9.2.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 37/29 |
Rikors ippreżentat fil-5 ta' Diċembru 2007 — Centre de Promotion de l'Emploi par la Micro-Entreprise vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-444/07)
(2008/C 37/45)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Centre de Promotion de l'Emploi par la Micro-Entreprise (Marsilja, Franza) (rappreżentant: C. Bonnefoi, avocate)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent
— |
l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 4645, ta' l-4 ta' Ottubru 2007, li tneħħi l-għajnuna mogħtija mill-Fond Soċjali Ewropew għall-iffinanzjar ta' għotja FSE fi Franza (CPEM) bid-Deċiżjoni C(1999) 2645, tas-17 ta' Awwissu 1999; |
— |
l-għarfien ta' dritt għal kumpens għal ħsara pubblika lill-immaġni ta' korp li kien qed jaġixxi fil-kuntest ta' missjoni ta' interess ġenerali (stmata għal EUR 100 000); |
— |
l-għarfien ta' dritt għal kumpens individwali ta' “Ewro b'mod simboliku”, lill-persunal tal-CPEM għal ħsara li saret lis-serħan tagħhom fuq ix-xogħol (theddida lill-ġejjieni ta' l-istruttura tagħhom ta' impjieg u għalhekk ta' l-impjieg tagħhom billi l-ħlas ta' EUR miljun ifisser l-għeluq tal-CPEM u ta' MSD); |
— |
il-ħlas lura ta' l-ispejjeż legali u l-assistenza legali neċessarji u li għalihom tista' tiġi pprovduta dokumentazzjoni li tiġġustifika n-nefqa. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(2007) 4645, ta' l-4 ta' Ottubru 2007, li tneħħi, wara r-rapport ta' l-OLAF, l-għajnuna mogħtija mill-Fond Soċjali Ewropew (1) għall-iffinanzjar taħt il-forma ta' għotja globali ta' proġett pilota imwettaq mir-rikorrent.
In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ gruppi ta' motivi, l-ewwel dwar il-mod ta' kif l-OLAF mexxa l-proċedura ta' investigazzjoni u ta' inkjesta li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata u li jirriżultaw mill-ksur tad-drittijiet tad-difiża; il-motivi l-oħra jirrigwardaw il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata.
Minn naħa, ir-rikorrent iqis li l-forma ta' l-inkjesta mmexxija mill-OLAF kisret numru ta' prinċipji tad-dritt Komunitarju u ta' investigazzjoni trasparenti bħall-prinċipju ta' preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt li jkun magħruf il-kontenut reali u preċiż ta' l-akkużi li jinstabu fl-ilmenti li wasslu għall-proċedura. Barra minn dan, huwa jsostni li l-OLAF ħawwad il-proċeduri previsti bir Regolament Nru 2185/96 (2) ma' dawk dwar l-inkjesti skond ir-Regolament Nru 2988/95 (3). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jakkuża lill-OLAF li bbaża l-konklużjonijiet li kien responsabbli għalihom fuq l-edizzjonijiet differenti u evoluttivi tal-“Gwida tal-Promotur”.
Fuq il-mertu, ir-rikorrent jakkuża lill-Kummissjoni li bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-konklużjonijiet tar-rapport ta' l-OLAF li kiser b'mod gravi l-kunċetti tad-dritt Franċiż “ta' korp li jagħmilx profitt” u ta' “tqegħid għad-dispożizzjoni”. Barra minn dan, huwa jqis li l-OLAF ressaq fir-rigward tar-rikorrent is-supremazija ta' “Gwida tal-Promotur” meta mqabbel mal-kontenut ta' Regolament Komunitarju. Huwa jsostni wkoll li l-Kummissjoni kienet taf bil-fatti u anki awtorizzat il-fatti kkontestati lir-rikorrent mill-OLAF u fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jinvoka motiv ibbażat fuq l-inapplikabbiltà u n-nuqqas ta' infurzar tar-Regolament Nru 1605/2002 (4) li fuqu huwa in parti bbażat ir-raġunament ta' l-OLAF fid-deċiżjoni kkontestata.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C(1999)2645, tas-17 ta' Awwissu 1999, kif emendata bid-Deċiżjoni Nru C (2001) 2144, tat-18 ta' Settembru 2001.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96, tal-11 ta' Novembru 1996, dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra, (ĠU L 292, p. 2).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1).