Kawżi T-144/07, T-147/07 sa T-150/07 u T-154/07

ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-installazzjoni u tal-manutenzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti — Tqassim tas-swieq — Iffissar ta’ prezzijiet”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Effett potenzjali u sinjifikattiv — Akkordju li jestendi għat-territorju kollu ta’ Stat Membru — Tqassim tas-swieq nazzjonali — Inammissibiltà

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

2.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Karattru sinjifikattiv — Evalwazzjoni fid-dawl tal-pożizzjoni u tal-importanza tal-partijiet fuq is-suq

(Artikolu 81 KE)

3.      Kompetizzjoni — Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni — Dritt tal-impriżi li jkollhom il-każ tagħhom trattat minn awtorità tal-kompetizzjoni partikolari — Assenza

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 11(6); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2004/C 101/03, punti 8 u 31)

4.      Komunitajiet Ewropej — Sistema lingwistika — Notifika tad-dokumenti f’lingwa differenti mil-lingwa tal-partijiet — Kunsens tal-partijiet — Nuqqas ta’ irregolarità

(Regolament tal-Kunsill Nru 1, Artikolu 3)

5.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

6.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

7.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Ksur tal-prinċipju ta’ individwalità tal-piena — Assenza — Ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza — Assenza

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

8.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Sussidjarja miżmuma minn kumpannija holding intermedjarja — Fatt li ma huwiex biżżejjed sabiex jirribatti preżunzjoni

(Artikolu 81(1) KE)

9.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjonijiet — Regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni fil-mori tal-kawża — Inammissibiltà

(Artikolu 253 KE)

10.    Proċedura — Miżuri istruttorji — Smigħ tax-xhieda

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 64 u 65)

11.    Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur adotatta wara deċiżjoni ta’ klemenza provviżorja ta’ awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali — Ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem — Assenza

(Artikolu 81 KE; Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, Artikolu 54; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 5, 14 u 23)

12.    Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur adotatta wara deċiżjoni ta’ klemenza provviżorja ta’ awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali — Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Assenza — Ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23)

13.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 81 u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A)

14.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Koerenza bejn l-ammonti imposti fuq diversi impriżi

(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A)

15.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Teħid inkunsiderazzjoni tal-kapaċità ekonomika tal-impriża li toħloq dannu

(Artikolu 81 u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A)

16.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Natura dissważiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A)

17.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Ċirkustanzi aggravanti — Reċidiva — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 2)

18.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet — Valur miżjud sinjifikattiv tal-provi prodotti mill-impriża kkonċernata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

19.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

20.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet — Tnaqqis tal-ammont f’każ ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjonii tal-Kummissjoni 96/C 207/04 u 2002/C 45/03)

21.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Tnaqqis minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni barra mill-imsemmija komunikazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04 u 2002/C 45/03)

22.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Tnaqqis minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni barra mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni — Proporzjonalità

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

23.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Tnaqqis mogħti minħabba, minn naħa, l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u, min-naħa l-oħra, minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni barra mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

24.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Fatturat globali tal-impriża kkonċernata

(Artikolu 81 KE, Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 5 b)

25.    Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Kundizzjonijiet

(Regolament tal‑Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

1.      L-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-effetti fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, li jidhru fl-Artikolu 81 KE u 82 KE, għandhom jibbażaw ruħhom fuq l-għan ta’ din il-kundizzjoni, li huwa li jiġi ddeterminat, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ dak tal-Istati Membri. Huwa għalhekk li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kull akkordju jew prattika miftiehma li jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jista’ jkun ta’ dannu għat-twettiq tal-għan ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari billi jitqassmu s-swieq nazzjonali jew billi tiġi modifikata l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

Sabiex ikunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, deċiżjoni, akkordju jew prattika miftiehma għandhom, abbażi ta’ numru ta’ punti ta’ liġi jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħtu x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twaqqif ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri. Minbarra dan, din l-influwenza ma għandhiex tkun insinjifikattiva. Għalhekk, effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, ma humiex neċessarjament determinanti. Issa, akkordju li jkun mifrux mat-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida t-tqassim ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat.

(ara l-punti 55-57, 60)

2.      L-influwenza li akkordju jew prattika miftiehma tista’ teżerċita fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri hija evalwata b’mod partikolari skont il-pożizzjoni u d-daqs tal-ishma fis-suq tal-prodotti kkonċernati. Meta l-impriżi jipparteċipaw għal akkordju fejn flimkien jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-offerta tal-prodotti kkonċernati fis-suq inkwistjoni, l-imsemmi ftehim jista’ jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata turi li l-prattiki antikompetittivi għandhom effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, l-Artikolu 81(1) KE jirrikjedi biss li l-akkordji u l-prattiki miftiehma li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(ara l-punti 67-69)

3.      Mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha rwol importanti fit-tfittxija u l-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li ma huwiex affettwat mill-kompetenza parallela li għandhom l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali bis-saħħa tal-imsemmi Regolament. Fil-fatt, skont l-Artikolu 11(6) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni għandha dritt tiftaħ proċedura fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni anki jekk awtorità nazzjonali tkun diġà qed tittratta każ, wara konsultazzjoni ma’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni tneżża’ lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali mill-kompetenza tagħhom li japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni f’tali każ.

Barra minn hekk, skont il-punt 31 tiegħu, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma jagħtix lill-impriżi involuti dritt individwali li l-każ jiġi ttrattat minn awtorità partikolari. Għalhekk, impriża ma tistax tippretendi li jkollha dritt jew aspettattiva leġittima li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jibdew proċeduri dwar il-ksur partikolari minflok il-Kummissjoni.

Barra minn hekk, il-punt 8 tal-imsemmi avviż ma għandux effett vinkolanti, peress li l-formulazzjoni tiegħu turi li s-sempliċi tqassim ta’ kompiti li jirreferi għalih ma joħloqx obbligu għall-Kummissjoni li ma tittrattax każ meta l-kundizzjonijiet li jistabbilixxi jkunu sodisfatti.

(ara l-punti 76, 77, 80)

4.      Il-Kummissjoni hija istituzzjoni multilingwi li għandha tiġi kkunsidrata kapaċi taħdem fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità. Impriża rikorrenti ma tistax tippretendi li n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura amministrattiva f’lingwa uffiċjali partikolari, meta hi stess kienet użat żewġ lingwi uffiċjali oħra fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ikkawżat preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha, ladarba hija tirrikonoxxi li kienet tat il-kunsens tagħha għan-notifika tad-dokumenti fl-imsemmija lingwa.

(ara l-punti 86, 414)

5.      L-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta din tal-ewwel, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, impriża waħda. B’hekk, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur.

Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi preżunt li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

(ara l-punti 94-97, 310-313)

6.      Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. Meta r-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u legali, li jkun hemm bejn l-imsemmija impriżi jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ influwenza min-naħa tal-kumpanniji parent fuq l-istrateġija tas-sussidjarji tagħhom, huwa ġġustifikat li dawn jiġu kkunsidrati bħala entità ekonomika waħda.

Min-naħa l-oħra, il-fatt li r-rikorrenti pparteċipaw fil-proċedura amministrattiva b’mod awtonomu u ppreżentaw risposta individwali għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma huwiex ta’ natura li jirribatti l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tal-kumpanniji parent għall-aġir tas-sussidjarji tagħhom. Fil-fatt, għalkemm il-fatt li l-kumpannija parent tippreżenta ruħha bħala l-uniku interlokutur tal-Kummissjoni dwar il-ksur ikkonċernat jista’ jkun prova tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja, il-preżentazzjoni mis-sussidjarji ta’ sensiela ta’ risposti separati għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma għandhiex, fiha nnifisha, tikkostitwixxi prova tal-awtonomija tal-imsemmija sussidjarji.

(ara l-punti 96, 125-127)

7.      Skont il-prinċipju tal-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, li hu applikabbli fil-proċeduri amministrattivi kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, impriża ma għandhiex tiġi ssanzjonata ħlief għall-fatti li tkun akkużata bihom individwalment. Madankollu, dan il-prinċipju għandu jirrikonċilja ruħu mal-kunċett ta’ impriża. Fil-fatt, ma hijiex relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal‑ewwel waħda fl-imsemmi ksur, iżda huwa l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 CE li jagħti lill‑Kummissjoni s-setgħa li tindirizza d-deċiżjoni li timponi l-multi lill‑kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji. Barra minn hekk, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma hijiex applikabbli għal kawża partikolari. Fil-fatt, deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni peress li ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawżi ma humiex identiċi.

Il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, huwa parti mid-drittijiet fundamentali li huma rrikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u barra minn hekk ġie sostnut mill-Artikolu 6(2) UE kif ukoll mill-Artikolu 48(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u l-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet marbutin miegħu, il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità.

F’dan il-kuntest, regola li tirrigwarda l-imputabbiltà ta’ ksur, bħall-preżunzjoni ta’ influwenza determinanti ta’ kumpannija parent li żżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarji tagħha fuqhom, ma tistax tirribatti l-imsemmija preżunzjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma jipprekludix preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi li jinsabu fil-liġijiet ripressivi iżda jitlob sabiex dawn jiġu inklużi f’limiti raġonevoli li jieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-kwistjoni u jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża. Għalhekk, ma jistax ikun hemm ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza jekk, fi proċeduri ta’ kompetizzjoni ċerti konklużjonijiet isiru abbażi ta’ esperjenza komuni, peress li l-impriżi kkonċernati huma fil-libertà li jiċħdu dawk il-konklużjonijiet.

(ara l-punti 106-108, 112, 114)

8.      Il-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja fuq il-kumpannija parent aħħarija tagħha ma tipprekludix li kumpannija holding intermedjarja jew li s-sussidjarja stess tkun sanzjonata, sakemm il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-imsemmija kumpanniji jikkostitwixxu impriża waħda. B’hekk, f’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha l-għażla, jekk il-kundizzjonijiet tal-imputabbiltà jkunu sodisfatti, li tissanzjona lis-sussidjarja li pparteċipat fil-ksur, lill-kumpannija parent intermedjarja li kkontrollatha matul dan il-perijodu u lill-kumpannija parent aħħarija tal-grupp. F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ gruppi ta’ kumpanniji, holding hija kumpannija li hija intiża li tiġbor flimkien l-ishma fil-kumpanniji diversi u li għalhekk il-funzjoni tagħha hija li tiżgura l-unità tat-tmexxija.

(ara l-punti 119, 122)

9.      Jekk, fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li hija għandha tieħu sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddiskuti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha tieħu tali deċiżjoni, xorta jibqa’ l-fatt li hija obbligata, bis-saħħa tal-Artikolu 253 KE, li ssemmi, tal-inqas, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni tagħha, ħaġa li b’hekk tippermetti lill-qrati tal-Unjoni u lill-partijiet ikkonċernati li jagħrfu ċ-ċirkustanzi li fihom hija applikat it-Trattat. Barra minn hekk, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, deċiżjoni għandu jkollha motivazzjoni li tinsab fit-test u ma tistax għall-ewwel darba u a posteriori tiġi spjegata quddiem il-qorti. Għaldaqstant il-motivazzjoni, bħala prinċipju, għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess żmien mad-deċiżjoni li takkużaha.

(ara l-punti 133, 146, 399)

10.    Fir-rigward tal-evalwazzjoni magħmula minn qorti tal-ewwel istanza tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew għal miżuri istruttorji ppreżentati minn parti f’kawża, il-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi ssuplementata l-informazzjoni li jkollha dwar il-kawżi li tkun qed tisma’.

F’dan ir-rigward, ma tistax tintlaqa’ talba li jinstemgħu xhieda ta’ impriża rikorrenti meta d-dikjarazzjonijiet li din għandha l-intenzjoni li tikseb minn tali xhieda quddiem il-Qorti Ġenerali kienu diġà saru quddiem il-Kummissjoni, kienu diġà kkunsidrati li huma sostnuti minn provi dokumentarji u kienu wkoll kontradetti minn ċerti provi fil-fajl.

Talba tal-produzzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala neċessarja sa fejn il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 151-153, 211)

11.    Il-prinċipju non bis in idem, stabbilit ukoll fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti għandha tosserva. Fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, dan il-prinċipju jipprojbixxi li impriża tiġi kkundannata jew akkużata mill-ġdid mill-Kummissjoni dwar komportament anti-kompettitiv li għalih hija ġiet issanzjonata jew li għalih ġiet iddikjarata mhux responsabbli b’deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li għalih ma jistax isir iktar rikors. L-applikazzjoni tal-prinċipju non bis in idem għalhekk jippresupponi illi ngħatat deċiżjoni dwar jekk ġiex effettivament imwettaq ksur jew jekk il-legalità tal-imsemmi aġir reġgħetx ġiet eżaminata mill-ġdid. B’hekk il-prinċipju non bis in idem sempliċement jipprojbixxi evalwazzjoni fil-fond mill-ġdid dwar jekk ġiex imwettaq ksur, li jkollu bħala konsegwenza l-impożizzjoni ta’ sanzjoni oħra, minbarra l-ewwel waħda, f’każ li r-responsabbiltà terġa’ tiġi ddikjarata, jew ta’ sanzjoni għall-ewwel darba, f’każ li r-responsabbiltà, li ma ġietx stabbilita bl-ewwel deċiżjoni, tiġi stabbilita permezz tat-tieni waħda.

Fir-rigward tal-punt dwar jekk deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tistax tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tikkundanna jew tipproċedi mill-ġdid kontra l-istess impriża, l-applikazzjoni tal-prinċipju non bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni tripla ta’ identiċità tal-fatti, ta’ identiċità ta’ min iwettaq il-ksur u ta’ identiċità tal-interess ġuridiku protett. Dan il-prinċipju jipprovdi, għaldaqstant, li l-istess persuna ma tistax tiġi ssanzjonata iktar minn darba għall-istess imġiba illegali intiża sabiex tipproteġi l-istess assi legali.

F’dan ir-rigward, deċiżjoni ta’ klemenza provviżorja, meħuda minn awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali, li ma twaqqafx definittivament l-azzjoni pubblika kontra ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tikkonstata u tissanzjona l-imsemmi ksur.

Barra minn hekk, li kieku l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, sa fejn jikkostitwixxi espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipju non bis in idem, jista’ jiġi invokat fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li deċiżjoni ta’ klemenza provviżorja meħuda minn awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ma għandhiex, fi kwalunkwe każ, tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-għoti ta’ immunità provviżorja ma għandux natura finali tal-waqfien tal-azzjoni pubblika kif rikjesta mill-imsemmija dispożizzjoni.

(ara l-punti 158-161, 166, 167, 174-176)

12.    Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, wara deċiżjonijiet ta’ klemenza provviżorji adottati minn awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, impriża rikorrenti ma tistax tibbenefika mill-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta ma tipproduċi l-ebda prova minn fejn jirriżulta, min-naħa, li l-Kummissjoni kienet ipprovditilha assigurazzjonijiet preċiżi li l-atti tal-imsemmija awtoritajiet kienu se jipproteġuha minn kull proċedura jew kull kundanna u, min-naħa l-oħra, li kienet irċeviet assigurazzjonijiet preċiżi minn dawn l-awtoritajiet li l-atti li kienet adottat ifixklu l-Kummissjoni milli tikkonstata u tissanzjona l-imsemmija ksur.

In-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjonijiet ta’ klemenza provviżorji ta’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali ma jistax ikompli jikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata, minħabba l-prinċipju ta’ ekwità, li tikkunsidra s-sanzjonijiet li diġà jkunu ġew imposti fuq l-istess impriża għall-istess fatt, meta dawn ikunu sanzjonijiet imposti għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji ta’ Stat Membru u, konsegwentement, imwettqa fit-territorju tal-Unjoni, tali sitwazzjoni ma tapplikax meta l-imsemmija awtoritajiet nazzjonali ma imponew l-ebda sanzjoni fuq l-impriża rikorrenti.

(ara l-punti 181, 185, 186)

13.    Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ numru kbir ta’ elementi, bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom bilfors jittieħdu inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, id-daqs tas-suq ikkonċernat ma huwiex, bħala regola ġenerali, element obbligatorju, iżda sempliċement element rilevanti fost oħrajn, għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, peress li l-Kummissjoni, barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, ma hijiex obbligata tiddelimita s-suq ikkonċernat jew tevalwa d-daqs tiegħu meta l-ksur inkwistjoni jkollu għan antikompetittiv. Fil-fatt, il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5), tat-Trattat KEFA ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew skont id-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriżi fuq is-suq ikkonċernat. Madankollu, huma lanqas ma jipprekludu li dan id-dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni fl‑iffissar tal‑ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan.

F’dan il-kuntest, peress li l-Kummissjoni ma ffissatx l-ammont ġenerali ta’ multa għal ksur li jikkonċerna Stat Membru billi bbażat ruħha fuq id-daqs tas-suq affettwat, iżda bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq in-natura ta’ dan il-ksur u fuq il-portata ġeografika, il-kunsiderazzjoni li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa stabbilit għall-akkordju f’dan l-Istat Membru għandu jirrifletti d-daqs allegatament limitat tas-suq ikkonċernat hija bbażata fuq premessa żbaljata u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

L-istess japplika għan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq. Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A, tal-imsemmija Linji gwida, il-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, teżamina l-impatt konkret fuq is-suq biss meta jidher li dan l-impatt jista’ jitkejjel. Sabiex jiġi evalwat l-impatt, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku normalment kienet teżisti fin-nuqqas ta’ ksur. Madankollu, meta l-Kummissjoni tikkunsidra li kien impossibbli li tkejjel l-effetti preċiżi ta’ ksur fuq is-suq, mingħajr ma l-impriżi kkonċernati juru l-kuntrarju, u tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq in-natura gravi tal-ksur kif ukoll fuq il-portata ġeografika tiegħu mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tal-ksur fuq is-suq, hija ma teċċediex b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha fid-determinazzjoni tal-multi għall-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni.

(ara l-punti 193, 208-211, 215, 216, 218-220, 226-230, 239, 240, 243)

14.    Anki jekk il-Kummissjoni, meta tikkonstata diversi ksur serji ħafna f’deċiżjoni waħda unika, għandha tirrispetta ċerta koerenza bejn l-ammonti inizjali ġenerali tal-multi u d-daqs tas-swieq differenti affettwati, ma hemm xejn x’jindika li l-ammonti inizjali ġenerali ffissati għall-ksur f’diversi Stati Membri ma humiex koerenti jew li dderogaw minn allegat mod ta’ kalkolu peress li l-Kummissjoni ffissat l-ammonti inizjali ġenerali ikbar fil-każ ta’ swieq ikbar, mingħajr ma użat madankollu formola matematika preċiża, ħaġa li, fi kwalunkwe każ, ma kinitx obbligata tagħmel.

(ara l-punti 235, 236)

15.    Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati huwa parti mid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija msejħa tindividwalizza l-penali fir-rigward tal-aġir u l-karatteristiċi partikolari għall-impriżi kkonċernati, sabiex tiggarantixxi, f’kull każ, l-effikaċja sħiħa tar-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’hekk, skont il-Linji gwida tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, għal ksur ta’ gravità partikolari, fil-każijiet li jinvolvu diversi impriżi, bħall-kartelli, jista’ jkun jaqbel li jiġi deċiż ammont inizjali ġenerali sabiex jiġi ffissat ammont inizjali speċifiku filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż, u konsegwentement l-impatt reali, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm disparità kunsiderevoli fid-daqs tal-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-istess tip. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min iwettaq il-ksur li jikkawża dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi.

Barra minn hekk, skont is-seba’ paragrafu tal-punt 1 A ta’ dawn l-istess Linji gwida, id-differenza bejn l-impriżi li pparteċipaw fl-istess ksur ma għandhiex tkun irregolata minn kalkolu aritmetiku. Fil-fatt, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jeżigux li l-ammont inizjali tal-multa jirrappreżenta għad-diversi membri tal-akkordju, perċentwali identiku tad-dħul mill-bejgħ individwali. Għaldaqstant, sabiex jiġi vverifikat jekk it-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha f’dan il-qasam, għandha tillimita ruħha li tistħarreġ jekk dan it-tqassim huwiex koerenti u oġġettivament iġġustifikat. Issa, meta impriża tkun ipparteċipat biss f’parti mill-akkordju, il-livell tal-kapaċità tagħha li tikkawża dannu importanti għall-kompetizzjoni huwa minimu. Għaldaqstant, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina l-ammont inizjali speċifiku b’mod differenti għal tali impriża ma jistax ikun diskriminatorju.

Bara minn hekk, il-fatt li l-ammont bażiku tal-multa mhux neċessarjament jirrappreżenta għall-membri kollha ta’ akkordju perċentwali identiku tal-fatturat rispettiv tagħhom huwa inerenti fil-metodu li jikkonsisti fit-tqassim tal-impriżi f’kategoriji, bil-konsegwenza li jiġi stabbilit ammont bażiku fiss għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija. Tali metodu, għalkemm jinjora d-differenza fid-daqs bejn impriżi tal-istess kategorija, ma jistax, bħala regola, jiġi impunjat.

Fl-aħħar nett, id-dritt tal-Unjoni ma jinkludix il-prinċipju ta’ implementazzjoni ġenerali li jipprovdi li l-piena għandha tkun proporzjonata mal-importanza tal-intrapriża fis-suq tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur.

(ara l-punti 247, 248, 253, 254, 259, 260, 263, 274, 277)

16.    Il-ħtieġa li jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed tal-multa, inkwantu din ma timmotivax iż-żieda ġenerali tal-multi fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ politika ta’ kompetizzjoni, tirrikjedi li l-ammont tal-multa jiġi stabbilit sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-impatt mistenni fuq l-impriża li fuqha tkun ġiet imposta, u dan bil-għan li l-multa ma ssirx ineffikaċi, jew mill-banda l-oħra eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont l-eżiġenzi bbażati, minn naħa waħda, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija korretta meta tuża d-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li tifforma parti minn akkordju bħala kriterju rilevanti għall-finijiet tal-iffissar tal-fattur multiplikatur ta’ dissważjoni. B’hekk, id-daqs u r-riżorsi globali ta’ impriża huma kriterji rilevanti fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri li tiġi żgurata l-effettività tal-multa billi l-ammont tagħha jiġi adattat skont ir-riżorsi globali tal-impriża u l-kapaċità tagħha li tikseb il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-imsemmija multa. Fil-fatt, l-iffissar ta’ rata ta’ żieda tal-ammont inizjali sabiex jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed tal-multa huwa intiż iktar sabiex jiżgura l-effettività tal-multa milli sabiex jindika l-ħsara tal-ksur għall-andament normali tal-kompetizzjoni u, għaldaqsant, il-gravità tal-imsemmi ksur.

Barra minn hekk, iż-żieda tal-ammont inizjali hija ġġustifikata sabiex tiżgura li l-multa jkollha għan dissważiv, fejn din il-proċedura tikkonsisti f’li jiġu trattati b’mod differenti l-parteċipanti fl-istess akkordju sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod kif dawn kienu ser jintlaqtu fir-realtà mill-multa. Tali żieda ma tiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sempliċement minħabba li l-Kummissjoni tirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali tal-parteċipanti u mhux għad-dħul mill-bejgħ magħmul fi ħdan l-Unjoni jew inkella mis-suq nazzjonali kkonċernat, sabiex tevalwa l-ħtieġa ta’ żieda fl-ammont tal-multi sabiex tiżgura l-effett dissważiv tagħhom.

(ara l-punti 285, 287, 292, 294, 295)

17.    Il-kunċett ta’ reċidiva, hekk kif inhu mifhum f’ċertu numru ta’ sistemi legali nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur ġodda wara li tkun ġiet issanzjonata għal ksur simili. Barra minn hekk, il-punt 2 tal-Linji gwida tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA isemmi speċifikament ir-reċediva tal-istess impriża jew impriżi għal ksur ripetut tal-istess tip fil-lista ta’ eżempji ta’ ċirkustanzi aggravanti li jistgħu jiġġustifikaw żieda tal-ammont bażiku tal-multa.

F’dan ir-rigward, ma għandux jiġi ammess li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra, fil-kuntest sabiex tiġi stabbilita ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċediva, li impriża għandha tinżamm responsabbli ta’ ksur preċedenti, li għalih hija ma ġietx issanzjonata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, u fil-kuntest tad-determinazzjoni tagħha, hija ma kinitx destinatarja ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’tali mod illi tali impriża ma tpoġġietx fil-pożizzjoni, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur preċedenti, li tippreżenta l-argumenti tagħha sabiex tikkontesta, f’dak li jirrigwardaha, l-eżistenza eventwali ta’ unità ekonomika ma’ impriżi oħra.

Tali konklużjoni tapplika iktar u iktar jekk, verament, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li ż-żmien li jgħaddi bejn il-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata t-tendenza tal-impriża li tikser dawn ir-regoli, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex tkun marbuta minn terminu ta’ eventwali preskrizzjoni għal konstatazzjoni ta’ reċediva.

Fil-fatt, jekk, ċertament, huwa raġonevolment permess li jiġi kkunsidrat li kumpannija parent effettivament tkun taf dwar deċiżjoni preċedenti li l-Kummissjoni indirizzat lis-sussidjarja tagħha, li tagħha hija għandha kważi l-kapital kollu, tali għarfien ma jpattix għan-nuqqas ta’ konstatazzjoni, fid-deċiżjoni preċedenti, ta’ unità ekonomika bejn tali kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, sabiex tiġi imputata fuq l-imsemmija kumpannija parent ir-responsabbiltà tal-ksur preċedenti u jkun hemm żieda tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom minħabba r-reċediva.

(ara l-punti 308, 319, 320, 322)

18.    L-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell jikkostitwixxi strument intiż li jippreċiża, fir-rispett tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fl-iffissar tal-multi imposti għal ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Minnu jirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa, li madankollu ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali mill-Kummissjoni.

B’hekk, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta hija mitluba tevalwa jekk provi prodotti minn impriża li esprimiet ix-xewqa tagħha li tibbenefika mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni għandhomx valur miżjud sinjifikattiv skont il-paragrafu 21 tal-imsemmi Avviż.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonstatat li xi provi għandhom valur miżjud sinjifikattiv skont il-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, għandha marġni ta’ diskrezzjoni meta hija mitluba tistabbilixxi l-livell eżatt tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jingħata lill-impriża kkonċernata. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni jipprovdi faxex għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa għad-diversi kategoriji ta’ impriżi msemmija. Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni, huwa biss eċċess manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkundannat skont il-qorti tal-Unjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma twettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tiddetermina t-tnaqqis tal-multa skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni skont ammont inferjuri ta’ tali faxxa peress li l-informazzjoni pprovduta mill-impriża kkonċernata kienet diġà f’idejn il-Kummissjoni jew ma kinitx relatata ma’ fatti preċedentement injorati minn din u, minkejja li setgħu jirrinforzaw il-kapaċità ta’ din tal-aħħar li tipprova l-ksur, ma għandhomx valur miżjud sinjifikattiv. Impriża lanqas ma tista’ tippretendi tnaqqis addizzjonali tal-multa li l-Kummissjoni tkun imponitilha minħabba li dokument kontemporanju għall-ksur li tkun ipprovdiet, peress li dan id-dokument diġà kien fil-pussess tal-Kummissjoni u li l-impriża sempliċement tat spjegazzjonijiet addizzjonali sabiex dawn jinftiehmu.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni mogħtija minn membri ta’ akkordju, ma għandhiex tinterpreta b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Tali interpretazzjoni żbaljata ma teżistix peress li, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-valur miżjud ta’ talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni issir skont il-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni u li, min-naħa l-oħra, waħda mill-impriżi kkonċernati ressqet provi dokumentarji kontemporanji li jirrappreżentaw valur miżjud sinjifikattiv filwaqt li oħra ressqet biss prova waħda kontemporanja b’tali mod li, iż-żewġ impriżi ma kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, it-trattament differenti li ngħatalhom huwa ġustifikat.

(ara l-punti 332, 333, 335, 337, 350, 355, 357, 361, 363, 367-369)

19.    Kumpannija rikorrenti ssanzjonata għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-prinċipju in dubio pro reo, sabiex titlob li jiġi applikat għaliha perċentwali iktar favorevoli ta’ tnaqqis tal-multa imposta mill-Kummissjoni fil-każ ta’ allegat dubju li jivvizzja l-motivi tad-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni ta’ dan il-perċentwali. Fil-fatt, l-imsemmi prinċipju huwa relatat mal-amministrazzjoni tal-prova tal-eżistenza tal-ksur u huwa intiż sabiex jistabbilixxi jekk il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata humiex ibbażati fuq provi li hija pprovdiet.

(ara l-punt 343)

20.    Kuntrarjament għat-tieni inċiż tal-paragrafu 2 tal-punt D tal-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjonijiet ta’ multi u ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom f’kawżi li jirrigwardaw akkordji 1996, l-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell tal-2002 ma jipprovdix għal tnaqqis tal-ammont tal-multa favur impriża li wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha. Fil-kuntest ta’ din tal-aħħar dikjarazzjoni, sabiex tkun tista’ titlob tnaqqis tal-ammont tal-multa, impriża għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bi provi tal-allegat ksur li għandhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma’ provi diġà fil-pussess tagħha.

F’dan ir-rigward, skont il-paragrafi 21 u 22 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni, sabiex tevalwa l-valur miżjud tal-provi prodotti minn impriża, tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss in-natura u/jew il-livell ta’ preċiżjoni tal-provi, iżda wkoll il-provi diġà fil-pussess tagħha fil-mument li fih l-impriża kkonċernata tkun ressqet it-talba tagħha. Konsegwentement, il-Kummissjoni tagħmel l-evalwazzjoni tagħha kemm skont il-kwalità tal-kooperazzjoni tal-impriża kkonċernata kif ukoll skont il-paragun tal-valur miżjud inkwistjoni mal-provi diġà fil-pussess tagħha.

(ara l-punti 378, 379, 382, 393, 398)

21.    Id-dritt għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi, nisslet ġewwa fih tamiet fondati. Min-naħa l-oħra, persuna ma tistax tinvoka ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlha mill-amministrazzjoni. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti u li ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi tali assigurazzjonijiet.

Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, it-tħabbir, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tnaqqas l-ammont tal-multa barra mill-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell ma jikkostitwix assigurazzjoni preċiża fir-rigward tal-portata jew tar-rata ta’ tnaqqis li, jekk ikun il-każ, kien se jingħata lill-impriżi kkonċernati. Għaldaqstant, tali affermazzjoni, bl-ebda mod ma tista’ tnissel xi aspettattiva leġittima dwar dan is-suġġett.

Il-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix fiha nnifisha ta’ kuntest legali għall-multi fir-rigward ta’ kompetizzjoni.

(ara l-punti 421-425)

22.    Il-prinċipju tal-proporzjonalità jeżiġi li l-atti adottati tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li hu xieraq u meħtieġ għat-twettiq tal-oġġettivi leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, salv għall-fatt illi, meta l-għażla tkun bejn diversi miżuri xierqa, ikun opportun li wieħed jirrikorri għal dik li tkun l-inqas restrittiva u li l-inkonvenjenzi kkaġunati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-iskopijiet ikkontemplati.

F’dan ir-rigward, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti biss tnaqqis minimu ta’ 1 % tal-ammont tal-multa, minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, u fid-dawl tal-valur marġinali tal-kooperazzjoni offruta wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li dan it-tnaqqis jiżdied ma’ dak diġà mogħti fil-kuntest tal-Avviż dwar l-immunità ta’ multi u ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom f’kawżi li jirrigwardaw akkordji.

(ara l-punti 428, 432, 449)

23.    Il-Kummissjoni ma għandhiex, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni mogħtija mill-membri ta’ akkordju, tinterpreta b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Madankollu, minbarra li t-tnaqqis tal-ammonti tal-multi mogħtija fil-kuntest tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell u t-tnaqqis mogħti barra mill-kuntest ta’ dan l-Avviż jikkostitwixxu fażijiet distinti tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, l-impriżi li kkooperaw kemm fil-kuntest tal-imsemmi Avviż kif ukoll barra dan il-kuntest, minn naħa waħda, u l-impriżi li kkooperaw biss barra dan l-istess Avviż, min-naħa l-oħra, ma jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ ġustament tapplika tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba l-kooperazzjoni barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni, min-naħa, direttament mill-ammont totali tal-multa lill-impriżi li ma kkooperawx fil-kuntest tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, mill-ammont diġà mnaqqas skont l-imsemmi Avviż lill-impriżi li kkooperaw fil-kuntest ta’ dan.

(ara l-punti 435-437)

24.    Skont l-Artikolu 23(2), tar-Regolament 1/2003, għal kull impriża u assoċjazzjoni tal-impriżi li qed jipparteċipaw għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal‑Unjoni, il-multi mhux ser jabqżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti. Id-dħul mill-bejgħ imsemmi f’din id-dispożizzjoni jfisser id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata. B’hekk, il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ skont l-imsemmi dispożizzjoni, għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

(ara l-punti 443, 444)

25.    Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multi għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa, jiġifieri meta mqabbla mal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni, u li l-ammont tal-multa imposta fuq impriża fil-qasam tal-kompetizzjoni għandu jkun proporzjonat mal-ksur, evalwat fl-intier tiegħu, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tiegħu. Barra minn hekk, fl-iffissar tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni hija korretta li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li tiggarantixxi li l-multi jkollhom effett suffiċjentement dissważiv.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, akkordji li jikkonsistu prinċipalment f’kollużjoni sigrieta bejn kompetituri sabiex jaqsmu s-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq filwaqt li jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda, u sabiex ma jikkompetux bejniethom fir-rigward tal-manutenzjoni u tal-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters, jaqgħu, min-natura tagħhom stess, fost il-ksur l-iktar serju tal-Artikolu 81 KE. F’dan il-kuntest, id-daqs limitat tas-swieq inkwistjoni, jekk dan jirriżulta minnu, għandu biss importanza żgħira fil-konfront tal-elementi l-oħra kollha li jattestaw il-gravità tal-ksur.

It-tieni nett, ir-regola tal-proporzjonalità tal-multi meta mqabbla mad-daqs u mas-saħħa ekonomika tal-entitajiet ekonomiċi kkonċernati, bħala impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE, ma hijiex miksura sakemm dawn ma jeċċedux il-limitu msemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li huwa intiż sabiex jevita li l-multi jkunu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs tal-impriża.

It-tielet nett, il-Kummissjoni, matul il-kalkolu tal-ammont tal-multi, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-unità ekonomika li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Madankollu, l-impriża rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni tista’ ma tikkorrispondix għal kull sussidjarja li tkun ipparteċipat fil-ksur ikkonstatat, iżda għall-impriżi fformati mill-kumpannija parent u s-sussidjarji flimkien.

Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, tiżgura, fil-każ fejn ikunu imposti multi fuq diversi impriżi implikati fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi li l-kalkolu tagħha jwassal għalihom għall-impriżi kkonċernati jirriflettu kull differenza bejniethom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew tad-dħul mill-bejgħ rilevanti tagħhom. Fil-fatt, l-ammont inizjali tal-multa ma jikkostitwixxix, f’dan il-każ, element rilevanti sabiex jiġi evalwat nuqqas eventwali tal-proporzjonalità tal-multa, fid-dawl tal-importanza tal-parteċipanti fl-akkordju. L-iffissar tal-imsemmi ammont finali huwa, b’mod partikolari, marbut ma’ diversi ċirkustanzi marbuta mal-aġir individwali tal-impriża inkwistjoni, u mhux mal-parti tagħha fis-suq jew għall-fatturat, bħalma huma t-tul tal-ksur, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti u l-grad ta’ kooperazzjoni tal-imsemmija impriża.

(ara l-punti 450-456)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

13 ta’ Lulju 2011 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-installazzjoni u tal-manutenzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Manipulazzjoni tas-sejħiet għal offerti – Tqassim tas-swieq – Iffissar ta’ prezzijiet”

Fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07,

ThyssenKrupp Liften Liftijiet NV, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata inizjalment minn V. Turner u D. Mes, sussegwentement minn O. W. Brouwer u J. Blockx, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑144/07,

ThyssenKrupp Aufzüge GmbH, stabbilita f’Neuhausen auf den Fildern (il‑Ġermanja),

ThyssenKrupp Fahrtreppen GmbH, stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja),

irrappreżentata inizjalment minn U. Itzen u K. Blau-Hansen, sussegwentement minn Itzen, Blau-Hansen u S. Thomas, u finalment minn Blau-Hansen u Thomas, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑147/07,

ThyssenKrupp Liftijiet Luxembourg Sàrl, stabbilita f’Howald (il‑Lussemburgu), irrappreżentata minn K. Beckmann, S. Dethof u Itzen, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑148/07,

ThyssenKrupp Elevator AG, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Klose u J. Ziebarth, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑149/07,

ThyssenKrupp AG, stabbilita f’Duisbourg (il-Ġermanja), irrappreżentata inizjalment minn M. Klusmann u Thomas, avukati, sussegwentement minn Klusmann,

rikorrenti fil-Kawża T‑150/07,

ThyssenKrupp Liften BV, stabbilita f’Krimpen aan den IJssel (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn Brouwer u A. Stoffer, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑154/07,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrapreżentata, fil-Kawżi T‑144/07 u T‑154/07, minn A. Bouquet u R. Sauer, bħala aġenti, assistiti minn F. Wijckmans u F. Tuytschaever, avukati, fil-Kawżi T‑147/07 u T‑148/07, inizjalment minn M. Sauer u O. Weber, sussegwentement minn M. Sauer u K. Mojzesowicz, bħala aġenti, u fil-Kawżi T‑149/07 u T‑150/07, minn M. Sauer u K Mojzesowicz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 512 finali, tal-21 ta’ Frar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/E-1/38.823 – Liftijiet u eskalejters), jew, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, N. Wahl u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tat-3, tas-7 u tal-10 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Dawn il-kawżi għandhom bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 512 (finali), tal-21 ta’ Frar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/E-1/38.823 – Liftijiet u eskalejters) (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Marzu 2008 (ĠU C 75, p. 19), jew, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

2        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkunsidrat illi l-kumpanniji segwenti kisru l-Artikolu 81 KE:

–        Kone Belgium SA (iktar’il quddiem “Kone Belġju”), Kone GmbH (iktar’il quddiem “Kone Ġermanja”), Kone Luxembourg Sàrl (iktar’il quddiem “Kone Lussemburgu”), Kone BV Liften en Roltrappen (iktar’il quddiem “Kone il-Pajjiżi l-Baxxi”) u Kone Oyj (iktar’il quddiem “KC”)(iktar’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Kone”);

–        Otis SA (iktar’il quddiem “Otis Belġju”), Otis GmbH & Co. OHG (iktar’il quddiem “Otis Ġermanja”), General Technic-Otis Sàrl (iktar’il quddiem “GTO”), General Technic Sàrl (iktar’il quddiem “GT”), Otis BV (iktar’il quddiem “Otis il-Pajjiżi l-Baxxi”), Otis Elevator Company (iktar’il quddiem “OEC”) u United Technologies Corporation (iktar’il quddiem “UTC”) (iktar’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Otis”;

–        Schindler SA (iktar’il quddiem “Schindler Belġju”), Schindler Deutschland Holding GmbH (iktar’il quddiem “Schindler Ġermanja”), Schindler Sàrl (iktar’il quddiem “Schindler Lussemburgu”, Schindler Liften BV (iktar’il quddiem “Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi”) u Schindler Holding Ltd (iktar’il quddiem “Schindler Holding”) (iktar’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “Schindler”);

–        ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV (iktar’il quddiem “TKLA”), ThyssenKrupp Aufzüge GmbH (iktar’il quddiem “TKA”), ThyssenKrupp Fahrtreppen GmbH (iktar’il quddiem “TKF”), ThyssenKrupp Elevator AG (iktar’il quddiem “TKE”), ThyssenKrupp AG (iktar’il quddiem “TKAG”), ThyssenKrupp Ascenseurs Luxembourg Sàrl (iktar’il quddiem “TKAL”) u ThyssenKrupp Liften BV (iktar’il quddiem “TKL”) (iktar’il quddiem, meħuda flimkien jew separatament, “ThyssenKrupp”);

–        Mitsubishi Elevator Europe BV (iktar’il quddiem “MEE”).

3        Ir-rikorrenti, TKLA, TKA, TKF, TKAL, TKE, TKAG u TKL, jappartjenu għall-grupp ta’ kumpanniji ThyssenKrupp, li huwa attiv fil-qasam tal-liftijiet, tal-azzar, tal-industrija awtomobilistika, tat-teknoloġija u tas-servizzi. Il-kumpannija parent tal-grupp hija l-kumpannija kkwotata fil-Borża TKAG. TKE hija sussidjarja 100 % ta’ TKAG u hija l-impriża prinċipali responsabbli tal-grupp fil-qasam tal-liftijiet, bħala kumpannija holding intermedjarja (premessi 33 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        ThyssenKrupp teżerċita l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-eskalejters u tal-liftijiet permezz ta’ kumpanniji sussidjarji nazzjonali. Dawn huma b’mod partikolari, fil-Belġju, TKLA, fil-Ġermanja, TKA u TKF, fil-Lussemburgu, TKAL, u fil-Pajjiżi l-Baxxi, TKL (premessi 33 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata). Ħlief għal TKL, li ma hijiex sussidjarja ta’ TKE, il-kumpanniji sussidjarji l-oħra msemmija hawn fuq huma, direttament jew indirettament, sussidjarji 100 % ta’ TKE u ta’ TKAG.

 Il-proċedura amministrattiva

1.     L-investigazzjoni tal-Kummissjoni

5        Matul is-sajf tal-2003, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni dwar il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ akkordju bejn l-erba’ produtturi prinċipali tal-liftijiet u tal-eskalejters li kienu jeżerċitaw attivitajiet kummerċjali fl-Unjoni, jiġifieri Kone, Otis, Schindler u ThyssenKrupp (premessi 3 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Belġju

6        Mit-28 ta’ Jannar 2004 u matul ix-xahar ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 [KE] u 86 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), għamlet spezzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Kone, ta’ Otis, ta’ Schindler u ta’ ThyssenKrupp fil-Belġju (premessi 92, 93, 95 u 97 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Sussegwentement, Kone, Otis, ThyssenKrupp u Schindler ippreżentaw talbiet skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) (iktar’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002”). Dawn it-talbiet ġew ikkompletati mill-impriżi kkonċernati (premessi 94, 96, 98 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fid-29 ta’ Ġunju 2004, Kone ingħatat immunità kkundizzjonata skont il-paragrafu 8(b) ta’ dan l-Avviż (premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Bejn Settembru u Diċembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81[KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Belġju, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-assoċjazzjoni Belġjana Agoria (premessi 101 u 102 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Ġermanja

10      Mit-28 ta’ Jannar 2004 u matul ix-xahar ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, għamlet spezzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Otis u ta’ ThyssenKrupp fil-Ġermanja (premessi 104 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Fit-12 u fit-18 ta’ Frar 2004, Kone ffinalizzat it-talba tagħha tat-2 ta’ Frar 2004, skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, fir-rigward tal-Belġju permezz ta’ informazzjoni dwar il-Ġermanja. Bl-istess mod, bejn Marzu 2004 u Frar 2005, Otis iffinalizzat it-talba tagħha fir-rigward tal-Belġju permezz ta’ informazzjoni dwar il-Ġermanja. Fil-25 ta’ Novembru 2004 Schindler ippreżentat talba skont l-imsemmi Avviż li kellha informazzjoni dwar il-Ġermanja, li ġiet iffinalizzata bejn Diċembru 2004 u Frar 2005. Fl-aħħar nett, f’Diċembru 2005, ThyssenKrupp ippreżentat talba lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-Ġermanja, skont l-imsemmi Avviż (premessi 105, 107, 112 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Bejn Settembru u Novembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Ġermanja, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-assoċjazzjonijiet VDMA, VFA u VMA (premessi 110, 111 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Lussemburgu

13      Fil-5 ta’ Frar 2004, Kone iffinalizzat it-talba tagħha tat-2 ta’ Frar 2004, fir-rigward tal-Belġju, permezz ta’ informazzjoni dwar il-Lussemburgu. Otis u ThyssenKrupp għamlu talba verbali fir-rigward tal-Lussemburgu, skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Schindler ippreżentat talba fir-rigward tal-Lussemburgu skont l-istess Avviż (premessi 115, 118, 119 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Mid-9 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, għamlet spezzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Schindler u ta’ ThyssenKrupp fil-Lussemburgu (premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Fid-29 ta’ Ġunju 2004, Kone ingħatat immunità kkundizzjonata skont il-paragrafu 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-parti tat-talba tagħha li tirrigwarda l-Lussemburgu (premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      F’Settembru u f’Ottubru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Lussemburgu, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-Federazzjoni Lussemburgiża tal-kumpanniji tal-liftijiet (premessi 122 u 123 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-Pajjiżi l-Baxxi

17      F’Marzu 2004, Otis għamlet talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi, li ġiet iffinalizzata sussegwentement. F’April 2004, saret talba skont dan l-Avviż minn ThyssenKrupp, li ġiet ukoll sussegwentement iffinalizzata f’diversi drabi. Fl-aħħar nett, fid-19 ta’ Lulju 2004, Kone iffinalizzat it-talba tagħha fir-rigward tal-Belġju fit-2 ta’ Frar 2004, permezz ta’ informazzjoni dwar il-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 127, 129 u 130 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fis-27 ta’ Lulju 2004, Otis ingħatat immunità kkundizzjonata skont il-paragrafu 8(a) tal-imsemmi Avviż (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Mit-28 ta’ April 2004, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, għamlet spezzjonijiet, b’mod partikolari fl-istabbilimenti tas-sussidjarji ta’ Kone, ta’ Schindler, ta’ ThyssenKrupp u ta’ MEE fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fl-istabbilimenti tal-assoċjazzjoni Boschduin (premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      F’Settembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet ukoll talbiet għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi, lil diversi klijenti f’dan l-Istat Membru u lill-assoċjazzjonijiet VLR u Boschduin (premessi 133 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.     Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

21      Fis-7 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li kienet indirizzata b’mod partikolari lill-kumpanniji msemmija fil-punt 2 iktar’il fuq. Id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bagħtu osservazzjonijiet bil-miktub bħala risposta għall-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni (premessi 135 u 137 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Ma saret l-ebda seduta peress illi l-ebda destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma għamel talba f’dan is-sens (premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.     Id-deċiżjoni kkontestata

23      Fil-21 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija kkonstatat illi l-kumpanniji destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kienu pparteċipaw f’erba’ ksur uniċi, kumplessi u kontinwi tal-Artikolu 81(1) KE f’erba’ Stati Membri, u dan billi qasmu swieq bejniethom permezz ta’ ftehim u qbil bejniethom dwar l-għoti ta’ sejħiet għal offerti u ta’ kuntratti marbuta mal-bejgħ, l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fir-rigward tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat illi, minbarra s-sussidjarji tal-impriżi kkonċernati fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-kumpanniji parent tal-imsemmija sussidjarji għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur tal-Artikolu 81 KE imwettaq mis-sussidjarji rispettivi tagħhom, minħabba l-fatt illi huma setgħu jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali tagħhom matul it-tul tal-ksur u peress li seta’ jiġi preżunt illi huma użaw dan il-poter (premessi 608, 615, 622, 627 u 634 sa 641 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-kumpanniji parent ta’ MEE ma nżammux responsabbli in solidum għall-aġir tas-sussidjarja tagħhom, minħabba l-fatt illi ma setax jiġi stabbilit jekk kinux eżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-aġir tas-sussidjarja (premessa 643 tad-deċiżjoni kkontestata).

25      Sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-metodu spjegat fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar’il quddiem il-“Linji gwida tal-1998”). Hija evalwat ukoll jekk, u sa liema punt, l-impriżi kkonċernati kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

26      Il-Kummissjoni kklassifikat il-ksur bħala “serju ħafna” fid-dawl tan-natura tagħhom u tal-fatt li kull wieħed minnhom kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi), anki jekk l-impatt reali tagħhom ma setax jitkejjel (premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-impriżi kkonċernati li tikkawża preġudizzju sinjifikattiv lill-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, għal kull pajjiż, qassmet lil dawn l-impriżi f’diversi kategoriji skont id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq tal-liftijiet u/jew tal-eskalejters, inkluż, jekk kien il-każ, fis-servizzi tal-manutenzjoni u tal-modernizzazzjoni (premessi 672 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Belġju, Kone u Schindler tpoġġew fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa, stabbilit skont il-gravità tal-ksur, ta’ EUR 40 000 000. Otis tpoġġiet fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 27 000 000. ThyssenKrupp tpoġġiet fit-tielet kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 16 500 000 (premessi 674 u 675 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inzijali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdid għal EUR 45 900 000 u għal EUR 33 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur dam seba’ snin u tmien xhur (mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għall-impriżi kkonċernati b’75 %. B’hekk l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 70 000 000 għal Kone, EUR 80 325 000 għal Otis, EUR 70 000 000 għal Schindler u EUR 57 750 000 għal ThyssenKrupp (premessi 692 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697, 698 u 708 sa 710 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza aggravanti oħra ma ġiet applikata fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (premessi 733, 734, 749, 750 u 753 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Kone ibbenefikat minn immunità totali tal-multi. Otis ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż, u min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. ThyssenKrupp ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 760 sa 777 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Ġermanja, Kone, Otis u ThyssenKrupp tpoġġew fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 70 000 000. Schindler tpoġġiet fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 17 000 000 (premessi 676 sa 679 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdid għal EUR 119 000 000 u għal EUR 140 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur imwettaq minn Kone, Otis u ThyssenKrupp dam tmien snin u erba’ xhur (mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal dawn l-impriżi b’80 %. Peress li l-ksur imwettaq minn Schindler dam ħames snin u erba’ xhur (mill-1 ta’ Awwissu 1995 sas-6 ta’ Diċembru 2000), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal din l-impriża b’50 %. B’hekk l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 126 000 000 għal Kone, EUR 214 200 000 għal Otis, EUR 25 500 000 għal Schindler u EUR 252 000 000 għal ThyssenKrupp (premessi 693 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697 sa 707 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza attenwanti oħra ma ġiet applikata fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (premessi 727 sa 729, 735, 736, 742 sa 744, 749, 750 u 753 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Kone ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis massimu ta’ 50 % tal-ammont tal-multa stipulat fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Otis ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 25 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 15 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fit-tielet inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. ThyssenKrupp ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 778 sa 813 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Lussemburgu, Otis u Schindler tpoġġew fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 10 000 000. Kone u ThyssenKrupp tpoġġew fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 2 500 000 (premessi 680 sa 683 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdid għal EUR 17 000 000 u għal EUR 5 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur dam tmien snin u tliet xhur (mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għall-impriżi kkonċernati b’80 %. B’hekk l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 4 500 000 għal Kone, EUR 30 600 000 għal Otis, EUR 18 000 000 għal Schindler u EUR 9 000 000 għal ThyssenKrupp (premessi 694 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697, 698 u 711 sa 714 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza aggravanti oħra ma ġiet applikata fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (premessi 730, 749, 750 u 753 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Kone ibbenefikat minn immunità totali tal-multi. Otis ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler u ThyssenKrupp ibbenefikaw biss minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 814 sa 835 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      F’dak li jirrigwarda l-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi, Kone tpoġġiet fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 55 000 000. Otis tpoġġiet fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 41 000 00. Schindler tpoġġiet fit-tielet kategorija, b’ammont inizjali tal-ammont tal-multa ta’ EUR 24 500 000. ThyssenKrupp u MEE tpoġġew fir-raba’ kategorija, b’ammont inizjali tal-ammont tal-multa ta’ EUR 8 500 000 (premessi 684 u 685 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 1.7 fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Otis u ġie applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammont inizjali tal-multa ta’ ThyssenKrupp, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali tagħhom, b’tali mod li l-ammont inizjali tal-multi tagħhom żdid għal EUR 69 700 000 u għal EUR 17 000 000 rispettivament (premessi 690 u 691 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-ksur imwettaq minn Otis u ThyssenKrupp dam ħames snin u għaxar xhur (mill-15 ta’ April 1998 sal-5 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal dawn l-impriżi b’55 %. Peress li l-ksur imwettaq minn Kone u Schindler dam erba’ snin u disa’ xhur (mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal dawn l-impriżi b’45 %. Peress li l-ksur imwettaq minn MEE dam erba’ snin u xahar (mill-11 ta’ Jannar 2000 sal-5 ta’ Marzu 2004), il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa għal din l-impriża b’40 %. B’hekk, l-ammont bażiku tal-multa sar EUR 79 750 000 għal Kone, EUR 108 035 000 għal Otis, EUR 35 525 000 għal Schindler, EUR 26 350 000 għal ThyssenKrupp u EUR 11 900 000 għal MEE (premessi 695 u 696 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li ThyssenKrupp kellha tiġi kkunsidrata bħala reċediva u żiedet l-ammont tal-multa tagħha b’50 % minħabba din iċ-ċirkustanza aggravanti (premessi 697, 698 u 715 sa 720 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ebda ċirkustanza attenwanti oħra ma ġiet applikata fil-konfront tal-impriżi kkonċernati (premessi 724 sa 726, 731, 732, 737, 739 sa 741, 745 sa 748 u 751 sa 755 tad-deċiżjoni kkontestata). Bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, Otis ibbenefikat minn immunità totali tal-multi. ThyssenKrupp ibbenefikat, minn naħa waħda, minn tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa fil-faxxa stipulata fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż u, min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Schindler et MEE bbenefikaw minn tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti (premessi 836 sa 855 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa kif ġej:

“Artikolu 1

1.      Fir-rigward tal-Belġju, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE, billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ akkordji u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni, u sabiex ma jikkompetux kontra xulxin għall-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone Belġju]: mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Belġju]: mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Belġju]: mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE] u [TKLA]: mid-9 ta’ Mejju 1996 sad-29 ta’ Jannar 2004.

2.      Fir-rigward tal-Ġermanja, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE, billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ akkordji u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone Ġermanja]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Ġermanja]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Ġermanja]: mill-1 ta’ Awwissu 1995 sas-6 ta’ Diċembru 2000; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE], [TKA] u [TKF] mill-1 ta’ Awwissu 1995 sal-5 ta’ Diċembru 2003.

3.      Fir-rigward tal-Lussemburgu, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE, billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ akkordji u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni, u sabiex ma jikkompetux kontra xulxin għall-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone Lussemburgu]: mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-29 ta’ Jannar 2004;

–        Otis: [UTC], [OEC], [Otis Belġju], [GTO] u [GT]: mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Lussemburgu]: mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE] u [TKAL]: mis-7 ta’ Diċembru 1995 sad-9 ta’ Marzu 2004.

4.      Fir-rigward tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81 KE, billi ftehmu, b’mod regolari u kollettivament, matul il-perijodi indikati, fil-kuntest ta’ akkordji u prattiki miftiehma fil-livell nazzjonali relatati mal-liftijiet u mal-eskalejters, sabiex jaqsmu s-swieq bejniethom, jaqsmu s-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati u kuntratti oħra skont l-ishma miftiehma minn qabel għall-bejgħ u għall-installazzjoni, u sabiex ma jikkompetux kontra xulxin għall-kuntratti ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni:

–        Kone: [KC] u [Kone il-Pajjiżi l-Baxxi]: mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis il-Pajjiżi l-Baxxi]: mill-15 ta’ April 1998 sal-5 ta’ Marzu 2004;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi]: mill-1 ta’ Ġunju 1999 sal-5 ta’ Marzu 2004;

–        ThyssenKrupp: [TKAG] u [TKL]: mill-15 ta’ April 1998 sal-5 ta’ Marzu 2004; u

–        [MEE]: mill-11 ta’ Jannar 2000 sal-5 ta’ Marzu 2004.

Artikolu 2

1. Għall-ksur fil-Belġju msemmi fl-Artikolu 1(1), is-segwenti multi huma imposti:

–        Kone: [KC] u [Kone Belġju], in solidum: EUR 0;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Belġju], in solidum: EUR 47 713 050;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Belġju], in solidum: EUR 69 300 000; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE] u [TKLA], in solidum: EUR 68 607 000.

2. Għall-ksur fil-Ġermanja msemmi fl-Artikolu 1(2), is-segwenti multi huma imposti:

–        Kone: [KC] u [Kone Ġermanja], in solidum: EUR 62 370 000;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis Ġermanja], in solidum: EUR 159 043 500;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Ġermanja], in solidum: EUR 21 458 250; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE], [TKA] u [TKF], in solidum: EUR 374 220 000.

3. Għall-ksur fil-Lussemburgu msemmi fl-Artikolu 1(3), is-segwenti multi huma imposti:

–        Kone: [KC] u [Kone Lussemburgu], in solidum: EUR 0;

–        Otis: [UTC], [OEC], [Otis Belġju], [GTO] u [GT], in solidum: EUR 18 176 400;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler Luxembourg], in solidum: EUR 17 820 000; u

–        ThyssenKrupp: [TKAG], [TKE] u [TKAL], in solidum: EUR 13 365 000.

4. Għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi msemmi fl-Artikolu 1(4), is-segwenti multi huma imposti:

–        Kone: [KC] u [Kone il-Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: EUR 79 750 000;

–        Otis: [UTC], [OEC] u [Otis il-Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: EUR 0;

–        Schindler: Schindler Holding […] u [Schindler il-Pajjiżi l-Baxxi], in solidum: EUR 35 169 750;

–        ThyssenKrupp: [TKAG] u [TKL], in solidum: EUR 23 477 850; u

–        [MEE]: EUR 1 841 400.

[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Mejju 2007 (fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07) u fit-8 ta’ Mejju 2007 (fil-Kawża T-154/07), ir-rikorrenti ppreżentaw dawn ir-rikorsi.

34      Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet xi domandi bil-miktub lill-partijiet u talbithom jipproduċu xi dokumenti. Huma għamlu dan fil-perijodu mogħti.

35      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T 148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T 154/07 u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduti tat-3, 7 u 10 ta’ Settembru 2009. Il-proċedura orali fil-Kawżi T-144/07 u T-148/07 sussegwentement ingħalqet.

36      Wara talbiet tal-Qorti Ġenerali magħmula matul is-seduti, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T-149/07, T‑150/07 u T‑154/07 ipproduċew xi dokumenti.

37      Permezz ta’ ittri tal-14 u tal-15 ta’ Settembru 2009, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 ippreżentaw corrigendum fir-Reġistru, dwar il-motiv tagħhom ibbażat fuq il-konstatazzjoni żbaljata ta’ reċedività.

38      Permezz ta’ digrieti tal-20 ta’ Ottubru 2009, il-proċedura orali reġgħet fil-Kawżi T‑144/07 u T‑148/07 reġgħet infetħet.

39      Il-corrigenda tar-rikorrenti tpoġġew fil-proċess tal-kawżi msemmija fil-punt 37 iktar’il fuq. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn il-corrigenda u b’mod partikolari ssollevat l-inammissibbiltà tagħhom. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward u l-proċedura orali f’dawn il-kawżi sussegwentement ingħalqet.

40      Wara li nstemgħu il-partijiet fuq dan il-punt waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza finali skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

41      Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċernahom;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

42      F’kull kawża, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir‑rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq il-mertu

1.     Osservazzjonijiet preliminari

43      Ir-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 għandhom żewġ suġġetti, jiġifieri, prinċiparjament, talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, talbiet għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

44      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw għaxar motivi. L-ewwel żewġ motivi, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u d-determinazzjoni abbużiva ta’ responsabbiltà in solidum għall-ksur, jaqgħu taħt it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

45      It-tmien motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti huma relatati mal-iffissar tal-ammont tal-multi u għalhekk jaqgħu taħt it-talbiet għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multi. L-ewwel motiv, invokat mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju non bis in idem. It-tieni, invokat mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07, huwa bbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi skont il-gravità tal-ksur. It-tielet, invokat mir-rikorrenti kollha, huwa bbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-Artikolu 253 KE u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni tal-fattur multiplikatur tal-grupp għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ta’ dissważjoni fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi. Ir-raba’, invokat mir-rikorrenti kollha, huwa bbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet tad-difiża fiż-żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multi minħabba r-reċediva. Il-ħames, invokat mir-rikorrenti kollha, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tagħhom. Is-sitt wieħed, invokat mir-rikorrenti kollha, huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba waqt l-iffisser tal-ammont tat-tnaqqis tal-multi mogħti minħabba l-kooperazzjoni barra l-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Is-seba’ motiv, invokat mir-rikorrenti kollha, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fl-aħħar nett, it-tmien motiv, invokat mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kalkolu tal-ammont finali tal-multi.

2.     Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

 Fuq il-motiv li jirriżulta minn nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

46      Dan il-motiv ser jiġi analizzat fiż-żewġ partijiet tiegħu. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, inkwantu l-akkordji kkonċernati ma jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tieni parti, ippreżentata b’mod sussidjarju, hija bbażata fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004 C 101, p. 43) (iktar’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk”) u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-Kummissjoni messha ħalliet f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati sabiex jistitwixxu proċeduri għall-ksur.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE inkwantu l-akkordji kkonċernati ma jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri

47      Fil-premessa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li “l-applikazzjoni u l-implementazzjoni mill-erba’ produtturi prinċipali ta’ liftijiet u ta’ eskelejters (inkluża wkoll [MEE] fil-każ tal-Pajjiżi l-Baxxi) tas-sistema ta’ għoti ta’ proġetti, f’kull Stat Membru kkonċernat, meħuda inkunsiderazzjoni l-politiki tagħhom ta’ rinviju, setgħu jipprovokaw l-iżvijar ta’ tendenzi ta’ kummerċ li kienu jsegwu fin-nuqqas tagħhom.” F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq l-elementi li ġejjin.

48      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tikkonstata li “ċerti tranżazzjonijiet transkonfinali li jirrigwardaw il-bejgħ u l-installazzjoni ta’ liftijiet u eskalejters u l-provvista ta’ servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni seħħew fi ħdan l-Unjoni” (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-premessa 596 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Skont il-Kummissjoni, il-fajl tagħha “fih diversi eżempji ta’ kummerċ transkonfinali li essenzjalment jinvolvu SMEs, iżda tal-inqas impriża kbira waħda wkoll, MEE, li tissupplixxi wkoll is-suq Belġjan permezz tas-sussidjarja tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi” (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonstata li “l-erba’ produtturi prinċipali xi drabi jipparteċipaw f’sejħiet għal offerti transkonfinali fi ħdan l-Unjoni” u tiċċita xi eżempji insostenn ta’ din l-affermazzjoni (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, “il-klijenti għandhom dejjem iktar tendenza li jissupplixxu ruħhom minn barra l-konfini nazzjonali” (premessa 596 tad-deċiżjoni kkontestata).

50      Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, hemm “tendenza illi l-impriżi kbar (multinazzjonali) u l-gruppi ta’ impriżi li għandhom preżenza f’diversi Stati Membri, bħall-katini ta’ lukandi internazzjonali, jippreferu jikkonkludi kuntratti li jkopru diversi Stati Membri” (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tirreferi għall-politika ta’ rinviju pprattikata mill-ikbar erba’ produtturi ta’ liftijiet u ta’ eskalejters fl-Ewropa. Skont il-Kummissjoni, “in-numru ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali kien ikun ikbar li kieku dawn il-produtturi ma japplikawx politika miftiehma intiża sabiex tiġi rrifjutata kważi kull talba transkonfinali dwar il-prezz u sabiex tibgħat lill-klijenti lejn is-sussidjarja nazzjonali kkonċernata” (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-premessa 596 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ġuridika tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li “il-fatt li akkordju orizzontali jkopri biss Stat Membru wieħed ma jfissirx illi l-ftehim illegali ma jistgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri” (premessa 595 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija tfakkar illi, skont ġurisprudenza stabbilita, “l-influwenza li ftehim jista’ jeżerċita fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri hija evalwata b’mod partikolari skont il-pożizzjoni u d-daqs tal-ishma fis-suq tal-prodotti kkonċernati [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1998, Javico, C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punt 17]” (premessa 600 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija tenfasizza wkoll li, “fid-dawl tad-daqs tas-sehem tad-dħul mill-bejgħ li l-erba’ produtturi prinċipali ta’ liftijiet u ta’ eskalejters għandhom fil-qasam tal-bejgħ, tal-installazzjoni, tal-manutenzjoni u tal-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters, u jekk, flimkien mal-politika ta’ rinviju tagħhom, huma stabbilixxew u implementaw sistema ta’ għoti ta’ proġetti li tkopri t-territorju kollu tal-Belġju, tal-Lussemburgu, tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi, rispettivament, hemm lok li jiġi preżunt illi l-impriżi barranin ġew ostakolati fil-kapaċità tagħhom li jbigħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom fil-pajjiżi kkonċernati peress illi huma kellhom, f’dawn il-pajjiżi, jikkompetu ma’ grupp ta’ produtturi li kienu jirrappreżentaw flimkien il-parti l-kbira tal-offerta fuq is-suq” (premessa 600 tad-deċiżjoni kkontestata).

53      Ir-rikorrenti fil-Kawżi T-144/07, T-147/07, T-148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T-154/07 isostnu, essenzjalment, li l-ksur ma affettwax b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’tali mod li dan ma kienx jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE.

54      Kif diġà jirriżulta mill-kliem tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, sabiex ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni japplikaw għal akkordju jew għal prattika miftiehma, dawn għandhom ikunu tali li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 40).

55      L-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-kundizzjoni dwar l-effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri għandhom jieħdu bħala punt ta’ tluq il-fatt li l-għan ta’ din il-kundizzjoni huwa li jiġi ddeterminat, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meta mqabbel ma’ dak tal-Istati Membri. Għaldaqstant jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kull akkordju jew prattika li jistgħu jkunu kuntrarji għal-libertà tal-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jista’ jkun ta’ dannu għat-twettiq tal-għanijiet ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari billi jiġu iżolati s-swieq nazzjonali jew billi tiġi mmodifikata l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Manfredi et, punt 54 iktar’il fuq, punt 41; tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 33, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, Ġabra p. I‑829, punt 89).

56      Sabiex ikunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, deċiżjoni, akkordju jew prattika miftiehma għandhom, abbażi ta’ numru ta’ punti ta’ liġi jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħti x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twaqqif ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, din l-influwenza ma għandhiex tkun żgħira (sentenzi Javico, imsemmija fil-punt 52 iktar’il fuq, punt 16; tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, C‑215/96 u C‑216/96, Ġabra p. I‑135, punt 47; Manfredi et, punt 54 iktar’il fuq, punt 42; Asnef-Equifax u Administración del Estado, punt 55 iktar’il fuq, punt 34, u Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar’il fuq, punt 90).

57      B’hekk, l-effett tal-kummerċ intra-Komunitarju jirriżulta b’mod ġenerali mill-eżistenza ta’ diversi fatturi li, meħuda waħidhom, ma jkunux neċessarjament determinanti (sentenzi Bagnasco et, punt 56 iktar’il fuq, punt 47; Manfredi et, punt 54 iktar’il fuq, punt 43, u Asnef-Equifax u Administración del Estado, punt 55 iktar’il fuq, punt 35).

58      Skont ir-rikorrenti, il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri peress li l-attivitajiet fil-qasam tal-liftijiet u tal-eskalejters huma organizzati fil-livell nazzjonali, jiġifieri lokali, fid-dawl tal-fatt, b’mod partikolari, li l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters huma xogħlijiet ta’ professjonisti b’esperjenza li jistgħu jsiru biss fuq livell lokali minħabba raġunijiet ta’ effiċjenza ekonomika, minħabba l-ħtieġa sabiex jiġu rrispettati termini ta’ intervenzjoni mgħaġġlin u minħabba l-eżistenza ta’ regoli nazzjonali. Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet bejn l-Istati huma eċċezzjonali. Il-Kummissjoni stess ikkunsidrat illi l-akkordji kienu nazzjonali.

59      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt illi l-erba’ akkordji kkonstatati fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata kienu jkopru it-territorju kollu tal-Belġju, tal-Ġermanja, tal-Lussemburgu u tal-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 595 u 600 tad-deċiżjoni kkontestata).

60      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li akkordju li jkun mifrux mat-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida t-tqassim ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il-Kummissjoni, 8/72, Ġabra p. 977, punt 29; tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 95; Manfredi et, punt 54 iktar’il fuq, punt 45, u Asnef-Equifax u Administración del Estado, punt 55 iktar’il fuq, punt 37; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T‑213/95 u T‑18/96, Ġabra p. II‑1739, punt 179, u tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 180).

61      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li teżisti, tal-inqas, preżunzjoni qawwija li prattika restrittiva tal-kompetizzjoni applikata fit-territorju kollu ta’ Stat Membru tista’ tikkontribwixxi għat-tqassim tas-swieq u taffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju. Din il-preżunzjoni tista’ tiġi skartata biss jekk l-analiżi tal-karatteristiċi tal-ftehim u tal-kuntest ekonomiku li fih jinstab juru l-kuntrarju (sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar’il fuq, punt 181).

62      L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq din il-ġurisprudenza sabiex tikkonkludi, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordji jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt mill-punti 47 sa 52 iktar’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll, fl-imsemmija deċiżjoni, fuq l-eżistenza ta’ ċerti tranżazzjonijiet transkonfinali li jirrigwardaw il-bejgħ u l-installazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters kif ukoll il-provvista ta’ servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni li fihom ipparteċipaw b’mod partikolari l-erba’ produtturi prinċipali msemmija fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 87, 88 u 596 tad-deċiżjoni kkontestata).

63      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-partikolarità tas-suq inkwistjoni, li juru n-natura nazzjonali, jiġifieri lokali, tiegħu, ma humiex tali li jaffettwaw il-forza probatorja tal-provi dokumentarji ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 88 u 90 tad-deċiżjoni kkontestata), li juru l-eżistenza ta’ kummerċ bejn Stati Membri fis-suq imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata. L-istess japplika għall-argumenti dwar in-natura eċċezzjonali tat-tranżazzjonijiet bejn l-Istati, li jikkontesta biss in-natura sensittiva tal-effett tal-kummerċ bejn l-Istati Membri u mhux l-eżistenza ta’ tali kummerċ.

64      Fl-aħħar nett, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, il-politika ta’ rinviju ta’ Kone, ta’ Otis, ta’ Schindler u ta’ ThyssenKrupp “tindika fiha nnifisha li hemm ċertu interess min-naħa tal-klijenti sabiex jirrikorru għand fornituri barra mill-fruntieri nazzjonali” (premessa 596 tad-deċiżjoni kkontestata). Fuq kollox, il-Kummissjoni rrilevat b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni ta’ impriżi barranin f’sejħiet għal offerti nazzjonali (premessa 78 tad-deċiżjoni kkontestata) jew anki l-eżistenza ta’ sejħiet għal offerti transnazzjonali (premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata). Jista’ jiġi kkunsidrat, kif il-Kummissjoni rrilevat fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-numru ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali jkun ħafna ogħla jekk l-erba’ produtturi kbar hawn fuq imsemmija ma japplikawx politika miftiehma intiża sabiex tiġi rrifjutata kważi kull talba transkonfinali u l-klijenti jintbagħtu għand is-sussidjarja nazzjonali kkonċernata.

65      F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li l-politika ta’ rinviju hija meħtieġa minħabba n-natura tal-attività kkonċernata ma għandux jintlaqa’. Fil-fatt, dan huwa kontradett mill-eżistenza stess ta’ ċerti tranżazzjonijiet transkonfinali fis-suq inkwistjoni.

66      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat illi l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra, abbażi ta’ konstatazzjonijiet fattwali esposti fil-punti preċedenti, u bl-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza stabbilita (ara l-punt 60 iktar’il fuq), li l-akkordji msemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

67      Fir-rigward tad-domanda jekk dan l-effett jistax jiġi kkwalifikat bħala wieħed sinjifikattiv, għandu jitfakkar li l-influwenza li akkordju jew prattika miftiehma tista’ teżerċita fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri hija evalwata b’mod partikolari skont il-pożizzjoni u d-daqs tal-ishma fis-suq tal-prodotti kkonċernati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1980, Lancôme u Cosparfrance Nederland, 99/79, Ġabra p. 2511, punt 24, u Javico, punt 52 iktar’il fuq, punt 17; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, T‑77/92, Ġabra p. II‑549, punt 40).

68      Il-produtturi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata “flimkien jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-offerta fis-suq” (premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri madwar 81 % tal-bejgħ ta’ liftijiet u ta’ eskalejters fl-Ewropea (ċifra għall-2004, skont il-volum) (premessa 83 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-produtturi kienu għalhekk ta’ daqs u ta’ saħħa ekonomika qawwija biżżejjed sabiex il-prattiki msemmija fid-deċiżjoni kkontestata jkunu jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni, 19/77, Ġabra p. 131, punt 10, u s-sentenza SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar’il fuq, punt 181).

69      Barra minn hekk, u kuntrarjament għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li turi li l-akkordji kkontestati kellhom, fil-prattika, effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew li l-kummerċ bejn l-Istati kien żdid wara t-tmiem tal-ksur. Fil-fatt, l-Artikolu 81(1)(KE) jirrikjedi biss li l-akkordji u l-prattiki miftiehma li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza Asnef-Equifax u Administración del Estado, punt 55 iktar’il fuq, punt 43, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il-Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 68).

70      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l-akkordji msemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata affettwaw b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

71      Għaldaqstant l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-Kummissjoni messha ħalliet f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati sabiex jistitwixxu proċeduri għall-ksur

72      Fil-premessa 543 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiġġustifika kif ġej il-kompetenza tagħha sabiex tapplika l-Artikolu 81 KE għall-akkordji msemmija f’din id-deċiżjoni:

“[…] Ir-Regolament Nru 1/2003 żamm is-sistema Komunitarja ta’ kompetenza parallela għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1)(KE). B’mod partikolari, ma mmodifikax il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tinvestiga kull ksur allegat u tadotta deċiżjonijiet bis-saħħa tal-Artikolu 81 KE, inkluż għall-ksur li l-effetti prinċipali tagħhom iseħħu biss fi Stat Membru wieħed. L-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk jiddefinixxi linji gwida għat-tqassim tal-kompiti bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. La r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas l-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk ma joħloq drittijiet jew aspettattivi għal impriża f’dak li jirrigwarda t-trattament tal-każ tagħha minn awtorità tal-kompetizzjoni partikolari, filwaqt li xejn ma jfixkel lill-Kummissjoni milli tintervjeni fuq allegat ksur tal-Artikolu 81 KE inkluż fil-kuntest ta’ kawżi limitati għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed […]”.

73      Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu, essenzjalment, li anki jekk l-Artikolu 81 KE kien applikabbli, il-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tibda l-proċedura u timponi multi. Il-bidu tal-proċedura mill-Kummissjoni jikkostitwixxi ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk u tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Skont l-Artikoli 5 u 35 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-punti 8 u 14 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali kkonċernati kienu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jibdew proċeduri għal ksur. Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T-148/07, T‑149/07 u T-150/07 jiddikjaraw ukoll illi l-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk għandu effett vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, li jirriżulta mill-prinċipji ta’ legalità fit-tmexxija amministrattiva, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ rispett tal-aspettattivi leġittimi. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07 u T‑149/07 jenfasizzaw li proċeduri għal ksur mibdija mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali kienu jkunu iktar effikaċi, fid-dawl tal-“insuffiċjenzi lingwistiċi” tal-uffiċjali tal-Kummissjoni inkarigati mill-fajl.

74      Skont ir-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni ħalliet f’idejn l-awtorità tal-kompetizzjoni Awstrijaka sabiex tibda proċeduri għall-ksur parallel tal-Artikolu 81 KE fis-suq tal-liftijiet u tal-eskalejters fl-Awstrija juri n-natura arbitrarja tal-applikazzjoni tal-prinċipji tat-tqassim tal-kompetenzi stipulati fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk. Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu f’dan ir-rigward li huma ingħataw trattament inqas favorevoli milli kienu jingħataw li kieku l-awtoritajiet kompetenti, bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk, ġew aditi bil-każ, peress li kienu jingħataw deċiżjonijiet ta’ immunità mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Belġjani, Lussemburgiżi u Olandiżi.

75      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, ir-Regolament Nru 1/2003 itemm is-sistema ċentralizzata preċedenti u jorganizza, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, assoċjazzjoni ikbar tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali. Huwa għalhekk li, skont l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1/2003, l-Istati Membri huma obbligati jinnominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kompetenti sabiex japplikaw l-Artikoli 81 KE u 82 KE u li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jawtorizza lill-imsemmija awtoritajiet sabiex jimplementaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑339/04, Ġabra p. II‑521, punt 79).

76      Madankollu, il-kooperazzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 1/2003 bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni messha ħalliet f’idejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali sabiex jibdew proċeduri għad-diversi ksur. Għall-kuntrarju, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha rwol importanti fit-tfittxija u l-konstatazzjoni ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li ma huwiex affettwat mill-kompetenza parallela li għandhom l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali bis-saħħa tal-imsemmi Regolament. Fil-fatt, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha dritt tiftaħ proċedura fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni anki jekk awtorità nazzjonali diġà tittratta każ, wara konsultazzjoni ma’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni tneżża’ lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali mill-kompetenza tagħhom li japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni f’tali każ.

77      Fir-rigward tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk li, skont ir-rikorrenti, ġie miksur f’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat illi, skont il-punt 31 tiegħu, dan ma jagħtix lill-impriżi involuti dritt individwali li l-każ jiġi ttrattat minn awtorità partikolari. Ir-rikorrenti għalhekk ma għandhomx argument fondat sabiex isostnu li, skont dan l-Avviż, huma kellhom dritt jew aspettattiva leġittima li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jibdew proċeduri dwar il-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar’il fuq, punt 83).

78      Huwa għaldaqstant korrett illi l-Kummissjoni, fil-premessa 543 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat illi “la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas l-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk ma joħloq drittijiet jew aspettattivi għal impriża f’dak li jirrigwarda t-trattament tal-każ tagħha minn awtorità tal-kompetizzjoni partikolari”.

79      Barra minn hekk, anki jekk l-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk jista’ joħloq drittijiet jew aspettattivi leġittimi għall-impriża li l-każ tagħha jiġi ttrattat minn awtorità partikolari, l-argument tar-rikorrenti, li huwa bbażat fuq il-punti 8 u 14 tal-imsemmi Avviż, ma għandux jiġi milqugħ.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-punt 8 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk, li jistipula l-kundizzjonijiet li fihom “awtorità tista’ tiġi kkunsidrata bħala li qegħda f’pożizzjoni tajba sabiex tittratta każ”, ma huwiex vinkolanti. L-użu tal-verb “tista’” juri li din hija sempliċement possibbiltà ta’ tqassim ta’ kompiti, li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li jobbliga lill-Kummissjoni li ma tittrattax każ meta l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 8 huma sodisfatti (sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar’il fuq, punt 84).

81      It-tieni nett, peress li l-punt 14 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk jista’ joħloq drittijiet jew aspettattivi leġittimi, inkwantu jistipula li l-Kummissjoni “hija” b’mod partikolari f’pożizzjoni tajba meta ċerti kundizzjonijiet li huma hemm imsemmija jiġu sodisfatti, dan jikkonferma l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tittratta dan il-każ. Fil-fatt, skont il-punt 14 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk, il-Kummissjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala b’mod partikolari f’pożizzjoni tajba “jekk akkordju wieħed jew iktar jew prattiki għandhom effetti fuq il-kompetizzjoni f’iktar minn tliet Stati Membri”, li hu l-każ tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

82      It-tielet nett, fir-rigward tal-punt 15 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk, li, fin-nuqqas ta’ ksur uniku, jikkostitwixxi, skont ir-rikorrenti, l-uniku bażi ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, u li l-kundizzjonijiet tiegħu ma humiex sodisfatti f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni, li din id-dispożizzjoni hija irrilevanti għal din il-kawża, peress li ssemmi ipoteżi li fiha l-Kummissjoni tkun b’mod partikolari f’pożizzjoni tajba sabiex tittratta każ.

83      Peress li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk ma ġiex interpretat ħażin f’din il-kawża, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni dwar l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ legalità tat-tmexxija amministrattiva u ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huma l-bażi tal-effett vinkolanti tal-imsemmi Avviż.

84      Fit-tieni lok, l-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-awtorità tal-kompetizzjoni Awstrijaka fir-rigward ta’ ksur nazzjonali parallel lanqas ma hija ta’ natura li turi li l-Kummissjoni messha ħalliet il-proċeduri għall-ksur fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi f’idejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali kkonċernati. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-analiżi magħmula fil-punti 75 sa 78 iktar’il fuq, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponi tali obbligu fuq il-Kummissjoni. Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni jirriżulta li l-approċċ segwit ma kienx, fi kwalunkwe każ, arbitrarju. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li l-investigazzjonijiet dwar l-erba’ akkordji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata infetħu 32 xahar qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar l-akkordju fl-Awstrija u li, fil-mument meta ġiet ippreżentata l-ewwel talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li tirrigwarda l-akkordju fl-Awstrija, l-investigazzjonijiet għall-akkordji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata kienu diġà ngħalqu u kien diġà tħejja abbozz tad-deċiżjoni. Il-limitazzjoni tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni għall-erba’ akkordji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk immotivata minħabba r-riskju ta’ dewmien fit-trattament ta’ dawn il-każi.

85      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 ma għandhomx jirreferu għall-allegati deċiżjonijiet ta’ immunità li kieku kienu jiksbu mingħand l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Belġjani, Lussemburgiżi u Olandiżi, insostenn tal-argument tagħhom li l-Kummissjoni messha ħalliet f’idejn l-imsemmija awtoritajiet il-proċeduri għall-ksur. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet nazzjonali kienu provviżorji (ara l-punti 167 sa 174 iktar’il quddiem) u kienu inklużi fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali. Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha dritt, f’kull mument, tiftaħ proċeduri u b’hekk tneżża’ lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri mill-kompetenza tagħhom.

86      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07 u T‑149/07 ibbażat fuq l-allegati “insuffiċjenzi lingwistiċi” tal-uffiċjali tal-Kummissjoni inkarigati mill-fajl, dan għandu jiġi miċħud, peress li l-Kummissjoni hija istituzzjoni multilingwi li għandha tiġi kkunsidrata bħala kapaċi taħdem fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 640). Ir-rikorrenti lanqas ma jistgħu jippretendu li n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni kkontestata bl-Ingliż, minkejja li r-rikorrenti kienu użaw il-lingwa Ġermaniża jew dik Olandiża fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ikkawżat preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, peress li huma rrikonoxxew li kienu taw il-kunsens tagħhom għan-notifika tad-dokumenti bil-lingwa Ingliża u li d-dikjarazzjonijiet tagħhom, fi kwalunkwe każ, ma humiex sostnuti.

87      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni parti ta’ dan il-motiv lanqas ma għandha tiġi milqugħa.

88      Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 81 KE, ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, tal-individwalità tal-pieni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tal-Artikolu 253 KE fl-imputazzjoni fuq il-kumpanniji parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom

 Osservazzjonijiet preliminari

89      Permezz ta’ dan il-motiv, li jirrigwarda, minn naħa waħda, il-legalità tal-konstatazzjoni ta’ ksur fir-rigward tal-kumpanniji parent ikkonċernati bl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, il-legalità tal-multi imposti fuq l-imsemmija kumpanniji parent fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 jikkontestaw ir-responsabbiltà in solidum ta’ TKE u ta’ TKAG għall-aġir antikompetittiv tas-sussidjarji tagħhom fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

90      Fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha, għandu jitfakkar li l-fatt li sussidjarja għandha personalità ġuridika distinta ma huwiex biżżejjed sabiex titwarrab il-possibbiltà li l-aġir tagħha jiġi imputat lill-kumpannija parent (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punt 132).

91      Fil-fatt, id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jikkonċerna l-attivitajiet tal-impriżi u l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ dik l-entità u mill-mod li bih tiġi ffinanzjata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C‑97/08 P, Ġabra p. I‑8237, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Il-qrati tal-Unjoni spjegaw ukoll illi l-kunċett ta’ impriża, meta jitqiegħed f’dan il‑kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau, 170/83, Ġabra p. 2999, punt 11, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ġunju 2000, DSG vs Il-Kummissjoni, T‑234/95, Ġabra p. II‑2603, punt 124). Huma b’hekk enfasizzaw li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, is-separazzjoni formali bejn żewġ kumpanniji, li tirriżulta mill-personalità ġuridika distinta tagħhom, ma hijiex determinanti, peress li dak li hu deċiżiv huwa l-unità jew le, tal-aġir tagħhom fis-suq. Għalhekk jista’ jkun neċessarju li jiġi stabbilit jekk żewġ kumpanniji li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti jiffurmawx jew jaqgħux taħt l-istess impriża jew entità ekonomika waħda li għandha aġir uniku fis-suq (sentenza Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, punt 90 iktar’il fuq, punt 140, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 2005, DaimlerChrysler vs Il-Kummissjoni, T‑325/01, Ġabra p. II‑3319, punt 85).

93      Meta tali entità ekonomika tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, tirrispondi għal dan il-ksur (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      B’hekk, l-aġir ta’ sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent b’mod partikolari meta, għalkemm ikollha personalità ġuridika distinta, din is-sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, iżda tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 117, u Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 91 iktar’il fuq. Għaldaqstant, il-fatt li kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE jippermetti li l-Kummissjoni tindirizza deċiżjoni li timponi multi lill-kumpannija parent, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi stabbilit l-involviment personali ta’ din tal-aħħar fil-ksur (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punt 59).

96      Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja, u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha (ara s-sentenz Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent sabiex tippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha, sakemm din il-kumpannija parent, li għandha l-oneru li taqleb din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li l-kumpannija sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq (ara s-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punt 61, u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li fil-punti 28 u 29 tas-sentenza tagħha tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925), il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, minbarra l-fatt li l-kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja, ċirkustanzi oħra, bħan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-influwenza li l-kumpannija parent teżerċita fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha u r-rappreżentazzjoni komuni taż-żewġ kumpanniji matul il-proċedura amministrattiva, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija ċirkustanzi ssemmew biss bil-għan li jiġu esposti l-elementi kollha li fuqhom il-Qorti Ġenerali kienet ibbażat ir-raġunament tagħha u mhux sabiex l-implementazzjoni tal-preżunzjoni msemmija fil-punt 96 iktar’il fuq tiġi suġġetta għall-produzzjoni ta’ indizzji addizzjonali fir-rigward tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza tal-kumpannija parent (sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punt 62).

99      Fid-dawl tal-prinċipji mfakkra hawn fuq, għandha tiġi eżaminata l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn TKLA, TKA, TKF u TKAL fuq TKE u fuq TKAG kif ukoll l-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn TKL fuq TKAG.

 Fuq l-imputazzjoni tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fuq TKE u fuq TKAG

100    Fil-premessi 634, 635, 636 u 641 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li TKE kellha, bħala kumpannija parent intermedjarja 100 %, tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħha TKLA, TKAL, TKA u TKF, fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fil-Ġermanja rispettivament. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li TKAG kellha, bħala kumpannija parent aħħarija 100 %, tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn dawn l-istess sussidjarji kif ukoll minn TKL fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessi 634, 635, 636, 637 u 641 tad-deċiżjoni kkontestata).

101    Fil-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestatata, il-Kummissjoni tispjega:

“Kif espost fil-premessa 619 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra bħala infondat l-argument ta’ TKE li n-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni fil-bordijiet tad-diretturi ta’ TKE u tas-sussidjarji tagħha matul il-perijodu tal-ksur kien jeskludi r-responsabbiltà tagħha. Barra minn hekk, kif espost fil-premessa 626, sabiex kumpannija parent tinżamm responsabbli, ma hijiex rikjesta s-sovrapożizzjoni tal-attivitajiet taż-żewġ impriżi. Il-Kummissjoni għalhekk tqis bħala insuffiċjenti l-argument ta’ TKE li ‘TKE hija sempliċi kumpannija holding intermedjarja li ma hijiex involuta fit-tmexxija ta’ kuljum tal-kumpannija li hija għandha’ u li konsegwentement TKE ma setgħetx teżerċita influwenza fuq dawn is-sussidjarji. Fil-fatt, fi ħdan l-istess entità ekonomika, jista’ jiġi preżunt li s-sussidjarja tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent u ma huwiex meħtieġ li din tal-aħħar tmexxi direttament l-attivitajiet ta’ kuljum tas-sussidjarja sabiex teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali tagħha. Il-fatt li TKE ħarġet istruzzjoni interna lill-grupp li permezz tagħha ordnat lis-sussidjarji tagħha sabiex jiffokaw fuq is-swieq nazzjonali tagħhom u l-fatt li s-sussidjarji segwew din l-istruzzjoni juri li TKE użat il-possibbiltà li teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-attivitajiet kummerċjali tas-sussidjarji tagħha […]”.

102    Il-Kummissjoni tirrileva wkoll, fil-premessa 640 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, TKE u s-sussidjarji tagħha kkonċernati ma pprovdew l-ebda informazzjoni li tikkjarifika r-relazzjonijiet soċjali ta’ bejniethom, l-istruttura ġerarkika u l-obbligi ta’ rapport sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni li s-sussidjarji ma jistabbilixxux b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq” u tikkonkludi li “TKAG u s-sussidjarja 100 % tagħha, TKE, ma kkonfutawx il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà għall-ksur imwettaq fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi”.

103    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu, essenzjalment, li l-prinċipji dwar l-imputabbiltà fuq il-kumpanniji parent tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarji tagħhom ġew miksura. Barra minn hekk, huma jressqu diversi argumenti sabiex juru li s-sussidjarji tal-grupp ThyssenKrupp imsemmija fil-punt 99 iktar’il fuq (iktar’il quddiem is-“sussidjarji ThyssenKrupp”) jistabbilixxu b’mod awtonomu l-politika kummerċjali tagħhom, mingħajr influwenza tal-kumpanniji parent tagħhom. Fl-aħħar nett huma jiddikjaraw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-individwalità tal-pieni, il-preżunzjoni ta’ innoċenza, id-drittijiet tad-difiża tagħhom kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

–       Fuq il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ TKAG u ta’ TKE għall-aġir tas-sussidjarji tagħhom

104    Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li huwa stabbilit illi, matul il-perijodu ta’ ksur, TKAG kellha direttament 100 % tal-kapital ta’ TKE, li min-naħa tagħha kellha direttament 100 % tal-kapital ta’ TKA u indirettament 100 % tal-kapital ta’ TKAL, ta’ TKLA u ta’ TKF. Barra minn hekk, TKAG kienet ukoll il-kumpannija parent aħħarija ta’ TKL. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar’il fuq, teżisti preżunzjoni li TKAG u TKE eżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑149/07 u T‑150/07 ma għandhomx jallegaw li l-Kummissjoni interpretat ħażin il-prinċipji ta’ tqassim tal-oneru tal-prova tad-dipendenza tas-sussidjarji fil-konfront tal-kumpannija parent tagħhom.

105    Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li l-imputazzjoni fuq kumpannija parent ta’ aġir tas-sussidjarji tagħha ma huwiex possibbli jekk din ma tkunx materjalment ipparteċipat fil-ksur, skont il-prinċipju tal-individwalità tal-pieni, li jirriżulta wkoll mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-prinċipju tal-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, li hu applikabbli fil-proċeduri amministrattivi kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, impriża ma għandhiex tiġi ssanzjonata ħlief għall-fatti li tkun akkużata bihom individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 63).

107    Madankollu, dan il-prinċipju għandu jirrikonċilja ruħu mal-kunċett ta’ impriża. Fil-fatt, ma hijiex ir-relazzjoni ta’ instigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s‑sussidjarja tagħha u lanqas ma huwa, iktar u iktar, l-involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tindirizza d-deċiżjoni li timponi multi fuq il-kumpannija parent ta’ grupp ta’ kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 290). Għandu jiġi kkonstatat li TKAG u TKE ġew personalment ikkundannati għal ksur li suppost ikkommettew huma stess minħabba r-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi mill-qrib li għandhom mas-sussidjarji tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar’il fuq, punt 34).

108    Barra minn hekk, fir-rigward tal-invokazzjoni mir-rikorrenti tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fuq iċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawżi preċedenti ma jistgħux jiġu trasposti fil-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, T‑282/06, Ġabra p. II‑2149, punt 88) u li deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni peress li ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawżi ma humiex identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punti 201 u 205, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 60). Minn dan isegwi li l-prinċipju tal-individwalità tal-pieni, f’din il-kawża, ma ġiex miksur.

109    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li l-imputazzjoni fuq kumpannija parent tal-aġir tas-sussidjarja tagħha ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni ħlief jekk dan ikun oġġettivament neċessarju sabiex jiżgura l-effikaċità prattika tar-regoli tal-kompetizzjoni.

110    Tali affermazzjoni toħroġ minn qari żbaljat tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 90 sa 98 iktar’il fuq u għalhekk għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, sakemm il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tikkunsidra li TKAG, TKE u s-sussidjarji ThyssenKrupp jikkostitwixxu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, impriża unika u li, għalhekk, din l-impriża kienet ġiet personalment ikkundannata għall-ksur li suppost wettqet hi stess, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu, fil-kuntest tal-eżami tal-imputabbiltà ta’ ksur ta’ sussidjarja fuq il-kumpannija parent tagħha, li tivverifika jekk tali imputazzjoni hijiex neċessarja sabiex tiżgura l-“effikaċità prattika” tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

111    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T-144/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 iqisu li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà esposta fil-punt 96 iktar’il fuq tikser il-preżunzjoni ta’ innoċenza u li hija inkompatibbli mal-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar’il quddiem il-“KEDB”) u mal-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1) (iktar’il quddiem il-“Karta”).

112    Għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 6(2) tal-KEDB, huwa parti mid-drittijiet fundamentali li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u kkonfermata, barra minn hekk, mill-Artikolu 6(2) UE kif ukoll mill-Artikolu 48(1) tal-Karta, huma rrikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u l-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet marbutin miegħu, il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri li jirrigwardaw ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑279/02, Ġabra p. II‑897, punt 115, u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jfisser li kull persuna akkużata hija preżunta innoċenti sakemm il-ħtija tagħha tiġi stabbilita legalment (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punt 106).

114    Fir-rigward tal-punt dwar jekk regola li tirrigwarda l-imputabbiltà ta’ ksur bħal dik stipulata fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar’il fuq hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(2) tal-KEDB, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar’il quddiem il-“Qorti EDB”) ikkunsidrat li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ dritt li jinsabu fil-liġijiet ripressivi iżda titlob sabiex dawn jiġu inklużi f’limiti raġonevoli illi jieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-kwistjoni u jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża (ara Qorti EDB, is-sentenza Salabiaku vs Franza tas-7 ta’ Ottubru 1988, Serje A Nru 141‑A, § 28; ara wkoll f’dan is-sens, Qorti EDB, sentenza Grayson u Barnham vs Ir-Renju Unit tat-23 ta’ Settembru 2008, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2008, § 40). B’hekk, ma jistax ikun hemm ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, jekk fi proċeduri ta’ kompetizzjoni, ċerti konklużjonijiet isiru abbażi ta’ esperjenza komuni, sakemm l-impriżi kkonċernati jkollhom il-possibbiltà li jikkonfutaw dawn il-konklużjonijiet (ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott inkonnessjoni mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, I‑4533, punt 93).

115    F’din il-kawża, il-Kummissjoni, l-ewwel nett stabbilixxiet, fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr riferiment għal xi preżunzjoni ta’ fatt jew ta’ liġi, li s-sussidjarji ThyssenKrupp wettqu ksur tal-Artikolu 81 KE fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

116    Fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 81 KE jitkellem dwar l-aġir tal-impriżi, il-Kummissjoni sussegwentement eżaminat jekk l-entità ekonomika li wettqet dawn il-ksur kinitx tinkludi wkoll lill-kumpanniji parent tas-sussidjarji ThyssenKrupp. Hija stabbilixxiet li TKAG u TKE eżerċitaw influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħhom billi bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà li tirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar’il fuq. Fl-aħħar nett, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, dawn il-kumpanniji parent, li kienu destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kellhom il-possibbiltà li jirribattu din il-preżunzjoni billi jressqu provi li jistgħu juru l-awtonomija tas-sussidjarji tagħhom. Madankollu, fil-premessa 641 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-preżunzjoni ma ġietx ikkonfutata.

117    Peress li l-preżunzjoni msemmija fil-punt 96 iktar’il fuq hija konfutabbli, u tikkonċerna biss l-imputazzjoni fuq il-kumpannija parent ta’ ksur diġà stabbilit fil-konfont tas-sussidjarja u li, barra minn hekk, hija parti minn proċedura li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza għandu, konsegwentement, jiġi miċħud.

118    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti fil-Kawża T-149/07 tallega li l-impożizzjoni ta’ multa fuq TKE ma għandhiex motiv oġġettiv u tikkontradixxi l-fatt li l-Kummissjoni ma imponietx multa fuq kumpanniji oħra intermedjarji.

119    Tali argument għandu wkoll jiġi miċħud. Fil-fatt, il-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ sussidjarja fuq il-kumpannija parent aħħarija tagħha ma tipprekludix li kumpannija holding intermedjarja jew li s-sussidjarja stess tkun sanzjonata, sakemm il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-imsemmija kumpanniji jikkostitwixxu impriża waħda. B’hekk, f’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha l-għażla, jekk il-kundizzjonijiet tal-imputabbiltà jkunu sodisfatti, li tissanzjona lis-sussidjarja li pparteċipat fil-ksur, lill-kumpannija parent intermedjarja li kkontrollatha matul dan il-perijodu u lill-kumpannija parent aħħarija tal-grupp (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar’il fuq, punt 331).

120    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ilmenti kollha relatati mal-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ TKAG u ta’ TKE għall-aġir tas-sussidjarji tagħhom, għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-elementi mressqa mir-rikorrenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ TKAG u ta’ TKE għall-aġir tas-sussidjarji rispettivi tagħhom

121    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu, essenzjalment, li anki kieku kienet teżisti preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ TKAG u ta’ TKE għall-aġir tas-sussidjarji tagħhom, din il-preżunzjoni kienet tiġi kkonfutata meta jintwera lill-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva, u b’mod partikolari matul iż-żewġ laqgħat tal-1 ta’ Marzu 2005 u tal-20 ta’ Settembru 2006, li s-sussidjarji ThyssenKrupp aġixxew u kienu jaġixxu ekonomikament u legalment b’mod awtonomu.

122    L-ewwel nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li TKAG hija biss kumpannija holding li ma kellhiex azzjonijiet fil-kumpanniji lokali li pparteċipaw fl-akkordji ħlief permezz ta’ kumpanniji oħra holding u li TKE hija biss kumpannija holding intermedjarja li ma kinitx tipparteċipa fl-attivitajiet ta’ tmexxija fil-qasam tal-liftijiet u tal-eskalejters. Tali argumenti għandhom jiġu miċħuda, peress li s-sempliċi kwalità ta’ kumpannija holding jew ta’ kumpannija holding intermedjarja ma hijiex, bħala tali, ta’ natura li tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarji tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar b’mod speċifiku li, fil-kuntest ta’ grupp ta’ kumpanniji, bħal f’dan il-każ, kumpannija holding hija kumpannija li għandha l-għan li tiġbor flimkien azzjonijiet f’diversi kumpanniji u li l-funzjoni tagħha hija li tiżgura l-unità tat-tmexxija (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, T‑69/04, Ġabra p. II‑2567, punti 60 u 63).

123    It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 jiddikjaraw li, minħabba l-istruttura operazzjonali deċentralizzata tat-taqsima “Liftijiet” ta’ ThyssenKrupp, is-sussidjarji ThyssenKrupp, li kellhom ir-riżorsi umani u materjali tagħhom, kienu pparteċipaw fil-ksur mingħajr l-influwenza ta’ TKE u ta’ TKAG.

124    Tali dikjarazzjonijiet ma humiex ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ TKAG u ta’ TKE għall-aġir tas-sussidjarji ThyssenKrupp peress li ma humiex sostnuti. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li d-diviżjoni tas-sussidjarji ta’ TKAG f’taqsimiet, bħat-taqsima “Liftijiet”, imqiegħda taħt ir-responsabbiltà ta’ TKE, li tiġbor lis-sussidjarji ThyssenKrupp kollha, inkluż TKL, li madankollu ma hijiex sussidjarja ta’ TKE, tikkostitwixxi pjuttost indikazzjoni tal-eżerċizzju mill-kumpanniji parent ikkonċernati ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarji msemmija iktar’il fuq.

125    It-tielet nett, l-argument tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 li ma kien hemm l-ebda sovrapożizzjoni bejn il-korpi ta’ tmexxija ta’ TKE u ta’ TKAG u s-sussidjarji tagħhom ikkonċernati lanqas ma jista’ jiġi milqugħ. Għandu jiġi enfasizzat li dawn id-dikjarazzjonijiet ma huma sostnuti bl-ebda prova dokumentarja, provi li setgħu jiġu prodotti, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-lista nominattiva tal-membri tal-entitajiet statutorji tal-imsemmija impriżi fil-perijodu ta’ meta seħħ il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar’il fuq, punt 69). Barra minn hekk, ir-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jeżistu bejn TKAG, TKE u s-sussidjarji ThyssenKrupp jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ influwenza ta’ dawn tal-ewwel fuq l-istrateġija tal-imsemmija sussidjarji u, għalhekk huwa ġġustifikat li jiġu kkunsidrati bħala entità ekonomika waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punt 83).

126    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 jenfasizzaw li huma pparteċipaw fil-proċedura b’mod awtonomu u ppreżentaw risposta individwali għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

127    Tali argument lanqas huwa ta’ natura li jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ TKAG u ta’ TKE għall-aġir tas-sussidjarji tagħhom. Huwa veru, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-fatt li l-kumpannija parent ippreżentat ruħha bħala l-uniku interlokutur tal-Kummissjoni dwar il-ksur ikkonċernat jista’ jkun prova tal-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja (sentenza Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, punt 98 iktar’il fuq, punt 29). Madankollu, il-preżentazzjoni mis-sussidjarji ta’ sensiela ta’ risposti separati għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma għandhiex, fiha nnifisha, tikkostitwixxi prova tal-awtonomija tal-imsemmija sussidjarji.

128    Il-ħames nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li l-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex eżatta, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-influwenza deċiżiva ta’ TKE fuq l-aġir tas-sussidjarji tagħha kienet tirriżulta mill-għoti minn TKE ta’ struzzjoni interna lill-grupp li tordna lis-sussidjarji tagħha sabiex jiffokaw fuq is-swieq interni tagħhom, minkejja li din l-ordni kienet tirrifletti l-politika kummerċjali mħaddna mis-sussidjarji nazzjonali. Il-konċentrazzjoni fuq is-swieq nazzjonali tirriżulta minn tqassim tal-kompiti bejn is-sussidjarji, li jirriżulta minn kundizzjonijiet partikolari tas-suq.

129    Tali argument ġej minn qari żbaljat tal-premessi 634 sa 639 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-imsemmija premessi jirriżulta li huwa abbażi tal-fatt li TKE kellha 100 % tal-kapital tas-sussidjarji tagħha u tal-preżunzjoni, mhux ikkonfutata, ta’ influwenza deċiżiva fuq il-politika kummerċjali ta’ dawn, li jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li TKE għandha tinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħha. Huwa veru li l-Kummissjoni, fil-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata, indikat ukoll li l-fatt li TKE tat struzzjoni interna lill-grupp li biha ordnat lis-sussidjarji tagħha sabiex jiffokaw fuq is-swieq interni tagħhom u li s-sussidjarji segwew din l-istruzzjoni juri li TKE kienet użat il-possibbiltà li teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-attivitajiet kummerċjali tas-sussidjarji tagħha. Madankollu, dan il-motiv kien risposta għall-argument, magħmul fir-risposta ta’ TKE għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li TKE kienet biss sempliċi kumpannija holding intermedjarja li ma kinitx tmexxi l-attivitajiet ta’ kuljum tal-kumpanniji li hija kellha (ara l-punt 122 iktar’il fuq).

130    Fi kwalunkwe każ, u kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, l-għoti minn TKE ta’ struzzjoni lis-sussidjarji tal-grupp li jaqgħu fit-taqsima “Liftijiet” sabiex jiffokaw fuq is-swieq nazzjonali huwa xhieda, kif enfasizzat il-Kummissjoni, tal-influwenza determinanti ta’ TKE fuq l-aġir mhux biss tas-sussidjarji tagħha, iżda wkoll ta’ TKL, li, kif ikkonfermat ir-rikorrenti fil-Kawża T‑149/07 matul is-seduta, tifforma parti wkoll mill-imsemmija taqsima.

131    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-premessa 641 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 ma kkonfutawx il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà ta’ TKAG u ta’ TKE għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji ThyssenKrupp fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża

132    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha b’diversi modi. L-ewwel nett, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ unità ekonomika bejn TKAG, TKE u s-sussidjarji ThyssenKrupp, u ma tindikax f’hiex il-provi prodotti mill-kumpanniji tal-grupp ThyssenKrupp ma kinux suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà. Sussegwentement, il-Kummissjoni injorat diversi provi prodotti mir-rikorrenti fil-Kawżi T-149/07 u T‑150/07 bħala risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl-aħħar nett, il-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata fiha żbalji ta’ raġunament u barra minn hekk tirreferi għal konstatazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni dwar il-grupp Otis.

133    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk, fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li hija għandha tieħu sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddiskuti l-punti ta’ fatt u ta’ liġi u l-kunsiderazzjonijiet li wassluha tieħu tali deċiżjoni, xorta jibqa’ l-fatt li hija obbligata, bis-saħħa tal-Artikolu 253 KE, li ssemmi, tal-inqas, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni tagħha, ħaġa li b’hekk tippermetti lill-qrati tal-Unjoni u lill-partijiet ikkonċernati li jagħrfu ċ-ċirkustanzi li fihom hija applikat it-Trattat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ unità ekonomika bejn il-kumpanniji tal-grupp ThyssenKrupp destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat illi mill-premessi 633 sa 641 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, ir-raġunijiet li għalihom l-aġir tas-sussidjarji ThyssenKrupp huwa imputabbli għall-kumpanniji parent rispettivi TKE u/jew TKAG. Fil-fatt, f’dawn il-permessi, il-Kummissjoni rreferiet għall-ġurisprudenza li tinsab fil-punt 96 iktar’il fuq sabiex tikkunsidra li TKAG u TKE għandhom jinżammu responsabbli għall-aġir tas-sussidjarji li pparteċipaw fil-ksur tal-Artikolu 81 KE. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li r-rikorrenti ma kkonfutawx il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà.

135    Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑149/07 u T‑150/07, li l-Kummissjoni ma semmiet xejn dwar ċerti argumenti msemmija fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma għandux jiġi milqugħ.

136    B’hekk, f’dak li jirrigwarda l-argument, ta’ TKE, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tan-nuqqas ta’ regoli supranazzjonali u tal-azzjoni separata ta’ TKE u tas-sussidjarji tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fil-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li “il-fatt li TKE tat struzzjoni interna lill-grupp li biha ordnat lis-sussidjarji tagħha jiffokaw fuq is-swieq interni tagħhom, u li s-sussidjarji segwew din l-istruzzjoni, juri li TKE użat il-possibbiltà li teżerċita influwenza deċiżiva fuq l-attivitajiet kummerċjali tas-sussidjarji tagħha”. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma rrispondietx għall-argument ibbażat fuq l-azzjoni separata ta’ TKE u tas-sussidjarji tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi kkonstatat li tali argument ma għandux importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma jirrikjediex, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 133 iktar’il fuq, risposta espliċita tal-Kummissjoni.

137    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrispondiet ukoll għall-argumenti mressqa minn TKAG fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. TKAG fil-fatt allegat f’din ir-risposta li l-preżentazzjoni tat-talba taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma għandhiex tiġġustifika r-responsabbiltà materjali ta’ TKAG, li TKAG la pparteċipat direttament u lanqas indirettament fil-ksur, li s-settur tal-liftijiet u tal-eskalejters kien organizzat b’mod deċentralizzat u mmexxi b’mod awtonomu mis-sussidjarji nazzjonali, li TKAG kienet sempliċement kumpannija holding li ma intervenietx fl-attivitajiet operazzjonali tas-sussidjarji tagħha attivi fis-settur tal-liftijiet u tal-eskalejters, li l-kumpanniji operazzjonali ma kinux ikkonformaw ruħhom mad-direttivi fir-rigward tar-rispett tal-liġijiet li ġew ikkomunikati lilhom minn TKE, li talbuhom itemmu l-ksur, li l-fajl tal-Kummissjoni ma kienx fih provi li juru l-eżerċizzju ta’ influwenza effettiva ta’ TKAG fuq il-kumpanniji operazzjonali u li TKAG kienet dejjem interveniet fil-proċedura amministrattiva b’mod separat mill-kumpanniji l-oħra. Kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, il-punti 74 sa 87 tar-risposta ta’ TKAG għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet essenzjalment fiha osservazzjonijiet dwar il-kriterju ġuridiku li għandu jiġi applikat fil-kuntest tal-imputabbiltà ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarji tagħha, li fuqhom il-Kummissjoni tkellmet fil-premessi 603 sa 605 u 639 tad-deċiżjoni kkontestata. Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet fattwali li saru fiha, TKAB ma tat l-ebda prova, filwaqt li llimitat ruħha sabiex tirreferi għad-direttivi dwar id-dritt tal-kompetizzjoni, li barra minn hekk, ma ġewx annessi mar-risposta ta’ TKAG għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-azzjoni separata ta’ TKAG u tas-sussidjarji tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, dan ma jirrikjedix lanqas, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 133 iktar’il fuq, risposta espliċita tal-Kummissjoni.

138    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

139    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07 u T‑149/07 isostnu li l-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u tikkostitwixxi “żball ta’ loġika”, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li fi ħdan l-istess entità ekonomika, jista’ jiġi preżunt li s-sussidjarja tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet tal-kumpannija parent, ħaġa li twassal sabiex mill-konklużjoni mixtieqa tal-analiżi (f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ unità ekonomika) tiġi dedotta l-kundizzjoni stess ta’ tali konklużjoni (f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ indikazzjonijiet tal-indipendenza kummerċjali tas-sussidjarji ta’ ThyssenKrupp). Barra minn hekk, huwa illoġiku illi jiġi skartat motiv li jista’ jikkonfuta l-preżunzjoni – f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ rabtiet personali bejn il-bordijiet tad-diretturi ta’ TKE u tas-sussidjarji tagħha – filwaqt li jiġi ddikjarat li sovrapożizzjoni fil-korpi ta’ tmexxija ma hijiex kundizzjoni għall-eżistenza tal-preżunzjoni.

140    Għaldaqstant, lanqas dan l-argument ma jista’ jiġi milqugħ. Fil-fatt, minn naħa waħda, huwa jinterpreta ħażin il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà kif tirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 96 u 97 iktar’il fuq, u b’mod partikolari l-fatt li l-imsemmija preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata mill-kumpannija parent billi tipproduċi provi li jistgħu juru l-awtonomija tas-sussidjarji tagħha. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma ċaħditx l-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni bejn TKE u s-sussidjarji tagħha filwaqt li kkonfermat li s-sovrapożizzjoni tal-korpi ta’ tmexxija ma hijiex kundizzjoni għall-eżistenza tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tal-kumpannija parent. Għall-kuntrarju, mir-riferiment għall-premessa 619 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għall-premessa 640 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet dan l-argument minħabba l-fatt li TKE ma pproduċiet l-ebda provi insostenn tiegħu. Għandu jiġi enfasizzat, għal dan il-għan li, anki matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, id-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ sovrapożizzjoni bejn il-korpi ta’ tmexxija ta’ TKE u ta’ TKAG u s-sussidjarji tagħhom ikkonċernati ma ġew sostnuti minn l-ebda prova dokumentarja (ara l-punt 125 iktar’il fuq).

141    Fir-rigward tal-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu wkoll li d-drittijiet tad-difiża tagħhom ġew miksura, minħabba l-fatt li l-motivazzjoni mogħtija fl-imsemmija premessa tirreferi għall-premessa 626 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejn il-kumpanniji tal-grupp Otis, u li l-partijiet importanti tal-premessi 622 sa 625 tad-deċiżjoni kkontestata ma ġewx żvelati mill-Kummissjoni lil ThyssenKrupp.

142    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jispjegawx f’hiex ir-riferiment fil-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata għall-premessa 626 tal-imsemmija deċiżjoni jaffettwa d-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura amministrattiva.

143    Sa fejn l-ilment imressaq fil-punt 141 iktar’il fuq għandu jiġi interpretat bħala li jikkontesta nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda r-riferiment, fil-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-premessa 626 tagħha, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tikkunsidra li, “kif espost fil-premessa 626, l-għoti ta’ responsabbiltà lil kumpannija parent ma teħtieġx sovrapożizzjoni bejn l-attivitajiet taż-żewġ impriżi”. Għandu jiġi kkonstatat li l-ispjegazzjonijiet li għalihom tirreferi l-premessa 639 ma jinstabux fil-premessa 626 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġietx imwarrba fir-rigward tal-kumpanniji tal-grupp ThyssenKrupp, iżda jinsabu fil-premessa preċedenti, u b’mod partikolari fil-parti li ġejja tal-premessa 625, li lanqas ma ġiet imwarbba fir-rigward tal-kumpanniji tal-grupp ThyssenKrupp:

“[…] L-attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-aġir ta’ sussidjarja fis-suq ma tirrikjediex sovrapożizzjoni mal-attivitajiet kummerċjali tal-kumpannija parent u lanqas rabta mill-qrib mal-attivitajiet tas-sussidjarja. Huwa għal kollox normali li attivitajiet u speċjalizzazzjonijiet differenti jingħataw lil entitajiet differenti fi ħdan grupp ta’ impriżi.”

144    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li l-prinċipji legali li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni fil-premessa 639 tad-deċiżjoni kkontestata baqgħu mhux ċari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment magħmul fil-punt 141 iktar’il fuq għandu għalhekk jiġi miċħud.

145    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu li l-Kummissjoni ressqet numru ta’ argumenti ġodda fir-risposti tagħha, li ma għandhomx jissupplixxu n-nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Dawn huma tardivi u inammissibbli, u fi kwalunkwe każ huma infondati.

146    Kif tfakkar fil-punt 133 iktar’il fuq, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 253 KE, issemmi, tal-inqas, il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni tagħha, ħaġa li b’hekk tippermetti lill-qrati tal-Unjoni u lill-partijiet ikkonċernati li jagħrfu ċ-ċirkustanzi li fihom hija applikat it-Trattat. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, deċiżjoni għandu jkollha motivazzjoni li tinsab fit-test u ma tistax għall-ewwel darba u a posteriori tiġi spjegata quddiem il-qorti (ara s-sentenza European Night Services et vs Il-Kummissjoni, punt 133 iktar’il fuq, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-motivazzjoni għandha, bħala regola, tiġi kkomunikata lill-persuna kkonċernata fl-istess ħin li fih tiġi kkomunikata d-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar’il fuq, punt 463, u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 134 iktar’il fuq, mill-premessi 633 sa 641 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni esponiet, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, ir-raġunijiet li għalihom l-aġir tas-sussidjarji ThyssenKrupp huwa imputabbli fuq il-kumpanniji parent rispettivi TKE u/jew TKAG. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti li jinsabu fir-risposti tal-Kummissjoni huma intiżi biss sabiex jirrispondu l-argumenti li jinsabu fir-risposti tar-rikorrenti u mhux biex jissupplixxu għall-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

148    Minn dan isegwi li lanqas dan l-aħħar ilment ma jista’ jiġi milqugħ.

149    Għaldaqstant, l-ilmenti kollha tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 dwar ksur tal-Artikolu 253 KE u tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-imputazzjoni fuq TKAG u TKE tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji ThyssenKrupp għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-talbiet għal miżuri istruttorji

150    Insostenn tal-argument tagħhom li l-kumpanniji tal-grupp ThyssenKrupp spjegaw b’mod iddettaljat l-organizzazzjoni deċentralizzata fi ħdan l-imsemmi grupp tat-taqsimiet ta’ attività kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 jipproponu, skont l-Artikolu 65(c) tar-Regoli tal-Proċedura, li tinstema’ l-persuna li mexxiet il-fajl fi ħdan il-Kummissjoni, l-uffiċjal tal-Kummissjoni li għamel l-ispezzjonijiet fil-Ġermanja fit-28 u fid-29 ta’ Jannar 2004, kif ukoll membru tal-bord tat-tmexxija ta’ TKE. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 jipproponu li jinstema’ uffiċjal ta’ TKAG. Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑149/07 titlob ukoll lill-Qorti Ġenerali sabiex tobbliga lill-Kummissjoni tipproduċi d-deċiżjoni tagħha C (2005) 4634, tat-30 ta’ Novembru 2005, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/38.354 – Boroż industrijali), li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tas-26 ta’ Ottubru 2007 (L 282, p. 41), li minnha jirriżulta li ma hemmx motiv oġġettiv sabiex tiġi imposta multa in solidum fuq kumpannija holding intermedjarja meta diġà ġiet imposta multa fuq is-sussidjarji li wettqu l-ksur u fuq il-kumpannija holding li hija l-kap tal-grupp.

151    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-talbiet għal miżuri istruttorji mressqa minn parti fil-kawża, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar il-bżonn eventwali li tiġi ssupplimentata l-informazzjoni li jkollha dwar il-kawżi li tkun qed tisma’ (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C‑260/05 P, Ġabra p. I‑10005, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Min-naħa waħda, fir-rigward tat-talbiet sabiex jinstemgħu xhieda li jippermettu li jintwera li l-kumpanniji tal-grupp ThyssenKrupp spjegaw b’mod iddettaljat l-organizzazzjoni deċentralizzata fi ħdan l-imsemmi grupp tat-taqsimiet ta’ attività kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tikkontestax li l-kumpanniji tal-grupp ThyssenKrupp taw spjegazzjonijiet orali dwar l-allegata organizzazzjoni deċentralizzata tiegħu. Madankollu, hija qieset li l-argumenti tal-kumpanniji tal-grupp ThyssenKrupp ma kinux sostnuti minn provi dokumentarji u kienu wkoll kontradetti minn ċerti provi fil-fajl.

153    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talba għall-produzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2005) 4634, din ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kawża, peress li prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenzi JCB Service vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar’il fuq, punti 201 u 205, u Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar’il fuq, punt 60; sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ottubru 2008, Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, T‑73/04, Ġabra p. II‑2661, punt 92).

154    Għaldaqstant, it-talbiet għal miżuri istruttorji għandhom jiġu miċħuda, peress li l-provi li jinsabu fil-proċess huma biżżejjed sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq dan il-motiv.

155    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud.

3.     Fuq it-talbiet għall-annullament jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju non bis in idem

156    Fil-premessa 655 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiċħad kif ġej l-argument ta’ ThyssenKrupp li kull multa imposta fuqha tikser il-prinċipju non bis in idem fid-dawl tal-allegati deċiżjonijiet ta’ klemenza adottati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi:

“L-applikazzjoni tal-prinċipju non bis in idem jippresupponi li tkun ingħatat deċiżjoni dwar jekk ġiex effettivament imwettaq ksur jew jekk il-legalità tal-imsemmi aġir reġgħetx ġiet eżaminata mill-ġdid. F’dan il-każ, l-ebda awtorità tal-kompetizzjoni msemmija minn ThyssenKrupp ma eżaminat il-kawża jew ħadet deċiżjoni finali fuq il-mertu. Il-prinċipju non bis in idem ma jtellifx lill-Kummissjoni milli teżerċita l-poteri tagħha meta deċiżjoni provviżorja dwar klemenza tiġi adottata fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk, f’din il-kawża, l-allegati deċiżjonijiet nazzjonali kollha msemmija minn ThyssenKrupp ġew adottati wara l-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003. Skont din id-deċiżjoni, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali ma jibqagħlhomx kompetenza sabiex japplikaw l-Artikolu 81 KE”.

157    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu li deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju non bis in idem. F’dan ir-rigward huma jsostnu li l-Kummissjoni ma tistax timponi multi għall-ksur imwettaq minn ThyssenKrupp fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi meta huma jkunu diġà ġew sottomessi għal deċiżjoni finali għall-imsemmija ksur, skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9) (iktar’il quddiem il-“KFS”), mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Belġju, tal-Lussumburgu u tal-Pajjiżi l-Baxxi. F’dan ir-rigward, huma jirreferu għad-deċiżjoni tal-korp ta’ relaturi Belġjan [kunfidenzjali] (1), għall-avviż ta’ klemenza tal-awtorità tal-kompetizzjoni Lussemburgiża [kunfidenzjali] u għall-ftehim ta’ klemenza (clementietoezegging) tal-awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża [kunfidenzjali]. Huma jsostnu wkoll li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali ngħataw qabel il-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni, fis-7 ta’ Ottubru 2005, b’tali mod li l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni nazzjonali ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li ma għadx baqagħlhom kompetenza, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, fil-mument meta huma jkunu ħadu d-deċiżjoni tagħhom.

158    Għandu jitfakkar li l-prinċipju non bis in idem, stabbilit ukoll fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti għandha tosserva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, Ġabra p. I‑5977, punt 26, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ġunju 2008, Hoechst vs Il-Kummissjoni, T‑410/03, Ġabra p. II‑881, punt 598).

159    Fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, diġà ġie deċiż li dan il-prinċipju jipprojbixxi li impriża tiġi kkundannata jew akkużata mill-ġdid mill-Kummissjoni dwar aġir antikompettitiv li għalih hija ġiet issanzjonata jew li għalih ġiet iddikjarata mhux responsabbli b’deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li ma tistax tiġi kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 59; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punti 85 u 86; tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punti 130 u 131, u FNCBV et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar’il fuq, punt 340).

160    L-applikazzjoni tal-prinċipju non bis in idem għalhekk tippresupponi li ngħatat deċiżjoni dwar jekk ġiex effettivament imwettaq ksur jew jekk il-legalità tal-imsemmi aġir reġgħetx ġiet eżaminata mill-ġdid (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar’il fuq, punt 60). B’hekk il-prinċipju non bis in idem sempliċement jipprojbixxi evalwazzjoni fil-fond mill-ġdid dwar jekk ġiex imwettaq ksur, li jkollha bħala konsegwenza l-impożizzjoni ta’ sanzjoni oħra, minbarra l-ewwel waħda, f’każ li r-responsabbiltà terġa’ tiġi ddikjarata, jew ta’ sanzjoni għall-ewwel darba, f’każ li r-responsabbiltà, li ma ġietx stabbilita bl-ewwel deċiżjoni, tiġi stabblita permezz tat-tieni waħda (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar’il fuq, punt 61).

161    Fir-rigward tal-punt dwar jekk deċiżjoni ta’ awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali tistax tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tikkundanna jew tipproċedi mill-ġdid kontra l-istess impriża, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-prinċipju non bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni tripla ta’ identiċità tal-fatti, ta’ identiċità ta’ min iwettaq il-ksur u ta’ identiċità tal-interess ġuridiku protett. Dan il-prinċipju jipprojbixxi għaldaqstant li l-istess persuna tiġi ssanzjonata iktar minn darba għall-istess aġir li jikkostitwixxi ksur sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 338; sentenzi FNCBV et vs Il-Kummissjoni, punt 69 iktar’il fuq, punt 340, u Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar’il fuq, punt 600).

162    Peress li l-azzjoni tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, minn naħa waħda, u tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, meta jibdew proċeduri u jikkundannaw lil impriżi għal ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, abbażi tal-kompetenzi li ngħataw lilhom, rispettivament, mill-Artikoli 5 u 14 tar-Regolament Nru 1/2003, hija intiża sabiex tipproteġi l-istess interess ġuridiku, jiġifieri l-protezzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa fis-suq komuni, li tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 3(1)(g) KE, għan fundamentali tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar’il fuq, punt 31), għandu jiġi kkunsidrat li l-prinċipju non bis in idem jipprojbixxi li impriża tiġi kkundannata jew jibdew proċeduri kontriha mill-ġdid mill-Kummissjoni minħabba ksur tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE li għalih hija ġiet ssanzjonata jew li għalih ġiet iddikjarata mhux responsabbli permezz ta’ deċiżjoni preċedenti ta’ awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali, meħuda skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 u li saret finali.

163    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-atti msemmija fil-punt 157 iktar’il fuq jikkostitwixxux deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali li permezz tagħhom ir-rikorrenti ġew issanzjonati jew ġew, b’mod finali, iddikjarati bħala mhux responsabbli tal-ksur imwettaq fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, u kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata.

164    Għandu jiġi kkonstatat li l-atti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali kkonċernati jirreferu għall-immunità li minnha jistgħu, jekk ikun il-każ, jibbenefikaw il-kumpanniji li jappartjenu fil-grupp ThyssenKrupp għall-ksur fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, li sussegwentement ġew ikkonstatati jew issanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessa 655 tad-deċiżjoni kkontestata, “l-ebda awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni msemmija minn ThyssenKrupp ma ħadet deċiżjoni finali dwar il-mertu”. Peress li l-atti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali li għalihom jirreferu r-rikorrenti ma jikkonstatawx l-eżistenza tal-ksur imwettaq fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma jistgħux, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 160 iktar’il fuq, jipprojbixxu lill-Kummissjoni milli tikkonstata u tissanzjona l-imsemmija ksur fid-deċiżjoni kkontestata.

165    Skont ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07, eżami qasir tal-ksur minn awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali madankollu jkun biżżejjed għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju non bis in idem. Huma jirreferu, għal dan il-għan, għall-Artikolu 54 tal-KFS u għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C‑187/01 u C‑385/01, Ġabra p. I‑1345, punt 30), li invaliditat is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar’il fuq (punt 60). Id-deċiżjonijiet ta’ immunità tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 54 tal-KFS.

166    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 54 tal-KFS jipprovdi li “[p]ersuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet […]”.Skont is-sentenza Gözütok u Brügge, punt 165 iktar’il fuq (punti 30 u 31), il-każ ta’ persuna jkun inqata’ b’mod finali jekk, wara proċedura nazzjonali, l-azzjoni pubblika titwaqqaf definittivament, anki jekk l-ebda qorti ma tintervjeni fil-kuntest ta’ tali proċedura.

167    Li kieku l-Artikolu 54 tal-KFS, sa fejn jikkostitwixxi espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipju non bis in idem, jista’ jiġi invokat fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat li deċiżjoni ta’ klemenza provviżorja meħuda minn awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali ma għandhiex, fi kwalunkwe każ, tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-għoti ta’ immunità provviżorja ma għandux natura finali tal-waqfien tal-azzjoni pubblika kif rikjesta mill-Artikolu 54 tal-KFS.

168    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegata deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana, għandu jiġi kkonstatat li din, [kunfidenzjali], ingħatat mill-korp ta’ relaturi Belġjan. Skont il-komunikazzjoni konġunta tal-Kunsill tal-kompetizzjoni u tal-korp ta’ relaturi fuq l-immunità tal-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (iktar’il quddiem il-“komunikazzjoni Belġjana dwar il-klemenza”), it-talbiet għal immunità mressqa quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana huma l-ewwel nett eżaminati mill-korp ta’ relaturi (punti 7 u 8 tal-komunikazzjoni Belġjana dwar il-klemenza). Madankollu, peress li “[…] il-Kunsill tal-kompetizzjoni […] huwa l-qorti li għandha kompetenza tiddeċiedi” (punt 7 tal-komunikazzjoni Belġjana dwar il-klemenza), hija biss din l-awtorità li għandha tieħu d-deċiżjonijiet ta’ immunità definittivi “fi tmiem l-investigazzjoni […] abbażi tar-rapport ta’ investigazzjoni tar-relatur […]” (punt 8 tal-komunikazzjoni Belġjana dwar il-klemenza; ara wkoll il-punti 21 u 22 tal-komunikazzjoni Belġjana dwar il-klemenza). Fid-dawl tal-kuntest legali Belġjan, ittra tal-korp ta’ relaturi dwar talba għal immunità hija għalhekk dejjem provviżorja.

169    In-natura provviżorja tal-ittra tal-korp ta’ relaturi [kunfidenzjali] tirriżulta, barra minn hekk, mill-kontenut tagħha, peress li fiha huwa kkonfermat illi t-talbiet “[…] jissodisfaw, prima facie, il-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ immunità […]”.

170    Għalhekk ma għandux jiġi kkunsidrat li l-ittra tal-korp ta’ relaturi [kunfidenzjali] kienet twaqqaf b’mod finali l-azzjoni pubblika f’dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni ta’ ThyssenKrupp fil-ksur fil-Belġju. Peress li ma kienx il-każ li fil-konfront ta’ ThyssenKrupp il-każ “inqata’ b’mod finali” mill-awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, il-Kummissjoni f’dan il-każ, ma kinitx ipprojbita milli tikkonstata u tissanzjona fl-Artikolu 1(1) u fl-Artikolu 2(1) rispettivament tad-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur fil-Belġju.

171    F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, l-avviż ta’ klemenza tal-Kunsill tal-kompetizzjoni Lussemburgiż, [kunfidenzjali] għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi avviż jirrikonoxxi t-talbiet ta’ klemenza ta’ TKAL u ta’ TKE dwar il-ksur fil-Lussemburgu u jikkonferma li din it-talba tiġi kklassifikata skont ir-rekwiżiti tal-proċedura tal-Lussemburgu (Artikoli 1 u 2 tal-avviż ta’ klemenza). Madankollu, bħall-ittra tal-korp ta’ relaturi Belġjan, ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali dwar l-imsemmija talba għal immunità. Fil-fatt, il-Kunsill tal-kompetizzjoni Lussemburgiż qies “xieraq li jissospendi d-deċiżjoni dwar il-mertu tat-talba għal klemenza sakemm tingħalaq l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni […]” (punt 6 u l-Artikolu 3 tal-avviż ta’ klemenza).

172    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-każ fil-konfront ta’ ThyssenKrupp lanqas “inqata’ b’mod finali” fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS permezz tal-avviż ta’ klemenza [kunfidenzjali] tal-Kunsill tal-kompetizzjoni Lussemburgiż. Għalhekk, dan l-avviż ta’ klemenza ma jimpedixxix lill-Kummissjoni milli tikkonstata u tissanzjona, fl-Artikolu 1(3) u fl-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipazzjoni ta’ din l-impriża fil-ksur fil-Lussemburgu.

173    Fir-rigward, it-tielet nett, tal-ftehim ta’ klemenza tal-awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża [kunfidenzjali], għandu jiġi kkonstatat li lanqas dan ma għandu natura finali. Fil-fatt, l-immunità lil TKAG u lil TKL tingħata biss fil-każ fejn l-awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża teżamina u tibda proċeduri hija stess għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi, jew fuq talba tal-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tagħha stess (punt 7 tal-ftehim ta’ klemenza). Peress li din l-ipoteżi ma seħħitx, f’dan il-każ, l-avviż ta’ klemenza baqa’ provviżorju u ma kellux l-effett li jwaqqaf b’mod finali l-azzjoni pubblika kontra ThyssenKrupp għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi.

174    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-avviż ta’ klemenza ma jimpedixxix lill-Kummissjoni milli tikkonstata u tissanzjona, fl-Artikolu 1(4) u fl-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni kkontestata, il-parteċipazzjoni ta’ ThyssenKrupp fil-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi.

175    Huwa għalhekk korrett illi l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 655 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-atti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 157 iktar’il fuq kienu deċiżjonijiet ta’ klemenza provviżorji li ma kinux jimpeduha milli teżerċita s-setgħat tagħha.

176    Fit-tieni lok, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-premessa 655 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali kkonċernati, fil-mument meta adottaw l-atti msemmija fil-punt 157 iktar’il fuq, kienet tneħħitilhom il-kompetenza tagħhom, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, huwa ineffettiv. Fil-fatt, li kieku l-imsemmija awtoritajiet kienu għadhom kompetenti sabiex jadottaw deċiżjonijiet ta’ klemenza fil-mument li fih huma adottaw l-atti msemmija fil-punt 157 iktar’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija atti ma humiex biżżejjed, f’dan il-każ, sabiex jippermettu l-applikazzjoni tal-prinċipju non bis in idem, peress li dawn ma jiddeċidux dwar l-eżistenza tal-ksur u peress li, fi kwalunkwe każ, huma ta’ natura provviżorja.

177    L-istess jingħad għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq is-superjorità tal-prinċipju non bis in idem fuq id-dritt sekondarju tal-Unjoni, meta, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

178    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li huma kellhom aspettattiva leġittima fil-fatt li l-atti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 157 iktar’il fuq kienu jipproteġuhom minn proċeduri ġodda mill-Kummissjoni.

179    Id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull persuna li tinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi tatha garanziji preċiżi, nisslet fiha aspettattivi fondati [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C‑37/02 u C‑38/02, Ġabra p. I‑6911, punt 70; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T‑203/96, Ġabra p. II‑4239, punt 74; u tal-15 ta’ Novembru 2007, Enercon vs UASI (apparat li jittrasforma l-enerġija tar-riħ), T‑71/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 36].

180    Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li ngħatawlu mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 1995, Lefebvre et vs Il-Kummissjoni, T 571/93, Ġabra p. II‑2379, punt 72, u tad-29 ta’ Jannar 1998, Dubois u Fils vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑113/96, Ġabra p. II‑125, punt 68). Jammontaw għal tali assigurazzjonijiet, tkun xi tkun il-forma li taħtha jkunu kkomunikati, spjegazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u li jaqblu u li ġejjin minn sorsi awtorizzati u li wieħed jista’ joqgħod fuqhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 Lulju 1998, Mellett vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1305, punti 104 sa 107).

181    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jressqu l-ebda prova li minnha jirriżulta li l-Kummissjoni tathom xi assigurazzjoni speċifika li l-atti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 157 iktar’il fuq kienu se jipproteġuhom minn kull proċedura jew kull kundanna għall-ksur fil-Belġju, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, ikkonstatati u ssanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-aġir tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jistax iwassal għal aspettattiva leġittima fi ħdan il-persuni investigati b’tali mod li taffettwa l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda prova li tista’ turi li huma rċevew assigurazzjonijiet speċifiċi mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali li l-atti msemmija fil-punt 157 iktar’il fuq kienu se jimpedixxu lill-Kummissjoni milli tikkonstata u tissanzjona l-imsemmija ksur. Fl-aħħar nett, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 168 sa 175 iktar’il fuq, mill-kontenut tal-imsemmija atti jirriżulta li dawn kienu ta’ natura provviżorja u għalhekk ma setgħux jagħtu lok għal xi aspettattiva leġittima li ma kinux ser jittieħdu proċeduri jew sanzjonijiet fil-konfront ta’ ThyssenKrupp għall-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

182    Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud.

183    Fir-raba’ lok, b’mod sussidjarju, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu li, anki kieku l-priniċipju non bis in idem ma kienx applikabbli, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tad-deċiżjonijiet ta’ immunità nazzjonali adottati fil-konfront tagħhom kien jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali.

184    Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-punti 158 sa 175 iktar’il fuq, l-atti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali li għalihom jirreferu r-rikorrenti jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ klemenza provviżorji li ma jimpedixxux lill-Kummissjoni milli teżerċita s-setgħat tagħha.

185    Imbagħad, mill-ġurisprudenza invokata mir-rikorrenti insostenn tal-argument tagħhom jirriżulta li l-Kummissjoni, meta tistabbilixxi l-ammont tal-multa, hija obbligata, minħabba l-prinċipju ta’ ekwità, li tikkunsidra s-sanzjonijiet li diġà jkunu ġew imposti fuq l-istess impriża għall-istess fatt, meta dawn ikunu sanzjonijiet imposti għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji ta’ Stat Membru u, konsegwentement, imwettqa fit-territorju tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et, 14/68, Ġabra p. 1, punt 11, u tal-14 ta’ Diċembru 1972, Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni, 7/72, Ġabra p. 1281, punt 3; sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar’il fuq, punt 87; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punt 279).

186    Madankollu, tali sitwazzjoni evidentement ma tapplikax f’dan il-każ peress li huwa stabbilit li l-atti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 157 iktar’il fuq ma imponew l-ebda sanzjoni fuq ir-rikorrenti.

187    Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 185 iktar’il fuq tirrigwarda deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fi żmien meta r-Regolament Nru 1/2003 ma kienx fis-seħħ u li kienet tirrigwarda r-riskju li ksur ikun suġġett għal sanzjonjiet parelleli bis-saħħa tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Kif tenfasizza korrettament il-Kummissjoni, tali riskju issa ma japplikax minħabba n-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni maħluq bir-Regolament Nru 1/2003, minħabba d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri fl-imsemmi regolament kif ukoll minħabba l-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk.

188    F’dan il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ma jobbliga lill-Kummissjoni sabiex, filwaqt li tistabbilixxi l-multi fid-deċiżjoni kkontestata, tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet ta’ klemenza provviżorji msemmija fil-punt 157 iktar’il fuq.

189    Għaldaqstant, l-argument sussidjarji invokat mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 għandu jiġi miċħud ukoll.

190    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq il-prinċipju non bis in idem għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament u tad-drittijiet tad-difiża fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi skont il-gravità tal-ksur

 Osservazzjonijiet preliminari

191    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑148/08, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 jikkontestaw l-iffissar mill-Kummissjoni tal-ammont inizjali tal-multi.

192    Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi. Dan il-metodu, hekk kif spjegat mil-Linji gwida tal-1998, fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik August Koehler et vs Il‑Kummissjoni, C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, Ġabra p. I‑7191, punt 112, u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Il-gravità tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita abbażi ta’ għadd kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 72, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 54).

194    Kif ġie espost fil-punt 25 iktar’il fuq, il-Kummissjoni, f’din il-kawża, iddeterminat l-ammont tal-multa billi applikat il-metodu stabbilit fil-Linji gwida tal-1998.

195    Għalkemm il-Linji gwida tal-1998 ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija obbligata tosserva f’kull każ, dawn madankollu jikkostitwixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita u li, f’każ partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax titbiegħed minnha mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar’il fuq, punt 209, u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza Carbone‑Lorraine u Il-Kummissjoni, punt 153 iktar’il fuq, punt 70).

196    Billi tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar’il fuq, punt 211, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar’il fuq, punt 71).

197    Barra minn hekk, il-Linji gwida tal-1998 jistabbilixxu, b’mod ġenerali u fl-astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jiżguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali tal-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar’il fuq, punti 211 u 213).

198    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Linji gwida tal-1998 jipprovdu, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, li abbażi tagħha jista’ jiġi stabbilit ammont inizjali ġenerali (it-tieni paragrafu tal-punt 1 A). It-tieni nett, il-gravità hija analizzata abbażi tan-natura tal-ksur imwettaq u tal-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti, li tista’ tagħti lok għall-kalkolu tal-ammont inizjali, għall-klassifikazzjoni tal-impriżi f’kategoriji u għall-iffissar ta’ ammont inizjali speċifiku (it-tielet u s-seba’ paragrafi tal-punt 1 A).

 Id-deċiżjoni kkontestata

199    Fl-ewwel lok, fit-taqsima tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-gravità tal-ksur (taqsima 13.6.1), il-Kummissjoni teżamina b’mod parallel l-erba’ ksur ikkonstatati fl-Artikolu 1 tagħha, minħabba li “jippreżentaw karatteristiċi komuni” (premessa 657 tad-deċiżjoni kkontestata). Din it-taqsima hija maqsuma fi tliet sotto-taqsimiet, l-ewwel waħda intitolata “Natura tal-ksur” (sotto-taqsima 13.6.1.1), it-tieni waħda intitolata “Portata tas-suq ġeografiku kkonċernat” (sotto-taqsima 13.6.1.2) u t-tielet waħda intitolata “Konklużjoni dwar il-gravità tal-ksur” (sotto-taqsima 13.6.1.3).

200    Fis-sotto-taqsima intitolata “Natura tal-ksur”, il-Kummissjoni tispjega, fil-premessi 658 u 659 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“658      Il-ksur suġġett ta’ din id-deċiżjoni kien jikkonsisti prinċiparjament f’kollużjoni sigrieta bejn kompetituri sabiex jaqsmu bejniethom is-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq billi jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda, u sabiex ma jikkompetux bejniethom f’dak li jirrigwarda l-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (ħlief fil-Ġermanja, fejn l-attività ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-membri tal-akkordju). Tali restrizzjonijiet orizzontali huma, min-natura tagħhom, fost il-ksur l-iktar serju tal-Artikolu 81 KE. Il-ksur f’din il-kawża artifiċjalment ipprivaw lill-klijenti mill-vantaġġi li huma setgħu jittamaw li jiksbu bi proċess ta’ offerta kompetittiva. Huwa interessanti wkoll li jingħad li ċerti proġetti magħmula bil-qerq kienu kuntratti pubbliċi ffinanzjati mit-taxxi u magħmula proprju bil-għan li jintlaqgħu offerti kompetittivi, u b’mod partikolari, li jippreżentaw relazzjoni tajba ta’ kwalità mal-prezz.

659      Sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, l-elementi relatati mal-għan tiegħu huma ġeneralment iktar sinjifikattivi minn dawk relatati mal-effetti tiegħu, b’mod partikolari meta ftehim, bħal f’din il-kawża, jirrigwardaw ksur serji ħafna, bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq. L-effetti ta’ ftehim huma ġeneralment kriterju mhux konklużiv sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur”.

201    Il-Kummissjoni tiddikjara li “hija ma pprovatx turi l-effetti speċifiċi tal-ksur, għaliex huwa impossibbli li tistabbilixxi b’ċertezza suffiċjenti l-parametri kompetittivi applikabbli (prezz, kundizzjonijiet kummerċjali, kwalità, innovazzjoni u oħrajn) fin-nuqqas ta’ ksur” (premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija tqis li “huwa evidenti li l-ksur kellhom impatt reali” u għal dan il-għan tispjega li “il-fatt li diversi arranġamenti antikompetittivi ġew implementati minn membri tal-akkordju jissuġġerixxi fih innifsu impatt fuq is-suq, anki jekk l-effett reali huwa diffiċli li jitkejjel, għaliex ma huwiex magħruf, b’mod partikolari, jekk u kemm proġetti oħra kienu s-suġġett ta’ qerq fl-offerti, u lanqas kemm proġetti kienu s-suġġett ta’ tqassim bejn il-membri tal-akkordju mingħajr ma kienu meħtieġa kuntatti bejniethom” (premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-istess premessa, il-Kummissjoni żżid li “l-ishma konġunti għoljin fis-suq tal-kompetituri juru effetti antikompetittivi probabbli u li l-istabbilità relattiva ta’ dawn l-ishma tas-suq matul it-tul tal-ksur tikkonferma dawn l-effetti”.

202    Fil-premessi 661 sa 669 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrispondi l-argumenti mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva intiżi sabiex juru l-impatt imnaqqas tal-ksur fuq is-suq.

203    Fis-sub-taqsima intitolata “Portata tas-suq ġeografiku kkonċernat”, il-Kummissjoni ssostni, fil-premessa 670 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-akkordji suġġett tad-deċiżjoni kkontestata jkopru t-territorji kollha tal-Belġju, tal-Ġermanja, tal-Lussemburgu u tal-Pajjiżi l-Baxxi, rispettivament”, u li “mill-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li suq ġeografiku nazzjonali li jkopri Stat Membru sħiħ jirrappreżenta fih innifsu parti sostanzjali tas-suq komuni”.

204    Fis-sub-taqsima intitolata “Konklużjoni dwar il-gravità tal-ksur”, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, li kull destinatarju wettaq ksur wieħed jew diversi ksur serji ħafna tal‑Artikolu 81 KE, “fid-dawl tal-natura tal-ksur u tal-fatt li kull ksur kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi)”. Hija tikkonkludi li “dawn il-fatturi huma tali li l-ksur għandu jiġi kkunsidrat bħala serju ħafna anki jekk l-impatt reali tagħhom ma jistax jitkejjel”.

205    Fit-tieni lok, fit-taqsima tad-deċiżjoni kkontestata intitolata “Trattament differenti” (taqsima 13.6.2), il-Kummissjoni tiffissa ammont inizjali tal-multa għal kull impriża li pparteċipat f’akkordji differenti (ara l-punti 28 sa 31 iktar’il fuq) li jikkunsidra, skont il-premessa 672 tad-deċiżjoni kkontestata, “il-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min jikkommetti l-ksur li jikkawża dannu sinjifikattiv lill-kompetizzjoni”. Il-Kummissjoni tispjega, fil-premessa 673 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “għal dan il-għan, l-impriżi tqassmu f’diversi kategoriji skont id-dħul mill-bejgħ magħmul mil-liftijiet u/jew l-eskalejters, inkluż, jekk ikun il-każ, fis-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni”.

 Fuq l-allegata illegalità tal-ammonti inizjali ġenerali tal-multi

206    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prassi deċiżjonali tagħha stess meta ffissat l-ammont inizjali tal-multa. Fil-fatt, hija ffissat l-ammont inizjali tal-multa billi bbażat ruħha fuq id-daqs tas-suq tal-liftijiet u tal-eskalejters, li huwa ta’ iktar minn EUR 500 miljun (premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, l-akkordji affettwaw biss il-bejgħ tal-eskalejters u parti żgħira mill-bejgħ tal-liftijiet fil-Ġermanja, li kienu proġetti fuq skala kbira jew ta’ prestiġju. B’hekk, id-daqs tas-suq ikkonċernat mill-ftehim ma kienx ta’ iktar minn EUR 170 miljun. Is-suq ta’ proġetti fuq skala kbira huwa suq distint mis-swieq l-oħra fis-settur tal-liftijiet, f’liema suq huma preżenti biss Otis, Schindler, Kone u ThyssenKrupp, u f’liema suq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni huma tant speċifiċi li l-akkordji li jikkonċernawhom ma setax kellhom effetti sinjifikattivi fis-suq tal-liftijiet standard, kif jirriżulta minn rapport ta’ esperti prodott mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 (iktar’il quddiem ir-“rapport ta’ esperti”). Skont ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑149/07 u T‑150/07, spekulazzjonijiet fuq effetti iktar sinjifikattivi fi kwalunkwe każ ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li ma ssemmewx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

207    L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 ma jikkontestawx il-legalità tal-metodoloġija spjegata fil-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998 dwar l-iffissar tal-ammonti inizjali ġenerali tal-multi. L-imsemmija metodoloġija tissodisfa loġika stabbilita, li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, stabbilit skont il-gravità tal-ksur, huwa kkalkolat skont in-natura u l-portata ġeografika tal-ksur kif ukoll skont l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq meta jkun jista’ jitkejjel (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑15/02, Ġabra p. II‑497, punt 134, u tas-6 ta’ Mejju 2009, Wieland Werke vs Il-Kummissjoni, T‑116/04, Ġabra p. II‑1087, punt 62).

208    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07, il-Kummissjoni ma ffissatx l-ammont inizjali ġenerali tal-multa għall-ksur fil-Ġermanja billi bbażat ruħha fuq id-daqs tas-suq allegatament affettwat. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 657 sa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fuq in-natura tal-imsemmija ksur u l-portata ġeografika tagħhom.

209    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-daqs tas-suq ikkonċernat ma huwiex, bħala regola ġenerali, element obbligatorju, iżda sempliċement element rilevanti fost oħrajn, għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, peress li l-Kummissjoni, barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, ma hijiex obbligata tiddelimita s-suq ikkonċernat jew tevalwa d-daqs tiegħu meta l-ksur inkwistjoni jkollu għan antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 193 iktar’il fuq, punti 55 u 64).

210    B’hekk sabiex jiġi ffissat l-ammont inizjali ġenerali tal-multa, il-Kummissjoni tista’, mingħajr madankollu ma tkun obbligata tagħmel dan, tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tas-suq li huwa s-suġġett tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi BASF vs Il-Kummissjoni, punt 207 iktar’il fuq, punt 134, u Wieland‑Werke vs Il-Kummissjoni, punt 207 iktar’il fuq, punt 63). Fil-fatt, il-Linji gwida tal-1998 ma jipprovdux li l-ammont tal-multi għandu jiġi kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ globali jew skont id-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriżi fuq is-suq ikkonċernat. Madankollu huma lanqas jipprekludu illi tali dħul mill-bejgħ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar’il fuq, punt 187). L-argument tar-rikorrenti illi l-ammont inizjali ġenerali tal-multa stabbilit għall-akkordju fil-Ġermanja għandu jirrifletti d-daqs allegatament limitat tas-suq ikkonċernat huwa għalhekk ibbażat fuq premessa żbaljata u għandu jiġi miċħud.

211    Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma kkunsidratx il-fatt li, fir-rigward tas-suq tal-liftijiet, l-akkordji affettwaw biss il-proġetti fuq skala kbira jew ta’ prestiġju u li għalhekk, id-daqs tas-suq ikkonċernat mill-akkordji, ma qabiżx l-EUR 170 miljun. Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma għandux jintlaqa’, peress li, kif imfakkar fil-punt 153 iktar’il fuq, tali prassi ma għandhiex isservi bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

212    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat illi, anki jekk abbażi tal-estimi mressqa mir-rikorrenti, li juru li l-valur tas-suq ikkonċernat ma qabiżx l-EUR 170 miljun, l-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 70 miljun jirrappreżenta madwar 41 % tas-suq. Issa, diġà ġie deċiż illi ammonti inizjali ta’ perċentwali għoli bħal dan jistgħu jiġu ġġustifikati fil-każ ta’ ksur serju ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar’il fuq, punti 130 u 133 sa 137).

213    F’dan il-kuntest, l-argument ibbażat fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑149/07 u T‑150/07 lanqas ma għandu jiġi milqugħ. Minbarra l-fatt li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-imsemmija rikorrenti, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx il-gravità tal-ksur abbażi tal-volum tas-suq affettwat mill-akkordju u lanqas mill-impatt ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi kkonstatat illi, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u b’mod partikolari fil-punti 77 sa 83, u fil-punti 579 u 583 tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-akkordju fil-Ġermanja kien jirrigwarda s-setturi tal-liftijiet u tal-eskalejters flimkien. Barra minn hekk, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità ta’ kull ksur għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 617(b) tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li “l-arranġamenti kienu mifruxa fuq is-setturi kollha tal-liftijiet u l-eskalejters”.

214    It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 li l-akkordji ma kellhomx effett fuq l-allegat suq distint tal-liftijiet standard, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Linji gwida tal-1998 jindikaw, fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-punt 1 A, dan li ġej:

“L-evalwazzjoni tan-natura tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura stess tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan jista’ jitkejjel u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat.

Il-ksur se jinqasam għalhekk fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna.”

215    Skont l-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni għandha għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, teżamina l-impatt konkret fuq is-suq biss meta jidher li dan l-impatt jista’ jitkejjel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 193 iktar’il fuq, punt 74; is-sentenzi Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar’il fuq, punt 143, u Degussa vs Il-Kummissjoni, punt 112 iktar’il fuq, punt 216).

216    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li kieku normalment kienet teżisti fin-nuqqas ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 619 u 620; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mayr Melnhof vs Il-Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 235; Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar’il fuq, punt 150, u Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar’il fuq, punt 83).

217    Il-Kummissjoni, fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, tiddikjara li “hija ma pprovatx turi l-effetti speċifiċi tal-ksur, għaliex kien impossibbli li jiġu stabbiliti b’ċertezza suffiċjenti l-parametri kompetittivi applikabbli (prezz, kundizzjonijiet kummerċjali, kwalità, innovazzjoni u oħrajn) fin-nuqqas tal-ksur”. Anki jekk fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li huwa evidenti li l-akkordji kellhom impatt reali, minn meta ġew implementati, li fih innifsu jissuġġerixxi impatt fuq is-suq u anki jekk, fil-premessi 661 sa 669, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tal-impriżi kkonċernati li kienu intenzjonati sabiex juru l-effetti mnaqqsa tal-akkordji, għandu jiġi kkonstatat illi, fid-deċiżjoni kkontestata, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt eventwali tagħhom fuq is-suq.

218    Huwa b’hekk li l-Kummissjoni, fil-premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, tibbaża l-konklużjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur biss fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tal-imsemmija ksur u tal-portata ġeografika tagħhom. Fil-fatt, il-Kummissjoni, fl-imsemmija premessa, tikkonkludi li “fid-dawl tan-natura tal-ksur u tal-fatt li kull ksur kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Lussemburgu jew il-Pajjiżi l-Baxxi) għandu jiġi kkunsidrat li kull destinatarju wettaq ksur wieħed jew diversi ksur serji ħafna tal-Artikolu 81 KE.”

219    B’mod partikolari, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, mill-premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni tirrispondi, barra minn hekk, l-allegazzjoni ta’ Kone u ta’ Otis dwar l-impatt allegatament limitat tal-ksur, jirriżulta li kien “impossibli li jintwerew l-effetti speċifiċi tal-ksur” u li l-ftehim fil-Ġermanja ma affettwawx biss l-eskalejters u l-proġetti ta’ liftijiet ta’ ammont għoli, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li kien probabbli “li l-attivitajiet tal-akkordju fuq il-proġetti ta’ liftijiet ta’ iktar minn miljun euro, li jinkludu liftijiet b’veloċità qawwija u ta’ valur għoli, kellhom rwol fil-funzjonament tal-bqija tas-suq tal-liftijiet”. Fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni rrilevat ukoll li l-valur totali ta’ proġett kien jipprevali fuq in-numru u fuq it-tip ta’ liftijiet, li kien impossibbli li jintwerew l-effetti speċifiċi tal-ksur u li l-fatti kienu wrew biċ-ċar li l-intenzjoni tal-partijiet ma kinitx li jeskludu ċerti tipi ta’ prodotti, iżda li jiftehmu fuq il-proġetti fejn il-kompetizzjoni setgħet tiġi eliminata iktar faċilment.

220    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 ma jsostnux li l-impatt tal-ksur fil-Ġermanja kien jista’ jitkejjel, iżda biss li l-ksur kien jirrigwarda suq ta’ daqs allegatament imnaqqas u li l-akkordji ma setax kellhom effett sinjifikattiv fuq l-allegat suq tal-liftijiet standard. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni kienet obbligata, skont il-Linji gwida tal-1998 u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 215 iktar’il fuq, li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur għall-evalwazzjoni tal-gravità tagħhom, b’tali mod li l-argument tagħhom ma jistax jintlaqa’.

221    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rapport tal-esperti, ikkontestata mill-Kummissjoni, li huwa intiż sabiex juri li l-akkordju fil-Ġermanja kien jirrigwarda biss sehem fis-suq tal-liftijiet, u lanqas li jintlaqgħu t-talbiet għal miżuri istruttorji mressqa f’dan ir-rigward mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 u intiżi sabiex juru l-ammissibbiltà tar-rapport tal-esperti.

222    Fir-rigward tal-imsemmi rapport, fi kwalunkwe każ hemm lok li jiġi rrilevat li, minkejja li, skont ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07, is-suq allegatament affettwat mill-akkordji ma jaqbiżx l-EUR 170 miljun u ma setax kellu effetti sinjifikattivi fuq is-suq tal-liftijiet standard, ir-rapport tal-esperti jindika, minn naħa waħda, li l-liftijiet ta’ veloċità qawwija (High-Tech/Premium) fl-2003 irrappreżentaw bejn EUR 11.5 u 13.04 miljuni u, min-naħa l-oħra, li l-proġetti fuq skala kbira jinkludu kemm liftijiet b’veloċità għolja kif ukoll liftijiet standard. Għaldaqstant, anki kikeu kien hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-allegati proġetti fuq skala kbira biss kienu kkonċernati bl-akkordju, l-impatt tagħhom fuq l-allegat suq tal-liftijiet standard ma għandux jiġi eskluż, peress li l-proġetti fuq skala kbira manifestament jinkludu kwantità kbira ta’ liftijiet standard.

223    L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, anki kieku l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tikkunsidra dan l-element fakultattiv li huwa l-impatt tal-ksur fuq is-suq u li konsegwentement kellha tipprovdi, fid-deċiżjoni kkontestata, indikazzjonijiet konkreti, kredibbli u suffiċjenti li jippermettu li jiġi evalwat l-impatt konkret li l-ksur seta’ kellu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq is-suq (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 193 iktar’il fuq, punt 82), għandu jiġi kkunsidrat li hija kienet, fi kwalunkwe każ, issodisfat dan l-obbligu.

224    F’dak li jirrigwarda l-ksur fil-Ġermanja, il-Kummissjoni rrilevat b’mod partikolari li Kone, Otis, Schindler u ThyssenKrupp kellhom, bħala valur, iktar minn 60 % tal-bejgħ ta’ liftijiet u kważi 100 % tas-suq tal-eskalejters (premessi 51 u 232 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, wara s-sena 2000, it-tliet parteċipanti fl-akkordju flimkien kellhom madwar 75 % tas-suq tal-eskalejters u kważi 50 % tas-suq tal-liftijiet (premessi 278 u 280 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, l-għan tal-akkordju kien li jiffriża l-ishma tas-suq rispettivi tal-impriżi kkonċernati (premessi 236 et seq tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll il-frekwenza tal-laqgħat (premessi 217 u 218 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-prekawzjonijiet meħuda mill-parteċipanti sabiex jaħbu l-kuntatti tagħhom (premessi 219 sa 221 tad-deċiżjoni kkontestata).

225    B’hekk, kif irrilevat fil-punt 217 iktar’il fuq, il-Kummissjoni, fil-premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet li, il-fatt li d-diversi arranġamenti antikompetittivi kienu ġew implementati jissuġġerixxi fih innifsu impatt fuq is-suq, anki jekk l-effett reali kien diffiċli li jitkejjel, għaliex ma kienx possibbli li jiġi stabbilit, b’mod partikolari, jekk u kemm mill-proġetti kienu s-suġġett ta’ qerq fl-offerti, u lanqas kemm mill-proġetti kienu s-suġġett ta’ tqassim bejn il-membri tal-akkordju mingħajr il-ħtieġa ta’ kuntatti bejniethom. Il-Kummissjoni żiedet li l-ishma konġunti għoljin fis-suq tal-kompetituri kienu jindikaw effetti antikompetittivi probabbli u li l-istabbilità relattiva ta’ dawn l-ishma tas-suq matul it-tul tal-ksur kollu kienet tikkonferma dawn l-effetti.

226    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ammont inizjali ta’ EUR 70 miljun iffissat għall-ksur fil-Ġermanja ma huwiex sproporzjonat fid-dawl tal-gravità partikolari tal-ksur, anki jekk ikollu jiġi stabbilit, kif jallegaw ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07, li fir-rigward tal-liftijiet, l-akkordju kien affettwa biss il-proġetti fuq skala kbira.

227    It-tielet nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li l-akkordju ma kellux effetti ħlief fil-Ġermanja, u dan biss fuq parti żgħira tas-suq, b’tali mod li l-ammont inizjali ta’ EUR 70 miljun iffissat għall-ksur fil-Ġermanja għandu jitnaqqas, fid-dawl tas-suq ġeografiku kkonċernat.

228    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ammont inizjali ġenerali tal-multa huwa stabbilit b’mod paritkolari skont il-portata ġeografika tal-ksur.

229    Barra minn hekk, hija ġurisdizzjoni stabbilita li suq ġeografiku ta’ dimensjoni nazzjonali jikkorrispondi għal parti sostanzjali tas-suq komuni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 176). Peress li ma huwiex ikkontestat li l-akkordju fil-Ġermanja jirrigwarda t-territorju kollu ta’ dan l-Istat Membru, għandu jiġi kkunsidrat li dan ikopri parti sostanzjali tas-suq komuni.

230    Fid-dawl, minn naħa, tan-natura partikolarment serja tal-akkordju u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li kien ikopri parti sostanzjali tas-suq komuni, għandu jiġi kkunsidrat li l-iffissar mill-Kummissjoni ta’ ammont inizjali għall-ksur fil-Ġermanja ta’ EUR 70 miljun ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

231    Sussidjarjament, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li, anki jekk ibbażat fuq il-volum totali tas-suq tal-liftijiet, l-ammont inizjali ta’ EUR 70 miljun iffissat għall-ksur fil-Ġermanja huwa eċċessiv, meta l-impriżi li pparteċipaw fil-proċedura kienu jirrappreżentaw inqas minn 50 % tal-volum tas-suq totali Ġermaniż tal-liftijiet (premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, tali argument għandu jiġi miċħud, peress li, kif ġie rrilevat fil-punti 208 sa 210 iktar’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tiffissa – u f’din il-kawża ma ffissatx – l-ammont inizjali ġenerali tal-multa għall-ksur fil-Ġermanja billi tibbaża ruħha fuq id-daqs tas-suq allegatament affettwat.

232    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li, fl-2003, l-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju fil-Ġermanja kienu jirrappreżentaw 48 % tas-suq globali tal-liftijiet, stmat fl-ammont ta’ EUR 506 miljuni (premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata), u 75 % tas-suq tal-eskelejters, stmat fl-ammont ta’ EUR 70 miljun (premessi 82 u 278 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ammont inizjali ta’ EUR 70 miljun b’hekk jirrappreżenta 23.7 % tad-dħul mill-bejgħ magħmula mill-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju Ġermaniż. Tali perċentwali ma għandhux jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv fir-rigward, minn naħa, tan-natura partikolarment serja tal-ksur u, min-naħa l-oħra, tal-portata ġeografika tiegħu.

233    Iktar sussidjarjament, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li meta ffissat l-ammont inizjali għall-ksur fil-Ġermanja, il-Kummissjoni dderogat mill-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa applikat fid-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li l-portata tal-akkordji fil-Ġermanja kienet iktar limitata milli fit-tliet pajjiżi tal-Benelux, hija ma setgħetx tapplika l-istess kriterji tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta minħabba l-ksur imwettaq fil-Ġermanja.

234    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minkejja li l-Kummissjoni ma pprovatx turi l-effetti speċifiċi tal-ksur (premessa 660 tad-deċiżjoni kkontestata), hija xorta, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, iffissat ammont inizjali mnaqqas sabiex tikkunsidra, għall-benefiċċju tal-impriżi kkonċernati, il-possibbiltà li mhux it-totalità tas-suq tal-liftijiet kien affettwat direttament mill-akkordji. B’hekk, kif il-Kummissjoni tirrileva fil-premessa 664 tad-deċiżjoni kkontestata, hija “ikkunsidrat li l-attivitajiet tal-akkordju fil-Ġermanja forsi ma affettwawx direttament is-suq kollu tal-liftijiet” meta ġiet biex tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa. Fil-fatt, kien jidher li l-ammont inizjali għall-akkordju fil-Ġermanja kien iffissat f’ammont inqas minn dak applikat għall-akkordji l-oħra msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tad-daqs tas-swieq ikkonċernati.

235    Anki jekk il-Kummissjoni, meta tikkonstata diversi ksur serji ħafna f’deċiżjoni waħda unika, għandha tirrispetta ċerta koerenza bejn l-ammonti inizjali ġenerali u d-daqs tas-swieq differenti affettwati, ma hemm xejn x’jindika f’din il-kawża li l-ammonti inizjali ġenerali ffissati għall-ksur fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi ma humiex koerenti jew li dderogaw minn allegat mod ta’ kalkolu applikat fid-deċiżjoni kkontestata.

236    Fil-fatt, l-eżami ta’ informazzjoni rilevanti juri li l-Kummissjoni, fid-dawl tad-daqs tas-swieq affettwati, iffissat b’mod koerenti l-ammonti inizjali ġenerali tal-multi. B’hekk, il-Kummissjoni ffissat l-ammonti inizjali ġenerali ikbar fil-każ ta’ swieq ikbar, mingħajr ma użat madankollu formola matematika preċiża, ħaġa li, fi kwalunkwe każ, ma kinitx obbligata tagħmel (ara l-punti 207 sa 210 iktar’il fuq). B’hekk, għas-suq li nettament huwa l-ikbar, dak tal-Ġermanja, li jirrappreżenta EUR 576 miljun, l-ammont inizjali ġenerali ġie ffissat bħala EUR 70 miljun, għaż-żewġt iswieq li jmiss f’termini ta’ daqs, dak tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Belġju, li jirrappreżentaw EUR 363 miljun u EUR 254 miljun rispettivament, l-ammont inizjali ġenerali ġie ffissat bħala EUR 55 miljun u EUR 40 miljun rispettivament; fl-aħħar nett, fir-rigward tas-suq Lussemburgiż, ta’ daqs manifestament iżgħar, li jirrappreżenta EUR 32 miljun, minkejja li l-Linji gwida tal-1998 jistabbilixxu, għal ksur serju ħafna, l-iffissar ta’ ammont minħabba l-gravità ta’ “iktar minn EUR 20 miljun”, il-Kummissjoni qieset opportun li tillimita dan l-ammont għal EUR 10 miljuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 207 iktar’il fuq, punt 136). Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

237    Minn dan isegwi li l-ilmenti kollha dwar l-iffissar tal-ammont inizjali għall-ksur fil-Ġermanja għandhom jiġu miċħuda.

238    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ksur fil-Lussemburgu, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li hemm sproporzjon bejn l-ammont inizjali ġenerali tal-multa u d-daqs tas-suq ikkonċernat bil-ksur.

239    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti fil-Kawża T‑148/07 ma tikkontestax il-legalità tal-metodoloġija esposta fil-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998 dwar l-iffissar tal-ammont inizjali, li kif tfakkar fil-punt 207 iktar’il fuq, tissodisfa loġika stabbilita. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 209 iktar’il fuq, id-daqs tas-suq ikkonċernat huwa biss element rilevanti għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont inizjali tal-multa. Fil-punt 208 iktar’il fuq tfakkar li, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessi 657 sa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fuq in-natura tal-imsemmija ksur u fuq il-portata ġeografika tagħhom. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura eċċessiva tal-ammont inizjali ffissat għall-ksur fil-Lussemburgu fid-dawl tad-daqs tas-suq ikkonċernat mill-ksur għandu jiġi miċħud.

240    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ffissat l-ammont inizjali ġenerali tal-multa għall-ksur fil-Lussemburgu bħala EUR 10 miljuni. B’hekk minkejja li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-gravità tal-ksur skont in-natura u l-portata ġeografika tiegħu, hija ddeċidiet li kien opportun tiffissa ammont inizjali ġenerali li jikkorrispondi għal nofs il-limitu minimu ta’ EUR 20 miljun li normalment huwa previst mil-Linji gwida għal dan it-tip ta’ ksur serju ħafna (ara t-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998).

241    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 għandu jiġi miċħud.

242    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑150/07 u T‑154/07 isostnu li l-Kummissjoni injorat l-impatt limitat tal-ksur fuq is-suq, meta inqas minn 10 sa 15 % tas-suq ġie affettwat mill-akkordju, ħaġa li kienet ikkonfermata mill-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, anki jekk il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikkonstata r-riperkussjonijiet speċifiċi fuq is-suq Olandiż, hija kellha tikkunsidra l-volum żgħir ħafna tas-suq affettwat mill-akkordju.

243    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti fil-Kawża T‑154/07 lanqas ma tikkontesta l-legalità tal-metodoloġija esposta fil-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998 dwar l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa li, kif tfakkar fil-punt 207 iktar’il fuq, tissodisfa loġika stabbilita. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 209 iktar’il fuq, id-daqs tas-suq ikkonċernat huwa biss element rilevanti għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont inizjali tal-multa. Fil-punt 208 iktar’il fuq tfakkar li, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessi 657 sa 671 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fuq in-natura tal-imsemmija ksur u fuq il-portata ġeografika tagħhom. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-natura eċċessiva tal-ammont inizjali ffissat għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi fid-dawl tad-daqs tas-suq ikkonċernat mill-ksur għandu jiġi miċħud.

244    L-ewwel nett, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, minn naħa, id-dikjarazzjonijiet tal-parteċipanti fl-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi dwar proġetti allegatament affettwati mill-akkordju huma bbażati biss fuq in-numru ta’ proġetti li għalihom l-imsemmija parteċipanti espressament irrikonoxxew l-eżistenza ta’ akkordju. F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kien hemm l-ebda bżonn sabiex jitqassmu l-proġetti kollha fil-kuntest tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi, peress li l-impriżi kkonċernati kellhom jiddiskutu biss proġetti li ma kinux ingħataw awtomatikament lil xi waħda minn fosthom minħabba relazzjoni stabbilita ma’ klijent eżistenti. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, jekk verament Otis u ThyssenKrupp allegaw li n-numru totali ta’ proġetti li għall-għoti tagħhom saru diskussjonijiet kienu jkopru biss proporzjon limitat tal-proġetti kollha li kellhom jiġu eżegwiti (premessa 492 tad-deċiżjoni kkontestata), il-kalkoli li huma ppreżentaw f’dan ir-rigward fihom varjazzjonijiet sostanzjali (premessi 494, 495, 496, 497 u 499 tad-deċiżjoni kkontestata).

245    Minn dan isegwi li l-argumenti bbażati fuq in-natura eċċessiva tal-ammont inizjali għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jiġu miċħuda.

246    Għaldaqstant, l-ilmenti kollha li jirrigwardaw l-ammonti inizjali ġenerali tal-multi għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-allegata illegalità tal-ammonti inizjali speċifiċi tal-multi

247    Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati huwa parti mid-diskrezzjoni tal-Kummissjoni skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija mitluba tindividwalizza l-penali fir-rigward tal-aġir u tal-karatteristiċi partikolari għall-impriżi kkonċernati, sabiex tiggarantixxi, f’kull każ, l-effikaċja sħiħa tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109, u Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 108 iktar’il fuq, punt 44).

248    Huwa b’dan il-mod li l-Linji gwida jipprovdu li, għal ksur ta’ gravità partikolari, fil-każijiet li jinvolvu diversi impriżi, bħall-kartelli, jista’ jkun jaqbel li jiġi deċiż ammont inizjali ġenerali sabiex jiġi ffissat ammont inizjali speċifiku filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż, u konsegwentement l-impatt reali, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm disparità kunsiderevoli fid-daqs tal-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-istess tip (is-sitt paragrafu tal-punt 1 A). B’mod partikolari, huwa meħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min iwettaq il-ksur li jikkawża dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi (ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A).

249    Il-Linji gwida tal-1998 jispeċifikaw ukoll li l-prinċipju ta’ sanzjoni ugwali għall-istess aġir jista’ jwassal, meta ċ-ċirkustanzi jeżiġu dan, għall-applikazzjoni ta’ ammonti differenti fuq l-impriżi kkonċernati mingħajr ma din id-differenza ma tkun irregolata minn kalkolu aritmetiku (is-seba’ paragrafu tal-punt 1 A).

250    Kif ġie rrilevat fil-punt 210 iktar’il fuq, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Linji gwida tal-1998 ma jipprovdux li l-ammont tal-multi huwa kkalkolat skont id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriżi fis-suq ikkonċernat. B’hekk, sabiex tiġi evalwata l-influwenza ta’ impriża fuq is-suq jew, skont il-Linji gwida, il-kapaċità ekonomika effettiva tagħha sabiex tikkawża dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tiddefinixxi s-suq minn qabel u lanqas li tevalwa d-daqs tiegħu (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 193 iktar’il fuq, punt 63). Madankollu, il-Linji gwida tal-1998 lanqas jipprekludu illi tali dħul mill-bejgħ jiġu kkunsidrati fl-iffissar tal-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni u meta ċ-ċirkustanzi jitolbu dan (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punti 283 u 284; tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 82, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 157).

251    F’dan il-każ, mill-premessi 672 sa 685 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni applikat, għal kull ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, “trattament differenti għall-impriżi sabiex tikkunsidra l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ min wettaq il-ksur li jikkawża dannu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni” (premessa 672 tad-deċiżjoni kkontestata). Għal kull ksur, hija għamlet klassifikazzjoni tal-impriżi sabiex tiffissa l-ammonti inizjali speċifiċi tal-multa, skont id-dħul mill-bejgħ tagħhom magħmul fuq kull suq nazzjonali tal-prodotti kkonċernati (premessi 673 sa 685 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-eċċezzjoni tal-iffissar tal-ammont inizjali speċifiku għal Schindler minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-Ġermanja, il-Kummissjoni bbażat ruħha, sabiex tiffissa l-ammonti inizjali ta’ impriżi oħra, għal kull ksur, fuq id-dħul mill-bejgħ tas-sena 2003, li kienet, skont il-Kummissjoni, l-iktar sena reċenti li matulha l-imsemmija impriżi kienu membri attivi tal-akkordji kkonċernati (premessi 674, 676, 680 u 684 tad-deċiżjoni kkontestata).

252    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ksur fil-Belġju, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑149/07 u T‑150/07 isostnu, fl-argumenti tagħhom dwar l-ammont inizjali tal-multi, li matul il-perijodu tal-ksur fil-Belġju, ThyssenKrupp kellha sehem fis-suq ħafna iżgħar minn dak ta’ Kone u ta’ Schindler, b’tali mod li l-ammont tal-multa għandu jitnaqqas.

253    Skont is-seba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998, id-differenza bejn l-impriżi li pparteċipaw fl-istess ksur ma għandhiex tkun irregolata minn kalkolu aritmetiku. Fil-fatt, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jeżigux li l-ammont inizjali tal-multa jirrappreżenta għad-diversi membri tal-akkordju, perċentwali identiku tad-dħul mill-bejgħ individwali (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar’il fuq, punt 149).

254    Għaldaqstant, sabiex jiġi vverifikat jekk it-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’kategoriji huwiex konformi mal-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha f’dan il-qasam, għandha tillimita ruħha li tistħarreġ jekk dan it-tqassim huwiex koerenti u oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punti 406 u 416 ; Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar’il fuq, punti 220 u 222 ; BASF vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar’il fuq, punt 157, u Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar’il fuq, punt 184).

255    F’dan il-każ, kuntrarjament għal li jallegaw ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑149/07 u T‑150/07, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattivament inqas sinjifikattiva ta’ TKLA fuq is-suq Belġjan billi kklassifikatha f’kategorija separata b’ammont inizjali nettament iżgħar mill-ammonti inizjali stabbiliti għall-parteċipanti l-oħra fl-akkordju fil-Belġju. B’hekk, kuntrarjament għal Kone u għal Schindler, li tpoġġew fl-ewwel kategorija, b’ammont inizjali ta’ EUR 40 miljun, u għal Otis, li tpoġġiet fit-tieni kategorija, b’ammont inizjali ta’ EUR 27 miljun, ThyssenKrupp tpoġġiet fit-tielet kategorija, b’ammont inizjali ta’ EUR 16.5 miljuni, li, barra minn hekk, huwa iżgħar mill-minimu ta’ EUR 20 miljun li huwa normalment previst mil-Linji gwida għal dan it-tip ta’ ksur serju ħafna (ara t-tielet inċiż tat-tieni paragrafu tal-punt 1 A) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Daesang u Sewon Europe vs Il-Kummissjoni, T‑230/00, Ġabra p. II‑2733, punt 58).

256    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑149/07 u T‑150/07 ibbażati fuq in-natura allegatament illegali tal-ammont inizjali speċifiku tal-multa li ġiet imposta fuqhom minħabba l-parteċipazzjoni ta’ TKLA fl-akkordju fil-Belġju għandhom jiġu miċħuda.

257    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07, l-ewwel nett, jallegaw allegat trattament diskriminatorju peress li l-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuqhom kienet ikkalkolata biss abbażi tan-natura u tal-portata ġeografika tal-aġir li jikkostitwixxi ksur, filwaqt li dak tal-multa imposta fuq Schindler ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmi aġir kien jirrigwarda biss parti mis-suq tal-prodotti kkonċernati. L-applikazzjoni tal-approċċ magħżul mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Schindler għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 kellha twassal għal tnaqqis tal-ammont inizjali tal-multa tagħhom.

258    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessi 676 sa 679 tagħha, jirriżulta mingħajr ekwivoku li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju fil-Ġermanja, il-Kummissjoni bbażat ruħha, kemm fil-konfront ta’ Schindler kif ukoll tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju fil-Ġermanja, fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriżi kkonċernati fis-suq affettwat mill-akkordju.

259    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-akkordju fil-Ġermanja, is-sitwazzjoni ta’ Schindler hija differenti minn dik ta’ ThyssenKrupp. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li, matul il-parteċipazzjoni kollha ta’ Schindler fl-akkordju fil-Ġermanja bejn Awwissu 1995 u Diċembru 2000, din kienet tikkonċerna biss l-eskalejters (premessa 213 u Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk Schindler ipparteċipat biss fil-parti tal-ksur li tirrigwarda l-eskalejters ikkonstatata fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, ThyssenKrupp ipparteċipat f’żewġ partijiet tal-ksur, jiġifieri dik li tirrigwarda l-eskalejters, bejn Awwissu 1995 u Diċembru 2003, u dik li tirrigwarda l-liftijiet, bejn Diċembru 2000 u Diċembru 2003 (premessi 212 u 213, u l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata). L-applikazzjoni ta’ trattament differenti hija intiża speċifikament sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn l-impriżi fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jikkawżaw dannu sinjifikattiv għall-kompetizzjoni, li, fir-rigward ta’ Schindler, kienet neċessarjament inqas peress li hija ma pparteċipatx fil-parti tal-akkordju dwar il-liftijiet.

260    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 ma jistgħux validament jikkonkludu li kien hemm trattament diskriminatorju li jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni fir-rigward ta’ Schindler, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont inizjali speċifiku tal-multa, tad-dħul mill-bejgħ li sar fis-suq tal-eskalejters biss. Għall-kuntrarju, huwa fil-fatt it-teħid inkunsiderazzjoni tad-differenza bejn is-sitwazzjonijiet ta’ Schindler, minn naħa waħda, u ta’ parteċipanti oħra fl-akkordju, min-naħa l-oħra, li wasslu lill-Kummissjoni, sabiex bl-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tieħu inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ differenti għaż-żewġ kategoriji ta’ impriżi kkonċernati.

261    It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T-147/07, T‑149/07 u T-150/07 isostnu li huma ġew ikklassifikati b’mod żbaljat fl-ewwel kategorija, peress li, skont l-informazzjoni fil-pussess tagħhom, il-Kummissjoni interpretat is-sitwazzjoni reali b’mod żbaljat f’termini ta’ ishma tas-suq. Sabiex isostnu l-argument tagħhom, l-imsemmija rikorrenti jirreferu għal, minn naħa waħda, l-ishma tas-suq ta’ Schindler fis-suq tal-liftijiet u tal-eskalejters fl-2003, li hija s-sena ta’ referenza. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jiddikjaraw li huma ma kellhomx ishma tas-suq ekwivalenti għal dawk ta’ Kone u ta’ Otis fis-suq Ġermaniż, fir-rigward tal-eskalejters u ta’ proġetti ta’ liftijiet fuq skala kbira. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma żvelatx il-kalkoli li kienu l-bażi tad-definizzjoni tal-kategoriji f’termini ta’ ishma tas-suq, inkluż wara li ġiet mistiedna tagħmel dan mir-rikorrenti.

262    L-ewwel nett għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammonti inizjali speċifiċi tal-multa, il-Kummissjoni kklassifikat l-impriżi skont id-dħul mill-bejgħ tagħhom magħmul fuq kull suq nazzjonali tal-prodotti kkonċernati (premessa 673 tad-deċiżjoni kkontestata) (ara l‑punt 251 iktar’il fuq). F’dan ir-rigward, fil-premessa 678 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, “fid-dawl tas-similitudni tal-ishma tas-suq u tal-kapaċità ekonomika ta’ Kone, ta’ Otis u ta’ ThyssenKrupp, ma għandux jiġi applikat trattament differenti fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa.”

263    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-ammont inizjali tal-multa mhux neċessarjament jirrappreżenta għall-membri kollha tal-akkordju perċentwali identiku tad-dħul mill-bejgħ rispettiv tagħhom huwa inerenti fil-metodu li jikkonsisti fit-tqassim tal-impriżi f’kategoriji, bil-konsegwenza li jiġi stabbilit ammont inizjali fiss għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija. Il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li tali metodu, għalkemm jinjora d-differenza fid-daqs bejn impriżi tal-istess kategorija, ma jistax, bħala regola, jiġi impunjat (sentenzi CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 254 iktar’il fuq, punt 385; Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar’il fuq, punt 217, u BASF vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar’il fuq, punt 150).

264    F’dan il-każ, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 ma jikkontestawx id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 673 u 678 tad-deċiżjoni kkontestata.

265    Minn naħa waħda, peress li l-akkordju li fih ipparteċipat Schindler ma kienx jikkonċerna l-eskalejters, il-Kummissjoni ġustament ħadet inkunsiderazzjoni l-uniku dħul mill-bejgħ magħmul minn din l-impriża f’dan is-settur sabiex tiffissa l-ammont inizjali speċifiku għaliha. L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq paragun bejn l-ishma tas-suq ta’ Schindler fuq is-suq tal-liftijiet u tal-eskalejters fl-2003 għalhekk ma għandux jintlaqa’.

266    Min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-Kummissjoni kklassifikat l-impriżi abbażi tad-dħul mill-bejgħ tagħhom magħmul fuq kull suq nazzjonali tal-prodotti kkonċernati (premessa 673 tad-deċiżjoni kkontestata) u peress li, sabiex tiġi evalwata l-influwenza ta’ impriża fuq is-suq jew, skont il-Linji gwida tal-1998, il-kapaċità ekonomika effettiva li tikkawża preġudizzju sinjifikattiv lill-operaturi oħra, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiddefinixxi s-suq minn qabel u lanqas tevalwa d-daqs tiegħu (sentenza Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, punt 193 iktar’il fuq, punt 63), l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati, fir-rigward tal-eskalejters u, fis-settur tal-liftijiet, ta’ proġetti fuq skala kbira, fi kwalunkwe każ ma għandux jintlaqa’.

267    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li huma ġew ikklassifikati b’mod żbaljat fl-ewwel kategorija għandu jiġi miċħud. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 intiżi sabiex jobbligaw lill-Kummissjoni tikkomunika l-kalkoli tagħha dwar l-ishma tas-suq fis-suq Ġermaniż.

268    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ksur fil-Lussemburgu, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 jirrilevaw li ThyssenKrupp ma kinitx kapaċi, minħabba d-daqs żgħir tagħha u s-sehem żgħir tagħha fis-suq, li tikkawża dannu għall-operaturi l-oħra u għall-konsumaturi (punt 1 A tal-Linji gwida tal-1998).

269    L-ewwel nett, il-Kummissjoni poġġiet lil ThyssenKrupp u lil Kone fit-tieni kategorija, filwaqt li Kone kellha sehem ħafna ikbar tas-suq, sa kważi d-doppju ta’ ThyssenKrupp (premessa 680 tad-deċiżjoni kkontestata).

270    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessa 680 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-2003, id-dħul mill-bejgħ ta’ Kone u ta’ ThyssenKrupp fis-suq Lussemburgiż kien relattivament simili u kienu, it-tnejn, minn tlieta sa erba’ darbiet inqas mid-dħul mill-bejgħ ta’ Otis u ta’ Schindler f’dan is-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni ma eċċeditx b’mod manifest il-marġni diskrezzjonali tagħha meta poġġiet lil Schindler u Otis fl-ewwel kategorija u lil Kone u ThyssenKrupp fit-tieni kategorija, peress li din il-klassifikazzjoni tidher koerenti u oġġettivament iġġustifikata.

271    It-tieni nett, paragun bejn l-ishma tas-suq ta’ ThyssenKrupp u ta’ Otis u ta’ Schindler juri li kien oġġettivament żbaljat li ThyssenKrupp titpoġġa fit-tieni kategorija. Fil-fatt, Otis u Schindler tpoġġew fl-ewwel kategorija u fl-2003 kellhom ishma tas-suq ta’ madwar ħames darbiet ikbar minn dak ta’ ThyssenKrupp. L-ammont inizjali tal-multa ta’ ThyssenKrupp kien jikkorrispondi għal kwart tal-ammont inizjali ffissat għal Otis u Schindler, minkejja li s-sehem tas-suq ta’ ThyssenKrupp kien biss ta’ madwar waħda minn ħamsa meta mqabbel mal-ishma tas-suq ta’ dawn iż-żewġ impriżi u kien biss ta’ madwar nofs is-sehem tas-suq ta’ Kone. Dan l-isproporzjon jikkontradixxi l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li l-ammonti bażiċi għall-kategoriji inqas għandhom dejjem jitnaqqsu proporzjonalment skont l-ammont iffissat għall-ewwel kategorija.

272    Dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll. Fil-fatt id-differenza kbira bejn l-ishma tas-suq f’idejn Otis u Schindler, minn naħa waħda, u f’idejn Kone u ThyssenKrupp, min-naħa l-oħra, iġġustifikat il-fatt li l-parteċipanti jitpoġġew f’żewġ kategoriji. Madankollu, minbarra l-fatt li l-iffissar tal-ammont inizjali għal kull kategorija ma huwiex irregolat minn kalkolu aritmetiku li għandu jispjega kull differenza kkonstatata f’termini ta’ ishma tas-suq bejn l-impriżi skont jekk jappartjenux fl-ewwel jew fit-tieni kategorija, għandu jiġi kkonstatat li, peress li, f’dan il-każ, id-dħul mill-bejgħ magħmul minn waħda mill-impriżi tal-ewwel kategorija jirrappreżenta madwar erba’ darbiet id-dħul mill-bejgħ ta’ ThyssenKrupp, li tappartjeni għat-tieni kategorija, l-iffissar tal-ammont inizjali għal ThyssenKrupp li jirrappreżenta 25 % tal-ammont inizjali impost fuq l-impriżi tal-ewwel kategorija jidher, fi kwalunkwe każ, koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

273    It-tielet nett, fil-Lussemburgu, il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat is-sistema ta’ klassifikazzjoni, peress li, meta mqabbla mal-klassifikazzjoni ta’ TKLA u ta’ TKL, fil-kuntest tal-ksur fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni kellha, sabiex tikkunsidra s-sehem żgħir tas-suq ta’ ThyssenKrupp fil-Lussemburgu, tikklassifikaha f’kategorija inferjuri minn dik ta’ Kone u konsegwentement tiffissa, fil-konfront tagħha, ammont inizjali iżgħar.

274    F’dan ir-rigward, fil-punt 270 iktar’il fuq, diġà ġie kkonstatat li l-Kummissjoni ma eċċeditx b’mod manifest il-marġni diskrezzjonali tagħha meta poġġiet lil Kone u lil ThyssenKrupp fit-tieni kategorija, peress li din il-klassifikazzjoni tidher koerenti u oġġettivament iġġustifikata. Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq it-trattament differenti applikat mill-Kummissjoni għal kumpanniji oħra tal-grupp ThyssenKrupp fil-kuntest ta’ ksur ieħor huwa irrilevanti, peress li t-trattament differenti huwa intiż preċiżament, għal kull ksur, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni kif suppost id-daqs relattiv tal-impriżi kkonċernati fuq is-swieq ikkonċernati. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

275    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 jilmentaw dwar allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità bbażat fuq ir-rapport eżistenti bejn id-dħul mill-bejgħ tagħhom magħmul fis-suq rilevanti u l-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuqhom. B’hekk, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 jirrilevaw li l-ammont inizjali li ġie mogħti lilhom huwa [kunfidenzjali] tad-dħul mill-bejgħ li huma kellhom fis-suq Lussemburgiż fl-2003.

276    Minn naħa waħda, kif jirriżulta mill-punt 218 iktar’il fuq, l-ammont inizjali ġenerali tal-multi ġie ffissat billi ttieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur u l-portata tas-suq ġeografiku kkonċernat. Min-naħa l-oħra, id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriżi inkwistjoni fis-suq Lussemburgiż ġew meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni biss fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ trattament differenti għall-impriżi kkonċernati, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs relattiv tagħhom fis-suq ikkonċernat u l-kapaċità ekonomika tagħhom li jikkawżaw preġudizzju sinjifikattiv lill-kompetizzjoni (premessa 672 tad-deċiżjoni kkontestata), ħaġa li hija, mill-bqija, konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 247 u 250 iktar’il fuq. Il-paragun magħmul mir-rikorrenti bejn id-dħul mill-bejgħ li huma għamlu fis-suq ikkonċernat u l-ammont inizjali tal-multa tagħhom ma għandux għalhekk jiġi milqugħ.

277    Għaldaqstant, u peress li, fi kwalunkwe każ, id-dritt tal-Unjoni ma fihx prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali li s-sanzjoni għandha tkun proporzjonata mad-daqs tal-impriżi fis-suq tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur (sentenza Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 193 iktar ‘il fuq, punt 75), l-argument ibbażat fuq in-natura eċċessiva tal-ammont inizjali speċifiku impost fuq ThyssenKrupp għall-ksur fil-Lussemburgu għandu jiġi miċħud.

278    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ilmenti kollha li jirrigwardaw l-ammonti inizjali speċifiċi tal-multi għandhom jiġu miċħuda.

279    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-Artikolu 253 KE u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni tal-fattur multiplikatur tal-grupp sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ dissważjoni fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi

280    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar fil-ħtieġa li jiġu ffissati multi “f’livell li jiżgura li jkollhom effett dissważiv biżżejjed, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-daqs ta’ kull impriża” (premessa 686 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, wara li kkonstatat illi “bid-dħul mill-bejgħ mondjali tagħhom ta’ EUR 47 100 000 000 u EUR 34 300 000 000 rispettivament, ThyssenKrupp u UTC/Otis huma parteċipanti ferm iktar sinjifikattivi mid-destinatarji l-oħra, il-Kummissjoni qieset li “l-ammont inizjali tal-multa kien jitlob aġġustament fiż-żieda sabiex jieħu inkunsiderazzjoni d-daqs u r-riżorsi globali” ta’ dawn l-impriżi u qieset li “l-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur ta’ 2 (żieda ta’ 100 %) fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ThyssenKrupp u ta’ 1.7 (żieda ta’ 70 %) fuq l-ammont inizjali tal-multa li kellha tiġi imposta fuq UTC/Otis kienet indikata” (premessa 690 tad-deċiżjoni kkontestata).

281    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu li l-Kummissjoni kisret il-Linji gwida tal-1998, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta applikat fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammonti inizjali tal-multa imposti fuq il-kumpanniji tal-grupp ThyssenKrupp fl-erba’ Stati Membri kkonċernati, sabiex tiżgura effett dissważiv biżżejjed tal-imsemmija multi. Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑154/07 tissolleva wkoll nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-fattur multiplikatur użat fid-deċiżjoni kkontestata.

282    Fl-ewwel lok, l-ilment invokat mir-rikorrenti fil-Kawża T‑154/07, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fil-premessi 689 u 690 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni mmotivat l-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur ta’ 2 billi rreferiet għall-forza ekonomika u finanzjarja kunsiderevoli ta’ ThyssenKrupp, li d-dħul mill-bejgħ tagħha jaqbeż bil-ħafna, bħal dak ta’ Otis, id-dħul mill-bejgħ ta’ Kone u ta’ Schindler.

283    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti msemmija fil-punt 281 iktar’il fuq jikkontestaw it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ mondjali tal-grupp ThyssenKrupp sabiex jiġi stabbilit il-fattur multiplikatur. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li ma kienx hemm unità ekonomika bejn is-sussidjarji li wettqu l-ksur u l-kumpanniji parent tagħhom. Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑154/07 iżżid li ThyssenKrupp kellha organizzazzjoni deċentralizzata, li fi ħdanha TKL topera b’mod awtonomu u indipendenti. Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07 u T‑148/07 isostnu wkoll li huwa biss id-dħul mill-bejgħ tat-taqsima “liftijiet” tal-grupp ThyssenKrupp li jista’ jkun rilevanti sabiex jiġi stabbilit dan il-fattur. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑144/07 tqis li l-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur ta’ grupp għall-finijiet ta’ dissważjoni ma huwiex neċessarju sabiex jiggarantixxi l-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni, peress li fin-nuqqas tiegħu, il-multa ta’ TKLA kienet tkun ta’ [kunfidenzjali] % tad-dħul mill-bejgħ magħmul fil-Belġju minn din l-impriża matul il-perijodu rilevanti.

284    L-ewwel nett għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 kienu jiffurmaw entità ekonomika (ara l-punti 100 sa 131 iktar’il fuq).

285    Sussegwentement għandu jiġi enfasizzat li l-ħtieġa li jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed tal-multa, inkwantu din ma timmotivax iż-żieda ġenerali tal-multi fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ politika ta’ kompetizzjoni, tirrikjedi li l-ammont tal-multa jiġi stabbilit sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-impatt mistenni fuq l-impriża li fuqha tkun ġiet imposta, u dan bil-għan li l-multa ma ssirx ineffikaċi, jew mill-banda l-oħra eċċessiva, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont l-eżiġenzi bbażati, minn naħa waħda, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T‑54/03, li ma hijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 670).

286    Huwa veru, għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tal-effett dissważiv, il-Kummissjoni ma ddefinixxietx, fil-Linji gwida tal-1998, il-metodoloġija jew il-kriterji individwalizzati li l-espożizzjoni speċifika tagħhom jista’ jkollha saħħa vinkolanti. Ir-raba’ paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida, fil-kuntest tal-indikazzjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, jirreferi biss għall-ħtieġa li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat f’livell li jiżgura li dan ikollu natura suffiċjentement dissważiva (sentenza Schunk u Schunk Kohlenstoff-Technik vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar’il fuq, punt 193).

287    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni hija korretta meta tuża d-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li tifforma parti minn akkordju bħala kriterju rilevanti għall-finijiet tal-iffissar tal-fattur multiplikatur ta’ dissważjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il-Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punti 17 u 18). B’hekk, id-daqs u r-riżorsi globali ta’ impriża huma kriterji rilevanti fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri li tiġi żgurata l-effettività tal-multa billi l-ammont tagħha jiġi adattat skont ir-riżorsi globali tal-impriża u l-kapaċità tagħha li tikseb il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-imsemmija multa. Fil-fatt, l-iffissar ta’ rata ta’ żieda tal-ammont inizjali sabiex jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed tal-multa huwa intiż iktar sabiex jiżgura l-effettività tal-multa milli sabiex jindika l-ħsara tal-ksur għall-andament normali tal-kompetizzjoni u, għaldaqsant, il-gravità tal-imsemmi ksur (sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 285 iktar’il fuq, punt 672).

288    Konsegwentement, il-Kummissjoni la kisret il-Linji gwida tal-1998 u lanqas il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ globali tal-grupp ThyssenKrupp sabiex jiġi applikat il-fattur ta’ dissważjoni. L-argument tar-rikorrenti fil-Kawża T‑144/07 intiż sabiex iqabbel id-dħul mill-bejgħ ta’ TKLA fil-Belġju u l-ammont tal-multa sabiex jiġi muri li ma hijiex meħtieġa l-applikazzjoni ta’ fattur ta’ dissważjoni fil-konfront tagħha ma għandux għalhekk jiġi milqugħ.

289    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-fattur multiplikatur ta’ 2 applikat għall-multi imposti fuq il-grupp ThyssenKrupp, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07, filwaqt li bbażaw ruħhom fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari fuq id-deċiżjoni tagħha 2007/534/KE, tat-13 ta’ Settembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea [Każ COMP/F 38.456 – Bitum (NL)] (ĠU L 196, p. 40, iktar’il quddiem id-“deċiżjoni bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq”), isostnu li, fir-rigward tal-fatti purament nazzjonali, l-imsemmi fattur kellu jiġi ffissat f’ammont inqas. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 65(b) tar-Regoli tal-Proċedura, tipproduċi d-deċiżjoni bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq.

290    Fir-rigward tan-natura eċċessiva tal-fattur multiplikatur applikat f’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li ż-żieda tal-multa minħabba dissważjoni hija intiża sabiex tiżgura l-effettività tagħha billi l-ammont tagħha jiġi addattat skont ir-riżorsi globali tal-impriża u l-kapaċità tagħha li tikseb il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-imsemmija multa (sentenza Lafarge vs Il-Kummissjoni, punt 285 iktar’il fuq, punt 671). L-argument ibbażat fuq in-natura purament nazzjonali tal-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni għalhekk ma għandux jiġi milqugħ.

291    L-argument ibbażat fuq id-deċiżjoni bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq lanqas ma għandu jiġi milqugħ. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 153 iktar’il fuq, id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ma humiex rilevanti, peress li, kif tfakkar fil-punt 108 iktar’il fuq, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. Għalhekk, hemm ukoll lok li tiġi miċħuda t-talba għal miżuri istruttorji magħmula mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi ordnata tipproduċi d-deċiżjoni bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq.

292    Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ ThyssenKrupp, li huwa ta’ EUR 47.1 miljardi (premessa 689 tad-deċiżjoni kkontestata), l-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur ta’ 2 fuq l-ammonti inizjali tal-multi imposti fuq ThyssenKrupp tidher xierqa sabiex tiżgura l-effettività tal-multi fid-dawl tal-kapaċità finanzjarja ta’ din l-impriża u, għalhekk, sabiex tiżgura li l-multi imposti fuqha jkollhom effett dissważiv biżżejjed.

293    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07 u T‑154/07 jirreferu għan-natura allegatament diskriminatorja tal-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur fuq il-multi rispettivi tagħhom, peress li l-Kummissjoni ma applikatx fattur multiplikatur għall-finijiet ta’ dissważjoni fil-konfront ta’ Kone u ta’ Schindler, minkejja li dawn l-impriżi kienu jifformaw parti mill-gruppi multinazzjonali bi dħul mill-bejgħ l-iktar sinjifikattiv fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tas-sussidjarji ta’ Kone u ta’ Schindler fuq is-suq ikkonċernat fil-Pajjiżi l-Baxxi hija ħafna iktar sinjifikattiva minn dik ta’ ThyssenKrupp.

294    Dan l-argument ma għandux jiġi milqugħ. Fil-fatt, permezz taż-żieda tal-ammont inizjali sabiex tiżgura li l-multa jkollha għan dissważiv, il-Kummissjoni sempliċement tipproċedi bi trattament differenti tal-parteċipanti fl-istess akkordju sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-mod kif dawn kienu ser jintlaqtu fir-realtà mill-multa (sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, punt 210 iktar’il fuq, punt 241).

295    Il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta rreferiet, f’din il-kawża, għad-dħul mill-bejgħ globali tal-parteċipanti, u mhux għad-dħul mill-bejgħ magħmul fi ħdan l-Unjoni jew inkella mis-suq nazzjonali kkonċernat, sabiex tevalwa l-ħtieġa ta’ żieda fl-ammont tal-multi sabiex tiżgura l-effett dissważiv tagħhom. Fil-fatt, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ ThyssenKrupp, jista’ jiġi kkunsidrat li din l-impriża kienet tiġi affettwata inqas bil-multi imposti milli Kone u Schindler, li għandhom dħul mill-bejgħ ta’ EUR 3.2 u EUR 5.73 miljardi rispettivament (premessa 689 tad-deċiżjoni kkontestata), li kieku ma ġiet applikata l-ebda żieda għal raġunijiet ta’ dissważjoni.

296    L-applikazzjoni ta’ fattur multiplikatur ta’ 2 għall-multi ta’ ThyssenKrupp, fil-każ inkwistjoni, tirriżulta għalhekk iġġustifikata sabiex tiżgura l-effettività tal-multi fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja ta’ din tal-aħħar.

297    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet tad-difiża fiż-żieda tal-ammont bażiku tal-multi ta’ 50 % minħabba r-reċediva

298    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li l-ammont bażiku tal-multi imposti fuq TKAG, fuq TKE u fuq is-sussidjarji ThyssenKrupp għandu jiżdied b’50 % minħabba r-reċediva (premessi 707, 710, 714 u 720 tad-deċiżjoni kkontestata).

299    Fil-premessa 697 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tfakkar dan li ġej:

“Ikun hemm reċediva meta impriża miżmuma responsabbli f’deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni sussegwentement tiġi ddikjarata responsabbli ta’ ksur tal-istess tip, anki jekk dan tal-aħħar ikun ġie mwettaq f’settur ta’ attività differenti jew għal prodott ieħor. Il-punt 2 tal-Linji gwida tal-1998 jikkunsidra l-ksur reċediv imwettaq mill-istess impriża jew impriżi bħala ċirkustanza aggravanti. Il-kunċett ta’ “impriża” tinkludi l-entitajiet kollha ġuridiċi kollha fi ħdan l-istess grupp li ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fuq is-suq. Fil-Kawża Michelin [sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar’il fuq, punt 290], il-Qorti Ġenerali kkonfermat li r-reċediva setgħet tiġi applikata wkoll fil-konfront ta’ entità li hija 100 % f’idejn il-kumpannija parent li tikkontrolla entità oħra li hija kkundannata għal ksur preċedenti.”

300    Sabiex tikkonstata r-reċediva f’din il-kawża, Il-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-premessa 698 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq id-deċiżjoni tagħha 98/247/KEFA, tal-21 ta’ Jannar 1998, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [KEFA] (Każ IV/35.814 – Ħlas addizzjonali fuq il-liga) (ĠU L 100, p. 55) (iktar’il quddiem id-deċiżjoni “Ħlas addizzjonali fuq il-liga”). Fl-imsemmija premessa hija tindika li:

“Fl-1998, fid-deċiżjoni tagħha Ħlas addizzjonali fuq il-liga, ġew imposti multi fir-rigward ta’ akkordju li kellu bħala għan u bħala effett r-restrizzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fost l-oħrajn, ġiet imposta multa fuq ThyssenKrupp Stainless GmbH (TKS), impriża stabbilita taħt id-dritt Ġermaniż fl-1 ta’ Jannar 1995 wara li l-attivitajiet ta’ azzar inossidabbli ta’ Krupp u ta’ Thyssen ingħaqdu. Ġiet imposta wkoll multa fuq Acciai Speciali Terni SpA (AST), impriża stabbilita taħt id-dritt Taljan fl-1 ta’ Jannar 1994, li l-attivitajiet prinċipali tagħha kienu jinkludu l-produzzjoni ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli. F’Diċembru 1994, ċertu numru ta’ impriżi, fosthom Krupp u Thyssen, xtraw AST flimkien. F’Diċembru 1995, Krupp żiedet l-ishma tagħha f’AST minn 50 % sa 75 %, imbagħad għal 100 % f’Mejju 1996. Sussegwentement Krupp ittrasferiet l-ishma kollha tagħha f’AST lil TKS”.

301    Fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 700, 704, 709, 713 u 717 tad‑deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni tispeċifika wkoll li l-akkordju kkonstatat fid-deċiżjoni Ħlas addizzjonali fuq il-liga dam mis-16 ta’ Diċembru 1993, data li fiha saret laqgħa li matulha l-impriżi li pparteċipaw iddeċidew dwar kollużjoni, sal-21 ta’ Jannar 1998, id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li kkonstatat il-ksur, b’tali mod li l-ksur imwettqa mill-kumpanniji tal-grupp ThyssenKrupp mhux biss kienu ripetuti iżda wkoll sovraposti u ttieħdu proċeduri dwarhom b’mod parallel.

302    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 iqisu li kien żbaljat li fil-premessi 699 sa 707 (Kawżi T‑147/07 u T‑150/07), 708 sa 710 (Kawżi T‑144/07 u T‑150/07), 711 sa 714 (Kawżi T‑148/07 u T‑149/07), 717 (Kawża T‑150/07) u 720 (Kawżi T‑150/07 u T‑154/07) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet l-ammont tal-multa tagħhom b’50 % minħabba r-reċediva. Il-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li l-ksur li għalih ThyssenKrupp Stainless AG, imsejħa KruppThyssen Nirosta GmbH qabel Settembru 1997 (nota ta’ qiegħ il-paġna 882 tad-deċiżjoni kkontestata) (iktar’il quddiem “TKS” għall-perijodu ta’ qabel u ta’ wara Settembru 1997), u Acciai Speciali Terni SpA (iktar’il quddiem “AST”) kienu ssanzjonati fid-deċiżjoni Ħlas addizzjonali fuq il-liga kien jikkonsisti fi ksur preċedenti simili li huma kienu wettqu.

303    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni Ħlas addizzjonali fuq il-liga, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tikkonstata reċediva fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li diversi kumpanniji, fosthom Krupp Hoesch Stahl AG (iktar’il quddiem “KHS”) (TKS mill-1 ta’ Jannar 1995), Thyssen Stahl AG (iktar’il quddiem “TS”) (TKS mill-1 ta’ Jannar 1995) u AST, kienu kisru l-Artikolu 65(1) KEFA matul il-perijodu li jiddekorri, għal dawn il-kumpanniji, mix-xahar ta’ Diċembru 1993 sal-21 ta’ Jannar 1998, billi biddlu u applikaw b’mod miftiehem il-valuri ta’ referenza tal-formola tal-kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga. Skont il-Kummissjoni, din il-prattika kellha bħala għan u bħala effett ir-restrizzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

304    Mid-deċiżjoni Ħlas addizzjonali fuq il-liga jirriżulta li KHS u TS ipparteċipaw direttament fil-ksur sal-31 ta’ Diċembru 1994 u, għalhekk, kellhom jirrispondu għalih b’mod separat. Madankollu, il-multa li kellha tiġi imposta fuqhom mill-Kummissjoni ġiet imposta biss fuq TKS, li, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Lulju 1997, informat lill-Kummissjoni li hija kienet assumiet ir-responsabbiltà tal-atti ta’ TS u ta’ KHS mill-1993 (premessi 14 u 102 tad-deċiżjoni Ħlas addizzjonali fuq il-liga).

305    Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fil-11 u fit-13 ta’ Marzu 1998, TKS u AST ressqu rispettivament talba sabiex, sa fejn tirrigwardhom, tiġi annullata d-deċiżjoni Ħlas addizzjonali fuq il-liga u, sussidjarjament, jitnaqqas sostanzjalment l-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom permezz ta’ din id-deċiżjoni. Permezz tas-sentenza tagħha Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar’il fuq, il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni Ħlas addizzjonali fuq il-liga sa fejn kienet timputa fuq TKS ir-responsabbiltà tal-ksur imwettaq minn TS, għall-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ TKS, peress li din tal-aħħar ma tpoġġietx f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti li bihom ġiet ikkritikata TS. Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ żewġ appelli, li ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas-sentenza tagħha tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni (C‑65/02 P u C‑73/02 P, Ġabra p. I‑6773).

306    Wara s-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, punt 106 iktar’il fuq, il-Kummissjoni, fl-20 ta’ Diċembru 2006, adottat id-deċiżjoni C (2006) 6765 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (Każ COMP/F/39.234 – Alloy surcharge – adozzjoni mill-ġdid). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li TS kienet kisret l-Artikolu 65(1)KEFA, bejn is-16 ta’ Diċembru 1993 u l-31 ta’ Diċembru 1994, u żammet lil TKS responsabbli tal-aġir ta’ TS, abbażi tal-ittra ta’ TKS tat-23 ta’ Lulju 1997.

307    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw li huma jiffurmaw entità ekonomika fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE mal-impriżi ssanzjonati fid-deċiżjoni Ħlas addizzjonali fuq il-liga. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta mis-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar’il fuq, iddeduċiet li l-fatt li kumpannija parent għandha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha huwa biżżejjed sabiex ksur preċedenti ta’ din is-sussidjarja jiġi imputabbli fuq il-kumpannija parent tagħha, mingħajr ma tqum il-kwistjoni dwar l-awtonomija effettiva tas-sussidjarja. Għaldaqstant, skont ir-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din ma setgħetx, jekk riedet tagħmel hekk, timponi l-multa fuq l-istess kumpannija parent fiż-żewġ deċiżjonijiet, kif kienet titlob is-sentenza Michelin, punt 107 iktar’il fuq (punt 290).

308    Għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ reċidiva, hekk kif inhu mifhum f’ċertu numru ta’ sistemi legali nazzjonali, jimplika li persuna tkun wettqet ksur ġodda wara li tkun ġiet issanzjonata għal ksur simili (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 617; Michelin vs Il‑Kummissjoni, punt 107 iktar’il fuq, punt 284; Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 250 iktar’il fuq, punt 362, u Hoechst vs Il‑Kummissjoni, punt 158 iktar’il fuq, punt 450). Barra minn hekk, il-punt 2 tal-Linji gwida tal-1998 isemmi speċifikament “ksur ripetut ta’ l-istess tip magħmul mill-istess impriża(/i)” fil-lista ta’ eżempji ta’ ċirkustanzi aggravanti li jistgħu jiġġustifikaw żieda tal-ammont bażiku tal-multa.

309    Kif tfakkar fil-punt 92 iktar’il fuq, il-kunċett ta’ impriża, f’kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal unità ekonomika mill-perspettiva tas-suġġett tal-akkordju inkwistjoni anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-entità ekonomika hija ffurmata minn diversi persuni fiżiċi u ġuridiċi.

310    L-aġir antikompetittiv ta’ impriża jista’ għalhekk jiġi attribwit lill-oħra meta din ma tkunx iddeterminat l-aġir tagħha fis-suq b’mod awtonomu, iżda tkun essenzjalment applikat l-istruzzjonijiet mogħtija minn din tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rabtiet ekonomiċi u ġuridiċi li jgħaqqduhom (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar’il fuq, punt 117; Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar’il fuq, punt 27, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punt 58; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il-Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 135).

311    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ma għandhiex tikkuntenta billi tikkonstata li impriża “setgħet” teżerċita tali influwenza determinanti fuq l-impriża l-oħra, mingħajr il-ħtieġa li tivverifika jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata. Għall-kuntrarju, bħala regola, huwa obbligu tal-Kummissjoni li tipprova tali influwenza determinanti abbażi ta’ serje ta’ elementi fattwali, fosthom, b’mod partikolari, l-eventwali setgħa ta’ tmexxija ta’ waħda minn dawn l-impriżi fir-rigward tal-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punti 95 sa 99, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 94 iktar’il fuq, punti 118 sa 122; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 527, u Avebe vs Il-Kummissjoni, punt 310 iktar’il fuq, punt 136)).

312    Huwa veru, kif irrilevat il-Kummissjoni, fis-sentenza tagħha Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar’il fuq (punt 290), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, peress li żewġ sussidjarji huma miżmuma direttament jew indirettament b’iktar minn 99 % mill-istess kumpannija parent, jista’ jiġi konkluż b’mod raġonevoli li dawn is-sussidjarji ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq. F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali żiedet li diversi kumpanniji li jkunu jiffurmaw parti mill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk il-kumpanniji kkonċernati ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq.

313    Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 96 u 97 iktar’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement fakkret li, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent ikollha 100 % tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, hemm preżunzjoni li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, iżda din il-preżunzjoni hija konfutabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punti 60 u 61, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fis-sentenza tagħha Aristrain vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar’il fuq (punt 99), is-sempliċi fatt li l-kapital ta’ żewġ kumpanniji kummerċjali distinti jappartjeni lill-istess persuna ma huwiex biżżejjed, bħala tali, sabiex jistabilixxi l-eżistenza, bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, ta’ unità ekonomika li għandha bħala konsegwenza, bis-saħħa tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li l-aġir ta’ waħda jista’ jiġi imputat fuq l-oħra.

314    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa waħda, li, fil-kuntest tal-kawża Ħlas addizzjonali fuq il-liga, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-kumpanniji parent ta’ KHS, TS, TKS u ta’ AST, li tagħhom TKAG kienet is-suċċessur ekonomiku u ġuridiku, kienu jiffurmaw unità ekonomika magħhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, u għalhekk ma allegatx li KHS, TS, TKS u AST ma kinux jiddeterminaw b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq. Fil-fatt, mid-deċiżjoni Ħlas addizzjonali fuq il-liga jirriżulta li, fir-rigward tal-kumpanniji li kienu jappartjenu lill-grupp ThyssenKrupp, il-Kummissjoni kkonstatat ksur fil-konfront ta’ KHS, TS, TKS u AST, bl-esklużjoni tal-kumpanniji parent rispettivi tagħhom, li, kif irrilevaw ir-rikorrenti mingħajr ma kienu kontradetti mill-Kummissjoni, ma nstemgħux fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tagħha.

315    Minn naħa l-oħra, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li KHS, TS, TKS u AST jiffurmaw parti mill-impriżi li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat il-ksur fl-Artikolu 1 tagħha.

316    Għaldaqstant, il-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala reċediva tal-istess impriża jew impriżi bħal dawk li fir-rigward tagħhom ġew ikkonstatati ksur fil-kawża Ħlas addizzjonali fuq il-liga.

317    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-argument tal-Kummissjoni li ThyssenKrupp kellha l-possibbiltà, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ta’ dan ir-rikors, li tikkonstata l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejnha u l-impriżi ssanzjonati fil-kawża Ħlas addizzjonali fuq il-liga ma jistax jiġi milqugħ.

318    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa waħda, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jeskludi li deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni timponi fuq impriża multa fil-qasam tal-kompetizzjoni mingħajr ma tkun ikkomunikatilha minn qabel l-ilmenti fil-konfront tagħha tista’ tiġi kkunsidrata bħala waħda legali u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-importanza tagħha, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandha tippreċiża mingħajr ekwivoku l-persuna ġuridika li fil-konfront tagħha jkunu jistgħu jiġu imposti multi u għandha tkun indirizzata lil din tal-aħħar (ara s-sentenzi Papierfabrik August Koehler vs Il-Kummissjoni, punt 192 iktar’il fuq, punti 37 u 38, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

319    Għaldaqstant, ma għandux jiġi ammess li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra, fil-kuntest sabiex tiġi stabbilita ċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċediva, li impriża għandha tinżamm responsabbli ta’ ksur preċedenti, li għalih hija ma ġietx issanzjonata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, u fil-kuntest tad-determinazzjoni tagħha, hija ma kinitx destinatarja ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, b’tali mod illi tali impriża ma tpoġġietx fil-pożizzjoni, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur preċedenti, li tippreżenta l-argumenti tagħha sabiex tikkontesta, f’dak li jirrigwardaha, l-eżistenza eventwali ta’ unità ekonomika ma’ impriżi oħra.

320    Tali konklużjoni tapplika iktar u iktar jekk, verament, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li ż-żmien li jgħaddi bejn il-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti tar-regoli tal-kompetizzjoni jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata t-tendenza tal-impriża li tikser dawn ir-regoli, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li l-Kummissjoni ma għandhiex tkun marbuta minn terminu ta’ eventwali preskrizzjoni għal konstatazzjoni ta’ reċediva (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 38, u s-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar’il fuq, punt 462; ara wkoll, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 250 iktar’il fuq, punt 353) u tali konstatazzjoni tista’, għaldaqstant, issir diversi snin wara l-konstatazzjoni ta’ ksur, fil-mument meta l-impriża kkonċernata, fi kwalunkwe każ, ma tkunx tista’ tikkontesta l-eżistenza ta’ tali unità ekonomika, b’mod partikolari jekk tiġi applikata l-preżunzjoni msemmija fil-punt 313 iktar’il fuq.

321    Sussegwentement, l-argument tal-Kummissjoni li żieda tal-ammont tal-multa minħabba reċediva tkun iġġustifikata wkoll fid-dawl tal-ksur ikkonstatati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/417/KEFA, tat-18 ta’ Lulju 1990, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [KEFA] dwar il-ftehim u l-prattiki miftiehma tal-produtturi Ewropej ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli laminati bil-kesħa (ĠU L 220, p. 28), u fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/215/KEFA, tas-16 ta’ Frar 1994, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA dwar il-ftehim u l-prattiki miftiehma li jinvolvu produtturi Ewropej ta’ travi (ĠU L 116, p. 1), lanqas ma jista’ jiġi milqugħ. Minbarra li dawn id-deċiżjonijiet ma ssemmew la fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat, bħal fil-każ tal-impriżi ssanzjonati fil-kawża Ħlas addizzjonali fuq il-liga, li l-impriżi kkundannati fl-imsemmija deċiżjonijiet ma humiex l-istess impriżi, fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, bħal dawk li ġew issanzjonati fid-deċiżjoni kkontestata.

322    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li, fil-każ ta’ żamma ta’ kważi l-kapital kollu ta’ sussidjarja, il-kumpannija parent hija wkoll id-destinatarja tal-avviż indirizzat lis-sussidjarja li jirriżulta mid-deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li ssanzjonatha għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, dan lanqas għandu jiġi milqugħ. Fil-fatt, jekk, ċertament, huwa raġonevolment permess li jiġi kkunsidrat li kumpannija parent effettivament tkun taf dwar deċiżjoni preċedenti li l-Kummissjoni indirizzat lis-sussidjarja tagħha, li tagħha hija għandha kważi l-kapital kollu, tali għarfien ma jpattix għan-nuqqas ta’ konstatazzjoni, fid-deċiżjoni preċedenti, ta’ unità ekonomika bejn tali kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, sabiex tiġi imputata fuq l-imsemmija kumpannija parent ir-responsabbiltà tal-ksur preċedenti u jkun hemm żieda tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom minħabba r-reċediva.

323    Minn dan isegwi li dan il-motiv huwa fondat u li hemm lok li tinbidel id-deċiżjoni kkontestata, mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti magħmula fil-qafas ta’ dan il-motiv. Il-konsegwenzi ta’ din il-bidla ser jiġu ppreċiżati fil-punti 461 u 462 iktar’il quddiem.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u fuq ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni

324    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 ifakkru li huma ressqu talbiet sabiex jibbenefikaw minn immunità tal-multi jew minn tnaqqis tal-ammont tal-multi tagħhom bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Madankollu, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Avviż meta evalwat il-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni tagħhom. Skont ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07, il-Kummissjoni barra minn hekk kisret ukoll l-aspettattivi leġittimi tagħhom, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tagħhom sabiex ġie stabbilit il-ksur fil-Ġermanja. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07 u T‑150/07 jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tal-ksur fil-Belġju.

 Fuq l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

325    Għandu jiġi rrilevat li fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-kundizzjonijiet li taħthom l-impriżi li jikkooperaw magħha sabiex jiġi stabbilit akkordju jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu.

326    L-ewwel nett, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi, fil-paragrafu 8 tiegħu, taħt it-Titolu A:

“Il-Kummissjoni ser tagħti lil impriża immunità minn kull multa li kieku kienet tkun imposta jekk:

a)      l-impriża hija l-ewwel waħda li tressaq provi li fl-opinjoni tal-Kummissjoni jistgħu jippermettulha tieħu deċiżjoni biex twettaq investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17, b’konnessjoni ma’ kartell allegat li qiegħed jaffetwa ‘l-Komunità;

b)      l-impriża hija l-ewwel waħda li tressaq provi li fl-opinjoni tal-Kummissjoni jistgħu jippermettuha ssib ksur ta’ l-Artikolu 81 KE b’konnessjoni ma’ kartell allegat li jaffettwa il-Komunità.”

327    Sussegwentement, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi, fil-paragrafu 20 tiegħu, taħt it-Titolu B, li “[i]mpriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet taħt is-sezzjoni A hawn fuq jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta” u, fil-paragrafu 21 tiegħu li, “[b]iex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrappreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġà tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.

328    Fir-rigward tal-kunċett tal-valur miżjud, fil-paragrafu 22 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 huwa spjegat li:

“Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi pprovduti jinforzaw, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ detall, l-abilità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti msemmija. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Bl-istess mod, provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss”.

329    L-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi klassifikazzjoni fi tliet kategoriji għat-tnaqqis tal-multi:

“–       l-ewwel impriża li tissodisfa l-punt 21: tnaqqis ta’ 30-50 %;

–       it-tieni impriża li tissodisfa il-punt 21: tnaqqis ta’ 20-30 %;

–       impriżi oħra li jissodisfaw il-punt 21: tnaqqis sa 20 %.”

330    It-tieni paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi:

“Biex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud. Tista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni ipprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħha.”

331    Fl-aħħar nett, l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jipprovdi:

“Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi.”

 Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni

332    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika għall-impożizzjoni tal-multi fil-każ ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra p. II‑1689, punt 127) li huwa, b’mod partikolari, funzjoni tal-politika ġenerali tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 247 iktar’il fuq, punti 105 u 109). Huwa f’dan il-kuntest li, biex tiżgura t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-multi, il-Kummissjoni adottat u ppubblikat, fl-2002, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni. Dan huwa strument intiż li jippreċiża, fir-rispett tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Minnu jirriżulta awtolimitazzjoni ta’ din is-setgħa (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ April 1998, Vlaams Gewest vs Il-Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II‑717, punt 89), sa fejn hija l-Kummissjoni li għandha tikkonforma ruħha mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nnifisha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 57).

333    L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta bl-adozzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 madankollu ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali mill-Kummissjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar’il fuq, punt 224).

334    L-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fih, fil-fatt, elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, punt 60 iktar’il fuq, punt 224).

335    B’hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta hija msejħa tevalwa jekk provi prodotti minn impriża li esprimiet ix-xewqa tagħha li tibbenefika mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għandhomx valur miżjud sinjifikattiv skont il-paragrafu 21 tal-imsemmi Avviż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 88, u s-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar’il fuq, punt 555). Fir-rigward tal-paragrafu 8 (a) u (b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għandu jiġi kkonstatat li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tirreferi espressament għall-produzzjoni ta’ provi li “fl-opinjoni tal-Kummissjoni”, huma ta’ natura li jippermettulha tadotta deċiżjoni li tordna investigazzjonijiet jew li jippermettulha tikkonstata ksur rispettivament. L-evalwazzjoni tal-kwalità jew tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn impriża fil-fatt timplika evalwazzjonijiet fattwali kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 81, u s-sentenza Carbone‑Lorraine vs Il-Kummissjoni, punt 153 iktar’il fuq, punt 271).

336    Bl-istess mod, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonstatat li xi provi għandhom valur miżjud sinjifikattiv skont il-punt 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, għandha marġni ta’ diskrezzjoni meta hija msejħa tistabbilixxi l-livell eżatt tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandu jingħata lill-impriża kkonċernata. Fil-fatt, l-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż jipprovdi faxex għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa għad-diversi kategoriji ta’ impriżi msemmija, filwaqt li t-tieni paragrafu jistabbilixxi kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi l-livell ta’ tnaqqis fi ħdan dawn il-faxex.

337    Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha sabiex tevalwa l-kooperazzjoni ta’ impriża bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, huwa biss eċċess manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkundannat mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 335 iktar’il fuq, punti 81, 88 u 89, u s-sentenza Hoechst vs Il-Kummissjoni, punt 158 iktar’il fuq, punt 555).

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ ThyssenKrupp sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Belġju

338    Fil-premessa 773 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet “li tagħti lil ThyssenKrupp tnaqqis tal-multa ta’ 20 % skont il-faxxa stipulata fit-tieni inċiż tal-paragrafu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002”.

339    Fil-premessa 769 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tispjega għal dan il-għan illi, “meta ThyssenKrupp ippreżentat it-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni kienet diġà għamlet tliet spezzjonijiet fil-Belġju u kienet irċeviet żewġ talbiet skont l-istess Avviż ta’ Kone u Otis fir-rigward tal-attivitajiet tal-kartell fil-Belġju”.

340    Wara li rrilevat, fil-premessa 770 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-informazzjoni ġdida mogħtija minn ThyssenKrupp kienet tiġbor prinċiparjament spjegazzjonijiet orali dwar ċerti proġetti ta’ liftijiet u ta’ eskalejters”, il-Kummissjoni, fil-premessa 771 tirrikonoxxi li “it-talba, bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ta’ ThyssenKrupp għandha valur miżjud sinjifikattiv, għaliex tipprovdi informazzjoni supplimentari fuq [kunfidenzjali]”. Fil-premessa 771, il-Kummissjoni żżid li, “barra minn hekk, l-osservazzjonijiet ta’ ThyssenKrupp ikkorroboraw il-provi li kienu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni dwar il-kumpanniji involuti, il-prodotti u s-servizzi koperti, fil-perijodu li kienet tkopri l-investigazzjoni, dwar il-post u l-loġistika tal-laqgħat tal-akkordju kif ukoll dwar il-funzjonament u l-implementazzjoni tiegħu.”

341    Fil-premessa 772 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi illi ThyssenKrupp “ipprovdiet provi li saħħew b’mod kunsiderevoli l-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-ksur”, filwaqt li speċifikat li, “madankollu, il-provi ma jirrigwardawx fatti li kienu preċedentement injorati mill-Kummissjoni, u lanqas fihom elementi kontemporanji”.

342    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li d-deċiżjoni kkontestata tista’ twassal għal konfużjoni fir-rigward tal-persentaġġ ta’ tnaqqis tal-multa li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tapplika għal ThyssenKrupp minħabba l-kooperazzjoni tagħha sabiex ġie stabbilit il-ksur fil-Belġju. Fil-premessa 773 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal tnaqqis ta’ 20 % filwaqt li, fil-premessa 856 tad-deċiżjoni kkontestata, dan it-tnaqqis kien ta’ 25 %. Skont l-imsemmija rikorrenti, ThyssenKrupp kellha d-dritt, bl-applikazzjoni tal-prinċipju in dubio pro reo, għall-interpretazzjoni l-iktar favorevoli tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-ammont tas-sanzjoni. Minflok tiġi mnaqqsa b’20 %, il-multa għandha għalhekk titnaqqas b’25 %.

343    Għandu jiġi kkonstatat illi r-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07 u T‑150/07 ma għandhomx, f’dan ir-rigward, jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju in dubio pro reo, li jgħid li d-dubju għandu jkun ta’ benefiċċju għall-impriżi kkonċernati, peress li dan il-prinċipju huwa relatat mal-amministrazzjoni tal-prova tal-eżistenza tal-ksur u huwa intiż sabiex jistabbilixxi jekk il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata humiex ibbażati fuq provi li hija pprovdiet. L-imsemmija rikorrenti ma jikkontestawx il-ksur li għalih huma ġew issanzjonati permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

344    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-ammont tal-multa imposta fuq ThyssenKrupp għall-ksur fil-Belġju għandu jiġi ridott, peress li l-premessa 856 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal tnaqqis ta’ 25 %, għandu jitfakkar li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi tnaqqis ta’ 20 % minħabba l-kooperazzjoni ta’ ThyssenKrupp fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

345    Huwa veru, il-parti operattiva ta’ att hija indissoċjabbilment marbuta mal-motivazzjoni tiegħu, b’mod li għandha tiġi interpretata, jekk ikun meħtieġ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra p. I‑2549, punt 21). Madankollu, il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata juru b’mod ċar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħti lil ThyssenKrupp tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 20 % u mhux ta’ 25 %, bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

346    Fil-fatt, minn naħa waħda, fil-premessa 772 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li “ThyssenKrupp issodisfatt b’mod sħiħ il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002] [kunfidenzjali] u pprovdiet provi li saħħew b’mod kunsiderevoli l-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-ksur”. Hija speċifikat, “li madankollu, il-provi mogħtija ma jirrigwardawx fatti li kienu preċedentement injorati mill-Kummissjoni, u lanqas fihom elementi kontemporanji”, li jippermetti li tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni ta’ tnaqqis minimu tal-ammont tal-multa fil-kuntest tal-faxxa stabbilita fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Minn naħa l-oħra, il-premessa 773 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma espliċitament li, “fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, huwa xieraq li ThyssenKrupp tingħata tnaqqis ta’ 20 % skont il-faxxa applikabbli”.

347    Il-perċentwali ta’ 25 % imsemmi fil-premessa 856 tad-deċiżjoni kkontestata, li jiġbor fih it-tnaqqis kollu tal-multi mogħtija lid-diversi impriżi inkambju tal-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, għandu, fid-dawl tal-premessi 772 u 773 u tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, jiġi kkunsidrat bħala żball ta’ ttajpjar. L-ewwel ilment tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07 u T‑150/07 għandu għalhekk jiġi miċħud.

348    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li ThyssenKrupp kellha tibbenefika, bis-saħħa tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, minn tnaqqis ta’ mill-inqas 25 % tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha għall-ksur fil-Belġju. Fil-fatt, ThyssenKrupp kienet ressqet provi relatati ma’ fatti u ċirkustanzi preċedentement injorati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, dawn kienu provi prinċipali tal-ksur.

349    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07 u T‑150/07 ma jikkontestawx li l-kooperazzjoni ta’ ThyssenKrupp taqa’ taħt it-tieni inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u li, bis-saħħa ta’ hekk, l-imsemmija impriża kellha dritt għal tnaqqis tal-multa bejn 20 % u 30 %. It-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 20 % mogħti lil ThyssenKrupp minħabba l-kooperazzjoni tagħha (premessa 773 tad-deċiżjoni kkontestata) għalhekk jinsab fil-faxxa stipulata għal dan il-għan fl-imsemmi Avviż.

350    Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni, meta hija tintalab tistabbilixxi l-livell eżatt tal-ammont tat-tnaqqis tal-multa li għandu jingħata fi ħdan il-faxex stipulati fl-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u li huwa biss eċċess manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkundannat mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, punt 335 iktar’il fuq, punti 81, 88 u 89).

351    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li rrikonoxxiet li ThyssenKrupp kellha dritt għal tnaqqis tal-ammont tal-multa peress li “il-provi prodotti kienu saħħew b’mod kunsiderevoli l-kapaċità tagħha li tipprova l-ksur”, iddeċidiet li tagħti tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 20 % peress li “il-provi mogħtija ma jirrigwardawx fatti li kienu preċedentement injorati mill-Kummissjoni, u lanqas fihom elementi kontemporanji (premessa 772 tad-deċiżjoni kkontestata).

352    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07 u T‑150/07 madankollu jikkontestaw l-eżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-premessa 772 tad-deċiżjoni kkontestata.

353    L-ewwel nett, huma jsostnu li l-ksur fil-Belġju kien iffurmat minn żewġ fażijiet, jiġifieri, minn naħa waħda, akkordju li kien jikkonċerna l-ishma tas-suq jew l-iffriżar ta’ ishma tas-suq u, min-naħa l-oħra, akkordju li kien jirrigwarda t-tqassim tas-sejħiet għal offerti pubbliċi u privati sabiex jintlaħqu l-ishma tas-suq miftiehma. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha biss fuq provi prodotti minn ThyssenKrupp sabiex tistabbilixxi, fil-premessi 158 u 159 tad-deċiżjoni kkontestata, l-iffriżar tal-ishma tas-suq tal-impriżi kkonċernati. ThyssenKrupp għalhekk kellha tipproduċi informazzjoni preċedentement injorata mill-Kummissjoni dwar l-aspett li jikkostitwixxi l-ksur fil-Belġju, jiġifieri, dwar l-akkordju li jirrigwarda t-tqassim tas-settur tal-bejgħ u tal-installazzjoni tal-liftijiet u tal-eskalejters fil-Belġju.

354    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ż-żewġ aspetti tal-ksur deskritti fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata huma marbuta intrinsikament. Fil-fatt, it-tqassim tas-swieq pubbliċi u privati kif ukoll ta’ kuntratti oħra “skont is-sehem miftiehem minn qabel” li għalih tirreferi t-tielet sentenza tal-premessa 158 jippresupponi l-eżistenza ta’ akkordju li jirrigwarda t-tqassim tas-suq li għalih tirreferi l-ewwel sentenza tal-premessa 158 u l-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-provi prodotti minn Kone u Otis huma biżżejjed sabiex juru l-eżistenza tal-akkordju msemmi fit-tieni sentenza tal-premessa 158, għandu jiġi kkunsidrat li l-eżistenza ta’ akkordju dwar l-ishma tas-suq bejn l-erba’ produtturi kkonċernati kienet neċessarjament magħrufa mill-Kummissjoni meta saret it-talba ta’ ThyssenKrupp.

355    Fi kwalunkwe każ, mill-fajl tal-Kummissjoni jirriżulta li Kone informatha, sa mix-xahar Frar 2004, dwar l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustamanet bejn il-parteċipanti tal-ksur fil-Belġju meta l-ishma tas-suq reali kienu differenti mill-ishma tas-suq miftiehma, ħaġa li setgħet issir biss fil-kuntest ta’ akkordju dwar l-ishma tas-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi biss għal provi prodotti minn ThyssenKrupp sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ akkordju fuq l-ishma tas-suq juri li dawn il-provi saħħew il-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-ksur, iżda madankollu ma jimplikax li huma informaw lill-Kummissjoni b’fatti li preċedentement kienu injorati minnha.

356    Barra minn hekk, il-fatt li rappreżentati ta’ Kone iddikjaraw, bħala risposta għall-mistoqsija tal-Kummissjoni magħmula matul laqgħa [kunfidenzjali] u li tirrigwarda “is-sors tal-ishma tas-suq użati”, li ma jafux minn kien dan is-sors fid-dawl tal-fatt li ishma tas-suq kienu diġà ġew stabbiliti fil-mument meta huma ħadu l-pożizzjoni tagħhom fi ħdan Kone ma jfisser bl-ebda mod li l-Kummissjoni ma kinitx taf bl-eżistenza tal-akkordju fuq l-ishma tas-suq qabel [kunfidenzjali], data li fiha t-talba ta’ ThyssenKrupp waslet għand il-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kienet interrogat ir-rappreżentanti ta’ Kone dwar il-mod kif l-ishma tas-suq tal-impriżi li pparteċipaw kienu stabbiliti juri biżżejjed li l-Kummissjoni kienet taf dwar l-eżistenza ta’ akkordju dwar l-ishma tas-suq minn qabel [kunfidenzjali].

357    Kif jirriżulta mill-proċess, fid-dawl tal-elementi li l-Kummissjoni kienet diġà taf bihom fil-mument li fih ThyssenKrupp għamlet it-talba tagħha skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, jiġifieri l-eżistenza ta’ akkordju dwar l-ishma tas-suq u l-ishma tas-suq effettivament miftehma bejn il-parteċipanti, għandu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni li din l-impriża tat lill-Kummissjoni ma kinitx tirrigwarda fatti preċedentement injorati minnha. Barra minn hekk, fir-rigward tal-affermazzjoni li l-ishma tas-suq kienu ġew iffriżati abbażi ta’ statistika tas-suq stabbilita mill-assoċjazzjoni settorjali Agoria, preċedentement Fabrimetal, għandu jiġi kkonstatat li din kellha biss valur miżjud imnaqqas fil-kuntest tal-istabbiliment tal-ksur fil-Belġju.

358    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T-144/07, T-149/07 u T‑150/07 isostnu, sussegwentement, li ThyssenKrupp tat kontribuzzjoni determinanti għall-konstatazzjoni tal-ksur dwar il-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni tal-liftijiet u tal-eskalejters fil-Belġju (premessa 771 tad-deċiżjoni kkontestata), peress li kienet l-ewwel impriża li ressqet il-prova li l-impriżi involuti kienu użaw [kunfidenzjali], li wasslet għal aggravazzjoni tal-ksur, ħaġa li toħroġ ċara minn paragun tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 189 sa 196 tad-deċiżjoni kkontestata).

359    Ir-rikorrenti jispjegaw li huma bagħtu lill-Kummissjoni faks ta’ Schindler bħala prova tal-allegazzjonijiet tagħhom [kunfidenzjali]. Huwa għalhekk żbaljat li l-Kummissjoni tiddikjara, fil-premessa 772 tad-deċiżjoni kkontestata, li ThyssenKrupp ma pproduċiet l-ebda prova li tmur lura għall-perijodu tal-ksur. Anki jekk din il-faks kienet ġiet ikkupjata matul l-ispezzjonijiet li saru għand Schindler u Kone, il-Kummissjoni ma kinitx tifhem is-sinjifikat ta’ dan id-dokument mingħajr l-informazzjoni ta’ ThyssenKrupp. Il-valur miżjud jinsab preċiżament fl-ispjegazzjoni addizzjonali mogħtija minn ThyssenKrupp, peress li l-provi li kellha l-Kummissjoni, u b’mod partikolari dikjarazzjoni ta’ Kone tal-11 ta’ Frar 2004, kienu indikaw li ma kienet intużat l-ebda [kunfidenzjali].

360    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-faks ta’ Schindler li għaliha jirreferu l-imsemmija rikorrenti kienet diġà fil-pussess tal-Kummissjoni fil-mument li fih ThyssenKrupp għamlet it-talba tagħha, [kunfidenzjali]. Fil-fatt mill-konstatazzjonijiet mhux ikkontestati tal-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata u tad-dokumenti msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 224 tagħha jirriżulta li l-faks ta’ Schindler kienet diġà ttieħdet mingħand Kone u Schindler f’Jannar 2004. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk l-imsemmija faks tikkostitwixxi prova kontemporanja tal-ksur, xorta jibqa’ l-fatt li dan id-dokument, ipprovdut minn ThyssenKrupp, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala li għandu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbel mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni fil-mument li fih l-impriża għamlet id-domanda tagħha. Fid-dawl tal-fatt li l-imsemmi dokument ma kienx għalhekk jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ma hemmx lok li l-Kummissjoni tikkunsidrah għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tat-tnaqqis tal-multa mogħti lil ThyssenKrupp minħabba l-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan l-Avviż. Fil-fatt, huma biss il-provi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 21 tal-imsemmi Avviż li jagħtu d-dritt għal tnaqqis tal-multa bis-saħħa tal-istess Avviż.

361    Huwa veru, ThyssenKrupp, meta pproduċiet il-faks ta’ Schindler, tat informazzjoni addizzjonali dwar [kunfidenzjali]. Din l-informazzjoni, minkejja li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ma tikkostitwixxix madankollu prova kontemporanja u kienet tirrigwarda fatt, jiġifieri [kunfidenzjali], li diġà kien jidher fl-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Otis, f’Marzu 2004 (premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 222). Fi kwalunkwe każ, mill-premessi 189 u 193 sa 196 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li [kunfidenzjali] li għaliha jirreferu r-rikorrenti tirrigwarda biss il-funzjonament u l-implementazzjoni tal-akkordju relatat mal-kuntratti ta’ manuntenzjoni u waħidha ma kkostitwitx element determinanti sabiex jiġi kkonstatat il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata.

362    Fl-aħħar, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07 u T‑150/07 ma għandhomx jallegaw li minn paragun tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet tikkonstata ksur iktar serju wara l-informazzjoni li ġiet mogħtija lilha minn ThyssenKrupp. Fil-fatt, paragun tal-punti 195 sa 200 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tal-premessi 189 sa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija minn dawn ir-rikorrenti, ma juri l-ebda aggravazzjoni fil-klassifikazzjoni tal-fatti li saret bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, eventwali aggravazzjoni tal-klassifikazzjoni tal-ksur li seħħet wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma setgħetx kienet ir-riżultat tal-faks ta’ Schindler u tal-ispjegazzjonijiet mogħtija minn ThyssenKrupp fit-talba tagħha, peress li din it-talba kienet qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u peress li l-faks ta’ Schindler u l-ispjegazzjonijiet mogħtija minn ThyssenKrupp kienu diġà ġew analizzati in extenso fil-punti 196 u 200 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

363    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma teċċedi b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, tiffissa t-tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ ThyssenKrupp minħabba l-kooperazzjoni tagħha sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Belġju fil-livell minimu tal-faxxa stipulata fit-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

364    It-tielet nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta tat tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 20 % lil ThyssenKrupp filwaqt li tat tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 40 % lil Otis, li l-kooperazzjoni tagħha kienet tixbah lil dik ta’ ThyssenKrupp.

365    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni mogħtija minn membri ta’ akkordju, ma għandhiex tinterpreta b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 106 iktar’il fuq, punt 237, u tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 240, u l-ġurisprudenza ċċitata).

366    Madankollu, l-argument riprodott fil-punt 364 iktar’il fuq u li huwa intiż sabiex jistabbilixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax jiġi milqugħ.

367    Fil-fatt, minn naħa waħda, l-evalwazzjoni tal-valur miżjud ta’ talba skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 issir skont il-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni. Peress li l-kooperazzjoni ta’ Otis kienet qabel dik ta’ ThyssenKrupp (premessi 96 u 98 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha iktar provi fil-mument li fih ThyssenKrupp għamlet it-talba tagħha taħt l-imsemmi Avviż milli fil-mument tat-talba ta’ Otis.

368    Min-naħa l-oħra, Otis ressqet provi dokumentarji kontemporanji li jirrappreżentaw valur miżjud sinjifikattiv (premessa 766 tad-deċiżjoni kkontestata) filwaqt li ThyssenKrupp ressqet biss prova waħda kontemporanja, jiġifieri l-faks ta’ Schindler imsemmija fil-punt 360 iktar’il fuq, li madankollu ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, peress li kienet diġà fil-pussess tal-Kummissjoni fil-mument li fih ThyssenKrupp bagħtet it-talba tagħha taħt l-imsemmi Avviż.

369    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li Otis u ThyssenKrupp ma kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta tat tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont tal-multa lil ThyssenKrupp bis-saħħa tat-tieni inċiż tal-imsemmija dispożizzjoni.

370    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ilmenti kollha ta’ ThyssenKrupp dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-kooperazzjoni tagħha sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Belġju għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ ThyssenKrupp sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Ġermanja

371    Fil-premessa 812 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li lil ThyssenKrupp ma tagħtiha la immunità mill-multa u lanqas tnaqqis tal-ammont tagħha għall-kooperazzjoni tagħha sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Ġermanja, [kunfidenzjali] (premessa 807 tad-deċiżjoni kkontestata).

372    Fil-premessa 808 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li “ThyssenKrupp tressaq ċerti dikjarazzjonijiet [kunfidenzjali]. Madankollu, “dawn id-dikjarazzjonijiet ma huma sostnuti mill-ebda prova kontemporanja u l-Kummissjoni ma sabet l-ebda prova li tikkorroborahom”.

373    Sussegwentement, fil-premessa 809 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddikjara li “l-informazzjoni l-oħra mogħtija minn ThyssenKrupp [kunfidenzjali] hija biss waħda li tikkorrobora l-provi tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ħaġa li la hija kontribuzzjoni deċiżiva u lanqas sostenn sinjifikattiv ta’ valur miżjud.”

374    Fl-aħħar nett il-Kummissjoni tispjega b’mod partikolari, fil-premessi 810 u 811 tad-deċiżjoni kkontestatata, is-segwenti:

“810 […] L-osservazzjonijiet ta’ ThyssenKrupp ma kinux determinanti fil-konstatazzjoni tal-ksur mill-Kummissjoni, għaliex din diġà kellha provi suffiċjenti, kif muri fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. […] ThyssenKrupp ma pprovdietx provi li jmorru lura għall-perijodu li jkopri l-investigazzjoni. Għall-kuntrarju, id-dikjarazzjonijiet tagħha, magħmula wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u wara li l-impriża kellha aċċess għall-fajl, huma limitati sabiex jikkorroboraw il-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni. […] Id-dikjarazzjonijiet unilaterali mhux ikkorroborati relatati ma’ [kunfidenzjali] jibqgħu infondati.

811 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-informazzjoni mogħtija minn ThyssenKrupp ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li għandha valur miżjud sinjifikattiv taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2022. [kunfidenzjali] Anki f’dak il-mument, ThyssenKrupp illimitat il-kooperazzjoni tagħha [kunfidenzjali] għas-sempliċi konferma tad-dikjarazzjonijiet li kienu diġà magħmula mill-membri l-oħra kollha tal-akkordju. [kunfidenzjali].”

375    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li l-Kummissjoni kisret l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, inkwantu hija ma kkunsidratx li l-provi pprovduti minn ThyssenKrupp dwar il-ksur imwettaq fil-Ġermanja kellhom valur miżjud sinjifikattiv.

376    L-ewwel nett, ThyssenKrupp ma kkontestatx il-fatti kkritikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u kkonfermathom u kkompletathom. Għaldaqstant, hija saħħet il-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-ksur, skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 22 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. ThyssenKrupp immedjatament poġġiet għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżultati tal-investigazzjonijiet interni tagħha, wara li rnexxielha titfa’ dawl fuq il-ksur imwettaq fil-Ġermanja.

377    It-tieni nett, ThyssenKrupp, meta għaddiet informazzjoni [kunfidenzjali], tat lill-Kummissjoni provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv, li jiġġustifikaw tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha għall-ksur fil-Ġermanja. Il-provi [kunfidenzjali] għandhom valur miżjud sinjifikattiv, indipendentement mill-fatt jekk il-Kummissjoni tiħux inkunsiderazzjoni tali provi. Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni tali provi, il-Kummissjoni, barra minn hekk, kisret l-aspettattivi leġittimi tal-imsemmija rikorrenti, peress li mill-punt 617 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li [kunfidenzjali] ġie meħud inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ kull ksur.

378    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kuntrarjament għat-tieni inċiż tal-paragrafu 2 tal-punt D tal-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjonijiet ta’ multi u ta’ tnaqqis tal-ammont tagħhom f’kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 1996 C 207, p. 4) (iktar’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996), l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jipprovdix għal tnaqqis tal-ammont tal-multa favur impriża li wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha.

379    Fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, sabiex tkun tista’ tistenna tnaqqis tal-ammont tal-multa, impriża għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bi provi tal-allegat ksur li għandhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla ma’ provi diġà fil-pussess tagħha (ara l-paragrafu 21 tal-imsemmi Avviż).

380    Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha sabiex tevalwa l-kooperazzjoni ta’ impriża taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, u b’mod partikolari sabiex tistabbilixxi jekk xi provi għandhomx valur miżjud sinjifikattiv, huwa biss eċċess manifest ta’ dan il-marġni li jista’ jiġi kkundannat mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 350 iktar’il fuq).

381    Għaldaqstant hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni eċċedietx b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta kkonstatat li l-provi mogħtija minn ThyssenKrupp ma kellhomx valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-imsemmi Avviż.

382    Skont il-paragrafi 21 u 22 tal-imsemmi Avviż, il-Kummissjoni, sabiex tevalwa l-valur miżjud tal-provi prodotti minn impriża, tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss in-natura u/jew il-livell ta’ preċiżjoni tal-provi, iżda wkoll il-provi diġà fil-pussess tagħha fil-mument li fih l-impriża kkonċernata tkun ressqet it-talba tagħha.

383    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument li fih ThyssenKrupp ressqet it-talba tagħha, [kunfidenzjali], il-Kummissjoni mhux biss kienet diġà rċeviet it-talbiet taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ta’ Kone, ta’ Otis u ta’ Schindler fir-rigward tal-ksur fil-Ġermanja, iżda kienet ukoll organizzat żewġ sensieli ta’ spezzjonijiet taħt l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 (premessi 104 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata) u bagħtet talbiet għal informazzjoni, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lill-impriżi parteċipanti fil-ksur fil-Ġermanja, lill-assoċjazzjonijiet VDMA, VFA u VMA u lil diversi klijenti fil-Ġermanja (premessi 110, 111 u 113 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet diġà ġabret biżżejjed provi sabiex, fis-7 ta’ Ottubru 2005, tikkomunika l-ilmenti lill-parteċipanti fil-ksur fil-Ġermanja, u dan qabel ma ThyssenKrupp kienet ressqet it-talba tagħha (premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 ma jikkontestawx li d-dikjarazzjonijiet ta’ ThyssenKrupp ma ġewx sostnuti minn provi kontemporanji (premessi 808 u 810 tad-deċiżjoni kkontestata).

384    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07, li ThyssenKrupp “ikkonfermat u kkompletat” il-fatti dwar l-akkordju fil-Ġermanja, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-provi li jirrigwardaw il-ħabi tal-akkordju, ir-rikorrenti ma jressqu l-ebda spjegazzjoni dwar il-provi li huma pproduċew, u lanqas dwar kif dawn kellhom valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

385    Fir-rigward tal-provi dwar [kunfidenzjali] fil-Ġermanja, mid-dokumenti msemmija fil-punti 234 sa 236 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fil-premessi 219 sa 221 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-provi pprovduti minn Kone, Otis u Schindler, qabel it-talba ta’ ThyssenKrupp, kienu diġà biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-parteċipanti fl-akkordju fil-Ġermanja kienu ħadu diversi prekawzjonijiet [kunfidenzjali].

386    Peress illi l-argument tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 huwa relatat [kunfidenzjali], għandu jiġi rrilevat li dawn it-tentattivi, sakemm jiġu stabbiliti, jirrigwardaw perijodu wara l-ksur kif ġie kkonstatat fl-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-provi għalhekk ma setgħux isaħħu l-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ksur u għalhekk ma għandhomx valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

387    Peress illi, f’din il-kawża, il-provi mressqa minn ThyssenKrupp ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni kienet korretta meta rrifjutat li tagħti lil ThyssenKrupp tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt l-aħħar inċiż tal-punt 23(b) tal-imsemmi Avviż.

388    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi, fil-punt 179 iktar’il fuq tfakkar li, id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, huwa disponibbli għal kull individwu li jinsab f’sitwazzzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi tatu garanziji preċiżi, ħolqitlu aspettattivi leġittimi fondati.

389    Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni fil-punt 617 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet spjegat li hija kienet se tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju kienu ħadu prekawzjonijiet sinjifikattivi sabiex l-akkordju ma jinkixifx ma għandux jiġi kkunsidrat bħala assigurazzjoni speċifika li ThyssenKrupp kienet ser tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa għall-kooperazzjoni tagħha taħt il-paragrafu 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Fil-fatt, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa taħt din id-dispożizzjoni jiddependi mill-valur miżjud sinjifikattiv tal-provi prodotti, u dwar dan il-punt 617 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jagħti l-ebda indikazzjoni. Barra minn hekk, peress li, fil-mument li fih ThyssenKrupp irċeviet notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, din kienet għadha ma fformulatx it-talba taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-ksur fil-Ġermanja, il-punt 617 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fi kwalunkwe każ ma setax joħloq aspettattivi leġittimi dwar il-valur miżjud tal-provi li kienu għadhom ma tressqux. Għalhekk, dan l-ilment tal-aħħar għandu jiġi miċħud.

390    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ilmenti ta’ ThyssenKrupp dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-kooperazzjoni tagħha sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Ġermanja għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-kooperazzjoni ta’ ThyssenKrupp sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Lussemburgu

391    ThyssenKrupp, li kienet it-tielet impriża li ressqet talba taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tal-akkordju fil-Lussemburgu (premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata), ma bbenefikatx minn tnaqqis tal-ammont tal-multa bis-saħħa ta’ dan l-Avviż f’dak li jirrigwarda l-imsemmi akkordju (premessa 828 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, fil-punt 827 tad-deċiżjoni kkontestatata, tispjega:

“Il-Kummissjoni tosserva li hija kienet diġà għamlet spezzjoni fil-Lussemburgu u li hija kienet irċeviet żewġ talbiet ta’ korroborazzjoni ta’ Kone u Otis taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 fir-rigward tal-attivitajiet tal-akkordju fil-Lussemburgu qabel ma ThyssenKrupp ressqet it-talba tagħha taħt l-istess Avviż. It-talba ta’ ThyssenKrupp tikkonsisti f’dikjarazzjoni qasira orali tal-impriża u din ma tat l-ebda prova kontemporanja u lanqas informazzjoni ġdida sinjifikattiva, billi kienet limitata b’mod ġenerali sabiex tikkonferma l-informazzjoni diġà magħrufa mill-Kummissjoni, pereżempju fir-rigward ta’ persuni li pparteċipaw fl-akkordju. Għaldaqstant, ThyssenKrupp ma tat l-ebda prova ġdida ta’ valur miżjud u meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni fil-mument tal-għoti tal-informazzjoni, ma tat l-ebda informazzjoni li saħħet, b’mod sinjifikattiv, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova l-fatti inkwistjoni. Wara t-talba tagħha, ThyssenKrupp ma kkooperatx iktar, ħlief biex tirrispondi t-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003”.

392    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li l-Kummissjoni applikat l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 b’mod legalment żbaljat, peress illi hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-valur miżjud tal-provi prodotti minn ThyssenKrupp. Fil-fatt, din kienet tat lill-Kummissjoni provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv, filwaqt li ma kkontestatx il-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u billi sostniet u kkompletat l-ilmenti espressi mill-Kummissjoni, ħaġa li għandha tissarraf, skont it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, fi tnaqqis ta’ 20 % sa 30 % tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha għall-akkordju fil-Lussemburgu.

393    Kif diġà tfakkar fil-punt 378 iktar’il fuq, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jipprovdix għal tnaqqis tal-ammont tal-multa favur impriża li ma tikkontestax, wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha sabiex tevalwa l-kooperazzjoni ta’ impriża taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-Kummissjoni eċċedietx b’mod manifest dan il-marġni ta’ diskrezzjoni meta kkonstatat illi l-provi prodotti minn ThyssenKrupp ma kellhomx valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tagħha fil-mument li fih l-imsemmija impriża ressqet it-talba tagħha taħt dan l-Avviż.

394    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07, li ma jesponux l-għoti ta’ immunità minn multa lil Kone taħt il-paragrafu 8(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, lanqas ma jikkontestaw li l-informazzjoni mogħtija minn Kone kienet diġà tippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata ksur fil-Lussemburgu (premessa 816 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni għalhekk kienet diġà rċeviet provi biżżejjed sabiex tikkonstata ksur fil-Lussemburgu fil-mument li fih ThyssenKrupp ifformulat it-talba tagħha. Barra minn hekk, qabel it-talba ta’ ThyssenKrupp, il-Kummissjoni kienet ukoll diġà rċeviet talba ta’ Otis, f’Marzu 2004, u din tal-aħħar, wara din it-talba, ibbenefikat minn tnaqqis ta’ 40 % tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha għall-ksur fil-Lussemburgu (premessi 118 u 823 tad-deċiżjoni kkontestata).

395    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 ma jikkontestawx li ThyssenKrupp, fil-kuntest tat-talba tagħha [kunfidenzjali], ma tat lill-Kummissjoni l-ebda prova kontemporanja (premessa 827 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-paragrafu 22 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, il-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perijodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti għandhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara.

396    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 madankollu jqajjmu diversi elementi li huma, fl-opinjoni tagħhom, tali li juru li l-provi prodotti minn ThyssenKrupp kellhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-elementi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

397    Fl-ewwel lok, l-imsemmija rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq in-numru għoli ta’ riferimenti għat-talba taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ta’ ThyssenKrupp fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi muri l-valur miżjud tagħha.

398    Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, użat il-provi kollha li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, u għalhekk ukoll l-informazzjoni mogħtija minn ThyssenKrupp fit-talba tagħha [kunfidenzjali], madankollu ma jurix li din l-informazzjoni kellha valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li hija diġà kellha għad-dispożizzjoni tagħha f’din id-data. L-evalwazzjoni tal-valur miżjud fis-sens tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 issir, fil-fatt, kemm skont il-kwalità tal-kooperazzjoni kif ukoll bil-paragun mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

399    F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 ma għandhomx jinvokaw ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, inkwantu hija timminimizza b’mod żbaljat l-importanza li l-impriżi jressqu provi ddettaljati lill-Kummissjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha toħroġ b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtorità tal-Unjoni, awtriċi tal-att ikkontestat, b’mod li jkun possibbli għall-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra p. I‑9919, punt 87). F’din il-kawża, il-Kummissjoni, fil-premessi 825 sa 828 tad-deċiżjoni kkontestata (ara b’mod partikolari l-punt 391 iktar’il fuq) esponiet b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom ma setax jingħata tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta għall-ksur fil-Lussemburgu.

400    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq dikjarazzjonijiet ta’ ThyssenKrupp sabiex tirreferi, fil-premessa 307 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-prekawzjonijiet meħuda mill-parteċipanti fil-ksur sabiex jaħbu l-laqgħat u l-kuntatti bejn il-kompetituri.

401    Għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet ta’ ThyssenKrupp imsemmija fil-premessa 307 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferu għall-użu ta’ tieni mowbajl [kunfidenzjali] ta’ TKAL għall-organizzazzjoni ta’ laqgħat antikompetittivi. Madankollu, l-isforzi tal-parteċipanti fl-akkordju fil-Lussemburgu sabiex jaħbu l-laqgħat u l-kuntatti tagħhom jidhru diġà b’mod ċar mit-talba ta’ Kone tal-5 ta’ Frar 2004, u b’mod partikolari mill-punti 3.4.2 u 3.4.5 tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma eċċedietx b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet ta’ ThyssenKrupp riprodotti fil-premessa 307 tad-deċiżjoni kkontestata ma għandhomx valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tagħha.

402    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 jirrilevaw li ThyssenKrupp kienet l-ewwel impriża li wriet lill-Kummissjoni li l-laqgħat illegali kienu ġew organizzati prinċiparjament [kunfidenzjali] (premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, min-nota ta’ qiegħ il-paġna 455 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-kontribut [kunfidenzjali] ta’ ThyssenKrupp kien ippreċeda l-kontribuzzjonijiet tal-kompetituri tagħha.

403    Madankollu, kif jirriżulta mill-proċess, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07, ir-rwol [kunfidenzjali] fl-organizzazzjoni tal-laqgħat illegali kien magħruf mill-Kummissjoni qabel il-kontribut ta’ ThyssenKrupp, wara d-dikjarazzjonijiet ta’ Kone u ta’ Otis fi Frar u f’Marzu 2004. F’dawn iċ-ċirkustanzi ma jista’ jingħata ebda valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 lid-dikjarazzjonijiet ta’ ThyssenKrupp imsemmija fil-punt preċedenti.

404    Fi kwalunkwe każ, anki jekk ThyssenKrupp kienet l-ewwel impriża li kkomunikat l-informazzjoni msemmija fil-punt 402 iktar’il fuq, il-Kummissjoni ma eċċedietx b’mod manifest il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta kkunsidrat li dawn il-provi ma għandhomx valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-imsemmi Avviż. Fil-fatt, minbarra l-fatt li l-identità tal-impriża li organizzat il-laqgħat illegali ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala prova importanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ akkordju, mill-premessa 721 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-informazzjoni inkwistjoni ma ġietx kkunsidrata bħala konvinċenti biżżejjed mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li [kunfidenzjali] kienet l-istigatriċi tal-akkordju fil-Lussemburgu jew li kellha rwol determinanti fih.

405    Fir-raba’ lok, ThyssenKrupp, fit-talba tagħha [kunfidenzjali], informat lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament. Kien sar tqassim ġdid tal-proġetti b’mod awtomatiku bejn il-parteċipanti fl-akkordju meta l-ishma tas-suq miftiehma ma ġewx rispettati (premessi 317 u 336 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiċċita, fid-deċiżjoni kkontestata (noti ta’ qiegħ il-paġna 484 u 517 tad-deċiżjoni kkontestata), kontribut ta’ Kone tad-29 ta’ Ottubru 2004 li ma kienx volontarju u li kien nettament wara l-kontribut ta’ ThyssenKrupp.

406    Madankollu, kif jirriżulta mill-proċess, għandu jiġi kkonstatat li, fit-talba tagħha [kunfidenzjali], ThyssenKrupp indikat biss li l-għan tat-tqassim tal-proġetti kien l-iffriżar tal-ishma tas-suq u li n-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim kien jagħti lok għal bidla għall-proġetti sussegwenti. Din l-informazzjoni kienet diġà fil-pussess tal-Kummissjoni fil-mument li fih ThyssenKrupp għamlet it-talba tagħha. Għalhekk l-ebda valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jista’ jingħata lill-informazzjoni mogħtija minn ThyssenKrupp dwar il-mekkaniżmu ta’ aġġustament.

407    Fil-ħames lok, ThyssenKrupp, fil-kontribut tagħha [kunfidenzjali], irrilevat li l-listi ta’ proġetti kien fihom l-ismijiet tal-proġetti, il-kwantitajiet ta’ liftijiet u l-prezzijiet. Il-Kummissjoni użat din l-informazzjoni fil-premessa 321(a), (c) u (d) tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr, madankollu, ma rrikonoxxiet li din kienet kontribut ta’ ThyssenKrupp.

408    Madankollu, kif jirriżulta mill-proċess, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni msemmija fil-punt preċedenti kienet diġà fil-pussess tal-Kummissjoni fil-mument li fih ThyssenKrupp għamlet it-talba tagħha. Għalhekk l-ebda valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jista’ jingħata lill-informazzjoni kkonċernata.

409    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li l-Kummissjoni tuża informazzjoni dwar il-kontenut tal-kuntratti ta’ manutenzjoni u tistrieħ, f’dan ir-rigward, fuq il-kontribut ta’ Kone tal-5 ta’ Frar 2004 u ta’ ThyssenKrupp [kunfidenzjali], peress li l-informazzjoni ta’ Schindler u ta’ Luxlift ġiet mogħtija iktar tard (premessa 348 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-Kummissjoni kkonfermat l-informazzjoni tal-premessa 348 permezz ta’ erba’ dikjarazzjonijiet ta’ kompetituri, hija manifestament ma setgħetx tafda biss id-dikjarazzjoni ta’ Kone.

410    Madankollu, kif jirriżulta mill-proċess, għandu jiġi kkonstatat li, qabel it-talba ta’ ThyssenKrupp [kunfidenzjali], Kone kienet tat, fil-5 u fil-11 ta’ Frar 2004, informazzjoni dwar il-kuntratti ta’ manutenzjoni ħafna iktar iddettaljata minn dik mogħtija minn ThyssenKrupp u li din l-informazzjoni kienet ġiet oralment ikkonfermata minn Otis fit-23 ta’ Marzu 2004. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jista’ jingħata ebda valur miżjud sinjifikattiv lill-informazzjoni dwar kuntratti ta’ manutenzjoni mogħtija minn ThyssenKrupp fil-kuntest tat-talba tagħha taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

411    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 ma wrewx li l-Kummissjoni manifestament eċċediet il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha meta kkunsidrat li l-provi prodotti minn ThyssenKrupp ma kellhomx valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

412    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 jallegaw li l-Kummissjoni wettqet żball gravi ta’ evalwazzjoni billi injorat id-deċiżjoni [kunfidenzjali] tal-awtorità tal-kompetizzjoni Lussemburgiża, li kienet tat l-immunità lil ThyssenKrupp, biex b’hekk issuġġeriet li l-kooperazzjoni tagħha, kienet biżżejjed, skont id-dritt Lussemburgiż, għall-għoti tal-immunità jew għat-tnaqqis tas-sanzjoni u li l-kooperazzjoni tagħha għalhekk kellha valur miżjud.

413    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-avviż ta’ klemenza tal-Kunsill tal-kompetizzjoni Lussemburgiż [kunfidenzjali] jirrikonoxxi li waslitlu t-talba ta’ TKAL u ta’ TKE għal klemenza dwar il-ksur fil-Lussemburgu u jikkonferma li din it-talba tiġi kklassifikata skont ir-rekwiżiti tal-proċedura tal-Lussemburgu (Artikoli 1 u 2 tal-avviż ta’ klemenza). Madankollu, dan l-avviż ma fih ebda evalwazzjoni kwalitattiva tal-provi prodotti minn ThyssenKrupp. Fil-fatt, il-Kunsill tal-kompetizzjoni Lussemburgiż qies “xieraq li jissospendi d-deċiżjoni dwar il-mertu tat-talba ta’ klemenza sakemm tingħalaq l-investigazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni (avviż ta’ klemenza, punt 6 u l-Artikolu 3). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.

414    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 jallegaw li, minħabba diffikultajiet lingwistiċi evidenti li kellhom l-uffiċjali involuti f’din il-kawża, li ġew riflessi fl-interpretazzjoni żbaljata ta’ ċerti provi, il-Kummissjoni ma evalwatax b’mod korrett il-valur miżjud tal-kontribut ta’ ThyssenKrupp taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Madankollu, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud, għar-raġunijiet iddikjarati fil-punt 86 iktar’il fuq.

415    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ilmenti kollha ta’ ThyssenKrupp dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 għall-kooperazzjoni tagħha sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Lussemburgu għandhom jiġu miċħuda.

416    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba fl-iffissar tal-ammont tat-tnaqqis tal-multi mogħti minħabba l-kooperazzjoni barra mill-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

417    Fil-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet ħabbret li hija kien bi ħsiebha “tagħti tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, b’mod partikolari meta kumpannija ma tikkontestax jew meta din tagħti għajnuna addizzjonali li tippermetti li jiġu kkjarifikati jew kkompletati l-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni.”

418    Fil-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, “sa fejn il-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kien joħloq aspettattivi f’din il-kawża, hija ddeċidiet li tinterpreta dan il-punt favur impriżi li, fuq din il-bażi, ikkontribwixxew sabiex jiġu stabbiliti fatti tal-ksur imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, billi ma jikkontestawx il-fatti jew billi jagħtu informazzjoni oħra jew dettalji addizzjonali”.

419    Il-Kummissjoni b’hekk tat lill-parteċipanti kollha tal-erba’ ksur, bl-eċċezzjoni, minn naħa waħda, tal-impriżi li bbenefikaw minn immunità ta’ multi (premessi 762, 817 u 839 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, ta’ Kone fil-kuntest tal-akkordju fil-Pajjiżi l-Baxxi (premessa 851 tad-deċiżjoni kkontestata), tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 1 % għall-kooperazzjoni tagħhom barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessi 768, 774, 777, 794, 801, 806, 813, 824, 829, 835, 845, 854, 855 u 856 tad-deċiżjoni kkontestata).

420    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 iqisu li huma jistgħu leġittimament jippretendu tnaqqis ta’ mill-inqas 10 % tal-ammont tal-multi imposti fuq ThyssenKrupp għall-ksur fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Tali aspettattivi leġittimi jirriżultaw, skont ir-rikorrenti, mill-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, li permezz tagħha impriża li ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti li bihom tkun ikkritikata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tibbenefika minn tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa tagħha, skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996.

421    Fl-ewwel lok, fil-punt 388 iktar’il fuq tfakkar li d-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa miftuħ għal dawk l-individwi li jinsabu f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi tathom assigurazzjonijiet preċiżi, ħolqot aspettattivi fondati fil-konfront tagħhom.

422    Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 180 iktar’il fuq, persuna ma tistax tinvoka ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlha mill-amministrazzjoni. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti u li ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi tali assigurazzjonijiet.

423    Huwa veru, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, kuntrarjament għall-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996, ma jipprovdi għal ebda tnaqqis tal-ammont tal-multa favur impriżi li ma jikkontestawx il-materjalità tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Madankollu, fil-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ħoloq, għall-impriżi, l-aspettattiva leġittima li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti iwassal għal tnaqqis fl-ammont tal-multa barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

424    Fil-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet ħabbret li “kien bi ħsiebha tagħti tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, b’mod partikolari meta kumpannija ma tikkontestax jew meta din tagħti għajnuna addizzjonali li tippermetti li jiġu kkjarifikati jew kkompletati l-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni”. Tali dikjarazzjoni ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala assigurazzjoni preċiża li setgħet nisslet fi ħdan ir-rikorrenti aspettattivi fondati li kienu se jingħataw tnaqqis tal-ammont tal-multi ta’ iktar minn 1 %. Fil-fatt, il-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jindikax id-daqs jew ir-rata ta’ tnaqqis li, jekk ikun il-każ, kien se jingħata lill-impriżi kkonċernati, b’tali mod li ma seta’ bl-ebda mod inissel xi aspettattiva leġittima dwar dan.

425    Fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kienet idderogat mill-prassi preċedenti tagħha, li permezz tagħha impriża li ma tikkontestax il-materjalità tal-fatti kkritikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tibbenefika minn tnaqqis ta’ 10 % tal-ammont tal-multa imposta fuqha, għandu jiġi miċħud, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 153 iktar’il fuq, prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma għandhiex, skont ġurisprudenza stabbilita, isservi bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni.

426    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li huwa biss l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 li japplika għat-talbiet tagħhom. Għaldaqstant, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jew il-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-paragrafu 2 tal-punt D tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1996 fi kwalunkwe każ ma għandhomx inisslu aspettattiva leġittima tar-rikorrenti fir-rigward tal-livell tat-tnaqqis tal-multi mogħtija minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti relatati mal-akkordju fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi, ibbażata fuq il-punt 614 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

427    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07 u T‑154/07 isostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma tatx tnaqqis ta’ 10 % minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Huma sostnew ukoll, f’dan ir-rigward, ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li l-Kummissjoni ħajjret lill-impriżi ma jikkontestawx il-fatti iżda tathom biss tnaqqis ta’ 1 % tal-ammont tal-multi tagħhom.

428    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑180/96, Ġabra p. I‑2265, punt 96, u tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, T‑30/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 223).

429    Fir-rigward tar-rata ta’ eventwali tnaqqis tal-ammont ta’ multa minħabba nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li impriża li tiddikjara espressament li hija ma tikkontestax il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-ilmenti tagħha tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tat kontribut sabiex tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u twaqqaf il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 395, u SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T‑327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 157).

430    Fil-premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu indikat li “il-portata tat-tnaqqis għandha tieħu inkunsiderazzjoni li l-kooperazzjoni offruta wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, meta l-Kummissjoni tkun diġà stabbilixxiet l-elementi kollha tal-ksur, f’mument fejn l-impriża tkun diġà taf bl-elementi kollha tal-investigazzjoni u jkollha aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni, tista’ biss, fl-aħjar ipoteżi, tgħin marġinalment lill-Kummissjoni fl-investigazzjoni tagħha”. Hija żiedet li “b’mod ġenerali, l-ammissjoni tal-fatti f’dawn iċ-ċirkustanzi hija l-iktar prova li tikkorrobora l-fatti li l-Kummissjoni normalment tikkunsidra bħala pprovati biżżejjed bi provi oħra msemmija fil-fajl”.

431    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 jitlob livell għoli ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni, filwaqt li din barra minn hekk tirrikjedi “allinjament eqreb bejn il-livell ta’ tnaqqis ta’ multi u l-valur tal-kontribuzzjoni ta’ kumpannija biex ikun stabbilit il-ksur” (paragrafu 5 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002). B’hekk, minn naħa waħda, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 378 iktar’il fuq, bid-differenza tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-1998, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 ma jipprovdix għal tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talbiet magħmula lill-Kummissjoni taħt l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, it-tnaqqis minimu li l-impriżi li ma humiex la l-ewwel u lanqas it-tieni li jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 21 ta’ dan l-Avviż, iżda li l-provi tagħhom għandhom madankollu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni, jitla’ sa 20 %.

432    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u tal-fatt li t-tnaqqis mogħti fil-kawża minħabba nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti jiżdied mat-tnaqqis tal-multi diġà mogħti fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 kif ukoll mal-valur marġinali ta’ kooperazzjoni offruta wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (premessa 758 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ma tatx tnaqqis ta’ multi ta’ 10 % lil ThyssenKrupp minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti relatati mal-akkordji fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fil-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07 u T‑154/07 ma ressqu l-ebda prova li tista’ turi li l-Kummissjoni ħajjrithom ma jikkontestawx il-fatti, b’tali mod li l-ilment tagħhom ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fi kwalunkwe każ ma jistax jintlaqa’.

433    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07 jirrilevaw li ThyssenKrupp, li kienet informat lill-Kummissjoni b’tentattivi tal-parteċipanti fil-ksur fil-Ġermanja sabiex jostakolaw l-investigazzjoni tagħha, sofriet trattament diskriminatorju meta mqabbla mal-impriżi li kkontestaw tali aġir peress li ż-żewġ kategoriji ta’ impriżi ngħataw l-istess tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħhom barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002. Ir-rikorrenti fil-Kawża T‑144/07 jsostnu wkoll li f’dan ir-rigward, ġie applikat tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 1 % għall-impriżi kollha, indipendentement mill-kooperazzjoni tagħhom.

434    Dan l-ilment ma jistax jintlaqa’. Peress li d-dikjarazzjonijiet ta’ ThyssenKrupp dwar it-tentattivi ta’ ostakolu ma setgħux jiffaċilitaw il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ksur (ara l-punt 386 iktar’il fuq), il-kooperazzjoni utli ta’ ThyssenKrupp barra mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 hija limitata għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti. Il-kooperazzjoni ta’ ThyssenKrupp hija għalhekk komparabbli ma’ dik ta’ impriżi oħra li, f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni barra l-imsemmi Avviż, illimitaw ruħhom sabiex ma jikkontestawx il-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

435    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu li l-metodu tal-kalkolu tat-tnaqqis ta’ 1 % għan-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti jikkawża preġudizzju finanzjarju lil ThyssenKrupp meta mqabbla mal-impriżi involuti fil-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, fir-rigward ta’ ThyssenKrupp, il-Kummissjoni kkalkolat it-tnaqqis tal-multi mogħti f’żewġ fażijiet, jiġifieri, fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi rispettivament, tnaqqis ta’ 20 % u ta’ 40 % minħabba l-kooperazzjoni fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, imbagħad tnaqqis ta’ 1 % minħabba l-kooperazzjoni barra l-kuntest tal-imsemmi Avviż. Fir-rigward tal-impriżi l-oħra, it-tnaqqis ta’ 1 % ġie applikat direttament għall-multa stabbilita mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, permezz tal-metodu tal-kalkolu tagħha, il-Kummissjoni ffavorixxiet l-impriżi li ma kisbux tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, meta mqabbla mal-impriżi li kkooperaw matul il-proċedura amministrattiva.

436    Tfakkar li (ara l-punt 365 iktar’il fuq), skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma għandhiex, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kooperazzjoni mogħtija mill-membri ta’ akkordju, tinterpreta b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

437    Madankollu, minbarra li t-tnaqqis tal-ammonti tal-multi mogħtija fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u t-tnaqqis mogħti barra mill-kuntest ta’ dan l-Avviż jikkostitwixxu fażijiet distinti tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, għandu jiġi kkonstatat li l-impriżi li kkooperaw kemm fil-kuntest tal-imsemmi Avviż kif ukoll barra dan il-kuntest, minn naħa waħda, u l-impriżi li kkooperaw biss barra dan l-istess Avviż, min-naħa l-oħra, ma jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli. L-ilment ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għalhekk ma għandux jintlaqa’.

438    Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

439    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu li l-multi imposti fuqhom fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għall-ksur li ġie hemm ikkonstatat, jiksru l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, inkwantu l-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi inkwistjoni, ibbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ tal-grupp ThyssenKrupp, pjuttost milli fuq id-dħul mill-bejgħ tas-sussidjarji li pparteċipaw direttament fil-ksur.

440    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu, l-ewwel nett, li l-ksur imwettaq mis-sussidjarji ta’ TKAG u ta’ TKE ma jistax jiġi imputat fuq TKAG u fuq TKE u li, għalhekk, il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-imsemmija sussidjarji.

441    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment jiġi konfuż mal-ilmenti eżaminati fil-punti 100 sa 149 iktar’il fuq, relatati mal-imputazzjoni fuq il-kumpanniji parent tal-grupp ThyssenKrupp tal-aġir li jikkostitwixxi ksur tas-sussidjarji tagħhom. Mill-argumenti relatati ma’ dan il-punt jirriżulta li l-Kummissjoni korrettament qieset li TKAG u TKE jiffurmaw entità ekonomika mas-sussidjarji rispettivi tagħhom. Dan l-ilment għandu għalhekk jiġi miċħud.

442    It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 jiddikjaraw li l-iffissar tal-livell tal-multi abbażi tad-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija parent huwa, fi kwalunkwe każ, eskluż ukoll peress li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jirreferi għal “impriżi li qed jipparteċipaw fil-ksur”. Il-limitu ta’ 10 % japplika għalhekk għad-dħul mill-bejgħ tal-awtur tal-ksur, dak li pparteċipa direttament fil-ksur, u mhux għal dak tal-kumpannija parent tiegħu li hija responsabbli in solidum.

443    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi “għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriżi li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jabqżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti.” Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dħul mill-bejgħ imsemmi f’din id-dispożizzjoni jfisser id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata (ara s-sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar’il fuq, punt 146, u s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 428 iktar’il fuq, punt 177, u l-ġurisprudenza ċċitata).

444    B’hekk, il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ stipulat fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE (sentenzi tal-Qorti Ġenerali HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 311 iktar’il fuq, punt 528, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 390).

445    F’din il-kawża, il-Kummissjoni stabbilixxiet li TKAG kienet tifforma, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, entità ekonomika mas-sussidjarji tagħha msemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 100 sa 149 iktar’il fuq). Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 443 u 444 iktar’il fuq, il-Kummissjoni korrettament ibbażat ruħha, għall-kalkolu tal-multi li hija imponiet fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq id-dħul mill-bejgħ tal-kumpannija parent, sabiex tiffissa il-multi f’livell suffiċjentement dissważiv.

446    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 billi bbażat ruħha, sabiex tistabbilixxi l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ għall-multi li hija kellha timponi għall-ksur imwettaq mill-kumpanniji li jappartjenu lill-grupp ThyssenKrupp, fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ TKAG. Peress li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 ma jsostnux li l-multa li ġiet imposta fuqhom taqbeż il-limitu ta’ 10 % tal-imsemmi dħul mill-bejgħ, l-ilmenti tagħhom għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kalkolu tal-ammont finali tal-multi

447    Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 isostnu li l-ammont finali tal-multi imposti fuqhom huwa sproporzjonat.

448    Sabiex jistabbilixxu l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07 u T‑150/07 jenfasizzaw, l-ewwel nett, in-natura nazzjonali tal-ksur issanzjonat fid-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07 isostnu li l-multi imposti fuq ThyssenKrupp għall-ksur fil-Belġju u fil-Lussemburgu huma eċċessivi meta mqabbla mad-daqs tas-swieq ikkonċernati u ma jirriflettux korrettament ir-relazzjonijiet ta’ forza ekonomika li jeżistu bejn l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur, li kienu determinanti matul it-twettiq tal-ksur. Ir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 jenfasizzaw, anki f’dan il-kuntest, li l-multi li ġew imposti fuqhom għall-ksur fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi jirrappreżentaw diversi drabi id-dħul mill-bejgħ rispettiv ta’ TKLA u ta’ TKL. It-tielet nett, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑144/07 issostni li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jobbliga lill-Kummissjoni tiffissa l-ammont finali tal-multa b’mod li jirrifletti l-portata kollha tal-kooperazzjoni li TKLA kienet ipprovat, u b’mod partikolari sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-wegħda ta’ klemenza mogħtija mill-awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑154/07 issostni wkoll li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-immunità li TKL kienet kisbet mill-awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża.

449    Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, filwaqt li huwa mifhum li, meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxa (ara l-punt 428 iktar’il fuq).

450    Minn dan isegwi li l-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxa, jiġifieri meta mqabbla mal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni, u li l-ammont tal-multa imposta fuq impriża fil-qasam tal-kompetizzjoni għandha tkun proporzjonata mal-ksur, evalwata fl-intier tagħha, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tagħha (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 428 iktar’il fuq, punt 224). Barra minn hekk, fl-iffissar tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni hija korretta li tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li tiggarantixxi li l-multi jkollhom effett suffiċjentement dissważiv (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, punt 247 iktar’il fuq, punt 108, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Europa Carton vs Il‑Kummissjoni, T‑304/94, Ġabra p. II‑869, punt 89).

451    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-akkordji f’din il-kawża kienu jikkonsistu prinċiparjament f’kollużjoni sigrieta bejn kompetituri sabiex jaqsmu s-swieq jew jiffriżaw l-ishma tas-suq filwaqt li jaqsmu bejniethom il-proġetti ta’ bejgħ u ta’ installazzjoni ta’ liftijiet u/jew ta’ eskalejters ġodda, u sabiex ma jikkompetux bejniethom fir-rigward tal-manutenzjoni u tal-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters (ħlief fil-Ġermanja, fejn l-attività ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-membri tal-akkordju). Tali ksur jaqgħu, min-natura tagħhom stess, fost il-ksur l-iktar serju tal-Artikolu 81 KE (premessa 658 tad-deċiżjoni kkontestata).

452    F’dan ir-rigward, id-daqs relattivament żgħir tas-suq tal-prodotti inkwistjoni, anki jekk jiġi pprovat, għandu biss importanza minima meta mqabbel mal-elementi l-oħra kollha li jindikaw il-gravità tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, punt 185 iktar’il fuq, punt 151). Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti li l-multi imposti mill-Kummissjoni kienu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs tas-swieq ikkonċernati għandhom jiġu miċħuda.

453    It-tieni nett, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-multi meta mqabbla mad-daqs u mas-saħħa ekonomika tal-entitajiet ekonomiċi kkonċernati, bħala impriżi fis-sens tal-Artikolu 81 KE, għandu jitfakkar li mill-argumenti preċedenti jirriżulta li dawn ma jeċċedux il-limitu msemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li huwa intiż sabiex jevita li l-multi jkunu sproporzjonati meta mqabbla mad-daqs tal-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 247 iktar’il fuq, punt 129, u s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, punt 428 iktar’il fuq, punt 229).

454    It-tielet nett, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni, fil-kalkolu tal-multi, tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-unità ekonomika bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE. Madankollu, l-impriża rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’din il-kawża ma tikkorrispondix għal kull sussidjarja li pparteċipat fil-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1(1), (3) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata. Għall-kuntrarju, mill-analiżi preċedenti jirriżulta li l-impriżi li wettqu l-ksur imsemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 1(1), (3) u (4) tad-deċiżjoni kkontestata huma kkostitwiti minn TKAG u s-sussidjarji kollha tagħha msemmija fl-imsemmija dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 100 sa 149 iktar’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tar-rikorrenti li huma limitati sabiex jistabbilixxu sproporzjon bejn l-ammont tal-multi imposti mill-Kummissjoni u d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-imsemmija sussidjarji, bl-esklużjoni tal-kumpannija parent, għandhom jiġu miċħuda.

455    Ir-raba’ nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta, meta tiddetermina l-ammont tal-multi skont il-gravità u t-tul taż-żmien tal-ksur ikkonċernat, li tiżgura, fil-każ li jiġu imposti multi fuq numru ta’ impriżi involuti fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi għall-impriżi kkonċernati li għalihom iwassal il-kalkolu tagħha jirriflettu kull differenza bejniethom fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom jew tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fuq is-suq ikkonċernat mill-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 94 iktar’il fuq, punt 312, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 84).

456    B’hekk, il-Qorti Ġenerali diġà kkunsidrat li l-ammont finali tal-multa ma jikkostitwixxix, a priori, element xieraq sabiex jiġi stabbilit nuqqas eventwali ta’ proporzjonalità tal-multa fir-rigward tad-daqs tal-parteċipanti fl-akkordju. Fil-fatt, l-iffissar tal-imsemmi ammont finali huwa, b’mod partikolari, skont diversi ċirkustanzi marbuta mal-aġir individwali tal-impriża inkwistjoni, u mhux mas-sehem tagħha fis-suq jew mad-dħul mill-bejgħ tagħha, bħat-tul tal-ksur, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti u l-grad ta’ kooperazzjoni tal-imsemmija impriża (sentenza Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, punt 455 iktar’il fuq, punti 85 u 86).

457    Barra minn hekk, mill-premessi 672, 673, 674, 676, 680 u 686 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, fl-iffissar tal-ammont inizjali speċifiku tal-multi, applikat trattament differenti għall-impriżi kkonċernati, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-daqs tagħhom fis-swieq ikkonċernati bl-akkordji. B’hekk, il-Kummissjoni kklassifikat l-impriżi “f’diversi kategoriji skont id-dħul mill-bejgħ tagħhom magħmul mil-liftijiet u/jew l-eskalejters, inkluż, jekk ikun il-każ, fis-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ modernizzazzjoni” (premessa 673 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti li l-multi imposti ma jirriflettux korrettament ir-relazzjonijiet ta’ forza ekonomika eżistenti bejn l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur ma għandhomx jintlaqgħu.

458    Il-ħames nett, l-argument tar-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07 u T‑154/07 li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-portata tal-kooperazzjoni ta’ ThyssenKrupp fil-Belġju u li hija messha ħadet inkunsiderazzjoni l-atti tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni nazzjonali għandhom ukoll jiġu miċħuda.

459    Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-kooperazzjoni ta’ TKLA sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Belġju ġiet meħuda inkunsiderazzjoni kif suppost mill-Kummissjoni fil-premessi 769 sa 774 tad-deċiżjoni kkontestata. Mill-argumenti preċedenti (punti 338 sa 370 iktar’il fuq) jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, mill-punti 156 sa 190 iktar’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma għandhomx lanqas jinvokaw wegħdiet ta’ klemenza li allegatament huma rċevew mill-awtorità tal-kompetizzjoni Belġjana u minn dik Olandiża.

460    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv invokat mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑144/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kalkolu tal-ammont finali tal-multa għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-iffissar tal-ammont finali tal-multi

461    Kif jirriżulta mill-punti 303 sa 323 iktar’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi mmodifikata, inkwantu timponi, minħabba reċidiva, żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multi imposti fuq ThyssenKrupp fid-deċiżjoni kkontestata.

462    L-ammont finali tal-imsemmija multi huwa għalhekk ikkalkolat kif ġej.

–        Għall-ksur fil-Belġju: l-ammont bażiku tal-multa (EUR 57 750 000) huwa mnaqqas b’20 % minħabba l-kooperazzjoni fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li jwassal għal ammont ta’ EUR 46 200 000, u ta’ 1 % minħabba l-kooperazzjoni barra mill-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li jwassal għal ammont finali tal-multa ta’ EUR 45 738 000.

–        Għall-ksur fil-Ġermanja: l-ammont bażiku tal-multa (EUR 252 000 000) huwa mnaqqas b’1 % minħabba l-kooperazzjoni fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li jwassal għal ammont ta’ finali tal-multa ta’ EUR 249 480 000.

–        Għall-ksur fil-Lussemburgu: l-ammont bażiku tal-multa (EUR 9 000 000) huwa mnaqqas b’1 % minħabba l-kooperazzjoni fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li jwassal għal ammont finali tal-multa ta’ EUR 8 910 000.

–        Għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi: l-ammont bażiku tal-multa (EUR 26 350 000) huwa mnaqqas b’40 % minħabba l-kooperazzjoni fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li jwassal għal ammont ta’ EUR 15 810 000, u ta’ 1 % minħabba l-kooperazzjoni barra mill-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, li jwassal għal ammont finali tal-multa ta’ EUR 15 651 900.

 Fuq l-ispejjeż

463    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. F’dan il-każ, hemm lok li jkun deċiż illi r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha u kwart tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑144/07, T‑147/07, T‑148/07, T‑149/07, T‑150/07 u T‑154/07 huma magħquda għall-finijiet ta’ din is-sentenza.

2)      Ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(1), ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(2), ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(3) u r-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 512 finali, tal-21 ta’ Frar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/E-1/38.823 – Liftijiet u eskalejters) huma annullati.

3)      Fil-Kawżi T‑144/07, T‑149/07 u T‑150/07, l-ammont tal-multa imposta fuq ThyssenKrupp Liften Ascenseurs NV, ThyssenKrupp Elevator AG u ThyssenKrupp AG fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 512 finali, tal-21 ta’ Frar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (Każ COMP/E-1/38.823 – Liftijiet u eskalejters), għall-ksur fil-Belġju huwa ffissat bħala EUR 45 738 000.

4)      Fil-Kawżi T‑147/07, T‑149/07 u T‑150/07, l-ammont tal-multa imposta fuq ThyssenKrupp Aufzüge GmbH, ThyssenKrupp Fahrtreppen GmbH, ThyssenKrupp Elevator u ThyssenKrupp fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni C (2007) 512 għall-ksur fil-Ġermanja huwa ffissat bħala EUR 249 480 000.

5)      Fil-Kawżi T‑148/07, T‑149/07 u T‑150/07, l-ammont tal-multa imposta fuq ThyssenKrupp Ascenseurs Luxembourg Sàrl, ThyssenKrupp Elevator u ThyssenKrupp fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni C (2007) 512 għall-ksur fil-Lussemburgu huwa ffissat bħala EUR 8 910 000.

6)      Fil-Kawżi T‑150/07 u T‑154/07, l-ammont tal-multa imposta fuq ThyssenKrupp Liften BV u ThyssenKrupp fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni C (2007) 512 għall-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa ffissat bħala EUR 15 651 900.

7)      Il-kumplament tar-rikorsi huma miċħuda.

8)      F’kull kawża, ir-rikorrenti għandhom ibatu tliet kwarti tal-ispejjeż tagħhom u tliet kwarti tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha u kwart tal-ispejjeż tar-rikorrenti.

Martins Ribeiro

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2011.

Firem

Werrej


Il-proċedura amministrattiva

1.  L-investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Belġju

Il-Ġermanja

Il-Lussemburgu

Il-Pajjiżi l-Baxxi

2.  Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet

3.  Id-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq il-mertu

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-motiv li jirriżulta minn nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE inkwantu l-akkordji kkonċernati ma jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-Kummissjoni messha ħalliet f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati sabiex jistitwixxu proċeduri għall-ksur

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw l-imputazzjoni tar-responsabbiltŕ għall-ksur tal-Artikolu 81 KE, ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, tal-individwalitŕ tal-pieni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, u ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll tal-Artikolu 253 KE fl-imputazzjoni fuq il-kumpanniji parent tal-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-imputazzjoni tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fuq TKE u fuq TKAG

–  Fuq il-preżunzjoni ta’ responsabbiltŕ ta’ TKAG u ta’ TKE għall-aġir tas-sussidjarji tagħhom

–  Fuq l-elementi mressqa mir-rikorrenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ responsabbiltŕ ta’ TKAG u ta’ TKE għall-aġir tas-sussidjarji rispettivi tagħhom

Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża

Fuq it-talbiet għal miżuri istruttorji

3.  Fuq it-talbiet għall-annullament jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju non bis in idem

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipji ta’ proporzjonalitŕ u ta’ ugwaljanza fit-trattament u tad-drittijiet tad-difiża fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi skont il-gravitŕ tal-ksur

Osservazzjonijiet preliminari

Id-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-allegata illegalità tal-ammonti inizjali ġenerali tal-multi

Fuq l-allegata illegalità tal-ammonti inizjali speċifiċi tal-multi

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ, tal-Artikolu 253 KE u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni tal-fattur multiplikatur tal-grupp sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ dissważjoni fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Linji gwida tal-1998, tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ u tad-drittijiet tad-difiża fiż-żieda tal-ammont bażiku tal-multi ta’ 50 % minħabba r-reċediva

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u fuq ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni

Fuq l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

Fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni

Fuq il-kooperazzjoni ta’ ThyssenKrupp sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Belġju

Fuq il-kooperazzjoni ta’ ThyssenKrupp sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Ġermanja

Fuq il-kooperazzjoni ta’ ThyssenKrupp sabiex jiġi stabbilit il-ksur fil-Lussemburgu

Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalitŕ u ta’ amministrazzjoni tajba fl-iffissar tal-ammont tat-tnaqqis tal-multi mogħti minħabba l-kooperazzjoni barra mill-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002

Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

Fuq il-motiv li jirriżulta mill-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ fil-kalkolu tal-ammont finali tal-multi

Fuq l-iffissar tal-ammont finali tal-multi

Fuq l-ispejjeż


* Lingwi tal-kawża: l-Olandiż u l-Ġermaniż.


1 – Informazzjoni kunfidenzjali moħbija