8.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 64/45


Rikors ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2007 — Notartel vs L-UASI — SAT.1 SatellitenFernsehen (R.U.N.)

(Kawża T-490/07)

(2008/C 64/75)

Lingwa tar-rikors: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Notartel SpA — kumpannija ta' l-informatika tan-notarjat (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: M. Bosshard, u M. Balestriero, avvocati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Partijiet oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell: SAT.1 SatellitenFernsehen GmbH (Berlin, il-Ġermanja)

Talbiet tar-rikorrenti

prinċipalment, tannulla parzjalment — fil-parti fejn laqgħet l-oppożizzjoni — id-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-22 ta' Ottubru 2007 fil-Każ R 1267/2006-4;

sussidjarjament, tannulla parzjalment — fil-parti fejn laqgħet l-oppożizzjoni fir-rigward ta' l-applikazzjoni għat-trade mark fil-klassi 38 — id-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-22 ta' Ottubru 2007 fil-Każ R 1267/2006-4;

fi kwalunkwe każ, tiċħad kull eventwali istanza jew talba kuntrarja futura, billi tikkonferma d-deċiżjoni fir-rigward tal-partijiet mhux ikkontestati f'din il-kawża;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: Trade mark “R.U.N.” (applikazzjoni għal trade mark Komunitarja nru 1.069.863, għal servizzi fil-klassijiet 35, 38 u 42, safejn tirrigwarda l-proċedura odjerna).

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni: SAT.1 Satelliten Fernsehen GmbH

Trade mark jew sinjal invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni: Trade mark verbali nazzjonali u Komunitarja “ran”, għal prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 35, 38, 41 u 42.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni miċħuda.

Deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell: Appell milqugħ parzjalment fir-rigward ta' ċerti servizzi fil-klassijiet 38 u 42.

Motivi invokati: Id-deċiżjoni kkontestata tidher ivvizzjata minn kontradizzjoni loġika peress li tiddikjara numru ta' prinċipji legali korretti bħala vinkolanti fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn is-sinjali u l-prodotti/servizzi sabiex tiġi aċċertata l-eżistenza ta' l-impediment previst fl-ewwel parti ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, filwaqt li, proprju fl-evalwazzjoni tal-fattispeċi konkreti, tapplika kriterji differenti. Għalhekk din il-kontradizzjoni loġika twassal kemm għal żball ta' liġi, minħabba l-fatt li ġew applikati prinċipji ta' liġi differenti minn dawk (korretti) iddikjarati fil-kunsiderazzjonijiet legali tad-deċiżjoni, kif ukoll għal kontradizzjoni fil-motivazzjoni u għall-insuffiċjenza tagħha.