Kawżi magħquda T-122/07 sa T-124/07
Siemens AG Österreich et
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear insulat bil-gass — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Tqassim tas-suq — Effetti fi ħdan is-suq komuni — Kunċett ta’ ksur kontinwat — Tul tal-ksur — Preskrizzjoni — Multi — Proporzjonalità — Limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ — Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa — Ċirkustanzi attenwanti — Kooperazzjoni — Drittijiet tad-difiża”
Sommarju tas-sentenza
1. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur u tat-tul tiegħu — Portata tal-oneru probatorju
(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)
2. Kompetizzjoni — Akkordji — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Għan antikompetittiv — Natura suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur
(Artikolu 81(1) KE)
3. Kompetizzjoni — Akkordji — Ksur — Natura unika tal-ksur — Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)
4. Kompetizzjoni — Multi — Prinċipju ta’ individwalità tal-pieni — Konċiljazzjoni mal-kunċett ta’ impriża
(Artikolu 81(1) KE)
5. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni
(Artikolu 81(1) KE)
6. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur imwettaq minn sussidjarja — Imputazzjoni lill-kumpannija parent — Oneru tal-prova tal-Kummissjoni — Limiti
(Artikolu 81(1) KE)
7. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Imputazzjoni tal-kumpannija parent għal ksur imwettaq minn sussidjarja — Limiti
(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)
8. Kompetizzjoni — Akkordji — Impriża — Kunċett — Unità ekonomika — Imputazzjoni tal-ksur — Kumpannija parent u impriżi sussidjarji — Responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji kkonċernati
(Artikolu 81(1) KE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2))
9. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ dinji mill-bejgħ ta’ merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet
(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15)
10. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni
(Artikolu 81(1) KE)
11. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni — Dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jifformaw l-entità ekonomika li taġixxi bħala impriża
(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))
12. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur imwettaq minn sussidjarja — Imputazzjoni lill-kumpannija parent — Effetti — Żamma tar-responsabbiltà individwali tas-sussidjarja
(Artikolu 81(1) KE)
13. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni
(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 3)
14. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Portata
(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)
15. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew ta’ tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Neċessità ta’ aġir li ffaċilita l-konstatazzjoni tal-ksur mill-Kummissjoni
(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)
16. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Portata tal-prinċipju — Limiti — Dritt tal-impriża li teżamina x-xhieda kontra tagħha — Esklużjoni
(Artikolu 81(1) KE)
17. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Konstatazzjoni ta’ illegalità — Neċessità għall-Qorti Ġenerali li tagħti deċiżjoni dwar it-tibdil tad-deċiżjoni skont il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha
(Artikolu 229 KE)
1. Hija l-parti jew l-awtorità li tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li għandha tipproduċi l-prova ta’ dan billi tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, il-fatti li jikkostitwixxu ksur, u hija l-impriża li tinvoka l-benefiċċju ta’ eċċezzjoni kontra konstatazzjoni ta’ ksur li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni huma sodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità jkollha għaldaqstant tirrikorri għal provi oħra.
Il-prinċipju ġenerali li l-Kummissjoni għandha tipprova l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-ksur, inkluż it-tul tiegħu, li jista’ jkollhom effett fuq il-konklużjonijiet definittivi tagħha fir-rigward tal-gravità ta’ tali ksur, ma huwiex ikkontestat mill-fatt li l-impriżi kkonċernati qajmu eċċezzjoni bbażata fuq il-preskrizzjoni, fejn l-oneru tal-prova jistrieħ, bħala regola, fuq dawn tal-aħħar. Fil-fatt, l-invokazzjoni ta’ tali eċċezzjoni timplika neċessarjament l-istabbiliment tat-tul tal-ksur kif ukoll tad-data li fiha dan waqaf. Issa, dawn iċ-ċirkustanzi ma jistgħux jiġġustifikaw, waħedhom, trasferiment tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward għad-detriment tal-imsemmija impriżi. Minn naħa, it-tul ta’ ksur, kunċett li jippreżumi li d-data finali tiegħu tkun magħrufa, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali tal-ksur, li l-oneru tal-prova tiegħu huwa fuq il-Kummissjoni, indipendentement mill-fatt li l-kontestazzjoni ta’ dawk l-elementi tifforma wkoll parti mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-preskrizzjoni. Min-naħa l-oħra, din il-konklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li n-nuqqas ta’ preskrizzjoni tal-proċedimenti mill-Kummissjoni, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, jikkostitwixxi kriterju legali oġġettiv, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali u għaldaqstant, kundizzjoni tal-validità ta’ kull deċiżjoni ta’ sanzjoni. Fil-fatt, l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni anki jekk l-impriża ma tkunx qajment eċċezzjoni f’dan ir-rigward.
Madankollu, dan it-tqassim tal-oneru tal-prova jista’ jvarja meta l-fatti li parti tinvoka jistgħu jkunu tat-tip li jobbligaw lill-parti l-oħra sabiex tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, fin-nuqqas ta’ liema’ jista’ jiġi konkluż li l-prova tkun ingħatat. B’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ ftehim, huwa l-obbligu tal-impriżi li jkunu ħadu sehem f’dan il-ftehim li għandhom jipproduċu l-prova li huma żammew id-distanzi minnu, prova li għandha turi rieda ċara, u miġjuba għall-għarfien tal-impriżi parteċipanti l-oħra li ma tibqax tifforma parti minn dan il-ftehim.
(ara l-punti 52-55, 60)
2. Mit-test innifsu tal-Artikolu 81(1) KE jirriżulta li l-akkordji bejn impriżi huma pprojbiti, indipendentement minn kwalunkwe effett, meta dawn ikollhom għan antikompetittiv. Konsegwentement, ma huwiex rikjest li jiġu murija effetti antikompetittivi reali, fejn jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv tal-aġir inkwistjoni.
(ara l-punt 75)
3. Il-Qrati tal-Unjoni identifikaw diversi kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura unika ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), jiġifieri l-identità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, l-identità tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, l-identità ta’ impriżi li pparteċipaw fih u l-identità tar-regoli tal-implementazzjoni tiegħu. Kriterji rilevanti oħra huma l-identità ta’ persuni fiżiċi involuti f’isem impriżi u l-identità tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-prattiki inkwistjoni.
(ara l-punt 90)
4. Skont il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, persuna, fiżika jew ġuridika, għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li tkun akkużata bihom individwalment, prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità fuq il-kompetizzjoni. Madankollu, dan il-prinċipju għandu jiġi kkonċiljat mal-kunċett ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 81 KE. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ impriża jinkludi entitajiet ekonomiċi li kull waħda minnhom tikkonsisti f’organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, tanġibbli u intanġibbli, li jfittxu għan ekonomiku speċifiku fuq medda ta’ żmien u li jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ ksur tat-tip imsemmi f’dik id-dispożizzjoni. Fil-fatt, id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jirrikonoxxi li kumpanniji differenti li jappartjenu lill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, jekk il-kumpanniji sussidjarji tal-grupp ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq.
Għaldaqstant hemm lok li tiġi miċħuda d-dikjarazzjoni li l-fatt li impriża li tipparteċipa fi ksur hija kkostitwita minn numru ta’ kumpanniji differenti ma jwassalx għar-riżultat li dawn tal-aħħar għandhom jiġu ttrattati bħala parteċipant wieħed fil-ksur. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni tirriżulta minn konfużjoni bejn il-kunċett ta’ impriża u dak ta’ kumpannija u ma ssib ebda sostenn fil-ġurisprudenza.
(ara l-punti 122, 123)
5. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni retroattiva, mill-Kummissjoni, tal-kunċett ta’ unità ekonomika, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, twassal għal sanzjoni aggravata u, għaldaqstant, ma tiksirx l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, li ma għandhiex tingħata piena ikbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta jkun seħħ il-ksur. Fil-fatt, peress li l-prassi tal-Kummissjoni li tikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża - u għaldaqstant, jekk ikun il-każ, tad-dħul mill-bejgħ akkumulat mill-kumpanniji kollha li jifformaw din l-impriża - kienet uniformi matul iż-żmien, hija għandha għalhekk tkun magħrufa mill-atturi ekonomiċi. Barra minn hekk il-prattika stabbilita tal-Kummissjoni li tikkonsisti fit-teħid inkusiderazzjoni, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi, tad-dħul mill-bejgħ li jikkonċerna l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, ġiet aċċettata b’mod impliċitu mill-ġurisprudenza.
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-portata dissważiva tal-multi hija waħda mill-elementi li permezz tagħhom għandha tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur. Issa, in-natura dissważiva ta’ multa tiddependi ħafna fuq in-natura suffiċjentement sensibbli għall-impiża kkonċernata. Għaldaqsant, sabiex tkun tista’ titkejjel in-natura dissważiva ta’ multa fir-rigward ta’ impriża li tkun ipparteċipat fi ksur, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni eżistenti fi tmiem il-ksur u mhux dik li setgħet kienet teżisti f’mument preċedenti. Fit-tieni lok, ma jkunx possibbli u għal kollox eċċessiv, fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tar-rekwiżiti ta’ ekonomija proċedurali amministrattiva, li l-Kummissjoni tintalab tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi inkwistjoni matul il-perijodu kollu tal-funzjonament ta’ akkordju. Tali approċċ ikun jimplika li jiġi kkalkolat l-ammont inizjali tal-multa speċifiku għal kull sena ta’ sħubija fl-akkordju u, għal dan il-għan, li jiġu ddeterminati l-ishma rispettivi tal-parteċipanti għal kull sena tal-ksur.
(ara l-punti 124-127)
6. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tista’ raġonevolment tippreżumi li kumpannija li tkun 100 % sussidjarja ta’ kumpannija parent tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha minn din tal-aħħar u li din il-preżunzjoni timplika li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tivverifika jekk il-kumpannija parent effettivament eżerċitatx din is-setgħa. L-imputazzjoni lill-kumpannija parent tal-aġir ta’ kumpannija li tkun 100 % sussidjarja għalhekk ma tippreżumix il-prova li l-kumpannija parent kellha għarfien dwar l-aġir tas-sussidjarja. B’mod kuntrarju huwa l-obbligu tal-kumpannija parent, meta tikkunsidra li minkejja s-sehem 100 % tagħha fil-kapital tas-sussidjarja tagħha, din tal-aħħar tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, li tirribatti din il-preżunzjoni billi tipprovdi provi suffiċjenti.
(ara l-punt 130)
7. L-entitajiet ġuridiċi li pparteċipaw fuq bażi individwali fil-ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u li, sussegwentement, ġew akkwistati minn kumpannija oħra jibqgħu responsabbli huma stess għall-aġir illegali ta’ qabel l-akkwist tagħhom, meta dawn ma jkunux ġew purament u sempliċiment assorbiti mill-akkwirent, iżda komplew l-attivitajiet tagħhom bħala sussidjarji. F’tali każ, l-akkwirent ikun jista’ jinżamm responsabbli biss għall-aġir tas-sussidjarja tiegħu sa mill-akkwist tagħha, jekk is-sussidjarja tkompli bil-ksur u jekk tkun tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-kumpannija parent il-ġdida.
Barra minn dan, l-istess prinċipju għandu japplika, mutatis mutandis, fl-ipoteżi fejn, wara l-akkwist tagħha, il-kumpannija akkwistata tipparteċipa fil-ksur mhux fuq bażi individwali, iżda bħala sussidjarja ta’ grupp ieħor.
(ara l-punti 139, 141)
8. Ir-responsabbiltà in solidum bejn kumpanniji għall-ħlas tal-multi pagabbli minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) huwa effett ġuridiku li jirriżulta, ex lege, mid-dispożizzjonijiet materjali ta’ dawn l-artikoli.
L-uniformità tal-aġir tal-impriża fis-suq tiġġustifika, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, li l-kumpanniji jew, b’mod iktar ġenerali, is-suġġetti tad-dritt li jistgħu jinżammu personalment responsabbli, ikunu obbligati in solidum. Ir-responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multi imposti għal ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, sa fejn dan jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat il-ħlas effettiv tal-imsemmija multi, jifforma parti mill-għan ta’ dissważjoni li huwa b’mod ġenerali mfittex mid-dritt tal-kompetizzjoni u dan b’osservanza tal-prinċipju ne bis in idem, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa wkoll stabbilit mill-Artikolu 4 tal-protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jipprojbixxi, li l-istess aġir ta’ impriża fis-suq jiġi ssanzjonat iktar minn darba għall-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, permezz tas-suġġetti tad-dritt li jistgħu jinżammu personalment responsabbli għalih.
Il-fatt li r-responsabbiltajiet personali inkorsi minn numru ta’ kumpanniji minħabba l-parteċipazzjoni tal-istess impriża fi ksur ma humiex identiċi ma jostakolax il-fatt li dawn jingħataw multa li għandha titħallas in solidum, ladarba l-ħlas in solidum tal-multa jkopri biss il-perijodu tal-ksur li matulu huma kienu jifformaw unità ekonomika waħda u għaldaqstant kienu jikkostitwixxu impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, mill-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet jirriżulta li kull kumpannija għandha tkun tista’ tiddeduċi, mid-deċiżjoni li timponi multa fuqha pagabbli in solidum ma’ kumpannija jew iktar, is-sehem li hija ser ikollha tħallas fir-relazzjoni mal-ko-debituri in solidum tagħha, ladarba dan ma jkunx sar mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tippreċiża l-perijodi li matulhom il-kumpanniji kkonċernati huma (ko)responsabbli għal aġir illegali ta’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju u, jekk ikun il-każ, il-livell ta’ responsabbiltà tal-imsemmija kumpanniji għal dan l-aġir.
Għalhekk, id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni timponi fuq diversi kumpanniji l-obbligu li jħallsu in solidum multa neċessarjament tipproduċi l-effetti kollha marbuta, ex lege, mas-sistema legali tal-ħlas tal-multi fid-dritt tal-kompetizzjoni, u dan kemm fir-relazzjonijiet bejn il-kreditur u l-kodebituri in solidum kif ukoll fir-relazzjonijiet tal-kodebituri in solidum bejniethom.
Huwa l-obbligu esklużiv tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha li timponi multi, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li tiddetermina s-sehem rispettiv tal-kumpanniji differenti fl-ammonti li huma kkundannati jħallsu in solidum, sa fejn dawn kienu jifformaw parti mill-istess impriża u dan il-kompitu ma jistax jitħalla f’idejn il-qrati nazzjonali.
Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja fid-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni timponi multa pagabbli in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba aġir illegali ta’ impriża, din tattribwilhom responsabbiltà indaqs għall-imsemmi aġir. Il-kumpanniji li fuqhom tiġi imposta multa pagabbli in solidum u li jinkorru, sakemm ma ssirx indikazzjoni kuntrarja fid-deċiżjoni li timponi l-multa, responsabbiltà indaqs għat-twettiq tal-ksur għandhom, bħala prinċipju, jikkontribwixxu f’partijiet indaqs għall-ħlas tal-multa imposta minħabba dan il-ksur. Għalkemm id-deċiżjoni li fiha tkun ġiet imposta fuq diversi kumpanniji multa pagabbli in solidum ma tippermettix li tiġi ddeterminata, a priori, liema minn dawn il-kumpanniji għandha effettivament tintalab tħallas l-ammont tal-multa lill-Kummissjoni, din ma tħalli madankollu ebda dubju dwar l-ishma tal-ammont tal-multa pagabbli minnhom, b’tali mod li kull waħda minnhom tista’, jekk ikun il-każ, tipproċedi kontra l-kodebituri in solidum tagħha għall-irkupru tas-somom li hija kellha tħallas minbarra sehemha.
(ara l-punti 149, 151-153, 156-158)
9. Fil-każ ta’ akkordju ta’ skala dinjija li jinkludi, minbarra l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ dinji magħmul mill-bejgħ tal-prodott inkwistjoni, sabiex tesprimi, f’termini ta’ ammonti inizjali, in-natura tal-ksur, l-inċidenza reali fis-suq kif ukoll il-firxa tas-suq ġeografiku, fid-dawl tad-diskrepanza fid-daqs bejn il-membri fl-akkordju. Peress li r-Renju Unit u l-Irlanda, meħuda flimkien, jikkostitwixxu parti importanti tas-suq komuni, preġudizzju kkważat fir-rigward tal-kompetizzjoni f’dawn is-swieq ma jistax jiġi kkwalifikat bħala minuri. Peress li l-ksur attribwit lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata jinkludi preċiżament l-ilment li l-impriżi kkonċernati qasmu swieq nazzjonali differenti fuq il-livell Ewropew, permezz ta’ sistema ta’ “pajjiżi kostrutturi”, il-fatt, fir-rigward tal-impriża rikorrenti li, skont tali ftehim illegali, hija llimitat l-attivitajiet tagħha fi ħdan is-suq komuni għas-swieq domestiċi tagħha ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti. Fl-aħħar nett, meta l-parteċipanti f’akkordju illegali nnifishom jieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ dinji tagħhom, sabiex jiffissaw il-kwoti individwali tagħhom fi ħdan l-akkordju, kwoti li japplikaw kemm fuq il-livell Ewropew – minbarra “pajjiżi kostrutturi” – kif ukoll fuq il-livell dinji, il-Kummissjoni tkun iġġustifikata, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-piżijiet speċifiċi tal-impriżi differenti implikati, li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ fuq il-livell dinji.
(ara l-punti 170, 171)
10. Id-dritt Komunitarju ma jeżiġix li l-multi impost fuq kumpanniji differenti fi ħdan impriża waħda għandhom ikunu proporzjonali mat-tul tal-parteċipazzjoni attribwita lil kull waħda minn dawn il-kumpanniji. Konsegwentement, paragun bejn l-ammont f’Euro, għal kull xahar ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, applikat għal żewġ kumpanniji kkritikati b’parteċipazzjonijiet ta’ tul differenti ma jistax jiżvela inugwaljanza ta’ trattament.
Għaldaqstant, ma jidhirx li l-prassi tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-iffissar tal-multi b’mod mhux strettament proporzjonali mat-tul teċċedi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lilha mill-ġurisprudenza.
(ara l-punti 181, 182)
11. Iċ-ċirkustanza li multa tiġi imposta in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba li huma jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE ma jfissirx li, f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-limitu previst mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-obbligu ta’ kull waħda minnhom huwa limitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ li hija tkun għamlet matul l-aħħar sena finanzjarja. Fil-fatt, il-limitu ta’ 10 %, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika unika li jaġixxu bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-impriża li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni.
Il-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, ma huwiex differenti mill-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, ma hemmx lok, fil-każ ta’ responsabbiltà in solidum ta’ diversi kumpanniji fi ħdan grupp li jifforma impriża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jiġi ddeterminat il-limitu fir-rigward tal-kumpannija li għandha l-iktar dħul mill-bejgħ baxx.
(ara l-punti 186, 187)
12. Il-fatt li kumpannija parent tiġi imputata bl-aġir tas-sussidjarja tagħha, minħabba li tkun iddeterminat l-aġir kummerċjali tagħha, ma għandux bħala konsegwenza li l-imsemmija kumpannijia parent għandha tiġi kkunsidrata bħala l-awtur ta’ dan l-aġir, minflok is-sussidjarja tagħha. Fi kliem ieħor, ir-responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha fi kwalunkwe każ ma teżentax lis-sussidjarja mir-responsabbiltà tagħha bħala persuna ġuridika u din tal-aħħar tibqa’ għaldaqstant individwalment responsabbli għall-prattiki antikompetittivi li tkun ħadet sehem fihom.
(ara l-punt 196)
13. Il-Linji ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprevedu, fil-punt 3 tagħhom, it-tnaqqis tal-ammont bażiku minħabba “ċirkustanzi attenwanti partikolari” bħal, b’mod partikolari, ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv u t-twaqqif tal-ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Dan it-test ma jindikax b’mod imperattiv, iċ-ċirkustanzi attenwanti li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali d-daqs ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti.
F’dan il-kuntest il-Kummissjoni b’ebda mod ma tista’ tkun obbligata tagħti, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tnaqqis fil-multa għall-waqfien ta’ ksur manifest, irrispettivament minn jekk dan il-waqfien sarx qabel jew wara l-interventi tagħha. Għalkemm il-Kummissjoni fl-imgħoddi kkunsidrat it-twaqqif volontarju ta’ ksur bħala ċirkustanza attenwanti, hija permessa li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-applikazzjoni tal-linji gwida tagħha, il-fatt li ksur manifest gravi ħafna għadu, minkejja li l-illegalità tiegħu ilha stabbilita sa mill-bidu tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni, relattivament frekwenti, u għaldaqstant li tqis li hemm lok li din il-prattika ġeneruża tiġi abbandunata u li t-twaqqif minn tali ksur ma jibqax jiġi rrikumpensat permezz ta’ tnaqqis mill-multa.
(ara l-punti 207, 208, 211, 213)
14. Il-fatt li impriża li l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju pprojbit mir-regoli tal-kompetizzjoni - ksur li huwa ta’ natura gravi ħafna - intweriet mill-Kummissjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi, ġiet ingannata mill-parteċipanti l-oħra f’dan l-akkordju, li b’hekk ipprovaw jiksbu vantaġġi supplimentari meta mqabbla ma’ dawk iġġenerati favurihom mill-imsemmi akkordju, ma jistax iwassal sabiex l-aġir ta’ din l-impriża jiġi kkunsidrat bħala inqas gravi. Għaldaqstant, tali ċirkustanzi ma jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanza attenwanti u b’mod partikolari, ma jurux ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv tal-imsemmija impriża fi ħdan l-akkordju.
(ara l-punt 218)
15. It-tnaqqis tal-multi fil-każ li jkun hemm kooperazzjoni min-naħa tal-impriżi parteċipanti fil-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li tgħid li tali kooperazzjoni tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni intiż sabiex jiġi kkonstatat ksur, u skont il-każ, sabiex jintemm tali ksur.
Kif imsemmi fil-punt 29 tal-avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell, din ħolqot aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw ruħhom impriżi li jkunu jixtiequ jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju. Fid-dawl tal-aspettattiva leġittima li l-impriżi li jkunu jixtiequ jikkollaboraw mal-Kummissjoni jistgħu jieħdu mill-imsemmi avviż, il-Kummissjoni hija għaldqastant obbligata li ssegwi l-avviż meta, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa imposta fuq impriżi, tasal sabiex tevalwa l-kooperazzjoni tagħhom. Fil-limiti stabbiliti mill-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni tgawdi madankollu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa jekk il-provi kkomunikati minn impriża jirrendux valur miżjud jew le, fis-sens tal-punt 22 tal-imsemmi avviż, u jekk hemmx lok, minħabba dan il-fatt, li jingħata tnaqqis lil impriża abbażi ta’ dan l-avviż. Din l-evalwazzjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ristrett.
(ara l-punti 219-221)
16. Il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati minn investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni jitqiegħdu f’pożizzjoni, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jippreżentaw b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi prinċipju ma jeżiġix li dawn l-impriżi għandhom jingħataw l-okkażjoni jeżaminaw huma stess, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ix-xhieda mismugħa mill-Kummissjoni.
(ara l-punti 233, 234)
17. Billi l-eżami tal-motivi mqajma minn impriża, kontra l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuqha għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji, żvela illegalità, hemm lok li l-Qorti Ġenerali teżamina jekk għandhiex, billi tuża l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, temenda d-deċiżjoni kkontestata.
(ara l-punt 238)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
3 ta’ Marzu 2011(*)
“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-proġetti li jirrigwardaw switchgear insulat bil-gass – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Tqassim tas-suq – Effetti fi ħdan is-suq komuni – Kunċett ta’ ksur kontinwat – Tul tal-ksur – Preskrizzjoni – Multi – Proporzjonalità – Limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ – Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa – Ċirkustanzi attenwanti – Kooperazzjoni – Drittijiet tad-difiża”
Fil-Kawżi magħquda T‑122/07 sa T‑124/07,
Siemens AG Österreich, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),
VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG, stabbilita fi Vjenna,
rikorrenti fil-Kawża T‑122/07,
Siemens Transmission & Distribution Ltd, stabbilita f’Manchester (ir-Renju Unit),
rikorrenti fil-Kawża T‑123/07,
Siemens Transmission & Distribution SA, stabbilita fi Grenoble (Franza),
Nuova Magrini Galileo SpA, stabbilita f’Bergamo (l-Italja),
rikorrenti fil-Kawża T‑124/07,
irrappreżentati minn H. Wollmann u F. Urlesberger, avukati,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Arbault u O. Weber, sussegwentement minn X. Lewis u A. Antoniadis, u finalment minn A. Antoniadis u R. Sauer, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett, b’mod prinċipali, talba għal annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali tal‑24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear insulat bil-gass), kif ukoll, sussidjarjament, talba għal tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),
komposta minn I. Pelikánová (Relatur), President, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,
Reġistratur: K. Andová, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
I – Rikorrenti u grupp VA Tech
1 Fl‑20 ta’ Settembru 1998, VA Technologie AG akkwistat sussidjarja ta’ Rolls‑Royce, jiġifieri Reyrolle Ltd, li saret VA Tech Reyrolle Ltd u sussegwentement Siemens Transmission & Distribution Ltd, ir-rikorrenti fil-Kawża T‑123/07 (iktar ’il quddiem “Reyrolle”). Fit‑13 ta’ Marzu 2001, VA Technologie, permezz ta’ kumpannija 100 % sussidjarja, jiġifieri, VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG, it-tieni rikorrenti fil-Kawża T‑122/07 (iktar ’il quddiem “KEG”), ikkontribwiet lil Reyrolle lill-kumpannija stabbilita mill-ġdid VA Tech Schneider High Voltage GmbH (iktar ’il quddiem “VAS”), li fiha, permezz tas-sussidjarja tagħha, hija kellha 60 % tal-ishma, fejn il-kumplament tal-ishma baqgħu miżmuma minn Schneider Electric SA. Il-kontribuzzjoni ta’ din tal-aħħar lil VAS kienet tikkonsisti fi Schneider Electric High Voltage SA, li saret VA Tech Transmission & Distribution SA, u sussegwentement Siemens Transmission & Distribution SA, l-ewwel rikorrenti fil-Kawża T‑124/07 (iktar ’il quddiem “SEHV”) u fi Nuova Magrini Galileo SpA, it-tieni rikorrenti fil-Kawża T‑124/07 (iktar ’il quddiem “Magrini”), li preċedentement kienu 100 % sussidjarji tagħha, filwaqt li SEHV kien jiġbor, sa mill‑1999, l-attivitajiet antiki ta’ tensjoni għolja ta’ diversi sussidjarji ta’ Schneider Electric.
2 F’Ottubru 2004, VA Technologie akkwistat, permezz ta’ KEG, l-ishma kollha ta’ Schneider Electric fil-kapital ta’ VAS.
3 Fl‑2005, Siemens AG akkwistat il-kontroll esklużiv tal-grupp li tiegħu l-kumpannija VA Technologie kienet il-kumpannija parent (iktar ’il quddiem il-“grupp VA Tech”), permezz ta’ offerta pubblika ta’ akkwist imnedija minn sussidjarja, jiġifieri l-ewwel rikorrenti fil-Kawża T‑122/07, Siemens AG Österreich (iktar ’il quddiem “Siemens Österreich”). Wara din il-kisba ta’ kontroll, VA Technologie u, sussegwentement, VAS ingħaqdu ma’ Siemens Österreich.
II – SIG u l-proċedura prekontezjuża
4 Is-switchgear insulat bil-gass (iktar ’il quddiem “SIG”) jintuża sabiex jiġi kkontrollat il-fluss ta’ enerġija fis-sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Dan huwa tagħmir tqil tal-elettriku, li jintuża bħala komponent ewlieni għal substations għall-ġenerazzjoni tal-elettriku (turnkey). Is-substations huma ċentri awżiljarji tal-elettriku li jaqilbu l-kurrent elettriku. Minbarra t-transformer, l-elementi kostituttivi ta’ substations huma s-sistemi ta’ kontroll, ir-relays, il-batteriji, l-istrumenti għall-iċċarġjar u s-switchgear. Il-funzjoni tas-switchgear hija li tipproteġi t-transformer minn surcharge u/jew li jiżola ċ-ċirkwit u transformer difettuż.
5 Is-switchgears jistgħu jkunu insulati bil-gass, insulati bl-arja jew insulati ibridament, meta jgħaqqdu ż-żewġ tekniki preċedenti. Is-SIG jinbiegħu fid-dinja kollha bħala parti integrali minn substations tal-elettriku (turnkey) jew bħala partijiet individwali qabel ma jiġu integrati f’tali substations. Huma jirrappreżentaw madwar 30 sa 60 % tal-prezz totali ta’ dawn is-substations.
6 Fit‑3 ta’ Marzu 2004, ABB Ltd indikat lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi fil-qasam tas-SIG u ressqet talba orali għal immunità minn multi, skont l-avviż tal-Kummissjoni, tad‑19 ta’ Frar 2002, dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“avviż dwar il-kooperazzjoni”).
7 Il-prattiki allegati minn ABB kienu jikkonsistu f’koordinazzjoni fuq livell dinji tal-bejgħ ta’ proġetti ta’ SIG, li timplika tqassim tas-swieq, l-allokazzjoni ta’ kwoti u ż-żamma ta’ ishma rispettivi, l-allokazzjoni ta’ proġetti ta’ SIG lill-produtturi indikati għal dan l-iskop u l-manipulazzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti (bid rigging) bil-għan li l-kuntratti jiġu allokati lil dawn il-produtturi, l-iffissar tal-prezzijiet permezz ta’ arranġamenti kumplessi dwar il-proġetti ta’ SIG li ma ġewx allokati, it-terminazzjoni ta’ ftehim ta’ liċenzji ma’ kumpanniji li ma kinux membri tal-kartell u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva.
8 It-talba orali għal immunità minn multi mressqa minn ABB ġiet ikkompletata permezz ta’ osservazzjonijiet orali u dokumenti ta’ prova. Fil‑25 ta’ April 2004, il-Kummissjoni tat immunità taħt kundizzjonijiet lil ABB.
9 Abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni u wettqet, fil‑11 u t‑12 ta’ Mejju 2004, spezzjonijiet fil-postijiet ta’ Areva T&D SA, ta’ Siemens AG, tal-grupp VA Tech, ta’ Hitachi Ltd u ta’ Japan AE Power Systems Corp (iktar ’il quddiem “JAEPS”).
10 Fit‑30 ta’ Lulju 2004, il-grupp VA Tech forna lill-Kummissjoni b’memorandum u b’dokumenti u, fit‑23 ta’ Awwissu 2004, bi spjegazzjonijiet supplimentari.
11 Fl‑20 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġiet innotifikata lil 20 kumpannija fosthom ir-rikorrenti.
III – Id-deċiżjoni kkontestata
12 Fl‑24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear insulat bil-gass) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din ġiet innotifikata lir-rikorrenti fis‑7 jew fit‑8 ta’ Frar 2007.
13 Minbarra lir-rikorrenti u lil Schneider Electric, id-deċiżjoni kkontestata kienet indirizzata lil ABB, lil Alstom, SA lil Areva, SA, lil Areva T&D AG, lil Areva T&D Holding SA u lil Areva T&D SA (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, il-“kumpanniji tal-grupp Areva”), lil Fuji Electric Holdings Co., Ltd u lil Fuji Electric Systems Co., Ltd (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien,“Fuji”), lil Hitachi Ltd u lil Hitachi Europe Ltd (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, “Hitachi”), lil JAEPS, lil Mitsubishi Electric System Corp. (iktar ’il quddiem “Melco”), lil Siemens u lil Toshiba Corp.
14 Fil-premessi 113 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-impriżi differenti li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkoordinaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fuq livell dinji, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti swieq, skont regoli miftiehma, bil-għan b’mod partikolari li jżommu kwoti li jirriflettu fil-parti l-kbira s-sehem storiku stmat tagħhom. Hija ppreċiżat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG twettqet abbażi ta’ kwota konġunta “Ġappuniża” u ta’ kwota konġunta “Ewropea” li kellha mbagħad tinqasam bejn il-produtturi Ġappuniżi u l-produtturi Ewropej rispettivament. Ftehim iffirmat fi Vjenna fil‑15 ta’ April 1988 (iktar ’il quddiem il-“ftehim GQ”) kien jistabbilixxi r-regoli li jippermettu l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG kemm lill-produtturi Ġappuniżi, kif ukoll lill-produtturi Ewropej, u l-attribuzzjoni tal-valur tagħhom fuq il-kwota korrispondenti. Barra minn dan, fil-premessi 124 sa 132 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-impriżi differenti li pparteċipaw fl-akkordju kienu kkonkludew arranġament mhux bil-miktub (iktar ’il quddiem l-“arranġament komuni”), li bis-saħħa tiegħu l-proġetti ta’ SIG fil-Ġappun, minn naħa, u fil-pajjiżi Ewropej membri tal-akkordju, min-naħa l-oħra, indikati konġuntment bħala l-“pajjiżi kostrutturi” tal-proġetti ta’ SIG, kienu rriżervati rispettivament għall-membri Ġappuniżi u għall-membri Ewropej tal-kartell. Il-proġetti ta’ SIG fil-“pajjiżi kostrutturi” ma kinux suġġetti għal skambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ gruppi u ma kinux attribwiti fuq il-kwoti rispettivi.
15 Il-ftehim GQ kien jinkludi wkoll regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni neċessarja għat-tħaddim tal-kartell bejn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi, li kien żgurat b’mod partikolari mis-segretarji tal-imsemmija gruppi, dwar il-manipulazzjoni tas-sejħa għal offerti u dwar l-iffissar tal-prezzijiet għal proġetti ta’ SIG li ma setgħux jiġu allokati. Skont it-termini tal-anness 2 tiegħu, il-ftehim GQ kien japplika għad-dinja kollha, bl-eċċezzjoni tal-Istati Uniti, tal-Kanada, tal-Ġappun u ta’ 17‑il pajjiż tal-Ewropa tal-Punent. Barra minn dan, bis-saħħa tal-arranġament komuni, il-proġetti ta’ SIG fil-pajjiżi Ewropej minbarra l-“pajjiżi kostrutturi” kienu wkoll irriżervati għall-grupp Ewropew, il-produtturi Ġappuniżi kienu obbligati li ma jressqux offerti għal proġetti ta’ SIG fl-Ewropa.
16 Skont il-Kummissjoni, it-tqassim ta’ proġetti ta’ SIG bejn il-produtturi Ewropej kien immexxi minn ftehim ukoll iffirmat fi Vjenna fil‑15 ta’ April 1988, u intitolat “E‑Group Operation Agreement for GQ‑Agreement” (Ftehim tal-grupp E għall-implementazzjoni tal-ftehim GQ) (iktar ’il quddiem il-“ftehim EQ”). Hija indikat li l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kienet issegwi l-istess regoli u proċeduri li jirregolaw l-allokazzjoni tal-proġetti ta’ SIG f’pajjiżi oħra. B’mod partikolari, il-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kellhom ukoll jiġu nnotifikati, elenkati, allokati, arranġati jew kellhom jingħataw limitu minimu ta’ prezz.
17 Fil-premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, fil-ftehim GQ u fil-ftehim EQ, kif ukoll għall-finijiet tal-organizzazzjoni u tal-funzjonament tal-akkordju, il-membri differenti tal-akkordju kienu identifikati permezz ta’ kodiċi, kompost minn ċifri għall-membri Ewropej u minn ittri għall-membri Ġappuniżi. Sa minn Lulju 2002, il-kodiċi inizjali ġew issostitwiti b’numri.
18 Fl-Artikolu 1(p) u (t) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Siemens Österreich u KEG ipparteċipaw fil-ksur waqt il-perijodu ta’ bejn l‑20 ta’ Settembru 1998 u t‑13 ta’ Diċembru 2000 u ta’ bejn l‑1 ta’ April2002 u l‑11 ta’ Mejju 2004.
19 Fl-Artikolu 1(m), (q) u (r) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Reyrolle, SEHV u Magrini pparteċipaw fil-ksur waqt il-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ April 1988 u t‑13 ta’ Diċembru 2000 u ta’ bejn l‑1 ta’ April 2002 u l‑11 ta’ Mejju 2004.
20 Għall-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-Artikolu 2(l) tal-imsemmija deċiżjoni ġiet imposta multa ta’ EUR 12 600 000 fuq Siemens Österreich u KEG pagabbli in solidum ma’ Reyrolle.
21 Għall-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-Artikolu 2(l) tal-imsemmija deċiżjoni ġiet imposta multa ta’ EUR 22 050 000 fuq Reyrolle li minnhom EUR 17 550 000 kienu pagabbli in solidum ma’ SEHV u Magrini u EUR 12 600 000 kienu pagabbli in solidum ma’ Siemens Österreich u KEG.
22 Għall-ksur previst fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-Artikolu 2(k) u (l) tal-imsemmija deċiżjoni ġiet imposta multa fuq SEHV u Magrini ta’ EUR 22 050 000, li minnhom EUR 17 550 000 kienu pagabbli in solidum ma’ Reyrolle u EUR 4 500 000 kienu pagabbli in solidum ma’ Schneider Electric.
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
23 Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ April 2007, ir-rikorrenti ppreżentaw dawn ir-rikorsi.
24 Fis‑27 ta’ Awwissu 2007, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposti.
25 Fit‑22 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-repliki.
26 Fl‑14 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontrorepliki.
27 Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Jannar 2010, wara li semgħet lill-partijiet, il-Qorti Ġenerali għaqqdet dawn il-kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.
28 Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet ġew mistiedna jwieġbu l-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-termini stabbiliti.
29 It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2010.
30 Dakinhar tas-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2010, SEHV u Magrini pproduċew, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, kopja tas-sentenza tat-tribunal de commerce de Grenoble (Franza) tat‑18 ta’ Diċembru 2009 f’kawża li stħarrġet ċerti rikorrenti, li dwarha l-partijiet kellhom l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tatha terminu supplimentari sas‑26 ta’ Marzu 2010 sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. Dawn l-osservazzjonijiet, ippreżentati fit-terminu stabbilit, ittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali biss sa fejn dawn kienu jikkonċernaw is-sentenza tat-tribunal de commerce ta’ Grenoble tat‑18 ta’ Diċembru 2009.
31 Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonstata li Reyrolle, SEHV u Magrini kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) waqt il-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ April 1988 u t‑13 ta’ Diċembru 2000 u li kollha kemm huma kisru l-imsemmija dispożizzjonijiet waqt il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ April 2002 u d‑9 ta’ Ottubru 2002 u ta’ bejn il‑21 ta’ Jannar 2004 u l‑11 ta’ Mejju 2004;
– tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonċernahom;
– jekk ikun xieraq, tnaqqas l-ammont tal-multi li ġew impost fuqhom għal ammont li ma jeċċedix EUR 1 980 000 għal Siemens Österreich u KEG, EUR 1 100 000 għal Reyrolle u Magrini kif ukoll EUR 2 750 000 għal SEHV;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
32 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikorsi;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
I – Dwar it-talbiet għal annullament
33 Insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti jqajmu żewġ motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, tal-Artikolu 23(2) u (3), u tal-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, tas‑16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). It-tieni wieħed huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ.
A – Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE u ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003
34 Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li billi ffissat il-multa, il-Kummissjoni kisret minn diversi aspetti l-Artikolu 81 KE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003. Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq nuqqas ta’ provi tal-ksur allegat, fit-tieni lok, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul ta’ żmien tal-ksur allegat u, fit-tielet lok, fuq l-ammont eċċessiv tal-multa imposta. Fil-Kawżi T‑123/07 u T‑124/07, Reyrolle, SEHV u Magrini jqajmu wkoll parti bbażata fuq il-preskrizzjoni tal-ksur allegat għal perijodu ta’ wara s‑16 ta’ Lulju 1998.
1. Fuq il-parti bbażata fuq in-nuqqas ta’ provi tal-ksur allegat
a) L-argumenti tal-partijiet
35 Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma pprovatx b’mod suffiċjenti ksur tal-Artikolu 81 KE waqt il-perijodu ta’ qabel it‑13 ta’ Diċembru 2000. Skont ir-rikorrenti, jirriżulta b’mod inekwivoku mill-Anness 2 tal-ftehim GQ li s-swieq Ewropej kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim. Għaldqastant, il-Kummissjoni ma setgħetx tassumi akkordju minn dan il-ftehim, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, jiġifieri akkordju li jkollu bħala għan jew riżultat tiegħu l‑prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni.
36 Barra minn dan, il-valur probatorju tal-lista ta’ proġetti ta’ SIG invokata fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata huwa wieħed dubjuż. Minn naħa, il-Kummissjoni ma tindikax għal liema skop ġiet elaborata l-imsemmija lista u ma tippreċiżax jekk il-proġetti ta’ SIG elenkati kinux is-suġġett ta’ ftehim bejn il-partijiet. Min-naħa l-oħra, sa fejn din il-lista tikkonċerna biss ħdax-il proġett ta’ SIG li jirrigwardaw ġeografikament is-suq komuni, fuq total ta’ madwar 1620, hija turi b’mod partikolari n-nuqqas ta’ effett kunsiderevoli ta’ tali ftehm fi ħdan is-suq komuni.
37 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
38 Mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-premessi 124 sa 163 tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-akkordju attribwit lir-rikorrenti u ssanzjonat minnha kien imsejjes fuq l-“arranġament komuni” li bis-saħħa tiegħu l-proġetti ta’ SIG fil-“pajjiżi kostrutturi” kienu rriżervati għall-membri Ġappuniżi u għall-membri Ewropej tal-kartell, fuq il-protezzjoni tas-swieq imsejħa “kostrutturi” fl-Ewropa u fuq it-tqassim tas-suq fil-“pajjiżi Ewropej mhux kostrutturi” bejn il-produtturi Ewropej permezz ta’ manipulazzjoni ta’ sejħiet għal offerti u ta’ ftehim fuq il-prezzijiet. Skont il-Kummissjoni, hija l-implementazzjoni tal-“arranġament komuni”, li tiegħu l-ftehim GQ jikkostitwixxi wieħed biss mill-elementi, li tat lok għal akkordju li jirrigwarda s-suq komuni.
39 Bil-għan li tipprova l-eżistenza u l-portata tal-“arranġament komuni”, il-Kummissjoni semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata, għadd ta’ elementi li fosthom l-iktar importanti huma d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, tax-xhud M., ta’ Fuji u ta’ Hitachi, kif ukoll ċerti dokumenti bħall-ftehim GQ u l-ftehim EQ u l-annessi tagħhom, lista ta’ proġetti ta’ SIG diskussi fi ħdan l-akkordju, ipprovduti minn ABB, dokument mingħajr data li nstab waqt l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni fil-postijiet tal-grupp VA Tech, intitolat “Sommarju tad-diskussjoni ma’ JJC”, kif ukoll skambju ta’ posta tat‑18 ta’ Jannar 1999 bejn W., J. u B., impjegati tal-grupp VA Tech.
40 Sabiex jikkontestaw l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, ir-rikorrenti sempliċement jallegaw li l-ftehim GQ ma kellux bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni u jikkontestaw il-valur probatorju tal-lista ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa li tinsab fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, huma ma jikkontestawx l-eżistenza tal-“arranġament komuni”, u lanqas il-valur probatorju ta’ elementi oħra msemmija fil-punt 39 iktar ’il fuq, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonstata li l-akkordju kellu tali effett. Madankollu, fid-dawl tan-numru kbir ta’ elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw, b’mod ġenerali, l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE mingħajr ma jikkontestaw b’mod speċifiku l-konstatazzjonijiet minn qabel tal-Kummissjoni u, b’mod partikolari, jindikaw b’mod dettaljat għal liema raġuni l-provi prodotti minn din tal-aħħar huma inammissibbli, irrilevanti jew neqsin minn saħħa probatorja.
41 Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, anki fid-dawl tal-fatt li l-kliem tal-ftehim GQ kien jeskludi l-applikazzjoni tiegħu fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-Ewropa u mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-lista ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa li tinsab fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mill-Kummissjoni huma suffiċjenti sabiex juru l-portata tal-“arranġament komuni”.
42 Fl-ewwel lok, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-membri Ewropej tal-kartell iddiskutew u allokaw proġetti ta’ SIG ġewwa s-suq komuni u fi ħdan iż-ŻEE tippermetti, waħedha, li jiġi stabbilit li l-akkordju kellu effett fuq il-kompetizzjoni f’dawn it-territorji. Barra minn dan, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ M. kif ukoll fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji u ta’ Hitachi, l-Anness 2 tal-ftehim EQ, il-lista ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa li tinsab fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, id-dokument intitolat “Sommarju tad-diskussjoni ma’ JJC”, u l-iskambju ta’ posta tat‑18 ta’ Jannar 1999.
43 Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-premessi 125 sa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-produtturi Ewropej u Ġappuniżi qasmu b’mod globali s-suq inkwistjoni b’tali mod li l-proġetti ta’ SIG fil-Ġappun kienu rriżervati għall-produtturi Ġappuniżi u l-proġetti ta’ SIG fl-Ewropa kienu, bħala prinċipju, irriżervati għall-produtturi Ewropej kienet ibbażata fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ M. kif ukoll fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Fuji u ta’ Hitachi u l-Anness 2 tal-ftehim EQ.
44 Fit-tielet lok, kif jirriżulta mill-premessi 133 sa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li kienet teżisti protezzjoni tas-swieq imsejħa “kostrutturi” fl-Ewropa, b’tali mod li, fil-pajjiżi li fihom il-produtturi Ewropej kienu storikament preżenti, il-proġetti ta’ SIG kienu qabel kollox irriżervati għalihom u mingħajr ma jiġu attribwiti fuq il-kwoti fir-rigward tal-akkordju, kienet ibbażata fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB u ta’ M. kif ukoll fuq id-dokument intitolat “Sommarju tad-diskussjoni ma’ JJC”, u l-iskambju ta’ posta tat‑18 ta’ Jannar 1999.
45 Għaldaqstant, anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat li l-kritika tar-rikorrenti fir-rigward taż-żewġ provi li huma jikkontestaw, hija fondata, dan ma jkollux bħala konsegwenza l-kontestazzjoni tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-akkordju kellu bħala riżultat tiegħu l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni jew fi ħdan iż-ŻEE.
46 Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel motiv.
2. Fuq it-tieni parti bbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur allegat
47 Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur, li wasslu għal żieda indebita ta’ dan it-tul. Dawn l-iżbalji jikkonċernaw, fl-ewwel lok, id-data li fiha huma interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, fit-tieni lok, id-data li fiha l-impriża fformata mill-kumpanniji proprjetà tal-grupp VA Tech (iktar ’il quddiem l-“impriża VA Tech”) reġgħet bdiet tipparteċipa fil-ksur u, fit-tielet lok, id-data meta waqaf il-ksur.
a) Fuq id-data li fiha r-rikorrenti interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur
L-argumenti tal-partijiet
48 Ir-rikorrenti jallegaw, b’mod sussidjarju meta mqabbel mal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ provi tal-ksur allegat tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li l-Kummissjoni wettqet żball billi kkonstatat li huma kienu interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur fit‑13 ta’ Diċembru 2000, id-data tas-serata organizzata f’Ville‑d’Avray (Franza) sabiex jiċċelebraw ix-xoljiment allegat tal-akkordju kif tawhom x’jifhmu l-parteċipanti l-oħra, filwaqt li hija jmissha kkonstatat din l-interuzzjoni mill-ksur sa mis‑16 ta’ Lulju 1998, id-data li fiha ġie diskuss l-aħħar proġett ta’ SIG fl-Ewropa msemmi fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata jew, l-iktar tard, sa mit‑12 ta’ Ottubru 2000, id-data li fiha saret laqgħa fi Zurich (l-Isvizzera) li matulha huma ġew informati bix-xoljiment allegat tal-akkordju.
49 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
50 Hemm lok li jiġi rrilevat, preliminarjament, li ma huwiex ikkontestat li l-parteċipazzjoni fl-akkordju ta’ Reyrolle, ta’ SEHV u ta’ Magrini ġiet effettivament interrotta. B’kuntrast ma’ dan, il-partijiet ma jaqblux fuq id-data eżatta ta’ din l-interuzzjoni. Ir-rikorrenti jikkontestaw li huma pparteċipaw fl-akkordju wara s‑16 ta’ Lulju 1998 jew, l-iktar tard, wara t‑12 ta’ Ottubru 2000. Il-Kummissjoni ssostni li Reyrolle, SEHV u Magrini interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju biss waqt is-“serata ta’ tislima tal-aħħar” tat‑13 ta’ Diċembru 2000.
51 Dan in-nuqqas ta’ qbil iqajjem il-kwistjoni dwar fuq min jaqa’ l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward. Filwaqt li r-rikorrenti jikkunsidraw li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprova t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni ssostni li, ladarba hija turi l-eżistenza ta’ akkordju illegali, dan jitqies li jdum sa ma tingħata prova tal-waqfien tiegħu, li għandha tingħata mill-impriża li tkun ipparteċipat f’dan l-akkordju.
52 Jeħtieġ li titfakkar f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza stabbilita li skontha, minn naħa, huwa l-obbligu tal-parti jew l-awtorità li tallega ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li għandha tipproduċi prova li tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, il-fatti li jikkostitwixxu ksur u, min-naħa l-oħra, huwa l-obbligu tal-impriża li tinvoka l-benefiċċju ta’ eċċezzjoni kontra konstatazzjoni ta’ ksur sabiex tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dik l-eċċezzjoni huma sodisfatti, b’tali mod li l-imsemmija awtorità għaldaqstant ikollha tirrikorri għal provi oħra (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 78).
53 F’dan il-każ, il-prinċipju li jgħid li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprova l-elementi kostituttivi kollha tal-ksur, inkluż it-tul tiegħu (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, Ġabra p. II‑441, punt 79; tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il‑Kummissjoni, T‑48/98, Ġabra p. II‑3859, punt 55, u tad‑29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il‑Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 36), u li jista’ jkollhom inċidenza fuq il-konklużjonijiet definittivi tagħha dwar il-gravità tal-imsemmi ksur, ma huwiex ikkontestat mill-fatt li r-rikorrenti fil-Kawżi T‑123/07 u T‑124/07 qajjmu eċċezzjoni bbażata fuq il-preskrizzjoni, li l-oneru tal-prova tagħha huwa, bħala prinċipju, fuq dawn tal-aħħar.
54 Fil-fatt, l-invokazzjoni ta’ tali eċċezzjoni timplika neċessarjament l-istabbiliment tat-tul tal-ksur kif ukoll tad-data li fiha dan waqaf. Issa, dawn iċ-cirkustanzi ma jistgħux jiġġustifikaw, waħedhom, trasferiment tal-oneru tal-prova f’dan ir-rigward għad-detriment tar-rikorrenti. Minn naħa, it-tul ta’ ksur, kunċett li jippreżumi li d-data finali tiegħu tkun magħrufa, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali tal-ksur, li l-oneru tal-prova tiegħu huwa fuq il-Kummissjoni, indipendentement mill-fatt li l-kontestazzjoni ta’ dawk l-elementi tifforma wkoll parti mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-preskrizzjoni. Min-naħa l-oħra, din il-konklużjoni hija ġġustifikata mill-fatt li n-nuqqas ta’ preskrizzjoni tal-proċedimenti mill-Kummissjoni, abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 dwar il-preskrizzjoni, jikkostitwixxi kriterju legali oġġettiv, li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punti 80 sa 82), u għaldaqstant, kundizzjoni tal-validità ta’ kull deċiżjoni ta’ sanzjoni. Fil-fatt, l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni anki jekk l-impriża ma tkunx qajjmet eċċezzjoni f’dan ir-rigward (sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 52).
55 Hemm lok li jiġi ppreċiżat li dan it-tqassim tal-oneru tal-prova jista’ jvarja meta l-elementi ta’ fatt li parti tinvoka jistgħu jkunu tat-tip li jobbligaw lill-parti l-oħra sabiex tagħti spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, fin-nuqqas ta’ liema’ jista’ jiġi konkluż li l-prova tkun ingħatat (sentenza Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 53; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 79). B’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni pproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ ftehim, huwa l-obbligu tal-impriżi li jkunu ħadu sehem f’dan il-ftehim li għandhom jipproduċu l-prova li huma żammew id-distanzi minnu, prova li għandha turi rieda ċara, u miġjuba għall-għarfien tal-impriżi parteċipanti l-oħra li ma tibqax tifforma parti minn dan il-ftehim (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il‑Kummissjoni, T‑168/01, Ġabra p. II‑2969, punt 86; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Jannar 2004, BAI u Il‑Kummissjoni vs Bayer, C‑2/01 P u C‑3/01 P, Ġabra p. I‑23, punt 63, u Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punti 81 sa 84).
56 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li hemm lok li jiġi, f’dan il-każ, ivverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonstata li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju ġiet interrotta fit‑13 ta’ Diċembru 2000.
57 Mill-premessi 188 sa 190 u 297 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ABB, ta’ Areva u ta’ Schneider Electric. Barra minn dan, ABB ddikjarat li hija kienet ddeċidiet, bi ftehim komuni ma’ Alstom, li teskludi lir-rikorrenti mill-akkordju, minħabba l-kwota relattivament għolja tagħhom meta mqabbla mal-kapaċità produttiva tagħhom. Għal dan il-għan, ġiet organizzata laqgħa fit‑13 ta’ Diċembru 2000, f’Ville‑d’Avray, li allegatament ġabet fi tmiemu l-akkordju li madankollu baqa’ fis-seħħ bejn ABB, Alstom, Fuji, Melco u Toshiba. Barra minn dan, il-Kummissjoni ssemmi li Areva u Schneider Electric ikkonfermaw li saret din il-laqgħa fl-aħħar ta’ Novembru jew fil-bidu ta’ Diċembru 2000 iżda li Areva kkontestat l-idea li l-għan ta’ din il-laqgħa kien li jiġu esklużi parteċipanti fl-akkordju.
58 Ir-rikorrenti jikkontestaw it‑13 ta’ Diċembru 2000 bħala d-data tal-interuzzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju billi jressqu żewġ argumenti. Minn naħa huma jsostnu li dik id-data għandha tkun is‑16 ta’ Lulju 1998, data li fiha ġie diskuss l-aħħar proġett ta’ SIG fl-Ewropa msemmi fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu, bħal fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni, li t-tmiem tal-akkordju ġie deċiż fit‑12 ta’ Ottubru 2000 waqt il-laqgħa fi Zurich u li l-laqgħa tat‑13 ta’ Diċmebru 2000 ma kienet xejn ħlief “serata ta’ tislima tal-aħħar”, mingħajr ma tkompla l-akkordju fil-perijodu ta’ bejn dawn iż-żewġ dati.
59 Fir-rigward tal-ewwel argument, hemm lok li jiġi mfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punti 41 sa 45 iktar ’il fuq, l-eżistenza tal-“arranġament komuni” attribwit lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala pprovata b’mod suffiċjenti anki mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-lista ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa li tinsab fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldastant, il-fatt li l-aħħar diskussjoni fuq proġett ta’ SIG li jinsab f’dik il-lista saret fis‑16 ta’ Lulju 1998 ma jistax jikkostitwixxi prova li l-akkordju ma kienx baqa’ jeżisti f’dik id-data, jew li r-rikorrenti kienu waqfu milli jipparteċipaw fih. Għaldqastant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.
60 F’dak li jirrigwarda t‑tieni argument, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 iktar ’il fuq jirriżulta li, meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tkun ipproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ ftehim, huwa l-obbligu tal-impriżi li jkunu ħadu sehem fih li jipproduċu l-prova li huma żammew id-distanzi minnu, liema prova għandha turi rieda ċara, u miġjuba għall-għarfien tal-impriżi parteċipanti l-oħra, li toħroġ minn dan il-ftehim.
61 Hemm lok ċertament li jiġi ammess l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li jeħtieġ li tiġi assimilata ma’ tali teħid espress ta’ distanzi s-sitwazzjoni li fiha parteċipant f’akkordju jiġi eskluż minn dan tal-aħħar permezz ta’ kollużjoni tal-parteċipanti l-oħra f’dan l-akkordju, taħt il-pretest li l-imsemmi akkordju kien intemm. Madankollu, ladarba l-Kummissjoni pproduċiet il-prova dwar l-eżistenza tal-“arranġament komuni”, l-oneru tal-prova tal-fatt li l-parteċipanti l-oħra tawhom x’jifhmu li l-akkordju kien intemm, jaqa’ fuq ir-rikorrenti. Barra minn dan, anki li kieku kellu jitqies li l-waqfa tal-akkordju ma ġietx imħabbra bħala “sorpriża” matul il-laqgħa tat‑13 ta’ Diċembru 2000, iżda ċertu żmien qabel, id-data tat‑12 ta’ Ottubru 2000, indikata mir-rikorrenti ma hija ssostanzjata minn ebda prova. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova fir-rigward tad-data effettiva tal-esklużjoni tagħhom mill-akkordju, il-Kummissjoni kienet għaldaqstant awtorizzata tiffissa t‑13 ta’ Diċembru 2000 bħala d-data li fiha r-rikorrenti interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, u dan mingħajr l-obbligu li tipprova li kienu ġew konklużi ftehim illegali f’dik id-data preċiża.
62 Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud l-ilment dwar id-data li fiha r-rikorrenti interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur.
b) Fuq id-data li fiha l-impriża VA Tech reġgħet bdiet tipparteċipa fil-ksur
L-argumenti tal-partijiet
63 Ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li l-impriża VA Tech kienet reġgħet bdiet tipparteċipa fil-ksur, permezz ta’ VAS, mill‑1 ta’ April 2002. Skont ir-rikorrenti, għalkemm din l-impriża kienet diġà ġiet informata dwar il-fatt li l-akkordju reġa beda mis-sajf tal‑2002, hija kienet għadha ma reġgħetx bdiet tipparteċipa f’dan iż-żmien. Dan il-bidu mill-ġdid tal-akkordju seħħ biss mid‑9 ta’ Ottubru 2002, id-data tal-laqgħa ta’ Pariġi (Franza) li għaliha attendew uħud mir-rappreżentanti tagħha. Ir-rikorrenti jsostnu li d-dikjarazzjonijiet proprji tagħhom huma, f’dan ir-rigward, ikkorroborati minn elementi oħra tal-proċess. B’mod partikolari, l-impriża VA Tech ma kinitx irrapreżentata fil-laqgħa ta’ Frankfurt (il-Ġermanja) tal‑10 ta’ Lulju 2002 u lanqas ipparteċipat fi ftehim jew prattiki miftiehma li jikkonċernaw proġetti ta’ SIG li d-data ta’ skadenza tagħhom kienet fil-perijodu ta’ bejn April u Ottubru tal‑2002. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod mhux koerenti sabiex tidentifika l-mument tat-tkomplija tal-ksur, peress li, fil-każ ta’ Hitachi, hija għażlet li tieħu inkunsiderazzjoni d-data tal-ewwel parteċipazżzjoni f’laqgħa multilaterali.
64 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
65 Kif jirriżulta mill-premessi 199, 203, 204 u 441 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat il-konklużjoni tagħha li l-impriża VA Tech reġgħet bdiet tipparteċipa fl-akkordju, l-iktar tard, fl‑1 ta’ April 2002 fuq l-indikazzjonijiet li jinsabu fir-risposta ta’ ABB għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li fiha dan tal-aħħar spjega li x-xhud M. jiftakar li, wara li darba telqet fl‑2000, l-impriża VA Tech reġgħet bdiet tipparteċipa fl-akkordju matul l-ewwel tliet xhur tal‑2002. Fin-nuqqas ta’ data preċiża, il-Kummissjoni identifikat id-data tal‑1 ta’ April 2002 bħala d-data l-iktar favorevoli għall-imsemmija impriża. Skont il-Kummissjoni, din id-dikjarazzjoni ta’ ABB hija kredibbli ħafna, peress li kien biss permezz ta’ din tal-aħħar li hija fehmet li l-impriża VA Tech kienet interrompiet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju għal ċertu żmien. Fil-fatt, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kienet assumiet li l-impriża VA Tech kienet ipparteċipat fl-akkordju mingħajr interruzzjoni. Il-Kummissjoni tqis, barra minn dan, li l-imsemmija dikjarazzjoni hija ssostanzjata minn noti miktuba bl-idejn redatti minn Z., impjegat tal-grupp VA Tech, u misjuba fil-postijiet ta’ dan il-grupp waqt il-verifiki fil-post imwettqa f’April tal‑2004.
66 Fir-rigward tan-noti redatti minn Z., il-premessa 204 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal tliet paġni li jinkludu, skont il-Kummissjoni, interrogazzjonijiet dwar l-interess tal-grupp VA Tech għal proġett ta’ SIG f’Ravenna (l-Italja) u l-possibilitajiet eventwali ta’ ffissar ta’ prezzijiet, dwar diskussjonijiet mal-produtturi Ġappuniżi, dwar laqgħa prevista għax-xahar ta’ Lulju bil-għan li jiġu diskussi proġetti ta’ SIG u dwar l-istat tad-diskussjonijiet lejn l-aħħar tax-xahar ta’ Awwissu 2002. Dawn il-paġni huma riprodotti fil-paġni 2014, 2018 u 2024 tal-proċess quddiem il-Kummissjoni.
67 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li n-noti redatti minn Z. fil-biċċa l-kbira tagħhom ma fihom l-ebda riferiment għad-data ta’ meta ġew stabbiliti u lanqas għal dik tal-fatti msemmija fihom. Barra minn dan, ma huwiex possibbli li jsiru xi konklużjonijiet dwar l-ordni li fih jidhru l-paġni fil-proċess tal-Kummissjoni, peress li, evidentement, l-ordni ta’ ċerti paġni ġie mmodifikat meta mqabbel mal-ordni kronoloġiku ta’ meta ġew stabbiliti. B’mod partikolari, l-ordni tal-paġni riprodotti fil-paġni 2014 u 2015 tal-proċess quddiem il-Kummissjoni ġie maqlub, kif jirriżulta mill-paġna 2014 li hija viżibbli fuq in-naħa tal-lemin tal-paġna 2015, u l-paġna 2016, li fiha rendikont ta’ laqgħa tal-bord tat-tmexxija tas‑27 ta’ Ġunju 2002 u li tista’ għalhekk tforni informazzjoni datata, ma tistax tiġi direttament wara l-paġna 2014, peress li dawn huma żewġ paġni tan-naħa tal-lemin.
68 Għaldaqstant, l-unika informazzjoni affidabbli fir-rigward tad-data tal-istabbiliment tan-noti redatti minn Z. hija dik li tista’ tinsilet minn siltiet rari li jirreferu għal dati u li jinsabu fl-istess paġna flimkien mal-indikazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni.
69 Issa, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li la l-kontenut tan-noti redatti minn Z. li ġew iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, u lanqas dawk indikati mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali ma jippermettu li tittieħed l‑1 ta’ April 2002 bħala d-data li fiha l-impriża VA Tech reġgħet bdiet tipparteċipa fl-akkordju. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-imsemmija noti ġew stabbiliti fl‑2002, id-data tal‑1 ta’ April ma hijiex imsemmija fihom espressament u ma tistax lanqas tiġi dedotta mill-kontenut tan-noti.
70 It-tieni nett, jeħtieġ jiġi rrilevat li l-proċess quddiem il-Kummissjoni fih, b’mod partikolari, il-frażijiet “diskussjoni dwar package ma’ Jap. Huma ħadu serje ta’ inizzjattivi” u “fil-prattika tiġi rriżervata d-data tal‑1 ta’ Lulju sabiex jiġi diskuss il-package Gd Export ma’ Jap.”. Dawn il-frażijiet jippermettu l-konklużjoni li n-noti li jidhru fihom ġew stabbiliti qabel id-data tal‑1 ta’ Lulju 2002 u għaldaqstant, l-iktar tard, f’Ġunju 2002. Fin-nuqqas ta’ data preċiża, jeħtieġ għaldaqstant, skont il-prinċipju in dubio pro reo, li tinżamm id-data tal‑1 ta’ Lulju 2002 bħala d-data li fiha l-impriża VA Tech reġgħet bdiet tipparteċipa fl-akkordju.
71 It-tielet nett, fir-rigward tal-għan tal-prattiki miftiehma bejn il-produtturi, jeħtieġ jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, waqt it-tieni fażi ta’ ksur, il-proġetti ta’ SIG ma baqgħux jiġu diskussi individwalment, iżda bħala “pakketti”. Din ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma kkontestawx li, matul l-imsemmija tieni fażi, l-akkordju kien jikkonċerna proġetti ta’ SIG fi ħdan iż-ŻEE. Fil-fatt, l-ewwel parti tal-ewwel motiv li permezz tagħha r-rikorrenti jikkontestaw li l-akkordju kellu effett fi ħdan is-suq komuni tapplika biss għall-ewwel fażi tal-parteċipazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-fatt li n-nota msemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq ma ssemmi l-ebda proġett ta’ SIG fiż-ŻEE ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-fatt li r-rikorrenti pparteċipaw, meta rritornaw lura fl-akkordju fl‑2002, f’diskussjonijiet dwar proġetti ta’ SIG fi ħdan iż-ŻEE.
72 B’hekk hemm lok li jintlaqa’ l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat, b’mob żbaljat, li r-rikorrenti kienu reġgħu bdew jipparteċipaw fl-akkordju mill‑1 ta’ April 2002.
c) Fuq id-data tat-tmiem tal-ksur
L-argumenti tal-partijiet
73 Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball billi kkunsidrat li l-ksur kien waqaf b’mod definittiv biss fil‑11 ta’ Mejju 2004 u mhux l-iktar tard fil‑21 ta’ Jannar 2004, id-data tal-aħħar laqgħa li matulha ġew diskussi proġetti ta’ SIG, mingħajr ma seta’ jintlaħaq ftehim. Billli s-sistema ta’ koordinazzjoni kienet sussegwentement bdiet tikkollassa, il-laqgħat ma kellhom biss bħala l-għan tagħhom li jistħarrġu dwar it-tkomplija tal-akkordju u xi kwistjonijiet oħra li ma humiex relatati mad-dritt tal-kompetizzjoni.
74 Il-Kummissjoni tikkonfuta t-teżi li l-akkordju ntemm fil‑21 ta’ Jannar 2004 l-iktar tard u mhux fil‑11 ta’ Mejju 2004. L-akkordju tkompla wara l‑21 ta’ Jannar 2004, ABB waħedha waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fi Frar 2004. Minn tal-inqas, il-ftehim kellhom riperkussjonijiet sal-laqgħha li saret wara t-tluq ta’ ABB.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
75 L-ewwel nett, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-test innifsu tal-Artikolu 81(1) KE jirriżulta li l-akkordji bejn impriżi huma pprojbiti, indipendentement minn kwalunkwe effett, meta dawn ikollhom għan antikompetittiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 123, u tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 181). Konsegwentement, ma huwiex rikjest li jiġu murija effetti antikompetittivi reali, fejn jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv tal-aġir inkwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra. p. II‑2707, punt 178, u l-ġurisprudenza ċċitata).
76 Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod prinċipali, fuq l-għan restrittiv tal-kompetizzjoni ta’ akkordji u ta’ prattiki miftiehma msemmija fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Qabel kollox hija kkonstatat, fil-premessi 303 u 304 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-totalità ta’ akkordji u/jew ta’ prattiki miftiehma deskritti kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u li, f’tali ċirkustanzi, ma kienx neċessarju, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti ta’ ftehim, qabel ma żiedet, fil-premessa 308, li, min-natura tagħha stess, l-implementazzjoni ta’ ftehim tat-tip deskritt iwassal għal distorsjoni importanti tal-kompetizzjoni. Bl-istess mod, fir-rigward tal-iffissar tal-multi, il-Kummissjoni kkonfermat espressament, fil-premessa 477 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan ma huwiex ibbażat speċifikament fuq l-impatt partikolari fil-mument tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur.
77 It-tieni nett, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 215 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tal-grupp VA Tech, il-komunikazzjonijiet u l-laqgħat fi ħdan l-akkordju wara t-tluq ta’ ABB kienu jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ sejħa għall-offerti pendenti, il-pożizzjoni ta’ atturi li ma humiex parti mill-akkordju, iż-żamma jew l-interruzzjoni ta’ kuntatti u kwistjonijiet ta’ sigurtà. Issa, dawn is-suġġetti ta’ diskussjoni juru li, għalkemm il-bqija tal-membri tal-akkordju wara t-tluq ta’ ABB ma waslux sabiex jilħqu ftehim dwar proġetti konkreti, huma kellhom l-intenzjoni li jkomplu l-akkordju fil-futur jew, mill-inqas, ma kinux għadhom ħadu d-deċiżjoni li jtemmuh.
78 Din l-interpretazzjoni tal-fatti ma hijiex ikkontestata mid-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi dwar it-tmiem tal-akkordju, invokati mir-rikorrenti. Skont ir-rikorrenti, Hitachi ddikjarat, fir-rigward tal-laqgħa tal‑21 ta’ Jannar 2004, li “il-partijiet [kienu] ċaħdu l-propożizzjonijiet kollha” u li “il-laqgħa [ġiet sussegwentement] mħassra”. Dik l-istess impriża kkonkludiet, f’dikjarazzjoni oħra, li “is-sistema l-ġdida [kienet] bdiet tikkollassa f’Jannar 2004, id-data tal-aħħar laqgħa ta’ xogħol li fiha [kienet] ipparteċipat ABB.”
79 Fl-ewwel lok, il-fatt li ma seta’ jintlaħaq ebda ftehim fuq il-proġetti ta’ SIG diskussi matul il-laqgħa tal‑21 ta’ Jannar 2004 ma jfissirx għaldqastant li l-akkordju ma kienx baqa’ jeżisti f’dak il-mument – għalkemm, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ex post minn Hitachi, dan in-nuqqas seta’ jikkostitwixxi l-punt tat-tluq tal-“kollass tal-akkordju”. Fil-fatt, is-suġġetti diskussi waqt laqgħat ulterjuri, mhux ikkontestati mir-rikorrenti, jixhdu r-rieda li jitkompla l-akkordju mingħajr ABB. Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ Hitachi li l-akkordju kien beda jikkollassa f’Jannar tal‑2004, din tikkonferma, f’każ ta’ bżonn, li l-“kollass tal-akkordju” ma kienx preċiżament għadu seħħ f’Jannar tal‑2004.
80 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx neċessarju għall-Kummissjoni li tipprova l-konklużjoni ta’ ftehim ġodda fuq proġetti konkreti ta’ SIG, waqt laqgħat li saru wara l‑21 ta’ Jannar 2004, sabiex tkun tista’ tikkonkludi li l-akkordju tkompla wara din id-data.
81 Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat il‑11 ta’ Mejju 2004 bħala data tat-tmiem tal-akkordju. B’hekk hemm lok li jinċaħad l-ilment ibbażat fuq tali żball ta’ evalwazzjoni.
82 B’hekk jeħtieġ li jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat ksur fih, imwettaq mir-rikorrenti, bejn l‑1 ta’ April u t‑30 ta’ Ġunju 2002. Għall-kumplament, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur.
3. Fuq il-parti bbażata fuq il-preskrizzjoni tal-ksur allegat għall-perijodu ta’ wara s‑16 ta’ Lulju 1998
a) L-argumenti tal-partijiet
83 Reyrolle, SEHV u Magrini jqisu li, għall-perijodu ta’ qabel is‑16 ta’ Lulju 1998, hemm preskrizzjoni fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Skonthom, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għandu jiġi kkalkolat mis‑16 ta’ Lulju 1998 u peress li t-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema l-ġdida hija limitata għal sena u tliet xhur, l-ammont inizjali tal-multa minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur għandu jitnaqqas għal 10 %.
84 Reyrolle, SEHV u Magrini jżidu li t-teżi tal-ksur kontinwat, sostnuta mill-Kummissjoni, hija żbaljata sa fejn din tikkonċernahom, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza, jiġifieri, oġġettivament, li ma kienx hemm interruzzjoni tal-ksur u, suġġettivament, li l-aġir tal-impriżi inkwistjoni jipproċedi b’intenzjoni ġenerali, ma humiex sodisfatti.
85 Il-Kummissjoni tikkonfuta dawk l-argumenti.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
86 L-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għall-ksur tat-tip attribwit lir-rikorrenti. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(3) tal-istess regolament, kwalunkwe att mill-Kummissjoni intiż għal stħarriġ jew għal azzjoni kontra l-ksur jinterrompi l-preskrizzjoni.
87 F’dan il-każ, l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni invokata fir-rigward tal-ewwel fażi tal-ksur attribwit lil Reyrolle, lil SEHV u lil Magrini tippreżumi li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, dik l-ewwel fażi kellha tintemm l-iktar tard fl‑10 ta’ Mejju 1999, jiġifieri ħames snin qabel il-ġurnata li tippreċedi l-ispezzjonijiet fuq il-post li l-Kummissjoni wettqet fil‑11 u t‑12 ta’ Mejju 2004. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ fażijiet tal-ksur attribwiti lilha ma għandhomx jifformaw parti minn ksur wieħed uniku u kontinwat fis-sens tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li f’tali ipoteżi l-preskrizzjoni tiddekorri biss mill-ġurnata li fiha l-ksur ikun intemm.
88 Issa, kif ġie spjegat fil-punti 57 sa 62 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ewwel fażi tal-ksur attribwit lil Reyrolle, lil SEHV u lil Magrini ntemm biss fit‑13 ta’ Diċembru 2000 u għaldaqstant wara d-data tal‑10 ta’ Mejju 1999. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni.
89 Fi kwalunkwe każ, it-tieni kundizzjoni ddikjarata fil-punt 87 iktar ’il fuq, bħall-ewwel kundizzjoni lanqas ma hija sodisfatta. Fil-fatt il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-akkordju li pparteċipaw fih Reyrolle, SEHV u Magrini fl‑2002 kien, essenzjalment, l-istess bħal dak li kienu pparteċipaw fih sal‑2000.
90 Il-Qrati tal-Unjoni identifikaw diversi kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura unika ta’ ksur, jiġifieri, l-identità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il‑Kummissjoni, C‑113/04 P, Ġabra. p. I‑8831, punti 170 u 171, u s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Marzu 2002, Dansk Rørindustri vs Il‑Kummissjoni, T‑21/99, Ġabra p. II‑1681, punt 67, u tas‑27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punt 312), l-identità tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 118, 119 u 124, u Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 312), l-identità ta’ impriżi li pparteċipaw fih (sentenza Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 312) u l-identità tar-regoli tal-implementazzjoni tiegħu (sentenza Dansk Rørindustri vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68). Kriterji rilevanti oħra huma l-identità ta’ persuni fiżiċi involuti f’isem impriżi u l-identità tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-prattiki inkwistjoni.
91 F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li t-totalità tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-akkordju li pparteċipaw fih Reyrolle, SEHV u Magrini fl‑2002 kien, essenzjalment, l-istess bħal dak li kienu pparteċipaw fih sal‑2000.
92 Fil-fatt, l-ewwel nett, l-għan, li jikkonsisti f’li jiġu stabilizzati l-ishma tal-membri tal-akkordju, li jiġi mqassam is-suq dinji bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej – b’mod partikolari billi jiġu riżervati s-swieq Ewropej għal dawn tal-aħħar – u li jiġi evitat it-tnaqqis tal-prezzijiet, kien l-istess matul iż-żewġ perijodi inkwistjoni.
93 It-tieni nett, il-metodi ta’ funzjonament tal-akkordju globalment ma nbidlux, anki jekk dawn progessivament evolvew matul is-snin, b’mod partikolari skont it-tnaqqis tan-numru ta’ impriżi parteċipanti wara l-konċentrazzjoni tas-settur u skont l-iżvilupp tekniku tal-mezzi ta’ komunikazzjoni. Madankollu, kif spjegat il-Kummissjoni fil-premessa 280 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-modifiki ma sarux fil-mument preċiż bejn l‑2000 u l‑2002, iżda b’mod gradwali. Barra minn dan, dawn ma affettwawx il-prinċipji essenzjali tal-mod ta’ funzjonament, jiġifieri, l-attribuzzjoni ta’ proġetti ta’ SIG bejn il-membri tal-akkordju abbażi ta’ kwoti ffissati minnhom u permezz ta’ tbagħbis ta’ sejħiet għal offerti, kif ukoll l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għall-proġetti ta’ SIG li ma jkunux suġġetti għal attribuzzjoni.
94 Dawn il-konstatazzjonijiet iddettaljati tal-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-akkordju, mhux ikkontestati fid-dettall mir-rikorrenti, ma jistgħux jiġu invalidati permezz tal-allegazzjoni ġenerali u mhux iddettaljata li “l-koordinazzjoni sa mill‑2002 kienet issir skont sistema għal kollox ġdida”, kif jikkonfermaw, b’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet ta’ impjegati ta’ ABB. Fil-fatt, fil-partijiet iċċitati barra mill-kuntest tagħhom, mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑123/07 u T‑124/07, l-impjegat inkwistjoni, Wi. jirrakkonta, essenzjalment, li, fi żmien tal-fatti, is-superjur tiegħu kien ħbielu n-natura vasta reali tal-“kooperazzjoni” mal-produtturi ta’ SIG l-oħra u l-fatt li l-akkordju, kif kien jeżisti mill‑2002, kien jagħmel parti mill-kontinwita’ tal-fażi l-iktar bikrija tal-akkordju.
95 It-tielet nett, l-akkordju kien jirrigwarda, matul iż-żewġ perijodi inkwistjoni, l-istess suq, jiġifieri dak ta’ proġetti ta’ SIG fil-forma ta’ partijiet individwali jew fil-forma ta’ substations turnkey.
96 Ir-raba’ nett, l-impriżi involuti fl-akkordju kif ukoll il-kumpanniji differenti li jifformaw parti minn dawn l-impriżi baqgħu, essenzjalment, l-istess matul it-tul kollu tal-akkordju bejn l‑1988 u l‑2004, fid-dawl tal-proċess ta’ konċentrazzjoni fis-settur tas-SIG li seħħ matul dan il-perijodu u tal-unika eċċezzjoni tan-nuqqas temporanju ta’ Siemens, tal-impriża VA Tech u ta’ Hitachi.
97 Il-ħames nett, il-persuni li jirrapreżentaw l-impriżi differenti fi ħdan l-akkordju kienu fil-maġġoranza tagħhom l-istess fl‑2000 u fl‑2002, mingħajr ma jissemma ċertu ċaqliq normali fi ħdan kull impriża. Il-kontinwità personali tar-rappreżentanti hija attestata mil-listi differenti ta’ laqgħat li jifformaw parti mill-proċess u, b’mod partikolari, dawk li jinsabu fl-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mil-lista tal-kollaboraturi tal-impriżi kkonċernati, attivi fl-akkordju, li tinsab fl-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata.
98 Is-sitt nett, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-akkordju kienet l-istess fl‑2000 u matul il-perijodu mill‑2002 sal‑2004. Fil-fatt, din kienet kibret kemxejn mill‑1988, minħabba li s-swieq tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kienu fil-frattemp saru aċċessibbli għall-membri tal-akkordju.
99 Barra minn dan, il-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni u mhux ikkontestat mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑123/07 u T‑124/07, li l-akkordju tkompla mill-membri l-oħra fin-nuqqas tal-impriżi temporanjament assenti u li l-kontinwità oġġettiva ta’ ksur uniku ġiet għaldqastant ippreżervata juri wkoll li kien wieħed u l-istess akkordju.
100 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-element suġġettiv, huwa suffiċjenti li, meta l-impriża VA Tech reġgħet bdiet tipparteċipa fl-akkordju, Reyrolle, SEHV u Magrini kienu konsapevoli li qegħdin jipparteċipaw fl-istess akkordju bħal qabel. Jeħtieġ jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li ċerti impjegati li jirrapreżentaw l-impriża VA Tech fl-akkordju mill‑2002 kellhom diġà karigi ta’ tmexxija fi ħdan il-kumpanniji li kienu jifformaw parti minn dan il-grupp qabel l-interruzzjoni tal-parteċipazzjoni tal-imsemmija kumpanniji fl-akkordju fl‑2000. B’hekk, Z., V., C., B. u W., li jinsabu fil-lista tal-parteċipanti fil-laqgħat differenti sa minn Ottubru tal‑2002 (ara l-Anness I tad-deċiżjoni kkontestata), kienu diġà ħadmu għal Reyrolle, SEHV, Magrini u Schneider Electric qabel l‑2000 (ara l-Anness II tad-deċiżjoni kkontestata). Reyrolle, SEHV u Magrini ma setgħux għaldaqstant jinjoraw l-identità tal-fatturi li jiddeterminaw in-natura unika tal-akkordju. B’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti fil-Kawżi T‑123/07 u T‑124/07, l-element suġġettiv ma huwiex għaldaqstant eskluż mill-fatt li huma ġew ingannati, fl‑2000, peress li l-parteċipanti fl-akkordju tawhom x’jifhmu li dan kien ġie xolt. Fil-fatt, ma huwiex il-livell ta’ konoxxenza tagħhom fl‑2000 li huwa determinanti f’dan ir-rigward, iżda dak fil-mument meta reġgħu bdew jipparteċipaw fl-akkordju.
101 Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni mqajma minn Reyrolle, SEHV u Magrini għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda minħabba l-fatt li ż-żewġ fażijiet tal-ksur attribwit lilhom jifformaw parti mill-istess ksur uniku u kontinwat.
102 B’konklużjoni, jeħtieġ li tiġi miċħuda l-parti tal-ewwel motiv ibbażata fuq il-preskrizzjoni tal-ewwel fażi tal-ksur attribwit lil Reyrolle, lil SEHV u lil Magrini.
4. Fuq il-parti bbażata fuq l-ammont eċċessiv tal-multi imposti
103 Insostenn ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jqajmu diversi lmenti, ibbażati, fl-ewwel lok, fuq skadenza tal-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Reyrolle, ta’ SEHV u ta’ Magrini, fit-tieni lok, fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali ta’ dawn l-istess kumpanniji, fit-tielet lok, fuq in-natura eċċessiva tal-ammont tal-multa ta’ Siemens Österreich u ta’ KEG meta mqabbla ma’ dik ta’ Reyrolle, fir-raba’ lok, fuq stabbiliment li ma jinftiehemx tar-reponsabbiltà in solidum bejn ir-rikorrenti differenti, fil-ħames lok, fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat żammet lil Reyrolle responsabbli flimkien mal-kumpannija parent tagħha, fis-sitt lok, fuq il-ksur tal-prinċipju ne bis in idem fir-rigward ta’ Siemens Österreich u KEG u, fis-seba’ lok, ukoll fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, fuq in-nuqqas ta’ tnaqqis tal-multa.
104 Jeħtieġ jiġi rrilevat li l-ewwel erba’ lmenti huma bbażati, essenzjalment, fuq applikazzjoni żbaljata mill-Kummisjoni, tal-kunċett ta’ impriża, fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, fl-argumenti tagħhom imressqa insostenn ta’ dawn l-ilmenti, ir-rikorrenti jikkritikaw il-fatt li l-Kummissjoni applikat fil-konfront tagħhom, għall-finijiet ta’ kalkolu tal-multi tagħhom, ammont inizjali bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ totali tal-grupp VA Tech għall‑2005 u mhux fuq id-dħul mill-bejgħ iżolat tagħhom, u l-fatt li l-ammonti li l-kumpanniji differenti ta’ dan il-grupp huma obbligati li jħallsu in solidum huma stabbiliti b’mod li ma jinftiehemx. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu ttrattati flimkien dawn l-erba’ lmenti qabel ma jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra.
a) Fuq l-ewwel erba’ lmenti, ibbażati, essenzjalment, fuq applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni, tal-kunċett ta’ impriża, fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni
L-argumenti tal-partijiet
105 Reyrolle, SEHV u Magrini jikkritikaw lill-Kummissjoni talli applikat fil-konfront tagħhom, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi tagħhom, ammont inizjali bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ totali tal-grupp VA Tech kif kien jeżisti fil-mument tad-deċiżjoni kkontestata u mhux fuq id-dħul mill-bejgħ iżolat tagħhom.
106 Skont Reyrolle, SEHV u Magrini, il-Kummissjoni kkontradixxiet b’mod manifest l-approċċ, spjegat diversi drabi fid-deċiżjoni kkontestata, li hija kellha l-intenzjoni żżomm lis-sussidjarji tal-grupp VA Tech “individwalment responsabbli” għall-ksur tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Reyrolle, SEHV u Magrini jsostnu wkoll li l-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni wassal sabiex Reyrolle tinżamm responsabbli għall-aġir ta’ SEHV u ta’ Magrini u viċi versa, meta huma ma kinux marbuta matul il-biċċa l-kbira tat-tul tal-ksur, jiġifieri, matul il-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ April 1988 u t‑13 ta’ Diċembru 2000. Tali “koresponsabbiltà b’effett retroattiv” tmur kontra l-prinċipju li s-sanzjoni għandha tkun propozjonata għall-iżball li jkun sar, peress li l-piż ekonomiku tal-imsemmija kumpanniji fl-akkordju huwa kjarament eżaġerat.
107 Reyrolle, SEHV u Magrini jsostnu barra minn dan li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma osservatx il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Għas-sena 2005, id-dħul mill-bejgħ dinji tagħhom kien jammonta għal madwar EUR 118 953 000 għal Reyrolle, EUR 222 034 242 għal SEHV u EUR 103 047 112 għal Magrini, b’tali mod li l-multi ta’ EUR 22 050 000 imposti fuqhom kienu eċċessivi.
108 Barra minn dan, Reyrolle, SEHV u Magrini jqisu li l-metodu ta’ kalkolu propost mill-Kummissjoni jikser l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li jgħid li ma għandhiex tingħata piena ikbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta jkun twettaq il-ksur. Skont ir-rikorrenti, l-applikazzjoni retroattiva mill-Kummissjoni, tal-kunċett ta’ unità ekonomika, għall-finijiet ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa, twassal għal sanzjoni aggravata.
109 Reyrolle żżid li l-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni l-kapaċità limitata tagħha li tikkawża preġudizzju importanti lill-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, kemm meta tnaqqas l-ammont inizjali tal-multa tagħha, kif ukoll fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti. Għal raġunijiet ta’ ordni tekniku, l-attivitajiet tagħha fi ħdan iż‑ŻEE kienu limitati għar-Renju Unit u għall-Irlanda matul it-tul ta’ żmien kollu tal-ftehim GQ. Għaldaqstant, id-dħul mill-bejgħ dinji tagħha, filwaqt li jeżaġera l-piż kompetittiv tagħha fis-suq komuni, ma jirriflettix b’mod rilevanti l-kapaċità tagħha li tikkawża preġudizzju lil operaturi oħra fi ħdan iż-ŻEE.
110 Siemens Österreich u KEG isostnu li l-ammont tal-multa imposta fuqhom hija sproporzjonata meta mqabbla ma’ dik imġarrba minn Reyrolle minħabba l-għażla, mill-Kummissjoni, li timponi fuqhom multa bħallikieku huma kienu marbuta ma’ SEHV u ma’ Magrini matul il-perijodu mill‑1998 sal‑2000, b’tali mod li kjarament teżaġera l-piż ekonomiku tagħhom fl-akkordju.
111 Siemens Österreich u KEG iżidu li, bħala prinċipju, il-multi imposti fuq kumpanniji parent għall-ksur mwettaq mis-sussidjarji tagħhom, ibbażati fuq l-influwenza deċiżiva li tal-ewwel jeżerċitaw fuq l-aġir kummerċjali tat-tieni, ma jistgħux ikunu ikbar minn dawk imġarrba mis-sussidjarji. Huma jqisu madankollu li, f’dan il-każ, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom hija, fid-dawl tat-tul tal-ksur attribwit lilhom, darbtejn ogħla milli fil-każ ta’ Reyrolle, jiġifieri, EUR 242 307 għal kull xahar ta’ ksur għalihom u EUR 124 576 għal kull xahar ta’ ksur għal Reyrolle.
112 Skont Siemens Österreich u KEG, l-approċċ magħżul mill-Kummissjoni jmur kontra l-prinċipju ta’ sanzjoni li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni individwali ta’ kumpannija għall-fatti allegati u l-“prinċipju tal-ħtija” u, għaldaqstant, jikser l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll l-Artikolu 7(1) tal-KEDB. Tali approċċ imur ukoll kontra Linji ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”). Barra minn dan, fir-risposta, il-Kummissjoni tippreżumi b’mod żbaljat u mingħajr l-inqas prova li VA Technologie kienet taf jew suppost kienet taf, fil-mument tal-akkwist ta’ Reyrolle u tal-istabbilment ta’ VAS, bil-parteċipazzjoni ta’ Reyrolle fl-akkordju, filwaqt li VA Technologie ma “daħlet fis-settur tas-SIG […] biss wara l-akkwist ta’ Reyrolle” u li l-verifika minn qabel (due diligence) mwettqa f’din l-okkażjoni ma sabet ebda attività ta’ kollużjoni.
113 Siemens Österreich u KEG iqisu li l-Kummissjoni kellha qabel xejn tikkalkola l-ammont tal-multi għal kull sussidjarja tal-grupp VA Tech, qabel ma tikkalkola, pro rata għat-tul ta’ żmien tal-kontroll eżerċitat minn dan il-grupp fuq kull waħda minn dawn is-sussidjarji, l-ammont tal-multa li għandha titħallas in solidum mill-kumpanniji parent. Skont dan il-metodu, il-multi imposti mill-Kummissjoni kellhom jammontaw għal EUR 720 000 għal Reyrolle, ta’ EUR 900 000 għal SEHV u ta’ EUR 360 000 għal Magrini, li flimkien jammontaw għal EUR 1 980 000.
114 SEHV u Magrini jsostnu wkoll li l-multa ta’ ammont totali ta’ EUR 22 050 000 li ġiet imposta fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata ġiet imqassma b’mod żbaljat bejn, minn naħa, il-grupp li tiegħu Schneider Electric hija l-kumpannija parent (iktar ’il quddiem il-“grupp Schneider”) fl-ammont ta’ mhux iktar minn EUR 4 500 000, u min-naħa l-oħra, il-grupp VA Tech fl-ammont ta’ mhux iktar minn EUR 17 550 000. Huma jaffermaw li l-kalkolu probabbilment imwettaq mill-Kummissjoni fir-realtà jwassal għar-riżultat li Schneider Electric ikollha tassumi biss responsabbiltà limitata ħafna, jiġifieri 40 %, għall-perijodu li matulu din kienet tikkontrollahom waħedha. Min-naħa l-oħra, il-grupp VA Tech u Reyrolle jkunu manifestament żvantaġġati.
115 SEHV u Magrini jżidu li l-Kummissjoni stabbiliet l-ammont inizjali tal-multa applikat fil-konfront ta’ Schneider Electric fid-dawl tal-ishma miżmuma f’VAS. Issa, VA Technologie ġabet f’VAS diversi attivitajiet li ma għandhom ebda rabta mal-akkordju. Għaldqastant, l-ammont stabbilit fl-Artikolu 2(l)(i) tad-deċiżjoni kkontestata li SEHV, Magrini u Reyrolle huma obbligati jħallsu in solidum huwa manifestament eċċessiv.
116 Il-Kummissjoni tqis li l-iffissar tal-ammont tal-multa fid-deċiżjoni kkontestata jsegwi kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza u jieħu inkunsiderazzjoni, sa fejn dan huwa meħtieġ, is-sitwazzjoni individwali ta’ Reyrolle, dik ta’ SEHV u dik ta’ Magrini.
117 Fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-KEDB, il-Kummissjoni tenfasizza li dan ma huwiex direttament applikabbli f’dan il-każ. Barra minn dan, hija tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx il-projbizzjoni ta’ retroattività, u lanqas il-prinċipju “nulla poena sine lege”.
118 Il-Kummissjoni tiċħad ukoll l-argument ta’ Reyrolle li t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ dinji ta’ dik il-kumpannija jwassal għal ammont inizjali eċċessiv għall-kalkolu tal-ammont tal-multa tagħha. Hija tqis li għandha d-dritt, meta akkordju jkopri kważi b’mod sħiħ is-suq dinji, li tibbaża ruħha fuq dħul mill-bejgħ dinji bħala indiċi tal-gravità tal-ksur. Barra minn dan, hija tosserva li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma tipprevedi sanzjoni proporzjonali mat-tul tal-ksur.
119 Il-Kummissjoni tosserva, barra minn dan, li Siemens Österreich u KEG ma jippretendux li s-somma ta’ żewġ multi ipotetiċi separati, imposti fuq il-grupp VA Tech, waħda għall-aġir ta’ Reyrolle u l-oħra għall-aġir ta’ SEHV u ta’ Magrini, tkun inferjuri għall-multa unika stabbilita mid-deċiżjoni kkontestata. Issa, deċiżjoni tista’ tiġi annullata biss jekk il-kalkolu allegatament żbaljat jippreġudika lir-rikorrent.
120 Fir-rigward tal-istabbiliment tal-ammonti pagabbli in solidum, il-Kummissjoni ssostni li dan l-ilment huwa inammissibbli peress li billi SEHV u Magrini ma kinux direttament affettwati minn dak l-istabbiliment, huma ma jistgħux isostnu l-interessi tal-impriża globali. Il-Kummissjoni tqis ukoll li hija mmotivat b’mod suffiċjenti l-kalkolu tal-ammont tal-multa għar-rikorrenti. Barra minn dan, il-Kummissjoni tqis li l-attribuzzjoni ta’ parti ikbar tar-responsabbiltà in solidum lil Schneider Electric tkun kjarament inqas favorevoli għall-grupp VA Tech mit-tqassim imwettaq minnha, peress li r-responsabbiltà globali tal-imsemmi grupp tkun evidentement ikbar.
121 Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali kif ukoll waqt lis-seduta, li hija tista’ tistabbilixxi liberament l-ammonti pagabbli in solidum peress li r-responsabbiltà in solidum hija vantaġġ għall-kumpanniji kkonċernati. Għaldaqstant, ma jikkostitwixxux irregolarità la l-fatt li Reyrolle, minn naħa, u SEHV u Magrini, min-naħa l-oħra, jinżammu responabbli in solidum għal ammont li ma għandu ebda relazzjoni mal-perijodu tal-parteċipazzjoni komuni tagħhom fl-akkordju, fil-kwalità tagħhom ta’ sussidjarji tal-grupp VA Tech, u lanqas il-fatt li l‑parteċipazzjoni waħedha ta’ Reyrolle matul għaxar snin, qabel ix-xiri mill-ġdid tagħha minn VA Technologie, ma jirriżultax f’ammont li għandha ġġarrab waħedha, u lanqas il-fatt li Siemens Österreich u KEG ma nżammewx responsabbli in solidum għal parti mill-multa ta’ SEHV u ta’ Magrini. Barra minn dan, skont il-Kummissjoni, l-indikazzjonijiet mogħtija, fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-perijodi ta’ responsabbiltà in solidum ma għandhomx jinftiehmu bħala li jikkostitwixxu b’mod definittiv ir-responsabbiltajiet in solidum, fis-sens ta’ dejn in solidum. Fil-fatt, meta hija, fl-imsemmija premessa 468, ittrattat ir-reponsabbilità personali ta’ Reyrolle għall-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ April 1988 u l‑20 ta’ Settembru 1988, ġiet eskluża biss il-possibbiltà li tinstab responsabbiltà in solidum għal raġunijiet oħra minbarra l-eżistenza ta’ entità ekonomika, peress li responsabbiltà in solidum waħedha mal-kumpanniji parent tagħhom ma hijiex applikabbli għal dan il-perijodu. Il-Kummissjoni tqis li, finalment, id-debituri in solidum huma totalment liberi fid-distribuzzjoni interna tal-ammont totali tal-multa, u din hija ta’ vantaġġ għalihom.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Fuq il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet
122 Hemm lok jitfakkar, qabel kollox, li, skont il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, persuna, fiżika jew ġuridika, għandha tiġi ssanzjonata biss għall-fatti li tkun akkużata bihom individwalment (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 63), prinċipju li huwa applikabbli f’kull proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità fuq il-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il‑Kummissjoni, T‑304/02, Ġabra p. II‑1887, punt 118). Madankollu, dan il-prinċipju għandu jiġi kkonċiljat mal-kunċett ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, kif interpretat mill-ġurisprudenza. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-kunċett ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 81 KE, jinkludi entitajiet ekonomiċi li kull waħda minnhom tikkonsisti f’organizzazzjoni unitarja ta’ elementi personali, tanġibbli u intanġibbli, li jfittxu għan ekonomiku speċifiku fuq medda ta’ żmien u li jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ ksur tat-tip imsemmi f’dik id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T‑9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni jirrikonoxxi li kumpanniji differenti li jappartjenu lill-istess grupp jikkostitwixxu entità ekonomika, u għaldaqstant impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, jekk il-kumpanniji sussidjarji tal-grupp ma jiddeterminawx b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-setenza tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Settmebru 2003, Michelin vs Il‑Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 290).
123 Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda d-dikjarazzjoni ta’ Siemens Österreich u ta’ KEG li l-fatt li impriża li tipparteċipa fi ksur hija kkostitwita minn numru ta’ kumpanniji differenti ma jwassalx għar-riżultat li dawn tal-aħħar għandhom jiġu ttrattati bħala parteċipant wieħed fil-ksur. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni tirriżulta minn konfużjoni bejn il-kunċett ta’ impriża u dak ta’ kumpannija u ma ssib ebda sostenn fil-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti.
124 Bl-istess mod, jeħtieġ jiġi miċħud l-argument ta’ Reyrolle, ta’ SEHV u ta’ Magrini, li jinsab fil-punt 108 iktar ’il fuq, li l-applikazzjoni retroattiva, mill-Kummissjoni, tal-kunċett ta’ unità ekonomika, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, twassal għal aggravar tas-sanzjoni u, għaldaqstant, tikser l-Artikolu 7(1) tal-KEDB, li ma għandhiex tingħata piena ikbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta jkun seħħ il-ksur. Fil-fatt, il-prassi tal-Kummissjoni li tikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża – u għaldaqstant, jekk ikun il-każ, tad-dħul mill-bejgħ akkumulat mill-kumpanniji kollha li jifformaw din l-impriża – kienet uniformi matul iż-żmien u għandha għalhekk tkun magħrufa mill-atturi ekonomiċi. Barra minn dan, ir-rikorrenti komplew jipparteċipaw fil-ksur wara amalgamazzjoni li wassal għal żieda fid-dħul mill-bejgħ tal-impriża. Huma ma jistgħux għaldaqstant jeżiġu lill-Kummissjoni tittrattahom bħallikieku l-amalgamazzjoni qatt ma saret, peress li l-prinċipju li jgħid li huwa d-dħul mill-bejgħ tal-impriża u mhux dawk tal-kumpanniji li jikkostitwuha, meħuda b’mod iżolat, li huwa rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-multi kien applikabbbli matul il-perijodu ta’ funzjonament tal-akkordju u għalhekk ma ġiex applikat b’mod retroattiv.
125 Għandu jingħad ukoll li l-prassi stabbilita tal-Kummissjoni li tikkonsisti fit-teħid inkusiderazzjoni, għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi, tad-dħul mill-bejgħ li jikkonċerna l-aħħar sena sħiħa tal-ksur, ġiet aċċettata b’mod impliċitu mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punti 85 sa 87).
126 F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza li skontha l-portata dissważiva tal-multi hija waħda mill-elementi li permezz tagħhom għandha tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il‑Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 33, u tal-Qorti Ġenerali tat‑12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 45). Issa, in-natura dissważiva ta’ multa tiddependi ħafna fuq in-natura suffiċjentement sensibbli għall-impiża kkonċernata. Għaldaqsant, sabiex tkun tista’ titkejjel in-natura dissważiva ta’ multa fir-rigward ta’ impriża li tkun ipparteċipat fi ksur, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni eżistenti fi tmiem il-ksur u mhux dik li setgħet kienet teżisti f’mument preċedenti. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sitwazzjoni preċedenti jista’ jew iwassal għal multa ta’ ammont baxx wisq sabiex tkun suffiċjentement dissważiva, fl-ipoteżi fejn id-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata jkun żdied fil-frattemp, jew jista’ jwassal għal multa ta’ ammont iktar għoli milli hemm bżonn sabiex tkun dissważiva, fl-ipoteżi fejn id-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata jkun naqas fil-frattemp.
127 Fit-tieni lok, ma jkunx possibbli u għal kollox eċċessiv, fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tar-rekwiżiti tal-ekonomija proċedurali, li l-Kummissjoni tintalab tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi inkwistjoni matul il-perijodu kollu tal-funzjonament ta’ akkordju. Tali approċċ ikun jimplika, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, li jiġi kkalkolat l-ammont inizjali tal-multa speċifiku għal kull sena ta’ sħubija fl-akkordju u, għal dan il-għan, li jiġu ddeterminati l-ishma rispettivi tal-parteċipanti għal kull sena tal-ksur.
128 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ Siemens Österreich u ta’ KEG, li jinsab fil-punt 110 iktar ’il fuq, li l-approċċ segwit mill-Kummissjoni, ikkaratterizzat mill-fatt li l-multa ġiet imposta fuqhom billi ttieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-grupp VA Tech għas-sena 2003 u mhux tad-dħul mill-bejgħ, iktar affidabbli, ta’ wara l-akkwist ta’ SEHV u ta’ Magrini, jirriżulta f’eżaġerazzjoni tal-piż ekonomiku tagħhom fl-akkordju.
129 Bl-istess mod, hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ Siemens Österreich u ta’ KEG, li jinsab fil-punt 112 iktar ’il fuq, li l-imsemmi approċċ tal-Kummissjoni jmur kontra l-prinċipju ta’ sanzjoni li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni individwali ta’ kumpannija għall-fatti allegati u l-prinċipju ta’ ħtija. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, mill-premessa 468(c) tagħha, u mill-premessa 507 tagħha jirriżulta li l-imsemmija rikorrenti ma nżammewx responsabbli biss għall-perijodu li matulu huma pparteċipaw fl-akkordju, permezz tas-sussidjarji tagħhom, jiġifieri, inizjalment Reyrolle u sussegwentment, mill‑2001, ukoll permezz ta’ SEHV u Magrini.
130 Fir-rigward tal-argument ta’ Siemens Österreich u ta’ KEG, li jinsab ukoll fil-punt 112 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni tippreżumi, b’mod żbaljat, li VA Technologie kienet taf jew suppost kienet taf, fil-mument tal-akkwist ta’ Reyrolle u tal-istabbilment ta’ VAS, bil-parteċipazzjoni ta’ Reyrolle fl-akkordju, jeħtieġ li jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ raġonevolment tippreżumi li kumpannija li tkun 100 % sussidjarja ta’ kumpannija parent tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet mogħtija lilha minn din tal-aħħar u li din il-preżunzjoni timplika li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tivverifika jekk il-kumpannija parent effettivament eżerċitatx din is-setgħa (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2006, Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, T‑330/01, Ġabra p. II‑3389, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-imputazzjoni lill-kumpannija parent tal-aġir ta’ kumpannija li tkun 100 % sussidjarja għalhekk ma tippreżumix il-prova li l-kumpannija parent kellha għarfien dwar l-aġir tas-sussidjarja. B’mod kuntrarju huwa l-obbligu tal-kumpannija parent, meta tikkunsidra li minkejja s-sehem 100 % tagħha fil-kapital tas-sussidjarja tagħha, din tal-aħħar tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, li tirribatti din il-preżunzjoni billi tipprovdi provi suffiċjenti lill-Kummissjoni (ara s-sentenza Akzo Nobel vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83, u l-ġurisprudenza ċċitata).
131 F’dan il-każ, il-kwistjoni dwar jekk VA Technologie kinitx taf, fil-mument tal-akkwist ta’ Reyrolle fl‑1998, bl-implikazzjoni ta’ din tal-aħħar fl-akkordju ma għandha għaldaqstant ebda rilevanza, peress li Siemens Österreich u KEG ma kkontestawx, quddiem il-Qorti Ġenerali, li Reyrolle, kumpannija 100 % sussidjarja tal-grupp VA Tech sa mill‑1998, kienet tapplika essenzjalment l-istruzzjonijiet tiegħu u ma kinitx tiddetermina b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq. Konsegwentement, il-fatt li Kummissjoni setgħet ikkunsidrat b’mod żbaljat li VA Technologie kellha tali għarfien ma jistax jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata.
132 Barra minn dan, fir-rigward tal-istabbilment ta’ VAS fl‑2001, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li VA Technologie kellha dak iż-żmien għarfien dwar il-parteċipazzjoni fl-akkordju kemm ta’ Reyrolle li qabel kienet sussidjarja tagħha kif ukoll tal-kumpanniji sussidjarji l-ġodda tagħha SEHV u Magrini. Fil-fatt, il-Kummissjoni spjegat fil-premessi 454 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, li diversi persuni rappreżentanti tal-impriża VA Tech waqt laqgħat tal-akkordju okkupaw simultanjament postijiet ta’ tmexxija kemm fi ħdan is-sussidjarji Reyrolle, SEHV u Magrini kif ukoll fi ħdan il-kumpanniji parent tagħhom, jiġifieri, VA Technologie u VAS – li Siemens Österreich tiżgura s-suċċessjoni legali tagħhom – kif ukoll KEG. Issa, Siemens Österreich u KEG ma kkontestawx dawn il-konstatazzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali.
133 Hemm lok għaldaqstant li jiġi miċħud dan l-argument.
134 Fl-aħħar nett, peress li l-entità li wettqet ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE hija l-impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, li ma għandhiex, bħala tali, personalità ġuridika, il-Kummissjoni għandha, fid-deċiżjoni li tissanzjona dan il-ksur u li timponi multi, tiddetermina l-kumpanniji individwali, fi ħdan l-impriża, li lilhom għandha tkun indirizzata d-deċiżjoni u li jkollhom iwieġbu, għan-nom tal-impriża, għall-ħlas tal-multi. B’hekk il-multi individwali imposti fuq il-kumpanniji differenti li jifformaw parti mill-impriża għandhom, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġu kkalkolati abbażi tas-saħħa ekonomika u għalhekk tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża u mhux abbażi tas-saħħa ekonomika tal-kumpanniji individwali.
135 F’dan il-każ, il-Kummissjoni qabel kollox spjegat, fil-premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suġġett tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kien l-impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju, kunċett li ma għandux jiġi konfuż ma’ dak ta’ persuna ġuridika fid-dritt kummerċjali, fid-dritt tal-kumpanniji jew fid-dritt fiskali nazzjonali. Madankolli, peress li d-deċiżjoni li tissanzjona ksur ta’ dawn l-artikoli għandha tiġi indirizzata lil persuni ġuridiċi, il-Kummissjoni għandha tidentifika, fi ħdan impriżi kkonċernati, il-persuni ġuridiċi destinatarji tad-deċiżjoni. Sussegwentement, fil-premessa 335 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li l-kumpanniji parent li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-aġir kummerċjali ta’ sussidjarja jistgħu jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq mis-sussidjarja li madankollu ma teżentax din tal-aħħar mir-responsabbiltà tagħha stess. Ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent għaldaqstant tiżdied ma’ dik tas-sussidjarja. Dawn il-premessi jieħdu totalment inkunsiderazzjoni l-prinċipji ddikjrati fil-punti 122 u 134 iktar ’il fuq.
136 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ Reyrolle, ta’ SEHV u ta’ Magrini, li jinsab fil-punt 106 iktar ’il fuq, ibbażat fuq il-kontradizzjoni tal-impożizzjoni ta’ multa bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ totali tal-grupp VA Tech mal-approċċ li s-sussidjarji differenti tal-grupp jinżammu individwalment responsabbli għall-ksur.
– Fuq il-kumpanniji differenti li lihom jista’ jiġi imputat l-aġir tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju u l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-ħlas in solidum tal-multi
137 Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġu ddeterminati l-kumpanniji differenti li lihom jista’ jiġi imputat l-aġir tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju. Fit-tieni lok, sejjer jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkalkoltax b’mod korrett l-ammont tal-multi li għandu jiġi impost fuq ir-rikorrenti u, b’mod partikolari, jekk hija ddeterminatx b’mod korrett l-ammonti li dawn għandhom iħallsu in solidum. Peress li dan l-eżami jikkonċerna b’mod partikolari l-koerenza interna tad-deċiżjoni kkontestata, jeħtieġ, f’dan l-istadju, li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur ikkunsidrat mill-Kummissjoni nnifisha, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, u, b’mod partikolari, d-data tal‑1 ta’ April 2002 u mhux ta’ dik tal‑1 ta’ Lulju 2002 (ara l-punti 72 u 82 iktar ’il fuq) bħala d-data li fiha l-impriża VA Tech reġgħet bdiet tipparteċipa fl-akkordju.
138 Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-determinazzjoni tal-kumpanniji differenti li lilhom jista’ jiġi imputat l-aġir tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju, qabel kollox jeħtieġ li jitfakkar li ma huwiex ikkontestat li Reyrolle, SEHV u Magrini ma kinux jiddeterminaw b’mod awtonomu l-aġir tagħhom fis-suq, fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tal-impriża VA Tech fl-akkordju. Kif jirriżulta mill-punt 1 iktar ’il fuq, din tikkonċerna, għal Reyrolle, il-perijodu li jibda fl‑20 ta’ Settembru 1998, id-data tal-akkwist tagħha minn VA Technologie u, għal SEHV u Magrini, il-perijodu ta’ wara t‑13 ta’ Marzu 2001, id-data tal-istabbiliment ta’ VAS. Il-Kummissjoni ddeduċiet minn dan, fid-deċiżjoni kkontestata, li matul l-imsemmija perijodi, Reyrolle, SEHV u Magrini jienu jifformaw, flimkien ma’ VA Technologie u VAS (assorbita fl‑2006 minn Siemens Österreich) kif ukoll flimkien ma’ KEG, waħda u l-istess impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, u dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.
139 Sussegwentement, bħalma għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jitfakkar li l-entitajiet ġuridiċi li pparteċipaw fuq bażi individwali fil-ksur u li, sussegwentement, ġew akkwistati minn kumpannija oħra jibqgħu responsabbli huma stess għall-aġir illegali ta’ qabel l-akkwist tagħhom, meta dawn ma jkunux ġew purament u sempliċiment assorbiti mill-akkwirent, iżda komplew l-attivitajiet tagħhom bħala sussidjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punti 78 sa 80). F’tali każ, l-akkwirent ikun jista’ jinżamm responsabbli biss għall-aġir tas-sussidjarja tiegħu sa mill-akkwist tagħha, jekk is-sussidjarja tkompli bil-ksur u jekk tkun tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-kumpannija parent il-ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punti 37 sa 39).
140 F’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ Reyrolle, minn naħa, u ta’ Siemens Österreich kif ukoll ta’ KEG, min-naħa l-oħra, tixbah it-tieni sitwazzjoni msemmija fil-punt 139 iktar ’il fuq, peress li Reyrolle qabel kollox ipparteċipat fil-ksur fuq bażi individwali u sussegwentement, sa mill-20 ta’ Settembru 1998, kompliet l-attività illegali tagħha bħala sussidjarja tal-grupp VA Tech (ara l-punt 1 iktar ’il fuq).
141 Barra minn dan, l-istess prinċipju għandu japplika, mutatis mutandis, fl-ipoteżi fejn, wara l-akkwist tagħha, il-kumpannija akkwistata tipparteċipa fil-ksur mhux fuq bażi individwali, iżda bħala sussidjarja ta’ grupp ieħor bħal ma ġara fil-każ ta’ SEHV u Magrini li, qabel ma saru parti mill-impriża VA Tech, kienu jifformaw parti mill-impriża li tappartjeni lill-grupp Schneider (iktar ’il quddiem l-“impriża Schneider”), sat‑13 ta’ Marzu 2001.
142 F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li 60 % mill-ishma f’Reyrolle, f’SEHV u f’Magrini kienu miżmuma mill-grupp VA Tech, mit‑13 ta’ Marzu 2001, permezz ta’ VAS. Il-Kummissjoni spjegat fil-premessi 454 u 455 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr oġġezzjoni mir-rikorrenti, li hija kienet tikkunsidra li VA Technologie u KEG kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq l-aġir kummerċjali ta’ Reyrolle, SEHV u Magrini, permezz tas-sehem tagħhom ta’ 60 % fil-kapital ta’ VAS. Minn dan hija waslet għall-konklużjoni li, bejn it‑13 ta’ Marzu 2001, id-data tal-istabbiliment ta’ VAS, u l‑11 ta’ Mejju 2004, id-data tat-tmiem tal-akkordju, Siemens Österreich u KEG jew il-predeċessuri legali tagħhom kienu jifformaw waħda u l-istess impriża flimkien mas-sussidjarji Reyrolle, SEHV u Magrini. B’mod partikolari, mill-premessi 423, 424, 450 u 467 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li r-responsabbiltà ta’ Schneider Electric għall-parteċipazzjoni tas-sussidjarji antiki tagħha SEHV u Magrini kienet spiċċat mal-istabbiliment ta’ VAS, fit-13 ta’ Marzu 2001, minkejja l-fatt li hija kien għad għandha, sa Ottubru 2004, 40 % tal-kapital ta’ din tal-aħħar.
143 Mill-applikazzjoni tal-prinċipju ddikjarat fil-punt 139 iktar ’il fuq jirriżulta li SEHV u Magrini jkomplu jwieġbu huma stess għall-aġir illegali tagħhom li jippreċedi t-teħid ta’ kontroll, fit-13 ta’ Marzu 2001, mill-grupp VA Tech. Barra minn dan, peress li, qabel dik id-data, dawn il-kumpanniji kienu jifformaw parti minn impriża differenti, ma’ Schneider Electric, din tal-aħħar għandha tinżamm responsabbli in solidum flimkien magħhom fir-rigward ta’ dak il-perijodu.
144 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm lok li ssir distinzjoni bejn erba’ perijodi differenti:
– fl-ewwel lok, matul il-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ April 1988 u l‑20 ta’ Settembru 1998, Reyrolle twieġeb waħedha għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju; fil-fatt, fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha ta’ dak iż-żmien, Rolls-Royce, il-ksur huwa preskritt;
– fit-tieni lok, matul il-perijodu ta’ bejn il-15 ta’ April 1988 u t-13 ta’ Diċembru 1998, SEHV u Magrini jwieġbu in solidum għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju flimkien ma’ Schneider Electric, il-kumpannija parent tagħhom f’dak iż-żmien;
– fit-tielet lok, matul il-perijodu mill‑20 ta’ Settembru 1998 sat‑13 ta’ Diċembru 2000, Reyrolle twieġeb in solidum għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju flimkien ma’ Siemens Österreich, suċċessur legali ta’ VA Technologie, il-kumpannija parent tagħha f’dak iż-żmien;
– fir-raba’ lok, matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Lulju 2002 (l-1 ta’ April skont id-deċiżjoni kkontestata) u l‑11 ta’ Mejju 2004, Reyrolle, SEHV u Magrini jwieġbu in solidum għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju flimkien mal-kumpanniji parent tagħhom KEG u Siemens Österreich, suċċessur legali tal-kumpanniji parent antiki tagħhom, jiġifieri VAS u VA Technologie.
145 Issa, effettivament, skont il-prinċipju ddikjarat fil-punti 139 sa 143 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 449 sa 451 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Reyrolle fil-ksur, li din għandha tinżamm responsabbli waħedha għal din il-parteċipazzjoni għall-perijodu li jippreċedi l-akkwist tagħha mill-grupp VA Tech, jiġifieri mill-15 ta’ April 1988 sal-20 ta’ Settembru 1998, li Siemens Österreich u KEG għandhom jinżammu responsabbli in solidum ma’ Reyrolle, għal din il-parteċipazzjoni sa mill-akkwist tagħha mill-grupp VA Tech jiġifieri mill‑20 ta’ Settembru 1998 sat‑13 ta’ Diċembru 2000 u mill‑1 ta’ April 2002 sal‑11 ta’ Mejju 2004 u li SEHV u Magrini, sussidjarji oħra tal-grupp VA Tech li pparteċipaw fil-ksur, kellhom jinżammu responsabbli in solidum għal dik il-parteċipazzjoni għall-perijodu mill‑1 ta’ April 2002 sal‑11 ta’ Mejju 2004.
146 Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ SEHV u ta’ Magrini, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 465 tad-deċiżjoni kkontestata, li Schneider Electric għandha tinżamm responsabbli in solidum, flimkien magħhom, għal din il-partecipazzjoni għall-perijodu mill‑15 ta’ April 1988 sat‑13 ta’ Diċembru 2000 u, fil-premessa 467 tad-deċiżjoni kkontestata, li Siemens Österreich u KEG kellhom jinżammu responsabbli in solidum, flimkien magħhom, għal dik il-parteċipazzjoni fil-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ April 2002 u l‑11 ta’ Mejju 2004.
147 Il-Kummissjoni għaldaqstant ġustament ikkunsidrat, fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata:
“Għaldaqstant:
a) [Reyrolle] għandha tinżamm responsabbli waħedha għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur mill‑15 ta’ April 1988 sal‑20 ta’ Settembru 1998;
b) [SEHV] u [Magrini] għandhom jinżammu responsabbli in solidum flimkien ma’ [Schneider Electric] mill‑15 ta’ April 1988 sat‑13 ta’ Diċembru 2000;
c) [Siemens Österreich u KEG] għandhom jinżammu responsabbli in solidum mill-20 ta’ Settembru 1998 sat‑13 ta’ Diċembru 2000 u mill‑1 ta’ April 2002 sal‑11 ta’ Mejju 2004 (sat‑13 ta’ Diċembru 2000, in solidum ma’ [Reyrolle] u, mill‑1 ta’ April 2002, ukoll in solidum ma’ [SEHV] u [Magrini]).”
148 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq il-kumpanniji differenti li lilhom jista’ jiġi imputat l-aġir tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju u, b’mod partikolari, tal-iffissar tal-ammonti li dawn għandhom iħallsu in solidum, jeħtieġ jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni osservatx il-prinċipji ddikjarati iktar ’il fuq, fil-punti 122, 134, 139, 141 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll il-programm li ffissat hija stess fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata.
149 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li r-responsabbiltà in solidum bejn kumpanniji għall-ħlas tal-multi pagabbli minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE huwa effett ġuridku li jirriżulta, ex lege, mid-dispożizzjonijiet materjali ta’ dawn l-artikoli.
150 Skont il-ġurisprudenza, meta diversi persuni jistgħu jinżammu personalment responsabbli għall-parteċipazzjoni fi ksur minn waħda u l-istess impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala responsabbli in solidum għall-imsemmi ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, punt 41, u tas‑16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punti 33 u 34; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni, T‑339/94 sa T‑342/94, Ġabra p. II‑1727, punti 42 sa 44; HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 54, 524 u 525; Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 62, u tat‑12 ta’ Diċembru 2007, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, T‑112/05, Ġabra p. II‑5049, punti 57 sa 62).
151 L-uniformità tal-aġir tal-impriża fis-suq tiġġustifika, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni, li l-kumpanniji jew, b’mod iktar ġenerali, is-suġġetti tad-dritt li jistgħu jinżammu personalment responsabbli, ikunu obbligati in solidum (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il‑Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 41, u tal‑14 ta’ Lulju 1972, Geigy vs Il‑Kummissjoni, 52/69, Ġabra p. 787, punt 45; sentenzi HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 54, 524 u 525, u Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 62). Ir-responsabbiltà in solidum tal-multi imposti għal ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, sa fejn dan jikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat il-ħlas effettiv tal-imsemmija multi, jifforma parti mill-għan ta’ dissważjoni li huwa b’mod ġenerali mfittex mid-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il‑Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 172 u 173, u tad‑29 ta’ Ġunju 2006, Showa Denko vs Il‑Kummissjoni, C‑289/04 P, Ġabra p. I‑5859, punt 61), u dan b’osservanza tal-prinċipju ne bis in idem, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa wkoll stabbilit mill-Artikolu 4 tal-protokoll Nru 7 tal-KEDB, li jipprojbixxi, li l-istess aġir ta’ impriża fis-suq jiġi ssanzjonat iktar minn darba għall-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, permezz tas-suġġetti tad-dritt li jistgħu jinżammu personalment responsabbli għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 338; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punti 95 sa 99, u tat‑13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il‑Kummissjoni, T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987, punt 340).
152 Il-fatt li r-responsabbiltajiet personali assunti minn diversi kumpanniji minħabba l-parteċipazzjoni tal-istess impriża fi ksur ma humiex identiċi u lanqas ma huma ta’ ostakolu għall-impożizzjoni fuqhom ta’ multa pagabbli in solidum peress li l-ħlas in solidum tal-multa jkopri biss il-perijodu ta’ ksur li matulu dawn kienu jifformaw unità ekonomika u kienu għaldaqstant jikkostitwixxu impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni.
153 F’dan ir-rigward, b’mod kuntrarju għal dak li tippretendi l-Kummissjoni fil-kuntest tal-argument li jinsab fil-punt 121 iktar ’il fuq, hija ma tistax tiddetermina liberament l-ammonti pagabbli in solidum. Fil-fatt, mill-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, kif deskritt fil-punt 122 iktar ’il fuq, jirriżulta li kull kumpannija għandha tkun tista’ tiddeduċi mid-deċiżjoni li timponi multa fuqha pagabbli in solidum ma’ kumpannija jew iktar, is-sehem li hija ser ikollha tħallas fir-relazzjoni mal-ko-debituri in solidum tagħha, ladarba dan ma jkunx sar mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tippreċiża l-perijodi li matulhom il-kumpanniji kkonċernati huma (ko)responsabbli għal aġir illegali ta’ impriżi li pparteċipaw fl-akkordju u, fejn xieraq, il-livell ta’ responsabbiltà tal-imsemmija kumpanniji għal dan l-aġir.
154 Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni konstatazzjonijiet li hija għamlet, fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-perijodi ta’ responsabbiltà komuni tal-kumpanniji differenti li jifformaw parti mill-impriża VA Tech sabiex tiffissa l-ammonti pagabbli in solidum minn dawk il-kumpanniji. Dawn l-ammonti għandhom jirriflettu, kemm jista’ jkun, il-piż tal-partijiet differenti tar-responsabbiltà li jikkondividu l-imsemmija kumpanniji, kif identifikati fl-imsemmija premessa.
155 Għandu jingħad ukoll li, bl-istess mod bħall-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, li għandu effett ex lege (ara l-punti 150 u 151 iktar ’il fuq), il-kunċett ta’ “ħlas in solidum ta’ multi” huwa kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’referenza għall-għanijiet u għas-sistema tad-dritt tal-kompetizzjoni li fiha hija tipparteċipa, u, jekk ikun il-każ, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mit-totalità tas-sistemi tad-dritt nazzjonali. B’mod partikolari, minkejja li n-natura tal-obbligu ta’ ħlas fuq il-kumpanniji li l-Kummissjoni imponiet fuqhom multi pagabbli in solidum, minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni Komunitarju, hija differenti minn dik ta’ kodebituri ta’ obbligu tad-dritt privat, hemm lok li tittieħed ispirazzjoni, b’mod partikolari, mis-sistema legali tal-obbligu in solidum.
156 Għalhekk, id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni timponi fuq diversi kumpanniji l-obbligu li jħallsu in solidum multa neċessarjament tipproduċi l-effetti kollha marbuta, ex lege, mas-sistema legali tal-ħlas tal-multi fid-dritt tal-kompetizzjoni, u dan kemm fir-relazzjonijiet bejn il-kreditur u l-kodebituri in solidum kif ukoll fir-relazzjonijiet tal-kodebituri in solidum bejniethom.
157 Għaldaqstant huwa l-obbligu esklużiv tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha li timponi multi, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li tiddetermina s-sehem rispettiv tal-kumpanniji differenti fl-ammonti li huma kkundannati jħallsu in solidum, sa fejn dawn kienu jifformaw parti mill-istess impriża, u b’mod kuntrarju għal dak li ssuġġeriet il-Kummissjoni waqt is-seduta, dan il-kompitu ma jistax jitħalla f’idejn il-qrati nazzjonali.
158 Hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja fid-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni timponi multa pagabbli in solidum fuq diversi kumpanniji minħabba aġir illegali ta’ impriża, din tattribwilhom responsabbiltà indaqs għall-imsemmi aġir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il‑Kummissjoni, C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punti 100 u 101). Il-kumpanniji li fuqhom tiġi imposta multa pagabbli in solidum u li jinkorru, sakemm ma ssirx indikazzjoni kuntrarja fid-deċiżjoni li timponi l-multa, responsabbiltà indaqs għat-twettiq tal-ksur għandhom, bħala prinċipju, jikkontribwixxu f’partijiet indaqs għall-ħlas tal-multa imposta minħabba dan il-ksur. Konsegwentement, il-kumpannija li, wara li tkun ġiet eventwalment investigata mill-Kummissjoni, tħallas l-ammont kollu tal-multa tista’, abbażi tal-istess deċiżjoni tal-Kummissjoni, tipproċedi kontra l-kodebituri in solidum tagħha għall-irkupru tal-parti rispettiva tagħhom. Għalhekk għalkemm, id-deċiżjoni li fiha tkun ġiet imposta fuq diversi kumpanniji multa pagabbli in solidum ma tippermettix li tiġi ddeterminata, a priori, liema minn dawn il-kumpanniji għandha effettivament tintalab tħallas l-ammont tal-multa lill-Kummissjoni, din ma tħalli madankollu ebda dubju dwar l-ishma tal-ammont tal-multa pagabbli minnhom, b’tali mod li kull waħda minnhom tista’, jekk ikun il-każ, tipproċedi kontra l-kodebituri in solidum tagħha għall-irkupru tas-somom li hija kellha tħallas minbarra sehemha.
159 Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li, fi ħdan l-impriża VA Tech, ċerti kumpanniji huma iktar responsabbli minn oħrajn għall-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju waqt perijodu speċifiku, hemm lok li wieħed jassumi li huma għandhom responsabbiltà indaqs u, għaldaqstant, sehem indaqs fl-ammonti imposti fuqhom in solidum.
160 Issa, f’dan il-każ, jidher li l-kalkolu tal-ammont tal-multi individwali ta’ SEHV u ta’ Magrini u l-iffissar tal-ammonti li Siemens Österreich, KEG, Reyrolle, SEHV u Magrini u Schneider Electric għandhom iħallsu in solidum, kif jirriżultaw mill-premessi 505, 509 u 552 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll ir-riżultat li jinsab fl-Artikolu 2(j) sa (l) tal-imsemmija deċiżjoni, ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-prinċipji ddikjarati iktar ’il fuq u l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata.
161 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni żammet bħala responsabbli in solidum lil Reyrolle, minn naħa, u lil SEHV u Magrini, min-naħa l-oħra, għal ammont ta’ EUR 17 550 000 mill-multi li jammontaw għal EUR 22 050 000 li ġew imposti fuqhom rispettivament (premessi 509 u 552 u l-Artikolu 2(k) u (l)(i) tad-deċiżjoni kkontestata).
162 Issa, dawk it-tliet kumpanniji kienu jifformaw parti mill-istess impriża biss matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ April 2002 u l‑11 ta’ Mejju 2004, jiġifieri matul perijodu ta’ sentejn u xahar. Kif jirriżulta mill-premessi 507 u 509 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont totali tal-multa imposta fuq l-impriża VA Tech huwa ta’ EUR 12 600 000 għall-perijodu ta’ bejn l‑20 ta’ Settembru 1998 u l‑11 ta’ Mejju 2004, jiġifieri perijodu ta’ erba’ snin u erba’ xhur u għalhekk iktar minn darbtejn itwal meta mqabbel mal-perijodu msemmi iktar ’il fuq. Għaldaqstant, anki li kieku kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-multi imposti fuq il-kumpanniji differenti fi ħdan l-impriża li pparteċipaw fl-akkordju ma għandhomx ikunu proporzjonali mat-tul tal-ksur (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 181 iktar ’il fuq), l-ammont ta’ EUR 17 550 000, li għalihom iwieġbu s-sussidjarji SEHV u Magrini in solidum flimkien ma’ Reyrolle, jeċċedi b’mod manifest l-ammont li, abbażi ta’ konstatazzjonijiet stess tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, huwa adegwat sabiex jissanzjona l-parteċipazzjoni ta’ SEHV u ta’ Magrini fl-akkordju, bħala sussidjarji tal-grupp VA Tech, bejn l‑1 ta’ April 2002 u l‑11 ta’ Mejju 2004.
163 Fit-tieni lok, mill-ammont totali ta’ EUR 22 050 000 tal-multa imposta fuq Reyrolle mill-Kummissjoni, l-ammont ta’ EUR 12 600 000 huwa pagabbli in solidum ma’ Siemens Österreich u KEG u l-ammont ta’ EUR 17 550 000 huwa pagabbli in solidum minn SEHV u Magrini (premessi 509 u 552 u l-Artikolu 2(l)(i) u (ii) tad-deċiżjoni kkontestata).
164 Issa, minn naħa, is-somma tal-ammonti pagabbli minn Reyrolle in solidum ma’ kumpanniji oħra teċċedi b’mod evidenti l-ammont totali tal-multa tagħha. Għalkemm din ma tistax twassal, kif enfasizzat il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, għar-riżultat li Reyrolle tinżamm responsabbli għall-ħlas ta’ somma li teċċedi l-ammont ta’ EUR 22 050 000, tali ffissar tal-ammonti pagabbli in solidum ma jippermettix lir-rikorrenti jiddeduċu mid-deċiżjoni kkontestata s-sehem li huma għandhom iħallsu fir-relazzjoni ta’ bejniethom, ladarba dan ma jkunx sar mill-Kummissjoni, u dan bi ksur tal-obbligu tal-Kummissjoni ddikjarat fil-punt 153 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni ġustament iddikjarat fil-premessa 468(a) tad-deċiżjoni kkontestata, ma ġietx imposta fuq Reyrolle parti mill-multa tagħha bħala unika responsabbli, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l‑1988 u l‑1998, li matulu hija pparteċipat waħedha fil-ksur.
165 Fit-tielet lok, mit-tabella li tinsab fil-premessa 509, kif ukoll mill-Artikolu 2(l) tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li Siemens Österreich u KEG ma nżammewx responsabbli in solidum għal parti mill-multa imposta fuq SEHV u fuq Magrini, b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni ġustament iddikjarat fil-premessa 468(c), in fine, tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ sentejn u xahar li matulu dawk l-kumpanniji kienu jifformaw parti mill-istess impriża.
166 Hemm lok li jiġi konkluż li, billi żammet lil Reyrolle, SEHV u Magrini responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa f’ammont li jeċċedi b’mod ċar ir-responsabbilità komuni tagħhom, billi ma żammitx lil Siemens Österreich u KEG responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq SEHV u fuq Magrini u billi ma żammitx lil Reyrolle responsabbli waħedha għal parti mill-multa imposta fuqha, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet, kif iddikajarat fil-punt 122 iktar ’il fuq.
167 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq SEHV u fuq Magrini u sa fejn dan jikkonċerna l-iffissar tal-multi pagabbli in solidum mir-rikorrenti.
– Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ Reyrolle, ta’ SEHV u ta’ Magrini meta ġie applikat l-ammont inizjali tal-impriża VA Tech fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar
168 Reyrolle, SEHV u Magrini jsostnu li, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom, il-fatt li l-Kummissjoni tapplika fir-rigward tagħhom l-ammont inizjali stabbilit għall-impriża VA Tech iwassal sabiex jiġu imposti fuqhom multi ta’ ammont sproporzjonat meta mqabbel mal-importanza tal-kontribuzzjoni tagħhom fl-akkordju.
169 L-argument invokat minn Reyrolle (ara l-punt 109 iktar ’il fuq) huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, meta applikat fil-konfront tagħha l-ammont inizjali tal-multa ffissat għall-impriża VA Tech, il-kapaċità limitata tagħha li tippreġudika l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, li tirriżulta mil-limitazzjoni tal-attivitajiet tagħha, matul iż-żmien tal-ftehim GQ fir-Renju Unit u fl-Irlanda.
170 F’dan ir-rigward, jeħtieġ jitfakkar li, fil-każ ta’ akkordju ta’ skala dinjija li jinkludi, minbarra l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-swieq, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ dinji magħmul mill-bejgħ tal-prodott inkwistjoni, sabiex tesprimi, f’termini ta’ ammonti inizjali, in-natura tal-ksur, l-inċidenza reali fis-suq kif ukoll il-firxa tas-suq ġeografiku, fid-dawl tad-diskrepanza fid-daqs bejn il-membri fl-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punti 197 u 198, u tas‑27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punt 87).
171 F’dan il-każ, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi rrilevat li r-Renju Unit u l-Irlanda, meħuda flimkien, jikkostitwixxu parti importanti tas-suq komuni. Preġudizzju kkważat fir-rigward tal-kompetizzjoni f’dawn is-swieq ma jistax għaldaqstant jiġi kkwalifikat bħala minuri. Jeħtieġ li jiġi osservat, fit-tieni lok, li l-ksur attribwit lir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata jinkludi preċiżament l-ilment li l-impriżi kkonċernati qasmu swieq nazzjonali differenti fuq il-livell Ewropew, permezz ta’ sistema ta’ “pajjiżi kostrutturi”. Għaldaqstant, il-fatt, fir-rigward ta’ Reyrolle li, skont tali ftehim illegali, hija limitat l-attivitajiet tagħha fi ħdan is-suq komuni għas-swieq domestiċi tagħha ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti. Fit-tielet lok, jeħtieġ jitfakkar li, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, il-parteċipanti fl-akkordju kienu huma stess ħadu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ dinji tagħhom, sabiex jiffissaw il-kwoti individwali tagħhom fi ħdan l-akkordju, kwoti li japplikaw kemm fuq il-livell Ewropew – minbarra “pajjiżi kostrutturi” – kif ukoll fuq il-livell dinji. B’hekk il-Kummissjoni kellha wkoll raġun, għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-piżijiet speċifiċi tal-impriżi differenti implikati, li tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ fuq il-livell dinji, li rriżulta mill-proġetti ta’ SIG.
172 Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ Reyrolle.
173 L-argument invokat minn SEHV u Magrini (ara l-punt 115 iktar ’il fuq) huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni stabbiliet l-ammont inizjali applikat fil-konfront ta’ Schneider fid-dawl tal-ishma miżmuma f’VAS. Peress li VA Technologie introduċiet diversi attivitajiet f’VAS li ma għandhom ebda rabta mal-akkordju, ir-relazzjoni li tirriżulta bejn l-ammonti inizjali tal-multa applikati fil-konfront tal-impriża VA Tech u tal-impriża Schneider ma tikkorrispondix għar-relazzjoni ta’ bejn id-dħul mill-bejgħ realizzat bil-proġetti ta’ SIG mis-sussidjarji li VA Technologie u Schneider Electric rispettivament introduċew f’VAS. Minn dan jirriżulta l-iffissar ta’ ammont inizjali baxx wisq fil-konfront tal-impriża Schneider meta mqabbel mal-ammont inizjali ffissat fil-konfront tal-impriża VA Tech.
174 SEHV u Magrini jsostnu li peress li l-attivitajiet introdotti minn VA Technologie f’VAS ma jippreżentaw l-ebda rabta mal-proġetti ta’ SIG, ma tistax tiġi ġġustifikata l-impożizzjoni fil-konfront tal-impriża VA Tech ta’ multa ikbar meta mqabbla ma’ dik tal-impriża Schneider. SEHV u Magrini jqisu li l-Kummissjoni jmissha qasmet l-ammont inizjali skont id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-proġetti ta’ SIG mis-sussidjarji antiki ta’ VAS jew inkella skont il-kwoti tagħhom fi ħdan l-akkordju, li jammontaw, skont it-tabella li tinsab fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata għal 2.79 % fir-rigward ta’ Reyrolle u għal 7.28 % fir-rigward ta’ SEHV u Magrini.
175 Hemm lok li jiġi rrilevat, fir-rigward tal-ammont inizjali applikat fil-konfront tal-impriża Schneider, li dan fil-fatt ma ġiex iffissat, bħal fil-każ tal-impriżi l-oħra, abbażi tad-dħul mill-bejgħ dinji rrealizzat matul is-sena 2003, bla dubju minħabba li l-Kummissjoni kkunsidrat li hija ma pparteċipatx iktar fl-akkordju matul dan il-perijodu. Kif inhu indikat fil-premessa 489 in fine tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont inizjali applikat fil-konfront tal-impriża Schneider ġie stabbilit għal 40 % tal-ammont inizjali stabbilit fil-konfront tal-impriża VA Tech, u dan peress li hija kellha sehem ta’ 40 % f’VAS, li kien jiġbor flimkien, sa mit‑13 ta’ Marzu 2001, it-totalità tal-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG tal-grupp VA Tech u tal-grupp Schneider. L-importanza ta’ dak is-sehem tagħti għaldaqstant idea tal-importanza relattiva tad-dħul mill-bejgħ rispettiv magħmul minn Reyrolle, minn naħa, u minn SEHV u Magrini, min-naħa l-oħra, fil-mument tal-istabbiliment ta’ VAS.
176 L-argument ta’ SEHV u ta’ Magrini għandu jiġi miċħud għal tliet raġunijiet.
177 Fl-ewwel lok, l-ilment imqajjem jirrigwarda, essenzjalment, il-fatt li l-Kummissjoni żvantaġġat lil VA Technologie, KEG u Reyrolle, minn naħa, meta mqabbla ma’ Schneider Electric, SEHV u Magrini, min-naħa l-oħra. Issa, SEHV u Magrini ma għandhomx interess iqajjmu dan l-ilment. Fil-fatt, fl-ipoteżi li l-Qorti Ġenerali tilqa’ dan l-ilment u żżid, bħala konsegwenza, l-ammont inizjali tal-multa fil-konfront tal-impriża Schneider, dawn iġarrbu żieda fil-parti tal-multa imposta fuqhom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur matul il-perijodu li fih kienu jifformaw parti mill-impriża Schneider, mingħajr ma titnaqqas il-multa imposta fuqhom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur matul il-perijodu li fih kienu jifformaw parti mill-impriża VA Tech. SEHV u Magrini għaldaqstant jieħdu vantaġġ mill-iżball li allegatament wettqet il-Kummissjoni u ma jistgħux, għal dan il-fatt, jiġu ammessi sabiex jikkontestawh quddiem il-Qorti Ġenerali. Għal din ir-raġuni, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.
178 Fit-tieni lok, għall-finijiet ta’ kompletezza, l-allegazzjoni li VA Technologie ġabet f’VAS attivitajiet importanti li ma għandhom ebda rabta mal-proġetti ta’ SIG ma hija ssostanzjata b’ebda prova. Barra minn dan, SEHV u Magrini lanqas ma jindikaw dwar liema attivitajiet qegħdin jirreferu, u lanqas liema piż relattiv huma kellhom fuq l-attivitajiet fil-qasam tas-SIG. Għaldaqstant hemm lok li jiġi miċħud ukoll dan l-argument għal din ir-raġuni.
179 Fit-tielet lok, il-kwoti individwali inizjali fi ħdan l-akkordju, kif imsemmija fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata u li fuqhom jibbażaw ruħhom SEHV u Magrini, ġew sussegwentement immodifikati. Għalhekk, il-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi tabella li fiha hemm indikata, għal perijodu mhux speċifikat, iżda li jiġi qabel it-teħid minn Alstom tal-attivitajiet fil-qasam ta’ SIG ta’ AEG fl‑1996, kwota ta’ 10.94 % għall-impriża Schneider u kwota ta’ 10.3 % għal Reyrolle. Lejn l-aħħar tal-ewwel fażi tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju, il-piż ta’ Reyrolle meta mqabbel ma’ dak ta’ SEHV u dak ta’ Magrini kien għalhekk iktar importanti, meta mqabbel maċ-ċifri indikati minn dawn tal-aħħar, li għandhom fi kwalunkwe każ jiġu miċħuda bħala żbaljati.
– Fuq iż-żieda minħabba t-tul tal-ksur
180 Minn naħa, Siemens Österreich u KEG isostnu, kif ġie spjegat fil-punt 111 iktar ’il fuq, li fir-rigward tat-tul tal-ksur attribwit lilhom, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom hija darbtejn ogħla minn dak fil-każ ta’ Reyrolle, jiġifieri, EUR 242 307 għal kull xahar ta’ ksur għal Siemens Österreich u KEG u EUR 124 576 għal kull xahar ta’ ksur għal Reyrolle.
181 Hemm lok li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, bħalma għamlet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha fil-Kawża T‑122/07, li d-dritt Komunitarju ma jeżiġix li l-multi imposti fuq kumpanniji differenti fi ħdan impriża waħda għandhom ikunu proporzjonali mat-tul tal-parteċipazzjoni attribwita lil kull waħda minn dawn il-kumpanniji. Barra minn dan, Siemens Österreich u KEG ma invokawx tali prinċipju, iżda sempliċement, minn naħa, allegaw prinċipju li l-multa imposta fuq il-kumpanniji parent miżmuma responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq mis-sussidjarji tagħhom u bbażata fuq l-influwenza deċiżiva li dawk tal-ewwel jeżerċitaw fuq l-aġir kummerċjali tat-tieni ma tistax tkun ikbar minn dik imġarrba mill-imsemmija sussidjarji, sabiex jikkritikaw, sussegwentement, il-fatt li l-multa ffissata fid-deċiżjoni kkontestata kienet għalihom ikbar, għal kull xahar ta’ parteċipazzjoni attribwit, milli għal Reyrolle, fir-rigward tal-perijodu li matulu huma kienu jikkontrollaw lil din tal-aħħar. Issa, peress li l-multi imposti fuq il-kumpanniji differenti fi ħdan l-istess impriża ma għandhomx għalfejn ikunu proporzjonali mat-tul tal-parteċipazzjoni attribwita lil kull waħda minn dawn il-kumpanniji, tali paragun bejn l-ammont f’Euro, għal kull xahar ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, applikat għal żewġ kumpanniji kkritikati b’parteċipazzjonijiet ta’ tul differenti ma jistax jiżvela inugwaljanza ta’ trattament.
182 Għaldaqstant, ma jidhirx li l-prassi tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-iffissar tal-multi b’mod mhux strettament proporzjonali mat-tul teċċedi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lilha mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il‑Kummissjoni, T‑150/89, Ġabra p. II‑1165, punt 59; tal‑11 ta’ Diċembru 1996, Van Megen Sports vs Il‑Kummissjoni, T‑49/95, Ġabra p. II‑1799, punt 53, u tal‑21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il‑Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra p. II‑1689, punt 127).
183 Min-naħa l-oħra, Siemens Österreich u KEG allegaw, f’dan ir-rigward, kontradizzjoni bejn id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u l-motivi invokati insostenn tiegħu. Issa, kif ukoll irrilevat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha fil-Kawża T‑122/07, jirriżulta b’mod impliċitu iżda b’mod ċar mil-linji gwida li l-multi kkalkolati abbażi tagħhom ma huma fl-ebda każ proporzjonali mat-tul tal-ksur. Bil-kontra, il-fatt li, bis-saħħa tal-punt 1 B, in fine, tal-linji gwida, l-ammont bażiku jirriżulta mill-għadd flimkien tal-ammont inizjali, stabbilit biss skont il-gravità tal-ksur, u taż-żieda abbażi tat-tul jimplika b’mod ċar li l-ammont għal kull xahar ta’ ksur ser jonqos matul iż-żmien, peress li l-piż relattiv tal-ammont inizjali, invarjabbli, f’dan l-għadd jonqos skont il-progress taż-żieda abbażi tat-tul. Sa fejn il-Kummisjoni indikat diversi drabi, fid-deċiżjoni kkontestata, li hija tikkalkola l-multi billi tapplika l-linji gwida tagħha, li jikkorrispondu, barra minn dan, mal-prassi stabbilita tagħha, ma jistax ikun hemm kontradizzjoni jew inkosistenza bejn id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata u l-motivi li jsostnuha, fir-rigward tan-natura digressiva matul iż-żmien tal-ammont tal-multa għal kull xahar.
184 Konsegwentement, jeħtieġ li dan l-argument jiġi miċħud.
– Fuq il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ
185 Kif ġie espost fil-punt 107 iktar ’il fuq, Reyrolle, SEHV u Magrini jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tirrispettax il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.
186 F’dan ir-rigward, jeħtieġ jitfakkar, qabel kollox, li ċ-ċirkustanza li skontha diversi kumpanniji jinżammu responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ multa peress li jifformaw impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE ma timplikax, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-limitu previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li l-obbligu ta’ kull waħda huwa limitat għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ li hija tkun għamlet matul l-aħħar sena finanzjarja. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-limitu ta’ 10 %, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni, għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji kollha li jikkostitwixxu l-entità ekonomika unika li jaġixxu bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE, peress li huwa biss id-dħul mill-bejgħ akkumulat tal-kumpanniji li jikkostitwixxu l-impriża li jista’ jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali HFB et vs Il‑Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punti 528 u 529, u Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, punt 150 iktar ’il fuq, punt 90).
187 B’mod kuntrarju għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Reoglament Nru 1/2003, ma huwiex għaldaqstant differenti mill-kunċett ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Għaldaqstant, lanqas ma hemm lok, fil-każ ta’ responsabbiltà in solidum ta’ diversi kumpanniji fi ħdan grupp li jifforma impriża fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jiġi ddeterminat il-limitu fir-rigward tal-kumpannija li għandha l-iktar dħul mill-bejgħ baxx.
188 Is-sentenza Aristrain vs Il‑Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti, ma tistax tikkontesta din il-kunsiderazzjoni. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat il-parteċipazzjoni fi ksur ta’ żewġ kumpanniji li jifformaw parti mill-istess grupp, iżda kienet imponiet multa fuq waħda minnhom biss, billi indikat li din il-multa kienet tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-aġir tal-kumpannija l-oħra. Peress li l-Kummissjoni ma tatx raġunijiet għal din l-għażla tagħha tad-destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata u peress li, b’mod partikolari, ma wrietx li l-kumpannija li fuqha ġiet imposta l-multa kellha setgħa ta’ tmexxija fuq il-kumpannija l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ħassret parzjalment id-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni (sentenza Aristrain vs Il‑Kummissjoni, punt 158 iktar ’il fuq, punti 93 sa 100). Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ma oġġezzjonatx, fis-sentenza msemmija, għall-fatt li jiġi applikat konġuntament fir-rigward tal-kumpanniji kollha li jifformaw impriża, il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali ta’ din l-impriża iżda fakkret sempliċement li l-Kummissjoni kellha turi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi fattwali li jiġġustifikaw li diversi kumpanniji jiġu kkwalifikati bħala unità ekonomika.
189 Issa, f’dan il-każ, bħalma ġie mfakkar fil-punt 138 iktar ’il fuq, ma huwiex ikkontestat li Reyrolle, SEHV u Magrini kienu jifformaw, għall-finijiet tal-akkordju, flimkien ma’ Siemens Österreich u KEG, rispettivament il-kumpanniji predeċessuri tagħhom, waħda u l-istess impriża. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet, bħala prinċipju, tieħu d-dħul mill-bejgħ totali ta’ din l-impriża bħala riferiment għall-kalkolu tal-limitu ta’ 10 % għal kull multa imposta fuq kumpanniji li kienu jifformaw parti mill-imsemmija impriża.
190 Reyrolle, SEHV u Magrini jinvokaw, barra minn dan, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tgħid li, jekk unità ekonomika li tkun ipparteċipat fi ksur tkun ġiet mitmuma bejn it-tmiem tal-ksur u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tissanzjona dan il-ksur, kull destinatarju tad-deċiżjoni għandu d-dritt li fil-konfront tiegħu b’mod individwali jiġi applikat il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 390). Minn dan huma jiddeduċu li, b’mod ġenerali, il-limitu ta’ 10 % jista jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ entità ekonomika biss jekk din l-entità tkun baqgħet identika bejn il-mument tal-ksur u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, skonthom, il-limitu ta’ 10% għandu jiġi kkalkolat b’mod separat għal kull kumpannija kull meta l-entità ekonomika tkun kibret wara l-ksur.
191 Dan l-argument għandu jiġi miċħud peress li l-entità ekonomika msejħa “VA Tech” fid-deċiżjoni kkontestata u li tinkludi, b’mod partikolari, Reyrolle, SEHV u Magrini, ma kibritx preċiżament fl-intervall ta’ bejn it-tmiem tal-akkordju u d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-rikorrenti kollha kienu jifformaw parti minnha fid-data tat-tmiem tal-akkordju, il‑11 ta’ Mejju 2004, u kienu għadhom jifformaw parti minnha fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l‑24 ta’ Jannar 2007 – anki jekk uħud minnhom biddlu isimhom jew anki, fil-każ ta’ VAS, ġew assorbiti minn kumpannija oħra.
192 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq l-allegazzjoni li nqabeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, f’dak li jirrigwarda Reyrolle, SEHV u Magrini.
b) Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat żammet lil Reyrolle responsabbli flimkien mal-kumpannija parent tagħha
L-argumenti tal-partijiet
193 Reyrolle ssostni li l-impjegati tagħha ma pparteċipawx iktar, sa mill‑2002, fis-sistema ta’ koordinazzjoni tal-ftehim u li hija kienet involuta fl-akkordju biss bħala “komponent ta’ VAS”. Issa, is-sussidjarji jistgħu jkunu individwalment responsabbli għal prattiki antikompetittivi biss jekk dawn ikunu ħadu sehem fihom personalment. Min-naħa l-oħra, is-sussidjarji ma jistgħux jinżammu responsabbli għall-aġir tal-kumpannija parent tagħhom. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tiġi mmultata fir-rigward tat-tieni fażi tal-ksur, jiġifieri għall-perijodu mill‑2002 sal‑2004.
194 Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti ta’ Reyrolle.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
195 Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dan l-ilment ta’ Reyrolle jirriżulta minn interpretazzjoni wisq formalista tal-ksur attribwit lilha fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-akkordju ma hijiex ħażina ħlief sa fejn din tikkostitwixxi manifestazzjoni esterna tal-fatt li l-parteċipanti għandhom l-intenzjoni li jiftiehmu u li huma jħossuhom marbuta mill-ftehim illegali konklużi fi ħdan l-akkordju. Issa, Reyrolle ma ppretendietx li hija ddistanzjat ruħha minn dan il-ftehim jew mill-akkordju b’mod ġenerali u lanqas li hija ma osservatx, fl-operat kummerċjali tagħha, ir-regoli tal-akkordju u l-ftehim konkreti dwar proġetti ta’ SIG. Għaldaqstant, anki li kieku kellu jitqies li, wara l-istabbiliment ta’ VAS, Reyrolle ma kinitx għadha rrapreżentata, waqt il-laqgħat fi ħdan l-akkordju, mill-impjegati tagħha stess, dan ma jurix li hija ma kinitx qiegħda twettaq, bħala persuna ġuridika, fatti li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81(1) KE.
196 Fit-tieni lok, il-fatt li kumpannija parent tiġi imputata bl-aġir tas-sussidjarja tagħha, minħabba li tkun iddeterminat l-aġir kummerċjali tagħha, ma għandux bħala konsegwenza li l-imsemmija kumpannijia parent għandha tiġi kkunsidrata bħala l-awtur ta’ dan l-aġir, minflok is-sussidjarja tagħha. Fi kliem ieħor, ir-responsabbiltà ta’ kumpannija parent għall-aġir tas-sussidjarja tagħha fi kwalunkwe każ ma teżentax lis-sussidjarja mir-responsabbiltà tagħha bħala persuna ġuridika u din tal-aħħar tibqa’ għaldaqstant individwalment responsabbli għall-prattiki antikompetittivi li tkun ħadet sehem fihom.
197 Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud.
c) Fuq is-sitt ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ne bis in idem
L-argumenti tal-partijiet
198 Siemens Österreich u KEG isostnu li l-Artikolu 2(l)(ii) tad-deċiżjoni kkontestata jikser il-prinċipju ne bis in idem peress li dan jista’ jwassal sabiex huma jiġu kkundannati għal piena doppja għall-istess ksur. Mill-premessi 487 u 505 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-intezjoni li timponi multa li tammonta għal EUR 22 050 000 fuq l-impriża VA Tech. Il-Kummissjoni sussegwentement qasmet, b’mod arbitrarju, l-ammont ta’ din il-multa bejn il-persuni ġuridiċi differenti li jifformaw l-imsemmija impriża fid-data tat-tmiem tal-ksur. Issa, tali tqassim jista’ jwassal għar-riżultat li l-grupp VA Tech u, finalment, Siemens Österreich u KEG, l-uniċi fost il-kumpanniji ta’ dan il-grupp li għandhom riżorsi finanzjarji suffiċjenti, ikollhom iħallsu, għall-istess ksur, multa supplementari li tammonta għal EUR 4 500 000, fl-ipoteżi li Schneider Electric, hekk kif barra minn hekk indikat, tirrifjuta li tħallas l-ammont tal-multa li ġiet ikkundannata tħallas in solidum ma’ SEHV u ma’ Magrini.
199 Barra minn dan, l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ SEHV u ta’ Magrini matul il-perijodu ta’ bejn l‑1988 u l‑2000 ser jiġi ssanzjont darbtejn, peress li dan ser iwassal kemm għal żieda fir-responsabbiltà ta’ Reyrolle – l-ammont inizjali ta’ din tal-aħħar bid-dħul mill-bejgħ ta’ SEHV u ta’ Magrini meħud inkunsiderazzjoni – kif ukoll għal responsabbiltà in solidum ta’ dawn tal-aħħar u ta’ Schneider Electric.
200 Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tal-partijiet.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
201 Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li Siemens Österreich u KEG ma għandhomx interess li jqajmu dan l-ilment, peress li dan tal-aħħar ma jirrigwardahomx personalment. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(l) tad-deċiżjoni kkontestata, ġiet imposta fuqhom biss multa li tammonta għal EUR 12 600 000, in solidum ma’ Reyrolle. Min-naħa l-oħra, huma ma humiex miżmuma responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq SEHV u fuq Magrini. Għaldaqstant, f’każ li SEHV u Magrini jiġu ffaċċjati b’talba għall-irkupru minn Schneider Electric, din ma żżidx l-ammont dovut minn Siemens Österreich u KEG. Għandu jingħad ukoll li, sa fejn dawn tal-aħħar jippretendu li huma l-uniċi fost il-kumpanniji tal-grupp VA Tech li għandhom riżorsi finanzjarji suffiċjenti, la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas id-dritt Komunitarju b’mod ġerenali, ma jipprevedu f’każ ta’ nuqqas ta’ likwidità ta’ destinatarju ta’ deċiżjoni li timponi fuqu multa, il-kumpannija parent tiegħu tinżamm responsabbli għall-ħlas tal-multa minflok dan id-destinatarju.
202 Fit-tieni lok, kif ġie kkonstatat fil-punt 167 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi annullat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-multa ta’ SEHV u ta’ Magrini u sa fejn dan jikkonċerna l-ammonti pagabbli in solidum mill-kumpanniji li fformaw parti mill-impriża VA Tech. Għaldaqstant, dan l-ilment ifformulat minn Siemens Österreich u KEG ma għadx għandu skop.
203 Fit-tielet lok, il-fatt li d-dħul mill-bejgħ ta’ SEHV u ta’ Magrini jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni kemm għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa ta’ Reyrolle, inkluż għall-perijodu ta’ bejn l‑1988 u l‑2000, li matulu hija ma kinitx tifforma parti minn impriża waħda ma’ SEHV u Magrini, kif ukoll għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa imposta fuq dawn tal-aħħar għall-istess perijodu huwa l-konsegwenza inevitabbli tal-fatt li, matul il-perijodu inkwistjoni, l-imsemmija kumpanniji ma kinux jifformaw parti mill-istess impriża, fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Madankollu, dan ma jikkostitwixxix sanzjoni doppja għall-istess ksur la fir-rigward ta’ Reyrolle u lanqas fir-rigward tal-impriża VA Tech, peress li għall-perijodu ta’ bejn l‑1988 u l‑2000, l-impriża VA Tech u l-impriża Schneider ġew issanzjonati separatament.
204 Għaldaqstant hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud.
d) Fuq is-seba’ lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ tnaqqis tal-multa
L-argumenti tal-partijiet
205 Siemens Österreich u KEG isostnu li l-Artikolu 2(l)(ii) tad-deċiżjoni kkontestata jikser ir-regoli dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti, kif jirriżultaw mil-linji gwida u mill-ġurisprudenza Komunitarja, kif ukoll l-avviż dwar il-kooperazzjoni. B’mod partikolari, huma jenfasizzaw li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li huma volontarjament interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom mill‑21 ta’ Jannar 2004, anki qabel l-intervent tal-Kummissjoni, il-fatt li huma waqfu kull kuntatt li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni mal-membri l-oħra tal-akkordju fil-mument tal-ispezzjonijiet, ir-rwol passiv tal-impriża VA Tech fi ħdan l-akkordju, il-kooperazzjoni attiva tagħhom matul il-proċedura amministrattiva u l-fatt li huma dejjem irrikonoxxew il-parteċipazzjoni tal-impriża VA Tech fl-akkordju bejn Ottubru 2002 u Marzu 2004.
206 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ Siemens Österreich u ta’ KEG.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti
207 Jeħtieġ li jitfakkar li l-linji gwida jipprevedu, fil-punt 3 tagħhom, it-tnaqqis tal-ammont bażiku minħabba “ċirkustanzi attenwanti partikolari” bħal, b’mod partikolari, ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv u t-twaqqif tal-ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni.
208 Hemm lok li jiġi rrilevat li dan it-test ma jindikax b’mod imperattiv iċ-ċirkustanzi attenwanti li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali d-daqs ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 326).
209 F’dan il-każ, fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li waqfu b’mod volontarju l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju sa mill‑21 ta’ Jannar 2004, ikun suffiċjenti li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 77 sa 81 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstata li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fl-akkordju sad-data tal‑11 ta’ Mejju 2004.
210 Fit-tieni lok, fir-rigward tat-“twaqqif tal-ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni”, imsemmija fil-punt 3 tal-linji gwida, l-ilment imqajjem minn Siemens Österreich u KEG ma jistax iktar jiġi aċċettat.
211 Fil-fatt, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tista’ tkun obbligata tagħti, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tnaqqis tal-multa minħabba t-twaqqif tal-ksur manifest, indipendentement mill-fatt li tali twaqqif ikun seħħ qabel jew wara l-interventi tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 292).
212 F’dan il-każ, il-ksur inkwistjoni kien mingħajr ebda dubju ksur manifest, peress li kien relatat ma’ akkordju sigriet li kellu bħala l-għan tiegħu l-iffissar tal-prezzijiet u tqassim ta’ swieq. Dan it-tip ta’ akkordju huwa pprojbit espressament mill-Artikolu 81(1)(a) u (c) KE u jikkostitwixxi ksur partikolarment gravi, kif ġustament ikkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 479 tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa għaldaqsant b’mod żbaljat li Siemens Österreich u KEG jattribwixxu lill-Kummissjoni bin-nuqqas li ma naqqsitilhomx il-multa minħabba t-twaqqif tal-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur.
213 Għalkemm il-Kummissjoni fl-imgħoddi kkunsidrat it-twaqqif volontarju ta’ ksur bħala ċirkustanza attenwanti, hija permessa li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-applikazzjoni tal-linji gwida tagħha, il-fatt li ksur manifest gravi ħafna minkejja li l-illegalità tiegħu ilha stabbilita sa mill-bidu tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-kompetizzjoni, jibqa’ relattivament frekwenti, u għaldaqstant li tqis li hemm lok li din il-prassi ġeneruża tiġi abbandunata u li t-twaqqif minn tali ksur ma jibqax jiġi rrikumpensat permezz ta’ tnaqqis mill-multa (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, punt 90 iktar ’il fuq, punt 294 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma ssibx raġuni sabiex tirriforma dik l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, lanqas fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.
214 Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, il-fatt, fir-rigward tal-kumpanniji li fformaw parti mill-impriża VA Tech, li waqfu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur mal-ewwel intervent tal-Kummissjoni ma huwiex tali li jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.
215 Fit-tielet lok, fir-rigward tar-“rwol esklużivament passiv jew emulattiv fil-ksur”, imsemmi fil-punt 3 tal-linji gwida, l-argumentazzjoni ta’ Siemens Österreich u ta’ KEG għandha wkoll tiġi miċħuda.
216 Fl-ewwel lok, Siemens Österreich u KEG isostnu li huma ma pparteċipawx fl-elaborazzjoni ta’ ftehim antikompetittivi. Issa, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li Reyrolle, Magrini u Schneider Electric, bħala rappreżentant tal-predeċessuri ġuridiċi ta’ SEHV, kienu pparteċipaw fl-elaborazzjoni ta’ ftehim li jsejsu l-akkordju u kienu l-kofundaturi tiegħu. F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Anness 1 tal-ftehim GQ, li jinkludi l-lista tal-membri fundaturi tal-akkordju u l-kodiċijiet tagħhom, jinkludi, b’mod partikolari, in-numri “13”, “26” u “32”, li minnhom il-Kummissjoni kkonstatat, mingħajr ebda kontradizzjoni mir-rikorrenti, li dawn kienu jindikaw lil Reyrolle, il-grupp Schneider u Magrini rispettivament. Peress li Siemens Österreich u KEG ma kkontestawx b’mod dettaljat il-konstatazzjoni li s-sussidjarji tagħhom ipparteċipaw fl-elaborazzjoni tal-ftehim GQ, dan l-argument għandu jiġi miċħud.
217 Fit-tieni lok, Siemens Österreich u KEG isostnu li l-impriża VA Tech ġiet ingannata mill-membri l-oħra tal-akkordju, peress li f’Diċembru 2000 tawha x’tifhem li l-akkordju kien spiċċa, u peress li, matul it-tieni fażi tal-parteċipazzjoni tagħha, il-membri l-oħra kienu ddiskutew proġetti ta’ SIG mingħajr ma kienet taf dwar dan.
218 Ikun biżżejjed, f’dan ir-rigward, li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-impriża VA Tech, li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju – ksur li huwa ta’ natura gravi ħafna, kif tfakkar fil-punt 211 iktar ’il fuq – intweriet mill-Kummissjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi, ġiet ingannata mill-parteċipanti l-oħra f’dan l-akkordju, li b’hekk ipprovaw jiksbu vantaġġi supplementari meta mqabbla ma’ dawk iġġenerati favurihom mill-imsemmi akkordju, ma jistax iwassal sabiex l-aġir ta’ din l-impriża jiġi kkunsidrat bħala inqas gravi. Għaldaqstant, tali ċirkustanzi ma humiex tali li jikkostitwixxu ċirkustanza attenwanti, b’mod partikolari, peress li ma jurux ir-rwol esklużivament passiv jew emulattiv tal-imsemmija impriża fi ħdan l-akkordju.
– Fuq l-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni
219 Skont il-ġurisprudenza, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa f’każ ta’ kooperazzjoni tal-impriżi parteċipanti fi ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni huwa msejjes fuq il-kunsiderazzjoni li tali kooperazzjoni tiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u, fejn ikun il-każ, sabiex ittemmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 399; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il‑Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 325; Finnboard vs Il‑Kummissjoni, T‑338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 363, u Mayr-Melnhof vs Il‑Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, punt 330).
220 Kif imsemmi fil-punt 29 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, din ħolqot aspettattivi leġittimi li fuqhom jibbażaw ruħhom impriżi li jkunu jixtiequ jinformaw lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ akkordju. Fid-dawl tal-aspettattiva leġittima li jistgħu jieħdu mill-imsemmi avviż l-impriżi li jkunu jixtiequ jikkollaboraw mal-Kummissjoni, il-Kummissjoni hija għaldqastant obbligata li ssegwi l-avviż meta, fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa imposta fuq Siemens Österreich u fuq KEG, tasal sabiex tevalwa l-kooperazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il‑Kummissjoni, T‑26/02, Ġabra p. II‑713, punt 147, u l-ġurisprudenza ċċitata).
221 Fil-limiti stabbiliti mill-avviż dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni tgawdi madankollu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tevalwa jekk il-provi kkomunikati minn impriża jirrendux valur miżjud jew le, fis-sens tal-punt 22 tal-imsemmi avviż, u jekk hemmx lok, minħabba dan il-fatt, li jingħata tnaqqis lil impriża abbażi ta’ dan l-avviż (ara, b’analoġija, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq, punti 393 u 394, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 532). Din l-evalwazzjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju ristrett.
222 Hemm lok li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li Siemens Österreich u KEG ma jurux, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li l-kontribut tagħhom irrenda valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni meta mqabbel mal-provi li kienu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa l-obbligu ta’ dawn ir-rikorrenti li jindikaw b’mod preċiż liema informazzjoni pproduċew quddiem il-Kummissjoni u kif din l-informazzjoni ffaċilitat il-kompitu ta’ din l-istituzzjoni sabiex tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni.
223 F’dan il-każ, Siemens Österreich u KEG isostnu li, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn Ottubru 2002 u Marzu 2004, il-grupp VA Tech elabora listi ta’ proġetti ta’ SIG u ta’ laqgħat li jindikaw, b’mod dettaljat, liema kienu l-laqgħat li fihom ipparteċipaw VAS u s-sussidjarji tagħha u liema proġetti ta’ SIG ġew diskussi b’mod konkret. Iċ-ċirkustanza li dawn l-indikazzjonijiet għenu lill-Kummissjoni sabiex tipprova l-ksur imwettaq mill-impriża VA Tech u minn impriżi oħra tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni użat partijiet sħaħ mill-fatti sottomessi mill-grupp VA Tech, pereżempju fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata.
224 Issa, l-Kummissjoni, li ma tiċħadx li hija użat informazzjoni pprovduta mill-grupp VA Tech, ikkonstatat, fil-premessi 539, 541 u 542 tad-deċiżjoni kkontestata, li, b’mod ġenerali, hija diġà kellha għarfien ta’ dawn l-elementi u li l-grupp VA Tech għaldaqstant ma pprovdiex provi li jistgħu jsaħħu l-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti inkwistjoni. Il-Kummissjoni ħadet ukoll inkusiderazzjoni l-fatt li l-grupp VA Tech ċaħad ċerti fatti li hija kienet tikkunsidra bħala stabbiliti u li għamel dikjarazzjonijiet kuntradittorji, li ma ffaċilitawx il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.
225 Minn qari tal-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata – l-unika parti mid-deċiżjoni kkontestata, identifikata minn Siemens Österreich u KEG, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq informazzjoni prodotta mill-grupp VA Tech –, jirriżulta li l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet ħadet “partijiet sħaħ mill-fatti esposti” mill-grupp VA Tech hija eżaġerata. L-unika ċirkustanza li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni rreferiet espressament għad-dikjarazzjoni skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni sottomessa mill-grupp VA Tech huwa l-fatt li diversi lottijiet ta’ proġetti ta’ SIG fl-Ewropa u barra mill-Ewropa ġew diskussi bejn Ottubru 2002 u Frar 2004. Anki li kieku kella tiġi preżunta l-fondatezza tal-allegazzjoni tal-imsemmija rikorrenti li kien dovut għalihom li l-Kummissjoni kellha aċċess għall-ewwel darba għad-distinzjoni li bdiet issir, sa mill‑2002, bejn il-lottijiet Ewropej, imsejħa “EP”, u l-lottijiet l-oħra msejħa “P”, il-valur miżjud ta’ din l-informazzjoni ma jistax jiġi kkwalifikat bħala sinjifikattiv, fis-sens tal-punt 21 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni.
226 Siemens Österreich u KEG ma indikwax sa fejn l-elementi kkontestati mill-Kummissjoni saħħew il-kapaċità ta’ din tal-aħħar sabiex tipprova l-fatti inkwistjoni, u lanqas ma identifikaw elementi oħra, prodotti minnhom quddiem il-Kummissjoni, li saħħew l-imsemmija kapaċità.
227 Għaldaqstant, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Kummissjoni, bis-saħħa tal-ġurisprudenza ċċitatata fil-punt 221 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi attribwit lilha n-nuqqas illegali li tagħti lil Siemens Österreich u lil KEG tnaqqis tal-multa imposta fuqhom.
228 Għaldastant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud.
B – Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u, b’mod iktar speċifiku, tad-dritt tar-rikorrenti li jeżaminaw ix-xhud kontra tagħhom, li jirriżulta mill-Artikolu 6(3)(d) tal-KEDB u tad-dritt għal smigħ xieraq
L-argumenti tal-partijiet
229 Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħhom li jeżaminaw ix-xhud kontra tagħhom, liema dritt jinsab taħt it-titolu tal-garanziji proċedurali li jirriżultaw mill-Artikolu 6(3)(d) tal-KEDB u d-dritt għal smigħ xieraq. Sabiex tikkonstata li l-impriża VA Tech kienet reġgħet bdiet tipparteċipa fil-ksur, permezz ta’ VAS, mill‑1 ta’ April 2002, il-Kummissjoni fil-fatt ibbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ M., ix-xhud prinċipali ta’ ABB, mingħajr ma rrispettat, preliminarjament, id-dritt tagħhom li jeżaminaw jew li jaraw li jiġi eżaminat ix-xhud kontra tagħhom. Din il-garanzija proċedurali ssir iktar u iktar essenzjali meta x-xhud inkwistjoni jkollu, f’dan il-każ, interess suġġettiv li r-rikorrenti jiġu ssanzjonati b’mod kiefer, peress li l-impriża stess li huwa jirrappreżenta ġiet eżentata mill-ħlas tal-multa tagħha skont l-avviż dwar il-kooperazzjoni, u meta l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jobbligahx, fi kwalunkwe każ, li jgħid il-verità.
230 Ir-rikorrenti jenfasizzaw li dawn il-prinċipji huma applikabbli għall-proċedura quddiem il-Kummissjoni fil-qasam tal-akkordji minkejja li hija ma hijiex proċedura kriminali quddiem qorti, peress li n-natura ġuridika tal-multi fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 hija rrikonoxxuta bħala piena fis-sens wiesa’ tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma tistax tirregolarizza dik l-irregolarità permezz ta’ smigħ tal-imsemmi xhud.
231 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
232 Skont ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti Komunitarja tiżgura l-osservanza tagħhom (opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja 2/94, tat‑28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I‑1759, punt 33, u sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C‑299/95, Ġabra p. I‑2629, punt 14). Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jispiraw ruħhom mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll minn indikazzjonijiet li jirriżultaw minn strumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li għalihom l-Istati Membri kkooperaw fihom u taw l-adeżjoni tagħhom. Il-KEDB għandha, f’dan ir-rigward, sinjifikat partikolari (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18, u Kremzow, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14). Barra minn dan, skont l-Artikolu 6(2) UE, l-Unjoni għandha tosserva l-prinċipji fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.
233 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju fundamentali tas-sistema legali Komunitarja li huwa r-rispett tad-drittijiet tad-difiża (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden‑Industrie‑Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 7), billi ma offrietx lir-rikorrenti l-possibbiltà li jeżaminaw direttament ix-xhud M.
234 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeżiġi li l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati minn investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni jitqiegħdu f’pożizzjoni, sa mill-istadju tal-proċedura amministrattiva, li jippreżentaw b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti, ilmenti u ċirkustanzi allegati mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2006, Avebe vs Il‑Kummissjoni, T‑314/01, Ġabra p. II‑3085, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, l-imsemmi prinċipju ma jeżiġix li dawn l-impriżi għandhom jingħataw l-okkażjoni jeżaminaw huma stess, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, ix-xhieda mismugħa mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 200).
235 Għaldaqsant, hemm lok li t-tieni motiv mqajjem mir-rikorrenti jiġi miċħud.
II – Fuq it-talbiet għal tibdil
236 Kif jirriżulta mill-punti 65 sa 72 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn dan jikkonstata li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fil-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ April u t‑30 ta’ Ġunju 2002. Minn dan jirriżulta, għar-rikorrenti kollha, tnaqqis tat-tul tal-ksur ta’ tliet xhur meta mqabbel mat-tul ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.
237 Barra minn dan, kif jirriżulta mill-punti 137 sa 167 iktar ’il fuq, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn dan jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq SEHV u fuq Magrini u sa fejn dan jikkonċerna l-iffissar tal-ammonti pagabbli in solidum mir-rikorrenti.
238 Jeħtieġ jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, billi l-eżami tal-motivi mqajma minn impriża, kontra l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuqha għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji, żvela illegalità, hemm lok li l-Qorti Ġenerali teżamina jekk għandhiex, billi tuża l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tibdel id-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punt 443).
239 Ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multi impost fuqhom għal ammont li ma jeċċedix EUR 1 980 000 għal Siemens Österreich u KEG, EUR 1 100 000 għal Reyrolle u Magrini kif ukoll EUR 2 750 000 għal SEHV.
A – Fuq il-multi imposti fuq SEHV u fuq Magrini
240 Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li tbiddel id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti fuq SEHV u fuq Magrini u sa fejn din tirrigwarda l-iffissar tal-ammonti pagabbili in solidum minnhom u mill-kumpanniji l-oħra li magħhom huma kkostitwew impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, matul iż-żmien tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju.
241 Kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-rikorrenti ddikjaraw, fl-atti tagħhom u/jew waqt is-seduta, li, f’dan il-każ, kienu jeżistu diversi possibbiltajiet ta’ kif jiġu kkalkolati l-ammonti tal-multi. F’dan ir-rigward, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi kunsiderazzjonijiet. Fl-ewwel lok, ir-responsabbiltà mġarrba minn kumpannija, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur, għandha bħala prinċipju twassal għal multa waħda kkalkolata b’rabta mat-totalità tal-perijodi li matulhom hija pparteċipat fil-ksur. Fit-tieni lok, il-multi tal-kumpanniji differenti li fformaw parti mill-istess impriża fi żmien it-tul tal-ksur għandhom jiġu kkalkolati abbażi tas-saħħa ekonomika ta’ din l-impriża matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, bil-għan li tiġi żgurata n-natura suffiċjentement dissważiva tal-multa. Fit-tielet lok, fl-ipoteżi fejn, kif jirriżulta fil-każ inkwistjoni, ċerti kumpanniji suċċessivament ifformaw parti minn żewġ impriżi differenti li fil-konfront tagħhom, barra minn hekk, għandhom jiġu attribwiti ammonti inizjali differenti għall-multi tagħhom, jeħtieġ madankollu li tiġi imposta fuq dawk il-kumpanniji multa komposta minn żewġ ammonti differenti għal kull perijodu li jikkorrispondi għall-appartenenza tagħhom f’dawn iż-żewġ impriżi, bil-għan li jkunu jistgħu jiġu ffissati b’mod adegwat l-ammonti pagabbili in solidum mill-kumpanniji li jistgħu jiġu imputati bil-ksur.
242 Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi ffissata, għal SEHV u Magrini, multa komposta minn żewġ ammonti differenti għal kull wieħed mill-perijodi ta’ ksur li matulhom huma kienu rispettivament ikkontrollati minn Schneider Electric u minn VA Technologie.
243 Fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Lulju 2002 u l‑11 ta’ Mejju 2004, li matulu SEHV u Magrini kienu kkontrollati minn VA Technologie, il-Kummissjoni ffissat, fid-deċiżjoni kkontestata, ammont inizjali ta’ EUR 9 000 000 fir-rigward tal-multa tal-impriża VA Tech. Kif jirriżulta mill-punti 122 sa 136 u 203 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li jikkontestaw dan l-ammont.
244 Mill-premessa 492 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, minħabba t-tul tal-ksur, il-Kummissjoni, b’mod konformi mal-linji gwida, żiedet l-ammonti inizjali b’ 10 % fis-sena sħiħa ta’ ksur u b’ 5 % għal kull perijodu supplimentari ta’ sitt xhur jew iktar, iżda ta’ inqas minn sena. L-ammont inizjali ta’ EUR 9 000 000 tal-multa tal-impriża VA Tech għandu għaldaqstant jiżdied bi 15 % sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien ta’ sena u għaxar xhur tal-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Lulju 2002 u l‑11 ta’ Mejju 2004, li jwassal għal ammont bażiku ta’ EUR 10 350 000 (9 000 000 + 1 350 000) għall-multa tal-impriża VA Tech li, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, jikkorrispondi għall-ammont tal-multa.
245 Din il-multa għandha titħallas in solidum minn Reyrolle, Siemens Österreich u KEG, SEHV u Magrini li kienu jifformaw, matul l-imsemmi perijodu, impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. B’mod konformi mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 158 u 159 iktar ’il fuq, fir-relazzjoni ta’ bejniethom, kull wieħed mill-kodebituri in solidum għandu jħallas għoxrin fil-mija mill-ammont ta’ EUR 10 350 000.
246 Fir-rigward tal-multa għall-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ April 1988 u t‑13 ta’ Diċembru 2000, li matulu SEHV u Magrini kienu jifformaw parti mill-grupp Schneider, il-Kummissjoni ffissat, fid-deċiżjoni kkontestata, ammont inizjali ta’ EUR 3 600 000 għall-impriża Schneider. Kif ġie kkonstatat fil-punti 176 sa 179 iktar ’il fuq, l-argumenti ta’ SEHV u ta’ Magrini ma jippermettux li jiġi kkontestat dan l-ammont. B’mod konformi mal-linji gwida, dan l-ammont inizjali tal-multa għandu jiżdied b’125 % sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien ta’ tnax‑il sena u seba’ xhur tal-imsemmi perijodu, li jwassal għal ammont bażiku ta’ EUR 8 100 000 (3 600 000 + 4 500 000) għall-impriża Schneider li, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, jikkorrispondi għall-ammont tal-multa.
247 Din il-multa għandha titħallas in solidum minn Schneider Electric, SEHV u Magrini li kienu jifformaw, matul l-imsemmi perijodu, impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. B’mod konformi mal-prinċipju espost fil-punt 158 iktar ’il fuq, fir-relazzjoni ta’ bejnjiethom, kull wieħed mill-kodebituri in solidum għandu jħallas terz mill-ammont ta’ EUR 8 100 000.
248 F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi ppreċiżat li l-ammont totali tal-multa imposta fuq Schneider Electric jibqa’ l-istess meta mqabbel ma’ dak iffissat fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn dan, it-tqassim tal-ammonti pagabbli in solidum, abbażi ta’ din il-multa, huwa favorevoli għal Schneider Electric, meta mqabbel ma’ dak stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata. F’tali ċirkustanzi, il-fatt li Schneider Electric ma nstemgħetx ma jostakolax tibdil tad-deċiżjoni kkontestata bħal dak indikat fil-punt preċedenti.
249 Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma tqisx opportun li ssegwi r-raġunament issuġġerit mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-għażla tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, li żżomm lil SEHV u lil Magrini responsabbli biss għall-parti mill-multa tal-impriża Schneider li tikkorrispondi għaż-żieda minħabba t-tul tal-ksur.
250 Fil-fatt, il-kundanna ta’ Schneider Electric għall-ħlas ta’ ammont li għalih SEHV u Magrini ma humiex miżmuma responsabbli tippreżumi li l-Kummissjoni tressaq ilment supplimentari fil-konfront tagħha, jew li jmur lil hinn mill-parteċipazzjoni tas-sussidjarji (antiki) tiegħu SEHV u Magrini, jew li jikkonċerna perijodu itwal.
251 Issa, dan il-fatt ma jikkonċernax tali lment supplimentari fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ċertament iddikjarat, fil-punt 29 tal-kontroreplika fil-Kawża T‑124/07, li huwa “bħala prinċipju leġittimu li timponi fuq Schneider [Electric] multa individwali għall-aġir individwali tagħha”. Madankollu, hija ma indiktax fid-deċiżjoni kkontestata jew fl-atti tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali f’hiex kien jikkonsisti dan l-aġir individwali ta’ Schneider Electric u sa fejn tali aġir kien differenti minn dak li għalih ġiet miżmuma responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju tas-sussidjarji (antiki) tagħha. Barra minn dan, il-Kummissjoni indikat hija stess, fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, li dak l-“aġir individwali” ma għandux jinftiehem fis-sens li hija tattribwixxi lil Schneider Electric l-aġir li jmur lil hinn mill-fatti attribwiti lil SEHV u lil Magrini. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 423 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ebda riżerva, li kellha l-intenzjoni li żżomm lil Schneider Electric, SEHV u Magrini responsabbli in solidum għall-perijodu ta’ bejn il‑15 ta’ April 1988 u t‑13 ta’ Diċembru 2000.
252 B’hekk Schneider Electric, minn naħa, bħala kumpannija parent, kif ukoll SEHV u Magrini, min-naħa l-oħra, bħala kumpanniji sussidjarji, li fformaw flimkien l-impriża Schneider, għandhom bħala prinċipju jinżammu responsabbli għall-istess ammont, bis-sempliċi riżerva dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jkunu japplikaw fir-rigward ta’ waħda mill-kumpanniji u mhux fir-rigward tal-oħrajn. Huwa paċifiku li tali ċirkustanzi ma jeżistux, f’dan il-każ, la fir-rigward ta’ Schneider Electric, u lanqas fir-rigward ta’ SEHV u Magrini.
253 Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat ukoll li hija limitat ir-responsabbiltà in solidum ta’ Schneider Electric u tas-sussidjarji antiki tagħha għall-parti mill-ammont tal-multa li jikkorrispondi għaż-żieda minħabba t-tul tal-ksur, bil-għan li jiġi evitat li SEHV u Magrini, fid-dawl tal-fatt li d-dħul mill-bejgħ tagħhom ittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa kemm għall-impriża VA Tech kif ukoll għall-impriża Schneider, iħallsu ammont inizjali darbtejn. Fil-fatt, l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq SEHV u fuq Magrini, jiġifieri EUR 22 050 000, kienet diġà tinkludi ammont inizjali ta’ EUR 9 000 000, fid-dawl, fost affarijiet oħra, tad-dħul mill-bejgħ tagħhom. Għaldaqstant ma jkunx xieraq li huma jintalbu jħallsu in solidum, barra minn dan, l-ammont inizjali tal-multa tal-impriża Schneider, jiġifieri EUR 3 600 000, ibbażat fuq l-istess dħul mill-bejgħ.
254 Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, peress li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa annullat sa fejn dan jikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-multi impost fuq SEHV u fuq Magrini, ma hemmx lok li tiġi eżaminata r-rilevanza tar-raġunament issuġġerit mill-Kummissjoni. Fil-fatt, dan ir-raġunament jikkonċerna l-multi imposti fid-deċiżjoni kkontestata, ikkaratterizzat minn approċċ li skontu l-ammont tal-multa ta’ SEHV u ta’ Magrini kellhom jiġu kkalkolati abbażi ta’ ammont inizjali uniku għat-tul kollu tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn iż-żewġ kumpanniji suċċessivament ifformaw parti minn żewġ impriżi differenti. Issa, kif mibdula mill-Qorti Ġenerali, il-multa ta’ SEHV u ta’ Magrini tirriżulta minn kalkolu separat għal kull perijodu li matulu huma kienu jifformaw parti mill-impriża Schneider u mill-impriża VA Tech. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammonti inizjali tal-multi ma humiex imposti darbtejn għall-istess perijodu.
255 Barra minn dan, l-ammont inizjali ta’ multa jikkostitwixxi sempliċement data ta’ kalkolu fl-algoritma applikata għall-iffissar tal-ammont bażiku ta’ dik il-multa applikabbli għal impriża, iżda fih innifsu ma jikkostitwixxix parti separabbli mill-multa. Kuntrarjament, l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi kkunsidrat bħala ammont indiviżibbli, fid-dawl tar-responsabbiltà kollettiva tal-kumpanniji differenti li jiffurmaw l-impriża kkonċernata, b’tali mod li l-ammont inizjali ta’ dik il-multa ma jiġix sottopost, fid-dawl tar-responsabbiltà in solidum, għal trattament differenti minn dak taż-żieda minħabba t-tul tal-ksur – b’kuntrast mal-multiplikaturi applikati bil-għan li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, fejn dawn tal-aħħar jinfluwenzaw biss il-multi tal-kumpanniji li għalihom japplikaw dawk iċ-ċirkustanzi jew li bihom huma jistgħu jiġu imputati (ara l-punt 251 iktar ’il fuq).
256 Għaldaqstant, SEHV, Magrini u Schneider Electric huma miżmuma responsabbli jħallsu in solidum il-multa ta’ EUR 8 100 000 imposta fuqhom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju matul il-perijodu ta’ qabel it‑13 ta’ Marzu 2001, li matulu huma kienu jifformaw parti mill-istess impriża.
257 Għaldaqstant hija imposta fuq SEHV u fuq Magrini multa li tammonta għal EUR 18 450 000.
B – Fuq il-multi imposti fuq Reyrolle, fuq Siemens Österreich u fuq KEG
258 Il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li tbiddel d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna l-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti fuq Siemens Österreich, fuq KEG u fuq Reyrolle u sa fejn din tikkonċerna l-ammonti pagabbli in solidum minnhom u mill-kumpanniji l-oħra li magħhom huma kkostitwew impriża fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, matul il-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju.
259 Kif jirriżulta mill-premessi 506 u 507 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żammet, minn naħa lil Reyrolle responsabbli għal ksur ta’ tul ta’ erbatax-il sena u disa’ xhur u, min-naħa l-oħra, lil Siemens Österreich u KEG responsabbli għal ksur ta’ tul ta’ erba’ snin u erba’ xhur.
260 Peress li, kif jirriżulta mill-punt 72 iktar ’il fuq, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn il-Kummissjoni fih ikkonstatat ksur min-naħa tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ April u t‑30 ta’ Ġunju 2002, it-tul tal-ksur attribwit lilhom għandu jitnaqqas bi tliet xhur, li jirriduċi t-tul ta’ erbatax‑il sena u sitt xhur fir-rigward ta’ Reyrolle u għal erba’ snin u xahar fir-rigward ta’ Siemens Österreich u KEG.
261 Issa, il-linji gwida jipprevedu żieda ta’ 10 % għal kull sena sħiħa ta’ ksur u ta’ 5 % għal kull perijodu supplimentari ta’ sitt xhur jew iktar, iżda ta’ inqas minn sena. Għaldaqstant, it-tnaqqis tat-tul ta’ tliet xhur fir-rigward ta’ Reyrolle, Siemens Österreich u KEG ma jinvolvix tnaqqis taż-żieda abbażi tat-tul ta’ żmien li ġie applikat fil-konfront tagħhom. Din tal-aħħar tibqa’ għaldaqstant ta’ 145 % fir-rigward ta’ Reyrolle u ta’ 40 % fir-rigward ta’ Siemens Österreich u KEG. Minn dan jirriżulta li l-ammonti bażiċi tal-multi tagħhom – li, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti, jikkorrispondu għall-ammonti tal-multi tagħhom – jibqgħu l-istess b’EUR 22 050 000 u EUR 12 600 000 rispettivament.
262 B’mod konformi mal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 468 tad-deċiżjoni kkontestata u fid-dawl kemm tat-tnaqqis ta’ tliet xhur mit-tul tal-ksur fir-rigward tar-rikorrenti kollha kif ukoll tal-kalkolu tal-ammont tal-multa ta’ SEHV u ta’ Magrini li jinsabu fil-punt 243 iktar ’il fuq, mill-multa li tammonta għal EUR 22 050 000 imposta fuq Reyrolle, l-ewwel ammont ta’ EUR 10 350 000 għandu jitħallas in solidum minn Siemens Österreich, KEG, SEHV u Magrini. Kif ġie indikat fil-punt 244 iktar ’il fuq, fir-relazzjoni ta’ bejniethom, kull wieħed mill-kodebituri in solidum għandu jħallas għoxrin fil-mija mill-ammont ta’ EUR 10 350 000.
263 Barra minn dan, mill-multa li tammonta għal EUR 22 050 000 imposta fuq Reyrolle, ammont ieħor ta’ EUR 2 250 000 għandu jitħallas in solidum minn Siemens Österreich u KEG. B’mod konformi mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 158 u 159 iktar ’il fuq, fir-relazzjoni ta’ bejniethom, kull wieħed mill-kodebituri in solidum għandu jħallas terz mill-ammont.
264 Fl-aħħar nett, mill-multa li tammonta għal EUR 22 050 000 imposta fuq Reyrolle, din tal-aħħar għandha tħallas biss l-ammont ta’ EUR 9 450 000.
265 Għall-kumplament, hemm lok li t-talbiet għal tibdil tad-deċiżjoni kkontestata jiġu miċħuda.
Fuq l-ispejjeż
266 Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
267 Billi fil-Kawża T‑122/07, ir-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati 10 % mill-ispejjeż ta’ Siemens Österreich u ta’ KEG u 10 % mill-ispejjeż tagħha. Siemens Österreich u KEG għandhom ibatu 90 % mill-ispejjeż tagħhom u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.
268 Billi fil-Kawża T‑123/07, ir-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati 10 % mill-ispejjeż ta’ Reyrolle u 10 % mill-ispejjeż tagħha. Reyrolle għandha tbati 90 % mill-ispejjeż tagħha u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.
269 Billi fil-Kawża T‑124/07, ir-rikors ġie parzjalment milqugħ, tkun saret evalwazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati 20 % mill-ispejjeż ta’ SEHV u ta’ Magrini u 20 % mill-ispejjeż tagħha. SEHV u Magrini għandhom ibatu 80 % mill-ispejjeż tagħhom u 80 % mill-ispejjez tal-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 1(m), (p), (q), (r) u (t) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 6762 finali, tal‑24 ta’ Jannar 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ZEE (Każ COMP/F/38.899 – Switchgear insulat bil-gass), huwa annullat sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat ksur fih, minn Siemens AG Österreich, minn VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG, minn Siemens Transmission & Distribution Ltd, minn Siemens Transmission & Distribution SA u minn Nuova Magrini Galileo SpA, għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ April u t‑30 ta’ Ġunju 2002.
2) L-Artikolu 2(j), (k) u (l) tad-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali huwa annullat.
3) Għall-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1(m), (p), (q), (r) u (t) tad-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali, huma imposti l-multi li ġejjin:
– Siemens Transmission & Distribution SA u Nuova Magrini Galileo, in solidum ma’ Schneider Electric SA: EUR 8 100 000;
– Siemens Transmission & Distribution Ltd, in solidum ma’ Siemens AG Österreich, VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG, Siemens Transmission & Distribution SA u Nuova Magrini Galileo: EUR 10 350 000;
– Siemens Transmission & Distribution Ltd, in solidum ma’ Siemens AG Österreich u VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG: EUR 2 250 000;
– Siemens Transmission & Distribution Ltd: EUR 9 450 000.
4) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
5) Fil-Kawża T‑122/07, il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati 10 % mill-ispejjeż ta’ Siemens AG Österreich u ta’ VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG u 10 % mill-ispejjeż tagħha. Siemens AG Österreich u VA Tech Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG għandhom ibatu 90 % mill-ispejjeż tagħhom u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.
6) Fil-Kawża T‑123/07, il-Kummissjoni għandha tbati 10 % mill-ispejjeż ta’ Siemens Transmission & Distribution Ltd u 10 % mill-ispejjeż tagħha. Siemens Transmission & Distribution Ltd għandha tbati 90 % mill-ispejjeż tagħha u 90 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.
7) Fil-Kawża T‑124/07, il-Kummissjoni għandha tbati 20 % mill-ispejjeż ta’ Siemens Transmission & Distribution SA u ta’ Nuova Magrini Galileo u 20 % mill-ispejjeż tagħha. Siemens Transmission & Distribution SA u Nuova Magrini Galileo għandhom ibatu 80 % mill-ispejjeż tagħhom u 80 % mill-ispejjeż tal-Kummissjoni.
Pelikánová |
Jürimäe |
Soldevila Fragoso |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Marzu 2011.
Firem
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
I – Rikorrenti u grupp VA Tech
II – SIG u l-proċedura prekontezjuża
III – Id-deċiżjoni kkontestata
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
I – Dwar it-talbiet ta’ annullament
A – Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE u ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003
1. Fuq il-parti bbażata fuq in-nuqqas ta’ provi tal-ksur allegat
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
2. Fuq it-tieni parti bbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur allegat
a) Fuq id-data li fiha r-rikorrenti interrompew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
b) Fuq id-data li fiha l-impriża VA Tech reġgħet bdiet tipparteċipa fil-ksur
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
c) Fuq id-data tat-tmiem tal-ksur
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
3. Fuq il-parti bbażata fuq il-preskrizzjoni tal-ksur allegat għall-perijodu ta’ wara s‑16 ta’ Lulju 1998
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
4. Fuq il-parti bbażata fuq l-ammont eċċessiv tal-multi imposti
a) Fuq l-ewwel erba’ lmenti, ibbażati, essenzjalment, fuq applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni, tal-kunċett ta’ impriża, fis-sens tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Fuq il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet
– Fuq il-kumpanniji differenti li lihom jista’ jiġi imputat l-aġir tal-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju u l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-ħlas in solidum tal-multi
– Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ Reyrolle, ta’ SEHV u ta’ Magrini meta ġie applikat l-ammont inizjali tal-impriża VA Tech fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar
– Fuq iż-żieda minħabba t-tul tal-ksur
– Fuq il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ
b) Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat żammet lil Reyrolle responsabbli flimkien mal-kumpannija parent tagħha
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
c) Fuq is-sitt ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ne bis in idem
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
d) Fuq is-seba’ lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ tnaqqis tal-multa
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Fuq iċ-ċirkustanzi attenwanti
– Fuq l-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni
B – Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuqil-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u, b’mod iktar speċifiku, tad-dritt tar-rikorrenti li jeżaminaw ix-xhud kontra tagħhom, li jirriżulta mill-Artikolu 6(3)(d) tal-KEDB u tad-dritt għal smigħ xieraq
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
II – Fuq it-talbiet għal tibdil
A – Fuq il-multi imposti fuq SEHV u fuq Magrini
B – Fuq il-multi imposti fuq Reyrolle, fuq Siemens Österreich u fuq KEG
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.