|
6.10.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 235/17 |
Rikors ippreżentat fit-30 ta' Lulju 2007 — Alcan France vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-288/07)
(2007/C 235/31)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Alcan France SAS (Pariġi, Franza) (rappreżentant: M. Thill-Tayara, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
|
— |
tiddikjara n-nullità tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni u tiddikjara li l-miżura in kwistjoni ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, jew sussidjarjament, tiddikjara li l-ksur tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi u tat-terminu ta' żmien raġonevoli jipprekludi l-irkupru ta' l-għajnuna; |
|
— |
tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata li tikkwalifika il-miżura kkontestata ta' l-għajnuna; |
|
— |
tannulla l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata li tikkwalifika l-miżura ta' għajnuna bħala inkompatibbli; |
|
— |
tannulla l-Artikoli 4 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata li jordnaw ir-rifużjoni ta' l-għajnuna; |
|
— |
tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti l-ispejjeż inklużi dawk legali relatati mad-deċiżjoni kkontestata. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tad-Deċiżjoni tat-30 ta' Ġunju 1997, adottata fuq proposta tal-Kummissjoni u skond il-proċedura prevista mid-Direttiva 92/81/KEE (1), il-Kunsill awtorizza lill-Istati Membri sabiex japplikaw jew ikomplu japplikaw fir-rigward ta' ċerti żjut minerali użati għal finijiet speċifiċi, it-tnaqqis fir-rata tat-taxxa tas-sisa jew l-eżenzjonijiet mit-taxxa tas-sisa eżistenti. Permezz ta' erba' deċiżjonijiet suċċessivi, il-Kunsill tawwal dan il-perijodu ta' awtorizzazzjoni, bl-aħħar perijodu ta' awtorizzazzjoni li kien jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006. Franza ġiet awtorizzata tapplika dan it-tnaqqis jew dawn l-eżenzjonijiet fuq iż-żejt tal-karburanti tqil użat bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta' alumina fir-reġjun ta' Gardanne.
B'ittra tat-30 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni nnotifikat lil Franza bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE fir-rigward ta' l-eżenzjoni tad-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta' l-alumina fir-reġjun ta' Gardanne (2). Sussegwentement għal din il-proċedura, il-Kummissjoni adottata id-Deċiżjoni 2006/323/KE fis-7 ta' Diċembru 2005 fejn ikkunsidrat li l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala kombustibbli għall-produzzjoni ta' alumina fir-reġjun ta' Gardanne, fir-reġjun ta' Shannon u fis-Sardenja, implementati rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE li huma parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u għaldaqstant ordnat lill-Istati Membri interessati sabiex jipproċedu għall-irkupru ta' l-imsemmija għajnuna (3).
Il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-proċedura formali ta' investigazzjoni fir-rigward ta' l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali tqal użati fil-produzzjoni ta' l-alumina għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2004. Fis-7 ta' Frar 2007, hija adottat id-Deċiżjoni C(2007) 286 finali dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għal żjut minerali użati bħala karburanti għal produzzjoni ta' l-alumina f'Gardanne, fir-reġjun ta' Shannon u fis-Sardenja, implimentati rispettivament Franza, l-Irlanda u l-Italja rispettivament (Għajnuna mill-Istat Nru C 78-79-80/2001). Din hija d-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tar-rikors preżenti.
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, l-ewwel nett, in-nullità tad-deċiżjoni minħabba vizzju ta' forma minħabba li Franza ma ġietx intimata sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha skond l-Artikolu 88 KE, fejn it-tieni proċedura għall-perijodu ta' wara l-2004 kienet infetħet, skond hi, 'il barra mill-premessi tad-deċiżjoni tas-7 ta' Diċembru 2005.
Fuq il-mertu, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi għal annullament.
Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, hija ssostni li l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li kienet teżisti għajnuna mill-Istat bi ksur ta' l-Artikoli 87 u 88 KE kemm fl-istadju tal-kwalifika ta' l-għajnuna kif ukoll fl-istadju ta' l-investigazzjoni tal-kompatibbiltà. Barra minn hekk, fil-kuntest ta' dan il-motiv, hija tinvoka l-ksur min-naħa tal-Kummissjoni ta' l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament Nru 659/1999 (4) kif ukoll ta' l-iżbalji fl-applikazzjoni tal-kriterju ta' selettività ta' l-għajnuna. Hija ssostni wkoll li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja u insuffiċjenti bi ksur ta' l-Artikolu 253 KE. Ir-rikorrenti ssostni, barra minn hekk, li l-bażi ġuridika li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tafferma l-inkompatibbiltà ta' l-għajnuna hija żbaljata, peress li l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent (5) ma ġewx, skond hi, soddisfatti.
Permezz tat-tieni motiv tagħha, invokat sussidjarjament, ir-rikorrenti tallega li l-irkupru ta' l-għajnuna ordnat mill-Kummissjoni jikser il-prinċipji ta' l-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali.
(1) Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta' l-istrutturi tad-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali.
(2) Ippubblikata fil-ĠU C, 30 ta' Frar 2002.
(3) Deċiżjoni C[2005] 4436 finali, għajnuna mill-Istat Nru C 78-79-80/2001, ĠU 2006 L 119, p.12.
(4) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat KE, ĠU L 83, p. 1.
(5) Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna ta' l-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent, ĠU 2001 C 37, p. 3.