Kawża T-434/07

Volvo Trademark Holding AB

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva SOLVO — Trade marks Komunitarji u nazzjonali verbali u figurattivi preċedenti VOLVO — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-2 ta’ Diċembru 2009   II ‐ 4419

Sommarju tas-sentenza

  1. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Xebħ viżiv bejn trade mark figurattiva kumplessa u trade mark verbali – Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

  2. Trade mark Komunitarja – Dispożizzjonijiet proċedurali – Eżami ex officio tal-fatti

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8(1)(b) u 74(1))

  3. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

  4. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu – Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

  1.  L-eżami tax-xebh ta’ trade mark figurattiva kumplessa u ta’ trade mark verbali preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade marks Komunitarji jieħu inkunsiderazzjoni dawn it-trade marks fl-intier tagħhom, hekk kif huma rreġistrati jew hekk kif saret l-applikazzjoni għalihom. Issa, trade mark verbali hija trade mark magħmula esklużivament minn ittri, minn kliem jew minn gruppi ta’ kliem, miktuba b’ittri stampati bi skritt normali, mingħajr element figurattiv speċifiku. Il-protezzjoni li tirriżulta mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark verbali tirrigwarda l-kelma indikata fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u mhux l-aspetti figurattivi jew stilistiċi partikolari li din it-trade mark tista’ eventwalment ikollha. Għalhekk, għall-finijiet tal-eżami tax-xebh, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rappreżentazzjoni grafika li s-sinjal verbali preċedenti jista’ jkollu fil-futur.

    (ara l-punt 37)

  2.  Il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fiż-żmien meta l-att ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-kwistjoni tad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade marks Komunitarji, tikkostitwixxi kundizzjoni ġuridika li tista’ tiġi eżaminata ex officio, u għall-ewwel darba, mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ pubbliku rilevanti hija bbażata fuq punti ta’ fatt li għandhom jiġu evalwati l-ewwel nett mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) b’osservanza tal-Artikolu 74(1) tal-imsemmi Regolament, u jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ta’ legalità mill-qorti Komunitarja fid-dawl tal-argumenti u tal-provi mressqa mill-partijiet.

    (ara l-punti 46, 47)

  3.  Jekk l-analiżi ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade marks Komunitarji, li tikkostitwixxi element essenzjali tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandha titwettaq, bħal din tal-aħħar, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, dan huwa minnu essenzjalment biss fil-każ fejn il-karatteristiċi partikolari tal-konsumaturi inkwistjoni jistgħu jinfluwenzaw il-perċezzjoni tagħhom fir-rigward tax-xebh tas-sinjali inkwistjoni. Dan huwa minnu b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-perċezzjoni tal-livell ta’ xebh mill-perspettiva fonetika u kunċettwali, li tista’ tvarja kemm skont il-lingwa u l-kuntest kulturali ta’ dawn il-konsumaturi, jew inkella skont il-livell ta’ għarfien tagħhom ta’ ċerti termini speċjalizzati, li huwa spiss iddeterminat mill-kwalità tagħhom ta’ pubbliku professjonali.

    Bil-kontra, sa fejn hija ta’ natura li tinfluwenza l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, jiġifieri l-attribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni lill-istess impriża jew lil impriżi li huma marbuta ekonomikament, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-fażi tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Dan huwa partikolarment minnu f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ attenzjoni ogħla li normalment juri l-pubbliku professjonali.

    (ara l-punti 48, 49)

  4.  Jeżisti xebh fonetiku bejn it-trade mark figurattiva SOLVO, li r-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark Komunitarja qed tintalab għal “programmi informatiċi għal sistemi ta’ ġestjoni tal-imħażen u programmi informatiċi għal sistemi ta’ terminali tal-kontejners”, li jaqgħu fil-klassi 9 skont il-Ftehim ta’ Nice u t-trade mark verbali VOLVO, irreġistrata preċedentement fir-Renju Unit, għal, fost prodotti u servizzi oħra, “softwer informatiku”, li jaqa’ taħt il-klassi 9 tal-imsemmi ftehim, u għaldaqstant ukoll mal-prodotti indentiċi għal dawk deskritti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

    Fil-fatt, jekk id-differenza bejn l-ewwel ittra tas-sinjali inkwistjoni tintroduċi nuqqas ta’ xebh fonetiku, il-pronunċja tal-grupp tal-erba’ ittri ta’ wara “olvo”, tibqa’ strettament identika u għalhekk iżżomm neċessarjament livell ta’ xebh.

    Għalkemm huwa minnu, li l-bidu ta’ sinjal għandu importanza fl-impressjoni globali li dan is-sinjal jipproduċi, l-eżistenza ta’ ċertu xebh ma tistax, f’dan il-każ, tiġi miċħuda, fid-dawl tal-pronunċja identika li għandhom il-parti kbira ta’ kull wieħed mis-sinjali inkwistjoni, jiġifieri erbgħa mill-ħames ittri tagħhom.

    L-eżistenza ta’ livell ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, f’dak li jirrigwarda wieħed mill-aspetti rilevanti eżaminati, jiġifieri x-xebh fonetiku, tipprekludi l-possibbiltà li jiġi kkunsidrat li waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade marks Komunitarji hija nieqsa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li sseħħ evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-livell ta’ xebh fonetiku kkonstatat bejn is-sinjali inkwistjoni, tal-identiċità tal-prodotti koperti u tar-reputazzjoni tas-sinjal preċedenti, il-pubbliku li għalih huma intiżi l-prodotti inkwistjoni jistax jemmen li dawn tal-aħħar ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi li huma marbuta ekonomikament.

    (ara l-punti 28, 39, 40 u 50)