Staff case summary

Staff case summary

Sommarju

1. Uffiċjali – Kollokament fl-interess tas-servizz

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 37)

2. Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat kontra ċ-ċaħda ta’ kandidatura għal pożizzjoni ta’ kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni – Kandidatura miċħuda fl-istadju tal-preselezzjoni – Ammissibbiltà

1. In-“natura politika u sensittiva” tal-funzjonijiet imwettqa mill-kapijiet ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni ma hijiex biżżejjed fiha nfisha sabiex tiġġustifika rikors għall-pożizzjoni ta’ kollokament ta’ uffiċjal. Tali interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 twassal sabiex jiġi permess il-kollokament ma’ kummissarji rispettivi tal-uffiċjali kollha li jeżerċitaw funzjonijiet “politiċi u sensittivi” fi ħdan l-istituzzjoni li normalment jitwettqu minn persunal ta’ grad għoli u għalhekk tippreġudika l-istruttura stess tas-servizz pubbliku Ewropew, kif stabbilita fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tippreġudika, b’mod partikolari, it-trasparenza tar-relazzjonijiet ġerarkiċi.

Barra minn hekk, kollokament fl-interess tas-servizz ma’ “persuna li żżomm uffiċċju pprovdut fit-Trattati” jimplika l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka intuitu personae bejn din tal-aħħar u l-uffiċjal kollokat, liema relazzjoni timplika li jistgħu b’mod permanenti jitfasslu relazzjonijiet diretti u stretti bejn il-persuni kkonċernati, ibbażati fuq il-metodi ta’ xogħol partikolari tal-membru kkonċernat u tal-kabinett kollu tiegħu. Il-fatt li rapporti magħmula mill-kap ta’ rappreżentanza jiġu direttament indirizzati lill-kummissarju responsabbli, li kuntatti telefoniċi, skambju ta’ posta elettronika jew laqgħat li seħħew bejn il-kap ta’ rappreżentanza u l-kummissarju jew il-membri tal-kabinett tiegħu, jew anki li l-kontenut ta’ dawn l-iskambji jkun kunfidenzjali, ma jippermettux, fihom infushom, li jistabbilixxu n-natura intuitu personae tar-relazzjoni professjonali bejn il-kummissarju u l-kap ta’ rappreżentanza.

L-applikabbiltà tat-tieni inċiż tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal tiddependi biss mill-kundizzjonijiet inklużi f’din id-dispożizzjoni, u bl-ebda mod mill-konsegwenzi amministrattivi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħha. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra tippermetti rikors għall-Artikolu 37 tar-Regolamenti tal-Persunal għal għan differenti minn dak li għalih ġie previst u għalhekk li jiġġustifika żvijar tal-proċedura.

(ara l-punti 64, 67, 69 u 71)

2. Il-fatt li l-kandidatura tar-rikorrent għal pożizzjoni ta’ kap ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni ġiet eliminata fl-istadju ta’ preselezzjoni ma jċaħħadx lil tali rikorrent minn kull interess li jikkontesta r-regolarità tal-proċedura ta’ reklutaġġ li segwiet meta l-evalwazzjoni tal-bordijiet ta’ preselezzjoni ma setgħetx tantiċipa l-evalwazzjoni finali tal-Awtorità tal-Ħatra. Barra minn hekk, tali rikorrent iżomm interess ġuridiku sabiex l-illegalità inkwistjoni ma terġax isseħħ fil-kuntest ta’ proċedura analoga ta’ selezzjoni.

(ara l-punt 75)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 50

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Lulju 2005, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, T‑370/03, ĠabraSP p. I‑A‑189 u II‑853, punt 20