21.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 170/27


Rikors ippreżentat fit-18 ta' Mejju 2007 — Far Eastern Textile vs Il-Kunsill

(Kawża T-167/07)

(2007/C 170/54)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Far Eastern Textile Ltd (Taipei, it-Tajwan) (rappreżentant: P. De Baere, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007, tat-22 ta' Frar 2007, li jistabbilixxi dazju definittiv kontra l-bejgħ taħt il-prezz fuq l-importazzjonijiet ta' polyethylene terephthalate (PET) li joriġinaw, inter alia, mit-Tajwan, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti; u

tikkundanna l-Kunsill jbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, li hija produttriċi u esportatriċi mit-Tajwan ta' polyethylene terephthalate (“PET”), qed titlob l-annulment tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 192/2007, tat-22 ta' Frar 2007, li jistabbilixxi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' polyethylene terephthalate li joriġinaw mill-Indja, mill-Indoneżja, mill-Malażja, mir-Repubblika tal-Korea, mit-Tajlandja u mit-Tajwan wara eżami mill-ġdid abbażi ta' l-iskadenza tal-miżuri u ta' eżami mill-ġdid parzjali intermedju skond l-Artikolu 11(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (1).

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti, l-ewwel nett, tgħid li l-Kunsill kiser l-Artikolu 2(11) tar-Regolament Bażiku (2) billi applika l-metodu ażimetriku sabiex jikkalkola l-marġini tad-dumping ta' l-applikant.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill kiser l-Artikolu 253 KE billi naqas milli jipprovdi raġunijiet adegwati għala l-metodi ta' paragun simetriku ma rriflettewx il-grad kollu ta' dumping.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tgħid li l-Kunsill jikser l-Artikolu 2(10), (11) u (12) tar-Regolament Bażiku meta jikkalkola l-marġini tad-dumping ta' l-applikant billi juża zeroing techniques li rrendew żero kull marġini tad-dumping negattiv meta jikkalkola l-marġini medju meqjus skond l-Artikolu 2(12).

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill kiser l-Artikolu 253 KE billi naqas milli jagħti raġunijiet adegwati għala l-marġini tad-dumping tar-rikorrenti għandu jiġi kkalkulat bl-użu ta' zeroing techniques.


(1)  ĠU 2007 L 59, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996 L 56, p. 1).