Kawża T-326/07

Cheminova et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti — Sustanza attiva ‘malathion’ — Nuqqas ta’ inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE — Rikors għal annullament — Locus standi — Ammissibbiltà — Proċedura ta’ evalwazzjoni — Evalwazzjoni mill-AESI — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002 — Preżentazzjoni ta’ studji ġodda — Artikolu 8(2) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 451/2000 — Aspettattivi leġittimi — Proporzjonalità — Trattament ugwali — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Drittijiet tad-difiża — Prinċipju ta’ sussidjarjetà — Artikolu 95(3) KE, Artikolu 4(1) u Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414”

Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) tat-3 ta’ Settembru 2009   II ‐ 2692

Sommarju tas-sentenza

  1. Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Regoli proċedurali

    (Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 451/2000, Artikolu 8, u Nru 1490/2002)

  2. Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Direttiva 91/414

    (Direttiva tal-Kunsill 91/414)

  3. Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Direttiva 91/414

    (Regolament tal-Kummissjoni Nru 451/2000, Artikoli 6(1) u (2)(d), u (3), 7(1)(a), u 8(2) u (5); Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 5(1)

  4. Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Direttiva 91/414

    (Artikolu 95(3) KE; Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikoli 4(1)(b)(iv) u (v), u 5(1), u Anness I)

  5. Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Direttiva 91/414

    (Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 5(1))

  6. Dritt Komunitarju – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Kummissjoni Nru 451/2000, Artikolu 8(2) u (5))

  7. Dritt Komunitarju – Prinċipji – Proporzjonalità

    (Artikoli 34 KE sa 37 KE)

  8. Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Direttiva 91/414

    (Regolament tal-Kummissjoni Nru 451/2000, Artikolu 8(7); Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 8(2))

  9. Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Direttiva 91/414

    (Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 5(1) u (4))

  10. Agrikoltura – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Direttiva 91/414

    (Regolament tal-Kummissjoni Nru 451/2000, Artikolu 4; Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 13)

  1.  Kuntrarjament għar-regoli Komunitarji ta’ dritt sostantiv, li għandhom jiġu interpretati b’mod li ma jinkludux, bħala regola, sitwazzjonijiet li nbdew qabel id-dħul tagħhom fis-seħħ, ir-regoli ta’ proċedura huma ta’ applikazzjoni diretta. Issa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1490/2002, li jwaqqaf regoli oħra għall-implementazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ xogħol li jissemma fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414 u li jemenda r-Regolament Nru 451/2000, li jipprovdu għall-intervent tal-Awtorità Ewropea għas-Saħħa fl-Ikel fil-proċedura ta’ evalwazzjoni tas-sustanzi attivi, jikkostitwixxu regoli ta’ proċedura li huma ta’ applikazzjoni diretta, mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda motivazzjoni speċifika f’dan ir-rigward fir-Regolament Nru 1490/2002. Konsegwentement, l-applikazzjoni immedjata tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tat-tieni u t-tielet stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414, għal proċeduri ta’ evalwazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu għaddejjin, mhijiex illegali.

    (ara l-punti 78-80)

  2.  Kif jirriżulta mill-ħames, mis-sitt u mid-disgħa premessi tagħha, id-Direttiva 91/414, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tfittex l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. F’dan il-kuntest, sabiex ikun jista’ jintlaħaq b’mod effiċjenti l-għan mogħti lilha, u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li għandha tagħmel, il-Kummissjoni għandha jkollha setgħa diskrezzjonali wiesa’.

    Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma huwiex eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti Komunitarja għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

    (ara l-punti 106, 107)

  3.  Fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 451/2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, ir-responsabbiltà primarja li tiġi vverifikata l-kompletezza tal-inkartament dwar is-sustanza attiva inkwistjoni taqa’ b’hekk fuq in-notifikant. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(2)(d) tal-imsemmi regolament, l-inkartament sommarju għandu jkun jinkludi “verifika mill-persuna li tagħmel in-notifika tal-kompletezza tal-inkartament”. Dan huwa kkonfermat mill-Artikolu 7(1)(a) tal-istess regolament, li jipprovdi li l- Istat Membru Relatur (SMR) jeżamina l-inkartamenti u jevalwa “il-verifika(i) ta’ kompletezza provduta mill-persuni li jkunu għamlu n-notifika”.

    B’hekk, il-fatt li inkartament ikun iddikjarat komplet mill-SMR skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 451/2000 mhux neċessarjament jiggarantixxi li jinkludi l-informazzjoni kollha li tippermetti lill-SMR, lill-Awtorità Ewropea għas-Saħħa fl-Ikel (AESI) u lill-Kummissjoni li jieħdu pożizzjoni fuq l-“effetti ta’ ħsara” tas-sustanza attiva kkonċernata, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. F’dan ir-rigward, l-inkartament li fih l-istudji u r-rapporti previsti fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 451/2000 għandu jitqies li huwa komplet mill-SMR, li madankollu ma jeskludix li data jew oħra tista’ tkun nieqsa sabiex tippermetti lill-SMR u/jew lill-AESI jagħmlu l-evalwazzjoni xjentifika tas-sustanza attiva inkwistjoni. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 8(2) u (5) tar-Regolament Nru 451/2000 jipprovdi l-possibbiltà, rispettivament, għall-SMR u għall-AESI, li jitolbu lin-notifikanti l-preżentazzjoni ta’ data addizzjonali meħtieġa għall-kjarifika tal-inkartament. Madankollu, minkejja li n-notifikant għandu jiżgura li l-inkartament ippreżentat huwa komplet, l-imsemmi Artikolu 8(2) u (5) ma jipprovdi l-ebda possibbiltà għalih li jikkompleta l-inkartament tiegħu fuq inizjattiva tiegħu.

    (ara l-punti 154, 155)

  4.  L-Artikolu 5(1)(b) tad-Direttiva 91/414, fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jipprovdi li, sabiex sustanza tkun tista’ tiġi inkluża fl-Anness I ta’ din l-istess direttiva, għandu jiġi mistenni li, fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku, l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva inkwistjoni, wara applikazzjoni konformi mal-prattiċi xierqa għall-protezzjoni tal-pjanti, ma jkollhomx effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew l-annimali u li ma jkollhomx xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent skont l-Artikolu 4(1)(b)(iv) u (v) tal-imsemmija direttiva.

    Din id-dispożizzjoni, interpretata flimkien mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, timplika li, fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem, l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet serji li, mingħajr ma tiġi eskluża l-inċertezza xjentifika, jippermettu raġonevolment li titqiegħed fid-dubju s-sigurtà ta’ sustanza, tmur kontra, bħala regola ġenerali, l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jipprevjeni r-riskji potenzjali.

    (ara l-punti 165, 166)

  5.  Ma jistax jiġi dedott mir-riferiment fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, għat-“tagħrif xjentifiku u tekniku” li impriżi li nnotifikaw sustanza attiva u li huma kkonfrontati bil-probabbiltà ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tal-istess direttiva għandhom jibbenefikaw mill-possibbiltà li jippreżentaw studji u data ġodda sakemm ikunu għadhom jeżistu dubji dwar in-nuqqas ta’ ħsara tal-imsemmija sustanza attiva. Tali interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tmur kontra l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent li hija l-bażi tal-imsemmi Artikolu 5(1) sa fejn din hija ekwivalenti għall-għoti lill-parti li nnotifikat is-sustanza attiva, li għandha, minn naħa, l-oneru tal-prova tal-fatt li din ma tagħmilx ħsara u, min-naħa l-oħra, tagħrif aħjar dwar is-sustanza inkwistjoni, ta’ dritt ta’ veto għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni eventwali ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tas-sustanza inkwistjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

    (ara l-punt 169)

  6.  Id-dritt għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi, nisslet ġewwa fih tamiet fondati. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti, li toħroġ minn sorsi awtorizzati u ta’ min joqgħod fuqhom, tikkostitwixxi tali assigurazzjoni, tkun xi tkun il-forma li fiha jiġu kkomunikati. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni.

    Fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ sustanza attiva għall-finijiet tal-inklużjoni tagħha jew le fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li hija prevista fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 451/2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, anki fl-ipoteżi li l-Awtorità Ewropea għas-Saħħa fl-Ikel (AESA) jew il-Kummissjoni jagħtu assigurazzjonijiet preċiżi dwar il-kunsiderazzjoni ta’ test ġdid, dawn l-assigurazzjonijiet ma jistgħux iqajmu aspettattivi leġittimi fin-notifikant peress li l-Artikolu 8(2) u (5) tar-Regolament Nru 451/2000 jipprovdi espressament li studji ġodda, bħala regola, mhumiex aċċettati fil-mument fejn, rispettivament, l-SMR jew l-AESI jkunu bdew l-evalwazzjoni tagħhom tas-sustanza attiva. Fil-fatt, assigurazzjonijiet konformi man-normi applikabbli biss jistgħu jkunu l-bażi ta’ aspettattivi leġittimi.

    (ara l-punti 179, 180, u 186)

  7.  Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-atti tal-Istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi intiżi mil-liġi inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum, li meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, hemm lok li tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-iskop previst.

    Madankollu, fil-qasam tal-agrikoltura, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa partikolari, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza jirrikonoxxu lil-leġiżlatur Komunitarju setgħa diskrezzjonali li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li l-Artikoli 34 KE sa 37 KE jattribbwulhom f’dan il-qasam. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura deċiża f’dan is-settur, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha f’moħħha, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura.

    (ara l-punti 194, 195)

  8.  Anki fl-ipoteżi li t-terminu ta’ sena tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament Nru 451/2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, għall-evalwazzjoni, mill-Awtorità Ewropea għas-Saħħa fl-Ikel, tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Istat Membru Relatur u għall-għoti ta’ opinjoni dwar il-konformità tas-sustanza attiva għall-ħtiġijiet tas-sigurtà tad-Direttiva 91/414 kien mandatorju, il-qbiż tal-imsemmi terminu jaffettwa l-legalità ta’ deċiżjoni kkontestata biss jekk ikun stabilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, l-imsemmija deċiżjoni seta’ jkollha kontenut differenti.

    (ara l-punti 207, 208)

  9.  L-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/414, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jippermetti l-inklużjoni ta’ sustanzi li ma jissodisfawx l-eżiġenzi tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva billi jimponi ċerti restrizzjonijiet li jeskludu t-tipi ta’ użu probelmatiċi tas-sustanza inkwistjoni. Anki jekk, fil-kuntest tar-restrizzjonijiet imposti, jista’ jkun attribwit ċertu rwol lill-Istati Membri, jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjoni definittiva fir-rigward tal-konformità tas-sustanza attiva għall-eżiġenzi tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva trid issir biss mill-istituzzjonijiet Komunitarji. B’hekk, anki fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 91/414, hija l-Kummissjoni, u fejn ikun il-każ, il-Kunsill, li għandha tistabbilixxi, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li r-restrizzjonijiet għall-użu ta’ din is-sustanza inkwistjoni jippermettu li jiġi żgurat użu ta’ din is-sustanza li jkun konformi mal-eżiġenzi tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414.

    (ara l-punt 260)

  10.  L-Artikolu 13 tad-Direttiva 91/414, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipproteġu l-kunfidenzjalità tad-data inkluża fl-inkartament li jkun mat-talba ta’ awtorizzazzjoni sabiex jitqiegħed fis-suq prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Il-protezzjoni tapplika biss, skont l-Artikolu 13(3) u (4) tad-Direttiva 91/414, meta l-Istati Membri “[jikkonċedu] awtorizzazzjonijiet”.

    Anki fl-ipoteżi li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 13 japplikaw mutatis mutandis għall-inkartament innotifikat, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 451/2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tat-tieni u t-tielet stadji tal-programm tax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, sabiex tinkiseb l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, il-protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva ma tistax tapplika, f’dan il-każ, minħabba li s-sustanza attiva ma ngħatat l-ebda “awtorizzazzjoni”.

    (ara l-punti 264, 265)