Kawża T-461/07

Visa Europe Ltd u

Visa International Service

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tas-servizzi marbuta mal-aċċettazzjoni tat-tranżazzjonijiet magħmula permezz ta’ karti ta’ kreditu jew ta’ debitu — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Limitazzjoni tal-kompetizzjoni — Kompetitur potenzjali — Multi — Ċirkustanzi attenwanti — Terminu raġonevoli — Ċertezza legali — Drittijiet tad-difiża”

Sommarju tas-sentenza

1.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

2.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Impriżi mqiegħda f’pożizzjoni li jesponu l-opinjoni tagħhom dwar il-fatti, l-ilmenti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

3.      Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kompetizzjoni attwali u potenzjali

(Artikolu 81(1) u (3) KE)

4.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Deċiżjoni li titlob evalwazzjoni ekonomika jew teknika kumplessa — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kunċett

(Artikolu 81(1) KE)

6.      Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kwalifika ta’ impriża bħala kompetitur potenzjali — Kriterji — Element essenzjali — Kapaċità tal-impriża li tidħol fis-suq potenzjali

(Artikolu 81(1) KE)

7.      Kompetizzjoni — Akkordji — Prova — Evalwazzjoni tal-valur probatorju ta’ dokument — Kriterju — Kredibbiltà tal-provi prodotti

(Artikolu 81(1) KE)

8.      Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kwalifika ta’ impriża bħala kompetitur potenzjali — Kapaċità ta’ dħul malajr fis-suq inkwistjoni — Kunċett ta’ dħul malajr

(Artikolu 81(1)(ċ) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2001/C 3/02)

9.      Kompetizzjoni — Multi — Ftehim innotifikat fil-kuntest tar-Regolament Nru 17 u li jibbenefika mill-immunità minn multi — Dekadenza tan-notifika u tneħħija tal-immunità minn multi mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(5), u Nru 1/2003, Artikolu 34(1))

10.     Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni — Adattament tal-livell tal-multi

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni skont l-aġir individwali tal-impriża

(Artikolu 81(1) KE)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Indikazzjoni tal-elementi ta’ evalwazzjoni li wasslu lill-Kummissjoni tqis il-gravità u t-tul tal-ksur

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal- tal-Kummissjoni 98/C)

13.    Dritt Komunitarju — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kunċett — Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni “li jagħtu lil wieħed x’jifhem” — Esklużjoni

14.    Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Obbligi tal-Kummissjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Annullament tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur minħabba tul eċċessiv tal-proċeduri — Kundizzjoni — Preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 25)

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Linji gwida adottati mill-Kummissjoni — Ċirkustanzi attenwanti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03))

16.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Impatt fuq is-suq — Portata tas-suq ġeografiku

(Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03))

17.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni globali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)

1.      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, mill-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa n-nuqqas tal-argumenti essenzjali ta’ liġi li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors.

Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali.

Rapport ta’ perizja kollettiva li jinsab anness mar-rikors, li għalih jirreferu r-rikorrenti fil-kuntest tal-kritika tagħhom tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali biss sa fejn jissostanzja jew jikkompleta l-motivi jew argumenti espressament invokati mir-rikorrenti fit-test proprju tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u fejn ikun possibbli li jiġi identifikat bi preċiżjoni liema huma l-elementi li dan l-anness jinkludi li jissostanzjaw jew jikkompletaw dawn il-motivi jew argumenti.

(ara l-punti 50, 51, 53)

2.      Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi sunt tal-ilmenti redatti fi kliem ċar biżżejjed, anki jekk fil-qosor, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet bħal dik inkwistjoni jeżiġi fil-fatt li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jingħataw il-possibbiltà, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jagħtu utilment l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-relevanza tal-fatti, l-ilmenti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni. Dan ir-rekwiżit huwa osservat meta d-deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE ma tatribwixxix ksur lill-partijiet ikkonċernati li jkun differenti minn ksur previst fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkusiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità li jagħtu spjegazzjoni.

Barra minn hekk, sabiex issostni ksur tad-drittijiet tad-difiża dwar l-ilmenti kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi inkwistjoni ma jistgħux biss jinvokaw is-sempliċi eżistenza ta’ differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jesponu b’mod preċiż u konkret fiex kull wieħed minn dawn id-differenzi jikkostitwixxi, fil-każ inkwistjoni, ilment ġdid li dwaru huma ma kellhomx l-opportunità li jinstemgħu. Peress li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ċerti karatteristiċi tas-suq, u, b’mod partikolari, il-konċentrazzjoni kunsiderevoli tiegħu, sabiex tikkonkludi li l-kompetizzjoni f’dan is-suq kienet limitata u li, bi tweġiba għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, hija indikat, li l-kompetizzjoni fis-suq ma kinitx “ineffettiva” u li hija setgħet tiġi ulterjorament intensifikata, hija ma indirizzatx ilment ġdid u lanqas ma bbażat ruħha fuq punt ta’ fatt ġdid, iżda ħadet sempliċement ħsieb li tikkompleta l-analiżi tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti. B’hekk, dan l-iżvilupp fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata meta mqabbel ma’ dik li tinsab inizjalment fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ma huwiex turija ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, juri, bil-kontra, li huma kienu f’pożizzjoni li jsostnu l-opinjoni tagħhom fuq l-ilment ikkunsidrat mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 56, 58-62)

3.      L-evalwazzjoni ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ prattika miftiehma taħt l-Artikolu 81(1) KE għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret li fih huma jħallu l-effetti tagħhom, u b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l‑impriżi kkonċernati, tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi msemmija kif ukoll tal-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq ikkonċernat, sakemm il-ftehim ma jikkomportax restrizzjonijiet ċari tal-kompetizzjoni bħall-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-suq jew il-kontroll tal-ħwienet. Fil-fatt, f’dan l‑aħħar każ, huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE li tali restrizzjonijiet jistgħu jiġu bbilanċjati mal-effetti tagħhom li allegatament jiffavorixxu l‑kompetizzjoni, bil-għan li tingħata eżenzjoni tal-projbizzjoni li tinsab fis-subartikolu 1 tal-istess artikolu.

L-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’suq partikolari huwa bbażat mhux biss fuq il-kompetizzjoni attwali li teżisti bejn l-impriżi li huma diġà preżenti fis-suq inkwistjoni, iżda wkoll fuq il-kompetizzjoni potenzjali, sabiex ikun magħruf jekk, fid-dawl tal-istruttura tas-suq u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jirregola l-funzjonament tiegħu, jeżistux possibbiltajiet reali u konkreti li l-impriżi kkonċernati jikkompetu bejniethom, jew li kompetitur ġdid jista’ jidħol fis-suq inkwistjoni u jikkompeti mal-impriżi stabbiliti.

Barra minn hekk, jekk ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma għandha tiġi kkunsidrata bħala pprojbita minħabba alterazzjonijiet fil-kompetizzjoni li jirriżultaw minnu, għandha tiġi eżaminata l-kompetizzjoni fil-kuntest reali li fih tiżvolġi fin-nuqqas tal-ftehim, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni.

(ara l-punti 67-69, 81, 125, 130)

4.       Għalkemm il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ, b’mod ġenerali u komplet, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE humiex sodisfatti, l‑istħarriġ tagħha tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni huwa essenzjalment limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter. Madankollu, ir-rikonoxximent lill-Kummissjoni ta’ marġni ta’ diskrezzjoni ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il‑qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari mhux biss tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom.

Peress li l-istruttura tas-suq tas-servizzi ta’ akkwist tat-tranżazzjonijiet magħmula permezz ta’ karti ta’ kreditu jew ta’ debitu lil negozjanti, minkejja fatturi li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala favorevoli għall-aċċess ta’ kompetitur ġdid, tagħmilha inqas plawżibbli li stabbiliment finanzjarju jidħol f’tali suq permezz ta’ ftehim ta’ kopertura li jiżvantaġġaha sa mill-bidu fil-konfront tal-kompetituri prinċipali tagħha stabbiliti fuq l-imsemmi suq, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li teskludi l-ipoteżi ta’ tali dħul huwa suffiċjentement ġustifikat permezz tal-kunsiderazzjonijiet li jirreferu għad-diffikultà li wieħed isib sieħeb ta’ kopertura u, għal dawk li jirreferu għall-kumplessità u għall-ispejjeż supplementari kkawżati minn tali ftehim, u ma tapplikax kriterju legali żbaljat.

(ara l-punti 70, 110, 111)

5.      Iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni ma hijiex “ineffettiva” ma jipprekludihiex milli tissanzjona aġir li għandu bħala effett li jeskludi kompetitur potenzjali minn dan is-suq. Minn naħa, sa fejn l‑Artikolu 81 KE, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni msemmija fit-Trattat, ma huwiex intiż sabiex jipproteġi biss l-interessi ta’ kompetituri jew ta’ konsumaturi, iżda wkoll sabiex jipproteġi l-istruttura tas-suq u, għalhekk, il-kompetizzjoni bħala tali, il-Kummissjoni setgħet validament tibbaża ruħha fuq livell għoli ta’ konċentrazzjoni tas-suq inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, l-analiżi tal-effetti ta’ aġir fuq il-kompetizzjoni potenzjali ma tistax tiġi kkundizzjonata bl-eżami tal-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti attwalment fis-suq inkwistjoni. Tali approċċ huwa f’kuntrast mal-ġurisprudenza stabbilita li timponi li l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’suq speċifiku huwa bbażat mhux biss fuq il-kompetizzjoni attwali li teżisti bejn l-impriżi li huma diġà preżenti fis-suq inkwistjoni, iżda wkoll fuq il-kompetizzjoni potenzjali.

(ara l-punti 121-131)


6.      Fir-rigward tal-kriterji ġuridiċi li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi vverifikat jekk impriża tikkostitwixxix kompetitur potenzjali fis-suq inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tivverifika jekk, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ regola kkontestata abbażi tal-Artikolu 81(1) KE fir-rigward ta’ din l-impriża, kinux eżistew possibbiltajiet reali u konkreti li hija tidħol fl-imsemmi suq u li tikkompeti mal-impriżi stabbiliti fih. Tali prova ma għandhiex tistrieħ fuq sempliċi ipoteżi, iżda għandha tiġi ssostanzjata permezz ta’ punti ta’ fatt jew analiżi tal-istrutturi tas-suq rilevanti. B’hekk, impriża ma tistax tiġi kkwalifikata bħala kompetitur potenzjali jekk id-dħul tagħha fis-suq ma jikkorrispondix għal strateġija ekonomika vijabbli. Minn dan jirriżulta neċessarjament li, għalkemm l-intenzjoni ta’ impriża li tidħol f’suq hija eventwalment rilevanti għall-finijiet tal-verifika dwar jekk hija tistax tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali fl-imsemmi suq, l-element essenzjali li fuqu għandha tistrieħ tali kwalifika huwa madankollu kkostitwit bil-kapaċità tagħha li tidħol fl-imsemmi suq.

(ara l-punti 166-168)

7.      Fir-rigward tal-forza probatorja li għandha tiġi rikonoxxuta lil dokumenti, fil-kuntest tal-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi u l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. B’hekk, sabiex tiġi evalwata l-forza probatorja ta’ prova, fl-ewwel lok jeħtieġ li tiġi vverifikata l-validità tal-informazzjoni li tinsab fiha. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tar-redazzjoni tiegħu, id destinatarju tiegħu, u wieħed għandu jistaqsi jekk, mill-kontenut tiegħu, id dokument jidhirx raġonevoli u kredibbli.

(ara l-punt 182)

8.      Il-Kummissjoni ma twettaqx żball ta’ liġi billi tikkwalifika operatur ekonomiku bħala kompetitur potenzjali sa fejn, minn naħa, l-evalwazzjonijiet tagħha dwar il-kapaċità ta’ dan l-operatur li jidħol fis-suq inkwistjoni ma humiex ikkontestati u fejn, min-naħa l-oħra, l-ipoteżi ta’ dħul tal-imsemmi operatur fis-suq inkwistjoni ma hijiex ta’ natura purament teoretika. Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata biċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ma pprovdietx stima tat-terminu li dan l-operatur kellu bżonn biex jidħol fis-suq inkwistjoni, u dan fi kontradizzjoni apparenti mad-definizzjoni li tinsab fil-Linji gwida li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE għall-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali, li jirreferu għal terminu ta’ sena. Fil-fatt meta tinqara’ din id-definizzjoni, riprodotta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-linji gwida, jirriżulta li l-element essenzjali huwa n-neċessità li d-dħul potenzjali jista’ jsir malajr kemm jista’ jkun sabiex jinħass mill-parteċipanti fis-suq, fejn it-terminu ta’ sena ġie ppreżentat biss b’mod indikattiv.

(ara l-punti 187-189)

9.      Il-possibbiltà għall-Kummissjoni li timponi multa fir-rigward ta’ ftehim li kien is-suġġett ta’ notifika fil-kuntest tar-Regolament Nru 17 tirriżulta mill-Artikolu 34(1), tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, li jispeċifika li n-notifiki jiskadu mid-data ta’ applikazzjoni tiegħu. Minn dan jirriżulta neċessarjament li l-immunità minn multi għall-ftehim notifikat skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 17 tieqaf mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003. B’hekk, fi kwalunkwe ipoteżi, il-Kummissjoni għandha d-dritt timponi multa fuq ir-rikorrenti minħabba t-tkomplija tal-aġir kontenzjuż, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003.

(ara l-punt 211)

10.    Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi, ġaladarba dawn jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni. Fir-rigward taċ-ċirkustanza li, fil-passat, il-Kummissjoni ma imponietx multi għal ċerti restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni dovuti għall-effett, din ma tistax iċċaħħadha mill-possibbiltà li timponi multa, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni. Bil-kontra, l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tirrikjedi li l-Kummissjoni tkun tista’ f’kull ħin tadatta l-livell ta’ multi għall-bżonnijiet ta’ din il-politika.

(ara l-punti 12, 213)

11.    Huwa fil-kuntest partikolari ta’ kull kawża li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tiddeċiedi jekk għandhiex timponi multa sabiex tippenalizza l-ksur ikkonstatat u tippreżerva l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni, fl-imgħoddi, ma kellhiex raġun li ma timponix multi fuq impriżi f’kawżi simili, l-argumenti intiżi sabiex jiġi invokat favur impriżi ssanzjonati minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni att illegali mwettaq favur ħaddieħor imur kontra l-prinċipju ta’ legalità.

(ara l-punti 218, 219)

12.    Għal dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma tkun obbligata tipprovdi spjegazzjoni iktar dettaljata jew li tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa. Tali elementi relatati mal-gravità u t-tul tal-ksur attribwit lir-rikorrenti, għalkemm jikkonċernaw qabel kollox id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, huma wkoll tali li jippermettu li wieħed jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li kien opportun li tingħata multa.

(ara l-punti 221, 288)


13.    Fi proċedura dwar il-konstatazzjoni ta’ ksur skont l-Artikolu 81 KE, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni nisslet fih aspettattivi fondati, filwaqt li għandu jiġi speċifikat li ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ipprovduti lilha mill-amministrazzjoni. “[D]ikjarazzjonijiet li jagħtu lil wieħed x’jifhem” li l-Kummissjoni ma tikkunsidrax każ speċifiku bħala kawża li fiha hija għandha timponi multa ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala tali garanziji.

(ara l-punti 223, 224)

14.    L-osservanza ta’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu għandu jiġi żgurat mill-qorti. Dan il-prinċipju jirriżulta wkoll mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-ksur ta’ dan il-prinċipju jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE, bil-kundizzjoni li din tkun affettwat il-kapaċità tal-impriżi inkwistjoni li jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom u, għalhekk, tkun ippreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħhom. Madankollu, dan ma jkunx il-każ meta, minn naħa, ir-rikorrenti ma jsostnux li t-tul tal-proċedura amministrattiva tkun ippreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħhom u meta, min-naħa l-oħra, il-perijodu li jiddekorri bejn il-waqfien mill-ksur u d-deċiżjoni kkontestata li timponi l-multa huwa ta’ tul inferjuri għat-termini ta’ preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, fil-preżenza ta’ leġiżlazzjoni kompleta li tirregola fid-dettal it‑termini li fihom il-Kummissjoni għandha dritt, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżit fundametali ta’ ċertezza legali, timponi multi lill-impriżi li jkunu s‑suġġett ta’ proċeduri skont ir-regoli tal-kompetizzjoni, kull kunsiderazzjoni marbuta mal-obbligu għall-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa tagħha li timponi multi f’terminu raġonevoli għandha tiġi eskluża.

(ara l-punti 231-234, 238, 298 )

15.    Fil-qasam tad-determinazzjoni tal-ammont ta’ multa mogħtija għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tinjora r-regoli li hija imponiet fuqha nnifisha. B’mod partikolari, meta l‑Kummissjoni tadotta linji gwida intiżi li jippreċiżaw, fl-osservanza tat-Trattat, il‑kriterji li hija beħsiebha tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, minn dan jirriżulta li jkun hemm awtolimitazzjoni fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa sa fejn hija jkollha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nnifisha.

Għall-finijiet tal-verifika dwar jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta tagħti lir-rikorrenti l-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti dovuta għall-eżistenza ta’ dubju raġonevoli fir-rigward tan-natura li tikkostitwixxi ksur tal-aġir issanzjonat, fil-każ fejn il-multa ma ngħatatx abbażi tal-perijodu kollu li jikkostitwixxi ksur, iżda biss mid-data tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li hija minn din id-data li l-Kummissjoni fformulat oġġezzjonijiet fir-rigward tal-aġir kontenzjuż billi spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-aġir kien jikser l-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant, minn din id-data, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu iktar li ma kinux jafu li kienu qed jiksru l-Artikolu 81 KE.

(ara l-punti 246, 250-252, 297)

16.    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-gravità ta’ ksur hija ddeterminata abbażi ta’ bosta elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il‑kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u li fir-rigward tagħhom il‑Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq meta dan ikun jista’ jitkejjel u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat.

(ara l-punti 266, 268)

17.    Fil-qasam tal-kompetizzjoni, in-natura adegwata ta’ tnaqqis eventwali fil-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti li taqa’ taħt il-punt 3 tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, għandha tiġi evalwata minnn perspettiva globali fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura imperattiva fl-imsemmija linji gwida fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l‑Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti.

(ara l-punt 303)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

14 ta’ April 2011(*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tas-servizzi marbuta mal-aċċettazzjoni tat‑tranżazzjonijiet magħmula permezz ta’ karti ta’ kreditu jew ta’ debitu – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Limitazzjoni tal-kompetizzjoni – Kompetitur potenzjali – Multi – Ċirkustanzi attenwanti – Terminu raġonevoli – Ċertezza legali – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T-461/07,

Visa Europe Ltd, stabbilita f’Londra (Ir-Renju Unit),

Visa International Service, stabbilita f’Wilmington, Delaware (L-Istati Uniti),

inizjalment irrappreżentati minn S. Morris, QC, H. Davies u A. Howard, barristers, V. Davies u H. Masters, solicitors, sussegwentement minn Morris u P. Scott, solicitor, Howard, V. Davies u C. Thomas, solicitor,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Arbault, N. Khan u V. Bottka, sussegwentement minn Khan u Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4471 finali, tat-3 ta’ Ottubru 2007, dwar proċeduri skont l‑Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (COMP/D1/37860 – Morgan Stanley/Visa International u Visa Europe), u, sussidjarjament, talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz ta’ din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Jaeger, President, V. Vadapalas u M. Prek (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Visa International Service, irreġistrata fl-Istati Uniti, hija persuna ġuridika bi skop ta’ lukru, proprjetà tal-istabbilimenti finanzjarji membri tagħha (iktar ’il quddiem “Visa International”). Visa International tmexxi u tikkoordina n-netwerk internazzjonali ta’ ħlas bil-karta li ġġib l-istess isem (iktar ’il quddiem is-“sistema Visa”), inkluż b’mod partikolari l-iffissar tar-regoli tan-netwerk kif ukoll il‑provvista lill-istabbilimenti membri tas-servizzi ta’ awtorizzazzjoni u ta’ approvazzjoni. L-attivitajiet ta’ ħruġ ta’ karti Visa u l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ affiljazzjoni ma’ negozjanti għall-aċċettazzjoni ta’ dawn il-karti jaqgħu taħt ir‑responsabbiltà tal-istabbilimenti finanzjarji membri.

2        Morgan Stanley (li qabel kienet Morgan Stanley Dean Witter & Co., iktar ’il quddiem “Morgan Stanley”) hija stabbiliment finanzjarju rreġistrat fl-Istati Uniti, pajjiż li fih, matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet proprjetarja tan-netwerk Discover Card/Novus li jaħdem bil-karti Discover (iktar ’il quddiem is‑“sistema Discover”).

3        Fit-23 ta’ Frar 1999, Morgan Stanley kkostitwixxiet sussidjarja fir-Renju Unit, imsemmija Morgan Stanley Bank International Ltd..

4        Fit-22 ta’ Marzu 2000, Morgan Stanley ġiet informata li hija ma kinitx eliġibbli sabiex issir membru ta’ Visa International fir-reġjun “Unjoni Ewropea”.

5        Fit-12 ta’ April 2000, Morgan Stanley ressqet ilment, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), fejn allegat ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE billi rrifjutat li taċċettaha bħala membru ta’ Visa International fir-reġjun “Unjoni Ewropea”. Fl-istess waqt, Morgan Stanley ppreżentat azzjoni fir-rigward tal-istess aġir quddiem il-High Court of Justice (England & Wales) [Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales)]. Din l-azzjoni ġiet sospiża sakemm tintemm il-proċedura quddiem il-Kummissjoni Ewropea.

6        L-ilment ta’ Morgan Stanley kien ibbażat fuq l-applikazzjoni fir-rigward tagħha tar-Regola 2.12(b), tal-istatuti ta’ Visa International (iktar ’il quddiem ir‑“Regola”) li verżjonijiet differenti tagħha ġew innotifikati lill-Kummissjoni. Sa mill-4 ta’ Diċembru 1989, ir-Regola hija redatta b’dan il-mod: “[f]ejn ikun permess mil-leġiżlazzjoni applikabbli, il-Bord ta’ tmexxija (inklużi l-Bordijiet reġjonali u l-membri tal-grupp) ma għandux jaċċetta bħala membru kandidat li jqis bħala kompetitur tal-kumpannija”.

7        Qabel l-1 ta’ Lulju 2004, is-setgħa deċiżjonali fir-rigward tar-reġjun “Unjoni Ewropea” ta’ Visa International – li, minbarra l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, jinkludi l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera, it-Turkija u l-Israel – kienet f’idejn il-Bord ta’ tmexxija reġjonali ta’ Visa International għall-Unjoni Ewropea. Sa mill-1 ta’ Lulju 2004, din is-setgħa hija eżerċitata minn Visa Europe Ltd (iktar ’il quddiem “Visa Europe”), li l-Bord reġjonali tagħha għandha awtorità esklużiva sabiex tirregola l-kwistjonijiet kollha fi ħdan ir-reġjun “Unjoni Ewropea” u, b’mod partikolari, li tiddeċiedi dwar l-opportunità li taċċetta jew li tirrifjuta kull talba ta’ għoti tal-kwalità ta’ membru ta’ Visa Europe. Sa minn Ottubru 2004, ir-Regola tinsab ukoll fil-paragrafu 3 tal-klawżola 5 tar-regolament ta’ adeżjoni ta’ Visa Europe.

8        Fit-2 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Visa International u lil Visa Europe (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE. Fit-3 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub bi tweġiba għall-ilmenti kkunsidrati mill-Kummissjoni. F’din l-okkażjoni, huma talbu li jinstemgħu, liema talba huma rtiraw fil-5 ta’ April 2005.

9        Fl-1 u t-2 ta’ Settembru 2004, fid-19 ta’ Novembru 2004, fis-17 ta’ Diċembru 2004 u fit-12 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti kellhom aċċess għall-atti tal-Kummissjoni.

10      Fil-15 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni bagħtet verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil Morgan Stanley. Fit-22 ta’ Ottubru 2004, Morgan Stanley issottomettiet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fit-23 ta’ Frar 2005, dawn kienu suġġetti għal kummenti min-naħa tar-rikorrenti.

11      Fit-23 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti l-ewwel ittra li tesponi l-fatti inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“ewwel ittra li tesponi l-fatti”), li ġiet imwieġba mir-rikorrenti permezz ta’ ittri tal-14 ta’ Jannar 2005 u t-23 ta’ Frar 2005.

12      Fis-6 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti t-tieni ittra li tesponi l‑fatti inkwistjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni ittra li tesponi l-fatti”), li ġiet imwieġba mir-rikorrenti permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Settembru 2006.

13      Fil-21 ta’ Settembru 2006, sar ftehim bejn Morgan Stanley u r-rikorrenti, li jirrikonoxxi lil Morgan Stanley il-kwalità ta’ membru ta’ Visa Europe u jipprovdi għall-irtirar tal-ilment sottomess lill-Kummissjoni, kif ukoll għall-irtirar tal-proċedura mressqa quddiem il-High Court of Justice.

14      Fit-22 ta’Settembru 2006, Morgan Stanley saret membru ta’ Visa Europe u rtirat l‑ilment li hija kienet issottomettiet lill-Kummissjoni. Madankollu, il‑Kummissjoni qieset li hija żammet interess leġittimu li tadotta deċiżjoni li tissanzjona l-aġir antikompetittiv tar-rikorrenti.

 Id-deċiżjoni kkontestata

15      Fit-3 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2007) 4471 finali, dwar proċeduri skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (COMP/D1/37860 – Morgan Stanley/Visa International u Visa Europe) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li l-elementi essenzjali tagħha jissemmew hawn quddiem.

A –  Definizzjoni tas-suq rilevanti

16      Il-Kummissjoni qieset li s-servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ netwerk ta’ karti ta’ ħlas jistgħu jinqasmu fi tliet gruppi separati:

–        is-servizzi pprovduti minn netwerk ta’ karti ta’ ħlas lil istituzzjonijiet finanzjarji, li fil-kuntest tagħhom in-netwerks differenti ta’ karti ta’ ħlas jikkompetu bejniethom;

–        is-servizzi pprovduti mill-banek li joħorġu l-karti ta’ ħlas lill-proprjetarji tagħhom;

–        is-servizzi marbuta mal-aċċettazzjoni tat-tranżazzjonijiet ipprovduti lin-negozjanti.

17      Minn dan hija qieset li setgħu jiġu identifikati tlett iswieq separati: suq ‘upstream’, ikkostitwit mis-servizzi ta’ netwerks, li fi ħdanu n-netwerks ta’ karti jipprovdu servizzi lill-istituzzjonijiet finanzjarji differenti; l-ewwel suq ‘downstream’, li fih min joħroġ il-karti ta’ ħlas jikkompetu bejniethom sabiex joħorġu l-karti u jipprovdu servizzi konnessi mal-individwi (iktar ’il quddiem is-“suq tal-ħruġ”); it-tieni suq ‘downstream’, li fih min jaċċetta tranżazzjonijiet magħmula b’karti jikkompetu bejniethom bil-għan li jikkonkludu man-negozjanti kuntratt li jkopri s-servizzi kollha meħtieġa sabiex dawn ikunu jistgħu jaċċettaw il-karti (iktar ’il quddiem is‑“suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas”).

18      Filwaqt li tenfasizza li r-Regola setgħet kellha effetti ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fiż-żewġt iswieq li jinsabu ‘downstream’, il-Kummissjoni ddikjarat li bbażat ruħha biss fuq is-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas, li fih l-effetti restrittivi tar-Regola fuq il-kompetizzjoni kienu l-iktar sensibbli.

19      Għalhekk, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq rilevanti bħala dak tas-servizzi ta’ aċċettazzjoni tat-tranżazzjonijiet magħmula permezz ta’ karti ta’ kreditu jew ta’ debitu lil negozjanti fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem is-“suq rilevanti” jew is‑“suq inkwistjoni”).

B –  L-aġir li dwaru sar l-ilment

20      Fil-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li l-aġir allegat fil-konfront tar-rikorrenti ma kienx ir-Regola fiha nnifisha, iżda l‑applikazzjoni tagħha lil Morgan Stanley (iktar ’il quddiem l-“aġir kontenzjuż”).

C –  Applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE

21      Sabiex tasal għall-konklużjoni li l-aġir kontenzjuż kien jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li r‑regoli u r-regolamenti li jiddefinixxu l-qafas ta’ funzjonament tas-sistema Visa (inklużi l-istatuti ta’ Visa International u r-regolament ta’ adeżjoni ta’ Visa Europe li jinkludi r-Regola) u d-deċiżjoni li dawn jiġu applikati fil-konfront ta’ impriża setgħu jiġu kkunsidrati kemm bħala ftehim bejn impriżi, kif ukoll bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi. Hija bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanzi li, minn naħa, ir‑rikorrenti u l-membri rispettivi tagħhom jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi u, għaldaqstant, huma impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u, min-naħa l-oħra, ir‑rikorrenti huma “organizzazzjonijiet assoċjattivi” (membership organisations).

22      Fit-tieni lok, hija qieset li l-aġir kontenzjuż kien ipproduċa effetti antikompetittivi billi r-rifjut li Morgan Stanley tiġi ammessa fi ħdan ir-reġjun “Unjoni Ewropea” ta’ Visa International imbagħad fi ħdan Visa Europe (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, fi ħdan “Visa”) kellu bħala konsegwenza li jipprekludi lil kompetitur potenzjali milli jidħol f’suq immarkat b’livell għoli ta’ konċentrazzjoni u li fih il-kompetizzjoni, minkejja li ma kinitx ineffettiva, setgħet tiġi intensifikata.

23      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni osservat li r-rifjut li Morgan Stanley tiġi ammessa f’Visa mhux biss kien ipprekludiha milli taċċetta tranżazzjonijiet magħmula b’karti Visa, iżda, b’mod iktar ġenerali, eskludietha mis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas kollu, inkluż is-suq tat-tranżazzjonijiet magħmula b’karti MasterCard. Il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq iċ-ċirkustanza li n-negozjanti jixtiequ jikkonkludu kuntratti ta’ sħubija għall-iktar karti popolari fir-Renju Unit, Visa u MasterCard, mal-istess akkwirent li jaċċetta tranżazzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“akkwirent”).

24      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni analizzat il-possibbiltà, imsemmija mir-rikorrenti, li Morgan Stanley tintervjeni fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas billi tikkonkludi “ftehim ta’ kopertura” ma’ akkwirent membru ta’ Visa. Il‑Kummissjoni ddefiniet il-ftehim ta’ kopertura, essenzjalment, bħala li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi li fihom il-membru ta’ Visa, is-sieħeb li jirrappreżenta, ikun waqaf mill-attivitajiet ta’ affiljazzjoni ta’ negozjanti u jaġixxi bħala sempliċi intermedjarju bejn Visa u akkwirent terz, li huwa wkoll l-akkwirent de facto, li jassumi r-responsabbiltà ta’ kważi l-elementi kollha tas-servizz ta’ aċċettazzjoni u jsostni r-riskju relatat mal-influss tad-dħul tan-negozjant. Minn dan hija kkonkludiet li l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kopertura ma kienx jikkostitwixxi, għal bank internazzjonali bħal Morgan Stanley, mezz effettiv sabiex jidħol fis-suq rilevanti.

25      Bi tweġiba għall-argumenti differenti magħmula mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva sabiex jiġi ġustifikat l-aġir kontenzjuż, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx realistiku li jiġi kkunsidrat li Morgan Stanley hija f’pożizzjoni li testendi s-sistema tagħha Discover fl-Unjoni Ewropea u b’hekk tikkompeti ma’ Visa, ladarba attiva fis-suq. Bl-istess mod, għall-Kummissjoni, ir-rifjut ta’ sħubija lil Morgan Stanley ma jistax jiġi ġġustifikat permezz tal-għan li jiġi evitat “parassitiżmu” (free-riding) eventwali ta’ kompetitur dirett ta’ Visa, li jkun b’hekk f’pożizzjoni li jaċċedi għal informazzjoni kunfidenzjali. F’dan ir-rigward, il‑Kummissjoni osservat li ċerti membri ta’ Visa kellhom sistema ta’ karti ta’ kreditu jew ta’ ħlas differit li jikkompeti direttament ma’ Visa u li r-Regola ma ġietx applikata fil-konfront tagħhom.

26      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 81(3) KE ma kienx japplika f’dan il-każ.

27      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li hija żammet interess leġittimu li tadotta deċiżjoni li tissanzjona l-imġieba antikompetittiva tar-rikorrenti, minkejja l‑waqfien ta’ dan il-ksur fl-ammissjoni ta’ Morgan Stanley f’Visa, fit-22 ta’ Settembru 2006.

D –  Kalkolu tal-multa

28      Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li l-ksur beda fit-22 ta’ Marzu 2000 u dam sitt snin u sitt xhur, hija kkunsidrat perijodu iqsar bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa, mifrux mid-data tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, it-2 ta’ Awwissu 2004, sa dik tal-ammissjoni ta’ Morgan Stanley f’Visa, fit-22 ta’ Settembru 2006. Hija qieset li l-ksur kien gravi u li ma kienu jeżistu la ċirkustanzi aggravanti, u lanqas ċirkustanzi attenwanti.

29      L-Artikoli 1 u 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jinqraw kif ġej:

“Artikolu 1

[Visa International] u [Visa Europe] kisru – tal-ewwel waqt il-perjodu mit-22 ta’ Marzu 2000 sat-22 ta’ Settembru 2006, u tal-aħħar mit-twaqqif tagħha fl-1 ta’ Lulju 2004 sat-22 ta’ Settembru 2006 – l-Artikolu 81[(1) KE] u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim taż-ŻEE billi jeskludu [lil Morgan Stanley] minn sħubija fil-Visa Europe.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, multa ta’ EUR 10 200 000 ġiet imposta fuq [Visa International] u [Visa Europe], li għaliha huma responsabbli in solidum.”

 Proċedura

30      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2007, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

31      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti, minn naħa, talbu skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li jiġi deċiż b’mod preliminari dwar l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti u provi u, min-naħa l-oħra, ipproponew l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-Artikolu 64(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talbiet tar-rikorrenti.

33      Permezz ta’ digruet tal-14 ta’ Diċembru 2009, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) għaqqdet fuq il-mertu t-talba tar-rikorrenti magħmula skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

34      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali, il-kompożizzjoni tal-Ħames Awla nbidlet għall-finijiet ta’ din il-kawża.

35      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni weġbithom fit-terminu mogħti.

36      It-trattazzjoni u t-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2010.

 It-talbiet tal-partijiet

37      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġanerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarament tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        iktar sussidjarjament, tnaqqas fi proporzjonijiet xierqa l-ammont tal-multa imposta;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

39      Insostenn ta’ din it-talba r-rikorrenti jressqu tliet motivi.

40      Permezz tal-ewwel u t-tielet motivi tagħhom ir-rikorrenti jikkontestaw l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-aġir kontenzjuż ipproduċa effetti restrittivi fuq il‑kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

41      It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, peress li l-kriterju ġuridiku użat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti restrittivi tal-aġir kontenzjuż huwa differenti minn dak diskuss matul il-proċedura amministrattiva.

1.     Kwistjonijiet preliminari

a)     Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti u ta’ dokument

42      Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom kif ukoll permezz ta’ att separat tal-24 ta’ Lulju 2009, ippreżentat skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir‑rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni, kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, tibbaża ruħha fuq argumenti u dokument li fir-rigward tagħhom huma ma kellhomx l-opportunità li jsostnu l-opinjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva. Dawn jirrigwardaw, minn naħa, l‑argumenti li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ strateġija ta’ Morgan Stanley ibbażata fuq l-akkwist, mingħand negozjanti, tat-tranżazzjonijiet magħmula bil-karti maħruġa minnha (iktar ’il quddiem l-“istrateġija ta’ akkwist tat-tranżazzjonijiet ‘on-us’”) u, min-naħa l-oħra, l-Anness 57 tat-tieni ittra li tesponi l-fatti, li tinkludi preżentazzjoni ta’ Morgan Stanley għas-smigħ.

43      Fir-rigward tal-argumenti marubta mal-eżistenza ta’ strateġija ta’ akkwist tat-tranżazzjonijiet “on-us”, ir-rikorrenti jsostnu li dawn ma tressqux mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

44      Fir-rigward tal-Anness 57 tat-tieni ittra li tesponi l-fatti, huma jsostnu, essenzjalment, li huma ma ġewx suffiċjentement informati dwar dan, sa fejn ebda riferiment għal dan l-anness ma jirriżulta fil-corpus innifsu tal-imsemmija ittra.

45      Il-Kummissjoni tqis li hija kellha d-dritt, kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fil-kuntest tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, li tibbaża ruħha fuq dawn l‑argumenti u fuq dan id-dokument.

46      Il-Qorti Ġenerali għandha tanalizza l-ammissibbiltà ta’ dawn l-argumenti u dan id‑dokument meta tiġi sabiex teżamina d-diversi motivi relatati magħhom.

b)     Fuq l-ammissibbiltà ta’ anness tar-rikors

47      Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà tal-Anness A5 tar-rikors li jinkludi rapport ta’ perizja kollettiva (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ perizja kollettiva”).

48      Il-Kummissjoni tallega li r-rikorrenti jsostnu fir-rapport ta’ perizja kollettiva argumenti la ma jinstabux fir-rikors u josservaw li dan huwa kuntrarju għall-funzjoni purament probatorja u strumentali tal-annessi.

49      Skont ir-rikorrenti, il-motivi u argumenti li insostenn tagħhom sar ir-rapport ta’ perizja kollettiva ġew suffiċjentement żviluppati fir-rikors u, għaldaqstant, id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura ġew osservati.

50      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u skont l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, mill-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa n-nuqqas tal-argumenti essenzjali ta’ liġi li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Barra minn hekk, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li fuqhom hija tista’ tikkunsidra li huwa bbażat ir-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan il-każ, jidher, ċertament, li l-motivi u argumenti differenti li insostenn tagħhom qed isir riferiment għar-rapport ta’ perizja kollettiva huma kjarament identifikabbli fit-test proprju tar-rikors innifsu. B’hekk, ir-rikorrenti jirreferu għal dan id-dokument fil-kuntest tal-kritika tagħhom tal-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni setgħet tiġi intensifikata, sabiex jiċħdu r‑rilevanza tal-effetti li fl-imgħoddi kellu fuq il-kompetizzjoni d-dħul ta’ stabbiliment finanzjarju fis-suq inkwistjoni u sabiex isostnu li Morgan Stanley b’mod żbaljat ġiet deskritta mill-Kummissjoni bħala attur effettiv, importanti u b’esperjenza.

52      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport ta’ perizja kollettiva jeċċedi l‑funzjoni purament probatorja u strumentali mogħtija lill-annessi. Qari tar-rapport juri li dan ma jillimitax ruħu sabiex jissostanzja jew jikkompleta elementi ta’ fatt jew ta’ dritt espressament invokati fit-test proprju tar-rikors, iżda jintroduċi argumenti ġodda.

53      B’hekk, l-Anness A5 tar-rikors jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali biss sa fejn jissostanzja jew jikkompleta l-motivi jew argumenti espressament invokati mir-rikorrenti jew mill-Kummissjoni fit-test proprju tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u sa fejn ikun possibbli li jiġi identifikat bi preċiżjoni liema huma l-elementi li dan l-anness jinkludi li jissostanzjaw jew jikkompletaw dawn il-motivi jew argumenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 99).

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

a)     L-argumenti tal-partijiet

54      Ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni bidlet l-analiżi tagħha matul il-proċedura amministrattiva mingħajr ma kellhom l-opportunità jsostnu l-opinjoni tagħhom, liema fatt jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża li għandu jagħti lok għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-punti 198 sa 200 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fil-punti 5 sa 9 tat-tieni ittra li tesponi l-fatti, il-Kummissjoni ġġustifikat l-eżistenza ta’ effetti sensittivi fuq il-kompetizzjoni permezz tan-natura limitata tal-kompetizzjoni fuq is-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas. Issa, fil-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ddikjarat, għall-ewwel darba, li ma kinitx tqis li l-kompetizzjoni hija ineffettiva fuq dan is-suq. Minn dan ir‑rikorrenti jaslu għall-konklużjoni li l-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq kriterju msemmi għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li minkejja li s-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas fir-Renju Unit jiffaċċja kompetizzjoni effettiva, din tista’ tiġi ulterjorament intensifikata.

55      Il-Kummissjoni tqis li ma kienx hemm ksur tad-dritt tar-rikorrenti li jinstemgħu.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

56      Skont il-ġurisprudenza, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tinkludi sunt tal-ilmenti redatt fi kliem ċar biżżejjed, anki jekk fil-qosor, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu effettivament jidentifikaw l-aġir li huma qegħdin jiġu akkużati bih mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il‑Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 63). Ir‑rispett tad-drittijiet tad-difiża fi proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet bħal dik inkwistjoni jeżiġi fil-fatt li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jingħataw il-possibbiltà, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jagħtu utilment l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, l-ilmenti u ċ-ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 553). Dan ir-rekwiżit huwa osservat meta d-deċiżjoni ma tatribwixxix ksur lill-partijiet ikkonċernati li jkun differenti minn ksur previst fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tieħu inkusiderazzjoni biss il-fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità li jagħtu spjegazzjoni. Minn dan jirriżulta li l‑Kummissjoni tista’ biss tieħu inkunsiderazzjoni l-ilmenti li fir-rigward tagħhom dawn tal-aħħar kellhom l-opportunità jagħtu l-opinjoni tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 1994, CB u Europay vs Il‑Kummissjoni, T‑39/92 u T‑40/92, Ġabra p. II‑49, punt 47).

57      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li d-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja eżatta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni t-tweġibiet tal-impriżi kkonċernati għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’dan ir-rigward, hija għandha tkun tista’ mhux biss tilqa’ jew tiċħad l-argumenti tal-impriżi kkonċernati, iżda għandha wkoll tipproċedi għall-analiżi tagħha tal-fatti mressqa minnhom, jew sabiex tabbanduna tali lmenti li jirriżultaw li huma infondati, jew sabiex temenda jew tissupplimenta, kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, l-argumenti tagħha insostenn tal-ilmenti li hija tisħaq tressaq. Barra minn hekk, huwa biss jekk id-deċiżjoni finali tallega li l-impriżi kkonċernati wettqu ksur differenti minn dak imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew tieħu inkunsiderazzjoni fatti differenti li ksur tad-drittijiet tad-difiża jkollu jiġi kkonstatat. Dan ma huwiex il-każ meta l-allegati differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali jikkonċernaw biss aġir li fir-rigward tiegħu l-impriżi kkonċernati diġà kienu spjegaw ruħhom u li, għalhekk, ma humiex relatati ma’ lment ġdid (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98, T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 191, u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Barra minn hekk, sabiex issostni ksur tad-drittijiet tad-difiża dwar l-ilmenti kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi inkwistjoni ma jistgħux biss jinvokaw is-sempliċi eżistenza ta’ differenzi bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jesponu b’mod preċiż u konkret fiex kull wieħed minn dawn id-differenzi jikkostitwixxi, fil-każ inkwistjoni, ilment ġdid li dwaru huma ma kellhomx l-opportunità li jinstemgħu. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi eżaminat skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari, sa fejn dan ikun jiddependi essenzjalment mill-ilmenti kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ksur li qed jiġi allegat fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (ara s‑sentenza Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punt 192, u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fil-punti 198 sa 200 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ċerti karatteristiċi tas-suq, u, b’mod partikolari, il-konċentrazzjoni kunsiderevoli tiegħu, sabiex tikkonkludi li l-kompetizzjoni f’dan is-suq kienet limitata, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċettazzjoni tat-tranżazzjonijiet magħmula għand negozjanti ta’ daqs żgħir u ta’ daqs medju.

60      Fl-osservazzjonijiet tagħhom tat-3 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti kkontestaw din l-analiżi tal-Kummissjoni billi għamlu riferiment, b’mod partikolari, għat-tnaqqis fil-prezz tal-ispejjeż attribwiti lill-kummerċjanti jew għall-faċilità għan-negozjanti li jbiddlu l-akkwirent. Bi tweġiba għal dawn l-osservazzjonijiet il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kompetizzjoni fis-suq ma kinitx “ineffettiva” u li hija setgħet tiġi ulterjorament intensifikata.

61      Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tindirizzax, fil-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, ilment ġdid kontra r-rikorrenti u lanqas ma tibbaża ruħha fuq punt ta’ fatt ġdid. Hija tieħu sempliċement ħsieb li tikkompleta l-analiżi tagħha billi tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, hekk kif għandha l‑obbligu li tagħmel skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 56 u 57 iktar ’il fuq.

62      B’hekk, din l-iżvilupp fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata meta mqabbla ma’ dik li tinsab inizjalment fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ma hijiex turija ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, juri, bil-kontra, li huma kienu f’pożizzjoni li jsostnu l-opinjoni tagħhom fuq l-ilment ikkunsidrat mill-Kummissjoni, ibbażata fuq il-fatt li, fir-rigward tal-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq inkwistjoni, l-aġir kontenzjuż kellu effetti restrittivi fuq il‑kompetizzjoni.

63      Iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata fuq il‑possibbiltà li l-kompetizzjoni fis-suq rilevanti tiġi intensifikata għaldaqstant ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

64      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq l-ewwel u t-tielet motivi, li jikkontestaw l-allegazzjoni li l-aġir kontenzjuż kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni

65      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-aġir kontenzjuż għandu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) KE. Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, huma jiċħdu li l-aġir kontenzjuż kellu bħala konsegwenza li jagħlaq is-suq inkwistjoni lil Morgan Stanley. Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħhom, huma jiddiriġu l-kritika tagħhom kontra l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni li setgħet kellha l-preżenza ta’ Morgan Stanley fuq l-imsemmi suq.

66      Qabel ma tiġi analizzata l-fondatezza ta’ dawn iż-żewġ motivi, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma jerġgħux itennu, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-argumenti żviluppati matul il-proċedura amministrattiva, ibbażati fuq il-fatt li l-applikazzjoni tar-Regola lil Morgan Stanley kienet dovuta għall-karatteristika ta’ kompetitur ta’ Visa min-naħa tas-sistema Discover, u b’hekk ma terġax tqiegħed inkwistjoni l‑evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata li jiċħdu n‑natura oġġettivament ġustifikata tal-aġir kontenzjuż.

67      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ prattika miftiehma taħt l-Artikolu 81(1) KE għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret li fih huma jħallu l-effetti tagħhom, u b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l‑impriżi kkonċernati, tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi msemmija kif ukoll tal-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq ikkonċernat, sakemm il-ftehim ma jikkomportax restrizzjonijiet ċari tal-kompetizzjoni bħall-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-suq jew il-kontroll tal-ħwienet. Fil-fatt, f’dan l‑aħħar każ, huwa biss fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE li tali restrizzjonijiet jistgħu jiġu bbilanċjati mal-effetti tagħhom li allegatament jiffavorixxu l‑kompetizzjoni, bil-għan li tingħata eżenzjoni tal-projbizzjoni li tinsab fis-subartikolu 1 tal-istess artikolu (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 136, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      L-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’suq partikolari huwa bbażat mhux biss fuq il-kompetizzjoni attwali li teżisti bejn l-impriżi li huma diġà preżenti fis-suq inkwistjoni, iżda wkoll fuq il-kompetizzjoni potenzjali, sabiex ikun magħruf jekk, fid-dawl tal-istruttura tas-suq u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jirregola l-funzjonament tiegħu, jeżistux possibiltajiet reali u konkreti li l-impriżi kkonċernati jikkompetu bejniethom, jew li kompetitur ġdid jista’ jidħol fis-suq inkwistjoni u jikkompeti mal-impriżi stabbiliti (sentenza European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, punt 67 iktar ’il-fuq, punt 137).

69      Barra minn hekk, jekk ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma għandha tiġi kkunsidrata bħala pprojbita minħabba alterazzjonijiet fil-kompetizzjoni li jirriżultaw minnu, għandha tiġi eżaminata l-kompetizzjoni fil-kuntest reali li fih tiżvolġi fin-nuqqas tal-ftehim, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, Ġabra p. I‑3111, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju fuq l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, għalkemm il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ, b’mod ġenerali u komplet, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE humiex sodisfatti, l‑istħarriġ tagħha tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni huwa essenzjalment limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza Deere vs Il‑Kummissjoni, punt 69 iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ir-rikonoxximent lill-Kummissjoni ta’ marġni ta’ diskrezzjoni ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha toqgħod lura milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il‑qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari mhux biss tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment preċiżi, affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara s-sentenza Microsoft vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 89, u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ż-żewġ motivi invokati mir-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati fuq il-mertu.

a)     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-possibbiltà għal Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni permezz ta’ ftehim ta’ kopertura

 L-argumenti tal-partijiet

72      Dan il-motiv huwa ppreżentat mir-rikorrenti bħala wieħed ikkostitwit minn żewġ partijiet.

73      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi minħabba l-applikazzjoni ta’ kriterju legali żbaljat peress li hija eskludiet il-possibbiltà ta’ dħul ta’ Morgan Stanley permezz ta’ ftehim ta’ kopertura minħabba l-fatt li tali ftehim, minn naħa, ma jiggarantix fil-prattika lil bank bħal Morgan Stanley l-effettività meħtieġa sabiex tidħol fis-suq u, min-naħa l-oħra, ma jikkostitwixxix għal Morgan Stanley sostitut sabiex takkwiżixxi f’isimha.

74      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-ġustifikazzjonijiet differenti mressqa mill-Kummissjoni huma vvizzjati bi żbalji ta’ fatt u ta’ evalwazzjoni. B’hekk, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkunsidrat li l-ftehim ta’ kopertura ma jintużawx mill-banek internazzjonali l-kbar.

75      Fit-tieni lok, l-argument ibbażat fuq il-fatt li ftehim ta’ kopertura ma ppermettiex lil Morgan Stanley issegwi strateġija bbażata fuq l-integrazzjoni tal-attivitajiet ta’ arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas u ta’ attivitajiet ta’ ħruġ huwa żbaljat. Barra minn hekk, sa fejn dan l-argument jirreferi għal strateġija ta’ akkwist tat-tranżazzjonijiet “on-us”, huwa għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, sa fejn issemma għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata u ma ġiex espost lir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

76      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonkludiet li kien diffiċli għal Morgan Stanley li ssib sieħeb ta’ kopertura. L-ewwel nett, il-Kummissjoni eskludiet mingħajr raġuni l-banek il-kbar attivi fis-suq tal-arranġamenti dwar il‑karti ta’ ħlas, it-tieni nett, hija tnaqqas l-importanza tal-possibbiltajiet li jinstab sieħeb ta’ kopertura minn fost il-membri ta’ Visa li ma humiex attivi fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas u, it-tielet nett, hija tinjora l-possibbiltà għal Morgan Stanley li tikkonkludi ftehim ta’ kopertura ma’ bank barrani.

77      Fir-raba’ lok, ikun żbaljat li kieku wieħed kellu jenfasizza li l-ftehim ta’ kopertura jagħtu lok għal spejjeż u kumplessitajiet supplementari. Ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li l-Kapitolu 2.10 tar-Regolament Intern Reġjonali ta’ Visa Europe, li għalih tirreferi l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex applikabbli għall-ftehim ta’ kopertura. Barra minn hekk, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-membri ta’ Visa huma wkoll esposti għal spejjeż ta’ tfittix ta’ klijenti. Minn xhieda ta’ wieħed mill-mexxejja ta’ kumpannija ta’ pproċessar jirriżulta li l-ftehim ta’ kopertura ma humiex inqas effettivi minn akkwist dirett bħala membru ta’ Visa iżda jippreżentaw, bil-kontra, vantaġġi għall-akkwirent de facto. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni b’mod żbaljat enfasizzat l‑eżistenza ta’ “ineffiċjenzi supplementari” fil-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kopertura minħabba l-fatt li Morgan Stanley hija wkoll membru tan-netwerk ta’ ħlas b’karta MasterCard (iktar ’il quddiem is-“sistema MasterCard”).

78      Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv ma huwiex fondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

79      Dan il-motiv jimplika li jiġi eżaminat jekk, u f’liema ċirkustanzi, il-Kummissjoni jmissha ddeduċiet mill-possibbiltà għal Morgan Stanley li tikkonkludi ftehim ta’ kopertura ma’ membru ta’ Visa li l-aġir kontenzjuż ma kellux bħala effett li jeskludiha mis-suq inkwistjoni.

80      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li d‑deskrizzjoni tal-ftehim ta’ kopertura magħmula fil-premessa 110 tad-deċiżjoni kkontestata hija kif ġej:

“[I]l-banek waqfu l-attivitajiet tagħhom ta’ affiljazzjoni ta’ negozjanti u jaġixxu bħala sempliċi intermedjarji (jew ‘rappreżentanti’) bejn Visa u MasterCard, minn naħa, u partijiet terzi li jipprovdu s-servizz, min-naħa l-oħra. Għalhekk hija l-parti terza li tipprovdi s-servizz li tassumi r-responsabbiltà ta’ kważi l-elementi kollha tas-servizz ta’ aċċettazzjoni u li jsostni r-riskju relatat mal-influss ta’ dħul tan-negozjant. Sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tar-regoli tas-sistema Visa, il‑kuntratti konklużi ma’ negozjanti huma ġeneralment kuntratti trilaterali bejn in‑negozjant, il-parti terza li qed tipprovdi s-servizz u l-bank membru tan-netwerk. Dan il-ftehim bejn bank membru ta’ Visa/MasterCard u parti terza li tipprovdi servizz u li ma hijiex bank jissejħu wkoll ‘ftehim ta’ kopertura’.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

81      Hekk kif issemma fil-punt 67 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ prattika miftiehma skont l-Artikolu 81(1) KE għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret li fih iħallu l-effetti tagħhom, u b’mod partikolari tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi msemmija kif ukoll tal-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq ikkonċernat.

82      Iċ-ċirkustanza li r-regoli tas-sistema Visa jirriżervaw għall-membri l-aċċettazzjoni tat-tranżazzjonijiet magħmula għand negozjanti tikkostitwixxi, ċertament, f’element tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih l-aġir kontenzjuż għandu jiġi evalwat. Madankollu, għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi l‑oħra li jiddeterminaw il-possibbiltajiet ta’ aċċess għas-suq inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C‑234/89, Ġabra p. I‑935, punt 20).

83      F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ possibbiltà għal operaturi li ma għandhomx il‑kwalità ta’ membru ta’ Visa li jidħlu fis-suq inkwistjoni, permezz ta’ konklużjoni ta’ ftehim ta’ kopertura ma’ membru ta’ Visa, hija element mill-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jmissu, li kieku kien il-każ, ittieħed inkunsiderazzjoni fil-każ fejn kien jikkostitwixxi possibbiltà reali u konkreta għal Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni u li tikkompeti mal-impriżi stabbiliti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Delimitis, punt 82 iktar ’il fuq, punt 21).

84      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kopertura ma’ membru ta’ Visa kinitx tikkostitwixxi possibbiltà reali u konkreta għal Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni u li tikkompeti mal-impriżi stabbiliti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom isseħħ il-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.

85      Minn dan jirriżulta neċessarjament li possibbiltà li wieħed jidħol fis-suq inkwistjoni, li, fir-rigward tal-imsemmija kundizzjonijiet, hija irreali jew purament teorika, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni.

86      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jindirizzaw il-kritika tagħhom kontra l-kliem użat mill-Kummissjoni fil-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, redatta kif ġej:

“[M]inkejja li l-banek li għandhom l-intenzjoni li jidħlu fis-suq tal-arranġamenti tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas għal karti ta’ kreditu u ta’ debitu ma’ negozjanti jistgħu, ipotetikament, jagħmlu dan abbażi ta’ ftehim ta’ kopertura, tali ftehim ma jiggarantix fil-prattika lil bank bħal Morgan Stanley l-effettività meħtieġa sabiex jidħol fis-suq u għaldaqstant ma jikkostitwixxix għal dan il-bank sostitut għal akkwist f’ismu stess.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

87      Ma huwiex possibbli li minn din is-sempliċi premessa jiġi kkonstatat żball ta’ liġi min-naħa tal-Kummissjoni minħabba l-applikazzjoni ta’ kriterju legali żbaljat, billi tali żball jista’ jiġi identifikat biss permezz tal-analiżi tal-ġustifikazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li l-fondatezza tagħha hija kkontestata fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv.

88      B’hekk, iż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv għandhom jiġu eżaminati flimkien.

89      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq serje ta’ erba’ ġustifikazzjonijiet, li jirreferu, l-ewwel nett, għaċ-ċirkustanza li l-ftehim ta’ kopertura ma jintużawx mill-banek internazzjonali kbar, it-tieni nett, għall-impossibbiltà għal Morgan Stanley li ssegwi strateġija bbażata fuq l-integrazzjoni tal-attivitajiet ta’ arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas u ta’ attivitajiet ta’ ħruġ permezz ta’ ftehim ta’ kopertura, it-tielet nett, għad-diffikultà għal Morgan Stanley li ssib sieħeb ta’ kopertura u, ir-raba’ nett, għall-kumplessità u għall-ispejjeż supplementari kkawżati minn dan it-tip ta’ akkwist.

90      F’dan il-każ, huwa suffiċjenti li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ġustifikazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni relatati mad-diffikultà għal Morgan Stanley li ssib sieħeb ta’ kopertura.

91      Mill-eżempji ta’ ftehim ta’ kopertura li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll minn dawk ipprovduti mir-rikorrenti, jirriżulta li tali ftehim essenzjalment ġew konklużi ma’ akkwirenti de facto diġà preżenti fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas – stabbilimenti finanzjarji jew kumpanniji ta’ pproċessar –, u għaldaqstant dawn ma kellhomx bħala effett li jippermettu li kompetitur ġdid jidħol fis-suq inkwistjoni iżda wasslu pjuttost sabiex saħħew il-pożizzjoni kompetittiva ta’ min kien diġà preżenti f’dan is-suq.

92      L-uniċi eżempji ta’ dħul fis-suq inkwistjoni ta’ kompetitur ġdid permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kopertura jikkonċernaw il-kumpanniji ta’ pproċessar li għandhom rabtiet kummerċjali stretti mal-membru ta’ Visa li jaġixxi bħala sieħeb ta’ kopertura. Issa, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ Morgan Stanley, minħabba l-kwalità tagħha ta’ stabbiliment finanzjarju u, għaldaqstant, ta’ kompetitur tal-membri ta’ Visa fi swieq oħra bħal dak tal-arranġamenti dwar il‑karti ta’ ħlas, ma hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ kumpanniji ta’ pproċessar li ma jeżerċitaw ebda attività bankarja.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà allegata mir-rikorrenti li Morgan Stanley, stabbiliment finanzjarju mhux preżenti fis-suq inkwistjoni, jista’ jsib sieħeb ta’ kopertura minn fost il-banek il-kbar li eventwalment jistgħu jħallu s-suq inkwistjoni, il-membri ta’ Visa li ma humiex attivi fl-imsemmi suq jew bank barrani membru ta’ Visa li jixtieq jistabbilixxi preżenza bankarja fir-Renju Unit, hija ta’ natura essenzjalment teoretika u spekulattiva.

94      Għaldaqstant il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li kien diffiċli għal Morgan Stanley li ssib sieħeb ta’ kopertura. Għandu jiġi kkunsidrat li din il-konstatazzjoni kienet tiġġustifika waħedha l-fatt li l-Kummissjoni eskludiet l-ipoteżi ta’ dħul ta’ Morgan Stanley fis-suq inkwistjoni permezz ta’ ftehim ta’ kopertura.

95      Għall-kompletezza, għandu jiġi enfasizzat li l-fondatezza tal-konklużjoni tal-Kummissjoni hija msaħħha permezz tal-ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq il-fatt li akkwist fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kopertura jkun iktar kumpless u għoli milli akkwist bħala membru ta’ Visa.

96      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kumplessità ikbar li jkollu l-akkwist fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kopertura, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-konstatazzjoni magħmula fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-kuntratti konklużi man-negozjanti fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kopertura huma ġeneralment ta’ natura trilaterali billi jinkludu wkoll is-sieħeb ta’ kopertura. Għandu jiġi kkonstatat li għalkemm ir-rikorrenti jikkontestaw il-kontenut preċiż tal-obbligi tal-akkwirent de facto fil-kuntest ta’ dan it-tip ta’ kuntratt, huma ma jiċħdux in-natura trilaterali tal-kuntratti inkwistjoni.

97      Il-Kummissjoni qieset ukoll, essenzjalment, fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sieħeb ta’ kopertura kellu obbligi fir-rigward ta’ Visa u li tali obbligi kienu wkoll sorsi ta’ restrizzjonijiet għall-akkwirent de facto.

98      Ir-rikorrenti jikkontestaw il-portata ta’ dawn l-obbligi billi jenfasizzaw li l‑kapitolu tar-regolament intern ta’ Visa Europe li fuqu l-Kummissjoni tibbaża ruħha ma hijiex applikabbli għall-akkwirenti de facto.

99      Minn naħa, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma speċifikawx ir-regoli preċiżi li jirregolaw l-obbligi rispettivi tas-sieħeb ta’ kopertura u tal-akkwirent de facto, billi l-formola annessa għar-replika tagħhom hija insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

100    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li s‑sieħeb ta’ kopertura għandu l-funzjoni li jservi bħala intermedjarju bejn Visa u l‑akkwirent fattwali. Issa, tista’ raġonevolment tiġi dedotta minn dan ir-rwol ta’ intermedjarju l-eżistenza ta’ obbligi kemm fuq is-sieħeb ta’ kopertura kif ukoll fuq l-akkwirent de facto, li ma jeżistux meta membru ta’ Visa jintervjeni direttament fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas.

101    B’hekk, il-Kummissjoni setgħet validament tikkonkludi li l-akkwist fil-kuntest ta’ ftehim ta’ kopertura kien iktar kumpless minn akkwist bħala membru ta’ Visa, u dan mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi vverifikata r-rilevanza u l-fondatezza tal-evalwazzjoni tagħha li tgħid li l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kopertura tagħti lok għal “ineffiċjenzi supplementari” minħabba l-kwalità ta’ Morgan Stanley bħala membru tas-sistema MasterCard.

102    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ispejjeż supplementari kkawżati minn akkwist permezz ta’ ftehim ta’ kopertura, il-Kummissjoni għamlet riferiment għaċ-ċirkustanza li l-akkwirent de facto mhux biss kellu jħallas lis-sieħeb ta’ kopertura tiegħu għax-xiri tal-portafoll ta’ akkwist tiegħu, iżda kellu wkoll l-obbligu għall-ħlas ta’ debiti.

103    Ir-rikorrenti jikkontestaw din l-analiżi minħabba l-fatt li membru ta’ Visa li jintervjeni direttament fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas huwa wkoll suġġett għal spejjeż, b’mod partikolari ta’ tfittix ta’ klijentela. Id-debiti mħallsa mill-akkwirent de facto lis-sieħeb ta’ kopertura tiegħu huma għalhekk il‑kontroparti, b’mod partikolari, għall-klijentela rriferita min-naħa tas-sieħeb ta’ kopertura.

104    Dan l-argument ma huwiex tali li jqiegħed inkwistjoni l-fondatezza tal-analiżi tal-Kummissjoni. Fil-fatt, għalkemm parti mid-debiti mħallsa tista’ effettivament tikkorrispondi għal spejjeż li, fi kwalunkwe ipoteżi, kienu jitħallsu minn membru ta’ Visa li jintervjeni direttament fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas, madankollu l-Kummissjoni setgħet raġonevolment tqis li l-ħlas magħmul lis-sieħeb ta’ kopertura jirremunera wkoll is-servizzi ta’ intermedjarju mogħtija u jikkorrispondu, mill-inqas parzjalment, għal spejjeż li membru ta’ Visa li jintervjeni direttament fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas ma jkollux.

105    B’hekk, mingħajr żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tagħha, il‑Kummissjoni enfasizzat li akkwist permezz ta’ ftehim ta’ kopertura kien iktar kumpless u għoli minn akkwist magħmul bħala membru ta’ Visa.

106    Hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 84 iktar ’il fuq, huwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi li fihom isseħħ il-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni li hemm lok li jiġu eżaminati l‑effetti ta’ tali kunsiderazzjonijiet fuq l-ipoteżi allegata mir-rikorrenti ta’ dħul possibbli fl-imsemmi suq minn Morgan Stanley permezz ta’ ftehim ta’ kopertura.

107    Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat l-eżistenza ta’ żewġ fatturi favorevoli għall-aċċess fis-suq ta’ kompetitur ġdid, jiġifieri l-possibbiltà li tiġi eżerċitata kompetizzjoni fuq fatturi varjabbli minbarra l-prezz, b’mod partikolari l-kwalità tas-servizz, u l-eżistenza għan-negozjanti ta’ proċeduri sempliċi u rħas li jippermettulhom ibiddlu akkwirent.

108    Madankollu, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti fuq dan il-punt, li l-istruttura tas-suq inkwistjoni kienet ikkaratterizzata minn livell għoli ta’ konċentrazzjoni. B’hekk, mill-premessi 166 sa 168 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tal-Kummissjoni, fl-2003, iż-żewġ akkwirenti prinċipali kienu jirrappreżentaw 61 % mis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas u l‑erba’ l-ikbar akkwirenti kienu jirrappreżentaw 90 % ta’ dan l-istess suq, fejn il‑bqija tas-suq kien jitqassam bejn erba’ akkwirenti. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll, fil-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, tendenza għall-ikkonsolidar ta’ dan is-suq billi għamlet riferiment għaċ-ċirkustanza li numru ta’ akkwirenti ta’ daqs medju kienu ttrasferew jew iddelegaw l-attivitajiet tagħhom ta’ akkwist lil numru żgħir ta’ stabbilimenti finanzjarji u ta’ kumpanniji ta’ pproċessar.

109    Bl-istess mod, ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li l-aħħar darba li stabbiliment finanzjarju daħal fis-suq inkwistjoni kienet tmur lura għall-1996 u li ebda wieħed mill-istabbilimenti finanzjarji mistoqsija mill-Kummissjoni ma kellu l-intenzjoni li jidħol f’dan is-suq.

110    B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-istruttura tas-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas, minkejja fatturi li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala favorevoli għall-aċċess ta’ kompetitur ġdid, tagħmilha inqas plawżibbli li Morgan Stanley tidħol fis-suq inkwistjoni permezz ta’ ftehim ta’ kopertura li jiżvantaġġaha sa mill-bidu fil-konfront tal-kompetituri prinċipali tagħha stabbiliti fuq l-imsemmi suq.

111    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li teskludi l-ipoteżi ta’ dħul ta’ Morgan Stanley permezz ta’ ftehim ta’ kopertura huwa suffiċjentement ġustifikat permezz tal-kunsiderazzjonijiet li jirreferu għad-diffikultà li ssib sieħeb ta’ kopertura u, għall-kompletezza, permezz tal-kunsiderazzjonijiet li jirreferu għall-kumplessità u għall-ispejjeż supplementari kkawżati mill-ftehim ta’ kopertura. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma applikatx kriterju legali żbaljat, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti.

112    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kritika l-oħra li tirreferi għall-ġustifikazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni bbażati fuq il-fatt li l-ftehim ta’ kopertura ma jintużax mill-ikbar banek internazzjonali u fuq l-impossibbiltà li tiġi segwita strateġija bbażata fuq l-integrazzjoni tal-attivitajiet ta’ arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas u ta’ attivitajiet ta’ ħruġ. B’hekk, ma huwiex neċessarju li tingħata tweġiba għall-allegazzjonijiet ta’ inammissibbiltà tar-rikorrenti relatati mal-argumenti tal-Kummissjoni bbażata fuq l-allegata rieda ta’ Morgan Stanley li ssegwi strateġija ta’ akkwist tat-tranżazzjonijiet “on-us”.

113    L-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

b)     Fuq it-tielet motiv, dwar l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-preżenza ta’ Morgan Stanley fis-suq inkwistjoni

114    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni, l-ewwel nett, applikat kriterju ekonomikament u ġuridikament żbaljat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-aġir kontenzjuż, u t-tieni nett, talli ssottovalutat il-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq inkwistjoni. Huma jikkritikaw, ukoll, l-analiżi tagħha tal-effetti li seta’ kellu dħul ta’ Morgan Stanley fis-suq inkwistjoni.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju ekonomikament u ġuridikament żbaljat

–       L-argumenti tal-partijiet

115    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi applikat kriterju ekonomikament u ġuridikament żbaljat, jiġifieri “l-possibbiltà li tiżdied il‑kompetizzjoni” eżistenti fis-suq inkwistjoni, filwaqt li tammetti n-natura effettiva tal-imsemmija kompetizzjoni.

116    Huma jfakkru li l-kompetizzjoni msemmija mill-Artikolu 3(1)(g) KE u mill-Artikolu 81 KE tirreferi għal kompetizzjoni effettiva. B’hekk, li tiġi żgurata kompetizzjoni superjuri għal-livell tal-effettività ma tikkostitwixxix għan tat-Trattat u, billi tissanzjona r-rifjut li Morgan Stanley tiġi ammessa minħabba din ir‑raġuni, il-Kummissjoni applikat kriterju żbaljat.

117    Billi jirreferu għar-rapport ta’ perizja kollettiva, ir-rikorrenti jsostnu li l‑kompetizzjoni hija, min-natura tagħha nnifisha, proċess dinamiku li tista’ dejjem tiġi intensifikata, u dan ikun liema jkun il-livell ta’ effettività tagħha. B’hekk l‑argument tal-Kummissjoni jasal sabiex jikkonkludi li ma jista’ qatt ikun hemm kompetizzjoni effettiva f’suq.

118    Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, li tgħid li l-fatt tal-preklużjoni tad-dħul fis-suq dejjem ġie kkunsidrat bħala antikompetittiv, ir‑rikorrenti jenfasizzaw, qabel kollox, li ma hija ssostanzjata b’ebda riferiment għal ġurisprudenza. Sussegwentement, huma jikkunsidraw li din l-analiżi hija ekwivalenti għal akkuża fil-konfront tar-rikorrenti li l-imġiba kontenzjuża kellha bħala għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, meta d-deċiżjoni kkontestata bbażat ruħha fuq l-effetti tar-rifjut tal-ammissjoni ta’ Morgan Stanley. Fl-aħħar nett, ir‑rikorrenti jinnotaw li tali analiżi hija f’kontradizzjoni totali mal-ġurisprudenza peress li timplika li jista’ jkun hemm restrizzjoni, indipendentement mil-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni. Din tinsab ukoll f’kontradizzjoni ma’ ċerti dokumenti ppubblikati mill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, il-Linji Gwida tagħha li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) [KE] (ĠU 2004, C 101, p. 97). B’hekk jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 ta’ dawn il-linji gwida li l‑pożizzjoni tal-Kummissjoni nnifisha hija li l-Artikolu 81 għandu bħala għan li jipproteġi l-kompetizzjoni fis-suq fl-interess tal-konsumaturi.

119    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argument imqajjem fir-risposta li tgħid li d-dħul ta’ kompetitur ġdid jista’ jkollu effetti fuq il-kompetizzjoni f’ċerti setturi sekondarji tas-suq inkwistjoni, ikbar minn dawk li tagħti x’tifhem ix-xbiha globali tas-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas. Ċertament, dan l-argument kien inkluż fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iżda ma ġiex ikkunsidrat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, wara li ġie kkonfutat mir-rikorrenti.

120    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

121    Ir-rikorrenti jibbażaw, essenzjalment, l-allegazzjoni tagħhom dwar l-eżistenza ta’ żball ta’ liġi fuq, minn naħa, ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni fil-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata tan-nuqqas ta’ natura “ineffettiva” tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, ir-riferiment fil-premessi 187 u 200 tad-deċiżjoni kkontestata tal-possibbiltà ta’ “intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni” fis-suq inkwistjoni. Fir-rigward tar-riferiment għar-rapport ta’ perizja kollettiva mir-rikorrenti, dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss fil-limiti msemmija fil-punt 53 iktar ’il fuq.

122    Sabiex tiġi vverifikata l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi kollha tad-deċiżjoni kkontestata ddedikati għall-analiżi tal-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-aġir kontenzjuż fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

123    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq numru ta’ elementi li jirreferu, minn naħa, għal-livell ta’ kompetizzjoni attwali li teżisti fis-suq inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, għall-kompetizzjoni potenzjali. Fir-rigward tal-ewwel aspett, hekk kif ġie mfakkar fil-punti 108 u 109 iktar ’il fuq, il‑Kummissjoni kkunsidrat li l-istruttura tas-suq inkwistjoni kienet ikkaratterizzata minn livell għoli ta’ konċentrazzjoni u kienet qed tiġi kkonsolidata. Fir-rigward tal-kompetizzjoni potenzjali, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, fil-premessi 169 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, li din kienet limitata biss għall-banek il-kbar jew għall-kumpanniji ta’ pproċessar internazzjonali l-kbar li kienu f’pożizzjoni li jilħqu d-daqs meħtieġ sabiex isiru kompetituri tal-akkwirenti attwali. Hija nnotat li Morgan Stanley kienet tikkostitwixxi l-unika kompetitur potenzjali li esprima l-intenzjoni tiegħu li jidħol fl-imsemmi suq.

124    Għandu jiġi kkonstatat li tali analiżi ma hijiex mogħnija bin-natura ġuridikament żbaljata allegata mir-rikorrenti.

125    Fil-fatt, minn naħa, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq, l‑eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’suq speċifiku huwa bbażat mhux biss fuq il-kompetizzjoni attwali li teżisti bejn l-impriżi li huma diġà preżenti fis-suq inkwistjoni, iżda wkoll fuq il-kompetizzjoni potenzjali.

126    Min-naħa l-oħra mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l‑Artikolu 81 KE, bħar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni msemmija fit-Trattat, ma huwiex intiż sabiex jipproteġi biss l-interessi immedjati ta’ kompetituri jew ta’ konsumaturi, iżda wkoll sabiex jipproteġi l-istruttura tas-suq u, għalhekk, il‑kompetizzjoni bħala tali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 38, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 63).

127    B’hekk, billi bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-effetti restrittivi fuq il‑kompetizzjoni min-naħa tal-aġir kontenzjuż fuq il-kompetizzjoni potenzjali rrappreżentata minn Morgan Stanley u fuq l-istruttura tas-suq inkwistjoni, il‑Kummissjoni segwiet interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 81(1) KE u għaldaqstant ma wettqitx l-iżball ta’ liġi allegat mir-rikorrenti.

128    Barra minn hekk, fir-rigward iktar preċiżament il-premessa 200 tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif ġie diġà enfasizzat fil-punti 60 sa 62 iktar ’il fuq, din tikkostitwixxi biss ir-rikonoxximent mill-Kummissjoni, bi tweġiba għall-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, tal-eżistenza ta’ livell ta’ kompetizzjoni bejn l-atturi fis-suq inkwistjoni.

129    Madankollu, tali rikonoxximent ma jipprekludix il-fatt li l-aġir kontenzjuż seta’ jipproduċi l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kkunsidrati mill-Kummissjoni.

130    Fl-ewwel lok, li jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti jkun ifisser li l-analiżi tal-effetti tal-aġir kontenzjuż fuq il-kompetizzjoni potenzjali tkun suġġetta għall-eżami tal-livell ta’ kompetizzjoni li teżisti attwalment fis-suq inkwistjoni. Għandu jiġi kkonstatat li tali raġunament huwa f’kuntradizzjoni mal-ġurisprudenza stabbilita msemmija fil-punt 68 iktar ’il fuq, li timponi li l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni f’suq speċifiku tibbaża ruħha mhux biss fuq il‑kompetizzjoni attwali bejn l-impriżi diġà preżenti fis-suq inkwistjoni, iżda wkoll fuq il-kompetizzjoni potenzjali.

131    Fit-tieni lok, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq inkwistjoni, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li d-dħul ta’ kompetitur ġdid kien jippermetti li tiġi intensifikata l‑kompetizzjoni li teżisti f’suq ikkaratterizzat minn livell għoli ta’ konċentrazzjoni. B’hekk, l-użu tal-espressjoni “possibbiltà li tiġi intensifikata l‑kompetizzjoni” fil-premessi 187 u 200 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex mogħnija bin-natura żbaljata allegata mir-rikorrenti.

132    Għalhekk, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażat fuq analiżi żbaljata tal-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq inkwistjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

133    Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ssottovalutat b’mod manifest l-intensità tal-kompetizzjoni li kienet effettivament teżisti fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas. Essenzjalment, filwaqt li rrikonoxxiet li kienu jaqblu mal-parti l-kbira tal-elementi li hija ħadet inkunsiderazzjoni, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli evalwathom b’mod żbaljat u talli minnhom siltet konklużjonijiet inkoerenti. Analiżi korretta ta’ dawn l-elementi jmissha wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li kienet teżisti kompetizzjoni intensa fis-suq tal-arranġamenti dwar il‑karti ta’ ħlas.

134    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonċentrat lilha nnifisha fuq in‑numru ta’ kompetituri fis-suq inkwistjoni u fuq it-tendenza ta’ dan is-suq għall-konsolidazzjoni, billi tali indikaturi ma humiex determinanti fihom infushom sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ kompetizzjoni fis-suq. Skont ir-rikorrenti, il‑Kummissjoni jmissha, pjuttost, ibbażat l-analiżi tagħha fuq l-indikaturi ta’ kompetizzjoni bħalma huma l-possibbiltà li kompetitur jidħol fis-suq, l-iżvilupp tal-ishma fis-suq, l-iżvilupp tal-ispejjeż imħallsa min-negozjanti lill-bank akkwirent tagħhom, il-kompetizzjoni mhux tariffarja u l-bidla fl-akkwirenti min-naħa tan-negozjanti.

135    Fit-tieni lok, huma jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma siltitx il-konklużjonijiet kollha mill-provi li huma kienu pprovdewlha.

136    L-ewwel nett, bħala eżempju, huma jsostnu li l-Kummissjoni kkunsidrat id-dħul fis-suq ta’ akkwirenti de facto bħala fattur li kkontribwixxa għal konsolidazzjoni ikbar tas-suq – peress li dawn sempliċement issostitwew is-sieħeb ta’ kopertura tagħhom fis-suq –, filwaqt li jammettu li dawn il-kompetituri ġodda setgħu jikkontribwixxu għat-titjib tas-servizzi ta’ aċċettazzjoni u għat-tnaqqis tal-ispejjeż tagħhom. Ir-rikorrenti jsostnu, f’dan ir-rigward, li mid-deċiżjoni kkontestata nnifisha jirriżulta li ċerti akkwirenti de facto assoċjaw ruħhom ma’ banek mingħajr attività ta’ ħruġ jew ma’ banek barranin.

137    It-tieni nett, filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li ċerti banek barranin daħlu fis-suq tal-aċċettazzjoni fir-Renju Unit, hija b’mod żbaljat eskludiet dan il-fenomenu billi kkwalifikatu bħala “niche”, meta jirriżulta mill-provi li hija kellha li s-sehem tal-akkwirenti transkonfinali fl-ammont totali tad-dħul żied b’nofs bejn l-2002 u l‑2004. Barra minn hekk, huma jikkriktaw lill-Kummissjoni, essenzjalment, talli llimitat ruħha għall-analiżi tal-kompetizzjoni attwali tal-akkwirenti transkonfinali, u talli b’hekk injorat il-kompetizzjoni potenzjali li dawn kienu jirrappreżentaw.

138    It-tielet nett, ir-rikorrenti jinnotaw li l-Kummissjoni aċċettat li s-suq inkwistjoni kien jikkaratterizza ruħu bi proċeduri sempliċi u mhux għoljin ta’ bidla fl-akkwirent u jsostnu li minn dan kollu hija jmissha waslet għall-konklużjoni li din il-faċilità ta’ bidla tat lok għal kompetizzjoni intensa bejn il-kumpanniji li huma diġà preżenti fuq l-imsemmi suq.

139    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkriktaw lill-Kummissjoni talli straħet fuq l-esperjenza bbażata fuq l-aħħar dħul ta’ bank fis-suq inkwistjoni fl-1996, mingħajr ma informat ruħha fuq il-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti f’dak iż-żmien. Issa, mir-rapport ta’ perizja kollettiva jirriżulta li l-kompetizzjoni ma kinitx daqstant effettiva f’dan is-suq, u minħabba f’hekk din l-esperjenza titlef kull rilevanza.

140    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti u titlob għaċ-ċaħda tagħhom.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

141    Essenzjalment, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ssottovalutat il-livell ta’ kompetizzjoni kemm attwali kif ukoll potenzjali eżistenti fis-suq inkwistjoni. Huma jikkontestaw ukoll il-fondatezza tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-aħħar darba li kompetitur daħal fis-suq inkwistjoni fl-1996.

142    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kompetizzjoni attwali fis-suq inkwistjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni setgħet validament tibbaża l-analiżi tagħha fuq in‑numru ta’ kompetituri preżenti fuqu billi t-tendenza tagħha għall-konsolidazzjoni, ta’ tali elementi marbuta mal-istruttura tas-suq inkwistjoni, hija partikolarment rilevanti, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 126 iktar ’il fuq.

143    B’mod iktar preċiż fir-rigward tal-effetti fuq il-kompetizzjoni li setgħet kellha l‑preżenza fis-suq inkwistjoni ta’ numru ta’ akkwirenti de facto, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, akkwirent de facto kien jissostitwixxi ruħu ma’ bank attiv fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas. Hija enfasizzat ukoll, essenzjalment, fil-premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-preżenza tal-banek il-kbar u tal-kumpanniji ta’ pproċessar li jaġixxu bħala akkwirenti de facto kienet tikkontribwixxi għal konsolidazzjoni tas-suq peress li huma kellhom tendenza li jieħdu f’idejhom in-negozju ta’ akkwirenti ta’ daqs iżgħar li xtaqu jħallu dan is‑suq.

144    Għandu jiġi kkonstatat li din l-analiżi ma tidhirx li hija manifestament żbaljata u li l-kritika diretta mir-rikorrenti fir-rigward tagħha ma hijiex konvinċenti. B’hekk, iċ-ċirkustanza li l-akkwirenti de facto inkwistjoni jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tas-servizzi ta’ aċċettazzjoni u għat-tnaqqis tal-ispejjeż tagħhom ma hijiex f’kontradizzjoni mal-approċċ tal-Kummissjoni bbażat fuq l-istruttura tas-suq inkwistjoni.

145    Fir-rigward tal-eżempji mogħtija mir-rikorrenti ta’ akkwirenti de facto li assoċjaw ruħhom ma’ banek mingħajr attività ta’ ħruġ jew ma’ banek barranin, għandu jiġi osservat li dawn il-ftehim ġeneralment ma wasslux għad-dħul ta’ kompetitur ġdid fis-suq inkwistjoni iżda għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ akkwirenti diġà preżenti fl-imsemmi suq.

146    Fir-rigward tar-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ proċeduri sempliċi u mhux għoljin ta’ bidla fl-akkwirent, għandu sempliċement jiġi mfakkar, hekk kif ġie enfasizzat fil-punti 129 sa 131 iktar ’il fuq, li hija setgħet ġustament taċċetta li teżisti kompetizzjoni bejn il-partijiet involuti fis-suq inkwistjoni filwaqt li tikkonkludi li l-esklużjoni ta’ kompetitur potenzjali kellu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

147    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kompetizzjoni potenzjali fis-suq inkwistjoni, għandu jiġi mfakkar li, fil-premessi 169 sa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, mil-livell għoli ta’ konċentrazzjoni u mill-konsolidazzjoni osservata fis-suq inkwistjoni, il-konklużjoni li l-kompetizzjoni potenzjali setgħet tirriżulta biss minn banek kbar jew minn kumpanniji ta’ pproċessar internazzjonali kbar li jkunu f’pożizzjoni li jilħqu d-daqs meħtieġ sabiex isiru kompetituri tal-akkwirenti attwali. Il-Kummissjoni ħadet b’mod partikolari inkunsiderazzjoni l-fatt li, sabiex teżerċita attivitajiet ta’ arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas u sabiex ikunu vijabbli, l-impriżi għandhom ikunu jistgħu jaħdmu fuq daqsijiet sostanzjali u jagħmlu ekonomiji fil-kobor kunsiderevoli. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li, fil-qasam tal-aċċettazzjoni tat-tranżazzjonijiet, huwa essenzjali li d-dħul mill-bejgħ, f’termini ta’ tranżazzjonijiet aċċettati, huwa għoli, billi d-dħul prinċipali tal-akkwirenti, jiġifieri l-ispejjeż imputati lin-negozjanti, huwa kkalkolat taħt il-forma ta’ perċentwali tal-valur tat-tranżazzjonijiet magħmula.

148    Billi bbażat ruħha fuq lista pprovduta mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni qieset li, minbarra Morgan Stanley, disa’ stabbilimenti finanzjarji stabbiliti fir-Renju Unit setgħu jiġu kkunsidrati bħala kompetituri potenzjali. Din il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex espliċitament ikkontestata mir-rikorrenti.

149    Fil-fatt, il-kritika tar-rikorrenti tirreferi għan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali li tirriżulta mill-akkwirenti transkonfinali. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja ż-żieda fis-sehem tal-akkwirenti transkonfinali bejn l-2002 u l-2004, li għaliha jirreferu r-rikorrenti, mill-premessi 65 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-preċiżjoni tagħha ma hijiex ikkontestata, jirriżulta li l-affiljazzjoni tan-negozjanti mill-akkwirenti transkonfinali prinċipali kienet tirrappreżenta, fl-2004, biss 0.3 % tan-negozjanti kollha affiljati. Fid-dawl ta’ din il-figura, il-Kummissjoni ġustament qieset li l‑kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn is-swieq nazzjonali tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas fl-Ewropa ma kinux omoġenji biżżejjed sabiex l-akkwist transkonfinali jkun jista’ jeżerċita pressjoni kompetittiva fuq il-kompetituri preżenti fis-suq inkwistjoni u li, għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali kellha ssir fir-rigward ta’ kompetituri stabbiliti fis-suq tar-Renju Unit.

150    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kritika li tirreferi għat-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-aħħar dħul ta’ bank fis-suq rilevanti fl-1996, għandu jiġi sempliċement enfasizzat li l-approċċ tal-Kummissjoni li tikkonsisti f’li tanalizza l‑effetti fuq il-kompetizzjoni tal-aħħar kompetitur li daħal fis-suq inkwistjoni sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tirriżultax minn raġunament żbaljat.

151    Barra minn hekk, mill-premessa 181 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan id‑dħul minn kompetitur sar f’kuntest ta’ tnaqqis tal-prezzijiet, tnaqqis li minħabba l-preżenza ta’ dan il-bank fl-imsemmi suq kompla miexi b’ritmu mgħaġġel. Għaldaqstant jeżisti xebh innegabbli mas-sitwazzjoni tas-suq matul il‑perijodu rilevanti, ikkaratterizzat ukoll minn tnaqqis fil-prezzijiet mitluba lin-negozjanti. B’hekk, tali eżempju għandu għalhekk it-tendenza li juri li ċ‑ċirkustanza li l-prezzijiet fis-suq ta’ riferiment jonqsu, minħabba l‑kompetizzjoni bejn l-impriżi li huma attwalment preżenti fih, ma jneħħi xejn mill-effetti fuq il-kompetizzjoni li jista’ jkollha l-preżenza ta’ kompetitur ġdid f’dan is-suq. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kien għaldaqstant partikolarment rilevanti.

152    Għaldaqstant hemm lok sabiex it-tieni parti tal-motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-motiv, ibbażata fuq analiżi insuffiċjenti u żbaljata tal-effetti tar-rifjut tad-dħul ta’ Morgan Stanley fuq il-kompetizzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

153    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tagħmel eżami komparattiv bejn, minn naħa, is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq inkwistjoni fin-nuqqas ta’ Morgan Stanley u, min-naħa l-oħra, x’kienet tkun din is-sitwazzjoni li kieku din tal-aħħar kienet ġiet aċċettata f’Visa qabel Settembru 2006.

154    Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli wettqet żball ta’ liġi billi ma applikatx il-kriterji bbażati fuq is-sentenza European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, għall-possibbiltajiet ta’ dħul ta’ Morgan Stanley, ladarba hija kienet issodisfat ruħha dwar l-intenzjoni ddikjarata minnha li tidħol fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas fir-Renju Unit.

155    Ir-rikorrenti jqiegħdu f’kuntrast l-analiżi mill-Kummissjoni tal-possibbiltajiet ta’ dħul ta’ Morgan Stanley fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas fir-Renju Unit ma’ dik magħmula, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tad-dħul potenzjali tas-sistema Discover fis-suq Ewropew tas-sistema ta’ karti ta’ ħlas, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni rreferiet għan-nuqqas ta’ elementi, bħat-tħabbir ta’ tnedija uffiċjali, li turi l-implementazzjoni ta’ strateġija ta’ dħul. F’dan huma jaraw applikazzjoni rigoruża tal-kriterji misluta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il‑Kummissjoni (T‑114/02, Ġabra p. II‑1279), imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Huma jikkritikaw lill-Kummissjoni talli injorat dawn l‑istess kriterji meta hija ddeċidiet li tiddetermina jekk Morgan Stanley setgħetx potenzjalment tidħol fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas fir-Renju Unit.

156    In-natura teoretika tal-analiżi tal-Kummissjoni hija wkoll inkompatibbli mal-Linji gwida fuq trażżin vertikali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 390), (iktar ’il quddiem, il-“linji gwida fuq ir-restrizzjonijiet vertikali”).

157    Fil-kuntest tat-tieni lment, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli assumiet li ladarba ssir membru ta’ Visa, Morgan Stanley kienet tidħol fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas fuq is-sempliċi bażi ta’ allegata “intenzjoni stabbilita” ta’ din tal-aħħar li ma tkun issostanzjata minn ebda prova indipendenti. Huma jqisu li Morgan Stanley ma talbitx li tidħol f’Visa għall-finijiet li timplementa strateġija partikolari li timplika l-akkwist, bħalma ssostni l‑Kummissjoni, iżda li Morgan Stanley kienet interessat ruħha għas-sempliċi possibbiltà li toħroġ karti Visa. F’dan ir-rigward, huma jikkontestaw l‑interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel dwar l-ilment ta’ Morgan Stanley.

158    Huma jsostnu li l-intenzjoni ddikjarata minn Morgan Stanley li tidħol fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas dehret wara l-ilment, f’dokument intern, fejn id-data tal-pjan strateġiku ta’ affiljazzjoni ta’ negozjanti fl-Ewropa hija ta’ Ġunju 2002, u li dan id-dokument huwa nieqes minn forza probatorja. Huma jsostnu wkoll li t-tieni dokument li fuqu qed tistrieħ il-Kummissjoni, il-programm ta’ implementazzjoni ta’ Morgan Stanley, jikkostitwixxi element tal-Anness 57 li jinsab fit-tieni ittra li tesponi l-fatti u għandu, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 42 u 44 iktar ’il fuq, jiġi ddikjarat inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, huwa nieqes minn forza probatorja. Huma jqisu wkoll li l-Kummissjoni b’mod żbaljat ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Morgan Stanley, wara l-adeżjoni tagħha f’Visa, ma pprovatx tidħol fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas, iżda kkonċentrat ruħha biss fuq il-ħruġ ta’ karti Visa li kien jikkostitwixxi, skont ir-rikorrenti, l‑għan reali tagħha.

159    Fil-kuntest tat-tielet ilment tagħhom, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx hija stess fid-dettall l-effetti possibbli ta’ dħul ta’ Morgan Stanley fil-kompetizzjoni eżistenti fis-suq inkwistjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi pożittivi li d-dħul ta’ Morgan Stanley kellu fuq il‑kompetizzjoni jikkostitwixxu biss affermazzjonijiet mhux issostanzjati.

160    Huma jsostnu b’mod partikolari li Morgan Stanley ma kinitx kapaċi, fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq, tagħti valur miżjud lill-kwalità u lill-prezz tas-servizzi li diġà kienu qed jiġu proposti f’dan is-suq. Huma jikkontestaw ukoll l-elementi differenti mressqa mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-kwalifika ta’ Morgan Stanley bħala “akkwirent effettiv, importanti u b’esperjenza”. Fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jitqies li dan huwa l-każ, dan ma jiddistingwihiex mill-akkwirenti diġà preżenti fis-suq inkwistjoni. L-ebda wieħed mill-elementi mressqa mill-Kummissjoni ma juru xi tip ta’ superjorità ta’ Morgan Stanley meta mqabbla mal-akkwirenti diġà preżenti.

161    Il-Kummissjoni titlob għaċ-ċaħda ta’ dawn l-ilmenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

162    Fir-rigward tal-ewwel ilment tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni applikat kriterju legali żbaljat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-possibbiltà għal Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni, dan ifisser, essenzjalment, li qed tiġi kkontestata t-turija mill-Kummissjoni tal-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Morgan Stanley.

163    Għandu jiġi kkonstatat li l-kritika tar-rikorrenti hija essenzjalment ibbażata fuq iċ‑ċirkustanza li l-Kummissjoni ssodisfat ruħha dwar l-intenzjoni ddikjarata minn Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni.

164    Ir-rikorrenti jirreferu wkoll għad-definizzjoni ta’ “fornitur potenzjali” mogħtija mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha fuq ir-restrizzjonijiet vertikali. Dawn ifakkru li minnhom jirriżulta li possibbiltà ta’ dħul fis-suq ma hijiex suffiċjenti jekk din tkun purament teoretika u d-dħul fis-suq għandu jkun jista’ jsir f’terminu ta’ sena.

165    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-intenzjoni ta’ Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni ma hijiex l-uniku element li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni għall-finijiet tal-konklużjoni tagħha li Morgan Stanley għandha kwalità ta’ kompetitur potenzjali. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessi 190 sa 198 tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni waslet għal din il‑konklużjoni billi bbażat ruħha, essenzjalment, fuq żewġ tipi ta’ ġustifikazzjonijiet, essenzjalment, dwar l-intenzjoni ta’ Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni, iżda wkoll il-kapaċità tagħha li tagħmel dan. Fir-rigward ta’ dan it-tieni aspett, hija kkunsidrat li Morgan Stanley kellha esperjenza twila fil-qasam tal-affiljazzjoni ta’ negozjanti. Hija rriferiet ukoll għall-esperjenza miksuba minn Morgan Stanley, bħala membru tas-sistema MasterCard, tar-regoli u proċeduri li jikkonċernaw netwerk li tinvolvi erba’ partijiet. Huwa fuq din il-bażi li hija kkonkludiet dan li ġej fil-premessa 198:

“[F]il-kuntest ta’ konċentrazzjoni tas-swieq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas […], Morgan Stanley tinsab fost il-ftit banek internazzjonali ta’ daqs kbir li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala akkwirenti potenzjali serji fuq livell Ewropew. Hija wriet l-intenzjoni tagħha li tidħol fis-swieq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas tar-Renju Unit u ta’ numru ta’ Stati Membri taż-ŻEE, kif ukoll l-interess tagħha għall-akkwist transkonfinali, qasam li huwa wkoll ipprojbit lilha fin-nuqqas ta’ liċenzja Visa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

166    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterji ġuridiċi li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi vverifikat jekk Morgan Stanley kinitx tikkostitwixxi kompetitur potenzjali fis-suq inkwistjoni, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 68 u 69 iktar ’il fuq jirriżulta li l‑Kummissjoni kellha l-obbligu li tivverifika jekk, fin-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regola fir-rigward tagħha, kinux eżistew possibbiltajiet reali u konkreti li hija tidħol fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas fir-Renju Unit u li tikkompeti mal-impriżi stabbiliti f’dan is-suq.

167    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li tali prova ma għandhiex tistrieħ fuq sempliċi ipoteżi, iżda għandha tiġi ssostanzjata permezz ta’ punti ta’ fatt jew analiżi tal-istrutturi tas-suq rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza European Night Services et vs Il‑Kummissjon, punt 67 iktar ’il fuq, punti 142 sa 145). B’hekk, impriża ma tistax tiġi kkwalifikata bħala kompetitur potenzjali jekk id-dħul tagħha fis-suq ma jikkorrispondix għal strateġija ekonomika vijabbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il‑Kummissjoni, T‑177/04, Ġabra p. II‑1931, punti 123 sa 125).

168    Minn dan jirriżulta neċessarjament li, għalkemm l-intenzjoni ta’ impriża li tidħol f’suq hija eventwalment rilevanti għall-finijiet tal-verifika dwar jekk hija tistax tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali fl-imsemmi suq, l-element essenzjali li fuqu għandha tistrieħ tali kwalifika huwa madankollu kkostitwit bil-kapaċità tagħha li tidħol fl-imsemmi suq.

169    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li restrizzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali, li tista’ tikkostitwixxi s-sempliċi eżistenza ta’ impriża barra minn dan is-suq, ma tistax tkun suġġetta għall-prova tal-intenzjoni ta’ din l-impriża li tidħol mill-iktar fis fl-imsemmi suq. Fil-fatt, bis-sempliċi eżistenza tagħha, hija tista’ tagħti lok għal pressjoni kompetittiva fuq l-impriżi li joperaw attwalment f’dan is-suq, liema pressjoni hija kkostitwita bir-riskju tad-dħul ta’ kompetitur ġdid fil-każ ta’ żvilupp tal-attraenza tas-suq.

170    Fir-rigward tal-punt dwar jekk għandhomx ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑kriterji żviluppati mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha fuq ir-restrizzjonijiet vertikali, għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, ir-riferiment mir-rikorrenti għad-definizzjoni tal-“fornitur potenzjali” li tinsab fl-imsemmija linja gwida ma tidhirx rilevanti. Jeħtieġ pjuttost li tirreferi għad-definizzjoni, li barra minn hekk hija essenzjalment ekwivalenti, ta’ “kompetitur potenzjali” li tinsab fil-linja gwida dwar kemm għandu japplika l-Artikolu 81 [KE] għal ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 25, iktar ’il quddiem il-“linji gwida fuq il-ftehim ta’ kooperazzjoni”).

171    Fil-fatt, huwa speċifikat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 tal-linji gwida fuq il-ftehim ta’ kooperazzjoni li “[k]umpannija titqies bħala kompetitur potenzali jekk hemm evidenza li, fin-nuqqas ta’ ftehim, din il-kumpannija tista’ u x’aktarx tagħmel l‑investimenti addizzjonali meħtieġa jew l-ispejjeż oħra meħtieġa sabiex taqleb sabiex tidħol fis-suq rilevanti bħala risposta għaż-żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet relattivi”. Barra minn hekk, “[d]in l-istima għandha tkun ibbażata fuq bażi realistika, il-possibilità teoretika biss sabiex tidħol fis-suq mhux biżżejjed”. Hemm ukoll riferiment għall-fatt li “d-dħul fis-suq irid isir biżżejjed veloċi sabiex it-theddida tad-dħul potenzali tikkostrinġi l-imġieba tal-parteċipanti tas-suq” u li, “[n]ormalment, dan ifisser li d-dħul għandu jsir f’perijodu qasir”. F’dan ir‑rigward, il-Kummissjoni tirreferi għal terminu ta’ sena filwaqt li tenfasizza li, “f’każijiet individwali perijodi itwal ta’ żmien jistgħu jkunu kunsidrati” u li “[i]l‑perijodu ta’ żmien meħtieġ mill-kumpanniji diġà attivi fis-suq sabiex jaġġustaw il‑kapaċitajiet tagħhom jista’ jintuża bħala paragun ta’ kejl sabiex ikun stabbilit dan il-perijodu”.

172    Għandu jiġi kkonstatat li tali definizzjoni tiċċita, filwaqt li tispjegahom, il-kriterji tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 166 u 167 iktar ’il fuq. B’hekk, sa fejn din ma tidhirx f’kuntradizzjoni mal-ġurisprudenza rilevanti, hija tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-verifika dwar jekk il-Kummissjoni ġustament ikkwalifikatx lil Morgan Stanley bħala kompetitur potenzjali.

173    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għall-każ inkwistjoni, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti, hekk kif irrikonoxxew espliċitament waqt is-seduta, ma jikkontestawx l-evalwazzjonijet tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta’ Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni.

174    B’hekk, sa fejn il-kriterji tar-rikorrenti jibbażaw ruħhom essenzjalment fuq allegat nuqqas ta’ intenzjoni ta’ Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni, dawn huma prinċipalment diretti kontra evalwazzjonijiet li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 166 sa 169 iktar ’il fuq, ma jistgħux jikkostitwixxu l-element essenzjali li jippermetti li tiġi evalwata l-fondatezza tal-kwalifika ta’ Morgan Stanley bħala kompetitur potenzjali.

175    Fi kwalunkwe ipoteżi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-eventwalità ta’ dħul ta’ Morgan Stanley fis-suq inkwistjoni fin-nuqqas ta’ aġir kontenzjuż.

176    B’hekk, l-ewwel nett, il-kritika tar-rikorrenti bbażata fuq iċ-ċirkustanza li Morgan Stanley ma ħadet ebda miżura konkreta sabiex tidħol fis-suq ma tidhirx fondata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

177    Minn naħa, sa fejn il-kwalità ta’ membru ta’ Visa kienet tikkostitwixxi rekwiżit neċessarju għad-dħul fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas, ma jistgħux jinsiltu konklużjonijiet min-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ miżura, bħall-implementazzjoni ta’ strateġija ta’ dħul, minn Morgan Stanley qabel l-adeżjoni tagħha bħala membru ta’ Visa fit-22 ta’ Settembru 2006. Għalhekk, u mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni injoratx il-kriterji li ntużaw fis-sentenza BaByliss vs Il‑Kummissjoni, punt 155 iktar ’il fuq, li għaliha jirreferu r-rikorrenti, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li ċ-ċirkustanzi ta’ din il‑kawża jiddistingwu ruħhom minn dawk li taw lok għal din is-sentenza.

178    Min-naħa l-oħra, fir-rigward taċ-ċirkustanza li Morgan Stanley ma ħadet ebda inizjattiva sabiex tidħol fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas wara l‑adeżjoni tagħha, għandu jiġi mfakkar li l-adeżjoni ngħatatilha iktar minn sitt snin wara t-talba magħmula f’dan is-sens. Għaldaqstant, ma tista’ tinsilet ebda tagħlima fuq x’setgħet kienet l-intenzjoni jew fuq x’seta’ kien l-aġir ta’ Morgan Stanley fl-eventwalità fejn il-kwalità ta’ membru ta’ Visa kellha tiġi rrikonoxxuta lilha f’data preċedenti.

179    It-tieni nett, għalkemm huwa minnu li Morgan Stanley ma rreferietx espliċitament għas-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas fl-ilment indirizzat lill-Kummissjoni fit-12 ta’ April 2000, mill-inqas żewġ dokumenti maħruġa minn Morgan Stanley jirreferu għas-suq inkwistjoni.

180    Minn naħa, ġie espliċitament enfasizzat minn Morgan Stanley, fit-talba tagħha ppreżentata quddiem il-High Court of Justice fis-27 ta’ Settembru 2000, li l‑applikazzjoni tar-Regola kellha bħala effett li tipprekludiha milli tidħol fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas fir-Renju Unit.

181    Min-naħa l-oħra, Morgan Stanley hija responsabbli għat-tfassil ta’ pjan strateġiku ta’ affiljazzjoni tan-negozjanti, adottat f’Ġunju 2002. Huwa ċertament minnu li dan ġie pprovdut lir-rikorrenti biss f’verżjoni mhux kunfidenzjali fejn inħbew bosta aspetti. Madankollu, minn dan id-dokument ikkomunikat lir-rikorrenti jirriżultaw diversi elementi relatati mas-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas fir-Renju Unit u fl-Istati Membri l-oħra taż-ŻEE. Bl-istess mod, jippermetti lil wieħed jara x’setgħet kienet l-istrateġija ta’ dħul ta’ Morgan Stanley.

182    Fir-rigward tal-forza probatorja li għandha tiġi rrikonoxxuta lil dawn iż-żewġ dokumenti, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi u l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punt 84). B’hekk, sabiex tiġi evalwata l-forza probatorja ta’ prova, fl-ewwel lok jeħtieġ li tiġi vverifikata l-validità tal-informazzjoni li tinsab fiha. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi tar-redazzjoni tiegħu, id‑destinatarju tiegħu, u wieħed għandu jistaqsi jekk, mill-kontenut tiegħu, id‑dokument jidhirx raġonevoli u kredibbli (sentenzi tal-Qorti Ġenerali Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 1838, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il‑Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP u T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 121).

183    Huwa ċertament minnu li dawn iż-żewġ dokumenti joriġinaw minn Morgan Stanley, ġew adottati matul il-proċedura amministrattiva u li tali ċirkustanzi jinfluwenzaw il-forza probatorja tagħhom.

184    Madankollu, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 177 iktar ’il fuq, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, peress li l-kwalità ta’ membru ta’ Visa tikkostitwixxi rekwiżit neċessarju għad-dħul fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas, il‑Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tibbaża ruħha fuq elementi li għandhom forza probatorja iktar importanti bħall-implementazzjoni ta’ strateġija ta’ dħul.

185    Barra minn hekk, il-kredibbiltà ta’ dawn il-provi hija msaħħa biċ-ċirkustanza, osservata mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ esperjenza ta’ Morgan Stanley fl-affiljazzjoni ta’ negozjanti fi swieq oħra.

186    Għaldaqstant, l-eventwalità ta’ dħul ta’ Morgan Stanley fis-suq inkwistjoni ma kinitx ta’ natura purament teoretika iżda kienet tikkostitwixxi, bil-kontra, ipoteżi plawżibbli. B’hekk il-Kummissjoni ġustament setgħet diddeduċi mid-dikjarazzjonijiet ta’ Morgan Stanley intenzjoni li tidħol fis-suq inkwistjoni.

187    Sa fejn jirriżulta mill-argumenti preċedenti li, minn naħa, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta’ Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni ma ġewx ikkontestati u, min-naħa l-oħra, l-ipoteżi ta’ dħul ta’ Morgan Stanley fis-suq inkwistjoni ma kinitx ta’ natura purament teoretika, hemm lok li jiġi konkluż li l‑Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi billi kkwalifikat lil Morgan Stanley bħala kompetitur potenzjali. Għaldaqstant l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

188    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata biċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ma pprovdietx stima tat-terminu li Morgan Stanley kellha bżonn sabiex tidħol fis-suq inkwistjoni, u dan f’kontradizzjoni apparenti mad-definizzjoni li tinsab fil-linji gwida fuq il-ftehim ta’ kooperazzjoni, li jirreferu għal terminu ta’ sena.

189    Fil-fatt meta tinqara’ din id-definizzjoni, riprodotta fil-punt 171 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-element essenzjali huwa n-neċessità li d-dħul potenzjali jista’ jsir malajr kemm jista’ jkun sabiex jinħass mill-parteċipanti fis-suq, fejn it-terminu ta’ sena ġie ppreżentat biss b’mod indikattiv.

190    Issa, fil-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkunsidrat l‑eżistenza ta’ “fatturi favorevoli għall-aċċess ta’ kompetitur ġdid”, li fosthom hemm l-eżistenza għan-negozjanti ta’ proċeduri sempliċi u li ma humiex għoljin ta’ bidla fl-akkwirent. Għandu jiġi kkonstatat li meta dan l-element, li ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti li jinvokawh insostenn tal-argumenti tagħhom, jintrabat mal-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni għall-finijiet li tiġi stabbilita l‑kapaċità ta’ Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni, ikkunsidrata fil-premessi 193 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata, fost liema tirriżulta l-esperjenza twil tagħha fil-qasam tal-affiljazzjoni tan-negozjanti, huwa tali li juri li d-dħul inkwistjoni seta’ jsur b’biżżejjed ħeffa fis-sens tad-definizzjoni li l-Kummissjoni tagħti ta’ kompetitur potenzjali fil-linji gwida fuq il-ftehim ta’ kooperazzjoni. Għaldaqstant, l-analiżi tal-Kummissjoni hija konformi mhux biss mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 166 u 167 iktar ’il fuq, iżda wkoll mal-kriterji tagħha stess, hekk kif ġie espost fil-linji gwida fuq il-ftehim ta’ kooperazzjoni.

191    Fir-rigward tat-tieni lment tar-rikorrenti, li jgħid li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li Morgan Stanley daħlet fis-suq inkwistjoni, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 175 sa 186 iktar ’il fuq, u dan mingħajr ma jkun neċessarju li wieħed jistaqsi fuq il-punt dwar jekk il-programm ta’ implementazzjoni ta’ Morgan Stanley li jinsab fl-Anness 57 tat-tieni ittra li tesponi l-fatti kienx jikkostitwixxi prova ammissibbli.

192    Fir-rigward tat-tielet ilment tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma eżaminatx fid-dettall l-effetti possibbli tad-dħul ta’ Morgan Stanley fis-suq inkwistjoni, dan ukoll ma jistax jiġi milqugħ.

193    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jerġgħu jtennu l-analiżi tagħhom intiża sabiex tissuġġetta l-analiżi tal-effetti tal-aġir kontenzjuż għall-kompetizzjoni attwali eżistenti fis-suq. Issa, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 130 iktar ’il fuq, tali raġunament ma jistax jiġi segwit.

194    Fit-tieni lok u fi kwalunkwe ipoteżi, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti żviluppat fil-kuntest ta’ dan l-ilment huwa bbażat fuq premessa fattwalment żbaljata, jiġifieri l-eżistenza ta’ livell għoli ta’ kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni. Hekk kif ġie enfasizzat bi tweġiba għall-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-fatt li jeżisti livell ta’ kompetizzjoni bejn il-kompetituri attwalment preżenti fis-suq ma jmurx kontra l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-livell għoli ta’ konċentrazzjoni li jeżisti fis-suq inkwistjoni.

195    Issa, fir-rigward ta’ suq li jinkludi numru baxx ta’ kompetituri, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkonkludi li d-dħul ta’ kompetitur ġdid kien ikollu bħala konsegwenza titjib fis-sitwazzjoni kompetittiva minħabba dan is-sempliċi fatt, mingħajr ma jkollu jiġi pprovat li dan il-kompetitur ġdid kellu xi tip ta’ superjorità meta pparagunat mal-kompetituri diġà stabbiliti.

196    B’hekk, id-diskussjoni dwar il-kapaċitajiet ta’ Morgan Stanley meta mqabbla ma’ dawk tal-kompetituri preżenti fis-suq inkwistjoni hija ineffettiva, ġaladarba r‑rikorrenti ma jikkontestawx il-kapaċità tagħha li tidħol fl-imsemmi suq. Għaldaqstant ma hemmx lok li jiġu analizzati l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw l-esperjenza u l-kwalifiki ta’ Morgan Stanley.

197    Għalhekk dan it-tielet ilment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, il-motiv kollu kemm hu.

198    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda.

B –  Fuq it-talba intiża għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

199    Prinċipalment, ir-rikorrenti jqisu li l-impożizzjoni ta’ multa f’dan il-każ hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni u jitolbu l-annullament tal-multa li ġew ikkundannati jħallsu. Sussidjarjament, huma jitolbu lill-Qorti Ġenerali tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta.

1.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multa

200    Dan il-motiv huwa kompost minn tliet partijiet, l-ewwel nett, mill-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, it-tieni nett, mill-ksur tal-obbligu li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata f’terminu raġonevoli, u, it-tielet nett, min-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-inċertezza li teżisti dwar jekk l-aġir kontenzjuż jikkostitwixxix ksur.

a)     Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza ta’ trattament u ta’ ċertezza legali kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

201    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli imponitilhom multa meta r-Regola kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 17. Huma jenfasizzaw, qabel kollox, li d-data magħżula mill-Kummissjoni bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa ma hijiex dik tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), iżda hija dik tar-riċezzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. B’hekk, il-Kummissjoni nnifisha taċċetta l‑eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-immunità mill-multi sa din id‑data. Sussegwentement, huma jinnotaw li din hija l-unika kawża li fiha l‑Kummissjoni imponiet multa skont ir-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward ta’ ftehim notifikat.

202    Barra minn hekk, numru ta’ drabi l-uffiċjali inkarigati mill-atti taw x’jifhmu li din il-kawża ma kinitx tikkostitwixxi każ li fih kellha tiġi imposta multa.

203    Ir-rikorrenti jipparagunaw l-impożizzjoni ta’ multa fir-rigward tagħhom mal-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fiż-żewġ kawżi li huma jqisu li huma paragunabbli, billi jsemmu, rispettivament, MasterCard (Kawża COMP/34.579, iktar ’il quddiem il-“kawża MasterCard”) u Groupement des cartes bancaires (Kawża COMP/38.606, iktar ’il quddiem il-“kawża GCB”). Huma jsostnu li l‑Kummissjoni ma imponietx multa f’dawn il-kawżi minħabba l-fatt li l-miżuri inkwistjoni kienu ġew innotifikati taħt ir-Regolament Nru 17. B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-kawża GCB, ir-rikorrenti josservaw, essenzjalment, li din kienet ta’ serjetà ogħla minn din il-kawża, sa fejn, minn naħa, kienet involuta restrizzjoni tal-kompetizzjoni mhux biss bl-effett, iżda wkoll bil-għan u fejn, min-naħa l-oħra, il-miżura inkwistjoni kienet kompliet tipproduċi l-effetti tagħha sal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

204    Ir-rikorrenti jiċħdu r-realtà tad-differenzi enfasizzati mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha.

205    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqisu li hija nieqsa minn rilevanza d-differenza marbuta maċ-ċirkustanza li, fil-kawża MasterCard, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx issemmi l-possibbiltà ta’ multa. Dak li hu rilevanti hija r-raġuni li għaliha l‑Kummissjoni, fil-kawża MasterCard, adottat pożizzjoni differenti sa minn meta ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tgħid li hija ma kellhiex timponi multa għas-sempliċi raġuni li kien hemm notifika.

206    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li l-aġir kontenzjuż ma ġiex notifikat. Qabel kollox, huma jinnotaw li mid-deċiżjoni kkontestata nnifisha, u b’mod partikolari min-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 312 tagħha, jirriżulta li l-applikazzjoni tar-Regola fil-konfront ta’ Morgan Stanley ġiet notifikata u li hija din iċ‑ċirkustanza li ġġustifikat immunità minn multa sar-riċeviment tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Sussegwentement, huma sostnew din il-pożizzjoni tul il‑proċedura amministrattiva kollha, mingħajr qatt ma ġew ikkontestati mill-Kummissjoni fuq dan il-punt. Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe ipoteżi, ir-rikorrenti jfakkru li fl-1990 innotifikaw mhux biss ir-Regola nnifisha, iżda wkoll il-fatt li huma kienu kkwalifikaw lil Morgan Stanley bħala kompetitur. Sa minn dik id‑data, il-verżjonijiet differenti tar-regolament intern ta’ Visa nnotifikati lill‑Kummissjoni kollha indikaw li Morgan Stanley kienet ikkunsidrata bħala kompetitur ta’ Visa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet ġiet informata sa minn Lulju jew Awwissu 2000, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni, dwar ir‑raġunijiet li għalihom Morgan Stanley ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni.

207    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-paragun mal-kawża GCB, ir-rikorrenti jsostnu li, peress li l-effetti tal-miżura inkwistjoni komplew minkejja s-sospensjoni tagħha, dan ma jistax jiġġustifika t-trattament differenti mogħti bi żvantaġġ fil-konfront tagħhom. Barra minn hekk, huma josservaw li ma kienx hemm sospensjoni tal-miżura kontenzjuża fil-kawża MasterCard u li madankollu ma ġiet imposta ebda multa.

208    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti r-rikorrenti jikkonkludu l-eżistenza ta’ ksur kemm tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Sa fejn il-Kummissjoni ma tat ebda spjegazzjoni fuq dan il-punt fid-deċiżjoni kkontestata, huma jsostnu li l-obbligu ta’ motivazzjoni wkoll inkiser.

209    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

210    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi enfasizzat li, anki li kieku kellu jitqies li huwa paċifiku li l-aġir kontenzjuż, u mhux biss ir-Regola, jista’ jiġi kkunsidrat li kien suġġett għal notifika, ir-raġunament tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.

211    L-ewwel nett, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li timponi multa fir-rigward ta’ ftehim li kien is-suġġett ta’ notifika fil-kuntest tar-Regolament Nru 17 tirriżulta mill-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 1/2003, li jispeċifika li n-notifiki jiskadu mid-data ta’ applikazzjoni tiegħu. Minn dan jirriżulta neċessarjament li l-immunità minn multi għall-ftehim notifikati skont l‑Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 17 tieqaf mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003. B’hekk, fi kwalunkwe ipoteżi, il-Kummissjoni għandha d-dritt timponi multa fuq ir-rikorrenti minħabba t-tkomplija tal-aġir kontenzjuż, wara d‑dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, il-Kummissjoni osservat dan l‑obbligu, billi kkunsidrat bħala punt tat-tluq għall-iffissar tal-multa d-data tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, it-2 ta’ Awwissu 2004, li tiġi wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, li kienet l-1 ta’ Mejju 2004.

212    It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-Kummissjon għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi, ġaladarba dawn jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il‑Kummissjoni, T‑150/89, Ġabra p. II‑1165, punt 59). Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jestendi ruħu, neċessarjament, għal jekk ikunx opportun li tiġi imposta multa jew le (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il‑Kummissjoni, T‑213/95 u T‑18/96, Ġabra p. II‑1739, punt 239).

213    It-tielet nett, b’mod iktar partikolari fir-rigward taċ-ċirkustanza li, fil-passat, il‑Kummissjoni ma imponietx multi għal ċerti restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni dovuti għall-effett, din ma tistax iċċaħħadha mill-possibbiltà li timponi multa, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni. Bil-kontra, l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tirrikjedi li l-Kummissjoni tkun tista’, f’kull ħin, tadatta l-livell tal-multi skont għall-bżonnijiet ta’ din il-politika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 169, u l-ġurisprudenza ċċitata).

214    Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ġew informati, fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dwar il-fatt li l-Kummissjoni kellha l‑intenzjoni li timponi multa.

215    B’hekk, billi imponiet multa fuq ir-rikorrenti f’din il-kawża, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

216    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni jmissha segwiet fil-konfront tagħhom l-istess approċċ bħal dak li ġie adottat fil-kawżi MasterCard u GCB.

217    Ċertament, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jipprojbixxi, minn naħa, li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu trattati b’mod differenti u, min-naħa l-oħra, li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali trattament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2005, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata).

218    Madankollu, huwa fil-kuntest partikolari ta’ kull kawża li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tiddeċiedi jekk għandhiex timponi multa sabiex tippenalizza l-ksur ikkonstatat u tippreżerva l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza SCK u FNK vs Il‑Kummissjoni, punt 212 iktar ’il fuq, punt 239).

219    Fi kwalunkwe każ, li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni ma kellhiex raġun li ma timponix multi fil-kawżi MasterCard u GCB, l-argumenti tar-rikorrenti jfissru li jkun qed jiġi invokat insostenn tagħhom att illegali mwettaq favur ħaddieħor, liema fatt imur kontra l-prinċipju ta’ legalità (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

220    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

221    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma tkun obbligata tipprovdi spjegazzjoni iktar dettaljata jew li tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-multa (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, T‑68/04, Ġabra p. II‑2511, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jiġi kkonstatat li tali elementi relatati mal-gravità u t-tul tal-ksur attribwit lir-rikorrenti, għalkemm jikkonċernaw qabel kollox id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, huma wkoll tali li jippermettu li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li kien opportun li tingħata multa. B’hekk, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tinkludi, fil-premessi 350 sa 370 tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni meħtieġa, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

222    Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, fir-rigward tar-riferimenti magħmula mir-rikorrenti għall-allegati dikjarazzjonijiet tal-uffiċjali tal-Kummissjoni, ma jirriżultax mid-dokumenti bil-miktub tar-rikorrenti li huma jsostnu li tali dikjarazzjonijiet taw lok għal xi tip ta’ aspettattiva leġittima li ma kinitx ser tiġi imposta multa. Fi kwalunkwe ipoteżi, anki li kieku kellu jitqies li dan huwa s-sens tal-argumenti tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex huma jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tagħhom ma ġewx sodisfatti.

223    Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni nisslet fih aspettattivi fondati, filwaqt li għandu jiġi speċifikat li ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ipprovduti lilha mill-amministrazzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet li għalihom jirreferu r-rikorrenti ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala garanziji preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konkordanti, liema fatt ir-rikorrenti nnifishom jidhru li qed jaċċettaw billi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom jirreferu għal “dikjarazzjonijiet li jagħtu lil wieħed x’jifhem” li l-Kummissjoni ma kinitx qed tikkunsidra lil dan il-każ bħala kawża li fiha hija għandha timponi multa.

225    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-ewwel parti tal-motiv jiġi miċħud.

b)     Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li d-deċiżjoni kkontestata tiġi adottata f’terminu raġonevoli

 L-argumenti tal-partijiet

226    Skont ir-rikorrenti, it-tul tal-proċedura amministrattiva ta’ iktar minn seba’ snin ma huwiex skużabbli u kkawżatilhom ħsara kunsiderevoli, tali li tiġġustifika l‑annullament tal-multa. Fin-nuqqas ta’ tali dewmien, il-Kummissjoni kienet tadotta d-deċiżjoni kkontestata taħt ir-Regolament Nru 17 u, b’hekk, ebda multa ma kienet tiġi imposta. Huma jfakkru li, skont l-Artikolu 15(6) tar-Regolament Nru 17, huwa possibbli li tiġi imposta multa fir-rigward ta’ ftehim notifikat biss f’każijiet fejn deċiżjoni uffiċjali ta’ tneħħija tal-immunità tkun ġiet adottata. Issa, il-Kummissjoni ma adottatx tali deċiżjoni, minkejja t-talba espliċita ta’ Morgan Stanley f’dan is-sens.

227    Barra minn hekk, huma jenfasizzaw li l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fl-iżvolġiment tal-proċeduri amministrattivi fis-settur tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jista’ jikkostitwixxi motiv għal annullament, jekk ikun affettwa l-kapaċità tal-impriża li tiddefendi ruħha.

228    Għall-finijiet tal-verifika dwar jekk il-proċedura kinitx twila b’mod anormali, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul kollu tagħha. F’dan ir-rigward, ir‑rikorrenti jfakkru l-kronoloġija tal-kawża u jsostnu li minnha jirriżulta li l‑Kummissjoni akkumulat id-dewmien. Huma jsostnu b’mod partikolari li, matul it-tliet snin wara li ġie ppreżentat l-ilment, il-Kummissjoni bagħtitilhom biss żewġ talbiet għal informazzjoni u l-ebda talba għal informazzjoni ma ntbagħtet lin-negozjanti.

229    It-tul ta’ din il-proċedura amministrattiva hija wisq iktar kritikabbli ġaladarba Morgan Stanley nnifisha kienet talbet azzjoni urġenti mill-Kummissjoni u proċedura parallela kienet tinsab sospiża quddiem il-qrati tar-Renju Unit, fejn għalhekk kien hemm il-ħtieġa li din il-kawża tiġi ttrattata b’mod prijoritarju.

230    Il-Kummissjoni tiċħad l-argument li kien hemm dewmien eċċessiv u mhux ġustifikabbli min-naħa tagħha fir-rigward tal-kumplessità ta’ din il-kawża. Fi kwalunkwe ipoteżi, hija importanti biss iċ-ċirkustanza li hija tkun osservat it‑terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

231    L-osservanza ta’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-osservanza tiegħu għandu jiġi żgurat mill-qorti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punt 35). Dan il-prinċipju jirriżulta wkoll mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, C 303, Vol. 50, p. 1).

232    Għandu jitfakkar li l-ksur ta’ dan il-prinċipju jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni, bil-kundizzjoni li din tkun affettwat il-kapaċità tal-impriżi inkwistjoni li jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom u, għalhekk, tkun ippreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, punt 231 iktar ’il fuq, punti 42 u 43).

233    Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jsostnux li t-tul tal-proċedura amministrattiva tippreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

234    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza stabbilita relatata mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 61), applikabbli għall-multi imposti fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-Regolament Nru 17. Skont din il-ġurisprudenza, fil-preżenza ta’ leġiżlazzjoni kompleta li tirregola fid-dettal it‑termini li fihom il-Kummissjoni għandha dritt, mingħajr ma jkun hemm ksur tar-rekwiżit fundametali ta’ ċertezza legali, timponi multi lill-impriżi li jkunu s‑suġġett ta’ proċeduri skont ir-regoli tal-kompetizzjoni, kull kunsiderazzjoni marbuta mal-obbligu għall-Kummissjoni li teżerċita s-setgħa tagħha li timponi multi f’terminu raġonevoli għandha tiġi eskluża (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2008, Compagnie maritime belge vs Il‑Kummissjoni, T‑276/04, Ġabra p. II‑1277, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

235    It-termini ta’ preskrizzjoni ffissati bir-Regolament Nru 1/2003 jinsabu fl-Artikolu 25 tiegħu, li jsemmi d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2988/74 li abbażi tagħhom ġiet stabbilita l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 234 iktar ’il fuq.

236    B’hekk, l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multa hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin. Skont l-Artikolu 25(2) ta’ dan ir-regolament, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-ġurnata li fiha jkun twettaq il-ksur jew, għall-ksur kontinwu jew ripetut, mill-ġurnata li fiha jkun intemm il-ksur. Madankollu l-preskrizzjoni tista’ tiġi interrotta jew sospiża, bis-saħħa tal-Artikolu 25(3), (4) u (6). Skont l‑Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003, il-preskrizzjoni tibda tiddekorri mill-ġdid wara kull interruzzjoni, fejn madankollu l-għeluq tal-perijodu ta’ preskrizzjoni jseħħ sa mhux iktar tard mill-ġurnata jew terminu li jkun ugwali għad-doppju tat-terminu tal-preskrizzjoni li jkun skada mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagamenti ta’ pieni perijodiċi.

237    B’hekk, il-ġurisprudenza relatata mar-Regolament Nru 2988/74 tapplika wkoll fir-rigward tal-multi mogħtija fil-kuntest tal-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003.

238    F’dan il-każ, il-ksur inkwistjoni huwa ta’ natura kontinwa u waqaf fid-data li fiha Morgan Stanley ġiet ammessa fi ħdan Visa fit-22 ta’ Settembru 2006. Il-perijodu li ddekorra bejn il-waqfien mill-ksur u d-deċiżjoni kkontestata li timponi l-multa huwa għaldaqstant ta’ tul inferjuri ħafna għat-termini ta’ preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003.

239    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

c)     Fuq it-tielet parti tal-motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-inċertezza li teżisti dwar jekk l-aġir kontenzjuż jikkostitwixxix ksur

 L-argumenti tal-partijiet

240    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma osservatx il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-1998”), applikabbli għall-każ inkwistjoni. Huma jfakkru li dawn il-linji gwida jipprovdu li l-eżistenza ta’ “dubju raġonevoli min-naħa ta’ l-impriża dwar jekk il-kondotta restrittiva tikkostitwixxix verament ksur” tikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti li tiġġustifika t-tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa. Essenzjalment, huma jsostnu, billi jirreferu għall-approċċ segwit fil-Kawża COMP/38.096 (iktar ’il quddiem il-“kawża Clearstream”), li, fiċ-ċirkustanzi fejn jeżisti nuqqas ta’ ċertezza legali effettiva fir-rigward tal-punt dwar jekk l-aġir kontenzjuż jikkostitwix ksur, il-Kummissjoni ma għandha timponi ebda multa. Il-kumplessità ta’ din il-kawża, aċċettata mill-Kummissjoni nnifisha, imissha wasslitha ssegwi approċċ identiku f’dan il-każ.

241    Fil-fatt, fl-ewwel lok, ma teżistix prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u lanqas ġurisprudenza Komunitarja relatata mal-kwistjoni inkwistjoni f’din il-kawża, fejn l-uniku preċedent seħħ permezz ta’ sentenza ta’ qorti tal-Istati Uniti. Għalhekk, għall-finijiet ta’ verifika dwar jekk huma kellhomx dritt jirrifjutaw it-talba ta’ adeżjoni ta’ Morgan Stanley u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, ir‑rikorrenti kellhom jinterpretaw b’analoġija l-ġurisprudenza Komunitarja eżistenti. Id-dibattitu intens bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 81(1) u (3) KE juri din id-diffikultà.

242    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jenfasizzaw, essenzjalment, li ċ-ċirkustanza li din il‑kawża tirreferi għal restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni dovuta għall-effett tagħti lok għal kumplessità u, għalhekk, għal inċertezza legali supplimentari. Il‑Kummissjoni nnifisha sabet diffikultajiet quddiem in-novità u l-kumplessità tal-kawża. F’dan ir-rigward, huma jfakkru l-argumenti tagħhom żviluppati fil-kuntest tat-talbiet għal annullament li jgħidu li l-Kummissjoni biddlet l-evalwazzjoni tagħha tal-kompetizzjoni eżistenti fis-suq inkwistjoni. Huma jinnotaw ukoll, li huwa biss fl-istadju tat-tieni ittra li tesponi l-fatti li l-Kummissjoni ttrattat il‑kwistjoni tal-possibbiltà għal Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni permezz ta’ ftehim ta’ kopertura.

243    Mingħajr ma tiċħad l-eżistenza ta’ setgħa ta’ prinċipju li timponi multa kontra aġir li jikkostitwixxi restrizzjoni ta’ kompetizzjoni dovuta għall-effett, ir-rikorrenti jfakkru li madankollu l-Kummissjoni qatt ma imponiet multa f’kawża li fiha ebda għan antikompetittiv ma kien ġie kkonstatat.

244    Fit-tielet lok, l-uffiċjali tal-Kummissjoni indikaw lir-rikorrenti li ma kinitx wisq importanti l-applikazzjoni tar-Regola fil-konfront ta’ Morgan Stanley iżda r‑Regola nnifisha, billi din ma kinitx trasparenti jew oġġettiva biżżejjed. Għaldaqstant, kienet teżisti inċertezza reali fir-rigward tan-natura tal-ilment inkwistjoni.

245    Il-Kummissjoni tiċħad iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti kellhom raġunijiet reali u sostanzjali li jemmnu li r-rifjut tagħhom li jaċċettaw lil Morgan Stanley ma kienx jikkostitwixxi ksur tad-dritt Komunitarju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

246    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni ma tistax tinjora r-regoli li hija imponiet fuqha nnifsha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, meta l‑Kummissjoni tadotta linji gwida intiżi li jippreċiżaw, fl-osservanza tat-Trattat, il‑kriterji li hija beħsiebha tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, minn dan jirriżulta li jkun hemm awtolimitazzjoni fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa sa fejn hija jkollha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nnifisha (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 57; tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il‑Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II‑717, punt 89, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 267).

247    Mill-premessi 350 sa 370 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni applikat il-metodu espost fil-Linji gwida tal-1998 għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

248    Il-punt 3 tal-Linji gwida tal-1998 jipprovdu għal aġġustament fl-ammont bażiku tal-multa skont ċerti ċirkustanzi attenwanti, fosthom l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli tal-impriża fuq in-natura illegali tal-aġir inkwistjoni.

249    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jqisu li l-inċertezza li teżisti fir-rigward tan-natura illegali tal-aġir kontenzjuż kienet tali li l-applikazzjoni tal-Linji gwida tal-1998 imissha wasslet lill-Kummissjoni sabiex ma timponix multa.

250    Għall-finijiet tal-verifika dwar jekk il-Kummissjoni kinitx marbuta tagħti lir-rikorrenti l-benefiċċju taċ-ċirkustanza attenwanti dovuta għall-eżistenza ta’ dubju raġonevoli, jew saħansitra jekk ikun il-każ, hekk kif jitolbu r-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li ma timponix multa, għandu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti misshomx raġonevolment kienu jafu li qed jiksru l-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 503).

251    Għandu jiġi kkonstatat li l-multa ma ġietx imposta abbażi tal-perijodu illegali kollu, iżda biss mid-data tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

252    Issa, permezz ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni fformulat oġġezzjonijiet fir-rigward tal-aġir kontenzjuż billi spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-aġir kien jikser l-Artikolu 81 KE. Għaldaqstant, minn din id-data, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu iktar li ma kinux jafu li kienu qed jiksru l-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il‑Kummissjoni, T‑219/99, Ġabra p. II‑5917, punt 314).

253    F’dan ir-rigward, teżisti differenza importanti mal-kawża Clearstream, imfakkra mir-rikorrenti, li fiha l-aġir kontenzjuż kien waqaf saħansitra qabel l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

254    B’hekk, l-argumenti tar-rikorrenti, ibbażati fuq allegat nuqqas ta’ prassi deċiżjonali preċedenti jew fuq il-kumplessità tal-kawża huma ineffettivi billi ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, juru l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli qabel id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jiġifieri għal perijodu li ma tteħidtx inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

255    Fl-aħħar nett, iċ-ċirkustanza li ċerti argumenti msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jinsabux fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bħan-natura ineffettiva ta’ aċċess għas-suq inkwistjoni permezz ta’ ftehim ta’ kopertura, ma tagħti lok għal ebda konsegwenza. Fil-fatt, l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet fiha nnifisha suffiċjenti sabiex ir-rikorrenti ma jkollhomx iżjed dubju raġonevoli fuq in-natura illegali tal-aġir kontenzjuż.

256    Għaldaqstant, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, il-motiv kollu kemm hu.

2.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-multa imposta

257    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-ewwel nett, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa, it-tieni nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti u, it-tielet nett, fir-rigward tat-tul tal-ksur.

a)     Fuq l-ewwel parti tal-motiv, dwar id-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa

258    Prinċipalment, ir-rikorrenti jikkontestaw il-kwalifika bħala ksur “serju” u, sussidjarjament, l-għażla ta’ ammont inizjali ta’ EUR 8 500 000.

 Fuq in-natura tal-ksur

–       L-argumenti tal-partijiet

259    Skont ir-rikorrenti, il-ksur allegat fil-konfront tagħhom imissu, fid-dawl tal-Linji gwida tal-1998, ġie kkwalifikat bħala “ksur ftit serju”. Anki li kieku kellu jitqies li dan kellu effett fis-suq, tali effett ma kellux l-impatt ekonomiku li l-Kummissjoni jattribwilu, billi dan il-ksur ikkonċerna lil operatur wieħed biss, f’suq speċifiku ħafna u fi Stat Membru wieħed biss.

260    Huma jsostnu li, għalkemm impatt potenzjali huwa suffiċjenti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha turi l-eżistenza ta’ impatt reali fis-suq, bi provi insostenn ta’ dan. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hija ma kkwantifikatx l-impatt reali u tammetti li ssodisfat ruħha billi tiddeduċi konstatazzjonijiet dwar il-ksur.

261    Il-Kummissjoni tqis li ma wettqitx żbalji fir-rigward tal-kwalifika tal-ksur.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

262    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-kwalifika bħala “serju” tal-ksur inkwistjoni fuq numru ta’ elementi.

263    Qabel kollox, fil-premessi 358 u 359 tad-deċiżjoni kkontestata hija fakkret li Morgan Stanley ġiet prekluża milli toffri servizzi marbuta mal-aċċettazzjoni tat-tranżazzjonijiet magħmula permezz ta’ karti ta’ kreditu jew ta’ debitu b’mod ġenerali, u mhux biss għall-karti Visa.

264    Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-ksur kellu impatt effettiv fuq il‑kompetizzjoni. Filwaqt li rrikonoxxiet, fil-premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx possibbli li jitkejjel it-tali impatt b’mod preċiż, il‑Kummissjoni ddeduċiet mill-implementazzjoni tal-aġir kontenzjuż li kien raġonevoli, “li jitqies bħala probabbli li l-ksur [kellu] impatt kbir fis-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-premessa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni rriferiet ukoll għad-diversi elementi li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tikkonstata l-ksur.

265    Fl-aħħar nett, fil-premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata, hija għamlet riferiment għaċ-ċirkustanza li r-restrizzjoni kienet ikkonċernat ir-Renju Unit li jikkostitwixxi suq ewlieni għall-karti ta’ ħlas.

266    Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-gravità ta’ ksur hija ddeterminata abbażi ta’ bosta elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il‑kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u li fir-rigward tagħhom il‑Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff‑Technik vs Il‑Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punt 153, u l-ġurisprudenza ċċitata).

267    Hekk kif ġie diġà enfasizzat fil-punt 247 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni applikat il‑metodu espost fil-Linji gwida tal-1998 għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

268    Skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq meta dan ikun jista’ jitkejjel u d-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat.

269    Mid-deskrizzjoni tal-ksur ftit serju u serju li tinsab fil-Linji gwida tal-1998 jirriżulta li l-fatturi ta’ distinzjoni ta’ dawn it-tipi ta’ ksur huma l-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjoni u l-portata ġeorgrafika tal-effetti tagħhom. Fil-fatt, il-ksur serju huwa deskritt bħala “ħafna drabi restrizzjonijiet orizzontali jew vertikali tal-istess tip [tal-ksur ftit serju], imma applikati b’mod aktar strett, b’impatt usa’ fuq is-suq, u b’effetti f’żoni estensivi tas-suq komuni”. Il-ksur “ftit serju” huwa deskritt bħala “impatt fuq is-suq limitat u li jaffettwa parti sostanzjali imma relattivament limitata tas-suq tal-Komunità”.

270    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-impatt tal-ksur fuq is-suq, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma pprovatx ir-realtà ta’ dan l-impatt. Huma jsostnu wkoll li, fi kwalunkwe ipoteżi, l-impatt jista’ jkun biss wieħed limitat.

271    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is‑suq, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku normalment kienet teżisti fin-nuqqas ta’ ksur (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).

272    Fil-premessa 357 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat dan li ġej:

“Minkejja li ma huwiex possibbli li jitkejjel preċiżament l-impatt effettiv fuq is‑suq, id-deċiżjoni li teskludi lil Morgan Stanley ġiet implementata u għaldaqstant huwa raġonevoli li jitqies bħala probabbli li l-ksur kellu impatt kbir fuq is-suq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

273    Ċertament, l-istabbiliment awtomatiku ta’ rabta kawżali bejn l-implementazzjoni ta’ aġir antikompetittiv u l-eżistenza ta’ impatt jirriżulta minn raġunament żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 109 u 110).

274    Madankollu, mill-premessi 358 sa 360 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni tibbaża ruħha wkoll fuq żewġ tipi oħra ta’ kunsiderazzjonijiet, ibbażati, minn naħa, fuq il-fatt li l-aġir kontenzjuż kellu bħala effett li jipprekludi lil Morgan Stanley milli tipproponi servizzi marbuta mal-aċċettazzjoni għall-karti kollha u mhux għall-karti Visa biss u, min-naħa l-oħra, fuq l-effetti pożittivi li setgħet kellha l-preżenza ta’ Morgan Stanley fuq is-suq inkwistjoni.

275    Issa, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma jikkontestawx iċ-ċirkustanza li l-aġir kontenzjuż effettivament kellu bħala effett li jipprekludi lil Morgan Stanley milli tipproponi servizzi ta’ aċċettazzjoni għall-karti kollha u mhux għall-karti Visa biss.

276    It-tieni nett, fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet għal annullament ġie kkunsidrat li l‑evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni tal-aġir kontenzjuż, jiġifieri l-livell ta’ kompetizzjoni attwali u potenzjali, il‑kwalità ta’ kompetitur potenzjali min-naħa ta’ Morgan Stanley u l-intenzjoni tagħha li tidħol fis-suq inkwistjoni, ma humiex ivvizzjati b’illegalità.

277    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessa 174 tad-deċiżjoni kkontestata, li interrogat lill-istabbilimenti finanzjarji kollha identifikati bħala kompetituri potenzjali, fuq il-punt dwar jekk kellhomx l‑intenzjoni li jidħlu fis-suq inkwistjoni u minn dan ikkonkludiet li Morgan Stanley kienet tikkostitwixxi l-uniku kompetitur potenzjali li esprima l-intenzjoni tiegħu li jidħol fl-imsemmi suq.

278    Għalhekk, billi kkonkludiet abbażi ta’ dawn l-elementi li l-aġir kontenzjuż kellu impatt importanti fuq is-suq, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni.

279    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami min-naħa tal-Kummissjoni tal-portata ġeografika tal-effetti tal-aġir kontenzjuż, ir-rikorrenti jqisu li, sa fejn huwa biss is‑suq tar-Renju Unit li kien ikkonċernat mill-aġir kontenzjuż, il-Kummissjoni jmissha pprivileġġjat il-kwalifika bħala ksur “ftit serju”.

280    Għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li suq ġeografiku ta’ daqs nazzjonali jikkorrispondi għal parti sostanzjali mis-suq komuni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 176, u l-ġurisprudenza ċċitata).

281    Fil-premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għaċ-ċirkustanza li “ir-Renju Unit jikkostitwixxi suq ewlieni għall-karti ta’ ħlas” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, fid-dawl tal-importanza ekonomika ta’ dan is‑suq, li, barra minn hekk, ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li s-suq inkwistjoni kienet “żona estensiva tas-suq komuni” fis-sens tal-Linji gwida tal-1998.

282    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għaldaqstant hemm lok li jiġu miċħuda l-ilmenti tar-rikorrenti fuq in-natura tal-ksur.

 Fuq l-ammont inizjali tal-multa

–       L-argumenti tal-partijiet

283    Skont ir-rikorrenti, l-ammont inizjali ta’ EUR 8 500 000 kkunsidrat mill-Kummissjoni huwa sproporzjonat u huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni. B’hekk, il-Kummissjoni jmissha ddeterminat ammont inizjali li jinsab fil-parti interjuri tal-iskala prevista għall-ksur serju mil-Linji gwida tal-1998, fid-dawl tal-impatt tal-ksur, tal-fatt li tinsab inkwistjoni restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett, kif ukoll tal-prassi tagħha fil-qasam tal-iffissar tal-multi. Huma jfakkru li, għalkemm il-Kummissjoni għandha d-dritt li ma ssegwix il-prassi preċedenti tagħha fil-qasam tal-iffissar tal-multi, hija għandha tapplika l-Linji gwida tal-1998 u tindika r-raġunijiet oġġettivament ġustifikabbli li jissostanzjaw il-figura ffissata.

284    Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li ċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni applikat ammont inizjali ekwivalenti f’bosta deċiżjonijiet preċedenti juri n-natura sproporzjonata tal-ammont inkwistjoni f’din il-kawża, peress li l-aġir imsemmi minn dawn id-deċiżjonijiet kien jikkostitwixxi ksur ħafna iktar serju tad-dritt tal-kompetizzjoni.

285    Il-Kummissjoni tqis li l-ammont inizjali ma huwiex sproporzjonat u li d-deċiżjoni hija mmotivata b’mod suffiċjenti skont il-liġi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

286    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il‑Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom hija ffissat l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għal EUR 8 500 000, dan għandu jiġi miċħud.

287    Ċertament, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix ġustifikazzjonijiet espliċiti fuq id-determinazzjoni tal-ammont inizjali, billi l-Kummissjoni tissodisfa ruħha li tirreferi, fil-premessa 353 tad-deċiżjoni kkontestata, għar-raġunijiet li wassluha tikkwalifika l-ksur bħala serju.

288    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kellhiex obbligu li tipprovdi spjegazzjoni fuq dan il-punt. Fil-fatt, hekk kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 221 iktar ’il fuq, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fir-rigward tal-iffissar tal-multi minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l‑elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur imwettaq, mingħajr ma għandha tagħti spjegazzjoni iktar fid-dettall.

289    Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tagħti b’mod espliċitu r‑raġunijiet li għalihom hija ffissat preċiżament l-ammont inizjali tal-multa għal EUR 8 500 000. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

290    Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura allegatament sproporzjonata ta’ dan l-ammont, għandu jitfakkar li l-Linji gwida tal-1998 jipprovdu ammont inizjali għall-ksur ikkwalifikat bħala “serju” bejn EUR 1 000 000 u EUR 20 000 000.

291    It-tielet, ir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998 jispeċifikaw li ġej:

“F’kull waħda minn dawn il-kategoriji, u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-ksur serju u l-ksur serju ħafna, l-iskala proposta ta’ multi se tagħmilha possibli li jiġi applikat trattament differenti lill-intrapriżi skont in-natura tal-ksur li jkun sar.

Se jkun ukoll neċessarju li tiġi kunsidrata f’liema miżura l-awturi tal-ksur għandhom il-kapaċità effettiva ekonomika biex joħolqu theddid sinifikanti għall-operaturi l-oħra, b’mod partikolari konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li jiggarantixxi effett suffiċjentament dissważiv.

F’sens ġenerali, jista’ jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li impriżi kbar ġeneralment ikollhom tagħrif u infrastrutturi ġuridiċi-ekonomiċi li faċilment jippermettulhom biex jirrikonoxxu li l-komportament tagħhom jikkostitwixxi ksur u li jkunu konxji tal-konsegwenzi ta’ dan skont il-liġi tal-kompetizzjoni.”

292    B’hekk, sa fejn ir-rikorrenti ma jqegħdux inkwistjoni l-legalità tal-Linji gwida tal-1998, huwa fid-dawl tal-kriterji msemmija fil-punt 291 iktar ’il fuq li hemm lok li tiġi eżaminata n-natura proporzjonata jew mhux proporzjonata tal-ammont inizjali determinat mill-Kummissjoni.

293    Issa, fid-dawl, minn naħa, tal-importanza ekonomika tar-rikorrenti u, min-naħa l‑oħra, tal-ħtieġa li l-multa żżomm natura dissważiva, ammont ta’ EUR 8 500 000, li jinsab fil-parti inferjuri tat-taqsima kkunsidrata mil-Linji gwida tal-1998 għall-ksur serju, ma jidhirx manifestament sproporzjonat.

294    Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel parti tal-motiv tiġi miċħuda.

b)     Fuq it-tieni parti tal-motiv, dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti

 L-argumenti tal-partijiet

295    Ir-rikorrenti jsostnu li l-inċertezza fir-rigward tan-natura li tikkostitwixxi ksur tal-aġir kontenzjuż, mill-inqas, imissu ġie kkwalifikat bħala ċirkustanza attenwanti. Għal din ir-raġuni, barra minn hekk, il-Kummissjoni jmissha ma applikatx żieda abbażi tat-tul tal-ksur. Huma jikkritikawha wkoll talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, huma pproponew li jemendaw u effettivament emendaw ir‑Regola u, min-naħa l-oħra, ikkonkludew ftehim ma’ Morgan Stanley waqt il‑proċedura amministrattiva. Fl-aħħar nett, id-dewmien tal-Kummissjoni fl-ipproċessar tal-kawża kien jiġġustifika, minn tal-inqas, tnaqqis tal-multa.

296    Il-Kummissjoni tqis li hija ġustament ma kkunsidrat ebda ċirkustanza attenwanti. Hija tikkonfuta b’mod partikolari r-realtà tal-emenda li saret fir-Regola, peress li din tikkonsisti biss fiż-żieda ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni li, fi kwalunkwe ipoteżi, ma ġewx applikati fil-konfront ta’ Morgan Stanley.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

297    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment li jmissu ttieħed inkunsiderazzjoni li l‑inċertezza dwar jekk l-aġir kontenzjuż kienx jikkostitwixxi ksur kienet ċirkustanza attenwanti, dan għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 250 sa 255 iktar ’il fuq. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkalkolat il-multa abbażi ta’ perijodu li jibda bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Issa, f’din id-data, ir-rikorrenti ma setgħux ikollhom iktar dubju raġonevoli fir-rigward tan-natura li tikkostitwixxi ksur tal-aġir kontenzjuż.

298    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment li d-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni fl-ipproċessar tal-kawża wkoll kien jiġġustifika tnaqqis fil-multa, dan ma jistax jiġi milqugħ għar-raġunijiet spjegati fil-punti 231 sa 238 iktar ’il fuq, fejn il-perijodu bejn il-waqfien mill-ksur u d-deċiżjoni kkontestata huwa inferjuri għat-terminu ta’ preskrizzjoni li jinsab fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003.

299    Fit-tielet lok, fir-rigward tar-riferiment għall-ftehim konkluż ma’ Morgan Stanley u l-ammissjoni tagħha f’Visa, għandu jiġi osservat li, billi aġixxew b’dan il-mod, ir-rikorrenti temmew il-ksur li ġie allegat fil-konfront tagħhom ħafna snin wara li ġew avżati mill-Kummissjoni dwar in-natura li tikkostitwixxi ksur tal-aġir tagħhom. Għalhekk il-Kummissjoni ġustament ma tatx tnaqqis tal-multa lir-rikorrenti għal din ir-raġuni.

300    Fir-raba’ lok, huwa wkoll żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li r-rikorrenti emendaw ir-Regola waqt il‑proċedura amministrattiva.

301    Ċertament, huwa minnu li r-rikorrenti emendaw ir-Regola fl-24 ta’ Mejju 2006. Din l-emenda tista’ tiġi kkunsidrata bħala risposta għal waħda mill-kritiki indirizzati mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha li, fil-punti 257 u 258 tagħha kienet tenfasizza li l-formulazzjoni tar-Regola kienet tiffavorixxi applikazzjoni diskriminatorja, b’mod partikolari fir-rigward tal-fatt li l-kunċett ta’ “kompetitur” fir-Regola ma kienx oġġettiv u preċiż biżżejjed. Għandu jiġi wkoll ikkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, adottata wara din l‑emenda tar-Regola, ma ssemmix din il-kritika.

302    Madankollu, il-Kummissjoni assolutament ma kinitx marbuta li titratta din l‑emenda tar-Regola bħala ċirkustanza attenwanti u li tagħti tnaqqis tal-multa lir-rikorrenti.

303    Fil-fatt, in-natura adegwata ta’ tnaqqis eventwali fil-multa minħabba ċirkustanzi attenwanti li taqa’ taħt il-punt 3 tal-Linji gwida tal-1998, għandha tiġi evalwata minnn perspettiva globali fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura imperattiva fil-linji gwida fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l‑Kummissjoni żammet ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi minħabba ċirkustanzi attenwanti (sentenza Mannesmannröhren‑Werke vs Il‑Kummissjoni, punt 182 iktar ’il fuq, punt 275).

304    Issa, sa fejn l-aġir kontenzjuż ma jikkonċernax kemm ir-Regola nnifisha kif ukoll l-applikazzjoni tagħha fil-konfront ta’ Morgan Stanley, hekk kif jirrikonoxxu r‑rikorrenti nnifishom, u li dan ir-rifjut ta’ ammissjoni baqa’ tali matul iktar minn sentejn wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni setgħet validament ma tiħux inkunsiderazzjoni l-emenda tar-Regola magħmula mir-rikorrenti, liema emenda, barra minn hekk, saret biss fi stadju avvanzat ħafna tal-proċedura amministrattiva.

305    Għaldaqstant hemm lok sabiex it-tieni parti tal-motiv tiġi miċħuda.

c)     Fuq it-tielet parti tal-motiv, dwar it-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

306    Ir-rikorrenti jikkontestaw id-determinazzjoni mill-Kummissjoni tad-dati ta’ bidu u ta’ tmiem tal-ksur. Huma jqisu li l-ksur ma damx iktar minn seba’ xhur bejn Awwissu 2005 u Frar 2006. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma jmisshiex applikat żieda minħabba t-tul.

307    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jqisu li l-ksur ma bediex qabel Awwissu 2005. Huma jibbażaw ruħhom fuq iċ-ċirkustanza li dħul fis-suq inkwistjoni jeħtieġ l-adozzjoni ta’ pjan konkret ta’ implementazzjoni. Sa fejn, minn naħa, l-ewwel prova ta’ pjan ta’ implementazzjoni hija datata l-20 ta’ Mejju 2005 u, min-naħa l-oħra, it‑twettiq effettiv ta’ tali pjan jeħtieġ b’mod ġenerali mill-inqas tliet xhur, Morgan Stanley ma setgħetx tidħol fis-suq inkwistjoni qabel Awwissu 2005.

308    Għaldaqstant il-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li l-bidu tal-aġir li jikkostitwixxi ksur imur lura għall-esklużjoni mis-suq, fit-22 ta’ Marzu 2000. Ir‑rikorrenti jiċħdu wkoll ir-realtà ta’ intenzjoni ta’ Morgan Stanley li tidħol fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas mill-1998. Il-provi meqjusa li juru l‑eżistenza ta’ tali intenzjoni fil-verità jikkonċernaw biss is-suq tal-ħruġ tal-karti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma analizzatx il‑provi li huma ppreżentaw, meta dawn juru n-nuqqas ta’ intenzjoni ta’ Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni.

309    Fit-tieni lok, sa fejn il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-allegata intenzjoni kostanti ta’ Morgan Stanley li teżerċita attivitajiet ta’ arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas sabiex tiddetermina t-tul tal-ksur, ir-rikorrenti jsostnu li hija kellha l‑obbligu li tipprova r-realtà ta’ din l-intenzjoni għat-tul tal-ksur kollu. Issa, id‑deċiżjoni kkontestata ma ssemmix l-iċken prova ta’ din l-intenzjoni għall-perijodu bejn Mejju 2005 u t-22 ta’ Settembru 2006. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha, hekk kif spjegati bis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni (T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punti 79 u 80). Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni jmissha kkunsidrat li l-ksur kien intemm fi Frar 2006, meta kienu bdew in-negozjati għall-adeżjoni ta’ Morgan Stanley, fejn f’din l-okkażżjoni, din tal-aħħar ma kienet uriet ebda intenzjoni li tidħol fis-suq tal-arranġamenti dwar il-karti ta’ ħlas.

310    Fir-rigward tat-tweġiba tal-Kummissjoni bbażata fuq iċ-ċirkustanza li s-sempliċi kwalità ta’ membru ta’ Visa huwa biżżejjed sabiex jingħata d-dritt li wieħed jakkwista, ir-rikorrenti jenfasizzaw li din hija dovuta għal raġunament żbaljat. Il‑kwistjoni essenzjali hija dik tal-eżistenza jew le ta’ intenzjoni ta’ Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni. Għalhekk, iċ-ċirkustanza li Morgan Stanley ma xtaqitx tissodisfa t-talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens matul in-negozjati ta’ adeżjoni tikkostitwixxi element effettivament rilevanti. Barra minn hekk, huma jfakkru li Morgan Stanley ma daħlitx fis-suq inkwistjoni wara l-ammissjoni tagħha.

311    Il-Kummissjoni tqis li hija ma wettqet ebda żball fl-istabbiliment tad-dati ta’ bidu u ta’ tmiem tal-ksur.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

312    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-determinazzjoni tat-tul tal-ksur hija żbaljata billi l-intenzjoni ta’ Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni ma komplietx matul il-perijodu kollu kkunsidrat mill-Kummissjoni. Huma jikkritikawha wkoll talli ma ddeduċietx it-termini inerenti għad-dħul fis-suq inkwistjoni.

313    Madankollu, hekk kif ġie enfasizzat fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet għal annullament, il-Kummissjoni ġustament qieset li Morgan Stanley kienet tikkostitwixxi kompetitur potenzjali fis-suq inkwistjoni. Għalhekk, l-aġir kontenzjuż ipproduċa effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fir-rigward tagħha sakemm damet l-esklużjoni tagħha mill-imsemmi suq. Għaldaqstant il‑Kummissjoni ġustament ikkunsidrat l-eżistenza ta’ ksur ta’ tul ekwivalenti għal dak tar-rifjut tal-kwalità ta’ membru ta’ Visa lil Morgan Stanley. Sa fejn dan ir‑rifjut kompla bejn it-22 ta’ Marzu 2000 u l-adeżjoni ta’ Morgan Stanley fit-22 ta’ Settembru 2006, effettivament kien hemm ksur kontinwu tad-dritt tal-kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ dati. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball fl-iffissar tad-dati ta’ bidu u ta’ tmiem tal-ksur.

314    Għalhekk, ma jeżisti ebda dubju fuq it-tul eżatt tal-ksur. F’dan ir-rigward, din il‑kawża tiddistingwi ruħha minn dik li tat lok għas-sentenza Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, punt 309 iktar ’il fuq (punti 79 u 80), li għaliha jirreferu r‑rikorrenti.

315    Għaldaqstant hemm lok sabiex it-tielet parti tiġi miċħuda, u, għaldaqstant, il‑motiv kollu kemm hu.

316    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li ntqalu, it-talbiet kollha ppreżentati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

317    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r‑rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Visa Europe Ltd u Visa International Service huma kkundannati għall-ispejjeż.

Jaeger

Vadapalas

Prek

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Id-deċiżjoni kkontestata

A –  Definizzjoni tas-suq rilevanti

B –  L-aġir li dwaru sar l-ilment

C –  Applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE

D –  Kalkolu tal-multa

Proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Kwistjonijiet preliminari

a)  Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti u ta’ dokument

b)  Fuq l-ammissibbiltà ta’ anness tar-rikors

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq l-ewwel u t-tielet motivi, li jikkontestaw l-allegazzjoni li l-aġir kontenzjuż kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni

a)  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-possibbiltŕ għal Morgan Stanley li tidħol fis-suq inkwistjoni permezz ta’ ftehim ta’ kopertura

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq it-tielet motiv, dwar l-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-preżenza ta’ Morgan Stanley fis-suq inkwistjoni

Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju ekonomikament u ġuridikament żbaljat

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażat fuq analiżi żbaljata tal-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq inkwistjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-tielet parti tal-motiv, ibbażata fuq analiżi insuffiċjenti u żbaljata tal-effetti tar-rifjut tad-dħul ta’ Morgan Stanley fuq il-kompetizzjoni

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq it-talba intiża għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa

1.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multa

a)  Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza ta’ trattament u ta’ ċertezza legali kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li d-deċiżjoni kkontestata tiġi adottata f’terminu raġonevoli

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

c)  Fuq it-tielet parti tal-motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-inċertezza li teżisti dwar jekk l-aġir kontenzjuż jikkostitwixxix ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kalkolu tal-multa imposta

a)  Fuq l-ewwel parti tal-motiv, dwar id-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa

Fuq in-natura tal-ksur

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ammont inizjali tal-multa

–  L-argumenti tal-partijiet

–  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq it-tieni parti tal-motiv, dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

c)  Fuq it-tielet parti tal-motiv, dwar it-tul tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.