8.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 64/51


Rikors ippreżentat fis-27 ta' Diċembru 2007 — Ir-Repubblika tal-Bulgarija vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-500/07)

(2008/C 64/83)

Lingwa tal-kawża: Il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Bulgarija (rappreżentanti: Anani Ananiev, Daniela Drambozova u Elina Petranova)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

abbażi ta' l-Artikolu 230 KE, tannulla għal kollox id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)5256 finali, tas-26 ta' Ottubru 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti għas-sena 2007 għall-attribuzzjoni tal-kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, innotifikat mill-Bulgarija skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewoprew u tal-Kunsill,

jew

abbażi ta' l-Artikolu 230 KE, tannula in parti d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)5256 finali, tas-26 ta' Ottubru 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti għas-sena 2007 għall-attribuzzjoni tal-kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, innotifikat mill-Bulgarija skond id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewoprew u tal-Kunsill, in kwantu tiddetermina l-kwantità totali ta' kwoti li għandhom jiġu allokati,

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tqis li d-Deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni C(2007)5256 finali, tas-26 ta' Ottubru 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti għas-sena 2007 għall-attribuzzjoni tal-kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra għandha tiġi annullata għal kollox jew in parti għar-raġunijiet li ġejjin:

Ksur ta' rekwiżiti formali essenzjali

Il-Kummissjoni tiċħad il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti Bulgaru mingħajr ma tagħti motivazzjoni suffiċjenti għall-konklużjoni tagħha li dan il-pjan ma jissodisfax il-kriterji 1, 2, 3, u 10 ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE (1), raġuni li minħabba fiha hemm ksur ta' l-Artikolu 253 KE.

Id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni ġiet adottata wara li għadda t-terminu previst fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.

Qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tatx il-possibbiltà lill-Bulgarija li tispjega l-oġġezzjonijiet tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti, li saret abbażi tal-verżjoni l-aktar reċenti tal-mudell PRIMES, u għalhekk kisret il-prinċipju tal-kontradittorju.

Ksur tat-Trattat KE jew ta' regola ġuridika marbuta ma' l-applikazzjoni tiegħu

Skond l-Artikolu 9(1) u (3) u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri biss huma kompetenti sabiex jiddeterminaw il-kwantità totali tal-kwoti ta' emissjonijiet. Il-Kummissjoni tikkontrolla l-applikazzjoni tal-kriterji ta' l-Anness III tad-Direttiva, iżda m'għandhiex is-setgħa li tiddetermina l-kwantità totali tal-kwoti, mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni l-pjani nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti mħejjija mill-Istati Membri. Meta ssostitwiet il-metodoloġija użata mill-Bulgarija, li hija konformi mal-kriterji ta' l-Anness III, b'metodoloġija li mhijiex adattata għall-evalwazzjoni ta' l-ekonomija Bulgara, il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat ta' kontroll li ngħatawlha mid-Direttiva, u għalhekk marret kontra parti mill-kriterji.

Il-Kummissjoni evalwat il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti Bulgaru abbażi tal-verżjoni l-aktar reċenti tal-mudell PRIMES, li l-informazzjoni dwarha ġiet trażmessa lill-Bulgarija biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' kollaborazzjoni leali.

Waqt l-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti permezz tal-mudell PRIMES, il-Kummissjoni ma għamiltx analiżi adegwata biżżejjed tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti Bulgaru fid-dawl ta' l-għanjiet tad-Direttiva 2003/87/KE. Meta evalwat il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti permezz tal-mudell PRIMES, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni żbaljata li l-pjan kien inkompatibbli mal-kriterji 1, 2 u 3 ta' l-Annness III tad-Direttiva. Iċ-ċaħda ta' dan il-pjan u t-tnaqqis ta' 20 % tal-kwantità totali tal-kwoti li għandhom jiġu allokati ħolqu, għall-operaturi Bulgari ta' impjanti, sitwazzjoni ta' nuqqas ta' ugwaljanza meta mqabbla ma' l-operaturi l-oħra fl-organizazzjoni tal-kummerċ tal-Komunità. B'dan il-mod, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-proporzjonalità u ta' trattament ugwali.

Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-374/04, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali minħabba li, fl-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti Bulgaru, hija ma applikatx l-atti kollha li hija kienet adottat fir-rigward tad-Direttiva 2003/87/KE. Hemm ksur tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi peress li l-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti Bulgaru ġie evalwat permezz ta' l-aktar verżjoni reċenti tal-mudell PRIMES, li l-informazzjoni dwarha ġiet trażmessa lill-Bulgarija biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Hemm ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali peress li, waqt l-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti Bulgaru, il-Kummissjoni applikat dokument mhux uffiċċjali.

Hemm ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba peress li, waqt l-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti Bulgaru fir-rigward tal-konformità tiegħu mal-kriterji 1, 2 u 3 ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/CE, il-Kummissjoni ma eżaminatx b'attenzjoni u oġġettività l-fatturi ekonomiċi u ekoloġiċi rilevanti kollha.

Il-Kummissjoni tapplika b'mod żbaljat l-atti obbligatorji tagħha, li adottat fir-rigward tad-Direttiva 2003/87/KE, waqt l-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-kwoti Bulgaru, raġuni li minħabba fiha hemm ksur tal-kriterji 1, 2, 3, 4, 6 u 10 ta' l-Annness III tad-Direttiva 2003/87/KE.


(1)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva [tal-Kunsill] 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).