DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
8 ta’ Novembru 2007
Kawża F-50/07 AJ
Valentina Hristova
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Għajnuna legali”
Suġġett: Talba li permezz tagħha V. Hristova titlob li tgawdi mill-benefiċċju tal-għajnuna legali, skond l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fid-data tal-preżentata tat-talba għal għajnuna legali, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU L 333, p. 7), sabiex tressaq rikors li għandu bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni tal-bord ta’ l-eżaminaturi tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/14/06, tat-3 ta’ April 2007, li ma tilqax il-kandidatura tagħha għall-imsemmija kompetizzjoni organizzata mill-Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (EPSO) għat-twaqqif ta’ lista ta’ riżerva ta’ reklutaġġ ta’ assistenti ta’ ċittadinanza Bulgara fil-qasam tas-segretarjat (ĠU C 145 A, p. 22).
Deċiżjoni: Il-benefiċċju tal-għajnuna legali jintlaqa’ fil-konfront tar-rikorrenti. Somma li tammonta għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti għandha titħallas lill-avukati inkarigati sabiex jassistuha legalment, wara li tingħata prova ta’ l-infieq, li ma taqbiżx EUR 1000 għall-proċedura bil-miktub u EUR 1000 għall-proċedura orali. Angel Kerelov u Georgi Kerelov ġew inkarigati bħala avukati sabiex jirrappreżentaw lir-rikorrenti.
Sommarju
Proċedura – Talba għal għajnuna legali bla ħlas – Kundizzjonijiet għall-għoti
(Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikoli 94(1) sa(3), u 96(3); Deciżjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))