Keywords
Summary

Keywords

1. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

2. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

3. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur u tat-tul tiegħu — Portata tal-oneru probatorju

(Artikolu 81(1) KE)

4. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Kapaċità effettiva li jiġi kkawżat dannu fis-suq affettwat

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Komunikazzjoni tal-Kummisssjoni 98/C 9/03, point 1 A, l-ewwel sar-raba’ paragrafi u s-sitt paragrafu)

5. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur —Evalwazzjoni skont in-natura tal-ksur — Ksur serju ħafna

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

6. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

7. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tqassim tal-impriżi kkonċernati f’diversi kategoriji — Dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

8. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa

(Artikolu 81 KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

9. Proċedura — Spejjeż — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Kunċett

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 91)

Summary

1. Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent tkun 100 % proprjetarja tal-kapital tas-sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din is-sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni konfutabbli li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kumpannija parent hija proprjetarja tal-kapital kollu tas-sussidjarja sabiex jitqies li din tal-ewwel teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din tal-aħħar. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.

Hija għalhekk il-kumpannija parent li għandha tirribatti din il-preżunzjoni billi turi li s-sussidjarja tagħha tistabbilixxi l-politika kummerċjali tagħha b’mod awtonomu, b’mod li hija ma tikkostitwixxix, flimkien magħha, entità ekonomika waħda u għaldaqstant, impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE. B’mod iktar partikolari, hija l-kumpannija parent li għandha tressaq kull element li jirrigwarda r-rabtiet organizzattivi, ekonomiċi u legali bejnha u bejn il-kumpanniji sussidjarji tagħha u li hija tikkunsidra li huma ta’ natura tali li jipprovaw li huma ma jikkostitwixxux entità ekonomika waħda. Matul l-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha fil-fatt tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġu ppreżentati quddiemha, fejn in-natura u l-importanza tagħhom jistgħu jvarjaw skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ eżaminat.

(ara l-punti 56, 58, 59)

2. L-imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent tar-regoli tal-kompetizzjoni hija possibbiltà li titħalla għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni. Il-fatt biss li l-Kummissjoni ddeċidiet, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċ-ċirkustanzi ta’ kawża ma kinux jiġġustifikaw li l-aġir ta’ sussidjarja jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha ma jfissirx li hija obbligata li tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti.

(ara l-punt 75)

3. F’dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 81(1) KE, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi prova mhux biss dwar l-eżistenza tal-akkordju, iżda wkoll it-tul ta’ żmien tiegħu. Biex jiġi kkalkulat it-tul ta’ żmien ta’ ksur li għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, għandu jiġi ddeterminat it-tul ta’ żmien li matulu eżista dan il-ftehim, jiġifieri l-perijodu li ddekorra bejn id-data tal-konklużjoni tiegħu u d-data li fih ġie tterminat. Fin-nuqqas ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, tal-inqas, fuq provi relatati ma’ fatti li seħħew fi żmien qrib biżżejjed, b’mod li jkun jista’ jiġi raġonevolment ammess li dan il-ksur kien seħħ mingħajr interruzzjoni bejn żewġ dati preċiżi.

Dan ma jkunx il-każ meta l-Kummissjoni ma tressaq ebda element konkret li jippermetti li jiġi konkluż li kien hemm konkordanza ta’ volontajiet bejn l-impriża kkonċernata u l-membri l-oħra tal-akkordju matul il-perijodu indikat u meta ma jirriżultax mid-dokumenti diskussi li mmaterjalizzat manifestazzjoni ta’ volontà ta’ wieħed mill-membri tal-akkordju fil-konfront tal-impriża kkonċernata, li kellha għan antikompetittiv.

Is-sempliċi fatt li impjegat ta’ kumpannija li pparteċipat f’akkordju jiġi kkollokat ma’ kumpannija oħra ma jistax jimplika, minnu nnifsu, li din l-aħħar kumpannija ssir awtomatikament membru tal-akkordju. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-impjegat inkwistjoni jiddeċiedi li ma jdaħħalx lill-kumpannija li magħha huwa jkun kollokat, fil-prattiki antikompetittivi jew li l-imsemmija kumpannija tieħu miżuri li jippermettu li jiġu evitati dawn it-tipi ta’ prattiki. Hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi prova li, matul il-perijodu kkonċernat, il-kumpannija, permezz tal-informazzjoni miksuba minn dan l-impjiegat fil-kuntest tal-funzjonijiet li kellu qabel, implementat il-ftehim konklużi fi ħdan l-akkordju u, għaldaqstant, ma aġixxietx b’mod awtonomu fis-suq.

(ara l-punti 88, 89, 91-93, 95)

4. Il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jiddistingwu l-ksur ftit serju, il-ksur serju u l-ksur serju ħafna (l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida). Barra minn hekk, id-differenza magħmula bejn l-impriżi tikkonsisti f’li tiġi stabbilita, skont it-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida, il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża, f’termini ta’ kapaċità ekonomika effettiva, għas-suċċess tal-akkordju bl-għan tal-klassifikazzjoni tiegħu fil-kategorija adegwata.

Għandha ssir distinzjoni bejn il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża, f’termini ta’ kapaċità ekonomika effettiva, għas-suċċess tal-akkordju, u l-impatt reali tal-ksur imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida. F’dan l-aħħar każ, l-impatt konkret tal-ksur jittieħed inkunsiderazzjoni, meta dan ikun jista’ jitkejjel, biex issir il-klassifikazzjoni tal-ksur fi ksur ftit serju, serju jew serju ħafna. Il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża tittieħed inkunsiderazzjoni, min-naħa tagħha, biex jiġu stabbiliti l-ammonti skont il-gravità tal-ksur.

Għaldaqstant, anki fin-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur li jista’ jitkejjel, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, skont it-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida, u wara li tkun ikklassifikat il-ksur bħala ftit serju, serju jew serju ħafna, li tagħmel distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati.

(ara l-punti 122-124)

5. Mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jirriżulta li ftehim jew prattiki miftiehma intiżi, b’mod partikolari, għall-iffissar ta’ miri ta’ prezzijiet jew għat-tqassim ta’ ishma mis-suq jistgħu, abbażi biss tan-natura tagħhom stess, jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna”, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-Kummissjoni turi l-impatt konkret tal-ksur fis-suq. Bl-istess mod, l-akkordji orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet jagħmlu parti mill-ksur l-iktar serju tad-dritt tal-kompetizzjoni u, għaldaqstant, waħidhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala serji ħafna.

(ara l-punt 126)

6. Id-dritt għal smigħ, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, huwa prinċipju li jeħtieġ b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni lill-impriża li hija tkun fi ħsiebha timponilha sanzjoni minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandu jkun fiha l-elementi essenzjali kkonstatati fil-konfront tagħha, bħalma huma l-fatti akkużati, il-klassifikazzjoni li ngħatatilhom u l-provi li fuqhom tistrieħ il-Kummissjoni, sabiex dik l-impriża tkun f’pożizzjoni li effettivament tressaq l-argumenti tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija kontriha. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt għas-smigħ tal-impriżi meta hija tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi kontra l-impriżi kkonċernati, u li hija tiddikjara l-punti prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u t-tul tal-ksur allegat u l-fatt li tkun għamlet dan intenzjonalment jew b’negliġenza. B’dan il-mod, hija tkun qed tagħtihom l-elementi meħtieġa biex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra li tiġi imposta multa fuqhom.

(ara l-punt 128)

7. Meta l-Kummissjoni taqsam l-impriżi kkonċernati f’kategoriji għall-finijiet tal-iffissar tal-ammont tal-multi għal kusr tal-Artikolu 81 KE, id-determinazzjoni tal-limiti għal kull kategorija hekk identifikata għandha tkun koerenti u oġġettivament iġġustifikata. Minbarra dan, skont l-elementi tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, jista’ jkun hemm, skont il-każ, il-volum u l-valur tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża u, għaldaqstant, l-influwenza li din setgħet teżerċita fis-suq. Min-naħa l-oħra, isegwi li l-Kummissjoni tista’, sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multa, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u mhux eżatta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll tal-parti minn dak id-dħul mill-bejgħ li jiġi mill-bejgħ tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur u li, għaldaqstant, hija tali li tagħti indikazzjoni tal-portata tiegħu. Min-naħa l-oħra, jirriżulta li la lil ċifra waħda u lanqas lill-oħra ma għandha tingħata importanza sproporzjonata meta pparagunati mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni, b’mod li l-iffissar tal-ammont ta’ multa xierqa ma jistax ikun ir-riżultat ta’ sempliċi kalkolu bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali.

Inkwantu wieħed għandu jibbaża fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi involuti fl-istess ksur sabiex jiġu stabbiliti l-proporzjonijiet bejn il-multi li għandhom jiġu imposti, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jkun limitat b’mod li ċ-ċifri miksuba jkunu l-iktar paragunabbli possibbli. Minn dan jirriżulta li impriża partikolari tista’ teħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq perijodu differenti minn dak li ġeneralment jiġi kkunsidrat biss jekk hija turi li d-dħul mill-bejgħ li hija għamlet matul dan l-aħħar perijodu ma jikkostitwixxix, għal raġunijiet tagħha stess, indikazzjoni tad-daqs veru u tas-saħħa ekonomika tagħha u lanqas tal-portata tal-ksur li hija wettqet.

(ara l-punti 131, 133)

8. Is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li, intenzjonalment jew b’negliġenza, iwettqu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE tikkostitwixxi waħda mis-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni bl-għan li tkun tista’ twettaq il-missjoni ta’ sorveljenza li jagħtiha d-dritt Komunitarju, missjoni li tinkludi d-dmir li ssegwi politika ġenerali bl-għan li tapplika fir-rigward tal-kompetizzjoni l-prinċipji stabbiliti mit-Trattat u torjenta f’dan is-sens l-aġir tal-impriżi. Isegwi li, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur bl-għan li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tiżgura n-natura dissważiva tal-azzjoni tagħha, b’mod speċjali għat-tipi ta’ ksur partikolarment dannużi għat-twettiq tal-għanijiet tal-Komunità.

Dan jitlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt mixtieq fuq l-impriża li fuqha din tiġi imposta, u dan sabiex il-multa ma ssirx bla effett, jew għall-kuntrarju eċċessiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-impriża inkwistjoni, skont ir-rekwiżiti bbażati, minn naħa, fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effettività tal-multa u, min-naħa l-oħra, fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Impriża ta’ daqs kbir, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha riżorsi finanzjarji kunsiderevoli meta pparagunata ma’ dawk tal-membri l-oħra tal-akkordju, tista’ timmobilizza iktar faċilment il-fondi meħtieġa għall-ħlas tal-multa tagħha, li jiġġustifika, bil-għan li jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, l-impożizzjoni, b’mod partikolari bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni, ta’ multa proporzjonalment iktar għolja minn dik li jissanzjona l-istess ksur imwettaq minn impriża li ma jkollhiex dawn ir-riżorsi. B’mod partikolari, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li tipparteċipa fl-akkordju huwa rilevanti sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa.

L-għan ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tfittex fl-iffissar tal-ammont ta’ multa huwa intiż li jiżgura li l-impriżi josservaw ir-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat għat-tmexxija tan-negozju tagħhom fi ħdan il-Komunità jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Isegwi li l-fattur ta’ dissważjoni li jista’ jiġi inkluż fil-kalkolu tal-multa huwa evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni partikolari tal-impriża kkonċernata. Dan il-prinċipju japplika, b’mod partikolari, meta l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet multiplikatur ta’ dissważjoni li bih tkun ġiet miżjuda l-multa imposta fuq impriża.

(ara l-punti 148-151)

9. L-ispejjeż li l-impriżi kkonċernati nefqu biex jagħtu garanzija bankarja li tkopri l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom, ma humiex spejjeż indispensabbli mħallsa mill-partijiet għall-finijiet tal-proċeduri u għaldaqstant ma jifformawx parti mill-ispejjeż li jistgħu jinġabru fis-sens tal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura.

(ara l-punt 172)