Keywords
Summary

Keywords

1. Rikors għal annullament — Rikors li fir-verità jirrigwarda kwistjoni ta’ natura kuntrattwali — Riklassifikazzjoni tar-rikors — Kundizzjonijiet

(Artikoli 230 KE u 238 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

2. Proċedura — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni — Issuġġettar tal-Kummissjoni għall-prinċipji li jirregolaw il-kuntratti — Ħlas tan-noti ta’ debitu — Effetti

(Artikolu 238 KE)

3. Proċedura — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni — Dritt għal smigħ waqt il-proċedura ta’ verifika — Qbid mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi tad-dokumenti ta’ sostenn — Nuqqas ta’ effett fuq dan id-dritt — Ksur ta’ dan id-dritt — Konsegwenzi

(Artikolu 238 KE)

4. Proċedura — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni — Talbiet intiżi għall-ħatra ta’ perit — Eżami mill-qorti Komunitarja skont regoli proċedurali relatati ma’ miżuri istruttorji

(Artikolu 238 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 65 sa 67)

5. Proċedura — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratti konklużi fil-kuntest ta’ programm speċifiku ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ demostrazzjoni — Irregolaritajiet finanzjarji gravi

(Artikolu 238 KE)

Summary

1. Meta quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament jew rikors għad-danni, filwaqt li fil-verità l-kwistjoni hija ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali tirriklassifika r-rikors, jekk il-kundizzjonijiet għal tali riklassifikazzjoni huma sodisfatti. Quddiem kwistjoni ta’ natura kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa impossibbli għaliha li tirriklassifika rikors għal annullament kemm meta l-volontà espressa mir-rikorrenti li ma tibbażax it-talba tagħha fuq l-Artikolu 238 KE topponi tali riklassifikazzjoni, kemm meta r-rikors ma huwa bbażat fuq ebda motiv ibbażat fuq il-ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, kemm jekk dawn huma klawżoli kuntrattwali jew dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali mniżżla fil-kuntratt.

Huwa biżżejjed li wieħed mill-motivi karatteristiċi ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 238 KE huwa invokat fir-rikors skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali sabiex dan ir-rikors ikun jista’ jiġi riklassifikat, mingħajr ma jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-istituzzjoni konvenuta.

(ara l-punti 57, 59, 61)

2. Fil-qasam kuntrattwali, il-Kummissjoni hija suġġetta għall-prinċipji li jirregolaw il-kuntratti. Bħala prinċipju, hija ma għandhiex, f’dan il-kuntest, id-dritt li tadotta atti unilaterali. Konsegwentement, hija ma għandhiex kompetenza sabiex tindirizza att ta’ natura deċiżjonali lill-parti kontraenti kkonċernata, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni minn din il-parti kontraenti tal-obbligi kuntrattwali tagħha ta’ natura finanzjarja, iżda hija għandha, skont il-każ, tressaq talba għal ħlas quddiem il-qorti kompetenti.

Barra minn hekk, il-ħlas tan-noti ta’ debitu mill-parti kontraenti l-oħra, minkejja n-nuqqas ta’ natura deċiżjonali tagħhom, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala rinunzja għal dritt possibbli tagħha għall-ħlas tas-somom ikkunsidrati. Hija biss rinunzja minn din il-parti għal dan id-dritt jew il-preskrizzjoni ta’ dan id-dritt li jistgħu jostakolaw it-talbiet għal ħlas tagħha, jekk dawn huma ġġustifikati mill-klawżoli tal-kuntratti.

(ara l-punti 68, 70)

3. Iċ-ċirkustanza li dokumenti ta’ sostenn miżmuma mill-parti kontraenti kienu nqabdu mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u li huma jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti previsti bir-Regolament Nru 1049/2001 ma tistax tiġġustifika li titneħħa s-sustanza tad-dritt għal smigħ ta’ din il-parti kontraenti skont l-Artikolu 26(3) tal-Anness II, waqt il-proċedura ta’ verifika.

Madankollu, f’dak li jikkonċerna l-konsegwenzi legali tal-ksur tad-dritt għal smigħ ta’ din il-parti kontraenti, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni kuntrattwali, tali irregolarità ma hijiex l-unika li twassal għal eventwali kundanna tal-Kummissjoni li tħallas lir-rikorrenti s-somom li hija titlob. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi bbażati fuq l-Artikolu 238 KE, ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-klawżoli rilevanti kollha tal-kuntratti inkwistjoni, invokati mill-partijiet, u fuq il-bażi tal-elementi kollha disponibbli quddiem il-Qorti Ġenerali, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża.

(ara l-punti 89, 90)

4. Skont id-dritt ta’ kull qorti li tapplika r-regoli ta’ proċedura tagħha, it-talbiet sussidjarji intiżi għall-ħatra ta’ perit għandhom jiġu eżaminati mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 65 sa 67 tar-Regoli tal-Proċedura, li jikkonċernaw il-miżuri istruttorji.

(ara l-punt 108)

5. F’każ ta’ frodi jew ta’ irregolaritajiet finanzjarji gravi kkonstatati fil-kuntest ta’ verifika, l-Artikolu 3(5) tal-Anness II tal-kuntratti inkwistjoni jipprovdi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tirkupra l-kontribuzzjoni finanzjarja kollha mħallsa mill-Unjoni Ewropea u għalhekk għandu għan dissważiv.

Madankollu, l-għan segwit mill-Artikolu 3(5) tal-Anness II, li huwa intiż bħala dissważjoni kontra l-frodi u l-irregolaritajiet finanzjarji gravi, ma jippermettix lill-Kummissjoni li tevita l-prinċipju tal-eżekuzzjoni bona fide tal-kuntratti u l-projbizzjoni tal-applikazzjoni abbużiva tal-klawżoli kuntrattwali, billi tapplika setgħa diskrezzjonali fl-interpretazzjoni u l-implementazzjoni ta’ dawn il-klawżoli.

Fir-rigward tal-portata u tal-gravità tal-irregolaritajiet finanzjarji manifesti kkonstatati fil-kuntest tal-verifika u kkonfermati minn dokumenti tal-investigazzjoni kriminali diskussi f’dan il-każ bejn il-partijiet, l-irkupru mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja kollha mħallsa, fir-rigward tal-kuntratti inkwistjoni, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala applikazzjoni abbużiva tal-klawżoli tal-imsemmi Artikolu 3(5). Dan għaldaqstant ma għandux natura sproporzjonata fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-klawżoli rilevanti tal-kuntratti inkwistjoni.

(ara l-punti 128, 129, 140)