SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Settembru 2007

Kawża F-10/07

Patricia Botos

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Ħlas ta’ spejjeż mediċi – Marda serja – Kumitat ta’ tmexxija – Perizja medika”

Suġġett: Rikors imressaq taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu P. Botos titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Ottubru 2006, li tiċħad l-ilment tagħha fil-konfront ta’ diversi deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet li jiġġestixxu l-iskema konġunta ta’ l-assigurazzjoni għall-mard ta’ l-istituzzjonijijiet tal-Komunitajiet Ewropej, li rrifjutaw li jirrikonoxxu l-kundizzjoni tagħha (sindrome ta’ għeja kronika) bħala marda sejra li ttiha d-dritt għal rimbors ta’ 100 % ta’ l-ispejjeż sostnuti u għar-rimbors ta’ ċerti spejjeż ta’ analiżi kif ukoll tal-prodott Lactas fi kwantità ta’ iktar minn għaxar kaxxi fis-sena, u, min-naħa l-oħra, l-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ rifjut.

Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Jannar 2006 u tat-30 ta’ Ottubru 2006 huma annullati safejn jirrifjutaw li jirrimborsaw lir-rikorrenti għall-analiżi magħmula minn RED Laboratories u Ategis skond ir-rata normali ta’ l-iskema konġunta ta’ l-assigurazzjoni għall-mard ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tagħha. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u terz ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Marda serja – Rifjut ta’ rikonoxximent – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72(1))

2.      Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Assigurazzjoni għall-mard – Spejjeż mediċi – Rimbors – Rifjut – Trattament ikkunsidrat bħala li ma jaħdimx jew li mhuwiex neċessarju – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 72(1); Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-mard, Artikolu 20(3) u (4))

1.      Ir-rimedji previsti mir-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux, bħala prinċipju, jintużaw sabiex jiddaħħlu in kwistjoni l-evalwazzjonijiet mediċi fil-veru sens tal-kelma, li għandhom jitqiesu bħala definittivi meta jsiru f’kundizzjonijiet regolari. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku la għandu jeżamina jekk il-kundizzjonijiet speċifiki li fihom twettaq eżami mediku humiex konformi ma’ l-aħjar prattiċi mediċi, la jekk dawn humiex l-aħjar sabiex jiżvelaw l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, u lanqas jekk dijanjosi mogħtija minn tabib dwar l-istat mentali ta’ uffiċjal hijiex ġustifikata. Mingħajr ma jiddaħħlu in kwistjoni l-evalwazzjonijiet mediċi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu madankollu jeżamina jekk l-Awtorità tal-Ħatra, meta rrifjutat li tirrikonoxxi li l-kundizzjoni tar-rikorrenti kienet marda serja, evalwatx b’mod korrett il-fatti u jekk applikatx b’mod eżatt id-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

Għaldaqstant huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-kuntest ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju limitat li huwa d-dover tiegħu li jwettaq fejn jidħol suġġett mediku, li għandu jeżamina jekk, sabiex tirrifjuta li tikkwalifika marda bħala marda serja, l-awtorità kompetenti, minn naħa, ibbażatx ruħha effettivament fuq il-kriterji li din il-kwalifika hija suġġetta għalihom u, min-naħa l-oħra, wettqitx żball manifest meta mill-konstatazzjonijiet mediċi mressqa quddiemha, li fuqhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jiddeċiedi sakemm l-amministrazzjoni ma tiżnaturax il-portata tagħhom, ikkonkludiet li dawn il-kriterji ma kinux sodisfatti b’mod kumulattiv.

(ara l-punti 39 sa 41)

Referenzi:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 19 ta’ Jannar 1988, Biedermann vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, 2/87, Ġabra p. 143, punt 8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Marzu 1993, Blackman vs Il-Parlament, T‑33/89 u T‑74/89, Ġabra p. II‑249, punt 44; 7 ta’ Novembru 2002, G vs Il-Kummissjoni, T‑199/01, ĠabraSP p. I‑A‑217 u II‑1085, punt 59; 12 ta’ Mejju 2004, Hecq vs Il‑Kummissjoni, T‑191/01, ĠabraSP p. I‑A‑147 u II‑659, punt 63

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 28 ta’ Ġunju 2006, Beau vs Il-Kummissjoni, F‑39/05, ĠabraSP p. I-A-1-51 u II-A-1-175, punt 74; 13 ta’ Diċembru 2006, De Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni, F‑17/05, ĠabraSP p. I-A-1-149 u II‑A-1-577, punt 85

2.      Il-membri ta’ l-iskema konġunta ta’ l-assigurazzjoni għall-mard ta’ l-istituzzjonijijiet tal-Komunitajiet Ewropej (SKAM) m’għandhomx dritt awtomatiku għar-rimbors ta’ l-ispejjeż mediċi kollha tagħhom. Fill-fatt, sabiex jiġi assigurat l-ekwilibriju finanzjarju ta’ l-iSKAM, l-istituzzjonijiet ipprovdew b’mod partikolari, fir-Regoli dwar l-assigurazzjoni għall-mard għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, xi każijiet fejn jiġi rrifjutat ir-rimbors ta’ ċerti kategoriji ta’ spejjeż mediċi jew kundizzjonijiet speċifiċi sabiex il-membru jkun intitolat għar-rimbors ta’ ċerti servizzi. B’hekk, l-Artikolu 20(3) ta’ dawn ir-regoli jipprovdi li l-ispejjeż marbuta mat-trattamenti kkunsidrati bħala li ma jaħdmux jew li mhumiex neċessarji mill-uffiċċju responsabbli għall-ħlas, wara parir ta’ l-uffiċjal mediku, ma jagħtux lok għal rimbors. Bl-istess mod, skond l-Artikolu 20(4) ta’ l-istess test, ir-rimbors tas-servizzi mhux previsti mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni huwa biss fakultattiv għall-iSKAM u huwa, f’kull każ, limitat għal 80 %, u dan wara li jittieħed parir mingħand l-uffiċjal mediku ta’ l-uffiċċju responsabbli għall-ħlas.

Konsegwentement, għalkemm membru ta’ l-iSKAM jista’ leġittimament jikkunsidra li l-ispejjeż mediċi tiegħu se jkunu, bħala prinċipju, rimborsati fil-limiti previsti fl-Artikolu 72(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rimbors ta’ ċerti spejjeż jista’ madankollu jiġi legalment irrifjutat mill-uffiċċju responsabbli għall-ħlas jekk, wara li jieħu l-parir ta’ l-uffiċjal mediku u, eventwalment wara li jieħu l-parir ta’ konsulent mediku, l-imsemmi uffiċċju jqis li dawn l-ispejjeż jirrigwardaw trattament jew servizzi li l-validità xjentifika tagħhom mhijiex stabbilita. Fil-fatt, huwa kompletament ġustifikat li l-ispejjeż tat-trattament jew tas-servizzi, li l-utilità terapewtika jew il-kredibbiltà tagħhom bħala mezzi ta’ dijanjosi huma kkontestati xjentifikament, ma jkunux koperti mill-iSKAM, li l-finanzjament tagħha jaqa’ fuq il-membri u fuq l-istituzzjonijiet.

Huwa bil-għan li jiġu evitati dibattiti bla tmiem u mingħajr soluzzjoni bejn l-esperti li l-evalwazzjonijiet imwettqa f’dan il-kuntest ġew fdati lill-awtoritajiet mediċi ta’ l-iSKAM, jiġifieri l-uffiċjali mediċi u l-konsulent mediku, li hija r-responsabbiltà tagħhom li jiddeċiedu fuq il-bażi tal-letteratura xjentifika, jekk ikun il-każ wara parir ta’ speċjalisti jew ta’ esperti mediċi fis-settur ikkonċernat.

F’tali kuntest, fejn il-membru ma jistax jippretendi li għandu dritt għar-rimbors ta’ l-ispejjeż li huwa jkun ippreżenta lill-iSKAM, u fid-dawl tan-natura limitata ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju mwettaq mill-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet purament mediċi, il-membru ma jistax idaħħal in kwistjoni b’mod validu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku rifjut ta’ rimbors ibbażat fuq in-nuqqas ta’ validità xjentifika ta’ trattament jew ta’ servizz sakemm ma jistabbilixxix l-eżistenza ta’ żball manifest li dan il-motiv huwa vvizzjat bih.

Huwa milqut b’tali żball rifjut ta’ rimbors ta’ spejjeż ta’ analiżi meta ebda metodu ta’ dijanjosi barra l-imsemmija analiżi ma jista’ jkollu validità ogħla u meta d-dijanjosi li dawn l-analiżi wasslu għaliha ġiet aċċettata mill-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punti 62 sa 76)