Kawża T-19/07

Systran SA u

Systran Luxembourg SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Sejħa għal offerti fir-rigward tat-twettiq ta’ proġett li jikkonċerna l-manutenzjoni u t-tisħiħ lingwistiku tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni — Kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter ikkummerċjalizzat — Kontravvenzjoni tad-dritt tal-awtur – Żvelar mhux awtorizzat ta’ ‘know-how’ — Rikors għad-danni — Kwistjoni mhux kuntrattwali — Ammissibbiltà — Dannu reali u ċert — Rabta kawżali — Evalwazzjoni tal-ammont tad-dannu bħala somma waħda”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għad-danni — Suġġett — Talba għal kumpens imressqa kontra l-Unjoni fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE — Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tal-Unjoni — Evalwazzjoni tan-natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali tar-responsabbiltà stabbilita — Kriterji

(Artikoli 235 KE, 238 KE u 240 KE, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 113)

2.      Rikors għad-danni — Suġġett — Kumpens għad-danni kkawżati minn allegat ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tan-‘know-how’ — Bażi mhux kuntrattwali — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni

(Artikoli 235 KE u 287 KE, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikolu 41)

3.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

4.      Rikors għad-danni — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar allegazzjoni ta’ kontravvenzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-dritt tal-awtur — Kundizzjonijiet

(Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

5.      Rikors għad-danni — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Kundanna tal-Unjoni għall-kumpens ta’ dannu skont il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali

(Artikolu 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

6.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Dannu reali u ċert — Rabta kawżali

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

7.      Approssimazzjoni tal-liġijiet — Dritt tal-awtur u drittijiet relatati — Direttiva 91/250 — Protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter — Atti suġġetti għal restrizzjonijiet — Eċċezzjonijiet — Portata

(Direttiva tal-Kunsilll 91/250, Artikoli 4 u 5)

8.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

1.      Fil-qasam tar-responsabbiltà kuntrattwali, huwa biss meta jkun hemm klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 238 KE li l-qorti tal-Unjoni jkollha ġurisdizzjoni. Fin-nuqqas ta’ tali klawżola, il-Qorti Ġenerali fil-verità ma tistax tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-Artikolu 235 KE, dwar azzjoni għad-danni ta’ oriġini kuntrattwali. Jekk ma jkunx hekk, il-Qorti Ġenerali tkun qiegħda testendi l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mill-kawżi li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 240 KE jirriżervalha ġurisdizzjoni, sa fejn din id-dispożizzjoni tagħti lill-qrati nazzjonali ġurisdizzjoni ta’ dritt komuni sabiex jisimgħu l-kawżi li fihom tkun parti l-Unjoni. Il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni fil-qasam kuntrattwali hija derogatorja mid-dritt komuni u għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata b’mod limitat, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali tista’ tisma’ biss it-talbiet li joriġinaw mill-kuntratt u li jkollhom relazzjoni diretta mal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt.

Min-naħa l-oħra, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni mingħajr ma jkun meħtieġ li l-partijiet fil-kawża juru manifestament il-kunsens tagħhom minn qabel. Sabiex tiddetermina jekk għandhiex ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 235 KE, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina, fid-dawl tad-diversi elementi rilevanti tal-proċess, jekk it-talba għad-danni mressqa mir-rikorrent hijiex ibbażata b’mod oġġettiv u globali fuq obbligi ta’ oriġini kuntrattwali jew mhux kuntrattwali, b’tali mod li tkun tista’ tiġi identifikata l-bażi kuntrattwali jew mhux kuntrattwali tal-kawża. Dawn l-elementi jistgħu jiġu misluta, b’mod partikolari, mill-eżami tal-pretensjonijiet tal-partijiet, mill-fatt li kkawża d-dannu li qiegħed jintalab il-kumpens tiegħu u mill-kontenut tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali jew mhux kuntrattwali invokati sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża. Għaldaqstant, meta tintervjeni fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali tista’ perfettament teżamina l-kontenut ta’ kuntratt, bħalma tagħmel fir-rigward ta’ kull dokument ieħor invokat minn parti insostenn tal-argumenti tagħha, sabiex teżamina jekk dan il-kuntratt huwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni l-ġurisdizzjoni ratione materiae mogħtija lilha b’mod espliċitu mill-Artikolu 235 KE. Dan l-eżami jagħmel parti mill-evalwazzjoni tal-fatti invokati sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, ġurisdizzjoni li n-nuqqas tagħha huwa eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura.

(ara l-punti 58-62)

2.      Il-prinċipju li jipprovdi li l-impriżi għandhom dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom, prinċipju espress fl-Artikolu 287 KE, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirreferi wkoll għall-ħtieġa li l-amministrazzjoni tirrispetta l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju.

Is-sigrieti tan-negozju jinkludu l-informazzjoni teknika dwar in-‘know-how’ li mhux biss l-iżvelar tagħha lill-pubbliku iżda anki s-sempliċi trażmissjoni lil individwu differenti minn dak li pprovda l-informazzjoni jistgħu jippreġudikaw serjament l-interessi ta’ dan tal-aħħar. Sabiex informazzjoni teknika taqa’, minħabba n-natura tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 287 KE, huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li din l-informazzjoni tkun magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni. It-tieni nett, huwa meħtieġ li din tkun informazzjoni li l-iżvelar tagħha jista’ jikkawża preġudizzju serju lill-persuna li tkun ipprovdietha jew lil terzi. Fl-aħħar nett, huwa meħtieġ li l-interessi li jistgħu jiġu ppreġudikati mill-iżvelar tal-informazzjoni jkun oġġettivament jistħoqqilhom protezzjoni.

Meta, f’każ partikolari, ikun meħtieġ li tiġi evalwata n-natura allegatament illegali u dannuża tal-iżvelar mill-Kummissjoni lil terzi ta’ informazzjoni protetta b’dritt ta’ proprjetà jew bħala ‘know-how’ mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tad-detentur tagħhom fid-dawl tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri applikabbli fil-qasam u mhux fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali previsti f’kuntratti konklużi fil-passat dwar kwistjonijiet li ma jikkonċernawx id-dritt tal-awtur jew in-‘know-how’ tar-rikorrent, it-tilwima tkun ta’ natura mhux kuntrattwali.

(ara l-punti 79, 80, 103)

3.      Kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat minn istituzzjoni għandu jinkludi b’mod partikolari l-elementi li permezz tagħhom ikun jista’ jiġi identifikat l-aġir li bih ikun qiegħed jakkużaha r-rikorrent.

(ara l-punti 107, 108)

4.      Meta, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni minħabba responsabbiltà kuntrattwali, il-kunċett ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-awtur ikun invokat flimkien mal-kunċett ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tan-‘know-how’ bil-għan waħdieni li l-aġir tal-Kummissjoni jiġi kwalifikat bħala illegali, l-evalwazzjoni tan-natura illegali tal-aġir inkwistjoni għandha ssir fid-dawl tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri u ma hijiex meħtieġa deċiżjoni minn qabel minn awtorità nazzjonali kompetenti.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisdizzjoni mogħtija lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 235 KE u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali u fin-nuqqas ta’ rimedju nazzjonali li permezz tiegħu jkun jista’ jinkiseb il-kumpens mill-Kummissjoni tad-dannu allegatament imġarrab minn rikorrent minħabba l-kontravvenzjoni tad-dritt tal-awtur ta’ programm tal-kompjuter, ma hemm xejn li jipprekludi li l-kunċett ta’ kontravvenzjoni użat mir-rikorrent jkun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex l-aġir tal-Kummissjoni jiġi kwalifikat bħala illegali fil-kuntest ta’ talba għad-danni.

Il-kunċett ta’ kontravvenzjoni użat mir-rikorrent fil-kuntest ta’ tali rikors għandu jiġi interpretat fid-dawl biss tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, liema prinċipji huma, fir-rigward tal-programmi tal-kompjuter, riprodotti jew stabbiliti permezz ta’ diversi direttivi ta’ armonizzazzjoni. Il-Qorti Ġenerali għandha għaldaqstant ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata kontravvenzjoni fis-sens li dan it-terminu jista’ jingħata minn awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru skont id-dritt ta’ dak l-Istat fil-kuntest ta’ tali rikors għad-danni.

(ara l-punti 115-117)

5.      Mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE u mill-Artikolu 235 KE jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sabiex timponi fuq l-Unjoni kull forma ta’ kumpens li jkun konformi mal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, inkluż, jekk dan jidher li huwa konformi ma’ dawn il-prinċipji, kumpens in natura, jekk ikun il-każ fil-forma ta’ ordni sabiex issir jew ma ssirx xi ħaga. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-Unjoni ma tistax tinħeles minn miżura proċedurali korrispondenti min-naħa tal-qorti tal-Unjoni, sakemm din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors għall-kumpens ta’ danni imputabbli lill-Unjoni.

Sabiex id-dannu allegatament ikkawżat f’każ fejn ikun qiegħed jiġi allegat ksur mill-Kummissjoni ta’ dritt tal-awtur jiġi kkumpensat b’mod integrali, huwa meħtieġ li d-detentur ta’ dan id-dritt ikollu d-dritt tiegħu stabbilit mill-ġdid fi stat intatt, liema stabbiliment mill-ġdid jeħtieġ mill-inqas, irrispettivament minn eventwali danni f’somma ta’ flus, il-waqfien immedjat tal-preġudizzju kkawżat lid-dritt tiegħu. Il-kumpens integrali tad-dannu f’każijiet bħal dawn jista’ jieħu wkoll il-forma tal-konfiska jew tal-eliminazzjoni tar-riżultat ta’ kontravvenzjoni, jew il-forma tal-pubblikazzjoni bi spejjeż tal-Kummissjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 120-123)

6.      Sabiex tkun stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, huwa meħtieġ li jkunu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir invokat fil-konfront tal-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat.

L-aġir illegali invokat fil-konfront ta’ istituzzjoni għandu jikkonsisti fi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tkun intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Meta l-istituzzjoni inkwistjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment limitat, jekk mhux ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

Id-dannu li tiegħu jkun qiegħed jintalab kumpens għandu jkun reali u ċert u għandu jkun hemm rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu.

(ara l-punti 126, 127, 268)

7.      L-eċċezzjoni legali prevista mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter, għall-atti li jaqgħu taħt id-dritt esklużiv tal-awtur tal-programm iddefiniti fl-Artikolu 4 tal-istess direttiva hija intenzjonata li tapplika biss għax-xogħlijiet imwettqa mill-akkwirent leġittimu tal-programm tal-kompjuter u mhux għax-xogħlijiet fdati lil terzi minn dan l-akkwirent. Din l-eċċezzjoni tibqa’ limitata wkoll għall-atti meħtieġa sabiex l-akkwirent leġittimu jkun jista’ juża l-programm tal-kompjuter inkonformità mal-użu intenzjonat tiegħu, inkluż sabiex jiġu kkoreġuti żbalji.

(ara l-punt 225)

8.      Jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet tal-awtur u tan-‘know-how’ miżmuma minn impriża fir-rigward ta’ programm tal-kompjuer, ksur li jkun ta’ natura li jimplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-fatt li l-Kummissjoni tattribwixxi lilha nfisha d-dritt li twettaq xogħlijiet li jimplikaw modifika tal-elementi li jikkonċernaw il-programm imsemmi, bħal pereżempju, il-kodiċi sors, mingħajr ma tkun kisbet minn qabel il-kunses tal-impriża msemmija.

(ara l-punti 250, 261)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

16 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Sejħa għal offerti fir-rigward tat-twettiq ta’ proġett li jikkonċerna l-manutenzjoni u t-tisħiħ lingwistiku tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni – Kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter ikkummerċjalizzat – Kontravvenzjoni tad-dritt tal-awtur – Żvelar mhux awtorizzat ta’ ‘know-how’ – Rikors għad-danni – Kwistjoni mhux kuntrattwali – Ammissibbiltà – Dannu reali u ċert – Rabta kawżali – Evalwazzjoni tal-ammont tad-dannu bħala somma waħda”

Fil-Kawża T‑19/07,

Systran SA, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Systran Luxembourg SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

irrappreżentati minn J.-P. Spitzer u E. De Boissieu, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn E. Montaguti u F. Benyon, sussegwentement minn E. Traversa u E. Montaguti, bħala aġenti, assistiti minn A. Berenboom u M. Isgour, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett rikors għall-kumpens tad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti minħabba numru ta’ illegalitajiet imwettqa sussegwentement għal sejħa għal offerti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-manutenzjoni u t-tisħiħ lingwistiku tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tagħha,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Fuq id-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran

1        Għandha ssir distinzjoni bejn erba’ verżjonijiet tas-softwer ta’ traduzzjoni awtomatika Systran (imsejjaħ ukoll “sistema Systran”):

–        il-verżjoni inizjali (iktar ’il quddiem “Systran Mainframe”), maħluqa fl-1968 mis-Sur Toma u kkummerċjalizzata mill-kumpannija World Translation Center, Inc (WTC), stabbilita f’California, u minn kumpanniji oħra marbuta magħha (iktar ’il quddiem, meta kkunsidrati flimkien, il-“grupp WTC”);

–        il-verżjoni użata inizjalment mill-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “EC-Systran Mainframe”), li kienet is-suġġett ta’ sensiela ta’ kuntratti konklużi bejn l-1975 u l-1987 bejn il-grupp WTC u l-Kummissjoni, ta’ sensiela ta’ kuntratti bejn il-Kummissjoni u fornituri ta’ servizzi, u ta’ sensiela ta’ kuntratti bejn il-grupp Systran (li akkwista l-grupp WTC) u l-Kummissjoni;

–        il-verżjoni l-ġdida (iktar ’il quddiem “Systran Unix”), li nħolqot mill-ewwel rikorrenti, Systran SA (iktar ’il quddiem “Systran”), sussegwentement għall-akkwist tal-grupp WTC fl-1986, u li kienet intiża sabiex topera fuq sistemi Unix u Windows; il-grupp Systran beda jiżviluppa din is-sistema fl-1993;

–        il-verżjoni l-ġdida użata mill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “EC-Systran Unix”), li kienet is-suġġett ta’ kuntratt konkluż fl-1997 bejn it-tieni rikorrenti, Systran Luxembourg SA (iktar ’il quddiem “Systran Luxembourg”), u l-Kummissjoni.

II –  Rendikont dwar il-passat tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet

2        Rendikont dwar il-passat tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet, il-grupp WTC u sussegwentement l-akkwirent tiegħu l-grupp Systran, minn naħa, u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, huwa neċessarju sabiex tkun tista’ tiġi ddefinita l-portata tad-drittijiet ta’ proprjetà u ta’ użu marbuta mad-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran użati mill-Kummissjoni, jiġifieri EC-Systran Mainframe u sussegwentement EC-Systran Unix. Il-Kummissjoni tinvoka dan il-passat sabiex tallega li r-rikors ineżami għandu bażi kuntrattwali, filwaqt li r-rikorrenti josservaw li ebda wieħed minn dawn il-kuntratti, li huma barra minn hekk ma humiex qegħdin jinvokaw, ma għandu impatt fuq id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħhom u r-rikors.

A –  L-ewwel perijodu: minn Systran Mainframe għal EC-Systran Mainframe

3        Huwa paċifiku bejn il-partijiet li s-softwer ta’ traduzzjoni awtomatika Systran inħoloq mis-Sur Toma u li kumpanniji tal-grupp WTC kienu l-proprjetarji esklużivi tal-verżjoni Systran Mainframe ta’ dan is-softwer.

1.     Kuntratti inizjali bejn WTC (u kumpanniji oħra) u l-Kummissjoni

4        Fit-22 ta’ Diċembru 1975, WTC u l-Kummissjoni ffirmaw kuntratt dwar, minn naħa, l-installazzjoni u l-iżvilupp tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran Ingliż-Franċiż u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp inizjali tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran Franċiż-Ingliż (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inizjali”).

5        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-kuntratt inizjali, intitolat “Suġġett”, huwa fformulat kif ġej:

“Il-Kontraenti għandha twettaq, f’isem il-Kummissjoni, l-iżvilupp ulterjuri tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tagħha SYSTRAN Ingliż-Franċiż (iktar ’il quddiem is-‘Sistema Bażika’) u l-iżvilupp inizjali ta’ sistema ta’ traduzzjoni awtomatika SYSTRAN Franċiż-Ingliż.”

6        L-Artikolu 3 tal-kuntratt inizjali, intitolat “Remunerazzjoni”, jindika:

“Bħala korrispettiv għall-kompiti mwettqa taħt dan il-kuntratt, il-Kummissjoni għandha tħallas lill-Kontraenti s-somma ta’ USD 161 800 skont l-arranġamenti segwenti:

[…]

Din is-somma tinkludi kumpens għall-konċessjoni tad-dritt li tintuża s-Sistema Bażika matul il-perijodu kollu kopert mill-kuntratt. Huwa intiż li dan il-kumpens għandu jkopri l-ispejjeż kollha inkorsi mill-Kontraenti fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, inklużi l-ispejjeż tal-persunal, il-ħin li fih jintuża l-kompjuter, l-ispejjeż tal-ivjaġġar u l-ispejjeż tal-provvista.”

7        L-Artikolu 4 tal-kuntratt inizjali, intitolat “Użu tas-sistema wara t-tmiem tal-kuntratt”, huwa fformulat kif ġej:

“a)      Il-partijiet kontraenti qegħdin jiftiehmu li d-drittijiet għas-sistema kif teżisti fid-data tal-iskadenza tal-kuntratt (iktar ’il quddiem is-‘Sistema Modifikata’) u għad-dokumentazzjoni marbuta magħha għandhom jingħataw mill-Kontraenti lill-Kummissjoni fuq bażi limitata, jiġifieri esklużivament għall-ħtiġijiet proprji tal-Kummissjoni u għal ħtiġijiet simili tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-Komunità u dan biss għall-finijiet tat-traduzzjoni mill-Ingliż għall-Franċiż u mill-Franċiż għall-Ingliż, iżda mingħajr ebda limitazzjoni fiż-żmien. [...]

b)      Jekk, wara l-iskadenza ta’ dan il-kuntratt, il-Kummissjoni tkun tixtieq tkompli tiżviluppa, internament jew permezz ta’ terzi, is-Sistema Modifikata billi tapplika kombinazzjonijiet oħra ta’ lingwi tal-Komunità, hija għandha tħallas lill-Kontraenti somma waħda li ma taqbiżx USD 100 000 għall-ewwel kombinazzjoni ta’ lingwi u USD 80 000 għal kull kombinazzjoni sussegwenti, jew USD 200 000 għal kull kombinazzjoni li tinkludi lingwa ġdida. Dawn is-somom ikopru d-dritt tal-Kummissjoni li tuża b’mod esklużiv u liberu s-Sistema Modifikata żviluppata, mingħajr limitazzjoni fiż-żmien.

Jekk, barra minn hekk, wara l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, il-Kummissjoni tkun tixtieq titlob lill-Kontraenti sabiex tiżviluppa ulterjorment is-Sistema Modifikata billi tapplika kombinazzjoni oħra ta’ lingwi, il-Kummissjoni għandha tħallasha somma waħda li ma taqbiżx USD 25 000 għall-ewwel kombinazzjoni u USD 20 000 għal kull kombinazzjoni ulterjuri, jew USD 50 000 għal kull kombinazzjoni li tinkludi lingwa ġdida.

c)      Il-Kontraenti għandha d-dritt tuża, f’isimha u għall-finijiet proprji tagħha, is-Sistema Modifikata kif tkun ġiet żviluppata fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt u ta’ kuntratti ta’ żvilupp ulterjuri bl-applikazzjoni ta’ kombinazzjonijiet oħra ta’ lingwi, kif speċifikat fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu (b), bl-eċċezzjoni tal-vokabularji żviluppati speċjalment għall-Kummissjoni. L-aċċess għall-vokabularji għandu jingħata lill-Kontraenti każ b’każ, bi ħlas annwali ta’ kera li ma taqbiżx 20 % tan-nefqa; dawn il-vokabolarji għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kontraenti bla ħlas biss għal finijiet ta’ dimostrazzjoni.”

8        Skont l-Artikolu 5(f) tal-kuntratt inizjali, il-liġi applikabbli għall-kuntratt kienet il-liġi Lussemburgiża u l-qrati li kellhom ġurisdizzjoni f’każ ta’ tilwima kienu dawk tal-Lussemburgu.

9        Sussegwentement għall-kuntratt inizjali, bejn l-1976 u l-1987, il-Kummissjoni kkonkludiet diversi kuntratti ma’ kumpanniji tal-grupp WTC sabiex, minn naħa, ittejjeb is-sistema Systran u, min-naħa l-oħra, tiżviluppa kombinazzjonijiet ġodda ta’ lingwi (b’kollox ġew żviluppati disa’ kombinazzjonijiet ta’ lingwi).

10      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet ma’ diversi kumpanniji, li ma kellhomx konnessjoni mal-grupp WTC u mingħajr ma kienu parti fil-kuntratt, kuntratti li kienu jawtorizzawhom jużaw is-sistema Systran għall-benefiċċju tal-awtoritajiet tal-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet. F’wieħed minn dawn il-kuntratti, imsejjaħ “Protokoll ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni teknika”, konkluż fit-18 ta’ Jannar 1985 ma’ kumpannija Franċiża, Gachot SA, il-Kummissjoni indikat li “is-sistema Systran, il-programmi u d-dizzjunarji, [kellhom] jibqgħu l-proprjetà tal-Kummissjoni” (Artikolu 4, intitolat “Drittijiet ta’ użu”). Taħt dan il-Protokoll ta’ ftehim, il-Kummissjoni awtorizzat lill-kumpannija Gachot tesplojta “is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tagħha Systran għall-benefiċċju tal-entitajiet tas-settur pubbliku Ewropew” u, bħala korrispettiv, il-kumpannija Gachot kienet tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-kwalità tat-traduzzjonijiet prodotti, informazzjoni li permezz tagħha setgħet ittejjeb l-operazzjoni tas-sistema (Artikolu 1, intitolat “Suġġett”). Il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-kumpannija Gachot ma kienet tinvolvi ebda kumpens finanzarju (Artikolu 3, intitolat “Spejjeż”).

2.     Kuntratt ta’ kollaborazzjoni bejn il-grupp Systran u l-Kummissjoni

11      Permezz ta’ sensiela ta’ kuntratti li saru minn Settembru 1985 ’il quddiem, il-kumpannija Gachot akkwistat il-kumpanniji tal-grupp WTC, li kienu l-proprjetarji tat-teknoloġija Systran u tal-verżjoni Systran Mainframe, u saret Systran sussegwentement għal dan l-akkwist.

12      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 1987, indirizzata mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Telekomunikazzjoni, industrija tal-informatika u innovazzjoni” lill-kumpannija Gachot, il-Kummissjoni talbet li jingħataw tweġibiet għal diversi mistoqsijiet, tweġibiet li ngħataw permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Frar 1987:

“Mistoqsija 1: Is-Sur Gachot jista’ jipprova li huwa (personalment jew il-kumpannija Gachot [...]) verament il-proprjetarju jew azzjonist maġġoritarju tal-kumpanniji WTC u Systran Institut, u li huwa jaċċetta r-responsabbiltajiet kollha li dawn il-kumpanniji għandhom fir-rigward tal-Kummissjoni?”

“Tweġiba: Il-kumpannija tagħna verament akkwistat l-azzjonijiet kollha [tas-Sur] Toma f’WTC u Latsec, minn naħa, u 76 % tal-azzjonijiet ta’ Systran Institut, min-naħa l-oħra. Aħna għalhekk għandna d-dritt li nitkellmu f’isem il-Grupp kollu u li nirrappreżentawh fil-konfront tal-Kummissjoni.”

“Mistoqsija 2: X’jiġri minn dawn ir-responsabbiltajiet jekk is-Sur Gachot (jew [il-kumpannija] Gachot) ma jibqgħux il-proprjetarji (jew l-azzjonisti maġġoritarji) ta’ dawn il-kumpanniji? Is-Sur Gachot jimpenja ruħu li jara li dawn ir-responsabbiltajiet jiġi rrispettati mill-eventwali akkwirenti?”

“Tweġiba: Ma huwa ppjanat ebda trasferiment. Anzi, għall-kuntrarju, il-Grupp tagħna għandu politika ta’ żvilupp permanenti f’dan il-qasam. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandha għalfejn ikollha ebda preokkupazzjoni f’dan ir-rigward peress li l-kuntratti huma stabbiliti bejn WTC u l-Kummissjoni, jiġifieri persuni ġuridiċi, u kull bidla li jista’ jkun hemm fil-pussess tat-titoli ta’ dawn il-kumpanniji f’ebda każ ma jista’ jkollha effett fuq il-kuntratti stabbiliti.”

“Mistoqsija 3: Jista’ s-Sur Gachot jikkonferma li l-Kummissjoni, b’riżultat tal-konklużjoni ta’ diversi kuntratti ma’ WTC u Systran Institut, għandha drittijiet ta’ esplojtazzjoni mhux esklużivi għas-settur pubbliku Ewropew fir-rigward ta’ [disa’] verżjonijiet lingwistiċi ta’ Systran?”

“Tweġiba: Mill-kuntratti stabbiliti bejn WTC u l-Kummissjoni jidher ċar [...] li l-Kummissjoni għandha drittijiet ta’ użu mhux esklużivi għall-ħtiġijiet tagħha stess kif ukoll għall-ħtiġijiet tal-aġenziji tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Komunità, u dan fir-rigward tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ Systran II fil-[kombinazzjonijiet] ta’ lingwi akkwistati minnha [...]”

“Mistoqsija 8: Is-sur Gachot għadu jaqbel li entitajiet intergovernattivi li t-territorju tagħhom jestendi lil hinn mill-Komunità jiġu awtorizzati jużaw [is-softwer] Systran, bil-ħlas ta’ royalties bħala korrispettiv?”

“Tweġiba: Il-kumpannija Gachot għandha naturalment l-intenzjoni li tqiegħed is-sistema Systran għad-dispożizzjoni ta’ entitajiet internazzjonali li t-territorju tagħhom jestendi lil hinn minn dak tal-Komunità u dan skont numru ta’ ftehim li se jiġu konklużi bejn il-kumpannija Gachot u tali entitajiet [...]”

“Mistoqsija 14: Il-kumpannija WTC hija lesta li tagħti lill-Kummissjoni d-drittijiet ta’ esplojtazzjoni, taħt l-istess kundizzjonijiet bħalma kienu stabbiliti preċedentement, fir-rigward ta’ sistema Systran Spanjol-Ingliż? Il-prezz li għandu jitħallas se jkun tal-istess ammont bħal dak offert għas-sistema Ġermaniż-Ingliż?”

“Tweġiba: Il-kumpannija WTC taqbel kompletament li tagħti lill-Kummissjoni liċenzja ta’ esplojtazzjoni mhux esklużiva għall-Ispanjol-Ingliż, u eventwalment anki għat-Taljan-Ingliż u l-Portugiż-Ingliż. Il-prezz u l-kundizzjonijiet se jiddependu essenzjalment mill-istat tal-iżvilupp ta’ dawn is-sistemi fil-mument meta takkwisthom il-Kummissjoni.”

“Mistoqsija 15: Il-kumpannija WTC se tkun lesta li tiżviluppa sistemi ġodda li jinkludu d-Daniż u l-Grieg bħala l-lingwi li fihom issir it-traduzzjoni u li tagħtihom lill-Kummissjoni bi drittijiet ta’ esplojtazzjoni (mhux esklużivi) għas-settur pubbliku u dak privat?”

“Tweġiba: WTC taqbel kompletament li tiżviluppa kull sistema li tinkludi kombinazzjonijiet ta’ lingwi Ewropej kif ukoll sistemi oħra li l-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn.”

“Mistoqsija 16: Is-Sur Gachot huwa interessat f’konverżjoni tas-sistema Systran fil-lingwa C taħt Unix, konverżjoni li tkabbar il-portabbiltà tas-sistema fuq il-livell tal-informatika? Huwa lest li jiffinanzja l-investiment meħtieġ kollu jew parti minnu (li probabbilment ikun ta’ madwar miljun ECU)?”

“Tweġiba: Il-konverżjoni tas-sistema Systran fil-lingwa C taħt Unix hija proġett li aħna kkunsidrajna. Madankollu, inizjalment dehrilna li kien ħafna iktar importanti li nikkonċentraw l-isforzi tagħha fuq it-titjib tal-kwalità tat-traduzzjoni kif ukoll fuq l-unifikazzjoni tad-diversi verżjonijiet [tas-sistema] Systran. Il-konverżjoni [tas-sistema] Systran taħt Unix, għalkemm hija interessanti ħafna, tibqa’ marbuta mal-konkretizzazzjoni ta’ mezzi ta’ finanzjament [...]”

13      Permezz ta’ faks tal-5 ta’ Marzu 1987, indirizzata minn uffiċjal tad-DĠ “Telekomunikazzjoni, industrija tal-informatika u innovazzjoni” lill-kumpannija Gachot, il-Kummissjoni ddeskriviet b’dan il-mod il-kontenut tal-“ftehim Systran” li kien qiegħed jiġi nnegozjat:

“Drittijiet, għanijiet u obbligi

Fil-kuntest tal-Ftehim, id-drittijiet kweżiti miż-żewġ partijiet huma perfettament bilanċjati.

Il-grupp Systran huwa l-proprjetarju tal-programmi bażiċi u d-drittijiet ta’ użu tal-Kummissjoni dwar id-disa’ [kombinazzjonijiet] ta’ lingwi tagħha jkopru biss l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-entitajiet uffiċjali tal-Istati Membri.

Bil-kontra, il-Kummissjoni hija l-proprjetarja tal-lessiċi li hija ilha taġġorna sa mill-1975.

Kull waħda mill-partijiet investiet madwar ECU 8 miljuni sabiex takkwista d-drittijiet tagħha u għalhekk tixtieq tikseb ritorn fuq l-investimenti tagħha.

Il-Kummissjoni għandha l-obbligu morali li tislet benefiċċju għall-ekonomija Komunitarja mill-investiment imħallas mill-persuni taxxabbli tagħha, filwaqt li l-grupp Systran jixtieq jibda malajr kemm jista’ jkun il-kummerċjalizzazzjoni tas-sistema fl-Ewropa.

Dawn iż-żewġ għanijiet huma perfettament konverġenti u konċiljabbli fil-kuntest tal-Ftehim propost.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-grupp Systran għandhom l-interess li jagħmlu [is-softwer] Systran strument effikaċi permezz ta’ armonizzazzjoni tal-programmi u tal-lessiċi [...]”

14      Fl-4 ta’ Awwissu 1987, il-grupp Systran u l-Kummissjoni ffirmaw kuntratt dwar l-organizzazzjoni konġunta tal-iżvilupp u tat-titjib tas-sistema ta’ traduzzjoni Systran għal-lingwi uffiċjali, attwali u futuri, tal-Komunità, kif ukoll dwar l-implementazzjoni tagħha (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ kollaborazzjoni”).

15      Il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni kien jindika, fil-kuntest ta’ “[p]reżentazzjoni preliminari”, dan li ġej:

“1.      Is-sistema Systran, iddisinjata mill-kumpannija WTC, hija sistema ta’ traduzzjoni awtomatika, li tinkludi programm bażiku, programmi lingwistiċi u periferiċi u diversi dizzjunarji bilingwi.

2.      Fit-22 ta’ Settembru 1975, il-Kummissjoni kkonkludiet mal-kumpannija WTC kuntratt dwar l-użu tas-sistema Systran mill-Kummissjoni u dwar l-iżvilupp inizjali ta’ din is-sistema minn WTC.

Il-Kummissjoni u l-kumpannija WTC ikkonkludew sussegwentement kuntratti oħra dwar, minn naħa, it-titjib tas-sistema eżistenti u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp ta’ sistemi għal [kombinazzjonijiet ġodda] ta’ lingwi.

Dawn il-kuntratti, konklużi bejn l-1976 u l-1985, kellhom bħala suġġett l-iżvilupp, it-titjib tal-programmi ta’ traduzzjoni u tad-dizzjunarji bażiċi għal-lingwi kkonċernati.

3.      Il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tas-sistemi kienu żgurati permezz ta’ sensiela oħra ta’ kuntratti bejn il-Kummissjoni u kumpanniji ta’ servizz. Dawn il-kuntratti kienu jikkonċernaw il-ħtiġijiet u l-għanijiet partikolari tal-Kummissjoni.

4.      Mill-1985 ’il quddiem, il-Kummissjoni kkonkludiet ma’ diversi kumpanniji kuntratti li kienu jawtorizzawhom jużaw is-sistema Systran għall-benefiċċju tal-awtoritajiet tal-gvernijiet u tal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, bl-għoti ta’ informazzjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni setgħet ittejjeb l-operazzjoni tas-sistema bħala korrispettiv.

5.      Il-partijiet għalhekk jikkonstataw li l-Kummissjoni għandha liċenzja sabiex tuża s-sistema bażika u t-titjib [...] magħmul minn WTC, limitata għall-użu fit-territorju tal-Komunitajiet Ewropej fis-setturi speċifikati fil-[paragrafu] 4 iktar ’il fuq.

6.      It-titjib u l-iżviluppi magħmula fis-sistema Systran mill-Kummissjoni u mill-kontraenti tagħha [imsemmi fil-paragrafu 3 iktar ’il fuq], b’mod partikolari d-dizzjunarji, huma l-proprjetà esklużiva tal-Kummissjoni.

7.      Il-partijiet iqisu li l-interess tagħhom u dak tal-utenti ta’ Systran huwa li din is-sistema tittejjeb b’mod permanenti. Huma ddeċidew li jikkonkludu dan il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni sabiex junifikaw l-isforzi tagħhom u sabiex b’hekk ikomplu jtejbuha.

F’dan l-ispirtu, il-partijiet jirrikonoxxu reċiprokament dritt ta’ użu tas-sistema Systran, sistema li tista’ tiżviluppa permezz tal-aġġornament tal-perfezzjonamenti li se jitwettqu bl-użu tas-sistema kemm fis-settur privat u kemm fis-settur pubbliku.”

16      L-Artikolu 4 tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni, dwar id-“[d]rittijiet ta’ proprjetà”, jipprovdi:

“Id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ Systran u l-komponenti tagħhom għandhom jibqgħu l-proprjetà tal-imsieħba li lilhom kienu jappartjenu fid-data tal-iffirmar.

Il-kumpanniji tal-grupp Systran jimpenjaw ruħhom li ma jittrasferux id-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom jekk mhux wara li jkunu informaw minn qabel lil u wara li jkunu kisbu l-kunsens tas-servizzi tal-Kummissjoni. L-akkwirenti jkollu jaċċetta li jidħol fid-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għal dawn il-kumpanniji minn dan il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni.”

17      L-introduzzjoni tal-Anness I tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni tipprovdi:

“Filwaqt li l-Kummissjoni minn dejjem kienet il-proprjetarja tal-lessiċi u ta’ komponenti oħra li hija żviluppat għad-diversi verżjonijiet ta’ Systran, id-drittijiet ta’ proprjetà fuq is-softwer bażiku kienu diviżi bejn diversi kumpanniji u l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet kuntratti u ftehim dwar l-użu tas-sistema u tad-diversi titjib u żviluppi tagħha, b’mod partikolari ma’ [WTC] u Systran Institut.

Peress li l-kumpannija Gachot [...] ilha sa mill-bidu tal-1986 l-azzjonista prinċipali ta’ dawn il-kumpanniji, dan il-kuntratt globali fir-rigward tal-iżvilupp u l-użu ta’ Systran ġie konkluż bejn il-partijiet ikkonċernati kollha [...]”

18      L-Artikolu 4a tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni, dwar it-“[t]itjib u ħlasijiet”, jipprovdi:

“Kull żvilupp u kull titjib tas-sistema, li jirriżultaw mill-esplojtazzjoni tagħha mill-grupp Systran, għandhom jiġu immedjatament ikkomunikati lil u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni.

Kull żvilupp u kull titjib tas-sistema, li jirriżultaw mill-esplojtazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, għandhom jiġu immedjatament ikkomunikati lil u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-grupp Systran.

Kull modifika tas-sistema li ma toriġinax mill-esplojtazzjoni tagħha fil-veru sens tal-kelma għandha tkun is-suġġett ta’ negozjati bejn il-partijiet.

Matul perijodu inizjali ta’ sentejn, kull parti għandha tkun tista’ tuża l-iżviluppi u t-titjib magħmula mill-parti l-oħra, mingħajr ma jkollha għalfejn tħallas xi tip ta’ ħlas minħabba dan l-użu.

Fi tmiem dan il-perijodu, u fid-dawl tal-esperjenza miksuba, il-Kummissjoni u l-grupp Systran għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet kuntrattwali tal-kollaborazzjoni futura tagħhom.”

19      L-Aritkolu 5 tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni, dwar id-“[d]rittijiet ta’ użu”, jipprovdi:

“a)      Il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt tuża fis-settur pubbliku fit-territorju tal-Komunità s-sistema konġunta fil-verżjoni l-iktar żviluppata tagħha u għandu jkollha dritt tagħti liċenzji ta’ użu ta’ din is-sistema lill-entitajiet pubbliċi nazzjonali u internazzjonali stabbiliti fit-territorju tal-Komunità kif iddefinit fil-[paragrafu] 4 tal-preżentazzjoni preliminari.

b)      […]

c)      Il-kumpanniji tal-grupp Systran jimpenjaw ruħhom li jippermettu lil kull entità privata kwalunkwe tuża s-sistema taħt kundizzjonijiet konformi mal-użanzi kummerċjali.”

20      Skont l-Artikoli 11 u 12 tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni, il-liġi applikabbli għall-kuntratt kienet il-liġi Belġjana u kull tilwima bejn il-partijiet dwar l-interpretazzjoni, l-eżekuzzjoni jew in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt kienet suġġetta għal arbitraġġ.

21      Bejn l-1988 u l-1989, il-Kummissjoni kkonkludiet erba’ kuntratti mal-kumpannija Gachot sabiex tikseb liċenzja għall-użu tas-softwer Systran għall-kombinazzjonijiet ta’ lingwi Ġermaniż-Ingliż, Ġermaniż-Franċiż, Ingliż-Grieg, Spanjol-Ingliż u Spanjol-Franċiż.

22      Permezz ta’ ittra rreġistrata tal-11 ta’ Diċembru 1991, il-Kummissjoni tterminat il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni inkonformità mal-Artikolu 8 tiegħu, filwaqt li tat avviż minn qabel ta’ sitt xhur. Skont din id-dispożizzjoni, kien previst li, mal-iskadenza ta’ perijodu ta’ tliet snin, kull waħda mill-partijiet kellha tibqa’ bis-sistema Systran fl-istat li din kienet ġiet żviluppata minn kull waħda mill-partijiet. Skont il-Kummissjoni, dan ix-xoljiment kien ġustifikat mill-fatt li Systran ma osservatx l-obbligi kuntrattwali tagħha u kellha l-intenzjoni titlob ħlas għall-iżviluppi fir-rigward ta’ żewġ kombinazzjonijiet ta’ lingwi (Franċiż-Taljan u Franċiż-Spanjol) li kienu twettqu mill-Kummissjoni u mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ Systran taħt il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni. Fid-data meta ntemm il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni, il-verżjoni EC-Systran Mainframe kienet tinkludi sittax-il verżjoni lingwistiċi.

23      Sussegwentement, il-grupp Systran ħoloq u kkummerċjalizza verżjoni ġdida tas-softwer Systran li kienet tista’ topera taħt is-sistemi operattivi Unix u Windows (Systran Unix), filwaqt li l-Kummissjoni żviluppat il-verżjoni EC-Systran Mainframe, verżjoni li kienet tkopri s-sittax il-kombinazzjoni ta’ lingwi msemmija iktar ’il fuq flimkien mal-kombinazzjoni ta’ lingwi Grieg-Franċiż żviluppata bl-għajnuna ta’ kontraenti estern, li kienet topera fuq is-sistema operattiva Mainframe u li hija inkompatibbli mas-sistemi operattivi Unix u Windows.

B –  It-tieni perijodu: minn Systran Unix għal EC-Systran Unix

24      Sabiex il-verżjoni EC-Systran Mainframe tkun tista’ tiffunzjona fuq is-sistemi operattivi Unix u Windows, ġew konklużi erba’ kuntratti bejn Systran Luxembourg u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“kuntratti ta’ migrazzjoni”).

25      Fid-19 ta’ Diċembru 1997, qabel ma ġie ffirmat l-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni, il-Kummissjoni talbet permezz ta’ ittra lil Systran sabiex tagħtiha l-kunsens tagħha dwar diversi punti, fosthom iż-żewġ punti li ġejjin:

“1.      Użu tal-isem Systran

Matul preżentazzjonijiet kif ukoll fid-dokumentazzjoni jew fil-korrispondenza, nagħmlu ta’ spiss referenza għas-‘sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni’. Peress li din is-sistema hija bbażata fuq is-sistema Systran, ikun iktar loġiku li jintuża l-isem Systran jew [...] Verżjoni CE ta’ Systran f’dawn l-okkażjonijiet.

2.      Prinċipju ta’ użu reċiproku tas-sistemi [tal-kumpannija] Systran [...] u tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tuża l-prodotti tal-kumpannija Systran [...] fuq is-server tagħha. Din tal-aħħar għandha tkun tista’, min-naħa tagħha, tuża s-sistema tal-Kummissjoni.

Il-kumpannija Systran [...] u s-sussidjarji tagħha jintrabtu minn issa li ma jressqu ebda pretensjoni finanzjarja fuq il-bażi tal-kuntratti konklużi fil-passat bejn il-‘grupp Systran’ u l-Kummissjoni.”

26      Fit-22 ta’ Diċembru 1997, il-ġurnata li fiha ġie ffirmat l-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni, Systran wieġbet għal din it-talba tal-Kummissjoni billi indikat:

“1.      Użu tal-isem Systran

Qegħdin nagħtukom il-kunsens tagħna sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tuża t-trade mark SYSTRAN. Dan l-użu għandu jkun sistematiku għal kull sistema ta’ traduzzjoni awtomatika li tirriżulta mis-sistema Systran oriġinali. Għaldaqstant, qegħdin nagħtukom dritt tużaw it-trade mark SYSTRAN għall-finijiet biss tad-distribuzzjoni jew tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran.

2.      Prinċipju ta’ użu reċiproku tas-sistemi [tal-kumpannija] Systran [...] u tal-Kummissjoni

Qegħdin nikkonfermaw il-kunsens tagħna sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tuża l-prodotti Systran fuq is-sistemi operattivi Unix u/jew Windows għall-bżonnijiet interni tagħha.

Il-kumpannija Systran timpenja ruħha li ma tressaq ebda pretensjoni finanzjarja fuq il-bażi tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi fil-passat bejn il-grupp Systran u l-Kummissjoni.”

27      L-Artikolu 2 tal-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni, konkluż bejn Systran Luxembourg u l-Kummissjoni, jagħti d-definizzjoni segwenti tas-“[s]istema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni”:

“Is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni, imsejħa ‘Systran EC version’ [il-verżjoni EC ta’ Systran], tfisser verżjoni partikolari tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran inizjalment żviluppata mill-‘World Translation Center’, La Jolla, USA, u li l-Kummissjoni Ewropea sussegwentement żviluppat għall-finijiet interni tagħha mill-1976 ’il quddiem. Is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni hija differenti mis-‘Systran Original Version’ [il-verżjoni oriġinali tas-sistema Systran], jiġifieri s-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika żviluppata u kkummerċjalizzata minn Systran SA France u s-sussidjarji tagħha.”

(The Commission’s machine translation system, or ‘Systran EC version’, designates a specific version of the Systran machine translation system originally developed by the World Translation Center, La Jolla, USA, which since 1976 has been further developed by the European Commission for internal purposes. The Commission’s machine translation system is distinct from the ‘Systran Original Version’, which refers to the machine translation system developed and commercialised by Systran S.A. of France and its subsidiaries.)

28      L-Artikolu 13 tal-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni, intitolat “Privattivi, ċertifikati ta’ utilità (mudelli ta’ utilità), trade marks, disinni u mudelli industrijali, drittijiet ta’ proprjetà industrijali u intellettwali”, jipprovdi:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tkun informata immedjatament dwar kull riżultat jew dwar kull privattiva miksuba mill-Kontraenti [jiġifieri Systran Luxembourg] fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt; dan ir-riżultat jew din il-privattiva jappartjenu lill-Komunitajiet Ewropej, li jistgħu jużawhom kif jidhrilhom, ħlief fil-każijiet fejn diġà jeżistu drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew intellettwali.

2.      Is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummisjsoni, inklużi l-komponenti tagħha, anki jekk modifikati matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, tibqa’ l-proprjetà tal-Kummissjoni, ħlief fil-każijiet fejn diġà jeżistu drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew intellettwali.

[…]

5.      Fil-każ ta’ proċedura mibdija minn terzi, b’mod partikolari jekk tkun tinvolvi pretensjoni ta’ dritt, anki wara l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-parti involuta għandha tinforma malli jkun possibbli lill-parti l-oħra dwar dan; iż-żewġ partijiet għandhom jaġixxu flimkien u għandhom jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni u l-provi kollha li huma jkollhom fil-pussess tagħhom jew li huma jiksbu.”

(1. Any results or patent obtained by the Contractor [à savoir Systran Luxembourg] in performance of this contract shall be immediately reported to the Commission and shall be the property of the European Communities, which may use them as they see fit, except where industrial or intellectual property rights already exist.

2. The Commission’s machine translation system, together with all its components shall, whether modified or not in the course of the contract, remain the property of the Commission, except where industrial or intellectual property rights already exist.

[…]

5. At the first sign of proceedings by a third party, in particular of a claim, even after completion of the contract, the party involved shall notify the other party as soon as possible and the two parties shall then act in unison and provide each other with all the information and evidence that they possess or obtain.)

29      Skont l-Artikoli 15 u 16 tal-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni, il-liġi applikabbli għall-kuntratt kienet il-liġi Lussemburgiża u kull tilwima bejn il-Komunità u Systran Luxembourg dwar dan il-kuntratt kienet taqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qrati Lussemburgiżi.

30      Barra minn hekk, l-ewwel klawżola tar-raba’ kuntratt ta’ migrazzjoni kienet tistabbilixxi l-15 ta’ Marzu 2002 bħala d-data meta jintemm il-kuntratt u kienet tispeċifika li, f’dik id-data, “il-Kontraenti [kienet] timpenja ruħha li sal-15 ta’ Marzu 2002 tlesti l-kompiti kollha li huma s-suġġett tal-kuntratt, b’mod partikolari: il-prova aġġornata tad-drittijiet kollha (trade marks, privattivi, drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u industrijali, dritt tal-awtur, eċċ) li fuqhom għandu pretensjoni l-grupp Systran u li huma marbuta mas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran”. Skont il-Kummissjoni, Systran Luxembourg ma tathiex din l-informazzjoni.

C –  It-tielet perijodu: li jibda bis-sejħa għal offerti tal-4 ta’ Ottubru 2003

31      Fl-4 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni nediet sejħa għal offerti għall-manutenzjoni u t-tisħiħ lingwistiku tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni. Sussegwentement għal din is-sejħa għal offerti, żewġ lottijiet mill-għaxra li kien fih il-kuntratt ingħataw lill-kumpannija Gosselies. Dawn huma l-lottijiet li jużaw l-Ingliż jew il-Franċiż bħala l-lingwa sors.

32      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Diċembru 2003, Systran indikat lill-Kummissjoni:

“Qegħdin nirreferu għas-sejħa għal offerti maħruġa fl-4 ta’ Ottubru 2003 [...] Minn qari ta’ dan id-dokument jidhrilna li x-xogħlijiet li intom għandkom l-intenzjoni twettqu jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-kumpannija tagħna. Peress li nixtiequ nżommu l-klima ta’ kooperazzjoni kostruttiva bejn il-kumpannija tagħna u l-Kummissjoni, xtaqna nirċievu l-ħsibijiet tagħkom dwar dan il-punt. Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, tifhmu li ma nistgħux nirrispondu għal din is-sejħa għal offerti.”

33      Fit-tweġiba tagħha, bid-data tas-17 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni indikat:

“Qiegħed nirreferi għall-ittra tagħkom tal-31 ta’ Ottubru li għadda. Ma jidhrilniex li x-xogħlijiet li aħna għandna l-intenzjoni nwettqu huma ta’ natura li jippreġudikaw drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Jiena wkoll nixtieq inżomm relazzjonijiet professjonali tajba, dejjem b’osservanza tal-proċeduri tal-Kummissjoni.”

34      Sussegwentement għal dan l-iskambju ta’ ittri, intbagħtu iktar ittri bejn Systran u l-Kummissjoni u ġew organizzati laqgħat mill-Kummissjoni sabiex tipprovdi preċiżazzjonijiet dwar it-talbiet ta’ din il-kumpannija.

35      Fil-kuntest ta’ dawn il-kuntatti, ir-rikorrenti invokaw il-punti segwenti:

–        il-grupp Systran għandu softwer ta’ traduzzjoni awtomatika msejjaħ “Systran” (jew is-“sistema Systran”) u jiżviluppa d-diversi verżjonijiet ta’ dan is-softwer;

–        wara sensiela ta’ kuntratti konklużi bejn il-grupp Systran u l-Kummissjoni, Systran aġġustat is-softwer tagħha sabiex toħloq verżjoni msejħa “EC-Systran”;

–        bejn l-1999 u l-2002, il-grupp Systran ħa ħsieb il-migrazzjoni tal-verżjoni EC-Systran sabiex din tkun tista’ topera taħt Unix; sabiex għamel dan, il-grupp Systran uża d-drittijiet preeżistenti ta’ Systran fuq is-softwer oriġinali u fuq il-kernel tas-sistema Systran taħt Unix, li ġie kompletament miktub mill-ġdid mill-grupp Systran fl-1993 għall-ħtiġijiet proprji tiegħu.

36      Bħala tweġiba, il-Kummissjoni indikat li dawn il-punti, kif ukoll id-dokumentazzjoni teknika ppreżentata mill-espert tal-informatika tar-rikorrenti fis-6 ta’ Jannar 2005, ma kinux jikkostitwixxu l-“prova tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” invokati mill-grupp Systran fuq is-softwer Systran. Fin-nuqqas ta’ “dokumenti probatorji” f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-grupp Systran ma kellux dritt jopponi għax-xogħlijiet imwettqa mill-kumpannija li rebħet is-sejħa għal offerti kontenzjuża.

37      Fil-qosor, il-grupp Systran ma setax jinvoka d-drittijiet li huwa allegatament għandu fuq is-softwer Systran, softwer li huwa jikkummerċjalizza l-verżjoni Systran Unix tiegħu, sabiex jipprojbixxi dik li fil-fehma tiegħu hija l-kontravvenzjoni ta’ dan is-softwer mill-Kummissjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

38      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

39      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet ġew mistiedna, fl-1 ta’ Diċembru 2008, sabiex iwieġbu għal sensiela ta’ mistoqsijiet dwar il-bażi kuntrattwali jew mhux kuntrattwali tar-rikors (iktar ’il quddiem l-“ewwel sensiela ta’ mistoqsijiet”).

40      Il-partijiet wieġbu għall-ewwel sensiela ta’ mistoqsijiet fit-30 ta’ Jannar u fit-2 ta’ Frar 2009.

41      Wara r-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex iwieġbu għal sensiela ġdida ta’ mistoqsijiet dwar il-verżjoni Systran Unix, dwar id-drittijiet tal-utent, dwar in-natura tal-intervenzjonijiet mitluba taħt il-kuntratt kontenzjuż u dwar l-attivitajiet tal-kumpannija Gosselies fir-rigward tad-disinn u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ programmi ta’ traduzzjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni sensiela ta’ mistoqsijiet”).

42      Il-partijiet wieġbu għat-tieni sensiela ta’ mistoqsijiet fl-14 ta’ Ottubru 2009.

43      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-27 ta’ Ottubru 2009.

44      Matul din is-seduta, il-partijiet ġew mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex jassistu għal laqgħa informali ta’ konċiljazzjoni. Fi tmiem din il-laqgħa, il-partijiet indikaw li huma kellhom jikkomunikaw lill-Qorti Ġenerali l-kontenut ta’ ftehim dwar it-tilwima ta’ bejniethom jekk dan il-ftehim jintlaħaq qabel id-data tal-għoti ta’ din is-sentenza. Ma saret ebda komunikazzjoni f’dan is-sens lill-Qorti Ġenerali.

45      Fil-proċess verbal tas-seduta ġew imfakkra l-elementi prinċipali li jirriżulta mis-seduta fir-rigward tan-natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali tar-rikors, l-aġir illegali invokat fil-konfront tal-Kummissjoni u l-valutazzjoni tad-dannu invokat mir-rikorrenti. Dan il-proċess verbal kif ukoll il-proċess verbal tal-laqgħa informali ġew innotifikati lill-partijiet.

46      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Marzu 2010, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali sabiex tistieden lill-partijiet iwieġbu, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għal sensiela ta’ mistoqsijiet dwar l-elementi li kellha tieħu inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tad-dannu (iktar ’il quddiem it-“tielet sensiela ta’ mistoqsijiet”).

47      Il-partijiet wieġbu għat-tielet sensiela ta’ mistoqsijiet fl-4 u l-5 ta’ Mejju 2010.

48      Fid-dawl ta’ dawn it-tweġibiet u fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ntalbu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet tal-parti l-oħra għat-tielet sensiela ta’ mistoqsijiet. Il-Qorti Ġenerali xtaqet ukoll tikseb numru ta’ preċiżazzjonijiet dwar ċerti punti invokati mill-partijiet fit-tweġibiet tagħhom (iktar ’il quddiem ir-“raba’ sensiela ta’ mistoqsijiet”).

49      Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u wieġbu għar-raba’ sensiela ta’ mistoqsijiet fil-11 ta’ Ġunju 2010. Il-proċedura orali ġiet sussegwentement magħluqa.

50      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tordna l-waqfien immedjat tal-atti ta’ kontravvenzjoni u ta’ żvelar imwettqa mill-Kummissjoni;

–        tordna l-konfiska tal-mezzi kollha fil-pussess tal-Kummissjoni u tal-kumpannija Gosselies li fuqhom huma riprodotti l-iżviluppi tal-informatika mwettqa minn din tal-aħħar fuq il-bażi tal-verżjonijiet EC-Systran Unix u Systran Unix bi ksur tad-drittijiet tagħhom, kif ukoll ir-ritorn tagħhom lil Systran jew, minn tal-inqas, l-eliminazzjoni tagħhom taħt superviżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tas-somma ta’ mill-inqas EUR 1 170 328 lil Systran Luxembourg u EUR 48 804 000, bla ħsara għal eventwali preċiżazzjoni, lil Systran;

–        tordna l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni eventwalment mogħtija mill-Qorti Ġenerali, bi spejjeż tal-Kummissjoni, f’ġurnali speċjalizzati, f’riviżti speċjalizzati u fuq siti tal-internet speċjalizzati magħżula minn Systran;

–        f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

51      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħal infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà

A –  Fuq it-talba intiża li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni għall-kumpens tad-dannu allegat

52      Il-Kummissjoni tqajjem tliet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà fir-rigward tat-tielet talba, li hija intiża sabiex tikseb il-kundanna tal-Kummissjoni għall-kumpens tad-dannu allegat mir-rikorrenti. L-ewwel nett, din it-talba għad-danni hija inammissibbli minħabba li għandha bażi kuntrattwali, u dan sa fejn il-Qorti Ġenerali ma tistax tevalwa l-allegazzjonijiet ta’ kontravvenzjoni u ta’ żvelar ta’ ‘know-how’ ħlief billi tibbaża ruħha fuq id-diversi kuntratti konklużi bejn il-grupp Systran u l-Kummissjoni, liema kuntratti ma jinkludux klawżola ta’ arbitraġġ li ssejjaħ lill-Qorti Ġenerali. It-tieni nett, it-talba għad-danni hija inammissibbli wkoll minħabba nuqqas ta’ ċarezza fir-rikors, u dan sa fejn ir-rikors ma jipprovdix preċiżazzjonijiet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali li allegalment kisret il-Kummissjoni u jagħti ftit preċiżazzjonijiet dwar l-atti ta’ kontravvenzjoni u ta’ żvelar ta’ ‘know-how’ allegati mir-rikorrenti. It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fil-qasam ta’ kontravvenzjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni bħalma jirriżulta mid-digriet tal-5 ta’ Settembru 2007, Document Security Systems vs BĊE (T-295/05, Ġabra p. II-2835, iktar ’il quddiem id-“digriet Document Security Systems”).

1.     Fuq il-bażi tar-rikors

a)     L-argumenti tal-partijiet

53      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma tistax tevalwa l-eżistenza tal-kontravvenzjoni u tan-natura illegali tal-iżvelar mingħajr ma tibbaża ruħha fuq id-diversi kuntratti li kienu jiddettaw ir-relazzjonijiet bejn il-grupp Systran u l-Kummissjoni bejn l-1975 u l-2002. L-eventwali responsabbiltà li l-Komunità jista’ jkollha minħabba l-esplojtazzjoni tal-verżjonijiet EC-Systran Unix u Systran Unix tas-softwer Systran hija ta’ natura kuntrattwali. Għalhekk, għandu jsir riferiment għall-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 KE, li jipprovdi li “[i]r-responsabbiltà kontrattwali tal-Komunità għandha tiġi rregolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni”. Fin-nuqqas ta’ klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 238 KE, il-Qorti Ġenerali manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni.

54      Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali fejn il-Kummissjoni ntalbet tindika abbażi ta’ liema dispożizzjonijiet kuntrattwali hija tqis li kellha dritt timxi kif għamlet fil-kuntest tal-kuntratt kontenzjuż mingħajr ma tikseb l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li hija għandha dubji dwar il-fatt li r-rikorrenti huma d-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran u, min-naħa l-oħra, li hija “tikkontesta formalment li r-rikorrenti huma d-detenturi ta’ drittijiet fuq is-softwer EC-Systran Unix”. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li hija għandha “drittijiet ta’ proprjetà esklużivi” fir-rigward tal-“kodiċi sors tal-partijiet lingwistiċi tas-softwer” bis-saħħa tad-diversi kuntratti konklużi bejn l-1975 u l-2002 u bis-saħħa tax-xogħol tas-servizzi tagħha fl-iżvilupp ta’ dawn il-partijiet. Bis-saħħa ta’ dawn il-kuntratti, il-Kummissjoni ssostni li għandha d-dritt, kemm qabel kif ukoll wara l-migrazzjoni, li tiżviluppa l-verżjoni EC-Systran Unix f’kooperazzjoni ma’ kontraenti terzi. Dwar dan il-punt il-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni teknika, għall-paragrafu 6 tal-preżentazzjoni preliminari tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni u għall-Artikolu 13(1) u (2) tal-kuntratti ta’ migrazzjoni konklużi ma’ Systran Luxembourg, li jipprovdu li s-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni kellha tibqa’ proprjetà tagħha.

55      Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE. F’dan il-każ, ir-rikors ineżami huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet jew qiegħda twettaq modifiki mhux awtorizzati, u għalhekk mhux kuntrattwali, tas-softwer Systran Unix jew tal-verżjoni EC-Systran Unix tiegħu, u dan filwaqt li hija ma għandhiex drittijiet li jippermettulha tagħmel modifiki u tant inqas li tikkummissjoni modifiki mingħajr l-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti.

56      Fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Kummissjoni qatt ma ġiet awtorizzata tipprovdi l-elementi kontenzjużi lil xi terzi. Fin-nuqqas ta’ stipulazzjoni kuntrattwali li tawtorizzaha tagħmel l-użu u l-iżvelar li twettqu, il-Kummissjoni, billi aġixxiet lil hinn mill-qafas stabbilit mill-kuntratti, daħħlet fis-seħħ ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha, li taqa’ fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti Ġenerali.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 Osservazzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam kuntrattwali u mhux kuntrattwali

57      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tisma’ azzjoni għad-danni tiddependi min-natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali tar-responsabbiltà invokata. Fil-qasam tar-responsabbiltà kuntrattwali, l-Artikolu 238 KE jindika li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inkluża f’kuntratt ta’ dritt pubbliku jew ta’ dritt privat konkluż mill-Komunità jew f’isimha. Fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Artikolu 235 KE jippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ l-kawżi dwar il-kumpens għad-danni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, li jikkonċerna d-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet jew mill-membri tal-persunal tagħhom fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

58      B’hekk, fil-qasam tar-responsabbiltà kuntrattwali, huwa biss meta jkun hemm klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 238 KE li l-Qorti Ġenerali jkollha ġurisdizzjoni. Fin-nuqqas ta’ tali klawżola, il-Qorti Ġenerali fil-verità ma tistax tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-Artikolu 235 KE, dwar azzjoni għad-danni ta’ oriġini kuntrattwali. Jekk ma jkunx hekk, il-Qorti Ġenerali tkun qiegħda testendi l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mill-kawżi li fir-rigward tagħhom l-Artikolu 240 KE jirriżervalha ġurisdizzjoni, sa fejn din id-dispożizzjoni tagħti lill-qrati nazzjonali ġurisdizzjoni ta’ dritt komuni sabiex jisimgħu l-kawżi li fihom tkun parti l-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Mejju 2009, Guigard vs Il-Kummissjoni, C-214/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 35 sa 41; digriet tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T-44/96, Ġabra p. II-1331, punti 35 u 38, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Mejju 2004, Distilleria Palma vs Il-Kummissjoni, T-154/01, Ġabra p. II-1493, punt 50).

59      Min-naħa l-oħra, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni mingħajr ma jkun meħtieġ li l-partijiet fil-kawża juru manifestament il-kunsens tagħhom minn qabel. Fil-fatt, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tirriżulta direttament mill-Artikolu 235 KE u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE fir-rigward tal-azzjonijiet intiżi li jiksbu l-kundanna tal-Komunità għall-kumpens tad-danni ta’ natura mhux kuntrattwali kkawżati mill-Kummissjoni.

60      Sabiex tiddetermina jekk għandhiex ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 235 KE, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina, fid-dawl tad-diversi elementi rilevanti tal-proċess, jekk it-talba għad-danni mressqa mir-rikorrenti hijiex ibbażata b’mod oġġettiv u globali fuq obbligi ta’ oriġini kuntrattwali jew mhux kuntrattwali, b’tali mod li tkun tista’ tiġi identifikata l-bażi kuntrattwali jew mhux kuntrattwali tal-kawża. Dawn l-elementi jistgħu jiġu misluta, b’mod partikolari, mill-eżami tal-pretensjonijiet tal-partijiet, mill-fatt li kkawża d-dannu li qiegħed jintalab il-kumpens tiegħu u mill-kontenut tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali jew mhux kuntrattwali invokati sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq, punti 35 sa 38).

61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-qasam kuntrattwali hija derogatorja mid-dritt komuni u għandha, għaldaqstant, tiġi interpretata b’mod limitat, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali tista’ tisma’ biss it-talbiet li joriġinaw mill-kuntratt u li jkollhom relazzjoni diretta mal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Frar 1997, IDE vs Il-Kummissjoni, C-114/94, Ġabra p. I-803, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ikun b’mod partikolari l-każ jekk mill-kuntest fattwali jirriżulta li l-Kummissjoni kienet awtorizzata b’kuntratt sabiex tħalli f’idejn terzi x-xogħlijiet previsti mis-sejħa għal offerti u jekk is-suġġett tal-kawża jikkonsisti, fil-verità, sa fejn dawn ix-xogħlijiet kienu previsti f’dispożizzjoni jew f’dispożizzjonijiet kuntrattwali, f’talba għad-danni ta’ oriġini kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq, punti 35 u 36, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest fattwali, u punt 38, fir-rigward tas-suġġett reali tat-talba għad-danni).

62      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, għalkemm, sabiex tevalwa l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti, il-Qorti Ġenerali jkollha teżamina l-kontenut tad-diversi kuntratti konklużi bejn il-grupp WTC/Systran u l-Kummissjoni bejn l-1975 u l-2002, invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-argumenti tagħha, tali eżerċizzju jagħmel parti mill-eżami tal-ġurisdizzjoni u ma jistax ikollu l-konsegwenza – bħala tali – li jibdel in-natura tal-kawża billi jagħtiha bażi kuntrattwali. Li kieku ma kienx hekk, in-natura tal-kawża u, għaldaqstant, il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni jkunu jiddependu mis-sempliċi fatt li l-konvenut jinvoka l-eżistenza ta’ kwalunkwe tip ta’ relazzjoni kuntrattwali mar-rikorrent, u dan minkejja li mill-eżami tal-kuntratti invokati jkun jista’ jiġi kkonstatat li dawn il-kuntratti ma humiex rilevanti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, meta tintervjeni fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali tista’ perfettament teżamina l-kontenut ta’ kuntratt, bħalma tagħmel fir-rigward ta’ kull dokument ieħor invokat minn parti insostenn tal-argumenti tagħha, sabiex teżamina jekk dan il-kuntratt huwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni l-ġurisdizzjoni ratione materiae mogħtija lilha b’mod espliċitu mill-Artikolu 235 KE. Dan l-eżami jagħmel parti mill-evalwazzjoni tal-fatti invokati sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, ġurisdizzjoni li n-nuqqas tagħha huwa eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura.

63      Għall-finijiet ta’ paragun, f’kawża dwar talba għal tiġdid ta’ kuntratt fejn ir-rikorrent invoka l-ksur ta’ obbligi ta’ oriġini kuntrattwali u mhux kuntrattwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi invokazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġuridiċi li ma kinux jirriżultaw minn dan il-kuntratt, iżda li għalihom kienu suġġetti l-partijiet, ma jistax ikollha l-konsegwenza li tibdel in-natura kuntrattwali tal-kawża jew li din il-kawża ma tinstemax mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni (sentenza Guigard vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq, punt 43). B’hekk, f’kawża dwar il-konsegwenzi ta’ sejħa għal offerti fejn ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom biss fuq il-ksur ta’ obbligi ta’ oriġini mhux kuntrattwali, is-sempliċi invokazzjoni mill-kokontraenti tagħhom ta’ obbligi ta’ oriġini kuntrattwali li ma jkoprux l-aġir kontentzjuż ma jistax ikollha l-konsegwenza li tibdel in-natura mhux kuntrattwali tal-kawża u li l-kawża ma tinstemax mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

64      Barra minn hekk, b’mod ġenerali, hija l-parti li tallega l-ksur ta’ obbligu li għandha tistabbilixxi l-kontenut ta’ dan l-obbligu u l-applikazzjoni tiegħu għall-fatti tal-kawża. Għalhekk, l-argumenti dwar it-talba għad-danni ppreżentati mir-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati qabel dawk imressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni kuntrattwali li tiżvela lil terzi informazzjoni li tista’ tkun protetta taħt id-dritt tal-awtur jew bħala ‘know-how’.

 Eżami tat-talba għad-danni mressqa mir-rikorrenti

65      F’dan il-każ, it-talba għad-danni tar-rikorrenti tressqet fuq il-bażi biss tal-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE. Ir-rikorrenti la jinvokaw u lanqas ma jibbażaw ruħhom fuq dispożizzjonijiet kuntrattwali konklużi mal-Kummissjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet kuntrattwali huma invokati biss mill-Kummissjoni insostenn tat-teżi tagħha li hija tista’ twettaq dak li hija akkużata bih f’din il-kawża.

66      Insostenn tat-talba għad-danni tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ tipi ta’ aġir ta’ natura mhux kuntrattwali li huma illegali u li jikkawżaw preġudizzju. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni żvelat illegalment in-‘know-how’ ta’ Systran lil terzi sa fejn it-twettiq tal-prestazzjonijiet deskritti fis-sejħa għal offerti jimplika neċessarjament l-iżvelar mhux awtorizzat u l-modifika tal-kodiċi sors tas-softwer Systran, li huwa proprjetà esklużiva tar-rikorrenti. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni wettqet att ta’ kontravvenzjoni fl-okkażjoni tat-twettiq, mill-kumpannija Gosselies, ta’ żviluppi mhux awtorizzati tal-verżjoni EC-Systran Unix, verżjoni tas-softwer Systran li hija kważi identika għall-verżjoni Systran Unix u għalhekk dipendenti, żviluppata u kkummerċjalizzata mill-grupp Systran, li huwa l-proprjetarju esklużiv tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali korrispondenti.

67      F’dan il-każ, il-fatt li kkawża d-danni allegati li qed jintalab il-kumpens tagħhom, jiġifieri l-aġir allegatament illegali li jippreġudika lir-rikorrenti, huwa għalhekk ikkostitwit b’mod partikolari mill-iżvelar mhux awtorizzat mill-Kummissjoni lil terzi, il-kumpannija Gosselies, ta’ kodiċi sors li fir-rigward tiegħu l-grupp Systran qiegħed jinvoka l-proprjetà u l-protezzjoni taħt il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri dwar id-dritt tal-awtur u dwar in-‘know-how’.

68      B’mod iktar partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li, bħala l-awturi tas-softwer Systran u tal-verżjoni Systran Unix, huma jistgħu jopponu kull att ta’ esplojtazzjoni, modifika, aġġustament jew titjib ta’ xogħol derivat bħalma huwa EC-Systran Unix li ma jkunx awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet fuq is-softwer oriġinali. Għalhekk, ir-rikorrenti għandhom legalment “dritt ta’ oppożizzjoni”, intiż li jiggarantixxi l-protezzjoni ta’ ċerta data li huma l-proprjetarji tagħha kontra użu mill-Kummissjoni jew trażmissjoni lil terzi li ma jkunux ġew awtorizzati minnhom.

69      Insostenn ta’ dan id-dritt, ir-rikorrenti jinvokaw taħt il-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri l-Konvenzjoni ta’ Bern dwar il-protezzjoni tax-xogħlijiet letterali u artistiċi tad-9 ta’ Settembru 1886, kif emendata (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Bern”), id-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1991, dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114), u d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32). Dawn id-dispożizzjonijiet, li jistgħu jikkostitwixxu anki obbligi ta’ natura mhux kuntrattwali, kif ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni fi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt matul is-seduta, huma riprodotti fis-sistemi legali tal-Istati Membri. Essenzjalment, dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali segwenti: abbażi tas-sempliċi fatt li jkunU ħolqu, l-awtur ta’ programm tal-kompjuter igawdi minn dritt ta’ proprjetà intellettwali esklużiv fuq dan il-programm, dritt li jista’ jinvoka erga omnes; il-kwalità ta’ awtur tappartjeni, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor, lill-persuna jew persuni li taħt isimha jew isimhom il-programm tal-kompjuter ikun ġie żvelat; l-awtur ta’ programm tal-kompjuter għandu, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, id-dritt esklużiv li jużah u li jawtorizza r-riproduzzjoni, l-aġġustament jew id-distribuzzjoni tiegħu.

70      Għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ressqu biżżejjed elementi sabiex ikun jista’ jiġi konkluż, f’dan l-istadju tal-analiżi, li l-grupp Systran jista’ jinvoka drittijiet tal-awtur fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran li huwa żviluppa u li jikkummerċjalizza taħt ismu.

71      Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ prova tal-fatt li r-rikorenti ma humiex id-detenturi tad-drittijiet inkwistjoni, il-Kummissjoni manifestament ma rnexxilhiex iddaħħal inkwistjoni l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali billi tikkontesta d-drittijiet tal-awtur invokati mill-grupp Systran fir-rigward ta’ din il-verżjoni tas-softwer Systran.

72      Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward ma humiex biżżejjed is-sempliċi dubji espressi mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kwalità tar-rikorrenti bħala detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran (ara l-punt 54 iktar ’il fuq). Tali argumenti ma jissodisfawx il-livell ta’ prova meħtieġ sabiex tiddaħħal inkwistjoni l-possibbiltà tal-grupp Systran li jinvoka drittijiet tal-awtur fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran fid-dawl tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri msemmija iktar ’il fuq, u dan sa fejn tali argumenti huma bbażati fuq allegazzjonijiet ġenerali li ma humiex suffiċjentement preċiżi fid-dawl tal-karatteristiċi tas-softwer ikkonċernat u fid-dawl tar-rapporti ta’ perizja legali u teknika prodotti mir-rikorrenti.

73      Fit-tieni lok, bla ħsara għall-eżitu tad-diskussjoni li tagħmel parti mill-mertu tal-kawża, għandu jiġi indikat li l-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tispjega l-kontenut tad-dubji tagħha dwar id-drittijiet ta’ proprjetà invokati mir-rikorrenti u lil dawn tal-aħħar sabiex jesprimu ruħhom f’dan ir-rigward. L-esperti mressqa mir-rikorrenti b’hekk esponew sensiela ta’ argumenti legali u tekniċi insostenn tal-eżistenza ta’ drittijiet tal-awtur tal-grupp Systran kemm fuq softwer miktub mill-ġdid kif ukoll fuq il-verżjonijiet ta’ dan is-softwer li jużaw il-kodiċi sors tiegħu (opinjoni ta’ P. Sirinelli, professur fl-Università Panthéon-Sorbonne Paris-I, dwar il-protezzjoni mid-dritt tal-awtur ta’ softwer miktub mill-ġdid, iktar ’il quddiem it-“tieni opinjoni Sirinelli”); nota teknika ta’ H. Bitan dwar in-natura ġdida u distinta, fuq il-livell tal-kitba, tal-kompożizzjoni u tal-istruttura, tas-softwer Systran Unix meta mqabbel mas-softwer Systran Mainframe u mas-softwer EC-Systran Mainframe, iktar ’il quddiem it-“tieni nota teknika Bitan”). B’mod partikolari, minn dan jirriżulta li l-verżjoni Systran Unix ma hijiex sempliċi riproduzzjoni tal-verżjoni diġà eżistenti Systran Mainframe, kif tipprova ssostni l-Kummissjoni, iżda hija fil-fatt verżjoni fejn il-programmi kollha inizjalment miktuba bil-lingwa tal-informatika bażika (‘assembly language’) ġew miktuba mill-ġdid bil-lingwa C, u li dawn il-verżjonijiet huma fundamentalment differenti. Lanqas ma huwa kkontestat li l-verżjoni Systran Unix ħadet post il-verżjoni Systran Mainframe, li maż-żmien saret antikwata.

74      Minkejja talba espressa min-naħa tal-Qorti Ġenerali f’dan is-sens, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tressaq provi tekniċi ta’ natura li jikkontestaw l-eżistenza ta’ drittijiet tal-awtur tal-grupp Systran fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran jew fuq l-elementi tal-informatika li jikkomponu l-kitba ta’ dan il-programm jew li jikkostitwixxu l-kodiċi sors operattiv tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-partijiet li jikkonċernaw il-kernel bażiku u l-partijiet lingwistiċi tal-programm, u dan fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ma humiex jikkontestaw li l-Kummissjoni għandha drittijiet ta’ proprjetà fuq id-dizzjunarji msawra mis-servizzi tagħha sabiex jirriflettu l-lingwaġġ speċifiku użat minn din l-istituzzjoni.

75      Fit-tielet lok, matul l-iżvolġiment tal-proċedura kontenzjuża, il-Kummissjoni kellha tammetti li l-grupp Systran kellu effettivament drittijiet ta’ proprjetà intellettwali f’dan il-kuntest. B’hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fl-istadju tal-kontroreplika, li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta l-fatt li Systran kienet id-detentriċi ta’ drittijiet fuq is-softwer Systran Unix ikkummerċjalizzat minn din tal-aħħar, filwaqt li indikat li kien probabbli li l-grupp Systran uża l-iżviluppi mwettqa għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-verżjonijiet EC-Systran Mainframe u EC-Systran Unix sabiex jintegrahom fil-verżjoni Systran Unix. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni osservat, matul is-seduta, li hija ma kinitx effettivament qiegħda tikkontesta li Systran kienet id-detentriċi ta’ drittijiet fuq dawn il-programmi, la fir-rigward tal-verżjoni Mainframe u lanqas manifestament fir-rigward tal-verżjoni Unix, filwaqt iżda li għamlet riżerva żgħira fir-rigward tal-elementi li allegatament ġew integrati b’mod illegali fil-verżjoni inizjali ta’ Systran Unix sussegwentement għall-kuntratti li kienu ġew konklużi magħha qabel.

76      Madankollu, kif indikat mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tat-tieni sensiela ta’ domandi u għal darba oħra matul is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li l-verżjoni Systran Unix tippreċedi b’diversi snin il-verżjoni EC-Systran Unix. Għalhekk, ftit li xejn huwa probabbli li l-grupp Systran seta’ jintegra, fil-verżjoni Systran Unix li huwa żviluppa u kkummerċjalizza, l-iżviluppi mwettqa sussegwentement, fil-kuntest tal-verżjoni EC-Systran Unix, sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet partikolari tal-Kummissjoni fuq il-livell lingwistiku u terminoloġiku. Il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tissostanzja l-affermazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

77      Bl-istess mod, ebda element materjali ma jippermetti li jiġi ssostanzjat l-argument tal-Kummissjoni li huwa probabbli li elementi tal-verżjoni EC-Systran Mainframe, żviluppata abbażi tal-verżjoni Systran Mainframe tar-rikorrenti, ġew integrati b’mod illegali fil-verżjoni inizjali ta’ Systran Unix. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kodiċi sors tas-softwer, b’mod partikolari fir-rigward tal-kernel u tal-programmi lingwistiċi marbuta miegħu, dan l-argument huwa mwaqqa’ mill-ispjegazzjonijiet tal-espert tekniku tar-rikorrenti fis-sens li programm miktub bil-lingwa tal-informatika bażika huwa sostanzjalment differenti minn programm miktub bil-lingwa C (ara t-tieni nota teknika Bitan, b’mod partikolari l-eżempju dwar kif tiġi pproċessata s-sensiela ta’ ittri “Hello world!” fil-lingwa tal-informatika bażika u fil-lingwa C). Din l-ispjegazzjoni teknika ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni.

78      Fir-rigward tal-protezzjoni invokata għan-‘know-how’, ir-rikorrenti jsostnu li dan huwa ddefinit, b’mod ġenerali, bħala “ġabra ta’ informazzjoni teknika li hija sigrieta, sostanzjali u identifikata b’kull metodu adegwat”. Dwar dan il-punt huma jikkunsidraw li l-iżvelar ta’ tali informazzjoni mill-Kummissjoni lil terzi, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe awtorizzazzjoni min-naħa tagħhom, jikkostitwixxi aġir illegali li jista’ jimplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

79      Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti jirreferu ġustament għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 1985, Adams vs Il-Kummissjoni (145/83, Ġabra p. 3539, punt 34), li rrikonoxxiet li l-obbligu ta’ kunfidenzjalità li għandhom il-Kummissjoni u l-membri tal-persunal tagħha taħt l-Artikolu 287 KE kien jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt. Il-prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-impriżi għandhom dritt għall-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom, prinċipju espress fl-Artikolu 287 KE, reġa’ ġie affermat mill-ġdid fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni (C-36/92 P, Ġabra p. I-1911, punt 36). L-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), jirreferi wkoll għall-ħtieġa li l-amministrazzjoni tirrispetta “l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju”.

80      Is-sigrieti tan-negozju jinkludu l-informazzjoni teknika dwar in-‘know-how’ li mhux biss l-iżvelar tagħha lill-pubbliku iżda anki s-sempliċi trażmissjoni lil individwu differenti minn dak li pprovda l-informazzjoni jistgħu jippreġudikaw serjament l-interessi ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1996, Postbank vs Il-Kummissjoni, T-353/94, Ġabra p. II-921, punt 87). Sabiex informazzjoni teknika taqa’, minħabba n-natura tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 287 KE, huwa meħtieġ, l-ewwel nett, li din l-informazzjoni tkun magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni. It-tieni nett, huwa meħtieġ li din tkun informazzjoni li l-iżvelar tagħha jista’ jikkawża preġudizzju serju lill-persuna li tkun ipprovdietha jew lil terzi. Fl-aħħar nett, huwa meħtieġ li l-interessi li jistgħu jiġu ppreġudikati mill-iżvelar tal-informazzjoni jkun oġġettivament jistħoqqilhom protezzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditanstalt vs Il-Kummissjoni, T-198/03, Ġabra p. II-1429, punt 71, u tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il-Kummissjoni, T-474/04, Ġabra p. II-4225, punt 65).

81      F’dan il-każ, hemm għalhekk lok li jiġi kkunsidrat li informazzjoni teknika, li tagħmel parti mis-sigrieti tan-negozju ta’ impriża u li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni għal finijiet preċiżi, ma tistax tiġi żvelata lil terzi għal finijiet oħra mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-impriża kkonċernata.

82      Għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti jallegaw, b’mod suffiċjenti għall-finijiet tal-liġi sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti Ġenerali taħt l-Artikolu 235 KE, ksur mill-Kummissjoni ta’ obbligi ta’ oriġini mhux kuntrattwali dwar id-dritt tal-awtur u dwar in-‘know-how’ li jirrigwardaw il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran.

83      Il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tegħleb din il-konklużjoni u għandha tiġi eżaminata t-tieni parti tal-argumenti tagħha, fejn issostni li hija għandha awtorizzazzjoni ta’ natura kuntrattwali li tippermettilha tagħmel dak li hija akkużata bih f’din il-kawża.

 Eżami tal-elementi invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni kuntrattwali sabiex tiżvela lil terzi informazzjoni li tista’ tkun protetta taħt id-dritt tal-awtur u bħala ‘know-how’

84      F’din il-kawża, l-aġir illegali u dannuż li allegatament twettaq mill-Kummissjoni jikkonsisti b’mod partikolari fl-allegat żvelar lil terzi, il-kumpannija Gosselies, mingħajr il-kunsens tar-rikorrenti, ta’ informazzjoni li tista’ tkun protetta taħt id-dritt tal-awtur jew bħala ‘know-how’ tal-grupp Systran.

85      Ma hemm ebda element fil-proċess li abbażi tiegħu jista’ jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kellha awtorizzazzjoni kuntrattwali sabiex tikkomunika lill-kumpannija Gosselies l-informazzjoni dwar u n-‘know-how’ marbut mal-verżjoni Systran Unix.

86      Fl-ewwel lok, ebda kuntratt iffirmat bejn il-partijiet ma jikkonċerna b’mod espress il-kwistjoni tal-eventwali attribuzzjoni ta’ ċerti xogħlijiet dwar il-verżjoni EC-Systran Unix lil terzi. Meta Systran għamlet kuntatt mal-Kummissjoni sabiex tiġi diskussa din il-kwistjoni, il-Kummissjoni effettivament sempliċement innegat id-drittijiet ta’ Systran fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran u kkunsidrat li l-grupp Systran ma kellux dritt jopponi għax-xogħlijiet fdati lill-kumpannija Gosselies (ara l-punti 31 sa 37 iktar ’il fuq).

87      Fit-tieni lok, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, il-Kummissjoni tinvoka tliet dispożizzjonijiet kuntrattwali sabiex issostnu li hija setgħet tqabbad lill-kumpannija Gosselies sabiex tiżviluppa l-verżjoni EC-Systran Unix tas-softwer Systran mingħajr ma l-grupp Systran jista’ jopponi għal dan billi jinvoka d-drittijiet tal-awtur u n-‘know-how’ marbuta mal-verżjoni Systran Unix ta’ dan is-softwer (ara l-punt 53 iktar ’il fuq).

88      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinvoka l-Artikolu 4, intitolat “Drittijiet ta’ użu”, tal-Protokoll ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni teknika, konkluż fit-18 ta’ Jannar 1985 mill-Kummissjoni mal-kumpannija Gachot, qabel ma din il-kumpannija akkwistat il-grupp WTC u saret Systran, li jipprovdi b’mod partikolari li “is-sistema Systran, il-programmi u d-dizzjunarji jibqgħu l-proprjetà tal-Kummissjoni”.

89      Għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma hijiex ta’ natura li sservi ta’ bażi għan-natura kuntrattwali ta’ din il-kawża. L-ewwel nett, id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq ma tistax tiġi invokata kontra r-rikorrenti, li d-drittijiet ta’ proprjetà tagħhom fuq is-softwer Systran, u b’mod partikolari fuq il-verżjoni Systran Mainframe, ma humiex ibbażati fuq il-protokoll iffirmat fit-18 ta’ Jannar 1986 mill-Kummissjoni mal-kumpannija Gachot (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Fil-fatt, id-drittijiet ta’ proprjetà tal-grupp Systran fuq is-softwer Systran u fuq il-verżjoni Systran Mainframe tiegħu rriżultaw mill-akkwist tal-grupp WTC mill-kumpannija Gachot f’data sussegwenti (ara l-punt 11 iktar ’il fuq u d-dokumenti ppreżentati fl-Annessi 5 sa 7 tar-replika). It-tieni nett, għalkemm ħadd ma qiegħed jikkontesta li, fit-18 ta’ Jannar 1985, il-kumpannija Gachot ma kellha ebda dritt ta’ proprjetà fuq is-sistema Systran, mid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq lanqas ma jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni tista’, b’effett minn dik id-data u abbażi ta’ dan il-protokoll, tippretendi li hija l-proprjetarja tas-sistema Systran u tal-programmi tagħha, inkluż il-kernel bażiku u l-kodiċi sors tagħha. Tali konklużjoni tippreġudika d-drittijiet ta’ proprjetà li f’dak iż-żmien kienu miżmuma mill-grupp WTC fuq is-sistema Systran, u b’mod partikolari fuq il-verżjoni Systran Mainframe, drittijiet li ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni (ara l-punt 3 iktar ’il fuq) u li sussegwentement ġew ittrasferiti lill-kumpannija Gachot, li saret Systran. Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat, fi kwalunkwe każ, li din il-kawża ma tikkonċernax id-drittijiet miżmuma mill-grupp Systran fuq il-verżjoni Systran Mainframe, verżjoni li għadda ż-żmien tagħha, iżda d-drittijiet miżmuma mill-grupp Systran fuq il-verżjoni Systran Unix li ħadet post din il-verżjoni u li hija miktuba b’lingwa differenti sabiex topera f’ambjent tal-informatika ġdid.

90      It-tieni nett, il-Kummissjoni tinvoka l-paragrafu 6 tal-preżentazzjoni preliminari tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni ffirmat bejn il-Kummissjoni u l-grupp Systran (jiġifieri, f’dak iż-żmien, il-kumpannija WTC, il-kumpannija Latsec, il-kumpannija Systran Institut u l-kumpannija Gachot), liema paragrafu jindika li “[i]t-titjib u l-iżviluppi magħmula fis-sistema Systran mill-Kummissjoni u mill-kontraenti tagħha [imsemmi fil-paragrafu 3 iktar ’il fuq], b’mod partikolari d-dizzjunarji, huma l-proprjetà esklużiva tal-Kummissjoni”. Din id-dispożizzjoni għalhekk għandha tinqara fid-dawl tal-paragrafu 3 tal-preżentazzjoni msemmija, liema paragrafu jipprovdi:

“Il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tas-sistemi kienu żgurati permezz ta’ sensiela oħra ta’ kuntratti bejn il-Kummissjoni u kumpanniji ta’ servizz. Dawn il-kuntratti kienu jikkonċernaw il-ħtiġijiet u l-għanijiet partikolari tal-Kummissjoni.”

91      Lanqas dawn id-dispożizzjonijiet ma huma biżżejjed sabiex iservu bħala l-bażi għan-natura kuntrattwali ta’ din il-kawża. Fil-fatt, skont dawn iż-żewġ paragrafi tal-preżentazzjoni preliminari, it-titjib u l-iżviluppi magħmula fis-sistema Systran mill-Kummissjoni u mill-kontraenti esterni tagħha qabel l-iffirmar tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni fl-4 ta’ Awwissu 1987, b’mod partikolari fir-rigward tad-dizzjunarji, huma l-proprjetà esklużiva tal-Kummissjoni. Din il-proprjetà esklużiva ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, li fl-atti tagħhom ma jinvokawx dritt ta’ proprjetà fuq id-dizzjunarji, fuq it-titjib u fuq l-iżviluppi mwettqa speċifikament minn jew f’isem il-Kummissjoni sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet terminoloġiċi tagħha. Id-drittijiet invokati mir-rikorrenti huma bbażati, min-naħa tagħhom, fuq is-sistema bażika, jiġifieri il-parti essenzjali tal-kernel u tar-rutini lingwistiċi, li tagħhom il-grupp Systran huwa l-awtur u li fir-rigward tagħhom dan il-grupp għandu ‘know-how’.

92      Barra minn hekk, permezz ta’ paragrafi oħra tal-istess preżentazzjoni preliminari tista’ tiġi ppreċiżata r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-kumpanniji tal-grupp Systran u jistgħu jiġu evalwati d-drittijiet li jistgħu jiġu invokati minn dan il-grupp fuq is-sistema Systran, u dan f’punt fiż-żmien fejn kienu għadhom jeżistu biss verżjonijiet kompatibbli mas-sistema operattiva Mainframe. B’hekk, skont il-preżentazzjoni preliminari:

“1.       Is-sistema Systran, iddisinjata mill-kumpannija WTC, hija sistema ta’ traduzzjoni awtomatika, li tinkludi programm bażiku, programmi lingwistiċi u periferiċi u diversi dizzjunarji bilingwi.

2.       Fit-22 ta’ Settembru 1975, il-Kummissjoni kkonkludiet mal-kumpannija WTC kuntratt dwar l-użu tas-sistema Systran mill-Kummissjoni u dwar l-iżvilupp inizjali ta’ din is-sistema minn WTC.

Il-Kummissjoni u l-kumpannija WTC ikkonkludew sussegwentement kuntratti oħra dwar, minn naħa, it-titjib tas-sistema eżistenti u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp ta’ sistemi għal [kombinazzjonijiet ġodda] ta’ lingwi.

Dawn il-kuntratti, konklużi bejn l-1976 u l-1985, kellhom bħala suġġett l-iżvilupp, it-titjib tal-programmi ta’ traduzzjoni u tad-dizzjunarji bażiċi għal-lingwi kkonċernati.

[…]

5.       Il-partijiet għalhekk jikkonstataw li l-Kummissjoni għandha liċenzja sabiex tuża s-sistema bażika u t-titjib [...] magħmul minn WTC, limitata għall-użu fit-territorju tal-Komunitajiet Ewropej fis-setturi speċifikati fil-[paragrafu] 4 iktar ’il fuq.

[…]

7.       Il-partijiet iqisu li l-interess tagħhom u dak tal-utenti ta’ Systran huwa li din is-sistema tittejjeb b’mod permanenti. Huma ddeċidew li jikkonkludu dan il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni sabiex junifikaw l-isforzi tagħhom u sabiex b’hekk ikomplu jtejbuha.

F’dan l-ispirtu, il-partijiet jirrikonoxxu reċiprokament dritt ta’ użu tas-sistema Systran, sistema li tista’ tiżviluppa permezz tal-aġġornament tal-perfezzjonamenti li se jitwettqu bl-użu tas-sistema kemm fis-settur privat u kemm fis-settur pubbliku.”

93      Minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkonċernaw ir-relazzjoni kuntrattwali eżistenti f’dak iż-żmien bejn il-Kummissjoni u l-grupp Systran, jirriżulta, minn naħa, li r-rwol tal-grupp Systran fil-ħolqien tas-sistema Systran u fl-iżvilupp inizjali u sussegwenti tagħha għall-Kummissjoni huwa espressament rikonoxxut u, min-naħa l-oħra, li jissemmew biss drittijiet ta’ użu mogħtija mill-grupp Systran lill-Kummissjoni u ma jissemmewx drittijiet ta’ proprjetà, li a fortiori huma esklużivi, fuq din is-sistema kollha. Fi kwalunkwe każ, f’dawn id-dispożizzjoni ma jsir ebda riferiment għall-intervent ta’ terzi sabiex jitwettqu modifiki fuq din is-sistema mingħajr ma dawn ikunu awtorizzati minn qabel mill-grupp Systran.

94      Fl-aħħar nett, kif intqal dwar l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni teknika, għandu jiġi osservat li din il-kawża ma tikkonċernax id-drittijiet miżmuma mill-grupp Systran fuq il-verżjoni Systran Mainframe, verżjoni li għadda żmienha, iżda tikkonċerna d-drittijiet miżmuma minn dan il-grupp fuq il-verżjoni Systran Unix li ħadet post din il-verżjoni u li hija miktuba b’lingwa differenti sabiex topera f’ambjent tal-informatika ġdid.

95      It-tielet nett, il-Kummissjoni tinvoka l-Artikolu 13(1) u (2) tal-kuntratti ta’ migrazzjoni, intitolat “Privattivi, ċertifikati ta’ utilità (mudelli ta’ utilità), trade marks, disinni u mudelli industrijali, drittijiet ta’ proprjetà industrijali u intellettwali”, li jipprovdi li s-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni kellha tibqa’ proprjetà tagħha. F’dan il-każ, ta’ min josserva li dawn iż-żewġ paragrafi huma miktuba bil-mod segwenti fl-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tkun informata immedjatament dwar kull riżultat jew dwar kull privattiva miksuba mill-Kontraenti [jiġifieri Systran Luxembourg] fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt; dan ir-riżultat jew din il-privattiva jappartjenu lill-Komunitajiet Ewropej, li jistgħu jużawhom kif jidhrilhom, ħlief fil-każijiet fejn diġà jeżistu drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew intellettwali.

2.      Is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummisjsoni, inklużi l-komponenti tagħha, anki jekk modifikati matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, tibqa’ l-proprjetà tal-Kummissjoni, ħlief fil-każijiet fejn diġà jeżistu drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew intellettwali.”

96      Għalhekk, l-Artikolu 13(1) u (2) tal-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni jirriżerva espressament il-kwistjoni tad-drittijiet preeżistenti ta’ proprjetà intellettwali jew industrijali. Dan ifisser li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka din id-dispożizzjoni sabiex tallega li huwa evidenti li r-rikorrenti rrinunzjaw għall-possibbiltà li jinvokaw id-drittijiet tal-awtur tagħhom jew in-‘know-how’ tagħhom fir-rigward tas-sistema Systran. Dawn id-drittijiet, u b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran, kienu jeżistu qabel id-data tal-iffirmar tal-kuntratti ta’ migrazzjoni, li saru fi żmien meta l-verżjoni EC-Systran Mainframe użata mill-Kummissjoni kienet qiegħda ssir antikwata.

97      Barra minn hekk, mill-Artikolu 13 tal-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni jirriżulta b’mod ċar – kif ġie indikat matul is-seduta mir-rikorrenti – li l-paragrafu 1 ikopri biss il-parti msejħa “EC” tal-aġġornament tal-verżjoni EC-Systran Unix tas-softwer Systran, jiġifieri r-riżultati u l-privattivi kollha li setgħu jinkisbu minn Systran Luxembourg, il-kontraenti inkwistjoni, fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-kuntratti ta’ migrazzjoni. Il-proprjetà ta’ dak kollu li kien diġà jeżisti qabel dawn l-eventwali riżultati u privattivi, jiġifieri l-verżjoni Systran Unix li minnha tnisslet il-verżjoni EC-Systran Unix, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt. Dan ifisser li dawn il-kuntratti ma jdaħħlux inkwistjoni d-drittijiet fuq il-parti tal-kernel bażiku tal-verżjoni Systran Unix mhux modifikata fil-verżjoni EC-Systran Unix. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 13(2) ta’ dan il-kuntratt jirreferi espressament għas-“sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni”, jiġifieri l-verżjoni EC-Systran Mainframe tas-softwer Systran (ara d-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2 tal-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni, riprodott fil-punt 27 iktar ’il fuq), fejn jirriżerva għalhekk il-kwistjoni tad-drittijiet miżmuma fuq il-verżjoni Systran Mainframe, fejn dawn iż-żewġ verżjonijiet kienu saru antikwati minħabba l-verżjoni Systran Unix.

98      Bara minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li Systran ma hijiex firmatarja tal-kuntratti ta’ migrazzjoni u li għalhekk ma jistax ikun li hija kkonċediet xi ħaga lill-Kummissjoni fir-rigward tad-drittijiet li jikkonċernaw il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran, li hija żviluppat u li hija tikkummerċjalizza. Skont il-prinċipju tal-effett relattiv tal-kuntratti, li jista’ jitqies li huwa prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri fil-qasam kuntrattwali, il-kuntratti ta’ migrazzjoni, għalhekk, ma jistgħux jiġu invokati bħala tali fil-konfront ta’ Systran. F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li Systran Luxembourg ma kkomunikatx lill-Kummissjoni, sal-15 ta’ Marzu 2002, il-“prova aġġornata tad-drittijiet kollha [...] li fuqhom għandu pretensjoni l-grupp Systran u li huma marbuta mas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran” (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), dan ma jistax ikollu l-konsegwenza li jċaħħad lil Systran mill-possibbiltà li tinvoka fil-konfront tal-Kummissjoni d-drittijiet li hija għandha grazzi għall-akkwist tal-kumpanniji tal-grupp WTC jew, fuq kollox, grazzi għall-ħolqien u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-verżjoni Systran Unix, li huma magħrufa mill-Kummissjoni. Għandu jiġi osservat ukoll li, kif setgħu jagħmlu r-rikorrenti matul is-seduta mingħajr ma ġew kontradetti fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, fiż-żmien tal-iffirmar tal-kuntratti ta’ migrazzjoni, Systran Luxembourg ma kinitx kumpannija li kienet tagħmel parti integrali mill-grupp Systran iżda kienet impriża konġunta li kienet tiġbor fi ħdanha kemm l-interessi tal-impriżi li qabel kienu jaħdmu mal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-manutenzjoni tal-verżjoni EC-Systran Mainframe u kif ukoll l-interessi tal-grupp Systran fil-Lussemburgu.

99      Fl-aħħar lok, u fi kwalunkwe każ, il-prinċipju fil-qasam tal-proprjetà intellettwali huwa li klawżola ta’ trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà ma tistax tiġi preżunta. Bħala prinċipju, tali klawżola ma tistax tkun impliċita iżda għandha tkun espressa. F’dan il-każ, mid-dokumenti li l-partijiet għaddew lill-Qorti Ġenerali, ma tirriżulta ebda dispożizzjoni kuntrattwali dwar trasferiment tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ Systran, jew inkella ta’ impriża tal-grupp Systran, li jistgħu jiġu invokati fir-rigward tal-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran.

100    Mill-kunsiderazzjoni preċedenti jirriżulta li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali ċċitati mill-Kummissjoni ma tippermetti li tiġi ssostanzjata t-teżi li din il-kawża hija neċessarjament ta’ natura kuntrattwali. Dawn id-dispożizzjonijiet kuntrattwali, li jmorru lura għal perijodu fil-passat, speċjalment fir-rigward tal-kuntratti dwar il-verżjoni Systran Mainframe, li saret antikwata fis-snin 90 minħabba l-iżvilupp fl-ambjent tal-informatika, ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kienet jew hija awtorizzata mill-grupp Systran sabiex tiżvela lil terzi informazzjoni li tista’ tkun protetta taħt id-drittijiet tal-awtur jew bħala ‘know-how’ invokati fir-rigward tal-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran, żviluppat u kkummerċjalizzat minn dan il-grupp.

101    Fid-dawl ta’ dak kollu li għadu kemm intqal, għandu jiġi konkluż li mill-kontenut tat-talba għad-danni tar-rikorrenti u mill-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri invokati sabiex jiġu stabbiliti d-drittijiet tagħhom fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran u l-ħtieġa li jinkiseb minn qabel il-kunsens tal-awtur qabel jiġi żvelat lil terzi l-kontenut inkluż fil-verżjoni derivata EC-Systran Unix jirriżulta li r-rikorrenti stabbilew b’mod suffiċjenti fil-liġi u fil-fatt l-elementi neċessarji sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mit-Trattat fil-qasam mhux kuntrattwali.

102    Barra minn hekk, l-eżami tad-diversi dispożizzjonijiet kuntrattwali invokati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-bażi kuntrattwali tat-talba għad-danni jippermetti li jiġi kkonstatat li ma kienx hemm trasferiment ta’ dritt tal-awtur u lanqas awtorizzazzjoni ta’ żvelar lil terzi ta’ informazzjoni dwar il-verżjoni Systran Unix mill-grupp Systran.

103    Minn din l-evalwazzjoni ġenerali jirriżulta li l-kawża inkwistjoni hija ta’ natura mhux kuntrattwali. Fil-fatt, huwa meħtieġ li tiġi evalwata n-natura allegatament illegali u dannuża tal-iżvelar mill-Kummissjoni lil terzi ta’ informazzjoni protetta b’dritt ta’ proprjetà jew bħala ‘know-how’ mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tad-detentur tagħhom fid-dawl tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri applikabbli fil-qasam u mhux fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali previsti f’kuntratti konklużi fil-passat dwar kwistjonijiet li ma jikkonċernawx id-dritt tal-awtur jew in-‘know-how’ ta’ Systran fir-rigward tal-verżjoni Systran Unix.

104    L-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba l-allegata bażi kuntrattwali tiegħu għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

2.     Fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tar-rikors

a)     L-argumenti tal-partijiet

105    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn ma jissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li r-rikors għandu jinkludi “is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa”. Skont il-Kummissjoni, ir-rikors ma jipprovdix preċiżazzjonijiet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet legali allegatament miksura minnha u jagħti ftit preċiżazzjonijiet dwar l-atti ta’ kontravvenzjoni u ta’ żvelar ta’ ‘know-how’ allegati mir-rikorrenti.

106    Ir-rikorrenti essenzjalment josservaw li r-rikors huwa suffiċjentement preċiż u jippermetti lill-Kummissjoni tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi l-kawża.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

107    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ir-rikors ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, Ġabra p. II-523, punt 20, u tal-11 ta’ Lulju 2005, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T-294/04, Ġabra p. II-2719, punt 23).

108    Sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, rikors intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat minn istituzzjoni għandu jinkludi b’mod partikolari l-elementi li permezz tagħhom ikun jista’ jiġi identifikat l-aġir li bih ikun qiegħed jakkużaha r-rikorrent (digriet Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, iċċitat fil-punt 107 iktar ’il fuq, punt 24).

109    F’dan il-każ, fir-rikors tagħhom ir-rikorrenti jindikaw li l-Kummissjoni allegatament żvelat b’mod illegali n-‘know-how’ ta’ Systran lil terzi, sussegwentement għal sejħa għal offerti, u li meta għamlet hekk il-Kummissjoni wettqet att ta’ kontravvenzjoni bi ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ Systran. Huwa allegat li l-Kummissjoni wettqet żewġ atti illegali u dannużi (ara l-punt 66 iktar ’il fuq). Fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni fejn setgħet tipprepara d-difiża tagħha.

110    L-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tar-rikors għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

3.     Fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata kontravvenzjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni fuq bażi mhux kuntrattwali

a)     L-argumenti tal-partijiet

111    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn il-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fil-qasam ta’ kontravvenzjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni fuq bażi mhux kuntrattwali, kif skontha ġie rikonoxxut fid-digriet Document Security Systems, iċċitat fil-punt 52 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, b’differenza mill-armonizzazzjoni Komunitarja ġenerali li saret fil-qasam tad-dritt tat-trade marks, id-dritt tal-awtur kien biss suġġett għal armonizzazzjoni parzjali, armonizzazzjoni iżda li tikkonċerna l-protezzjoni tal-programmi (Direttiva 91/250). Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, fir-rigward tad-dritt tal-awtur, l-istess bħal fir-rigward tad-dritt tal-privattivi, il-proċedimenti ta’ kontravvenzjoni ma humiex fost ir-rimedji li fir-rigward tagħhom il-qrati Komunitarji ngħataw ġurisdizzjoni. Dan japplika wkoll għan-‘know-how’, li ma kien suġġett għal ebda armonizzazzjoni Komunitarja. Il-Kummissjoni hawnhekk tiċħad kull analoġija mas-soluzzjoni proposta fis-sentenza Adams vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, u dan minħabba li r-rikorrenti ma jinvokawx ksur tal-Artikolu 287 KE iżda jinvokaw biss żvelar illegali ta’ ‘know-how’ mingħajr ebda preċiżazzjoni jew prova oħra. Barra minn hekk, b’differenza mill-kawża li wasslet għas-sentenza Adams vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-informazzjoni li nġabret f’din il-kawża nġabret fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali u mhux fil-kuntest tat-trażmissjoni ta’ dokumenti ppreżentati b’mod kunfidenzjali.

112    Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tal-armonizzazzjoni Komunitarja li teżisti fir-rigward tal-protezzjoni ta’ softwer taħt id-dritt tal-awtur (Direttiva 91/250), il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-kontravvenzjoni mill-Kummissjoni ta’ dritt tal-awtur ta’ softwer. Dan ifisser li dan ir-rikors ma jistax jiġi suġġett għall-eżerċizzju ta’ rimedju nazzjonali li permezz tiegħu ma jkunx jista’ jinkiseb kumpens għad-danni, għall-kuntrarju tal-kawża li wasslet għad-digriet Document Security Systems, iċċitat fil-punt 52 iktar ’il fuq, dwar il-protezzjoni ta’ privattivi. Il-kwistjoni hawnhekk hija li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-iżvelar illegali ta’ ‘know-how’, ir-rikorrenti jenfasizzaw l-interess tas-sentenza Adams vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, li tistabbilixxi bħala prinċipju ġenerali tad-dritt l-obbligu ta’ kunfidenzjalità li għandhom il-Kummissjoni u l-membri tal-persunal tagħha taħt l-Artikolu 287 KE.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

113    Il-Kummissjoni tinvoka d-digriet Document Security Systems, iċċitat fil-punt 52 iktar ’il fuq, sabiex issostni li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fil-qasam ta’ kontravvenzjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

114    Madankollu, għandu jiġi osservat li, fil-kawża li wasslet għal dak id-digriet, il-Qorti Ġenerali għamlet distinzjoni bejn il-proċedimenti ta’ kontravvenzjoni ta’ privattivi mibdija mir-rikorrenti u r-rikors għad-danni fil-veru sens tal-kelma. Fil-fatt, fit-talbiet tagħha r-rikorrenti kienet qiegħda titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddeċiedi li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kien kiser id-drittijiet mogħtija mill-imsemmija privattiva u tikkundannah iħallas danni għall-ksur tad-drittijiet mogħtija mill-privattiva kontenzjuża (digriet Document Security Systems, iċċitat fil-punt 52 iktar ’il fuq, punt 25). Bi tweġiba għal din it-talba, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett osservat li hija ma kelhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma’ proċedimenti ta’ kontravvenzjoni ta’ privattivi (digriet Document Security Systems, iċċitat fil-punt 52 iktar ’il fuq, punti 50 sa 75). Fir-rigward tar-rikors għad-danni fil-veru sens tal-kelma, il-Qorti Ġenerali indikat espressament li hija kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwaru taħt id-dispożizzjonijiet, ikkunsidrati flimkien, tal-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE (digriet Document Security Systems, iċċitat fil-punt 52 iktar ’il fuq, punt 76). Madankollu, dan ir-rikors għad-danni ġie ddikjarat manifestament infondat fid-dritt sa fejn ir-rikorrenti f’dik il-kawża ma kienet ressqet ebda element ta’ natura li jistabbilixxi l-illegalità tal-aġir invokat fil-konfront tal-konvenut (digriet Document Security Systems, iċċitat fil-punt 52 iktar ’il fuq, punti 80 sa 82).

115    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-awtur huwa invokat flimkien mal-kunċett ta’ protezzjoni tal-kunfidenzjalità tan-‘know-how’ bil-għan waħdieni li l-aġir tal-Kummissjoni jiġi kwalifikat bħala illegali fil-kuntest ta’ rikors għad-danni fuq bażi mhux kuntrattwali. Din l-evalwazzjoni tan-natura illegali tal-aġir inkwistjoni għandha ssir fid-dawl tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri u ma hijiex meħtieġa deċiżjoni minn qabel minn awtorità nazzjonali kompetenti kif kien il-każ għad-diversi privattivi kontenzjużi fil-kawża li wasslet għad-digriet Document Security Systems, iċċitat fil-punt 52 iktar ’il fuq. B’hekk, il-BĊE kien ressaq proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità f’diversi Stati Membri u wħud mill-qrati aditi kienu barra minn hekk taw id-deċiżjoni tagħhom dwar dawn il-proċedimenti fl-ewwel istanza u dawn id-deċiżjonijiet – li kienu kontradittorji minn qorti għall-oħra – kienu s-suġġett ta’ appelli (digriet Document Security Systems, iċċitat fil-punt 52 iktar ’il fuq, punti 21 sa 24), sitwazzjoni din li assolutament ma teżistix f’din il-kawża.

116    Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 235 KE u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali u fin-nuqqas ta’ rimedju nazzjonali li permezz tiegħu jkun jista’ jinkiseb il-kumpens mill-Kummissjoni tad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti minħabba l-kontravvenzjoni allegata, ma hemm xejn li jipprekludi li l-kunċett ta’ kontravvenzjoni użat mir-rikorrenti jkun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex l-aġir tal-Kummissjoni jiġi kwalifikat bħala illegali fil-kuntest ta’ talba għad-danni.

117    Il-kunċett ta’ kontravvenzjoni użat mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għad-danni għandu jiġi interpretat fid-dawl biss tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, liema prinċipji huma, fir-rigward tal-programmi tal-kompjuter, riprodotti jew stabbiliti permezz ta’ diversi direttivi ta’ armonizzazzjoni. Għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata kontravvenzjoni fis-sens li dan it-terminu jista’ jingħata minn awtorità nazzjonali kompetenti ta’ Stat Membru skont id-dritt ta’ dak l-Istat.

B –  Fuq it-talbiet l-oħra

118    Il-Kummissjoni ssostni li diversi talbiet imressqa mir-rikorrenti huma inammissibbli. Dawn it-talbiet huma intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tordna l-waqfien immedjat mill-Kummissjoni tal-atti ta’ kontravvenzjoni u ta’ żvelar, il-konfiska jew l-eliminazzjoni ta’ ċerta data miżmuma mill-Kummissjoni jew mill-kumpannija Gosselies, u l-pubblikazzjoni bi spejjeż tal-Kummissjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali f’ġurnali u f’riviżsti speċjalizzati kif ukoll fuq siti tal-internet speċjalizzati.

119    Fuq dan il-punt il-Kummissjoni tirreferi għal ġurisprudenza ferm stabbilita li tipprovdi li l-qorti ma tistax, lanqas fil-kuntest ta’ kawża dwar kumpens, tindirizza ordnijiet lil istituzzjoni mingħajr ma tirfes fuq il-prerogattivi tal-awtorità amministrattiva (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il-Kummissjoni, T-279/03, Ġabra p. II-1291, iktar ’il quddiem is-“sentenza Galileo”, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Għandu jitfakkar li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, “[f]il-każ ta’ responsabilità mhux kontrattwali, il-Komunità għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”. Din id-dispożizzjoni tirreferi kemm għall-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali kif ukoll għall-modalitajiet u għall-portata tad-dritt għal kumpens. Barra minn hekk, l-Artikolu 235 KE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni sabiex tisma’ kawżi dwar il-kumpens tad-danni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

121    Minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet – li, għall-kuntrarju tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 KEFA li kien jipprovdi biss għal kumpens finanzjarju, ma jeskludux l-għoti ta’ kumpens in natura – jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi fuq il-Komunità kull forma ta’ kumpens li jkun konformi mal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, inkluż, jekk dan jidher li huwa konformi ma’ dawn il-prinċipji, kumpens in natura, jekk ikun il-każ fil-forma ta’ ordni sabiex issir jew ma ssirx xi ħaga (sentenza Galileo, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, punt 63).

122    Għaldaqstant, bħala prinċipju, il-Komunità ma tistax tinħeles minn miżura proċedurali korrispondenti min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors għall-kumpens ta’ danni imputabbli lill-Komunità (ara, fir-rigward ta’ ordni fil-qasam tat-trade marks, is-sentenza Galileo, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, punt 67).

123     Sabiex id-dannu allegatament ikkawżat f’dan il-każ ikun ikkumpensat b’mod integrali, huwa meħtieġ li d-detentur ta’ dritt tal-awtur ikollu d-dritt tiegħu stabbilit mill-ġdid fi stat intatt, liema stabbiliment mill-ġdid jeħtieġ mill-inqas, irrispettivament minn eventwali danni f’somma ta’ flus, il-waqfien immedjat tal-preġudizzju kkawżat lid-dritt tiegħu. Huwa preċiżament permezz tal-ordni mitluba f’dan il-każ li r-rikorrenti jistgħu jiksbu l-waqfien tal-preġudizzju li l-Kummissjoni allegatament ikkawżat lid-drittijiet tal-awtur tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Galileo, iċċitata fil-punt 119 iktar ’il fuq, punt 71). Il-kumpens integrali tad-dannu jista’ jieħu wkoll il-forma tal-konfiska jew tal-eliminazzjoni tar-riżultat tal-kontravvenzjoni, jew il-forma tal-pubblikazzjoni bi spejjeż tal-Kummissjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

124    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tat-talbiet li ma jitolbux kumpens għad-dannu allegat.

125    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kollha mqajma kontra dan ir-rikors għandhom jiġu miċħuda.

II –  Fuq il-mertu

126    Sabiex tkun stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, huwa meħtieġ li jkunu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir invokat fil-konfront tal-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C-243/05 P, Ġabra p. I-10833, punt 26).

A –  Fuq id-drittijiet invokati mir-rikorrenti u l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni

127    L-aġir illegali invokat fil-konfront ta’ istituzzjoni Komunitarja għandu jikkonsisti fi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tkun intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 42). Meta l-istituzzjoni inkwistjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment limitat, jekk mhux ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju (sentenza Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

128    Ir-rikorrenti qegħdin essenzjalment isostnu li jeżisti xebh sostanzjali bejn il-verżjoni Systran Unix, żviluppata mill-grupp Systran mill-1993 ’il quddiem, u l-verżjoni EC-Systran Unix, żviluppata minn Systran Luxembourg sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-Kummissjoni b’effett mit-22 ta’ Diċembru 1997. Skonthom, minħabba dan ix-xebh kbir, huma jistgħu jopponu għall-iżvelar lil terzi mingħajr il-kunsens tagħhom tal-kontenut tal-verżjoni EC-Systran Unix minħabba d-drittijiet tal-awtur u n-‘know-how’ marbuta mal-verżjoni Systran Unix. It-twettiq tas-sejħa għal offerti kontenzjuża għalhekk jimplika ksur tad-drittijiet tal-awtur u żvelar illegali tan-‘know-how’ tal-grupp Systran li jistgħu jinvolvu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

129    Il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza tad-drittijiet invokati mill-grupp Systran fuq is-softwer Systran. Hija ssostni li hija hija d-detentriċi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali neċessarji għall-atti li hija wettqet u li ma tistax tiġi akkużata li wettqet att ta’ kontravvenzjoni jew ta’ żvelar ta’ ‘know-how’ li jikkostitwixxi nuqqas fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

1.     Fuq il-paragun tad-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran

a)     L-argumenti tal-partijiet

130    Ir-rikorrenti jagħmlu distinzjoni bejn tliet partijiet tas-softwer Systran li jinteraġixxu ma’ xulxin, jiġifieri l-kernel, il-programmi lingwistiċi – imsejħa wkoll “rutini lingwistiċi” – u d-dizzjunarji. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jsostnu li l-verżjoni Systran Unix hija xogħol primarju u li l-verżjoni EC-Systran Unix hija xogħol derivat minn dan ix-xogħol primarju. Fil-fatt, mill-paragun ta’ dawn iż-żewġ verżjonijiet jista’ jiġi kkonstatat li huma kważi identiċi, jew li minn tal-inqas hemm xebh sostanzjali bejniethom. Barra minn hekk, dan ma jistax ikun mod ieħor sa fejn, sabiex toħloq il-verżjoni EC-Systran Unix, b’effett mit-22 ta’ Diċembru 1997, Systran Luxembourg ħadet il-verżjoni Systran Unix, żviluppata minn Systran mill-1993 ’il quddiem, sabiex tintegra fiha d-dizzjunarji tal-verżjoni EC-Systran Mainframe.

131    Il-Kummissjoni tirripproduċi l-preżentazzjoni magħmula mir-rikorrenti tal-istruttura tas-softwer Systran filwaqt li tinkludi l-programmi utilitarji, li jinkludu b’mod partikolari l-interfaces u l-għodod ta’ ġestjoni tad-dizzjunarji. Hija tippreċiża li l-kernel, il-programmi lingwistiċi u d-dizzjunarji għandhom kodiċi sors li għandu jiġi kkompilat fil-lingwa tal-magna. B’hekk, wara intervent fuq il-programmi lingwistiċi, dawn tal-aħħar kif ukoll il-kernel ikollhom jiġu kkompilati mill-ġdid, għalkemm il-kernel ma jiġix modifikat b’din l-operazzjoni. Skont il-Kummissjoni, l-arrikkiment tal-programmi lingwistiċi ma jeħtieġ ebda modifika tal-kernel, tal-istruttura tad-data jew tal-materjal ta’ disinn preparatorju. Dan jimplika biss modifika tal-parti lingwistika tal-kodiċi sors. Bl-istess mod, it-tfassil f’kodiċi tad-dizzjunarji ma jeżiġi ebda modifika tal-kernel jew tal-istruttura tad-data tas-sistema, b’tali mod li l-kodiċi sors u l-materjal ta’ disinn preparatorju ma jkollhomx għalfejn jiġu modifikati. Barra minn hekk, il-programmi utilitarji huma, b’mod ġenerali, scripts li jistgħu jintużaw kif inhuma, mingħajr modifika.

132    Bi tweġiba għall-argument dwar il-kważi-identità bejn il-verżjonijiet Systran Unix u EC-Systran Unix, il-Kummissjoni ssostni li l-verżjoni EC-Systran Unix ma ġietx żviluppata abbażi tal-verżjoni Systran Unix kif jallegaw ir-rikorrenti iżda abbażi tal-verżjoni preċedenti EC-Systran Mainframe. It-terminu “migrazzjoni” użat fil-kuntratti ta’ migrazzjoni konklużi ma’ Systran Luxembourg ifisser għalhekk li kien biss l-ambjent tal-informatika li fih jopera s-softwer li nbidel, filwaqt li l-istrutturi loġiċi tiegħu baqgħu l-istess. Dan ifisser li l-grupp Systran ma pprovdiex “verżjoni kompletament ġdida tas-sistema Systran għal Unix” kif jallegaw ir-rikorrenti. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza li hija għad għandha d-drittijiet akkwistati taħt il-kuntratti dwar EC-Systran Mainframe.

133    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-modifiki magħmula fil-verżjoni Systran Mainframe maħluqa minn WTC fil-verżjoni EC-Systran Mainframe użata minnha ma kinux jikkonċernaw biss id-dizzjunarji, li jiġu arrikkiti regolarment mill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni, iżda kienu jikkonċernaw ukoll il-kernel u fuq kollox ir-rutini lingwistiċi. Skont il-Kummissjoni, ir-rutini lingwistiċi tal-verżjoni Systran Mainframe, verżjoni ppreparata minn WTC fis-snin 70, kienu fi stadju embrijoniku u hija kienet investiet numru kbir ta’ sigħat u somom kbar ta’ flus sabiex ittejjeb dawn ir-rutini ħalli dawn ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rewkiżiti speċifiċi tagħha fil-verżjoni EC-Systran Mainframe. Skont il-Kummissojni, il-verżjoni EC-Systran Mainframe tinkludi wkoll rutini lingwistiċi żviluppati speċifikament minnha u għaliha [ara n-nota teknika tas-16 ta’ Jannar 2008 tad-Direttorat Ġenerali tat-traduzzjoni tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠT”), dwar ir-“[r]elazzjoni ta’ parentela bejn EC-Systran Unix u EC-Systran Mainframe”, iktar ’il quddiem l-“ewwel nota tad-DĠT”].

134    Il-Kummissjoni tosserva wkoll li, għalkemm il-migrazzjoni twettqet bl-użu tal-programmi lingwistiċi tal-verżjoni Systran Unix fil-verżjoni EC-Systran Unix, ma seta’ jinkiseb ebda riżultat għall-kombinazzjonijiet ta’ lingwi Grieg-Franċiż, Ingliż-Grieg, Spanjol-Franċiż, Franċiż-Ġermaniż, Spanjol-Taljan-Olandiż, peress li dawn il-kombinazzjonijiet ta’ lingwi ma kinux jeżistu fil-verżjoni Systran Unix (ara r-rapport Atos tal-4 ta’ Mejju 1998, “Il-possibbiltà ta’ migrazzjoni ta’ EC-Systran u l-merger ta’ EC-Systran mas-sistema ta’ Systran”, iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-4 ta’ Mejju 1998”, p. 32). Barra minn hekk, peress li l-kodiċi tad-dizzjunarji tal-verżjoni EC-Systran Mainframe kienu fil-parti l-kbira tagħhom inkompatibbli mal-programmi lingwistiċi tal-verżjoni Systran Unix, il-programmi lingwistiċi tal-kombinazzjonijiet ta’ lingwi l-oħra kellhom ikunu wkoll suġġetti għal migrazzjoni sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti speċifiċi tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-programmi lingwistiċi kollha tal-verżjoni EC-Systran Mainframe ġew ikkonvertiti minn Systran Luxembourg permezz tal-programm ta’ konverżjoni Eurot u ma ġewx issostitwiti bl-elementi korrispondenti tal-verżjoni Systran Unix. Fil-każijiet kollha, id-dizzjunarji użati mill-Kummissjoni jeħtieġu l-programmi lingwistiċi assoċjati u għalhekk ma jistgħux jintużaw mill-ġdid b’sempliċi integrazzjoni fil-verżjoni Systran Unix.

135    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li l-verżjoni EC-Systran Unix ġiet żviluppata minn Systran Luxembourg fuq il-bażi tal-migrazzjoni tas-sistema EC-Systran Mainframe, sistema li l-kernel tagħha nħoloq minn WTC għalkemm diversi elementi tagħha kienu ġew modifikati fuq talba tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ diversi kuntratti li jispeċifikaw li l-iżviluppi mwettqa għaliha kellhom ikunu proprjetà tagħha. Il-migrazzjoni tal-verżjoni EC-Systran Mainframe lejn il-verżjoni EC-Systran Unix timplika, skont il-Kummissjoni, li din il-verżjoni tal-aħħar ma hijiex sempliċi verżjoni tas-softwer Systran Unix.

136    Barra minn hekk, fir-rigward tad-diversi punti ta’ xebh bejn il-verżjonijiet Systran Unix u EC-Systran Unix li jirriżultaw mill-paragun magħmul fir-rapport tal-espert tal-informatika tar-rikorrenti, H. Bitan (iktar ’il quddiem ir-“rapport Bitan”), il-Kummissjoni ssostni li dawn ma jipprovawx l-eżistenza ta’ nuqqas jew ta’ kontravvenzjoni min-naħa tagħha. Fil-fehma tal-Kummissjoni, din il-kważi-identità bejn iż-żewġ verżjonijiet inkwistjoni tas-softwer Systran tippermetti biss li jiġi dedott, minn naħa, li l-grupp Systran uża elementi tas-sistema preeżistenti tiegħu u li għalhekk ta’ min jistaqsi għaliex kienu meħtieġa erba’ snin ta’ xogħol u diversi mijiet ta’ eluf ta’ Euros sabiex jaslu għal tali assomiljanza u, min-naħa l-oħra, li huwa probabbli li l-grupp Systran uża l-iżviluppi mwettqa f’isem il-Kummissjoni billi integrahom fis-sistema kkummerċjalizzata tiegħu meta, skont id-diversi kuntratti ta’ migrazzjoni konklużi, huwa ma kellux drittijiet fuq dawn l-elementi. Minħabba f’hekk, il-paragun magħmul huwa vvizzjat sa mill-bidu tiegħu, peress li l-verżjonijiet li kellhom jitqabblu ma kinux dawk li huma proprjetà tal-grupp Systran iżda dawk li Systran żviluppat f’isem il-Kummissjoni fil-kuntest tal-kuntratti ta’ migrazzjoni. Il-Kummissjoni tirriżerva l-possibbiltà li tiddefendi d-drittijiet tagħha f’dan ir-rigward.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

137    Sabiex jistabbilixxu l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jsostnu li l-verżjoni Systran Unix hija xogħol primarju u li l-verżjoni EC-Systran Unix, li fir-rigward tagħha allegatament twettqu l-atti ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-awtur u ta’ żvelar ta’ ‘know-how’, hija xogħol derivat minn din il-verżjoni tas-softwer Systran. Din l-affermazzjoni hija bbażata prinċipalment fuq il-paragun tal-kontenut tal-verżjonijiet Systran Unix u EC-Systran Unix imwettaq minn H. Bitan, l-espert tal-informatika tar-rikorrenti, li għandu dottorat fil-liġi, huwa inġinier fit-telekomunikazzjoni u fl-informatika, espert tal-informatika approvat mill-Cour de cassation (Franza), espert fi ħdan it-Tribunal administratif u l-Cour d’appel de Paris (Franza) u responsabbli mit-tagħlim fl-Università Panthéon-Assas Paris-II.

138    Mill-eżami tad-data ppreżentata mir-rikorrenti dwar dan il-punt, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, jistgħu jsiru tliet sensiliet ta’ konstatazzjonijiet fattwali.

139    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-partijiet jaqblu meta josservaw li l-istruttura tas-softwer Systran, kemm fir-rigward tal-verżjoni Systran Unix u kif ukoll fir-rigward tal-verżjoni EC-Systran Unix, tista’ tinqasam f’diversi partijiet (ara r-rapport Bitan, in-nota teknika ppreparata minn H. Bitan, iktar ’il quddiem l-“ewwel nota teknika Bitan”, u t-tieni nota teknika Bitan):

–        il-kernel, il-parti prinċipali tas-softwer, li jikkontrolla l-proċess kollu ta’ traduzzjoni permezz ta’ komponenti oħra tas-softwer li l-azzjoni tagħhom hija kkontrollata minnu; il-kernel jinkludi l-mekkaniżmu li jiġġestixxi l-proċess ta’ traduzzjoni, strutturi ta’ data kompatibbli mar-rutini lingwistiċi u d-dizzjunarji, kif ukoll ‘modules’ użati matul il-proċess ta’ traduzzjoni; il-kernel jintegra l-algoritmi ta’ ġestjoni tad-dizzjunarji, l-algoritmi ta’ interpretazzjoni tal-‘macros’ użati fid-dizzjunarji, il-filtri għad-diversi formats tad-dokumenti u s-separazzjoni f’sentenzi;

–        il-programmi lingwistiċi (imsejħa wkoll “rutini lingwistiċi”) li jikkonsistu f’analiżi, f’diversi fażijiet suċċessivi, tar-rutini omografiċi u lessikali, fi trasferiment mil-lingwa sors lejn il-lingwa li fiha ssir it-traduzzjoni u f’sinteżi; dawn ir-rutini huma komposti minn grupp ta’ regoli lingwistiċi użati f’ordni stabbilita minn qabel matul il-proċess ta’ traduzzjoni; ir-rwol ta’ dawn ir-rutini huwa li jimmodifikaw l-informazzjoni li tkun tinsab fiż-żona ta’ analiżi maħluqa mill-kernel matul il-proċess ta’ traduzzjoni;

–        id-dizzjunarji, li huma databases użati mill-kernel u mill-programmi lingwistiċi, u l-programmi utilitarji, li jiġbru fihom b’mod partikolari l-interfaces u l-għodda ta’ ġestjoni tad-dizzjunarji; l-istrutturi tad-data użata fid-dizzjunarji ġew iddefiniti fir-regoli ta’ traduzzjoni kif ukoll fil-manwali ta’ kodifikar.

140    Għandu jiġi osservat ukoll li l-proċess ta’ traduzzjoni kkontrollat mill-kernel jiżvolġi fi tliet stadji prinċipali, jiġifieri l-ipproċessar preliminari, li jinkludi l-mogħdija minn filter tad-dokument sors li jkun irid jiġi tradott, id-diviżjoni f’sentenzi, il-konsultazzjonijiet tad-dizzjunarji, id-diversi proċessi preliminari lingwistiċi u l-ħolqien taż-“żona ta’ analizi inizjali”; l-applikazzjoni tar-rutini lingwistiċi għaż-żona ta’ analiżi organizzata f’fażijiet (analiżi, trasferiment u sinteżi), u l-istadju ta’ wara l-ipproċessar, fejn issir ir-rikostruzzjoni tas-sentenzi u r-restituzzjoni tad-dokument tradott fl-istess format bħall-oriġinal.

141    Dawn l-ispjegazzjonijiet dwar l-arkitettura u l-funzjonament tas-softwer Systran jikkonċernaw kemm il-verżjoni Systran Unix u kemm il-verżjoni EC-Systran Unix. Minn dan jirriżulta li d-diversi partijiet tas-softwer, minkejja li jagħmlu parti minn unità waħda, xorta waħda għandhom rwol partikolari fi ħdan din l-unità. Għandhom jiġu enfasizzati b’mod partikolari l-partikolarità u l-importanza tal-kernel, li jipprepara t-test sors billi jgħaddih minn filter, filwaqt li jisseparah f’sentenzi, u mbagħad jistabbilixxi għal kull sentenza ż-żona ta’ analiżi fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tinsab fid-dizzjunarju. Ir-rutini lingwistiċi mbagħad joperaw fuq din iż-żona.

142    Huwa fid-dawl ta’ din l-istruttura tas-softwer Systran, stabbilita b’mod konklużiv mir-rikorrenti u mhux ikkontestata bħala tali mill-Kummissjoni, li għandhom jiġu eżaminati d-drittijiet invokati mill-partijiet fuq id-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran inkwistjoni f’din il-kawża.

143    Fit-tieni lok, id-data prodotta mir-rikorrenti fir-rigward tar-riżultati tal-paragun tal-verżjoni Systran Unix mal-verżjoni EC-Systran Unix, li huma l-uniċi verżjonijiet invokati sabiex tiġi allegata l-illegalità tal-aġir li bih hija akkużata l-Kummissjoni, tippermetti li jiġi stabbilit xebh sostanzjali bejn iż-żewġ verżjonijiet tas-softwer Systran.

144    Fil-fatt, il-konstatazzjonijiet prinċipali magħmula fir-rapport Bitan sabiex tiġi ssostanzjata l-eżistenza ta’ ċerta identità, jew minn tal-inqas xebh sostanzjali, bejn il-verżjonijiet Systran Unix u EC-Systran Unix tas-softwer Systran huma s-segwenti:

–        fir-rigward tal-istrutturi ta’ data, minn tal-inqas 72 % tal-istrutturi ta’ data tal-verżjoni Systran Unix u tal-verżjoni EC-Systran Unix huma identiċi jew ftit differenti (ara l-punt 5 “Sinteżi” u l-punt 3.1 “Analiżi komparattiva tad-deskrizzjonijiet tal-istrutturi ta’ data”);

–        fir-rigward tal-manwali ta’ kodifikar, il-maġġoranza tal-kodiċi ppreżentati fil-manwali ta’ kodifikar tal-verżjoni Systran Unix hija riprodotta fil-verżjoni EC-Systran Unix (ara l-punt 5 “Sinteżi” u l-punt 3.2 “Analiżi komparattiva tal-manwali ta’ kodifikar”);

–        fir-rigward tal-kodiċi sors, ix-xebh bejn il-kernels taż-żewġ verżjonijiet tas-softwer Systran, li jikkostitwixxu l-parti prinċipali tas-softwer, jammonta għal 80 sa 95 %; xebh ieħor jeżisti fil-livell tar-rutini lingwistiċi, fejn parti kbira mir-rutini tal-verżjoni Systran Unix jinsabu fil-verżjoni EC-Systran Unix (ara l-punt 5 “Sinteżi” u l-punt 4 “Analiżi komparattiva tal-kodiċi sors”).

145    Dawn il-konstatazzjonijiet fattwali ma humiex ikkontestati bħala tali mill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha ssostni, minn naħa, li l-verżjoni EC-Systran Unix hija xogħol derivat mill-verżjoni EC-Systran Mainframe u, min-naħa l-oħra, li l-verżjoni Systran Unix hija xogħol li jintegra l-iżviluppi li kienu proprjetà tagħha bis-saħħa tal-verżjoni EC-Systran Mainframe, li kienet derivata minn Systran Mainframe, jew bis-saħħa tal-verżjoni EC-Systran Unix (ara l-punti 132 sa 136 iktar ’il fuq u l-punti 150 sa 157 iktar ’il quddiem).

146    Għalhekk, matul is-seduta, il-Kummissjoni indikat li ma setgħetx tikkontradixxi lil H. Bitan, li kien ikkonstata x-xebh bejn il-verżjoni Systran Unix u l-verżjoni EC-Systran Unix fid-dokumenti annessi mar-rikors.

147    Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi prodotti mir-rikorrenti u tal-osservazzjonijiet ippreżentanti f’dan ir-rigward matul il-proċedura (ara l-punti 137 sa 146 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti stabbilixxew b’mod suffiċjentement konklużiv li f’dan il-każ jeżisti xebh sostanzjali bejn il-verżjonijiet Systran Unix u EC-Systran Unix, u li għalhekk huma jistgħu jinvokaw id-drittijiet tal-grupp Systran fuq il-verżjoni Systran Unix, żviluppata minn Systran mill-1993 ’il quddiem, sabiex jopponu għall-iżvelar lil terzi mingħajr il-kunsens tagħhom tal-verżjoni derivata EC-Systran Unix, aġġustata minn Systran Luxembourg b’effett mit-22 ta’ Diċembru 1997 sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-Kummissjoni.

148    Din il-konklużjoni ma ddaħħalx inkwistjoni d-drittijiet li l-Kummissjoni jista’ jkollha fuq il-veżjoni derivata EC-Systran Unix taħt il-kuntratti ta’ migrazzjoni jew minħabba li ħolqot u żviluppat dizzjunarji li jissodisfaw il-ħtiġijiet lingwistiċi tagħha. Din il-konklużjoni tirrikonoxxi biss il-fatt li r-rikorrenti ressqu l-prova li ċerti elementi tas-softwer Systran, b’mod partikolari 80 sa 95 % tal-kernel u parti kbira mir-rutini lingwistiċi, inħolqu minn Systran u jinsabu fil-verżjoni Systran Unix ikkummerċjalizzata minn din l-impriża mingħajr ma hemm l-iċken prova fil-proċess li kien hemm trasferiment ta’ proprjetà fuq dawn l-elementi lill-Kummissjoni.

149    Għalhekk, kif jindika barra minn hekk ir-rapport Bitan, jista’ jiġi kkunsidrat li, sabiex toħloq il-verżjoni EC-Systran Unix, Systran Luxembourg ħadet parti kbira ħafna mill-verżjoni Systran Unix ikkummerċjalizzata minn Systran u integrat fiha d-dizzjunarji tal-verżjoni EC-Systran Mainframe.

150    Sabiex tikkontesta din il-konklużjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-verżjoni EC-Systran Unix, fil-verità, hija biss ir-riżultat tal-migrazzjoni tal-verżjoni preċedenti EC-Systran Mainframe minn ambjent tal-informatika għal ieħor. Dan l-argument huwa żviluppat mill-Kummissjoni fl-ewwel nota tad-DĠT li l-konklużjonijiet tagħha huma essenzjalment is-segwenti:

–        “ir-rapporti ta’ attivitajiet jipprovaw li EC-Systran Unix tħejjiet abbażi ta’ EC-Systran Mainframe [b’tali mod] li dan is-softwer ġie żviluppat sa mill-bidu fuq il-fondi tal-Kummissjoni”;

–        “is-sistema oriġinali [il-verżjoni Systran Mainframe] iddisinjata minn WTC kienet relattivament rudimentali fid-dawl tan-numru estremament għoli ta’ modules [u ta’] programmi li l-Kummissjoni kellha tiżviluppa hija stess sabiex din is-sistema tissodisfa l-aspettattivi ta’ kwalità tagħha”;

–        “kien iktar faċli għal Systran [...] li tipproponi lill-Kummissjoni s-sistema bażika migrata tagħha[, jiġifieri l-verżjoni Systran Unix,] minħabba li din is-sistema migrata kienet diġà tinkludi ċerti elementi speċifiċi ta’ EC-Systran Mainframe riżultanti mill-kollaborazzjoni u mill-iżvilupp qabel l-1993/1994, data li minnha Systran SI bdiet il-migrazzjoni ta’ EC-Systran Mainframe f’isem il-Kummissjoni”.

151    Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tal-allegata parentela bejn il-verżjonijiet EC-Systran Mainframe u EC-Systran Unix, id-drittijiet li hija kisbet bis-saħħa tal-kuntratti dwar EC-Systran Mainframe baqgħu għalhekk kweżiti minnha. Barra minn hekk, fir-rigward tax-xebh osservat minn H. Bitan fir-rigward tal-verżjonijiet Systran Unix u EC-Systran Unix, il-Kummissjoni ssostni li dan ix-xebh jistabbilixxi biss, essenzjalment, li huwa probabbli li l-grupp Systran uża l-iżviluppi mwettqa għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-verżjonijiet EC-Systran Mainframe u EC-Systran Unix sabiex jintegrahom fil-verżjoni Systran Unix.

152    Dawn l-argumenti tal-Kummissjoni jwasslu sabiex iċaħħdu lill-grupp Systran minn kull dritt fuq is-softwer Systran, kemm fir-rigward tal-verżjoni Systran Mainframe akkwistata mingħand il-grupp WTC u minn min ħoloqha, u kemm fir-rigward tal-verżjoni Systran Unix, żviluppata u kkummerċjalizzata mill-grupp Systran diversi snin qabel ma kienet stabbilita l-verżjoni EC-Systran Unix mill-grupp Systran sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-Kummissjoni fid-dawl tal-fatt li l-verżjoni EC-Systran Mainframe kien għadda żmienha.

153    Kif diġà ġie espost meta ġiet eżaminata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tisma’ dan ir-rikors (ara l-punti 70 sa 77 iktar ’il fuq), l-argumenti tal-Kummissjoni huma bbażati fuq allegazzjonijiet ġenerali u mhux preċiżi biżżejjed fir-rigward tal-karatteristiċi tas-softwer u tar-rapporti ta’ perizja legali u teknika prodotti mir-rikorrenti.

154    Fil-fatt, fl-argumenti tagħha, il-Kummissjoni tevoka, b’mod prinċipali, ir-rwol li kellhom is-servizzi tagħha fl-aġġornament tad-dizzjunarji użati mill-verżjoni EC-Systran Mainframe u mill-verżjoni EC-Systran Unix, rwol li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, u, b’mod iktar limitat, l-impatt li s-servizzi tagħha seta’ kellhom fuq l-aġġornament ta’ ċerti rutini lingwistiċi tal-verżjoni EC-Systran Unix. L-importanza tax-xogħlijiet imwettqa minn Systran fir-rigward tal-kernel u tal-parti l-kbira tar-rutini lingwistiċi hija moħbija mill-Kummissjoni, li qatt ma ssemmi d-drittijiet li jista’ jislet il-grupp Systran minn dawn ix-xogħlijiet. Issa, kif ġie osservat fil-punt 147 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti jesponu b’mod suffiċjentement konklużiv fuq liema bażi huma jistgħu jinvokaw drittijiet fuq il-verżjoni EC-Systran Unix minħabba l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-verżjoni preċedenti Systran Unix.

155    Barra minn hekk, il-Kummissjoni qatt ma rnexxiehla tressaq, minkejja talba espressa mill-Qorti Ġenerali f’dan is-sens, provi tekniċi ta’ natura li jistabbilixxu għalfejn il-grupp Systran ma setax jinvoka drittijiet tal-awtur fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran jew fuq xi element tal-informatika li jikkostitwixxi l-programm jew il-kodiċi sors operattiv tagħha (b’mod partikolari fir-rigward tal-partijiet dwar il-kernel bażiku u l-partijiet lingwistiċi tal-programm). Matul is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll li ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi provi li permezz tagħhom setgħu jiġu identifikati liema elementi ta’ Systran Unix hija setgħet tinvoka dritt ta’ proprjetà fuqhom fuq il-bażi tal-kuntratti konklużi mal-grupp Systran fir-rigward tal-verżjoni Systran Mainframe. Għaldaqstant, l-argumenti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara l-punt 136 iktar ’il fuq) ma jistgħux jintlaqgħu mill-Qorti Ġenerali.

156    Barra minn hekk, matul is-seduta u sussegwentement għat-tieni opinjoni Sirinelli u għat-tieni nota teknika Bitan, H. Bitan osserva li, fi kwalunkwe każ, il-verżjonijiet Systran Unix u Systran Mainframe huma kompletament differenti minħabba li l-lingwa użata hija differenti. Apparti l-fatt li l-parentela invokata fl-ewwel nota tad-DĠT ma tippermettix li jiġi stabbilit għalfejn ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw drittijiet fuq il-verżjoni EC-Systran Mainframe fuq il-bażi tad-drittijiet miżmuma fir-rigward tal-verżjoni Systran Mainframe, kwistjoni din li ma hijiex is-suġġett ta’ din ir-rikors, din l-allegata parentela hija kontradetta mid-differenzi sinjifikattivi li jeżistu fuq il-livell tal-informatika bejn il-verżjonijiet tas-softwer Systran li joperaw fl-ambjent Mainframe, li maż-żmien sar antikwat, u l-verżjonijiet ta’ dan is-softwer adattati għall-ambjenti tal-informatika l-ġodda Unix u Windows, li fir-rigward tagħhom ma jistax jiġi kkontestat li l-grupp Systran ħoloq il-verżjoni oriġinali, Systran Unix. Barra minn hekk, din il-verżjoni hija ferm preċedenti għall-verżjoni EC-Systran Unix aġġornata minn Systran Luxembourg għall-ħtiġijiet tal-Kummissjoni b’effett mit-22 ta’ Diċembru 1997, għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jiġi dedott mill-ewwel nota tad-DĠT, li tagħmel referenza żbaljata għas-snin “1993/1994[ bħala d-]data li minnha Systran [Software, Inc.] bdiet il-migrazzjoni ta’ EC-Systran Mainframe f’isem il-Kummissjoni” (ara l-punt 150 iktar ’il fuq).

157    Għaldaqstant, il-konklużjoni magħmula fil-punt 147 iktar ’il fuq b’ebda mod ma tiddaħħal inkwistjoni mill-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-parentela tal-verżjoni EC-Systran Unix fil-konfront tal-verżjoni EC-Systran Mainframe jew fuq l-allegati żviluppi integrati fil-verżjoni Systran Unix sussegwentement għall-aġġornament tal-verżjoni EC-Systran Mainframe.

2.     Fuq l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni

158    L-aġir illegali invokat fil-konfront tal-Kummissjoni jikkonsisti fil-fatt li kkunsidrat li għandha d-dritt tikkummissjona x-xogħlijiet, imsemmija fis-sejħa għal offerti, li huma ta’ natura li jimmodifikaw jew li jinvolvu l-iżvelar tal-elementi tal-verżjoni Systran Unix riprodotti fil-verżjoni EC-Systran Unix tas-softwer Systran, elementi li huma protetti mid-dritt tal-awtur jew min-‘know-how’ tal-grupp Systran, mingħajr ma dan il-grupp ittrasferixxa lill-Kummissjoni l-proprjetà fuq dawn l-elementi permezz ta’ kuntratt u mingħajr ma taha l-awtorizzazzjoni tiegħu sabiex twettaq tali xogħlijiet.

a)     L-argumenti tal-partijiet

 Fuq il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-awtur

159    Fir-rigward tal-kontravvenzjoni tad-dritt tal-awtur, ir-rikorrenti jsostnu li l-identità jew ix-xebh ikkonstatati fir-rapport Bitan jikkonċernaw elementi protetti taħt id-dritt tal-awtur, jiġifieri l-arkitettura u l-kodiċi sors tas-softwer Systran. Il-verżjoni EC-Systran Unix hija għalhekk xogħol derivat mill-verżjoni Systran Unix, jiġifieri xogħol li jiddependi mis-sistema Systran. Il-konsegwenza ta’ dan hija, skonthom, li l-awtur tal-ewwel xogħol, il-grupp Systran, jista’ jopponi għal kull modifika tax-xogħol derivat li huwa ma jkunx awtorizza. Meta kkummissjonat lil terzi sabiex iwettqu xogħlijiet intiżi li jimmodifikaw il-verżjoni EC-Systran Unix żviluppata minn Systran Luxembourg, il-Kummissjoni wettqet għalhekk att ta’ kontravvenzjoni peress li ma kellhiex id-dritt timmodifika dan is-softwer mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-grupp Systran. Sabiex jistabbilixxu l-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri applikabbli f’dan il-qasam, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-kontravvenzjoni hija ssanzjonata taħt is-sistemi legali kollha tal-Istati Membri u hija rikonoxxuta bħala delitt, kważi delitt jew minn tal-inqas bħala nuqqas li jista’ jwassal għall-kumpens tad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet.

160    Fil-fatt, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/250, li l-Istati Membri kienu obbligati jittrasponu qabel l-1 ta’ Jannar 1993, l-awturi ta’ softwer għandhom “[i]d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw: (a) ir-riproduzzjoni permanenti jew temporanja ta’ programm tal-kompjuter b’kull mezz u f’kull forma, f’parti jew kollha [...]; (b) it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom”. It-twettiq ta’ wieħed minn dawn l-atti mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtur jikkostitwixxi kontravvenzjoni tas-softwer. Din id-direttiva tenfasizza wkoll li l-programmi tal-kompjuter huma protetti mid-dritt tal-awtur bħala xogħol fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Bern. Ir-riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Bern, li meta kienet adottata d-Direttiva 91/250 kienu parti fiha l-ħmistax-il Stat Membru kollha, jippermetti għalhekk li d-dritt tal-awtur jiġi ddefinit b’riferiment għal prinċipji komuni li huma diġà eżistenti.

161    Taħt id-dritt Franċiż, li japplika għal Systran li żviluppat u li kkummerċjalizzat il-verżjoni Systran Unix, id-Direttiva 91/250 ġiet trasposta bil-Liġi Nru 94-361, tal-10 ta’ Mejju 1994, li timplementa d-Direttiva 91/250 u li temenda l-Kodiċi tal-proprjetà intellettwali (JORF tal-11 ta’ Mejju 1994, p. 6863), li ġiet kodifikata fil-Kodiċi tal-proprjetà intellettwali Franċiż. L-awtur ta’ softwer jibbenefika mid-drittijiet tal-awtur marbuta ma’ dan is-softwer jekk dan ikun xogħol oriġinali u jista’ jipproteġi s-softwer tiegħu fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ kontravvenzjoni. L-Artikolu L 122-6 ta’ dan il-kodiċi għalhekk jipprovdi li “id-dritt ta’ esplojtazzjoni li jappartjeni lill-awtur ta’ softwer jinkludi d-dritt li jwettaq jew li jawtorizza[, l-ewwel nett,] ir-riproduzzjoni permanenti jew provviżorja ta’ softwer kollu jew ta’ parti minnu permezz ta’ kull mezz u taħt kull forma[, it-tieni nett,] it-traduzzjoni, l-addattament, l-arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ softwer u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom”. Għalhekk, l-atti suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-awtur tas-softwer u mwettqa mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ dan tal-aħħar jikkostitwixxu kontravvenzjoni tas-softwer. Id-Direttiva 91/250 ġiet ukoll trasporta fl-Istati Membri l-oħra, bħal fil-Lussemburgu (Liġi tat-18 ta’ April 2001 dwar id-drittijiet tal-awtur, id-drittijiet relatati u d-databases, Mémorial A 2001, p. 1042, iktar ’il quddiem il-“Liġi Lussemburgiża dwar id-drittijiet tal-awtur”, b’mod partikolari l-Artikolu 3) u fil-Belġju (Liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994 li tittrasponi fid-dritt Belġjan id-Direttiva Ewropea tal-14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter, Moniteur belge tas-27 ta’ Lulju 1994, p. 19315, iktar ’il quddiem il-“Liġi Belġjana dwar il-programmi tal-kompjuter”).

162    Bi tweġiba għall-argument ibbażat fuq il-ħtieġa li jintwera li l-grupp Systran huwa d-detentur tad-drittijiet invokati, ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni teżiġi tali prova, minkejja diversi kuntratti li hija setgħet ikkonkludiet fejn huwa mfakkar li l-kumpanniji tal-grupp Systran huma d-detenturi esklużivi ta’ dawn id-drittijiet, u minkejja l-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri applikabbli fil-qasam – li huma mfakkra fl-opinjonijiet tal-professur Sirinelli, intitolati “Analiżi tal-kundizzjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ proċedimenti ta’ kontravvenzjoni mressqa minn persuna ġuridika” (iktar ’il quddiem l-“ewwel opinjoni Sirinelli”) u “Aċċess għall-protezzjoni taħt id-dritt tal-awtur ta’ softwer miktub mill-ġdid” (it-tieni opinjoni Sirinelli) –, b’mod partikolari fir-rigward tat-teorija tal-apparenza li tippermetti lid-detentur apparenti li jipproċedi b’mod legali mingħajr ma l-parti li tkun wettqet il-kontravvenzjoni tkun tista’ teżiġi li tiġi prodotta s-sensiela tal-kuntratti ta’ trasferiment u mingħajr ma tkun tista’ tinvoka inammissibbiltà bbażata fuq xi dubju dwar min hu d-detentur tad-drittijiet. Il-Kummissjoni għalhekk taġixxi in mala fide meta teżiġi l-prova tal-proprjetà tal-programmi sabiex taħrab minn kundanna għal kontravvenzjoni.

163    Barra minn hekk, dan huwa argument abitwalment imressaq minn min ikun wettaq kontravvenzjoni, argument f’dan il-każ imtenni mill-Kummisjsoni, li qiegħda tipprova taħrab mir-responsabbiltà tagħha billi tallega li l-grupp Systran ma pprovax il-kwalità tiegħu bħala detentur ta’ drittijiet fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran u fuq il-verżjoni EC-Systran Unix li hija dderivata minnha. Issa, fid-dritt Franċiż, applikabbli għal Systran, u fid-dritt Belġjan, invokat mill-Kummissjoni, id-difiża tad-drittijiet tal-awtur hija bbażata fuq preżunzjoni ta’ kwalità ta’ detentur li tippreżumi li l-persuna li tesplojta xogħol hija l-proprjetarja tax-xogħol. F’dan il-qasam, minn din il-preżunzjoni l-ġurisprudenza Franċiża tiddeduċi li l-persuna ġuridika li tressaq proċedimenti ta’ kontravvenzjoni hija, fil-prattika, meħlusa mill-obbligu li tipprovdi s-sensiela sħiħa ta’ kuntratti ta’ trasferiment mill-awtur, persuna fiżika u detentur inizjali tad-dritt, sal-aħħar detentur, filwaqt li l-persuna li twettaq il-kontravvenzjoni b’ebda mod ma tista’ tinvoka fid-difiża tagħha li ma ġietx prodotta s-sensiela ta’ kuntratti ta’ trasferiment. Id-dritt Belġjan jadotta soluzzjoni simili ħafna peress li jikkunsidra li l-benefiċċju tal-preżunzjoni stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati (Moniteur belge tas-27 ta’ Lulju 1994, p. 19297, iktar ’il quddiem il-“Liġi Belġjana dwar id-dritt tal-awtur”), li jipprovdi li “hija preżunta li hija l-awtur, sakemm ma tiġix prodotta prova kuntrarja, dik il-persuna li tidher bħala tali fuq ix-xogħol, minħabba l-indikazzjoni ta’ isimha jew minħabba sinjal li jippermetti li tiġi identifikata”, jista’ jiġi invokat minn persuna ġuridika li isimha tqiegħed fuq ix-xogħol. Id-dritt Komunitarju jistabbilixxi l-istess preżunzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-preżunzjoni li persuna hija l-awtur jew is-sid [detentriċi tad-dritt”], jindika:

“Bl-għan li jiġu applikati l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji pprovduti f’din id-Direttiva,

(a)      għall-awtur tax-xogħol letterarju jew artistiku, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, għandu jkun meqjus detentur, u konsegwentement ikun intitolat biex jistabbilixxi proċeduri ta’ kontravvenzjoni, ikun suffiċjenti li jidher ismu/isimha fuq il-biċċa xogħol bil-mod tas-soltu;

b)      id-dispożizzjoni taħt (a) għandha tapplika mutatis mutandis għad-detenturi tad-drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fir-rigward tal-materja dwar s-suġġett protetta tagħha.”

164    Għalhekk, sakemm il-Kummissjoni ma tipprovax li Systran ma hijiex id-detentriċi, il-kawża mressqa minn din tal-aħħar għandha titqies li tressqet kif suppost. Issa, sa dan l-istadju l-Kummissjoni sempliċement ipprovat taqleb l-oneru tal-prova fuq ir-rikorrenti u sa minn issa jista’ jingħad li l-Kummissjoni ma ressqitx din il-prova, u dan peress li ma huwiex ikkontestat li Systran tesplojta x-xogħol inkwistjoni u peress li l-Kummissjoni dejjem irrikonoxxiet dan. Il-persuna ġuridika li tesplojta xogħol hija għalhekk preżunta li hija d-detentriċi tad-drittijiet, u dan jippermettilha taġixxi kontra terzi li jwettqu atti ta’ kontravvenzjoni. Din il-preżunzjoni tapplika irrispettivament min-natura tax-xogħol inkwistjoni jew min-numru ta’ persuni li jkunu ħolqu x-xogħol. Huma importanti biss l-atti ta’ esplojtazzjoni mwettqa minn min jiftaħ il-kawża, sakemm dawn ma jiġux ikkontestati mill-parti jew partijiet l-oħra. Il-professur Sirinelli jippreċiża li teżisti “verament regola sostantiva li tipprovdi li min jesplojta xogħol jistħoqqlu protezzjoni għas-sempliċi raġuni li jwettaq din l-esplojtazzjoni”. Issa, ma hemm ebda dubju dwar il-pussess tal-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran minn Systran: Systran tat liċenzji fir-rigward ta’ din il-verżjoni tas-softwer Systran Unix lis-siti tal-internet prinċipali li jservu ta’ portals u tikkummerċjalizzaha ma’ diversi impriżi multinazzjonali, ma’ ħwienet kbar u f’katalogi ta’ bejgħ b’korrispondenza. Systran hija wkoll detentriċi tat-trade marks SYSTRAN u tal-ismijiet ta’ domain “systran”, li hija tesplojta mad-dinja kollha. Diversi artikli jew reklami jixhdu wkoll il-pussess affermat u muri pubblikament mill-grupp Systran. Ir-rikorrenti jinvokaw b’mod partikolari l-għoti lil Systran tal-“European IST Prize” f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-2005 mill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mis-soċjetà tal-informatika. Il-grupp Systran, li jaġixxi bħala possessur kemm tax-xogħol u tal-isem tiegħu, għandu għalhekk dritt li jaġixxi kontra min iwettaq kontravvenzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, is-softwer użat mill-Kummissjoni huwa identifikat bl-isem “EC-Systran Unix”, ħaġa din li tippermetti li jiġi stabbilit ir-rwol ta’ Systran f’dan ir-rigward.

165    Minkejja l-argumenti preċedenti u sabiex jiġi ċċarat kull dubju eventwali, ir-rikorrenti jixtiequ juru, għal finijiet ta’ kompletezza, li l-grupp Systran huwa d-detentur inkontestabbli tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq il-verżjonijiet Systran Mainframe u Systran Unix tas-softwer Systran, u li huwa storikament rikonoxxut bħala tali mill-Kummissjoni.

166    Fir-rigward tal-verżjoni Systran Mainframe, ir-rikorrenti jsostnu li l-grupp Systran huwa detentur tad-drittijiet fuq din il-verżjoni minħabba li kisibhom mingħand il-kumpannija Gachot, li kienet kisbet id-drittijiet tas-Sur Toma, l-inventur u l-awtur tas-softwer inizjali, u tal-kumpanniji li kienu jesplojtaw dan is-softwer. Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkontestat li Systran hija detentriċi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq il-verżjonijiet kollha tas-softwer Systran Mainframe, inkluża l-verżjoni EC-Systran Mainframe. Fil-fatt, it-trasferiment u t-trażmissjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jistgħu jsiru biss bil-miktub u, f’każ ta’ dubju, jiġu interpretati dejjem favur l-awtur skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni restrittiva. Issa, filwaqt li ntwera li Systran kienet akkwistat id-drittijiet tal-awtur stess tas-softwer, is-Sur Toma, hija qatt ma ttrasferiethom lill-Kummissjoni, minkejja li l-kuntratti li din tal-aħħar qiegħda tinvoka bis-sempliċi għan li tipprova taħbi l-fatt li hija wettqet kontravvenzjoni. Ir-rikorrenti ma jistgħux jifhmu għalfejn il-Kummissjoni qiegħda tinvoka kuntratti li jikkonċernaw l-użu tas-softwer, konklużi ma’ kumpanniji terzi, liema kuntratti ma jistgħux jiġu invokati kontra Systran u li għalhekk ma jistgħu jimplikaw ebda trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali favur il-Kummissjoni. Fir-rigward tal-kuntratti konklużi ma’ Systran, jew mal-kumpanniji li hija s-suċċessura tagħhom, dawn huma biss kuntratti ta’ liċenzja ta’ użu jew ta’ provvista ta’ servizzi. Ebda kuntratt ma jimplika t-trasferiment, l-għoti jew it-trażmissjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali favur il-Kummissjoni.

167    Pereżempju, il-kuntratt inizjali jagħti lill-Kummissjoni biss dritt ta’ użu (Artikolu 4), kemm fir-rigward tas-sistema eżistenti u kif ukoll fir-rigward tal-eventwali żviluppi ġodda. Fil-fatt, skont id-dritt Lussemburgiż applikabbli għal dan il-kuntratt, li huwa konformi fuq dan il-punt mad-dritt Franċiż u mad-dritt Belġjan, it-trasferiment u t-trażmissjoni ta’ drittijiet patrimonjali għandhom jiġu pprovati, fir-rigward tal-awtur, bil-miktub, u għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv favurih. Issa, dan il-kuntratt ma fih ebda klawżola li tista’, b’xi mod jew ieħor, tiġi interpretata bħala trasferiment ta’ drittijiet. Għaldaqstant, dan il-kuntratt ma jagħti lil Kummissjoni ebda dritt ta’ proprjetà intellettwali fuq is-softwer Systran, inkluż fil-verżjoni EC-Systran Mainframe tiegħu, bl-eċċezzjoni tad-dizzjunarji żviluppati mill-Kummissjoni.

168    Bl-istess mod, il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni ma jipprevedi ebda trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali favur il-Kummissjoni. Dan il-kuntratt jidher li kien ta’ importanza partikolari għall-Kummissjoni minkejja li xoljietu hija stess fl-1991. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, li f’dan il-kuntratt tara l-oriġini tal-allegati drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha fuq is-softwer Systran Mainframe, dan il-kuntratt jistipula li l-Kummissjoni kellha tibbenefika minn liċenzja ta’ użu u dan il-kuntratt mhux talli ma jittrasferixxi ebda dritt ta’ natura jew oħra, iżda jippreċiża li d-drittijiet ta’ kull waħda mill-partijiet fid-data tal-iffirmar tal-kuntratti kellhom jinżammu u jiġu protetti. Il-preżentazzjoni preliminari ta’ dan il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni fil-fatt tindika:

“2.      Fit-22 ta’ Settembru 1975, il-Kummissjoni kkonkludiet mal-kumpannija WTC kuntratt dwar l-użu tas-sistema Systran mill-Kummissjoni u dwar l-iżvilupp inizjali ta’ din is-sistema minn WTC.

[...]

5.      Il-partijiet għalhekk jikkonstataw li l-Kummissjoni għandha liċenzja sabiex tuża s-sistema bażika [...]”

169    L-Artikolu 4 tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni jfakkar ukoll li d-drittijiet ta’ kull waħda mill-partijiet fid-data tal-iffirmar huma miżmuma. Issa, il-Kummissjoni ma kellhiex drittijiet fuq is-softwer Systran Mainframe. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tista’ tinvoka ebda trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq is-softwer Systran Mainframe favur tagħha, u dan minkejja li huma rikonoxxuti d-drittijiet tagħha fuq id-dizzjunarji żviluppati minnha (paragrafu 6 tal-preżentazzjoni preliminari tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni). Dawn id-drittijiet b’ebda mod ma jippreġudikaw il-kwalità ta’ awtur ta’ Systran, u lanqas ma jippreġudikaw id-drittijiet ta’ Systran fuq is-softwer Systran Mainframe (jew il-verżjoni EC-Systran Mainframe) u b’mod partikolari fuq il-kernel tiegħu. L-Anness I tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni jirrikonoxxi espressament il-kwalità ta’ awtur ta’ WTC, Gachot u Systran. Taħt dan il-kuntratt, kif ukoll taħt il-parti l-kbira tal-kuntratti, il-Kummissjoni ngħatat id-dritt li tuża u li tagħti liċenzji, fit-territorju Komunitarju biss, fir-rigward tas-softwer fil-verżjoni l-iktar żviluppata tiegħu (ara l-Artikolu 5 tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni li jsemmi espressament li l-Kummissjoni għandha d-“dritt ta’ użu”). Huwa inutli li l-Kummissjoni tinvoka l-klawżola ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni. F’dan il-każ ukoll, anki skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt dwar l-obbligi applikabbli fil-Komunità kollha, il-klawżoli kuntrattwali ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jmur lil hinn minn dak li jistipulaw. L-istruttura tal-klawżola inkwistjoni hija ċara: id-dritt ta’ użu kellu jkun iggarantit kif stipulat fl-Artikolu 5 għal tliet snin. Matul dawn it-tliet snin, il-Kummissjoni setgħet tagħmel żviluppi u/jew titjib (Artikolu 4 tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni). Wara dawn it-tliet snin, il-Kummissjoni setgħet tuża s-softwer EC-Systran Mainframe fl-istat li jkun intlaħaq f’dik id-data. Għalhekk, fi tmiem dan il-perijodu, il-Kummissjoni seta’ jkollha biss dritt ta’ użu. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni restrittiva tat-trasferimenti ta’ drittijiet patrimonjali, anki taħt id-dritt tal-Belġju, tippermetti li jingħad li l-Kummissjoni ma kisbet ebda dritt ta’ proprjetà intellettwali fuq is-softwer Systran Mainframe fi tmiem il-kuntratt ta’ kollaborazzjoni.

170    Għalhekk, ma kien hemm ebda trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali favur il-Kummissjoni, la fuq is-softwer Systran Mainframe, la fuq l-idea u l-kitba oriġinali li fuqhom huwa bbażat is-softwer, la fuq il-materjal ta’ disinn preparatorju, la fuq l-istrutturi tad-data u wisq inqas fuq il-kernel. Ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-argumenti esposti iktar ’il fuq, intiżi sabiex jiġi stabbilit li Systran hija d-detentriċi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq il-verżjoni Systran Mainframe tas-softwer Systran, għandhom biss l-għan li jwieġbu għall-argumenti tal-Kummissjoni li huma irrilevanti għall-eżitu tal-kawża sa fejn il-kontravvenzjoni tikkonċerna l-verżjoni Systran Unix u mhux il-verżjoni Systran Mainframe.

171    Fir-rigward tal-verżjoni Systran Unix, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tista’ tinvoka ebda dritt ta’ proprjetà intellettwali fuq din il-verżjoni tas-softwer Systran. Fil-fatt, il-verżjoni Systran Unix inħolqot, fuq talba ta’ Systran, mill-kumpannija 100 % sussidjarja tagħha, Systran Software (risposta ta’ Systran għas-sejħa għal offerti). Il-verżjoni Systran Unix hija verżjoni ġdida tas-softwer Systran, u hija differenti mill-verżjoni Systran Mainframe li kien għadda żmienha. Dejjem skont ir-rikorrenti, il-grupp Systran huwa d-detentur esklużiv tad-drittijiet fuq il-verżjoni Systran Mainframe u fuq il-kernel tagħha u għandu, fil-kwalità tiegħu bħala l-promotur tal-verżjoni Systran Unix, pussess sħiħ ta’ dan is-softwer il-ġdid u tal-kernel tiegħu, kif intwera mill-professur Sirinelli.

172    Kien biss wara l-ħolqien u l-kummerċjalizzazzjoni tas-softwer il-ġdid Systran Unix li l-kuntratti ta’ migrazzjoni ġew konklużi minn Systran Luxembourg mal-Kummissjoni. Dawn il-kuntratti kienu jipprovdu għas-sostituzzjoni tal-verżjoni EC-Systran Mainframe bil-verżjoni Systran Unix, li l-oriġinalità u n-natura ġdida tagħha kienu ġew dimostrati, u għall-migrazzjoni tad-dizzjunarji tal-Kummissjoni sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw taħt din il-verżjoni l-ġdida. Dan jirriżulta barra minn hekk mir-rapport Bitan, sa fejn il-verżjoni EC-Systran Unix għandha l-istess kernel bħals-softwer Systran Unix, fejn iż-żewġ kernels għandhom xebh ta’ 85 %. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-verżjoni EC-Systran Unix hija biss sempliċi verżjoni tas-softwer Systran Unix li tinkludi d-dizzjunarji żviluppati mill-Kummissjoni, li kienu s-suġġett ta’ migrazzjoni fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ migrazzjoni u ma rriżultawx minn migrazzjoni tas-softwer EC-Systran Mainframe li kien għadda żmienu. Għalhekk il-Kummissjoni għandha drittijiet fuq id-dizzjunarji li hija żviluppat iżda ma għandha ebda dritt fuq is-softwer Systran Unix, li kien jeżisti qabel il-kuntratti ta’ migrazzjoni.

173    Barra minn hekk, dawn il-kuntratti, l-istess bħall-kuntratti preċedenti, ma jimplikaw ebda trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tas-softwer Systran Unix favur il-Kummissjoni. Barra minn hekk, dawn ġew konklużi ma’ Systran Luxembourg, li ma għandha ebda dritt fuq is-softwer Systran Unix, u mhux ma’ Systran, li hija d-detentriċi esklużiva ta’ dawn id-drittijiet. Fl-istess ħin, dawn il-kuntratti jipprovdu espressament għall-ħarsien tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali preeżistenti, inklużi ovvjament id-drittijiet tal-awtur ta’ Systran fuq is-softwer Unix. Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni għandha raġun fir-rigward tal-migrazzjoni tal-verżjoni EC-Systran Mainframe, il-Kummissjoni tgawdi minn dritt derivat li f’ebda każ ma jippermettilha timmodifika s-softwer EC-Systran Unix mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ Systran. Għalhekk, anki f’tali ipoteżi, il-Kummissjoni wettqet kontravvenzjoni meta wettqet jew ikkummissjonat ix-xogħlijiet previsti fis-sejħa għal offerti.

174    Ir-rikorrenti jħossuhom sorpriżi u xxokkjati mill-pożizzjoni tal-Kummissjoni, l-ewwel nett, minħabba li l-istituzzjonijiet jippreżentaw il-ġlieda kontra l-kontravvenzjoni bħala suġġett importanti u ta’ prijorità, filwaqt li implementaw kull forma ta’ inizjattivi, miżuri u regolamenti bl-intenzjoni li din il-problema tiġi miġġielda b’mod effikaċi, u, it-tieni nett, f’dan il-każ, minħabba li l-Kummissjoni minn dejjem kienet taf perfettament li l-grupp Systran kien mingħajr ebda dubju d-detentur tad-drittijiet fuq is-softwer Systran, u b’mod partikolari fuq is-softwer Systran Unix. Hija b’hekk ikkonkludiet diversi kuntratti ta’ liċenzji li juru li hija kienet konvinta li Systran kienet id-detentriċi tad-drittijiet. Barra minn hekk, hija kienet dejjem informata li Systran kienet id-detentriċi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kemm fuq is-softwer Systran Mainframe u kif ukoll fuq is-softwer Systran Unix, u dwar il-preeżistenza ta’ dan tal-aħħar, kif jirriżulta:

–        mill-iskambju ta’ ittri tas-27 ta’ Jannar u tal-5 ta’ Frar 1987 bejn id-Direttur tad-DĠ “Telekomunikazzjoni, industrija tal-informatika u innovazzjoni” u s-Sur Gachot;

–        mir-rapport tal-4 ta’ Mejju 1998 li jenfasizza n-natura innovattiva tas-softwer Systran Unix żviluppat minn Systran; fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kernel, ir-rapport tal-4 ta’ Mejju 1998 jippreċiża li “[i]l-programmi tas-sistema kollha nħolqu jew ġew miktuba mill-ġdid bil-lingwa C”;

–        mir-risposta għas-sejħa għal offerti miftuħa mill-Kummissjoni fl-1997 fid-dawl tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ migrazzjoni li turi li l-Kummissjoni kienet informata perfettament dwar l-oriġini tad-drittijiet ta’ Systran, drittijiet li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta f’dak iż-żmien, u dwar il-fatt li Systran Unix kienet diġà teżisti.

175    Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet diversi drabi l-proprjetà ta’ Systran kemm fuq il-verżjoni Systran Mainframe u kemm fuq il-verżjoni Systran Unix, kif ukoll il-preeżistenza ta’ din tal-aħħar fil-konfront tal-verżjoni EC-Systran Unix, kif jirriżulta:

–        mill-faks mibgħuta lill-kumpannija Gachot fil-5 ta’ Marzu 1987 fejn il-Kummissjoni kitbet:

“Il-grupp Systran huwa l-proprjetarju tal-programmi bażiċi, u d-drittijiet ta’ użu tal-Kummissjoni dwar id-disa’ [kombinazzjonijiet] ta’ lingwi tagħha jkopru biss l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-awtoritajiet uffiċjali tal-Istati Membri. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni hija l-proprjetarja tal-lessiċi li ilha taġġorna mill-1975”;

–        mir-rapport tas-Sur Carpentier lill-Kumitat konsultattiv dwar akkwisti u kuntratti;

–        mir-rapport ta’ J. Beaven, li jipprova li s-softwer Systran Unix huwa preeżistenti għall-verżjoni EC-Systran Unix u li l-Kummissjoni xtaqet iġġedded ir-relazzjonijiet kummerċjali ma’ Systran sabiex tibbenefika mit-tiġdid introdott permezz tas-softwer Systran Unix u sabiex ma tibqax b’sistema tal-informatika antikwata;

–        mill-anness tekniku tal-Anness II tat-tieni, it-tielet u r-raba’ kuntratti ta’ migrazzjoni, li jistabbilixxi l-approċċ ġenerali tal-migrazzjoni u li juri li l-Kummissjoni kienet taf li s-softwer Systran Unix kien preeżistenti u li kien dan is-softwer li ppermetta t-tfassil tal-verżjoni EC-Systran Unix;

–        mit-tranżazzjoni ma’ Systran konkluża mill-Kummissjoni u li dwarha għandha ssir insistenza: l-ewwel nett, il-Kummissjoni, bi ksur tal-kuntratt inizjali sa fejn ma għamlet ebda ħlas lil Systran kif madankollu kellha l-obbligu tagħmel, qieset li kien neċessarju li tavviċina lil Systran u li tikkonkludi magħha tranżazzjoni li mmaterjalizzat permezz ta’ skambju ta’ ittri bid-data tad-19 u t-22 ta’ Diċembru 1997 li fihom id-Direttur Ġenerali tad-DĠT jippreċiża li dak li kien qiegħed isir kien li “jinstilet kemm jista’ jkun valur mix-xogħol investit fl-aħħar 20 sena mill-Kummissjoni fit-tfassil ta’ dizzjunarji speċjalment adattati għal-lingwa amministrattiva u teknika tad-dokumenti tal-Kummissjoni”; huwa biss dan ix-xogħol imwettaq matul l-20 sena ta’ qabel li jista’ jiġi invokat mill-Kummissjoni peress li ma għandha ebda drittijiet fuq is-softwer Systran Mainframe fih innifsu; it-tieni nett, id-Direttur Ġenerali tad-DĠT jitlob lil Systran sabiex tidħol f’impenn li “ma tressaq ebda pretensjoni finanzjarja fuq il-bażi tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi bejn il-grupp Systran u l-Kummissjoni”; issa, fil-fatt, il-pretensjonijiet finanzjarji ta’ Systran kienu jikkonsistu, f’dak iż-żmien, fil-ħlasijiet dovuti fir-rigward tad-dritt tal-awtur tagħha fuq il-verżjonijiet Systran Mainframe; it-tielet nett, id-Direttur Ġenerali tad-DĠT saħansitra talab l-awtorizzazzjoni sabiex jintuża l-isem Systran, b’tali mod li rrikonoxxa l-kwalità ta’ Systran bħala l-awtur; Systran tat il-kunsens tagħha lill-Kummissjoni għall-użu tal-isem Systran għas-“sistema ta’ traduzzjoni awtomatika li tirriżulta mis-sistema Systran oriġinali”, ikkonfermat il-qbil tagħha mal-użu mill-Kummissjoni tas-softwer tagħha, irrinunzjat għat-talbiet finanzjarji dwar il-ksur tal-kuntratti preċedenti u ppreċiżat:

“[B]ħala prinċipju, aħna ma għandna xejn kontra l-pubblikazzjoni ta’ ċerti partijiet mid-dizzjunarji tal-verżjoni Systran użata mill-Kummissjoni. Madankollu, għandu jiġi żgurat li partijiet mis-sistema Systran li huma protetti ma jiġux żvelati b’mod pubbliku.”

176    Ir-rikorrenti għalhekk isostnu li l-Kummissjoni ma tistax attwalment tippretendi li ma kinitx taf il-portata tad-drittijiet tagħha u li hija taf b’mod ċert li hija qatt ma kienet ingħatat awtorizzazzjoni sabiex timmodifika s-softwer Systran Unix, u b’mod partikolari l-kernel tiegħu. Issa, kull modifika mwettqa mingħajr awtorizzazzjoni hija kontravvenzjoni, sa fejn ir-regola f’dan il-qasam hija li tali modifika hija pprojbita, u mhux bil-kontra.

177    Il-Kummissjoni tenfasizza li l-protezzjoni tas-softwer hija żgurata fl-Istati Membri kollha permezz ta’ liġijiet dwar id-dritt tal-awtur. Hija tirreferi għas-sitwazzjoni fil-Belġju, fejn huma l-Liġi Belġjana dwar il-programmi tal-kompjuter u l-Liġi Belġjana dwar id-dritt tal-awtur li jiżguraw din il-protezzjoni, u għas-sitwazzjoni fil-Lussemburgu, fejn din il-protezzjoni hija żgurata mil-Liġi tal-24 ta’ April 1995 li temenda l-Liġi tad-29 ta’ Marzu 1972 dwar id-dritt tal-awtur fir-rigward tal-protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter (Mémorial A 1995, p. 944, iktar ’il quddiem il-“Liġi Lussemburgiża dwar il-programmi tal-kompjuter”), mil-Liġi tat-8 ta’ Settembru 1997 li temenda l-Liġi emendata tad-29 ta’ Marzu 1972 dwar id-dritt tal-awtur (Mémorial A 1997, p. 2662), u mil-Liġi Lussemburgiża dwar id-drittijiet tal-awtur.

178    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li ma teżisti ebda prova tad-drittijiet invokati minn Systran fuq is-softwer Systran. F’dan il-każ, ir-rikorrenti naqsu milli jispjegaw kif kisbu d-drittijiet li allegatament huma d-detenturi tagħhom.

179    Fir-rigward tal-verżjonijiet Systran Mainframe u EC-Systran Mainframe, il-Kummissjoni tosserva li r-rikorrenti jsostnu li l-awtur tas-softwer Systran huwa identifikat b’mod ċar fil-kuntratt inizjali bħala WTC; li r-rikorrenti jallegaw li, lejn l-aħħar tas-snin 80, fil-kuntest ta’ kontribuzzjoni parzjali ta’ assi, Systran irċeviet l-assi marbuta mal-fergħa sħiħa ta’ attività “Traduzzjoni awtomatika” tal-kumpannija Gachot, li min-naħa tagħha kienet kisbet id-drittijiet tal-kumpanniji WTC, Latsec, Systran USA u Systran Institut (il-Ġermanja), li kienu ddisinjaw is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran li kienet għadha tissejjaħ “softwer Systran” jew “sistema Sysran”, u li r-rikorrenti jsostnu li l-kuntratti kollha konklużi mal-Kummissjoni bejn l-1975 u l-1987 għaddew fuq u tkomplew minn Systran. Issa, minkejja dawn l-affermazzjonijiet u t-talbiet magħmula mill-Kummissjoni (ara l-ittri mibgħuta lil Systran fil-15 ta’ Frar u fit-28 ta’ April 2005) sabiex Systran tidentifika l-bażi legali u kuntrattwali tal-pretensjonijiet tagħha, ir-rikorrenti u fuq kollox Systran Luxembourg baqgħu ma ressqu ebda prova (ftehim dwar trasferiment ta’ drittijiet, etc) li huma kienu verament saru d-detenturi tad-drittijiet li huma qegħdin jinvokaw il-ksur tagħhom u lanqas ma ppreċiżaw fuq liema territorji u għal kemm żmien huma d-detenturi ta’ dawn id-drittijiet. L-Artikolu 5(c) tal-kuntratt inizjali konkluż ma’ WTC kien jipprovdi li ebda trasferiment ta’ drittijiet jew ta’ obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ma seta’ jseħħ mingħajr il-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tinvoka din id-dispożizzjoni sabiex issostni li hija qatt ma kienet innotifikata minn qabel dwar il-kontribuzzjoni jew dwar it-trasferiment invokati mir-rikorrenti u li hija għalhekk qatt ma tat il-kunsens tagħha għat-trasferiment ta’ WTC lir-rikorrenti.

180    Fir-rigward tal-preżunzjoni li l-kwalità ta’ awtur tappartjeni, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, lill-persuna jew persuni li taħt l-isem tagħha jew tagħhom jiġi żvelat ix-xogħol, il-Kummissjoni tikkontesta l-applikazzjoni tad-dritt Franċiż f’dan ir-rigward. Din il-preżunzjoni, stabbilita permezz tal-Liġi Nru 94-361 fi Franża, ma tapplikax għal dan il-każ u hija s-suġġett ta’ kritika fid-duttrina Belġjana u dik Franċiża. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li din il-preżunzjoni tapplika biss sakemm tingħata prova kuntrarja u li huwa evidenti li hija għelbet din il-preżunzjoni fir-rigward tal-verżjoni EC-Systran Unix minħabba li din il-verżjoni ma hijiex ikkummerċjalizzata f’imballaġġ li juri l-isem tal-awtur u li din il-verżjoni hija xi drabi msejħa “Commission’s MT system” jew “ECMT”.

181    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-relazzjonijiet kuntrattwali li kien hemm bejn il-partijiet għandhom jitqiesu bħala suċċessjoni ta’ “kuntratti ta’ ordni” intiżi li jagħtuha l-proprjetà fuq il-verżjonijiet EC-Systran Mainframe u EC-Systran Unix mingħajr ma l-grupp Systran jista’ jinvoka drittijiet f’dan ir-rigward. Fid-diversi kuntratti konklużi bejn il-partijiet mill-1975 ’il quddiem, il-kumpanniji tal-grupp Systran ġeneralment intrabtu li joħolqu għall-Kummissjoni l-elementi kollha, jew uħud minnhom, tal-programm EC-Systran li jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi maħluqa mill-attività tal-Kummissjoni, kemm fir-rigward tal-verżjoni EC-Systran Mainframe u kemm fir-rigward tal-verżjoni EC-Systran Unix. F’dan id-dawl, Systran naqset milli tipprova li hija kisbet id-drittjiet fuq il-programmi żviluppati b’dan il-mod għall-Kummissjoni. Dawn il-programmi, fid-dawl tan-natura tagħhom, inħolqu u ġew żviluppati minn persuni fiżiċi. Sabiex Systran tkun tista’ tallega li għandha drittijiet fuqhom, hija għandha tistabbilixxi li hija akkwistathom mingħand min ħoloq il-programmi. Dwar dan il-punt il-Kummissjoni tindika li mil-leġiżlazzjoni Belġjana, invokata minn Systran, jirriżulta li programm tal-kompjuter ma jkunx akkwistat mingħand l-awtur tiegħu, lanqas minn min ikun ta l-ordni, ħlief jekk dan it-trasferiment ikun is-suġġett ta’ ftehim bil-miktub. Dan jirriżulta wkoll mil-Liġi Lussemburgiża dwar id-drittijiet tal-awtur. Il-Liġi Belġjana dwar il-programmi tal-kompjuter tistabbilixxi dispożizzjoni waħda biss li tippermetti deroga mis-sistema ġenerali stabbilita fl-Artikolu 3 tal-Liġi Belġjana dwar id-dritt tal-awtur (li, bħal-Liġi Lussemburgiża, jeżiġi ftehim bil-miktub minn min ikun ħoloq il-programm). Din l-eċċezzjoni tirreferi għall-każ fejn il-programm ikun inħoloq minn impjegat jew membru tal-persunal. F’dan il-każ hija prevista preżunzjoni ta’ trasferiment tad-drittijiet patrimonjali favur min iħaddem, sakemm ma jkunx hemm ftehim kuntrattwali jew statutorju kuntrarju. Bl-eċċezzjoni ta’ dan il-każ, li ma huwiex stabbilit mir-rikorrenti, il-“kuntratt ta’ ordni” li bih persuna tqabbad lil persuna oħra, li ma tkunx suġġetta għaliha, sabiex toħloq programm tal-kompjuter sħiħ, jew parti minnu, jibqa’ għalhekk suġġett għar-regoli msemmija iktar ’il fuq tal-Liġi Belġjana dwar id-dritt tal-awtur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, fid-dritt Belġjan, ir-rikorrenti, persuni ġuridiċi, ma jistgħux jitqiesu li huma l-awturi. Fil-fatt, id-detentur inizjali tad-dritt tal-awtur huwa l-persuna fiżika li ħolqot ix-xogħol u, fil-Belġju, id-dritt tal-awtur jista’ jinħoloq biss favur persuna fiżika. Filwaqt li tinvoka l-ġurisprudenza Belġjana, il-Kummissjoni tenfasizza li l-persuni ġuridiċi għandhom jistabbilixxu mingħand liema persuni u b’liema mod kisbu d-drittijiet (sentenza tal-cour d’appel de Gand tas-27 ta’ Ottubru 1993, Ing. Cons., 1993, p. 366). Il-Kummissjoni tallega li r-rikorrenti ma jispjegawx kif huma jistgħu, bħala persuni ġuridiċi, jinvokaw drittijiet fuq il-verżjoni Systran Unix jew fuq il-verżjoni EC-Systran Unix li hija dderivata minnha.

182    Sussidjarjament, anki jekk jitqies li r-rikorrenti huma detenturi ta’ ċerti drittijiet fuq is-softwer Systran, il-Kummissjoni ssostni fi kwalunkwe każ li hija hija wkoll detentriċi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali neċessarji għall-atti mwettqa minnha meta afdat ċerti xogħlijiet li jikkonċernaw lill-verżjoni EC-Systran Mainframe lil terzi. Dwar dan il-punt hija tirreferi għall-kontenut tal-kuntratt inizjali, għall-protokoll ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni teknika, għall-kuntratt ta’ kollaborazzjoni, li jikkonċernaw il-verżjoni EC-Systran Mainframe, u għall-kuntratti ta’ migrazzjoni konklużi ma’ Systran Luxembourg bejn l-1998 u l-2002 dwar il-verżjoni EC-Systran Unix. Dawn il-kuntratti jippermettu lill-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li ebda dritt ta’ proprjetà intellettwali dwar il-verżjoni Systran Unix ma kien ittrasferit lilha.

183    Sabiex tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-allegata kważi-identità bejn il-verżjoni Systran Unix u l-verżjoni EC-Systran Unix tas-softwer Systran tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-użu mhux awtorizzat mill-Kummissjoni tas-softwer Systran jikkostitwixxi att ta’ kontravvenzjoni u għaldaqstant aġir illegali, il-Kummissjoni ssostni l-eżistenza ta’ diversi drittijiet.

184    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tallega li hija d-detentriċi ta’ drittijiet ta’ proprjetà fuq l-iżviluppi u t-titjib tas-softwer Systran iffinanzjati mis-servizzi tagħha, irrispettivament mill-parti tas-sistema inkwistjoni (kernel, programmi lingwistiċi u dizzjunarji). Barra minn hekk, hija għandha dritt ta’ proprjetà esklużiv fuq il-lessiċi u d-dizzjunarji li hija żviluppat u tejbet għall-ħtiġijiet partikolari tagħha [ara l-Artikolu 4(a) tal-kuntratt inizjali, l-Artikolu 4 tal-protokoll ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni teknika, il-paragrafu 6 tal-preżentazzjoni preliminari tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni u l-Artikolu 4 tal-kuntratt imsemmi, kif ukoll l-Anness I tiegħu li jippreċiża li “[f]ilwaqt li l-Kummissjoni minn dejjem kienet il-proprjetarja tal-lessiċi u ta’ komponenti oħra li hija żviluppat għad-diversi verżjonijiet ta’ Systran, id-drittijiet ta’ proprjetà fuq is-softwer bażiku kienu diviżi bejn diversi kumpanniji”]. Il-Kummissjoni tenfasizza li d-diversi żviluppi speċifiċi mwettqa sabiex issir il-migrazzjoni mis-sistema Mainframe lejn is-sistemi Unix huma l-proprjetà tal-Kummissjoni [ara l-Artikolu 13(2) tal-kuntratti ta’ migrazzjoni u l-Appendiċi 2 tal-Anness tal-klawżola addizzjonali Nru 4 tal-ewwel kuntratt ta’ migrazzjoni].

185    It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li hija d-detentriċi ta’ drittijiet ta’ użu. F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni, li ma ħolqitx is-softwer Systran inizjali, ma tista’ tkun id-detentriċi ta’ ebda dritt marbut ma’ dan is-softwer jew ma’ kwalunkwe żvilupp li jkun sar, mingħajr awtorizzazzjoni, abbażi tas-softwer Systran, tmur kontra l-Artikolu 13 tal-kuntratti ta’ migrazzjoni. F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni li r-rikorrenti jagħmlu tar-restrizzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri “ħlief fil-każijiet fejn diġà jeżistu drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew intellettwali”, tinsab f’kontradizzjoni mal-prinċipju ta’ interpretazzjoni in bona fide tal-ftehim. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-kuntratti ta’ migrazzjoni minn naħa, jenfasizzaw id-differenza bejn is-sistema Systran ikkummerċjalizzata mill-grupp Systran u l-verżjonijiet EC-Systran użati mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, jipprovdi espressament li s-sistema msejħa “sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni” kellha fil-fatt tibqa’ l-proprjetà tal-Kummissjoni flimkien mal-komponenti kollha tagħha, irrispettivament minn jekk jiġux immodifikati matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Għalhekk, ir-restrizzjoni li tipprovdi li dawn id-drittijiet huma “bla ħsara għad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali jew intellettwali diġà eżistenti” ma tistax tinftiehem bħala protezzjoni tal-istatus quo ante prevalenti qabel it-tmiem tal-migrazzjoni tas-sistema u teskludi kull akkwist mir-rikorrenti ta’ drittijiet fir-rigward tal-verżjoni EC-Systran Unix permezz tal-migrazzjoni. Dan l-impenn, konkluż ma’ Systran Luxembourg, li hija l-firmatarja fuq il-kuntratti ta’ migrazzjoni, jista’ jiġi estiz għal Systran sa fejn, f’ittra ta’ impenn tat-12 ta’ Marzu 2001 (Anness V tar-raba’ kuntratt ta’ migrazzjoni), din il-kumpannija ggarantiet l-eżekuzzjoni tat-totalità tar-raba’ kuntratt ta’ migrazzjoni mis-sussidjarja tagħha Systran Luxembourg.

186    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li mill-kuntratti msemmija iktar ’il fuq, u saħansitra anki mill-kuntratt inizjali tat-22 ta’ Settembru 1975, jirriżulta li l-intenzjoni tal-partijiet kienet li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni s-sistema ta’ traduzzjoni Systran u li hija jkollha drittijiet ta’ proprjetà jew fi kwalunkwe każ ta’ użu fuq il-verżjonijiet EC-Systran. Fil-fatt, dawn il-verżjonijiet tas-softwer Systran ġew żviluppati bi spejjeż tal-Kummissjoni (b’budget ta’ madwar EUR 45 miljun, li madwar EUR 14 miljun minnhom kienu ngħataw lill-kumpanniji tal-grupp Systran) u barra minn hekk setgħu jiġu żviluppati b’mod awtonomu minnha. Ma jeżisti ebda dubju dwar il-possibbiltajiet ta’ użu tas-softwer Systran mill-Komunità fis-settur pubbliku, fis-sens wiesa’ tal-kelma, fit-territorju tal-Komunità. Barra minn hekk, il-kuntratt inizjali kien diġà jipprovdi li l-Komunità setgħet tuża s-sistema għal kull skop, u għaldaqstant anki barra mit-territorju tal-Komunità, inkluż fis-settur privat, billi jsir ħlas addizzjonali lil WTC. Skont il-Kummissjoni, il-“filosofija” wara din is-soluzzjoni kienet il-kunsiderazzjoni li WTC, li kienet żviluppat is-sistema, u li kienet tista’ tużaha wkoll hija stess, kienet kisbet, wara diversi kuntratti, remunerazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-Komunità kienet kisbet id-dritt li tiddisponi mis-sistema kif jidhrilha, u għalhekk inkluż id-dritt ta’ proprjetà.

187    Il-Kummissjoni tammetti li din is-soluzzjoni ma hijiex prevista espressament bħala tali fil-kuntratt ta’ kollaborazzjoni tal-1987 iżda ssostni li dan il-kuntratt jista’ jiġi interpretat biss b’dan il-mod. Fil-fatt, kwalunkwe interpretazzjoni differenti minn dik li tagħti lill-Kummissjoni drittijiet ta’ proprjetà fuq il-verżjoni EC-Systran Mainframe tas-softwer Systran, mingħajr ma r-rikorrenti jistgħu jinvokaw dritt ta’ oppożizzjoni, ma tippermettix li tiġi spjegata l-koerenza bejn l-Artikoli 4, 4a, 5 u 8 ta’ dan il-kuntratt. Skont il-Kummissjoni, dan il-kuntratt jidher għalhekk bħala “soluzzjoni tan-negozju” li tippermetti l-eliminazzjoni ta’ kull diskussjoni bejn il-partijiet dwar il-kwistjonijiet ta’ proprjetà fir-rigward tad-diversi komponenti tas-sistema Systran, inklużi d-dizzjunarji.

188    Fit-tielet lok, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni tuża l-verżjoni EC-Systran Unix tas-softwer Systran f’forma mmodifikata meta mqabbla mal-verżjoni Systran Unix, kif jirriżulta mir-rapport Bitan, ir-rikorrenti ma ressqux il-prova li l-Kummissjoni kisret id-dritt Belġjan jew id-dritt Lussemburgiż. Il-Kummissjoni tinvoka diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan u tad-dritt Lussemburgiż li skonthom huwa possibbli li programm tal-kompjuter jiġi riprodott jew adattat mingħajr il-kunsens tal-awtur tiegħu meta dan ikun meħtieġ sabiex l-utent ikun jista’ juża l-programm b’mod konformi mal-użu intenzjonat tiegħu, inkluż sabiex jiġu kkoreġuti żbalji [ara l-Artikolu 6 tal-Liġi Belġjana dwar il-programmi tal-kompjuter, l-Artikolu 28(4) tal-Liġi Lussemburgiża dwar il-programmi tal-kompjuter, u l-Artikolu 34 tal-Liġi Lussemburgiża dwar id-drittijiet tal-awtur].

189    Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tikkontesta formalment li hija kkomunikat il-kodiċi sors tal-verżjoni EC-Systran Unix lill-kumpannija Gosselies fil-kuntest tax-xogħlijiet li kellhom jitwettqu taħt il-kuntratt kontenzjuż. Għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet magħmula fir-rapport Bitan, ix-xogħlijiet fdati lil din il-kumpannija ma jeħtieġux intervent fil-livell tal-kernel tas-softwer. Wara l-għoti tal-kuntratt kontenzjuż, Gosselies kellha aċċess biss għall-kodiċi sors tal-partijiet lingwistiċi biss tal-verżjoni EC-Systran Unix, partijiet li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha drittijiet ta’ proprjetà esklużivi taħt il-kuntratti konklużi bejn il-partijiet u minħabba l-kontribuzzjoni tas-servizzi tagħha għall-iżvilupp ta’ dawn il-partijiet.

190    Għaldaqstant, għalkemm jeżisti xebh bejn il-verżjoni Systran Unix u l-verżjoni EC-Systran Unix tas-softwer Systran, dan ix-xebh ma jipprovax li l-Kummissjoni wettqet kontravvenzjoni. Il-konklużjonijiet legali li r-rikorrenti jisiltu minn dan ix-xebh ma humiex eżatti. Il-Kummissjoni setgħet perfettament timmodifika jew tadatta s-softwer u tqabbad lil kumpannija terza tadatta jew timmodifika mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tar-rikorrenti.

 Fuq id-drittijiet invokati bħala ‘know-how’

191    Ir-rikorrenti jsostnu li n-‘know-how’ huwa ddefinit bħala “ġabra ta’ informazzjoni teknika li hija sigrieta, sostanzjali u identifikata b’kull metodu adegwat”. Dwar dan il-punt huma jinvokaw id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 240/96, tal-31 ta’ Jannar 1996, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] għal kategoriji ta’ ftehim dwar trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU L 31, p. 2). Ir-rikorrenti jippreċiżaw li minn dan it-test u mill-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri jirriżulta li n-‘know-how’ huwa assi protett jew fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ trasferiment ta’ ‘know-how’ jew ta’ ftehim ta’ kunfidenzjalità, jew fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni fil-każ ta’ żvelar ta’ dan in-‘know-how’ mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tiegħu. F’dan il-każ, ir-rikorrenti jinvokaw in-‘know-how’ li huma għandhom fir-rigward tas-softwer Systran, kemm fir-rigward tal-verżjoni Systran Unix, żviluppata u kkummerċjalizzata mill-grupp Systran, u kemm fir-rigward tal-verżjoni derivata minnha u kważi identika għaliha, EC-Systran Unix, żviluppata minn Systran Luxembourg bl-intenzjoni li tintuża mill-Kummissjoni. Dan in-‘know-how’, li r-rikorrenti jipproteġu u jżommu sigriet, jirriżulta minn ġabra ta’ konoxxenza teknika, konoxxenza tal-informatika u konoxxenza lingwistika li hija kkonkretizzata fil-kernel, fir-rutini lingwistiċi u fid-dizzjunarji, kif ukoll fid-dokumentazzjoni korrispondenti (ara r-rapport Bitan u l-ewwel nota teknika Bitan). Issa, it-twettiq tas-servizzi deskritti fis-sejħa għal offerti ppubblikata mill-Kummissjoni jeħtieġ modifika tal-kodiċi sors tas-softwer Systran u għalhekk jeħtieġ l-iżvelar ta’ dan il-kodiċi sors lill-benefiċjarju tal-kuntratt. Meta afdat it-twettiq ta’ tali kuntratt lil terzi, il-Kummissjoni żvelat in-‘know-how’ ta’ Systran mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha. Dan l-iżvelar jikkostitwixxi nuqqas ta’ natura li jimplika r-responsabbiltà tal-Komunità.

192    Bi tweġiba għall-argument li l-kunċett ta’ ‘know-how’ ma huwiex definit u li n-‘know-how’ ma jistax jiġi protett bħala tali, ir-rikorrenti josservaw li kienet il-Kummissjoni stess li tat definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘know-how’ fir-regolamenti tagħha u li minn dawn it-testi jirriżulta li l-valur tan-‘know-how’ jinsab fil-vantaġġ kunsiderevoli li jista’ jinkiseb bil-komunikazzjoni tiegħu, ħaġa din li timplika li għandu jibqa’ sigriet, li ma għandux ikun magħruf u li għandu jkun impossibbli li jinkiseb. Issa, ma jistax jiġi kkontestat li l-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran hija innovazzjoni kbira mwettqa mill-grupp Systran, verżjoni li tixhed kompetenza teknika reali u l-eżistenza ta’ ‘know-how’ li huwa l-frott tar-riċerka u tal-esperjenza, kif turi l-kitba mill-ġdid bil-lingwa C++ tas-sistema Systran li qabel kienet miktuba bil-lingwa tal-informatika bażika. L-aċċess għal dawn l-elementi jippermetti r-revelazzjoni, b’mod partikolari, tas-sigrieti ta’ fabbrikazzjoni tas-softwer u jippermetti lil kull kumpannija li jkollha aċċess għalihom tiffabbrika softwer kompetitur.

193    Bi tweġiba għall-argumenti fis-sens, minn naħa, li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkumpensa d-dannu invokat minħabba l-iżvelar illegali ta’ ‘know-how’, sa fejn id-dannu għan-‘know-how’ jista’ jiġi rrimedjat biss permezz ta’ azzjoni dwar kompetizzjoni żleali, u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma hijiex negozjant u kompetitriċi tar-rikorrenti iżda istituzzjoni Komunitarja, ir-rikorrenti jsostnu li din l-azzjoni għal kompetizzjoni żleali tibqa’ qabel kollox azzjoni għad-danni fuq bażi mhux kuntrattwali li hija azzjoni bbażata fuq tliet rekwiżiti, jiġifieri nuqqas, dannu u rabta kawżali, li huma sodisfatti f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-ġurisprudenza Franċiża, konformi f’dan ir-rigward mal-ġurisprudenza ta’ numru sostanzjali ta’ pajjiżi Ewropej, ippreċiżat li “is-sempliċi żvelar tan-‘know-how’ barra mill-impriża joħloq dannu, indipendentement mill-użu li seta’ sar minnu” u li “persuna li tikkummissjona xogħol u li tagħti lil subappaltatur il-pjanijiet elaborati minn persuna oħra twettaq nuqqas li jimplika r-responsabbiltà ċivili tagħha” (sentenza tal-Cour d’appel de Paris tal-31 ta’ Mejju 1995; sentenzi tal-Cour de cassation, chambre commerciale, tat-28 ta’ Jannar 1982 u tat-8 ta’ Novembru 1994).

194    Bi tweġiba għall-argument li hija l-Kummissjoni li għandha ‘know-how’ u li hija Systran li approfittat minnu, ir-rikorrenti josservaw li dan l-argument jiżvela l-attitudni tal-Kummissjoni fejn qiegħda tipprova tagħmel tagħha, b’mod illegali, il-verżjonijiet tas-softwer Systran intiżi li jiffunzjonaw fl-ambjent Unix. Skonthom, il-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament diversi drabi n-‘know-how’ ta’ Systran f’dan il-qasam.

195    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-klawżola ta’ kunfidenzjalità prevista għall-għoti tal-kuntratt lill-kumpannija Gosselies, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tistax issostni li hija tista’ tieħu bil-moħbi n-‘know-how’ tal-grupp Systran jekk dan il-ksur jibqa’ kunfidenzjali. Dan ir-raġunament tal-Kummissjoni, li jimplika li persuna li jkollha liċenzja u li ma tkunx ġiet ipprojbita espressament milli twettaq atti ta’ kontravvenzjoni tista’ twettaqhom b’mod liberu mingħajr inkwiet u tista’ tittrażmetti b’mod liberu lil terzi, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, xogħlijiet protetti jekk ikun hemm klawżola ta’ kunfidenzjalità, huwa raġunament assurd.

196    Il-Kummissjoni tosserva li, għalkemm ir-rikorrenti jirreferu għad-definizzjoni tan-‘know-how’ li tinsab fir-Regolament Nru 240/96, huma ma jindikawx il-bażi legali tan-nuqqas li jallegaw fil-konfront tagħha. F’dan ir-rigward hija ssostni li n-‘know-how’ ma huwiex protett, minn tal-inqas bħala tali. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni leġiżlattiva ma tistabbilixxi definizzjoni jew protezzjoni tal-imsemmi ‘know-how’. Skont il-Kummissjoni, il-protezzjoni tan-‘know-how’ hija tradizzjonalment mogħtija biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni żleali. Hija tinvoka dwar dan il-punt, fir-rigward tal-Belġju, il-Liġi tal-14 ta’ Lulju 1991 dwar il-prattiki tal-kummerċ u dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumaturi (Moniteur belge tad-29 ta’ Awwissu 1991, p. 18712) u, fir-rigward tal-Lussemburgu, il-Liġi tas-27 ta’ Novembru 1986 li tirregola ċerti prattiki kummerċjali u li tissanzjona l-kompetizzjoni żleali (Mémorial A 1986, p. 2214) u l-Liġi tat-30 ta’ Lulju 2002 li tirregola ċerti prattiki kummerċjali, li tissanzjona l-kompetizzjoni żleali u li tittrasponi d-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 84/450/KE dwar ir-reklamar qarrieqi sabiex tinkludi r-reklamar komparattiv (Mémorial A 2002, p. 1630). Issa, skont dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni tal-allegat ‘know-how’ tar-rikorrenti taħt il-kompetizzjoni żleali ma jistgħux ikunu sodisfatti sa fejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti ma humiex kompetituri u sa fejn il-Kummissjoni la hija negozjant, la industrijalist u lanqas artiġjan u sa fejn is-sede tal-Kummissjoni jinsab fil-Belġju u mhux fi Franza, b’tali mod li l-liġi Franċiża ma tapplikax.

197    Il-Kummissjoni ssostni li hija qatt ma kellha fil-pussess tagħha l-kodiċi sors tal-verżjoni Systran Unix iżda biss il-kodiċi sors relatat mal-verżjoni EC-Systran Unix, verżjoni li fir-rigward tagħha hija ssostni ċerti drittijiet ta’ proprjetà u drittijiet ta’ użu billi tinvoka d-diversi kuntratti konklużi mal-grupp Systran fir-rigward tal-verżjoni EC-Systran Mainframe u l-migrazzjoni ta’ din il-verżjoni lejn l-ambjent Unix. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-kuntratti li hija kienet ikkonkludiet mal-grupp Systran ma fihomx klawżola ta’ kunfidenzjalità fir-rigward tagħha. Barra minn hekk, ebda wieħed minn dawn il-kuntratti ma jagħmel referenza għall-kontribuzzjoni ta’ ‘know-how’ min-naħa tal-grupp Systran u lanqas għall-protezzjoni ta’ dan in-‘know-how’. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li kemm is-servizzi tagħha u kemm kumpanniji li ma jagħmlux parti mill-grupp Systran iżda li jaħdmu b’kooperazzjoni miegħu kellhom rwol sostanzjali fl-iżvilupp tas-softwer Systran u tal-applikazzjonijiet tiegħu. Ir-rikorrenti għalhekk approfittaw min-‘know-how’ tal-Kummissjoni jew ta’ terzi u setgħu kkummerċjalizzaw il-prodotti tal-Kummissjoni u ta’ dawn it-terzi għall-profitt tagħhom. Il-Kummissjoni tindika li wħud mill-persuni li kienu qegħdin jaħdmu fuq il-verżjoni EC-Systran Unix għall-kumpannija Gosselies kienu qabel ħadmu mal-kumpannija Telindus u mbagħad ma’ Systran Luxembourg. Il-kumpannija Telindus, li Systran kienet issieħbet magħha sabiex toħloq Systran Luxembourg, kienet, minn wara l-1990, ikkonkludiet kuntratti mal-Kummissjoni dwar it-traduzzjoni, ħaġa din li tipprova li Systran ma tistax tinvoka drittijiet jew ‘know-how’ fir-rigward tal-verżjoni EC-Systran Unix.

198    Barra minn hekk, fid-dawl tal-Artikolu 4(a) tal-kuntratt inizjali, tal-paragrafu 6 tal-preżentazzjoni preliminari tal-kuntratt ta’ kollaborazzjoni u tal-Artikolu 4 tiegħu, kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 1 tal-Appendiċi 1 tal-Anness II tat-tieni kuntratt ta’ migrazzjoni, l-għoti tal-kuntratt lill-kumpannija Gosselies ma seta’ jagħti lok għal ebda nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni.

199    Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li s-sejħa għal offerti tinkludi klawżola ta’ kunfidenzjalità li tipprovdi li l-persuna li tingħata l-kuntratt ma tistax tuża jew tiżvela lil terzi l-informazzjoni trażmessa mill-Kummissjoni (ara l-Artikolu II.9 tal-Anness 1 tas-sejħa għal offerti tal-4 ta’ Ottubru 2003). Għalhekk, skont din il-klawżola ta’ kunfidenzjalità u fi kwalunkwe każ, il-kumpannija Gosselies ma tistax tiżvela l-informazzjoni kunfidenzjali li, jekk ikun il-każ, tista’ tgħaddilha l-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-iżvelar ta’ tali informazzjoni lil din l-impriża ma jistax joħloq dannu għar-rikorrenti. Il-Kummissjoni tosserva, fl-aħħar nett, li l-programmi u d-dizzjunarji tal-verżjoni EC-Systran Unix huma miżmuma esklużivament fuq il-kompjuters tagħha.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

200    L-aġir illegali allegat f’din il-kawża jikkonsisti fil-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat li għandha d-dritt, mingħajr il-kunsens tar-rikorrenti, tikkummissjona x-xogħlijiet imsemmija fis-sejħa għal offerti li huma ta’ natura li jimmodifikaw jew li jimplikaw l-iżvelar lil terzi ta’ elementi tal-verżjoni Systran Unix riprodotti fil-verżjoni EC-Systran Unix tas-softwer Systran, elementi li huma protetti mid-dritt tal-awtur jew li jagħmlu parti min-‘know-how’ tal-grupp Systran.

201    Sabiex jiġi stabbilit jekk tali aġir huwiex illegali, huwa meħtieġ qabel kollox li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti jistgħux jinvokaw, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, id-dritt li jopponu li l-Kummissjoni tikkummissjona, mingħajr il-kunsens tagħhom, xogħlijiet li jikkonċernaw ċerti aspetti tal-verżjoni EC-Systran Unix lil terzi. Dan id-dritt li r-rikorrenti jibbażaw fuq id-dritt tal-awtur u fuq in-‘know-how’ dwar il-verżjoni oriġinali u preċedenti Systran Unix huwa kkontestat mill-Kummisssjoni, li ssostni li r-rikorrenti ma ressqux prova tad-drittijiet li huma qegħdin jinvokaw fuq din il-verżjoni tas-softwer (ara l-punti 178 sa 179 iktar ’il fuq).

202    Jekk jirriżulta li tali drittijiet jistgħu jiġu invokati mir-rikorrenti, ikun imbagħad meħtieġ li tiġi eżaminata l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-grupp Systran kien awtorizzaha tqabbad lil terzi jwettqu x-xogħlijiet iddefiniti fil-kuntratt kuntenzjuż. Essenzjalment, il-Kummissjoni fil-fatt tikkunsidra li d-diversi kuntratti konklużi mal-grupp Systran sa mill-1975 u l-finanzjament mogħti għal dan il-għan jagħtuha biżżejjed drittijiet ta’ użu u drittijiet ta’ proprjetà fir-rigward tad-diversi elementi tal-verżjoni EC-Systran Unix sabiex ma tkunx meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt ta’ oppożizzjoni invokat mir-rikorrenti fuq il-bażi tad-drittijiet miżmuma minnhom fuq il-verżjoni Systran Unix (ara l-punti 181 sa 187 iktar ’il fuq).

203    Jekk jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora d-dritt ta’ oppożizzjoni invokat mir-rikorrenti, ikun fl-aħħar nett meħtieġ li jiġi analizzat il-kontenut tax-xogħlijiet li kellhom jitwettqu fuq il-verżjoni EC-Systran Unix u li jissemmew fis-sejħa għal offerti, u dan sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn ix-xogħlijiet humiex ta’ natura li jimplikaw il-modifika jew l-iżvelar ta’ elementi jew ta’ informazzjoni protetti taħt id-dritt tal-awtur jew bħala ‘know-how’ invokati mir-rikorrenti, ħaġa din li qiegħda tikkontesta fl-aħħar lok il-Kummissjoni (ara l-punt 189 iktar ’il fuq).

 Fuq id-drittijiet invokati mir-rikorrenti fir-rigward tal-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran

204    Sabiex jiddefinixxu l-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri fil-qasam tad-dritt tal-awtur, ir-rikorrenti jinvokaw il-Konvenzjoni ta’ Bern, id-Direttiva 91/250 u d-Direttiva 2004/48. Huma jsemmu wkoll is-sistemi legali tal-Istati Membri u jipproduċu żewġ opinjonijiet tal-professur Sirinelli li jindirizzaw il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ azzjoni dwar kontravvenzjoni mressqa minn persuna ġuridika u l-aċċess għall-protezzjoni mid-dritt tal-awtur ta’ softwer miktub mill-ġdid, kif ukoll it-tieni nota teknika Bitan.

205    Kif ingħad fl-istadju tal-eżami tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali (ara l-punti 68 sa 73 iktar ’il fuq), il-grupp Systran għandu dritt jinvoka drittijiet tal-awtur fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran, li huwa żviluppa u jikkummerċjalizza taħt ismu, mingħajr ma huwa meħtieġ iressaq iktar provi.

206    Huwa minnu li, bħala regola ġenerali, kif issostni l-Kummissjoni, meta jkun hemm kunflitt dwar l-eżistenza ta’ dritt, huwa dak li jinvoka l-eżistenza jew l-assenza ta’ dritt li għandu jipprova dan (actori incumbit probatio). Madankollu, fil-qasam tad-dritt tal-awtur, teżisti preżunzjoni legali li taqleb l-oneru tal-prova. Id-dritt Komunitarju jistabbilixxi tali preżunzjoni fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-preżunzjoni li persuna hija l-awtur jew is-sid [detentriċi tad-dritt”], li jindika li “[b]l-għan li jiġu applikati l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji pprovduti f’din id-Direttiva, [...] għall-awtur tax-xogħol letterarju jew artistiku, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, għandu jkun meqjus detentur, u konsegwentement ikun intitolat biex jistabbilixxi proċeduri ta’ kontravvenzjoni, ikun suffiċjenti li jidher ismu/isimha fuq il-biċċa xogħol bil-mod tas-soltu”. Ir-rikorrenti invokaw ukoll żewġ eżempji ta’ tali preżunzjoni fid-drittijiet tal-Istati Membri, mingħajr ma l-Kummissjoni ppreżentat eżempji kuntrarji fid-drittijiet ta’ Stati Membri oħra. Fid-dritt Franċiż, id-dritt tal-post fejn hija stabbilita Systran, li f’din il-kawża qiegħda tinvoka d-drittijiet tal-awtur fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran li hija tikkummerċjalizza, l-Artikolu L 113-1 tal-Kodiċi tal-proprjetà intellettwali Franċiż jipprovdi li “[i]l-kwalità ta’ awtur tappartjeni, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, lil dik il-persuna jew lil dawk il-persuni li x-xogħol ikun żvelat taħt isimha jew isimhom”. Fid-dritt Belġjan, id-dritt tal-pajjiż fejn għandha s-sede tagħha l-Kummissjoni, tali preżunzjoni hija stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6 tal-Liġi Belġjana dwar id-dritt tal-awtur, li jipprovdi li “hija preżunta li hija l-awtur, sakemm ma tiġix prodotta prova kuntrarja, dik il-persuna li tidher bħala tali fuq ix-xogħol, minħabba l-indikazzjoni ta’ isimha jew minħabba sinjal li jippermetti li tiġi identifikata”. Dawn id-diversi dispożizzjonijiet ġew invokati bħala eżempji ta’ prinċipju ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri.

207    Bħala eżempju ta’ dispożizzjonijiet essenzjalment riprodotti fl-Istati Membri kollha, ir-rikorrenti jsostnu li x-xogħol huwa protett fid-dritt Franċiż abbażi tas-sempliċi fatt li jkun inħoloq. L-Artikolu L 111-1 tal-Kodiċi tal-proprjetà intellettwali Franċiż jipprovdi li “l-awtur ta’ xogħol intellettwali jgawdi fuq dan ix-xogħol, abbażi tas-sempliċi fatt li jkun inħoloq, dritt ta’ proprjetà inkorporali esklużiv li jista’ jiġi invokat erga omnes”. Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “xogħol intellettwali”, mill-Artikolu L 112-2 tal-Kodiċi tal-proprjetà intellettwali Franċiż jirriżulta li “huma kkunsidrati bħala xogħlijiet intellettwali fis-sens ta’ dan il-kodiċi: is-softwer, inklużi l-materjal ta’ disinn preparatorju”. Ebda element imressaq mill-Kummissjoni ma jikkontradixxi dan l-eżempju ppreżentat mir-rikorrenti.

208    Meta x-xogħol ikun maħluq, l-oriġinalità tiegħu hija preżunta. Il-problema li tqum fir-rigward tal-prova tikkonċerna, fil-parti l-kbira tal-każijiet, jekk ix-xogħol kienx jippreċedi xogħol ieħor. F’dan il-każ, il-prova tal-preċedenza fiż-żmien tal-verżjoni Systran Unix fil-konfront tal-verżjoni EC-Systran Unix tirriżulta mis-sempliċi fatt li t-tieni verżjoni ġiet żviluppata sussegwentement għall-ewwel waħda u li, sabiex tiġi żviluppata, il-Kummissjoni rrikorriet għall-grupp Systran u għall-verżjoni Systran Unix tiegħu. Dwar dan il-punt għandu jingħad li l-Kummissjoni, kif issostni fil-kontroreplika tagħha, ma tikkontestax li Systran hija d-detentriċi ta’ drittijiet fuq is-softwer Systran Unix ikkummerċjalizzat minnha.

209    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont l-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti fir-rigward tad-dritt Franċiż u tad-dritt Belġjan, il-kwalità ta’ awtur ta’ impriża hija stabbiliti fil-ġurisprudenza ta’ dawn l-Istati Membri. Fi Franza, il-ġurisprudenza inkwistjoni hija s-sentenza tal-ewwel awla ċivili tal-Cour de cassation tal-24 ta’ Marzu 1993, sentenza li tipprova li persuna ġuridika għandha tistabbilixxi biss li hija tesplojta x-xogħol sabiex l-azzjoni tagħha dwar kontravvenzjoni titqies li hija ammissibbli, mingħajr ma hija meħtieġa tistabbilixxi l-oriġini tad-drittijiet tagħha u, fi Franza, il-ġurisprudenza inkwistjoni hija s-sentenza tal-Cour de cassation tat-12 ta’ Ġunju 1998 (ara l-ewwel opinjoni Sirinelli, p. 18 u 26). Meta tiġi sabiex tikkontesta din l-opinjoni legali dettaljata, il-Kummissjoni tagħmel biss allegazzjonijiet vagi u qosra bbażati fuq kritika tas-soluzzjoni esposta iktar ’il fuq minn parti mid-duttrina u sentenza tal-1993 tal-Cour d’appel de Gand li tippreċedi s-sentenza tal-Cour de cassation Belġjana msemmija. Il-kwistjoni tal-kontenut tad-drittijiet tal-Istati Membri l-oħra apparti dawk li sar riferiment għalihom bħala eżempju mill-professur Sirinelli ma tqajmitx u lanqas ma ġiet diskussa mill-partijiet.

210    Is-soluzzjoni fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tippreżenta l-interess li jiġu limitati l-possibbiltajiet għall-persuna li twettaq il-kontravvenzjoni li tqajjem l-inammissibbiltà tal-azzjoni u tevita li l-persuna ġuridika jkollha tipprovdi s-sensiela sħiħa ta’ kuntratti ta’ trasferiment li tmur lura sal-awtur, persuna fiżika, detentur inizjali tad-dritt. B’hekk, fil-qasam tal-prova, ir-realtà tal-pussess fil-ġurnata li titressaq l-azzjoni tieħu preċedenza fuq l-istorja tal-akkwist.

211    Bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li l-preżunzjoni dwar id-dritt tal-awtur ingħelbet fir-rigward tal-verżjoni EC-Systran Unix minħabba li din il-verżjoni ma hijiex ikkummerċjalizzata f’imballaġġ li juri l-isem tal-awtur u li xi drabi tissejjaħ “Commission’s MT system” jew “ECMT”, għandu jingħad li, bħala bażi għar-rikors għad-danni fuq bażi mhux kuntrattwali tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-verżjoni Systran Unix u li huma sussegwentement jagħmlu paragun ta’ din il-verżjoni mal-verżjoni EC-Systran Unix sabiex jistabbilixxu li parti minn din il-verżjoni derivata toriġina mill-verżjoni preċedenti u oriġinali. Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li effettivament teżisti parti msejħa “Systran” fil-verżjoni EC-Systran Unix (jiġifieri, b’mod partikolari, il-parti essenzjali tal-kernel), kif ukoll parti msejħa “EC” f’din il-verżjoni (jiġifieri, b’mod partikolari, id-dizzjunarji, li nħolqu mill-Kummissjoni). Il-kwistjoni għalhekk ma tikkonċernax il-verżjoni EC-Systran Unix iżda d-drittijiet li jistgħu jiġu invokati mir-rikorrenti fil-każ ta’ xogħlijiet li jikkonċernaw il-verżjoni EC-Systran Unix minħabba d-drittijiet miżmuma fir-rigward tal-verżjoni oriġinali u preċedenti Systran Unix. Barra minn hekk, u b’mod inċidentali, għandu jiġi osservat li mid-definizzjonijiet esposti fil-mudell ta’ kuntratt mehmuż mas-sejħa għal offerti jirriżulta li l-isem “Servizz (jew sistema) ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni” li għalih tirreferi l-Kummissjoni huwa ddefinit b’dan il-mod: “Is-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni hija mibnija madwar EC Systran, verżjoni partikolari tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika Systran inizjalment żviluppata mill-‘World Translation Center’, La Jolla USA, u li ġiet sussegwentement żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea sa mill-1976” (The Commission’s machine translation service is built around EC Systran, a specific version of the Systran machine translation system originally developed by the World Translation Center, La Jolla, USA, which since 1976 has been further developed by the European Commission.) B’hekk, skont it-termini stess użati mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ terzi, l-oriġini tas-servizz jew sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni jinsab fis-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika maħluqa u żviluppata mill-grupp WTC/Systran.

212    Finalment, ir-rikorrenti jistgħu jinvokaw, bħala grupp Systran, drittijiet tal-awtur fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran, li ilha tiġi kkummerċjalizzata minn Systran għal diversi snin u saħansitra qabel l-aġġornament tal-verżjoni EC-Systran Unix minn Systran Luxembourg sabiex taqdi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-Kummissjoni.

213    Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet kuntrattwali invokati mill-Kummissjoni ma jistgħux jitqiesu bħala bażi għal allegat dritt li jiġi eżerċitat xi tip ta’ kontroll fuq l-akkwist tal-grupp WTC mill-grupp Systran (ara l-punt 179 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 5(c) tal-kuntratt inizjali konkluż ma’ WTC fit-22 ta’ Diċembru 1975 sabiex tallega li ma seta’ jkun hemm ebda trasferiment ta’ drittijiet jew ta’ obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt mingħajr il-kunsens tagħha minn qabel. Issa, din id-dispożizzjoni tipprovdi biss: “Il-Kontraenti ma tistax, mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa mogħtija minn qabel mill-Kummissjoni, tittrasferixxi jew tassenja totalment jew parzjalment id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, u lanqas ma tista’ tagħti b’subappalt l-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilha jew tissostitwixxi lil terzi minflokha għall-istess skopijiet.” Din id-dispożizzjoni tapplika biss għat-tul tal-kuntratt, jiġifieri għal numru ta’ xhur, u l-obbligi li jissemmew it-trasferiment u l-assenjazzjoni tagħhom jikkonċernaw biss l-użu tas-sistema Systran u mhux id-drittijiet ta’ proprjetà korrispondenti. Din id-dispożizzjoni għalhekk ma tistax iċċaħħad lil WTC mid-dritt li tiddisponi mill-proprjetà tagħha meta ġiet akkwistata lejn l-aħħar tas-sena 1985 mill-kumpannija Gachot, li saret Systran, kif jirriżulta mill-kuntratti kkomunikati mir-rikorrenti f’anness mar-replika. Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li kien meħtieġ li jiġu identifikati l-bażijiet legali u kuntrattwali tad-drittijiet tal-awtur tar-rikorrenti. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet legali msemmija iktar ’il fuq ma jobbligawx lill-awturi jirreġistraw ix-xogħlijiet tagħhom bħalma jista’ jkun il-każ fir-rigward tal-privattivi.

214    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet informata perfettament dwar il-fatt li l-grupp Systran u l-kumpanniji inklużi f’dan il-grupp, b’mod partikolari l-kumpannija WTC, kienu d-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq id-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran esplojtati kummerċjalment sa mis-snin 70, b’mod partikolari mal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti jipprovdu diversi provi li permezz tagħhom jistgħu jiġu stabbiliti l-eżistenza ta’ xogħol intellettwali fil-qasam u l-fatt li dan ix-xogħol intellettwali nħoloq mis-Sur Toma u mbagħad ġie akkwistat mill-kumpanniji tal-grupp WTC u mill-kumpanniji tal-grupp Systran (ara l-punti 174 u 175 iktar ’il fuq).

215    Fir-rigward tal-protezzjoni invokata taħt in-‘know-how’, ir-rikorrenti jsostnu li l-iżvelar mill-Kummissjoni lil terzi ta’ informazzjoni teknika u sigrieta dwar l-elementi tal-verżjoni Systran Unix li huma riprodotti fil-verżjoni EC-Systran Unix jikkostitwixxi aġir illegali li jista’ jimplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE. Kif ingħad fl-istadju tal-eżami tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali (ara l-punti 78 sa 81 iktar ’il fuq), jista’ jiġi kkunsidrat ukoll li l-grupp Systran jista’ jinvoka din il-protezzjoni fir-rigward tal-informazzjoni teknika u sigrieta li tikkonċerna l-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran.

 Fuq l-affermazzjoni li d-drittijiet miżmuma mill-Kummissjoni jippermettulha tinjora d-dritt ta’ oppożizzjoni tar-rikorrenti

216    Sabiex tallega li hija ma kinitx meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt tar-rikorrenti li jopponu għall-fatt li ċerti xogħlijiet li jikkonċernaw il-verżjoni EC-Systran Unix jiġu fdati lil terzi minħabba d-drittijiet miżmuma fuq il-verżjoni Systran Unix, il-Kummissjoni ssostni li hija għandha l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa minħabba d-drittijiet mogħtija taħt il-kuntratti konklużi mal-grupp Systran sa mill-1975 u minħabba l-finanzjament mogħti f’dan il-kuntest.

217    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti, trasferiment ta’ dritt ma jistax jiġi preżunt. Il-fatt li jiġi ffinanzjat żvilupp tal-informatika ma jfissirx madankollu li wieħed jakkwista l-proprjetà fuq dan l-iżvilupp. Tali konsegwenza legali għandha tissemma espressament fil-kuntratt inkwistjoni. It-trasferimenti ta’ drittijiet jiġu interpretati b’mod restrittiv u favur l-awtur.

218    Issa, dwar dan il-punt, ir-rikorrenti jinnegaw formalment li ttrasferew l-iċken dritt ta’ proprjetà intellettwali lill-Kummissjoni, la fuq il-verżjoni Systran Mainframe, la fuq il-verżjoni Systran Unix, la fuq l-idea u l-kitba oriġinali li fuqhom huma bbażati dawn il-verżjonijiet, la fuq il-materjal ta’ disinn preparatorju, la fuq l-istrutturi ta’ data u wisq inqas fuq il-kernel. L-uniċi drittijiet rikonoxxuti mir-rikorrenti lill-Kummissjoni jikkonċernaw id-dizzjunarji li ġew żviluppati mis-servizzi tal-Kummissjoni mingħajr l-intervent ta’ Systran.

219    Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet kuntrattwali invokati mill-Kummissjoni, kemm jekk jikkonċernaw il-verżjoni EC-Systran Mainframe u kemm jekk jikkonċernaw il-verżjoni EC-Systran Unix, jirriżervaw espressament l-ipoteżi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali preeżistenti, kemm jekk drittijiet dwar il-verżjoni Systran Mainframe u kemm jekk drittijiet dwar il-verżjoni Systran Unix. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet invokati mill-Kummissjoni ma jistgħux jitqiesu bħala bażi għal trasferiment tad-drittijiet tal-awtur miżmuma mill-firmatarji (WTC jew il-kumpanniji tal-grupp Systan) fuq id-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran ikkonċernati minn dawn il-kuntratti. B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li l-unika dispożizzjoni kuntrattwali li tikkonċerna l-verżjoni EC-Systran Unix, invokata mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-azzjonijiet tagħha, hija l-Artikolu 13(1) u (2) tal-kuntratti ta’ migrazzjoni, li tissuġġetta l-proprjetà invokata mill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali preċedenti (ara l-punti 95 sa 97 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-estratt tal-Artikolu 1 tal-Appendiċi 1 tal-Anness II tat-tieni kuntratt ta’ migrazzjoni ċċitat mill-Kummissjoni, dan jipprovdi: “Ix-xogħlijiet ta’ migrazzjoni deskritti f’dan l-anness tekniku kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ partijiet tas-sistema, tar-riżorsi umani u tan-‘know-how’ ta’ [Systran Software] u ta’ [Systran] ma għandhom jagħtu lok għal ebda ħlas addizzjonali u lanqas għal pretensjoni finanzjarja taħt xi dritt ta’ proprjetà”. Minbarra l-fatt li din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi espressament in-‘know-how’ ta’ Systran, jista’ jiġi kkonstatat ukoll li din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-pretensjonijiet finanzjarji magħmula fir-rigward tax-xogħlijiet ta’ migrazzjoni mwettqa minn Systran Luxembourg għall-Kummissjoni. Issa, din il-kawża tikkonċerna x-xogħlijiet fdati mill-Kummissjoni lil terzi sussegwentement għal sejħa għal offerti.

220    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni stess tosserva li l-argument tal-“kuntratti ta’ ordni”, argument li jippermettilha tinterpreta l-kuntratti konklużi mal-kumpanniji tal-grupp WTC u mbagħad mal-kumpanniji tal-grupp Systran bħala kuntratti li permezz tagħhom dawn il-kumpanniji kellhom l-intenzjoni li jittrasferulha drittijiet tal-awtur, ma jirriżultax espressament mill-kuntratti msemmija minnha. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni kuntrattwali ċċitata mill-Kummissjoni ma tista’ tiġi interpretata f’dan is-sens sa fejn dawn id-diversi dispożizjzonijiet jirreferu għal dritt ta’ użu u mhux għal dritt ta’ proprjetà jew jirriżervaw espressament id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali preeżistenti.

221    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument li l-Kummissjoni tislet mill-“filosofija” ta’ dawn il-kuntratti, sa fejn il-filosofija ta’ kuntratti fil-qasam ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ softwer tal-informatika hija preċiżament il-limitazzjoni tad-drittijiet tal-utent għal liċenzja ta’ esplojtazzjoni biss, mingħajr ma l-utent ikun jista’ jagħmel tiegħu s-softwer.

222    Finalment, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi li hija kienet kuntrattwalment awtorizzata mir-rikorrenti sabiex twettaq l-użu u l-iżvelar li hija għamlet sussegwentement għall-għoti tal-kuntratt pubbliku kontenzjuż minħabba l-proprjetà li hija setgħet tinvoka fuq il-verżjoni EC-Systran Unix tas-softwer Systran.

223    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li hija setgħet twettaq modifiki tal-verżjoni EC-Systran Unix mingħajr ma tippreġudika b’hekk id-drittijiet tal-awtur li jista’ jkollu l-grupp Systran fuq il-verżjoni Systran Unix, sa fejn kull persuna li tgawdi minn liċenzja ta’ użu hija legalment awtorizzata twettaq tali modifiki.

224    Dwar dan il-punt il-Kummissjoni tinvoka l-Artikolu 6 tal-Liġi Belġjana dwar il-programmi tal-kompjuter, li jindika li l-atti ta’ riproduzzjoni u l-adattament ta’ programm tal-kompjuter imsemmija fl-Artikolu 5(a) u (b) ta’ din il-liġi ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni tad-detentur meta jkunu meħtieġa sabiex il-persuna li jkollha d-dritt tuża l-programm tkun tista’ tagħmel dan l-użu inkonformità mal-użu intenzjonat tiegħu, inkluż sabiex jiġu kkoreġuti żbalji. Hija tinvoka wkoll l-Artikolu 28(4) tal-Liġi Lussemburgiża dwar il-programmi tal-kompjuter, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-atti suġġetti għal restrizzjonijiet”, li jipprovdi li, “sakemm ma jkunx hemm dispożizjzonijiet kuntrattwali speċifiċi, l-atti previsti fl-Artikolu 28[(3)](a) u (b) ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni tad-detentur meta dawn l-atti jkunu meħtieġa sabiex l-akkwirent leġittimu jkun jista’ juża l-programm tal-kompjuter inkonformità mal-użu intenzjonat tiegħu, inkluż sabiex jiġu kkoreġuti żbalji”. Bl-istess mod, skont il-Liġi Lussemburgiża dwar id-drittijiet tal-awtur, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-atti suġġetti għal restrizzjonijiet”: “sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet kuntrattwali speċifiċi, l-atti previsti fl-Artikolu 33 ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni tad-detentur meta dawn l-atti jkunu meħtieġa sabiex l-akkwirent leġittimu jkun jista’ juża l-programm tal-kompjuter inkonformità mal-użu intenzjonat tiegħu, inkluż sabiex jiġu kkoreġuti żbalji u sabiex jiġi integrat f’database li huwa jkun intiż li jopera”.

225    Madankollu, għandu jiġi osservat li din l-eċċezzjoni legali għall-atti suġġetti għal restrizzjonijiet, jiġifieri l-atti li jeħtieġu l-kunsens tal-awtur, għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Din l-eċċezzjoni legali prevista mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250 għall-atti li jaqgħu taħt id-dritt esklużiv tal-awtur tal-programm iddefiniti fl-Artikolu 4 tal-istess direttiva hija intenzjonata li tapplika biss għax-xogħlijiet imwettqa mill-akkwirent leġittimu tal-programm tal-kompjuter u mhux għax-xogħlijiet fdati lil terzi minn dan l-akkwirent (ara l-opinjoni tal-professur Sirinelli fuq il-portata tad-dritt tal-utent leġittimu ta’ programm tal-kompjuter li jimmodifika dan il-programm u t-tielet nota teknika Bitan dwar in-natura tax-xogħlijiet fdati lil Gosselies; ara wkoll it-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-drittijiet tal-utent). Din l-eċċezzjoni tibqa’ limitata wkoll għall-atti meħtieġa sabiex l-akkwirent leġittimu jkun jista’ juża l-programm tal-kompjuter inkonformità mal-użu intenzjonat tiegħu, inkluż sabiex jiġu kkoreġuti żbalji. F’dan il-każ, il-Kummissjoni baqgħet ma indikatx kif il-modifiki mitluba setgħu jiġu fdati lil terzi u kif dawn kienu meħtieġa sabiex jiġu kkoreġuti żbalji jew sabiex il-programm ikun jista’ jintuża inkonformità mal-użu intenzjonat tiegħu. Ebda prova fil-proċess ma tippermetti li wieħed jifhem kif din l-eċċezzjoni tista’ tippermetti li jitwettaq titjib, adattamenti jew żidiet fil-programm tal-kompjuter użat mill-Kummissjoni (dwar in-natura tax-xogħlijiet fdati mill-Kummissjoni lil terzi ara l-punti 227 sa 250 iktar ’il quddiem). Dawn ix-xogħlijiet fil-fatt jaqgħu taħt l-atti suġġetti għal restrizzjoni sa fejn jikkonċernaw l-adattament, l-arranġament jew kull alterazzjoni oħra tal-programm tal-kompjuter fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/250. Matul is-seduta, ir-rikorrenti fil-fatt indikaw li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-klijenti l-oħra tagħhom jitolbuhom l-awtorizzazzjoni tagħhom sabiex iwettqu modifiki bħal dawk li ntalbu mingħand il-kumpannija Gosselies.

226    Finalment, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi, f’dan il-każ, abbażi ta’ liema raġunijiet hija setgħet tinvoka l-eċċezzjoni legali għall-atti suġġetti għal restrizzjoni sabiex tkun tista’ tikkummissjona lil terzi jwettqu x-xogħlijiet li għandhom jitwettqu fil-kuntest tal-kuntratt kontenzjuż. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni l-fatt li l-atti allegati fil-konfront tagħha, jiġifieri, skontha, il-korrezzjoni u t-titjib tad-dizzjunarji, huma, minn tal-inqas, parzjalment koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/250 (ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għat-tielet sensiela ta’ mistoqsijiet, l-osservazzjonijiet dwar il-prezz ta’ liċenzja għall-użu tas-softwer Systran, punt 23), ħaġa din li impliċitament tfisser li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li ċerti xogħlijiet mitluba fil-kuntest tas-sejħa għal offerti kontenzjuża jistgħu ma jaqgħux taħt din l-eċċezzjoni u jistgħu jikkostitwixxu att suġġett għal restrizzjoni fis-sens iddefinit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/250.

227    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti jistgħu jinvokaw drittijiet tal-awtur u l-protezzjoni marbuta man-‘know-how’ fir-rigward tal-informazzjoni u tal-elementi li jikkonċernaw il-verżjoni oriġinali u preċedenti Systran Unix u li jinsabu fil-verżjoni derivata EC-Systran Unix, it-tieni nett, li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi li r-rikorrenti ma kellhomx id-drittijiet invokati fir-rigward tal-verżjoni Systran Unix u lanqas li dawn id-drittijiet kienu ġew ittrasferiti lilha espressament jew impliċitament minħabba l-kuntratti konklużi mal-grupp Systran jew minħabba l-finanzjament mogħti fir-rigward tal-verżjonijiet EC-Systran Mainframe u EC-Systran Unix u, it-tielet nett, li l-Kummissjoni lanqas ma rnexxielha tistabbilixxi li hija setgħet twettaq ix-xogħlijiet mitluba permezz ta’ terzi mingħajr ma tikseb il-kunsens minn qabel tal-grupp Systran.

 Fuq in-natura tax-xogħlijiet fdati mill-Kummissjoni lil terzi

228    Sabiex jiġi stabbilit il-ksur tad-dritt ta’ oppożizzjoni invokat mir-rikorrenti, huwa meħtieġ li dawn tal-aħħar juru li x-xogħlijiet imsemmija fis-sejħa għal offerti, u li fir-rigward tagħhom il-grupp Systran ma setax jagħti l-kunsens tiegħu, kienu ta’ natura tali li jimplikaw il-modifika jew it-trażmissjoni ta’ informazzjoni jew ta’ elementi li jikkonċernaw il-verżjoni Systran Unix u li jinsabu fil-verżjoni EC-Systran Unix.

229    F’dan il-każ, sabiex jiġu stabbiliti tali modifika jew żvelar illegali, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li s-sejħa għal offerti tal-Kummissjoni kienet tikkonċerna l-manutenzjoni u t-tisħiħ lingwistiku tas-sistema ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni. Din is-sejħa għal offerti kienet tinkludi l-prestazzjonijiet segwenti:

“3.1 Ikkodifikar tad-dizzjunarji: l-ikkodifikar tad-dizzjunarji bbażat fuq il-feedback, il-glossarji u t-testi suġġetti għat-traduzzjoni awtomatika mill-utenti, inkluż l-allinjament tad-dizzjunarji bejn il-kombinazzjonijiet ta’ lingwi. Se jiġi pprovdut programm utilitarju sabiex jgħin fl-ikkodifikar [...] Dan il-kompitu jinkludi wkoll:

Ir-reviżjoni u l-ikkodifikar tal-fajls ta’ dizzjunarji ta’ traduzzjoni awtomatika li ġew ippreparati għas-servizzi ta’ traduzzjoni awtomatika tal-Kummissjoni minn sorsi oħra.

Il-ġbir tal-fajls ta’ dizzjunarji tal-utenti – fuq talba, il-kontraenti għandha teżamina d-dħul magħmul mill-utenti u, meta t-termini jkunu ta’ użu komuni, hija għandha tinkludihom fid-dizzjunarji prinċipali filwaqt li tiżgura li ma jkunx hemm kunflitt ma’ termini eżistenti.

3.2 Titjib, adattamenti u żidiet għar-rutini lingwistiċi: titjib speċifiku tal-programmi ta’ analiżi, ta’ trasferiment u ta’ sinteżi bbażata fuq il-feedback, il-glossarji u t-testi suġġetti għat-traduzzjoni awtomatika mill-utenti. Pereżempju, l-ipproċessar tal-kliem separat b’ħajfin fl-aħħar tal-linja fil-verżjoni sors u fil-verżjoni li fiha ssir it-traduzzjoni, l-użu tal-ittri kapitali, l-addizzjoni ‘s’ fl-Ingliż li tindika l-pussess, l-omografiji u l-osservanza tal-konvenzjonijiet tal-Kummissjoni (b’mod partikolari l-kitba tan-numri).

3.3 Aġġornament tas-sistema: l-aġġornament tad-dizzjunarji u programmi għandu jitwettaq fuq it-talba tal-Kummissjoni. Il-kontraenti għandha topera b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni armonjuża tal-aġġornamenti.

3.4 Aġġornament tad-dokumentazzjoni: il-kontraenti għandha twettaq l-aġġornamenti meħtieġa tad-dokumentazzjoni (pereżempju, il-manwali tal-ikkodifikar) li tikkonċerna l-partijiet tas-sistema li għalihom hija responsabbli u għandha żżomm id-dokumenti riveduti fiċ-ċentru fejn tinżamm id-data. Il-verżjonijiet aġġornati għandhom jinkludu deskrizzjoni u spjegazzjoni tat-titjib u modifiki mwettqa fil-kuntest tal-kuntratt [...]”

(3.1 Dictionary coding: Dictionary coding based on feedback, glossaries and texts submitted to MT by users, including the «levelling-up» of dictionaries between language pairs. A utility will be provided to help with coding. […] This task also includes:

The revision and encoding of MT dictionary files which have been prepared for the Commission’s MT service by other sources.

The harvesting of users’ custom dictionary files - if requested, the contractor will review user entries, and where terms are of general use, include them in the main dictionaries, ensuring that there is no conflict with existing terms.

3.2 Enhancements, Adaptations and Additions to Linguistic Routines: Specific improvements to Analysis, Transfer and Synthesis programs based on feedback, glossaries and texts submitted to MT by users. For example: the treatment of hyphenated words in source and target output, capitalisation, the English genitive s, homographs, and respect of Commission conventions (amongst others, for the writing of numbers).

3.3 System updates: Updates to dictionaries and programs will take place as required by the Commission. The contractor will work closely with the Commission to ensure the smooth integration of updates.

3.4 Documentation updates: The contractor shall update as required any documentation (e.g. coding manuals) on parts of the system for which he is responsible and shall store revised documents at the Data Centre. The updated versions shall include a description of, and explanation for, improvements and changes made under contract […])

230    Skont ir-rikorrenti, it-twettiq ta’ dawn il-kompiti jeħtieġ li jiġu mmodifikati u adattati l-kernel tas-sistema, il-programmi lingwistiċi u l-istruttura tad-data tas-softwer Systran (verżjoni EC-Systran Unix), u dan jimplika l-modifika tal-kodiċi sors ta’ dan is-softwer u tal-materjal ta’ disinn preparatorju. Il-ħtieġa li jkun disponibbli l-kodiċi sors u li dan jiġi mmodifikat sabiex jitwettqu l-kompiti indikati fis-sejħa għal offerti hija kkorroborata mill-paragrafu 3.7.5 tas-sejħa għal offerti, li jipprovdi li waħda mill-obbligi tal-kontraenti hija li tiżgura li l-aħħar verżjonijiet tal-kodiċi sors, tad-dizzjunarji u tal-programmi jkunu installati u kkompilati b’mod korrett fuq is-servers tal-Kummissjoni.

231    Barra minn hekk, l-ewwel nota teknika Bitan tispjega, mingħajr ma hija kkontestata mill-Kummissjoni, kif it-twettiq tax-xogħlijiet fdati lil Gosselies taħt il-kuntratt mogħti jeħtieġ li jintmissu aspetti tal-verżjoni EC-Systran Unix li ttieħdu mill-verżjoni Systran Unix.

232    Fid-deskrizzjoni funzjonali tal-elementi tas-softwer Systran, fl-ewwel nota teknika Bitan huwa indikat dan li ġej:

–        il-funzjoni “separazzjoni tal-kliem b’ħajfin” imsemmija fis-sejħa għal offerti (paragrafu 3.2 tas-sejħa għal offerti, ara l-punt 229 iktar ’il fuq) titwettaq fil-kernel fil-kuntest ta’ modules ta’ pproċessar preliminari tad-dokumenti;

–        il-funzjoni “tal-ittri kapitali”, jiġifieri l-ipproċessar tal-ittri kapitali minn lingwa għal oħra, imsemmija fis-sejħa għal offerti (paragrafu 3.2 tas-sejħa għal offerti, ara l-punt 229 iktar ’il fuq) titwettaq fil-kernel fil-kuntest ta’ modules tal-istadju ta’ wara l-ipproċessar tat-test;

–        ir-regoli ta’ formatting tipografiku (pereżempju l-ġestjoni tan-numri jew tal-ispazji) imsemmija fis-sejħa għal offerti (paragrafu 3.2 tas-sejħa għal offerti, ara l-punt 229 iktar ’il fuq) huma implementati fil-kernel fil-kuntest tal-modules tal-istadju ta’ wara l-ipproċessar tat-test;

–        ir-regoli ta’ konsultazzjoni tad-dizzjunarji (pereżempju għar-restituzzjoni tal-possessiv Ingliż) imsemmija fis-sejħa għal offerti (paragrafu 3.2 tas-sejħa għal offeri, ara l-punt 229 iktar ’il fuq) huma implementati fil-kernel, u jinkludu regoli li huma speċifiċi għal kull lingwa partikolari.

233    Kif ġie espost iktar ’il fuq, il-partijiet ma humiex jikkontestaw li l-kernel huwa l-parti ċentrali tal-“iżvilupp lingwistiku”. Il-kernel ma huwiex ikkostitwit minn libreriji statiċi indipendenti mill-proċess tal-“iżvilupp lingwistiċi” iżda, għall-kuntrarju, huwa parti integrali u essenzjali ta’ dan il-proċess. Fuq dan il-punt, fl-ewwel nota teknika Bitan huwa ppreċiżat li, f’“kuntest normali ta’ żvilupp lingwistiku”, il-kernel ikollu jiġi mmodifikat f’diversi każijiet, b’mod partikolari meta jsiru x-xogħlijiet segwenti previsti fis-sejħa għal offerti: “Titjib, adattamenti u żidiet għar-rutini lingwistiċi” (paragrafu 3.2 tas-sejħa għal offerti, ara l-punt 229 iktar ’il fuq u l-ewwel nota teknika Bitan).

234    Minn dak li ntqal jirriżulta li, sabiex tkun tista’ twettaq il-kompiti li jkunu ġew fdati lilha, il-persuna li tingħata l-kuntratt taħt is-sejħa għal offerti tkun teħtieġ il-kodiċi sors tal-verżjoni EC-Systran Unix sabiex tkun tista’ tadattahom u timmodifikahom fid-dawl tat-twettiq tat-titjib speċifiku tal-programmi ta’ analiżi, ta’ trasferiment u ta’ sinteżi ddefinit fil-paragrafu 3.2 tas-sejħa għal offerti u sabiex tkun tista’ twettaq l-aġġornamenti mitluba fil-paragrafi 3.3, 3.4 u 3.7.5 tas-sejħa għal offerti.

235    L-argumenti mressqa mill-Kummissjoni ma jippermettux li tiġi kkontestata din l-evalwazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni qiegħda tikkontesta formalment li hija kkomunikat il-kodiċi sors tal-verżjoni EC-Systran Unix fil-kuntest tax-xogħlijiet li kellhom jitwettqu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt mogħti lill-kumpannija Gosselies. Hija tindika li x-xogħlijiet fdati lil din il-kumpannija ma kinux jeħtieġu intervent fuq il-kernel tas-softwer.

236    Din il-kontestazzjoni hija bbażata fuq nota teknika tas-16 ta’ Jannar 2008 tad-DĠT, intiża sabiex tipprovdi elementi bi tweġiba għall-ewwel nota teknika Bitan (iktar ’il quddiem it-“tieni nota” jew it-“tieni nota tad-DĠT”). Fl-introduzzjoni tat-tieni nota tiegħu, id-DĠT josserva li l-ewwel nota teknika Bitan hija intiża fuq kollox li turi li l-modifiki kollha ta’ tip lingwistiku jsiru fiż-“żona ta’ analiżi” u li dawn inevitabbilment kellhom iwasslu għal ipproċessar permezz tal-kernel u għalhekk għal modifika tal-kernel stess. Madankollu, fit-tieni nota tad-DĠT, huwa enfasizzat li x-xogħlijiet previsti fis-sejħa għal offerti u li jikkonċernaw ir-rutini lingwistiċi ma jeħtieġux modifika tal-kernel.

237    Insostenn ta’ din it-teżi, id-DĠT josserva li għandha ssir distinzjoni bejn il-qafas (l-istruttura ddefinita fuq il-livell tal-kernel) u l-kontenut (il-kodiċi attribwiti mis-softwer lingwistiku u li jkollhom konnotazzjoni lingwistika) taż-“żona ta’ analiżi”. Il-prinċipju tal-modularità tal-komponenti tas-sistema ta’ traduzzjoni jeżiġi li ssir separazzjoni netta, mhux biss bejn id-diversi modules lingwistiċi iżda wkoll bejn il-modules lingwistiċi u l-kernel. Skont id-DĠT, il-kernel għandu portata lingwistika marġinali. F’dan ir-rigward, id-DĠT josserva li, minkejja li huwa minnu li l-kernel jikkontrolla l-eżekuzzjoni tal-proċess ta’ traduzzjoni, li l-kernel jinteraġixxi mal-komponenti kollha u li l-kernel fih ċerti funzjonijiet li jistgħu jiġu ddefiniti b’mod vag bħala funzjonijiet ta’ natura lingwistika (separazzjoni f’sentenzi, ipproċessar ta’ kliem b’ħajfins jew ta’ kliem li ma jinstabux), huwa wkoll minnu li l-modules tal-kernel għandhom portata ġenerali, filwaqt li r-rutini lingwistiċi huma speċifiċi għal lingwa sors, għal kombinazzjoni ta’ lingwi jew għal lingwa li fiha ssir it-traduzzjoni.

238    Filwaqt li jeżamina l-eżempji mogħtija fis-sejħa għal offerti tal-4 ta’ Ottubru 2003 u enfasizzati bħala elementi li jeħtieġu neċessarjament intervent fuq il-kernel, id-DĠT jsemmi ż-żewġ kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

–        “għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet magħmula minn Systran ir-referenza [għar-rutini lingwistiċi], fis-sejħa għal offerti [...], tispjega bi preċiżjoni n-natura tal-prestazzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti, jiġifieri t-titjib speċifiku għall-programmi ta’ analiżi, [ta’] trasferiment u [ta’] sinteżi, ibbażat fuq il-feedback tal-utenti. L-eżempji ta’ problemi msemmija fis-sejħa għal offerti huma sempliċi indikazzjoni u huma manifestament ta’ natura lingwistika”;

–        “jidher evidenti li l-problemi lingwistiċi jippreċedu kull regola [fir-rutini lingwistiċi], li kif jindika isimhom huma intiżi li jindirizzawhom. Anki jekk uħud mill-problemi msemmija jiġu pproċessati fil-livell tal-kernel, dawn jistgħu jiġu u huma fil-fatt ipproċessati wkoll fil-livell [tar-rutini lingwistiċi] u tad-dizzjunarji. Bħalma huwa l-każ għal kull sistema kumplessa, il-modalitajiet tal-ipproċessar tal-fenomeni lingwistiċi huma numerużi u kumplessi”.

239    Minn dak li ntqal jirriżulta li d-DĠT ma huwiex fil-verità jikkontesta l-affermazzjonijiet ta’ H. Bitan li wħud mill-kompiti fdati fil-kuntest tal-kuntratt mogħti jeħtieġu intervent fuq il-kernel. B’hekk, id-DĠT jirrikonoxxi espressament li l-kernel tas-softwer Systran, li l-istruttura tiegħu hija l-istess fil-verżjonijiet Systran Unix u EC-Systran Unix, fih ċerti funzjonijiet, bħal dik tal-ipproċessar tal-kliem b’ħajfins imsemmi fis-sejħa għal offerti. Bl-istess mod, id-DĠT jirrikonoxxi impliċitament l-affermazzjonijiet magħmula minn H. Bitan meta jindika sempliċement li, “anki jekk uħud mill-problemi msemmija [fis-sejħa għal offerti] jiġu pproċessati fil-livell tal-kernel, dawn jistgħu jiġu u huma fil-fatt ipproċessati wkoll fil-livell [tar-rutini lingwistiċi] u tad-dizzjunarji”. Fil-fatt, wieħed jista’ jew jikkodifika direttament fid-dizzjunarji l-kliem kollu li jinkludu ħajfin jew inkella wieħed jista’ jitlob li jiġi żviluppat jew imtejjeb programm li permezz tiegħu l-kliem b’ħajfin jiġu pproċessati sistematikament mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu kkodifikati, kelma b’kelma, fid-dizzjunarji. F’dan ir-rigward H. Bitan josserva, mingħajr ma huwa kontradett mid-DĠT, li l-funzjoni “tas-separazzjoni tal-kliem b’ħajfins”, jiġifieri l-programm tal-informatika li jipproċessa sistematikament din il-kwistjoni, issir fil-kernel fil-kuntest tal-modules tal-ipproċessar prelimianri tad-dokumenti. Barra minn hekk, id-DĠT ma jistax isostni b’mod konvinċenti li l-eżempji mogħtija fis-sejħa għal offerti u enfasizzati minn H. Bitan bħala eżempji li jeħtieġu intervent fuq il-kernel huma sempliċi indikazzjoni. Skont il-kliem stess tas-sejħa għal offerti, dawn huma eżempji mogħtija mill-utenti tal-verżjoni EC-Systran Unix tat-titjib speċifiku li għandu jitwettaq fil-kuntest tal-kuntratt.

240    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-ipproċessar tal-kliem b’ħajfins (pereżempju l-kelma “hospital-based”), id-DĠT josserva li huwa diffiċli li r-rwol tal-kernel jiġi ddefinit bħala rwol lingwistiku sa fejn il-kernel sempliċement jibda billi jfittex fid-dizzjunarju l-kelma kif tinkiteb u mbagħad, jekk ir-riżultat ikun negattiv, jerġa’ jagħmel it-tfittxija billi jneħħi l-ħajfin (jiġifieri għall-kelma “hospitalbased”). Jekk it-tfittxija tibqa’ ma tagħti ebda riżultat, issir tfittxija separata għaż-żewġ kelmiet (“hospital” u “based”). Dan it-tip ta’ kliem jista’ faċilment jiġi pproċessat billi jiġu kkodifikati direttament fid-dizzjunarju, kif sar għall-kelma “medium-sized”, li tidher ta’ spiss fid-dokumenti Komunitarji. La darba tiġi kkodifikata, il-kelma ma tkunx teħtieġ iktar ipproċessar u ma tqajjem ebda problema. B’hekk il-parti essenzjali tal-ipproċessar issir fil-programmi lingwistiċi u l-ewwel nett fuq il-livell tal-analiżi fil-programm Ehmrt000.c. It-tieni nett, l-ipproċessar ikompli fil-livell tat-trasferiment. Huma stabbiliti rutini lessikali li jipproċessaw il-kliem b’ħajfins għall-parti l-kbira tal-kombinazzjonijiet ta’ lingwi li jibdew mill-Ingliż.

241    Madankollu, dawn l-elementi ma jdaħħlux inkwistjoni n-neċessità ta’ intervent fuq il-kernel sabiex jiġi eżegwit il-kuntratt mogħti. Ftit huwa importanti l-fatt li huwa possibbli approċċ differenti, l-istess bħalma hija rrilevanti l-kwistjoni jekk il-kontenut tal-funzjoni mitluba huwiex ta’ natura lingwistika. Dak li huwa importanti huwa l-approċċ adottat fil-verżjoni EC-Systran Unix, li hawnhekk huwa l-istess bħal dak adottat fil-verżjoni Systran Unix. Għalhekk, ma hemm xejn li jikkontradixxi l-affermazzjoni tal-espert tal-informatika tar-rikorrenti li l-ipproċessar tal-kliem b’ħajfin permezz tal-programm tal-informatika li jikkonċerna din il-funzjoni jsir effettivament fil-livell tal-kernel. Għall-kuntrarju, din l-affermazzjoni hija kkonfermata mit-tieni nota tad-DĠT (ara l-punt 239 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, dwar dan il-punt, is-sejħa għal offerti ma titlobx lill-persuna li tingħata l-kuntratt li tikkodifika l-kliem kollu eżistenti li għandu ħajfin iżda li ttejjeb il-programm tal-informatika li jikkonċerna din il-funzjoni.

242    Fir-rigward tal-ipproċessar tal-ittri kapitali, id-DĠT josserva li r-rwol tal-kernel b’ebda mod ma huwa lingwistiku iżda pjuttost mekkaniku. Pereżempju, ir-rwol tal-programm Rtrprint.c, li huwa programm tal-kernel, imsemmi fl-ewwel nota teknika Bitan, huwa biss li japplika fil-lingwa li fiha ssir it-traduzzjoni d-deċiżjonijiet meħuda mill-programmi lingwistiċi, u b’mod partikolari r-rutina lessikali Lefweekd.c, li tikkostitwixxi programm tar-rutini lingwistiċi u li tipproċessa l-ġranet tal-ġimgħa. Bl-istess mod, id-deċiżjoni li tiġi applikata l-funzjoni “ittri kapitali” skont ir-regoli grammatikali u skont il-kuntest lingwistiku tittieħed fil-programmi lingwistiċi u tirriżulta fl-ewwel lok mill-analiżi magħmua mill-programm Epropnou.c, li jipproċessa l-ismijiet, l-abbrevjazzjonijiet u l-akronomi etc. L-ipproċessar jista’ jsir fil-livell tat-trasferiment fir-rutini lessikali, bħalma jsir fil-kombinazzjoni ta’ lingwi Ingliż-Taljan. Id-DĠT josserva wkoll li d-deċiżjoni dwar l-ittri kapitali tista’ anki tittieħed fil-livell tad-dizzjunarji. Pereżempju, huma kkodifikati b’ittra kapitali fil-bidu l-ismijiet kollha (Panama, Palestine, Parkinson) jew in-nomi kollha fil-Ġermaniż.

243    Madankollu, dawn l-elementi ma jdaħħlux inkwistjoni n-neċessità ta’ intervent fuq il-kernel sabiex jiġi eżegwit il-kuntratt mogħti. F’dan ir-rigward ma huwiex importanti jekk l-intervent magħmul huwiex ta’ natura lingwistika jew mekkanika peress li l-kwistjoni tikkonċerna biss jekk sarux modifiki mhux awtorizzati lil elementi protetti mid-dritt tal-awtur jew bħala ‘know-how’. Bl-istess mod, ma huwiex importanti jekk setax jintuża approċċ ieħor sa fejn dak li huwa importanti huwa l-approċċ adottat fil-verżjoni EC-Systran Unix, li hawnhekk huwa l-istess bħal dak adottat fil-verżjoni Systran Unix. F’dan il-każ, is-sejħa għal offerti kienet titlob lill-persuna li tingħata l-kuntratt sabiex ittejjeb il-programm tal-informatika li jikkonċerna din il-funzjoni u ma hemm xejn li jikkontradixxi l-affermazzjoni tal-espert tal-informatika tar-rikorrenti li l-ipproċessar tal-informatika tal-ittri kapitali minn lingwa għal oħra jsir fil-kernel fil-kuntest tal-modules tal-istadju ta’ wara l-ipproċessar tat-test. Għall-kuntrarju, id-DĠT jirrikonoxxi espressament li l-kernel jagħti, minn tal-inqas, kontribuzzjoni fil-kuntest ta’ dan il-proċess sa fejn id-deċiżjonijiet meħuda minn ċerti rutini jiġu eżegwiti fih. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kodiċi sors tal-verżjonijiet Systran Unix u EC-Systran Unix, għandu jiġi osservat li H. Bitan mhux biss wera li 80 sa 95 % tal-kodiċi sors kienu simili fil-kernels taż-żewġ verżjonijiet, iżda wkoll li kien jeżisti xebh ieħor fil-livell tar-rutini lingwistiċi, u dan sa fejn parti kbira mir-rutini tal-verżjoni Systran Unix jinsabu fil-verżjoni EC-Systran Unix. L-istess bħall-verżjoni EC-Systran Unix, il-verżjoni Systran Unix għandha programm li jippermetti l-ipproċessar tal-ittri kapitali. Anki hawnhekk, is-sejħa għal offerti ma titlobx lill-persuna li tingħata l-kuntratt sabiex tikkodifika kull kelma eżistenti li fiha ittra kapitali iżda sabiex ittejjeb il-programm tal-informatika dwar din il-funzjoni.

244    Id-DĠT ma jindirizzax il-kwistjoni tal-osservanza tal-konvenzjonijiet tal-Kummissjoni, li skont H. Bitan teħtieġ intervent fuq il-kernel.

245    Fir-rigward tal-ipproċessar tal-indikazzjoni tal-pussess fl-Ingliż, “’s” (pereżempju l-kelma “operator’s”), id-DĠT jenfasizza li r-rwol tal-kernel fl-ipproċessar ta’ dan it-tip ta’ kliem huwa limitat ħafna u jikkonsisti fl-eliminazzjoni tal-“’s” sabiex tkun tista’ ssir tfittxija għall-kelma waħedha (jiġifieri l-kelma “operator”) fid-dizzjunarju. Barra minn hekk, peress li dan l-ipproċessar jiffunzjona perfettament, ma hemm ebda raġuni li jiġi mmodifikat.

246    Dawn l-elementi b’ebda mod ma jdaħħlu inkwistjoni l-ħtieġa ta’ aċċess għall-kernel u tal-modifika tiegħu sabiex jiġi eżegwit il-kuntratt mogħti. Għall-kuntrarju, id-DĠT jikkonferma espressament ir-rwol tal-kernel fl-ipproċessar tal-indikazzjoni tal-pussess fl-Ingliż u sempliċement jindika li r-rwol tal-programm tal-informatika aġġornat sabiex jiżgura din il-funzjoni jaħdem perfettament, minkejja li mit-test stess tas-sejħa għal offerti jirriżulta li dan kien wieħed minn fost id-diversi titjib speċifiku li kellu jitwettaq mill-persuna li tingħata l-kuntratt.

247    In-natura tal-interventi mitluba mingħand il-kumpannija Gosselies kienet is-suġġett ta’ diversi mistoqsijiet fil-kuntest tat-tieni sensiela ta’ mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali u matul is-seduta. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tindika jekk hija kinitx effettivament tat aċċess għall-kodiċi sors tal-kernel tas-softwer Systran sabiex ikunu jistgħu jitwettqu x-xogħlijiet fdati lill-kumpannija Gosselies, irrispettivament minn jekk dawn ix-xogħlijiet jikkonċernawx jew le, b’mod sekondarju jew prinċipali, partijiet oħra tas-softwer Systran. Fl-eventwalità li l-Kummissjoni tibqa’ ssostni l-affermazzjonijiet tagħha li, minn naħa, ix-xogħlijiet inkwistjoni ma kinux jeħtieġu intervent fuq il-livell tal-kernel bażiku u, min-naħa l-oħra, li hija ma żvelatx lil Gosselies il-kodiċi sors tas-sistema EC-Systran Unix, il-partijiet intalbu jindikaw jekk u kif dawn l-affermazzjonijiet setgħu jiġu vverifikati fuq livell tekniku.

248    Bi tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet, il-Kummissjoni tenniet l-affermazzjonijiet tagħha li “ix-xogħlijiet fdati lill-kumpannija Gosselies ma kinux jeħtieġu intervent fuq il-livell tal-kernel bażiku” u indikat li “hija ma [kinitx tat] aċċess għall-kodiċi sors tal-kernel tas-softwer Systran u lanqas ma kienet żvelat lil Gosselies il-kodiċi sors tas-sistema EC-Systran Unix”. Hija għamlet referenza wkoll għall-ftehim ta’ kunfidenzjalità li jikkonċerna s-sejħa għal offerti tal-4 ta’ Ottubru 2003, li ftit huwa importanti fir-rigward tal-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni f’din il-kawża. Fir-rigward tal-verifika teknika ta’ dawn l-affermazzjonijiet li huma kontradetti mit-test tas-sejħa għal offerti u mill-ewwel nota teknika Bitan, il-Kummissjoni ssostni dan li ġej fit-tweġiba tagħha għat-tieni sensiela ta’ mistoqsijiet:

“Fid-dawl tal-kompetenzi meħtieġa sabiex jitwettqu l-atti msemmija iktar ’il fuq u tal-kwalifiki ta’ lingwisti (u mhux ta’ persuni kkwalifikati fl-informatika) tal-impjegati ta’ Gosselies li kellhom jeżegwixxu l-kuntratt mal-Kummissjoni, jista’ jingħad li dawn tal-aħħar b’ebda mod ma kienu kapaċi jintervjenu fuq il-livell tal-kernel. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi ppreċiżat li x-xogħlijiet li twettqu f’dak iż-żmien mill-kumpannija Gosselies huma llum ’il ġurnata mwettqa mil-lingwisti tal-Kummissjoni.”

249    Din it-tweġiba għandha titqabbel mat-tweġiba tar-rikorrenti, li l-espert tagħhom, H. Bitan, jindika, fit-tielet nota teknika tiegħu, dwar il-metodu ta’ verifika tal-affermazzjonijiet tekniċi tal-Kummissjoni, il-passi li kellhom jittieħdu sabiex jitqabblu ż-żewġ verżjonijiet tas-softwer EC-Systran Unix, jiġifieri dik li tippreċedi s-sejħa għal offerti u dik li hija sussegwenti għas-sejħa għal offerti u li twieġeb għall-aspettattivi tal-Kummissjoni. Dan il-punt ġie diskuss matul is-seduta, fejn il-Kummissjoni osservat li tali paragun ma kienx daqstant diffiċli sabiex jitwettaq daqs kemm kienet qiegħda taħseb.

250    Għaldaqstant, fid-dawl tal-argumenti mressqa mill-partijiet u fid-dawl tat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tikkontesta l-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti insostenn tat-teżi tagħhom, jiġifieri li x-xogħlijiet mitluba mingħand Gosselies kienu jeħtieġu aċċess għall-kodiċi sors tal-verżjoni EC-Systran Unix u kienu jeħtieġu modifika tiegħu. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija kontradetta kemm mill-informazzjoni teknika mressqa dwar dan il-punt mir-rikorrenti u kemm mis-sejħa għal offerti tagħha stess. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-“kumpannija Gosselies, li meta saret is-sejħa għal offerti kienet tinsab fi stadju embrijoniku tal-eżistenza tagħha u kważi ma kellha ebda impjegati, irnexxielha, grazzi għar-reklutaġġ tal-impjegati preċedenti ta’ Systran Luxembourg, takkwista l-kompetenzi umani meħtieġa sabiex twieġeb għas-sejħa għal offerti u tirbaħ il-kuntratt”. Issa, mir-rapporti ta’ attivitajiet ta’ Systran Luxembourg prodotti fl-Annessi 4 u 5 tat-tweġiba tal-Kummissjoni għall-aħħar sensiela ta’ mistoqsijiet jirriżulta li Systran Luxembourg kienet twettaq funzjonijiet ta’ natura informatika iktar milli lingwistika. Matul is-seduta, il-Kummissjoni pproduċiet il-curriculum vitae tal-impjegati ta’ Gosselies, u b’hekk seta’ jiġi kkonstatat li dawn ma kinux biss lingwisti iżda wkoll persuni kkwalifikati fl-informatika li kienu perfettament kapaċi jiksbu aċċess għall-kodiċi sors tas-softwer Systran u jaħdmu fuq l-imsemmi kodiċi, inkluż il-kodiċi li jikkorrispondi għall-kernel jew għar-rutini lingwistiċi relatati.

251    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, bi tweġiba għat-tielet sensiela ta’ mistoqsijiet dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tad-dannu, il-Kummissjoni ppreżentat bħala anness rapport ta’ perizja bid-data tat-3 ta’ Mejju 2010 mħejji minn L. Golvers, inġinier ċivili u espert fl-informatika fi ħdan il-qrati Belġjani, dwar l-allegati nuqqasijiet li hija allegatament wettqet fir-rigward tal-modifika tal-kernel tal-verżjoni EC-Systran Unix u tal-iżvelar tan-‘know-how’ ta’ Systran (iktar ’il quddiem ir-“rapport Golvers”; ara wkoll in-nota ta’ osservazzjonijiet dwar ir-rapport Govlers magħmula minn H. Bitan bla ħsara għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà tar-rapport Golvers, prodotta bħala anness mat-tweġibiet tar-rikorrenti għar-raba’ sensiela ta’ mistoqsijiet, kif ukoll attestazzjoni bid-data tat-23 ta’ April 2010 ppreżentata minn A. Seck, direttur tal-kumpannija Gosselies, li tispjega l-kontenut tax-xogħlijiet imwettqa minn din il-kumpannija għall-Kummissjoni, iktar ’il quddiem “l-attestazzjoni Gosselies”).

252    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport Govlers u l-attestazzjoni Gosselies ġew ippreżentati fi stadu li kien tard wisq, u dan mingħajr ma tressqet, fil-mument meta dawn id-dokumenti ġew prodotti, l-iċken motivazzjoni dwar il-fatt li ġew ippreżentati tard. Dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa iktar u iktar inkomprensibbli minħabba li d-diversi aspetti tal-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-aspetti li jikkonċernaw il-perizja tal-informatika mistennija mill-Kummissjoni sabiex tegħleb l-argumenti ppreżentati mill-espert fl-informatika tar-rikorrenti u l-informazzjoni li setgħet tiġi ppreżentata sabiex ikunu jistgħu jinftiehmu aħjar ix-xogħlijiet imwettqa mill-persuna li ngħatat il-kuntratt, kienu s-suġġett tal-ewwel żewġ sensiliet ta’ mistoqsijiet u kienu ġew diskussi fit-tul matul is-seduta.

253    Għaldaqstant, inkonformità mal-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jiġi kkunsidrat li r-rapport Golvers u l-attestazzjoni Gosselies ma humiex ammissibbli u li ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-argumenti tal-partijiet.

254    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tar-rapport Golvers, għandu jiġi enfasizzat li dan ir-rapport, għalkemm ippreparat minn inġinier ċivili, espert fl-informatika fi ħdan il-qrati Belġjani, ma jikkontradixxix ir-riżultati tal-perizija tal-informatika ppreżentata mill-espert tar-rikorrenti dwar dan il-punt. Fil-fatt, L. Golvers ma jibbażax ir-rapport tiegħu fuq id-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran, la fuq Systran Unix u lanqas fuq id-diversi verżjonijiet ta’ EC-Systran Unix, qabel u wara t-twettiq tax-xogħlijiet previsti fis-sejħa għal offerti kontenzjuża, u ma eżaminax ir-riżultat tax-xogħlijiet imwettqa mill-kumpannija Gosselies f’isem il-Kummissjoni. F’dan id-dawl, għandu jiġi mfakkar li, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali u matul is-seduta, l-espert tal-informatika tar-rikorrenti indika b’mod ċar kif kien possibbli għall-Kummissjoni li tqabbel id-diversi verżjonijiet tas-softwer EC-Systran Unix sabiex tikkonferma jew tinnega l-indikazzjonijiet li d-diversi xogħlijiet ikkunsidrati fis-sejħa għal offerti kienu jeħtieġu aċċess għall-kernel u għar-rutini lingwistiċi relatati u kellhom bħala konsegwenza l-modifika tagħhom. B’hekk, il-Kummissjoni ngħatat diversi drabi l-possibbiltà li teħles minn kull responsabbiltà billi tressaq il-prova materjali li ebda modifika ta’ informazzjoni protetta mid-dritt tal-awtur u min-‘know-how’ ta’ Systran ma kienet twettqet b’konsegwenza tat-twettiq tax-xogħlijiet previsti fis-sejħa għal offerti. Ir-rapport Golvers ma jikkostitwixxix din il-prova materjali.

255    Ir-rapport Golvers huwa bbażat esklużivament fuq in-noti, l-annessi u l-atti ta’ proċedura ta’ din il-kawża, inklużi d-diversi noti tekniċi tal-espert tal-informatika tar-rikorrenti, u l-intervisti mal-uffiċjali tad-DĠT kif ukoll ma’ D. Buisoni, direttur tal-kumpannija Gosselies u ex programmatur ta’ Systran Luxembourg. Fuq il-livell tekniku, L. Golvers ifakkar essenzjalment l-importanza li l-Kummissjoni tagħti lid-dizzjunarji żviluppati minnha, ħaġa din li ma hijiex ikkontestata u li b’ebda mod ma tipprekludi lill-grupp Systran milli jinvoka drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq il-kernel tas-softwer Systran, kemm jekk hija l-verżjoni inizjali Systran Mainframe u kemm jekk hija, b’mod partikolari, il-verżjoni Systran Unix, l-unika verżjoni rilevanti għal din il-kawża.

256    L. Golvers jenfasizza wkoll li , ex hypothesi, il-persunal tal-kumpannija Gosselies ma kellux il-kompetenzi tekniċi meħtieġa sabiex iwettaq interventi fuq programmi kumplessi miktuba bil-lingwa C, u dan filwaqt li jindika wkoll li l-kumpannija Gosselies kienet komposta mill-persunal ta’ Systran Luxembourg, persunal li kien perfettament kapaċi jaħdem fuq id-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran.

257    Barra minn hekk, fid-deskrizzjoni tax-xogħlijiet imwettqa minn Gosselies sabiex tissodisfa s-sejħa għal offerti, L. Golvers jenfasizza fuq kollox ix-xogħlijiet intiżi li jissodisfaw il-paragrafu 3.1 tas-sejħa għal offerti, jiġifieri l-ikkodifikar tad-dizzjunarji, u ftit li xejn jindirizza x-xogħlijiet marbuta mal-eżekuzzjoni tal-paragrafu 3.2, jiġifieri t-titjib, l-adattamenti u ż-żidiet magħmula għar-rutini lingwistiċi.

258    Fir-rigward tal-ikkodifikar, dan twettaq permezz ta’ softwer estern, imsejjaħ “DMP”, li ma jissemmiex fis-sejħa għal offerti u li l-eżistenza tiegħu ġiet invokata għall-ewwel darba f’dan l-istadju tal-proċedura, jiġifieri fil-5 ta’ Mejju 2010. Skont ir-rapport Golvers, l-ikkodifikar tad-dizzjunarji kien jikkonsisti fiż-żieda u fil-korrezzjoni ta’ 10 577 entrati. L-attestazzjoni Gosselies tindika, f’dan ir-rigward, li l-kumpannija Gosselies “kellha bħala l-missjoni tagħha li tivverifika d-dizzjunarji elettroniċi li, matul is-snin, kienu jeħtieġu eluf ta’ adattamenti” u li, sabiex għamlet dan, hija “użat is-softwer DMP li permezz tiegħu n-nuqqasijiet ta’ koerenza jkunu jistgħu jintwerew u jiġu kkoreġuti b’mod iktar faċli [...] u li permezz tiegħu d-dizzjunarji setgħu jinżammu f’format miftuħ ta’ databases”. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-espert tar-rikorrenti dwar dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li ftit li xejn jidher probabbli li l-Kummissjoni setgħet tħallas madwar EUR 2 miljuni sabiex titlob lil prestatarju estern jikkoreġi 10 577 entrati ta’ programm, jiġifieri, skont il-kalkoli magħmula minn H. Bitan fid-dawl tat-tul tal-kuntratt, l-ekwivalenti ta’ 2.5 entrati kull jum għal kull impjegat ta’ Gosselies, filwaqt li lessikografu ta’ Systran iwettaq medja ta’ 400 entrati kull jum.

259    Fir-rigward tax-xogħlijiet l-oħra, ir-rapport Golvers jindika b’mod sommarju li l-kumpannija Gosselies “wettqet l-iktar xogħlijiet ta’ aġġornament tad-dizzjunarji u xi ftit adattamenti ta’ rutini lingwistiċi, mhux fil-‘kernel’ iżda fil-fajls estratti awtomatikament mill-Mainframe Amdhal”. L-attestazzjoni Gosselies b’ebda mod ma tirreferi għal dan l-aspett tax-xogħlijiet imwettqa ħlief, forsi, b’mod ambigwu, meta tindika li “l-adattamenti fil-livell tad-dizzjunarji kellhom biss l-iskop finali li jtejbu t-traduzzjoni”. Jekk tiġi segwita t-teżi mressqa minn L. Golvers, anki jekk jirriżulta li l-“ftit” adattamenti ta’ rutini lingwistiċi mwettqa mill-kumpannija Gosselies kienu jeħtieġu xogħol fuq il-kodiċi sors tal-verżjoni EC-Systran Unix, dan ikun ifisser li l-grupp Systran ma għandux dritt tal-awtur jew ‘know-how’ f’dan ir-rigward peress li hija inkwistjoni biss il-verżjoni Unix ta’ kodiċi sors li kien jeżisti preċedentement biss fil-verżjoni EC-Systran Mainframe, li fuqha l-grupp Systran ma jista’ jinvoka l-ebda dritt u li b’ebda mod ma hija marbuta mal-verżjoni Systran Unix. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mill-istruttorja jirriżulta li l-verżjoni Systran Unix hija verżjoni li tista’ titqies li hija xogħol primarju, oriġinali u li tista’ tiġi protetta, li l-verżjoni EC-Systran Unix hija verżjoni derivata minn Systran Unix li għandha diversi similaritajiet sostanzjali fil-livell tal-kernel u tar-rutini lingwistiċi u li l-Kummissjoni qatt ma rnexxielha tistabbilixxi fir-rigward ta’ liema elementi tal-kernel u tar-rutini lingwistiċi ta’ Systran Unix hija kienet qiegħda tallega li hija l-proprjetarja minħabba d-drittijiet tagħha fuq id-dizzjunarji u r-rutini lingwistiċi relatati ta’ EC-Systran Mainframe, mingħajr ma r-rikorrenti jkunu jistgħu jinvokaw f’dan ir-rigward id-drittijiet miżmuma fuq il-verżjoni oriġinali Systran Mainframe.

260    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jallegaw u jipprovaw b’mod suffiċjenti li l-modifiki mitluba mill-paragrafu 3.2 tas-sejħa għal offerti jeħtieġu aċċess għall-elementi tal-verżjoni EC-Systran Unix li huma meħuda mill-verżjoni Systran Unix u jeħtieġu wkoll il-modifika ta’ dawn l-elementi. Il-Kummissjoni baqgħet ma ressqitx prova kuntrarja billi twettaq paragun bejn id-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran sabiex turi li l-informazzjoni li tinsab fil-kernel tal-verżjoni Systran Unix ma ġietx immodifikata bix-xogħlijiet imwettqa sussegwentement għas-sejħa għal offerti.

261    Minn dak li ntqal jirriżulta li, billi kkunsidrat li għandha d-dritt twettaq xogħlijiet li jimplikaw modifika tal-elementi li jikkonċernaw il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran u li kienu jinsabu fil-verżjoni EC-Systran Unix, mingħajr ma kisbet minn qabel il-kunsens tal-grupp Systran, il-Kummissjoni wettqet illegalità fid-dawl tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri applikabbli f’dan il-qasam. Din l-illegalità, li tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet tal-awtur u tan-‘know-how’ miżmuma mill-grupp Systran fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran, hija ta’ natura li timplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

B –  Fuq id-dannu mġarrab u fuq ir-rabta kawżali

1.     Fuq id-dannu mġarrab minn Systran Luxembourg u fuq ir-rabta kawżali

a)     L-argumenti tal-partijiet

262    Ir-rikorrenti jsostnu li d-dannu mġarrab minn Systran Luxembourg jammonta għal mill-inqas EUR 1 170 328. Dan id-dannu jinkludi, l-ewwel nett, it-telf ta’ EUR 571 000 imġarrab minn din il-kumpannija fl-2003. Fil-fatt, is-sejħa għal offerti miftuħa fl-2003 mill-Kummissjoni kienet ippreċeduta minn waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali ma’ Systran Luxembourg, liema waqfien kien wassal għat-tkeċċija tal-impjegati ta’ din il-kumpannija. Dan it-telf, għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni peress li d-deċiżjoni li jitkeċċa l-persunal tagħha ttieħdet biss wara l-waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-Kummissjoni. Id-dannu ta’ Systran Luxembourg huwa kkostitwit ukoll mil-lucrum cessans fuq il-kuntratt mogħti lill-kumpannija Gosselies fi tmiem is-sejħa għal offerti bi ksur tad-drittijiet tal-grupp Systran. Ir-rikorrenti jistmaw dan il-lucrum cessans bħala 30 % tal-marġni netta. Sa fejn il-kuntratt mogħti lill-kumpannija Gosselies jipprevedi dħul mill-bejgħ ta’ EUR 800 000 fis-sena għal erba’ snin, dan id-dannu jammonta għal 30 % ta’ EUR 3 200 000, jiġifieri EUR 960 000. Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti jippreċiżaw li dan l-ammont huwa ta’ EUR 599 328, fid-dawl tal-kalkolu ppreżentat mill-Kummissjoni fejn it-30 % għandhom jiġu kkalkolati fuq is-somma ta’ EUR 1 997 760. Id-dannu mġarrab minn Systran Luxembourg jirriżulta direttament mill-atti tal-Kummissjoni, li huma l-kawża esklużiva tad-deċiżjoni li jitkeċċa l-persunal ta’ din il-kumpannija. Bl-istess mod, il-lucrum cessans li ġarrbet Systran Luxembourg huwa marbut direttament mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħti l-kuntratt lill-kumpannija Gosselies bi ksur tad-drittijiet tal-grupp Systran.

263    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma jistabbilixxux ir-realtà tad-dannu invokat fir-rigward ta’ Systran Luxembourg. Barra minn hekk, l-aġir li bih hija akkużata ma huwiex il-kawża tat-telf ta’ din il-kumpannija fl-2003 u tal-lucrum cessans invokat għas-snin 2003 sa 2007. Fil-fatt, Systran Luxembourg u Systran ma kinux wieġbu għas-sejħa għal offerti tal-4 ta’ Ottubru 2003. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li dan id-dannu jeżisti, il-bażi ta’ kalkolu użata għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ totali li jirriżulta mill-kuntratti konklużi mal-kumpannija Gosselies fi tmiem is-sejħa għal offerti tal-4 ta’ Ottubru 2003, jiġifieri EUR 1 997 760 fuq erba’ snin, u mhux EUR 3 200 000 kif jindikaw ir-rikorrenti. Barra minn hekk, l-iskop kummerċjali ta’ Systran Luxembourg huwa diversifikat u jikkonċerna “l-iżviluppi tal-informatika, b’mod partikolari fil-qasam tal-lingwi naturali, il-bejgħ u l-prestazzjoni ta’ servizzi tal-informatika u ta’ softwer, l-ipproċessar, id-dħul u t-traduzzjoni ta’ test fi kwalunkwe forma”. Għalhekk, il-waqfien tal-attivitajiet ta’ Systran Luxembourg ma jistax jiġi imputat lill-Kummissjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

264    Ir-rikorrenti qegħdin jitolbu s-somma ta’ EUR 1 170 328 bħala kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minn Systran Luxembourg, jiġifieri EUR 571 000 minħabba t-telf marbut mal-waqfien ta’ attivitajiet fl-2003 u EUR 599 328 minħabba lucrum cessans marbut mal-għoti tas-sejħa għal offerti lill-kumpannija Gosselies.

265    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-fatt li kkawża d-dannu marbut mal-waqfien ta’ attivitajiet jikkonsisti, kif ġie ppreċiżat mir-rikorrenti matul is-seduta, f’manuvra tal-Kummissjoni intiża li twassal sabiex Systran Luxembourg tkeċċi l-membri tal-persunal tagħha. Tali manuvra, li kellha bħala effett il-waqfien tar-relazzjonijiet kummerċjali, jekk jitqies li tali manuvra hija pprovata, ma hijiex marbuta mad-drittijiet tal-awtur u man-‘know-how’ ta’ Systran fuq Systran Unix, li l-kontravvenzjoni tagħhom, ikkonstata f’din il-kawża, tikkostitwixxi l-illegalità invokata mir-rikorrenti. Barra minn hekk, id-dannu li jikkonsisti fil-lucrum cessans ma jistax jiġi imputat direttament lill-Kummissjoni sa fejn Systran Luxembourg ma ppreżentatx il-kandidatura tagħha għas-sejħa għal offerti kontenzjuża, li wasslet għall-għoti tal-kuntratt lill-kumpannija Gosselies.

266    Fin-nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l-aġir invokat fil-konfront tal-Kummissjoni u d-danni allegati minn Systran Luxembourg, din tal-aħħar ma tistax tingħata kumpens għad-dannu invokat minnha.

267    Għaldaqstant, it-talba ta’ Systran Luxembourg intiża sabiex tirċievi kumpens għat-telf marbut mal-waqfien tal-attivitajiet tagħha fl-2003 u għal-lucrum cessans marbut mal-għoti tas-sejħa għal offerti lill-kumpannija Gosselies għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq id-dannu mġarrab minn Systran u fuq ir-rabta kawżali

268    F’dan l-istadju għandu jiġi mfakkar li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kutnrattwali tal-Komunità, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, huwa meħtieġ li d-dannu li tiegħu jkun qiegħed jintalab kumpens ikun reali u ċert (ara s-sentenza Agraz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 126 iktar ’il fuq, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata) u li jkun hemm rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 1979, Dumortier et vs Il-Kunsill, 64/76, 113/76, 167/78, 239/78, 27/79, 28/79 u 45/79, Ġabra p. 3091, punt 21).

a)     L-argumenti tal-partijiet

 Fuq id-diversi forom ta’ dannu, ir-realtà tiegħu u r-rabta kawżali

269    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-dannu materjali mġarrab minn Systran jammonta għal total ta’ EUR 46 804 000. Skonthom, dan id-dannu jirriżulta direttament mill-atti tal-Kummissjoni. L-ewwel nett, id-dannu jirriżulta mid-deprezzament fit-titoli ta’ Systran Luxembourg miżmuma minn Systran. Il-valur ta’ dawn it-titoli, akkreditat 100 % fil-kontijiet ta’ Systran, huwa ta’ EUR 1 950 000, somma li magħha għandu jiżdied kreditu ieħor ta’ EUR 64 000, jiġifieri total ta’ EUR 2 014 000. Id-dannu materjali ta’ Systran huwa kkostitwit ukoll mit-telf fil-valur ekonomiku tal-assi inkorporali tagħha. Meta tat il-kuntratt lill-kumpannija Gosselies u billi b’hekk żvelat in-‘know-how’ ta’ Systran mingħajr il-kunsens tagħha, il-Kummissjoni ċaħħdet lil dawn l-assi mill-valur ekonomiku tagħhom, li kien jinsab proprju fin-natura sigrieta tagħhom. Għalhekk, id-dannu li l-Kummissjoni għandha tikkumpensa fl-intier tiegħu jikkorrispondi għall-valur tan-‘know-how’ li ġie żvelat. Ir-rikorrenti jinsistu wkoll fuq il-fatt li l-kontravvenzjoni u l-iżvelar ta’ ‘know-how’ allegati jikkawżawlhom dannu reali. Hija jipproduċi diversi attestazzjonijiet ta’ distributuri, finanziera u awdituri li juru l-portata tad-dannu serju kkawżat mill-attitudni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur tagħhom.

270    Il-Kummissjoni tikkritika din il-valutazzjoni tad-dannu materjali minħabba li r-realtà tad-dannu invokat ma hijiex stabbilita u minħabba li, minkejja li hija l-awtriċi tan-nuqqasijiet allegati fil-konfront tagħha, dawn in-nuqqasijiet ma wasslux għad-deprezzament totali tat-titoli ta’ Systran Luxembourg u għal dannu li jikkorrispondi għat-telf totali fil-valur patrimonjali tal-assi inkorporali ta’ Systran. Ir-rikorrenti lanqas ma pprovaw l-iċken rabta kawżali bejn l-illegalitajiet allegati u d-dannu materjali allegatament imġarrab. Barra minn hekk, mir-rapport annwali ta’ Systran għas-sena 2005, li jippreżenta l-kontijiet mill-2001 sal-2005, jirriżulta li s-sena 2003 kienet partikolarment pożittiva meta mqabbla mas-snin preċedenti (2001 u 2002) u sussegwenti (2004 u 2005). Dan ir-rapport annwali ma jispjegax li t-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ kien ikkawżat mit-telf tal-Kummissjoni bħala klijent jew mill-eżistenza ta’ allegata kontravvenzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, ir-rapport annwali jindika:

“Bħala regola ġenerali, il-programmi tal-informatika ma humiex invenzjonijiet li jistgħu jiġu koperti bi privattiva. Il-Grupp iżomm id-drittijiet tal-awtur kollha fir-rigward tat-teknoloġija u tal-prodotti tiegħu. Attwalment il-Grupp ma huwiex involut f’tilwim fil-qasam tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali [...] Ma hemmx kawżi jew proċeduri ta’ arbitraġġ li jista’ jkollhom jew li kellhom, fil-passat reċenti, impatt sinjifikattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja, l-attività jew il-profitt tal-Grupp.”

271    Fir-rigward tad-diversi attestazzjonijiet prodotti sabiex tintwera r-realtà tad-dannu, il-Kummissjoni tikkontesta l-ewwel nett l-attestazzjoni tal-awdituri minħabba li fiha huwa indikat li l-iżvelar invokat fil-konfront tagħha jiġġustifika parzjalment il-ħlas fuq il-kont magħmul minn Systran. Din l-attestazzjoni essenzjalment tgħid li dan kien “dħul fil-kontijiet opportunist” magħmul fir-rigward ta’ sena, jiġifieri s-sena 2008, meta l-impriżi kollha kienu prudenti. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li huwa manifestament ineżatt li l-aġir tagħha wassal għal tfixkil fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-grupp Systran sa fejn kien il-grupp stess li xandar it-tilwima fil-mezzi tax-xandir u sa fejn la hija u lanqas Gosselies ma huma kompetituri tal-grupp Systran. Id-dokumenti pprovduti mid-distributuri ta’ Systran huma stabbiliti manifestament a posteriori u huwa assurd li jiġi sostnut li l-allegata kontravvenzjoni seta’ kellha impatt fuq dawn id-distributuri. Id-diffikultajiet kummerċjali huma pjuttost dovuti għall-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet kompetituri, għall-fatt li d-diversi verżjonijiet tas-softwer għadda żmienhom jew għall-kriżi ekonomika tal-2008/2009. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li hija ineżatta l-affermazzjoni li l-aġir tagħha seta’ jippreżenta ostakolu importanti għall-investituri interessati fil-grupp Systran. Fil-fatt, l-aġir tagħhom jista’ jiġi spjegat bil-fatt li l-grupp Systran tilef lill-Kummissjoni bħala klijent. F’dan ir-rigward ma hija pprovata ebda rabta kawżali.

272    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jivvalutaw id-dannu morali mġarrab minn Systran bħala, minn tal-inqas, EUR 2 miljun. Dan id-dannu morali jista’ jiġi stmat biss, minkejja li huwa ċert, peress li l-grupp Systran ġarrab telf kunsiderevoli minħabba l-iżvelar mill-Kummissjoni. Ir-reputazzjoni tal-grupp Systran kienet ukoll milquta ħażin minħabba li r-rikorrenti kienu mġiegħla jiftħu kawża kontra klijent istituzzjonali, ħaġa din li tagħmel ħsara kunsiderevoli lill-immaġni tagħhom u lir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. Barra minn hekk, l-aġir tal-Kummissjoni seta’ biss jinkoraġġixxi lill-klijenti l-oħra u lill-klijenti potenzjali tal-grupp Systran sabiex jipprovaw jiksbu s-sistema tiegħu b’mezzi oħra li ma humiex kummerċjali.

273    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li Systran hija esklużivament responsabbli għax-xandir tal-kawża fil-mezzi tax-xandir u li għalhekk ma hemmx lok li jingħata kumpens għal xi dannu morali. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li jekk il-vittma ta’ kontravvenzjoni ma tkunx tista’ tressaq prova tad-dannu tagħha jew tal-portata tiegħu, l-għoti ta’ kumpens jista’ jiġi rrifjutat jew limitat għall-“frank simboliku”. Skont il-Kummissjoni, ma tressqet ebda prova fir-rigward tal-eżistenza ta’ dannu morali ta’ EUR 2 miljuni jew tar-rabta kawżali bejn l-aġir invokat fil-konfront tagħha u dan l-allegat dannu.

 Fuq il-valutazzjoni inizjali tat-telf fil-valur tal-assi inkorporali

274    Bi tweġiba għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-telf fil-valur tal-assi inkorporali, ir-rikorrenti pproduċew nota ppreparata mill-espert finanzjaru tagħhom (nota ta’ A. Martin, accountant espert u awditur fi Franza approvat minn diversi qrati Franċiżi, fosthom il-Cour de Cassation, dwar il-valutazzjoni tal-assi inkorporali ta’ Systran, iktar ’il quddiem l-“ewwel nota finanzjarja tar-rikorrenti”). Fir-rigward ta’ Systran, li hija kumpannija “bi prodott wieħed”, l-uniċi assi inkorporali “li jistgħu jingħataw valur” huma s-softwer u n-‘know-how’ li hija tindika parzjalment bħala assi kapitali fil-kontijiet tagħha. Dan il-valur għall-finijiet tal-kontabbiltà, madankollu, ma huwiex il-valur reali ta’ dawn l-assi, liema valur jista’ jiġi stmat abbażi tal-valur fis-suq tal-kumpannija. F’dan il-każ, għalhekk, permezz tal-evoluzzjoni fil-valur tal-ishma ta’ Systran tista’ tiġi stabbilita korrelazzjoni evidenti bejn in-nuqqasijiet tal-Kummissjoni u t-telf fil-valur tas-suq ta’ din il-kumpannija, u għalhekk it-telf fil-valur tal-assi inkorporali tagħha. Fl-ewwel nota finanzjarja tar-rikorrenti, A. Martin jikkonkludi hekk: “L-assi inkorporali ta’ Systran [setgħu] jiġu vvalutati abbażi tal-kapitalizzazzjoni fis-suq fil-bidu tas-sena 2004, fl-ammont ta’ EUR 43 [sa] 45 miljuni. Dawn l-assi inkorporali jirrappreżentaw essenzjalment is-softwer ta’ traduzzjoni awtomatika, produtt uniku ta’ Systran, u n-‘know-how’ relatat miegħu. Lejn l-aħħar tal-2004, dawn l-assi inkorporali kienu jirrappreżentaw biss valur ta’ EUR 23 [sa] 24 miljuni, fejn id-deprezzament ta’ EUR 20 [sa] 21 miljuni jista’ jiġi spjegat biss bl-atti tal-Kummissjoni [...] li wasslu għall-iżvelar ta’ dawn l-elementi u għall-użu kontenzjuż tagħhom.” Għaldaqstant, ir-rikorrenti jsostnu f’dan l-istadju li l-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata, fir-rigward tat-telf fil-valur tal-assi inkorporali, għas-somma ta’ EUR 44 790 000 sa fejn l-iżvelar ċaħħad dawn l-assi mill-valur ekonomiku kollu tagħhom. Minn tal-inqas, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tagħmel tajjeb għad-dannu ċert u li diġà ġie kkonstatat, li jikkonsisti fit-telf fil-valur mogħti mis-suq, jiġifieri s-somma ta’ EUR 21 miljuni, telf li jirriżulta mill-iżvelar.

275    Bi tweġiba għall-ewwel nota finanzjarja tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tippreżenta nota ppreparata mill-esperta finanzjarja tagħha (nota ta’ P. Tytgat, awditriċi ta’ kumpanniji fil-Belġju). B’hekk, fi tweġiba għall-affermazzjoni li “wara tnaqqis fl-2004 dovut fil-parti l-kbira tiegħu għat-telf tal-Kummissjoni [bħala klijent], id-dħul mill-bejgħ [ta’ Systran] baqa’ stabbli fl-2004 qabel ma reġa’ soffra tnaqqis ieħor fl-2006”, l-esperta tal-Kummissjoni tosserva li l-Kummissjoni kienet il-klijenta ta’ Systran Luxembourg u mhux ta’ Systran u li tali affermazzjoni turi pjuttost li t-tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ ta’ Systran ma rriżultax mill-allegata kontravvenzjoni. Sabiex tirribatti l-affermazzjonijiet li “it-tnaqqis fil-kapitalizzazzjoni fis-suq matul is-sena 2004 [...] jista’ jiġi spjegat biss permezz tal-atti tal-Kummissjoni” u li “it-tnaqqis regolari fil-valur [tal-ishma] ta’ Systran fl-2004 pass pass mat-tixrid tal-aħbar dwar l-iżvelar mill-Kummissjoni tas-softwer u tan-‘know-how’ relatat miegħu, filwaqt li l-valuri fis-suq għamlu progress, bil-CAC 40 jagħmel progress fil-valur medju mensili minn 3 636 [punti] f’Jannar għal 3 796 [punti] f’Diċembru 2004”, l-esperta tal-Kummissjoni tosserva li t-tqabbil tal-evoluzzjoni tal-ishma ta’ Systran ma għandux isir fil-konfront tal-evoluzzjoni tal-indiċi CAC 40 iżda fil-konfront tal-indiċi settorjali ‘Logiciels et services informatiques’ (Softwer u servizzi tal-informatika) tal-Borża ta’ Pariġi. Din l-evoluzzjoni turi li l-ishma ta’ Systran segwew l-indiċi settorjali, u dan jipprova li l-allegata kontravvenzjoni ma kinitx il-kawża tad-dannu invokat. Barra minn hekk, il-valur ta’ assi inkorporali jiddependi minn stima finanzjarja f’mument partikolari u mhux mill-valur tal-ishma, li jiddependi minn sensiela kompletament differenti ta’ fatturi oħra. Għalhekk, ir-rikorrenti jallegaw b’mod żbaljat li l-valur tal-assi kapitali inkorporali ta’ kumpannija jiddependi, awtomatikament u mingħajr distinzjoni, mill-kapitalizzazzjoni fis-suq. L-esperta tal-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-assi ta’ Systran ma humiex ikkostitwiti mis-softwer Systran biss. Din il-kumpannija tikkummerċjalizza softwer ieħor u hija l-proprjetarja ta’ trade mark li, fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha fis-suq tas-softwer ta’ traduzzjoni, tikkostitwixxi element importanti ieħor mill-assi inkorporali tagħha. Systran għalhekk ma hijiex kumpannija “bi prodott wieħed” u ma hemm ebda lok li wieħed isostni li l-valur tan-negozju globali ta’ Systran seta’ ġie affettwat.

 Fuq il-valutazzjonijiet l-oħra tad-dannu

276    Wara s-seduta u bi tweġiba għat-tielet u r-raba’ sensiliet ta’ mistoqsijiet dwar il-valutazzjoni tad-dannu, ir-rikorrenti jsemmu ż-żewġ metodi ta’ valutazzjoni kkunsidrati fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48, jiġifieri l-metodu msejjaħ “tal-konsegwenzi negattivi ekonomiċi”, li jieħu inkunsiderazzjoni “l-aspetti xierqa kollha”, fosthom il-lucrum cessans u t-telf fil-valur tal-assi inkorporali, u l-metodu li jistabbilixxi “d-danni bħala somma waħda”, fejn l-ammont tad-danni jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ elementi bħall-ammont tal-ħlasijiet li kienu jkunu dovuti li kieku l-persuna li wettqet il-kontravvenzjoni kienet talbet l-awtorizazzjoni sabiex tuża d-dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni. It-tweġibiet tar-rikorrenti huma akkumpanjati minn żewġ noti ppreparati mill-espert finanzjarju tagħhom (nota ta’ A. Martin tat-23 ta’ April 2010 u nota ta’ A. Martin tat-2 ta’ Ġunju 2010, iktar ’il quddiem, rispettivament, it-“tieni nota finanzjarja tar-rikorrenti” u t-“tielet nota finanzjarja tar-rikorrenti”).

277    Preliminarjament, ir-rikorrenti jindirizzaw, l-ewwel nett, ir-realtà tad-dannu mġarrab minħabba t-telf fil-valur tal-assi inkorporali. Huma jenfasizzaw li, matul is-sena 2004, kemm kemm tnax-il xahar wara l-għoti tal-kuntratt, dawn l-assi inkorporali ġarrbu deprezzament ta’ 46 %, jiġifieri ammont bejn EUR 20 u 21 miljun, filwaqt li fuq l-istess perijodu, il-kapitalizzazzjoni fis-suq tal-valuri tas-settur żdiedet b’1.5 % skont l-informazzjoni tal-indiċi ‘Logiciel et services informatiques’ tal-Borża ta’ Pariġi. Tali tnaqqis fil-valur tal-ishma tagħha jista’ jiġi spjegat biss bl-iżvelar mill-Kummissjoni tan-‘know-how’ ta’ Systran. Dan it-telf fil-valur kompla jaggrava b’tali mod li f’Marzu 2010 laħaq l-ammont ta’ EUR 43 sa 45 miljuni.

278    Ir-rikorrenti jsostnu, it-tieni nett, li t-telf fil-valur tal-assi inkorporali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kemm taħt il-metodu tal-konsegwenzi ekonomiċi negattivi u kif ukoll taħt il-metodu tal-kumpens fil-forma ta’ somma waħda. Dan it-telf fil-valur jista’ jiġi vvalutat permezz ta’ żewġ approċċi: il-valutazzjoni permezz tad-determinazzjoni tat-telf fil-‘cash-flows’ futuri proposta matul is-seduta minn P. Tytgat, l-esperta finanzjarja tal-Kummissjoni, jew il-valutazzjoni permezz ta’ tqabbil mal-kapitalizzazzjoni fis-suq proposta inizjalment minn A. Martin. Ir-rikorrenti jsostnu li l-ewwel approċċ huwa inqas rilevanti mit-tieni wieħed sa fejn huwa bbażat fuq elementi prospettivi u ipotetiċi. Madankollu, dan l-approċċ ġie segwit minn A. Martin, fit-tieni nota finanzjarja tar-rikorrenti, li jikkonkludi li d-dannu ta’ Systran jammonta għalhekk għal EUR 33.5 miljuni (jiġifieri EUR 18.5 miljuni għall-perijodu 2004/2010 u EUR 15-il miljun għall-futur skont id-data aġġornata sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-ewwel nofs tal-2010). Fir-rigward tat-tieni approċċ, ir-rikorrenti josservaw li l-indikazzjoni li fatturi oħra apparti l-aġir illegali tal-Kummissjoni jistgħu jispjegaw it-telf fil-kapitalizzazzjoni fis-suq hija rilevanti teoretikament iżda ma għandha ebda konsegwenza f’dan il-każ sa fejn ebda fattur ieħor ma jista’ jispjega t-tnaqqis fil-kapitalizzazzjoni fis-suq ta’ 46 % fl-2004 meta mqabbla maż-żieda ta’ 1.5 % fl-indiċi ta’ referenza. Fi kwalunkwe każ, irrispettivament mill-approċċ adottat, id-dannu li jirriżulta mit-telf fil-valur tal-assi inkorporali jammonta mill-inqas għas-somma ta’ EUR 20 miljun.

279    Bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar il-valutazzjoni tat-telf fil-valur tal-assi inkorporali bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ 5 % għad-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-2004 lil hawn, ir-rikorrenti jsostnu li tali approċċ jista’ jiġi segwit biss taħt il-metodu tal-kumpens fil-forma ta’ somma waħda u mhux taħt il-metodu tal-konsegwenzi ekonomiċi negattivi. Skont il-metodu tal-kumpens fil-forma ta’ somma waħda, ikun għalhekk meħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi segwenti: l-ammont tal-ħlasijiet li kien ikollha tħallas il-Kummissjoni sabiex tkun tista’ timmodifika l-kodiċi sors ta’ Systran (jiġifieri EUR 10.9 miljuni għall-perijodu bejn l-2004 u l-ewwel nofs tal-2010), miżjud, l-ewwel nett, b’“ammont addizzjonali” li jieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra bħall-fatt li l-pożizzjoni kompetittiva ta’ Systran iddgħajfet, it-telf ta’ klijenti u l-ostakolu għall-kapaċità li tiżviluppa li s-sempliċi għoti tal-ħlasijiet imsemmija iktar ’il fuq ma jistax jikkumpensa – f’dan ir-rigward, A. Martin josserva li dan l-ammont addizzjonali jista’ jiġi ddeterminat bl-applikazzjoni ta’ perċentwali għad-dħul mill-bejgħ, bla ħsara għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ mondjali u mhux Ewropew, għat-teħid inkunsiderazzjoni bħala bażi ta’ kalkolu d-dħul mill-bejgħ tal-2003, għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ 10 % u mhux ta’ 5 % –, u, it-tieni nett, bid-dannu futur stmat minn A. Martin bħala EUR  15-il miljun.

280    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta b’mod preliminari r-realtà tad-dannu materjali mġarrab mill-grupp Systran sa fejn dan id-dannu ma jirriżultax b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir invokat fil-konfront tagħha. Filwaqt li tinvoka d-drittijiet tagħha fuq id-dizzjunarji, il-Kummissjoni ssostni li hija setgħet tikkummissjona x-xogħlijiet mitluba mingħand il-kumpannija Gosselies mingħajr il-kunsens tal-grupp Systran. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-impjegati ta’ Gosselies kienu impjegati ta’ Systran Luxembourg u li għalhekk kellhom konoxxenza tan-‘know-how’ li l-iżvelar tiegħu qiegħed jiġi allegat. It-tweġibiet tal-Kummissjoni kienu akkumpanjati minn nota ppreparata mill-esperta finanzjarja tagħha (nota ta’ P. Tytgat tat-3 ta’ Mejju 2010 u nota ta’ P. Tytgat tal-10 ta’ Ġunju 2010, iktar ’il quddiem, rispettivament, it-“tieni nota finanzjarja tal-Kummissjoni” u t-“tielet nota finanzjarja tal-Kummissjoni”).

281    Bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar il-valutazzjoni ta’ parti mid-dannu mġarrab bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ 5 % għad-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-2004 lil hawn, il-Kummissjoni tirreferi għall-analiżi ta’ P. Tytgat li tipprovdi li “ma huwiex rilevanti li ssir referenza għal 5 % tad-dħul mill-bejgħ imwettaq minn Systran mill-2004 lil hawn”. P. Tytgat tenfasizza li ebda punt ta’ fatt ma jippermetti li jiġi konkluż li l-valur tan-negozju ta’ Systran seta’ nbidel mill-2004 lil hawn. Minħabba li ma għamlitx offerta meta l-Kummissjoni nediet sejħa għal offerti fl-2004, Systran “ħadet pożizzjoni ħażina fir-rigward ta’ waħda mill-attivitajiet tagħha f’mument partikolari”. Fin-nisġa kumplessa tal-attivitajiet, spejjeż, marġni u dħul mill-bejgħ ta’ Systran, ma huwiex possibbli li jiġu ddeterminati b’mod preċiż, ċert u pprovat l-effetti finanzjarji ta’ azzjoni partikolari, bl-istess mod bħalma ma huwiex possibbli li jiġi vvalutat dannu permezz tat-telf ta’ kapitalizzazzjoni fis-suq. Barra minn hekk, mill-2005 lil hawn, diversi elementi setgħu affettwaw il-valur tal-grupp Systran. L-uniku mod kif jiġi vvalutat eventwali dannu huwa li ssir referenza għat-“telf ta’ cash-flow futur iġġenerat strettament mill-assi mitlufa”, u dan permezz ta’ approċċ li jitlaq minn isfel, “jiġifieri minn kuntratt, miċ-ċentri tal-ispejjeż, minn unità li tiġġenera dħul”, u mhux minn fuq, “mid-dħul mill-bejgħ li jkopri l-prodotti kollha, il-kuntratti kollha, il-pajjiżi kollha, b’koeffiċjenti fissi li ma humiex ipprovati”. Barra minn hekk, l-attività ta’ Systran tkopri “diversi prodotti, diversi setturi, diversi territorji, diversi swieq u, għaldaqstant, diversi klijenti”. Skont ir-rapport annwali ta’ Systran għas-sena 2008, l-attivitajiet editorjali ta’ softwer li huma attivitajiet perijodiċi qegħdin jonqsu peress li l-verżjoni 6 tas-softwer Systran hija kważi antikwata u kulħadd qiegħed jistenna l-verżjoni 7. In-nisġa multidimensjonali msemmija minn P. Tytgat u l-ħajja qasira ta’ ċerti prodotti kkummerċjalizzati minn Systran jagħmlu ċerti komponenti tad-dħul mill-bejgħ volatili u għalhekk kull referenza għad-dħul mill-bejgħ hija perikoluża. Fl-aħħar nett, il-parti essenzjali tad-dħul mill-bejgħ ta’ Systran toriġina mill-operaturi l-kbar tal-internet, u dan jipprova li ma hemmx dannu peress li dawn il-klijenti għadhom preżenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

282    F’dan il-każ, ir-rikorrenti qegħdin jitolbu kumpens ta’ EUR 46 804 000 għad-dannu materjali mġarrab minn Systran minħabba l-Kummissjoni, jiġifieri EUR 2 014 000 bħala kumpens għad-deprezzament tat-titoli ta’ Systran Luxembourg u EUR 44 790 000 bħala kumpens għat-telf fil-valur tal-assi inkorporali, li jinkludu t-telf diġà kkonstatat ta’ EUR 21 miljun.

 Fuq id-deprezzament tat-titoli ta’ Systran Luxembourg

283    Fir-rigward tad-dannu marbut mad-deprezzament tat-titoli ta’ Systran Luxembourg sussegwentement għall-waqfien tal-attivitajiet ta’ din il-kumpannija, għandu jiġi osservat li Systran ma tistax titlob kumpens għal dan minħabba li l-waqfien tal-attivitajiet ta’ Systran Luxembourg kien ikkawżat, skont ir-rikorrenti, min-manuvra tal-Kummissjoni intiża sabiex iġġiegħel lil Systran Luxembourg tkeċċi l-membri tal-persunal tagħha (ara l-punt 265 iktar ’il fuq). Tali manuvra, jekk jitqies li ġiet ipprovata, ma hijiex marbuta mad-drittijiet tal-awtur u man-‘know-how’ ta’ Systran fuq Systran Unix, li l-ksur tagħhom jikkostitwixxi l-illegalità kkonstatata f’din il-kawża. Barra minn hekk, jekk jitqies li l-manuvra inkwistjoni kienet tikkonsisti fl-għoti tal-kuntratt kontenzjuż lil kumpannija oħra, id-dannu invokat f’dan ir-rigward ma jistax jiġi imputat direttament lill-Kummissjoni sa fejn Systran Luxembourg ma ppreżentatx il-kandidatura tagħha għas-sejħa għal offerti kontenzjuża, li wasslet għall-għoti tal-kuntratt lill-kumpannija Gosselies.

284    Fin-nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l-aġir invokat fil-konfront tal-Kummissjoni u d-dannu allegat, it-talba ta’ Systran sabiex tirċievi kumpens għat-telf marbut mad-deprezzament tat-titoli ta’ Systran Luxembourg għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-telf fil-valur tal-assi inkorporali

285    Fir-rigward tad-dannu marbut mat-telf fil-valur tal-assi inkorporali ta’ Systran, ikun hemm lok li r-rikorrenti jirċievu kumpens jekk jirriżulta li d-dannu li tiegħu qiegħed jintalab il-kumpens huwa reali u ċert u li teżisti rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu.

–       Fuq il-valutazzjoni inizjali proposta mir-rikorrenti

286    Preliminarjament, għandu jiġi indikat li l-valutazzjoni inizjalment proposta mir-rikorrenti sabiex jiġi evalwat it-telf fil-valur tal-assi inkorporali ta’ Systran ma tistax tiġi aċċettata. Din il-valutazzjoni hija bbażata, fil-fatt, fuq it-tqabbil tal-valur fis-suq ta’ Systran fil-konfront ta’ indiċi li jiġbor fih l-40 kumpannija prinċipali kkwotati fuq il-Borża ta’ Pariġi (indiċi CAC 40) (ara l-punt 274 iktar ’il fuq u l-ewwel nota finanzjarja tar-rikorrenti). F’dan il-każ, tali tqabbil ma għandux valur ta’ prova peress li huwa wisq ġenerali sabiex jippermetti li jiġi identifikat b’mod sodisfaċenti d-dannu kkawżat mill-aġir invokat fil-konfront tal-Kummissjoni.

287    Kif indikat ġustament l-esperta finanzjarja tal-Kummissjoni, it-telf fil-kapitalizzazzjoni fis-suq jista’ jkun dovut għal numru kbir ta’ fatturi u mhux għall-aġir tal-Kummissjoni biss.

288    Huwa minnu li l-espert finanzjarju tar-rikorrenti osserva, f’dan ir-rigward, li, fil-fehma tiegħu, huwa biss l-iżvelar illegali tan-‘know-how’ ta’ Systran li jista’ jispjega t-tnaqqis fil-valur tal-ishma li mmaterjalizza matul is-sena 2004, tnaqqis dan li jibqa’ sinjifikattiv anki jekk jitqabbel ma’ indiċi settorjali rilevanti, imsejjaħ “Logiciel et services informatiques”, tal-Borża ta’ Pariġi minflok mal-indiċi CAC 40.

289    Madankollu, u għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti li t-tnaqqis regolari fil-valur tal-ishma ta’ Systran fl-2004 immaterjalizza id f’id max-xandir tal-aħbar li l-Kummissjoni kienet żvelat is-softwer u n-‘know-how’ assoċjat miegħu. Fil-fatt, mill-qari tad-diversi dokumenti fil-proċess jirriżulta li din l-aħbar ixxandret pjuttost fl-2005 jew, fi kwalunkwe każ, saret pubblika fl-2006. Fil-fatt, l-ilment kontra l-Kummissjoni ġie ppreżentat quddiem l-Ombudsman Ewropew fit-28 ta’ Lulju 2005 u dan ippreżenta r-riżultati tal-investigazzjoni tiegħu fit-28 ta’ Settembru 2006. Bl-istess mod, fit-tieni nota finanzjarja tal-Kummissjoni, P. Tytgat tosserva, wara li tindika li “ebda punt ta’ fatt ma jippermetti li jiġi konkluż li l-valur tan-negozju [...] ta’ Systran seta’ nbidel mill-2004 lil hawn (ara s-sit u komunikati oħra)”, li, “barra minn hekk u bħala eżempju, huwa magħruf li x-xandir stess tal-eżistenza tat-tilwima minn Systran, permezz tal-istqarrija għall-istampa tagħha tat-18 ta’ Ottubru 2006 fis-6:48 u tar-rapport annwali tagħha tal-2006, kellu konsegwenzi negattivi fuq il-valur tal-grupp”. Fir-rapport annwali ta’ Systran għas-sena 2005 ma saret ebda referenza għal din it-tilwima (ara l-punt 270 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, id-diversi artikli tal-istampa annessi mar-rikors sabiex juru l-kopertura li din il-kawża rċeviet fil-mezzi tax-xandir jiddataw kollha mill-aħħar tas-sena 2005 jew mis-sena 2006.

290    Għaldaqstant, fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata mill-partijiet, ma tistax titwarrab l-ipoteżi li l-valur tal-ishma ta’ Systran fuq il-perijodu kkunsidrat kien jiddependi minn numru kbir ta’ fatturi li setgħu jinfluwenzaw dan il-valur, b’tali mod li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw it-telf kollu fil-valur tal-assi inkorporali ta’ Systran, telf ivvalutat minnhom f’somma ta’ bejn EUR 43 u 45 miljuni mill-2004 lil hawn.

–       Fuq ir-realtà tad-dannu mġarrab minn Systran u r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir tal-Kummissjoni

291    Din il-valutazzjoni inizjali li ma hijiex preċiża biżżejjed ma tistax, madankollu, twassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tinjora l-fatt li l-grupp Systran ġarrab, f’dan il-każ, dannu reali u ċert, imputabbli b’mod suffiċjentement dirett lill-aġir invokat fil-konfront tal-Kummissjoni.

292    Bi tweġiba għat-tieni sensiela ta’ mistoqsijiet, intiża b’mod partikolari sabiex tiġi identifikata l-portata tal-effetti tal-aġir tal-Kummissjoni fuq l-attivitajiet tal-grupp Systran b’mod differenti minn tqabbil mal-valur fis-suq ta’ Systran, ir-rikorrenti kkomunikaw sensiela sħiħa ta’ elementi sabiex juru t-telf fil-valur tan-‘know-how’ ta’ Systran sussegwentement għall-iżvelar tiegħu mill-Kummissjoni.

293    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ppreżentaw żewġ attestazzjonijiet tad-distributuri tagħhom li jispjegaw l-estent tad-dannu effettivament ikkawżat lill-grupp Systran fl-attivitajiet kummerċjali tiegħu mill-attitudni tal-Kummissjoni matul u wara l-għoti tal-kuntratt kontenzjuż. Dan id-dannu jimmaterjalizza fit-telf ta’ klijenti potenzjali u fil-kumplikazzjoni tad-diskussjonijiet mal-klijenti attwali, li ma jarawx għalfejn għandhom iħallsu għal xi ħaga li ma għandha ebda valur għall-Kummissjoni (ara l-attestazzjonijiet ippreżentati f’isem żewġ distributuri bħala annessi mat-tweġiba tar-rikorrenti għat-tieni sensiela ta’ mistoqsijiet).

294    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni (ara l-punt 271 iktar ’il fuq), dawn l-attestazzjonijiet juru l-fatt, li huwa perfettament plawżibbli, li tilwima bejn impriża, li tikkummerċjalizza softwer tal-informatika li hija l-awtriċi tiegħu, u waħda mill-klijenti istituzzjonali tagħha, li tqis li tista’ tikkummissjona xogħlijiet tal-informatika lil terzi fuq softwer idderivat minn softwer preċedenti mingħajr ma tkun meħtieġa tikseb awtorizzazzjoni mingħand l-awtur tax-xogħol oriġinali, tagħmel iktar diffiċli r-relazzjonijiet kummerċjali ta’ din l-impriża mal-klijenti attwali u potenzjali tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tikkritika lil Systran, kumpannija kkwotata fil-Borża, talli indikat lill-pubbliku, inkonformità mal-obbligi tagħha, l-eżistenza ta’ tilwima fir-rigward tal-proprjetà intellettwali tas-softwer tal-informatika kkummerċjalizzat minnha. Bl-istess mod, il-fatt li l-Kummissjoni ma tikkummerċjalizzax softwer tal-informatika ma għandu ebda impatt fuq il-fatt li, minħabba l-aġir tagħha, il-klijenti tal-grupp Systran jista’ jkollhom dubju dwar il-portata eżatta tad-drittijiet ta’ Systran fuq is-softwer tal-informatika kkummerċjalizzat minnha. Għalhekk, ma hemm xejn li jindika li l-attestazzjonijiet prodotti mir-rikorrenti għandhom jiġu mwarrba minħabba l-allegata natura opportuna tagħhom. Għall-kuntrarju, dawn l-attestazzjonijiet juru l-impatt speċifiku tal-aġir tal-Kummissjoni fuq l-attivitajiet kummerċjali ta’ Systran.

295    It-tieni nett, ir-rikorrenti pprovdew diversi attestazzjonijiet jew xhieda miktuba minn kumpanniji finanzjarji li juru li l-aġir tal-Kummissjoni għamel lil Systran inqas attraenti f’għajnejn l-azzjonisti tagħha, f’għajnejn l-investituri attwali jew potenzjali, u wkoll f’għajnejn operaturi interessati li jakkwistawha (ara d-dokumenti ppreżentati f’isem diversi kumpanniji ta’ investiment u ta’ bank bħala annessi mat-tweġiba tar-rikorrenti għat-tieni sensiela ta’ mistoqsijiet).

296    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni (ara l-punt 271 iktar ’il fuq), dawn id-diversi attestazzjonijiet u xhieda jesponu b’mod suffiċjenti bħala provi r-reazzjonijiet ta’ diversi investituri għall-idea li jżommu, jinvestu fi jew jakkwistaw kumpannija li tikkummerċjalizza softwer tal-informatika li d-drittijiet fir-rigward tiegħu huma kkontestati mill-Kummissjoni. B’hekk ċerti investituri rrifjutaw li jinvestu f’Systran. Investitur ieħor iddeċieda li jbiegħ sehem sinjifikattiv b’telf filwaqt li indika espressament li “it-tilwima ta’ Systran mal-Kummissjoni u fuq kollox il-kontestazzjoni minn din tal-aħħar [...] tad-drittijiet u tan-‘know-how’ ta’ Systran jipprekludu lill-kumpannija milli tiżviluppa kummerċjalment u għalhekk iċaħħdu lill-investituri minn kull prospettiva fuq it-titolu”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma hijiex klijent ordinarju iżda klijent istituzzjonali li għandha servizz legali partikolarment mgħammar u li għandha kompetenzi sinjifikattivi fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll in-natura tat-tilwima sa fejn din it-tilwima ma hijiex tilwima ta’ natura sempliċement kummerċjali iżda tikkonċerna d-drittijiet tal-awtur u n-‘know-how’ ta’ Systran dwar is-softwer tal-informatika li għandu isimha u li jikkostitwixxi l-assi l-iktar importanti għal din il-kumpannija, li l-attività tagħha kollha ddur madwar l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tas-softwer ta’ traduzzjoni awtomatika tagħha Systran.

297    F’dan ir-rigward, l-argumenti tal-Kummissjoni li n-natura antikwata tad-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran hija l-kawża tad-diffikultajiet ta’ Systran ma jistgħux jintlaqgħu. Kif jindikaw ir-rikorrenti bi tweġiba għar-raba’ sensiela ta’ mistoqsijiet, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ verżjoni ġdida ta’ softwer ma taffettwax id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-awtur tagħha fuq il-verżjoni preċedenti, li żżomm valur ekonomiku. Il-grupp Systran għadu jislet profitti mill-verżjonijiet preċedenti mingħand il-klijenti tiegħu minħabba l-manutenzjoni, il-bejgħ ta’ liċenzji addizzjonali sabiex jiġu koperti kombinazzjonijiet ġodda ta’ lingwi jew servers oħra, il-bejgħ ta’ prestazzjonijiet ta’ servizzi relatati jew ta’ ftehim ta’ integrazzjoni ma’ edituri oħra ta’ softwer. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw b’mod konvinċenti li l-verżjoni EC-Systran Unix, li tikkorrispondi għall-verżjoni Systran Unix 4, għandha l-istess arkitettura bħall-verżjonijiet segwenti (jiġifieri l-verżjonijiet 5 sa 7). Dawn il-verżjonijiet kollha għandhom kodiċi sors komuni u huma bbażati fuq l-istess softwer, jiġifieri s-softwer Systran fil-verżjoni Unix tiegħu. Dawn id-diversi verżjonijiet ma humiex differenti minħabba l-arkitettura tagħhom iżda minħabba ż-żieda ta’ funzjonijiet ġodda, it-titjib tal-algoritmi ta’ traduzzjoni u l-arrikkiment tar-riżorsi lingwistiċi.

298    It-tielet nett, ir-rikorrenti enfasizzaw li t-telf fil-valur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ Systran marbut mal-aġir tal-Kummissjoni se jikber iktar ma jgħaddi ż-żmien. Huma josservaw li, fil-31 ta’ Diċembru 2008, Systran kellha tikkredita somma kunsiderevoli sabiex tpatti għad-deprezzament tal-assi inkorporali tagħha “fid-dawl tad-dannu kunsiderevoli li jirriżulta mill-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tagħha u mill-iżvelar tan-‘know-how’ tagħha mill-Kummissjoni, tad-diffikultajiet li kellha taffaċċja fl-2008 u tal-instabbiltà eċċezzjonali fis-sitwazzjoni ekonomika attwali” (ara l-attestazzjoni tal-awdituri ta’ Systran tat-13 ta’ Ottubru 2009). Għalhekk, l-aġir tal-Kummissjoni jiġġustifika, minn tal-inqas parzjalment, dan il-kreditu fl-eżerċizzju tal-kontabbiltà.

299    Għandu jiġi kkonstatat li permezz ta’ din l-attestazzjoni jista’ jiġi stabbilit li l-ħlas fuq il-kont ta’ EUR 11.6 miljuni minħabba d-deprezzament tal-assi inkorporali inklużi fl-eżerċizzju tal-kontabbiltà fl-2008 huwa marbut mat-tliet raġunijiet imsemmija f’din l-attestazzjoni, li l-ewwel waħda minnhom hija t-tilwima mal-Kummissjoni. Minkejja l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-punt 271 iktar ’il fuq), li huma intiżi jenfasizzaw raġuni oħra msemmija f’din l-attestazzjoni, jiġifieri l-kriżi finanzjarja eċċezzjonali li bdiet fl-2008, xorta waħda ma jistax jiġi eskluż li tilwima li tikkonċerna l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-iżvelar illegali tan-‘know-how’ ta’ Systran hija ta’ natura li jkollha impatt fuq il-valutazzjoni tal-assi inkorporali ta’ din il-kumpannija.

300    Għaldaqstant, l-aġir tal-Kummissjoni f’dan il-każ għandu rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett mad-dannu mġarrab minn Systran, l-ewwel nett, fuq il-livell kummerċjali minħabba t-telf ta’ klijenti potenzjali u l-kumplikazzjoni tad-diskussjonijiet mal-klijenti attwali, it-tieni nett, fuq il-livell finanzjarju minħabba li għamel lil Systran inqas attraenti f’għajnejn l-azzjonisti, l-investituri u persuni li jistgħu jkunu interessati li jakkwistawha, u, fl-aħħar nett, minħabba li fl-aħħar tas-sena 2008 Systran kellha tinkludi fl-eżerċizzju tal-kontabbiltà parti minn ħlas fuq il-kont ta’ EUR 11.6 miljuni fir-rigward tad-deprezzament tal-assi inkorporali tagħha b’konsegwenza tal-aġir invokat fil-konfront tal-Kummissjoni. Dan id-dannu kkawżat mill-aġir tal-Kummissjoni huwa reali u ċert, kif jirriżulta mid-dokumenti ppreżentati f’dan ir-rigward mir-rikorrenti, minkejja li ma setax jiġi stmat b’mod preċiż. Il-kwistjoni tad-dannu morali hija eżaminata fil-punti 324 u 325 iktar ’il quddiem.

–       Fuq il-valutazzjoni tad-dannu bħala somma waħda

301    F’dan il-kuntest, il-partijiet sarulhom xi mistoqsijiet dwar il-metodu li jista’ jintuża sabiex jiġi vvalutat l-ammont tad-dannu reali u ċert, imputabbli b’mod suffiċjentement dirett lill-aġir tal-Kummissjoni f’din il-kawża.

302    Bi tweġiba għat-tielet sensiela ta’ mistoqsijiet, ir-rikorrenti invokaw il-kontenut tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/48, li jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lid-detentur tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal-kontravvenzjoni.

Meta l-awtoritajiet ġudizzjarji jiffissaw id-danni:

(a)      Għandhom jikkunsidraw l-aspetti xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qliegħ mitluf [lucrum cessans], li [ġarrbet i]l-parti li sarulha d-danni, xi profitti inġusti li saru mill-kontravventur u, f’każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tad-dritt bil-kontravvenzjoni.

jew

(b)      bħala alternattiva għall-(a), huma jistgħu, f’każijiet xierqa, jistabbilixxu d-danni bħala somma waħda fuq bażi ta’ l-elementi bħal għall-inqas l-ammont ta’ royalties jew ħlasijiet li kieku riedu jitħallsu jekk il-kontravventur talab l-awtoriżazzjoni biex juża’ id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali in kwestjoni.

[…]”

303    L-applikazzjoni tal-metodu tal-konsegwenzi ekonomiċi negattivi jqajjem diffikultajiet sostanzjali f’din il-kawża sa fejn l-esperta finanzjarja tal-Kummissjoni topponi sistematikament għat-tentattivi kollha ta’ valutazzjoni magħmula mill-espert finanzjarju tar-rikorrenti. Essenzjalment, P. Tytgat sempliċement tikkritika l-valutazzjonijiet u l-kriterji użati minn A. Martin sabiex jivvaluta d-diversi konsegwenzi ekonomiċi negattivi, u b’mod partikolari l-lucrum cessans, imġarrba minn Systran, mingħajr madankollu ma tagħmel valutazzjoni parallela.

304    Bħala eżempju, meta A. Martin jipprova jagħmel valutazzjoni tad-dannu marbut mat-telf fil-valur tal-assi inkorporali billi jirreferi għall-metodu ssuġġerit minn P. Tytgat matul is-seduta, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf ta’ cash-flow futur strettament iġġenerat mill-assi kkonċernati, huwa jiġi kkritikat talli uża informazzjoni, li tirriżulta mill-analiżi finanzjarja magħmula minn uffiċċju ta’ analiżi, li “l-eżattezza tal-korrelazzjoni” tagħha ma hijiex ipprovata (it-tielet nota finanzjarja tal-Kummissjoni, p. 4). Madankollu, ebda kriterju ta’ sostituzzjoni ma ġie propost, minkejja li A. Martin kien indika li l-analiżi finanzjarja msemmija, imwettqa minn uffiċċju ta’ analiżi indipendenti, kienet saret fl-okkażjoni ta’ proġett ta’ ħruġ ta’ EUR 7 miljuni ta’ bonds b’garanzija li Systran kienet ipprovat toħroġ, mingħajr suċċess, fil-bidu tas-sena 2004, li jikkorrispondi perfettament għall-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni (it-tieni nota finanzjarja tar-rikorrenti, nota ta’ qiegħ il-paġna 2, u l-anness ma’ din in-nota).

305    Bl-istess mod, meta r-rikorrenti jindikaw mingħajr ma jkunu kontradetti b’mod serju mill-Kummissjoni, minn naħa, li d-drittijiet tal-awtur ta’ Systran fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran jikkostitwixxu l-qofol tal-attività ta’ din il-kumpannija u, min-naħa l-oħra, li r-rifjut tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi dawn id-drittijiet huwa ta’ natura li jkollu impatt fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ din il-kumpannija u fuq l-iżvilupp tagħha, P. Tytgat tibqa’ tinsisti fuq valutazzjoni dettaljata u ddokumentata li titlaq minn isfel, “jiġifieri minn kuntratt, miċ-ċentru tal-ispejjeż, minn unità li tiġġenera dħul”, b’tali mod li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-allegati diversi prodotti mibjugħa minn Systran jew l-attivitajiet eżerċitati minn din tal-aħħar, liema attivitajiet jirriżulta li huma madankollu marbuta kollha mal-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tas-softwer Systran (it-tieni nota finanzjarja tal-Kummissjoni, p. 8). Madankollu, meta A. Martin jipprova jivvaluta d-dannu fid-dawl tal-valur ekonomiku tal-kuntratt speċifikament mogħti lil Gosselies mill-Kummissjoni, liema valur jikkorrispondi għal marġni netta stmata bħala 30 % tad-dħul mill-bejgħ effettivament miksub, marġni li hija inqas mill-marġni reali miksuba mill-grupp Systran fuq dan it-tip ta’ kuntratt skont l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti (tweġiba tar-rikorrenti għar-raba’ sensiela ta’ mistoqsijiet, punt 12), din il-valutazzjoni hija kkritikata minn P. Tytgat minħabba li “proposta sabiex il-marġni netta tiġi kkwantifikata fuq il-bażi ta’ kwota fissa tad-dħul mill-bejgħ minn operazzjoni waħda ma hijiex preċiża [...] [sa fejn] kwota fissa tista’ tkun valida biss fuq kampjun ta’ data li għandha valur ta’ prova u li tkun fuq żmien fit-tul” (it-tieni nota finanzjarja tal-Kummissjoni, p. 3, u t-tielet nota finanzjarja tal-Kummissjoni, p. 5). Jekk jiġu segwiti l-osservazzjonijiet tal-esperta finanzjarja tal-Kummissjoni, ikun kważi impossibbli li jiġi vvalutat b’mod konkret id-dannu mġarrab minn Systran minħabba l-aġir tal-Kummissjoni fin-nuqqas ta’ informazzjoni eżawrenti jew suffiċjentement preċiża f’dan ir-rigward, u dan irrispettivament mill-kriterju adottat sabiex titwettaq din il-valutazzjoni.

306    Għaldaqstant, fid-dawl tad-diffikultà sabiex jiġu ddeterminati l-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġu vvalutati l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi mġarrba minn Systran, f’dan il-każ id-dannu għandu jiġi stabbilit bħala somma waħda, skont il-metodu tal-kumpens fil-forma ta’ somma waħda, fuq il-bażi ta’ elementi bħalma huma, minn tal-inqas, l-ammont tal-ħlasijiet jew tar-royalties li kienu jkunu dovuti li kieku l-persuna li wettqet il-kontravvenzjoni talbet l-awtorizazzjoni sabiex tuża d-dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni. Skont dan il-metodu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi esposti hawnhekk.

307    L-ewwel element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa l-ammont tal-ħlasijiet li kienu jkunu dovuti li kieku l-persuna li wettqet il-kontravvenzjoni kienet talbet lil Systran l-awtorizzazzjoni sabiex tuża d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni bl-iskop li twettaq ix-xogħlijiet marbuta mat-titjib, mal-adattamenti u maż-żidiet għar-rutini lingwistiċi elenkati fis-sejħa għal offerti u li kienu jeħtieġu aċċess għall-elementi tal-verżjoni Systran Unix li huma riprodotti fil-verżjoni EC-Systran Unix u li kienu jeħtieġu modifika ta’ dawn l-elementi.

308    Fid-dawl tan-natura ta’ dawn ix-xogħlijiet u għar-raġunijiet esposti b’mod konvinċenti mir-rikorrenti fit-tweġibiet tagħhom għat-tielet u r-raba’ sensiliet ta’ mistoqsijiet, id-determinazzjoni ta’ tali ammont fiss għandha ssir b’referenza għall-prezz ta’ liċenzja li tawtorizza lill-benefiċjarju tagħha jimmodifika l-kodiċi sors tas-softwer u mhux ta’ sempliċi liċenzja sabiex jintuża dan is-softwer. Tali liċenzja sabiex jiġi mmodifikat il-kodiċi sors ma hijiex normali sa fejn ma taqax fil-mudell ekonomiku tradizzjonali tal-edituri ta’ softwer. Fil-fatt, tali liċenzja ċċaħħad lill-editur minn kull possibbiltà li jbiegħ lill-benefiċjarju tal-liċenzja sabiex jitwettqu modifiki liċenzji li jikkonċernaw il-verżjonijiet il-ġodda tas-softwer kif ukoll prestazzjonijiet ta’ servizzi li l-editur normalment ikollu awtorizzazzjoni esklużiva sabiex iwettaq fuq dan is-softwer. Barra minn hekk, tali liċenzja tista’ tipperikola n-‘know-how’ tal-editur peress li tista’ tagħti lok għall-komunikazzjoni tal-kodiċi sors lil terzi. Il-bejgħ ta’ liċenzja sabiex jiġi mmodifikat kodiċi sors li tawtorizza lill-benefiċjarju tagħha jiżviluppa huwa stess is-softwer jammonta, għalhekk, għal rinunzja fir-rigward tad-dħul futur li jista’ jirriżulta mil-liċenzji ta’ użu u li jista’ jinkiseb minn dan is-softwer.

309    F’dan il-kuntest, l-ammont teoretiku ta’ tali liċenzja sabiex jiġi mmodifikat il-kodiċi sors għandu jiġi vvalutat permezz tal-approċċ finanzjarju propost mill-espert finanzjarju tar-rikorrenti fit-tweġiba għat-tielet sensiela ta’ mistoqsijiet. Dan l-approċċ jieħu bħala punt ta’ tluq għad-determinazzjoni tal-prezz teoretiku ta’ liċenzja sabiex jiġi mmodifikat il-kodiċi sors il-prezz ta’ liċenzja annwali sabiex is-softwer Systran jintuża mill-Kummissjoni.

310    F’dan ir-rigward, l-espert finanzjarju tar-rikorrenti, A. Martin, jivvaluta l-prezz ta’ liċenzja annwali sabiex is-softwer Systran jintuża mill-Kummissjoni bħala EUR 760 000. Dan il-prezz ġie vvalutat fuq il-bażi tal-prezz imħallas kull sena minn kumpannija ta’ servizzi fuq l-internet ta’ importanza dinjija għad-dritt li tuża s-softwer Systran, tal-prezz annwali mħallas fil-passat minn żewġ impriżi Amerikani oħra ta’ importanza dinjija, li waħda minnhom tiġġestixxi għodda ta’ riċerka fuq l-internet filwaqt li l-oħra tispeċjalizza fl-edizzjoni ta’ softwer tal-informatika, u tal-prezz ta’ madwar EUR 1.3 miljuni mħallas minn amministrazzjoni nazzjonali li l-importanza tagħha hija minn tal-inqas paragunabbli ma’ dik tal-Kummissjoni għal sempliċi aġġornament li permezz tiegħu setgħet tintuża l-verżjoni 7 ta’ dan is-softwer, minħabba li din l-amministrazzjoni kienet diġà tibbenefika, bħall-Kummissjoni, minn liċenzja ta’ użu perpetwa mingħajr dritt ta’ modifika.

311    Ir-referenzi għal kumpanniji privati magħmula minn A. Martin huma kkritikati mill-esperta finanzjarja tal-Kummissjoni, P. Tytgat, minħabba li dawn huma eżempji li ma humiex xierqa u ma għandhom xejn komuni mat-tariffi li jikkonċernaw lill-Kummissjoni. Fil-fatt, skontha, il-liċenzji invokati huma liċenzji li għandhom konsegwenzi kummerċjali u mhux privati. Il-Kummissjoni ma tużax is-softwer Systran sabiex ittejjeb l-offerta kummerċjali tagħha lill-pubbliku ġenerali iżda sabiex toffrih lil mijiet ta’ uffiċjali. Għalhekk, il-valur meħud bħala punt ta’ tluq għad-definizzjoni tal-prezz ta’ liċenzja sabiex jiġi mmodifikat il-kodiċi sors huwa żbaljat u l-bqija tar-raġunament għandu jiġi injorat.

312    Skont il-Kummissjoni, l-espert finanzjarju tar-rikorrenti kien imissu ħa bħala punt ta’ tluq il-prezz ta’ madwar EUR 15 000 li jikkorrispondi għall-prezz ta’ liċenzja għal użu mhux kummerċjali, intiża għall-amministrazzjonijiet, kif juri l-prezz propost lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) minn distributur ta’ softwer għal liċenzja annwali għas-softwer Systran Enterprise Server 7, Standard Edition (jiġifieri madwar EUR 15 000 għall-użu ta’ dan is-softwer minn 2 500 utent u madwar EUR 15 000 għall-“English World Pack” li jinkludi diversi lingwi, jiġifieri l-Ingliż, l-Għarbi, iċ-Ċiniż, l-Olandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, it-Taljan, il-Ġappuniż, il-Korean, il-Poloniż, il-Portugiż, ir-Russu, l-Ispanjol u l-Isvediż). Il-Kummissjoni tirreferi wkoll, fit-tweġibiet tagħha għat-tielet u għar-raba’ sensiliet ta’ mistoqsijiet, għall-firxa ta’ prezzijiet inkluża bejn EUR 15 000 (sa 100 utent) u EUR 150 000 jew iktar (għal numru mhux speċifikat ta’ utenti u għall-ħtiġijiet kumplessi ta’ impriżi kbar li jeħtieġu integrazzjoni) imsemmija fi stqarrija għall-istampa ta’ Systran fir-rigward tad-diversi tipi ta’ liċenzji għall-użu tas-softwer Systran Enterprise Server 6 (Workgroup Edition, Standard Edition u Global Edition).

313    Għandu jiġi osservat qabel kollox li l-esperti finanzjarji tal-partijiet ma jopponux għall-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prezz ta’ liċenzja annwali għall-użu tas-sofwer Systran mill-Kummissjoni bħala l-punt ta’ tluq għad-determinazzjoni tal-prezz ta’ liċenzja teoretika sabiex jiġi mmodifikat il-kodiċi sors ta’ dan is-softwer, iżda ma jaqblux dwar il-valur li għandu jingħata lil tali liċenzja. Dwar dan il-punt, bħala paragun, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tindika, fit-tweġibiet tagħha għat-tielet u għar-raba’ sensiliet ta’ mistoqsijiet, li l-kumpannija Gosselies tħallset EUR 1 925 280 għat-twettiq tax-xogħlijiet li kienu fdati lilha fuq perijodu ta’ tliet snin, mill-2004 sal-2006. Għaldaqstant, il-kumpannija Gosselies irċeviet medja ta’ EUR 641 760 għal kull waħda minn dawn it-tliet snin għat-twettiq tax-xogħlijiet mitluba mill-Kummissjoni.

314    Fir-rigward tal-kritika mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-prezz tad-diversi liċenzji għall-użu mħallsa annwalment mit-tliet impriżi ta’ importanza dinjija ċċitati mill-espert tar-rikorrenti (ara l-punt 310 iktar ’il fuq), l-eżami tad-dokumenti finanzjarji dwar il-grupp Systran jippermetti li jiġi kkonstatat li l-parti essenzjali tad-dħul ta’ din l-impriża toriġina minn klijenti kbar ħafna. Id-dokument ta’ referenza għas-sena 2008, ippreżentat fid-29 ta’ April 2009 quddiem l-Autorité des marchés financiers Franċiża, jindika fil-fatt li, fl-2004, l-ewwel ħames klijenti tal-grupp Systran kienu jirrappreżentaw 60.9 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, fejn l-ewwel u t-tieni klijenti kienu jiġġeneraw eżattament l-istess somma (jiġifieri sehem ta’ 14.8 %) u li, fl-2008, dawn l-ewwel ħames klijenti kienu jirrappreżentaw 42.3 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha, fejn l-ewwel klijent kien jiġġenera 10.9 % minn dħul mill-bejgħ ta’ EUR 7.6 miljuni, jiġifieri ftit iktar minn EUR 760 000. Għalhekk, dan l-element jista’ jiġi invokat bħala element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-valutazzjoni tal-prezz ta’ liċenzja annwali għall-użu. B’xi mod jew ieħor, dan jista’ jitqies bħala ammont massimu.

315    Għandu jiġi osservat ukoll li, għall-kuntrarju ta’ dak li tagħti x’tifhem il-Kummissjoni, billi tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq id-dokumenti tal-grupp Systran li jagħmlu referenza għal-liċenzji għall-użu tas-softwer Systran Enterprise Server, fil-verżjoni 6 jew 7 tiegħu, din l-impriża ma tidhirx li tiddistribwixxi jew tikkummissjona d-distribuzzjoni ta’ softwer billi tapplika prezz partikolari għall-amministrazzjonijiet. Kif barra minn hekk tirrikonoxxi l-Kummissjoni, il-politika tal-prezz tal-grupp Systran fir-rigward tal-liċenzji għall-użu tas-softwer tagħha tiddependi essenzjalment mill-edizzjoni mibjugħa. Bħala eżempju, meta titqabbel l-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward tal-verżjonijiet 6 u 7 tas-softwer Systran Enterprise Server, l-irħas edizzjoni ta’ dan is-softwer, imsejħa “Workgroup Edition”, li tista’ tintuża minn server ta’ produzzjoni wieħed, bis-sistema operattiva Windows, min-numru ta’ persuni ta’ mhux iktar minn 100, hija disponibbli bi prezz li jibda minn EUR 15 000, l-edizzjoni intermedjarja, imsejħa “Standard Edition”, li tista’ tintuża fuq żewġ servers ta’ produzzjoni, bis-sistemi operattivi Windows u Linux, min-numru ta’ persuni ta’ mhux iktar minn 2 500, hija disponibbli bi prezz li jibda minn EUR 30 000, filwaqt li l-edizzjoni l-iktar żviluppata, imsejħa “Global Edition”, li tista’ tintuża min-numru illimitat ta’ servers ta’ produzzjoni, bis-sistemi operattivi Windows, Linux u Solaris, mingħajr limitazzjoni fir-rigward tan-numru ta’ utenti, hija disponibbli bi prezz li jibda minn EUR 150 000. Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-prezz ta’ liċenzja għall-użu ma jistax jaqbeż is-somma ta’ EUR 150 000, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-prezz imsemmi fuq il-bażi ta’ stqarrija għall-istampa tal-grupp Systran dwar il-verżjoni 6 tas-softwer Systran Enterprise Server jindika b’mod ċar li dan huwa prezz minimu, kif juru l-kliem “jibda minn”. F’dan il-każ, skont kif jindikaw ir-rikorrenti, dan huwa prezz inizjali għal kombinazzjoni ta’ lingwi waħda u għal server wieħed.

316    Fid-dawl ta’ dawn id-diversi argumenti u tad-dokumenti ċċitati insostenn tagħhom, l-ammont ta’ liċenzja annwali ipotetika għall-użu tas-softwer Systran mill-Kummissjoni, użata bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-prezz ta’ liċenzja annwali għall-modifika tal-kodiċi sors, għandu jiġi ffissat bħala EUR 450 000. Fil-fatt, l-ammont propost mill-espert tar-rikorrenti huwa għoli wisq sa fejn, anki jekk il-verżjoni użata mill-Kummissjoni hija offerta lil iktar minn 2 500 utent, dan in-numru huwa effettivament inqas min-numru ta’ utenti fi ħdan it-tliet impriżi ta’ importanza dinjija ċċitati minnu, liema impriżi jikkorrispondu probabbilment għall-ikbar kuntratti ffirmati mill-grupp Systran. Barra minn hekk, l-ammont propost mill-Kummissjoni huwa żgħir wisq minħabba li s-somma ta’ EUR 150 000 tikkorrispondi għal prezz inizjali għas-soluzzjoni mixtieqa mill-Kummissjoni u minħabba li, kif sostnew ir-rikorrenti mingħajr ma ġew ikkontestati mill-Kummissjoni, amministrazzjoni nazzjonali mill-inqas importanti daqs il-Kummissjoni ħallset somma ekwivalenti għal EUR 1.3 miljuni sabiex taġġorna l-verżjoni tas-softwer Systran użata minnha.

317    Fuq il-bażi ta’ dan l-ammont inizjali ta’ EUR 450 000, għandu jiġi ddeterminat l-ammont tal-ħlasijiet li kienu jkunu dovuti li kieku l-persuna li wettqet il-kontravvenzjoni kienet talbet lil Systran awtorizzazzjoni sabiex tuża d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali korrispondenti sabiex twettaq ix-xogħlijiet imsemmija fis-sejħa għal offerti. Bl-applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu propost mill-espert finanzjarju tar-rikorrenti, li ma ġiex ikkontestat b’mod serju mill-Kummissjoni (ara l-punt 319 iktar ’il quddiem), l-ammont tal-ħlas annwali għall-modifika tal-kodiċi sors jista’ jiġi stabbilit b’mod validu bħala darbtejn l-ammont ta’ liċenzja annwali għall-użu, jiġifieri EUR 900 000, u dan fid-dawl, kif jipproponi l-espert finanzjarju tar-rikorrenti, tal-fatt li l-Kummissjoni kellha diġà dritt ta’ użu fuq dan is-softwer u tal-fatt li dan is-softwer ma jintużax mill-pubbliku ġenerali.

318    Għas-snin 2004 sa 2010, l-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet annwali għall-modifika tal-kodiċi sors jista’ għalhekk jiġi stabbilit bħala EUR 7 miljuni (jiġifieri EUR 0.9 miljuni, korrispondenti għall-ammont tal-ħlas annwali għall-modifika tal-kodiċi sors, immultiplikati b’7.76, li tikkorrispondi għall-koeffiċjenti ta’ aġġornament ikkalkulat mill-espert finanzjarju tar-rikorrenti fid-dawl tar-rata bla riskju ta’ 4 % għall-perijodu 2004-2010, jiġifieri total ta’ EUR 6 984 000, arrotondati għal EUR 7 miljuni).

319    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tikkontestax fil-verità l-metodoloġija proposta mill-espert finanzjarju tar-rikorrenti u adottata mill-Qorti Ġenerali. Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni sempliċement ittenni l-affermazzjoni tal-esperta finanzjarja tagħha li tindika biss, bi tweġiba għar-raba’ sensiela ta’ mistoqsijiet, li l-espert tar-rikorrenti “jagħmel kalkoli ta’ kapitalizzazzjoni u mhux ta’ aġġornament fuq perijodi determinati” u li “l-aħjar duttrina finanzjarja tirrakkomanda li l-perijodi ta’ osservazzjoni jinqasmu f’diversi partijiet b’parametri partikolari, u mhux li ssir kapitalizzazzjoni mingħajr distinzjoni”. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-metodoloġija adottata mill-espert finanzjarju tar-rikorrenti ma hijiex ibbażata fuq il-“kapitalizzazzjoni” imsemmija mill-esperta finanzjarja tal-Kummissjoni iżda hija bbażata fuq l-aġġornament tad-data bir-rata bla riskju ta’ 4 % għall-perijodu 2004-2010, li tikkorrispondi għal rata raġonevoli li tista’ tiġi applikata għall-perijodu kkunsidrat. Il-Kummissjoni ma tressaqx raġunijiet rilevanti ta’ natura li jistgħu jispjegaw għalfejn il-Qorti Ġenerali ma tistax tuża dan il-metodu sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-ħlasijiet li kienu jkunu dovuti li kieku kienet talbet mingħand Systran l-awtorizzazzjoni meħtieġa sabiex twettaq ix-xogħlijiet kontenzjużi.

320    It-tieni element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa ammont imsejjaħ “addizzjonali”, li huwa meħtieġ sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi materjali oħra li ma jistgħux jiġu kkumpensati bl-għoti tal-ħlasijiet imsemmija iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-ħlas a posteriori tal-ammont tal-ħlasijiet li kienu jkunu dovuti li kieku l-Kummissjoni kienet talbet mingħand Systran l-awtorizzazzjoni sabiex tuża d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni sabiex twettaq ix-xogħlijiet kontenzjużi ma jistax, waħdu, jikkumpensa d-dannu mġarrab minn din l-impriża mill-2004 lil hawn.

321    F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-dokumenti fil-proċess u b’mod partikolari fid-dawl tad-diversi attestazzjonijiet prodotti mir-rikorrenti sabiex jistabbilixxu l-impatt tal-aġir illegali tal-Kummissjoni fuq l-attività u l-iżvilupp ta’ Systran, għandu jiġi kkunsidrat li l-attività u l-iżvilupp ta’ din l-impriża ntlaqtu kull sena, mill-2004 lil hawn, u dan b’ammont fiss ta’ EUR 650 000 (jiġifieri madwar 6 % tad-dħul mill-bejgħ miksub fl-2003).

322    Dan l-ammont addizzjonali, aġġornat għas-snin 2004 sa 2010, jista’ għalhekk jiġi stabbilit bħala EUR 5 miljuni (jiġifieri EUR 0.65 miljuni, li jikkorrispondu għall-ammont fiss annwali msemmi iktar ’il fuq, immultiplikat b’7.76, li jikkorrispondi għall-koeffiċjenti ta’ aġġustament ikkalkolat mill-espert finanzarju tar-rikorrenti fid-dawl tar-rata bla riskju ta’ 4 % għall-perijodu 2004-2010, jiġifieri total ta’ EUR 5 044 000, arrotondati għal EUR 5 miljuni).

323    Għall-kuntrarju, fid-dawl tad-dokumenti fil-proċess, ma hemmx lok li jiġi aċċettat li f’din il-kawża għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ valutazzjoni fil-forma ta’ somma waħda tad-dannu mġarrab, tad-dannu msejjaħ “futur” ivvalutat mill-espert finanzjarju tar-rikorrenti bħala EUR 15-il miljun. Il-valutazzjoni mogħtija f’dan ir-rigward ma hijiex ibbażata fuq informazzjoni materjali li għandha valur suffiċjenti bħala prova sabiex tiġġustifika l-għoti ta’ dan il-kumpens.

324    L-aħħar element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-valutazzjoni fil-forma ta’ somma waħda tal-ammont tad-danni huwa d-dannu morali mġarrab. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, permezz tal-aġir tagħha, il-Kummissjoni ċaħħdet lil Systran mid-drittijiet li hija setgħet tislet mill-ħolqien tagħha. Dan l-aġir huwa iktar u iktar gravi fid-dawl tal-fatt li, bħala istituzzjoni, il-Kummissjoni hija s-sors ta’ diversi dispożizzjonijiet li jarmonizzaw id-dritt tal-Komunità fil-qasam tad-dritt tal-awtur, dispożizzjonijiet li ma ġewx osservati f’din il-kawża. Għalhekk, hemm lok li Systran tingħata kumpens għad-dannu morali mġarrab minħabba l-aġir tal-Kummissjoni.

325    Madankollu, peress li r-rikorrenti ma tawx raġunijiet għalfejn dan il-kumpens għandu jiġi stabbilit f’somma ta’ minn tal-inqas EUR 2 miljuni, jidher xieraq, fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-danni bħala ammont wieħed, li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas kumpens għad-dannu morali kkawżat mill-aġir tagħha, kumpens ivvalutat bis-somma simbolika ta’ EUR 1 000.

326    Minn dak li ntqal jirriżulta li s-somma waħda ta’ EUR 12 001 000 għandha tingħata lil Systran bħala kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-aġir tal-Kummissjoni, jiġifieri:

–        EUR 7 miljuni li jikkorrispondu għall-ammont tal-ħlasijiet li kienu jkunu dovuti mis-sena 2004 sas-sena 2010 li kieku l-Kummissjoni kienet talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tuża d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ Systran bl-intenzjoni li twettaq ix-xogħlijiet marbuta mat-titjib, mal-adattamenti u maż-żidiet għar-rutini lingwistiċi elenkati fis-sejħa għal offerti, xogħlijiet li kienu jeħtieġu aċċess għall-elementi tal-verżjoni Systran Unix li jinsabu fil-verżjoni EC-Systran Unix tas-softwer Systran u li kienu jeħtieġu li dawn l-elementi jiġu mmodifikati;

–        EUR 5 miljuni li jikkorrispondu għall-ammont addizzjonali, jiġifieri l-impatt li l-aġir tal-Kummissjoni seta’ kellu fuq id-dħul mill-bejgħ miksub minn Systran matul is-snin 2004 sa 2010, u b’mod iktar ġenerali fuq l-iżvilupp ta’ din il-kumpannija;

–        EUR 1 000 bħala kumpens għad-dannu morali.

C –  Fuq il-miżuri l-oħra apparti l-għoti ta’ kumpens għad-danni

1.     L-argumenti tal-partijiet

327    Ir-rikorrenti jsostnu li l-prinċipji ġenerali msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE għandhom jippermettu li jiġi rrimedjat id-dannu diġà kkawżat kif ukoll il-waqfien tal-inċertezza, għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni. Permezz tat-talba tagħhom għall-waqfien immedjat tal-atti ta’ kontravvenzjoni, ir-rikorrenti qegħdin ifittxu li jiżguraw l-effettività tal-eventwali sentenza.

328    Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri mitluba mir-rikorrenti, oltre l-għoti ta’ kumpens finanzjarju, ma jistgħux jiġu adottati mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali ma tistax tindirizza ordni lill-istituzzjonijiet jew tissostitwihom.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

329    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali tordna, l-ewwel nett, il-waqfien immedjat tal-atti ta’ kontravvenzjoni u ta’ żvelar imwettqa mill-Kummissjoni, it-tieni nett, il-konfiska tal-mezzi kollha fil-pussess tal-Kummissjoni u tal-kumpannija Gosselies li fuqhom huma riprodotti l-iżviluppi tal-informatika mwettqa minn din tal-aħħar fuq il-bażi tal-verżjonijiet EC-Systran Unix u Systran Unix bi ksur tad-drittijiet ta’ Systran, kif ukoll ir-ritorn tagħhom lil Systran jew, minn tal-inqas, l-eliminazzjoni tagħhom taħt superviżjoni, u, it-tielet nett, il-pubblikazzjoni tas-sentenza, bi spejjeż tal-Kummissjoni, f’ġurnali u riviżti speċjalizzati, kif ukoll fuq siti tal-internet speċjalizzati magħżula minn Systran.

330    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li istituzzjoni li l-aġir tagħha jiġi ddikjarat illegali għandha l-obbligu tieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali (ara, b’analoġija, l-Artikolu 266 TFUE). Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tislet il-konklużjonijiet neċessarji kollha sabiex tiżgura li d-drittijiet ta’ Systran fuq il-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tax-xogħlijiet li jikkonċernaw il-verżjoni EC-Systran Unix ta’ dan is-softwer u li jippreġudikaw id-dritt tal-awtur u n-‘know-how’ ta’ Systran. Fin-nuqqas ta’ tali teħid inkunsiderazzjoni, u peress li d-dannu kkumpensat f’din il-kawża jgħodd biss sal-perijodu bejn l-2004 u l-ġurnata li fiha tingħata s-sentenza, Systran tista’ tippreżenta rikors ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex titlob kumpens għad-dannu li hija tista’ terġa’ ġġarrab.

331    Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-talba għall-pubblikazzjoni f’diversi ġurnali u riviżti kif ukoll fuq siti tal-internet, il-Qorti Ġenerali llum stess se xxandar stqarrija għall-istampa li tikkonċerna din is-sentenza. Din l-istqarrija għall-istampa tista’, għalhekk, tittieħed u tixxandar fil-mezzi tax-xandir speċjalizzati. B’dan il-mod, ir-rikorrenti se jkollhom deċiżjoni ġudizzjarja li tiddeċiedi dwar l-aġir tal-Kummissjoni fir-rigward tagħhom u stqarrija għall-istampa li tista’ tkun is-suġġett ta’ xandir wiesa’, u dan huwa biżżejjed sabiex jissodisfa l-aspettattivi tagħhom dwar dan il-punt. Din l-istqarrija għall-istampa tippermetti wkoll lill-Qorti Ġenerali tirrimedja in natura d-dannu morali kkostitwit mill-ħsara għar-reputazzjoni ta’ Systran minħabba l-aġir illegali tal-Kummissjoni.

332    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-interessi ta’ Systran huma suffiċjentement protetti mill-kumpens finanzjarju u li ma hemmx lok li jintlaqgħu t-talbiet tagħha għal kumpens in natura.

 Fuq l-ispejjeż

333    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet fir-rigward tat-talbiet essenzjali tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it‑talbiet tar-rikorrenti f’dan is-sens.

334    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-ispejjeż marbuta mal-preparazzjoni tad-diversi dokumenti prodotti mir-rikorrenti sabiex jissostanzjaw il-kontenut tal-atti tagħhom jew sabiex iwieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-aspetti tekniċi tas-softwer Systran (rapport, noti tekniċi u nota ta’ osservazzjonijiet ta’ H. Bitan), l-aspetti legali (opinjoni tal-professur Sirinelli) kif ukoll il-valutazzjoni tad-dannu mġarrab (noti finanzjarji ta’ A. Martin) jikkostitwixxu spejjeż indispensabbli għall-finijiet ta’ din il-proċedura u għandhom għalhekk jitqiesu bħala spejjeż li jistgħu jinġabru fis-sens tal-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lil Systran SA kumpens fil-forma ta’ somma waħda ta’ EUR 12 001 000.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Fuq id-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran

II –  Rendikont dwar il-passat tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet

A –  L-ewwel perijodu: minn Systran Mainframe għal EC-Systran Mainframe

1.  Kuntratti inizjali bejn WTC (u kumpanniji oħra) u l-Kummissjoni

2.  Kuntratt ta’ kollaborazzjoni bejn il-grupp Systran u l-Kummissjoni

B –  It-tieni perijodu: minn Systran Unix għal EC-Systran Unix

C –  It-tielet perijodu: li jibda bis-sejħa għal offerti tal-4 ta’ Ottubru 2003

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà

A –  Fuq it-talba intiża li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni għall-kumpens tad-dannu allegat

1.  Fuq il-bażi tar-rikors

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Osservazzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni fil-qasam kuntrattwali u mhux kuntrattwali

Eżami tat-talba għad-danni mressqa mir-rikorrenti

Eżami tal-elementi invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni kuntrattwali sabiex tiżvela lil terzi informazzjoni li tista’ tkun protetta taħt id-dritt tal-awtur u bħala ‘know-how’

2.  Fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tar-rikors

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata kontravvenzjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni fuq bażi mhux kuntrattwali

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq it-talbiet l-oħra

II –  Fuq il-mertu

A –  Fuq id-drittijiet invokati mir-rikorrenti u l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni

1.  Fuq il-paragun tad-diversi verżjonijiet tas-softwer Systran

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq l-illegalità tal-aġir tal-Kummissjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

Fuq il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-awtur

Fuq id-drittijiet invokati bħala ‘know-how’

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq id-drittijiet invokati mir-rikorrenti fir-rigward tal-verżjoni Systran Unix tas-softwer Systran

Fuq l-affermazzjoni li d-drittijiet miżmuma mill-Kummissjoni jippermettulha tinjora d-dritt ta’ oppożizzjoni tar-rikorrenti

Fuq in-natura tax-xogħlijiet fdati mill-Kummissjoni lil terzi

B –  Fuq id-dannu mġarrab u fuq ir-rabta kawżali

1.  Fuq id-dannu mġarrab minn Systran Luxembourg u fuq ir-rabta kawżali

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq id-dannu mġarrab minn Systran u fuq ir-rabta kawżali

a)  L-argumenti tal-partijiet

Fuq id-diversi forom ta’ dannu, ir-realtà tiegħu u r-rabta kawżali

Fuq il-valutazzjoni inizjali tat-telf fil-valur tal-assi inkorporali

Fuq il-valutazzjonijiet l-oħra tad-dannu

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq id-deprezzament tat-titoli ta’ Systran Luxembourg

Fuq it-telf fil-valur tal-assi inkorporali

–  Fuq il-valutazzjoni inizjali proposta mir-rikorrenti

–  Fuq ir-realtà tad-dannu mġarrab minn Systran u r-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir tal-Kummissjoni

–  Fuq il-valutazzjoni tad-dannu bħala somma waħda

C –  Fuq il-miżuri l-oħra apparti l-għoti ta’ kumpens għad-danni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.