7.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 155/24


Rikors ippreżentat fis-16 ta' April 2007 — P.P.TV vs L-UASI — Rentrak (PPT)

(Kawża T-118/07)

(2007/C 155/49)

Lingwa tar-rikors: Il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: P.P.TV — Publicidade de Portugal e Televisão, SA (Liżbona, il-Portugall) (rappreżentanti: I. de Carvalho Simões u J. Conceicão Pimenta, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Il-parti l-oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell: RENTRAK Corp

Talbiet tar-rikorrenti

li tiġi annullata d-deċiżjoni tas-7 ta' Frar 2007 ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern, R. 1040/2005-1 (deċiżjoni kkontestata: deċiżjoni ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern tat-28 ta' Ġunju 2005, Nru 2254).

konsegwentement, li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern jiġi ordnat jiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 1758382 fir-rigward tas-servizzi kollha msemmija;

li l-intervenjenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: RENTRAK Corp.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: trade mark denominattiva PPT (Servizzi ta' distribuzzjoni ta' vidjokassetti fuq bażi ta' qsim tal-qligħ jew ta' spejjeż relatati ma' l-użu; kiri ta' vidjos u DVD; kiri ta' vidjorekorders u ta' apparat li jaqra' d-DVD; distribuzzjoni ta' vidjotejps; kiri ta' vidjos, DVD, vidjorekorders u apparat li jaqra' d-DVD on-line permezz tan-netwerk informatika globali, li jaqgħu taħt il-klassi 41).

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat fil-proċediment ta' oppożizzjoni: ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat: trade mark nazzjonali Portugiża Nru 330.375, ikkaratterizzata mill-element verbali “PPTV” (servizzi ta' “edukazzjoni, taħriġ, divertiment u attivitajiet sportivi u kulturali”, li jaqgħu fil-klassi 41).

Deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni: li tilqa' l-oppożizzjoni u li tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja.

Deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell: li jannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Oppożizzjoni u li jiċħad l-oppożizzjoni.

Motivi invokati:

Xebh tas-servizzi: l-interpretazzjoni tal-Bord ta' l-Appell, li tgħid li s-servizzi relatati mat-trade mark in kwistjoni, peress li huma sempliċement ta' distribuzzjoni, mhumiex intiżi għall-istess konsumaturi, b'tali mod li mhumiex marbuta mas-servizzi pprovduti mir-rikorrenti, hija restrittiva wisq.

Xebh grafiku u probabbiltà ta' konfużjoni: l-ewwel tliet ittri taż-żewġ sinjali huma eżattament l-istess. L-ebda waħda mit-trade marks ma tippreżenta tifsira immedjata lill-konsumatur Portugiż, b'tali mod li t-trade mark tidher bħala sinjal fantażjuż u, għaldaqstant, oriġinali.

Il-probabbiltà ta' konfużjoni tinkludi l-probabbiltà ta' assoċjazzjoni.

Anki jekk il-konsumaturi Portugiżi jirnexxielhom jiddistingwu bejn it-trade marks, ma jistax jiġi eskluż li huma jattribwixxu lit-trade marks infushom l-istess oriġini jew li jżommu f'moħħhom rapporti kummerċjali, ekonomiċi jew strutturali bejn l-impriżi proprjetarji, fatt li jista' jagħti lok għal sitwazzjoni ta' kompetizzjoni żleali, minkejja li dan isir indipendentement mir-rieda ta' l-applikant tat-trade mark in kwistjoni.