Kawża T-369/07

Ir-Repubblika tal-Latvja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Pjan nazzjonali tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għal-Latvja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 — Terminu ta’ tliet xhur — Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Rikorsi tal-Istati Membri

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra (PNA) — Notifika minn Stat Membru — Setgħa ta’ kontroll tal-Kummissjoni — Portata — Natura ġuridika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 9(3))

3.      Ambjent — Tniġġis atmosferiku — Direttiva 2003/87 — Pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) — Notifika minn Stat Membru — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikolu 9(3))

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Preżunzjoni ta’ validità — Att ineżistenti — Kunċett

(Artikolu 288 TFUE)

1.      Id-dritt li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tiġi kkontestata permezz ta’ rikors għal annullament huwa miftuħa għal kull Stat Membru, mingħajr mal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun suġġett għall-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku. Għalhekk, Stat Membru ma għandux bżonn jipprova li att tal-Kummissjoni li huwa jikkontesta jipproduċi effetti legali fir-rigward tiegħu sabiex ir-rikors tiegħu jkun ammissibbli. L-interess ġuridiku, jirrigwarda biss ir-rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u mhux dawk ippreżentati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-Istat Membri.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ interess ġuridiku ma jistax jiġi konfuż mal-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat li abbażi tiegħu att għandu jkun intiż li jipproduċi effetti legali li jistgħu jikkawżaw preġudizzju sabiex ikun jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, fatt li għandu jiġi ddeterminat permezz tar-rabta tiegħu mas-sustanza tiegħu.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-bidla fil-pjan nazzjonali tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) innotifikat minn Stat Membru tipproduċi, permezz tas-sustanza tagħha, dawn l-effetti legali.

(ara l-punti 33, 34)

2.      Il-kontroll preliminari mwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61 mhux bilfors iwassal għal deċiżjoni mill-Kummissjoni. Għalkemm dan huwa minnu, li wara n-notifika ta’ pjan nazzjonali tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA), għandha tiġi vverifikata, b’attenzjoni u imparzjalità, il-kompatibbiltà tal-imsemmi PNA mal-kriterji tal-Anness III u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87, jirriżulta madankollu mill-kliem “tista’ tirrifjuta” li l-Kummissjoni għandha ċerta setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni tirrinunzja, fit-terminu ta’ tliet xhur wara n-notifika mill-Istat Membru tal-PNA tiegħu, li tuża din is-setgħa, l-Istat Membru jista’, bħala regola, jimplementa l-imsemmi PNA skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 11 et seq tad-Direttiva 2003/87, mingħajr il-ħtieġa tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-proċedura tal-eżami tal-PNA ma għandhiex għalfejn tingħalaq neċessarjament permezz ta’ deċiżjoni formali, b’mod partikolari meta l-Istat Membru jressaq, matul din il-proċedura, l-emendi kollha mitluba.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħa deċiżjonali tagħha, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, meta Stat Membru jonqos, jew jirrifjuta, li jemenda l-PNA tiegħu, qabel ma jiskadi t-terminu ta’ tliet xhur u minkejja l-oġġezzjonijiet mqajma. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ din id-deċiżjoni ta’ rifjut mill-Kummissjoni, il-PNA nnotifikat isir finali u jibbenefika mill-preżunzjoni ta’ legalità li tippermetti lill-Istat Membru li jimplementah.

L-emendi li jsiru matul stadju li jiġi wara l-proċedura ta’ eżami, jiġifieri wara l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-PNA nnotifikat jew ta’ ċerti aspetti minnu, għandhom preċiżament bħala għan li jiġu injorati l-oġġezzjonijiet inizjalment espressi mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn tal-aħħar mal-kriterji stabbiliti fl-Anness III u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87. Għalhekk, l-approvazzjoni tal-emendi mill-Kummissjoni hija sempliċement il-konsegwenza tal-oġġezzjonijiet inizjalment ifformulati minnha fil-kuntest tas-setgħa ta’ kontroll u ta’ rifjut limitat tagħha, li huwa mogħti lilha permezz tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 u mhux l-espressjoni ta’ setgħa ta’ awtorizzazzjoni ġenerali. Barra minn hekk, l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-emendi mressqa fil-PNA għandha tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni formali min-naħa tagħha. Bil-kontra, minn naħa, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħa ġenerali ta’ awtorizzazzjoni tal-PNA. Min-naħa l-oħra, din ma tkunx skont l-istruttura tat-tielet sentenza tad-Direttiva 2003/87, li tirrigwarda biss deċiżjoni ta’ rifjut u mhux deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

(ara l-punti 47, 48)

3.      Proċedura mibdija skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61 hija intiża, minbarra l-possibbiltà ta’ kontroll preliminari mill-Kummissjoni, li tiżgura ċ-ċertezza legali għall-Istati Membri u, b’mod partikolari, li tippermettilhom li jiffissaw b’mod rapidu, f’termini qosra, il-mod ta’ kif huma jistgħu jallokaw il-kwoti ta’ emissjoniijiet u l-mod ta’ kif huma għandhom jamministraw is-sistema ta’ skambju Komunitarju fuq il-bażi tal-pjan nazzjonali tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) tagħhom matul il-perijodu ta’ allokazzjoni kkonċernat. Fil-fatt, fid-dawl taż-żmien limitat ta’ dan il-perijodu, li huwa ta’ tliet jew ħames snin (l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87), hemm interess leġittimu kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri li kull kwistjoni dwar il-kontenut tal-PNA tiġi riżolta minnufih u li l-PNA ma jiġix espost, matul il-perijodu kollu ta’ validità tiegħu, għar-riskju ta’ kontestazzjoni mill-Kummissjoni.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw għal kull PNA, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk hijiex jew le l-verżjoni nnotifikata inizjlament jew il-verżjoni rreveduta u nnotifikata sussegwentement. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li l-Kummissjoni għandha tagħmel, wara n-notifika ta’ PNA rrevedut, kontroll rapidu u effikaċi, huwa ferm importanti meta dan il-kontroll ikun diġà ppreċedut mill-ewwel fażi ta’ eżami tal-PNA inizjali li jkun wassal, jekk ikun il-każ, għal deċiżjoni ta’ rifjut u, sussegwentement, għal emendi fl-imsemmi PNA. Issa, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li hija għandha l-awtorizzazzjoni li teżamina l-emendi proposti fil-PNA, jew fil-PNA rrevedut, mingħajr ma tosserva t-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, dan l-argument jista’ jmur kontra l-għan ta’ kontroll rapidu u effikaċi kif ukoll kontra ċ-ċertezza legali li l-Istat Membru li jinnotifika għandu sabiex jalloka l-kwoti ta’ emissjonijiet lill-installazzjonijiet li jinsabu fit-territorju tiegħu qabel il-bidu tal-perijodu ta’ skambju skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva.

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ notifika fis-sens tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 ikopri n-notifika kemm inizjali kif ukoll sussegwenti tal-verżjonijiet differenti ta’ PNA, b’mod li kull waħda minn dawn l-emendi twassal għal terminu ġdid ta’ tliet xhur.

(ara l-punti 54, 55, 57)

4.      Id-difett proċedurali dwar in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur fis-sens tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61, ma huwiex daqshekk gravi u evidenti li jista’ jiġġustifika li d-deċiżjoni kkontestata tiġi deskritta bħala att ineżistenti. Fil-fatt, l-atti tal-istituzzjonijiet, anki jekk irregolari, igawdu bħala regola minn preżunzjoni ta’ validità u jipproduċu, għalhekk, effetti ġuridiċi sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew minħabba eċċezzjoni ta’ illegalità.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, u fid-dawl tal-partikolaritajiet tagħha, l-illegalità li tikkonsisti fin-natura tardiva tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax twassal għall-ineżistenza tagħha, peress illi tali kwalifika għandha tiġi rriżervat, fid-dawl tal-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali, għall-ipoteżijiet estremi ħafna.

(ara l-punt 61)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

8 ta’ Marzu 2011(*)

“Ambjent – Direttiva 2003/87/KE – Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra – Pjan nazzjonali tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għal-Latvja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 – Terminu ta’ tliet xhur – Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87”

Fil-Kawża T‑369/07,

Ir-Repubblika tal-Latvja, inizjalment irrappreżentata minn E. Balode-Buraka u K. Bārdiņa, sussegwentement minn L. Ostrovska u fl-aħħar nett minn L. Ostrovska u K. Drēviņa, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

u minn

Ir-Repubblika Slovakka, inizjalment irrappreżentata minn J. Čorba, sussegwentement minn B. Ricziová, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn U. Wölker, E. Kalnins u I. Rubene, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn Z. Bryanston-Cross, sussegwentement minn S. Behzadi-Spencer, I. Rao u F. Penlington, bħala aġenti, assistiti minn J. Maurici, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3409, tat-13 ta’ Lulju 2007, dwar il-bidla fil-pjan nazzjonali tal-allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mir-Repubbblika tal-Latvja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631)

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Leġiżlazzjoni internazzjonali u Komunitarja dwar il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kambjamenti tal-klima u l-Protokoll ta’ Kyoto

1        Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-kambjamenti tal-klima adottata f’New York fid-9 ta’ Mejju 1992 (iktar ’il quddiem l‑“UNFCCC”), approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1993, dwar il-konklużjoni tal‑Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kambjamenti tal‑Klima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 167), għandha l-għan aħħari li tinkiseb stabbilizzazzjoni fil-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jipprekludi kull indħil perikoluż antropoġeniku fis-sistema tal‑klima. L-Anness I tal-UNFCCC fih lista ta’ Stati Membri parteċipanti, li fosthom tidher ir-Repubblika tal-Latvja li, barra minn hekk, hija kklassifikata fil-kategorija ta’ pajjiżi f’tranżizzjoni lejn ekonomija tas‑suq. Il-UNFCCC daħlet fis-seħħ fil-Komunità fil-21 ta’ Marzu 1994.

2        Sabiex jintlaħaq l-għan aħħari tal-UNFCCC, il-Protokoll ta’ Kyoto għall‑UNFCCC ġie adottat fil-11 ta’ Diċembru 1997 (Deċiżjoni 1/CP.3 “Adozzjoni tal-Protokoll ta’ Kyoto [għall-UNFCCC]”. Fl-Anness A tal‑Protokoll ta’ Kyoto, tidher lista ta’ gassijiet serra u dik ta’ setturi u ta’ kategoriji ta’ sorsi ta’ emissjonijiet koperti bil-Protokoll ta’ Kyoto. Fl-Anness B tal-Protokoll ta’ Kyoto tidher il-lista tal-partijiet għall-Protokoll ta’ Kyoto flimkien mal-impenji kkwantifikati ta’ limitazzjoni jew ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, inkluż dak tar-Repubblika tal-Latvja, li l-għan tagħha ta’ tnaqqis huwa għaldaqstant iffissat għal 8 %.

3        Fil-25 ta’ April 2002, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d‑Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE, tal-25 ta’ April 2002, dwar l‑approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-[UNFCCC] u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 42, p. 24). Il‑Protokoll ta’ Kyoto, kif ukoll l-Annessi A u B tiegħu, ġie riprodott fl‑Anness I tad-Deċiżjoni 2002/358. It-tabella tal-impenji kkwantifikati ta’ limitazzjoni jew ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet, intiża sabiex tistabbilixxi l-kwantitajiet rispettivi ta’ emissjonijiet attribwiti lill‑Komunità u lill-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kyoto, tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2002/358.

 Leġiżlazzjoni dwar l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 338, p. 18), jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti għall-emissjoniji tal-gassijiet serra ġewwa l-Komunità […] sabiex tippromwovi t-tnaqqis ta’ l-emissjoni tal-gassijiet serra b’manjiera effettiva rigward spejjez u effiċjenza ekonomika”.

5        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jipprovdi s-segwenti:

“1      Għal kull perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1) u (2), kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżviluppa pjan nazzjonali fejn jiddikjara l-kwantità totali tal-kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom. Il-pjan għandu jkun imsejjes fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, inklużi dawk elenkati fl-Anness III, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku. Mingħajr prġudizzju għat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa l-iktar tard sal 31 ta’ Diċembru 2003 gwida dwar l-implimentazzjoni tal-kriterji elenkati fl-Anness III.

Għall-perjodu taż-żmien riferit fl-Artikolu 11(1), il-pjan għandu jiġi ppjanat u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2004. Għall-perjodi sussegwenti taż-żmien, il-pjan għandu jiġi ppubblikat u nnotifikat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra mill-inqas 18-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu taż-żmien rilevanti.

2.      Il-pjani ta’ l-allokazzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu kkunsidrati ġewwa l-kumitat riferit fl-Artikolu 23(1) [tad-Direttiva 2003/87].

3.      Fi żmien tliet xhur min-notifika tal-pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet minn Stat Membru skond il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta dan il-pjan, jew kull aspett minnu, fuq il-bażi li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew ma’ l-Artikolu 10. L-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni biss skond l-Artikolu 11(1) jew (2) jekk l-emendi proposti jiġu aċċettati mill-Kummissjoni. Għandhom jingħataw ir-raġunijiet għal kull deċiżjoni ta’ rifjut mill-Kummissjoni”.

6        Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87:

“Għall-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2008, u għal kull perjodu taż-żmien ta’ ħames snin sussegwenti, kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiddeċiedi l-kwantità totali tal-kwoti li jrid jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u jinizja l-proċess ta’ l-allokazzjoni ta’ dawn il-kwoti lill-operatur ta’ kull waħda mill-installazzjonijiet. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-inqas 12-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu rilevanti taż-żmien u għandha tkun imsejsa fuq il-pjan nazzjonali ta’ l-allokazzjonijiet żviluppat skond l-Artikolu 9 u skond l-Artikolu 10, filwaqt li jitqiesu l-kummenti mill-pubbliku”.

7        L-Anness III tad-Direttiva 2003/87 jelenka tnax-il kriterju applikabbli għall-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni. Il-kriterji Nri 1 sa 3 tal-Anness III jipprovdu s-segwenti:

“1. Il-kwantità totali tal-għoti tal-kwoti li jridu jiġu allokati għall-perjodu rilevanti taż-żmien għandha tkun konsistenti ma’ l-obbligu ta’ l-Istat Membru li jillimita l-emissjonijiet tiegħu skond id-Deċiżjoni 2002/358/KE u l-Protokoll ta’ Kyoto, fil-waqt li jitqiesu, minn banda waħda, l-proporzjon ta’ l-emissjonijiet ġenerali li dawn l-emissjonijiet jirrappreżentaw f’paragun ma’ l-emissjonijiet minn sorsi mhux koperti b’din id-Direttiva u, mill-banda l-oħra, il-politiki nazzjonali dwar l-enerġija, u għandhom ikunu konsistenti mal-programm nazzjonali tal-bidla fil-klima. Il-kwantità totali tal-kwoti li trid tiġi allokata ma għandhiex tkun iktar milli x’aktarx li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni stretta tal-kriterji ta’ dan l-Anness. Qabel is-sena 2008, il-kwantità għandha tkun konsistenti mat-triq lejn il-kisba jew in-nuqqas tal-kisba tal-mira ta’ kull wieħed mill-Istati Membri skond id-Deċiżjoni 2002/358/KE u l-Protokoll ta’ Kyoto.

2.      Il-kwantità totali tal-għoti tal-kwoti li trid tiġi allokata għandha tkun konsistenti ma’ l-istimi tal-progress attwali u proġettati sabiex iwettqu l-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istati Membri għall-impennji Komunitarji magħmula skond id-Deċiżjoni 93/389/KEE.

3.      Il-kwantitajiet tal-kwoti li jridu jiġu allokati għandhom ikunu konsistenti mal-potenzjali, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, ta’ l-attiviajiet koperti b’din l-iskema sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet. L-Istati Membri jistgħu jsejsu d-distribuzzjoni tagħhom tal-kwoti fuq l-emissjonijiet medji tal-gassijiet serra skond il-prodott f’kull attività u l-progress li jista’ jinkiseb f’kull attività.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        B’ittra tas-16 ta’ Awwissu 2006, ir-Repubblika tal-Latvja nnotifikat lill‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/87, il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 (iktar ’il quddiem il-“PNA”). Skont il-PNA, ir-Repubblika tal-Latvja kellha l-intenzjoni talloka lill‑industrija nazzjonali tagħha koperta bl-Anness I tad-Direttiva 2003/87 medja annwali totali ta’ 7,763883 miljun tonnellata ekwivalenti ta’ dijossidu tal‑karbonju (MteCO2).

9        Fid-29 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni adottat l-ewwel deċiżjoni ta’ rifjut, u d-dispożittiv tiegħu jipprovdi s-segwenti:

                        “L-Ewwel Artikolu

L-aspett segwenti [PNA] għall-ewwel perijodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 11(2) tad-direttiva huwa inkompatibbli mal-kriterji [Nru]1 [sa] 3 tal-Anness III tad-Direttiva [2003/87]: il-porzjon mill-kwantità totali ta’ kwoti li trid tiġi allokata ‑ daqs l-ammont tal-volum annwali ta’ emissjonijiet ta’ 4,480580 [MteCO2] ‑ huwa inkompatibbli mal-istimi mwettqa skont id-Deċizjoni Nru 280/2004/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li tikkonċerna l-mekkaniżmu għall-moniteraġġ [ta]l-emissjonijiet ta’ gass[ijiet] serra tal-Komunità u biex jiġi implementat il-Protokoll ta’ Kyoto (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 57)] u mal-potenzjal, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-attivitajiet [ikkonċernati].

                        Artikolu 2

Ma ser issir l-ebda oġġezzjoni għall-[PNA] sakemm isirulu t-tibdiliet li ġejjin b’mod nondiskriminatorju u dawn jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-iktar fis possibbli, b’kunsiderazzjoni għat-termini neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-proċeduri nazzjonali mingħajr l-indebitu dewmien: il-kwantità totali ta’ kwoti għall-allokazzjoni għall-finijiet tas-sistema Komunitarja hija mnaqqsa għal 4,480580 [MteCO2].

                        Artikolu 3

1.      Il-kwantità totali annwali ta’ kwoti ta’ 3,283303 MteCO2 li trid, skont il-[PNA] tagħha, tiġi allokata mir-[Repubblika tal-]Latvja lill-installazzjonijiet imsemmija f’dan il-pjan u lill-installazzjonijiet ġodda ma tistax tinqabeż.

2.      Il-[PNA] jista’ jiġi emendat mingħajr approvazzjoni bil-quddiem tal-Kummissjoni jekk l-emenda tirrigwarda l-kwoti allokati lil ċerti installazzjonijiet, fil-limiti tal-kwantità totali ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati lill-installazzjonijiet imsemmija fil-pjan, b’konsegwenza ta’ titjib fil-kwalità tad-data, jew jekk tikkonsisti fi tnaqqis tal-perċentwali ta’ kwoti għall-allokazzjoni b’xejn fil-limiti ddefiniti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva [2003/87].

3.      Kull emenda oħra fil-[PNA] li hija differenti minn dik li timplementa l-Artikolu 2 għandha tiġi nnotifikata qabel il-31 ta’ Diċembru 2006, terminu stipulat fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva [2003/87], u teħtieġ l-approvazzjoni bil-quddiem tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva [2003/87].

                              Artikolu 4

Ir-Repubblika tal-Latvja hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Diċembru 2006, ir-Repubblika tal-Latvja nnotifikat lill-Kummissjoni PNA rrevedut li jistabbilixxi l-allokazzjoni medja annwali totali ta’ 6,253146 MteCO2.

11      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Marzu 2007, miktuba bl-Ingliż, il-Kummissjoni kkonstatat li l-informazzjoni li tinsab fil-PNA rrevedut kienet inkompluta u talbet lir-Repubblika tal-Latvja li twieġeb għal ċerti domandi u li tipprovdilha informazzjoni addizzjonali.

12      Permezz tal-ittra tal-25 ta’ April 2007, ir-Repubblika tal-Latvja wieġbet għal din it-talba għal informazzjoni.

13      Fit-13 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, fejn id-dispożittiv tagħha jipprovdi, b’mod partikolari, is-segwenti:

                              “L-Ewwel Artikolu

L-aspetti segwenti tal-emenda proposta fil-[PNA] tal-Latvja għall-perijodu ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva [2003/87] huma konformi b’mod partikolari mal-kriterji ċċitati iktar ’il fuq u huma għalhekk approvati:

1.      Il-kriterji [Nri] 1 [sa] 3 tal-Anness III tad-Direttiva [2003/87]: it-tkabbir tal-kwantità totali annwali tal-kwoti ta’ 0,144813 [MteCO2], tkabbir li huwa kompatibbli mal-istimi mwettqa skont id-Deċizjoni 280/2004/KE u mal-potenzjal, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-attivitajiet [ikkonċernati].

[…]

                              Artikolu 2

L-aspetti segwenti tal-emenda proposta fil-[PNA] tal-Latvja għall-perijodu ta’ ħames snin stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva [2003/87] huma inkompatibbli mal-kriterji ċċitati iktar ’il fuq u għalhekk għandhom jiġu miċħuda: kriterji [Nri] 1 [sa] 3 tal-Anness III tad-Direttiva [2003/87]: it-tkabbir tal-kwantità totali annwali tal-kwoti ta’ 2,825030 [MteCO2], tkabbir li huwa inkompatibbli mal-istimi mwettqa skont id-Deċizjoni 280/2004/KE u mal-potenzjal, inkluż il-potenzjal teknoloġiku, tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-attivitajiet [ikkonċernati].

                                    Artikolu 3

Ir-Repubblika tal-Latvja hija d-destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Fil-punt 1 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 3(3) tal-ewwel deċiżjoni ta’ rifjut li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tinnotifika l-emendi fil-PNA tagħha għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 qabel il-31 ta’ Diċembru 2006, terminu msemmi fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87.

15      Fil-punt 3 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod partikolari tikkonstata li, sa fejn l-informazzjoni mibgħuta mir-Repubblika tal-Latvja tinkludi emenda fis-sustanza tal-PNA, din teħtieġ l-approvazzjoni bil-quddiem tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss dawn l-aspetti tal-informazzjoni mibgħuta. L-aspetti l-oħra tal-imsemmija informazzjoni (Other aspects of the information submitted by Latvia), b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-implementazzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ rifjut jew li jesprimu perspettiva tal-evalwazzjoni differenti minn dik magħmula mill-Kummissjoni tal-imsemmija deċiżjoni, ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata.

16      Fil-punt 6 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, huwa paċifiku li r-Repubblika tal-Latvja ma bagħtitx informazzjoni li tista’ tiġġustifika bidla fil-metodu tal-kalkolu tal-kwantità massima ta’ kwoti, kif iddefinit fil-kuntest tal-ewwel deċiżjoni ta’ rifjut.

17      Fl-aħħar nett, fil-punt 8 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tad-data iktar preċiża pprovduta mir-Repubblika tal-Latvja dwar investiment partikolarment għoli fil-qasam tas-siment, il-Kummissjoni aċċettat, abbażi ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu, żieda fl-aġġustament tal-kwoti massimi disponsibbli kif identifikat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Settembru 2007, ir-Repubblika tal-Latvja ppreżentat dan ir-rikors.

19      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-Repubblika tal-Latvja talbet sabiex tingħata deċiżjoni permezz tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. B’deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2007, il-Qorti Ġenerali (il-Tielet Awla) ċaħdet din it-talba.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Novembru 2007, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq talab li jintervjeni fil-proċedura preżenti insostenn tal‑Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tar-12 ta’ Ġunju 2008, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent. Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ippreżenta n-nota ta’ intervent tiegħu fit-28 ta’ Awwissu 2008.

21      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Diċembru 2007, ikkonfermat b’ittra tas-26 ta’ Mejju 2008, ir-Repubblika tal-Latvja talbet, skont l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti partijiet tal-Anness 7 tar-rikors fil-konfront tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Diċembru 2007, ir-Repubblika tal-Litwanja talbet sabiex tintervjeni fil‑kawża preżenti insostenn tar-Repubblika tal-Latvja. B’digriet tat‑12 ta’ Ġunju 2008, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent. Ir-Repubblika tal-Litwanja ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fid-29 ta’ Awwissu 2008.

23      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent ippreżentati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll mir-Repubblika tal-Litwanja. Ir-Repubblika tal-Litwanja ma bagħtitx osservazzjonijiet fuq l-imsemmija noti fit-terminu stabbilit.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Frar 2008, ir-Repubblika Slovakka talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Latvja. B’digriet tat‑12 ta’ Ġunju 2008, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali kkonstata li din it-talba kienet ġiet ippreżentata skont l‑Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura, iżda wara l-iskadenza tat‑terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1) tal-istess regoli. Għaldaqstant, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta din it-talba, iżda limita d-drittijiet tar-Repubblika Slovakka għal dawk previsti fl-Artikolu 116(6) tal-imsemmi regoli.

25      Ir-Repubblika tal-Latvja, sostnuta mir-Repubblika tal-Litwanja, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Latvja għall-ispejjeż.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet tiftaħ il-proċedura orali.

28      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Lulju 2010, skont miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba fit-termini stabbiliti.

29      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Settembru 2010.

 Id-dritt

30      Insostenn tar-rikors, ir-Repubblika tal-Latvja tressaq erba’ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-kompetenzi stabbiliti bit-Trattat KE fil-qasam tal-politika tal-enerġija, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-“prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Protokoll ta’ Kyoto u, ir-raba’ nett, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur stabbilit bl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87.

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissbbiltà bbażata fuq l-inammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

31      Skont il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, għalkemm ir-Repubblika tal-Latvja titlob l-annullament in toto tad-deċiżjoni kkontestata, din it-talba fil-verità tirrigwarda biss l-annullament tal-Artikolu 2 tagħha u mhux l-Artikolu 1 tagħha, li jistabbilixxi l-kompattibbiltà ta’ ċerti emendi proposti fil-PNA rrevedut mal-kriterji tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87. Issa, att jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament biss jekk dan l-att jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti. Peress illi l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma jaffettwax l-interessi tar-Repubblika tal-Latvja, dan l-Istat Membru ma għandu l-ebda interess li jannulla dan l-artikolu u għalhekk dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli f’dan ir-rigward.

32      Ir-Repubblika tal-Latvja tikkontesta dan l-argument

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

33      Fir-rigward tal-kunċett tal-interess ġuridiku invokat mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li t-Trattat jagħmel distinzjoni ċara bejn id-dritt għal rikors għal annullament tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri, minn naħa, u dak tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, id-dritt li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tiġi kkontestata permezz ta’ rikors għal annullament huwa miftuħ għall kull Stat Membru, mingħajr mal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun suġġett għall-ġustifikazzjoni ta’ interess ġuridiku. Għalhekk, Stat Membru ma għandux bżonn jipprova li att tal-Kummissjoni li huwa jikkontesta jipproduċi effetti legali fir-rigward tiegħu sabiex ir-rikors tiegħu jkun ammissibbli (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Portugal vs Il-Kummissjoni, C‑208/99, Ġabra p. I‑9183, punti 22 u 23, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra p. II‑2935, point 63). Dan il-fatt jirriżulta wkoll mid-definizzjoni ġurisprudenzjali tal-interess ġuridiku, li jirrigwarda biss ir-rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u mhux dawk ippreżentati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-Istat Membri (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 2010, France et vs Il-Kummissjoni, T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04, Ġabra p. II‑2099, punt 118, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ interess ġuridiku ma għandux jiġi konfuż mal-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat li abbażi tiegħu att għandu jkun intiż li jipproduċi effetti legali li jistgħu jikkawżaw preġudizzju sabiex ikun jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, fatt li għandu jiġi ddeterminat permezz tar-rabta tiegħu mas-sustanza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑147/96, Ġabra p. I‑4723, punti 25 u 27; id-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑164/02, Ġabra p. I‑1177, punti 18 u 19, u Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 24; is-sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punt 119). Issa, ma jistax jiġi miċħud li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi, permezz tas-sustanza tagħha, dawn l-effetti legali.

35      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà dwar it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda.

36      Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun xieraq li, l-ewwel nett, tevalwa l-fondatezza tar-raba’ motiv.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87

 Osservazzjonijiet preliminari

37      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-Kummissjoni u r-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq isostnu, meta ġie ppreżentat dan ir-rikors, li r-Repubblika tal-Latvja ma tikkontesta l-ewwel deċiżjoni ta’ rifjut tad-29 ta’ Novembru 2006 minħabba li ma kkontestatx l-imsemmija deċiżjoni fit-termini stabbiliti, dan il-fatt, anki jekk jiġi preżunt li huwa minnu, huwa bla effett fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv ibbażat fuq nuqqas li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata.

 L-argumenti tal-partijiet

38      Skont ir-Repubblika tal-Latvja, sostnuta mir-Repubblika tal-Litwanja, id-deċiżjoni kkontestata għandha titqies bħala “ineżistenti” għaliex ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta PNA fit-tliet xhur wara li Stat Membru jinnotifikaha. Il-PNA rrevedut ġie nnotifikat fid-29 ta’ Diċembru 2006. Għalhekk, it-terminu li fih il-Kummissjoni kellha tirreaġixxi, fil-każ li xtaqet tirrifjuta totalment jew parzjalmet dan il-PNA, kien skada fid-29 ta’ Marzu 2007. Issa, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-Repubblika tal-Latvja biss fit-30 ta’ Marzu 2007 – li barra minn hekk inkitbet bl-Ingliż, bi ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunitá Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 1958, 17, p. 385) – li fiha, minn naħa, indikat li l-PNA rrevedut kien inkomplut, u, min-naħa l-oħra, hija talbet għal spjegazzjonijiet addizzjonali. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Latvja tispeċifika li t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 beda jiddekori mill-jum li fih l-ittra tagħha tad-29 ta’ Diċembru 2006 dwar notifika tal-PNA rrevedut ġiet realment riċevuta mill-Kummissjoni, u mhux mir-reġistrazzjoni sussegwenti mill-Kummissjoni tad-dokument inkwistjoni li saret fil-5 ta’ Jannar 2007.

39      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, tqis li hija mxiet skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, peress illi t-terminu ta’ tliet xhur previst fiha japplika biss għall-PNA nnotifikat u mhux għall-emendi tiegħu. Hemm lok li ssir distinzjoni ċara bejn, minn naħa, in-notifika tal-PNA, li min-notifika tiegħu jibda jiddekori dan it-terminu u, min-naħa l-oħra, l-emendi proposti, li għalihom ma hemm iffissat l-ebda terminu. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, meta hija ma tiddeċidiex qabel ma jiskadi t-terminu ta’ tliet xhur, il-PNA jitqies bħala li huwa aċċettat. Madankollu, is-sitwazzjoni hija differenti meta l-Istat Membru jipproponi emendi f’dan il-PNA. Fil-fatt, f’dan il-każ, it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 tawtorizza lil Stat Membru li jieħu deċiżjoni ta’ allokazzjoni skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva jekk l-emendi proposti minnu jkunux ġew aċċettati mill-Kummissjoni, fatt li jimponi l-approvazzjoni espressa tal-Kummissjoni.

40      Skont il-Kummissjoni, għalkemm it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 ma tiffisalhiex terminu għall-finijiet tal-approvazzjoni tal-emendi tal-PNA proposti mill-Istat Membru, dan ma jfissirx li hija għandha terminu illimitat sabiex teżamina dawn l-emendi. F’dan ir-rigward, hija għandha tiddeċiedi mill-iktar fis possibbli u, fi kwalunkwe każ, qabel il-bidu tal-perijodu ta’ skambju kkonċernat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mxiet skont il-punt 55 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Novembru 2005, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (T‑178/05, Ġabra p. II‑4807), billi kkomunikat lill-awtoritajiet Latvjani, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Marzu 2007, il-kritiki tagħha dwar l-emendi proposti. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ssostni, kuntrarjament għar-Repubblika tal-Latvja, li l-punt 73 tal-imsemmija sentenza tinkludi biss obiter dictum meta jispeċifika li ma hemm l-ebda raġuni li jiġi preżunt, meta PNA inkomplut ikun ġie nnotifikat, li t-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 u li l-Kummissjoni għandha sabiex tirrifjuta l-pjan ma jistax jibda jiddekori. Minn naħa, is-silta tas-sentenza inkwistjoni għandha tiġi interpretata fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kienet ippreċiżat, fl-istess punt ta’ din is-sentenza, li, jekk il-PNA huwa inkomplut jew “provviżorju”, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta kemm dak li ma huwiex konformi mal-kriterji stabbiliti bid-direttiva kif ukoll dak li jipprekludiha milli tevalwa l-konformità tiegħu mal-imsemmija kriterji. F’dawn l-ipoteżi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni għandha d-dritt, billi tirrifjuta l-PNA, li tobbliga lil Stat Membru sabiex jinnotifika mill-ġdid PNA komplut, qabel ma hija tkun tista’ tieħu d-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87.

41      Ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq iżid jgħid li l-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-PNA, fatt li jkun possibbli biss jekk hija jkollha l-informazzjoni kompluta. Għalhekk, it-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 jista’ jibda jiddekori biss mill-mument meta din l-informazzjoni tkun disponibbli, bla ħsara għall-fatt li l-proċedura ta’ investigazzjoni tkun imċaħħda mill-effettività tagħha. Fil-fatt, jekk mhux hekk, il-Kummissjoni jkollha tirrifjuta l-PNA għas-sempliċi raġuni li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, bil-konsegwenza li l-Istat Membru jkollu jipproċedi b’notifika ġdida tal-PNA tiegħu li jagħti lok għal terminu ġdid ta’ tliet xhur.

42      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, tispeċifika li l-prinċipju ta’ lealtà stabbilit bl-Artikolu 10 KE jipprekludiha, meta hija ma tkunx irċeviet l-elementi kollha meħtieġa sabiex tevalwa l-emendi fil-PNA fid-dawl tal-kriterji tal-Anness III tad-Direttiva 2003/87, milli tirrifjuta awtomatikament dawn l-emendi mingħajr ma tagħti lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jipprovdi l-elementi li huma neqsin f’terminu ddeterminat. Jekk dan ma huwiex il-każ, sabiex it-terminu ta’ tliet xhur jiġi osservat, il-Kummissjoni jkollha tirrifjuta l-emendi fil-PNA anki jekk l-Istat Membru, abbażi tal-inizjattiva proprja tiegħu jew mitlub, ikun qed jipprova jgħaqqad u jikkomunika dawn l-elementi li jkunu neqsin. Skont ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq, l-aġir tar-Repubblika tal-Latvja jikser il-prinċipju ta’ bona fide għaliex għalkemm fil-bidu hija tirrikonoxxi li l-PNA kien inkomplut u pprovdiet l-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni, hija, wara, invokat l-ilment tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur.

43      Fis-seduta, bi tweġiba għad-domanda tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tirrinunzja għall-argument sussidjarju tagħha li jipprovdi li, fi kwalunkwe każ, it-terminu ta’ tliet xhur beda jiddekori biss mid-data li s-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni rreġistra l-PNA rrevedut, jiġifieri l-5 ta’ Jannar 2007, kif ipprovdut fil-proċess verbali tas-seduta.

44      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li, għalkemm l-ittra tagħha tat-30 ta’ Marzu 2007 kienet inkitbet bl-Ingliż u mhux bil-Latvjan, dan il-fatt ma kellux effett fuq il-validità tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk hija tenfasizza li kellha teżamina s-27 PNA f’terminu qasir ħafna u li l-parti l-kbira tal-Istati Membri, fosthom ir-Repubblika tal-Latvja, urew ir-rispett tagħhom fil-konfront tagħha billi bagħtulha l-PNA tagħhom tradotti bl-Ingliż. L-iskambju tal-ittri sussegwenti sar ukoll prinċipalment bl-Ingliż. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li, għall-finijiet tal-eżami tal-PNA, ir-Repubblika tal-Latvja kienet aċċettat l-Ingliż bħala l-lingwa ta’ korrispondenza għaliex, fl-ittra tagħha tal-25 ta’ April 2007, hija kienet wieġbet għall-ittra tat-30 ta’ Marzu 2007 mingħajr ma oġġezzjonat għall-użu ta’ din il-lingwa. Fi kwalunkwe każ, il-ksur tar-Regolament Nru 1 huwa irregolarità proċedurali li jista’ jwassal għall-annullament tal-att finali adottat biss jekk, fin-nuqqas tiegħu, il-proċedura kienet twassal għal riżultat differenti. Issa, f’din il-kawża, it-traduzzjoni bil-Latvjan tal-korrispondenza kollha bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Latvja kienet ċertament ittawwal il-proċedura, iżda ma setgħetx tbiddel ir-riżultat tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq is-setgħa ta’ kontroll tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87

45      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, fit-tliet xhur wara n-notifika tal-PNA mill-Istat Membru, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta dan il-pjan, jew kull aspett minnu, fil-każ li ma jkunx kompatibbli mal-kriterji elenkati fl-Anness III jew mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva. Skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru jista’ jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 11(1) jew (2) tal-imsemmija direttiva biss jekk l-emendi proposti jkunu ġew aċċettati mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, it-tielet sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li kull deċiżjoni ta’ rifjut adottata mill-Kummissjoni għandha tkun immotivata.

46      Kif il-ġurisprudenza rrikonoxxiet, is-setgħa ta’ kontroll u ta’ rifjut tal-Kummissjoni fuq il-PNA, li tirriżulta mill-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 hija ferm ċirkunskritta għaliex din is-setgħa għandha limiti kemm sostantivi kif ukoll temporali. Minn naħa, dan il-kontroll huwa limitat għall-eżami mill-Kummissjoni tal-kompatibbiltà tal-PNA mal-kriterji tal-Anness III u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87 u, min-naħa l-oħra, dan għandu jiġi eżerċitat f’terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekori minn meta l-Istat Membru jinnotifika l-imsemmi PNA (digriet tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, T‑387/04, Ġabra p. II‑1195, punt 104; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2007, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑374/04, Ġabra p. II‑4431, punt 116).

47      Barra minn hekk, il-kontroll preliminari mwettaq skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 mhux bilfors iwassal għal deċiżjoni mill-Kummissjoni. Ċertament, il-Kummissjoni għandha, wara n-notifika ta’ PNA, tivverifika, b’attenzjoni u imparzjalità, il-kompatibbiltà tal-imsemmi PNA mal-kriterji tal-Anness III u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87. Madankollu, mill-kliem “tista’ tirrifjuta” jirriżulta li l-Kummissjoni għandha ċertu setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, minn dan jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni tirrinunzja, fit-terminu ta’ tliet xhur wara n-notifika mill-Istat Membru tal-PNA tiegħu, li tuża din is-setgħa, l-Istat Membru jista’, bħala regola, jimplementa l-imsemmi PNA skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 11 et seq tad-Direttiva 2003/87, mingħajr il-ħtieġa tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk, il-proċedura tal-eżami tal-PNA ma għandhiex għalfejn tingħalaq neċessarjament permezz ta’ deċiżjoni formali, b’mod partikolari meta l-Istat Membru jressaq, matul din il-proċedura, l-emendi kollha mitluba. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħa deċiżjonali tagħha, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, meta Stat Membru jonqos, jew jirrifjuta, li jemenda l-PNA tiegħu, qabel ma jiskadi t-terminu ta’ tliet xhur u minkejja l-oġġezzjonijiet mqajma. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ din id-deċiżjoni ta’ rifjut mill-Kummissjoni, il-PNA nnotifikat isir finali u jibbenefika mill-preżunzjoni ta’ legalità li tippermetti lill-Istat Membru li jimplementah (ara, f’dan is-sens id-digriet EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punti 106, 107, 111, 115 u 120).

48      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax issostni b’mod validu li t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, li tirreferi għall-“emendi proposti” li għandhom jiġu “aċċettati mill-Kummissjoni”, timponi l-ħtieġa li tiġi adottata deċiżjoni formali dwar l-approvazzjoni ta’ dawn l-emendi. Kif il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, l-emendi inkwistjoni jsiru matul stadju li jiġi wara l-proċedura ta’ eżami, jiġifieri wara l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-PNA nnotifikat jew ta’ ċerti aspetti minnu, u dawn għandhom preċiżament bħala għan li jiġu injorati l-oġġezzjonijiet inizjalment espressi mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn tal-aħħar mal-kriterji stabbiliti fl-Anness III u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87. Għalhekk, l-approvazzjoni tal-imsemmija emendi mill-Kummissjoni hija sempliċiment il-konsegwenza tal-oġġezzjonijiet inizjalment ifformulati minnha fil-kuntest tas-setgħa ta’ kontrol u ta’ rifjut limitat tagħha, li huwa mogħti lilha permezz tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 u mhux l-espressjoni ta’ setgħa ta’ awtorizzazzjoni ġenerali (digriet EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 104). Barra minn hekk, minn din il-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-emendi mressqa fil-PNA għandha tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni formali min-naħa tagħha. Bil-kontra, minn naħa, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħa ġenerali ta’ awtorizzazzjoni tal-PNA. Min-naħa l-oħra, din ma tkunx skont l-istruttura tat-tielet sentenza tad-Direttiva 2003/87, li tirrigwarda biss deċiżjoni ta’ rifjut u mhux deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

49      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi evalwat jekk, f’din il-kawża, il-Kummissjoni osservatx l-istruzzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87.

–       Fuq il-kunċett ta’ notifika fis-sens tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87

50      Hemm lok li jitfakkar li r-Repubblika tal-Latvja essenzjalment issostni li, fir-rigward tal-proċedura tal-eżami tal-PNA rrevedut, il-Kummissjoni kisret it-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. Fil-fatt, wara li l-imsemmi PNA rrevedut ġie fid-29 ta’ Diċembru 2006 innotifikat, dan it-terminu kien skada fid-29 ta’ Marzu 2007. Issa, il-Kummissjoni bagħtitilha talba għal informazzjoni biss fit-30 ta’ Marzu 2007 – bl-Ingliż u għalhekk bi ksur tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 ‑, li jindika li l-imsemmi PNA kien inkomplut.

51      F’din il-kawża, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata ma ngħatatx f’terminu ta’ tliet xhur min-notifika tal-PNA rrevedut, fid-29 ta’ Diċembru 2006, iżda fit-13 ta’ Lulju 2007. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk terminu ġdid ta’ tliet xhur bediex jiddekori min-notifika tal-PNA rrevedut wara li l-proċedura ta’ eżami kienet ġiet provviżorjament magħluqa bl-ewwel deċiżjoni ta’ rifjut. Fi kliem ieħor, għandu jiġi evalwat jekk il-kunċett ta’ notifika ta’ PNA, fis-sens tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, jirrigwardax kemm in-notifika inizjali tal-PNA kif ukoll in-notifika tal-PNA rrevedut, b’mod partikolari, wara d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni.

52      Il-kliem tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 ma jagħmilx distinzjoni, fir-rigward tal-kwistjoni dwar minn meta jibda jiddekori t-terminu ta’ tliet xhur min-“notifika ta’ [PNA]”, bejn in-notifika inizjali tal-PNA u n-notifika sussegwenti ta’ PNA rrevedut, b’mod partikolari, wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni ta’ rifjut. Barra minn hekk, il-preċiżjoni li tipprovdi li din in-notifika ssir “skond il-paragrafu 1” ta’ dan l-istess artikolu li abbażi tagħha “ kull wieħed mill-Istati Membri għandu jżviluppa pjan nazzjonali fejn jiddikjara l-kwantità totali tal-kwoti li jkun beħsiebu jalloka għal dan il-perjodu taż-żmien u kif jipproponi li jallokahom” ma tipprovdi l-ebda informazzjoni addizzjonali f’dan ir-rigward, għaliex kemm in-notifika inizjali tal-PNA kif ukoll in-notifika sussegwenti tal-PNA rrevedut għandhom bħala suġġett il-kwantifikazzjoni tal-kwoti li għandhom jiġu allokati kif ippjanat mill-Istat Membru.

53      Barra minn hekk, il-frażi “emendi proposti” ma teskludix il-possibbiltà, u saħansitra l-obbligu, li l-Istat Membru jipproponi dawn l-emendi fil-forma ta’ “notifika” formali ta’ PNA rrevedut, b’mod partikolari meta l-emendi jkunu ta’ portata sostanzjali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà rrikonoxxiet, minn naħa, li t-tieni sentenza tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 ma timponi l-ebda limitu fuq l-emendi possibbli u, min-naħa l-oħra, l-emendi kollha għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u approvati minnha qabel mal-PNA hekk emendat ikun jista’ jservi bħala bażi għal deċiżjoni meħuda minn Stat Membru skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87 (sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 56). Fuq l-istess linja, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni setgħet, billi tirrifjuta l-PNA, tobbliga lill-Istat Membru jinnotifika mill-ġdid PNA komplut, qabel ma tkun tista’ tieħu d-deċiżjoni tagħha (sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, punt 40 iktar ’il fuq, punt 73). Barra minn hekk, skont dawn il-prinċipji, mid-dispożittiv tal-ewwel deċiżjoni ta’ rifjut (Artikoli 2 u 3(3)) jirriżulta li l-Kummissjoni stess qieset, f’din il-kawża, li l-emendi kollha tal-PNA kellhom jiġu “nnotifikati” lilha u li dawn kienu taħt is-suġġett ta’ kontroll preliminari tagħha skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87.

54      Barra minn hekk, mill-perspettiva teleoloġika, il-proċedura mibdija skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 hija intiża, minbarra l-possibbiltà ta’ kontroll preliminari mill-Kummissjoni, li tiżgura ċ-ċertezza legali għall-Istati Membri u, b’mod partikolari, li tippermettilhom li jiffissaw b’mod rapidu, f’termini qosra, il-mod ta’ kif huma jistgħu jallokaw il-kwoti ta’ emissjoniijiet u l-mod ta’ kif huma għandhom jamministraw is-sistema ta’ skambju Komunitarju fuq il-bażi tal-PNA tagħhom matul il-perijodu ta’ allokazzjoni kkonċernat. Fil-fatt, fid-dawl taż-żmien limitat ta’ dan il-perijodu, li huwa ta’ tliet jew ħames snin (l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/87), hemm interess leġittimu kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri li kull kwistjoni dwar il-kontenut tal-PNA tiġi riżolta minnufih u li l-PNA ma jiġix espost, matul il-perijodu kollu ta’ validità tiegħu, għar-riskju ta’ kontestazzjoni mill-Kummissjoni (digriet EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 117).

55      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw għal kull PNA, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk hijiex jew le l-verżjoni nnotifikata inizjalment jew il-verżjoni rreveduta u nnotifikata sussegwentement. Barra minn hekk, ir-rekwiżit li l-Kummissjoni għandha tagħmel, wara n-notifika ta’ PNA rrevedut, kontroll rapidu u effikaċi, huwa ferm importanti meta dan il-kontroll ikun diġà ppreċedut mill-ewwel fażi ta’ eżami tal-PNA inizjali li jkun wassal, jekk ikun il-każ, għal deċiżjoni ta’ rifjut u, sussegwentement, għal emendi fl-imsemmi PNA. Issa, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li hija għandha l-awtorizzazzjoni li teżamina l-emendi proposti fil-PNA, jew fil-PNA rrevedut, mingħajr ma tosserva t-terminu ta’ tliet xhur imsemmi fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, dan l-argument jista’ jmur kontra l-għan ta’ kontroll rapidu u effikaċi kif ukoll kontra ċ-ċertezza legali li l-Istat Membru li jinnotifika għandu sabiex jalloka l-kwoti ta’ emissjonijiet lill-installazzjonijiet li jinsabu fit-territorju tiegħu qabel il-bidu tal-perijodu ta’ skambju skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva.

56      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tistax issostni li, fit-tmiem tat-tieni fażi tal-proċedura ta’ eżami dwar l-evalwazzjoni tal-emendi proposti mill-PNA hija għandha tadotta deċiżjoni formali ta’ approvazzjoni tal-imsemmija emendi, fatt li jiddistingwi din il-fażi mill-fażi li tirrigwarda l-PNA nnotifikat inizjalment, għaliex din id-deċiżjoni la hija prevista fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 u lanqas ma hija meħtieġa (ara l-punt 48 iktar ’il fuq)

57      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-kunċett ta’ notifika fis-sens tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 ikopri n-notifika kemm inizjali kif ukoll sussegwenti tal-verżjonijiet differenti ta’ PNA, b’mod li kull waħda minn dawn l-emendi twassal għal terminu ġdid ta’ tliet xhur.

–       Fuq l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li n-notifika tal-PNA rrevedut, tad-29 ta’ Diċembru 2006, wasslet għal terminu gdid ta’ tliet xhur fis-sens tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87.

59      F’din il-kawża, fir-rigward tal-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur fis-sens tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, tad-29 ta’ Marzu 2007, it-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja, tat-30 ta’ Marzu 2007, kienet tardiva. Għalhekk, ma hemmx bżonn li jiġi evalwat, minn naħa, jekk talba ta’ din it-tip, anki jekk jiġi preżunt li ġiet ifformulata f’dan it-terminu, setgħetx tinterrompih jew tissospendih u, min-naħa l-oħra, jekk dan l-effett ta’ interuzzjoni jew ta’ sospensjoni setax iseħħ minkejja l-fatt li din l-ittra kienet inkitbet bl-Ingliż u mhux bil-Latvjan.

60      Minn dan isegwi li l-PNA rrevedut kien sar finali fit-30 ta’ Marzu 2007.

61      Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Latvja, difett proċedurali dwar in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur fis-sens tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 ma huwiex daqshekk gravi u evidenti li jista’ jiġġustifika li d-deċiżjoni kkontestata tiġi deskritta bħala att ineżistenti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑196/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha). Fil-fatt, l-atti tal-istituzzjonijiet, anki jekk irregolari, igawdu bħala regola minn preżunzjoni ta’ validità u jipproduċu, għalhekk, effetti ġuridiċi sakemm ma jiġux irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew minħabba eċċezzjoni ta’ illegalità (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, Ġabra p. II‑3019, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata). Kif ġie kkontestat fil-punt 47 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-proċedura ta’ eżami skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, fi tmiem tagħha u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fit-terminu ta’ tliet xhur, il-PNA jsir finali u jibbenefika mill-preżunzjoni ta’ legalità. Madankollu, l-illegalità kkonstatata f’din il-kawża, jiġifieri n-natura tardiva tad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax titqies bħala daqshekk gravi u evidenti li twassal għall-ineżistenza tagħha. Fil-fatt, fid-dawl tal-prinċipju fundamentali taċ-ċertezza legali, il-konklużjoni ta’ ineżistenza ta’ att għandu jkun irriżervat għall-ipoteżi estremi ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punti 48 u 50; tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni, C‑245/92 P, Ġabra p. I‑4643, punti 93 u 95, u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑475/01, Ġabra p. I‑8923, punti 18 u 20).

62      Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għal ksur tal-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87, mingħajr il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà jew il-mertu tal-motivi l-oħra invokati mir-Repubblika tal-Latvja.

 Fuq l-ispejjeż

63      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika tal-Latvja.

64      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Slovakka għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 3409, tat-13 ta’ Lulju 2007, dwar il-bidla fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra nnotifikat mir-Repubbblika tal-Latvja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Latvja.

3)      Ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Marzu 2011

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.