tal-pożizzjonijiet tal-partijiet u tal-intervenjenti

A –    L-appell

76.      Biex issostni l-appell tagħha, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq tliet aggravji.

77.      L-ewwel nett, hija tikkritika s-sentenza appellata għax naqset milli tapplika ċerti dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament Nru 45/2001 dwar protezzjoni tad-data, b’mod partikolari l-Artikolu 8(b) li jobbliga l-persuna li lilha għandha tiġi ttrasferita data personali li turi li t-trasferiment huwa neċessarju.

78.      It-tieni nett, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata fil-liġi għax interpretat b’mod restrittiv il-kundizzjoni fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 biex tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar protezzjoni ta’ data personali inkluża f’dokument.

79.      It-tielet nett, hija tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-protezzjoni tal-għan ta’ investigazzjonijiet fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

80.      Il-Kummissjoni tikkontesta wkoll il-kundanna tagħha li tħallas l-ispejjeż kollha. Hija ssostni li, mill-erba’ eċċezzjonijiet ta’ nullità li tressqu fl-ewwel istanza minn Bavarian Lager, tlieta ġew iddikjarati inammissibbli, kif il-Kummissjoni kienet argumentat li għandhom ikunu. Barra dan, hija tikkunsidra li r-rifjut li tiżvela il-ħames ismijiet inkwistjoni kien ibbażat fuq interpretazzjoni raġjonevoli tal-leġiżlazzjoni dwar protezzjoni tad-data. Minn dawn iż-żewġ fatturi hija tiddeduċi li l-kundanna tal-ispejjeż kienet żbaljata fil-liġi.

81.      Jekk għal mument wieħed iqiegħed fil-ġenb il-kwistjoni dwar il-kundanna tal-ispejjeż, li fi kwalunkwe każ tiddependi fuq il-konklużjoni globali tiegħi u li għalhekk jien ser nikkunsidraha fl-aħħar ta’ dawn il-konklużjonijiet, jien naħseb li l-ewwel u t-tieni aggravji għandhom jiġu eżaminati flimkien. L-iżball fil-liġi li ġie attribwit lis-sentenza appellata fl-ewwel aggravju jista’ essenzjalment jitnissel minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, li ġiet ippreżentata bħala t-tieni aggravju. L-uniku punt li sar fl-ewwel aggravju tal-appell jista’ għalhekk ikun purament konsegwenza oħra tal-argument imressaq mill-Kummissjoni fit-tieni aggravju tal-appell tagħha.      

82.      Għaldaqstant huwa xieraq li l-ewwel żewġ aggravji tal-appell jiġu ttrattati flimkien. Mill-banda l-oħra, it-tielet wieħed jimmerita kunsiderazzjoni separata.

83.      Wara li ntqal dan, il-karatteristiċi partikolari ta’ dan il-każ iqajmu punti ta’ tħassib dwar kif għandu jiġi deċiż. Dan iwassalni biex nistabbilixxi serje ta’ elementi bħala analiżi preliminari strutturata, wara ġabra fil-qosor tal-pożizzjonijiet meħuda minn Bavarian Lager u l-intervenjenti, qabel ma ngħaddi biex neżamina l-aggravji tal-appell.

B –    L-osservazzjonijiet ta’ Bavarian Lager u tal-intervenjenti

84.      Il-pożizzjonijiet esposti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu essenzjalment jinġabru kif ġej:

85.      Il-Kunsill, li intervjena insostenn għall-Kummissjoni, ukoll jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza, billi jallega żbalji ta’ liġi fis-sentenza appellata, b’mod partikolari rigward l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 5, u 9 tar-Regolament Nru 45/2001 u tal-premessa 15 fil-preambolu. Huwa joġġezzjona wkoll għall-interpretazzjoni ta’ din il-Qorti ta’ drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tal-KEDB. Huwa jikkunsidra li r-rispett għall-ħajja privata għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’, biex ikun jinkludi relazzjonijiet professjonali, u li l-KEDB u d-dispożizzjonijiet dwar protezzjoni ta’ data ma jintrikbux għal kollox, biex b’hekk dawn tal-aħħar għandhom jiġu applikati għal oqsma li ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni attribwit għal data personali bl-Artikolu 8 KEDB. Fl-aħħar nett, il-Kunsill jikkunsidra li l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 kienet waħda parzjali, li tneħħi mit-tieni frażi kull valur legali, u b’hekk iċċaħħad lil dik id-dispożizzjoni mill-effettività tagħha.

86.      Il-Gvern tar-Renju Unit isostni l-pożizzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u l-Kunsill. B’mod partikolari, dan jikkunsidra li ma hemm ebda ġustifikazzjoni biex il-kunċett tal-ħajja privata fl-Artikolu 8 KEDB jitqiegħed fl-istess livell ma’ dak tal-privatezza fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Dan isostni li l-protezzjoni pprovduta bir-Regolament Nru 45/2001 hija iktar wiesgħa minn dik ipprovduta bil-KEDB, billi jibbaża ruħu fuq il-premessa 9 għal dan ir-regolament u fuq interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46. Fil-fehma tiegħu, kull applikazzjoni għal dokumenti li fihom data personali għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 45/2001.

87.      Kemm Bavarian Lager u l-KEPD qed jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonferma s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u jsostnu għal kollox l-analiżi li din għamlet.

88.      Bavarian Lager issostni mingħajr riżervi l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalkemm hija tiddubita jekk, fil-proċeduri preżenti, id-data inkwistjoni tistax titqies bħala “data personali” kif imfissra bir-Regolament Nru 45/2001, hija tistqarr li, anki jekk dan huwa il-każ, din il-leġiżlazzjoni ma taffettwax l-iżvelar ta’ data bħal din. Fil-fehma tagħha, in-nuqqas ta’ indħil speċifiku fil-ħajja privata fil-każ preżenti jfisser li l-eċċezzjoni fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tapplikax, peress li t-tieni parti ta’ din id-dispożizzjoni, li tikkonċerna l-protezzjoni ta’ data personali, hija purament anċillari. Hija tikkritika wkoll il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġu rrikonċiljati ż-żewġ regolamenti inkwistjoni, li hija ssostni li hija komplessa, ma taħdimx u żbaljata fil-liġi. Fl-aħħar nett, hija tqis li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fit-tielet aggravju tal-appell tagħha tmur kontra il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

89.      Il-KEPD jiffoka fuq il-bilanċ bejn iż-żewġ regolamenti inkwistjoni f’dan l-appell. Wara li jieħu bħala punt tat-tluq l-iktar aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti, huwa ma jaqbilx mal-pożizzjoni li l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001 jobbliga lil dak li qed jipprova jikseb dokumenti li fihom data tat-tip li hemm kwistjoni dwarha f’din il-kawża, biex jagħti raġunijiet għat-talba tiegħu. huwa jikkunsidra li l-protezzjoni ta’ data personali hija żgurata b’sistema ta’ verifiki u bilanċi li titlob li tingħata interpretazzjoni differenti b’mod sottili tar-Regolament Nru 45/2001. Huwa jappoġġa l-affermazzjoni ta’ Bavarian Lager li t-tieni frażi tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 twettaq il-funzjoni anċillari li tgħin lill-istituzzjonijiet Komunitarji biex jiddeċiedu jekk kienx hemm indħil fil-ħajja privata tal-individwu. Fl-aħħar nett, huwa jagħti l-fehmiet tiegħu dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5, 8 u 18 tar-Regolament Nru 45/2001.

90.      Il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Finlandja, u tal-Isvezja wkoll isostnu s-sentenza appellata, li huma jikkunsidraw li hija għal kollox korretta.

91.      Dawn it-tliet Stati Membri jenfasizzaw fuq l-importanza ta’ aċċess għal dokumenti bħala mod kif jiġu ggarantiti t-trasparenza, il-ftuħ, l-leġittimità demokratika u l-fiduċja pubblika. Huma jenfasizzaw li hija l-ħajja privata, pjuttost milli d-data purament personali, li timmerita protezzjoni u jikkunsidraw li l-iżvelar tal-ismijiet ta’ persuni li jipparteċipaw f’laqgħa tal-Kummissjoni bis-saħħa tal-istatus professjonali tagħhom ma jistax attwalment u speċifikament jippreġudika l-privatezza jew l-integrità ta’ dawn il-persuni. Għal din ir-raġuni, huma jikkunsidraw li f’dan il-każ l-eċċezzjoni fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma tapplikax u li għaldaqstant il-Kummissjoni kienet taħt l-obbligu li tiżvela għal kollox il-minuti tal-laqgħa ta’ Ottubru 1996.

92.      Fl-aħħar nett, huma jiddikjaraw li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tkun tfisser li d-data personali fl-oqsma kollha tal-kompetenza tal-istituzzjonijiet tal-Komunità tista’ tiġi ddikjarata kunfidenzjali taħt ir-regoli dwar protezzjoni tad-data jew tal-inqas, li din id-data tiġi ttrasferita biss lil dawk li jagħmlu t-talba li jistgħu jippruvaw il-bżonn ta’ dan l-iżvelar wara proċedura twila u kumplikata. Dan ir-riżultat inaqqas ħafna t-trasparenza u jmur kontra l-għan segwit mir-Regolament dwar l-Aċċess għal Dokumenti.

VII – Analiżi ta’ dan l-appell

A –    Is-soluzzjoni proposta għall-ewwel u t-tieni aggravji

1.      Paragun bejn iż-żewġ regolamenti inkwistjoni

93.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk qed tittratta żewġ regolamenti Komunitarji, adottati fi żmien viċin ta’ xulxin, li jipproteġu żewġ drittijiet fundamentali ta’ valur ugwali. Huwa inkonċepibbli li l-leġiżlatur Komunitarju, meta adotta r-Regolament dwar Aċċess għal Dokumenti, ma kienx konxju tad-dispożizzjonijiet iddettaljati li huwa stabbilixxa bilkemm sitt xhur qabel fir-Regolament dwar Data Personali. Għall-kuntrarju, il-premessa 15 tar-Regolament Nru 45/2001 flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jagħmluha ċara lil hinn minn kull dubju li l-leġiżlatur ried protezzjoni xierqa tal-privatezza, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar protezzjoni tad-data, biex tifforma parti integrali mill-arranġamenti li jirregolaw l-aċċess għal dokumenti.

94.      Bl-istess mod huwa inkonċepibbli li l-leġiżlatur ried li r-regolament preċedenti jdgħajjef u jirrendi ineffettivi d-dispożizzjonijiet dwar aċċess għal dokumenti. Fil-fatt, il-premessa 15 għar-Regolament dwar Data Personali tistipula speċifikament li “aċċess għad-dokumenti, inklużi l-kondizzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti li jkun fihom data personali huwa regolat bir-regoli adottati fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 255[KE]” (enfażi miżjud). Barra dan, minkejja li meta r-Regolament dwar Data Personali daħal fis-seħħ, ir-Regolament dwar l-Aċċess għal Dokumenti kien għadu ma ġiex adottat formalment, il-prinċipji li jikkonċernaw l-aċċess għal dokumenti kienu jmorru lura għall-Kodiċi ta’ Kondotta; u l-proposta tal-Kummissjoni għal dak li sar ir-Regolament Nru 1049/2001 kienet ġiet ippubblikata lejn l-aħħar ta’ Ġunju 2000, madwar sitt xhur qabel (36).

95.      It-tieni nett, peress li l-istess drittijiet fundamentali inkwistjoni għandhom importanza ugwali, ma jista’ jkun hemm l-ebda kwistjoni li qed jiġi injorat dritt sabiex tingħata prijorità lid-dritt l-ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja qabel kienet irrilevat li, f’ċirkustanzi fejn drittijiet fundamentali jaħbtu f’xulxin, l-interessi konfliġġenti għandhom jiġu kkunsidrati sew sabiex jintlaħaq bilanċ ġust bejn dawn l-interessi u d-drittijiet fundamentali inkwistjoni (37). Madankollu, is-sitwazzjoni ideali hija evidentement waħda li jiġi evitat li jkollha ssir għażla inġusta bejn żewġ drittijiet bħal dawn.

96.      It-tielet nett, kif ġie rrilevat minn numru ta’ partijiet, iż-żewġ regolamenti jsegwu għanijiet differenti.

97.      Qabel ma wieħed jidħol fit-test iddettaljat taż-żewġ regolamenti, jien għandi nirrileva li ż-żewġ drittijiet fundamentali li kull wieħed minnhom jagħti effett separatament tfaċċaw fil-liġi Komunitarja reċentement biss, meta mqabbla ma’ drittijiet oħra li huma ta’ żmien ferm iktar qabel.

98.      Għalhekk, l-aċċess għad-dokumenti ma kienx parti mill-ordni legali Komunitarja qabel l-adozzjoni ta’ Dikjarazzjoni Nru 17, annessa mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, li sussegwentement ġiet implimentata fil-Kodiċi ta’ Kondotta (38).

99.      Ir-Regolament dwar Aċċess għal Dokumenti jaspira “sabiex jiġi żgurat l-akbar aċċess għal dokumenti”, skont l-Artikolu 1(a). Id-dokumenti li dan qed jirriferi għalihom huma, skont l-Artikolu 3(a) dawk li jinkludu “kull kontentut […] dwar kwistjoni dwar il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera tar-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni”. Id-dritt għal aċċess jestendi, taħt l-Artikolu 2(3), għad-dokumenti kollha fil-pussess ta’ istituzzjoni, kemm dawk li jkunu redatti minnha stess u dawk li tkun irċeviet minn xi mkien ieħor. Dak jikkostitwixxi avvanz ieħor lejn il-ftuħ, li jieħu post l-hekk imsejħa “regola tal-awtur” li abbażi tagħha l-istituzzjonijiet irrifjutaw li jiżvelaw dokumenti li ma kinux redatti minnhom, billi minflok kienu jirreferu lil dak li jagħmel it-talba għall-awtur tad-dokument (39). Għalhekk, għalija huwa ċar li r-raġunament wara l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar aċċess għal dokumenti evolva gradwalment lejn aċċess, ftuħ u trasparenza ikbar.

100. Għalkemm id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja privata huwa element tradizzjonali ta’ kostituzzjonijiet u ta’ dikjarazzjonijiet nazzjonali dwar drittijiet fundamentali, l-estensjoni tiegħu għall-protezzjoni ta’ data personali seħħet biss permezz ta’ avvanzi tekniċi u l-użu ġeneralizzat ta’ kompjuters. Il-Konvenzjoni Nru 108 tat kontribut bħala l-pijunier tal-protezzjoni ta’ dan l-aspett tal-ħajja privata, u daħlet fl-ordni legali Komunitarja permezz tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri (40).

101. L-għan tar-Regolament dwar Data Personali huwa li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet Komunitarji u korpi assoċjati u ekwivalenti “jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni naturali, u b’mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali” (l-Artikolu 1(1)). Ir-Regolament jipproteġi kull “ipproċessar” ta’ “data personali” (it-tnejn li huma mfissra b’mod wiesa’, fl-Artikolu 2(b) u (a) rispettivament) (41) u japplikaw “għall-ipproċessar ta’ data personali kollha kemm hija jew in parti b’mezzi awtomatiċi, u għal ipproċessar ħlief dak b’mezzi awtomatiċi ta’ data personali li jifforma parti minn sistema ta’ filing” (l-Artikolu 3(2)) (42). Forom oħra ta’ pproċessar ta’ data, pereżempju biex jingħata aċċess għal dokumenti, ma humiex inklużi f’din it-tifsira.

102. a nieqaf ftit hawnhekk biex nagħmel evalwazzjoni preliminari.

103. Ir-Regolament dwar l-Aċċess għal Dokumenti għandu x’jaqsam ma’ trasparenza u gvern miftuħ u jobbliga li jkun hemm żvelar lill-pubbliku (43) ta’ dokumenti li s-sustanza tagħhom tikkonċerna “il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet” tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Ir-Regolament dwar Data Personali jipproteġi data pproċessata b’mod awtomatiku jew semi-awtomatiku, u data inkluża, jew maħsuba li tkun inkluża, f’sistemi ta’ filing, minn ipproċessar mhux xieraq. huwa dwar x’għandu jsir bid-data, u mhux x’għandu jsir bid-dokument.

104. Fil-fehma tiegħi mhux biss dawn iż­-żewġ regolamenti jsegwu għanijiet differenti, iżda li – jekk jiġu interpretati korrettement – ma hemm l-ebda raġuni għaliex wieħed jassumi li d-dispożizzjonijiet tagħhom neċessarjament jaħbtu ġo xulxin.

105. Il-ġebla tax-xewka tas-soluzzjoni li jien qed nipproponi biex jiġu rrikonċiljati r-Regolament Nru 45/2001 u r-Regolament Nru 1049/2001 hija – kif ser ikun evidenti – il-mod kif jiġi interpretat l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001. La l-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas il-partijiet ma eżaminaw il-kawża b’dan il-mod. Qabel ma ngħaddi biex neżamina f’iktar dettall il-konsegwenzi tal-approċċ tiegħi, għaldaqstant jien irrid nistaqsi lili nnifsi jekk hemmx xi difett ovvju fir-raġunament tiegħi.

106. L-oġġezzjoni prinċipali li tista’ titqajjem hija li jien nibbaża ruħi wisq fuq l-Artikolu 3(2) meta mqabbel mal-Artikolu 3(1). L-argument huwa fformulat kif ġej. L-Artikolu 3(1) huwa dak li realment jiddefinixxi l-kamp ta’applikazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001. L-Artikolu 3(2) jipprovdi biss kjarifika addizzjonali. Jekk wieħed jieħu l-Artikolu 3(1) bħala “id-dispożizzjoni prinċipali” u jittratta l-Artikolu 3(2) bħala anċillari għalih, l-Artikolu 3(1) fil-fatt huwa biżżejjed wiesa’ li jwassal għal konflitt mar-Regolament Nru 1049/2001 (peress li l-iżvelar ta’ dokumenti taħt dan tal-aħħar hija, bla dubju, xi ħaġa li ssir “fl-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet kollha jew parti minnhom li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità” u d-definizzjonijiet ta’ “data personali” u ta’ “proċessar” fl-Artikolu 2(a) u (b) rispettivament huma daqstant wiesgħa li jinkludu dan l-iżvelar).

107. Ħalli neżamina din l-oġġezzjoni billi nirreferi, minn naħa, għat-travaux préparatoires għar-Regolament Nru 45/2001 u, min-naħa l-oħra, għall-ġurisprudenza eżistenti dwar il-kamp ta’ applikazzjoni kemm tad-Direttiva 95/46/KE kif ukoll tar-Regolament Nru 45/2001. Wara din l-analiżi, jien ser nikkunsidra żewġ oġġezzjonijiet oħra possibbli għall-approċċ tiegħi.

a)      It-travaux préparatoires għar-Regolament Nru 45/2001

108. L-espożizzjoni tal-motivi għall-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament Nru 45/2001 (44) (iktar ’il quddiem l-“EM”) tiftaħ bis-silta li ġejja: “korpi u istituzzjonijiet Ewropej, u l-Kummissjoni b’mod partikolari, jittrattaw data personali bħala parti mix-xogħol ta’ kuljum tagħhom. Il-Kummissjoni tiskambja data personali ma’ Stati Membri fl-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni u tal-Fondi Strutturali, fl-amministrazzjoni tal-unjoni doganali, u biex jiġu segwiti politiki Komunitarji oħrajn. Sabiex il-protezzjoni tad-data tkun mingħajr problemi, il-Kummissjoni, meta pproponiet id-Direttiva 95/46/KE fl-1990, iddikjarat li anki hija kienet ser tosserva il-prinċipji li din kien fiha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (45)

109. L-EM tkompli tosserva li, meta ġiet adottata d-Direttiva 95/46, “il-Kummissjoni u l-Kunsill obbligaw irwieħhom, permezz ta’ dikjarazzjoni pubblika, li jikkonformaw mad-Direttiva, u għamlu sejħa lill-istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Komunità biex jagħmlu l-istess” (46). [traduzzjoni mhux uffiċjali] Wara li rreferiet għall-introduzzjoni, fit-Trattat KE, ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 286 KE permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-EM tagħti fil-qosor it-test ta’ dak l-artikolu, li jistipula li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità jkollhom japplikaw ir-regoli tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ data personali u li l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli għandha tkun issorveljata minn korp ta’ sorveljanza indipendenti. L-EM tikkonkludi bil-kliem “il-proposta preżenti għal Regolament hija mfassla biex jintlaħaq dan l-għan doppju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

110. L-EM - evidentement minnha nnfisha – ma għandha l-ebda effett li torbot. Madankollu, din hija ta’ għajnuna biex wieħed jifhem għalfejn oriġina r-Regolament Nru 45/2001. Din tissuġġerixxi b’ċerta qawwa li l-leġiżlatur kien ikkonċernat biss biex jiżgura li l-volum konsiderevoli ta’ data personali ttrattat mill-istituzzjonijiet tal-Komunità fuq bażi ta’ kuljum, bħala parti neċessarja tal-implimentazzjoni u tal-amministrazzjoni ta’ politiki tal-Komunità, ikun ittrattat b’mod xieraq. Data bħal din, tipikament, ser tiġi pproċessata kollha kemm hija jew parzjalment b’mezzi awtomatiċi. Fejn din tiġi pproċessata b’mezzi li ma jkunux awtomatiċi, din ser tkun data li tifforma jew li hemm il-ħsieb li tifforma parti minn sistema ta’ filing jew database. Dan hu, preċiżament, il-kamp ta’ applikazzjoni li ġie mogħti lir-regolament sussegwenti permezz tal-Artikolu 3(2).

111. B’dan l-isfond, x’joħroġ mill-proposta għal regolament li huwa ta’ gwida ulterjuri?

112. L-ewwel nett, il-kummenti dwar l-Artikolu 1 (l-għan tar-regolament) huma ta’ fejda. Dawn jindikaw li, “i]l-protezzjoni mogħtija [bl-Artikolu 1] testendi mhux biss għall-ipproċessar ta’ data dwar impjegati tal-istituzzjonijiet, iżda anki għall-ipproċessar ta’ data dwar kull persuna fiżika esterna għall-istituzzjonijiet, bħal pereżempju fornituri jew persuni li jirċievu flejjes minn fondi tal-Komunità. Informazzjoni personali trasmessa mill-Istati Membri lill-Kummissjoni b’konnessjoni mal-immaniġġjar jew mal-monitoraġġ tal-ħlas ta’ sussidji tal-Komunità hija, b’mod partikolari protetta taħt dan ir-Regolament”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Għaldaqstant, “l-għan tar-regolament preżenti huwa differenti minn dak ta’ [Direttiva 95/46]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (47). Iktar tard fl-istess sezzjoni, il-Kummissjoni tispjega li r-regolament “ser ikollu evidentement l-effett […] li jiżgura li data personali trasmessa, bil-għan li jitwettqu d-dmirijiet tagħhom, lil istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità, ser tiġi ttrattata taħt kundizzjonijiet li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet u għal-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti tad-data […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (48).

113. Dan kollu huwa ferm ’il bogħod mill-inklużjoni inċidentali ta’ data personali f’dokument li jirreġistra laqgħa ta’ xogħol imsejħa minn istituzzjoni Komunitarja.

114. It-tieni nett, il-kumment għall-Artikolu 3(1) jispjega li “ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u korpi kollha Komunitàrji” u jkompli jelenka dawk l-istituzzjonijiet u jagħmel distinzjoni preċiża bejn “attivitajiet li jitwettqu taħt it-Trattat KE, it-Trattat KEFA jew it-Trattat Euratom, jew anki, fejn xieraq, taħt it-Titolu VI tat-Trattat tal-Unjoni” (li huma koperti kollha) u “l-ipproċessar ta’ data personali minn korpi mwaqqfa taħt it-Titolu VI tat-Trattat tal-Unjoni, bħall-Europol” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (li ma humiex koperti kollha) (49).

115. It-tielet nett, il-kummentarju għall-Artikolu 3(2) jinsab taħt it-titolu: “Ipproċessar suġġett għar-regolament” (l-implikazzjoni hija li pproċessar ieħor ma huwiex suġġett għar-regolament). Dan jistqarr: “Dan il-paragrafu jirriproduċi l-Artikolu 3(1) […] Direttiva [95/46]” u mbagħad sempliċement jirrepeti, verbatim, il-kliem testwali attwali tal-Artikolu 3(2) (li jidher li baqa’ l-istess mill-proposta sal-adozzjoni tar-regolament) (50).

116. Eżami sempliċi tat-testijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament No 45/2001 juri li l-leġiżlatur Komunitarju kiteb iż-żewġ klawżoli li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom billi qalibhom fiż-żewġ testijiet leġiżlattivi. Għalhekk, id-Direttiva 95/46 tibda bl-Artikolu 3(1) li jiddefinixxi liema pproċessar huwa suġġett għad-direttiva (l-istess bħall-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001) u mbagħad ikompli biex jispeċifika, fl-Artikolu 3(2) tiegħu, il-kuntest li fih dan l-ipproċessar huwa rregolat (li jikkorrispondi mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 45/2001).

117. B’dan l-isfond, fil-fehma tiegħi huwa korrett li wieħed jikkonkludi li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 45/2001, l-Artikolu 3(2) ma għandux jiġi kkunsidrat bħala li huwa subordinat jew anċillari għall-Artikolu 3(1). Iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 3 sempliċement jikkorrispondu għal aspetti differenti tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament. Wieħed jittratta dwar x’inhu rregolat (ipproċessar awtomatiku jew semiawtomatiku ta’ pproċċessar ta’ data u pproċessar ta’ data mhux awtomatiku minn, jew destinat għal inklużjoni f’databases (jew, kif jiddeskrivihom ir-regolament, “sistemi ta’ filing”)). L-ieħor jittratta dwar meta jiġi rregolat (jiġifieri, meta l-kontrollur tad-data jiġi ngaġġjat f’diversi kategoriji ta’ attività). Il-leġiżlatur Komunitarju kien evidentement indifferenti dwar jekk jittrattax l-ewwel ma’ “dan xi jkopri?” u mbagħad ma’ “meta dan japplika?”, jew jekk jittrattax dawn iż-żewġ aspetti f’ordni bil-maqlub. Dak li huwa importanti huwa li, flimkien, ir-risposti għal dawn iż-żewġ domandi jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regola tal-Komunitarja, kemm jekk regolament kemm jekk direttiva.

b)      Il-ġurisprudenza

118. Għalkemm ma hemmx ħafna kawżi li jittrattaw fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46/KE, għandhom jissemmew Österreichischer Rundfunk et (51), Lindqvist (52) u Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (53). Fl-analiżi li ssegwi, importanti li wieħed iżomm f’moħħu li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46/KE huwa d-dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001, filwaqt li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jikkorrispondi (bejn wieħed u ieħor, u b’xi eċċezzjonijiet) għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 45/2001.

119. F’Österreichischer Rundfunk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qed tittratta mal-leġiżlazzjoni Awstrijaka li skontha korpi suġġetti għall-istħarriġ mir-Rechnungshof (Qorti tal-Awdituri) kienu obbligati li jinformawha bis-salarji jew pensjonijiet li jirċievu iktar minn ammont ta’ riferiment speċifikat. Mir-rapport tal-kawża jidher ċar li dak il-materjal kien (neċessarjament) meħud mill-fajls tal-pagi u tal-pensjonijiet tal-korpi kkonċernati, billi jiġu applikati kriterji adattati ta’ tfittxija. Il-materjal imbagħad inġabar fil-qosor mir-Rechnungshof f’rapport trażmess lin-Nationalrat, lill-Bundesrat u lil-Landtage (il-Kamra l-Baxxa u l-Kamra Għolja tal-Parlament Federali u tal-Assembleji Provinċjali). Ir-rapport kien imbagħad tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ġenerali. Il-kawża pproċediet fuq il-bażi li r-rapport tar-Rechnungshof kellu jagħti l-ismijiet tal-persuni kkonċerntati, u għal kull isem, l-ammont tar-renumerazzjoni annwali li ġiet irċevuta (54).

120. Parti sew mis-sentenza ġiet ddedikata biex jiġi eżaminat jekk l-attivitajiet tar-Rechnungshof kinux jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE, għax ma kienu jinvolvu ebda konnessjoni ma’ moviment liberu. Wara li ddeċidiet li d-Direttiva kienet tapplika, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad għaddiet biex tinterpretaha. Għalhekk jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet sodisfatta li l-estrazzjoni u t-trażmissjoni tal-materjal inkwistjoni involva (tal-inqas) “l-ipproċessar ħlief dak b’mezzi awtomatiċi ta’ data personali li jifforma parti minn sistema ta’ filing jew li hu maħsub li jifforma parti minn sistema ta’ filing” fi ħdan l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva. Fuq il-fatt, jidher li dan huwa approċċ raġonevoli ħafna.

121. Lindqvist kienet tikkonċerna katekista volontarja mal-Knisja Svediża li bħala parti minn kors dwar l-ipproċessar tad-data li kienet qed tieħu, kellha torganizza homepage fuq l-internet. Hija għalhekk tellgħet paġni tal-internet fuq il-kompjuter personali d-dar tagħha (paġni li fuq talba tagħha, ġew konnessi mal-website tal-Knisja Svediża). F’dawk il-paġni, sabiex il-parruċċani li kienu qed jitħejjew għall-griżma jitħallew jiksbu informazzjoni li jista’ jkollhom bżonn, hija tat dettalji dwarha nnifisha u dwar tmintax‑il-kollega fil-parroċċa. Id-dettalji mogħtija kienu bla dubju “data personali” (55). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-operazzjoni tat-tqegħid ta’ data personali fuq paġna tal-internet għandha tiġi kkunsidrata bħala ‘ipproċessar’ skont id-definizzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46/KE, (li tirrifletti dik fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 45/2001).

122. Kien fadal li jiġi ddeterminat jekk dan l-ipproċessar kienx jaqa’ fi ħdan l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[…] it-tqegħid ta’ informazzjoni fuq paġna tal-internet jinvolvi, taħt il-proċeduri tekniċi u tal-kompjuter attwali, l-operazzjoni tat-tqegħid ta’ din il-paġna fuq server u l-operazzjonijiet meħtieġa biex dik il-paġna ssir aċċessibbli għal persuni li jaqbdu mal-internet. Dawn l-operazzjonijiet jitwettqu, għall-inqas in parti, b’mod awtomatiku”. (56).

123. Għal din ir-raġuni, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari kienet li l-operazzjoni inkwistjoni kienet tikkostitwixxi “l-ipproċessar ta’ data personali kollha kemm hija jew in parti b’mezzi awtomatiċi” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma kellhiex għalfejn tikkunsidra jekk l-operazzjoni kinitx l-“ipproċessar ħlief dak b’mezzi awtomatiċi ta’ data personali li jifforma parti minn sistema ta’ filing, jew li hu maħsub li jifforma parti minn sistema ta’ filing” (l-element finali fi ħdan l-Artikolu 3(1) tad-direttiva). Konsegwentement is-sentenza ma tagħti ebda gwida dwar x’tinvolvi sistema ta’ filing bħal din.

124. Bħal fil-kawża Österreichischer Rundfunk, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet tas-Sinjura Lindqvist kinux jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE, u wara li kkonstatat li din id-direttiva kienet tapplika, ipproċediet għall-interpretazzjoni tagħha.

125. Il-konsegwenza ċara tas-sentenza Lindqvist hija la darba l-ipproċessar ta’ data personali isir kollu jew in parti b’mod awtomatiku, dan jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar protezzjoni tad-data (kemm jekk hija d-Direttiva 95/46 jew jekk huwa r-Regolament Nru 45/2001). Madankollu, talba għall-iżvelar ta’ dokumenti li ssir taħt l-Artikolu 1049/2001 ma tiġix, kif nifhimha jien, ittrattata b’dan il-mod. Pjuttost din tiġi eżaminata individwalment u manwalment (57).

126. Fl-aħħar nett, fis-sentenza Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-iżvelar minn Satakunnan Markkinapörssi Oy (iktar ’il quddiem “Satakunnan”) u Satamedia Oy (iktar ’il quddiem “Satamedia”) ta’ data tat-taxxa li tikkonċerna madwar 1.2 miljun persuna fiżika li nkisbet b’mod legali mill-awtoritajiet tat-taxxa Finlandiżi. It-Tietosuojavaltuutettu (Ombudsman tal-Protezzjoni tad-Data Finlandiż) kien għamel rikors quddiem il-qorti nazzjonali sabiex jiġu pprojbiti l-ġbir u t-tixrid ta’ din id-data. Satakunnan u Satamedia sostnew li dak li kienu qed jagħmlu kien l-ipproċessar ta’ data li jiġi mwettaq biss għal finijiet ġurnalistiċi.

127. Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha l-ewwel bdiet direttament biex tikkonstata li d-data kienet data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, u li l-attività inkwistjoni kienet “proċessar ta’ data personali” skont id-definizzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva, imbagħad ikkonkludiet li l-attivitajiet li Satakunnan kienet involuta fihom kienu “ipproċessar ta’ data personali” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (58). Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad eżaminat l-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, ikkonstatat li dawn ma kinux japplikaw u mbagħad kompliet biex tinterpreta l-Artikolu 9 tad-Direttiva (dwar l-ipproċessar ta’ data personali imwettaq biss għal skopijiet ġurnalistiċi).

128. L-Avukat Ġenerali Kokott, madankollu, waqfet biex teżamina jekk l-attivitajiet inkwistjoni kinux jaqgħu fi ħdan il-formulazzjoni preċiża tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46/KE (59). Hija ttrattat l-essenza tal-kwistjoni fil-qosor iżda b’mod ċar fit-termini li ġejjin: “Huwa probabbli li l-proċeduri tal-ipproċessar indikati mill-qorti tar-rinviju huma awtomatizzati, tal-anqas parzjalment [meta ma jitqiesx żvelar permezz tas-CD-Roms]. Madankollu, l-awtomatizzazzjoni tal-għoti ma teħtieġx kjarifikazzjoni ulterjuri billi l-pubblikazzjoni fuq il-karta tad-data fiskali tikkostitwixxi sistema ta’ ħażna, u l-komunikazzjoni fil-forma ta’ servizz ta’ SMS tippresupponi li jkun hemm konsultazzjoni ta’ sistema ta’ ħażna.” (60) Konsegwentement, hija kkonkludiet li l-attivitajiet inkwistjoni kienu jaqgħu taħt l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva.

129. Dik l-analiżi tixbah ħafna l-analiżi tiegħi f’din il-kawża.

130. Għandi nsemmi wkoll fil-qosor is-sentenza Nikolaou vs Il-Kummissjoni (61) (l-uniku każ, safejn naf jien, li jittratta fuq l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 45/2001). Din il-kawża kienet tikkonċerna ‘kxif’ lill-istampa ta’ materjal li jikkonċerna investigazzjoni li kienet tinvolvi lil xi ħadd li qabel kien membru tal-Qorti tal-Awdituri. Il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha biex teżamina t-termini tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 45/2001, id-definizzjonijiet ta’ “data personali” u “proċessar” fl-Artikolu 2(a) u 2(b) rispettivament u x’jikkostitwixxi pproċessar legali fis-sens tal-Artikolu 5. Hija bl-ebda mod ma eżaminat l-Artikolu 3(2).

131. Fil-fehma tiegħi, l-ebda waħda mill-kawżi msemmija ma tippreżenta xi ostaklu insuperabbli biex l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001 jiġi interpretat kif qed nissuġġerixxi jien.

c)      Oġġezzjonijiet oħra

132. Jien, madankollu, għandi neżamina żewġ oġġezzjonijiet possibbli oħra għall-approċċ li jien qed nadotta.

133. L-ewwel nett, ejja nimmaġinaw li persuna titlob u tirċievi dokument mingħand istituzzjoni Komunitarja, mingħajr ma jkollha raġuni li tiġġustifika din it-talba, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ejja nimmaġinaw li dik il-persuna tagħmel użu mit-teknoloġija moderna biex tiskanja d-dokument u tapplika pproċessar awtomatiku jew in parti awtomatiku għall-verżjoni elettronika li tirriżulta (pereżempju, sabiex tintbagħat posta elettronika lil kull min ismu jidher f’dan id-dokument). B’dan il-mod ma jkunx qed tiġi evitata s-sistema stretta tal-protezzjoni tad-data taħt ir-Regolament Nru 45/2001?

134. Ma naħsibx dan. Id-dokument jinkiseb taħt ir-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti. Madankollu kull użu ieħor tad-dokument miksub b’dan il-mod li involva pproċessar awtomatiku jew in parti awtomatiku – jew li involva t-tqegħid (jew il-ħsieb ta’ tqegħid) tad-dokument, flimkien ma’ oħrajn, fuq database – ikun jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għalhekk, dan ikun minn hemm ’il quddiem suġġett għas-sistema tal-protezzjoni tad-data permezz tar-regoli nazzjonali li jimplementaw din id-direttiva.

135. It-tieni nett, huwa fatt ġeneralment magħruf li l-funzjoni tat-tfittxija f’ħafna mis-softwer tal-kompjuter tista’ tiġi użata biex jinstabu u jitfittxu oġġetti partikolari billi jiġu applikati kriterji speċifiċi. Bi frekwenza li qed tiżdied, ċertament, qed jinħażen materjal b’mod elettroniku. Din il-funzjoni għalhekk għandha tiġi applikata b’mod sistematiku biex jinsab u jitfittex dokument partikolari, li l-aċċess għalih ikun intalab taħt ir-Regolament Nru 1049/2001, (u li inċidentalment fih data personali bħal pereżempju l-ismijiet ta’ dawk li attendew il- laqgħa). Dan ma jkunx l-“ipproċessar ħlief dak b’mezzi awtomatiċi ta’ data personali li jifforma parti minn sistema ta’ filing, jew li huwa maħsub li jifforma parti minn sistema ta’ filing” jew inkella, fil-fatt, l-“ipproċessar ta’ data personali […] in parti b’mezzi awtomatiċi”?

136. Biex inwieġeb għal din l-oġġezzjoni doppja, il-punt tat-tluq tiegħi huwa (u hekk naħseb li għandu jkun) li naċċetta li t-tendenza hija li minuti ta’ laqgħat differenti jinħażnu u/jew jiġu kklassifikati flimkien; li din il-ħażna tista’ fil-fatt tkun f’forma elettronika; u li persuna li tittratta talba għal dokument taħt ir-Regolament Nru 1049/2001 tista’ b’mod raġonevoli ħafna tuża l-funzjoni ta’ tfittix fuq kompjuter sabiex issib id-dokument mitlub.

137. Essenzjalment it-tweġiba għall-ewwel parti ta’ din l-oġġezzjoni hija li “is-sistema ta’ filing” inkwistjoni ma hijiex “sett strutturat ta’ data personali li huwa aċċessibbli skond kriterji speċifiċi” kif imfisser fl-Artikolu 2(ċ) tar-Regolament Nru 45/2001. L-essenza ta’ dak li qed jinħażen huma l-minuti ta’ kull laqgħa, mhux id-data personali inċidentali li tinsab fl-ismijiet ta’ dawk li attendew.

138. Dan jista’ jiġi kkomparat ma’ (pereżempju) sistema ta’ filing li tinkludi l-fajls dwar l-applikazzjonijiet kollha għal ħlas fis-settur tal-ħalib tal-politika agrikola komuni matul is-sena kalendarja kurrenti. Għalkemm hawnhekk dak li qed jiġi maħżun huwa kull att, l-isem ta’ min qed jagħmel it-talba bl-ebda mod ma hu “inċidentali”. Jidher li huwa probabbli ħafna li s-softwer li għandu jgħin fl-ipproċessar ta’ dawn it-talbiet jiġi żviluppat sabiex it-“tfittix bl-isem” ikun operazzjoni li faċli ssir (u li titwettaq ta’ spiss).

139. Min-naħa l-oħra, meta tiġi ttrattata talba ta’ aċċess għal dokumenti, l-att tat-tfittix jitwettaq fuq id-dokument billi jiġu użati diversi kriterji ta’ tfittix (“laqgħa ta’ [data]”, “kumitat [numru ta’ riferenza]”, eċċ) li ma għandhom xejn x’jaqsmu ma’ data personali bħall-ismijiet ta’ dawk li jattendu għal laqgħa. Id-data personali bħala tali mhux ser isservi bħala kriterju ta’ tfittix standard. Isegwi li dan huwa pproċessar ta’ dokumenti, mhux ipproċessar ta’ data.

140. Jien naċċetta li l-użu sistematiku tal-funzjoni ta’ tfittix biex jinsabu l-minuti tal-laqgħat kollha li ħa sehem fihom X iqajjem kwistjonijiet skomdi ħafna. Jista’ jiġi argumentat li dak li kien qed jiġi pproċessat xorta kienu l-minuti pjuttost milli d-data personali; u li l-operazzjoni ma kinitx qed titwettaq fuq “sett strutturat ta’ data personali” (l-Artikolu 2(ċ) tar-Regolament Nru 45/2001). Fl-istess ħin, huwa ċar li t-tfittix ikun, speċifikament, “operazzjoni […] li hija mwettqa fuq data personali” (u għalhekk ipproċessar fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 45/2001). Fil-fatt, ir-raison d’être kollu tagħha jkun li tiġi identifikata u ttraċċjata l-parteċipazzjoni ta’ X fil-laqgħat.

141. Fid-dawl tal-għanijiet u l-fini tar-Regolament Nru 45/2001, fil-fehma tiegħi f’dak l-istadju ċ-ċentru tal-attenzjoni jkun iċċaqlaq biżżejjed lil hinn mill-minuti u lejn id-data personali li qed tiġi pproċessata biex japplika r-Regolament Nru 45/2001. Talba għall-“minuti kollha tal-laqgħat li jinvolvu lil X” (anki jekk imressqa taħt ir-Regolament Nru 1049/2001), jekk tiġi eżaminata iktar mill-viċin, hija talba biex tiġi pproċessata informazzjoni dwar X (it-tfittix bl-isem użat biex tinġabar l-informazzjoni kollha ta’ tip partikolari li tikkonċerna dan l-individwu speċifiku). Għaldaqstant talba bħal din, fir-realtà, hija talba moħbija għal informazzjoni dwar X u l-attivitajiet tiegħu iktar milli talba għal dokumenti li kumbinazzjoni jsemmu b’mod inċidentali lil X. Din għandha tiġi ttrattata għal dik li verament hi: talba li tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali (62).

142. Madankollu, normalment, l-użu tal-funzjoni tat-tfittix fuq kompjuter sabiex jinsab id-dokument mitlub taħt ir-Regolament dwar Aċċess għal Dokumenti ma jikkostitwixxix l-“ipproċessar ħlief dak b’mezzi awtomatiċi ta’ data personali li jifforma parti minn sistema ta’ filing, jew li huwa maħsub li jifforma parti minn sistema ta’ filing”.

143. Wara li ntqal dan, tibqa’ d-diffikultà li fis-sentenza Lindqvist, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ladarba l-ipproċessar huwa awtomatiku jew awtomatiku in parti, dan jaqa’ taħt ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data – il-mod kif tinżamm id-data jsir irrilevanti. Għalhekk, jien issa irrid nindirizza t-tieni parti tal-oġġezzjoni: il-kwistjoni ta’ jekk is-sempliċi użu ta’ funzjoni tat-tfittix tikkostitwixxix l-“ipproċessar ta’ data personali … in parti b’mezzi awtomatiċi”.

144. Fil-fehma tiegħi t-tweġiba tinsab fil-fatt li l-funzjoni tat-tfittix tirreplika xi ħaġa biss li tista’ (b’ħafna iktar xogħol) issir manwalment, bħalma drill elettriku jtaqqab toqba iktar malajr u b’mod iktar effettiv minn rebekkin (63). L-intervent uman l-ewwel huwa meħtieġ biex tinqara u tiġi analizzata t-talba għal dokument, u biex jiġi kkunsidrat jekk, pereżempju, it-talba tinvolvix “dokument sensittiv” taħt l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-moħħ ta’ gwida tal-operatur xorta huwa essenzjali sabiex jiġu speċifikati l-kriterji inizjali tat-tfittix u, jekk ikun meħtieġ, biex jiġi irfinut it-tfittix. Ladarba d-dokument ikun ġie lokalizzat, il-bniedem irid għal darb’oħra jieħu r-riedni mingħand il-magna sabiex jistħarreġ id-dokument u jiddeċiedi jekk għandux jingħata l-aċċess b’mod sħiħ, jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 4 u biex tinsab sistema kif - jekk ikun il-każ – jingħata aċċess għall-bqija tad-dokument kif meħtieġ bl-Artikolu 4(6).

145. Meta tiġi ttrattata talba ta’ aċċess għal dokumenti, l-uffiċjal li jittratta t-talba għalhekk jiddeċiedi jekk, u sa liema punt, huwa għandu bżonn juża funzjoni tat-tfittix u jiddetermina wkoll x’għandhom ikunu t-termini tat-tfittix. Xorta huwa moħħ uman li qed jidderiġi t-teknoloġija, bħalma ħaddiem xorta waħda jimmanipula d-drill elettriku li ħa post ir-rebekkin.

146. Fil-fehma tiegħi, sekwenza ta’ operazzjonijiet bħal din, li fiha l-element indiwidwali uman jilgħab parti daqshekk importanti u jżomm il-kontroll il-ħin kollu, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala l-“ipproċessar ta’ data personali [...] in parti b’mezzi awtomatiċi” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001 (64). B’mod partikolari, dan jista’ jiġi distint mit-tlugħ ta’ paġni tal-internet (bħal fil-każ Lindqvist), fejn parti mill-operazzjoni hija intrinsikament awtomatizzata.

147. Jien naċċetta li huwa possibbli li wieħed jargumenta li l-leġiżlatur kellu l-ħsieb, fir-Regolament Nru 45/2001, li “jixħet xibka wiesgħa” (kif inhu muri ċar bid-definizzjonijiet wiesa’ ta’ “data personali” u “ipproċessar” fl-Artikolu 2(a) u (b), rispettivament), u bl-applikazzjoni tal-istess prinċipju, il-kunċett ta’ x’inhu ipproċessar awtomatiku jew semi-awtomatiku fl-Artikolu 3(2) għandu wkoll jingħata l-iktar tifsira wiesgħa possibbli.

148. It-tweġiba tiegħi għal dan hija doppja.

149. L-ewwel nett, id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ regola Komunitarja ma hijiex l-istess bħat-tifsiriet tat-termini li għandhom jiġu interpretati fi ħdan dan il-kamp. It-tieni nett, interpretazzjoni daqshekk wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001 tnaqqas l-effettività tar-Regolament Nru 1049/2001 sa grad li mhux aċċettabbli. Proporzjon sinjifikattiv ta’ dokumenti jinkludu – b’xi mod jew ieħor – riferiment għal isem jew data personali oħra. Meta l-leġiżlatur tal-Komunità jgħid, fil-premessa 15 għar-Regolament Nru 45/2001, li l- “aċċess għal dokumenti, inklużi l-kondizzjonijiet għal aċċess għal dokumenti, li jkun fihom data personali [enfasi miżjuda], huwa regolat bir-regoli adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 255 tat-Trattat KE li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jinkludi t-Titoli V u VI tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea [issa, għalhekk, bir-Regolament Nru 1049/2001]”, jidhirli li aħna għandna nieħduh fuq il-kelma.

150. Konsegwentement jien nibqa’ nżomm il-pożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001 bħala li jiddefinixxi ċ-ċirkustanzi li fihom japplika dan ir-regolament (l-“ipproċessar ta’ data personali kollha kemm hija jew in parti b’mezzi awtomatiċi, u [...] l-ipproċessar ħlief dak b’mezzi awtomatiċi ta’ data personali li jifforma parti minn sistema ta’ filing”). Dan l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet tal-Komunità kollha, huma mbagħad (bl-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament) koperti sal-limitu li dan “isir fl-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet kollha jew parti minnhom li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni ta’ l-liġi tal-Komunità”. Ċirkustanzi oħrajn ma humiex koperti bir-Regolament Nru 45/2001. Dawn għandhom jiġu ttrattati taħt ir-regoli applikabbli – b’mod partikolari, meta jsiru talbiet lil istituzzjonijiet tal-Komunità għal aċċess għal dokumenti, taħt ir-Regolament Nru 1049/2001.

2.      Il-konsegwenzi tar-rikonċiljament taż-żewġ regolamenti

151. Ħa nenfasizza ċerti fatti speċifiċi għal dan il-każ, li ser jiffurmaw ir-raġunament tiegħi. Aħna għandna x’naqsmu ma’ talba li saret biex jinkiseb dokument speċifiku: il-minuti sħaħ ta’ laqgħa. It-talba saret taħt ir-Regolament Nru 1049/2001, li l-Artikolu 6 tiegħu speċifikament jipprovdi li applikant ma huwiex meħtieġ li jagħti raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu.

152. Peress li, hekk kif tirċievi din it-talba, l-istituzzjoni tal-Komunità ser tosserva li d-dokument mitlub fih data personali, din għandha l-ewwel tivvaluta jekk l-iżvelar ta’ din id-data jiksirx il-privatezza u l-integrità tas-suġġett tad-data, peress li l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi għall-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata, kif ifformulat fil-KEDB. Jekk l-iżvelar jikkostitwixxi indħil potenzjali, biex nuża t-terminoloġija tal-KEDB, il-Kummissjoni mbagħad ikollha tikkunsidra jekk dan l-indħil huwiex iġġustifikat taħt il-parametri stabbiliti fl-Artikolu 8(2) KEDB (65).

153. F’dan il-kuntest, jien nikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta kkonstatat li l-iżvelar lil terzi tal-ismijiet ta’ dawk preżenti fil-laqgħa ta’ Ottubru 1996 ma kienx jammonta għal indħil potenzjali fil-ħajja privata. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “indħil” adottat mill-Qorti KEDB hija wiesgħa ħafna (66). L-ismijiet jidentifikaw il-persuni. Bħala prinċipju għalhekk, l-iżvelar tagħhom (anki fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ negozju) jikkostitwixxi ndħil potenzjali ta’ dan it-tip (67).

154. Konsegwentement, il-kwistjoni hija jekk indħil potenzjali bħal dan, f’din il-forma u f’dan il-kuntest partikolari, huwiex ġustifikabbli. Fil-fehma tiegħi kien ikun biżżejjed imbagħad li jiġi applikat it-test tas-soltu biex jiġi ġġustifikat l-indħil fil-ħajja privata konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 8(2) KEDB –jiġifieri li l-miżura trid tkun konformi mal-liġi, il-miżura trid tkun neċessarja f’soċjetà demokratika u din trid tkun proporzjonata mal-għanijiet segwiti – sabiex jiġi konkluż li kwalunkwe indħil kien iġġustifikat. Din il-linja ta’ azzjoni, barra dan, tqiegħed id-deċiżjoni tal-Qrati tal-Komunità dwar il-kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem f’dan l-appell fl-istess linja mal-ġurisprudenza u l-metodoloġija tal-Qorti KEDB. Fid-dawl tas-sentenza Bosphorus (68), dan mhux biss huwa mixtieq iżda essenzjali.

155. L-iżball tal-Qorti tal-Prim’Istanza meta kkunsidrat li ma kien hemm ebda ndħil potenzjali mad-dritt għall-ħajja privata (69) huwa bażi suffiċjenti biex tiġi annullata s-sentenza appellata. Madankollu, dan xorta waħda jħalli mhux riżolta l-problema ta’ kif jiġu rrikonċiljati ż-żewġ regolamenti. Jien issa għalhekk inħossni libera li nimxi lil hinn mill-fatti ta’ din it-tilwima u neżamina mill-ġdid din il-kwistjoni f’termini ġenerali.

156. Ejjew nerġgħu nibdew mill-bidu nett.

157. Liema huma l-prinċipji ta’ gwida li għandhom jiġu applikati b’mod analitiku għal talba lil istituzzjoni Komunitarja għal dokument, qabel ma din l-istituzzjoni tista’ tiddeċiedi jekk għandhiex tippubblika jew tiżvela data personali?

a)      Eżami tal-problema f’termini ġenerali

158. Meta istituzzjoni tal-Komunità tirċievi talba għal dokumenti, l-ewwel pass li ser tieħu ikun li taċċerta jekk t-talba tirreferix għal dokumenti li ma jinkludu ebda data personali (ipoteżi (a)) jew dokumenti li jinkludu data bħal din (ipoteżi (b)) (70). Ipoteżi (a) ma tippreżenta ebda diffikultà. L-istituzzjoni għandha tiżvela d-dokument lill-applikant b’applikazzjoni diretta tar-Regolament Nru 1049/2001, sakemm ma tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati f’dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, l-ipoteżi (b) teħtieġ kunsiderazzjoni iktar bir-reqqa. X’qed jintalab preċiżament?

159. Fi ħdan l-ipoteżi (b), fil-fatt huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ subkategoriji distinti ta’ dokumenti. L-ewwel (‘b-1’) tinkludi dokumenti ordinarji li fihom riferiment inċidentali ta’ data personali, fejn l-għan primarju tal-kompilazzjoni tad-dokument ftit li xejn għandu x’jaqsam ma’ data personali bħala tali (pereżempju, id-dokument tal-fatti rreġistrati ta’ laqgħa). Ir-raison d’être ta’ dawn id-dokumenti huwa li tinżamm informazzjoni li fiha d-data personali għandha importanza minima. Dokumenti fit-tieni subkategorija (‘b-2’) essenzjalment jinkludu kwantità kbira ta’ data personali (pereżempju, lista ta’ persuni u l-karatteristiċi tagħhom). Ir-raison d’être ta’ dokumenti b-2 hi, preċiżament, li tinġabar flimkien data personali bħal din.

160. Ġaladarba l-istituzzjoni Komunitarja tkun aċċertat il-kontenut tad-dokument mitlub, it-tieni pass ikun li tiġi kklassifikata t-talba b’mod korrett. Talba għal dokument b-1 għandha titqies purament bħala talba ta’ aċċess għal dokument pubbliku. Talba għal dokument b-2 tista’ tkun ġiet ippreżentata bħala talba għal dokumenti pubbliċi koperti bir-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, fir-realtà din tikkostitwixxi talba moħbija għal żvelar ta’ data personali, verament dak li qed jiġi mitlub, għaliex il-kontenut tad dokument huwa tali li dak li verament qed jintalab ma huwiex għajr aċċess għal data personali. Minħabba d-definizzjoni wiesgħa ta’ “dokument” fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, huwa faċli ħafna li talba moħbija jew indiretta għal data personali, fis-sens tar-Regolament Nru 45/2001, tidher simili ħafna għal talba għal “dokumenti” fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001 (71) (72). Konsegwentement, il-potenzjal ta’ konfużjoni (inizjali) ta’ din ix-xorta hija reali ħafna.

161. It-tielet pass isegwi direttament mill-klassifikazzjoni li saret, jiġifieri li jiġi ddeterminat liema regolament japplika. Talbiet għal dokumenti b-1 għandhom jiġu ttrattati taħt ir-Regolament Nru 1049/2001, peress li dan huwa l-istrument leġiżlattiv li jirregola l-aċċess għal dokumenti. Talbiet għal dokumenti bħal dawn jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001, peress li dawn ma jikkostitwixxux ipproċessar awtomatiku jew semi-awtomatiku ta’ data personali, u lanqas ma hemm ipproċessar ta’ data maħsub għal sistema ta’ filing (73). Preċisament l-oppost ser jiġri b’dokumenti b-2. Ir-raison d’être tagħhom huwa l-ħażna ta’ data personali. Dan iġibhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001, bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) tiegħu.

162. Ir-raba’ pass ikun li wieħed jistaqsi, fid-dawl ta’ din l-analiżi, jekk għandhomx jingħataw jew le raġunijiet għat-talba. Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, talbiet għal dokumenti b-1 evidentement ma hemmx għalfejn jingħataw raġunijiet għalihom. Min-naħa l-oħra, talbiet għal dokumenti b-2 ikollhom juru il-bżonn għat-trasferiment ta’ data, skont l-Artikolu 8(b) tar-Regolament Nru 45/2001.

163. Il-ħames nett, il-proċedura li għandha tiġi segwita fl-iżvelar ta’ dokumenti wkoll ser tkun differenti għaż-żewġ subkategoriji.

164. Għalhekk, għal dokumenti b-1, ser tiġi segwita l-proċedura stabbilita fir-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, peress li dawn jinkludu wkoll data personali, ser ikun meħtieġ li jiġi applikat it-test tal-Artikolu 8 KEDB bħala prekawzjoni sabiex jiġi evalwat jekk aċċess sħiħ għat-test mhux mimsus tad-dokument, għandux jiġi rrifjutat peress li żvelar mhux ristrett bħal dan jikser il-privatezza tas-suġġett tad-data. L-obbligu li jiġi applikat dan it-test jitnissel mill-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar Aċċess għal Dokumenti, li jeħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni għall-privatezza u għall-integrità tas-suġġett tad-data.

165. Talbiet għal dokumenti b-2, min-naħa l-oħra, ser ikunu suġġetti fl-intier tagħhom għall-proċedura stabbilita fir-Regolament Nru 45/2001. Għalhekk, (a) l-ipproċessar irid ikun “legali” fis-sens tal-Artikolu 5 tiegħu; (b) l-applikant irid jagħti raġunijiet, konformi mal-Artikolu 8; (ċ) fejn ikun xieraq, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw applikazzjonijiet minn pajjiżi mhux membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali li ma humiex tal-Komunità, jidħlu fis-seħħ skont l-Artikolu 9; (d) jekk tkun involuta data sensittiva, trid tingħata attenzjoni partikolari għall-Artikolu 10; u fl-aħħar nett (e) l-Artikolu 18 jobbliga lill-istituzzjoni Komunitarja li tinforma lis-suġġett tad-data li huwa jista’ joġġezzjona għall-ipproċessar, ħlief fil-każijiet koperti mill-Artikolu 5(b), (ċ) u (d).

166. Fl-aħħar nett, x’inhuma l-konsegwenzi, f’termini ta’ żvelar? Dokumenti fis-subkategorija b-1 normalment għandhom jiġu żvelati lill-applikant. Jekk xi parti ta’ dokument tinsab li hija koperta bl-eċċezzjoni fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, trid tiġi rrilaxxjata verżjoni ridotta tad-dokument, konformi mal-Artikolu 4(6). L-iżvelar ikun erga omnes. Fil-każ ta’ dokumenti tas-subkategorija b-2, jista’ jsir l-iżvelar biss każ każ u mhux erga omnes, peress li d-data personali ser tiġi żvelata biss lil applikant li jkun ta raġunijiet validi għat-talba tiegħu.

b)     Konsegwenzi

167. Safejn għandhom x’jaqsmu dokumenti normali li jappartjenu għas-subkategorija b-1, l-istituzzjonijiet għandhom iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet biex jipproteġu l-privatezza u jġibu dawn id-dispożizzjonijiet għall-attenzjoni ta’ dawk ikkonċernati. Il-konsegwenza normali ta’ talba ta’ aċċess għal dokument ta’ din ix-xorta ser tkun l-iżvelar komplut, u b’hekk jingħata effett għall-prinċipju tat-trasparenza.

168. Madankollu, fil-każ ta’ data personali msemmija inċidentalment f’dokumenti b-1, l-istituzzjonijiet għandhom ikomplu japplikaw l-Artikolu 8 KEDB bħala prinċipju ta’ gwida sabiex jivverifikaw jekk l-eċċezzjoni fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar Aċċess għal Dokumenti tapplikax, sabiex b’hekk jingħata biss aċċess parzjali, konformi mal-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament. L-iżvelar tad-dokument (kemm jekk jinkludi data personali u anki jekk le) imbagħad ikun erga omnes, biex b’hekk l-istituzzjoni ma tkunx tista’ tirrifjuta l-iżvelar tiegħu lil applikanti oħra.

169. L-implikazzjonijiet għal dokumenti li essenzjalment jinkludu data personali (dokumenti b-2) huma differenti ħafna. Dawn it-talbiet għandhom jiġu ttrattati b’konformità stretta mal-proċedura deskritta fir-Regolament Nru 45/2001, skont l-istruzzjonijiet stabbiliti hemmhekk sal-inqas kelma. L-iżvelar qatt ma hu ser ikun erga omnes.

170. Fil-qosor, iċ-ċavetta għas-soluzzjoni tal-problemi bħal dawk li tqajmu bis-sentenza appellata hija li l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu sistema li tagħmilha possibbli għalihom biex jidentifikaw b’mod korrett talbiet bħal dawn: fi kliem ieħor, biex issir id-distinzjoni bejn dawk relatati ma’ dokumenti fis-subkategorija b-1 u dawk li fir-realtà jitolbu dokumenti li jikkorrispondu ma’ subkategorija b-2. Huwa biss jekk dawn ikunu attrezzati biex jaċċertaw f’liema waħda minn dawn iż-żewġ subkategoriji jappartjeni dokument partikolari li l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu jafu kif għandhom jaġixxu, billi japplikaw il-leġiżlazzjoni adatta.

ċ)     L-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001

171. Kif ġie enfasizzat mill-Kummissjoni fl-appell tagħha, l-eċċezzjoni fl-Artikolu 4(1)(b) tinkludi żewġ elementi, mhux wieħed.

172. L-ewwel parti tal-eċċezzjoni tagħti protezzjoni ġenerali għall-privatezza u għall-integrità tal-individwi. Għalhekk, anki fil-każ ta’ dokument ta’ tip ordinarju b-1 ser ikun meħtieġ dejjem li jiġi aċċertat jekk l-indħil fid-dritt tal-privatezza tal-individwu jkunx tali li għandu jiġi rrifjutat żvelar komplut tad-dokument inkwisjoni. F’każijiet bħal dawn, il-prinċipju tat-traparenza jiġi sodisfatt bi żvelar parzjali ta’ dokument bħal dan, konformi mal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, normalment l-iżvelar ser ikun sħiħ u komplut.

173. It-tieni parti tal-eċċezzjoni ser tidħol biss fis-seħħ fejn l-istituzzjoni tal-Komunità, meta tikklassifika talba, issib li fir-realtà hija talba li taqa’ taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001, jiġifieri, waħda li qed tfittex aċċess għal dokumenti b-2 li jinkludu data personali fi, jew maħsuba għal, sistemi ta’ filing (74). F’każ bħal dan, l-istituzzjoni tal-Komunità ser ikollha tipproċessa talba b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ data personali, b’mod partikolari r-Regolament Nru 45/2001, flok ma tagħmel dan taħt ir-reġim ta’ trasparenza tar-Regolament Nru 1049/2001.

174. Fi ftit kliem, għalhekk, bħal fil-każ tat-tweġiba ta’ Asimov għar-rebus xjentifiku tiegħu, ma jqum l-ebda konflitt peress li talba għall-ipproċessar ta’ dokumenti li fihom data personali qatt ma ser tikkostitwixxi talba għal dokument li jikkonċerna “il-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet” li jaqgħu fil-kamp ta’ responsabbiltà tal-istituzzjoni taħt ir-regoli dwar aċċess għal dokumenti.

d)      Il-modus operandi ta’ din l-interpretazzjoni: tliet eżempji

175. Jien tajt interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament 1049/2001 li hija differenti b’mod sinjifikattiv minn dik li ġiet adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li qed tiġi kkontestata mill-Kummissjoni fl-appell tagħha. X’aktarx hemm riskju li l-analiżi tiegħi tista’ tiġi kkritikata li hija teoretika. Għalhekk ser nipprova nuri l-applikazzjoni tagħha b’eżempji li ma jistgħux jitqiesu li huma limitati għall-qasam tat-teorija akkademika u għalhekk juru l-valur tagħha.

176. Jien ser nieħu tliet eżempji ta’ dokumenti li fil-fatt jistgħu jiġu ppreparati mill-istituzzjonijiet Komunitarji. L-ewwel wieħed (“dokument X”) jinkludi l-minuti ta’ laqgħa fi ħdan waħda mill-isferi ta’ kompetenza tal-Unjoni Ewropea. It-tieni wieħed (“dokument Y”) huwa l-fajl li nfetaħ f’investigazzjoni interna dwar allegazzjonijiet ta’ fastidju sesswali f’dipartiment amministrattiv ta’ istituzzjoni Komunitarja, fejn żewġ uffiċjali espressament isir riferiment għalihom b’isimhom. It-tielet (‘dokument Z’) huwa lista tal-membri ta’ dipartiment partikolari ta’ waħda mill-istituzzjonijiet u tagħti dettalji personali dwar kull wieħed mill-uffiċjali.

177. It-tlieta li huma ovvjament huma dokumenti fis-sens normali tal-kelma. Dokument X evidentement jirreferi għall-“politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet” ta’ istituzzjoni Komunitarja. L-istess jista’ jingħad għad-dokument Y, għaliex il-mod li bih l-istituzzjonijiet Komunitarji jittrattaw każijiet ta’ allegat fastidju sesswali huwa qasam ta’ interess pubbliku validu. It-talbiet kemm għad-dokument X u għad-dokument Y huma t-tnejn talbiet għal dokumenti fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Għalkemm aċċess għal dokument Z jista’ jkun intalab taħt l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, eżami iktar iddettaljat juri li din fil-fatt hija talba għall-ipproċessar ta’ data personali li hija miżmuma f’sistema ta’ filing. Bħala tali, din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001.

178. Kif għandha tiġi ttrattata t-talba għal kull dokument – X, Y u Z ?

179. It-talba ta’ aċċess għad-dokument X għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni Komunitarja inkwistjoni jkollha tapplika t-test taħt l-Artikolu 4(1)(b) ta’ dan ir-regolament flimkien mal-Artikolu 8 KEDB. Ma hemm l-ebda ndħil reali fil-privatezza ta’ individwi (75). Għalhekk l-iżvelar tad-dokument isir erga omnes.

180. It-talba għad-dokument Y bl-istess mod tiġi pproċessata skont ir-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, peress li tqum problema ovvja li tinvolvi l-privatezza tal-persuni msemmija fil-fajl ta’ każ dwar fastidju sesswali, tapplika l-eċċezzjoni fl-Artikolu 4(1)(b), u l-istituzzjoni tiżvela verżjoni ridotta ta’ dokument Y, konformi mal-Artikolu 4(6) (b’hekk jiġu rrispettati kemm il-privatezza taż-żewġ uffiċjali involuti kif ukoll il-prinċipju tat-trasparenza). Bl-istess mod l-iżvelar ikun erga omnes.

181. Min-naħa l-oħra, it-talba ta’ aċċess għad-dokument Z ikollha tiġi pproċessata konformi mar-Regolament Nru 45/2001, peress li d-dokument evidentement jifforma parti minn sistema ta’ filing li tinkludi data personali. Għaldaqstant, din tista’ tiġi żvelata biss għal raġunijiet legali u l-iżvelar ikun fuq bażi individwali; fi kliem ieħor dan jiġi żvelat biss lill-applikant, mhux erga omnes.

182. Jien nittama li dawn it-tliet eżempji jgħinu biex jiġi spjegat b’mod ċar kif il-linja diviżorja bejn iż-żewġ regolamenti inkwistjoni f’dawn il-proċeduri topera fil-prattika.

3.      L-eżitu

183. Fid-dawl tal-analiżi tiegħi sa issa, jien nikkonkludi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata hija żbaljata.

184. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tagħti qies biżżejjed għat-tieni parti tal-Artikolu 4(1)(b), li tirreferi għal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Kif josservaw il-Kummissjoni u l-Kunsill, dak l-iżball wassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tilħaq riżultat li, fl-aħħar mill-aħħar issagrifika għal kollox id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data fl-interess tat-trasparenza. Madankollu, fir-realtà d-deduzzjoni li għandha ssir minn interpretazzjoni xierqa taż-żewġ regolament hija li dan il-konflitt ma jeżistix.

185. Il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat ukoll meta kkunsidrat li l-iżvelar tal-ismijiet tal-ħames parteċipanti fil-laqgħa ta’ Ottubru 1996 li oġġezzjonaw jew li ma setgħux jiġu kkuntattjati ma kinitx tikkostitwixxi ndħil potenzjali mad-dritt tagħhom għall-privatezza fis-sens tal-Artikolu 8(1) KEDB. Din għalhekk naqset milli tipproċedi biex tapplika t-test għal ġustifikazzjoni fl-Artikolu 8(2) KEDB.

186. Għalhekk, l-analiżi tiegħi, anki jekk ibbażata fuq argumenti li huma radikalment differenti minn dawk li tressqu mill-Kummissjoni u l-Kunsill, issostni d-dijanjożi tagħhom li l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 ġie interpretat b’mod żbaljat. Madankollu, għalkemm jiena, bħalhom, kritika tal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, dan huwa għal raġunijiet differenti; u għalhekk jien ma naqbilx mal-konklużjoni li huma qed jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għaliha meta tiddeċiedi dan l-appell.

187. Skont ġurisprudenza stabbilita, jekk ir-raġunament ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jindika li jmur kontra d-dritt Komunitarju iżda l-parti operattiva tagħha tidher li hija fondata tajjeb fuq raġunijiet oħra, l-appell innifsu għandu jiġi miċħud (76).

188. Id-dokument mitlub minn Bavarian Lager fit-talba konfermatorja tagħha (it-test komplut tal-minuti tal-laqgħa ta’ Ottubru 1996) kien jinkludi riferiment inċidentali għal data personali. Dan kien jinkludi b’mod speċifiku l-ismijiet ta’ dawk li attendew għal-laqgħa, kif normalment jagħmlu l-minuti. Dan kellu x’jaqsam ukoll mingħajr dubju mal-“politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet” ta’ istituzzjoni Komunitarja.

189. Fil-fehma tiegħi, it-talba ta’ Bavarian Lager għal dak id-dokument ma kinitx, wara li din ġiet eżaminata kif xieraq, talba moħbija għal data personali. Kienet talba għal dokument uffiċjali normali. Id-dokument mitlub kien tat-tip b-1, li jixbah mill-qrib id-dokument X fl-eżempju li tajt.

190. It-talba ma kinitx tinvolvi “l-ipproċessar ta’ data personali kollha kemm hija jew in parti b’mezzi awtomatiċi” jew “l-ipproċessar ħlief dak b’mezzi awtomatiċi ta’ data personali li jifforma parti minn sistema ta’ filing, jew li huwa maħsub li jifforma parti minn sistema ta’ filing”. Għalhekk, din ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001 u l-proċeduri u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament ma japplikawx. It talba kellha tkun ittrattata biss u esklużivament skont ir Regolament Nru 1049/2001.

191. Għalhekk il-Kummissjoni kienet obbligata tistaqsi lilha nnifisha, billi tapplika l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk l-iżvelar “jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ […] il-privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-legislazzjoni Komunitarja dwar il-ħarsien ta’ data personali”.

192. Għalkemm l-iżvelar ta’ minuti ta’ laqgħa li jsemmu l-ismijiet tal-parteċipanti potenzjalment kien indħil fid-dritt għall-ħajja privata tagħhom taħt l-Artikolu 8(1) KEDB, il-kuntest (ftuħ uffiċjali li jinvolvi rappreżentanti ta’ grupp industrijali li jaġixxu ta’ kelliema għal min jimpjegahom, u għaldaqstant f’kapaċità purament professjonali), meħud flimkien mal-prinċipju tat-trasparenza, ipprovda ġustifikazzjoni iktar minn biżżejjed għal dan l-indħil taħt it-test stabbilit fl-Artikolu 8(2) KEDB.

193. Peress li l-eċċezzjoni mill-iżvelar inkluża fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx applikabbli, ma kienx permess għall-Kummissjoni li tipprovdi biss verżjoni ridotta tal-minuti b’applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament. Il-Kummissjoni kienet obbligata li tiżvela l-minuti b’mod sħiħ. Id-deċiżjoni kkontestata li rrifjutat dan l-iżvelar għalhekk kienet illegali.

194. Għaldaqstant, fil-każ preżenti ikun biżżejjed li tinġibed l-attenzjoni għall-iżbalji ta’ liġi fir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma jintlaqa’ l-appell u mingħajr ma tiġi annullata s-sentenza, ladarba d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżomm l-iżvelar tad-dokument sħiħ tiġi annullata.

B –     It-tielet aggravju tal-appell

195. Bit-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni qed tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata fil-liġi meta interpretat b’mod żbaljat l-eċċezzjoni li għandha x’taqsam ma’ protezzjoni għall-finijiet ta’ investigazzjonijiet, inkluża fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

196. Fil-qosor, il-Kummissjoni targumenta li l-interpretazzjoni tas-sentenza appellata ma tagħtix kunsiderazzjoni għall-bżonn li l-istituzzjoni Komunitarja tiggarantixxi, f’ċerti ċirkustanzi, il-kunfidenzjalità għal persuni li jipprovduha b’informazzjoni matul l-attivitajiet investigattivi tagħha. Mingħajr dan il-poter li tostor is-sorsi tagħha ta’ informazzjoni bis-segretezza, il-Kummissjoni tirriskja li titlef għodda tax-xogħol essenzjali biex tmexxi l-inkjesti u l-investigazzjonijiet tagħha.

197. Jien ma naqbilx mal-Kummissjoni.

198. L-ewwel nett, huwa kurjuż kif il-Kummissjoni hija siekta dwar il-kwistjoni taż-żmien, għalkemm dak kien wieħed mill-argumenti prinċipali li bbażat ruħha fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza meta kkonstatat li l-eċċezzjoni fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma kinitx applikabbli f’dan il-każ (77).

199. Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li, f’dawn il-proċeduri, it-talbiet għal aċċess għal dokumenti ġew ippreżentati meta l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju Unit kienu diġà ġew abbandunati. Ma kien hemm ebda investigazzjoni pendenti jew, fil-fatt, waħda li ġiet konkluża anki reċentement (78). Għalhekk ma tantx huwa ċar għalija kif l-iżvelar tal-ismijiet tal-parteċipanti fil-laqgħa ta’ Ottubru 1996 jista’ jipperikola l-investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-investigazzjoni kienet ilha li spiċċat. Il-Kummissjoni ma ressqet ebda argument konvinċenti biex tinbidel din il-konstatazzjoni fis-sentenza appellata.

200. It-tieni nett, jista’ jinftiehem sew perfettament għaliex ħafna drabi l-Kummissjoni tuża pariri u informazzjoni minn terzi persuni. Madankollu, huwa xieraq li wieħed jiddistingwi tal-inqas żewġ kategoriji ta’ sorsi bħal dawn. Minn naħa waħda, hemm l-“interlokuturi barranin” (jekk nista’ nsejjħilhom hekk) li fuqhom ħafna drabi tiddependi l-Kummissjoni għal assistenza ġenerali permezz ta’ laqgħat ta’ natura professjonali. Dawn jirrappreżentaw kategorija ikbar ta’ sorsi ta’ informazzjoni, peress li bħala rutina l-Kummissjoni torganizza ħafna laqgħat bħal dawn fl-oqsma kollha tal-kompetenza tagħha. Madankollu, l-prinċipju tat-trasparenza jeħtieġ li l-Kummissjoni tinforma interlokuturi barranin bħal dawn li l-preżenza tagħhom f’xi laqgħa partikolari ser issir pubblika sal-punt li fih id-dokumenti jiġu żvelati konformi mar-Regolament Nru 1049/2001. Din ma tistax tinvoka ’l hekk imsejħa “preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità” (li l-Kummissjoni tirreferi għaliha b’mod żbaljat fl-appell) biex qatt ma tiżvela isimhom.

201. Barra dan, jien napprezza l-ħtieġa tal-Kummissjoni, bħala awtorità fdata bit-tmexxija ta’ proċeduri delikati, li xi kultant tkun f’pożizzjoni li tirrikorri għal informazzjoni ta’ xort’oħra, li b’mod ġenerali tista’ tinkiseb biss minn persuni – ejja nsejħulhom “informaturi” – li r-rieda tagħhom li jikkoperaw tiġi żgurata biss permezz tal-protezzjoni tal-anonimità. Għalhekk jien naċċetta li, f’ċerti ċirkustanzi tassew speċifiċi, il-Kummissjoni trid tkun f’pożizzjoni li tagħti din il-protezzjoni. L-aħjar eżempju ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn hija s-saga sfortunata tal-kawża Adams (79). Iżda dan id-dritt jidħol fix-xena biss f’ċirkustanzi fattwali speċifiċi, f’każijiet eċċezzjonali. Hija l-Kummissjoni li trid turi li ċ-ċirkostanzi kienu fil-fatt eċċezzjonali, kif qed jiġi sostnut (80).

202. Madankollu, fil-kontroversja preżenti bejn il-Kummissjoni u Bavarian Lager, iċ-ċirkustanzi ta’ dawk li ġew imsejħa biex jagħtu parir lill-Kummissjoni ma kinux b’xi mod eċċezzjonali. Il-laqgħa ta’ Ottubru 1996 kienet laqgħa ta’ rutina organizzata mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-poteri tagħha fi proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru. Barra dan, il-laqgħa ma kinitx mal-persuna li għamlet l-ilment (Bavarian Lager) iżda ma’ rappreżentanti ta’, fost l-oħrajn, grupp ta’ pressjoni mill-industrija, jiġifieri iċ-CBMC. Fil-fatt, Bavarian Lager riedet tattendi għal dik il-laqgħa, iżda t-talba tagħha biex tagħmel dan ġiet miċħuda. Dan jispjega l-kurżità persistenti tagħha biex tkun taf eżattament min kien preżenti.

203. Fil-qosor, jien ma nsib li kien hemm ebda żball ta’ liġi fl-argument tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk jien nipproponi li t-tielet aggravju tal-appell jiġi miċħud.

C –     Soluzzjoni alternattiva għall-ewwel u għat-tieni aggravji tal-appell

204. Jien diġà esprimejt il-preferenza tiegħi favur interpretazzjoni tar-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 45/2001 iktar bilanċjata minn dik adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, f’kaz li l-Qorti tal-Ġustizzja tippreferi tittratta l-appell li jikkonċerna l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 skont u bil-mod li l-partijiet differenti ppreżentaw l-appell, iktar ’l isfel jien ser nagħmel, fil-qosor u bħala alternattiva, ċerti osservazzjonijiet dwar kif l-appell għandu jiġi ddeterminat.

205. Madankollu, jien nenfasizza, li s-soluzzjoni alternattiva li ser nispjega ma hijiex is-soluzzjoni preferita tiegħi.

206. L-ewwel, il-punt tat-tluq tiegħi jibqa’ li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta ddeċidiet li ma kien hemm l-ebda ndħil potenzjali, fis-sens tal-Artikolu 8 KEDB, fil-privatezza tal-persuni preżenti fil-laqgħa ta’ Ottubru 1996 li kienu oġġezzjonaw għall-iżvelar tal-ismijiet tagħhom. Is-sempliċi żvelar lil terzi persuni (b’mod partikolari fejn imbagħad l-iżvelar ikun erga omnes) huwa biżżejjed biex ikun hemm riperkussjonijiet fuq il-ħajja privata ta’ dawn il-persuni. Għalhekk is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija żbaljata fil-liġi. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq il-mertu peress li għandha l-elementi kollha biex tagħmel dan.

207. It-tieni nett, jekk l-appell jiġi analizzat bil-mod propost mill-Kummissjoni, il-punt tat-tluq għandu jkun l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001. Din id-dispożizzjoni teżenta applikant li talab aċċess għal dokumenti pubbliċi tal-istituzzjonijiet Komunitarji minn kull obbligu li jiddikjara r-raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu.

208. It-tielet nett, l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jobbliga lill-Kummissjoni li tevalwa, f’kull każ speċifiku, jekk it-talba imressqa lilha tirrappreżentax theddida attwali u ċerta għall‑privatezza biex b’hekk jiskatta l-mekkaniżmu li jipproteġi d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja privata stabbilit fl-Artikolu 8(1) KEDB.

209. Fil-fehma tiegħi, l-iżvelar tal-ismijiet tal-parteċipanti fil-laqgħa ta’ Ottubru 1996 jikkostitwixxi tali ndħil potenzjali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (81).

210. Wara li tikkonkludi li hemm indħil potenzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad għandha tapplika t-test tal-ġustifikazzjoni, taħt l-Artikolu 8(2), li diġà rreferejt għalih (82). Ftit li xejn għandi dubju li t-tliet rekwiżiti huma sodisfatti f’dan il-każ.

211. Għalhekk, il-preżenza tar-Regolament Nru 1049/2001 tfisser li jkun konformi mal-liġi li tiġi aċċettata t-talba għal żvelar ta’ dawk l-ismijiet fiċ-ċirkostanzi tal-każ preżenti. Il-kwistjoni tal-legalità tal-għan speċifiku segwit minn Bavarian Lager meta talbet l-iżvelar ma jdgħajjifx il-validità tal-applikazzjoni tagħha fid-dawl tal-Artikolu 8(2) KEDB. Bl-ilment tagħha, Bavarian Lager kienet xprunat lill-Kummissjoni biex tinstiga l-fażi ta’ qabel il-kontroversja tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju Unit. Barra dan, Bavarian Lager kienet ġiet miċħuda d-dritt li tipparteċipa fil-laqgħa ta’ Ottubru 1996. Għalkemm ma jistax jingħad b’ċertezza jekk l-għanijiet ta’ Bavarian Lager meta talbet l-iżvelar tal-minuti kompluti kinux leġittimi, ma jista’ jkun hemm l-ebda preżunzjoni li dawn ma kinux.

212. L-istess prinċipji bħal dawk li ispiraw il-leġiżlazzjoni dwar aċċess għal dokumenti jippermettu t-twettiq tat-tieni rekwiżit tat-test tal-Artikolu 8(2) KEDB. Ftit huma l-affarijiet li jidhru iktar meħtieġa f’soċjetà demokratika mit-trasparenza u l-involviment mill-viċin taċ-ċittadini fil-proċess deċiżjonali.

213. Fl-aħħar nett, l-iżvelar tal-ismijiet ta’ dawk li jattendu laqgħa ta’ xogħol f’kapaċità rappreżentattiva huwa ndħil pjuttost minimu fil-ħajja privata tagħhom. Fil-fehma tiegħi, dan huwa għal kollox proporzjonali bħala mezz biex jintlaħaq l-għan segwit, u b’hekk jiġi sodisfatt it-tielet element tat-test tal-Artikolu 8(2).

214. Il-konsegwenza talli jiġi applikat it-test għalhekk kienet tkun li l-indħil potenzjali kien – biex nuża t-terminoloġija tal-Artikolu 8(2) KEDB – iġġustifikat u proporzjonali. Għalhekk il-Kummissjoni kien ikollha tiżvela anki l-ismijiet ta’ dawk li attendew u li kienu oġġezzjonaw għall-iżvelar tal-lista tal-parteċipanti. Peress li ma għamlitx hekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li rrifjutat li jsir żvelar komplut tal-minuti tal-laqgħa ta’ Ottubru 1996 kellha tiġi annullata.

215. Ir-raba’ nett, ladarba l-applikazzjoni għal aċċess għal dokumenti kienet ġiet ittrattata b’dak il-mod, l-ipproċessar tad-data kien isir “legali” fis-sens tal-Artikolu 5(b) tar-Regolament Nru 45/2001. Bl-applikazzjoni tal-Aritkolu 18(a) ta’ dan ir-regolament, il-kunsens tas-suġġett tad-data ma jkunx meħtieġ iktar. Il-proċess biex jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001 jobbligax lil istituzzjoni Komunitarja biex tirrifjuta li tiżvela d-dokument komplut u li toħroġ minflok verżjoni ridotta konformi mal-Artikolu 4(6) tiegħu tikser iċ-ċirkolarità tar-raġunament segwit mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward, li ġie kkritikat ġustament mill-Gvern tar-Renju Unit.

216. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jieħu l-pożizzjoni li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 45/2001 ma huwiex applikabbli, biex b’hekk is-suġġetti tad-data jżommu d-dritt tagħhom li joġġezzjonaw taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li xi wħud mis-suġġetti tad-data kienu avvanzaw “fuq bażi leġittima li jġiegħel [raġunijiet leġittimi imperattivi] fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tiegħu jew tagħha” biex jagħmlu sew l-oġġezzjoni tagħhom għall-ipproċessar tad-ċdata tagħhom, kif rikjest mill-Artikolu 18(a). Mir-risposta għad-domanda li għamilt lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni waqt is-seduta, jien niddeduċi li l-istituzzjoni ma għamlet l-ebda tentattiv partikolari biex tikseb mis-suġġetti tad-data dawn ir-raġunijiet speċifiċi għall-oġġezzjoni għall-iżvelar.

217. Id-dritt, taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 45/2001, li ssir oġġezzjoni sabiex persuna tissalvagwardja d-data personali tagħha ma huwiex dritt assolut. Pjuttost, dan huwa dritt li l-eżerċizzju tiegħu l-ewwel jeħtieġ li jingħataw raġunijiet li jiġġustifikaw l-oġġezzjoni għall-ipproċessar. Is-sempliċi oġġezzjoni ma tobbligax lil istituzzjoni Komunitarja li tikkonferma r-rifjut tas-suġġett tad-data. Għall-kuntrarju, l-istituzzjoni Komunitarja trid tevalwa minn naħa r-raġunijiet imressqa mis-suġġett tad-data għall-oġġezzjoni, u min-naħa l-oħra l-interess pubbliku fl-iżvelar tad-dokument, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (83). Fin-nuqqas ta’ xi raġunijiet għan-nuqqas ta’ żvelar, ma hemm (biex inkun skjetta) xejn x’jiġi evalwat, taħt l-Artikolu 18, kontra l-interess pubbliku fit-trasparenza u l-iktar aċċess wiesa’ possibbli għal dokumenti. Għalhekk il-Kummissjoni jmissha għażlet li tiżvela.

218. Għalhekk jien nikkonkludi li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellha ebda alternattiva ħlief li tiżvela l-minuti kompluti tal-laqgħa. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tannulla d-deċiżjoni kkontestata li rrifjutat li tiżvela l-ismijiet tal-parteċipanti fil-laqgħa ta’ Ottubru 1996, inklużi l-ismijiet ta’ dawk li oġġezzjonaw għall-iżvelar.

219. Għalhekk ir-raġunament tas-sentenza appellata huwa legalment ivvizzjat. Madankollu fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata f’punt 187 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-appell għandu jiġu miċħud.

VIII – L-ispejjeż

220. Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta wkoll il-kundanna għall-ispejjeż imposta fuqha mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet biss eċċezzjoni legali waħda fir-rikors ippreżentat minn Bavarian Lager, u ddikjarat it-tliet eċċezzjonijiet l-oħra inammissibbli. Barra dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-pożizzjoni legali tagħha fil-proċeduri kienet ibbażata fuq interpretazzjoni raġonevoli tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

221. Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li, anki jekk titlef dan l-appell, hija għandha tiġi kkundannata tħallas biss nofs l-ispejjeż li għamlet Bavarian Lager fl-ewwel istanza.

222. Jien ma naqbilx.

223. Fir-rigward tal-ispejjeż, il-Kummissjoni tilfet fl-ewwel istanza fuq il-mertu. Ir-regola ġenerali stipulata fl-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija li l-ispejjeż jitħallsu mill-parti telliefa meta jkunu ntalbu mill-parti rebbieħa (kif għamlet Bavarian Lager). Jien ma nikkunsidrax li r-raġunijiet imressqa mill-Kummissjoni jiġġustifikaw li wieħed jitlaq minn dak il-prinċipju ġenerali.

224. Fir-rigward tal-appell, peress li l-Kummissjoni kkonformat mas-sentenza appellata billi żvelat l-ismijiet inkwistjoni lil Bavarian Lager, essenzjalment l-appell tal-Kummissjoni segwa l-interess pubbliku. Hija talbet kjarifikazzjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ prinċipju rigward l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 45/2001 u r-Regolament Nru 1049/2001. Hija ma talbet ebda bidla sostantiva għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li fi kwalunkwe każ issa hija irriversibbli. Konsegwentement, l-appell fil-prattika jirrigwarda qasam ġdid, li hu ta’ interess, rilevanza u importanza għall-Kummissjoni, iżda mhux għal Bavarian Lager. L-interessi li xprunaw lil Bavarian Lager biex tressaq il-proċeduri diġà ġew sodisfatti.

225. Għaldaqstant, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-kundanna tal-ispejjeż fil-Kawża T-194/04 u tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-appell. L-ispejjeż għandhom isegwu dak li jkun ġara f’din il-Qorti b’applikazzjoni tal-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, u fil-fehma tiegħi l-appell għandu jiġi miċħud. Għar-raġunijiet li tajt, jien nqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għanda tilqa’ proposta dwar l-ispejjeż anki jekk din tiddeċiedi favur il-Kummissjoni.

IX – Konklużjoni

226. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li:

1)         L-appell ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Novembru 2007, fil-Kawża T-194/04, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni għandu jiġi miċħud;

2)         Il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż ta’ Bavarian Lager fil-kuntest tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

3)         Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu;

4)         Ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kunsill għandhom iħallsu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2 – I. Asimov., Please Explain, Editorial Houghton Mifflin Company 1973, it-tmien domanda.


3 – Is-sentenza appellata ngħatat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Novembru 2007, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni, Kawża T-194/04, Ġabra p. II‑4523 (is-“sentenza appellata”).


4 –      Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.


5 – Dan l-artikolu wkoll ġie introdott bit-Trattat ta’ Amsterdam, fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 1999.


6 – Iddikjarata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU 2000 C 364, p. 1), fil-verżjoni approvata mill-Parlament Ewropew fid-29 ta’ Novembru 2007, wara t-tneħħija tar-riferimenti għall-Kostituzzjoni Ewropea li ma daħlitx fis-seħħ (ĠU 2007 C 03, p. 1).


7 – Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102,, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 45/2001” jew ir-“Regolament dwar id-Data Personali”).


8 – Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355, p. 1).


9 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1998 L 24, p. 1).


10 – Ara wkoll l-Artikolu 2 (Definizzjonijiet) tal-Konvenzjoni Nru 108.


11 – Ara wkoll l-Artikolu 3 (Kamp ta’ applikazzjoni) tal-Konvenzjoni Nru 108.


12 – Ara, bħala paragun, l-Artikolu 5 (Kwalità tad-data) tal-Konvenzjoni Nru 108.


13 – Fir-rigward tad-drittijiet ta’ suġġetti tad-data, ara l-Artikolu 8 (Salvagwardji personali tas-suġġett tad-data) tal-Konvenzjoni Nru 108, li madankollu, ma tipprovdix espressament għad-dritt li wieħed joġġezzjona.


14 – Li ġie adottat formalment għar-rigward tal-Kunsill bid-Deċiżjoni 93/731/KE tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Kunsill (ĠU 1993 L 340, p. 4), li ġiet emendata l-iktar reċentement bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/525/KE tal-14 ta’ Awwissu 2000 (ĠU 2000 L 212, p. 9); li ġie adottat mill-Kummissjoni bid-Deċiżjoni 94/90/KEFA, KE, Euratom tat-8 ta’ Frar 1994 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU 1994 L 46, p. 58) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 94/90”), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/567/Euratom, KEFA, KE tad-19 ta’ Settembru 1996 (ĠU 1996 L 247, p. 45).


15 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1049/2001” jew “Ir-Regolament dwar Aċċess għal Dokumenti”). Fiż-żmien li qed jiġu ppreżentati dawn il-konklużjonijiet, hawn ħafna diskussjoni dwar jekk ir-Regolament Nru 1049/2001 għandux jinbidel u, jekk iva, b’liema mod preċiż. Jien deliberatament poġġejt fil-ġenb dawn id-diskussjonijiet meta kkunsidrajt dan l-appell, kif għandha tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja.


16 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2001 li emendat ir-regoli tal-proċedura tagħha (ĠU 2001 L 345, p. 94).


17 – L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2001/937.


18 – Bl-istess mod id-dispożizzjoni fid-Deċiżjoni 94/90 li ġiet issorpassata ma kinitx teħtieġ li jingħataw raġunijiet għal talbiet lill-Kummissjoni ta’ dokumenti pubbliċi. Din kienet biss tirrikjedi li t-talba ssir bil-miktub u li tingħata l-informazzjoni neċessarja biex id-dokument inkwistjoni jkun jista’ jiġi identifikat. Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill (T-174/95, Ġabra p. II‑2289, punt 65.


19 – Supply of Beer (Tied Estate) Order 1989 SI 1989/2390.


20 – Irreġistrat bin-numru P/93/4490/UK.


21 – Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Bavarian Lager vs Il-Kummissjoni, T-309/97 (Ġabra p. II‑3217, punti 45 u 46). Din is-sentenza tenfasizza li teżisti protezzjoni adegwata għal materji kollha li, għal raġunijiet leġittimi, ma humiex meħtieġa li jsiru pubbliċi.


22 – L-hekk imsejħa “regola tal-awtur” tħassret bir-Regolament Nru 1049/2001; ara l-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23 – Punti 27 sa 33 tas-sentenza appellata.


24 – Rapport Speċjali mill-Ombudsman Ewropew lill-Parlament Ewropew wara l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea fl-ilment 713/98/IJH, http://www.ombudsman.europa.eu/cases/specialreport.faces/es/380/html.bookmark.


25 – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Rapport Speċjali lill-Parlament Ewropew wara l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea fl-ilment 713/98/IJH (li sar konformi mal-Artikolu 3(7) tal-Istatut tal-Ombudsman Ewropew) (C5-0463/2001 - 2001/2194(COS)), disponibbli fuq http://www.ombudsman.europa.eu/cases/correspondence.faces/es/3535/html.bookmark .


26 – Punti 49 sa 59 tas-sentenza appellata.


27 – Hawnhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi u van der Wal vs Il-Kummissjoni (C-174/98 P u C-189/98P, Ġabra p. I-1, punt 27); sentenza tas-7 ta’ Frar 2002, Kuijer vs Il-Kunsill (T-211/00, Ġabra p. II‑485, punt 55); u s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T-391/03 u T-70/04, Ġabra p. II‑2023, punt 84).


28 – Punti 98 sa 102 tas-sentenza appellata.


29 – Punti 103 sa 109 tas-sentenza appellata.


30 – Punti 110 sa 120 tas-sentenza appellata.


31 – Punti 121 sa 128 tas-sentenza appellata.


32 – Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2003 (C-465/00, C-138/01 u C-139/01, Ġabra p. I‑4989, punti 74 u 75).


33 – Punti 134 sa 137 tas-sentenza appellata.


34 – Punti 138 u 139 tas-sentenza appellata.


35 – Punti 141 sa 154 tas-sentenza appellata.


36 – ĠU C 177 E, p. 70.


37 – Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C-112/00, Ġabra p. I‑5659, punti 80 u 81); sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae ( C-275/06, Ġabra p. I‑271, punt 70). Fir-rigward tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni kostituzzjonali ta’ oriġini Ġermaniża - praktische Konkordanz, li rreferiet għalih il-Kummissjoni fl-appell tagħha, ara pereżempju, K. Hesse, Grundzüge des Verfassungsrechts der Bundesrepublik Deutschland, Ed. C.F. Müller, 20ª ed., Heidelberg, 1999, p. 28.


38 – Rigward l-iżvilupp ta’ dan id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti ta’ istituzzjonijiet tal-Komunità, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fis-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kunsill vs Hautala (353/99, Ġabra p. I‑9565, punt 47 et seq.) , u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fis-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni et (C-64/05 P, Ġabra p. I-11389, punti 37 sa 40). Bħala paragun, il-Gvern Svediż irrileva waqt is-seduta li dan il-prinċipju huwa inkluż fil-Kostituzzjoni nazzjonali tiegħu u ilu jiġi applikat għal iktar minn 200 sena. Is-sentenza tat-30 ta’ April 1996, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill (C-58/94, Ġabra p. I‑2169, punt 34) tiddikjara li l-prinċipju tal-aċċess għal dokumenti huwa inkorporat fil-leġiżlazzjoni tal-parti l-kbira tal-Istati Membri; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro f’dik il-kawża, punti 14 u 15. Aktar reċenti, Konvenzjoni ġdida tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Aċċess għal Dokumenti Uffiċjali (Konvenzjoni Nru 205) ġiet redatta u kienet infetħet għall-firma fit-18 ta’ Ġunju 2009: ara http://conventions.coe.int/Treaty/ EN/Treaties/Html/205


39 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tal-10 ta’ April 2008 fil-kawża Heinrich, (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, C-345/06, Ġabra p. I-1659, punt 123).


40 – Dwar l-evoluzzjoni tad-dritt għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data fid-Direttiva 95/46 (waħda mill-miżuri fil-pakkett leġiżlattiv imsemmi f’punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer tat-22 ta’ Diċembru 2008 fis-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C-553/07, Ġabra p. I-3889, punti 18 et seq).


41 – Il-Qorti tal-Ġustizzja bl-istess mod irrikonoxxiet il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tad-Direttiva 95/46; ara Rijkeboer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 59.


42 – Għad-definizzjoni ta’ “sistema ta’ filing”, ara l-Artikolu 2(ċ) tar-Regolament Nru 45/2001.


43 – Is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2007, Sisón/Consejo, Kawża C-266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punti 43 u 44, tagħmel enfasi fuq il-ftuħ, li jitnissel min-nuqqas ta’ obbligu min-naħa taċ-ċittadini li juru interess biex jiksbu aċċess għal dokumenti.


44 – Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali minn istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data (COM (1999) 337 finali).


45 – F’p.2.


46 – Ibid.


47 – F’p. 37.


48 – F’p. 37.


49 – Proposta, p. 39


50 – F’p. 39


51 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32.


52 – Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C-101/01, Ġabra I‑12971).


53 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C-73/07, Ġabra p. 1-8127).


54 – Ara l-punti 3 sa 5 tas-sentenza.


55 – Il-paġni, “xi kultant, [inkludew] l-ismijiet sħaħ u f’każijiet oħrajn l-ewwel ismijiet tagħhom biss. B. Lindqvist iddeskriviet ukoll, b’mod kemxejn umoristiku, ix-xogħol li kellhom il-kollegi tagħha u l-passatempi tagħhom. F’ħafna każijiet issemmew ukoll ċirkustanzi familjari u numri tat-telefon u affarijiet oħra” (punt 13). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-istqarrija addizzjonali ta’ B. Lindqvist li waħda mill-kollegi tagħha kienet weġġgħet sieqha u kienet qed taħdem nofs il-ġurnata minħabba raġunijiet mediċi kienet “data personali li tikkonċerna s-saħħa” fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46/KE, li ma setgħetx tiġi pproċessata (punti 49 sa 51).


56 – Punt 26, enfasi miżjuda.


57 – Jien nikkunsidra iktar ’l isfel, fil-punti 135 et seq, il-possibbiltà li l-użu tal-funzjoni tat-tfittix fuq kompjuter jista’ madankollu jġib eżerċizzju bħal dan fi ħdan il-kunċett ta’ “ipproċessar […] in parti b’mezzi awtomatiċi”.


58 – Punti 35 sa 37 tas-sentenza.


59 – Punti 33 sa 35 tal-konklużjonijiet tagħha.


60 – Punti 34 tal-konklużjonijiet tagħha.


61 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Settembru 2007, Nikolaou vs Il-Kummissjoni (T-259/03; Ġabra p. II‑99).


62 – Ara iktar ’il quddiem, il-punti 158 sa 166 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fortunatament il-każ preżenti ma jikkonċernax kwistjoni daqstant ikkomplikata, anki jekk jidher li Bavarian Lager kienet fil-fatt interessata li tkun taf min attenda l-laqgħa ta’ Ottubru 1996.


63 – Għodda antika li ddur biex tagħmel it-toqob.


64 – Jiena warrabt apposta l-kwistjoni jekk ikunx possibbli bl-applikazzjoni ta’ intelliġenza artifiċjali (‘IA’) li jiġu sostitwiti xi/wħud/il-parti l-kbira tal-funzjonijiet jew kollha kemm huma li preżentement huma mwettqa manwalment. Minn dak li ntqal lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatti jidhru li huma kif iddeskrivejthom hawnhekk. Barra dan, jidher xi ftit improbabbli li l-leġiżlatur kellu l-potenzjal ta’ IA f’moħħu meta fformula r-Regolament Nru 1049/2001.


65 – Din hija l-proċedura segwita mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ; ara pereżempju, is-sentenzi tagħha Amann vs L-Isvizzera tas-16 ta’ Frar 2000, (rikors Nru 27798/95, Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet 2000-II, punt 65), u’Rotaru vs Ir-Rumanija tal-4 ta’ Mejju 2000 (rikors Nru 28341/95, Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet 2000-II, punt 65) , li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta meta tikkunsidra ksur potenzjali ta’ drittijiet tal-bniedem; ara s-sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 iktar ’il fuq, punti 73 sa 90.


66 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Huvig vs Franza, tal-24 ta’ April 1990, Serje A Nru 176-B, punti 8 u 25; Niemietz vs Il-Ġermanja, tas-16 ta’ Diċembru 1992, Serje A Nru. 251-B, punt 29; u Peck vs Ir-Renju Unit, tat-28 ta’ April 2003, (rikors Nru. 44647/98, Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet 2003-I) punt 57.


67 – Rigward il-protezzjoni ta’ ismijiet mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ara s-sentenzi f’Burghartz vs L-Isvizzera, tat-22 ta’ Frar 1994, Serje A Nru. 280-B, p. 28, punt 24; Stjerna vs Il-Finlandja, tal-25 ta’ Novembru 1994, Serje A Nru. 299-B, p. 60, punt 37; Bulgakov vs L-Ukraina, tal-11 ta’ Settembru 2007 (rikors Nru 59894/00, punt 43) u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata. Fid-dritt Komunitarju, fir-rigward tal-ismijiet, ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet tat-30 ta’ Marzu 1993 tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Konstantinidis (sentenza tat-30 ta’ Marzu 1973, C‑168/91, Ġabra p. I-1191), punt 40, fejn jistqarr: “id-dritt ta’ persuna għal isimha hu fundamentali f’kull sens tal-kelma. Wara kollox, aħna x’aħna mingħajr isimna? Huwa isimna li jiddistingwi kull wieħed minna mill-bqija tal-umanità. Huwa isimna li jagħtina sens ta’ identità, dinjità u stima fina nfusna. Li tnezza’ persuna minn ismha li għandha dritt għalih hija d-degradazzjoni finali, kif tixhed il-prattika komuni ta’ reġimi penali repressivi li tikkonsisti fis-sostituzzjoni permezz ta’ numru ta’ isem il-priġunier. Fil-każ ta’ C. Konstantinidis, il-vjolazzjoni tad-drittijiet morali tiegħu, jekk jiġi mġiegħel juża l-isem “Hréstos” flok “Christos”, hija partikolarment kbira; mhux biss l-oriġini etnika tiegħu tiġi moħbija, peress li “Hréstos” ma jidhirx jew jinstema’ bħal isem Grieg u għandu togħma vagament Slavonika, iżda barra minn hekk is-sentimenti reliġjużi tiegħu jiġu offiżi, peress li n-natura Kristjana ta’ ismu jinqered. Waqt is-seduta C. Konstantinidis indika li ismu jaf l-oriġini tiegħu għad-data tat-twelid tiegħu (il-25 ta’ Diċembru); Christos huwa l-isem Grieg għall-fundatur tar-reliġjon “Kristjana” – u mhux “Hréstiana””. Ara wkoll is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, García Avello (C-148/02, Ġabra p. I‑11613, punt 25), u s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C-353/06, Ġabra p. I-7639, punti 22 et seq), flimkien mal-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Standesamt Stadt Niebüll (sentenza tas-27 ta’ April 2006, C-96/04, Ġabra p. I‑3561).


68 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem Bosphorus Hava Yolları Turizm ve Ticaret Anonim Şirketi vs L-Irlanda, tat-30 ta’ Ġunju 2005, (rikors Nru 45036/98; Ġabra ta’ sentenzi u ta’ deċiżjonijiet 2005-VI), b’mod partikolari l-punti 159 sa 165.


69 – Jien ser nittratta din il-kwistjoni iktar fid-dettall iktar ’l isfel: ara l-punti 206 sa 210 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70 – Fis-sentenza tagħha l-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill et (C-39/05 u C-52/05, Ġabra p. I‑4723, punt 33 et seq), il-Qorti tal-Ġustizzja tibda wkoll billi ssejjaħ lill-Kunsill biex hu nnifsu jkun sodisfatt dwar in-natura preċiża tad-dokument li ntalab l-iżvelar tiegħu: f’dak il-każ, id-dokument mitlub fil-fatt kien relatat ma’ parir legali (ara, b’mod partikolari, punt 38 tas-sentenza).


71 – Fil-punti 140 u 141 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jien eżaminajt is-sitwazzjoni eċċezzjonali fejn kull dokument individwalment jinkludi biss riferiment inċidentali għal data personali iżda element uniku ta’ data personali jiġi speċifikament użat bħala kriterju ta’ tiftix sabiex jiġu lokalizzati u miġburin flimkien id-dokumenti kollha li jinkluduha. Talba għal aċċess għal numru ta’ dokumenti li għalihom il-“kriterju ta’ tiftix” huwa min-natura tiegħu dettall personali (bħalma huwa l-isem), probabbilment ser tirriżulta li kienet talba moħbija għal data personali. Din għalhekk ikollha tiġi assimilata ma’ talba fis-subkategorija b-2 u ttrattata bħala tali.


72 – Ara l-eżempji ta’ dokumenti mogħtija f’punt 176 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Jista’ jkun ta’ għajnuna li jiġi mfakkar li l-KEPD kien ħareġ gwida informali intiża li tassisti lill‑instituzzjonijiet fil-monitoraġġ tal-fruntiera bejn protezzjoni tad-data u aċċess għal dokumenti. Ara Public access to documents and dataprotection, KEPD, disponibbli fuq http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/Publication/Papers.


73 – Fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-Direttiva Nru 45/2001, ara U. Dammann, u S. Simitis, EG‑Datenschutzrichtlinie – Kommentar, Ed. Nomos, Baden‑Baden, 1997, p. 121; ara wkoll E. Ehmann, u M. Helfrich, EG-Datenschutzrichtlinie Kurzkommentar, Ed. Dr. Otto Schmidt, Köln, 1999, p. 92.


74 – Rarament biss talba għal dokument tiġi mħallta ma’ “l-ipproċessar ta’ data personali kollha kemm hi jew in parti b’mezzi awtomatiċi” (l-ewwel żewġ elementi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001). Jien diġà eżaminajt l-eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali f’punti 140 u 141 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-mistoqsija fundamentali li kull istituzzjoni normalment ser ikollha tistaqsi hija din: “It-talba tkopri dokumenti li jinvolvu ‘ipproċessar ħlief dak b’mezzi awtomatiċi ta’ data personali li jifforma parti minn sistema ta’ filing, jew li hu maħsub li jifforma parti minn sistema ta’ filing’, biex b’hekk taqa’ taħt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001 u għandhom jiġu ttrattati taħt ir-regoli tal-protezzjoni tad-data pjuttost milli r-regoli dwar aċċess għal dokumenti?” Jekk it-tweġiba għal dik il-mistoqsija hija “le”, huwa biss ir-Regolament dwar Aċċess għal Dokumenti li hu applikabbli.


75 – Kif indikajt, teoretikament ser iseħħ indħil li jmur kontra l-Artikolu 8(1), iżda ġustifikazzjoni għalih taħt il-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu ma toħloqx diffikultajiet sinifikattivi; ara l-punti 152 sa 154 u l-punti 208 sa 212 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


76 – Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni (C-30/91 P, Ġabra p. I‑3755, punt 28); sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C-210/98, Ġabra p. I‑5843, punt 58); sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico (C-312/00, Ġabra p. I‑11355, punt 57); sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2004, G. van den Berg vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (Kawża C-164/01, Ġabra p. I‑10225, punt 95); sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2004, José Martí Peix vs Il-Kummissjoni (C-226/03, Ġabra p. I‑11421, punt 29); sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C-167/04, Ġabra p. I‑8935, punt 186).


77 – Ara l-punt 149 tas-sentenza appellata.


78 – Għalkemm Bavarian Lager ippruvat tikseb kopja tal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni f’Marzu 1997, qabel ma l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġew abbandunati fis-sajf tal-1997, l-ewwel applikazzjoni tagħha għal dokumenti oħra minn dik l-investigazzjoni ma saritx qabel Mejju 1998. L-applikazzjonijiet attwali għal aċċess għal dawk id-dokumenti taħt ir-Regolament Nru 1049/2001, li l-Kummissjoni rrifjutat fid-deċiżjoni kkontestata, ġew ippreżentati fil-5 ta’ Diċembru 2003 (l-applikazzjoni oriġinali) u fid-9 ta’ Frar 2004 (applikazzjoni konfermatorja). Sadattant, il-proċeduri taħt l-Artikolu 226 KE kienu ilhom li ngħalqu għal iktar minn 6 snin (ara l-punti 41 sa 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet għall-istorja sħiħa). Dokumenti dwar investigazzjoni li tkun pendenti, iżda li fiha l-ebda deċiżjoni ma tkun għadha ittieħdet, tgawdi protezzjoni separata taħt l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.


79 – Sentenza tas-7 ta’ Novembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni (145/83, Ġabra p. 3539).


80 – Il-Gvern Daniż jipproponi li jinqaleb l-oneru tal-prova fil-kuntest tat-tielet subinċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, biex b’hekk tkun il-Kummissjoni li għandha turi il-bżonn li ma tiżvelax dokument jew isem. Jien naqbel ma’ dak is-suġġeriment.  


81 – Ara l-punt 153 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


82 – Ara l-punt 154 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


83 – Fir-rigward tad-Direttiva 95/46, ara E. Ehmann, u M. Helfrich, op. cit., p. 211 u 212. Fil-fehma tiegħi l-osservazzjoni tista’ tiġi ttrasposta għal kollox fil-kuntest tar-Regolament Nru 45/2001. Ara wkoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.