Kawża T-85/07

Gabel Industria Tessile SpA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali GABEL — Trade mark Komunitarja figurattiva preċedenti GAREL — Rifjut parzjali ta’ reġistrazzjoni — Portata tal-eżami li għandu jitwettaq mill-Bord tal-Appell — Obbligu li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors fl-intier tiegħu — Artikolu 62(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Ġunju 2008   II - 825

Sommarju tas-sentenza

  1. Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ appell – Deċiżjoni dwar l-appell – Obbligu tal-Bord tal-Appell – Portata

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 62(1))

  2. Trade mark Komunitarja – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja – Possibbiltà tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tirriforma d-deċiżjoni kkontestata

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63(2) u (3))

  1.  Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, “[w]ara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilita’ ta’ l-appell, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi l-appell”. Dan l-obbligu għandu jinftiehem fis-sens li l-Bord tal-Appell huwa obbligat jiddeċiedi fuq kull wieħed mill-kapijiet tat-talbiet magħmula quddiemu fl-intier tiegħu billi jilqgħu jew billi jiċħdu bħala inammissibbli, jew billi jiċħdu fil-mertu. Peress li l-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ ikollu impatt fuq il-kontenut tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, din hija forma sostanzjali li l-ksur tagħha jista’ jitqajjem ex officio mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

    (ara l-punt 20)

  2.  Għalkemm l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jagħti s-setgħa lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tirriforma d-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), din il-possibbiltà hija, bħala regola, limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża. Il-fatt li l-Bord tal-Appell naqas milli jiddeċiedi fuq wieħed mill-kapijiet tat-talbiet tar-rikorrent jeskludi li l-kawża tinsab f’tali stat. Fil-fatt, ir-riforma ta’ tali deċiżjoni tkun timplika li l-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa għall-ewwel darba fil-mertu t-talbiet li fuqhom il-Bord tal-Appell naqas milli jiddeċiedi. Issa tali evalwazzjoni ma tidħolx fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza ddefinit mill-Artikolu 63(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94.

    (ara l-punt 28)