22.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 134/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ Marzu 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour de cassation — Franza) — Société Olympique Lyonnais vs Olivier Bernard, Société Newcastle UFC

(Kawża C-325/08) (1)

(Artikolu 39 KE - Moviment liberu tal-ħaddiema - Restrizzjoni - Plejers tal-futbol professjonali - Obbligu li l-ewwel kuntratt bħala plejer professjonali jiġi ffirmat mal-klabb li jkun ta t-taħriġ - Plejer ordnat iħallas kumpens għad-danni minħabba ksur ta’ dan l-obbligu - Ġustifikazzjoni - Għan li jiġu inkoraġġuti r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ plejers żgħażagħ)

2010/C 134/05

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Société Olympique Lyonnais

Konvenuti: Olivier Bernard, Société Newcastle UFC

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Cour de cassation (Franza) — Interpretazzjoni tal-Artikolu 39 KE — Dispożizzjoni nazzjonali li tobbliga lil plejer tal-futbol iħallas kumpens lill-klabb li jkun ħarrġu jekk, meta jtemm il-perijodu ta’ taħriġ tiegħu, jiffirma kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor — Ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema — Ġustifikazzjoni possibbli għal restrizzjoni bħal din minħabba l-ħtieġa li jiġu inkoraġġuti r-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ plejers professjonali żgħażagħ.

Dispożittiv

L-Artikolu 45 TFUE ma jipprekludix sistema li, sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu inkoraġġuti r-reklutaġġ u t-taħriġ tal-plejers żgħażagħ, tiggarantixxi li l-klabb li jħarreġ jirċievi kumpens fil-każ li plejer żagħżugħ jiffirma, meta jtemm il-perijodu ta’ taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor, sakemm din is-sistema tkun adegwata sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq dan l-għan u sakemm ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

Sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq dan l-għan mhijiex meħtieġa sistema, bħal dik inkwistjoni fil kawża prinċipali, fejn plejer “espoir” li jiffirma, meta jtemm il-perijodu ta’ taħriġ tiegħu, kuntratt bħala plejer professjonali ma’ klabb ta’ Stat Membru ieħor ikun jista’ jiġi kkundannat iħallas kumpens għad-danni li l-ammont tiegħu jkun ikkalkolat mingħajr konnessjoni mal-ispejjeż veri tat-taħriġ.


(1)  ĠU C 247, 27.09.2008.