Kawża T-475/07

Dow AgroSciences Ltd et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Sustanza attiva trifluralin — Nuqqas ta’ inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE — Rikors għal annullament — Proċedura ta’ evalwazzjoni — Studju ġdid u studju addizzjonali — Termini — Kunċetti ta’ ‘riskju’ u ta’ ‘periklu’ — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Abbozz ta’ rapport ta’ reviżjoni — Abbozz ta’ direttiva jew ta’ deċiżjoni — Termini — Konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni eventwali — Aspettattivi leġittimi — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Deċiżjoni 1999/468/KE, imsejħa ‘komitoloġija’ — Regolament (KE) Nru 850/2004 — Artikolu 3(3) — Eċċezzjoni ta’ illegalità”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra att imħassar

(Artikoli 231 KE u 233 KE)

2.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414 — Proċedura ta’ inklużjoni tas-sustanzi attivi tal-imsemmija prodotti fl-Anness I ta’ din id-direttiva — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 451/2000, Artikolu 8; Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 8(2))

3.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414 — Proċedura ta’ inklużjoni tas-sustanzi attivi tal-imsemmija prodotti fl-Anness I ta’ din id-direttiva — Sussistenza ta’ inċertezza xjentifika dwar l-innokwità ta’ sustanza

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 451/2000, Artikoli 6(1), (2) u (3), u 8(5))

4.      Protezzjoni tas-saħħa pubblika — Evalwazzjoni tar-riskji — Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni — Portata — Kunċetti ta’ riskju u ta’ periklu

(Artikoli 3 KE, 6 KE, 152(1) KE, 153(1) u (2) KE, u 174(1) u (2) KE)

5.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414 — Proċedura ta’ inklużjoni tas-sustanzi attivi tal-imsemmija prodotti fl-Anness I ta’ din id-direttiva

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 451/2000, Artikoli 8(8) u (9))

6.      Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Direttiva 91/414 — Proċedura ta’ inklużjoni tas-sustanzi attivi tal-imsemmija prodotti fl-Anness I ta’ din id-direttiva — Proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni kkonferiti lill-Kummissjoni

(Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468, Artikolu 5(4))

7.      Rikors għal annullament — Motivi — Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Żball ta’ evalwazzjoni — Distinzjoni

(Artikoli 230 KE u 253 KE)

1.      Rikorrent jista’ jkompli jiġġustifika interess li jikseb l-annullament ta’ att li ġie mħassar, sa fejn it-tħassir ma jwassalx għall-istess effetti legali ta’ annullament eventwali mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, it-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni ma jikkostitwixxix rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc, filwaqt li l-annullament tiegħu jipproduċi effett ex tunc.

Barra minn hekk, fil-każ fejn att huwa annullat, l-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att hija obbligata tieħu l-miżuri li l-eżekuzzjoni tas-sentenza timplika. Dawn il-miżuri jinvolvu, b’mod partikolari, it-tneħħija tal-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati fis-sentenza ta’ annullament. Huwa b’dan il-mod illi l-istituzzjoni kkonċernata tista’ titwassal biex terġa’ tpoġġi, b’mod adegwat, lir-rikorrent fis-sitwazzjoni li fiha kien qabel jew biex tevita li jiġi adottat att identiku.

(ara l-punti 68, 69)

2.      Hekk kif jirriżulta mill-ħames, mis-sitt u mid-disa’ premessa tagħha, id-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, hija intiża sabiex telimina l-ostakoli għall-kummerċ intra‑Komunitarju ta’ dawn il-prodotti, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. F’dan il-kuntest, biex tkun tista’ tilħaq, b’mod effiċjenti, l-għan assenjat lilha u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li trid twettaq, il-Kummissjoni għandha jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta bl-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ inklużjoni jew ta’ inklużjoni tas-sustanza inkwistjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, wara li tkun kisbet l-opinjoni tal-EFSA, ir-Regolament Nru 451/2000 ma jinkludi ebda indikazzjoni li tissuġġerixxi li l-Kummissjoni hija obbligata ssegwi l-opinjonijiet tal-EFSA fir-rigward tal-kontenut tagħhom u għalhekk ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali. Bl-istess mod, mill-kuntest leġiżlattiv jirriżulta b’mod ċar li l-pożizzjoni meħuda mill-Istat Membru relatur fil-proċess ta’ evalwazzjoni ma hijiex deċiżiva.

(ara l-punti 86, 87, 95)

3.      L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jipprovdi li, bla ħsara għall-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, is-sottomissjoni ta’ studji ġodda ma tkunx aċċettata. Madankollu, l-Istat Membru relatur jista’, bi ftehim mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), jistieden lin-notifikanti jissottomettu, f’termini speċifiċi, data addizzjonali li l-Istat Membru relatur jew l-EFSA jqisu meħtieġa għall-kjarifikazzjoni tal-fajl.

Il-komunikazzjoni ta’ data addizzjonali tista’ għalhekk tkun intiża biss għall-kjarifikazzjoni ta’ elementi li jkunu diġà ġew ippreżentati fil-fajl komplut li għandu jerġa’ jitressaq min-notifikanti.

Min-naħa tagħha s-sottomissjoni ta’ studju addizzjonali tkun possibbli biss jekk dan ikun diġà nbeda fil-mument tas-sottomissjoni tal-fajl komplut, jekk il-komunikazzjoni tiegħu tkun diġà tħabbret waqt is-sottomissjoni tal-imsemmi fajl u jekk dan ikun intbagħat sa mhux iktar tard minn sena wara s-sottomissjoni ta’ dan l-istess fajl.

(ara l-punti 110, 111, 113)

4.      L-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa żgurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet kollha Komunitarji. Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jimponi fuq l-awtoritajiet ikkonċernati l-obbligu li jieħdu, fil-kuntest preċiż tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni rilevanti, miżuri idonei biex jipprevjenu ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent, billi jagħtu preċedenza lir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi fuq l-interessi ekonomiċi.

L-evalwazzjoni tar-riskji tikkonsisti, għall-istituzzjoni Komunitarja kkonfrontata b’effetti potenzjalment negattivi li jirriżultaw minn fenomenu, fl-evalwazzjoni, abbażi tal-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji, ta’ jekk dawn tal-aħħar jeċċedux il-livell ta’ riskju meqjus bħala inaċċettabbli għas-soċjetà. B’hekk, sabiex l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu jistgħu jipproċedu għal evalwazzjoni tar-riskji, huwa importanti għalihom, minn naħa, illi jkollhom evalwazzjoni xjentifika tar-riskji u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat il-livell ta’ riskju meqjus bħala inaċċettabbli għas-soċjetà.

L-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji hija proċess xjentifiku li fir-rigward tiegħu huwa ġeneralment aċċettat li jikkonsisti, kemm jista’ jkun, fl-identifikazzjoni u fil-karatterizzazzjoni ta’ periklu, fl-evalwazzjoni tal-espożizzjoni u fil-karatterizzazzjoni tar-riskju.

F’kuntest bħal dan, il-kunċett ta’ “riskju” jikkorrispondi għalhekk mal-livell ta’ probabbiltà li l-aċċettazzjoni ta’ ċerti miżuri jew ta’ ċerti prattiki ser taffettwa ħażin l-interessi protetti mill-ordinament ġuridiku. Il-kunċett ta’ “periklu” huwa, min-naħa tiegħu, ġeneralment użat f’sens iktar wiesa’ u jiddeskrivi kull prodott jew proċedura li tista’ jkollha effett ħażin fuq is-saħħa tal-bniedem.

Ir-responsabbiltà għad-determinazzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus bħala inaċċettabbli taqa’, sakemm ir-regoli applikabbli huma osservati, taħt l-istituzzjonijiet Komunitarji responsabbli għall-għażla politika tad-determinazzjoni tal-livell idoneu ta’ protezzjoni għas-soċjetà. Huma dawn l-istituzzjonijiet illi għandhom jiddeterminaw il-limitu kritiku ta’ probabbiltà tal-effetti ħżiena għas-saħħa tal-bniedem u tal-gravità ta’ dawn l-effetti potenzjali li jidhrilhom li ma huwiex iktar aċċettabbli għal din is-soċjetà u li, ladarba jinqabeż, jinħtieġ, fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, li jittieħdu miżuri preventivi minkejja l-inċertezza xjentifika li tissussisti.

Fid-determinazzjoni ta’ dan il-livell ta’ riskju, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma obbligati, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 152(1) KE, jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa umana. Sabiex ikun kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni dan il-livell għoli mhux bilfors għandu jkun teknikament l-ogħla possibbli.

(ara l-punti 143-149)

5.      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tipprevedi, jew espressament, jew b’mod impliċitu, il-konsegwenzi tal-iskadenza ta’ terminu proċedurali bħal dak stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, l-iskadenza inkwistjoni tista’ twassal għall-annullament totali jew parzjali tal-att li l-proċess għall-adozzjoni tiegħu jinkludi t-terminu inkwistjoni, biss jekk ikun stabbilit illi, fin-nuqqas ta’ din l-allegata irregolarità, l-imsemmi att seta’ kellu kontenut differenti.

(ara l-punt 203)

6.      Mill-Artikolu 5(4) tad-Deċiżjoni 1999/468, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, jirriżulta li, meta l-miżuri proposti ma jikkonformawx mal-opinjoni tal-kumitat, jew fin-nuqqas ta’ opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti mingħajr dewmien lill-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar dan. Billi uża l-espressjoni “mingħajr dewmien”, il-leġiżlatur Komunitarju, filwaqt li ordna lill-Kummissjoni taġixxi b’ħeffa, ħallielha ċertu marġni ta’ manuvra. F’dan il-kuntest it-terminu li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex teżamina d-diversi modi disponibbli ta’ kif tista’ taġixxi, għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-kumplessità tal-fajl ikkonċernat.

Sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni aġixxietx mingħajr dewmien, għandu jiġi vverifikat jekk hija aġixxietx f’terminu raġonevoli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal‑każ, u hemm lok li l-istess Kummissjoni tingħata marġni ta’ manuvra wiesgħa biex tasal għal kompromess.

Għalhekk, u iktar u iktar fil-każ ta’ kumitat regolatorju, il-Kummissjoni għandha jkollha marġni ta’ manuvra wiesgħa temporali, skont id-diffikultà, il-kumplessità u s-sensittività tal-fajl, sabiex tfittex kompromess fi ħdan il-kumitat qabel ma tissottometti miżura għall-vot.

(ara l-punti 211, 218, 219, 222, 223)

7.      Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE huwa motiv differenti minn dak ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, filwaqt illi tal-ewwel, li jirreferi għal nuqqas ta’ motivazzjoni jew għal motivazzjoni insuffiċjenti, jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali, skont l-Artikolu 230 KE u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem mill-qorti Komunitarja, it-tieni, li jikkonċerna l-legalità fil-mertu ta’ deċiżjoni, jaqa’ taħt il-ksur ta’ dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tat-Trattat, skont l-istess Artikolu 230 KE, u jista’ jiġi eżaminat mill-qorti Komunitarja biss jekk ikun invokat mir-rikorrent. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa kwistjoni distinta minn dik tal-fondatezza tal-motivazzjoni.

(ara l-punt 245)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

9 ta’ Settembru 2011 (*)

“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva trifluralin – Nuqqas ta’ inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE – Rikors għal annullament – Proċedura ta’ evalwazzjoni – Studju ġdid u studju addizzjonali – Termini – Kunċetti ta’ ‘riskju’ u ta’ ‘periklu’ – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Abbozz ta’ rapport ta’ reviżjoni – Abbozz ta’ direttiva jew ta’ deċiżjoni – Termini – Konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni eventwali – Aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Deċiżjoni 1999/468/KE, imsejħa ‘komitoloġija’ –Regolament (KE) Nru 850/2004 – Artikolu 3(3) – Eċċezzjoni ta’ illegalità”

Fil-Kawża T-475/07,

Dow AgroSciences Ltd, stabbilita f’Hitchin (ir-Renju Unit), u l-20 rikorrent l-ieħor li isimhom huwa mniżżel fl-Anness, irrappreżentati minn C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Parpala u B. Doherty, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/629/KE, tal-20 ta’ Settembru 2007, dwar in-noninklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza (ĠU L 255, p. 42),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        It-trifluralin hija sustanza attiva użata bħala erbiċida b’azzjoni mifruxa selettiva, li tappartjeni għall-klassi tal-erbiċidji tat-tip dinitroanilina. Din tista’ tintuża sabiex jiġu kkontrollati l-gramineae u l-ħaxix ħażin dicotyledoneae. It-trifularin tiġi assorbita mill-għeruq u mis-sistema werqi u tħares kontra l-qsim ċellulari. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, it-trifularin tiġi inkorporata fil-ħamrija biex jiġi evitat li tiddegrada ruħha fid-dawl tax-xemx.

2        It-trifluralin taqa’ taħt it-tieni fażi tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11 p. 332) u tappartjeni għal-lista ta’ sustanzi sottomessa għall-proċeduri stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 451/2000, tat-28 ta’ Frar 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 28 p. 292).

3        Il-prodott ippreparat rappreżentattiv għall-evalwazzjoni li għandha titwettaq skont id-Direttiva 91/414 huwa l-“EF 1521” (imsejjaħ ukoll Treflan), jiġifieri konċentrat li jista’ jiġi emulsjonat, irreġistrat fl-Ewropa taħt ismijiet kummerċjali differenti.

4        Dow AgroSciences Ltd (l-ewwel parti rikorrenti), Makhteshim Agan Holding BV (it-tieni parti rikorrenti), permezz taċ-ċentru internazzjonali ta’ koordinazzjoni tagħha, Makhteshim Agan International Coordination Center (it-tielet parti rikorrenti), Dintec Agroquímica Produtos Químicos Lda (ir-raba’ parti rikorrenti) u Finchimica SpA (il-ħames parti rikorrenti) indikaw lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ix-xewqa tagħhom illi t-trifluralin tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. L-ewwel rikorrenti ppreżentat in-notifika tagħha fil-25 ta’ Awwissu 2000, kemm f’isimha proprju kif ukoll f’isem ir-raba’ u l-ħames rikorrenti. It-tieni u t-tielet rikorrenti ppreżentaw in-notifika tagħhom fid-29 ta’ Awwissu 2000.

5        In-notifiki kollha [Annessi A.3 u A.4] saru qabel l-iskadenza tat-terminu, stabbilit għall-31 ta’ Awwissu 2000, kif previst fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 451/2000.

6        Il-partijiet kollha li nnotifikaw it-talba tagħhom ta’ inklużjoni jipproduċu jew jiffabbrikaw it-trifluralin jew prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti bbażati fuq it-trifluralin, jew għandhom awtorizzazzjonijiet nazzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni jew għall-bejgħ ta’ dawn il-prodotti f’wieħed jew f’bosta Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

7        Il-European Union Trifluralin Taskforce (EUTTF) (grupp ta’ ħidma tal-Unjoni Ewropea dwar it-trifluralin), li għandu r-rwol li jikkoordina l-isforzi tal-impriżi notifikanti biex jikkomunikaw mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tat-trifluralin, ġie kkostitwit f’Marzu 2001 bil-parteċipazzjoni ta’ Agan Chemical Manufacturers Ltd u ta’ Dintec Agroquímica Produtos Químicos Lda.. Din tal-aħħar hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li tiġbor fiha lil Dow AgroSciences BV (is-sitt rikorrenti) u lil Suroholi – Comercio Internacional e Servicios Lda.

8        Dow AgroSciences BV issuċċediet lil Dow AgroSciences Ltd bħala awtriċi tan-notifika u ġiet miżmuma bħala tali mill-Kummissjoni.

9        Ir-Repubblika Elennika ġiet maħtura bħala Stat Membru relatur inkarigat mill-evalwazzjoni tat-trifluralin, kif previst fil-Parti B, tal-Anness I tar-Regolament Nru 451/2000.

10      Ir-rikorrenti ppreżentaw il-fajls tagħhom lill-Istat Membru relatur fl-24 ta’ April 2002.

11      L-Istat Membru relatur ippreżenta l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu fil-11 ta’ Lulju 2003. F’dan ir-rapport huwa rrakkomanda l-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, bil-kundizzjoni li jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet: purità minima tat-trifluralin ta’ 950 g/kg, minn naħa, u t-teħid ta’ miżuri biex jitnaqqsu r-riskji fid-dawl tal-protezzjoni, mill-Istati Membri, tal-organiżmi akwatiċi meta huma joħorġu awtorizzazzjonijiet, min-naħa l-oħra.

12      Għal dak li jikkonċerna l-ekotossikoloġija, il-punt 4.9 tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Istat Membru relatur jippreċiża:

“Biex jitnaqqas ir-riskju li għalih huma esposti l-organiżmi akwatiċi jew biex titnaqqas l-estensjoni taż-żoni ta’ lqugħ mhux ittrattati, in-notifkant jista’ jipprevedi li jwettaq testijiet ġodda esperimentali, biex jindirizza tħassib partikolari fil-livell tal-Istat Membru. Studji bħal dawn ma jikkostitwixxux kundizzjoni meħtieġa għall-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I [tad-Direttiva  91/414].”

13      L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) bagħtet l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni lill-Istati Membri u lin-notifikanti, fl-24 ta’ Lulju 2003, sabiex tinbeda r-reviżjoni inter pares prevista mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000.

14      Bosta Stati Membri ressqu kummenti bil-miktub dwar l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni u tnejn fosthom, f’din l-okkażjoni, esponew it-tħassib tagħhom dwar il-persistenza, il-bijoakkumulazzjoni u l-volatilità kbira tat-trifluralin, u kienu tal-opinjoni li din is-sustanza attiva ma kellhiex tiġi awtorizzata.

15      Waqt l-ewwel laqgħa tal-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni” tal-EFSA, li saret fil-15 ta’ Jannar 2004 u li għaliha attendew ir-rappreżentanti tal-impriżi notifikanti u tal-European Crop Protection Association (Assoċjazzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Kultivazzjonijiet), dawn il-kummenti ġew irtirati u ġie ddikjarat illi tinħtieġ data diversa addizzjonali li tikkonċerna b’mod partikolari l-istabbiltà tas-sustanza fil-mument tal-ħażna tagħha, it-tul tal-eżistenza tagħha, il-metodi ta’ analiżi biex jiġu ddeterminati l-impuritajiet, it-tossiċità għall-mammiferi, studju tal-metaboliżmu għaż-żerriegħa taż-żejt, kif ukoll bosta studji li jikkonċernaw l-imġieba u l-effett aħħari tas-sustanza fuq l-ambjent.

16      Fit-3 ta’ Marzu 2004, ir-rappreżentant tan-notifikanti bagħat posta elettronika lill-EFSA bil-kontenut segwenti:

“Irċevejna t-tabella ta’ evalwazzjoni relatata mat-trifluralin li bagħtilna l-Istat Membru relatur u qegħdin fil-proċess li nelaboraw l-osservazzjonijiet tagħna. Madankollu, neħtieġu l-opinjoni tagħkom fuq punt partikolari.

Jirriżulta mill-punt 2.4 tal-ewwel kolonna tat-tieni parti [tat-tabella ta’ evalwazzjoni relatata mat-trifluralin] illi ‘n-notifikant għandu jippreżenta t-testijiet tal-ġenotossiċità […] u t-testijiet tat-tossoċità orali akuta għall-metaboliti veġetali TR-22 u TR-28 jew studju tal-metaboliżmu alternattiv taż-żerriegħa taż-żejt li jinkludi l-identifikazzjoni tal-metaboliti fiż-żerriegħa’. Kif spjegajna waqt il-laqgħa ta’ evalwazzjoni, l-ispeċjalisti fil-kimika tas-sintesi tagħna indikaw illi jkun diffiċli ħafna u jieħu ħafna żmien biex jiġu prodotti kwantitajiet suffiċjenti ta’ TR-28 li bihom jiġu mwettqa l-istudji ta’ tossiċità u li għalhekk forsi jkun iktar faċli, iktar effikaċi u iktar utli li jsir studju tal-metaboliżmu taż-żerriegħa taż-żejt li jinkludi l-identifikazzjoni tal-metaboliti fiż-żerriegħa, peress illi l-porzjonijiet ittrattati ta’ dawn il-partijiet tal-pjanta huma dawk ikkunsmati mill-bniedem u mill-annimali. Tistgħu, jekk jogħġobkom, tagħtuna l-opinjoni tagħkom dwar it-terminu għall-preżentata ta’ studju ġdid dwar il-metaboliżmu, peress li dan ma huwiex studju fuq medda qasira ta’ żmien?”

17      Permezz ta’ posta elettronika tal-5 ta’ Marzu 2004, ingħatat it-tweġiba segwenti għall-posta elettronika tal-EFSA:

“Fil-posta elettronika tagħkom tat-3 ta’ Marzu, tqajmet il-kwistjoni tal-informazzjoni rikjesta għal studji ġodda dwar il-metaboliti veġetali TR-22 u TR-28 tat-trifluralin.

Dawn ir-rekwiżiti ġew diskussi u miftehma mill-Istati Membri waqt l-aħħar laqgħa ta’ evalwazzjoni u ġew miżjuda, flimkien ma’ rekwiżiti oħra relatati mad-data, fit-tabella ta’ evalwazzjoni. Issa huwa l-kompitu tagħkom li tindirizzaw dawn ir-rekwiżiti jew billi tippreżentaw l-informazzjoni mitluba, jew billi tikkonfermaw illi l-informazzjoni mitluba ser tiġi pprovduta.

Fid-dawl ta’ din, ir-reviżjoni inter pares tat-trifluralin ser tkompli tosserva t-termini stabbiliti fir-Regolament [tal-Kummissjoni] (KE) Nru 1490/2002, [tal-14 t’Awwissu 2002, li jwaqqf regoli oħra għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ xogħol li jissemma fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 451/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36 p. 524.)]. L-informazzjoni eventwali li għadha ma ġietx ipprovduta ser tissemma’ fil-konklużjonijiet tal-EFSA dwar l-evalwazzjoni tar-riskji.”

18      Minħabba n-nuqqas ta’ qbil ta’ ċerti Stati Membri dwar ir-rapport tal-Istat Membru relatur, ġie deċiż li l-kwistjoni tiġi rreferita lis-sezzjonijiet tal-European Pesticides Co-ordination (Koordinazzjoni Ewropea dwar il-pestiċidji, iktar ’il quddiem l-“EPCO”), jiġifieri s-segretarjat operattiv – kompost minn uffiċjali tal-Bundesamt für Verbraucherschutz und Lebensmittelsicherheit (Uffiċċju Federali għall-protezzjoni tal-konsumaturi u għas-sigurtà fl-ikel) u tal-UK Pesticides Safety Directorate (Direttorat Ġenerali għas-sigurtà fil-pestiċidji tar-Renju Unit) – inkarigat, fi ħdan l-EFSA, mill-organizzazjoni prattika tas-sezzjonijiet tal-esperti inkarigati mir-reviżjoni inter pares.

19      L-evalwazzjoni, imwettqa minn esperti tekniċi tal-Istati Membri, bl-għan li jiġu eżaminati mill-ġdid l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni u l-kummentarji li pprovoka, saret f’Ġunju 2004, perijodu li matulu nżammu sitt laqgħat tal-EPCO, u li matulhom ġiet eżaminata t-trifluralin, iżda wkoll sustanzi oħra:

–        27 u 28 ta’ April 2004: it-tieni laqgħa tal-EPCO (evoluzzjoni u mġieba fl-ambjent) ;

–        28 u 29 ta’ April 2004: it-tielet laqgħa tal-EPCO (ekotossikoloġija) ;

–        10 sat-12 ta’ Mejju 2004: ir-raba’ laqgħa tal-EPCO (tossikoloġija fuq il-mammiferi) ;

–        11 u 12 ta’ Mejju 2004: il-ħames laqgħa tal-EPCO (residwi u metodi analitiċi) ;

–        15 u 16 ta’ Mejju 2004: is-sitt laqgħa tal-EPCO (karatteristiċi fiżiċi u kimiċi) ;

–        22 ta’ Ġunju 2004: it-tmien laqgħa tal-EPCO (ekotossikoloġija).

20      Fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-esperti tal-EPCO li nżammet fit-22 ta’ Ġunju 2004 (p. 93 u 94), hemm indikat kif ġej:

“Rekwiżiti ġodda relatati mad-data: huwa meħtieġ li jintużaw il-KAP [konċentrazzjonijiet ambjentali previsti] inizjali flimkien mal-KMEO [konċentrazzjoni mingħajr effett osservat] ta’ 0.3µg/l għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ġdida tar-riskji. Jekk in-notifikant ma jaqbilx fuq dan il-punt, ikunu meħtieġa studji addizzjonali b’sistemi differenti ta’ espożizzjoni, biex ikun jista’ jiġi ddeterminat il-perijodu ta’ espożizzjoni l-iktar kritiku.

In-notifikant għandu jippreżenta studji ta’ espożizzjoni li jinkludu perijodi differenti ta’ espożizzjoni u li jużuw il-fathead minnow [pimephales promelas] bħala l-ispeċi ta’ ħuta l-iktar sensittiva.”

21      Fil-posta elettronika tas-6 ta’ Ottubru 2004 illi indirizza lin-notifikanti, l-Istat Membru relatur indika:

“Hawn annessi ssibu r-rekwiżiti relatati mad-data għall-ekotossikoloġija u r-residwi kif ippreżentati fit-tabella ta’ evalwazzjoni għat-trifluralin li ġiet prodotta wara l-laqgħat tal-EPCO. Il-partijiet relatati mal-eżitu, mal-imġieba u mat-tossikoloġija ma għandhom l-ebda rekwiżiti ta’ data u s-sezzjoni tal-fiżika/kimika u metodi analitiċi ma ppreparatx il-parti tagħha, peress illi għadha qed tistenna kjarifika mill-EPCO fuq kwistjoni.”

22      Ma’ din il-posta elettronika tas-6 ta’ Ottubru 2004 ġie miżjud it-test tar-rapport tal-laqgħa tal-esperti tal-EPCO, imsemmi fil-punt 20 iktar ’il fuq.

23      Waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni” organizzata mill-EFSA fit-8 u d-9 ta’ Novembru 2004, li għaliha attendew in-notifikanti, l-Istat Membru relatur indika li huma kienu ser jipprovdu ċerta data – f’dan il-każ l-istudju dwar it-tossiċità kronika għall-ħut – f’Lulju 2005.

24      Waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni” organizzata mill-EFSA fit-8 u d-9 ta’ Frar 2005, li għaliha attendew ukoll in-notifikanti, ġie indikat, għal dak li jikkonċerna l-ekotossikoloġija, kif ġej:

“Żewġ rekwiżiti relatati mad-data għadhom jistgħu jiġu kkompletati għal dak li jikkonċerna [din il-parti]. Sal-lum għadha ma ngħatat l-ebda informazzjoni”.

25      Wara din il-laqgħa, l-Istat Membru relatur informa lin-notifikanti, permezz ta’ posta elettronika tat-22 ta’ Frar 2005, bl-elementi segwenti:

“L-abbozz tal-konklużjonijiet tal-EFSA dwar it-trifluralin sar definittiv wara diskussjonijiet twal, li saru waqt laqgħa fuq medda ta’ tliet ijiem. Dan huwa dovut għal:

–        osservazzjonijiet ippreżentati tard minn Stat Membru, dwar il-karatteristiċi tal-PBT [persistenza, bijoakkumulazzjoni u tossiċità] u l-POP [pollutant organiku persistenti] tat-trifluralin;

–        emenda ġdida mressqa minn Stat Membru li tieħu inkunsiderazzjoni r-regolament il-ġdid tal-Kunsill dwar il-POP […].

Għalkemm ma kien hemm l-ebda evalwazzjoni mill-EFSA jew mill-Istat Membru relatur fuq il-karatteristiċi tal-POP tat-trifluralin, il-laqgħa qieset illi kellu jiddaħħal paragrafu dwar dan il-punt fil-konklużjonijiet tal-EFSA, biex tinġibed l-attenzjoni dwar il-kwistjoni tal-POP.

Għalkemm il-kwistjoni tal-POP ma tirrappreżentax kriterju għan-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, mir-regolament imsemmi’ iktar ’il fuq jirriżulta li sustanza li hija kklasifikata bħala POP għandha tiġi rtirata mis-suq tal-[Unjoni Ewropea].

Dan il-punt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-laqgħa ‘Leġiżlazzjoni’ tal-Kummissjoni meta din tiddiskuti l-każ tat-trifluralin.

Madankollu, ma rċevejna ebda informazzjoni uffiċjali dwar l-istadji u d-dati ta’ dawn il-laqgħat li jmisshom jinżammu fil-ġejjieni”.

26      L-EFSA tat l-opinjoni tagħha fl-14 ta’ Marzu 2005.

27      L-opinjoni tal-EFSA tinkludi lista ta’ tmien studji li kellhom jitwettqu jew li kienu għadhom għaddejjin, b’indikazzjoni, għal kull wieħed minnhom, ta’ data potenzjali ta’ sottomissjoni mogħtija min-notifikanti, li tvarja bejn Lulju 2005 u Marzu 2006, jew indikazzjoni li l-ebda data utli ma kienet ġiet indikata min-notifikanti. Fost dawn l-istudji, kien hemm, b’mod partikolari, l-istudju dwar it-tossiċità kronika għall-ħut.

28      L-EFSA tippreċiża, f’din l-opinjoni, illi hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni r-Regolment Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8 p. 465.), minħabba d-dħul fis-seħħ tiegħu fi stadju avvanzat tar-reviżjoni inter pares, iżda li l-informazzjoni disponibbli evalwata f’din l-okkażjoni kellha tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jevalwaw ukoll it-trifluralin fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

29      Fil-konklużjonijiet tagħha, l-EFSA tikkomunika l-oqsma ta’ tħassib segwenti, billi tindika li kien għad hemm il-ħtieġa ta’ diversi studji:

–        tossiċità għolja għall-organiżmi akwatiċi, b’mod partikolari għall-ħut;

–        riskju għoli ta’ bijoakkumulazzjoni;

–        persistenza kunsiderevoli fil-ħamrija;

–        riskju ta’ propagazzjoni fl-arja fuq distanza kbira, minħabba l-volatilità għolja tagħha.

30      Fir-rigward tat-tossiċità għolja għall-organiżmi akwatiċi, l-EFSA tqis illi tinħtieġ data ġdida u li l-evalwazzjoni tar-riskju f’dan ir-rigward tista’ tiġi konkluża biss wara l-analiżi ta’ din id-data (p. 33 u 34 tar-rapport). Hija tqis illi miżuri idonei għat-tnaqqis tar-riskji huma meħtieġa fir-rigward tar-riskju għoli għall-organiżmi akwatiċi (p. 35 tar-rapport).

31      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Mejju 2005 indirizzata lil Dow AgroSciences, il-Kummissjoni stiednet lir-rikorrenti jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-konklużjonijiet tar-rapport finali tal-EFSA, fi żmien erba’ ġimgħat mill-jum li fih irċevew din l-ittra. F’din l-ittra hija indikat ukoll illi minħabba t-termini stretti marbuta mal-proċedura ta’ evalwazzjoni, ma kienu ser jiġu aċċettati l-ebda studji addizzjonali jew emendi għall-użu nnotifikat.

32      F’ittra tat-23 ta’ Ġunju 2005 indirizzata lil Dow AgroSciences, il-Kummissjoni fakkret għal darba oħra li hija ma setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-ebda data jew studju ġdid u li l-kummentarji ma setgħux iservu sabiex terġa’ tinfetaħ il-proċedura ta’ evalwazzjoni. Hija ppreċiżat, barra minn hekk, illi kienet qed tirrifjuta li twieġeb għall-mistoqsijiet tekniċi magħmula mir-rikorrenti, kif ukoll li tagħti indikazzjonijiet dwar il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri f’dan ir-rigward.

33      Abbozz ta’ direttiva intiż sabiex it-trifluralin tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, iddaħħal fl-aġenda tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali (KPKASA) tal-14 u l-15 ta’ Lulju 2005 u r-rikorrenti ġew informati dwar dan permezz ta’ posta elettronika mill-Istat Membru relatur.

34      L-aġenda tal-laqgħa sussegwenti tal-KPKASA, li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Settembru 2005, issemmi mill-ġdid l-abbozz ta’ direttiva intiż għall-inklużjoni tat-trifularin.

35      F’nota tal-21 ta’ Ottubru 2005, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Ambjent” tal-Kummissjoni qies illi kien meħtieġ illi t-trifluralin tkun is-suġġett ta’ eżami mmexxi mis-sottogrupp “Technical Committee on New and Existing Substances” (Kumitat tekniku dwar is-sustanzi ġodda u eżistenti, iktar ’il quddiem “is-sottogrupp TC-NES”) fir-rigward tal-kriterji tal-Pollutanti Organiċi Persistenti (iktar ’il quddiem il-“POP”). F’din in-nota d-DĠ “Ambjent” ippropona, fid-dawl tat-termini qosra stabbiliti mid-Direttiva 91/414, li t-trifluralin għandha tiġi sottomessa lil grupp ta’ esperti mill-iktar fis possibbli, minkejja n-nuqqas ta’ deċiżjoni formali fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Huwa indika li tali opinjoni kienet tkun ta’ għajnuna kbira għall-KPKASA u għall-Kummissjoni, fil-proċedura mwettqa fil-kuntest tad-Direttiva 91/414. F’din l-istess nota, id-DĠ “Ambjent” esprima x-xewqa li s-sottogrupp TC-NES jiddiskuti dan il-punt waqt il-laqgħa tal-25 u s-26 ta’ Ottubru 2005.

36      Waqt il-laqgħa tas-17 u t-18 ta’ Novembru 2005 tal-KPKASA, ġie indikat illi l-fajl kien intbagħat lis-sottogrupp TC-NES.

37      F’ittra tas-6 ta’ Jannar 2006, l-EUTTF ħa nota tal-eżami mwettaq abbażi tal-kriterji POP u ssottometta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-evalwazzjoni lis-sottogrupp TC-NES.

38      Fid-19 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrenti bagħtu ittra lill-Kummissjoni, biex jikkontestaw il-legalità tal-evalwazzjoni tat-trifluralin fir-rigward tal-kriterji POP fil-kuntest tal-evalwazzjoni stabbilita mid-Direttiva 91/414.

39      F’dokument ta’ ħidma mħejji mid-DĠ “Ambjent”, tat-3 ta’ Frar 2006, ġie b’mod partikolari ppreċiżat kif ġej:

“Ġie kkonstatat illi t-trifluralin setgħet tkun POP u, fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 91/414, is-sottogrupp […] TC-NES irreveda l-fajl fid-dawl tal-kriterji ta’ selezzjoni tal-POP […].

Il-konklużjoni tas-sottogrupp […] kienet illi t-trifluralin tissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni li jippermettulha tiġi kklassifikata bħala POP. Madankollu, din il-konklużjoni saret bil-ħsieb illi ċerti osservazzjonijiet jindikaw li l-konklużjonijiet dwar ir-rilevanza tal-persistenza għall-identifikazzjoni ta’ tħassib planetarju jistgħu jeħtieġu investigazzjoni iktar iddettaljata.

Il-każ tat-trifluralin huwa l-ewwel tat-tip tiegħu taħt id-Direttiva 91/414 u, waqt il-laqgħa tiegħu, il-grupp ta’ ħidma ‘Leġiżlazzjoni’, li huwa kompetenti f’dan il-qasam, ma setax jasal għal ftehim dwar il-mod ta’ kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 850/2004 f’każ ta’ dan it-tip. Għaldaqstant, il-grupp ta’ ħidma ddeċieda li jitlob l-opinjoni tal-awtoritajiet kompetenti tar-Regolament Nru 850/2004 fuq din il-kwistjoni.

[…]

Konklużjoni

It-trifluralin hija eżempju ta’ sustanza attiva eżistenti, użata fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fiha karatteristiċi tal-POP. Għaldaqstant, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 850/2004 għandu jiġi applikat għall-finijiet tal-eżami tal-inklużjoni eventwali tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u għall-finijiet tal-għoti ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali lil prodott partikolari għall-protezzjoni tal-pjanti li fih it-trifluralin.

Il-kliem tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 850/2004, relatat mas-sustanzi kimiċi u mal-pestiċidji eżistenti, jagħti marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet involuti fis-sistemi ta’ evalwazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni. Fil-każ ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, intenzjonalment applikat għall-uċuħ tar-raba’ u għalhekk jinfirex fin-natura, l-espożizzjoni ma tistax tkun kompletament eliminata ħlief bil-projbizzjoni tal-użu ta’ tali prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Madankollu, wieħed ma jistax jiddeduċi direttament, mir-regolament jew mill-Konvenzjoni ta’ Stokkolma [dwar il-POP, iffirmata fit-22 ta’ Mejju 2001] l-obbligu li tiġi eliminata kwalunkwe espożizzjoni. Huma għalhekk l-awtoritajiet illi jaħdmu fil-kuntest tas-sistema ta’ evalwazzjoni u awtorizzazzjoni li għandhom jiddeċiedu każ b’każ dak li jista’ jitqies bħala ‘miżura idonea ta’ kontroll’ ta’ sustanza li tixbah lil POP.

L-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-POP huma mitluba jiddiskutu din il-kwistjoni mal-kontroparti tagħhom li jaħdmu fil-kuntest tad-Direttiva 91/414, qabel il-laqgħa, jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq il-kwistjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, u jekk possibbli, jaqblu fuq opinjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament, li tista’ tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti tad-Direttiva 91/414.”

40      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Marzu 2006, il-Kummissjoni wieġbet għall-posta elettronika tar-rikorrenti tad-19 ta’ Jannar 2006, minn naħa, billi indikat illi l-EFSA assumiet waħedha r-responsabbiltà għall-kontenut tar-rapport tagħha u, min-naħa l-oħra, billi fakkret is-separazzjoni funzjonali bejn l-EFSA u l-Kummissjoni.

41      Fis-17 ta’ Mejju 2006, ir-rikorrenti ppreżentaw lill-Istat Membru relatur studju dwar it-tossiċità kronika għall-ħut, li twettaq f’Marzu 2005 minn laboratorju indipendenti u akkumpanjat minn evalwazzjoni aġġornata dwar ir-riskju kroniku. Dan l-istudju ġie wkoll sottomess lill-Kummissjoni fit-12 ta’ Ġunju 2006, li kkomunikatu lill-Istati Membri billi poġġietu fuq il-paġna tal-internet tal-Kummissjoni intitolata “Circa”.

42      Jirriżulta minn abbozz tal-minuti tal-laqgħa tal-KPKASA tat-22 u t-23 ta’ Mejju 2006, li l-aġenda tiegħu kienet tinkludi l-eżami ta’ proposta għal deċiżjoni għan-nuqqas ta’ inklużjoni, tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 illi l-Kummissjoni qieset li l-istudju dwar it-tossiċità kronika, sottomess mir-rikorrenti, kien tardiv u li għalhekk ma kienx hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni.

43      Waqt il-laqgħa tal-KPKASA tat-13 u l-14 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni ssottomettiet mill-ġdid proposta għal deċiżjoni għan-nuqqas ta’ inklużjoni tat-trifluralin, fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Il-minuti ta’ din il-laqgħa madankollu jindikaw li:

“Kummenti u studju tardiv dwar ir-riskju kroniku [tat-trifluralin] għall-ħut ġew iċċirkulati […] Peress illi d-diskussjoni interna għadha ma ġietx iffinalizzata, l-ebda proposta għadha ma tista’ tiġi vvotata”.

44      Il-minuti tal-laqgħa tal-KPKASA tat-28 u d-29 ta’ Settembru 2006, li l-aġenda tiegħu kienet għal darba oħra tinkludi s-sitwazzjoni legali tat-trifluralin, jindikaw:

“Ċertu numru ta’ Stati Membri jitolbu konklużjoni ta’ din il-fajl mill-iktar fis possibbli. Il-Kummissjoni tispjega li ma jista’ jittieħed l-ebda vot, peress illi l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni interna ma setgħetx tiġi ffinalizzata.”

45      Il-fajl kien mill-ġdid fuq l-aġenda tal-laqgħat tal-KPKASA tat-23 u l-24 ta’ Novembru 2006 u tat-22 u tat-23 ta’ Jannar 2007, mingħajr ma ttieħed l-ebda vot.

46      Il-minuti tal-laqgħa tat-23 u l-24 ta’ Novembru 2006 jindikaw:

“Il-Kummissjoni tistqarr illi t-tossiċità kronika għall-ħut kienet punt ta’ nuqqas ta’ qbil bejn in-notifikant, l-Istat Membru relatur u l-EFSA matul il-proċedura kollha, li x’aktarx jindika li mhux possibbli li tittieħed deċiżjoni dwar dan l-istudju mingħajr reviżjoni inter pares f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tistqarr ukoll it-tħassib tagħha fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data li ma kinitx is-suġġett ta’ reviżjoni inter pares jew ta’ data użata f’livell nazzjonali. Hija tfakkar il-prinċipju ta’ sistema li tfakkar tistenna lill-Kummissjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-provi xjentifiċi pprovvduti mill-EFSA. Kull proċediment differenti ikun mhux biss illegali iżda jirrovina l-proċess ta’ eżami li għaddej bħalissa.

[Ir-Repubblika tal-Ġermanja] tiddikjara li, skont id-Direttiva 91/414, hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-istat l-iktar reċenti tal-għarfien xjentifiku fl-eżami tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni. Hija ma tistax tinjora dan l-istat tal-għarfien xjentifiku meta hija għandha parallelament tadotta pożizzjoni nazzjonali dwar il-kwistjoni tal-inklużjoni fl-Anness I tas-sustanza attiva inkwistjoni.”

47      Fis-16 ta’ Marzu 2007, il-KPKASA ta opinjoni favur in-nuqqas ta’ inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

48      Kif jixhed ir-rapport tal-laqgħa, bosta Stati Membri, madankollu, ressqu osservazzjonijiet f’din l-okkażjoni, fosthom l-Istat Membru relatur, li talab li tiġi inkluża fil-minuti dikjarazzjoni li huwa kien lest jivvota favur il-proposta għan-nuqqas ta’ inklużjoni tat-trifluralin, sabiex jippermetti lin-notifikanti jibbenefikaw mill-perijodu sussegwenti ta’ 18-il xahar biex jissottomettu formalment l-istudju dwar it-tossiċità kronika għall-ħut u sabiex huwa jkun jista’, bħala Stat Membru relatur, jevalwa uffiċjalment dan tal-aħħar.

49      Fl-20 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni dwar in-noninklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom din is-sustanza (ĠU L 255, p. 42) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).

50      Id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi s-segwenti:

“(4) Ir-rapport ta’ valutazzjoni saritlu reviżjoni inter pares mill-Istati Membri u l-EFSA fil-Valutazzjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tiegħu u kien ippreżentat lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Marzu 2005 fil-format tal-konklużjoni ta’ l-EFSA fir-rigward tar-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva trifluralin. Dan ir-rapport ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan i[l-KPKASA] u ġie ffinalizzat fit-16 ta’ Marzu 2007 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għat-trifluralin.

(5) Matul il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, qam xi tħassib. It-Trifluralin għandu tossiċità għolja għal organiżmi akwatiċi, b’mod partikolari l-ħut. Hija wkoll persistenti ħafna fil-ħamrija u mhijiex faċilment bijodegradabbli. Barra minn dan, turi potenzjal għal akkumulazzjoni. B’mod partikolari, taqbeż b’mod sinifikanti l-fattur massimu ta’ bijokonċentrazzjoni (BCF) stipulat fid-Direttiva 91/414 […] għal organiżmi akwatiċi, li turi potenzjal għal bijoakkumulazzjoni f’organiżmi tali. Minħabba l-volatilità għolja tagħha, il-moviment tagħha minn ġo l-arja ma jistax jiġi eskluż u, minkejja degradazzjoni fotokimika rapida, programmi ta’ monitoraġġ urew migrazzjoni lejn postijiet ‘il bogħod mill-applikazzjoni. Dan it-tħassib wera li t-trifluralin ma jilħaqx il-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 […].

(6) Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant sabiex iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-riżultati tar-reviżjoni inter pares u dwar jekk hux bi ħsiebu jkompli jappoġġja s-sustanza. In-notifikant ippreżenta l-kummenti tiegħu li ġew eżaminati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa, it-tħassib imsemmi hawn fuq baqa’ ma ssolviex, u l-valutazzjonijiet li saru abbażi tat-tagħrif ippreżentat u vvalutat matul il-laqgħat esperti ta’ l-EFSA ma wrewx li wieħed jista’ jistenna li, fil-kundizzjonijiet proposti ta’ użu, prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-trifluralin jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414 […].

(7) Għalhekk, it-trifluralin ma għandux jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 […].

[…]

Artikolu 1

It-trifluralin ma għandux jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414[…].

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

a)      l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-trifluralin jiġu rtirati sa l- 20 ta’ Marzu 2008;

b)      l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom it-trifluralin mhi se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kull perjodu ta’ konċessjoni mogħti mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414 […], għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mill-20 ta’ Marzu 2009.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.”

51      Fil-11 ta’ April 2008, ir-rikorrenti informaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jressqu talba ġdida għall-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, kif jippermetti r-Regolament (KE) Nru 33/2008, tas-17 ta’ Jannar 2008, li jistipula regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414 fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I tagħha (ĠU L 15, p. 5).

52      Id-deċiżjoni kkontestata ġiet imħassra permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/355/UE, tal-25 ta’ Ġunju 2010, dwar li ma għandux jiġi inkluż it-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (ĠU L 160, p. 30).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

53      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors, abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, għall-annulament tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll għad-dikjarazzjoni tal-illegalità tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 850/2004.

54      Permezz ta’ att separat, irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Marzu 2008, Dow AgroSciences Ltd, Dow AgroSciences LLC, Dow AgroSciences, Dow AgroSciences Export, Dow AgroSciences BV, Dow AgroSciences Hungary kft, Dow AgroSciences Italia Srl, Dow AgroSciences Polska sp. z.o.o., Dow AgroSciences Iberica SA, Dow AgroSciences s.r.o., Dow AgroSciences Danmark A/S, Dow AgroSciences GmbH, Dintec Agroquímica ‑ Produtos Químicos Lda u Finchimica Spa ressqu talba, abbażi tal-Artikolu 242 KE, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2008.

55      Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni għarrfet lill-Qorti Ġenerali li hija kienet adottat id-Deċiżjoni 2010/355, li permezz tagħha hija kienet iddeċidiet, wara l-proċedura stabbilita fir-Regolament Nru 33/2008, minn naħa, li ma tinkludix it-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u, min-naħa l-oħra, li tħassar id-deċiżjoni kkontestata.

56      Fit-3 ta’ Settembru 2010, il-Qorti Ġenerali għamlet domanda bil-miktub lill-partijiet, dwar il-konsegwenzi li kellhom jirriżultaw mit-tħassir tad-deċiżjoni kkontestata.

57      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Settembru 2009, Dow AgroSciences Ltd u Dintec Agroquímica ‑ Produtos Químicos Lda ppreżentaw rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni 2010/355, li hija s-suġġett tal-Kawża T‑446/10.

58      Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fil-kawża preżenti, sa fejn, skont hija, fid-dawl tat-tħassir tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikors kien tilef l-għan tiegħu.

59      Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti sostnew illi huma kien għad kellhom interess jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u talbu li jiġu awtorizzati jemendaw it-talbiet tagħhom biex jestendu t-talba għal annullament tagħhom għad-Deċiżjoni 2010/355.

60      Il-partijiet ikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-talbiet rispettivi tagħhom permezz ta’ ittri tal-15 ta’ Ottubru 2010.

61      Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali indirizzata lill-partijiet fid-9 ta’ Novembru 2010, dawn tal-aħħar ġew informati, b’mod partikolari, dwar il-fatt illi l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti l-possibbiltà li jemendaw it-talbiet tagħhom sabiex jestendu t-talba għal annullament tagħhom għad-Deċiżjoni 2010/355, peress illi l-Qorti Ġenerali nnotat illi, sa dak iż-żmien, kien ġie ppreżentat rikors għal annullament minn AgroSciences Ltd u minn Dintec Agroquímica ‑ Produtos Químicos Lda kontra din id-deċiżjoni.

62      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkonstata l-illegalità u l-inapplikabbiltà fir-rigward tagħhom tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 850/2004 fir-rigward tal-eżami tat-trifluralin;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minnhom b’interessi ta’ 8 %.

63      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara t-talba għall-anullament tad-deċiżjoni kkontestata nieqsa minn kull skop u għaldaqstant, tiċħad ir-rikors għal annullament tar-rikorrenti bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

–        tiċħad l-ilment ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 850/2004;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tal-kawża

64      Il-Kummissjoni essenzjalment tisħaq illi r-rikorrenti tilfu kull interess li jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress illi din tal-aħħar ġiet imħassra permezz tad-Deċiżjoni 2010/355.

65      Ir-rikorrenti jikkontestaw dan l-argument.

66      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku ta’ rikorrent fid-dawl tas-suġġett tar-rikors għandu jiġi evalwat, taħt piena ta’ inammissibbiltà, fil-ġurnata tal-preżentata tar-rikors. Barra minn hekk, l-interess tar-rikorrent li jikseb sodisfazzjon għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-qorti, taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs L-Awtorità Għolja, 14/63, Ġabra p. 719, 748, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42).

67      Fil-fatt, skont ġurisprudenza ugwalment stabbilita, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward ta’ talba għal annullament meta r-rikorrent ikun tilef l-interess tiegħu fl-annullament tal-att ikkontestat minħabba avveniment li jkun seħħ matul l-istanza (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ottubru 2005, First Data et vs Il‑Kummissjoni, T‑28/02, Ġabra p. II‑4119, punti 36 u 37, u l-ġurisprudenza ċċitata) li jfisser li l-annullament ta’ dan l-att, fih innifsu, ma jistax ikollu konsegwenzi legali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 1997, Arbeitsgemeinschaft Deutscher Luftfahrt-Unternehmen u Hapag-Lloyd vs Il-Kummissjoni, T‑25/96, Ġabra p. II‑363, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Madankollu, ir-rikorrent jista’ jkompli jiġġustifika interess li jikseb l-annullament ta’ att li ġie mħassar, sa fejn it-tħassir ma jwassalx għall-istess effetti legali ta’ annullament eventwali mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, it-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni ma jikkostitwixxix rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc, filwaqt li l-annullament tiegħu jipproduċi effett ex tunc (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 1960, Geitling et vs L-Awtorità Għolja, 16/59 sa 18/59, Ġabra p. 45, u tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, T‑481/93 u T‑484/93, Ġabra p. II‑2941, punti 46 sa 48).

69      Barra minn hekk, fil-każ fejn att huwa annullat, l-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att hija obbligata tieħu l-miżuri li l-eżekuzzjoni tas-sentenza timplika. Dawn il-miżuri jinvolvu, b’mod partikolari, it-tneħħija tal-effetti tal-illegalitajiet ikkonstatati fis-sentenza ta’ annullament. Huwa b’dan il-mod illi l-istituzzjoni kkonċernata tista’ titwassal biex terġa’ tpoġġi, b’mod adegwat, lir-rikorrent fis-sitwazzjoni li fiha kien qabel jew biex tevita li jiġi adottat att identiku (ara s-sentenza Exporteurs in Levende Varkens et vs Il‑Kummissjoni, punt 68 iktar supra, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fil-kawża preżenti, id-deċiżjoni kkontestata ġiet imħassra, u mhux irtirata, mill-Kummissjoni. Għalhekk, hija tkompli tipproduċi effetti legali fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrrenti għall-perijodu inkluż bejn il-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha u l-mument tat-tħassir tagħha. L-annullament tagħha għalhekk jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, b’mod li dawn tal-aħħar jibqgħu jżommu l-interess ġuridiku tagħhom.

71      Għaldaqstant, it-talba mressqa mill-Kummissjon li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

72      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jressqu sitt motivi kif ukoll eċċezzjoni ta’ illegalità li tikkonċerna l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 850/2004.

73      L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt illi d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq ir-rapport tal-EFSA previst fl-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000 u kienet ġiet adottata bi ksur tar-regoli proċedurali applikabbli.

74      Insostenn tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jisħqu li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

75      It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt illi d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mal-proċedura leġiżlattiva applikabbli u tikser l-Artikoli 5 KE u 7 KE, l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000 u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124, imsejħa “deċiżjoni komitoloġija”).

76      Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-termini tal-proċedura previsti fl-Artikolu 8(7) u (8) tar-Regolament Nru 451/2000.

77      Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-fatt illi d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement immotivata.

78      Fl-aħħar nett, is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ proporzjonalità kif ukoll fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt illi d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq ir-rapport tal-EFSA, bi ksur tal-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000 u kienet ġiet adottata bi ksur tar-regoli proċedurali applikabbli

79      Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni hija obbligata ssegwi l-opinjoni tal-EFSA. Issa, skonthom, l-EFSA, l-istess bħall-Istat Membru relatur, irrakkommandat f’dan il-każ l-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, sa fejn ir-riskji li din is-sustanza kienet tippreżenta kienu aċċettabbli, bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet. Peress illi l-Kummissjoni pproponiet illi t-trifluralin ma tkunx inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, hija, għaldaqstant, ma bbażatx il-proposta tagħha fuq l-opinjoni tal-EFSA u b’hekk kisret l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000.

80      Barra minn hekk, ir-rikorrenti essenzjalment jisħqu li l-Kummissjoni fetħet mill-ġdid il-proċedura ta’ evalwazzjoni biex tanalizza t-trifluralin fid-dawl tal-kriterji POP previsti fir-Regolament Nru 850/2004. Sa fejn ma kienet teżisti l-ebda bażi legali sabiex taġixxi b’dan il-mod fil-kuntest tal-evalwazzjoni prevista fid-Direttiva 91/414, il-Kummissjoni ma kinitx kompetenti tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ evalwazzjoni u għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, hija interveniet fl-evalwazzjoni tal-EFSA. B’dan il-mod hija abbużat mill-poter tagħha.

81      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

82      L-ewwel nett, hemm lok li jitfakkar illi l-Artikolu 22(6) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6 p. 463), jistabbilixxi li din tal-aħħar għandha tipprovdi opinjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi xjentifika li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-abbozzar u l-adozzjoni ta’ miżuri Komunitarji fl-oqsma li jaqgħu taħt il-missjoni tagħha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23(ċ) ta’ dan l-istess regolament, l-EFSA għandha l-kompitu li tipprovdi assistenza xjentifika u teknika lill-Kummissjoni fl-oqsma li jaqgħu taħt il-missjoni tagħha u, fuq talba ta’ din tal-aħħar, għall-interpretazzjoni u l-kunsiderazzjoni tal-opinjonijiet dwar l-evalwazzjoni tar-riskji.

83      Skont l-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, l-EFSA għandha tevalwa l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Istat Membru relatur u għandha tibgħat lill-Kummissjoni opinjoni dwar il-konformità tas-sustanza attiva mar-rekwiżiti ta’ sigurtà tad-Direttiva 91/414, fi żmien sena mir-riċezzjoni tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Istat Membru relatur. Jekk ikun il-każ, l-EFSA għandha tħejji, barra minn hekk, opinjoni dwar l-għażliet illi hija tqis li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sigurtà.

84      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000 jistabbilixxi li, sa mhux iktar tard minn sitt xhur mir-riċezzjoni tal-opinjoni tal-EFSA, imsemmija fl-Artikolu 7, il-Kummissjoni għandha tissottometti abbozz ta’ rapport ta’ reviżjoni u, abbażi tar-rapport ta’ reviżjoni ffinalizzat, hija għandha tissottometti lill-Kumitat jew abbozz ta’ direttiva intiż għall-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I tad-direttiva jew abbozz ta’ deċiżjoni, indirizzat lill-Istati Membri, intiż għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu s-sustanza attiva b’indikazzjoni tar-raġunijiet. Id-direttiva jew id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura regolatorja, kif stabbilita mid-deċiżjoni komitoloġija.

85      Għalhekk, rifjut ta’ awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni ddettaljata tar-riskju għas-saħħa pubblika, stabbilit abbażi ta’ data xjentifika disponibbli l-iktar affidabbli u fuq riżultati l-iktar reċenti tar-riċerka internazzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 2004, Greenham u Abel, C‑95/01, Ġabra p. I‑1333, punt 50).

86      Barra minn hekk, għandu jitfakkar illi, kif jirriżulta mill-ħames, mis-sitt u mid-disa’ premessa tagħha, id-Direttiva 91/414 hija intiża sabiex telimina l-ostakoli għall-kummerċ intra‑Komunitarju ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. F’dan il-kuntest, biex tkun tista’ tilħaq, b’mod effiċjenti, l-għan assenjat lilha u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li trid twettaq, il-Kummissjoni għandha jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑326/05 P, Ġabra p. I‑6557, punti 74 u 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, f’iktar minn okkażjoni waħda, illi fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta bl-opinjoni tal-EFSA. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha ta’ nuqqas ta’ inklużjoni jew ta’ inklużjoni tas-sustanza inkwistjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, wara li tkun kisbet l-opinjoni tal-EFSA, irid jingħad illi r-Regolament Nru 451/2000 ma jinkludi ebda indikazzjoni li tissuġġerixxi li l-Kummissjoni hija obbligata ssegwi l-opinjonijiet tal-EFSA fir-rigward tal-kontenut tagħhom u għalhekk ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali (digrieti tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 2008, FMC Chemical vs EFSA, T‑312/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 52 sa 54; Dow AgroSciences vs EFSA, T‑397/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 49, u FMC Chemical u Arysta Lifesciences vs EFSA, T‑311/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 52).

88      Peress illi l-opinjoni tal-EFSA ma torbotx lill-Kummissjoni, ir-rikorrenti huma żbaljati meta jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx titbiegħed minn din l-opinjoni tal-EFSA mingħajr ma tikser l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000.

89      Barra minn hekk, irid jingħad illi mill-konklużjonijiet tal-EFSA ma jirriżultax li, fil-każ preżenti, din tal-aħħar espressament irrakkomandat l-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, kif isostnu r-rikorrenti.

90      Fl-opinjoni tagħha, l-EFSA fil-fatt tevalwa r-riskji li tippreżenta t-trifluralin, fid-dawl tal-għarfien xjentifiku disponibbli fil-mument ta’ din l-evalwazzjoni, u tindika, essenzjalment, l-eżistenza ta’ għadd ta’ inċertezzi li ma tqajmux relatati mas-sigurtà tas-sustanza.

91      L-EFSA sussegwentement tistabbilixxi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, ċerti mekkaniżmi li jistgħu jippermettu li jiġu kkontrollati r-riskji enfasizzati fil-proċedura ta’ evalwazzjoni, fil-każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tawtorizza s-sustanza.

92      Għaldaqstant, il-fatt illi l-EFSA tipprevedi modi bħal dawn għall-kontroll tar-riskji ma jistax jiġi interpretat bħala rakkomandazzjoni għall-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

93      Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti dwar dan il-punt għandu jiġi miċħud.

94      Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, l-Istat Membru relatur għandu jwettaq evalwazzjoni u jipprepara rapport fir-rigward tas-sustanzi attivi li għalihom ikun meqjus li ġie kkompletat għall-inqas fajl wieħed, kif jindika l-Artikolu 6(2) u (3) tal-imsemmi regolament. Fir-rapport tiegħu, huwa għandu jirrakkomanda lill-Kummissjoni jew li tinkludi s-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva, filwaqt li jindika l-kundizzjonijiet għal din l-inklużjoni, jew li ma tinkludix is-sustanza attiva fl-imsemmi anness, filwaqt li jindika għaldaqstant ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ inklużjoni. L-EFSA għandha sussegwentement tevalwa l-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Istat Membru relatur u tibgħat lill-Kummissjoni opinjoni dwar il-konformità tas-sustanza attiva mar-rekwiżiti ta’ sigurtà tad-Direttiva 91/414. Il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapport ta’ reviżjoni ffinalizzat tissottometti, għaldaqstant, lill-kumitat kompetenti jew abbozz ta’ direttiva intiż għall-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva, jew abbozz ta’ deċiżjoni intiż għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva u, għaldaqstant, għan-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-imsemmi anness.

95      Għaldaqstant, mill-kuntest leġiżlattiv jirriżulta b’mod ċar li l-pożizzjoni meħuda mill-Istat Membru relatur fil-proċess ta’ evalwazzjoni ma hijiex deċiżiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, T‑75/06, Ġabra p. II‑2081, punt 164).

96      Għalhekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom, b’mod effettiv, fuq l-informazzjoni li tkun ingħatatilhom mill-Istat Membru relatur dwar l-eżitu eventwali tal-proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 164).

97      Fit-tielet lok, sa fejn ir-rikorrenti jippruvaw isostnu li l-Kummissjoni ma qisitx l-opinjoni tal-EFSA, għandu jiġi osservat illi l-premessi 4 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata jixhdu b’mod ċar illi hija ħadet din l-opinjoni inkunsiderazzjoni meta ġiet biex tadotta l-imsemmija deċiżjoni. Dan l-argument għalhekk ma jistax ireġġi.

98      Fl-aħħar nett u fir-raba’ lok, hemm lok li jiġi kkunsidrat, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-fatt illi l-evalwazzjoni tas-sustanza kienet ġiet imwettqa fir-rigward tal-kriterji POP li jirriżultaw mir-Regolament Nru 850/2004, illi dan jixbaħ ir-raba’ parti tat-tieni motiv. Għalhekk, dan l-ilment ser jiġi eżaminat f’dan il-kuntest.

99      Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, sa fejn, minn naħa, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tqis il-provi xjentifiċi kollha disponibbli, u b’mod iktar partikolari, studju li kien ġie mitlub lin-notifikanti, u, min-naħa l-oħra, kien imissha estendiet it-termini applikabbli, sabiex ikollha din l-informazzjoni addizzjonali

100    Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Istat Membru relatur u l-EFSA talbuhom jipprovdu studju dwar it-tossiċità kronika għall-ħut. F’dan ir-rigward huma jirreferu għat-tabelli tar-rapport tal-laqgħa tal-EFSA, li nżammet fit-22 ta’ Ġunju 2004, u għall-posta elettronika tal-Istat Membru relatur tas-6 ta’ Ottubru 2004, li permezz tagħha dan tal-aħħar ikkomunikalhom dawn it-tabelli. Skont ir-rikorrenti, il-konferma li din it-talba ġiet fil-fatt sottomessa lin-notifikanti tirriżulta, barra minn hekk, mill-paġni 30 u 33 tal-opinjoni tal-EFSA.

101    Ir-rikorrenti jisħqu li huma bagħtu l-istudju mitlub lill-Kummissjoni hekk kif kien disponibbli u jikkontestaw kwalunkwe nuqqas ta’ diliġenza f’dan ir-rigward. Skont huma, kien għalhekk il-kompitu tagħha li teżamina d-data l-ġdida hekk ippreżentata, skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 u tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000. Issa, il-Kummissjoni qieset illi dan l-istudju kien ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu u kienet tal-opinjoni u għarrfet lill-membri tal-KPKASA li dan ma setax, għalhekk, jittieħed inkunsiderazzjoni.

102    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għalhekk naqset milli tqis l-aħħar evidenza xjentifika disponibbli u l-istat kurrenti tal-għarfien xjentifiku u tekniku, bi ksur tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414. Id-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Minn dan jirriżulta wkoll ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

103    Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li kien impossibbli li tiġi sodisfatta t-talba għal studju ġdid, magħmula lin-notifikanti fit-termini proċedurali stabbiliti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni. Madankollu, skont ir-rikorrenti, peress illi dawn it-termini la kienu ġew osservati mill-EFSA u lanqas mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-trifluralin, kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi termini ġodda, sabiex tieħu l-istudju inkunsiderazzjoni, minflok tinħeba wara l-allegat dewmien ta’ dan tal-aħħar. Huma jallegaw, minn naħa, illi l-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ dawn it-termini kienet, fil-fatt, ġiet aċċettata mill-ġurisprudenza, li qieset illi rifjut għal estensjoni tat-termini seta’ jixxebbah ma’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (sentenza Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq), u, min-naħa l-oħra, li din il-possibbiltà ġiet użata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ sustanzi oħra għas-saħħa tal-pjanti. F’dan ir-rigward huma jirreferu għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/353/KE, tad-29 ta’ April 2008, li tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji maħruġa għas-sustanzi attivi ġodda cyflufenamid, FEN 560 u flonicamid (ĠU L 117, p. 45).

104    Issa, skont ir-rikorrenti, ir-rilevanza tal-istudju għall-evalwazzjoni tat-trifluralin tidher b’mod ċar illi hija stabbilita peress illi l-Istat Membru relatur li eżaminah ikkonkluda li d-data addizzjonali li kienet tinsab fih, kienet tindirizza t-tħassib imqajjem matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni.

105    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kellha wkoll testendi t-termini, peress illi hija kienet inkarigat lis-sottogrupp TC-NES jeżamina s-sustanza fir-rigward tal-kriterji POP, sabiex in-notifikanti jkunu jistgħu jindirizzaw it-tħassib li eventwalment seta’ jiġi espress waqt dan l-eżami u sabiex jippreżentaw, jekk ikun il-każ, data u studji rilevanti għall-finijiet ta’ dan l-eżami.

106    Ir-rikorrenti jqisu illi l-Kummissjoni għalhekk naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tistabbilixxi garanziji proċedurali suffiċjenti, biex b’hekk tkun tista’ tiżgura li jkollhom il-possibbiltà jippreżentaw osservazzjonijiet u li jiddefendu ruħhom fil-kwalità tagħhom ta’ notifkanti.

107    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

108    Għandu jitfakkar illi l-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 451/2000 jistabbilixxi li n-notifikanti għandhom jissottomettu lill-awtorità maħtura mill-Istat Membru relatur, għal kull sustanza attiva ddeterminata, fajl komplut li jkun fih fiżikament ir-rapporti ta’ testijiet u ta’ studju individwali dwar l-informazzjoni kollha msemmija fil-Artikolu 6(2)(ċ), jew il-protokolli u l-impenji msemmija fl-Artikolu 6(2)(ċ), meta x-xogħol ikun għaddej.

109    L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2)(ċ) tar-Regolament Nru 451/2000 hija s-segwenti:

–        għal kull punt tal-Anness II tad-Direttiva, is-sommarji u r-riżultati tal-istudji u tat-testijiet kif ukoll l-isem tal-persuna jew tal-istitut li wettqu dawn it-testijiet;

–        l-istess informazzjoni għal kull punt tal-Anness III tad-Direttiva meħuda inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva, għal preparazzjoni waħda jew iktar rappreżentattivi tal-użijiet imsemmija fl-Artikolu 6(2)(b) […];

–        għall-istudji li ma jkunux għal kollox kompluti, il-prova li dawn l-istudji ġew mitluba mhux iktar tard minn tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, bl-impenn li dawn ser jiġu ppreżentati sa mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara t-terminu għas-sottomissjoni lill-Istat Membru relatur tal-fajlijiet imsemmija fl-Artikolu 6.

110    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000 jipprovdi li, bla ħsara għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/414, is-sottomissjoni ta’ studji ġodda ma tkunx aċċettata. Madankollu, l-Istat Membru relatur jista’, bi ftehim mal-EFSA, jistieden lin-notifikanti jissottomettu, f’termini speċifiċi, data addizzjonali li l-Istat Membru relatur jew l-EFSA jqisu meħtieġa għall-kjarifikazzjoni tal-fajl.

111    Il-komunikazzjoni ta’ data addizzjonali tista’ għalhekk tkun intiża biss għall-kjarifikazzjoni ta’ elementi li jkunu diġà ġew ippreżentati fil-fajl komplut li għandu jerġa’ jitressaq min-notifikanti.

112    Is-sottomissjoni ta’ studji ġodda, li hija eskluża, ma tistax għalhekk titqabbel, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mal-komunikazzjoni ta’ data addizzjonali li, għall-kuntrarju, hija possibbli.

113    Min-naħa tagħha s-sottomissjoni ta’ studju addizzjonali tkun possibbli biss jekk dan ikun diġà inbeda fil-mument tas-sottomissjoni tal-fajl komplut, jekk il-komunikazzjoni tiegħu tkun diġà tħabbret waqt is-sottomissjoni tal-imsemmi fajl u jekk dan ikun intbagħat sa mhux iktar tard minn sena wara s-sottomissjoni ta’ dan l-istess fajl.

114    Għaldaqstant, talba għal data addizzjonali biss hija permessa wara d-depożitu tal-fajl komplut, u dan sakemm din it-talba tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000, li essenzjalment jipprovdi li, it-talba trid tkun saret mill-Istat Membru relatur, trid tkun saret bi ftehim mal-EFSA u trid tkun tippreċiża t-terminu li fih din id-data għandha tiġi kkomunikata.

115    Issa, hemm lok li jitqies illi f’dan il-każ ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma ġiet sodisfatta.

116    Ċertament, huwa paċifiku, li n-neċessità ta’ studji addizzjonali dwar it-tossoċità kronika tas-sustanza għall-ħut tqajmet mill-esperti tal-EPCO waqt il-laqgħa tat-22 ta’ Ġunju 2004, kif fakkret l-EFSA fl-opinjoni tagħha, (“[i]n-notifikant għandu jippreżenta studji ta’ espożizzjoni li jinkludu perijodi differenti ta’ espożizzjoni u bl-użu tal-fathead minnow bħala speċi ta’ ħuta l-iktar sensittiva”), u li din l-informazzjoni ġiet mgħarrfa lin-notifikanti mill-Istat Membru relatur fil-posta elettronika tiegħu tas-6 ta’ Ottubru 2004.

117    Madankollu din il-posta elettronika ma timplikax li talba għal data addizzjonali, fis-sens tar-Regolament Nru 451/2000, kienet ġiet indirizzata lin-notifkanti, kif jallegaw dawn tal-aħħar.

118    L-ewwel nett, l-EPCO, l-Istat Membru relatur u l-EFSA isemmu’ n-neċessità li jkollhom studji addizzjonali. Ir-rapport tal-EPCO, il-posta elettronika tal-Istat Membru relatur u l-opinjoni tal-EFSA jippermettu għalhekk li titwarrab l-idea li d-data addizzjonali intiża għall-kjarifikazzjoni tal-fajl ġiet mitluba lin-notifikanti.

119    Barra minn hekk hemm lok li jingħad illi r-rikorrenti nfushom jallegaw illi x-xogħlijiet kkomunikati minn notifikanti fis-17 ta’ Mejju 2006, jikkostitwixxu tassew studju.

120    Fit-tieni lok, anki fuq il-preżunzjoni li l-ħtieġa ta’ studji addizzjonali tista’ tiġi kklassifikata bħala talba għal data addizzjonali, hemm lok li jiġi kkonstatat illi l-fajl ma fih ebda traċċa li l-EFSA kienet tat il-kunsens tagħha fuq tali talba. Irid jingħad, f’dan ir-rigward, illi l-EPCO, li huwa grupp ta’ esperti li jwettaq xogħlijiet speċifiċi ta’ evalwazzjoni bl-għan li jelabora l-opinjoni tal-EFSA, huwa għalhekk distint mill-EFSA u ma jistax, għaldaqstant, jorbot lil din tal-aħħar mingħajr l-approvazzjoni speċifika tagħha.

121    Fit-tielet lok, hemm lok li jiġi kkonstatat illi, fil-każ preżenti, ma ġie stabbilit ebda terminu għas-sottomissjoni tal-istudji msemmija mill-EPCO, imbagħad mill-Istat Membru relatur.

122    Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dan in-nuqqas ta’ terminu jikkostitwixxi indiċi addizzjonali li jippermetti li jitqies illi ma kienx hemm talba għal data addizzjonali.

123    Fil-fatt, jekk b’ommissjoni ma jkun ġie stabbilit ebda terminu għas-sottomissjoni ta’ data addizzjonali, in-notifkanti jkunu jistgħu jtawlu b’mod indefinit il-proċedura ta’ reviżjoni inter pares u b’hekk jipposponu mingħajr ġustifikazzjoni l-adozzjoni mill-EFSA tal-opinjoni tagħha.

124    Minn dan jirriżulta li xejn ma jippermetti li jitqies illi ġiet ikkomunikata lin-notifikanti talba għal data addizzjonali skont id-dispożizzjonijiet applikabbli.

125    L-elementi fattwali mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom għandhom tendenza, għall-kuntrarju, jindikaw illi l-EPCO u l-Istat Membru relatur, imbagħad l-EFSA, ikkonstataw u indikaw lin-notifikanti li studji ġodda kienu għadhom neċessarji biex tiġi evalwata s-sigurtà tas-sustanza, filwaqt li kienu totalment konxji li dawn tal-aħħar ma setgħux iktar jiġu kkomunikati f’dan l-istadju tal-proċedura.

126    Din l-evalwazzjoni hija kkonfermata mill-minuti tal-laqgħa tal-15 u tas-16 ta’ Marzu 2007 tal-grupp ta’ ħidma “Leġiżlazzjoni” tal-KPKASA, li fihom ir-Repubblika Elennika, li kienet l-Istat Membru relatur, kienet talbet li tiġi inkluża dikjarazzjoni li hija kienet lesta tivvota favur il-proposta għan-nuqqas ta’ inklużjoni tat-trifluralin, sabiex tippermetti lin-notifkanti jibbenefikaw mill-perijodu sussegwenti ta’ 18-il xahar biex jissottomettu formalment l-istudju dwar il-ħut u sabiex hija tkun tista’, bħala Stat Membru relatur, tevalwa uffiċjalment dan l-istudju.

127    Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, hemm lok li jingħad, b’mod ulterjuri, illi qatt ma ġie allegat mir-rikorrenti li l-istudju mibgħut lill-Istat Membru relatur fis-17 ta’ Mejju 2006 kien tħabbar min-notifikanti, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(ċ) tar-Regolament Nru 451/2000, waqt il-komunikazzjoni tal-fajl komplut tagħhom.

128    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat illi ebda talba għal studju ġdid ma ġiet indirizzata lin-notifikanti.

129    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-istudju kkomunikat minn notifkanti f’Mejju 2006.

130    L-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ser jiġi eżaminat fil-kuntest tas-sitt motiv.

131    Peress illi l-Kummissjoni la wettqet żball ta’ liġi u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

132    Dwar l-ilment illi jisħqu fuqu r-rikorrenti fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħhom, li skontu t-termini kien imisshom ġew estiżi sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-istudju mitlub, għandu jiġi kkonstatat illi dan huwa fattwalment infondat, peress illi ma saret l-ebda talba ta’ dan it-tip lin-notifikanti.

133    Fuq kollox, għandu jitfakkar illi, waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma “Evalwazzjoni” tal-EFSA, li nżammet fil-15 ta’ Jannar 2004, ġie kkonstatat, b’mod partikolari, illi diversi data u diversi studji, fosthom studju dwar il-metaboliżmu fiż-żerriegħa taż-żejt, kienu meħtieġa. Dan l-istudju huwa differenti minn dak ipprovdut mir-rikorrenti f’Mejju 2006. Fit-3 ta’ Marzu 2004, rappreżentant tal-impriża notifikanti bagħat posta elettronika lill-EFSA, li fiha huwa talab, b’mod partikolari, li jiġi ppreċiżat it-terminu li fih kellu jiġi pprovdut dan l-istudju. Fil-5 ta’ Marzu 2004, l-EFSA wieġbet għal din il-posta elettronika, fejn indikat, minn naħa, illi kienet l-impriża notifikanti li kellha tipprovdi dan l-istudju jew li tindika meta dan tal-aħħar seta’ jiġi sottomess u, min-naħa l-oħra, illi r-reviżjoni inter pares kienet ser tkompli tosserva t-termini previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1490/2002, tal-14 ta’Awwissu 2002, li jwaqqaf regoli oħra għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ xogħol li jissemma fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 451/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 524).

134    Minn dan jirriżulta li, minn dan il-mument, ir-rikorrenti kienu ġew informati, b’mod ċar, illi ma kien ser jiġi mogħti l-ebda terminu supplimentari biex jikkompletaw il-fajl tagħhom u għandu jiġi kkonstatat illi huma baqgħu ma stabbilixxewx li ngħataw, b’mod espliċitu, garanziji preċiżi fis-sens kuntrarju għal dak li jikkonċerna l-istudju dwar it-tossiċità kronika għall-ħut.

135    Peress illi l-Kummissjoni la wettqet żball ta’ liġi u lanqas żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li testendi t-termini proċedurali biex tikkunsidra l-istudju dwar it-tossiċità kronika għall-ħut, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha, hija wkoll, tiġi miċħuda.

136    L-ilment ibbażat fuq il-fatt illi l-Kummissjoni kien imissha estendiet it-termini, peress illi ssuġġettat it-trifluralin għal evalwazzjoni fir-rigward tal-kriterji POP, huwa eżaminat fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tieni motiv.

137    L-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża huwa eżaminat fil-kuntest tat-tieni parti tas-sitt motiv.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma huma kkorraborati b’ebda ġustifikazzjoni xjentifika

138    Għar-rikorrenti, il-konstatazzjoni tat-tossiċità kronika għolja tat-trifluralin għall-organiżmi akwatiċi magħmula mill-Kummissjoni, li hija riflessa fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, hija nieqsa minn kull sens fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-riskju abbażi tad-Direttiva 91/414. Fil-fatt, skont huma, hija l-evalwazzjoni tar-riskju li hija importanti biex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk, minkejja l-periklu partikolari kkonstatat, dan ir-riskju huwiex aċċettabbli għal użu speċifiku. Issa, l-istudju tat-tossiċità kronika li huma pprovdew kien juri b’mod ċar illi r-riskju kien aċċettabbli, kif ġie ammess mill-Istat Membru relatur.

139    L-EFSA kkonkludiet fl-istess sens, billi qieset illi t-trifluralin kienet tissodisfa r-rekwiżiti ta’ sigurtà stabbiliti fid-Direttiva 91/414, bla ħsara għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet. Fil-fatt, l-EFSA kienet qieset illi r-riskju ta’ tossiċità kronika għall-ħut seta’ jkun ikkontrollat billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet idonei għall-użu u li r-riskji identifikati ma kinux jostakolaw l-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. L-EFSA u r-relatur kienu kkonkludew ukoll illi t-trifluralin kienet tippreżenta riskju aċċettabbli fir-rigward tal-persistenza fil-ħamrija, tal-potenzjal ta’ akkumulazzjoni u tal-propogazzjoni fl-arja.

140    Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet awtorizzat prodotti abbażi tat-trifluralin ikkumerċjalizzati mir-rikorrenti għal perijodu ta’ għaxar snin supplimentari, u b’hekk ċaħdet l-eżistenza ta’ riskju inaċċettabbli.

141    Ir-rikorrenti jqisu li l-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata huma għalhekk ibbażati fuq il-perikli u mhux fuq ir-riskji, fatt li jaqa’ taħt żball metodoloġiku fundamentali. Sakemm ma teżisti l-ebda ġustifikazzjoni xjentifika insostenn ta’ dawn il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, din tal-aħħar tkun għaldaqstant wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.

142    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

143    Hemm lok li jitfakkar illi l-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa żgurat fid-definizzjoni u fl-implementazzjoni tal-politiki u tal-azzjonijiet kollha Komunitarji. Din il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija ta’ importanza predominanti meta mqabbla mal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, b’mod li hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2005, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, T‑158/03, Ġabra p. II‑2425, punt 134).

144    Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li jirriżulta mill-Artikolu 3(p) KE, mill-Artikolu 6 KE, mill-Artikolu 152(1) KE, mill-Artikolu 153(1) u (2) KE u mill-Artikolu 174(1) u (2) KE, u jimponi fuq l-awtoritajiet ikkonċernati l-obbligu li jieħdu, fil-kuntest preċiż tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni rilevanti, miżuri idonei biex jipprevjenu ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent, billi jagħtu preċedenza lir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi fuq l-interessi ekonomiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Novembru 2002, Artegodan et vs Il-Kummissjoni, T‑74/00, T‑76/00, T‑83/00 sa T‑85/00, T‑132/00, T‑137/00 u T‑141/00, Ġabra p. II‑4945, punti 183 u 184; u tal-21 ta’ Ottubru 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il-Kunsill, T‑392/02, Ġabra p. II‑4555, punt 133, u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    L-evalwazzjoni tar-riskji tikkonsisti, għall-istituzzjoni Komunitarja kkonfrontata b’effetti potenzjalment negattivi li jirriżultaw minn fenomenu, fl-evalwazzjoni, abbażi tal-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji, ta’ jekk dawn tal-aħħar jeċċedux il-livell ta’ riskju meqjus bħala inaċċettabbli għas-soċjetà. B’hekk, sabiex l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu jistgħu jipproċedu għal evalwazzjoni tar-riskji, huwa importanti għalihom, minn naħa, illi jkollhom evalwazzjoni xjentifika tar-riskji u, min-naħa l-oħra, li jiġi ddeterminat il-livell ta’ riskju meqjus bħala inaċċettabbli għas-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T‑13/99, Ġabra p. II‑3305, punt 145; u Alpharma vs Il-Kunsill, T‑70/99, Ġabra p. II‑3495, punt 162).

146    L-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji hija proċess xjentifiku li fir-rigward tiegħu huwa ġeneralment aċċettat li jikkonsisti, kemm jista’ jkun, fl-identifikazzjoni u fil-karatterizzazzjoni ta’ periklu, fl-evalwazzjoni tal-espożizzjoni u fil-karatterizzazzjoni tar-riskju (sentenzi Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 145 iktar ’il fuq, punt 156; u Alpharma vs Il-Kunsill, punt 145 iktar ’il fuq, punt 169).

147    F’kuntest bħal dan, il-kunċett ta’ “riskju” jikkorrispondi għalhekk mal-livell ta’ probabbiltà li l-aċċettazzjoni ta’ ċerti miżuri jew ta’ ċerti prattiki ser taffettwa ħażin l-interessi protetti mill-ordinament ġuridiku. Il-kunċett ta’ “periklu” huwa, min-naħa tiegħu, ġeneralment użat f’sens iktar wiesa’ u jiddeskrivi kull prodott jew proċedura li tista’ jkollha effett ħażin fuq is-saħħa tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 145 iktar ’il fuq, punt 147).

148    Ir-responsabbiltà għad-determinazzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus bħala inaċċettabbli taqa’, sakemm ir-regoli applikabbli huma osservati, taħt l-istituzzjonijiet Komunitarji responsabbli għall-għażla politika tad-determinazzjoni tal-livell idoneu ta’ protezzjoni għas-soċjetà. Huma dawn l-istituzzjonijiet illi għandhom jiddeterminaw il-limitu kritiku ta’ probabbiltà tal-effetti ħżiena għas-saħħa tal-bniedem u tal-gravità ta’ dawn l-effetti potenzjali li jidhrilhom li ma huwiex iktar aċċettabbli għal din is-soċjetà u li, ladarba jinqabeż, jinħtieġ, fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, li jittieħdu miżuri preventivi minkejja l-inċertezza xjentifika li tissussisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2000, Toolex, C‑473/98, Ġabra p. I‑5681, punt 45, u s-sentenza Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 145 iktar ’il fuq, punti 150 u 151).

149    Fid-determinazzjoni ta’ dan il-livell ta’ riskju, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma obbligati, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 152(1) KE, jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa umana. Sabiex ikun kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni dan il-livell għoli mhux bilfors għandu jkun teknikament l-ogħla possibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech, C‑284/95, Ġabra p. I‑4301, punt 49).

150    Għandu jitfakkar illi, kif jirriżulta mill-ħames, mis-sitt u mid-disa’ premessa tagħha, id-Direttiva 91/414 hija intiża sabiex telimina l-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. F’dan il-kuntest, sabiex tkun tista’ tilħaq b’mod effettiv l-għan assenjat lilha, u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tekniċi li trid twettaq, il-Kummissjoni għandha tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 74 u 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa u dawn l-evalwazzjonijiet kumplessi jimplikaw illi l-istħarriġ mill-qorti tal-fondatezza tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni huwa limitat għall-eżami ta’ jekk l-eżerċizzju mill-istituzzjonijiet Komunitarji tal-kompetenzi tagħhom huwiex ivvizzjat bi żball manifest, jekk kienx hemm użu ħażin ta’ poter jew jekk huma eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, C‑236/01, Ġabra p. I‑8105, punt 135, u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe), C‑425/08, Ġabra p. I‑10035, punt 47].

152    Fir-rigward tal-evalwazzjoni, mill-qorti Komunitarja, tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi ppreċiżat illi, sabiex jiġi stabbilit illi l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi tali li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti biex jirrendu implawsibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti użati fid-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 59, u tal-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, T‑308/00, Ġabra p. II‑1933, punt 138). Bla ħsara għal dan l-eżami ta’ plawsibbiltà, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tissostitwixxi l-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi tagħha b’dik tal-awtur tad-deċiżjoni [sentenza Enviro Tech (Europe), punt 151 iktar ’il fuq, punt 47].

153    Madankollu l-limiti għall-istħarriġ tal-qorti msemmija iktar ’il fuq ma jaffettwawx il-kompitu tagħha li tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, kif ukoll li tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punt 57; u tas-6 ta’ Novembru 2008, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑405/07 P, Ġabra p. I‑8301, punt 55).

154    Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar illi, fil-każijiet fejn istituzzjoni Komunitarja jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi, huwa ta’ importanza fundamentali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża li fost dawn il-garanziji hemm b’mod partikolari l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u dik li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; tas-7 ta’ Mejju 1992, Pesquerias De Bermeo u Naviera Laida vs Il‑Kummissjoni, C‑258/90 u C‑259/90, Ġabra p. I‑2901, punt 26; Spanja vs Lenzing, punt 153 iktar ’il fuq, punt 58, u Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, punt 153 iktar ’il fuq, punt 56).

155    F’dan il-każ, qabel kollox għandu jiġi rrilevat illi l-opinjoni tal-EFSA tikkonċerna l-analiżi tar-riskju għal diversi speċi ta’ annimali u makro-organiżmi (Taqsima 5: riskji għall-vertebrati terrestri, għall-organiżmi akwatiċi, għaż-żnażan, għall-ispeċi l-oħra ta’ artropodi, għall-ħniex, għall-makro-organiżmi tal-art li ma humiex milquta mis-sustanza, għall-mikro-organiżmi tal-art li ma humiex milquta mis-sustanza, għall-organiżmi l-oħra li ma humiex milquta mis-sustanza u għall-metodi bijoloġiċi għat-trattament tal-ilmijiet użati); tirrileva li t-trifluralin tinxtorob ħafna mill-ħamrija u għandha tiġi kklassifikata bħala immobbli; li ma hijiex faċilment bijodegradabbli, li l-volatilità għolja tagħha tirrendi possibbli l-fatt illi s-sustanza tkun preżenti fl-arja, fejn imbagħad tinfirex; u ssemmi’ livell għoli ta’ riskju fir-rigward tal-organiżmi akwatiċi (ara l-p. 3 tas-sommarju tal-opinjoni kif ukoll, b’mod partikolari, dwar l-aħħar problematika, it-Taqsima 5.4 u l-konklużjoni tal-opinjoni). Fl-aħħar nett, l-EFSA tissuġġerixxi miżuri biex ikunu jistgħu jiġu kkontrollati r-riskji identifikati, fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (Taqsima “Rakkomandazzjonijiet” tal-opinjoni).

156    Għaldaqstant mill-opinjoni tal-EFSA jirriżulta li din hija manifestament ibbażata fuq evalwazzjoni tar-riskji li t-trifluralin tippreżenta u mhux biss fuq il-perikli li tiġġenera.

157    Barra minn hekk, l-opinjoni tinvalida wkoll l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li t-trifluralin tippreżenta riskju aċċettabbli fir-rigward tal-persistenza tagħha fil-ħamrija u tal-potenzjal ta’ akkumulazzjoni tagħha u ta’ propagazzjoni fl-arja.

158    Barra minn hekk, il-fatt illi l-EFSA pprevediet, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, ċerti mekkaniżmi li jistgħu jippermettu li jiġu kkontrollati r-riskji msemmija matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni, fil-każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li tawtorizza s-sustanza, bl-ebda mod ma jwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-EFSA rrakkomandat l-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (ara l-punti 91 u 92 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, irid jitfakkar illi l-opinjoni tal-EFSA ma torbotx lill-Kummissjoni (ara l-punti 87 u 88 iktar ’il fuq) u li din tal-aħħar hija rrikonoxxuta li għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, biex tkun tista’ tilħaq b’mod effikaċi l-għan assenjat lilha u b’kunsiderazzjoni għall-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li trid twettaq (ara l-punt 86 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni setgħet għalhekk tiddeċiedi b’mod leġittimu li riskju bħal dan kien jiġġustifika n-nuqqas ta’ inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, minkejja l-possibbiltajiet li jitnaqqsu r-riskji deskritti mill-EFSA.

159    Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat illi d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq ir-riskji identifikati mill-EFSA. Fil-fatt għandu jitfakkar illi l-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata tippreċiża:

“(5) Matul il-valutazzjoni ta’ din is-sustanza attiva, qam xi tħassib. It-Trifluralin għandu tossiċità għolja għal organiżmi akwatiċi, b’mod partikolari l-ħut. Hija wkoll persistenti ħafna fil-ħamrija u mhijiex faċilment bijodegradabbli. Barra minn dan, turi potenzjal għal akkumulazzjoni. B’mod partikolari, taqbeż b’mod sinifikanti l-fattur massimu ta’ bijokonċentrazzjoni (BCF) stipulat fid-Direttiva 91/414 […] għal organiżmi akwatiċi, li turi potenzjal għal bijoakkumulazzjoni f’organiżmi tali. Minħabba l-volatilità għolja tagħha, il-moviment tagħha minn ġo l-arja ma jistax jiġi eskluż u, minkejja degradazzjoni fotokimika rapida, programmi ta’ monitoraġġ urew migrazzjoni lejn postijiet ‘il bogħod mill-applikazzjoni. Dan it-tħassib wera li t-trifluralin ma jilħaqx il-kriterji għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 […].”

160    Għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata hija tassew ibbażata fuq analiżi tar-riskji, jiġifieri fuq analiżi tal-livell ta’ probabbiltà li l-inklużjoni tat-tirfluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 taffettwa ħażin l-interessi protetti mill-ordinament ġuridiku, u mhux fuq analiżi biss tal-perikli li t-trifluralin tippreżenta.

161    L-argument tar-rikorrenti, illi jillimita ruħu jisħaq illi l-Kummissjoni kienet ibbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq perikli u mhux fuq riskji, mingħajr ma jipproduċu provi oħra insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, għandu għalhekk jiġi miċħud.

162    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma jistgħux utilment isostnu li l-istudju li huma pprovdew dwar it-tossiċità kronika għall-ħut seta’ jbiddel l-evalwazzjoni tar-riskji, kif imwettqa mill-Kummissjoni, kieku din tal-aħħar kienet aċċettat li tieħdu inkunsiderazzjoni.

163    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra n-natura tardiva tal-komunikazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni, dan l-istudju ma kienx, fi kwalunkwe każ, ipprovda tweġiba relatata mar-riskji l-oħra li kienu ġew identifikati u, b’mod partikolari, il-persistenza tat-trifluralin fil-ħamrija, in-natura diffiċilment bijodegradabbli tagħha, il-potenzjal tagħha ta’ akkumulazzjoni u r-riskji tal-propagazzjoni tagħha fl-arja.

164    Fit-tielet lok, fir-rigward awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet Ġermaniżi, din tal-aħħar, li hija wkoll ibbażata fuq l-istess kriterji u l-istess elementi ta’ evalwazzjoni, ma tistax tippreġudika d-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Komunitarji. L-argument tal-Kummissjoni, illi r-reviżjoni inter pares tikkaratterizza l-evalwazzjoni mwettqa fuq livell Komunitarju, li ma huwiex il-każ fil-każ tal-evalwazzjoni mwettqa fuq livell nazzjonali, jidher f’dan ir-rigward, rilevanti.

165    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċew ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni relatat mal-evalwazzjoni tar-riskji li t-trifluralin tippreżenta.

166    Għalhekk, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità dwar l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 850/2004, minn naħa, u r-raba’ parti tat-tieni motiv, min-naħa l-oħra, ibbażata fuq il-fatt illi l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti tevalwa t-trifluralin fir-rigward tar-Regolament Nru 850/2004 u, fuq kollox wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta applikat il-kriterji stabbiliti minn dan l-istess regolament

167    Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità li huma jinvokaw fir-rigward tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 850/2004, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li din id-dispożizzjoni mmodifikat id-drittijiet tagħhom u naqset milli tikkunsidra l-aspettattivi leġittimi li fuqhom huma setgħu jibbażaw ruħhom fil-konfront tal-Kummissjoni. Huma jsostnu li fil-fatt kien illegali għal din tal-aħħar tapplika retroattivament dan ir-regolament u tissuġġetta l-eżami tat-trifluralin, li kien għadu għaddej, għall-kriterji POP, stabbiliti fl-Anness D tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma.

168    Ir-rikorrenti jsostnu li huwa għalhekk mingħajr ġustifikazzjoni li l-Kummissjoni invokat ir-Regolament Nru 850/2004 jew il-kriterji stipulati fl-Anness D tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, billi tbegħdet mill-kriterji previsti fid-Direttiva 91/414 u billi applikat proċedura li għadha ma hijiex uffiċjalment stabbilita.

169    Huma jżidu jgħidu li r-riskju għat-trasport fuq distanza twila, kriterju li huwa previst fil-kuntest tal-eżami POP, ma huwiex kriterju previst fil-kuntest tal-evalwazzjoni organizzata mid-Direttiva 91/414.

170    Barra minn hekk ir-rikorrenti jisħqu li l-Kummissjoni fetħet mill-ġdid il-proċedura ta’ evalwazzjoni biex tanalizza t-trifluralin fir-rigward tal-kriterji POP u li, sa fejn ma kienet teżisti ebda bażi legali biex taġixxi b’dan il-mod fil-kuntest tal-evalwazzjoni prevista mid-Direttiva 91/414, il-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza taġixxi b’dan il-mod u għalhekk użat ħażin il-poter tagħha.

171    Fir-rigward tar-raba’ parti tat-tieni motiv, ippreżentata sussidjarjament, ir-rikorrenti jisħqu li, fil-każ li r-Regolament Nru 850/2004 jkun applikabbli, il-Kummissjoni tkun mill-ġdid naqset milli tqis id-distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ “periklu ” u ta’ “riskju”. Is-sottogrupp TC-NES fil-fatt spiċċa l-eżami tiegħu wara perijodu qasir ħafna u kien ikkonkluda li t-trifluralin kienet tissodisfa l-kriterji POP. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni b’hekk ikkuntentat ruħha b’sempliċi eżami tan-natura perikoluża tat-trifluralin u naqset milli tipproċedi għal evalwazzjoni tar-riskju.

172    Ir-rikorrenti jsostnu li, billi naqset mill-obbligu tagħha li tevalwa jekk il-perikli preżunti, fir-rigward tal-allegati karatteristiċi POP tat-trifluralin, kinux jipproduċu riskju inaċċettabbli, jiġifieri billi naqset milli tqis id-distinzjoni bejn ir-riskji u l-perikli, il-Kummissjoni kisret ukoll id-Direttiva 91/414 u l-ġurisprudenza Komunitarja. Minn dan jirriżulta, fl-opinjoni tagħhom, illi d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq żball metodoloġiku fundamentali u b’hekk din hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

173    Fl-aħħar nett, ir-rikorrrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni kien imissha estendiet it-termini biex tippermettilhom jindirizzaw it-tħassib tas-sottogrupp TC-NES u li, billi naqset milli tagħmel dan, hija kienet għaldaqstant kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

174    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

175    Hemm lok li jiġi rrilevat illi r-Regolament Nru 850/2004 jintroduċi mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni indipendenti mill-mekkaniżmu stabbilit bid-Direttiva 91/414 u bir-Regolament Nru 451/2000.

176    Ċertament, ma huwiex ikkontestat mill-Kummissjoni li evalwazzjoni – għall-inqas sommarja – tat-trifluralin kienet twettqet fid-dawl tal-kriterji POP.

177    Madankollu, mill-minuti tal-laqgħat tal-KPKASA, tas-26 u s-27 ta’ Jannar 2006 u tat-3 u l-4 ta’ April 2006, irriżulta li dan l-eżami ma kienx twettaq fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-trifluralin fir-rigward tad-Direttiva 91/414, iżda fil-kuntest ta’ evalwazzjoni parallela, illi fir-rigward tagħha l-Kummissjoni b’mod partikolari qieset li ma kellhiex taffettwa l-proċedura li kienet għaddejja.

178    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat illi d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-evalwazzjoni tas-sustanza fir-rigward tal-kriterji tar-Regolament Nru 850/2004, iżda biss fuq l-evalwazzjoni tas-sustanza mwettqa fir-rigward tal-kriterji tad-Direttiva 91/414, kif jidher mill-premessi 4 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata.

179    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti li l-kriterji tal-persistenza fil-ħamrija, tal-bijodegradibbiltà tas-sustanza, tal-bijoakkumulazzjoni u tal-propagazzjoni fl-arja tas-sustanza, imsemmija fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxu fil-verità l-prova li s-sustanza ma kinitx ġiet awtorizzata minħabba karatteristiċi tagħha bħala POP.

180    Fil-fatt, hemm lok li jingħad illi, skont l-Artikolu 5(2)(ċ) tad-Direttiva 91/414, biex sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I, għandu b’mod partikolari jiġi meqjus, jekk ikun il-każ, l-impatt tagħha u l-mod kif din tinxtered fl-ambjent.

181    Barra minn hekk, il-punt 7 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva 91/414 jikkonċerna speċifikament id-destin u l-imġieba tas-sustanza fl-ambjent u jittratta d-destin u l-imġieba fil-ħamrija, fl-ilma u fl-arja kif ukoll il-bijoakkumulazzjoni u l-bijodegradibbiltà tas-sustanza.

182    Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tas-sustanza fid-dawl tal-kriterji kienet meħtieġa biex tippermetti l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-direttiva.

183    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq l-evalwazzjoni tat-trifluralin fir-rigward tar-Regolament Nru 850/2004 għandu jiġi miċħud.

184    Minn dan jirriżulta li l-ilment ta’ illegalità mqajjem fir-rigward tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 850/2004, anki fuq il-preżunzjoni li huwa fondat, huwa ineffettiv u għandu jiġi miċħud.

185    L-istess japplika għar-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni biex tevalwa t-trifluralin fir-rigward tar-Regolament Nru 850/2004, li għandha, hija wkoll, tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

186    Għaldaqstant l-istess japplika għall-ilment ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tar-Regolament Nru 850/2004 u għall-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża f’dan il-kuntest, peress illi d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq din l-evalwazzjoni.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt illi d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata skont il-proċedura leġiżlattiva applikabbli u b’hekk tikser l-Artikoli KE u 7 KE, kif ukoll l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000 u l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni komitoloġija

187    Ir-rikorrenti essenzjalment jargumentaw illi l-Kummissjoni hija meħtieġa tissottometti r-rapport tal-EFSA lill-KPKASA, flimkien ma’ abbozz ta’ direttiva intiż għall-inklużjoni tas-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jew ma’ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar mis-suq, fi żmien sitt xhur mir-riċezzjoni ta’ dan ir-rapport, jiġifieri, f’dan il-każ, fit-13 ta’ Settembru 2005. Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.

188    Issa, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tippreżenta abbozz ta’ direttiva jew ta’ deċiżjoni fit-terminu meħtieġ.

189    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ssottomettietx il-proposta tagħha għal direttiva għall-vot la waqt il-laqgħa tal-KPKASA, tal-14 u l-15 ta’ Lulju 2005, u lanqas waqt il-laqgħa tal-KPKASA tat-22 u t-23 ta’ Settembru 2005. Hija kienet kompliet taġixxi b’dan il-mod f’numru ta’ okkażjonijiet oħra, f’Lulju, f’Settembru u f’Novembru 2006, u f’Jannar 2007.

190    Ir-rikorrenti essenzjalment iqisu li l-Kummissjoni b’hekk tbegħdet mill-proċedura prevista fid-deċiżjoni komitoloġija. Jekk il-KPKASA ma kienx jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni, din tal-aħħar kellha fil-fatt tippreżenta proposta lill-Kunsill. Billi aġixxiet kif għamlet, hija impedixxiet lill-Kunsill milli jwettaq ir-rwol tiegħu fil-proċess leġiżlattiv u eċċediet il-limitu tal-poteri ddelegati tagħha, bi ksur b’dan il-mod tal-Artikoli 5 KE u 7 KE kif ukoll tal-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000.

191    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

192    Skont l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000, sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara li tkun irċeviet l-opinjoni tal-EFSA, il-Kummissjoni għandha tissottometti abbozz ta’ rapport ta’ reviżjoni. Abbażi tar-rapport ta’ reviżjoni ffinalizzat, hija għandha tissottometti lill-kumitat abbozz ta’ direttiva intiż għall-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I tad-direttiva u li jistabbilixxi, jekk ikun hemm lok, il-kundizzjonijiet, inkluż it-terminu, għal din l-inklużjoni, jew abbozz ta’ deċiżjoni indirizzat lill-Istati Membri intiż għall-irtirar tal-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jkun fihom is-sustanza attiva, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 u, għaldaqstant, għan-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tal-imsemmija direttiva, bl-indikazzjoni tar-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ inklużjoni.

193    L-Artikolu 8(9) tar-Regolament Nru 451/2000 jistabbilixxi li meta tissottometti abbozz ta’ direttiva jew abbozz ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 8, il-Kummissjoni għandha fl-istess waqt tippreżenta l-konklużjonijiet tal-eżami tal-kumitat, f’forma ta’ rapport ta’ reviżjoni ffinalizzat, li għandu jissemma’ fir-rapport sommarju tal-laqgħa.

194    Għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat illi l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000 jiddistingwi bejn żewġ fażijiet: dik tas-sottomissjoni ta’ abbozz ta’ rapport ta’ reviżjoni – li għandha ssir sa mhux iktar tard minn sitt xhur wara r-riċezzjoni tal-avviż tal-EFSA – u dik tas-sottomissjoni ta’ abbozz ta’ direttiva jew ta’ deċiżjoni abbażi tal-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni ffinalizzat, li ma hijiex suġġetta għall-osservanza ta’ dan it-terminu.

195    L-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jiġi sostnut li l-Kummissjoni kellha tippreżenta simultanjament, sa mill-ewwel laqgħa tal-kumitat, l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni u l-abbozz ta’ deċiżjoni jew ta’ direttiva, ma jistax għalhekk ireġġi.

196    Barra minn hekk, għandu jitfakkar illi, f’dan il-każ, l-opinjoni tal-EFSA ġiet adottata fl-14 ta’ Marzu 2005.

197    Huwa paċifiku li l-ewwel skambju ta’ opinjonijiet sar fi ħdan il-grupp ta’ ħidma “Leġiżlazzjoni” tal-KPKASA, waqt il-laqgħa tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Lulju 2005, dwar abbozz preliminari ta’ proposta għal direttiva tal-Kummissjoni intiż għall-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

198    Huwa wkoll paċifiku li l-abbozz preliminari ta’ proposta għal direttiva (bl-istess referenza bħad-dokument tal-21 ta’ Ġunju 2005) u li abbozz preliminari tar-rapport ta’ reviżjoni, tal-15 ta’ Settembru 2005 – u għalhekk kif jidher adottati mill-Kummissjoni fit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 8(8) u (9) tar-Regolament Nru 451/2000 – kienu inklużi fl-aġenda tal-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma “Leġiżlazzjoni” waqt il-laqgħa tal-KPKASA tat-22 u t-23 ta’ Settembru 2005.

199    Il-Kummissjoni tindika li hija ma osservatx it-terminu ta’ sitt xhur biex tippreżenta l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni u li biss l-anness ta’ dan id-dokument, bil-lista tal-istudji li servew għall-evalwazzjoni, ġie ppreżentat waqt din il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma “Leġiżlazzjoni”. Il-Qorti Ġenerali tiddikjara, madankollu, li l-kontenut tal-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni, illi hija kkomunikat lill-Qorti Ġenerali bħala anness mar-risposti għad-domandi li sarulha minn din tal-aħħar, ġie emendat wara din il-laqgħa, li jagħti x’jiġi mifhum illi dan l-abbozz kien ukoll ġie sottomess f’din l-okkażjoni lil dan il-grupp ta’ ħidma.

200    Madankollu, anki jekk, skont il-Kummissjoni, kien hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-terminu ta’ sitt xhur kien iddekorra meta hija ssottomettiet l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni tagħha, xorta kien hemm lok li jitqies illi l-iskadenza ta’ dan it-terminu – li fir-rigward tiegħu r-Regolament Nru 451/2000 ma jorbot ebda sanzjoni  –  ma affettwatx is-sens tad-deċiżjoni kkontestata.

201    Fl-ewwel lok, għandu jitqies il-fatt illi l-proċedura prevista fid-deċiżjoni komitoloġija bdiet bl-iskambju ta’ opinjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ ħidma “Leġiżlazzjoni”, fl-14 u l-15 ta’ Lulju 2005.

202    F’dan ir-rigward, irid jitqies illi d-distinzjoni artifiċjali li l-Kummissjoni tipprova tagħmel bejn il-KPKASA u l-grupp ta’ ħidma tagħha “Leġiżlazzjoni” hija irrilevanti fir-rigward tal-applikabbiltà tar-regoli relatati mal-komitoloġija u mal-proċedura prevista fl-Artikolu 8(8) u (9) tar-Regolament Nru 451/2000, peress illi, kif tistqarr il-Kummissjoni, il-kumitat u l-grupp ta’ ħidma huma komposti mill-istess persuni.

203    Fit-tieni lok, irid jitfakkar illi, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tipprevedi, jew espressament, jew b’mod impliċitu, il-konsegwenzi tal-iskadenza ta’ terminu proċedurali bħal dak fil-każ preżenti, l-iskadenza inkwistjoni tista’ twassal għall-annullament totali jew parzjali tal-att li l-proċess għall-adozzjoni tiegħu jinkludi t-terminu inkwistjoni, biss jekk ikun stabbilit illi, fin-nuqqas ta’ din l-allegata irregolarità, l-imsemmi att seta’ kellu kontenut differenti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2009, Shanghai Excell M&E Enterprise u Shanghai Adeptech Precision vs Il-Kunsill, T‑299/05, Ġabra p. II‑565, punt 138, u l-ġurisprudenza ċċitata).

204    Ir-rikorrenti essenzjalment jisħqu, f’dan ir-rigward, illi, jekk id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata fit-terminu previst, id-deċiżjoni kienet tkun li t-trifluralin tiġi inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 sa fejn l-EFSA kienet irrakkomandat l-inklużjoni tagħha.

205    L-ewwel nett, irid jitfakkar illi l-opinjoni tal-EFSA ma rrakkomandatx l-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I (ara l-punti 89 u 92 iktar ’il fuq). Ma jistax, għalhekk, jiġi sostnut illi d-deċiżjoni li kellha tiġi adottata kienet inevitabbilment tkun favur ir-rikorrenti.

206    Sussegwentement, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni inizjalment ipproponiet din l-inklużjoni. Fil-fatt kien biss matul id-diskussjonijiet fi ħdan il-kumitat illi s-sens tad-deċiżjoni ġie emendat, hekk kif jaqblu l-istess rikorrenti.

207    Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni kkontestata ma tteħdietx inkunsiderazzjoni mill-kriterji POP, kif isostnu r-rikorrenti (ara l-punti 175 sa 185 iktar ’il fuq).

208    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat illi r-rikorrenti baqgħu ma wrewx illi l-osservanza tat-terminu ta’ sitt xhur għall-preżentata tal-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni kienet tali li tbiddel is-sens tad-deċiżjoni kkontestata.

209    Għaldaqstant l-argument tagħhom fuq dan il-punt għandu jiġi miċħud.

210    Fit-tieni lok, peress illi l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni huwa l-uniku att li għandu jiġi ppreżentat fit-terminu ta’ sitt xhur mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000, l-argument tar-rikorrenti li l-proposta għal direttiva kellha wkoll tiġi ppreżentata fit-terminu ta’ sitt xhur, għandu wkoll jiġi miċħud.

211    Fit-tielet lok, mill-Artikolu 5(4) tad-deċiżjoni komitoloġija jirriżulta li, meta l-miżuri proposti ma jikkonformawx mal-opinjoni tal-kumitat, jew fin-nuqqas ta’ opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti mingħajr dewmien lill-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar dan.

212    Irid jitfakkar illi, f’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fir-risposti tagħha għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali kif ukoll mill-estratti tal-minuti ta’ diversi laqgħat illi saru,,irriżulta li l-destin tat-trifluralin ġie diskuss waqt il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma “Leġiżlazzjoni” tal-KPKASA, li nżammu fl-14 u l-15 ta’ Lulju, fit-22 u t-23 ta’ Settembru u fis-17 u t-18 ta’ Novembru 2005, fis-26 u s-27 ta’ Jannar, fit-3 u l-4 ta’ April, fit-22 u t-23 ta’ Mejju, fit-13 u l-14 ta’ Lulju, fil-25 u s-26 ta’ Settembru u fit-23 u l-24 ta’ Novembru 2006, u, fl-aħħar nett, fit-22 u t-23 ta’ Jannar u fil-15 u s-16 ta’ Marzu 2007, qabel ma ttieħed vot fuq il-proposta – b’maġġoranza ta’ 23 Stat Membru  –  fis-16 ta’ Marzu 2007.

213    Għalhekk, il-proposta għal deċiżjoni għan-nuqqas ta’ inklużjoni ġiet sottomessa għal vot biss darba waħda, fis-16 ta’ Marzu 2007, kuntrarjament għal dak allegat mir-rikorrenti, vot li bħala riżultat tiegħu l-proposta kisbet il-maġġoranza kkwalifikata meħtieġa għall-adozzjoni tagħha.

214    Għalhekk ma jistax jiġi argumentat li l-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(4) tad-deċiżjoni komitoloġija, billi ma ssottomettietx lill-Kunsill, mingħajr dewmien, proposta relatata mal-miżuri li kellhom jittieħdu.

215    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat illi l-kumitat ma adottax opinjoni opposta għall-miżuri proposti u lanqas ma sab ruħu f’sitwazzjoni fejn kien impossibbli għalih jikseb maġġoranza kkwalifikata jew favur jew kontra l-miżuri proposti.

216    Issa, huwa biss f’dawn iż-żewġ ipoteżi li l-Kummissjoni hija meħtieġa tressaq mingħajr dewmien il-kwistjoni quddiem il-Kunsill, skont din id-dispożizzjoni.

217    Irid għalhekk jiġi eżaminat, jekk il-Kummissjoni tistax tiġi kkritikata talli ma ssottomettietx il-proposta għal miżura għal vot matul perijodu ta’ 20 xahar, kif kien il-każ hawnhekk.

218    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar illi l-Qorti tal-Ġustizzja, f’sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Pharos vs Il‑Kummisjoni (C‑151/98 P, Ġabra p. I‑8157), ikkonfermat illi l-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90, tas-26 ta’ Ġunju 1990, li jistabbilixxi kull proċedura tal-Komunità għal iffissar ta’ limiti massimi ta’ residwi ta’ prodotti mediċinali veterinarji fi prodotti tal-ikel ta’ oriġini mill-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 10, p. 111), ma kienx jistabbilixxi b’mod preċiż it-terminu li fih il-Kummissjoni kellha tissottometti lill-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li kellhom jittieħdu u li, għall-kuntrarju, billi uża l-espressjoni “mingħajr dewmien”, il-leġiżlatur Komunitarju, filwaqt li ordna lill-Kummissjoni taġixxi b’ħeffa, ħallielha ċerta marġni ta’ manuvra (punt 25 tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq).

219    Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, iddeċidiet illi t-terminu li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha biex teżamina d-diversi modi disponibbli ta’ kif setgħet taġixxi, kellu jiġi evalwat fid-dawl tal-kumplessità tal-fajl ikkonċernat. Issa, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Pharos vs Il‑Kummissjoni, punt 218 supra, ir-riskju ta’ użu tas-sustanza inkwistjoni kien ġie invokat għall-ewwel darba fil-livell tal-kumitat regolatorju, li fi ħdanu erba’ delegazzjonijiet kienu kontra l-abbozz tal-Kummissjoni u sitta kienu astjenew waqt it-teħid tal-vot. F’dawn il-kundizzjonijiet, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, perijodu ta’ ħdax-il xahar, li matulu l-Kummissjoni kienet inizjalment eżaminat il-fajl mill-ġdid f’perijodu ta’ sitt xhur u sussegwentement talbet it-tieni opinjoni xjentifika, ma setax jitqies bħala terminu eċċessivament twil (sentenza Pharos vs Il-Kummissjoni, punt 218 supra, punti 30 sa 32).

220    Barra minn hekk, f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Novembru 1997, Moskof (C‑244/95, Ġabra p. I‑6441), din tal-aħħar iddeċidiet – fir-rigward tal-osservanza tal-proċedura relatata ma’ kumitat amministrattiv, u mhux ma’ kumitat regolatorju – illi l-fatt li kienu qed jiġu esplorati l-possibbiltajiet ta’ kompromess ma setax jiġi interpretat bħala rtirar impliċitu tat-test inizjali, diġà approvat mid-delegazzjonijiet l-oħra kollha. Deċiżjoni mod ieħor twassal biex tirrendi iktar diffiċli kull tfittix għal kompromess intiż sabiex jiġu solvuti problemi esperjenzati minn ċerti delegazzjonijiet, peress li l-Kummissjoni lanqas tabbuża iktar tieħu r-riskju li ma tadottax immedjatament test approvat. Soluzzjoni bħal din tkun iktar ta’ ħsara għall-andament tajjeb tal-proċeduri relatati mal-kumitati amministrattivi mill-fatt li jiġi ttollerat li jkun hemm, bejn il-vot ta’ test mill-kumitat amministrattiv u l-adozzjoni tiegħu bħala regolament mill-Kummissjoni, terminu raġonevoli, meħtieġ għall-eżami tal-possibbiltajiet ta’ kompromess li jistgħu jsolvu bl-aħjar mod il-problemi mqajma minn ċerti delegazzjonijiet (sentenza Moskof, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

221    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, wara vot negattiv jew meta ebda maġġoranza kkwalifikata favur jew kontra l-miżura proposta ma tkun tista’ tintlaħaq, il-Kummissjoni tista’ tfittex kompromess fi ħdan il-kumitat u, biex tkun tista’ tagħmel dan, tiddisponi minn ċertu terminu, li jiddependi mid-diffikultà, mill-kumplessità u mis-sensibbiltà tal-fajl ikkonċernat, qabel ma tressaq il-kwistjoni quddiem il-Kunsill.

222    Fi kliem ieħor, sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni aġixxietx mingħajr dewmien, għandu jiġi vverifikat jekk hija aġixxietx f’terminu raġonevoli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, u hemm lok li l-istess Kummissjoni tingħata marġni ta’ manuvra wiesgħa biex tasal għal kompromess.

223    Għalhekk, u iktar u iktar fil-każ ta’ kumitat regolatorju, il-Kummissjoni għandha jkollha marġni ta’ manuvra wiesgħa temporali, skont id-diffikultà, il-kumplessità u s-sensittività tal-fajl, sabiex tfittex kompromess fi ħdan il-kumitat qabel ma tissottometti miżura għall-vot.

224    Dan huwa manifestament il-każ hawnhekk, peress illi d-destin tat-trifluralin ġie diskuss regolarment waqt il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma “Leġiżlazzjoni” tal-KPKASA li nżammu bejn ix-xahar ta’ Lulju 2005 u x-xahar ta’ Marzu 2007 (ara l-punt 212 iktar ’il fuq).

225    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li naqset milli tieħu konjizzjoni tar-regoli proċedurali stabbiliti mid-deċiżjoni komitoloġija. Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt illi t-termini proċedurali applikabbli ma kinux ġew osservati, bi ksur tal-Artikolu 8(7) u (8) tar-Regolament Nru 451/2000

226    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li d-Direttiva 91/414 tistabbilixxi ċertu numru ta’ termini proċedurali fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni. Dawn it-termini huma b’mod partikolari mogħtija lill-EFSA u lill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li numru minn dawn it-termini ma ġewx osservati, fatt li barra minn hekk il-Kummissjoni ma tikkontestax.

227    Għalhekk billi bagħtet l-opinjoni tagħha lill-Kummissjoni fl-14 ta’ Marzu 2005 l-EFSA naqset milli tosserva t-terminu mogħti lilha sabiex tagħti l-opinjoni tagħha, li kien skada, f’dan il-każ, fl-10 ta’ Lulju 2004. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issottomettiet il-proposta għal direttiva tagħha għall-vot biss f’nofs Marzu 2007. Issa, l-abbozz ta’ proposta għall-inklużjoni jew għan-nuqqas ta’ inklużjoni kellu normalment jiġi ppreżentat f’terminu ta’ sitt xhur mir-riċezzjoni tal-opinjoni tal-EFSA, jiġifieri, f’dan il-każ, fit-13 ta’ Settembru 2005, u l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata biss fl-20 ta’ Settembru 2007, jiġifieri iktar minn sentejn wara r-riċezzjoni tal-opinjoni tal-EFSA.

228    Issa, dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 8(7) u (8) tar-Regolament Nru 451/2000, jiġifieri ksur ta’ forma sostanzjali, li kellu bħala konsegwenza li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ibbażata fuq l-għarfien xjentifiku l-iktar reċenti eżistenti fil-mument tal-evalwazzjoni. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, l-opinjoni tal-EFSA kellha tingħata fl-10 ta’ Lulju 2004. Issa, il-kwistjoni tal-POP, li finalment iddeterminat ir-rifjut tal-inklużjoni, skont huma, ma ġietx imqajma ħlief waqt l-aħħar laqgħa ta’ evalwazzjoni, fix-xahar ta’ Frar 2005, jiġifieri seba’ xhur wara. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti kieku l-opinjoni tal-EFSA kienet ingħatat f’ħin xieraq.

229    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu, barra minn hekk, illi xejn ma kien jimpedixxi lill-Kummissjoni milli tagħtihom termini supplimentari peress illi kemm hija stess kif ukoll l-EFSA kienu naqsu milli josservaw it-termini imposti fuqhom.

230    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

231    L-ewwel nett, peress illi l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni huwa l-uniku att li għandu jiġi ppreżentat fit-terminu ta’ sitt xhur mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000, l-argument tar-rikorrenti li l-proposta għal direttiva kellha wkoll tiġi ppreżentata fit-terminu ta’ sitt xhur għandu jiġi miċħud (ara l-punt 210 iktar ’il fuq).

232    It-tieni nett, irid jingħad illi ma huwiex ikkontestat illi l-EFSA naqset milli tosserva t-terminu impost fuqha għall-preżentata tar-rapport tagħha.

233    Barra minn hekk qed jitfakkar illi l-konsegwenzi tal-iskadenza ta’ dan it-terminu proċedurali la huma previsti espressament u lanqas impliċitament mil-leġiżlazzjoni applikabbli.

234    Irid jiġi vverifikat, għalhekk, jekk fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-imsemmi att seta’ kellu kontenut differenti – sa fejn l-evalwazzjoni tas-sustanza fir-rigward tar-Regolament Nru 850/2004 ma kinitx ittieħdet inkunsiderazzjoni li kieku l-opinjoni ġiet adottata fi żmien xieraq – humiex stabbiliti (ara l-punt 228 iktar ’il fuq).

235    Issa, minn naħa, mill-opinjoni tal-EFSA (ara l-punt 28 iktar ’il fuq) jirriżulta b’mod espliċitu li l-evalwazzjoni tas-sustanza fid-dawl tal-kriterji POP ma tteħditx inkunsiderazzjoni mill-EFSA.

236    Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-evalwazzjoni tas-sustanza fid-dawl tal-kriterji POP (ara l-punt 183 iktar ’il fuq).

237    Għaldaqstant, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma juru li l-kontenut tal-att kien ikun differenti li kieku l-opinjoni tal-EFSA ingħatat fi żmien xieraq. Ir-raba’ motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

238    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom it-trifluralin tippreżenta, fl-opinjoni tagħha, riskju inaċċettabbli fir-rigward tat-tossiċità kronika. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, is-sempliċi konstatazzjoni tat-tossiċità għolja tat-trifluralin għall-organiżmi akwatiċi tikkostitwixxi, jekk ikun il-każ, il-konstatazzjoni ta’ periklu, iżda din kellha sussegwentement tiġi segwita minn evalwazzjoni tar-riskju.

239    Il-Kummissjoni lanqas ma tispjega għalfejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi prodotti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-istudju addizzjonali dwar it-tossiċità kronika għall-ħut, għalkemm l-Istat Membru relatur, wara li eżaminhom, kien ikkonkluda li ma kien hemm ebda riskju inaċċettabbli ta’ tossiċità kronika.

240    Barra minn hekk, peress illi l-Istat Membru relatur u l-EFSA kienu kkonkludew li t-trifluralin ma kienet tippreżenta l-ebda riskju għas-saħħa tal-bniedem fir-rigward tal-użi nnotifikati, kienet il-Kummissjoni li kellha tispjega għalfejn hija kienet tbegħdet minn dawn il-konklużjonijiet, fatt li, skont ir-rikorrenti, hija naqset milli tagħmel.

241    Ir-rikorrenti jisħqu wkoll illi ma jsir ebda riferiment fid-deċiżjoni kkontestata għar-Regolament Nru 850/2004, u lanqas għall-kriterji POP u għall-eżami mwettaq mis-sottogrupp TC-NES, filwaqt li, skonthom, il-provi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata jagħtu x’jiġi mifhum illi huma dawn il-punti li wasslu lill-Kummissjoni biex tbiddel il-fehma tagħha u tipproponi deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni.

242    Ir-rikorrenti jilmentaw ukoll illi l-Kummissjoni naqset milli tispjega għalfejn l-applikazzjoni retroattiva tar-Regolament Nru 850/2004 kienet iġġustifikata jew ma kinitx tippreġudika l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

243    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li, peress li l-Kummissjoni kienet inizjalment ipproponiet l-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, kien partikolarment importanti li jiġu magħrufa r-raġunijiet li għalihom hija kienet biddlet il-fehma tagħha matul il-proċedura.

244    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

245    Preliminarjament, għandu jitfakkar illi, skont il-ġurisprudenza, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 253 KE huwa motiv differenti minn dak ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, filwaqt illi tal-ewwel, li jirreferi għal nuqqas ta’ motivazzjoni jew għal motivazzjoni insuffiċjenti, jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali, skont l-Artikolu 230 KE u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem mill-qorti Komunitarja, it-tieni, li jikkonċerna l-legalità fil-mertu ta’ deċiżjoni, jaqa’ taħt il-ksur ta’ dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tat-Trattat, skont l-istess Artikolu 230 KE, u jista’ jiġi eżaminat mill-qorti Komunitarja biss jekk ikun invokat mir-rikorrent. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa kwistjoni distinta minn dik tal-fondatezza tal-motivazzjoni. (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67, u tad-29 ta’ April 2004, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑159/01, Ġabra p. I‑4461, punt 65; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il‑Kummissjoni, T‑158/99, Ġabra p. II‑1, punt 97, u tal-4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, T‑445/05, Ġabra p. II‑289, punt 66).

246    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att ikkonċernat u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġonament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Ma huwiex meħtieġ illi l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-persuni kkonċernati, iżda huwa suffiċjenti li ssemmi’ l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza deċiżiva fil-kuntest tad-deċiżjoni (ara s-sentenza Associazione italiana del risparmio gestito ut Fineco Asset Management vs Il-Kummissjoni, punt 245 supra, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).

247    Għandu jitfakkar illi l-EFSA tat opinjoni li fiha, essenzjalment, hija ddikjarat il-konstatazzjonijiet tagħha, iżda wkoll l-inċertezzi tagħha, fir-rigward tas-sigurtà tat-trifluralin, fid-dawl tal-għarfien xjentifiku disponibbli fil-mument tar-reviżjoni inter pares.

248    Hija kwistjoni għalhekk li jiġi stabbilit jekk hemmx bilanċ suffiċjenti bejn il-kontenut tal-opinjoni tal-EFSA, minn naħa, u dak tad-deċiżjoni kkontestata u l-motivazzjoni tagħha, min-naħa l-oħra.

249    Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat illi d-deċiżjoni kkontestata tagħti r-raġunijiet xjentifiċi li wasslu lill-Kummissjoni – bi ftehim mal-KPKASA – tqis li kien hemm lok illi s-sustanza ma tiġix inkluża fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

250    Din il-motivazzjoni tippermetti barra minn hekk li jiġi mifhum għalfejn, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, il-Kummissjoni ma laqgħetx il-possibbiltà, prevista mill-EFSA, li tinkludi t-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 bil-kundizzjoni tal-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet.

251    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat illi l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha u tittratta d-diversi motivi li tressqu mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikorsi tagħhom.

252    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

253    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata bl-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-motiv tagħhom.

254    L-ewwel nett, is-sottomissjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata biss fuq evalwazzjoni tal-perikli u mhux tar-riskji li t-trifluralin iġġib magħha, hija infondata (ara, b’mod partikolari, il-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-punt 159 iktar ’il fuq).

255    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma jistgħux, b’mod effettiv, jisħqu li l-Kummissjoni ma qisitx il-provi li huma pproduċew fil-kuntest tal-istudju dwar it-tossiċità kronika għall-ħut, li abbażi tiegħu l-Istat Membru relatur kien ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda riskju inaċċettabbli ta’ tossiċità kronika. Fil-fatt, studju bħal dan ma ġiex mitlub lin-notifikanti (ara l-punt 128 iktar ’il fuq) u ma setax, fi kwalunkwe każ, jiġi prodott wara s-sottomissjoni tal-fajl komplut, li huma kellhom jippreżentaw skont l-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 451/2000. Barra minn hekk, irid jingħad illi, wara l-laqgħa tal-15 u s-16 ta’ Marzu 2007 il-grupp ta’ ħidma “Leġiżlazzjoni” tal-KPKASA, ir-Repubblika Elennika, li kienet l-Istat Membru relatur, talbet li tiġi inkluża dikjarazzjoni li hija kienet lesta tivvota favur il-proposta għan-nuqqas ta’ inklużjoni tat-trifluralin, sabiex tippermetti lin-notifikanti jibbenefikaw mill-perijodu sussegwenti ta’ 18-il xahar biex jissottomettu formalment l-istudju dwar it-tossiċità kronika għall-ħut u biex hija tkun tista’, bħala Stat Membru relatur, tevalwa uffiċjalment dan l-istudju.

256    It-tielet nett, peress illi d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni tat-trifluralin fir-rigward tar-Regolament Nru 850/2004, iżda biss fuq l-evalwazzjoni tas-sustanza mwettqa fir-rigward tal-kriterji tad-Direttiva 91/414, kif jidher mill-premessi 4 sa 7 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 178 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma jistgħux jilmentaw illi l-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq tali evalwazzjoni.

257    Ir-raba’ nett, huwa minnu li l-Kummissjoni bdiet id-diskussjonijiet fi ħdan il-KPKASA, u iktar partikolarment, fi ħdan il-grupp ta’ ħidma “Leġiżlazzjoni” billi ppreżentat proposta għal direttiva intiża għall-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Jibqa’ madankollu l-fatt illi proposta bħal din tista’, mid-definizzjoni tagħha, tevolvi matul id-diskussjonijiet li jsiru fi ħdan il-KPKASA (ara l-punt 221 iktar ’il fuq). Issa, f’dan il-każ, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tippermetti li jiġu mifhuma r-raġunijiet xjentifiċi li ġġustifikaw l-adozzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, ma jistax jintalab li din il-motivazzjoni ssemmi’ l-punti kollha tad-diskussjonijiet li saru fi ħdan il-KPKASA.

258    Il-ħames motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur ta’ prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju u fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ippreżentat insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv

–       Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ippreżentat insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv

259    L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, il-fatt illi l-Istat Membru relatur u l-EFSA kienu talbuhom studju addizzjonali ġegħlhom jemmnu, b’mod leġittimu, illi dan l-istudju kien ser jiġi evalwat u meħud inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tat-trifluralin. Il-Kummissjoni, madankollu, qieset illi dan l-istudju kien ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu u qieset u informat lill-membri tal-KPKASA li għalhekk hija ma setgħetx tieħdu inkunsiderazzjoni, bi ksur tal-aspettattivi leġittimi tagħhom.

260    It-tieni nett, ir-rikorrenti jallegaw illi, b’dan il-mod, il-Kummissjoni naqset milli tqis l-aħħar evidenza xjentifika disponibbli u l-istat kurrenti tal-għarfien xjentifiku u tekniku, bi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

261    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li huma kienu leġittimament emmnu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 451/2000, illi d-deċiżjoni kkontestata kienet ser tkun ibbażata fuq l-opinjoni tal-EFSA, illi rrakkomandat, skonthom, l-inklużjoni tas-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Peress li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ibbażata fuq din il-konklużjoni, isegwi, skont ir-rikorrenti, illi l-aspettattivi leġittimi tagħhom ġew miksura.

262    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni applikat retroattivament ir-Regolament Nru 850/2004 u b’hekk emendat id-dispożizzjonijiet applikabbli matul l-evalwazzjoni. Għalhekk kien impossibbli għar-rikorrenti jiddeterminaw id-drittijiet tagħhom b’mod inekwivoku jew li jieħdu l-miżuri idonei biex iħarsu dawn id-drittijiet. Minħabba dan in-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ previżjoni, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi wkoll kienu ġew miksura mill-Kummissjoni.

263    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

264    Hemm lok li jitfakkar illi, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta dawn jistgħu jkollhom konsegwenzi mhux favorevoli fuq l-individwi u l-impriżi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster, C‑158/07, Ġabra p. I‑8507, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).

265    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi tatha garanziji preċiżi, nisslet fiha aspettattivi fondati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C‑37/02 u C‑38/02, Ġabra p. I‑6911, punt 70; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T‑203/96, Ġabra p. II‑4239, punt 74; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni, punt 95 supra, punt 153). Informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli, irrispettivament mill-forma li fiha hija kkomunikata, tikkostitwixxi tali garanziji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Mejju 2000, Kögler vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, C‑82/98 P, Ġabra p. I‑3855, punt 33). Min-naħa l-oħra, ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi mogħtija lilha mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2005, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑506/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 58, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 147). Fuq kollox, garanziji biss konformi mar-regoli applikabbli jistgħu jagħtu lok għal aspettattivi leġittimi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑347/03, Ġabra p. II‑2555, punt 102; tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, Ġabra p. II‑319, punt 77, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Denka International vs Il‑Kummissjoni, T‑334/07, Ġabra p. II‑4205, punt 132).

266    L-ewwel nett, mingħajr lanqas ma huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti setgħux jingħataw, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, garanziji preċiżi li huma setgħu jissottomettu studju fuq talba tal-Istat Membru relatur jew tal-EFSA, dawn il-garanziji bl-ebda mod ma setgħu taw lok għal aspettattivi leġittimi fil-konfront tagħhom, peress illi l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 451/2000 jistabbilixxi espressament illi l-ebda studju ġdid ma jista’ jiġi ammess mill-mument illi l-EFSA tkun bdiet l-evalwazzjoni tas-sustanza attiva u li garanziji biss li jikkonformaw mar-regoli applikabbli jistgħu jagħtu lok għal aspettattivi leġittimi.

267    It-tieni nett, sa fejn ebda studju addizzjonali ma ġie mitlub lin-notifikanti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma kkunsidratx l-istudju dwar it-tossiċità kronika għall-ħut li huma ssottomettew tard

268    It-tielet nett, peress illi r-Regolament Nru 451/2000 bl-ebda mod ma jindika li l-Kummissjoni hija obbligata ssegwi l-opinjonijiet tal-EFSA fir-rigward tal-kontenut tagħhom u għalhekk ma għandha ebda setgħa diskrezzjonali (ara l-punti 87 u 88 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma jistgħux effettivament jisħqu li l-aspettattivi leġittimi tagħhom ġew miksura minħabba l-fatt illi dan ir-regolament ippermettilhom jemmnu li l-Kummissjoni kienet neċessarjament ser issegwi l-opinjoni tal-EFSA, li kienet irrakkomandat, fl-opinjoni żbaljata tagħhom, l-inklużjoni tas-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (ara l-punt 89 iktar ’il fuq).

269    Ir-raba’ nett, peress illi d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ibbażata fuq l-evalwazzjoni tat-trifluralin fir-rigward tar-Regolament Nru 850/2004, ir-rikorrenti ma jistgħux effettivament jisħqu li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ġie miksur minħabba applikazzjoni retroattiva ta’ dan ir-regolament fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-sustanza fir-rigward tad-Direttiva 91/414. L-istess jista’ jingħad fir-rigward tal-allegazzjoni tagħhom illi l-aspettattivi leġittimi tagħhom ukoll b’hekk kienu ġew miksura.

270    Għalhekk, l-ewwel parti tas-sitt motiv, kif ukoll l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ippreżentat insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv, għandhom jiġu miċħuda.

–        Fuq it-tieni parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq

271    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li fl-ipotesi li l-Kummissjoni applikat b’mod korrett ir-Regolament Nru 850/2004, hija kellha tagħtihom possibbiltà suffiċjenti li jiddefendu d-drittijiet tagħhom, billi testendi t-termini applikabbli u billi tagħtihom il-possibbiltà jippreżentaw osservazzjonijiet, biex jiżguraw id-difiża tagħhom.

272    B’hekk il-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ xieraq, li jifforma parti integrali mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

273    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

274    Peress illi d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq evalwazzjoni tat-trifluralin fir-rigward tar-Regolament Nru 850/2004, l-argument tar-rikorrenti huwa ineffettiv u għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

–        Fuq it-tielet parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

275    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-projbizzjoni totali tat-trifluralin hija sproporzjonata, peress illi l-EFSA qieset, skonthom, illi l-perikli tat-trifluralin setgħu jiġu kkontrollati billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet idonei għall-użu.

276    Sussegwentement, huma jsostnu li l-Kummissjoni aġixxiet b’mod sproporzjonat billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-istudju dwar it-tossiċità kronika għall-ħut u billi ma estendietx it-termini applikabbli biex dan ikun jista’ effettivament jittieħed inkunsiderazzjoni.

277    Fl-aħħar nett, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha bħala konsegwenza li tirrestrinġi l-għażla tal-prodotti kontra l-ħaxix ħażin offruti, li r-riperkussjonijiet tagħha għandhom implikazzjonijiet gravi għall-ġlieda kontra l-ħaxix ħażin u l-mard. Ir-rikorrenti jaraw f’dan riskju ta’ tnaqqis fl-uċuħ tar-raba’, tnaqqis konsekuttiv fil-produzzjoni tal-ikel, dipendenza fuq importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea u, fl-aħħar nett, prezzijiet ogħla. F’kuntest ta’ nuqqas ta’ ikel f’livell mondjali, id-deċiżjoni kkontestata hija wkoll, f’dan ir-rigward, sproporzjonata.

278    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

279    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li għandhom jiġu milħuqa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bl-intendiment ċar li, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri idonei, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas restrittiva, u li l-iżvantaġġi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 15; sentenzi Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, punt 145 iktar ’il fuq, punt 411, u Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, punt 95 iktar ’il fuq, punt 223).

280    Għandu jitfakkar illi hemm lok li l-Kummissjoni tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa, meta tistabbilixxi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, miżuri għall-kontroll tar-riskji. Fil-fatt, dan il-qasam jinvolvi min-naħa tiegħu, b’mod partikolari, għażliet politiċi kif ukoll evalwazzjonijiet kumplessi (ara l-punt 86 iktar ’il fuq). Hija biss in-natura manifestament mhux idonea ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan illi l-istituzzjoni kompetenti trid tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 82; sentenzi Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, punt 145 supra, punt 412, u Alpharma vs Il‑Kunsill, punt 145 supra, punti 177 sa 180).

281    F’dan il-każ, peress illi ma huwiex korrett li jiġi meqjus illi l-opinjoni tal-EFSA kienet tirrakkomanda l-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 (ara l-punt 89 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi kkonstatat illi l-ilment imressaq mir-rikorrenti insostenn tal-prova tagħhom tan-natura sproporzjonata tal-projbizzjoni totali tat-trifluralin huwa fattwalment infondat.

282    Huwa minnu illi l-opinjoni tal-EFSA tinkludi rakkomandazzjonijiet intiżi sabiex jippermettu li jiġu kkontrollati r-riskji enfasizzati waqt il-proċedura ta’ evalwazzjoni, fl-ipotesi fejn l-inklużjoni tat-trifluralin tkun proposta mill-Kummissjoni.

283    Madankollu, għandu jitfakkar illi dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu ġew ippreżentati mill-EFSA b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, li għaldaqstant ma jistax jiġi dedott minn dan illi l-EFSA kienet irrakkomandat l-inklużjoni tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 u li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni kellha setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex tilħaq, b’mod effettiv, l-għan assenjat lilha mid-Direttiva 91/414, b’kunsiderazzjoni għall-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija trid tagħmel f’dan il-qasam (ara l-punt 87 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-punti 92 u 93 iktar ’il fuq).

284    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat illi l-Kummissjoni essenzjalment sostniet, fil-kitbiet tagħha u waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet effettivament ikkontradetta fuq dan il-punt, illi inklużjoni limitata tat-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ma kinitx ġiet meqjusa minħabba l-impossibbiltà li s-sustanza attiva tinżamm taħt kontroll permezz ta’ miżuri sempliċi ta’ tnaqqis tar-riskji, b’mod partikolari fid-dawl tar-riskju ta’ propagazzjoni fl-arja fuq distanzi twal, u fid-dawl ukoll ta’ ħafna data li għadha nieqsa dwar is-sigurtà tas-sustanza inkwistjoni.

285    Minn dan jirriżulta li l-fatt illi l-Kummissjoni ma pproponietx li tinkludi t-trifluralin fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, billi ssuġġettat din l-inklużjoni għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-EFSA, ma jistax jitqies bħala manifestament sproporzjonat.

286    Barra minn hekk, il-Kummissjoni la kellha għalfejn tqis l-istudju dwar it-tossiċità kronika għall-ħut u lanqas ittawwal it-termini biex dan jittieħed inkunsiderazzjoni (ara l-punti 128 u 132 iktar ’il fuq). In-natura allegatament sproporzjonata, tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax, għalhekk, tirriżulta mill-fatt illi dan l-istudju ma tteħidx inkunsiderazzjoni jew li t-termini ma ġewx estiżi biex tittieħed konjizzjoni tiegħu.

287    Fuq kollox, ir-rikorrenti naqsu milli jipproduċi l-iċken prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom illi d-deċiżjoni kkontestata għandha d-diversi konsegwenzi negattivi li huma jsemmu’ u li turi n-natura sproporzjonata tad-deċiżjoni kkontestata.

288    Fl-aħħar nett, hemm lok li jitfakkar illi, fl-opinjoni tagħha, l-EFSA identifikat ċertu numru ta’ riskji li t-trifluralin tippreżenta

289    Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-Kummissjoni biex tkun tista’ tilħaq b’mod effettiv l-għan assenjat lilha mid-Direttiva 91/414 u fid-dawl tal-evalwazzjonijet kumplessi li hija trid tagħmel, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tidhirx li hija manifestament sproporzjonata.

290    Għaldaqstant, it-tielet parti tas-sitt motiv hija infondata u għandha għalhekk tiġi miċħuda.

291    Bħala konklużjoni, is-sitt u l-aħħar motiv għandhom jiġu miċħuda u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

292    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Dow AgroSciences Ltd u l-20 rikorrent l-ieħor li isimhom huwa mniżżel fl-anness għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2011.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq is-suġġett tal-kawża

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt illi d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq ir-rapport tal-EFSA, bi ksur tal-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000 u kienet ġiet adottata bi ksur tar-regoli proċedurali applikabbli

Fuq l-ewwel u t-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, sa fejn, minn naħa, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tqis il-provi xjentifiċi kollha disponibbli, u b’mod iktar partikolari, studju li kien ġie mitlub lin-notifikanti, u, min-naħa l-oħra, kien imissha estendiet it-termini applikabbli, sabiex ikollha din l-informazzjoni addizzjonali

Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma huma kkorraborati b’ebda ġustifikazzjoni xjentifika

Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità dwar l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 850/2004, minn naħa, u r-raba’ parti tat-tieni motiv, min-naħa l-oħra, ibbażata fuq il-fatt illi l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti tevalwa t-trifluralin fir-rigward tar-Regolament Nru 850/2004 u, fuq kollox wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta applikat il-kriterji stabbiliti minn dan l-istess regolament

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt illi d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata skont il-proċedura leġiżlattiva applikabbli u b’hekk tikser l-Artikoli 5 KE u 7 KE, kif ukoll l-Artikolu 8(8) tar-Regolament Nru 451/2000 u l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni komitoloġija

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt illi t-termini proċedurali applikabbli ma kinux ġew osservati, bi ksur tal-Artikolu 8(7) u (8) tar-Regolament Nru 451/2000

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur ta’ prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju u fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ippreżentat insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv

– Fuq l-ewwel parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattivitŕ u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, u fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ippreżentat insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv

– Fuq it-tieni parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq

– Fuq it-tielet parti tas-sitt motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq l-ispejjeż



Anness

Dow AgroSciences Ltd, stabbilita fi Hitchin (ir-Renju Unit),

Makhteshim-Agan Holding BV, stabbilita f’Rotterdam (il-Pajjizi l-Baxxi),

Makhteshim Agan International Coordination Center, stabbilit fi Brussell (il-Belġju),

Dintec Agroquímica – ProdutosQuímicos, Lda, stabbilita f’Funchal (il-Portugall),

Finchimica SpA, stabbilita f’Manerbio (l-Italja),

Dow Agrosciences BV, stabbilita f’Rotterdam,

Dow AgroSciences Hungary kft, stabbilita f’Budapest (l-Ungerija),

Dow AgroSciences Italia Srl, stabbilita f’Milano (l-Italja),

Dow AgroSciences Polska sp. z o.o., stabbilita f’Varsavja (il-Polonja),

Dow AgroSciences Iberica, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Dow AgroSciences s.r.o., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka),

Dow AgroSciences LLC, stabbilita f’Indianapolis, Indiana (l-Istati Uniti),

Dow AgroSciences GmbH, stabbilita fi Stade (il-Ġermanja),

Dow AgroSciences Export, stabbilita f’Mougins (Franza),

Dow AgroSciences, stabbilita f’Mougins,

Dow AgroSciences Danmark A/S, stabbilita f’Lyngby-Taarbæk (id-Danimarka),

Makhteshim-Agan, Poland sp. z o.o., stabbilita f’Varsavja,

Makhteshim-Agan (UK) Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit),

Makhteshim-Agan Franza, stabbilita f’Sèvres Cedex (Franza),

Makhteshim-Agan Italia Srl, stabbilita f’Bergamo (l-Italja),

Alfa Agricultural Supplies SA, stabbilita f’Halardri (il-Greċja).


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.