Kawża T-31/07 R

Du Pont de Nemours (Franza) SAS

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni — Direttiva 91/414/KEE — Ammissibbiltà — Fumus boni juris — Urġenza — Bilanċ ta’ l-interessi”

Digriet tal-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Lulju 2007   II - 2773

Sommarju tad-digriet

  1. Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà – Ammissibbiltà prima facie tar-rikors prinċipali (Artikoli 242 KE u 243 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 104(1); Direttiva tal-Kunsill 91/414; Direttiva tal-Kummissjoni 2006/133)

  2. Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali

    (Artikolu 230 KE)

  3. Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Talba għas-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ direttiva

    (Artikoli 242 KE u 243 KE)

  4. Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Setgħa diskrezzjonali ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji – Portata – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

  5. Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – “Fumus boni juris”

    (Artikoli 242 KE u 243 KE)

  6. Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Urġenza – Dannu gravi u irreparabbli

    (Artikoli 242 KE u 243 KE)

  7. Proċeduri għal miżuri provviżorji – Sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Dannu gravi u irreparabbli

    (Artikolu 242 KE)

  8. Proċeduri għal miżuri provviżorji – Miżuri provviżorji – Kundizzjonijiet għall-għoti – Ibbilanċjar ta’ l-interessi kollha in kwistjoni

    (Artikolu 243 KE)

  1.  Fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, l-eżami ta’ l-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali huwa neċessarjament sommarju, minħabba n-natura urġenti tal-proċeduri għal miżuri provviżorji. L-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali tista’ tiġi evalwata biss prima facie, billi l-għan huwa li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent ipproduċiex elementi suffiċjenti li jiġġustifikaw il-konklużjoni a priori li l-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali ma tistax tiġi eskluża. L-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddikjara din it-talba inammissibbli biss jekk l-ammissibbiltà tal-kawża prinċipali tista’ tiġi totalment eskluża. L-għoti ta’ deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà fl-istadju tal-proċedimenti għal miżuri provviżorji meta l-ammissibbiltà mhijiex, prima facie, totalment eskluża, effettivament ifisser li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża prinċipali tkun ġiet iġġudikata minn qabel.

    Fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji marbuta ma’ rikors għall-annullament parzjali fuq il-bażi tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE dirett kontra d-Direttiva 2006/133 li temenda d-Direttiva 91/414 sabiex jiġi inkluż il-flusilazole bħala sustanza attiva, ma jistax jiġi eskluż, prima facie, li din id-direttiva taffettwa individwalment lil rikorrenti li tissemma fir-Regolament Nru 933/94, li jipprovdi s-sustanzi attivi ta’ prodotti għall-protezzjoni ta’ pjanti u jawtorizza r-rapporteur ta’ l-Istati Membri [jaħtar l-Istati Membri relaturi] għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 3600/92, fil-kwalità tagħha ta’ notifikant ta’ interess, previst fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament ta’ l-aħħar, u li barra minn hekk, pparteċipat fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tas-sustanza in kwistjoni u fuq din il-bażi bbenefikat minn garanziji proċedurali.

    (ara l-punti 107-109, 112)

  2.  L-annullament parzjali ta’ att Komunitarju huwa possibbli biss jekk l-elementi li tagħhom qed jintalab l-annullament huma separabbli mill-kumplament ta’ l-att. Din il-kundizzjoni ta’ separabbiltà mhijiex sodisfatta meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu bħala effett li jbiddel is-sustanza tiegħu. Il-kwistjoni jekk annullament parzjali jbiddilx is-sustanza ta’ att ikkontestat tikkostitwixxi kriterju oġġettiv u mhux kriterju suġġettiv marbut mar-rieda politika ta’ l-awtorità li adottat l-att ikkontestat.

    (ara l-punti 114, 119)

  3.  Meta, permezz ta’ talba għal miżuri provviżorji, ir-rikorrenti jixtiequ jiksbu s-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ direttiva u meta huma ma jibbażawx it-talba tagħhom biss fuq l-Artikolu 242 KE, iżda jinvokaw ukoll l-Artikolu 243 KE, L-imħallef għal miżuri provviżorji, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 243 KE, jista’ jippreskrivi l-miżuri provviżorji meħtieġa. B’mod partikolari, huwa jista’ jagħti, b’mod provviżorju, l-ordnijiet xierqa lill-Kummissjoni.

    (ara l-punti 124-126)

  4.  F’settur li jaqa’ fil-politika agrikola komuni, il-kunċett ta’ “riskju” jikkorrispondi għal funzjoni tal-probabbiltà li l-użu ta’ prodott jew ta’ proċess ikollu effett negattiv fuq l-interessi mħarsa mill-ordni ġuridiku. Il-kunċett ta’ “perikolu” huwa komunement użat f’sens aktar wiesa’ u jiddeskrivi kull prodott jew proċess li jista’ jkollu effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem. L-għan ta’ l-evalwazzjoni tar-riskji huwa li jiġu evalwati l-grad ta’ probabbiltà li ċertu prodott jew proċess ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u s-serjetà ta’ dawn l-effetti potenzjali.

    Meta awtorità Komunitarja hija msejħa, fil-kuntest tal-missjoni tagħha, sabiex twettaq tali evalwazzjonijiet kumplessi, hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li l-eżerċizzju tagħha huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju limitat, li jfisser li l-qorti Komunitarja ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti għall-evalwazzjoni ta’ l-imsemmija awtorità. Għaldaqstant, f’każijiet bħal dawn, il-qorti Komunitarja għandha tillimita ruħha sabiex teżamina l-eżattezza materjali tal-fatti u tal-konstatazzjonijiet ġuridiċi li din l-awtorità tiddeduċi minnhom u, b’mod partikolari, tivverifika li l-azzjoni ta’ din l-awtorità mhijiex ivvizzjata bi żball manifest jew abbuż ta’ poter, u li din l-awtorità m’eċċedietx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

    (ara l-punti 130, 131, 137)

  5.  Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I ta’ din l-istess direttiva hija eskluża sakemm, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku attwali, ma jistax jiġi mistenni li għall-inqas prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jikkontjeni s-sustanza attiva in kwistjoni mhuwiex ta’ perikolu. Fi kliem ieħor, anki jekk sustanza hija perikoluża, hija tista’ prima facie xorta waħda tiġi inkluża fl-imsemmi Anness I, bil-kundizzjoni li hija tissodisfa standard ta’ riskju li huwa legalment aċċettabbli meta l-istruzzjonijiet xierqa għall-użu jiġu segwiti.

    Jekk, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji, rikorrenti tinvoka ksur, minn naħa, tad-Direttiva 91/414, billi d-Direttiva 2006/133, li temendaha sabiex jiġi inkluż il-flusilazole bħala sustanza, mhijiex ibbażata fuq evalwazzjoni tar-riskji u, min-naħa l-oħra, ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-evalwazzjoni ta’ dawn iż-żewġ motivi tirrikjedi, minħabba l-kumplessità tagħhom, eżami bir-reqqa li ma jistax isir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji.

    Madankollu, dawn iż-żewġ motivi ma jistgħux, prima facie, jiġu kkunsidrati bħala kompletament infondati, meta l-motivazzjoni invokata mill-Kummissjoni għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/133 tidher, prima facie, li tqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni tar-riskji preċedentement imwettqa, mingħajr ma r-raġunijiet għal dan it-tqegħid fid-dubju ta’ l-elementi probatorji li hija kienet ġabret matul id-diversi snin ta’ evalwazzjoni preċedenti jidhru b’mod ċar u meta, sabiex tirrispondi għalihom, il-Qorti tal-Prim’Istanza jkollha tagħti deċiżjoni dwar jekk il-Kummissjoni eċċedietx il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta adottat id-direttiva kkontestata. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni effettivament żbaljat billi bbażat id-Direttiva 2006/133 fuq evalwazzjoni tal-perikoli u mhux fuq evalwazzjoni ta’ riskji u, għaldaqstant, kisret, minn naħa, id-Direttiva 91/414 u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, ma jistax jiġi eskluż li tali żball seta’ jaffettwa l-legalità ta’ l-imsemmija Direttiva 2006/133.

    (ara l-punti 133, 138, 140-143)

  6.  In-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata ordni interlokutorja sabiex jiġi evitat li jsir dannu serju u irreparabbli lill-parti li qed titlob il-miżura provviżorja. Meta d-dannu jiddependi fuq il-fatt li jseħħu numru ta’ fatturi, huwa biżżejjed li dan id-dannu jkun previdibbli bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà. Madankollu, ir-rikorrent jibqa’ obbligat li jipprova l-fatti li huma meqjusa li juru l-probabbiltà ta’ tali dannu serju u irreparabbli.

    Dannu finanzjarju ma jistax, salv f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi kkunsidrat bħala irreparabbli jew imqar bħala diffiċilment reparabbli, jekk jista’ jkun is-suġġett ta’ kumpens finanzjarju ulterjuri. Skond dan il-prinċipju, is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni mitluba tkun iġġustifikata biss jekk jidher li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, ir-rikorrenti ssib ruħha f’sitwazzjoni li tista’ tipperikola l-eżistenza nfisha tagħha jew taffettwa b’mod irrimedjabbli l-ishma fis-suq tagħha. Jekk l-implementazzjoni ta’ att li huwa s-suġġett ta’ rikors għal annullament fil-kawża prinċipali jista’ jikkawża żvilupp irreversibbli fis-suq li fih ir-rikorrent huwa diġà preżenti, id-dannu li jista’ jġarrab, għalkemm ta’ natura finanzjarja, jista’ madankollu jiġi eċċezzjonalment ikkunsidrat bħala irreparabbli fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji.

    (ara l-punti 144, 145, 174, 175, 193)

  7.  Fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, meta r-rikorrent ikun impriża, il-gravità ta’ dannu materjali għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tad-daqs ta’ din l-impriża. Barra minn dan, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni materjali ta’ rikorrent tista’ titwettaq billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-karatteristiċi tal-grupp li għalih jappartjeni r-rikorrent permezz tax-shareholding tiegħu. Meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-grupp, jenħtieġ li ssir evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali kollha tal-każ.

    Barra minn dan, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, jekk l-implementazzjoni immedjata ta’ l-att li huwa s-suġġett tat-talba għal sospensjoni tistax tikkawża lir-rikorrent dannu serju u imminenti li ebda deċiżjoni sussegwenti ma tkun tista’ tikkumpensa.

    (ara l-punti 196, 203, 204)

  8.  Meta, fil-kuntest ta’ talba għal miżuri provviżorji li fiha jissemma r-riskju għar-rikorrent li jsofri dannu serju u irreparabbli, l-imħallef għal miżuri provviżorji jiżen id-diversi interessi in kwistjoni, huwa għandu, b’mod partikolari, jiddetermina jekk l-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata mill-qorti fil-kawża prinċipali jippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni li tkun ġiet ikkawżata permezz ta’ l-implementazzjoni immedjata tagħha u, bil-maqlub, jekk is-sospensjoni ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkunx tali li timpedixxi li jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni f’każ li r-rikors fil-mertu kellu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, bħala regola, ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika għandhom inkontestabbilment jingħataw preċedenza fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.

    (ara l-punti 206, 207)