Keywords
Summary

Keywords

1. Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra att imħassar

(Artikoli 231 KE u 233 KE)

2. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414 — Proċedura ta’ inklużjoni tas-sustanzi attivi tal-imsemmija prodotti fl-Anness I ta’ din id-direttiva — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 451/2000, Artikolu 8; Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 8(2))

3. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414 — Proċedura ta’ inklużjoni tas-sustanzi attivi tal-imsemmija prodotti fl-Anness I ta’ din id-direttiva — Sussistenza ta’ inċertezza xjentifika dwar l-innokwità ta’ sustanza

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 451/2000, Artikoli 6(1), (2) u (3), u 8(5))

4. Protezzjoni tas-saħħa pubblika — Evalwazzjoni tar-riskji — Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni — Portata — Kunċetti ta’ riskju u ta’ periklu

(Artikoli 3 KE, 6 KE, 152(1) KE, 153(1) u (2) KE, u 174(1) u (2) KE)

5. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414 — Proċedura ta’ inklużjoni tas-sustanzi attivi tal-imsemmija prodotti fl-Anness I ta’ din id-direttiva

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 451/2000, Artikoli 8(8) u (9))

6. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414 — Proċedura ta’ inklużjoni tas-sustanzi attivi tal-imsemmija prodotti fl-Anness I ta’ din id-direttiva — Proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni kkonferiti lill-Kummissjoni

(Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468, Artikolu 5(4))

7. Rikors għal annullament — Motivi — Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Żball ta’ evalwazzjoni — Distinzjoni

(Artikoli 230 KE u 253 KE)

Summary

1. Rikorrent jista’ jkompli jiġġustifika interess li jikseb l-annullament ta’ att li ġie mħassar, sa fejn it-tħassir ma jwassalx għall-istess effetti legali ta’ annullament eventwali mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, it-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni ma jikkostitwixxix rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc , filwaqt li l-annullament tiegħu jipproduċi effett ex tunc .

Barra minn hekk, fil-każ fejn att huwa annullat, l-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att hija obbligata tieħu l-miżuri li l-eżekuzzjoni tas-sentenza timplika. Dawn il-miżuri jinvolvu, b’mod partikolari, it-tneħħija tal-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati fis-sentenza ta’ annullament. Huwa b’dan il-mod illi l-istituzzjoni kkonċernata tista’ titwassal biex terġa’ tpoġġi, b’mod adegwat, lir-rikorrent fis-sitwazzjoni li fiha kien qabel jew biex tevita li jiġi adottat att identiku.

(ara l-punti 68, 69)

2. Hekk kif jirriżulta mill-ħames, mis-sitt u mid-disa’ premessa tagħha, id-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, hija intiża sabiex telimina l-ostakoli għall-kummerċ intra‑Komunitarju ta’ dawn il-prodotti, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. F’dan il-kuntest, biex tkun tista’ tilħaq, b’mod effiċjenti, l-għan assenjat lilha u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li trid twettaq, il-Kummissjoni għandha jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bl-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ inklużjoni jew ta’ inklużjoni tas-sustanza inkwistjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, wara li tkun kisbet l-opinjoni tal-EFSA, ir-Regolament Nru 451/2000 ma jinkludi ebda indikazzjoni li tissuġġerixxi li l-Kummissjoni hija obbligata ssegwi l-opinjonijiet tal-EFSA fir-rigward tal-kontenut tagħhom u għalhekk ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali. Bl-istess mod, mill-kuntest leġiżlattiv jirriżulta b’mod ċar li l-pożizzjoni meħuda mill-Istat Membru relatur fil-proċess ta’ evalwazzjoni ma hijiex deċiżiva.

(ara l-punti 86, 87, 95)

3. L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jipprovdi li, bla ħsara għall-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, is-sottomissjoni ta’ studji ġodda ma tkunx aċċettata. Madankollu, l-Istat Membru relatur jista’, bi ftehim mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), jistieden lin-notifikanti jissottomettu, f’termini speċifiċi, data addizzjonali li l-Istat Membru relatur jew l-EFSA jqisu meħtieġa għall-kjarifikazzjoni tal-fajl.

Il-komunikazzjoni ta’ data addizzjonali tista’ għalhekk tkun intiża biss għall-kjarifikazzjoni ta’ elementi li jkunu diġà ġew ippreżentati fil-fajl komplut li għandu jerġa’ jitressaq min-notifikanti.

Min-naħa tagħha s-sottomissjoni ta’ studju addizzjonali tkun possibbli biss jekk dan ikun diġà nbeda fil-mument tas-sottomissjoni tal-fajl komplut, jekk il-komunikazzjoni tiegħu tkun diġà tħabbret waqt is-sottomissjoni tal-imsemmi fajl u jekk dan ikun intbagħat sa mhux iktar tard minn sena wara s-sottomissjoni ta’ dan l-istess fajl.

(ara l-punti 110, 111, 113)

4. L-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa żgurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet kollha Komunitarji. Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jimponi fuq l-awtoritajiet ikkonċernati l-obbligu li jieħdu, fil-kuntest preċiż tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni rilevanti, miżuri idonei biex jipprevjenu ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent, billi jagħtu preċedenza lir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi fuq l-interessi ekonomiċi.

L-evalwazzjoni tar-riskji tikkonsisti, għall-istituzzjoni Komunitarja kkonfrontata b’effetti potenzjalment negattivi li jirriżultaw minn fenomenu, fl-evalwazzjoni, abbażi tal-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji, ta’ jekk dawn tal-aħħar jeċċedux il-livell ta’ riskju meqjus bħala inaċċettabbli għas-soċjetà. B’hekk, sabiex l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu jistgħu jipproċedu għal evalwazzjoni tar-riskji, huwa importanti għalihom, minn naħa, illi jkollhom evalwazzjoni xjentifika tar-riskji u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat il-livell ta’ riskju meqjus bħala inaċċettabbli għas-soċjetà.

L-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji hija proċess xjentifiku li fir-rigward tiegħu huwa ġeneralment aċċettat li jikkonsisti, kemm jista’ jkun, fl-identifikazzjoni u fil-karatterizzazzjoni ta’ periklu, fl-evalwazzjoni tal-espożizzjoni u fil-karatterizzazzjoni tar-riskju.

F’kuntest bħal dan, il-kunċett ta’ “riskju” jikkorrispondi għalhekk mal-livell ta’ probabbiltà li l-aċċettazzjoni ta’ ċerti miżuri jew ta’ ċerti prattiki ser taffettwa ħażin l-interessi protetti mill-ordinament ġuridiku. Il-kunċett ta’ “periklu” huwa, min-naħa tiegħu, ġeneralment użat f’sens iktar wiesa’ u jiddeskrivi kull prodott jew proċedura li tista’ jkollha effett ħażin fuq is-saħħa tal-bniedem.

Ir-responsabbiltà għad-determinazzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus bħala inaċċettabbli taqa’, sakemm ir-regoli applikabbli huma osservati, taħt l-istituzzjonijiet Komunitarji responsabbli għall-għażla politika tad-determinazzjoni tal-livell idoneu ta’ protezzjoni għas-soċjetà. Huma dawn l-istituzzjonijiet illi għandhom jiddeterminaw il-limitu kritiku ta’ probabbiltà tal-effetti ħżiena għas-saħħa tal-bniedem u tal-gravità ta’ dawn l-effetti potenzjali li jidhrilhom li ma huwiex iktar aċċettabbli għal din is-soċjetà u li, ladarba jinqabeż, jinħtieġ, fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, li jittieħdu miżuri preventivi minkejja l-inċertezza xjentifika li tissussisti.

Fid-determinazzjoni ta’ dan il-livell ta’ riskju, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma obbligati, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 152(1) KE, jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa umana. Sabiex ikun kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni dan il-livell għoli mhux bilfors għandu jkun teknikament l-ogħla possibbli.

(ara l-punti 143-149)

5. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tipprevedi, jew espressament, jew b’mod impliċitu, il-konsegwenzi tal-iskadenza ta’ terminu proċedurali bħal dak stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, l-iskadenza inkwistjoni tista’ twassal għall-annullament totali jew parzjali tal-att li l-proċess għall-adozzjoni tiegħu jinkludi t-terminu inkwistjoni, biss jekk ikun stabbilit illi, fin-nuqqas ta’ din l-allegata irregolarità, l-imsemmi att seta’ kellu kontenut differenti.

(ara l-punt 203)

6. Mill-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 1999/468, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, jirriżulta li, meta l-miżuri proposti ma jikkonformawx mal-opinjoni tal-kumitat, jew fin-nuqqas ta’ opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti mingħajr dewmien lill-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar dan. Billi uża l-espressjoni “mingħajr dewmien”, il-leġiżlatur Komunitarju, filwaqt li ordna lill-Kummissjoni taġixxi b’ħeffa, ħallielha ċertu marġni ta’ manuvra. F’dan il-kuntest it-terminu li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex teżamina d-diversi modi disponibbli ta’ kif tista’ taġixxi, għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kumplessità tal-fajl ikkonċernat.

Sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni aġixxietx mingħajr dewmien, għandu jiġi vverifikat jekk hija aġixxietx f’terminu raġonevoli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal‑każ, u hemm lok li l-istess Kummissjoni tingħata marġni ta’ manuvra wiesgħa biex tasal għal kompromess.

Għalhekk, u iktar u iktar fil-każ ta’ kumitat regolatorju, il-Kummissjoni għandha jkollha marġni ta’ manuvra wiesgħa temporali, skont id-diffikultà, il-kumplessità u s-sensittività tal-fajl, sabiex tfittex kompromess fi ħdan il-kumitat qabel ma tissottometti miżura għall-vot.

(ara l-punti 211, 218, 219, 222, 223)

7. Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE huwa motiv differenti minn dak ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, filwaqt illi tal-ewwel, li jirreferi għal nuqqas ta’ motivazzjoni jew għal motivazzjoni insuffiċjenti, jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali, skont l-Artikolu 230 KE u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem mill-qorti Komunitarja, it-tieni, li jikkonċerna l-legalità fil-mertu ta’ deċiżjoni, jaqa’ taħt il-ksur ta’ dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tat-Trattat, skont l-istess Artikolu 230 KE, u jista’ jiġi eżaminat mill-qorti Komunitarja biss jekk ikun invokat mir-rikorrent. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa kwistjoni distinta minn dik tal-fondatezza tal-motivazzjoni.

(ara l-punt 245)