Kawża T-471/07

Wella AG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Reġistrazzjoni internazzjonali — Talba għal estensjoni territorjali tal-protezzjoni — Trade mark verbali TAME IT — Raġuni assoluta għal rifjut — Nuqqas ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) tal-15 ta’ Settembru 2009   II ‐ 3380

Sommarju tas-sentenza

  1. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal għall-prodotti kollha li jaqgħu taħt l-istess kategorija

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

  2. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

  3. Trade mark Komunitarja – Proċedura ta’ reġistrazzjoni – Irtirar, restrizzjoni u emenda tal-applikazzjoni għal trade mark – Restrizzjoni tal-lista tal-prodotti jew servizzi

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 44(1) u 149(1))

  1.  Peress illi saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja jew għall-protezzjoni ta’ reġistrazzjoni internazzjonali fil-Komunità Ewropea għall-prodotti kollha li jaqgħu taħt kategorija, mingħajr ma saret distinzjoni bejn dawn il-prodotti, il-fatt li t-trade mark inkwistjoni mhijiex ta’ karattru distintiv biss fir-rigward ta’ ċerti prodotti li jaqgħu taħt din il-kategorija ma jipprekludix l-għarfien tan-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark inkwistjoni fir-rigward tal-prodotti kollha ta’ din il-kategorija.

    (ara l-punt 18)

  2.  Is-sinjal verbali TAME IT, li għalih saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għal “żjut essenzjali, kożmetiċi, lozjonijiet tax-xagħar” għal prodotti fil-klassi 3 skont il-Ftehim ta’ Nice, mhuwiex ta’ karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja.

    Fir-rigward tal-lozjonijiet tax-xagħar, tal-kożmetiċi tax-xagħar u taż-żjut essenzjali li jistgħu jintużaw għax-xagħar, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinfthiem mill-konsumatur medju li jitkellem bl-Ingliż bħala ordni jew stedina sabiex dawn il-prodotti jintużaw biex ix-xagħar isir iktar mieles, jew biex jiġi kkontrollat jew biex jitrażżan. Il-kontenut semantiku ta’ din it-trade mark jindika għaldaqstant lill-konsumatur rilevanti karatteristika pożittiva ta’ dawn il-prodotti, li tikkonċerna l-valur kummerċjali tagħhom, peress li l-effett mieles jew ta’ kontroll tax-xagħar għandu funzjonalità importanti mfittxija mill-konsumatur meta jużahom.

    Għaldaqstant, it-trade mark TAME IT, fir-rigward tal-lozjonijiet tax-xagħar, tal-kożmetiċi tax-xagħar u taż-żjut essenzjali li jistgħu jintużaw għax-xagħar, u sa fejn hija tħajjar lill-konsumatur sabiex juża dawn il-prodotti u/jew tinformah dwar l-effetti li għandu jistenna meta jużahom, tiġi pperċepita b’mod immedjat mill-pubbliku rilevanti bħala messaġġ ta’ reklamar, pjuttost milli bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti.

    (ara l-punti 25, 28)

  3.  Skont l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, l-applikant għat-trade mark jista’ f’kull ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja jew jirrestrinġi l-lista tal-prodotti jew tas-servizzi li jkunu jinsabu fiha. B’hekk, il-possibbiltà li l-lista tal-prodotti u tas-servizzi tiġi ristretta tappartjeni biss lill-applikant għal trade mark Komunitarja, li jista’, f’kull ħin, jindirizza talba f’dan is-sens lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni). Skont l-Artikolu 149(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-istess għandu jgħodd fil-kuntest ta’ talba għal nomina tal-Komunità Ewropea f’reġistrazzjoni internazzjonali.

    (ara l-punt 29)