16.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Novembru 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundessozialgericht — il-Ġermanja) — Christian Grimme vs Deutsche Angestellten-Krankenkasse

(Kawża C-351/08) (1)

(Moviment liberu tal-persuni - Membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Svizzeru li jmexxi, fil-Ġermanja, fergħa ta’ din il-kumpannija - Obbligu ta’ adeżjoni mal-assigurazzjoni Ġermaniża tax-xjuħija - Eżenzjoni minn dan l-obbligu għall-membri tal-bord eżekuttiv ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti taħt id-dritt Ġermaniż)

2010/C 11/05

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundessozialgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Christian Grimme

Konvenut: Deutsche Angestellten-Krankenkasse

Fil-preżenza ta’: Deutsche Rentenversicherung Bund, Bundesagentur für Arbeit, BGl Bertil Grimme AG Insurance Brokers

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundessozialgericht — Interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 5, 7 u 16, tal-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederezzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni kif ukoll tal-Artikoli 12, 17, 18 u 19 tal-Anness I ma’ dan il-ftehim (ĠU L 114, p. 6) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija rreġistrata fl-Isvizzera, li jmexxi kumpannija sussidjarja tagħha fil-Ġermanja, l-obbligu li jidħol fi skema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni Ġermaniża, filwaqt li teżenta minn dan l-obbligu lid-diretturi ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti taħt id-dritt Ġermaniż.

Dispożittiv

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 u, b’mod partikolari, l-Artikoli 1, 5, 7 u 16 kif ukoll l-Artikoli 12, 17, 18 u 19 tal-Anness I ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li persuna, li għandha n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li hija impjegata fit-territorju ta’ dan tal-aħħar, taffilja ruħha mal-iskema legali tal-assigurazzjoni tax-xjuħija ta’ dan l-Istat Membru, minkejja l-fatt li din il-persuna hija membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Svizzeru, filwaqt li l-membri tal-bord eżekuttiv tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti taħt id-dritt ta’ dan l-istess Stat Membru mhumiex obbligati jaffiljaw ruħhom ma’ l-imsemmija skema ta’ assigurazzjoni.


(1)  ĠU C 272, 25.10.2008.