SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)

7 ta’ Mejju 2009 ( *1 )

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CK CREACIONES KENNYA — Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti CK Calvin Klein u trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti CK — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-Kawża T-185/07,

Calvin Klein Trademark Trust, stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn T. Andrade Boué, I. Lehmann Novo u A. Hernández Lehmann, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn Ó. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Zafra Marroquineros, SL, stabbilita f’Caravaca de la Cruz (Spanja), irrappreżentata minn J. Martín Álvarez, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ppreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tad-29 ta’ Marzu 2007 (Każ R 314/2006-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Calvin Klein Trademark Trust u Zafra Marroquineros, SL,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. W. H. Meij, President tal-Awla, V. Vadapalas (Relatur) u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-29 ta’ Mejju 2007,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Ottubru 2007,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Ottubru 2007

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti għall-mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ġunju 2008,

wara li rat il-bidla tal-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

wara li rat l-għażla ta’ Imħallef ieħor sabiex tkun kompletata l-Awla wara l-impediment ta’ wieħed mill-membri tagħha,

wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2008

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fis-7 ta’ Ottubru 2003, l-intervenjenti, Zafra Marroquineros, SL, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal- dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat.

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa s-sinjal verbali CK CREACIONES KENNYA.

3

Il-prodotti li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 18 u 25 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957 kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għad-deskrizzjoni segwenti:

Klassi 18: “Ġilda u imitazzjoni tal-ġilda u oġġetti ta’ dan il-materjal mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u basktijiet tal-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ”;

klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben u kpiepel”.

4

Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulletin tat-trade marks Komunitarji Nru 23/2004 tas-7 ta’ Ġunju 2004.

5

Fis-6 ta’ Settembru 2004, ir-rikorrenti, Calvin Klein Trademark Trust ressqet oppożizzjoni fir-rigward tar-reġistrazzjoni għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

6

L-oppożizzjoni hija bbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

it-trade mark Komunitarja Nru 066172, irreġistrata għall-prodotti u għas-servizzi fil-klassijiet 3, 4, 8, 9, 14, 16, 18, 20, 21, 24, 25, 26, 27, 35 u 42, irrappreżentata iktar ’il quddiem:

Image

it-trade mark Spanjola Nru 2023213, irreġistrata għall-prodotti fil-klassi 18, irrappreżentata iktar ’il quddiem:

Image

it-trade mark Spanjola Nru 2028104, irreġistrata għall-prodotti fil-klassi 25, irrappreżentata iktar ’il quddiem:

Image

7

L-oppożizzjoni hija bbażata fuq il-prodotti u s-servizzi kollha koperti mit-trade mark preċedenti u kienet magħmula kontra l-prodotti kollha indikati fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

8

Bid-deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2005, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni fl-intier tagħha. Hija kkunsidrat li għall-konsumatur rilevanti ma teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni.

9

Fit-22 ta’ Frar 2006, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni billi invokat ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament.

10

Bid-deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2007 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors u kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Huwa kkunsidra li ma hemmx xebh biżżejjed bejn is-sinjali inkwistjoni sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku rilevanti.

It-talbiet tal-partijiet

11

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tordna li r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġi miċħuda;

tikkundanna l-UASI u l-intervenjenti għall-ispejjeż.

12

L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13

L-intervenjenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors u tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti

14

Bit-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Oorti tal-Prim’Istanza tordna lill-UASI jiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti Komunitarja. Għalhekk, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tindirizza ordni lill-UASI. Huwa dan tal-aħħar, fil-fatt, li għandu jislet il-konsegwenzi tad-dispożittiv u tal-motivi tas-sentenza preżenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33, u tas-, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12]. Għaldaqstant it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa inammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

15

Ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

16

Ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi tal-Bord tal-Appell hija żbaljata fir-rigward tal-paragun bejn is-sinjali inkwistjoni u l-kunsiderazzjonijiet tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

17

Dwar l-paragun tas-sinjali inkwistjoni, ir-rikorrenti tqis li, kuntrarjament għal dak li hemm indikat fid-deċiżjoni kkontestata, l-element distintiv tat-trade marks inkwistjoni huwa kkostitwit mill-grupp ta’ ittri “ck”.

18

Dawn iż-żewġ ittri jispikkaw fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’mod li jolqtu l-għajn l-ewwel u jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumatur. It-trade marks inkwistjoni jixxiebhu fl-element l-iktar distintiv tagħhom, u dan iwassal għal xebh fonetiku bejn is-sinjali inkwistjoni.

19

Ir-rikorrenti ma taqbilx li l-karattru distintiv tal-grupp ta’ ittri “ck” tat-trade marks preċedenti huwa ogħla minn dak tal-grupp ta’ ittri “ck” tat-trade mark li għaliha tkun saret l-applikazzjoni, biss minħabba rappreżentazzjoni grafika partikolari.

20

Ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li huwa rikonoxxut fid-deċiżjoni kkontestata, l-użu tal-grupp ta’ ittri “ck” mhuwiex iġġustifikat bil-kliem “creaciones” u “kennya”, li ma jikkorrispondux għall-isem kummerċjali tal-intervenjenti, iżda huwa pjuttost spjegat mill-volontà li tersaq viċin it-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni.

21

Ir-rikorrenti tenfasizza li la l-kelma “creaciones” u lanqas il-kelma “kennya” ma għandhom karattru distintiv. L-ewwel hija użata fis-settur tal-moda biex tirreferi għall-mudelli ta’ ħwejjeġ. It-tieni tista’ tirreferi għal pajjiż Afrikan, il-Kenja, jew isem ta’ persuna.

22

Għaldaqstant, it-trade mark CK CREACIONES KENNYA titqies bħala trade mark CK li tirrigwarda l-kollezzjoni “creaciones” (kreazzjonijiet) imsejħa “kennya” (Kenja), kemm għaliex hija inspirata mill-arti jew mill-kuluri tal-Kenja, kemm għaliex id-disinjatur tal-prodotti inkwistjoni għandu dan l-isem. Issa, l-ismijiet tal-pajjiżi ma għandhomx karattru distintiv u ma jistgħux jitqiesu bħala elementi li jippermettu li ssir distinzjoni bejn it-trade marks li wieħed ikun qed jipparaguna. Ir-rikorrenti ssostni li, f’din il-kawża, il-kelma “kennya” hija indikazzjoni ta’ provenjenza żbaljata, għaliex l-applikant tat-trade mark inkwistjoni huwa kummerċjant mill-belt Spanjola ta’ Murcia li ma għandha l-ebda rabta mal-Kenja u li l-prodotti lanqas biss inxtraw minn dan il-pajjiż.

23

Ir-riżultat kien ikun l-istess kieku l-kelma “kennya” kienet tirreferi għal isem ta’ persuna, għaliex isem komuni mhuwiex fih innifsu distintiv. Dan il-fatt iżid il-konfużjoni għax ħa jagħti x’jifhem li huwa xi trade mark sussidjarja tat-trade mark CK, maħsuba minn persuna li jisimha “kennya” meta dan mhux il-każ. Ir-rikorrenti tqis, għalhekk, li l-kelma “kennya” mhijiex distintiva jew li għandha biss karattru distintiv dgħajjef u li b’hekk, il-konsumatur ser jikkonċentra fuq l-element “ck” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, li hija magħmula mill-istess ittri bħal dawk li jifformaw it-trade marks preċedenti.

24

Hija tosserva li t-trade marks preċedenti għandhom reputazzjoni importanti, li hija tali li tinforza l-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade marks kontenzjużi, b’mod partikolari mill-perspettiva viżiva u fonetika. Hija tenfasizza li huwa s-sinjal figurativ CK li huwa fil-fatt magħruf.

25

Fil-fehma tar-rikorrenti, fis-settur tal-moda, huwa normali li prodotturi tal-ħwejjeġ jiġu identifikati mill-ittri li jifformaw l-akronimu ta’ isimhom. Għalhekk, il-fatt li trade mark maħluqa b’ittri ta’ akronimu toqrob lejn oħra juri biċ-ċar li huwa tentattiv biex tiġi kkopjata trade mark ta’ terzi.

26

Fis-settur tal-moda, huwa wkoll normali li l-istess impriża tal-ħwejjeġ tuża trade mark sussidjarja, jiġifieri sinjali li joħorġu minn trade mark prinċipali u li jaqsmu magħha element dominanti komuni, sabiex jiddistingwuhom mil-linji differenti ta’ produzzjoni. B’hekk, il-fatt li l-grupp ta’ ittri “ck” jinsab fit-trade marks kollha inkwistjoni, anki jekk l-ittri huma rrappreżentati bi grafika differenti, jista’ joħloq konfużjoni f’moħħ il-konsumatur, li jista’ jaħseb li s-sinjal CK CREACIONES KENNYA jirrigwarda linja ta’ produzzjoni speċifika.

27

Insostenn ta’ din it-teżi, ir-rikorrenti ssemmi bosta deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji, tat-tribunali Spanjoli, kif ukoll tal-UASI u tal-Uffiċċju Spanjol tal-privattivi u tat-trade marks.

28

L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti. B’mod partikolari huma jqisu li l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tgħid li s-sinjali inkwistjoni jagħtu impressjoni globali differenti, hija korretta. L-UASI jirrileva wkoll li, sa fejn huwa s-sinjal figurattiv CK, li diġà għandu karattru distintivament intrisiku minħabba l-grafika partikolari tiegħu, li għandu reputazzjoni, ma għandux jiġi rikonoxxut lill-grupp ta’ ittri “ck” miktuba b’karattri standard, jew lill-ħoss tiegħu, ir-reputazzjoni li l-Bord tal-Appell irrikonoxxa lit-trade marks preċedenti.

29

Barra minn hekk, l-UASI u l-intervenjenti jqisu li, fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-frażi “creaciones kennya” hija l-element dominanti, kemm fuq il-livell viżiv, minħabba t-tul tagħha, kif ukoll fuq il-livell kunċettwali, minħabba l-element ta’ fantażija tagħha, filwaqt li l-grupp ta’ konsonanti “ck”, fid-dawl tal-grafika partikolari tagħhom, jikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade marks preċedenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

30

Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tiġi milqugħa jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

31

Skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni r-riskju li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI — Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punt 25; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 29, u tat-, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17].

32

Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jikkaratterizzaw il-każ inkwistjoni, b’mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dik tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI — Giorgio Beverly Hills (Giorgi vs GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 32].

33

Barra minn hekk, iktar ma tkun distintiva t-trade mark preċedenti, iktar tkun għolja l-probabbiltà ta’ konfużjoni. B’hekk, it-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin fis-suq, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar baxx (ara, b’analoġija, is-sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitat iktar ’il fuq, punt 20).

34

Barra minn hekk, il-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Normalment, il-konsumatur medju jipperċepixxi trade mark bħala xi ħaġa sħiha u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitat iktar ’il fuq, punt 25). Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat (sentenza Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitat iktar ’il fuq, punt 26).

35

F’din il-kawża, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-partijiet mhumiex qegħdin jikkontestaw l-identiċità tal-prodotti inkwistjoni.

36

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata, li mhijiex ikkontestata fuq dan il-punt, jirriżulta li, sa fejn it-trade marks preċedenti huma kkostitwiti minn żewġ reġistrazzjonijiet Spanjoli u waħda Komunitarja u sa fejn il-prodotti inkwistjoni huma intiżi għall-pubbliku inġenerali, il-pubbliku rilevanti huwa magħmul mill-konsumaturi medji tal-prodotti fi Spanja u fil-Komunità.

37

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell dwar ix-xebh tas-sinjali kontenzjużi u l-konklużjoni li ġiet ibbażata fuqha fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell żbaljax meta ddeċieda li teżisti biżżejjed differenza bejn is-sinjali kontenzjużi sabiex tiġi eskluża, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

— Fuq ix-xebh tas-sinjali

38

Għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kontenzjużi, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minn dawn, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI — Pash Texilvertrieb u Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata].

39

Barra minn hekk hija ġurisprudenza stabbilita li trade mark kumplessa u trade mark oħra, identika jew li għandha xebh ma’ wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, jistgħu jitqiesu bħala li jixxiebhu biss meta dan il-komponent jikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni globali li tagħti t-trade mark kumplessa. Dan ikun il-każ meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina waħdu l-immaġni tat-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm f’moħħu, b’tali mod li l-komponenti kollha l-oħra tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni globali mogħtija minnha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI — Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 33, u tat-, Ekabe International vs UASI — Ebro Puleva (OMEGA3), T-28/05, Ġabra p. II-4307, punt 43].

40

Madankollu, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss komponent ta’ trade mark kumplessa u jiġi pparagunat ma’ trade mark oħra. Kuntrarjament, tali paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks inkwistjoni, kull waħda kkunsidrata globalment (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 41; tal-, Nestlé vs UASI u Quick, C-193/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 35, u MATRATZEN, iċċitat iktar ’il fuq, punt 34).

41

F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punt 7 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali figurattivi li huma s-suġġett tal-applikazzjoni preċedenti huma magħmula minn grupp ta’ ittri “ck”, miktub b’ittri kbar u b’ittri stampati, bit-tieni ittra, il-“k” li hija itwal u ikbar mill-ewwel ittra, is-“c”, li hija, min-naħa tagħha, iktar fiċ-ċentru mill-“k”. It-trade mark Komunitarja preċedenti għandha wkoll il-kliem “calvin klein”, miktuba b’ittri ħafna iżgħar mill-ittri “c” u “k”. Barra minn hekk, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija trade mark verbali magħmula minn tliet elementi, jiġifieri mill-grupp ta’ ittri “ck”, segwit mill-kliem “creaciones” u “kennya”.

42

Ir-rikorrenti tallega li l-element “ck” jikkostitwixxi l-element distintiv u dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Madankollu għandu jiġi kkonstatat, kif isostni l-UASI, li l-kliem “creaciones kennya” jokkupaw, minħabba d-daqs tagħhom, pożizzjoni ħafna iktar importanti mill-grupp ta’ kliem “ck” u jifforma unità sintattika u kunċettwali li tiddomina fuq din it-trade mark kollha.

43

Fil-fatt, għalkemm it-tifsira preċiża tal-element “creaciones kennya” hija inċerta, għaliex tista’ tinftiehem kemm bħala riferiment għall-isem ta’ disinjatur tal-moda, u kemm bħala espressjoni ta’ fantasija pura, hija għandha karattru distinivament ċert għall-oġġetti tal-ħwejjeġ u l-aċċessorji tal-moda fil-klassijiet 18 u 25. Barra minn hekk, dan il-karattru distintiv ma jitqiegħedx fid-dubju mill-konessjoni li tista’ tinħoloq f’moħħ il-pubbliku rilevanti bejn il-kelma “kennya” u l-pajjiż tal-Kenja, fid-dawl tal-ortografija differenti ta’ dawn iż-żewġ kelmiet. L-argumenti tar-rikorrenti li jikkontestaw il-karattru distintiv tal-element “creaciones kennya” għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

44

Barra minn hekk, kif il-Bord tal-Appell irrileva fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, l-element “ck” jikkorrispondi għall-ewwel ittri tal-kliem “creaciones” u “kennya”, kliem li jiddefinixxu l-oriġini u jispjegaw il-preżenza tagħhom. Bil-mod ta’ kif huwa ppreżentat fl-applikazzjoni għal trade mark, l-element “ck” jokkupa, għalhekk, pożizzjoni sekondarja fir-rigward tal-element “creaciones kennya”.

45

Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-konsumatur ikkonċernat ħa jiftakar l-iktar il-kliem “creaciones kennya”, li fuqhom ħa jiffoka u jitfa’ l-attenzjoni prinċipali tiegħu. Iċ-ċirkustanza, invokata mir-rikorrenti, li l-grupp ta’ ittri “ck” jidhru fl-ewwel lok fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma tbiddilx din l-evalwazzjoni. Għalkemm huwa minnu li l-konsumatur medju jagħti, b’mod ġenerali, iktar attenzjoni lill-elementi li jinsabu fil-bidu ta’ trade mark, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ ċerti trade marks jistgħu jkunu ta’ eċċezzjoni għal din ir-regola [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-20 ta’ Novembru 2007, Castellani vs UASI — Markant Handels und Service (CASTELLANI), T-149/06, Ġabra p. II-4755, punt 54]. F’din il-kawża, għar-raġunijiet mogħtija fil-punti 42 sa 44 iktar ’il fuq, il-pożizzjoni solitarja tal-grupp ta’ ittri “ck” fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mhijiex biżżejjed biex tagħmilha l-element dominanti fl-impressjoni globali li tagħti din it-trade mark.

46

Fir-rigward tax-xebh bejn is-sinjali mill-perspettiva viżiva, hemm lok, għalhekk, li jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell kien korrett meta kkunsidra li t-trade marks kontenzjużi kienu differenti. Fil-fatt, filwaqt li t-trade marks preċedenti huma komposti mill-element uniku jew dominanti “ck”, irrappreżentat bi grafika partikolari li, kif il-Bord tal-Appell irrileva f’punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, tagħti lil dawn it-trade marks karattru distintivament intrinsiku, l-impressjoni globali li tagħti t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija ddominata mill-element “creaciones kennya”.

47

B’hekk, l-uniku xebh viżiv bejn l-element figurattiv uniku jew dominanti “ck” tat-trade mark preċedenti u l-element “ck” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jippermettix li jinħoloq xebh viżiv bejn it-trade marks kontenzjużi, fid-dawl, minn naħa, tal-impressjoni globali li tagħti t-trade mark CK CREACIONES KENNYA u, min-naħa l-oħra, tar-rappreżentazzjoni grafika partikolari li tikkaratterizza t-trade marks preċedenti, jiġifieri d-daqs iżgħar u l-pożizzjoni ċentral tal-ittra “c” meta mqabbla mal-ittra “k”.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, kif il-Bord tal-Appell irrileva fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-eżami tax-xebh bejn it-trade marks konenzjużi jieħu inkunsiderazzjoni dawn it-trade marks fl-intier tagħhom, hekk kif huma rreġistrati jew hekk kif saret l-applikazzjoni. Issa, trade mark verbali hija trade mark magħmula esklużivament minn ittri, minn kliem jew minn asssoċjazzjoni ta’ kliem, miktuba b’ittri stampati b’tipa standard, mingħajr element grafiku speċifiku. Il-protezzjoni miksuba mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark verbali tirrigwarda l-kelma indikata fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u mhux l-aspett grafiku jew stilistiku partikolari li din it-trade mark jista’ eventwalment ikollha. Għalhekk, għall-finijiet tal-eżami tax-xebh, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rappreżentazzjoni grafika li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jkollha fil-futur [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-20 ta’ April 2005, Faber Chimica vs UASI — Nabersa (Faber), T-211/03, Ġabra p. II-1297, punti 36 u 37; tat-, Ontex vs UASI — Curon Medical (CURON), T-353/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74, u tat-, Radio Regenbogen Hörfunk in Baden vs UASI (RadioCom), T-254/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, point 43].

49

Il-Bord tal-Appell kellu raġun anki fuq il-livell fonetiku meta kkonstata li t-trade marks kontenzjużi ma kinux simili. Kif josserva l-UASI, ir-riferiment għat-trade marks preċedenti jsir permezz tal-grupp ta’ ittri “ck”, jew saħansitra permezz tal-kliem “calvin klein”, u dan anki meta s-sinjal preċedenti ma jurix dawn tal-aħħar, tant hu ċar li s-sinjal figurattiv CK, fir-rappreżentazzjoni grafika standard, jirreferi għall-produttur u disinjatur famuż tal-oġġetti tal-moda Calvin Klein.

50

Min-naħa l-oħra, riferiment għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jseħħ kemm meta wieħed jgħid biss il-kliem “creaciones kennya”, kif ukoll meta jgħid l-espressjoni “ck creaciones kennya” fl-intier tagħha. F’kull każ, mhuwiex probabbli wisq li r-riferiment għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni CK CREACIONES KENNYA jsir billi jintqal il-grupp ta’ ittri “ck” biss, inkwantu, minħabba n-natura ftit li xejn magħrufa tagħhom, hemm lok li jiġi spjegat b’mod espliċitu r-riferiment għall-kliem “creaciones kennya”.

51

Fuq il-livell kunċettwali, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li l-kliem “creaciones kennya”, li minnhom jitnissel il-grupp ta’ ittri “ck”, joħolqu differenza kunċettwali fir-rigward tat-trade mark preċedenti. Il-Bord tal-Appell, f’punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, ġustament irrileva li, filwaqt li l-grupp ta’ ittri “ck” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni joriġina mill-kliem “creaciones kennya”, il-grupp ta’ ittri “ck” li jifforma t-trade marks preċedenti jirreferi għall-produttur u disinjatur famuż tal-oġġetti tal-moda Calvin Klein.

52

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkunsidra li t-trade marks kontenzjużi ma kinux jixxiebhu. Fil-fatt, l-eżami tat-trade marks mill-perspettiva viżiva, fonetika u kunċettwali juri li l-impressjoni globali li jagħtu t-trade marks preċedenti hija ddominata mill-element uniku jew dominati “ck” filwaqt li dik maħluqa mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija ddominata mill-element “creaciones kennya”. In-nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali kontenzjużi jirriżulta mid-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali kkonstatati iktar ’il fuq.

— Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

53

Fid-dawl tal-eżami tax-xebh bejn it-trade marks kontenzjużi, il-Bord tal-Appell kellu raġun meta kkunsidra li ma kienx hemm lok għall-probabbiltà ta’ konfużjoni.

54

L-identiċità tal-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni ma tbiddilx din l-evalwazzjoni, peress li s-sinjali kontenzjużi ma jixxibhux. Kif il-Bord tal-Appell irrileva f’punt 58 tad-deċiżjoni kkontestata, mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jirriżulta b’mod ċar li l-grupp ta’ ittri “ck” jirreferi għall-kliem “creaciones kennya”, li jiddistingwu mingħajr ambigwità t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mit-trade marks preċedenti. Peress li x-xebh bejn is-sinjali kontenzjużi hija rekwiżit għall-għarfien ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, u b’hekk, il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ tali xebh tipprekludi l-possibbiltà li l-probabbiltà ta’ konfużjoni tiġi aċċettata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-18 ta’ Diċembru 2008, Torres vs UASI — Sociedad Cooperativa del Campo San Ginés (TORRE DE BENÍTEZ), T-16/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74].

55

Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrenti tinvoka r-reputazzjoni tal-element figurattiv CK, komuni għat-trade marks preċedenti u kkaratterizzata bi grafika partikolari. Għalkemm il-ġurisprudenza tagħraf li t-trade marks li jiddisponu minn karattru distintiv għoli minħabba r-reputazzjoni tagħhom għandhom igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa (ara punt 33 iktar ’il fuq), l-għarfien, f’din il-kawża, tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti mhijiex ta’ natura li tikkonfuta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tgħid li, b’mod partikolari minħabba d-diverġenzi fl-elementi dominanti rispettivi tagħhom, l-impressjoni globali li t-trade marks kontenzjużi joħolqu hija wisq differenti sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata probabbiltà ta’ konfużjoni.

56

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-pubbliku rilevanti jista’ jifhem it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala trade mark sussidjarja tiegħu, għandu jiġi osservat, kif issostni r-rikorrenti stess, li trade mark sussidjarja hija kkaratterizzata minn sinjali li joħorġu mit-trade mark prinċipali u li jaqsam miegħu element dominanti komuni [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs UASI — Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T-117/03, T-119/03 T-171/03, Ġabra p. I-3471, punt 51]. Issa, f’din il-kawża, it-trade marks kontenzjużi ma jaqsmux l-element dominanti komuni. Fil-fatt, kif diġà ġie kkonstatat bosta drabi iktar ’il fuq, it-trade marks preċedenti huma ddominati jew esklużivament kostitwiti mill-element figurattiv CK, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija, min-naħa tagħha, iddominata mill-element verbali distintiv “creaciones kennya”.

57

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta kkonkluda li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade marks preċedenti. Ir-rikors, għalhekk, għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

58

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Calvin Klein Trademark Trust hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Meij

Vadapalas

Moavero Milanesi

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Mejju 2009.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.