8.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 211/47


Rikors ippreżentat fil-11 ta' Lulju 2007 — L-Islovakkja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-247/07)

(2007/C 211/88)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tas-Slovakkja (rappreżentant: J. Čorba, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn tirrigwarda lir-rikorrenti jew, fl-eventwalità li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi li huwa neċessarju jew xieraq, tannulla d-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 1979, ta' l-4 ta' Mejju 2007, dwar id-determinazzjoni ta' stokkijiet żejda ta' prodotti agrikoli barra z-zokkor u l-konsegwenzi finanzjarji ta' l-eliminazzjoni tagħhom fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (1), kif emendata fil-25 ta' Mejju 2007. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat il-kwantitajiet ta' ċerti tipi ta' frott u ross f'ċirkulazzjoni ħielsa fit-territorju tar-Repubblika Slovakka fid-data ta' l-adeżjoni li kienu ogħla mill-kwantitajiet li setgħu jiġu kkunsidrati bħala livell normali ta' stokk fl-1 ta' Mejju 2004. Fl-istess ħin, hija żammet lir-rikorrenti responsabbli għall-ħlas ta' EUR 3 634 miljuni sabiex tkopri l-ispejjeż ta' l-eliminazzjoni ta' dawn il-kwantitajiet.

In sostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tqis li l-konvenuta ma kellhiex is-setgħa li tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tafferma li, anke jekk il-konvenuta kellha d-dritt tiffissa l-kwantità ta' stokk żejjed fit-territorju tar-Repubblika Slovakka u li żżomm lil din ta' l-aħħar finanzjarjament responsabbli għal dan l-allegat stokk żejjed, hija kisret it-Trattat ta' l-Adeżjoni (2) safejn ma aġixxietx fuq il-bażi legali korretta, jiġifieri l-Artikolu 41 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni. (3)

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li, peress li ma wrietx li l-Komunità batiet xi spejjeż jew soffriet xi dannu ieħor minħabba n-nuqqas ta' l-eliminazzjoni ta' l-istokk żejjed mir-rikorrenti u peress li ma adottatx fiż-żmien sistema legali adattata dwar l-eliminazzjoni ta' l-istokk żejjed fis-suq tar-rikorrenti u regoli dettaljati dwar l-iffissar ta' l-istokk żejjed u dwar il-kalkolu ta' l-ispejjeż finanzjarji li għalihom hija responsabbli r-rikorrenti, il-konvenuta kisret, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Trattat ta' l-Adeżjoni kif ukoll il-prinċipji ġenerali tal-proporzjonalità u taċ-ċertezza legali.

Fl-aħħar, ir-rikorrenti tafferma li l-forom proċedurali sostanzjali ġew miksura minħabba motivazzjoni insuffiċjenti.


(1)  ĠU L 138, p. 14.

(2)  Trattat li jirrigwarda l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka ma' l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 17).

(3)  Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta' l-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta' l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33).