SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

1 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Olandiżi lil KG Holding NV — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Rikors għal annullament — Inammissibbiltà parzjali — Irkupru tal-għajnuna mingħand impriżi benefiċjarji li ġew iddikjarati falluti — Linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà”

Fil-Kawżi magħquda T-81/07, T-82/07 u T-83/07,

Jan Rudolf Maas, fil-kapaċità tiegħu bħala stralċarju ta’ KG Holding NV, residenti f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentat minn G. van der Wal u T. Boesman, avukati,

rikorrent fil-Kawża T-81/07,

Jan Rudolf Maas u Cornelis van den Bergh, fil-kapaċità tagħhom bħala stralċarji ta’ Kliq BV, residenti f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentati minn G. van der Wal u T. Boesman, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T-82/07,

u

Jean Leon Marcel Groenewegen, fil-kapaċità tiegħu bħala stralċarju ta’ Kliq Reïntegratie, residenti f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentat minn G. van der Wal u T. Boesman, avukati,

rikorrent fil-Kawża T-83/07,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet, bħala aġent,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/939/KE tad-19 ta’ Lulju 2006, dwar l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mill-Pajjiżi l-Baxxi favur KG Holding NV (ĠU L 366, p. 40),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn S. Papasavvas, li jirrappreżenta l-kariga ta’ President, N. Wahl u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1. Il-kuntest ġenerali

1

Fil-kuntest tal-privatizzazzjoni tas-servizzi tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Impjiegi, KG Holding NV, li tagħha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa l-uniku azzjonist, ġiet ikkostitwita fl-1 ta’ Jannar 2002.

2

Fit-18 ta’ Mejju 2002, peress li KG Holding inqasmet, ġew ikkostitwiti Kliq Reïntegratie BV (1450 impjegat) u Kliq Employability BV (200 impjegat). KG Holding kienet l-unika azzjonista f’dawn iż-żewġ kumpanniji. Kien jeżisti wkoll numru limitat ta’ sussidjarji oħra ta’ daqs żgħir. L-attivitajiet prinċipali taż-żewġ sussidjarji ewlenin kienu jikkonsistu fil-provvista ta’ servizzi fil-qasam tat-tfittxija ta’ xogħol għal min ikun qed ifittex impjieg, fl-inklużjoni ta’ ħaddiema b’diżabbiltà, fit-tfittxija ta’ ħaddiema li jistgħu jokkupaw impjiegi vakanti għall-benefiċċju ta’ min iħaddem kif ukoll f’servizzi fil-qasam tal-kollokament ta’ persunal b’mod ġenerali.

3

Minħabba problemi finanzjarji, fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni li kienet tikkonċerna Kliq Reïntegratie, ġiet ikkostitwita Kliq BV fil-31 ta’ Lulju 2003. Sussegwentement, mill-1 ta’ Ottubru 2003, Kliq ħadet parti mill-kuntratti ta’ Kliq Reïntegratie.

4

Fit-30 ta’ Settembru 2003, KG Holding iddeċidiet, bħala azzjonista unika ta’ Kliq, sabiex tipproċedi għall-ħruġ ta’ 150000 ishma ta’ Kliq, kull waħda b’valur nominali ta’ EUR 100, b’ammont totali ta’ EUR 15000000, bil-kundizzjoni li 75% ta’ dan l-ammont, jiġifieri EUR 11250000 isiru disponibbli biss wara li Kliq tkun għamlet talba f’dan is-sens.

5

Fit-12 ta’ Novembru 2003, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni sabiex ikun jista’ jagħti għajnuna għa-salvataġġ taħt forma ta’ self favur KG Holding li kienet tammonta għal EUR 45000000 għal perijodu ta’ sitt xhur, li minnhom EUR 9250000 kellhom jiġu mislufa lil Kliq filwaqt li EUR 35750000 kellhom jiġu mislufa lil Kliq Reïntegratie sabiex tosserva l-impenji kuntrattwali fis-seħħ u tkopri l-ispejjeż ta’ pjan soċjali.

6

Fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003 (ĠU 2004, C 33, p.8), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna tal-Istat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu l-intenzjoni li jagħti lil KG Holding taħt forma ta’ self ta’ EUR 45000000 għal perijodu ta’sitt xhur setgħet tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

7

Fit-23 ta’ Diċembru 2003, ġie konkluż ftehim ta’ self bejn KG Holding u Kliq li kien jammonta għal EUR 9250000. Dan il-ftehim kien jinkludi projbizzjoni ta’ tpaċija għal Kliq, filwaqt li kien jippermetti lil KG Holding sabiex tagħmel tpaċija bejn l-ammonti tas-self dovuti u debitu eventwali ta’ Kliq.

8

Fl-24 ta’ Jannar 2004, il-Ministru tal-Finanzi Olandiż iddeċieda li jikkonverti s-self ta’ EUR 45000000 mogħti lil KG Holding f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur l-istess kumpannija. Din il-konverżjoni kellha tikkonkretizza ruħha permezz tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ mogħti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil KG Holding f’kapital proprju ta’ KG Holding kif ukoll permezz tal-għoti ta’ ammont ta’ EUR 9250000 ta’ dan is-self lil Kliq u ta’ ammont ta’ EUR 35750000 ta’ dan is-self lil Kliq Reïntegratie. Fin-notifika tiegħu lill-Kummissjoni, fis-26 ta’ Jannar 2004, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab l-approvazzjoni ta’ din l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. F’April, Awwissu u Novembru 2004, il-Kummissjoni talbet preċiżazzjonijiet ulterjuri.

9

Fit-8 ta’ Frar 2005, ir-Rechtbank Rotterdam (Tribunal Distrettwali ta’ Rotterdam) iddikjara l-falliment ta’ KG Holding u ħatar lil J. R. Mass bħala stralċarju. Fid-9 ta’ Frar 2005, ir-Rechtbank Utrecht (Tribunal Distrettwali ta’ Utrecht) iddikjara l-falliment ta’ Kliq Reïntegratie u ħatar li J. L. M. Groenewegen bħala stralċarju.

10

Fit-23 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni organizzat laqgħa ma’ rappreżentanti tal-Ministeru tal-Finanzi u tal-kumpanniji kkonċernati fir-rigward tat-talba għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

11

Wara l-falliment ta’ KG Holding u wara diffikultajiet finanzjarji li Kliq kienet qed tiffaċċja, din tal-aħħar fasslet, fil-bidu tas-sena 2005, pjan li jippermettilha tiżgura t-tkomplija tal-attivitajiet tagħha. L-għan ta’ dan il-pjan kien li jippermetti lil KG Holding sabiex tbigħ l-ishma li hija kienet tippossjedi fi Kliq. Għal dan il-għan, Kliq imxiet abbażi ta’ pjan imqassam fuq diversi stadji, jiġifieri, qabel kollox, l-implementazzjoni minn KG Holding tal-obbligu tagħha fir-rigward tagħha li l-ishma jsiru disponibbli permezz ta’ tpaċija bejn l-obbligu li l-ishma jsiru disponibbli u s-self għal ammont ta’ EUR 9250000 u, sussegwentement, il-bejgħ tal-ishma tagħha fil-pussess ta’ KG Holding.

12

Fis-16 ta’ Ġunju 2005, Kliq talbet lill-istralċarju ta’ KG Holding sabiex il-kapital li ma kienx disponibbli jsir kollu kemm hu disponibbli. L-istralċarju ta’ KG Holding oppona t-talba ta’ Kliq intiża sabiex l-ishma jsiru disponibbli permezz ta’ tpaċija bejn dan l-obbligu u d-debitu ta’ Kliq bħala self li jammonta għal EUR 9250000. Sussegwentement, fil-21 ta’ Ġunju 2005, Kliq talbet lir-rechter-commissaris (Imħallef delegat), li huwa l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali kompetenti, sabiex jordna lill-istralċarju ta’ KG Holding sabiex jikkollabora mat-twettieq tal-pjan imqassam fuq diversi stadji, sabiex jagħmel il-konverżjoni u sussegwentement jipproċedi għall-bejgħ tal-ishma ta’ Kliq permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti. Fit-22 ta’ Ġunju 2005, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta wkoll rikors li bih talab lir-rechter-commissaris sabiex jordna lill-istralċarju sabiex bil-mezzi kollha jopponi t-tpaċija, min-naħa ta’ Kliq, bejn id-debitu tagħha fil-konfront ta’ KG Holding (obbligu li l-ishma jsiru disponibbli) u dak ta’ KG Holding fil-konfront ta’ Kliq (self li jammonta għal EUR 9250000). Fit-22 ta’ Awwissu 2005, ir-rechter-commissaris laqa’ t-talba ta’ Kliq. Huwa qies li t-tpaċija u l-fatt li l-ishma jsiru disponibbli jikkostitwixxi vantaġġ favur il-kredituri kollha ta’ KG Holding. It-talba tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġiet miċħuda u l-istralċarju ta’ KG Holding intalab jikkollabora għall-implementazzjoni tal-pjan imqassam fuq diversi stadji mfassal minn Kliq. L-ebda waħda miż-żewġ partijiet ma appellat din id-deċiżjoni.

13

Fl-14 ta’ Diċembru 2005, ġie ddikjarat il-falliment ta’ Kliq u J. R. Maas u C. van den Bergh inħatru bħala stralċarji. Fil-21 ta’ Diċembru 2005 dawn l-istralċarji biegħu l-assi ta’ Kliq lil operatur fis-suq għal prezz ta’ EUR 5500000.

2. Il-proċedura amministrattiva

14

Fil-5 ta’ Awwissu 2005, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE, wara n-notifika tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tas-26 ta’ Jannar 2004 (ĠU C 280, p. 2). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni provviżorja li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu l-intenzjoni li jagħti lil KG Holding billi jbiddel is-self ta’ EUR 45000000 u l-interessi dovuti fuqu f’kapital proprju ta’ KG Holding, ma kienx konformi mal-eżiġenzi tal-komunikazzjoni tagħha dwar għajnuna tal-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU 1999, C 288, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) fis-seħħ meta ngħata s-self ta’ salvataġġ. Għaldaqstant il-Kummissjoni kellha xi dubji dwar jekk l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ppjanata setgħetx tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni.

15

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bagħat ir-reazzjoni tiegħu dwar din id-deċiżjoni lill-Kummissjoni, kif ukoll informazzjoni supplimentari li kienet ġiet mitluba lilu, permezz ta’ ittri tad-29 ta’ Settembru 2005 u tat-13 ta’ Jannar u tas-17 ta’ Frar 2006.

3. Id-deċiżjoni kkontestata

16

Fid-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/939/KE dwar l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mill-Pajjiżi l-Baxxi favur KG Holding (ĠU L 366, p. 40, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

17

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, qabel kollox, ikkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

18

Sussegwentement, il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mas-suq komuni. Fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li KG Holding kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala impriża f’diffikultà skont il-linji gwida u li setgħet għaldaqstant tibbenefika minn għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni sussegwentement ikkonstatat li l-għoti tal-għajnuna kienet suġġetta għall-kundizzjoni tal-implementazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni approvat minnha (premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni nnotifikat mill-awtoritajiet Olandiżi kellu xi nuqqasijiet. Skont il-Kummissjoni, il-pjan ta’ ristrutturazzjoni ma kienx effiċjenti u ma setax jagħti lok għall-bidla meħtieġa minħabba n-nuqqas tal-vijabbiltà interna meta mqabbla mal-vijabbiltà derivanti minn kapital proprju (premessi 37 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

19

Fil-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tgħid:

“Peress li l-kundizzjonijiet fundamentali previsti mil-linji gwida għall-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma ġewx sodisfatti, il-Kummissjoni ma tistax tawtorizza l-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma tistax għaldaqstant tiġi approvata. Għal din ir-raġuni, il-miżura nnotifikata lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) [KE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20

Fil-punt 6.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat kunsiderazzonijiet ulterjuri fuq il-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ ta’ EUR 9250000 mogħti lil Kliq f’kapital proprju, fuq is-self ta’ salvataġġ ta’ EUR 35750000 mogħti lil Kliq Reïntegratie u fuq is-self qadim mogħti lil KG Holding meta din ġiet ikkostitwita.

21

Fir-rigward tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ ta’ EUR 9250000 mogħti lil Kliq f’kapital proprju, il-Kummissjoni esponiet dan li ġej, fil-premessi 43 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(43)

L-awtoritajiet Olandiżi informaw lill-Kummissjoni li l-qorti Olandiża kompetenti kienet ordnatilhom, skont l-Artikoli 53 u 69 tal-liġi Olandiża fuq il-fallimenti, sabiex jikkonvertu s-self ta’ EUR 9250000 f’kapital proprju. Din il-konverżjoni saret fit-22 ta’ Awwissu 2005. Hija tista’ għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala implementazzjoni parzjali tal-miżura nnotifikata.

(44)

Il-Kummissjoni tfakkar lill-awtoritajiet Olandiżi li, skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju fuq id-dritt nazzjonali, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali msemmija fil-premessa 43 hija kontra l-projbizzjoni ta’ implementazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat qabel ma din tkun ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) [KE]. Il-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju favur ir-ristrutturazzjoni hija għajnuna illegali għar-ristrutturazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-għajnuna nnotifikata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mil-linji gwida, miżura li tinkludi implementazzjoni parzjali ta’ din l-għajnuna hija inkompatibbli wkoll. Il-fatt li din il-miżura ġiet implementata fuq deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali huwa mingħajr rilevanza f’dan ir-rigward, peress li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu, bħal fil-każ ta’ istituzzjonijiet pubbliċi oħra, li josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

(45)

Il-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ ta’ EUR 9250000 ittrasferit lil [Kliq], fuq deċiżjoni tal-qorti nazzjonali, għandha bħala konsegwenza tiġi meqjusa bħala għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni illegali u inkompatibbli lil [Kliq]. Peress li hija ma tistax tiġi awtorizzata, din l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22

Fir-rigward tas-self ta’ salvataġġ ta’ EUR 35750000 mogħti lil Kliq Reïntegratie, il-Kummissjoni kkonstatat li dan ma kienx ġie kkonvertit f’kapital proprju b’mod li l-għajnuna inkwistjoni baqgħet meqjusa bħala għajnuna għas-salvataġġ. Fil-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tawtorizza l-pjan ta’ stralċ ta’ KG Holding u ta’ Kliq Reïntegratie, li fallew, sa fejn iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

“[Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għandu [j]irreġistra l-pretensjoni [tiegħu] fuq [KG Holding] u/jew [Kliq Reïntegratie] li tammonta għal EUR 35750000 bħala kreditur fil-proċediment ta’ falliment quddiem l-istralċarju.

[Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għandu [j]ħares li l-kumpannija tiġi stralċata b’mod li tintemm id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li jimplika li l-attivitajiet tal-impriżi kkonċernati għandhom jiġu sospiżi u l-assi tagħhom għandhom jiġu ttrasferiti fl-iqsar żmien possibbli skont il-kundizzjonijiet tas-suq. B’mod ġenerali, meta impriża tinbiegħ kompletament, ikun hemm riskju li l-għajnuna mogħtija tgħaddi f’idejn min jixtri l-impriża inkwistjoni. Billi jiġu ttrasferiti biss l-assi tal-impriża, dan ir-riskju jonqos.”

23

Fir-rigward tal-għajnuna qadima mogħtija lil KG Holding meta ġiet ikkostitwita, il-Kummissjoni indikat li din kienet toħroġ mill-kuntest ta’ miżuri ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni u mill-proċedura inkwistjoni (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tenfasizza madankollu li hija għandha l-intenzjoni li tesponi l-opinjoni tagħha sabiex tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ kontradizzjonijiet ġodda bejn ir-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-qrati kompetenti, b’mod partikolari l-proċedura ġudizzjarja quddiem il-qorti Olandiża kif inhu espost fil-premessi 52 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata.

24

Il-premessi 52 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata jgħidu:

“(52)

Skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni nnotifikat, [KG Holding] kellha tirrimborsa kompletament, qabel l-2016, is-self il-qadim li jammonta għal EUR 41000000, inkluża faċilità ta’ kreditu kondizzjonali taħt forma ta’ self korrenti awtorizzat ta’ EUR 17000000 […] li l-Istat kien ta fl-2002, taħt kundizzjonijiet tas-suq, wara l-kostituzzjoni ta’ [KG Holding] u li joħroġ mill-kuntest tal-miżuri ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni.

(53)

Fi Frar tal-2006, [ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] informa lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra li l-istralċarji kienu talbu lill-qrati nazzjonali kompetenti, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ falliment li jikkonċernaw [KG Holding] u [Kliq Reïntegratie], sabiex jordnaw lill-Istat iħallas il-faċilità ta’ kreditu kollu li kien iffriża fi Frar 2005 wara l-waqfien tal-ħlas minħabba li kien mistenni l-falliment ta’ [KG Holding] u ta’ [Kliq Reïntegratie].

(54)

Il-Kummissjoni hija konxja tal-fatt li din il-kawża taqa’ taħt il-qorti nazzjonali kompetenti, li għandha tiddetermina jekk id-deċiżjoni tal-Istat kinitx skont il-ftehim dwar ix-xoljiment tal-faċilità ta’ kreditu.

(55)

Il-Kummissjoni tqis li jekk id-deċiżjoni tal-Istat kienet skont il-ftehim, il-qorti kompetenti għandha tikkonferma din id-deċiżjoni u tiċħad it-talba tal-istralċarji. Madankollu, fil-każ fejn il-qorti nazzjonali kellha tiddeċiedi li, anki jekk l-Istat osserva d-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali tagħha, huwa għandu jħallas, fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment, il-faċilità ta’ kreditu kollha lill-istralċarji, fejn din id-deċiżjoni tista’ tiġi meqjusa bħala għotja ta’ għajnuna ġdida min-naħa tal-Istat favur il-kredituri ta’ [KG Holding] u għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88(3) [KE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

25

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-Kummissjoni adottat, fid-deċiżjoni kkontestata, id-dispożittiv li ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna mogħtija mir-[Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] taħt forma ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur [KG Holding] li tammonta għal EUR 45000000 ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mil-[linji gwida] u hija għaldaqstant inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.   [Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jadotta] l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra mingħand [KG Holding] u mingħand [Kliq] il-parti tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 li [KG Holding] ittrasferiet lis-sussidjarja tagħha [Kliq] bħala self għas-salvataġġ li jammonta għal EUR 9250000 u li ġie kkonvertit f’kapital proprju, inklużi l-interessi relatati.

2.   L-irkupru għandu jsir mill-iktar fis possibbli u skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn jippermettu l-implementazzjoni immedjata u effettiva tad-[deċiżjoni kkontestata].

3.   L-ammont li għandu jiġi rkuprat jinkludi interessi mid-data li fiha tqassam f’diversi partijiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru tiegħu.

4.   L-interessi msemmija fit-tielet paragrafu huma kkalkolati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 3

[Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għandu [j]irreġistra l-pretensjoni [tiegħu] fuq [KG Holding] u/jew [Kliq Reïntegratie] li tammonta għal EUR 35750000 bħala kreditur fil-proċediment ta’ falliment quddiem l-istralċarju. [Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi] għandu [j]ħares li l-impriżi jiġu stralċati b’mod li tintemm id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li jimplika li l-attivitajiet tal-impriżi kkonċernati jiġu sospiżi u l-assi tagħhom jiġu ttrasferiti fl-iqsar żmien possibbli skont il-kundizzjonijiet tas-suq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Marzu 2007, J. R. Maas, fil-kapaċità tiegħu bħala stralċarju ta’ KG Holding (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent 1”), J. R. Maas u C. van den Bergh, fil-kapaċità tagħhom bħala stralċarji ta’ Kliq BV (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent 2”), u J. L. M. Groenewegen, fil-kapaċità tiegħu bħala stralċarju ta’ Kliq Reïntegratie (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent 3”), ippreżentaw dan ir-rikors.

27

Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Novembru 2008, il-Kawżi T-81/07, T-82/07 u T-83/07 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

28

Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni kkomunikat l-ittra tagħha tal-31 ta’ Ottubru 2008 dwar il-Kawżi T-81/07 u T-82/07 indirizzata lill-awtoritajiet Olandiżi. Ir-rikorrenti 1 u 2 ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-ittra permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Novembru 2008.

29

It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta li nżammet fl-10 ta’ Diċembru 2008.

30

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikorsi;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

32

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, żbalji ta’ fatt u ta’ liġi, nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt li jinstemgħu l-partijiet kif ukoll prinċipji ġenerali tad-dritt u diversi ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE.

33

Għall-finijiet tal-eżami ta’ dan ir-rikors, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-diversi partijiet ikkontestati tad-deċiżjoni kkontestata:

il-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17000000 mogħti lil KG Holding mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, imsemmija fil-premessi 51 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata;

l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata li tammonta għal EUR 45000000, iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

l-irkupru mingħand KG Holding u mingħand Kliq tas-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 9250000 ikkonvertit f’kapital proprju kif ukoll tal-interessi relatati sad-data tal-irkupru tiegħu, previst fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

ir-reġistrazzjoni tal-pretensjoni li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35750000, bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju, sabiex jirkupra l-parti mill-għajnuna għas-salvataġġ mogħtija lil Kliq Reïntegratie, prevista fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

1. Osservazzjonijiet preliminari

34

Sabiex tipprepara s-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkomunikat ir-rapport għas-seduta lill-partijiet qabel is-seduta u stiednet il-partijiet sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet eventwali dwar dan ir-rapport jew b’mod orali matul is-seduta, jew bil-miktub fi żmien utli qabel is-seduta. Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti 1 u 2 ippreżentaw ċerti osservazzjonijiet bil-miktub dwar ir-rapport għas-seduta. Fis-seduta tal-10 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza, essenzjalment, sabiex ma tiħux dawn l-osservazzjonijiet inkunsiderazzjoni.

35

Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 47(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors u r-risposta jistgħu jiġu kkompletati permezz tar-replika tar-rikorrent u permezz ta’ kontroreplika tal-konvenut. Peress li r-rikorrenti 1 u 2 ippreżentaw ir-rikorsi u r-repliki tagħhom u l-Kummissjoni ppreżentat ir-risposti u l-kontrorepliki tagħha, fir-rigward tal-Kawżi T-81/07 u T-82/07, il-proċedura bil-miktub ilha magħluqa sa mill-14 ta’ Jannar 2008. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li n-nota tar-rikorrenti 1 u 2 tat-8 ta’ Diċembru 2008 toħroġ, parzjalment, mill-kuntest tal-osservazzjonijiet fuq ir-rapport għas-seduta

2. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi fil-Kawżi T-81/07 u T-83/07 fir-rigward tal-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17000000 mogħti lil KG Holding mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

Argumenti tal-partijiet

36

Il-Kummissjoni tinvoka l-inammissibbiltà tal-ilmenti li jikkonċernaw il-faċilità ta’ kreditu. L-evalwazzjonijiet tagħha magħmulin fil-motivi tad-deċiżjoni kkontestata mhumiex tali li jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

37

Ir-rikorrenti 1 u 3 jsostnu li l-Kummissjoni ddeċidiet, bi żball ta’ liġi, fil-premessi 51 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar faċilità ta’ kreditu taħt forma ta’ kont kurrenti, li jirrappreżenta ammont ta’ EUR 17000000, li, fil-fehma tagħhom, ingħatat lil KG Holding mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi meta hija ġiet ikkostitwita u li ma kinitx is-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Il-Kummissjoni għaldaqstant eċċediet il-kompetenza tagħha u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u d-dritt li jinstemgħu l-partijiet, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt, inkluż id-dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU 2000, C 364, p. 1), il-prinċipju ta’ trasparenza u l-obbligu tagħha ta’ diliġenza.

38

Il-Kummissjoni tinvestiga, fil-premessi 51 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, kreditu pubbliku mogħti fl-2002 mill-Istat lil KG Holding. Dan jirrigwarda faċilità ta’ kreditu taħt forma ta’ kont kurrenti fi ħdan bank, li jammonta għal EUR 17000000, marbut ma’ garanzija pubblika, mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-2002, taħt kundizzjonijiet tas-suq, u li f’dan ir-rigward ir-rikorrent 1 u r-rikorrent 3 talbu l-implementazzjoni tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ċivili quddiem ir-Rechtbank Den Haag (Tribunal distrettwali tal-Aja). Mingħajr ma mmotivat il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, li deċiżjoni tal-qorti nazzjonali, li tikkonkludi li l-Istat kien marbut li jikkonforma ruħu ma’ dan l-obbligu, li ġie fis-seħħ fl-2002, huwa ekwivalenti għal deċiżjoni ta’ ogħti ta’ għajnuna ġdida mill-Istat, favur il-kredituri ta’ KG Holding.

39

Ir-rikorrenti 1 u 3 jenfasizzaw li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenzi tagħha billi ddeċidiet dwar miżura li hija s-suġġett ta’ kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali.

40

Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni mhijiex immotivata biżżejjed skont l-Artikolu 253 KE. Il-Kummissjoni stabbilixxiet fil-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata li l-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17000000 ingħatat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi taħt il-kundizzjonijiet tas-suq u li ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat. Peress li l-għoti tas-self lil impriża mill-Istat ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, id-deċiżjoni meħuda mill-qorti kompetenti, taħt id-dritt nazzjonali, li tikkundanna lil dan l-Istat sabiex jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu, skont ftehim li, meta ġie konkluż, ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u sabiex jonora l-faċilità ta’ kreditu, iktar u iktar m’għandux jiġi kkunsidrat bħala deċiżjoni ta’ għoti ta’ għajnuna ġdida mill-Istat. Impriża kummerċjali tkun kostretta wkoll, li kieku kienet tinsab fis-sitwazzjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li tonora l-faċilità ta’ kreditu mifthiema.

41

Barra minn hekk il-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17000000 ma tidħolx fil-kuntest tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ KG Holding, innotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 88(3) KE.

42

Anki jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien, f’kull mument, ikkumplementa n-notifika tiegħu billi żied din il-faċilità ta’ kreditu, dwar liema każ ir-rikorrenti 1 u 3 ma ġewx informati, din il-kwistjoni madankollu ma tidħolx fil-kuntest tal-eżami tal-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE. Fid-deċiżjoni tal-5 ta’ Awwissu 2005, f’kull każ, ma saret ebda riferenza għal dan.

43

Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ trasparenza u l-obbligu ta’ diliġenza jeżiġu li l-persuni interessati potenzjali jistgħu jsiru jafu b’mod ċar, abbażi tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, liema huma n-natura u l-portata tal-miżura suġġetta għal investigazzjoni f’iktar dettall. Il-fatt li l-Kummissjoni tiddeċiedi, anki jekk mhux b’mod restrittiv, fuq miżura, sew jekk ikollha sew jekk ma jkollhiex rabta mas-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u sa fejn din il-miżura ma tkunx ġiet iċċitata fid-deċiżjoni, mhuwiex kompatibbli ma’ dawn il-prinċipji.

44

Bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, il-faċilità ta’ kreditu ma taqax taħt il-punt 5 tal-Anness tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

45

Ir-rikorrenti 1 u 3 jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod żbaljat skont il-liġi, fil-premessi 51 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17000000 u li, b’mod żbaljat, hija kkwalifikat din il-faċilità ta’ kreditu bħala għajnuna ġdida mill-Istat li għandha tiġi nnotifikata fil-każijiet fejn l-Istat għandu jħallas din is-somma kollha lill-istralċarji. Din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tikser id-drittijiet tad-difiża tagħhom, id-dritt tagħhom li jinstemgħu, l-obbligu tagħha ta’ diliġenza u l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ trasparenza.

46

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-Kummissjoni ma jaqblilhiex li fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni hija tiddeċiedi dwar miżuri derivanti mill-qafas tad-dispożittiv tal-istess deċiżjoni. Madankollu, fil-każ inkwistjoni, jeħtieġ biss li jiġi kkonstatat li, ikunu xi jkunu l-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, huwa biss id-dispożittiv tagħha li jista’ jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, li jista’ jikkawża preġudizzju. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet ifformulati fil-motivi ta’ deċiżjoni ma jistgħux, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Dawn ma jistgħux jitqiegħdu taħt l-istħarriġ tal-legalità mill-qorti Komunitarja ħlief fil-każ fejn, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dan l-att (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C-164/02, Ġabra p. I-1177, punt 21) jew jekk, b’mod aktar partikolari, dawn il-motivi jistgħu jbiddlu s-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv tal-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T-251/00, Ġabra p. II-4825, punt 68; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2007, EnBW vs Il-Kummissjoni, T-387/04, Ġabra p. II-1195, punt 127).

47

Għandu jingħad ukoll li, f’dan il-każ, l-evalwazzjonijiet ikkontestati tal-Kummissjoni, li jikkonċernaw il-faċilità ta’ kreditu, ma jikkostitwixxux il-bażi neċessarja tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Lanqas ma jistgħu jbiddlu s-sustanza ta’ dan id-dispożittiv. Fil-fatt, ġaladarba l-Kummissjoni f’dan id-dispożittiv ikkonstatat li l-għajnuna mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi taħt il-forma ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur KG Holding, li tammonta għal EUR 45000000, kienet inkompatibbli mas-suq komuni u li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra mingħand KG Holding u minn Kliq il-parti tal-għajnuna li tammonta għal EUR 9250000 u jirreġistra l-pretensjoni tiegħu fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35750000, għandu jiġi osservat li dan id-dispożittiv ma jikkomportax teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni fuq il-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17000000.

48

Għaldaqstant, ir-rikorsi fil-Kawżi T-81/07 u T-83/07 huma inammissibbli sa fejn huma diretti kontra ċ-ċirkustanzi msemmija fid-deċiżjoni kkontestata li jikkonċernaw il-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17000000.

3. Fuq il-mertu

49

Jeħtieġ li jiġu eżaminati l-ilmenti li jikkonċernaw l-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata li tammonta għal EUR 45000000 (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata), l-irkupru mingħand KG Holding u minn Kliq tas-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 9250000 ikkonvertit f’kapital proprju kif ukoll tal-interessi relatati sad-data tal-irkupru tiegħu (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-reġistrazzjoni tal-pretensjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35750000 bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-konsegwenzi tal-falliment għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat (Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

Fuq l-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-għaujnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata li tammonta għal EUR 45000000 (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata)

L-argumenti tal-partijiet

50

Il-partijiet rikorrenti jsostnu li, bi ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li għajnuna kkonċernata kienet taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Minn tal-inqas, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, mhumiex immotivati biżżejjed u jmorru kontra l-Artikolu 253 KE.

51

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, skont il-partijiet rikorrenti, l-ewwel sentenza ta’ din il-premessa, li tgħid li l-fatt li KG Holding topera biss fis-suq Olandiż ma jeskludix li vantaġġ mogħti lilha tista’ tkun ta’ distorsjoni jew thedded li tkun ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni u li tista’ tkun tali li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tikkostitwixxi sempliċi affermazzjoni.

52

Fit-tieni sentenza tal-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tippreċiżax liema huma l-iktar impriżi ta’ daqs żgħir li huma attivi fis-suq Olandiż. Barra minn hekk, hija ma tispjegax sa fejn il-preżenza ta’ sussidjarji ta’ dawn l-impriżi fis-suq Olandiż hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kompetizzjoni hijiex distorta b’mod sinjifikanti u lanqas ma tispjega l-konsegwenzi li din tikkawża fir-rigward tal-kummerċ bejn Stati Membri. Matul is-seduta, il-partijiet rikorrenti kkontestaw in-natura internazzjonali ta’ dawn l-impriżi fir-rigward tas-suq komuni.

53

Fit-tielet sentenza tal-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE jidhru li ġew sodisfatti. Il-Kummissjoni jmissha stabbilixxiet li dawn il-kundizzjonijiet ġew effettivament sodisfatti u ma tistax tissodisfa lilha nnifisha mill-fatt li dawn il-kundizzjonijiet jidhru li ġew sodisfatti.

54

Fir-rigward tal-konsegwenzi tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ mogħti lil KG Holding f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni jmissha ħadet inkunsiderazzjoni n-natura tas-self ta’ salvataġġ u tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni inkwistjoni.

55

Skont ir-rikorrenti 1 u 3, is-self ta’ salvataġġ approvat, li jammonta għal EUR 45000000, kien fl-ewwel lok intiż għall-istralċ ta’ Kliq Reïntegratie: EUR 35750000 tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ Kliq Reïntegratie minn KG Holding sabiex jiġi ffinanzjat il-pjan ta’ tluq ta’ madwar 1000 impjegat kif ukoll spejjeż oħra sostnuti fil-kuntest tal-istralċ ta’ Kliq Reïntegratie. Dan l-ammont ma setax jiġi rrimborsat u ma jistax għaldaqstant jaffettwa l-kompetizzjoni nazzjonali u jkollu konsegwenzi sinjifikanti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

56

Skont ir-rikorrent 2, fir-rigward ta’ Kliq, il-Kummissjoni ma tindikax fhiex it-tpaċija bejn iż-żewġ debiti jista’ jkollha konsegwenzi sinjifikanti fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Din it-tpaċija ma timplikax biss fil-fatt, fir-rigward ta’ sitwazzjoni li fiha hija ma saritx, vantaġġ għall-kredituri kollha ta’ KG Holding u mhux għal Kliq.

57

Fir-repliki tagħhom, il-partijiet rikorrenti jenfasizzaw li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija wkoll inkompatibbli ma’ dak li l-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003. Fil-punt 3.2.2 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li l-konsegwenzi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri kienu ineżistenti jew kemm kemm perċepibbli. Barra minn hekk, meta rreferiet għad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha fil-kuntest tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa differenti ħafna minn dak li hija għandha fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

58

Il-partijiet rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tistax tagħti l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata a posteriori. B’riferenza għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2005 dwar il-miżura ta’ għajnuna N 465/2005 (ĠU 2006, C 9, p. 5), il-partijiet rikorrenti jqisu li l-elementi msemmija mill-Kummissjoni fir-risposti tagħhom mhumiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura ta’ għajnuna setgħetx twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni jew taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

59

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti magħmulin mill-partijiet rikorrenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

60

Fir-rigward tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontesatata, il-partijiet rikorrenti jikkontestaw, minn naħa, il-motivazzjoni allegatament insuffiċjenti fir-rigward tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u fuq il-fatt li jintlaqat il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

61

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu informati bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u bil-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I-2481, punt 35).

62

Il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-att, min-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha u għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punt 16, u Franza vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 36).

63

Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk jista’ jirriżulta, f’ċerti każijiet, miċ-ċirkustanzi nnifishom li fihom ingħatat l-għajnuna li din hija ta’ natura li tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri u li toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni fuq il-kompetizzjoni, hija madankollu l-Kummissjoni li għandha ssemmi dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1985, Il-Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 24; tad-19 ta’ Ottubru 2000, L-Italja u Sardegna Lines vs Il-Kummissjoni, C-15/98 u C-105/99, Ġabra p. I-8855, punt 66, u tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-334/99, Ġabra p. I-1139, punt 59).

64

Għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni hija marbuta li ma tistabbilixxix effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membru u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda għandha biss teżamina jekk l-għajnuna tistax tolqot dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-372/97, Ġabra p. I-3679, punt 44). F’dan ir-rigward, il-kunċett “tolqot” il-kummerċ bejn Stati Membri jinkludi wkoll il-possibbiltà ta’ dan l-effett (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, Ġabra p. I-10901, punt 112).

65

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni fakkret, b’mod partikolari, il-fatt li l-miżura kontenzjuża kienet tikkonsisti f’li tikkonverti f’kapital proprju l-għajnuna għas-salvataġġ li kien jammonta għal EUR 45000000 mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil KG Holding (premessi 8 u 22). Barra minn hekk, hija indikat li l-għajnuna għas-salvataġġ mogħtija lil KG Holding u l-konverżjoni tagħha f’kapital proprju kienu jimplikaw l-eżistenza ta’ vantaġġ li impriża li kienet tinsab fl-istess tip ta’ diffikultà u li kienet tinsab fuq l-għatba tal-falliment ma kinitx tikseb fis-suq finanzjarju (premessa 22). Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li impriżi internazzjonali ta’ daqs iżgħar, bħal TMP u Creyff’s (sussidjarja ta’ Solvus, il-Belġju), kienu attivi fis-suq Olandiż li fih kienet topera wkoll KG Holding (premessa 23). Sussegwentement hija kkonkludiet li l-vantaġġ inkwistjoni deher li kien qiegħed jiffavorixxi impriża fil-konfront tal-kompetituri tagħha, liema fatt kien qed joħloq distorsjoni jew kien qed jhedded li joħloq distorsjoni fuq il-kompetizzjoni u kien qed jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri (premessa 23). Fir-rigward tad-daqs ta’ KG Holding u Kliq Reïntegratie, il-Kummissjoni indikat li dawn l-impriżi kienu jimpjegaw madwar 2000 persuna (premessi 9 u 10) u li l-kapital azzjonarju ta’ KG Holding kien jammonta għal madwar EUR 73000000 fil-1 ta’ Jannar 2002 (premessa 32).

66

B’hekk, il-Kummissjoni esponiet b’mod ċar biżżejjed il-fatti u ċ-ċirkustanzi ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward. Billi qajmet dawn l-elementi, il-Kummissjoni ppreżentat biżżejjed elementi biex tistabbilixxi li l-għajnuna inkwistjoni setgħet tolqot il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

67

Din il-motivazzjoni tippermetti lill-partijiet rikorrenti u lill-Qorti tal-Prim’Istanza jsiru jafu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx eskluż li l-operazzjoni kontenzjuża tista’ tagħti lok għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

68

Fir-rigward tal-argument tal-partijiet rikorrenti li jgħidu li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward hija inkompatibbli mal-punt 3.2.2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, għandu jiġi enfasizzat li din l-aħħar deċiżjoni ma kinitx tikkonċerna l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, iżda l-għajnuna għas-salvataġġ. Fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2005, dwar il-miżura ta’ għajnuna N 465/2005 dwar is-servizzi ta’ sostenn fl-iskola, iċċitata iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jindikawx fhiex din id-deċiżjoni hija rilevanti għall-każ inkwistjoni. F’kull każ, din id-deċiżjoni ma tistax tikkontesta n-natura adegwata tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

69

Għaldaqnstant, l-argument dwar allegat nuqqas ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.

70

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u fuq kif jintlaqat il-kummerċ, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-għajnuna inkwistjoni tistax tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk toħloqx distorsjoni jew theddidtx li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

71

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li jirriżulta mill-ġurisprudenza li kull għoti ta’ għajnuna lil impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq Komunitarju tista’ tikkawża distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il-Kummissjoni, T-92/00 u T-103/00, Ġabra p. II-1385, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Qabel kollox, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa paċifiku li l-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 45000000 ingħatat taħt forma ta’ self mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil KG Holding, li minnha EUR 9250000 ġew ittrasferiti b’self lil Kliq, filwaqt li EUR 35750000 kienu intiżi għal Kliq Reïntegratie b’osservanza tal-impenji kuntrattwali fis-seħħ u biex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ pjan soċjali.

73

Skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, is-self ta’ EUR 45000000 mogħti lil KG Holding kellu jiġi kkonvertit f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur l-istess kumpannija. Din il-konverżjoni kellha timmaterjalizza ruħha permezz tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ mogħti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil KG Holding f’kapital proprju ta’ KG Holding kif ukoll permezz tal-attribuzzjoni ta’ ammont ta’ EUR 9250000 minn dan is-self lil Kliq u ta’ ammont ta’ EUR 35750000 minn dan is-self lil Kliq Reïntegratie.

74

L-effett intenzjonat tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni kien li KG Holding tinħeles mid-debitu kunsiderevoli — fid-dawl tal-kapital soċjali ta’ madwar EUR 73000000 fl-1 ta’ Jannar 2002 — ta’ EUR 45000000. Fir-rigward ta’ Kliq, dan it-tqegħid f’disponibbiltà kellu jkollu bħala effett li jikkonverti s-self ta’ EUR 9250000 f’kapital proprju. L-għajnuna inkwistjoni kellha ttejjeb il-mezzi ta’ azzjoni ta’ KG Holding u ta’ Kliq u, għaldaqstant, il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn l-impriżi.

75

Fir-rigward ta’ Kliq Reïntegratie, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-għajnuna intiża sabiex teħles impriża minn spejjeż li hija normalment kien ikollha tbati fil-kuntest tal-ġestjoni tagħha ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha bħala regola toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il-Kummissjoni, T-459/93, Ġabra p. II-1675, punti 48 u 77; tat-30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, T-214/95, Ġabra p. II-717, punt 43, u tat-23 ta’ Novembru 2006, Ter Lembeek vs Il-Kummissjoni, T-217/02, Ġabra p. II-4483, punt 177). L-għajnuna intiża għar-ristrutturazzjoni kellha teħles lil din tal-aħħar minn debitu ta’ EUR 35750000. Fir-rigward tal-argument tal-partijiet rikorrenti li jgħid li l-ammont ta’ EUR 35750000 kien intiż għall-istralċ ta’ Kliq Reïntegratie, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 li dan l-ammont kien intiż sabiex jiġu osservati l-impenji kuntrattwali u sabiex ikopri l-ispejjeż ta’ pjan soċjali. Kliq Reïntegratie kellha għaldaqstant tinħeles mill-ispejjeż li hija normalment kellha tbati.

76

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, meta għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Istat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompetu magħha fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu kkunsidrati bħala affettwati mill-għajnuna (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni, 730/79, Ġabra p. 2671, punt 11, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 47; sentenza Ter Lembeek vs Il-Kummissjoni, punt 75, iktar ’il fuq, punt 181).

77

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-għajnuna intiża għar-ristrutturazzjoni li tammonta għal EUR 45000000 issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ KG Holding u taż-żewġ sussidjarji tagħha, Kliq u Kliq Reïntegratie, meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tagħhom fis-suq Olandiż, li fosthom hemm, kif inhu indikat fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, impriżi internazzjonali, bħal TMP u Creyff’s.

78

Fis-seduta, il-partijiet rikorrenti kkontestaw in-natura internazzjonali ta’ dawn l-impriżi fir-rigward tas-suq komuni billi sostnew li l-effetti tal-attivitajiet tagħhom kienu interni għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet rikorrenti ma pproduċew ebda prova f’dan ir-rigward. Għaldaqstant huma ma setgħux jipprovaw li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-impriżi kkonċernati kienu ta’ natura internazzjonali, ma kinitx eżatta.

79

Ġaladarba l-għajnuna kontenzjuża ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-partijiet rikorrenti meta mqabbla ma’ impriżi oħra kompetituri, b’mod partikolari impriżi internazzjonali li joffru servizzi paragunabbli wkoll fi Stati Membri oħra, għandu jiġi kkunsidrat li l-kummerċ intra-Komunitarju huwa affettwat mill-għajnuna.

80

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata, li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-għajnuna kontenzjuża setgħet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

81

Jirriżulta minn dak li ntqal li l-argumenti tal-partijiet rikorrenti dwar l-inkompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq komuni għandha tiġi miċħuda. Għaldaqstant, it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex fondata.

Fuq l-irkupru mingħand KG Holding u mingħand Kliq tas-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 9250000 kif ukoll tal-interessi relatati sad-data tal-irkupru tiegħu (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata)

L-argumenti tal-partijiet

82

Ir-rikorrenti 1 u 2 isostnu li l-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod żbaljat, fil-premessi 43 as 46 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar id-disponibbiltà tal-ishma fil-pussess ta’ KG Holding fi Kliq permezz tat-tpaċija bejn l-obbligu li għandha KG Holding li trendi dawn l-ishma disponibbli u d-debitu li din tal-aħħar għandha fil-konfront ta’ Kliq skont il-ftehim ta’ self. Din il-kwistjoni ma tagħmilx parti mis-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-5 ta’ Awwissu 2005. Il-Kummissjoni għaldaqstant eċċediet il-kompetenza tagħha u kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom u d-dritt tagħhom li jinstemgħu, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt, inkluż id-dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ trasparenza u l-obbligu tagħha ta’ diliġenza.

83

It-tpaċija inkwistjoni ma tidħolx fil-kuntest tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur KG Holding, innotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 88(3) KE fis-26 ta’ Jannar 2004.

84

Anki jekk ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jtemm in-notifika tiegħu billi jżid din it-tpaċija ppjanata fost l-obbligi, dwar liema każ ir-rikorrenti 1 u 2 ma ġewx informati, din il-kwistjoni ma tidħolx fil-kuntest tal-investigazzjoni u tal-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE. Fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, m’hemm ebda riferenza għal dan. Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-konverżjoni f’kapital proprju ma tissemmiex fl-Anness tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

85

Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ trasparenza u l-obbligu ta’ diliġenza jeħtieġu li l-persuni interessati potenzjali jkunu jistgħu jafu b’mod ċar, abbażi tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, liema huma n-natura u l-portata tal-miżura suġġetta għal investigazzjoni f’iktar dettall. Mhuwiex kompatibbli ma’ dawn il-prinċipji l-fatt li l-Kummissjoni tiddeċiedi, anki jekk mhux restrittivament, fuq miżura, sew jekk ikollha sew jekk ma jkollhiex rabta mas-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jekk din id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma ssemmix din il-miżura.

86

Fir-repliki tagħhom, ir-rikorrenti 1 u 2 jsostnu, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, li din mhijiex kwistjoni ta’ emenda tal-miżura ta’ għajnuna nnotifikata wara l-ftuħ tal-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE. Mill-fatt li KG Holding, wara n-notifika tas-26 ta’ Jannar 2004, ġiet iddikjarata falluta fit-8 ta’ Frar 2005, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tilef kull kontroll fuq KG Holding u s-sussidjarji tagħha, fosthom Kliq Reintegratie u Kliq. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sar kreditur ordinarju, mingħajr ebda dritt ta’ kontroll. Din it-tpaċija, magħmula b’mod unilaterali minn Kliq, m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala att tal-Istat Membri jew element tal-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 88(2) KE.

87

Ir-rikorrent 2 isostni wkoll li l-Kummissjoni, fil-premessi 43 sa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, iddeċidiet b’mod żbaljat li Kliq kellha tiġi kkunsidrata bħala l-benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 9250000. Il-Kummissjoni jmissha, fil-fehma tiegħu, ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju ma setgħetx tiġi attribwita lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u li din ma setgħetx għaldaqstant tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Id-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata mill-aspett tad-dritt u/jew ta’ fatt, u mhux immotivata biżżejjed, b’kuntrast mal-Artikoli 87 KE u/jew 253 KE.

88

Skont ir-rikorrent 2, il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat taħt it-titolu “Kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni”, u mhux taħt it-titolu “Eżistenza ta’ għajnuna”.

89

Biex tevalwa miżura, il-Kummissjoni straħet fuq data ta’ fatt mhux korretta li jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata. Bil-kontra ta’ dak li hija tallega, id-digriet tar-rechter-commissaris ma jindirizzax lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, iżda biss lill-istralċarju ta’ KG Holding, li ma jistax jiġi pparagunat jew meqjus bħala Stat. Barra minn hekk il-Kummissjoni tallega b’mod żbaljat li l-qorti ordnat lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex jikkonvertu s-self f’kapital proprju, meta hija ordnat biss lill-istralċatir ta’ KG Holding sabiex jippermetti t-tpaċija għal Kliq.

90

Il-falliment ta’ KG Holding, fit-8 ta’ Frar 2005, biddel is-sitwazzjoni. L-aġir tal-istralċarju ta’ KG Holding, sew jekk jaġixxi fuq mandat tar-rechter-commissaris sew jekk bl-awtorizzazzjoni tiegħu, ma jistax jiġi attribwit lill-Istat. L-istralċarju ta’ KG Holding mhuwiex organu tal-Istat, ma jaġixxix f’isem l-azzjonista (l-Istat), u dan l-istess Stat ma jistax jagħti direttivi lill-istralċarju ta’ KG Holding jew lir-rechter-commissaris jew jeżerċita kontroll. L-istralċarju huwa rregolat mid-dritt Olandiż tal-falliment. L-Artikolu 87(1) KE mhuwiex għaldaqstant applikabbli għall-atti u għad-deċiżjonijiet tal-istralċarju.

91

Fil-qasam tal-fallimenti, ir-rechter-commissaris jitqies bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 234 KE.

92

Is-sempliċi fatt li impriża pubblika tinsab taħt il-kontroll tal-Istat mhuwiex biżżejjed sabiex miżuri ta’ għajnuna finanzjarja jiġu attribwiti lill-Istat. Jibqa’ xorta waħda meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li kienu involuti, b’mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. Minħabba l-falliment u l-ħatra tal-istralċarju, ir-riżorsi finanzjarji ta’ KG Holding u ta’ Kliq m’għadhomx, sa mit-8 ta’ Frar 2005 suġġetti b’mod kostanti għall-iskrutinju pubbliku u lanqas ma għadhom għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Jirriżulta mill-Premssa 36 tad-deċiżjoni kkontestata li l-awtoritajiet Olandiżi fl-ebda mument ma setgħu jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa.

93

Is-supremazija tad-dritt Komunitarju li tevoka l-Kummissjoni fil-premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll l-Artikolu 88(3) KE, ma joħolqux, f’dan il-każ, l-iċken obbligu għall-istralċarju ta’ KG Holding. Skont ir-rikorrent 2, it-tpaċija kienet fl-interess tal-kredituri kollha ta’ KG Holding. Din hija r-raġuni li għaliha r-rechter-commissaris, mingħajr ma kiser id-dritt Komunitarju, seta’ jilqa’ din it-talba, fejn id-digriet tiegħu kien, fih innifsu, kompatibbli mas-suq komuni.

94

Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent 2 jenfasizza li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tpaċija unilaterali magħmula minn Kliq kienet miżura differenti għal dik innotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-miżura nnotifikata tikkonsisti fid-deċiżjoni ppjanata tal-awtoritajiet Olandiżi li jagħtu għajnuna għar-ristrutturazzjoni lil KG Holding permezz tal-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ, li jammonta għal EUR 45000000, u tal-interessi dovuti fuqu, f’kapital proprju. Il-miżura li l-Kummissjoni eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata hija d-digriet tar-rechter-commissaris li permezz tiegħu dan tal-aħħar jordna lill-istralċarju ta’ KG Holding sabiex jikkollabora mal-implementazzjoni tal-pjan imqassam fuq diversi stadji propost minn Kliq. Iż-żewġ miżuri jmisshom ġew eżaminati separatament fir-rigward tal-Artikolu 87(1) KE.

95

Barra minn hekk, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li r-rechter-commissaris kellu l-kontroll tal-kapital ikkonċernat mhijiex eżatta. Kull parti interessata għandha d-dritt, skont id-dritt nazzjonali dwar il-falliment, li tippreżenta rikors quddiem ir-rechter-commissaris kontra att ta’ stralċarju. Dan ma jimplikax li minħabba f’hekk id-debitu huwa għad-dispożizzjoni tar-rechter-commissaris jew li għandu kontroll fuqu. Interpretazzjoni oħra tagħti lok għall-konsegwenza inaċċettabbli li kull miżura ta’ impriża li tiġi wara deċiżjoni ġudizzjarja għandha titqies li ġiet iffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat u għaldaqstant li hi attribwibbli lill-Istat.

96

Fir-rigward tal-irkupru tal-interessi, ir-rikorrenti 1 u 2 isostnu li l-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod żbaljat, fl-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra mingħand KG Holding u mingħand Kliq l-għajnuna ta’ EUR 9250000, liema ammont li għandu jiġi rkuprat għandu jinkludi l-interessi mid-data li fiha l-partijiet differenti tagħha tqegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru tagħhom.

97

Fil-fehma tagħhom, id-dritt Olandiż tal-falliment jipprovdi li l-interessi dovuti wara d-data tad-dikjarazzjoni ta’ falliment ma jistgħux jiġu vverifikati iżjed. Huma jżidu li l-għajnuna illegali għandha tiġi rkuprata skont ir-regoli tal-proċedura tad-dritt nazzjonali, sa fejn dawn ir-regoli nazzjonali fil-prattika ma jrendux impossibbli l-irkupru tal-għajnuna.

98

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-debiti tal-impriżi li ġew iddikjarati falluti ma jkomplux jipproduċu interessi mid-data tad-dikjarazzjoni korrispondenti, ma tistax tiġi meqjusa li hi ta’ natura li trendi prattikament impossibbli l-irkupru tal-għajnuna meħtieġa mid-dritt Komunitarju.

99

Skont dawn ir-rikorrenti, l-interessi msemmija fl-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant jiddekorru sad-data li fiha KG Holding u Kliq ġew rispettivament iddikjarati falluti, u mhux sad-data tal-irkupru.

100

Fir-repliki tagħhom, ir-rikorrenti 1 u 2 jenfasizzaw li kien impossibbli għalihom, qabel id-deċiżjoni kkontestata, li jsiru jafu li l-Kummissjoni kienet se timponi fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi obbligu li jmur kontra r-regoli tad-dritt nazzjonali. Għaldaqstant huma ma naqsux mill-obbligu ta’ diliġenza li huma għandhom billi ma informawx lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali. Il-ftehim tal-Kummissjoni mal-Istat Membru, skont l-Artikolu 10 KE, fir-rigward tal-metodi ta’ rkupru mhuwiex biżżejjed. Huma jippreċiżaw li, sakemm id-deċiżjoni kkontestata ma tiġix annullata jew emendata fuq dan il-punt, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu l-obbligu li jirkupra wkoll l-interessi sad-data tal-irkupru effettiv.

101

Il-Kummissjoni tenfasizza li hija ma ħarġitx mill-portata tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-impriżi kkonċernati, jiġifieri dawk tal-grupp Kliq, u t-tipi ta’ għajnuna li hija investigat, jiġifieri għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni, baqgħu l-istess tul il-proċedura kollha. Barra minn hekk, fil-każ ta’ Kliq, il-konverżjoni ppjanata f’kapital proprju tad-debitu ta’ EUR 9250000 issemmiet fil-punt 3 tal-Anness tad-deċiżjoni li tinfetaħ l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

102

Id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma setgħetx issemmi l-fatt speċifiku li din il-miżura ġiet ordnata mir-rechter-commissaris, peress li dan il-fatt huwa ulterjuri.

103

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-għajnuna kienet illegali. Hija żżid li, ladarba għajnuna hija illegali u li hija fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, kontra skema ta’ għajnuna li diġà ġiet implementata, hija ma tistax tkun marbuta li testendi din il-proċedura ladarba l-Istat Membru kkonċernat jemenda din l-iskema. Fil-fatt, fil-każ oppost, dan l-Istat ikun effettivament f’pożizzjoni li jtawwal din il-proċedura kif jixtieq hu b’hekk idewwem l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali.

104

Barra minn hekk, la r-rikorrenti 1 u 2 u lanqas il-kumpanniji li tagħhom huma l-istralċarji, ma qatt ippreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura tal-Artikolu 88(2) KE, minkejja li, huma stess jew rappreżentanti ta’ dawn il-kumpanniji kienu preżenti għal-laqgħa tat-23 ta’ Marzu 2005 mal-Kummissjoni.

105

Fil-kontrorepliki tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li d-“debt-for-equity-swap” (tpaċija ta’ debiti ma’ assi) kienet tiddependi mill-ftehim dwar is-self ta’ EUR 9250000 lil Kliq minn KG Holding. Dan ma jirrigwardax att unilaterali ta’ Kliq. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkontesta t-talba magħmula minn Kliq u indika lir-rechter-commissaris li l-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju kienet tirrikjedi l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rechter-commissaris ma ħax dan l-argument inkunsiderazzjoni. Fil-fehma tiegħu, fil-każ ta’ tpaċija u ta’ tqegħid f’disponibbiltà tal-ishma kollha, dan ikun jirrigwarda biss kif l-implementazzjoni ta’ għajnuna għas-salvataġġ awtorizzata hija rregolata skont il-liġi nazzjonali.

106

Il-konverżjoni ta’ EUR 9250000 tas-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju li l-istralċarju ordna tmur kontra l-punt 3.1 tal-linji gwida, li jgħidu li l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tkun f’forma ta’ garanziji ta’ self jew ta’ self u s-self ta’ salvataġġ għandhom jiġu rrimborsati fit-tnax-il xahar li jsegwu l-aħħar ħlas lill-impriża. Ir-rechter-commissaris ma interpretax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt Komunitarju, minkejja li kellu setgħa diskrezzjonali estiża fir-rigward tat-talba ta’ Kliq.

107

Skont il-Kummissjoni, li kieku kellhom jiġu milqugħa t-teżijiet difiżi mir-rikorrenti 1 u 2, il-konsegwenza tkun li ladarba Stat Membru jinnotifika pjan ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni u l-Kummissjoni tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-sempliċi fatt li sussegwentement qorti tordna, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha, li tingħata din l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, iġiegħel lill-Kummissjoni sabiex tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali oħra.

108

Filwaqt li tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent 2, il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-punt 6.2.3.1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma analizzatx l-atti adottati mill-qasam tal-Eżekuttiv Olandiż, iżda d-digriet tar-rechter-commissaris tat-22 ta’ Awwissu 2005. L-atti mwettqa mill-istralċarju fuq il-bażi tiegħu huma attribwibbli lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, peress li twettqu fuq ordni ta’ membru tal-Ġudikatura Olandiża.

109

Il-Kummissjoni tindika li dan jirrigwarda riżorsi tal-Istat, li joħorġu b’mod partikolari mill-Eżekuttiv tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, taħt forma ta’ self ta’ salvataġġ li bħala prinċipju jmisshom ġew irrimborsati lill-Istat. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod partikolari l-Ġudikatura tagħha, kellha l-kontroll fuq dan il-kapital. Huwa ordna l-konverżjoni tas-self f’kapital proprju.

110

Skont il-Kummissjoni, id-digriet tar-rechter-commissaris mhuwiex kompatibbli mas-suq komuni. Kreditur ma jikkonvertix is-self tiegħu f’kapital proprju ta’ impriża f’diffikultà. Il-possibbiltajiet tiegħu li jirkupra parti mill-ammont dovut lilu fil-każ ta’ falliment jonqsu kunsiderevolment. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-ftehim ta’ self bejn KG Holding u Kliq jinkludi projbizzjoni ta’ tpaċija. Li kieku r-rechter-commissaris ma kienx ħareġ id-digriet tiegħu, għaldaqstant Kliq ma kien ikollha ebda possibbiltà li ġġiegħel lil KG Holding sabiex tikkonverti s-self f’kapital proprju.

111

Il-ġurisprudenza kkonfermat ukoll bosta drabi li l-atti tal-qrati jistgħu jirriżultaw f’għajnuna mill-Istat.

112

Anki li kieku d-digriet tar-rechter-commissaris tat-22 ta’ Awwissu 2005 ma jikkostitwixxix att attribwibbli lill-Istat u lanqas għaldaqstant għajnuna mill-Istat, dan ma biddilx il-konklużjoni tiegħu li tgħid li s-self ta’ EUR 9250000 kellu jiġi rkuprat. F’dan il-każ, kien ikun hemm applikazzjoni abbużiva ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikoli 14 u 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Il-Kummissjoni tidher li tat il-kunsens tagħha biss għal għajnuna għas-salvataġġ taħt forma ta’ self rimborsabbli f’perijodu qasir. Issa, dan is-self ġie kkonvertit, mingħajr il-kunsens tagħha, f’kapital proprju sa minn tmiem ix-xahar ta’ Awwissu 2005. Jekk din il-konverżjoni ma kinitx attribwibbli lill-Istat, hija kellha għaldaqstant tkun attribwibbli lil xi ħadd ieħor. Li kieku dan kellu jkun il-każ, din il-persuna tkun użat l-għajnuna b’mod differenti minn kif aċċettat, li jfisser li jikkostitwixxi applikazzjoni abbużiva ta’ għajnuna mill-Istat.

113

Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li l-kontenut tal-pjan imqassam fuq diversi stadji kien ekwivalenti għad-“debt-for-equity-swap” li hija ddeskriviet fil-punt 3 tal-Anness tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Id-digriet tar-rechter-commissaris li jikkonċerna l-konverżjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni huwa kontra d-dritt Komunitarju u huwa attribwibbli lill-Istat. F’dan il-każ, dan ma jirrigwardax riżorsi disponibbli dovuti għal benefiċċji ġġenerati minn Kliq, iżda riżorsi li jirriżultaw minn self ta’ salvataġġ mogħti mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

114

Fir-rigward tal-irkupru tal-interessi, il-Kummissjoni ssostni li ħadd, b’mod partikolari mhux ir-rikorrenti 1 u 2, ma kienu informawha dwar il-leġiżlazzjoni Olandiża qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni speċifika qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx possibbli għaliha li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-formulazzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha li jordnaw l-irkupru, tal-leġiżlazzjonijiet kollha nazzjonali possibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

115

Ir-rikorrenti 1 u 2 isostnu, essenzjalment, li t-tpaċija bejn l-obbligu li l-ishma jsiru disponibbli u s-self li jammonta għal EUR 9250000 ma kienx jagħmel parti mis-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Skont il-Kummissjoni, din it-tpaċija għandha titqies li hija implementazzjoni parzjali tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fir-rigward tal-interessi li għandhom jiġu rkuprati, skont ir-rikorrenti 1 u 2, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod żbaljat, li dawn jiddekorru sad-data tal-irkupru.

116

Qabel kollox għandu jiġi eżaminat jekk it-tpaċija bejn l-obbligu li l-ishma jsiru disponibbli u d-debitu li jammonta għal EUR 9250000 li saret wara d-digriet tar-rechter-commissaris kinitx tagħmel parti mis-suġġett tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

117

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effikaċi fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali fejn matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni, T-195/01 u T-207/01, Ġabra p. II-2309, punt 138). L-uniku għan tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE huwa li l-Kummissjoni tiġi obbligata tara li l-persuni kollha potenzjalment interessati jiġu informati u jkollhom l-opportunità li jesponu l-argumenti tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 17).

118

Skont il-punt 1 tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, is-suġġett tagħha hija n-notifika tas-26 ta’ Jannar 2004, li permezz tagħha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ħabbret l-intenzjoni tagħha li tagħti għajnuna għar-ristrutturazzjoni lil KG Holding. Il-punt 15 ta’ din id-deċiżjoni jippreċiża li l-miżura inkwistjoni hija intiża sabiex tikkonverti l-għajnuna għas-salvataġġ mogħti mill-Istat lil KG Holding, kif ukoll l-interessi relatati magħha, f’kapital proprju. Din il-konverżjoni tagħmel parti mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, hekk kif espost fil-punt 10 ta’ din id-deċiżjoni. Skont dan il-pjan, l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tikkonsisti fl-attribuzzjoni minn KG Holding tas-self ta’salvataġġ mill-Istat li jammonta għal EUR 9250000 lil Kliq u, sussegwentement, fil-konverżjoni ta’ dan is-self f’kapital proprju. Din il-miżura ta’ ristrutturazzjoni hija wkoll imsemmija fil-punt 3 tal-Anness tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

119

It-tpaċija bejn l-obbligu li l-ishma jsiru disponibbli u d-debitu li jammonta għal EUR 9250000 ma tissemmiex fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, id-digriet ikkonċernat tar-rechter-commissaris huwa datat it-22 ta’ Awwissu 2005 u għaldaqstant ingħata wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-5 ta’ Awwissu 2005. Il-Kummissjoni ma kinitx għaldaqstant f’pożizzjoni li ssemmi din it-tpaċija fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

120

Issa, għandha ssir distinzjoni bejn din it-tpaċija, li saret wara d-digriet tar-rechter-commissaris, u s-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni nnotifikat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-Kummissjoni.

121

Fir-rigward ta’ din it-tpaċija, jirriżulta mill-proċess, u b’mod partikolari mid-digriet tar-rechter-commissaris tat-22 ta’ Awwissu 2005, li din hija prevista fil-pjan imqassam fuq diversi stadji, stabbilit minn Kliq. Skont dan il-pjan imqassam fuq diversi stadji, KG Holding kellha timplementa l-obbligu tagħha fir-rigward ta’ Kliq u trendi disponibbli l-ishma li hija kienet tippossjedi fi Kliq billi topera din it-tpaċija u dawn l-ishma kellhom sussegwentement jinbiegħu.

122

Fil-każ inkwistjoni, Kliq talbet lir-rechter-commissaris, skont l-Artikolu 69 tal-Faillissementswet (Liġi Olandiża fuq il-falliment), sabiex jordna lill-istralċarju ta’ KG Holding sabiex jikkollabora fit-twettieq ta’ dan il-pjan imqassam fuq diversi stadji.

123

Fid-digriet tiegħu tat-22 ta’ Awwissu 2005, ir-rechter-commissaris laqa’ t-talba ta’ Kliq. B’mod impliċitu, huwa għaldaqstant ordna lill-istralċarju ta’ KG Holding sabiex jeħles l-ishma kollha li KG Holding kienet tippossjedi fi Kliq u sabiex tpaċi dan l-ammont mal-parti tal-għajnuna għas-salvataġġ, li tammonta għal EUR 9250000, mislufa lil Kliq minn KG Holding.

124

Huwa minnu li din it-tpaċija rriżultat fil-konverżjoni ta’ parti mis-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 9250000 f’kapital proprju ta’ Kliq u li din għaldaqstant kellha l-effett li kien b’mod partikolari mistenni fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni espost fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

125

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rechter-commissaris ma ordnax l-implementazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni hekk kif innotifikat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lill-Kummissjoni.

126

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li dan id-digriet kellu bħala suġġett, skont il-punt 1.1 tiegħu, it-talba ta’ Kliq, skont l-Artikolu 69 tal-Faillissementswet, intiża għall-kollaborazzjoni tal-istralċarju ta’ KG Holding fit-twettieq tal-pjan imqassam fuq diversi stadji, jiġifieri, qabel kollox, l-implementazzjoni min-naħa ta’ KG Holding tal-obbligu tagħha fir-rigward ta’ Kliq li trendi disponibbli l-ishma billi tagħmel tpaċija bejn l-obbligu li l-ishma jsiru disponibbli u s-self li jammonta għal EUR 9250000, u sussegwentement il-bejgħ tal-ishma li KG Holding tippossjedi fi Kliq.

127

Għaldaqstant dan id-digriet ma jikkonċernax biss il-parti tal-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 9250000, iżda jikkonċerna wkoll l-obbligu li l-ishma jsiru disponibbli. Fil-fatt, it-tpaċija inkwistjoni kienet tiddependi mit-tqegħid f’disponibbiltà tal-ishma. Madankollu, il-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju, kif previst mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni, kienet tikkonċerna biss l-għajnuna għas-salvataġġ. B’hekk, is-suġġett tad-digriet jiddistingwi ruħu kjarament minn dak tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.

128

Sussegwentement, għandu jiġi osservat li d-digriet tar-rechter-commissaris huwa bbażat biss fuq id-dritt Olandiż tal-falliment, f’dan il-każ l-Artikolu 69 tal-Faillissementswet.

129

Kif jirriżulta mid-digriet tar-rechter-commissaris, huwa eżamina jekk l-implementazzjoni tal-pjan imqassam fuq diversi stadji kienx jikkostitwixxi vantaġġ favur il-kredituri kollha ta’ KG Holding. Fl-aħħar nett huwa kkunsidra li t-tqegħid f’disponibbiltà tal-ishma kollha li KG Holding kienet tipposjedi fi Kliq u t-tpaċija ta’ dan l-ammont mal-parti tal-għajnuna għas-salvataġġ, li tammonta għal EUR 9250000, mislufa lil Kliq minn KG Holding, kienu jikkostitwixxu dan il-vantaġġ.

130

Għaldaqstant, ir-rechter-commissaris ma implementax il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, iżda ordna l-implementazzjoni tal-pjan imqassam fuq diversi stadji hekk kif mitlub minn Kliq.

131

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rechter-commissaris ma kienx involut fit-tfassil tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni u lanqas fit-talba ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Huwa l-Eżekuttiv li kien responsabbli minn dan. Dan tal-aħħar kien għaldaqstant kompetenti għall-implementazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li kieku din kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni. Ir-rechter-commissaris iddeċieda fid-digriet tiegħu, fil-kompetenza tiegħu bħala qorti indipendenti, fuq l-assi u l-passivi tal-impriżi, fosthom parti mill-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 9250000, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ppjanata mill-awtoritajiet Olandiżi u nnotifikata lill-Kummissjoni.

132

Jeħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, kif ammettiet il-Kummissjoni matul is-seduta, meta ngħata d-digriet mir-rechter-commissaris, l-awtoritajiet Olandiżi ma ridux iżjed jimplementaw il-pjan ta’ ristrutturazzjoni hekk kif innotifikat lill-Kummissjoni.

133

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Olandiżi ma kinux involuti fil-konverżjoni tal-parti mis-self ta’ salvataġġ f’kapital proprju. Skont id-digriet tar-rechter-commissaris u bil-kontra ta’ dak li hu indikat fil-premessi 19 u 43 tad-deċiżjoni kkontestata, mhuwiex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li għandu jikkonverti s-self f’kapital proprju, iżda l-istralċarju ta’ KG Holding li huwa marbut li jagħti l-kollaborazzjoni tiegħu għal din il-konverżjoni. Kif jirriżulta mir-risposta tagħha, il-Kummissjoni kienet konxja minn dan meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Hija tispjega, f’din ir-risposta, li hija qieset li l-parti tal-għajnuna inkwistjoni kienet attribwibbli lill-Istat minħabba li, minkejja li l-miżura ma kinitx ġiet ordnata mill-Eżekuttiv Olandiż, hija kienet madankollu ordnata mir-rechter-commissaris.

134

Jeħtieġ għaldaqstant li jiġi konkluż li, fil-każ inkwistjoni, il-konverżjoni tas-self ta’ salvataġġ ta’ EUR 9250000, permezz ta’ tpaċija bejn l-obbligu ta’ KG Holding li l-ishma jsiru disponibbli u d-debitu ta’ din tal-aħħar fuq Kliq taħt il-ftehim ta’ self, ordnata mir-rechter-commissaris, hija miżura differenti minn dik innotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Id-digriet tar-rechter-commissaris jikkonċerna l-attivi u l-passivi ta’ KG Holding u Kliq, fosthom il-parti mill-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 9250000, approvata mill-Kummissjoni, indipendentement mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Din il-konverżjoni permezz ta’ tpaċija ma tidħolx għaldaqstant fil-kuntest tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

135

Ċertament, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini (C-119/05, Ġabra p. I-6199, punti 60 u 61) li l-qorti nazzjonali għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, sa fejn tista’, b’tali mod li l-applikazzjoni tagħhom tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju u għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-regoli tad-dritt Komunitarju, jekk ikun hemm bżonn billi hija stess ma tapplikax kull dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Huwa wkoll minnu, kif sostniet il-Kummissjoni, li l-qorti nazzjonali għandha tiżgura, li ma tadottax deċiżjoni li l-uniku effett tagħha jkun dak li jitwessa’ ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta’ għajnuna illegali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich, C-368/04, Ġabra p. I-9957, punt 57).

136

Madankollu, l-obbligu għar-rechter-commissaris li jieħu inkunsiderazzjoni d-dritt Komunitarju fir-rigward tal-għajnuna għas-salvataġġ ma jbiddel xejn mill-fatt li ma ta ebda deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u li d-digriet tiegħu għaldaqstant ma jidħolx fil-kuntest tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

137

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li d-digriet tar-rechter-commissaris huwa attribwibbli lill-Istat, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-kwistjoni li tirriżulta mhijiex dik dwar jekk l-atti tal-Ġudikatura humiex attribwibbli lill-Istat (ara, fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punti 31 sa 33), iżda jekk, kif inhu indikat fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-qorti nazzjonali ordnatx l-implementazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hekk kif innotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

138

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li hija mhijiex marbuta li testendi l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE meta l-Istat Membru kkonċernat ibiddel l-għajnuna inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ partikolari, id-digriet tar-rechter-commissaris ma jikkonċernax l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għaldaqstant, dan il-każ ma jikkonċernax bidla ta’ din l-għajnuna.

139

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni, invokat sussidjarjament fil-każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li d-digriet tar-rechter-commissaris ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, li jgħid li kien hemm applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna għas-salvataġġ awtorizzata. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali sabiex tinvestiga l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mhux l-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna għas-salvataġġ li hija approvat. Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li din tikkonċerna l-applikazzjoni abbużiva ta’ għajnuna mill-Istat.

140

Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni ma jistax jiġi milqugħ.

141

Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti 1 u 2 dwar il-parti tal-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 9250000.

Fuq ir-reġistrazzjoni tal-pretensjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35750000 bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata)

142

Dan il-motiv jikkonċerna l-irkupru tal-għajnuna għas-salvataġġ irċevuta, fl-aħħar lok, minn Kliq Reïntegratie. Ir-rikorrenti 1 u 3 jikkontestaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-fondatezza tal-obbligu tar-reġistrazzjoni tal-pretensjoni fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35750000 fil-proċedura ta’ falliment.

Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

— L-argumenti tal-partijiet

143

Fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-pretensjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35750000 bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju, ir-rikorrenti 1 u 3 jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni u li d-deċiżjoni kkontestata hija għaldaqstant motivata b’mod li ma jinftiehemx jew minn tal-inqas insuffiċjenti, bi ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-Artikolu 253 KE. Id-deċiżjoni kkontestata ma turix b’mod ċar jekk il-Kummissjoni tqisx li din tirrigwarda għajnuna legali jew illegali li tammonta għal EUR 35750000 li għandha tiġi rkuprata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jew jekk tqisx li din tirrigwarda għajnuna ta’ salvataġġ li hija approvat skont il-paragrafu 23(d) tal-Linji Gwida. L-ewwel interpretazzjoni tista’ tirriżulta mill-Artikoli 1, 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-premessi 47 sa 50 kif ukoll l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jsostnu t-tieni interpretazzjoni, li madankollu hija kkontestata mill-Artikolu 1 u mill-premessi 39 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li l-miżura nnotifikata ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni.

144

Skont ir-rikorrenti 1 u 3, huwa possibbli li l-Kummissjoni kellha biss l-intenzjoni li tindika, fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jirkupra l-ammont tas-self ta’ salvataġġ approvat mingħand il-parti li kienet daħlet fil-kuntratt għal dan is-self biss f’kundizzjonijiet konformi mad-dritt nazzjonali, mingħajr ma titkellem fuq l-identità ta’ din il-parti.

145

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti 1 u 3.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

146

Ir-rikorrenti 1 u 3 jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata biżżejjed fir-rigward tal-ammont ta’ EUR 35750000.

147

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonċerna l-legalità fuq il-mertu tal-att kontenzjuż, u li għandu jissodisfa l-ħtiġijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza (ara l-punti 62 u 63 iktar ’il fuq).

148

F’dan il-każ, fil-premessi 7 u 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-kuntest tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Jannar 2004. Fiha hija tindika b’mod partikolari li, f’Diċembru 2003, hija awtorizzat l-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 45000000 favur KG Holding, waqt l-istennija għal pjan ta’ ristrutturazzjoni. Fil-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li, skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, l-għajnuna għas-salvataġġ, mogħtija lil KG Holding u li minnha EUR 35750000 kienu sussegwentement attribwiti lil Kliq Reïntegratie, tiġi kkonvertita f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni permezz ta’ konverżjoni mill-ġdid f’kapital proprju.

149

Fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-miżura kontenzjuża, tikkonsisti fil-konverżjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ mogħtija mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi lil KG Holding, kif ukoll l-interess relatati, f’kapital proprju. Wara li eżaminat il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni fil-premessi 30 sa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi fil-premessa 39 tal-istess deċiżjoni li, peress li l-kundizzjonijiet previsti mil-linji gwida għall-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma ġewx sodisfatti, hija ma tistax tawtorizza l-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma tistax għaldaqstant tiġi approvata. L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi għalhekk li l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni.

150

Il-premessi 47 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw il-parti tal-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 35750000. Fiha, il-Kummissjoni tindika l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ pjan ta’ stralċ, fosthom l-obbligu għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jirreġistra l-pretensjoni tiegħu fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35750000 bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju. L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata jsemmi dan l-obbligu kif ukoll dak, għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li jħares sabiex l-impriżi kkonċernati jiġu stralċati b’mod li tintemm id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li l-attivitajiet tagħhom jiġu sospiżi u li l-assi tagħhom jiġu ttrasferiti malajr kemm jista’ jkun taħt kundizzjonijiet tas-suq.

151

Fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għaldaqstant tagħmel distinzjoni ċara bejn l-għajnuna għas-salvataġġ u l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Hija tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li hija tal-istess ammont bħall-għajnuna għas-salvataġġ. Billi imponiet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jirreġistra l-pretensjoni tiegħu li tammonta għal EUR 35750000 fuq il-kumpanniji ‘[KG Holding] u/jew Kliq Reïntegratie’ fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-kawża fir-rigward b’mod partikolari tal-proprjetà tal-assi ta’ dawn il-kumpanniji msemmija fil-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata.

152

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, fit-23 ta’ Marzu 2005 il-Kummissjoni organizzat laqgħa dwar it-talba għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li fiha pparteċipaw ir-rappreżentanti ta’ KG Holding u ta’ Kliq Reïntegratie. Il-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata kien għaldaqstant magħruf sew minn dawn il-kumpanniji.

153

Billi qabel kollox tinkludi kunsiderazzjonijiet li jgħidu li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ma ġewx sodisfatti u wara espożizzjoni tal-konsegwenzi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet għall-parti tal-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 35750000, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni u għaldaqstant tissodisfa l-ħtiġijiet tal-Artikolu 253 KE.

Fuq l-obbligu li l-pretensjoni tal-Istat fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35750000 tiġi rreġistrata fil-proċedura ta’ falliment

— L-argumenti tal-partijiet

154

Ir-rikorrenti 1 u 3 jenfasizzaw li l-Kummissjoni ddeċidiet, b’mod żbaljat, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellha tirreġistra l-pretensjoni tagħha fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35750000 bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju.

155

Il-Kummissjoni aċċettat, fid-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003, li l-ammont ta’ EUR 35750000 kellu jiġi allokat għall-finanzjament tat-tluq tal-membri tal-persunal u tal-fidi tal-kuntratti superfluwi ta’ Kliq Reïntegratie, minħabba li din tal-aħħar kellha tiġi sussegwentement stralċata, liema każ ikun inkompatibbli mal-irkupru ta’ dan l-ammont minn KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie.

156

Il-Kummissjoni kienet taf dwar il-fatt li, fil-kuntest tal-operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni ppjanata, Kliq Reïntegratie topera biss bħala entità li fiha l-elementi li mhumiex vijabbli ta’ KG Holding jiġu stralċati u li Kliq Reïntegratie tiġi sussegwentement stralċata wara li jinħelsu diversi djun u l-pjanijiet ta’ tluq tal-impjegati. Kif tindika l-Kummissjoni fil-punti 2.1 u 2.4 ta-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003, l-EUR 35750000 kienu intiżi sabiex jinkisbu l-mezzi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti fis-seħħ u sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-pjan soċjali.

157

Fir-repliki tagħhom, ir-rikorrenti 1 u 3 isostnu li r-riformulazzjoni tal-obbligi imposti fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi taħt id-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 kienet superfluwa, peress li din id-deċiżjoni kienet diġà ssemmi l-obbligi fil-każ fejn l-għajnuna għas-salvataġġ ma tiġix ikkonvertita f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni jew fil-każ fejn il-Kummissjoni ma tawtorizzax l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Barra minn hekk, fid-dawl tal-mod li bih kienet limitata l-investigazzjoni fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni jmissha llimitat ruħha sabiex teżamina t-talba għall-approvazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u, skont id-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, sabiex tikkonstata li, fil-każ fejn hija ma tagħtix l-approvazzjoni mitluba, ikun ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jkollu jipprova li s-self ta’ salvataġġ ġie jew qed jiġi rrimborsat, jew li kien suġġett għal tpaċija skont id-dritt nazzjonali tal-falliment. Il-kwistjoni dwar sa fejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ssodisfa dan l-obbligu m’għandhiex tirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata. L-eżami tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata u l-proċedura li nfetħet f’dan ir-rigward skont l-Artikolu 88(2) KE ma jistgħux jintużaw għall-konstatazzjoni tal-osservanza ta’ deċiżjoni preċedenti u tal-obbligi li din timponi fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jew li jirriżultaw minnha għal dan tal-aħħar.

158

Ir-rikorrent 3 iżid li, fit-23 ta’ Diċembru 2003, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonkluda ftehim ta’ self ma’ KG Holding li jammonta għal EUR 45000000. Din tal-aħħar, min-naħa tagħha, ikkonkludiet ftehim ta’ self ma’ Kliq Reïntegratie li jammonta għal EUR 35750000 u ma’ Kliq li jammonta għal EUR 9250000. Kemm skont il-ftehim ta’ self kif ukoll skont id-dritt nazzjonali, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi m’għandux pretensjoni fuq Kliq Reïntegratie.

159

Ir-rikorrent 3 isostni li Kliq Reïntegratie ma tistax tiġi kkwalifikata bħala impriża benefiċjarja. Il-Kummissjoni ma tindikax la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tas-self ta’ salvataġġ tas-16 ta’ Settembru 2003 li għajnuna mill-Istat ingħatat lil Kliq Reïntegratie. Fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 kif ukoll fil-premessa 24 u fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi għajnuna mill-Istat biss fir-rigward ta’ KG Holding.

160

Ir-rikorrent 3 jżid li Kliq Reïntegratie ma tista’ bl-ebda mod tiġi kkwalifikata bħala benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat, peress li, fil-mument li hija ngħatat is-self li jammonta għal EUR 35750000, hija ma kinitx għadha teżerċita attività ekonomika u, għaldaqstant, ma setgħetx iktar tiġi kkunsidrata bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Id-data tal-ftehim ta’ self konkluż bejn KG Holding u Kliq Reïntegratie, approvat mill-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003, hija l-24 ta’ Diċembru 2003. L-attivitajiet ta’ Kliq Reïntegratie ġew ittrasferiti lil Kliq mill-1 ta’ Ottubru 2003.

161

Il-Kummissjoni indikat, fit-tabella Nru 2 tad-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003, li, minkejja li r-raġuni għas-self ma jidhirx li kienet strettament limitata għaż-żamma tal-attività normali ta’ KG Holding, dan is-self jista’ madankollu xorta waħda jiġi kkunsidrat bħala self ta’ salvataġġ fil-każ inkwistjoni. Is-self ta’ EUR 35750000 huwa fil-fatt neċessarju sabiex tiġi koperta l-ispiża tat-tluq ta’ 1200 membru tal-persunal u tal-fidi ta’ kuntratti ta’ leasing u ta’ kiri li saru superfluwi. Il-Kummissjoni żiedet li dan is-self kellu jippermetti wkoll lill-impriża sabiex ikollha likwidità neċessarja sabiex tosserva l-impenji kuntrattwali attwali tagħha.

162

Skont ir-rikorrent 3, jista’ jkun li l-Kummissjoni, fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, kellha biss l-intenzjoni li tindika li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jirreġistra l-pretensjoni li tirriżulta mis-self tal-Istat, li tammonta għal EUR 35750000, quddiem l-istralċarju tal-parti kontraenti li lilha l-Istat kien sellef dan l-ammont, jiġifieri KG Holding. Madankollu, l-Istat irreġistra pretensjoni quddiem l-istralċarju ta’ KG Holding kif ukoll quddiem dak ta’ Kliq Reïntegratie.

163

Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent 3 jirreferi għall-punt 9 tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li jgħid li KG Holding kellha tistralċa lil Kliq Reïntegratie, li kellha bilanċ negattiv, u tikkostitwixxi sussidjarja ġdida, Kliq. Fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni, hija Kliq li għandha tistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fit-tul ta’ KG Holding. Fil-punt 10 tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tindika wkoll li Kliq Reïntegratie għandha tiġi stralċata qabel tmiem is-sena 2004. Fid-dijagramma li tinsab fil-punt 11 tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni qegħdet ir-referenza “li għandha tingħalaq” maġenb l-isem ta’ Kliq Reïntegratie.

164

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti magħmula mir-rikorrenti 1 u 3.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

165

Ir-rikorrenti 1 u 3 jsostnu qabel kollox li l-allokazzjoni tas-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 35750000 għall-iffinanzjar tal-istralċ ta’ Kliq Reïntegratie, previst fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, hija inkompatibbli mal-obbligu li tiġi rreġistrata l-pretensjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie.

166

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-paragrafu 10 tal-linji gwida, l-għajnuna għas-salvataġġ hija min-natura tagħha waħda tranżitorja. Skont il-pragrafu 23(d) tal-linji gwida, hija għandha tinkludi impenn mill-Istat Membru li jittrażmetti lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ sitt xhur mill-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ, jew pjan ta’ ristrutturazzjoni, jew pjan ta’ stralċ, jew il-prova li s-self tħallas lura kollu kemm hu. Il-paragrafu 25 tal-linji gwida jgħid li l-għajnuna għas-salvataġġ hija operazzjoni ta’ natura eċċezzjonali intiża sabiex l-attività ta’ kumpannija tkompli għal perijodu limitat, li matulu jkun jista’ jiġi evalwat il-futur tal-impriża.

167

B’hekk, bħala prinċipju, mingħajr il-komunikazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ stralċ lill-Kummissjoni, l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tiġi rrimborsata. Fil-każ inkwistjoni, ir-rimbors isir, skont il-Kummissjoni, permezz tar-reġistrazzjoni tal-pretensjoni li tammonta għal EUR 35750000 fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie.

168

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 ma teskludix ir-rimbors tal-għajnuna permezz ta’ din ir-reġistrazzjoni. Jirriżulta mill-punti 1 u 2.1 ta’ din id-deċiżjoni li l-għajnuna kienet allokata għas-salvataġġ tal-grupp Kliq, jiġifieri KG Holding u s-sussidjarji tagħha Kliq u Kliq Reïntegratie. Fil-punt 2.1 u 2.4 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li l-EUR 35750000 kienu intiżi sabiex jinkisbu l-mezzi għall-osservanza tal-obbligi derivanti mill-kuntratti fis-seħħ u sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-pjan soċjali ta’ Kliq Reïntegratie.

169

Il-Kummissjoni approvat l-għajnuna għas-salvataġġ skont il-linji gwida. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003, huwa speċifikat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ħa ħsieb, skont il-paragrafu 23(d) tal-linji gwida, li jittrażmetti pjan ta’ ristrutturazzjoni, jew ta’ stralċ, jew il-prova li l-għajnuna ġiet kompletament rimborsata.

170

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti 1 u 3, li jgħid li l-allokazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ imsemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 hija inkompatibbli mar-rimbors, għandu jiġi miċħud.

171

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti 1 u 3 li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata hija superfluwa peress li d-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003 diġà tifformula l-obbligi imposti fuq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-każ fejn l-għajnuna għas-salvataġġ ma tiġix ikkonvertita f’għajnuna għar-ristrutturazzjoni jew fil-każ fejn il-Kummissjoni ma tawtorizzax l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li deċiżjoni tkun superfluwa ma jfissirx li hija illegali.

172

Fir-repliki tagħhom, ir-rikorrenti 1 u 3 jsostnu li, skont id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni kkontestata kellha tillimita ruħha sabiex teżamina t-talba għall-approvazzjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u m’għandhiex titratta l-obbligi li jikkonċernaw l-għajnuna għas-salvataġġ, li diġà jirriżultaw mid-deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2003.

173

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti 1 u 3 ma ressqu ebda motiv ibbażat fuq il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, billi l-Kummissjoni ddeċidiet fuq l-għajnuna għas-salvataġġ, hija ma osservatx il-limiti tad-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għaldaqstant għandu jiġi osservat li, billi kkontestaw id-deċiżjoni kkontestata minħabba li fiha l-Kummissjoni ma tosservax il-limiti tal-investigazzjoni tagħha stabbiliti fid-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-rikorrenti 1 u 3 jiżviluppaw motiv ġdid fir-repliki tagħhom. B’hekk, peress li ġie fformulat mingħajr ebda spjegazzjoni li tista’ tiġġustifika l-fatt li ġie ppreżentat tardivament, dan il-motiv għandu jiġi miċħud minħabba li huwa tardiv skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

174

Ir-rikorrent 3 isostni wkoll li Kliq Reïntegratie ma kinitx il-benefiċjarja tal-għajnuna kif ukoll li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kellu ebda pretensjoni fuqha. Barra minn hekk, meta ngħata s-self li jammonta għal EUR 35750000, hija ma kinitx iżjed impriża fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

175

Qabel kollox fir-rigward tal-argument li jgħid li Kliq Reïntegratie ma kinitx il-benefiċjarja tal-għajnuna kif ukoll li l-Istat ma kellu ebda pretensjoni fuq din il-kumpannija, għandu jitfakkar li, skont id-dritt Komunitarju, meta tikkonstata li għajnuna hija inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ tordna lill-Istat Membru sabiex jirkupra din l-għajnuna mingħand il-benefiċjarji (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, Italie u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C-328/99 u C-399/00, Ġabra p. I-4035, punt 65, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-277/00, Ġabra p. I-3925, punt 73), jew, fi kliem ieħor, mingħand l-impriżi li effettivament igawdu minn din l-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Lulju 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-457/00, Ġabra p. I-6931, punt 55, u tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

176

L-għajnuna għas-salvataġġ li tammonta għal EUR 45000000 kienet intiża għas-salvataġġ tal-grupp Kliq. L-ammont ta’ EUR 35750000 kien intiż sabiex jinkisbu l-mezzi għall-osservanza tal-obbligi derivanti mill-kuntratti fis-seħħ u sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-pjan soċjali ta’ Kliq Reïntegratie. Hija din tal-aħħar li effettivament irċeviet l-ammont ta’ EUR 35750000 mis-self ta’ salvataġġ mogħti lil KG Holding. Kliq Reïntegratie kienet sussidjrajra 100% proprjetà ta’ KG Holding. Għaldaqstant din tal-aħħar kienet sempliċement intermedjarja fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna li minnha Kliq Reïntegratie effettivament kienet tgawdi.

177

Il-Kummissjoni setgħet għaldaqstant ġustament tikkunsidra lil Kliq Reïntegratie bħala benefiċjarja tal-għajnuna li tammonta għal EUR 35750000, mingħajr ma jkun hemm bżonn għall-Qorti tal-Prim’Istanza li teżamina jekk kinitx teżisti pretensjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-konfront ta’ din tal-aħħar.

178

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent 3 li jgħid li, meta ngħata s-self ta’ EUR 35750000, Kliq Reïntegratie ma setgħetx titqies iktar li hija impriża fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità kif ukoll tal-metodu ta’ finanzjament tagħha (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21, u tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata). Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li kull attività li toffri beni jew servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (ara s-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

179

L-attività prinċipali ta’ Kliq Reïntegratie kienet tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi fil-qasam tat-tfittxija ta’ xogħol għal min ikun qed ifittex impjieg, fl-inklużjoni ta’ ħaddiema b’diżabbiltà, fit-tfittxija ta’ ħaddiema li jistgħu jokkupaw impjiegi vakanti għall-benefiċċju ta’ min iħaddem kif ukoll f’servizzi fil-qasam tal-kollokament tal-persunal b’mod ġenerali. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 178 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li Kliq Reïntegratie kienet teżerċita attività ekonomika.

180

Meta ngħata s-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 35750000 lil Kliq Reïntegratie permezz tal-ftehim ta’ self li din tal-aħħar ikkonkludiet ma’ KG Holding fl-24 ta’ Diċembru 2003, approvat mill-Kummissjoni permezz tad-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Diċembru 2003, Kliq Reïntegratie kienet għadha ma fallietx. Skont ir-rikorrent 3, mill-1 ta’ Ottubru 2003, Kliq kisbet parti mill-kuntratti ta’ Kliq Reïntegratie bi prezz tas-suq, ġie maħtur bord tad-diretturi ġdid, tnaqqsu l-ispejjeż u parti mill-impjegati ta’ Kliq Reïntegratie (500 mill-1450 impjegat) kienu impjegati minn Kliq. Ir-rikorrent 3 jżid li, fir-rigward tal-parti mill-persunal li ma ġietx impjegata minn Kliq, ġie implementat pjan soċjali kif ukoll b’mod partikolari pjan ta’ tluq għall-impjegati kollha.

181

Fl-1 ta’ Ottubru 2003, Kliq Reïntegratie kienet għadha responsabbli għall-parti mill-kuntratti li ma nkisbux minn Kliq u kellha 950 impjegat. Il-mezzi finanzjarji għall-pjan soċjali kienu biss disponibbli wara l-konklużjoni tal-ftehim ta’ self fl-24 ta’ Diċembru 2003. Fl-aħħar nett, Kliq Reïntegratie falliet biss sittax-il xahar wara li parti mill-kuntratti nkisbu minn Kliq, jiġifieri fid-9 ta’ Frar 2005. Dawn l-elementi jipprovaw li, meta s-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 35750000 ingħata lilha permezz tal-ftehim ta’ self li hija kkonkludiet ma’ KG Holding fl-24 ta’ Diċembru 2003, Kliq Reïntegratie kienet għadha teżerċita attività ekonomika u setgħet tiġi kkwalifikata bħala impriża li qed tibbenefika mill-għajnuna għas-salvataġġ.

182

Għaldaqstant l-argument tar-rikorrenti 1 u 3 ma jistax tiġi milqugħ.

Fuq il-konsegwenzi tal-falliment għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat (Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata)

L-argumenti tal-partijiet

183

Il-partijiet rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessi 43 sa 46 u fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, bi ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu jitlob lil KG Holding u lil Kliq l-għajnuna mogħtija li tammonta għal EUR 9250000. Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll, b’mod żbaljat, fil-premessi 47 sa 50 u fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kellu, għall-finijiet tal-irkupru tal-għajnuna li tammonta għal EUR 35750000 mingħand KG Holding u/jew mingħand Kliq Reïntegratie, jirreġistra l-pretensjoni tiegħu fuq dawn tal-aħħar fil-proċedura ta’ falliment. Minħabba l-falliment ta’ KG Holding, ta’ Kliq Reïntegratie u ta’ Kliq, l-irkupru tal-ammont tal-għajnuna sar impossibbli u irrelevanti, peress li l-irkupru ta’ dawn l-ammonti permezz tar-reġistrazzjoni tal-pretensjoni fil-proċedura ta’ falliment mhuwiex iktar neċessarju u huwa superfluwu għall-finijiet tat-tmiem tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

184

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan ta’ deċiżjoni li timponi l-irkupru tal-għajnuna huwa li terġa’ tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva, jiġifieri li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel ma ngħatat l-għajnuna inkompatibbli. Dan l-għan jinkiseb ladarba l-ammont tal-għajnuna mogħtija illegalment, flimkien mal-interessi minħabba ħlas tardiv, jiġi rimborsat mill-benefiċjarju, peress li huwa għaldaqstant jitlef il-vantaġġ fis-suq li huwa kellu meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u li, minħabba f’hekk, is-sitwazzjoni tas-suq qabel ma tħallset l-għajnuna tiġi stabbilita mill-ġdid. Jekk l-impriżi benefiċjarji ma jkunux għadhom attivi f’dan is-suq, l-irkupru tal-ammont tal-għajnuna fuq l-assi tal-kumpannija falluta mhuwiex neċessarju.

185

Il-partijiet rikorrenti jaċċettaw li, skont is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq (punt 85), l-għajnuna għandha tiġi rkuprata permezz tar-reġistrazzjoni tal-pretensjoni għall-assi tal-kumpannija falluta. Madankollu, din is-sentenza tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (52/84, Ġabra p. 89), u tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-142/87, Ġabra p. I-959), li jikkonċernaw kawżi li fihom l-impriża benefiċjarja ma kinitx għadha falliet meta ngħatat id-deċiżjoni kontenzjuża u għaldaqstant kienet għadha potenzjalment attiva fis-suq. Jeħtieġ għaldaqstant li ssir distinzjoni bejn dawn il-kawżi u l-kawża preżenti, li fiha l-impriżi benefiċjarji ma kinux iktar attivi fis-suq minħabba l-falliment tagħhom.

186

Fir-repliki tagħhom, il-partijiet rikorrenti jenfasizzaw li, meta impriża tieqaf kompletament u definittivament mill-attivitajiet tagħha, li tkun ġiet iddikjarata falluta u li tkun qed tiġi stralċata, bħal fil-każ ta’ KG Holding, huwa fih innifsu evidenti li l-kompetituri tagħha ma jistgħux iktar ikunu żvantaġġati. Fil-fatt l-impriża benefiċjarja għebet mis-suq u, ekonomikament, ma teżistix iktar.

187

Il-partijiet rikorrenti jirreferu għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2002 li tikkonċerna l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Italja lil Industrie Navali Meccaniche Affini SpA (INMA) (ĠU 2003, L 22, p. 36) u tas-7 ta’ Mejju 2004 dwar għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mill-Ġermanja lil Fairchild Dornier GmbH (Dornier) (ĠU L 357, p. 36). Fihom, il-Kummissjoni ddeċidiet li m’għandux isir l-irkupru tal-għajnuna ġaladarba l-impriża benefiċjarja tkun temmet l-attività ekonomika tagħha.

188

Il-partijiet rikorrenti jenfasizzaw li huma ma jikkontestawx ġurisprudenza stabbilita, imfakkra fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni (T-324/00, Ġabra p. II-4309). F’din is-sentenza, l-impriża benefiċjarja ma kinitx għadha ġiet iddikjarata falluta meta l-Kummissjoni kienet adottat id-deċiżjoni tagħha. Fis-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriża kkonċernata kienu ġew ittrasferiti, wara l-falliment, lil sussidjarja 100% proprjetà tagħha, u li fuqha hija kienet teżerċita kontroll.

189

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mill-partijiet rikorrenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

190

Il-partijiet rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, il-legalità tad-digriet ta’ rkupru li jinsab fl-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-proċedura ta’ falliment u t-tmiem tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

191

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proċedura ta’ falliment, għandu jiġi kkonstatat li l-fallimenti ta’ KG Holding, ta’ Kliq Reïntegratie u ta’ Kliq ġew iddikjarati rispettivament fit-8 u fid-9 ta’ Frar u fl-14 ta’ Diċembru 2005, jiġifieri qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata fid-19 ta’ Lulju 2006.

192

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li tikkonċerna l-impriżi li bbenefikaw minn għajnuna u li fallew, li s-sitwazzjoni preċedenti li tiġi stabbilita mill-ġdid u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jintlaħqu permezz ta’ dħul bħala passiv tal-impriża li tpoġġiet għall-istralċ ta’ obbligu dwar il-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata, ħlief sa fejn din l-għajnuna kienet ta’ benefiċċju għal impriża oħra (ara s-sentenza CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni, punt 189 iktar ’il fuq, punt 101, u l-ġurisprudenza ċċitata).

193

Skont din il-ġurisprudenza, is-sempliċi ċirkustanza li l-impriża falliet għaldaqstant ma tmurx kontra l-prinċipju tal-irkupru tal-għajnuna (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punti 53 sa 55).

194

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tmiem tal-attivitajiet ekonomiċi tal-għajnuna kkonċernata, għandu jitfakkar li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument li hija adottatha (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, punt 39), jiġifieri d-19 ta’ Lulju 2006 fil-każ inkwistjoni.

195

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-partijiet rikorrenti ma bagħtu ebda osservazzjoni lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu, l-argument tal-partijiet rikorrenti mhuwiex inammissibbli minħabba s-sempliċi raġuni li dan ma ġiex invokat matul il-proċedura amministrattiva. L-interess ġuridiku ta’ persuna ma jistax jiġi prekluż għas-sempliċi raġuni li, matul il-proċedura amministrattiva, filwaqt li hija setgħet tippreżenta osservazzjonijiet dwar evalwazzjoni kkomunikata matul il-ftuħ tal-proċedura skont l-Artikolu 88(2) KE u diskussa mill-ġdid fid-deċiżjoni kontenzjuża, hija naqset milli tagħmel hekk (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T-380/94, Ġabra p. II-2169, punt 64, u tat-30 ta’ April 1998, Cityflyer Express vs Il-Kummissjoni, T-16/96, Ġabra p. II-757, punt 39).

196

Fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi ta’ KG Holding, jirriżulta mill-premessi 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontesatata li l-awtoritajiet Olandiżi indirizzaw żewġ ittri lill-Kummissjoni f’Settembru 2005 u fi Frar 2006 sabiex jinformawha dwar l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ falliment mibdija kontra KG Holding. Fir-rigward ta’ Kliq, jirriżulta mill-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata li l-awtoritajiet Olandiżi bagħtu ittra lill-Kummissjoni f’Jannar tal-2006 sabiex jindikawlha li Kliq kienet ġiet iddikjarata falluta fl-14 ta’ Diċembru 2005 u li ngħata bidu għall-proċeduri relatati. Ma jistax għaldaqstant jiġi lmentat fil-konfront tagħha talli kkonkludiet, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, li l-proċeduri ta’ falliment kienu għadhom ma ġewx fi tmiemhom kif ukoll li l-impriżi kkonċernati kienu għadhom jeżistu.

197

Fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi ta’ Kliq Reïntegratie, jirriżulta mill-premessi 19 u 20 tad-deċiżjoni kkontestata li l-awtoritajiet Olandiżi bagħtu żewġ ittri lill-Kummissjoni f’Settembru 2005 u fi Frar 2006 sabiex jinformawha dwar l-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ falliment mibdija kontra Kliq Reïntegratie. Ma jirriżultax mill-proċess li l-Kummissjoni rċeviet informazzjoni oħra dwar l-attivitajiet ekonomiċi ta’ Kliq Reïntegratie wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment tagħha. Jirriżulta mill-punti 179 sa 181 iktar ’il fuq li, minkejja l-fatt li Kliq ħadet f’idejha parti mill-kuntratti ta’ Kliq Reïntegratie mill-1 ta’ Ottubru 2003, hija kienet għadha teżerċita attività ekonomika meta ġie konkluż il-ftehim ta’ self li jammonta għal EUR 35750000 f’Diċembru 2003. Din l-impriża falliet biss sittax-il xahar wara li parti mill-kuntratti tagħha ttieħdu minn Kliq, jiġifier fid-9 ta’ Frar 2005. Il-Kummissjoni kienet taf li, skont il-pjan ta’ ristrutturazzjoni, Kliq Reïntegratie kellha ttemm l-attivitajiet tagħha. Dan l-element ma jfissirx madankollu li l-impriża kienet effettivament diġà temmet l-attivitajiet tagħha fid-19 ta’ Lulju 2006.

198

Ma jirriżultax mill-proċess li l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Olandiżi f’dan ir-rigward kienet maqsuma f’biċċiet b’mod li l-Kummissjoni kellha titlob lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jipprovdilha informazzjoni supplimentari dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ April 1994, Il-Ġermanja u Pleuger Worthington vs Il-Kummissjoni, C-324/90 u C-342/90, Ġabra p. I-1173, punt 29). Għaldaqstant il-Kummissjoni setgħet, ġustament, tqis li s-sempliċi fatt li l-impriżi kkonċernati kienu ġew iddikjarati falluti ma kienx ifisser li dawn ma kinux għadhom jeżistu.

199

Qabel kollox, bil-kontra ta’ dak li jallegaw il-partijiet rikorrenti, ma jirriżultax mill-proċess li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi kkonċernati kienu temmew kompletament u definittivament l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

200

Fir-rigward tal-argument tal-partijiet rikorrenti li jgħid li l-irkupru tal-għajnuna hija impossibbli, għandu jitfakkar, minn naħa, li s-sempliċi fatt li l-impriżi li jibbenefikaw minn għajnuna fallew ma jfissirx fih innifsu li l-irkupru tal-għajnuna ma għadux possibbli u, min-naħa l-oħra, li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jdaħħal il-pretensjoni tiegħu mal-passiv ta’ dawn l-impriżi. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li d-diffikultajiet eventwali, proċedurali jew ta’ natura oħra, fir-rigward tal-implementazzjoni tal-att ikkontestat ma għandhomx jinfluwenzaw il-legalità tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, punt 186 iktar ’il fuq, punti 62 u 63, u tat-13 ta’ Novembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-214/07, Ġabra p. I-8357, punt 46). Fil-każ ta’ diffikultà, il-Kummissjoni u l-Istat Membru għandhom, skont ir-regola li timponi obbligu reċiproku ta’ kooperazzjoni leali fuq l-Istati Membri u fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji u li toħroġ, b’mod partikolari, mill-Artikolu 10 KE, jikkollaboraw in bona fide sabiex jegħlbu dawn id-diffikultajiet sabiex jaġixxu kompletament inkonformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u b’mod partikolari ma’ dawk dwar l-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-415/03, Ġabra p. I-3875, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata).

201

Il-partijiet rikorrenti rreferew għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2002 u tas-7 ta’ Mejju 2004, iċċitati iktar ’il fuq, sabiex jipprovaw l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li kull każ ta’ għajnuna mill-Istat għandu jiġi evalwat separatament mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Id-deċiżjonijiet iċċitati mill-partijiet rikorrenti, li jikkonċernaw każijiet speċifiċi u ma għandhom ebda relazzjoni ma’ din id-deċiżjoni, mhumiex għaldaqstant rilevanti għall-każ inkwistjoni.

202

Għaldaqstant l-argument tal-partijiet rikorrenti għandu jiġi miċħud.

203

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat filwaqt li l-bqija tar-rikors għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

204

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, jekk iktar minn parti waħda titlef il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

205

Jirriżulta minn dak li ntqal li tkun saret evalwazzjoni korretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jekk jiġi deċiż li, peress li r-rikorrenti 1 u 2 tilfu parzjalment, ir-rikorrent 1 għandu jbati l-ispejjeż tiegħu fil-Kawża T-81/07, u r-rikorrent 2 fil-Kawża T-82/07. Peress li r-rikorrent 3 tilef, huwa għandu jiġi kkundannat, minbarra għall-ispejjeż tiegħu fil-Kawża T-83/07, għal dawk esposti mill-Kummissjoni fil-Kawża T-83/07. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-kawżi T-81/07 u T-82/07.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/939/KE, tad-19 ta’ Lulju 2006, dwar l-iskema ta’ għajnuna nnotifikata mill-Pajjiżi l-Baxxi favur KG Holding NV, huwa annullat.

 

2)

Il-bqija tar-rikorsi huma miċħuda.

 

3)

Jan Rudolf Maas, fil-kapaċità tiegħu bħala stralċarju ta’ KG Holding NV, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu fil-Kawża T-81/07.

 

4)

Jan Rudolf Maas u Cornelis van den Bergh, fil-kapaċità tagħhom bħala stralċarji ta’ Kliq BV, għandhom ibatu l-ispejjeż kollha tagħhom fil-Kawża T-82/07.

 

5)

Jean Leon Marcel Groenewegen, fil-kapaċità tiegħu bħala stralċarju ta’ Kliq Reïntegratie, għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu fil-kawża T-83/07, dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-Kawża T-83/07.

 

6)

Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-Kawżi T-81/07 u T-82/07.

 

Papasavvas

Wahl

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-1 ta’ Lulju 2009.

Firem

Werrej

 

Il-Fatti li wasslu għall-kawża

 

1. Il-kuntest ġenerali

 

2. Il-proċedura amministrattiva

 

3. Id-deċiżjoni kkontestata

 

Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

1. Osservazzjonijiet preliminari

 

2. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi fil-Kawżi T-81/07 u T-83/07 fir-rigward tal-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 17000000 mogħti lil KG Holding mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

 

Argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

3. Fuq il-mertu

 

Fuq l-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-għaujnuna għar-ristrutturazzjoni nnotifikata li tammonta għal EUR 45000000 (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata)

 

Argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-irkupru mingħand KG Holding u mingħand Kliq tas-self ta’ salvataġġ li jammonta għal EUR 9250000 kif ukoll tal-interessi relatati sad-data tal-irkupru tiegħu (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata)

 

Argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq ir-reġistrazzjoni tal-pretensjoni tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35750000 bħala kreditur fil-proċedura ta’ falliment quddiem l-istralċarju (Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata)

 

Fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

 

— Argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-obbligu li l-pretensjoni tal-Istat fuq KG Holding u/jew Kliq Reïntegratie li tammonta għal EUR 35750000 tiġi rreġistrata fil-proċedura ta’ falliment

 

— Argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-konsegwenzi tal-falliment għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat (Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata)

 

Argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.