KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-19 ta’ Frar 2009 ( 1 )

Kawża C-8/08

T-Mobile Netherlands BV et

vs

Raad van bestuur van de Nederlandse Mededingingsautoriteit

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 81(1) KE — Kunċett ta’ ‘prattika miftiehma’ — Rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir tal-impriżi fis-suq — Evalwazzjoni skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali — Natura suffiċjenti ta’ laqgħa waħda jew neċessità ta’ ftehim fit-tul u regolari”

I — Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja okkażjoni biex tiċċara liema kriterji għandhom jiġu sodisfatti biex tiġi stabbilita prattika miftiehma b’għan antikompetittiv għall-finijiet tal-Artikolu 81(1) KE.

2.

Sostanzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tikkjarifika jekk u safejn il-preżunzjoni ta’ għan antikompetittiv teħtieġ analiżi tal-kundizzjonijiet konkreti tas-suq, tal-aġir fis-suq tal-impriżi involuti u tal-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-aġir tagħhom. Barra minn hekk, ir-regoli tad-dritt Komunitarju għandhom jiġu ppreċiżati fir-rigward tal-grad tal-prova meħtieġ biex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 81 KE fi proċedura nazzjonali.

3.

L-importanza ta’ dawn il-kwistjonijiet għall-implimentazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni taħt is-sistema deċentralizzata ġdida introdotta bħala riżultat tal-modernizzazzjoni tal-liġi proċedurali dwar l-akkordji bir-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 2 ). Biex jiġu solvuti dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati r-riskji li d-dgħufija tar-regoli fuq il-kompetizzjoni tat-Trattat KE tkun tfisser mhux biss għas-suq intern Ewropew ( 3 ), imma anki għall-konsumatur Ewropew.

II — Il-qafas ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

4.

Il-qafas ġuridiku ta’ dritt komunitarju fil-każ preżenti huwa rregolat mill-Artikolu 81(1) KE li jipprovdi kif ġej:

“Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, partikolarment dawk li jinvolvu:

a)

l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju;

b)

il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, ta’ l-iżvilupp tekniku jew ta’ l-investiment;

c)

it-tqassim tas-swieq jew it-tqassim ta’ fonti ta’ provvista;

d)

l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal oblikazzjonijiet ekwivalenti ma partijiet oħra, li b’hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv;

e)

Is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratt għall-aċċettazzjoni, mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta' dawk il-kuntratti”.

5.

Għandha ssir referenza wkoll għar-Regolament Nru 1/2003 li fl-Artikolu 2 tiegħu hemm din id-dispożizzjoni partikolari li ġejja dwar l-oneru [il-piż] tal-prova:

“F’kwalunkwe proċedura nazzjonali jew tal-Komunità għal-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, il-piż tal-prova ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81(1) jew ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat ħa jpoġġi fuq il-parti jew l-awtorità li qed tallega xi ksur […].”

6.

Għandha tissemma wkoll l-aħħar sentenza tal-ħames premessa tar-Regolament Nru 1/2003:

“Dan ir-Regolament ma jaffetwax l-liġijiet nazzjonali fuq l-istandard tal-provi u lanqas l-[obbligazzjonijiet] ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u qrati tal-Istati Membri biex jaċċertaw l-fatti relevanti tal-każ, iżda dawn il-liġijiet u -[obbligazzjonijiet] huma kumpattibli mal-prinċipji ġenerali tal-liġijiet tal-Komunità”.

7.

Ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 81 KE u l-liġijiet nazzjonali fuq il-kompetizzjoni hija rregolata kif ġej mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1/2003:

“1.   Fejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri u qrati nazzjonali japplikaw liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għal ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet tal-impriża jew prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-disposizzjoni, dawn ħa japplikaw ukoll l-Artikolu 81 tat-Trattat għal ftehim bħal dawn, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma […].

2.   L-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għal projbizzjoni ta’ ftehim, deċiżjonijiet min assoċjazzjonijiet ta’ l-impriża jew prattiċi miftiehma li jista jaffetwa il-kummerċ bejn l-Istati Membri imma ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat […]”

B — Id-dritt nazzjonali

8.

Fir-rigward tad-dritt Olandiż, il-qafas ġuridiku ta’ dan il-każ huwa rregolat mil-liġi tal-kompetizzjoni (Mededingingswet ( 4 ); iktar ’il quddiem, il-“Mw”), fil-verżjoni emendata tal-liġi tad-9 ta’ Diċembru 2004 ( 5 ) u li daħlet fis-seħħ fl-.

9.

L-Artikolu 1 Mw jikkontjeni, inter alia, din id-definizzjoni:

“F’din il-liġi u fid-dispożizzjonijiet ibbażati fuqha l-kliem

[…]

h)

prattiki miftiehma: kull prattika miftiehma skont l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE;

[…]”.

10.

L-Artikolu 6(1) Mw jistabbilixxi dan li ġej:

“Huma pprojbiti l-akkordji bejn impriżi, id-deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma ta’ impriżi li għandhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq Olandiż jew fuq parti minnu”.

11.

Fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 6(1) Mw, il-kunsill ta’ amministrazzjoni ( 6 ) tal-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni, l-hekk imsejħa “NMa” ( 7 ), tista’ taħt l-Artikolu 56(1)(a) Mw timponi multa fuq persuna fiżika jew legali li tkun ikkommettiet il-ksur.

III — Il-fatti u l-kawża prinċipali

A — Is-suq Olandiż għas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli

12.

Fl-2001, meta ġraw il-fatti tal-kawża prinċipali, ħames operaturi kellhom netwerk tagħhom ta’ telefonija mobbli, jiġifieri Ben Nederland BV ( 8 ) (sehem fis-suq: 10.6%), KPN (42.1%), Dutchtone NV ( 9 ) (9.7%), Libertel-Vodafone NV (26.1%) u Telfort Mobiel BV ( 10 ) (11.4%). Il-ħolqien tas-sitt netwerk ta’ telefonija mobbli ma kinitx possibbli billi ma ngħatawx iktar permessi. L-aċċess għas-suq ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli kien possibbli biss billi jiġi stipulat kuntratt ma’ wieħed jew iżjed mill-ħames operaturi.

B — Pakketti mħallsin minn qabel u abbonamenti mħallsin wara fil-Pajjiżi l-Baxxi

13.

Fil-firxa ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli li tiġi offruta, fil-Pajjiżi l-Baxxi ssir distinzjoni bejn pakketti mħallsin minn qabel u abbonamenti mħallsin wara. Il-karattersitika ta’ pakketti mħallsin minn qabel hija li klijent iħallas bil-quddiem; meta jixtri jew jerġa’ jimla kard imħallsa minn qabel huwa jixtri kreditu ta’ minuti biex iċempel li jista’ jintuża għal telefonati sal-valur tal-kreditu mixtri. Iżda, abbonamenti mħallsin wara huma kkaratterizzati mill-fatt li lill-klijent jintbgħatlu wara kont għan-numru ta’ minuti użati f’perijodu partikolari; ġeneralment ikun hemm flimkien ma’ dan prezz ta’ abbonament fiss li jista’ jinkludi wkoll kreditu fir-rigward tal-minuti ta’ telefonati.

14.

Meta jiġi konkluż jew estiż abbonament mħallas wara permezz ta’ bejjiegħ, huwa dan li jipprovdi l-mobajl u l-operatur li jipprovdi s-SIM kard ( 11 ). Barra minn dan, l-operatur jagħti lill-bejjiegħ kumpens għal kull abbonament ta’ telefonija mobbli li jiġi konkluż. Dan il-kumpens standard għall-bejjiegħa jista’ eventwalment jiżdied b’diversi ħlasijiet addizzjonali, skont il-bejjiegħ u t-tip ta’ abbonament li jkun inbiegħ.

C — Il-laqgħa tat-13 ta’ Ġunju 2001

15.

Fit-13 ta’ Ġunju 2001 kien hemm laqgħa tar-rappreżentanti tal-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli li joffru servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli fis-suq Olandiż. Waqt din il-laqgħa huma ddiskutew, fost l-oħrajn, it-tnaqqis tal-kumpens standard tal-bejjiegħa għall-abbonamenti mħallsin wara, għall-ħabta tal-. Kif jidher ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari, waqt il-laqgħa ġiet diskussa informazzjoni kunfidenzjali bejn il-parteċipanti ( 12 ).

D — Il-kawża prinċipali

16.

B’deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2002 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”) l-NMa sabet li Ben, Dutchtone, KPN, O2 (Telfort) u Vodafone (ex Libertel-Vodafone) kienu ftiehmu bejniethom jew daħlu fi prattika miftiehma fir-rigward tal-abbonamenti tat-telefonija mobbli. L-NMa sabet li l-aġir inkwistjoni kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni b’mod kunsiderevoli u għalhekk kien inkompatibbli mal-projbizzjoni fl-Artikolu 6(1) tal-Mw. Għaldaqstant imponiet multi fuq l-impriżi kkonċernati.

17.

Il-ħames impriżi kkonċernati appellaw kontra d-deċiżjoni inizjali.

18.

B’deċiżjoni tal-appell tas-27 ta’ Settembru 2004, l-NMa laqgħet bħala parzjalment fondati u parzjalment infondati l-oġġezzjonijiet ta’ T-Mobile (ex Ben), ta’ KPN, ta’ Orange (ex Dutchtone), ta’ Vodafone u ta’ O2 (Telfort). Filwaqt li ċaħdet l-allegazzjoni ta’ ftehim antikompetittiv, sostniet l-allegazzjoni ta’ prattika miftiehma antikompetittiva u sabet li flimkien mal-ksur tal-Artikolu 6(1) Mw l-aġir ikkonċernat kien jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81(1) KE ( 13 ). L-NMa naqqset il-multi rispettivi.

19.

T-Mobile, KPN, Orange, Vodafone u Telfort ressqu rikors quddiem ir-Rechtbank te Rotterdam (Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam) kontra dik id-deċiżjoni tal-appell.

20.

Fis-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, ir-Rechtbank te Rotterdam annullat id-deċiżjoni tal-appell u ordnat li NMa taddotta deċiżjoni ġdida ( 14 ).

21.

L-NMa u t-tliet impriżi kkonċernati — T-Mobile, KPN u Orange — appellaw din is-sentenza quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti Amministrattiva għall-Kummerċ u l-Industrja, il-Pajjiżi l-Baxxi) il-qorti tar-rinviju ( 15 ). Flimkien magħhom ipparteċipat anki Vodafone bħala parti fil-kawża prinċipali, filwaqt li skont il-qorti tar-rinviju dan ma jgħoddx iktar fil-każ ta’ Orange.

IV — It-talba għad-deċiżjoni preliminari u l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

B’digriet tal-31 ta’ Diċembru 2007, ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven issospenda l-kawża u bagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn it-tliet domandi preliminari:

1)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, liema huma l-kriterji li jeħtieġ li jitqiesu sabiex jiġi vvalutat jekk prattika miftiehma għandhiex l-għan li tipprekludi, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni?

2)

L-Artikolu 81 KE għandu jiġi interpretat fis-sens illi, fil-kuntest tal-Artikolu imsemmi mill-qorti nazzjonali, il-prova ta’ rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u aġir fis-suq għandha ssir u tiġi vvalutata skont normi tal-liġi nazzjonali, dejjem jekk dawn l-istess regoli ma jkunux anqas favorevoli minn dawk applikabbli għal proċeduri simili ta’ natura interna u li dawn ma jagħmluhiex prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu eżerċitati drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja?

3)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ prattika miftiehma kif hemm fl-Artikolu 81 KE, il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali bejn il-“prattika miftiehma” u l-aġir fis-suq japplika dejjem, anki meta l-prattika miftiehma tkun ta’ darba biss, u l-impriża li tkun ħadet sehem tibqa’ attiva fis-suq, jew din il-preżunzjoni tapplika biss meta l-prattika miftiehma sseħħ b’mod regolari u għal tul ta’ żmien?

23.

Fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għamlu osservazzjonijiet bil-miktub u orali T-Mobile, KPN, Vodafone, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea. L-NMa qablet mal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Olandiż.

V — Kunsiderazzjonijiet

A — Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

24.

Fir-rigward tal-ammissibbilità tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għandhom jissemmew fil-qosor żewġ aspetti.

25.

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE minkejja li d-deċiżjoni tal-NMa fil-kawża prinċipali hija bbażata prinċipalment fuq id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni (Artikolu 6(1) Mw).

26.

Madankollu huwa aċċettat li l-Artikolu 6(1) Mw huwa bbażat interament, mil-lat sostanzjali, fuq id-dispożizzjoni korrispettiva tad-dritt Komunitarju fl-Artikolu 81(1) KE. Għall-każ bħal dan hemm ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li hemm interess Komunitarju ċertament għal interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet jew kunċetti meħudin mid-dritt Komunitarju ( 16 ).

27.

Barra minn hekk, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jobbliga lill-NMa li tapplika l-Artikolu 81 KE għall-prattiki miftiehma li jistgħu jaffettwaw ħażin il-kummerċ bejn l-Istati Membri, barra mid-dispożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 6(1) Mw. Huwa għalhekk li d-deċiżjoni tal-appell adottata mill-NMa hija bbażata fuq il-bażi legali tagħha mhux biss fuq l-Artikolu 6(1) Mw imma wkoll fuq l-Artikolu 81(1) KE. Għalhekk, f’dan il-każ, l-Artikolu 81(1) KE mhux biss jaħdem indirettament bħala punt ta’ referenza għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) Mw imma japplika direttament fil-kawża prinċipali.

28.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma jistax ikun hemm inċertezza dwar ir-rilevanza tad-domandi mibgħuta fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81 KE u fuq ir-relazzjoni bejn id-dritt Komunitarju u d-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali.

29.

Fit-tieni lok, Vodafone tafferma li ma hemmx bżonn ta’ risposta għall-ewwel domanda preliminari billi s-sitwazzjoni ġuridika hija diġà ċara minħabba l-gwidi ta’ interpretazzjoni ppubblikati mill-Kummissjoni ( 17 ). F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, minn naħa, il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma humiex ġuridikament vinkolanti u għaldaqstant ma jistgħux jantiċipaw interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 234 KE. Min-naħa l-oħra, talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli anki jekk is-sitwazzjoni ġuridika tkun ċara; f'dak il-każ tiġi kkunsidrata risposta permezz ta’ digriet taħt l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30.

Fl-aħħar, Vodafone tafferma li huwa evidenti li l-prattika miftiehma kkontestata ma kellha l-ebda għan antikompetittiv. Fid-dawl tal-kwistjoni mqanqla bejn il-partijiet dwar din il-kwistjoni, kemm fil-kawża prinċipali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirlix li din il-valutazzjoni hija korretta.

31.

Għaldaqstant, it-talba għal domanda preliminari hija ammissibbli fl-integralità tagħha.

B — Kunsiderazzjoni dwar il-mertu tad-domandi preliminari

32.

It-tliet domandi preliminari li għamlet il-qorti tar-rinviju iridu jiċċaraw, kumplessivament, liema kriterji għandhom jiġu imposti fuq l-aċċertament ta’ prattika miftiehma antikompetittiva skont l-Artikolu 81(1) KE.

33.

F’dak ir-rigward, ma hijiex kwistjoni li tingħata definizzjoni ta’ “prattika miftiehma” bħala tali. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, din tikkonsisti f’forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma waslu għall-konklużjoni ta’ ftehim uffiċjali, jissostitwixxu intenzjonalment kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni ( 18 ).

34.

Minflok, dan il-każ jiffoka fuq id-determinazzjoni tal-karattru antikompetittiv tal-prattiki miftiehma u d-distinzjoni relatata bejn il-prattiki miftiehma li huma kkunsidrati bħala antikompetittivi minħabba l-effetti tagħhom biss u dawk li għandhom jiġu kkunsidrati bħala antikompetittivi minħabba l-għan tagħhom. Fir-rigward ta’ din l-aħħar kategorija, il-qorti nazzjonali ma hijiex ċerta jekk u safejn l-valutazzjoni ta’ ċirkustanzi tas-suq speċifiċi, l-aġir fis-suq tal-impriżi kkonċernati u l-effetti ta’ dak l-aġir fuq il-kompetizzjoni hija meħtieġa biex ikun hemm il-preżunzjoni ta’ għan antikompetittiv.

1. Fuq l-ewwel domanda preliminari: kriterji biex ikun hemm prattika miftiehma li l-għan tagħha huwa r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

35.

L-ewwel domanda hija ntiża sabiex tikkjarifika l-kriterji li għandhom jintużaw fil-valutazzjoni jekk prattika miftiehma għandhiex bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.

36.

Kif inhu magħruf, l-NMa tagħmel l-allegazzjoni kontra numru ta’ operaturi Olandiżi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli li fil-kuntest ta’ laqgħa f’Ġunju 2001 skambjaw informazzjoni kunfidenzjali, iddiskutewha u dan wassal għal koordinazzjoni tal-aġir tas-suq tagħhom fir-rigward tat-tnaqqis ta’ ċerti ħlasijiet ta’ kummissjoni lill-bejjiegħa rispettivi tagħhom.

37.

Mhux kull skambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri għandu bħala għan neċessarjament il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni skont l-Artikolu 81(1) KE ( 19 ).

38.

Minflok, il-kwistjoni tal-għan antikompetittiv għandha tiġi vvalutata wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-każ individwali. Meta ssir dik il-valutazzjoni l-istess kriterji huma deċiżivi bħal dawk applikabbli fir-rigward ta’ akkordji bejn l-impriżi u d-deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi rregolati mill-Artikolu 81(1) KE ( 20 ). Għaldaqstant, il-ġurisprudenza fuq il-ftehim u d-deċiżjonijiet tapplika wkoll għall-prattiki miftiehma mill-impriżi.

39.

Skont il-ġurisprudenza, il-kriterji li minnhom tiżviluppa preżunzjoni ta’ għan antikompetittiv huma l-kontenut ( 21 ) u l-għanijiet ( 22 ) tal-prattika miftiehma bla ħsara għall-fatt li l-intenzjonijiet suġġettivi tal-partijiet huma fl-aħjar ipoteżi indikattivi imma mhux deċiżivi fil-kwistjoni ( 23 ). Għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-kuntest ekonomiku u storiku fejn irriżultaw dawn il-prattiki miftiehma ( 24 ).

40.

F’dan il-każ huwa fuq kollox il-kontenut u l-kuntest ekonomiku tal-prattika miftiehma bejn l-operaturi tat-telefonija mobbli li qed jiġu kkontestati. F’termini sempliċi, kemm il-qorti tar-rinviju u T-Mobile, KPN u Vodafone jesprimu dubji dwar jekk, għall-finijiet tal-Artikolu 81(1) KE, għan antikompetittiv għandux jiġi preżunt wara li jiġi kkunsidrat s-suġġett tal-prattika miftiehma u l-kuntest ekonomiku tagħha.

41.

Fid-dawl ta’ dik l-inċertezza, it-taqsima li ġejja ser teżamina fid-dettall il-kriterji li għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk prattika miftiehma bħal dik f’dan il-każ fil-kawża prinċipali għandhiex għan antikompetittiv.

a) Osservazzjonijiet ġenerali dwar il-kunċett ta’ għan antikompetittiv

42.

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li għan antikompetittiv u effett antikompetittiv jikkostitwixxu mhux kundizzjonijiet kumulattivi imma alternattivi meta tibda topera l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE ( 25 ). Fi kliem ieħor, minkejja l-effetti tagħhom, prattiki miftiehma huma pprojbiti jekk għandhom għan antikompetittiv ( 26 ). Ma għandhomx għalfejn jiġu kkunsidrati l-effetti attwali ta’ prattika miftiehma, jekk l-għan ta’ dik il-prattika huwa biex ikun hemm il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni ( 27 ). Prattika bħal dik hija pprojbita anki fin-nuqqas ta’ effetti antikompetittivi fis-suq ( 28 ).

43.

Il-projbizzjoni ta’ prattika sempliċiment minħabba l-għan antikompetittiv tagħha hija ġġustifikata mill-fatt li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi tista’ titqies, min-natura tagħhom, bħala li jagħmlu ħsara għall-funzjonament xieraq tal-kompetizzjoni normali ( 29 ). Il-projbizzjoni per se ta’ dawn il-prattiki rikonoxxuti bħala li għandhom konsegwenzi ta’ ħsara għas-soċjetà toħloq ċertezza legali u tippermetti lill-parteċipanti kollha tas-suq li jadattaw l-aġir tagħhom għal dan. Barra minn hekk tikkonserva razzjonalment ir-riżorsi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u tas-sistema ġudizzjarja.

44.

Ċertament, il-kunċett ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv eċċessiv ( 30 ), minħabba l-konsegwenzi serji li jista’ jkun hemm għal impriża fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE ( 31 ). Iżda, dak il-kunċett lanqas ma għandu jkun suġġett għal interpretazzjoni stretta żżejjed, jekk il-projbizzjoni tad-dritt primarju fuq “ksur bil-għan” ma jispiċċax imwarrab permezz tal-interpretazzjoni u, bħala konsegwenza, l-Artikolu 81(1) KE jitnaqqaslu element mill-effettività prattika tiegħu. Mill-kliem innifsu tal-Artikolu 81(1) KE, isegwi li ż-żewġ prattiki miftiehma li għandhom għan antikompetittiv u dawk b’effetti antikompetittivi huma pprojbiti ( 32 ).

45.

Għaldaqstant, kuntrarjament għall-fehma li l-qorti tar-rinviju tidher li għandha, il-projbizzjoni ta’ “ksur bil-għan” ma għandhiex tiġi interpretata li tfisser li għan antikompetittiv jirriżulta sempliċiment f’xi forma ta’ preżunzjoni ta’ illegalità li tista’, madankollu, tiġi kkonfutata, jekk fil-każ speċifiku jista’ jintwera li ma kien hemm l-ebda konsegwenzi negattivi għall-operazzjoni tas-suq ( 33 ). Konsegwenza ta’ interpretazzjoni bħal din tkun li jitħawdu b’mod żbaljat iż-żewġ alternattivi indipendenti li hemm fl-Artikolu 81(1) KE: il-projbizzjoni fuq il-kollużjoni li jkollha għan antikompetittiv u l-projbizzjoni fuq il-kollużjoni li jkollha effetti antikompetittivi.

46.

Għalhekk, ma jistax jingħad li tista’ tittieħed deċiżjoni fis-sens li għan antikompetittiv jiddependi fuq is-sejbien attwali tal-preżenza jew in-nuqqas ta’ impatt antikompetittiv fil-każ individwali, irrispettivament minn jekk dak l-impatt jirrigwardax il-kompetituri, il-konsumaturi jew il-pubbliku inġenerali. Minflok, biex tibda topera l-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE huwa biżżejjed li prattika miftiehma għandha l-potenzjal — abbażi tal-esperjenza eżistenti — li tipproduċi impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni ( 34 ). Fi kliem ieħor, il-prattika miftiehma għandha tkun sempliċiment idonea fil-każ individwali ( 35 ), jiġifieri wara li jitqies il-kuntest speċifiku legali u ekonomiku, li jirriżulta fil-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Fil-fatt jekk u safejn jirriżultaw dawn l-effetti antikompetittivi jista’ jkun rilevanti l-iktar biex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ xi multa u fir-rigward ta’ talbiet għad-danni.

47.

Li jfisser li l-projbizzjoni fuq “ksur tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” li tirriżulta mill-Artikolu 81(1) KE hija paragunabbli mar-reati ta’ riskji (Gefährdungsdelikte) tad-dritt kriminali: fil-maġġoranza tas-sistemi legali, persuna li ssuq vettura meta tkun taħt l-influwenza tal-alkoħol jew tad-drogi hija suġġetta għall-piena kriminali jew amministrattiva, irrispettivament minn jekk, fil-fatt, ipperikolatx utenti oħrajn fit-triq jew kinitx responsabbli għall-aċċident. Bl-istess mod, impriżi jiksru d-dritt tal-kompetizzjoni Ewropew u jistgħu jkunu suġġetti għal multa jekk jidħlu f’prattiki miftiehma b’għan antikompetittiv; huwa irrilevanti fil-fatt jekk, fil-każ individwali, parteċipanti partikolari tas-suq jew il-pubbliku inġenerali jsofrux dannu.

48.

Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fi GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni ( 36 ), invokata minn KPN ma tipprovdix konklużjoni differenti. Ċertament, fil-punt 147 tagħha li huwa fformulat b’mod ambigwu ħafna, dik is-sentenza tindika li l-karattru restrittiv ta’ ftehim ma jistax jiġi preżunt sempliċiment minn qari tat-test, iżda hija “neċessarjament” l-kunsiderazzjoni tal-effetti tiegħu. Fil-fehma tiegħi dan ifisser sempliċiment li l-għan ta’ ftehim (jew prattika) għandu jiġi stabbilit mhux b’mod astratt imma fiċ-ċirkustanzi tal-każ individwali, jiġifieri fir-rigward tal-kuntest legali u ekonomiku speċifiku u l-kundizzjonijiet partikolari tas-suq rilevanti; fil-każ ta’ GlaxoSmithKline Services, skont il-Qorti tal-Prim’ Istanza, dawk irriżultaw mill-fatt li l-prezzijiet kienu ġeneralment protetti mil-logħba tad-domanda u l-offerta minħabba r-regoli statali u li ġew stabbiliti jew ikkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi. Abbażi ta’ din id-definizzjoni, ma hemm ebda kuntradizzjoni bejn il-punt 147 tas-sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni u l-opinjoni fil-punt 46 ta’ dawn il-Konklużjonijiet. Minn naħa l-oħra, jekk il-punt 147 ta’ GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni kellu jiġi interpretat fis-sens li, għall-preżunzjoni ta’ għan antikompetittiv, jeħtieġ f’kull każ (“neċessarjament”) li jiġu kkonstatati l-effetti konkreti fuq il-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun wettqet żball ta’ liġi.

49.

Il-pożizzjoni korretta, kif għedt iktar ’il fuq, hija li s-sejbien ta’ għan antikompetittiv ma jiddipendix minn valutazzjoni tal-impatt attwali ta’ prattika miftiehma imma sempliċiment mill-kapaċità fil-każ individwali għal dik il-prattika miftiehma li tipproduċi impatt antikompetittiv.

b) Għanijiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fil-każijiet bħal dan preżenti

50.

Skont l-NMa, il-prattika miftiehma inkwistjoni fil-każ preżenti tirriżulta mill-fatt li diversi operaturi Olandiżi tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli skambjaw informazzjoni dwar it-tnaqqis ippjanat tagħhom f’ċerti kummissjonijiet li jħallsu lill-bejjiegħa rispettivi tagħhom.

51.

Skambju tali ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali bejn kompetituri dwar l-aġir intiż tagħhom fis-suq jista’, fil-prinċipju, jiġġenera impatt antikompetittiv għaliex inaqqas jew ineħħi l-grad ta’ inċertezza dwar il-funzjonament tas-suq inkwistjoni bir-riżultat li tiġi ristretta l-kompetizzjoni bejn l-impriżi involuti ( 37 ). F’dan ir-rigward huwa irrilevanti jekk dan l-iskambju ta’ informazzjoni kienx jikkostitwixxi l-għan ewlieni tal-kuntatt jew sempliċiment seħħx fil-qafas (jew taħt il-pretest) ta’ kuntatt li fih innifsu ma kellu l-ebda għan antikompetittiv ( 38 ).

— L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kompetituri fid-dawl tal-ħtieġa ta’ indipendenza għall-finijiet tal-kompetizzjoni

52.

Għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-indipendenza tal-operaturi ekonomiċi tikkostitwixxi wieħed mir-rekwiżiti bażiċi biex taħdem il-kompetizzjoni. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni huma bbażati fuq il-kunċett li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina indipendentement il-politika li biħsiebu jadotta fis-suq. Dak ir-rekwiżit tal-indipendenza jipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn l-operaturi ekonomiċi li bih impriża tinfluwenza l-aġir fis-suq tal-kompetituri tagħha jew tiżvela d-deċiżjonijiet jew id-deliberazzjonijiet tagħha dwar l-aġir tagħha fis-suq, jekk bħala riżultat ta’ dan jistgħu japplikaw kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux mal-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni ( 39 ).

53.

Iktar u iktar japplika dan meta l-iskambju ta’ informazzjoni jikkonċerna suq oligopolistiku kkonċentrat ħafna ( 40 ). Struttura bħal din tidher li kkaratterizzat is-suq Olandiż għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli fl-2001: kif jidher evidenti mit-talba għal deċiżjoni preliminari, dak iż-żmien ħames impriżi biss f’dak il-pajjiż kellhom in-netwerks għall-mobajls, u waħda minnhom, KPN, kellha sehem fis-suq ta’ iktar minn 40% filwaqt li l-iżvilupp ta’ netwerks oħra indipendenti kien prekluż fin-nuqqas ta’ liċenzji disponibbli ( 41 ).

54.

Huwa irrilevanti f’dan il-kuntest jekk hija biss impriża waħda li unilateralment tinforma l-kompetituri tagħha dwar kif biħsiebha taġixxi fis-suq jew jekk l-impriżi parteċipanti kollha jinfurmawx lil xulxin bid-deliberazzjonijiet u l-intenzjonijiet rispettivi tagħhom. Biżżejjed tkun impriża waħda li tiżvela lill-kompetituri tagħha informazzjoni kunfidenzjali dwar il-politika kummerċjali għall-futur biex tnaqqas għal dawk kollha involuti l-inċertezza fuq kif ser jaħdem għall-ġejjieni s-suq u biex jinħoloq il-perikolu ta’ tnaqqis fil-kompetizzjoni u ta’ aġir ta’ kollużjoni bejniethom.

— L-ebda rabta diretta mal-prezzijiet bl-imnut ma hija meħtieġa

55.

Il-qorti nazzjonali, KPN u Vodafone jeċċepixxu f’dan il-każ li l-iskambju ta’ informazzjoni u l-prattika miftiehma jikkonċernaw biss kummissjonijiet tal-bejjiegħa u ma jinfluwenzawx direttament il-prezzijiet bl-imnut. Huma jsostnu li l-prezzijiet bl-imnut jiġu ddeterminati biss fil-kuntest tar-relazzjoni bejn operatur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet mobbli u l-klijenti tiegħu mingħajr ebda influwenza mill-bejjiegħa.

56.

Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Anki fin-nuqqas ta’ influwenza diretta fuq il-konsumaturi u l-prezzijiet li jħallsu, prattika miftiehma jista’ jkollha għan antikompetittiv.

57.

Mill-kliem stess, l-Artikolu 81(1) KE huwa maħsub f’termini ġenerali kontra l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Id-diversi eżempji elenkati fis-subparagrafi a) sa e) tal-Artikolu 81(1) KE lanqas fihom xi restrizzjonijiet fis-sens li huma pprojbiti biss prattiki kummerċjali antikompetittivi li għandhom impatt dirett fuq il-konsumaturi finali.

58.

Anzi l-Artikolu 81 KE jifforma parti minn sistema intiża sabiex tipproteġi l-kompetizzjoni fis-suq intern minn distorsjonijiet (Artikolu 3(1)(g) KE). Għalhekk, l-Artikolu 81 KE bħar-regoli tal-kompetizzjoni oħrajn tat-Trattat, ma huwiex intiż biss jew primarjament sabiex jipproteġi l-interessi immedjati ta’ kompetituri individwali jew konsumaturi, imma biex tiġi protetta l-istruttura tas-suq u għalhekk il-kompetizzjoni bħala tali (bħala istituzzjoni). B’dan il-mod il-konsumaturi huma protetti indirettament ukoll. Dan għaliex meta tbati l-kompetizzjoni jkun hemm il-biża’ ta’ żvantaġġi anki għall-konsumaturi ( 42 ).

59.

Għalhekk, prattika miftiehma għandha għan antikompetittiv mhux biss meta jista’ jkollha impatt dirett fuq il-konsumaturi u l-prezzijiet li jħallsu, jew — kif tgħid T-Mobile — fuq il-“consumer welfare”. Pjuttost għan antikompetittiv għandu jiġi preżunt diġà jekk il-prattika miftiehma tista’ twassal għall-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Dan jipprovdi indikazzjoni li prattika miftiehma, tal-anqas indirettament, tista’ jkollha wkoll effett negattiv fuq il-konsumaturi.

60.

Meta l-projbizzjoni tal-Artikolu 81(1) KE tiġi limitata biss għall-aġir li jkollu influwenza diretta fuq il-prezzijiet bl-imnut dan iwassal biex dik id-dispożizzjoni, li hija fundamentali għas-suq intern, titlef ħafna mill-effett prattiku tagħha.

— Anki skambju ta’ informazzjoni dwar parametri tal-kompetizzjoni individwali jkun biżżejjed

61.

Barra minn hekk, kuntrarjament għall-fehma li l-qorti nazzjonali aċċennat għaliha, lanqas ma huwa meħtieġ għal prattika miftiehma li tkopri kull parametru tal-kompetizzjoni. Prattika bħal din jista’ jkollha għan antikompetittiv anki meta tikkonċerna parametri individwali tal-kompetizzjoni biss, bħall-ħlasijiet standard tal-bejjiegħa inkwistjoni fil-każ preżenti.

62.

Jekk impriża taġixxi unilateralment biex tnaqqas il-kummissjoni mħallsa lill-bejjiegħa tagħha, dan ġeneralment iwassal għal inċentiv anqas għal dawk il-bejjiegħa biex jinnegozjaw ftehim ta’ abbonament bejn dik l-impriża u l-konsumaturi finali. Potenzjalment, dak jista’ jkun fattur li jpoġġi f’riskju s-sehem fis-suq tal-impriża kkonċernata, speċjalment għaliex għal quddiem jista’ jkun iktar attraenti għall-bejjiegħa indipendenti ( 43 ) li jżidu l-bejgħ lill-konsumaturi finali ta’ prodotti ta’ impriżi oħrajn ( 44 ). L-impriżi jevitaw jew tal-anqas itaffu dak ir-riskju kummerċjali — li fi kwalunkwe każ jeżisti taħt il-kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni — fejn jaġixxu mhux unilaterlament imma, bħal f’dan il-każ, fil-qafas ta’ prattika miftiehma x’aktarx fl-istess waqt tat-tnaqqis tal-kummissjonijiet tagħhom, għaliex b’dak l-aġir inaqqsu l-inċertezza dwar l-aġir fis-suq tal-kompetituri tagħhom. Dan jista’ jirriżulta fil-prevenzjoni jew, tal-anqas, fir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni. Għaldaqstant din il-prattika miftiehma hija kkaratterizzata minn għan antikompetittiv.

63.

Barra minn hekk, f’dan il-każ, mill-perspettiva tal-bejjiegħa tat-telekomunikazzjoni mobbli l-kummissjonijiet tal-bejjiegħa jikkostitwixxu l-prezz tal-akkwist għal servizzi li jfornulhom l-bejjiegħa meta jinnegozjaw il-bejgħ ta’ abbonamenti mħallsin wara. Kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, isegwi mill-Artikolu 81(1)(a) KE, li jipprovdi għal każ tipiku ta’ aġir antikompetittiv, li prattika miftiehma fir-rigward ta’ prezzijiet ta’ xiri (“prezzijiet tal-akkwist”) għandha għan antikompetittiv projbit mid-dritt Komunitarju.

— Fuq l-impatt tal-kundizzjonijiet tas-suq fuq l-aġir tal-kompetituri

64.

Vodafone ssostni wkoll li minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq li kien hemm il-kummissjonijiet standard tal-bejjiegħa fi kwalunkwe każ kellhom jitnaqqsu. Fil-fehma tagħha, għan antikompetittiv ma jistax jiġi attribwit lill-aġir parallel ta’ impriżi, jekk dak l-aġir jista’ jiġi spjegat permezz tal-istruttura u l-kundizzjonijiet ekonomiċi fuq is-suq.

65.

Dan l-argument lanqas ma jipperswadini, lanqas jekk Vodafone hija korretta fil-valutazzjoni tagħha tal-kundizzjonijiet tas-suq li kien hemm dak iż-żmien.

66.

Ċertament, mhux kull aġir parallel ta’ kompetituri fis-suq ma hu attribwibbli għall-fatt li l-kompetituri adottaw prattika miftiehma b’għan antikompetittiv ( 45 ). Is-sitwazzjoni ġenerali tas-suq tista’ twassal ukoll lill-impriżi kkonċernati sabiex jadattaw irwieħhom b’mod simili ( 46 ).

67.

Minkejja dan, hemm diversi inċertezzi fir-rigward tal-mument eżatt, il-portata u d-dettalji tal-modifiki adottati minn kull impriża. Skambju ta’ informazzjoni li jista’ jneħħi preċiżament dawk l-inċertezzi stess bejn il-parteċipanti għandu għan antikompetittiv. Skont l-informazzjoni disponibbli, skambju ta’ informazzjoni bħal dan seħħ fil-każ preżenti u din hija karatteristika li tiddistingwih mill-każ Zellstoff li tirreferi għalih Vodafone ( 47 ).

68.

Is-suġġett tal-iskambju fil-qafas tal-laqgħa ta’ Ġunju 2001 kien, fil-fatt mhux li dik il-modifika kienet ser issir għal ċerti skemi ta’ kummissjonijiet — dak il-fatt jidher, ta’ lanqas fil-każ ta’ wieħed mill-kompetituri, li rriżulta diġà — imma li minflok il-kwistjoni ta’ kif kellhom isiru l-modifiki, jiġifieri d-data, safejn u suġġett għal liema arranġamenti t-tnaqqis intiż ta’ kumpens standard tal-bejjiegħa kellu jiġi implimentat minn kull impriża.

69.

Ma hemm l-ebda bażi biex wieħed jippreżumi li l-kuntest ekonomiku li kien jeżisti fl-2001 kien jimplika esklużjoni kompleta ta’ kull possibbiltà għal kompetizzjoni effettiva fir-rigward tal-mument, id-daqs u d-dettalji ta’ tnaqqis potenzjali fil-ħlasijiet standard għall-bejjiegħa ( 48 ).

70.

L-Artikolu 81 KE ma jipprekludix operaturi ekonomiċi milli jadattaw l-aġir tagħhom skont ir-realtà tas-suq rilevanti u meta jiġri dan milli jaġixxu b’mod intelliġenti għat-tibdil fil-qafas legali u ekonomiku u għal kull bidla fl-aġir fis-suq ta’ impriżi oħrajn ( 49 ). Iżda l-Artikolu 81 KE jipprojbixxi l-implimentazzjoni ta’ dawn il-modifiki bl-eliminazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ħielsa, pereżempju, meta l-kompetituri jiftiehmu l-aġir tagħhom għall-futur u meta jagħmlu hekk jevitaw xi ftit il-pressjoni tal-kompetizzjoni u r-riskji relatati tas-suq.

71.

Kieku l-Artikolu 81 KE ma kienx japplika għal dawn il-prattiki dak kien jipproteġi lill-kompetituri mill-kompetizzjoni u jagħti l-prijorità lill-interessi tal-impriżi kkonċernati b’detriment għall-interess pubbliku f’kompetizzjoni bla distorsjoni (Artikolu 3(1)(g) KE). Madankollu, l-għan tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropea għandu jkun li tiġi protetta l-kompetizzjoni mhux il-kompetituri, għaliex dan huwa ta’ benefiċċju, indirettament, għall-kompetituri wkoll u l-pubbliku inġenerali.

c) Konklużjoni intermedjarja

72.

Għalhekk, bħala konklużjoni intermedjarja jista’ jiġi osservat li:

Prattika miftiehma għandha għan antikompetittiv għall-finijiet tal-Artikolu 81(1) KE meta, skont il-kontenut u l-iskopijiet tagħha u wara li jiġi kkunsidrat il-kuntest legali u ekonomiku tagħha, tista’ fil-każ individwali tirriżulta fil-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. F’dak ir-rigward, la t-twettiq ta’ dik il-prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas rabta diretta bejn il-prattika miftiehma u l-prezzijiet bl-imnut ma huma deċiżivi.

Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn il-kompetituri jkollu għan antikompetittiv jekk l-iskambju jista’ jneħħi l-inċertezzi eżistenti dwar l-aġir intiż għas-suq tal-impriżi parteċipanti u b’hekk jimmina r-regoli tal-kompetizzjoni libera.

2. Fuq it-tieni domanda preliminari: preżunzjoni ta’ rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir fis-suq

73.

Bit-tieni domanda l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi sostanzjalment jekk ir-rekwiżiti inerenti fil-prova tar-rabta kawżali bejn il-prattika miftiehma u l-aġir fis-suq għandhomx jirriżultaw biss mid-dritt Komunitarju jew — fir-rigward ta’ limiti partikolari tad-dritt Komunitarju — mid-dritt nazzjonali.

74.

Il-kunċett ta’ prattika miftiehma għall-finijiet tal-Artikolu 81(1) KE l-ewwel nett jimplika ftehim bejn l-impriżi kkonċernati, it-tieni nett, aġir fis-suq wara dak il-ftehim u, it-tielet nett, relazzjoni ta’ kawża u effett bejn il-ftehim u l-aġir fis-suq ( 50 ), mingħajr il-ħtieġa, madankollu, li dan l-aġir fis-suq bħala tali jirriżulta f’restrizzjoni speċifika fuq l-kompetizzjoni ( 51 ).

75.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-preżunzjoni ribattibbli għandha tkun li l-impriżi li jieħdu sehem fil-prattika miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq iqisu l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kondotta tagħhom f’dak is-suq; huma l-impriżi kkonċernati li għandhom jippruvaw il-kuntrarju ( 52 ).

76.

Id-domanda tal-College van Beroep voor het bedrijfsleven trid tiċċara jekk l-awtoritajiet nazzjonali u l-qrati humiex obbligati wkoll li jibbażaw l-applikazzjoni tagħhom tal-Artikolu 81 KE fuq dik il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali li topera fil-livell Komunitarju.

77.

Hija kwistjoni ta’ prova jekk u f’liema ċirkustanzi relazzjoni ta’ kawża u effett bejn il-ftehim u l-aġir fis-suq jistax jiġi preżunt. Ċertament, il-kwistjonijiet dwar il-prova ta’ spiss jitqiesu bħala kwistjonijiet ta’ dritt sostantiv ( 53 ). Iżda, fil-każ preżenti, il-kunċett ta’ prattika miftiehma bħala tali jippermetti sempliċment il-konklużjoni li l-ftehim għandu jkun marbut b’mod kawżali mal-aġir fis-suq tal-impriża kkonċernata. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-fehma tal-Gvern Olandiż u tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ prattika miftiehma fit-tifsira tal-Artikolu 81(1) KE ma jissodisfax iċ-ċirkustanzi fejn ir-rabta kawżali bejn il-ftehim u l-aġir fis-suq jistgħu jitqiesu bħala ppruvati.

78.

Fi proċeduri fejn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ġew ikkontestati, il-Qrati Komunitarji ddeċidew kwistjonijiet fuq il-provi, fin-nuqqas ta’ regoli espressi, dejjem abbażi ta’ prinċipji rikonoxxuti ġeneralment. Fl-aħħar mill-aħħar hija abbażi tal-massima “necessitas probandi incumbit ei qui agit” li, meta jkun hemm kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li l-Kummissjoni għandha obbligu li tipprova l-ksur li tkun sabet u li tipproduċi evidenza li tista’ turi bl-istandard legali meħtieġ l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jikkostitwixxu ksur ( 54 ). F’dak ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li xhieda ċirkustanzjali hija ammissibbli wkoll ( 55 ).

79.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-applikazzjoni tal-Artikolu 86 KE (issa l-Artikolu 82 KE) mill-awtoritajiet nazzjonali hija, fil-prinċipju, rregolata bil-liġi nazzjonali ( 56 ), inkluż meta jkun meħtieġ li jiġi ppruvat ksur tal-Artikolu 86 KE ( 57 ). Ma jidhirx li hemm raġuni għaliex fir-rigward tal-Artikolu 81 KE (li qabel kien l-Artikolu 85 tat-Trattat KE) kellha tiġi applikata xi ħaġa oħra ( 58 ), irrispettivament minn jekk wieħed jikklassifika kwistjonijiet ta’ prova bħala materja ta’ dritt sostantiv jew proċedurali.

80.

Huwa veru li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 issa jipprovdi għal regola Komunitarja espressa dwar l-oneru tal-prova li japplika wkoll fi proċeduri nazzjonali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Iżda, kuntrarjament għall-fehma tal-Kummissjoni, preżunzjoni ta’ rabta kawżali, bħall-preżunzjoni f’dan il-każ, ma tirrigwardax l-oneru tal-prova jew l-inverżjoni tagħha ( 59 ) imma l-grad tal-prova ( 60 ).

81.

Il-grad ta’ prova meħtieġ fil-proċeduri nazzjonali tibqa’ kwistjoni li ma hijiex irregolata mid-dritt Komunitarju. Dan jidher ċar meta l-Artikolu 2 jinqara fid-dawl tal-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003. Il-premessa 5 fil-preambolu tagħmilha ċara li r-regolament ma jaffettwax ir-regoli nazzjonali fuq il-grad tal-prova. Għalhekk, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE milli jiddeterminaw il-grad ta’ prova skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali, l-istess, irrispettivament minn jekk wieħed jikkunsidrax kwistjonijiet relatati mal-grad ta’ prova bħala element ta’ dritt sostantiv jew element ta’ dritt proċedurali.

82.

Madankollu, fl-applikazzjoni tal-prinċipji u r-regoli tad-dritt nazzjonali li jirregolaw il-grad ta’ prova l-qrati nazzjonali huma obbligati li josservaw ċerti ħtiġiet minimi tad-dritt Komunitarju li jirriżultaw l-ewwel nett, mill-prinċipju ta’ ekwivalenza u t-tieni nett, mill-prinċipju tal-effettività, u t-tielet nett, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ( 61 ).

83.

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigward il-prinċipju ta’ ekwivalenza, dan jeħtieġ li prinċipji nazzjonali fuq il-grad tal-prova ma jkunux anqas favorevoli minn dawk li jirregolaw proċeduri simili taħt id-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali. Dan ifisser għal każ bħal dan preżenti li fir-rigward tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali ma għandhomx ikunu suġġetti għal rekwiżiti iktar stretti fuq il-prova minn dawk li jiggvernaw prova ta’ ksur tal-Artikolu 6 Mw. F’dan il-każ, safejn wieħed jista’ jara, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jippreżentax diffikultajiet.

84.

Imbagħad rigward il-prinċipju ta’ effettività, dan jeħtieġ li regoli nazzjonali fuq il-grad ta’ prova ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċesivament diffiċli l-infurzar tar-regoli tat-Trattat KE fuq il-kompetizzjoni. Barra minn dan, fil-każijiet fejn id-dritt Komunitarju jinkiser, id-dritt nazzjonali għandu jipprovdi għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi ( 62 ).

85.

F’dak il-kuntest wieħed irid jiftakar b’mod partikolari li mill-1 ta’ Mejju 2004 ( 63 ), ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE joperaw f’sistema deċentralizzata li tiddependi primarjament fuq il-kooperazzjoni ta’ awtoritajiet u qrati nazzjonali ( 64 ). F’dawk iċ-ċirkustanzi, huwa ta’ importanza fundamentali li tinżamm applikazzjoni uniformi ta’ regoli ta’ kompetizzjoni fil-Komunità. Mhux biss l-għan fundamentali ta’ kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni għal impriżi fis-suq wieħed imma wkoll il-garanzija għall-protezzjoni uniformi tal-interessi tal-konsumatur fil-Komunità kollha jiġu mminati jekk fl-infurzar tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE jkun hemm differenzi kbar iżżejjed bejn l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri. Għal dik ir-raġuni, l-għan ta’ applikazzjoni uniformi tal-Artikoli 81 KE u 82 KE hija tema ċentrali li tirfed ir-Regolament Nru 1/2003 kollu kemm hu ( 65 ).

86.

Mingħajr dubju dan ma jfissirx li hemm ħtieġa fuq l-Istati Membri li jallinjaw b’mod dettaljat il-grad ta’ prova eżistenti applikabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur tal-Artikolu 81 KE mal-grad ta’ prova li s-soltu huwa meħtieġ mill-qrati Komunitarji meta jkunu qed jistħarrġu l-legalità ta’ deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 81 KE. Kif jidher mill-ħames premessa fil-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003, il-leġiżlatur Komunitarju aċċetta konxjament l-eżistenza ta’ ċerti varjazzjonijiet fil-prattika tal-Istati Membri ( 66 ). Kif issostni, fil-fehma tiegħi korrettament, KPN dawn huma inerenti f’sistema deċentralizzata ta’ applikazzjoni tal-liġi.

87.

Madankollu, m’hemmx kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ effettività jekk il-qrati nazzjonali jimponu fuq l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jew fuq persuni privati kriterji ta’ prova ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE jew 82 KE ( 67 ), li huma tant onerużi li din il-prova tkun fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli li ssir. B’mod partikolari, il-qrati nazzjonali ma jistgħux jinjoraw il-karatteristiċi tipiċi ta’ evidenza li tinġieb meta jiġi determinat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

88.

Dawk il-karatteristiċi jinkludu l-fatt li, f’ħafna każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ftehim antikompetittiv trid tirriżulta minn numru ta’ koinċidenzi u indizzji li meta jittieħdu flimkien jistgħu, fin-nuqqas ta’ spejgazzjoni plawsibbli oħra, jikkostitwixxu evidenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ( 68 ). Huwa normali li prattiki u ftehim antikompetittiv jinvolvu li jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b’mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tiġi mnaqqsa għall-minimu ( 69 ).

89.

Fl-aħħar imma mhux l-inqas, kull karatteristika tal-produzzjoni tal-provi fil-każ ta’ ksur tar-regoli fuq il-kompetizzjoni għandha bħala korollarju li l-awtorità jew il-persuna privata li għandha l-oneru tal-prova għandha, abbażi tal-prinċipji bbażati fuq l-esperjenza, jistgħu jiġbdu konklużjonijiet partikolari minn sensiela tipika ta’ ġrajjiet. Imbagħad hija l-kontroparti — normalment, l-impriża li allegatament kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni — li għandha tikkontradixxi dawk il-konklużjonijiet prima facie abbażi tal-esperjenza komuni, billi tinġieb evidenza persważiva kontrarja; fin-nuqqas, dawk il-konklużjonijiet huma biżżejjed biex jiġi sodisfatt l-oneru tal-prova ( 70 ). Fi kliem ieħor, ikun hemm azzjoni reċiproka bejn il-piżijiet rispettivi li tinġieb prova qabel il-kunsiderazzjoni tal-oneru ta’ prova oġġettiva ( 71 ).

90.

Il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali bejn il-ftehim u l-aġir fis-suq li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi fir-rigward tal-prattiki miftiehma tikkostitwixxi xejn ħlief konklużjoni leġittima ibbażata fuq l-esperjenza komuni. Jekk jiġi ppruvat li ntlaħaq ftehim bejn żewġ impriżi jew iktar u iktar tard dawk l-impriżi aġixxew fis-suq preċiżament skont dak il-ftehim, huwa naturali li wieħed jippreżumi relazzjoni ta’ kawża u effett bejn il-ftehim u l-aġir fis-suq, sakemm l-impriżi, meta jġibu evidenza b’appoġġ ta’ dan, jipproduċu spjegazzjoni alternattiva konvinċenti għall-aġir tagħhom fis-suq ( 72 ).

91.

Għalhekk jekk, bħal f’dan il-każ, il-kompetituri jiskambjaw informazzjoni dwar tnaqqis possibbli fil-ħlas lill-bejjiegħa u wara, bejn wieħed u ieħor b’mod parallel, jagħmlu dak it-tnaqqis, fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet alternattivi plawsibbli, ma jkunx normali li wieħed jippreżumi li dan l-iskambju ta’ informazzjoni ma jkunx tal-anqas ikkontribwixxa għal dak l-aġir fis-suq ( 73 ). Fil-fatt jista’ jiġi assunt normalment li l-impriżi li jipparteċipaw f’azzjonijiet miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq jikkunsidraw l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom meta jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dak is-suq ( 74 ).

92.

Fl-aħħar għandu jiġi mfakkar li fil-prosekuzzjoni u l-issanzjonar ta’ ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali huma marbutin bil-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, bid-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-livell Komunitarju ( 75 ). Dawk id-drittijiet fundamentali applikabbli fil-prosekuzzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni jinkludu l-preżunzjoni tal-innoċenza ( 76 ); dak il-prinċipju huwa stabbilit fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u jistgħu, minbarra dan, jidderivaw mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 77 ); reċentement daħal fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 78 ).

93.

Iżda l-preżunzjoni tal-innoċenza ma titwarrabx jekk fi proċeduri ta’ kompetizzjoni ċerti konklużjonijiet isiru abbażi ta’ esperjenza komuni u l-impriżi kkonċernati huma fil-libertà li jiċħdu dawk il-konklużjonijiet ( 79 ). Wara kollox, il-proċeduri kriminali klassiċi jippermettu l-użu ta’ xhieda ċirkustanzjali u li wieħed jirrikorri għal prinċipji meħudin mill-esperjenza.

94.

Nikkonkludi fil-qosor dan li ġej:

Biex jiġi ppruvat li kien hemm ksur tal-Artikolu 81 KE fil-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-grad tal-prova meħtieġ, bla ħsara għall-fatt li għandhom jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

Skont il-prinċipju ta’ effettività, il-kriterji għall-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE ma jistgħux jiġu imposti jekk tant ikunu onerużi li dik il-prova tkun fil-prattika impossibbli jew diffiċli ħafna li ssir. B’mod partikolari, il-qrati nazzjonali ma għandhomx jinjoraw il-karatterisitiċi tipiċi ta’ evidenza mressqa biex jiġi ddeterminat kienx hemm ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u għandu jiġi permess li ssir referenza għall-esperjenza komuni meta jiġu vvalutati ġrajjiet tipiċi.

Ħlief jekk ikun hemm prova kuntrarja u huma l-impriżi kkonċernati li għandhom jagħmluha, għandu jkun hemm preżunzjoni quddiem il-qrati nazzjonali wkoll li l-impriżi li jipparteċipaw f’azzjonijiet miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq għandhom iqisu l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom meta jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dak is-suq.

3. Fuq it-tielet domanda preliminari: il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali meta l-prattika miftiehma hija ġrajja iżolata

95.

Bħala żieda mat-tieni domanda, bit-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju trid fis-sustanza tistabbilixxi jekk il-preżunzjoni ta’ relazzjoni ta’ kawża u effett bejn il-prattika miftiehma u l-aġir fis-suq jistax japplika biss għal prattika miftiehma magħmula fuq perijodu twil jew ukoll għal prattika miftiehma li kienet ġrajja iżolata, bla ħsara għall-kundizzjoni li l-impriżi li ħadu sehem baqgħu fil-prattika attivi fis-suq.

96.

L-isfond għal din id-domanda huwa l-fatt li f’dan il-każ saret laqgħa waħda biss tar-rappreżentanti tal-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli tal-Pajjiżi l-Baxxi, f’Ġunju 2001.

97.

T-Mobile, KPN u Vodafone jikkunsidraw il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u għandha tibqa’ limitata għal każ ta’ ftehim regolari bejn l-impriżi u ma tistax tiġi estiża għal każ ta’ ftehim li jkun seħħ darba biss.

98.

Ma naqbilx ma’ dan l-argument.

99.

Is-sentenzi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali ma jappoġġaw la l-propożizzjoni li dik il-preżunzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola u lanqas il-propożizzjoni li tapplika biss fil-każijiet fejn l-impriżi jieħdu sehem f’azzjonijiet miftiehma regolari, jew tal-anqas f’diversi minnhom. Pjuttost, minn kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali tista’ titqies bħala r-regola. Fil-fatt il-preżunzjoni tikkostitwixxi r-regola u għandha limitazzjoni waħda: din tista’ titwarrab minn prova kuntrarja li trid tagħmilha l-impriża inkwistjoni ( 80 ).

100.

Ir-referenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja għal prattika miftiehma li sseħħ fuq bażi regolari matul perijodu twil ma tikkostitwixxix restrizzjoni addizzjonali fuq il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali. Bil-kontra, dik ir-referenza għandha tiġi interpretata li tfisser li l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali hija iktar konvinċenti jekk l-impriżi jkunu ftiehmu l-azzjonijiet tagħhom fuq bażi regolari matul perijodu twil. Dan jidher ċar mill-frażi tal-Qorti tal-Ġustizzja “iktar u iktar meta…” ( 81 ).

101.

Lanqas ma nara restrizzjoni ġenerali fuq il-preżunzjoni ta’ rabta kawżali mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ( 82 ) li tiċċita T-Mobile. Din hija ġurisprudenza li fir-rigward tal-fatti kienet tikkonċerna l-parteċipazzjoni f’diversi laqgħat b’għan antikompetittiv.

102.

Anki jekk l-Avukat Ġenerali Cosmas fil-konklużjonijiet tiegħu f’Anic Partecipazioni ried isostni, bid-distinzjoni tiegħu bejn parteċipazzjoni f’laqgħa waħda u l-parteċipazzjoni f’diversi laqgħat ( 83 ), preżunzjoni ta’ rabta kawżali anqas wiesgħa, il-pożizzjoni tiegħu fuq dan il-punt ma ġietx aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

103.

Inżid li m’hemmx raġuni għaliex għandha tiġi ristretta l-preżunzjoni ta’ rabta kawżali għal każijiet ta’ azzjoni miftiehma li sseħħ fuq bażi regolari matul perijodu twil. Fil-fehma tiegħi, m’hemm l-ebda regola empirika li skambju iżolat ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ ma jirriżultax fi ftehim antikompetittiv tal-aġir fis-suq tagħhom u l-kuntatt fuq bażi regolari biss matul perijodu twil iwassal għal dak l-eżitu ( 84 ). Għaldaqstant, il-preżunzjoni tal-innoċenza li għaliha jirreferu wħud mill-partijiet fil-proċediment ma teħtieġx li jiġi ttrattat b’mod divers, fir-rigward tar-rabta kawżali, il-każ ta’ prattika miftiehma ta’ darba mqabbla mal-każ tal-prattika miftiehma li sseħħ regolarment matul perijodu kunsiderevoli.

104.

Kif qal tajjeb il-Gvern Olandiż, in-numru, il-frekwenza, u l-forma tal-laqgħat bejn il-kompetituri meħtieġa biex ikun hemm prattika miftiehma bejniethom fl-aġir tagħhom fis-suq jiddependu mis-suġġett ta’ dik il-prattika miftiehma u fuq il-kundizzjonijiet tas-suq korrispondenti.

105.

Jekk l-impriżi kkonċernati jistabbilixxu kartell b’sistema komplessa u sofistikata ta’ azzjonijiet miftiehma fit-tul fir-rigward ta’ multipliċità ta’ aspetti tal-kondotta fis-suq tagħhom, jistgħu jkunu meħtieġa laqgħat regolari matul perijodu twil. Jekk, min-naħa l-oħra, bħal f’dan il-każ, l-għan tal-eżerċizzju huwa biex il-prattika miftiehma tinftiehem fuq bażi selettiva fir-rigward ta’ bidla ta’ darba fl-aġir fis-suq b’referenza sempliċi għal parametru wieħed ta’ kompetizzjoni, prattika miftiehma iżolata bejn kompetituri tista’ tikkostitwixxi bażi biżżejjed li fuqha jiġi implimentat l-għan antikompetittiv li jkollhom f’moħħhom l-impriżi parteċipanti u, għalhekk, dan ikun il-kawża tal-aġir suċċessiv fis-suq.

106.

Għalhekk il-fatt fih innifsu li kien hemm laqgħa waħda iżolata mhux bilfors ifisser li l-evidenza hija dgħajfa. Iżda, il-fattur kruċjali huwa sempliċiment jekk l-opportunità għall-kuntatt — anki jekk skambju ta’ darba ta’ informazzjoni — ippermettietx lill-impriżi parteċipanti fil-każ individwali li fil-fatt jiftiehmu fuq l-aġir tagħhom fis-suq u b’hekk jissostitwixxu intenzjonalment il-kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni. F’dan il-każ, l-informazzjoni kollha pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja tindika li hekk ġara għaliex wara dak il-ftehim iżolat seħħ it-tnaqqis fil-ħlas lill-bejjiegħa.

107.

Madankollu, in-numru u r-regolarità ta’ laqgħat bejn il-kompetituri jistgħu jipprovdu indikazzjoni fir-rigward tad-dewmien u l-gravità tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dak il-każ, dawk il-fatturi għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi stabbilit l-ammont ta’ xi multa ( 85 ) u jista’ jkun potenzjalment rilevanti wkoll fir-rigward tal-ammont ta’ kull talba ta’ terz għal danni, fost l-oħrajn, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ danni punittivi taħt id-dritt nazzjonali ( 86 ).

108.

Fil-qosor ngħid dan li ġej:

Anki jekk seħħet biss ġrajja waħda iżolata ta’ ftehim bejn il-kompetituri li baqgħu attivi fis-suq, jista’ jiġi preżunt, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, li dak il-ftehim kellu effett fuq l-aġir tagħhom fis-suq. Din il-preżunzjoni tapplika jekk il-ftehim seħħ sempliċiment fuq bażi selettiva fir-rigward ta’ bidla ta’ darba fl-aġir fis-suq tal-parteċipanti b’referenza sempliċiment għal parametru wieħed ta’ kompetizzjoni.

VI — Konklużjoni

109.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi kif ġej għad-domandi tal-College van Beroep voor het bedrijfsleven:

1)

a)

Prattika miftiehma għandha għan antikompetittiv għall-finijiet tal-Artikolu 81(1) KE meta, skont il-kontenut u l-iskopijiet tagħha u wara li jiġi kkunsidrat il-qafas legali u ekonomiku tagħha, tista’ fil-każ individwali tirriżulta fil-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. F’dak ir-rigward, la t-twettiq ta’ dik il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas rabta diretta bejn il-prattika miftiehma u l-prezzijiet bl-imnut ma huma deċiżivi.

b)

Skambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali bejn il-kompetituri jkollu għan antikompetittiv jekk l-iskambju jista’ jneħħi l-inċertezzi eżistenti dwar l-aġir intiż fis-suq tal-impriżi parteċipanti u għalhekk jimmina r-regoli tal-kompetizzjoni libera.

2)

a)

Biex jiġi ppruvat li hemm ksur tal-Artikolu 81 KE fil-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-grad tal-prova meħtieġ, bla ħsara għall-fatt li għandhom jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività u l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

b)

Skont il-prinċipju ta’ effettività, il-kriterji għall-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE ma jistgħux jiġu imposti jekk tant huma onerużi li dik il-prova tkun fil-prattika impossibbli jew diffiċli ħafna li ssir. B’mod partikolari, il-qrati nazzjonali ma għandhomx jinjoraw il-karatteristiċi tipiċi ta’ evidenza mressqa biex jiġi ddeterminat kienx hemm ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u għandu jiġi permess li ssir referenza għall-esperjenza komuni meta jiġu vvalutati ġrajjiet tipiċi.

ċ)

Salv prova kuntrarja, li għandha titressaq mill-impriżi kkonċernati, għandu jkun hemm preżunzjoni quddiem il-qrati nazzjonali wkoll li l-impriżi li jipparteċipaw f’azzjonijiet miftiehma u li jibqgħu attivi fis-suq iqisu l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom meta jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dak is-suq.

3)

Anki jekk seħħet ġrajja waħda iżolata ta’ ftehim bejn il-kompetituri li baqgħu attivi fis-suq, jista’ jiġi preżunt, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, li dak il-ftehim kellu effett fuq l-aġir tagħhom fis-suq. Din il-preżunzjoni tapplika jekk il-ftehim seħħ sempliċiment fuq bażi selettiva fir-rigward ta’ bidla ta’ darba fl-aġir fis-suq tal-parteċipanti b’referenza sempliċiment għal parametru wieħed ta’ kompetizzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 34, p. 432).

( 3 ) Għal dawn ir-riskji l-aħħar li rrifera għalihom kien, pereżempju, l-Avukat Ġenerali Geelhoed; ara l-punti 136 u 137 tal-konklużjonijiet tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2006, għas-sentenza fil-kawża C-407/04 P, Dalmine vs Il-Kummissjoni (Ġabra 2007, p. I-829), li tirreferi għaliha anki s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal- fl-istess kawża (punt 84).

( 4 ) Wet van 22 mei 1997, houdende nieuwe regels omtrent de economische mededinging —Mededingingswet (Stb. 1997, 242).

( 5 ) Wet van 9 december 2004, houdende wijziging van de Mededingingswet in verband met het omvormen van het bestuursorgaan van de Nederlandse mededingingsautoriteit tot zelfstandig bestuursorgaan (Stb. 2005, 172).

( 6 ) Raad van bestuur.

( 7 ) Nederlandse Mededingingsautoriteit.

( 8 ) Iktar ’il quddiem “Ben”.

( 9 ) Iktar ’il quddiem “Dutchtone”.

( 10 ) Iktar ’il quddiem “Telfort”.

( 11 ) Is-SIM kard (Subscriber Identity Module) hija kard li għandha memorja elettronika li tiddaħħal f’mobajl u sservi biex jiġi identifikat l-utent rispettiv fin-netwerk. Biex ngħidu hekk, din il-kard tirrappreżenta l-linja telefonika tal-mobajl tal-utent.

( 12 ) Il-Gvern Olandiż igħid ukoll li dawk id-diskussjonijiet kienu jikkonċernaw id-daqs, iż-żmien u d-dettalji tat-tnaqqis propost tal-ħlas standard tal-bejjiegħa.

( 13 ) Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Olandiż, l-isfond għal dik il-konstatazzjoni huwa d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, partikolarment l-Artikolu 3(1) tiegħu.

( 14 ) Kif jirriżulta mill-atti, ir-Rechtbank te Rotterdam iddeċidiet li ma kienx ġie ppruvat li Orange u Telfort kienu mdaħħlin fil-prattika miftiehma.

( 15 ) L-appell ta’ NMa jirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ Orange fil-prattika miftiehma. Fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha l-qorti tar-rinviju tikkonferma f’dan is-sens il-pożizzjoni tal-istanza preċedenti, jiġifieri li l-parteċipazzjoni ta’ Orange ma ġietx ipprovata.

( 16 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C-217/05, Ġabra p. I-11987, punti 19 u 20) u , ETI et (C-280/06, Ġabra p. I-10893, punti 21 u 26), kif ukoll il-ġurisprudenza iċċitata hemmhekk.

( 17 ) Vodafone tirreferi f’dan ir-rigward għall-punti 21 u 22 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Linji Gwida fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat” (ĠU 2004, C 101, p. 97).

( 18 ) Sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (“ICI vs Il-Kummissjoni”, 48/69, Ġabra p. 619, punt 64) u Geigy vs Il-Kummissjoni (52/69, Ġabra p. 787, punt 26); tas-, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punt 26); tal-, Züchner (172/80, Ġabra p. 2021, punt 12); kif ukoll is-sentenzi tat-, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 115) kif ukoll Hüls vs Il-Kummissjoni (C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 158).

( 19 ) Pereżempu skop bħal dan ġie miċħud fis-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax (C-238/05, Ġabra p. I-11125, punti 46 sa 48), fir-rigward tas-sistema Spanjola tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-kreditu.

( 20 ) Sentenzi ICI vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 64 u 65); Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 112 u 123) kif ukoll Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 164).

( 21 ) Sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra p. 337, fil-paġna 359); tat-, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni (96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 25) kif ukoll tal-, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (“BIDS”, C-209/07, Ġabra p. I-8637, punt 16).

( 22 ) Sentenzi LTM (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, p. 359); tal-1 ta’ Frar 1978, Miller vs Il-Kummissjoni (19/77, Ġabra p. 131, punt 7); tat-, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 26); tas-, General Motors vs Il-Kummissjoni (C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punt 66) kif ukoll BIDS (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 21).

( 23 ) Sentenzi IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 25) kif ukoll General Motors vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 77 u 78); fl-istess sens ara s-sentenza BIDS (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 21).

( 24 ) Sentenza LTM (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, p. 359); IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 25); CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 26); General Motors vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 66) u BIDS (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 16); ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, fil-paġna 496).

( 25 ) Sentenzi LTM (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, p. 303 et seq.) u BIDS (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 15); ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punti 13 sa 15).

( 26 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 123); Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 164) kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni (C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punt 124).

( 27 ) Ġurisprudenza kostanti li bdiet mis-sentenza Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, p. 496); ara, pereżempju, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 1985, Clair (123/83, Ġabra p. 391, punt 22), u, iktar riċenti, is-sentenzi tal-, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 491); tas-, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 261); tal-, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (C-105/04 P, Ġabra p. I-8725, punt 125); BIDS (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 15) u tat-, Coop de France Bétail et Viande vs Il-Kummissjoni (C-101/07 P u C-110/07 P, Ġabra p. I-10193, punt 87).

( 28 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 122); Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 163) u Montecatini vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 123).

( 29 ) Sentenza BIDS (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 17).

( 30 ) Fuq in-natura ġeneralment “restrittiva” tal-Artikolu 81(1) KE (ex Artikolu 85(1) tat-Trattat KE) ara s-sentenza tad-29 ta’ Frar 1968, Parke (24/67, Ġabra p. 81,109).

( 31 ) Skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, kull impriża involuta tista’ tiġi kkundannata tħallas, fil-każ ta’ ksur, doluż jew negliġenti, tal-Artikolu 81 KE, multa ta’ 10% tal-valur tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti (ara r-raba’ linja tal-Artikolu 5(1) għall-multi imposti mill-awtoritajiet nazzjonali). Immaterjalment minn din il-multa, l-impriża tista’ tiġi obbligata permezz ta’ deċiżjoni, skont l-Artikolu 7(1), (l-ewwel linja tal-Artikolu 5(1)) tar-Regolament Nru 1/2003, li twaqqaf il-ksur konstatat. Ma’ dan jiżdiedu eventwalment talbiet għall-kumpens minn terzi.

( 32 ) F’dan is-sens, ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 125); Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 166) u Montecatini vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 126).

( 33 ) Il-qorti tar-rinviju, għalkemm tkellmet espressament dwar regola ta’ preżunzjoni, tenfasizza madankollu l-ħtieġa li jiġu impeduti “effett pożittivi foloz”.

( 34 ) Ara f’dan r-rigward punt 21 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17).

( 35 ) F’sens analogu, anki jekk fir-rigward tal-Artikolu 82 KE, il-konklużjonijiet tiegħi tat-23 ta’ Frar 2006, is-sentenza British Airways vs Il-Kummissjoni (C-95/04 P, Ġabra p. I-2331, punti 68 sa 74).

( 36 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni (T-168/01, Ġabra p. II-2969).

( 37 ) Sentenzi tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni (C-7/95 P, Ġabra p. I-3111, punt 88 fir-rigward tal-punt 90); tat-, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 81) u Asnef-Equifax (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 51 u 62); fuq l-istess sens, ara s-sentenza ICI vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 101, 112 u 119).

( 38 ) F’dan is-sens, ara s-sentenzi General Motors vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 64) u BIDS (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 21).

( 39 ) Sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 173 u 174); Züchner (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 13 u 14); Deere vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punti 86 e 87); Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 116 e 117); Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 159 e 160) u Asnef-Equifax (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punti 52 u 53); u bl-istess sens, ara s-sentenza BIDS (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 34).

( 40 ) Sentenzi Deere vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 88 moqri flimkien mal-punt 90) u Asnef-Equifax (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 58); fis-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punti 86 u 87) il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara li sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tista’ tikkostitwixxi ksur tar-regoli fuq il-kompetizzjoni anki fil-każ meta s-suq inkwistjoni ma jkunx suq oligopolisitiku kkonċentrat ħafna.

( 41 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fi British Airways vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 68).

( 43 ) Skont l-informazzjoni tal-Gvern Olandiż, fl-2001 il-konklużjoni tal-biċċa l-kbira tal-abbonamenti mħallsin wara seħħet permezz tal-innegozjar tal-bejjiegħa indipendenti.

( 44 ) Skont id-digriet tar-rinviju, anki f’dan il-każ huwa l-bejjiegħ li jistabbilixxi l-mod u l-isforzi ta’ bejgħ użati fil-bejgħ lill-konsumaturi ta’ abbonamenti mħallsin wara.

( 45 ) Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (“Zellstoff II”, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/86 sa 129/85 Ġabra p. I-1307, punt 126); fl-istess sens, ara s-sentenza CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 20 fir-rigward tal-punt 18).

( 46 ) F’dan is-sens, ara wkoll il-konklujonijiet tal-Avukat Ġenerali Mayras tat-2 ta’ Mejju 1972 fil-kawża ICI vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18), u li għalihom tirriferi Vodafone. Biex aġir jista’ jissejjaħ bħala prattika miftiehma skont l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE (issa l-Artikolu 81(1) KE), huwa meħtieġ, skont l-Avukat Ġenerali Mayras, li dak l-aġir “ma jkunx il-konsegwenza prinċipali tal-istruttura tal-kundizzjonijiet ekonomiċi fis-suq” (ara Titlu I, Taqsima I, Paragrafu D) ta’ dawk il-konklużjonijiet; il-korsiv huwa fit-test oriġinali).

( 47 ) Sentenza Zellstoff II (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45); Vodafone tirreferi għall-punti 85 sa 88, 123 u 124 ta’ dik is-sentenza, punti li madankollu ma fihom l-ebda argumenti ġuridiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 48 ) F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni (209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 153); tal-, Stichting Sigarettenindustrie et vs Il-Kummissjoni ( 240/82 sa 242/82, 261/82, 262/82, 268/82 u 269/82, Ġabra p. 3831, punti 24 sa 29) kif ukoll Montecatini vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 127).

( 49 ) Sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 174); Züchner (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 14); Deere vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 87); Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 117); Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 160) u Asnef-Equifax (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 53).

( 50 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 118) u Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 161).

( 51 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 124); Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 165); Montecatini vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 125) u Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 139).

( 52 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 121 u 126) u Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 162 u 167).

( 53 ) Jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod differenti fis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, GT-Link (C-242/95, Ġabra p. I-4449, punt 23 inkonnessjoni mal-punt 26).

( 54 ) Ġurisprudenza kostanti, ara pereżempju s-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 58); Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 135); Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 154); Montecatini vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 179) kif ukoll tas-, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer (C-2/01 P u C-3/01 P, Ġabra p. I-23, punt 62).

( 55 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 81), kif ukoll, iktar riċenti, is-sentenzi tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 47) u Coop de France Bétail u Viande vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta' qiegħ il-paġna 27, punt 88).

( 56 ) Sentenza GT-Link (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 23).

( 57 ) Sentenza GT-Link (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 26).

( 58 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tal-10 ta’ Novembre 1993, Otto (C-60/92, Ġabra p. I-5683, punt 14).

( 59 ) Sentenzi Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 155) u Montecatini vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 181).

( 60 ) Il-grad tal-prova jiddetermina r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti biex il-fatti jitqiesu li ġew ippruvati. Dan għandu jinżamm separat mill-oneru ta-prova li f’dan il-każ mhux qed jiġi kkontestat. L-oneru tal-prova l-ewwel jiddetermina liema parti għandha tressaq il-fatti u, fejn ikun meħtieġ, iġġib il-provi relatati (l-oneru tal-prova soġġettiv jew formali, li jissejjaħ ukoll l-oneru tal-evidenza); it-tieni, l-għoti ta’ dan l-oneru jiddetermina liema parti ġġorr ir-riskju li l-fatti jibqgħu mhux solvuti jew l-allegazzjonijiet mhux ippruvati (l-oneru tal-prova oġġettiv jew sostantiv). Barra minn dan, ara l-analiżi tiegħi f’Kokott, Beweislastverteilung und Prognoseentscheidungen bei der Inanspruchnahme von Grund- und Menschenrechten, Berlin/Heidelberg 1993, p. 12 et seq.

( 61 ) Ara, minn naħa, l-formulazzjoni fl-aħħar tal-ħames premessa tar-Regolament Nru 1/2003 li tgħid li dawn l-obbligi tad-dritt nazzjonali għandhom ikunu kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju; ara min-naħa l-oħra l-ġurisprudenza — kostanti mis-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5), fuq ir-rilevanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività fil-proċeduri nazzjonali fir-rigward tal-kompetizzjoni, partikolarment is-sentenzi GT-Link (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 26); tal-, Courage u Crehan (C-453/99, Ġabra p. I-6297, punt 29); tat-, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619, punti 62 u 71) u tat-, City Motors Groep (C-421/05, Ġabra p. I-653, punt 34).

( 62 ) Ġurisprudenza kostanti mis-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (68/88, Ġabra p. 2965, punti 23 u 24); ara, pereżempju, is-sentenzi tat-, Berlusconi et (C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punt 65) kif ukoll tal-, Adeneler et (C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 94).

( 63 ) Din id-data timmarka l-qlib għad-dritt proċedurali modernizzat fuq id-dritt tal-kompetizzjoni skont ir-Regolament 1/2003 (ara l-Artikolu 45(2) tiegħu).

( 64 ) F’dan ir-rigward ara, b’mod partikolari, ir-raba’, is-sitt, is-seba’ it-tmien, il-21 u t-22 premessa tar-Regolament Nru 1/2003. Anki għall-perijodu qabel l-1 ta’ Mejju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà enfasizzat l-obbligu tal-lealtà li huma suġġetti għalih l-qrati nazzjonali fis-settur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal-, Masterfoods u HB, C-344/98, Ġabra p. I-11369, punt 49).

( 65 ) Ara b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003. Ara bl-istess mod l-Artikoli 11 u 16 ta’ dan ir-regolament kif ukoll l-ewwel, l-14, is-17, id-19, il-21 u t-22 premessa tal-preambolu tiegħu.

( 66 ) Il-ġurisprudenza diġà adottat approċċ simili; ara s-sentenzi Otto (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 58, punt 14, l-aħħar sentenza) u GT-Link (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punti 23 sa 26).

( 67 ) Fuq l-hekk imsejjaħ “private enforcement” tad-dritt tal-kompetizzjoni ara, b’mod partikolari, Courage u Manfredi, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 61; b’mod ġenerali fuq il-validità tal-prinċipju ta’ effettività fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ talbiet fid-dritt ċivili, ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2004, Penycoed (C-230/01, Ġabra p. I-937, punti 36 u 37).

( 68 ) Fuq l-Artikolu 81 KE ara, pereżempju is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 57); Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punti 94 u 135); tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni (C-113/04 P, Ġabra p. I-8831, punt 165) u Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punt 51); fuq l-Artikolu 82 KE, ara pereżempju s-sentenzi tat-, Lucazeau et (110/88, 241/88 u 242/88, Ġabra p. 2811, punt 25) u GT-Link (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 42).

( 69 ) Sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 55) u Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 55, punt 51).

( 70 ) F’dan is-sens is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 79); kif ukoll is-sentenza Lucazeau et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 68, punt 25).

( 71 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi tat-8 ta’ Diċembru 2005 għas-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 73).

( 72 ) F’dan is-sens, ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 121 u 126) u Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 162 u 167); ara wkoll il-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll il-ġurisprudenza ----- iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45.

( 73 ) Ara wkoll il-punti 64 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 74 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 121) u Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 162).

( 75 ) Sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Karlsson et (C-292/97, Ġabra p. I-2737, punt 37) kif ukoll tat-, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 45); ara wkoll l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

( 76 ) Sentenzi Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punti 149 u 150) u Montecatini vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 175 u 176).

( 77 ) Iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

( 78 ) Il-Karta tad-Dirittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ġiet ipproklamata solennement l-ewwel fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU 2000 C 364, p. 1) u għat-tieni darba fit- fi Strasbourg (ĠU 2007, C 303, p 1). Għalkemm bħalissa hija ma għandhiex effetti ġuridiċi vinkolanti paragunabbli mad-dritt primarju, hija tipprovdi, tal-anqas bħala sors ġuridiku ta’ referenza, gwida fuq drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ordinament ġuridiku Komunitarju; ara s-sentenza tas-, Il-Parlament vs Il-Kunsill, magħrufa bħala “riunifikazzjoni familjari”, (C-540/03, Ġabra p. I-5769, punt 38) u l-punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħi tat-, ara wkoll is-sentenza tat-, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37).

( 79 ) F’dan is-sens ukoll is-sentenzi Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 155) u Montecatini vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 181), li jgħidu li approċċ bħal dan ma jitqiesx bħala li hemm inverżjoni b’mod mhux ammissibbli tal-prova.

( 80 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 121, l-ewwel sentenza) u Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 162, l-ewwel sentenza).

( 81 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 121, it-tieni sentenza) u Hüls vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 162, it-tieni sentenza).

( 82 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni (T-202/98, T-204/98 u T-207/98, Ġabra p. II-2035, punt 66).

( 83 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas tal-15 ta’ Lulju 1997 għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 56).

( 84 ) Għaldaqstant il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li ksur tal-Artikolu 81 KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, imma wkoll minn sensiela ta’ atti kif ukoll minn aġir kontinwat; ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 81) u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 258).

( 85 ) Fil-livell Komunitarju dan jirriżulta espressament mill-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

( 86 ) Ara f’dan ir-rigward is-sentenza Manfredi et (iċċitata fin-nota ta' qiegħ il-paġna 61, punt 92).