Kawża T-263/07

Ir-Repubblika tal-Estonja

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Ambjent — Direttiva 2003/87/KE — Skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Pjan nazzjonali tal-allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għall-Estonja għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 — Kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni — Trattament ugwali — Artikolu 9(1) u (3), u Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/87”

Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Seba’ Awla) tat-23 ta’ Settembru 2009   II ‐ 3468

Sommarju tas-sentenza

  1. Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali

    (Artikolu 230 KE)

  2. Dritt Komunitarju – Prinċipji – Prinċipju ta’ sussidjarjetà

    (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE, Artikoli 174 KE sa 176 KE, 211 KE, 226 KE u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE)

  3. Ambjent – Tniġġis astmosferiku – Direttiva 2003/87

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, premessa 5, Artikoli 1, 9(1) u (3), 10, 11(2) u Anness III)

  4. Ambjent – Tniġġis astmosferiku – Direttiva 2003/87

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87, Artikoli 9(1) u (3), 11(2), u Anness III)

  5. Ambjent – Tniġġis astmosferiku – Direttiva 2003/87

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/780, Artikolu 3(1) u (2))

  1.  L-annullament parzjali ta’ att Komunitarju huwa possibbli biss jekk l-elementi li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Din l-eżiġenza ta’ separazzjoni mhijiex sodisfatta meta l-annullament parzjali ta’ att għandu l-effett li jibdel is-sustanza ta’ dan l-att.

    (ara l-punt 28)

  2.  Fil-kuntest tat-transpożizzjoni jew tal-implementazzjoni ta’ direttiva fil-qasam tal-ambjent, ladarba d-direttiva inkwistjoni ma tispeċifikax il-forma u l-metodi sabiex jinkiseb riżultat partikolari, il-libertà tal-Istat Membru rigward l-għażla tal-forom u tal-metodi xierqa għall-kisba tal-imsemmi riżultat tibqa’, bħala regola, sħiħa. Fin-nuqqas ta’ regola Komunitarja li tispeċifika, b’mod ċar u preċiż, il-forma u l-metodi li għandhom jintużaw mill-Istat Membru, hija l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ stħarriġ, b’mod partikolari skont l-Artikoli 211 KE u 226 KE, li għandha tipprova, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li l-istrumenti użati mill-Istat Membru għal dan il-għan imorru kontra d-dritt Komunitarju.

    Applikazzjoni rigoruża ta’ dawn il-prinċipji hija importanti ħafna sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 KE, prinċipju li jorbot lill-istituzzjonijiet Komunitarji fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolamentari tagħhom. Skont dan il-prinċipju, il-Komunità Ewropea tintervjeni biss, fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, jekk u sakemm l-għanijiet tal-azzjoni ppjanata ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għaldaqstant, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni mixtieqa, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju. B’hekk, f’qasam bħalma huwa dak tal-ambjent, irregolat bl-Artikoli 174 KE sa 176 KE, li fih il-Komunità u l-Istati Membri t-tnejn huma kompetenti, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Komunità, jiġifieri fuq il-Kummissjoni, biex turi sa fejn il-kompetenzi tal-Istat Membru u, għaldaqstant, il-libertà ta’ azzjoni tiegħu, huma limitati.

    (ara l-punti 51, 52)

  3.  Mill-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61, kif ukoll mill-Artikolu 11(2) tagħha, jirriżulta li huwa biss l-Istat Membru li għandu l-kompetenza, minn naħa, li jfassal il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet (PNA) li bih jipproponi li jilħaq l-għanijiet definiti fid-Direttiva għal dak li jikkonċerna l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, li jieħu deċiżjonijiet finali li jistabbilixxu l-kwantità totali ta’ kwoti li ser jalloka għal kull perijodu ta’ ħames snin, u d-distribuzzjoni ta’ din il-kwantità bejn l-operaturi ekonomiċi. Fit-twettiq ta’ dawn il-kompetenzi, l-Istat Membru għandu għalhekk ċerta libertà ta’ azzjoni fl-għażla tal-miżuri li huwa jqis l-iktar adatti sabiex jintlaħaq, fil-kuntest speċifiku tas-suq nazzjonali tal-enerġija, ir-riżultat speċifikat mill-imsemmija direttiva.

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni għandha setgħa ta’ stħarriġ rigward il-PNA, skont l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tivverifika l-konformità tal-PNA nnotifikat mill-Istat Membru, mal-kriterji elenkati fl-Anness III u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva u li tirrifjuta dan il-pjan abbażi ta’ inkompatibbiltà ma’ dawn il-kriterji u dawn id-dispożizzjonijiet, permezz ta’ deċiżjoni motivata. Mill-imsemmi Artikolu 9(3) jirriżulta wkoll li, fil-każ li l-PNA jiġi rrifjutat, l-Istat Membru ma jistax jieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 11(2) ħlief jekk it-tibdiliet fil-pjan proposti mill-Istat Membru wara r-rifjut ikunu ġew aċċettati mill-Kummissjoni.

    Meta tuża s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha fir-rigward tal-PNA, il-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni sa fejn dan l-istħarriġ iwassalha tuża l-evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi tagħha stess fid-dawl tal-għan ġenerali ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz ta’ skema għall-iskambju ta’ kwoti effettiva rigward spejjeż u effiċjenza ekonomika. Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità f’dan ir-rigward, il-qorti Komunitarja teżerċita stħarriġ komplet rigward l-applikazzjoni korretta min-naħa tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi lilha nfisha għall-Kummissjoni meta din ikollha tagħmel, f’dan il-kuntest, evalwazzjonijiet ekonomiċi u ekoloġiċi kumplessi. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tillimita ruħha li tivverifika jekk il-miżura inkwistjoni hijiex ivvizzjata minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter, jekk l-awtorità kompetenti qabżitx manifestament il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u jekk il-garanziji proċedurali, li għandhom importanza ferm iżjed fundamentali f’dan il-kuntest, ġewx osservati bis-sħiħ.

    Fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet tagħha dwar il-kwistjoni jekk il-PNA tad-diversi Stati Membri humiex kompatibbli mal-kriterji tal-Anness III tad-direttiva, il-Kummissjoni tista’ tagħżel punt komuni ta’ paragun. Hija tista’, b’mod partikolari, tfassal u tuża l-mudell ekonomiku u ekoloġiku tagħha stess, u tgawdi, f’dan ir-rigward, minn marġni ta’ diskrezzjoni, b’tali mod li l-użu ta’ punt ta’ referenza komuni bħal dan, f’deċiżjoni ta’ rifjut ta’ PNA, ma jistax jiġi kkontestat ħlief għar-raġuni li din id-deċiżjoni tkun ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    Min-naħa l-oħra, billi speċifikat kwantità speċifika ta’ kwoti, li kull eċċess tagħha jitqies inkompatibbli mal-kriterji stabbiliti mid-Direttiva 2003/87, u billi rrifjutat il-pjan nazzjonali ta’ Stat Membru sa fejn il-kwantità totali tal-kwoti proposta hemmhekk taqbeż dan il-limitu, il-Kummissjoni qabżet il-limiti tas-setgħa ta’ stħarriġ li għandha skont l-Artikolu 9(1) u (3), kif ukoll l-Artkolu 11(2) tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, billi timponi, fid-dispożittiv ta’ deċiżjoni li tirrifjuta PNA, limitu speċifiku kkalkolat abbazi tal-mudell ekonomiku tagħha stess u tal-għażla tagħha ta’ data, għall-kwantità totali ta’ kwoti li Stat Membru għandu dritt jistabbilixxi, fil-prattika, il-Kummissjoni tissostitwixxi lilha nfisha għall-Istat Membru għall-finijiet li tiġi stabbilita din il-kwantità totali. Tali dispożizzjoni tista’ tobbliga Stat Membru jbiddel il-PNA tiegħu sabiex il-kwantità totali ta’ kwoti tikkorrispondi b’mod eżatt mal-limitu indikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha ta’ rifjut. F’każ bħal dan, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi kwantità totali ugwali jew iżgħar mil-limitu indikat mill-Kummissjoni, għaliex inkella jkun impossibbli għalih li jadotta deċiżjoni skont l-imsemmi Artikolu 11(2).

    Tali deċiżjoni ta’ rifjut tippriva lill-Artikolu 11(2) minn kull sinjifikat, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprovdi li huwa l-Istat Membru u mhux il-Kummissjoni li għandu jiddeċiedi l-kwantità totali ta’ kwoti li ser jalloka.

    (ara l-punti 53-55, 60, 63-65)

  4.  L-invokazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ma tistax tbiddel it-tqassim tal-kompetenzi pprovdut mid-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61, bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, li tipprovdi li dawn tal-aħħar huma kompetenti sabiex ifasslu pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) u sabiex jieħdu deċiżjoni finali fuq il-kwantità totali ta’ kwoti li jridu jiġu allokati.

    Għaldaqstant, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors ippreżentat minn Stat Membru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar pjan nazzjonali ta’ allokazzjonijiet, l-argument tal-Kummissjoni li l-użu tad-data u tal-mudell li kienet użat fid-deċiżjoni kien iġġustifikat mill-ħtieġa li kull PNA jiġi evalwat b’riferiment għall-istess ċifri u parametri ta’ analiżi, sabiex jiġu osservati r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jiġi miċħud.

    (ara l-punti 87, 88)

  5.  Fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju, fil-proċeduri amministrattivi hemm inkluż, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li marbut miegħu hemm l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti għall-każ inkwistjoni.

    Fin-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet preċiżi dwar il-lakuni li fih il-pjan nazzjonali ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (PNA) adottat minn Stat Membru skont id-Direttiva 2003/87, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61, jew dwar l-iżbalji allegatament imwettqa mill-imsemmi Stat Membru f’dan il-pjan, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-kalkoli inklużi fl-imsemmi pjan kienu vvizzjati bi żball. Peress li, għaldaqstant, ma eżaminatx b’mod adegwat il-PNA ppreżentat mill-Istat Membru inkwistjoni, u b’mod partikolari l-Annessi 1 u 3 tiegħu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni jekk ir-riżervi previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2006/780, dwar li jiġi evitat l-għadd doppju tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet tal-effett tas-serra skont l-iskema Komunitarja tal-iskambju tal-emissjonijiet għall-attivitajiet tal-proġetti taħt il-Protokoll ta’ Kyoto skont id-Direttiva 2003/87, kinux inklużi fil-kwantità totali ta’ kwoti proposti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    (ara l-punti 99, 111, 112)